EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0679

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Marzu 2020.
OPR-Finance s.r.o. vs GK.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Okresní soud v Ostravě.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur – Artikolu 8 – Obbligu tal-kreditur li jivverifika l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Possibbiltà li tiġi invokata l-preskrizzjoni kontra l-eċċezzjoni ta’ nullità tal-kuntratt imqajma mill-konsumatur – Artikolu 23 – Sanzjonijiet – Natura effettiva, proporzjonata u dissważiva – Qorti nazzjonali – Eżami ex officio tal-osservanza tal-imsemmi obbligu.
Kawża C-679/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:167

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

5 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur – Artikolu 8 – Obbligu tal-kreditur li jivverifika l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Possibbiltà li tiġi invokata l-preskrizzjoni kontra l-eċċezzjoni ta’ nullità tal-kuntratt imqajma mill-konsumatur – Artikolu 23 – Sanzjonijiet – Natura effettiva, proporzjonata u dissważiva – Qorti nazzjonali – Eżami ex officio tal-osservanza tal-imsemmi obbligu”

Fil-Kawża C‑679/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresní soud v Ostravě (il-Qorti Distrettwali ta’ Ostrava, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura

OPR‑Finance s. r. o.

vs

GK,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u S. Šindelková, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, P. Barros da Costa, J. Marques u C. Farto, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin u P. Němečková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2011, L 234, p. 46, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2009, L 207, p. 14).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn OPR‑Finance s. r. o. u GK rigward talba għal ħlas ta’ somom li għadhom dovuti taħt kuntratt ta’ kreditu li l-imsemmija kumpannija kienet tat lil din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 7, 9, 26, 28 u 47 tad-Direttiva 2008/48 huma fformulati kif ġej:

“(7)

Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. […]

[…]

(9)

Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, tali restrizzjoni għandha tapplika biss fejn hemm dispożizzjonijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali. […] Eżempju ieħor ta’ din il-possibbiltà għall-Istati Membri jista’ jkun li jinżammu jew jiġu introdotti dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-kanċellazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija jew il-forniment ta’ servizzi jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu li jirtira mill-ftehim ta’ kreditu. […]

[…]

(26)

[…] Fis-suq ta’ kreditu li qed jikber huwa, b’mod partikolari, importanti li l-kredituri jiddeżistu milli a jimpenjaw ruħhom f’self irresponsabbli jew jagħtu kreditu qabel ma jivvalutaw l-affidabbilità finanzjarja, u l-Istati Membri għandhom jwettqu s-superviżjoni meħtieġa biex tiġi evitata tali mġieba u għandhom jiddeterminaw il-mezzi meħtieġa biex jissanzjonaw lil kredituri fil-każ fejn dan jiġri. […] [I]l-kredituri għandhom iġorru ir-responsabbiltà li jivverifikaw individwalment is-solvibbiltà tal-konsumatur. Għal dan il-għan huma għandhom ikunu permessi li jużaw informazzjoni provduta mill-konsumatur mhux biss matul it-tħejjija tal-ftehim ta’ kreditu konċernat, iżda anki matul relazzjoni kummerċjali li tkun ilha teżisti. L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu wkoll struzzjonijiet u linji gwida adatti lill-kredituri. Il-konsumaturi għandhom jaġixxu wkoll bi prudenza u jirrispettaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom.

[…]

(28)

Sabiex jivvaluta l-istatus ta’ kreditu ta’ konsumatur, il-kreditur għandu wkoll jikkonsulta databases rilevanti; iċ-ċirkostanzi legali u attwali jistgħu jirrikjedu li tali konsultazzjonijiet ivarjaw fil-profondità. […]

[…]

(47)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjoniali adottati f’konformita’ ma’ din id-Direttiva u jiżguraw li jiġu implimentati. Filwaqt li l-għażla tal-penali tibqa’ fid-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri, il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

4

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligu li tiġi vvalutata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, il-kreditur jivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, fejn ikun il-każ miksuba mill-konsumatur u, fejn ikun meħtieġ, abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti. L-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni fil-preżent diġà tirrikjedi li l-kredituri jivvalutaw l-affidabilità finanzjarja tal-konsumaturi fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti jistgħu jżommu dan ir-rekwiżit.”

