Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0634

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2020.
    Proċeduri kriminali kontra JI.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Słupsku.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI – Dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi – Artikolu 2(1)(c) – Artikolu 4(2)(a) – Kunċett ta’ ‘kwantitajiet kbar ta’ drogi’ – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ugwaljanza fit-trattament – Artikoli 20 u 21 – Prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege – Artikolu 49.
    Kawża C-634/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:455

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    11 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI – Dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi – Artikolu 2(1)(c) – Artikolu 4(2)(a) – Kunċett ta’ ‘kwantitajiet kbar ta’ drogi’ – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ugwaljanza fit-trattament – Artikoli 20 u 21 – Prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege – Artikolu 49”

    Fil-Kawża C‑634/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Słupsku (il-Qorti Distrettwali ta’ Słupsk, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura kriminali kontra

    JI,

    fil-preżenza ta’:

    Prokuratura Rejonowa w Słupsku,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: M. Aleksejev, kap tal-unità,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2019,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Prokuratur Rejonowa w Słupsku, minn P. Nierebiński u K. Nowicki kif ukoll minn A. Klawitter,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn J. Sawicka u S. Żyrek, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn A. Kasalická, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, sussegwentement minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

    għall-Gvern Svediż, minn H. Eklinder, A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev u J. Lundberg, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Szmytkowska u S. Grünheid, bħala aġenti,

    wara li semgħet l-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tagħha fis-seduta tat-22 ta’ Jannar 2020,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2)(a) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU 2006, L 153M, p. 94) moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(c) ta’din id-deċiżjoni kwadru kif ukoll mal-Artikoli 20, 21 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija kontra JI għal pussess illegali ta’ kwantità kbira ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757 huma redatti kif ġej:

    “(3)

    Jeħtieġ li jiġu adottati regoli minimi relatati ma’ l-elementi kostitwenti tar-reati ta’ traffikar illeċitu ta’ drogi u prekursuri li jippermettu approċċ komuni fuq il-livell ta’ l-Unjoni għall-ġlieda kontra tali traffikar.

    (4)

    Bis-saħħa tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-azzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka fuq l-iktar għamliet serji ta’ reati marbuta mad-drogi. L-esklużjoni ta’ ċerti għamliet ta’ mġieba fir-rigward ta’ konsum personali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru ma tikkostitwix linja gwida tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] dwar kif l-Istati Membri għandhom jittrattaw ma’ dawn il-każijiet l-oħra fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom.”

    4

    L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni kwadru, intitolat “Reati marbuta mat-traffikar ta’ drogi u ta’ prekursuri”, jipprovdi:

    “1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li meta mġieba minn dawn li ġejjin issir bil-ħsieb u tkun infondata fid-dritt din għandha tkun punibbli:

    a)

    il-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-preparazzjoni, l-offerta, l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, il-bejgħ, il-kunsinna fuq kwalunkwe kondizzjoni hi x’inhi, is-senserija, id-dispaċċ, id-dispaċċ fi transitu, it-trasport, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ drogi;

    […]

    (ċ)

    il-pussess jew ix-xiri ta’ drogi bil-ħsieb li tiġi mwettqa waħda mill-attivitajiet mniżżla f’(a);

    […]

    2.   L-imġieba deskritta fil-paragrafu 1 m’għandiex tiġi inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru meta din tiġi mwettqa mill-awturi tagħha esklussivament għall-konsum personali tagħhom kif definit mil-liġi nazzjonali.”

    5

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni kwadru, intitolat “Pieni”, jipprevedi:

    “1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati definiti fl-Artikoli 2 u 3 jkunu punibbli b’pieni kriminali li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikolu 2 huma punibbli b’pieni kriminali ta’ massimu ta’ minn ta’ l-inqas bejn sena u 3 snin ħabs.

    2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikolu 2(1)(a), (b) u (ċ) huma punibbli b’pieni kriminali ta’ massimu ta’ minn ta’ l-inqas bejn 5 u 10 snin ħabs f’kull waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    a)

    ir-reat jinvolvi kwantitajiet kbar ta’ drogi;

    […]”

    Id-dritt Pollakk

    6

    Skont l-Artikolu 62(1) tal-ustawy o przeciwdziałaniu narkomanii (il-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga), tad-29 ta’ Lulju 2005 (Dz. U. tal-2005, Nru 179, pożizzjoni 1485), il-pussess ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi hija punibbli b’piena ta’ ċaħda ta’ libertà ta’ tul li jista’ jmur sa tliet snin.

    7

    Bis-saħħa tal-Artikolu 62(2) tal-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga, meta l-pussess ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi jirrigwarda kwantità kbira ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi, l-awtur tiegħu huwa punibbli b’piena ta’ ċaħda ta’ libertà ta’ għaxar snin.

    Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    Il-Prosekutur Distrettwali tal-Polonjabeda proċedura kriminali kontra JI quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Qorti Distrettwali tal-Polonja għal, b’mod partikolari, fatti ta’ pussess, fis-7 ta’ Novembru 2016, ta’ kwantità kbira ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi, konstitwenti ta’ ksur tal-Artikolu 62(2) tal-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga.

    9

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li JI kellu fil-pussess dawn il-prodotti u sustanzi għall-użu personali tiegħu.

    10

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-Deċiżjoni Kwadru 2004/757 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “kwantitajiet kbar ta’ drogi”, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a) tagħha.

    11

    Hija tippreċiża li l-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga implimentat d-Deċiżjoni Kwadru 2004/757, b’mod partikolari fl-Artikolu 62(2) tagħha, li tipprevedi li l-pussess ta’ kwantità kbira ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi huwa punibbli b’piena ta’ ċaħda ta’ libertà ta’ tul inkluż bejn sena u għaxar snin.

    12

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix iżjed il-kunċett ta’ “kwantità kbira ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi”, li jikkorrispondi għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ dak ta’ “kwantitajiet kbar ta’ drogi”, li jidher fl-Artikolu 4(2)(a) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757. Hija tippreċiża li l-ġurisprudenza nazzjonali toħroġ ċerti kriterji biex tiddetermina jekk il-kwantità ta’ drogi narkotiċi jew ta’ sustanzi psikotropiċi fil-pussess tal-attur tal-ksur taqa’ taħt il-kunċett imsemmi fl-Artikolu 62(2) tal- Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga. Dan il-kunċett jibqa’ madankollu impreċiż u huwa s-suġġett ta’ interpretazzjoni każ b’każ mill-qrati nazzjonali.

    13

    Skont il-qorti tar-rinviju, minn dan jirriżulta li l-persuni li għandhom fil-pussess kwantità ta’ drogi narkotiċi jew ta’ sustanzi psikotropiċi paragunabbli jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti skont l-interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett li għandha l-qorti adita bil-kawża, li tista’ tippreġudika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fid-dritt. Hija tenfasizza wkoll li, sa fejn id-Deċiżjoni Kwadru 2004/757 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “kwantitajiet kbar ta’ drogi”, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a) tagħha, l-Istati Membri jippreżervaw marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-implimentazzjoni ta’ dan il-kunċett, li jista’ jkollu bħala effett li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jkunu ttrattati b’mod differenti skont l-Istat Membru li fih iwettqu l-ksur.

    14

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-konformità tal-Artikolu 62(2) tal-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, imniżżel fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

    15

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Slupsku (il-Qorti Distrettwali ta’ Slupsk) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Ir-regola tad-dritt tal-Unjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 4(2)(a) u tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-[Deċiżjoni Kwadru 2004/757] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jipprekludux li l-kunċett ta’ “kwantità kbar ta’ drogi” jiġi interpretat fuq bażi ta’ każ b’każ fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali tal-qorti nazzjonali, mingħajr ma jkun neċessarju, għall-iskopijiet ta’ din l-evalwazzjoni, li jiġi applikat kwalunkwe kriterju oġġettiv, u b’mod partikolari li jiġi kkonstatat li d-droga hija miżmuma mill-awtur tar-reat bil-għan li jwettaq waħda mill-attivitajiet msemmija fl-Artikolu 4(2)(a) ta’ din id-deċiżjoni kwadru, jiġifieri l-produzzjoni, il-provvista, it-tqegħid għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, is-senserija, il-kunsinna fuq kwalunkwe kundizzjoni li tkun?

    2)

    Sa fejn il-[Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga] ma tiddefinixxix b’mod preċiż dak li huwa kopert minn kwantità kbira ta’ drogi u tħalli din il-kwistjoni għall-interpretazzjoni tal-kulleġġi ta’ ġudikanti li jiġu konkretament aditi minn kawża – fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-qorti –, ir-rimedji ġudizzjarji meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effikaċja u l-effettività tar-regoli ta’ dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mid-[Deċiżjoni-Kwadru 2004/757], u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 4(2)(a) u l-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din id-[deċiżjoni kwadru], huma biżżejjed sabiex jiżguraw liċ-ċittadini Pollakki l-protezzjoni effettiva li tirriżulta mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet minimi relatati mal-elementi kostitwenti tar-reati u l-pieni applikabbli fil-qasam tat-traffikar tad-drogi?