5

L-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Penali”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.”

Id-dritt Ċek

Il-Liġi Nru 257/2016 dwar il-Kreditu għall-Konsumatur

6

Id-Direttiva 2008/48 ġiet trasposta fid-dritt Ċek permezz taż-Zákon č. 257/2016 Sb., o spotřebitelském úvěru (il-Liġi Nru 257/2016 dwar il-Kreditu għall-Konsumatur).

7

L-Artikolu 86 ta’ din il-liġi, intitolat “Evalwazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur”, jipprevedi:

“(1)   Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur jew qabel ma ssir bidla fl-obbligi li jirriżultaw minn tali kuntratt u li tirriżulta f’żieda sinjifikattiva fl-ammont totali ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur għandu jevalwa l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur, fuq il-bażi ta’ informazzjoni meħtieġa, affidabbli, suffiċjenti u proporzjonata, ipprovduta mill-konsumatur u, fejn neċessarju, billi jikkonsulta database li tippermetti evalwazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur, jew minn sorsi oħra. Il-kreditur għandu jagħti kreditu lill-konsumatur biss jekk l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur ma tirriżultax f’dubju raġonevoli dwar il-kapaċità tal-konsumatur li jirrimborsa l-kreditu.

(2)   Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur, il-kreditur għandu jevalwa b’mod partikolari l-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jagħmel ir-rimborsi regolari miftiehma tal-kreditu għall-konsumatur, u dan abbażi ta’ tqabbil bejn id-dħul u l-infiq tal-konsumatur u abbażi tal-osservanza tad-dejn eżistenti. Huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-beni biss jekk mill-kuntratt konkluż ma’ konsumatur jirriżulta li l-kreditu għall-konsumatur għandu jiġi rrimborsat parzjalment jew kollu kemm hu permezz tal-qligħ mill-bejgħ tal-beni tal-konsumatur u mhux permezz ta’ ħlasijiet regolari, jew jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur turi li huwa ser ikun jista’ jirrimborsa l-kreditu għall-konsumatur indipendentement mill-qligħ tiegħu.”

8

L-Artikolu 87 tal-imsemmija liġi, intitolat “Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi evalwata l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta l-kreditur jagħti kreditu għall-konsumatur lill-konsumatur bi ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 86(1), il-kuntratt huwa null. Il-konsumatur jista’ jinvoka n-nullità f’terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt. Il-konsumatur huwa obbligat jirrimborsa l-ammont tal-kreditu għall-konsumatur li ngħata lilu f’perijodu proporzjonat mal-kapaċità finanzjarja tiegħu.”

Il-Liġi Nru 89/2012 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili

9

L-Artikolu 586 taż-zákon č. 89/2012 Sb., občanský zákoník (il-Liġi Nru 89/2012 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili), jipprevedi:

“(1)   Meta n-nullità ta’ att ġuridiku tkun prevista sabiex tipproteġi l-interessi ta’ persuna speċifika, din il-persuna biss tista’ tinvoka n-nullità tiegħu.

(2)   Jekk in-nullità tal-att ġuridiku ma tiġix invokata mill-persuna awtorizzata, l-att ġuridiku għandu jiġi kkunsidrat validu.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Fil-21 ta’ April 2017, GK ikkonkludiet ma’ OPR‑Finance, b’kuntratt mill-bogħod, ftehim ta’ kreditu li jiġġedded, li abbażi tiegħu din tal-aħħar ipprovdiet somma ta’ 4900 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 192) lil tal-ewwel.

11

Peress li GK ma għamlitx il-pagamenti dovuti, OPR‑Finance, fis-7 ta’ Ġunju 2018, ressqet il-kawża quddiem l-Okresní soud v Ostravě (il-Qorti Distrettwali ta’ Ostrava, ir-Repubblika Ċeka), sabiex GK tiġi kkundannata tħallas somma ta’ CZK 7839 (madwar EUR 307) flimkien mal-interessi moratorji mill-1 ta’ Ottubru 2017 sal-pagament sħiħ ta’ din is-somma.