    3)

    Ir-regola ġuridika nazzjonali li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62(2) tal-[Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga] hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mar-regola li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 4(2)(a) u 2(1)(ċ) tad-[Deċiżjoni Kwadru 2004/757] u, fl-affermattiv, jista’ ji[t]qies li r-regola ta’ dritt tal-Unjoni Ewropea dwar ir-responsabbiltà kriminali aggravata tal-awtur tar-reat ta’ pussess ta’ kwantitajiet kbar ta’ drogi bil-għan li titwettaq waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-[Deċiżjoni Kwadru 2004/757] ma tipprekludix il-kunċett ta’ kwantità kbira ta’ sustanzi psikotropiċi jew ta’ prodotti narkotiċi kif interpretat mill-qrati nazzjonali Pollakki?

    4)

    L-Artikolu 62(2) tal-[Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga], dwar ir-responsabbiltà kriminali aggravata għar-reat ta’ pussess ta’ kwantità kbira ta’ sustanzi psikotropiċi jew ta’ prodotti narkotiċi kif interpretat mill-qrati nazzjonali Pollakki, jista’ jiqies li ma jmurx kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 14 tal-[KEDB], l-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta], moqrija flimkien mal-Artikolu 6(1) TUE)?”

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    16

    Fl-ewwel lok, il-Prosekutur tad-Distrett ta’ Slupsk jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tieħu kunjizzjoni ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li, permezz tad-domandi preliminarji tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi mhux li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, iżda li, minn naħa, hija tinterpreta dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 62(2) tal-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga, u, min-naħa l-oħra, hija tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757.

    17

    F’dan id-dawl, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ ċerti domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar il-konformità tal-Artikolu 62(2) tal-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga mad-dritt tal-Unjoni.

    18

    Madankollu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha tevalwa l-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u lanqas li tinterpreta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, madankollu hija għandha ġurisdizzjoni biex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettu lilha li tevalwa tali konformità għad-deċiżjoni tal-kawża li hija adita biha (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2019, VIPA, C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 28 u ġurisprudenza ċċitata).

    19

    Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża preżenti, li għandha tillimita l-eżami tagħha għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni billi tipprovdi interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li hija utli lill-qorti tar-rinviju, li min-naħa tagħha għandha tevalwa l-konformità u l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet u ta’ atti nazzjonali mal-imsemmi dritt, għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża quddiemha (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 36).

    20

    B’hekk, hemm lok, fid-dawl tal-formulazzjoni tad-domandi magħmula u tal-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, li wieħed jifhem dawn id-domandi bħala li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(c) u tal-Artikolu 4(2)(a) tad-Deċiżjoni Kwadru kif ukoll tal-Artikoli 20, 21 u 49 tal-Karta, b’mod li l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-Prosekutur Distrettwali ta’ Slupsk għandha tiġi miċħuda.

    21

    Fit-tieni lok, il-Prosekutur Distrettwali ta’ Slupsk, il-Gvern Pollakk, Spanjol u dak Svediż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea huma tal-opinjoni li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula, sa fejn is-sitwazzjoni li fiha jinsab JI taħrab mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757. Fil-fehma tagħhom, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li JI huwa mfittex esklużivament għall-pussess ta’ drogi għall-finijiet ta’ konsum personali, li, konformement mal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757, jikkostitwixxi mġiba li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

    22

    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757, il-pussess ta’ drogi esklużivament għall-finijiet ta’ konsum personali, kif iddefinit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni kwadru.

    23

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li JI huwa mfittex għall-fatti ta’ pussess ta’ kwantità kbira ta’ prodotti narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi, konstitwenti ta’ ksur għall-Artikolu 62(2) tal-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga, u, min-naħa l-oħra, li huwa kellu dawn il-prodotti u sustanzi għall-finijiet ta’ konsum personali. Tali sitwazzjoni għalhekk ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757.