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, minn naħa, OPR‑Finance ma affermatx, u wisq inqas ipproduċiet il-prova, li, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, hija kienet evalwat l-affidabbiltà kreditizja tal-persuna li ssellfet.

13

Min-naħa l-oħra, GK ma eċċepietx in-nullità tal-kuntratt li tirriżulta minn dan il-fatt. Issa, skont l-Artikolu 87(1) tal-Liġi Nru 257/2016 dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, is-sanzjoni tan-nullità tal-kreditu tapplika biss fuq it-talba tal-konsumatur. Il-qorti tar-rinviju tqis li tali regola tmur kontra l-protezzjoni tal-konsumatur, hekk kif hija ggarantita permezz tad-Direttiva 2008/48.

14

F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Ċeki u skont il-kummentarji Ċeki, il-qorti nazzjonali hija pprojbita milli tapplika ex officio s-sanzjoni ta’ nullità relattiva li tirriżulta mill-Artikolu 87(1) tal-Liġi Nru 257/2016 dwar il-Kreditu għall-Konsumatur. It-tieni nett, skont l-imsemmija qorti, huwa estremament rari li l-konsumaturi, li, fil-parti l-kbira tat-tilwimiet fil-qasam tal-kreditu għall-konsumatur ma humiex irrappreżentati minn avukat, iqajmu eċċezzjoni ta’ nullità tal-kuntratt abbażi tal-fatt li l-kreditur ma jkunx evalwa l-affidabbiltà kreditizja tagħhom.

15

Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-Direttiva 2008/48, li tkun timplika li l-qorti nazzjonali għandha tapplika ex officio s-sanzjoni prevista fl-Artikolu 87(1) tal-Liġi Nru 257/2016 dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, twassalx għal interpretazzjoni contra legem.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresní soud v Ostravě (il-Qorti Disrettwali ta’ Ostrava) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 8 u tal-Artikolu 23 tad-Direttiva [2008/48] […] jipprekludu leġiżlazzjoni li, f’każ ta’ ksur tal-obbligu li jaqa’ fuq il-kreditur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, li jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, tipprevedi bħala sanzjoni n-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu flimkien mal-obbligu għall-konsumatur li jħallas lura lill-kreditur il-kapital f’terminu propozjonat mal-possibbiltajiet tiegħu, din is-sanzjoni (nullità tal-kuntratt ta’ kreditu) tapplika biss jekk il-konsumatur jinvokaha (jiġifieri li jeċċepixxi min-nullità tal-kuntratt) f’terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin?

2)

Id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 8 u tal-Artikolu 23 tad-Direttiva [2008/48] […] huma l-bażi tal-obbligu għal qorti nazzjonali li tapplika ex officio (jiġifieri anki jekk il-konsumatur ma jitlobhiex attivament) is-sanzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-ksur, mill-kreditur, tal-obbligu tiegħu li jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur?”

Fuq id-domandi preliminari

17

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Artikolu 23 ta’ din, għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, huwa jeżiġi li qorti nazzjonali teżamina ex officio l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu prekuntrattwali tal-kreditur li jevalwa l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur, previst fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, u li tiddeduċi l-konsegwenzi li jirriżultaw fid-dritt nazzjonali minn ksur ta’ dan l-obbligu u, min-naħa l-oħra, fis-sens li huwa jipprekludi sistema nazzjonali li taħtha tali ksur jiġi ssanzjonat permezz tan-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, flimkien mal-obbligu għal dan il-konsumatur li jirrimborsa lill-imsemmi kreditur is-somma prinċipali f’perijodu proporzjonat mal-kapaċità finanzjarja tiegħu, biss bil-kundizzjoni li l-imsemmi konsumatur jinvoka din in-nullità u jagħmel dan f’terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin.

18

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret bosta drabi l-obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio l-ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-konsum (sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19

Tali rekwiżit huwa ġġustifikat permezz tal-kunsiderazzjoni li s-sistema ta’ protezzjoni hija bbażata, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew il-fornitur f’dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, u din hija sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut ta’ dawn (sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 28 ta’ din, jirriżulta li, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu, il-kreditur huwa obbligat li jevalwa l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur, u dan l-obbligu jista’, jekk ikun il-każ, jinkludi l-konsultazzjoni tad-databases rilevanti. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmi obbligu huwa intiż, skont il-premessa 26 ta’ din id-direttiva, sabiex il-kreditur iġorr ir-responsabbiltà u jiġi evitat li dan tal-aħħar jagħti kreditu lil konsumaturi li ma għandhomx affidabbiltà kreditizja.

21

Barra minn hekk, tali obbligu, sa fejn huwa intiż sabiex jipproteġi lill-konsumaturi mir-riskji ta’ dejn eċċessiv u ta’ insolvenza, jgħin sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2008/48, li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 7 u 9 ta’ din, f’li tiġi prevista, fil-qasam ta’ kreditu għall-konsumaturi, armonizzazzjoni kompleta u imperattiva f’numru speċifiku ta’ oqsma ċentrali, li titqies bħala neċessarja sabiex jiġi żgurat lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern tal-kreditu għall-konsumatur li jiffunzjona tajjeb (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 42). Għaldaqstant, dan l-obbligu huwa, għall-konsumatur, ta’ importanza fundamentali.

22

Barra minn hekk, hemm riskju sinjifikattiv li, b’mod partikolari minħabba li ma jkunx jaf, il-konsumatur ma jinvokax ir-regola ta’ dritt intiża sabiex tipproteġih (sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, li jgħin ukoll għat-twettiq tal-għan ta’ din id-direttiva, kif imfakkar fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, il-protezzjoni effettiva tal-konsumatur ma tkunx tista’ tintlaħaq jekk il-qorti nazjonali ma tkunx marbuta, ladarba jkollha l-elementi ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, li teżamina ex officio l-obbligu tal-kreditur, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punti 6670).

24

Minbarra dan, meta l-qorti nazzjonali tkun ikkonstatat ex officio l-ksur ta’ dan l-obbligu, hija għandha, mingħajr ma tistenna li l-konsumatur iressaq talba f’dan is-sens, tiddeduċi l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw, skont id-dritt nazzjonali, minn tali ksur, bil-kundizzjoni li jiġi osservat il-prinċipju ta’ kontradittorju u bil-kundizzjoni li s-sanzjonijiet stabbiliti minnu josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punti 71, 7374). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jipprevedi, minn naħa, li s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva għandha tiġi ddefinita b’mod li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati kif ukoll dissważivi u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha li huma neċessarji sabiex jagħmlu mod li dawn jiġu applikati. F’dawn il-limiti, l-għażla tal-imsemmija sistema ta’ sanzjonijiet titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 43).

25

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita rigward il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, filwaqt li jżommu l-għażla tas-sanzjonijiet, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġi ssanzjonat f’kundizzjonijiet, kemm sostantivi kif ukoll proċedurali, li jkunu analogi għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali li jkun ta’ natura u ta’ importanza simili u li, f’kull każ, huma għandhom jagħmlu s-sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħruxija tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li fir-rigward tiegħu jiġu imposti, b’mod partikolari billi jiġi żgurat effett dissważiv, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għandu jingħad ukoll li huma l-qrati nazzjonali, li huma l-uniċi li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jinterpretaw u japplikaw id-dritt nazzjonali, li għandhom jaraw li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, l-imsemmija sanzjonijiet jissodisfaw tali rekwiżiti u jkunu ta’ natura effettiva, proporzjonata u dissważiva.

28

Il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, madankollu, tagħti kjarifiki intiżi sabiex jiggwidaw lill-imsemmija qrati fl-evalwazzjoni tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras, C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan il-każ, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-ksur tal-obbligu prekuntrattwali tal-kreditur li jevalwa l-affidabbiltà kreditizja tal-persuna li tissellef, impost fl-Artikolu 86 tal-Liġi Nru 257/2016 dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, huwa ssanzjonat, skont l-Artikolu 87 ta’ din il-liġi, bin-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, flimkien mal-obbligu għall-konsumatur li jirrimborsa lill-kreditur biss is-somma prinċipali f’perijodu proporzjonat mal-kapaċità finanzjarja tiegħu, bil-kundizzjoni li dan il-konsumatur jinvoka din in-nullità, u dan f’terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, li jibda jiddekorri mill-konklużjoni tal-kuntratt. B’dan il-mod, fil-każ li tiġi applikata s-sanzjoni prevista mill-imsemmija liġi, jiġifieri n-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, il-kreditur jitlef id-drittijiet tiegħu għall-ħlas tal-interessi u tal-ispejjeż miftiehma.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, sa fejn l-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni twassal sabiex il-kreditur ma jibqax ikollu dritt għall-interessi u għall-ispejjeż miftiehma, l-imsemmija sanzjoni tidher li hija proporzjonata mal-gravità tal-ksur fir-rigward ta’ liema hija imposta u, b’mod partikolari, għandha effett realment dissważiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punti 5253, kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 69).

31

Għandu jiġi speċifikat li, fid-dawl tal-importanza tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi inerenti fl-obbligu ta’ verifika, mill-kreditur, tal-affidabbiltà kreditizja tal-persuna li tissellef, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, kieku s-sanzjoni tat-telf tal-interessi kienet tinsab, fil-prattika, imdgħajfa, jew saħansitra purament u sempliċement miġjuba fix-xejn, minn dan jirriżulta neċessarjament li din ma tkunx ta’ natura realment dissważiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punti 5253).

32

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-applikazzjoni tas-sanzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ kreditu hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-konsumatur jinvoka din in-nullità, u dan f’terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin. Fir-rigward ta’ dan il-fatt imsemmi l-aħħar, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet intiżi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li huma ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 23).

33

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda element tali li jqajjem dubju rigward il-konformità ma’ dan il-prinċipju tal-kundizzjoni rigward it-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, biżżejjed jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza, il-protezzjoni effettiva tal-konsumatur teżiġi, f’sitwazzjoni li fiha l-kreditur iressaq azzjoni bbażata fuq il-kuntratt ta’ kreditu kontra l-konsumatur, li l-qorti nazzjonali teżamina ex officio l-osservanza, mill-kreditur, tal-obbligu previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 u, jekk hija tikkonstata ksur ta’ dan l-obbligu, li tiddeduċi l-konsegwenzi previsti mid-dritt nazzjonali, mingħajr ma tistenna li l-konsumatur iressaq talba f’dan is-sens, bil-kundizzjoni li jiġi osservat il-prinċipju ta’ kontradittorju.

35

Fir-rigward ta’ sanzjoni bħalma hija n-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, flimkien mal-obbligu li tiġi rrimborsata s-somma prinċipali, għandu jiġi speċifikat li, meta l-konsumatur jesprimi opinjoni li ma tkunx favorevoli għall-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni, din l-opinjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 33, u tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 35).

36

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-prinċipju ta’ effettività jipprekludi l-kundizzjoni li s-sanzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, flimkien mal-obbligu li titħallas lura s-somma prinċipali, applikabbli fil-każ ta’ ksur, mill-kreditur, tal-obbligu previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48, għandha tiġi invokata mill-konsumatur, u dan f’terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin.

37

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju bl-argument invokat mill-Gvern Ċek, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali marbuta mal-istħarriġ prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprevedu wkoll sanzjoni amministrattiva fil-forma ta’ multa li tista’ titla’ sa CZK 20 miljun (madwar EUR 783000) fil-każ ta’ għoti ta’ kreditu bi ksur tal-obbligu li tiġi evalwata l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur.

38

Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni Ewropea sostniet, waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet kontradetta, li l-awtorità Ċeka ta’ kontroll kompetenti, jiġifieri l-bank nazzjonali Ċek, qatt ma kkomunikat deċiżjoni rigward l-impożizzjoni ta’ multi għal ksur, mill-kreditur, ta’ dan l-obbligu. Barra minn hekk, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tagħha, tali sanzjonijiet ma humiex, minnhom innifishom, tali li jiżguraw b’mod suffiċjentement effettiv il-protezzjoni tal-konsumaturi mir-riskji ta’ dejn eċċessiv u ta’ insolvenza mfittxija permezz tad-Direttiva 2008/48, sa fejn huma ma għandhomx effett fuq is-sitwazzjoni tal-konsumatur li lilu ngħata kuntratt ta’ kreditu bi ksur tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.

39

F’kull każ, ladarba l-leġiżlatur nazzjonali, bħal f’dan il-każ, ikun ippreveda, sabiex jissanzjona tali ksur, minbarra sanzjoni amministrattiva, sanzjoni ta’ dritt ċivili li tista’ tibbenefika lill-konsumatur ikkonċernat, din is-sanzjoni għandha, fid-dawl tal-importanza partikolari mogħtija mid-Direttiva 2008/48 lill-protezzjoni tal-konsumaturi, tiġi implimentata b’osservanza tal-prinċipju ta’ effettività.

40

Fl-aħħar nett, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, skont ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Ċeki, il-qorti nazzjonali hija pprojbita milli tapplika ex officio s-sanzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, flimkien mal-obbligu ta’ ħlas lura tas-somma prinċipali, prevista fil-każ ta’ ksur tal-obbligu prekuntrattwali tal-kreditur li jevalwa l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur.

41

Fir-rigward ta’ din il-projbizzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-applikazzjoni tad-dritt intern, il-qrati nazzjonali għandhom jinterpretawh sa fejn huwa possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva 2008/48 sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minn din u, għaldaqstant, għandhom jikkonformaw ruħhom mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti fis-sistema tat-Trattat FUE sa fejn huwa jippermetti lill-qrati nazzjonali jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effikaċja sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta huma jiddeċiedu fuq it-tilwim imressaq quddiemhom (sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 79).

42

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet bosta drabi li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnha, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni li tkun konformi mal-għan segwit minn din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Għandu jingħad ukoll li l-qrati nazzjonali, inklużi dawk li jagħtu deċiżjoni finali, għandhom jimmodifikaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza nazzjonali stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť, C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ma tistax, fil-kawża prinċipali, issostni validament li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, minħabba s-sempliċi fatt li dawn id-dispożizzjonijiet ġew interpretati, mill-qrati Ċeki, f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura l-effett sħiħ tad-Direttiva 2008/48 billi, jekk hemm bżonn, ma tapplikax, fuq l-inizjattiva tagħha stess, l-interpretazzjoni adottata mill-qrati Ċeki, jekk din l-interpretazzjoni ma tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 6970 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Madankollu, dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, fis-sens li huwa ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali.

46

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2008/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jeżiġu li qorti nazzjonali teżamina ex officio l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu prekuntrattwali tal-kreditur li jevalwa l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur, previst fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, u li tiddeduċi l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw, skont id-dritt nazzjonali, minn ksur ta’ dan l-obbligu, bil-kundizzjoni li s-sanzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 23. L-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2008/48 għandhom ukoll jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu sistema nazzjonali bis-saħħa ta’ liema l-ksur mill-kreditur tal-obbligu prekuntrattwali tiegħu li jevalwa l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur huwa ssanzjonat bin-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, flimkien mal-obbligu għal dan il-konsumatur li jirrimborsa lill-kreditur is-somma prinċipali f’perijodu proporzjonat mal-kapaċità finanzjarja tiegħu, biss bil-kundizzjoni li l-imsemmi konsumatur jinvoka din in-nullità, u dan f’terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jeżiġu li qorti nazzjonali teżamina ex officio l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu prekuntrattwali tal-kreditur li jevalwa l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur, previst fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, u li tiddeduċi l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw, skont id-dritt nazzjonali, minn ksur ta’ dan l-obbligu, bil-kundizzjoni li s-sanzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 23. L-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2008/48 għandhom ukoll jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu sistema nazzjonali bis-saħħa ta’ liema l-ksur mill-kreditur tal-obbligu prekuntrattwali tiegħu li jevalwa l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumatur huwa ssanzjonat bin-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu, flimkien mal-obbligu għal dan il-konsumatur li jirrimborsa lill-kreditur is-somma prinċipali f’perijodu proporzjonat mal-kapaċità finanzjarja tiegħu, biss bil-kundizzjoni li l-imsemmi konsumatur jinvoka din in-nullità, u dan f’terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top