    24

    Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddikkjarat lilha nnifisha kompetenti biex tiddeċiedi talbiet għal deċiżjonijiet preliminari dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan u li għalhekk jaqgħu biss taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, iżda li fihom l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kienu saru applikabbli mid-dritt nazzjonali minħabba rinviju minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali trid tikkonforma, għas-soluzzjonijiet li hija tipproduċi għas-sitwazzjonijiet purament interni, għal dawk miżmuma fid-dritt tal-Unjoni sabiex, pereżempju, tevita d-dehra ta’ diskriminazzjonijiet kontra ċittadini nazzjonali jew eventwali distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni, jew ukoll li tiżgura proċedura unika f’sitwazzjonijiet paragunabbli, jeżisti interess ċert li, biex tevita diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħudin mid-dritt tal-Unjoni jirċievu interpretazzjoni uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet li fihom huma msejħa li japplikaw (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    B’hekk, interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu tiġġustifika ruħha meta dawn id-dispożizzjonijiet ġew applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonali, biex tiżgura trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan, C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Deċiżjoni Kwadru 2004/757 ġiet implimentata, fid-dritt Polakk, mil-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga. B’mod partikolari, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju kif ukoll minn preċiżjonijiet prodotti mill-Gvern Pollakk matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 62(2) ta’ din il-liġi ttraspona fid-dritt intern l-Artikolu 2(1)(a) kif ukoll il-kunċett ta’ “kwantitajiet kbar ta’ drogi”, inkluż fl-Artikolu 4(2)(a) tal-imsemmija deċiżjoni kwadru.

    28

    Kif esponew il-Prosekutur Distrettwali ta’ Slupsk u l-Gvern Pollakk matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 62(2) tal-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga jirripressa kull pussess ta’ kwantità kbira ta’ prodotti narkotiċi jew ta’ sustanzi psikotropiċi, kemm jekk huwa għall-finijiet ta’ konsum personali jew għall-finijiet oħra, jiġifieri, b’mod partikolari, bil-għan li tiġi eżerċitata waħda mill-attivitajiet imniżżlin fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757.

    29

    Peress li ċ-ċirkustanza aggravanti tal-pussess “ta’ kwantitajiet kbar ta’ drogi”, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757, tapplika, permezz tal-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga, għall-imġiba esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jiġifieri għall-pussess ta’ drogi esklużivament għall-finijiet ta’ konsum personali, jeżisti interess ċert li tiġi pprovduta interpretazzjoni uniforma ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domandi preliminari.

    Fuq id-domandi preliminari

    31

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2)(a) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(c) tagħha, kif ukoll l-Artikoli 20, 21 u 49 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jikkwalifika bħala ksur kriminali l-pussess ta’ kwantità kbira ta’ prodotti narkotiċi jew ta’ sustanzi psikotropiċi kemm għall-finijiet ta’ konsum personali kif ukoll għall-finijiet ta’ traffikar ta’ droga, filwaqt li tħalli l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kwantità kbira ta’ prodotti narkotiċi jew ta’ sustanzi psikotropiċi” għall-evalwazzjoni tal-qrati nazzjonali, każ b’każ.

    32

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni Kwadru 2004/757 ġiet adottata, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 31(1)(e) UE, li kien jipprevedi b’mod partikolari, li l-azzjoni komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali intiża li tadotta progressivament miżuri li jistabbilixxu regoli minimi relatati mal-elementi kostitwenti ta’ ksur kriminali u għall-pieni applikabbli fil-qasam tat-traffiku ta’ droga.

    33

    Barra minn hekk, mill-premessa 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757 jirriżulta li din stabbilixxiet regoli minimi relatati mal-elementi kostitwenti ta’ ksur kriminali u ta’ pieni applikabbli fil-qasam tat-traffiku tad-droga u ta’ prekursuri, li huma intiżi li jiddefinixxu approċċ komuni fil-livell tal-Unjoni fil-ġlieda kontra t-traffiku tad-droga.

    34

    B’mod partikolari, mill-Artikolu 2(1)(a) u (c) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757 u tal-Artikolu 4(1) tagħha li l-pussess ta’ drogi bil-għan li tiġi eżerċitata il-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-preparazzjoni, l-offerta, l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, il-bejgħ, il-kunsinna fuq kwalunkwe kondizzjoni hi x’inhi, is-senserija, id-dispaċċ, id-dispaċċ fi transitu, it-trasport, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, għandha tiġi kklassifikata bħala ksur kriminali, punibbli b’piena massima ta’ sena sa tliet snin mill-inqas ta’ priġunerija.

    35

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(2)(a) tal-imsemmija deċiżjoni kwadru jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jissanzjonaw dan il-ksur, meta jirrigwarda “kwantitajiet kbar ta’ drogi” b’piena massima minn ħames sa għaxar snin mill-inqas ta’ priġunerija.

    36

    Madankollu, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari, il-pussess ta’ drogi esklużivament għall-finijiet ta’ konsum personali, kif iddefinit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-premessa 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757 tiddikjara li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ta’ ċerta mġiba li tikkonċerna l-konsum personali ma tikkostitwixxix direzzjoni tal-Kunsill dwar il-mod kif l-Istati Membri jridu jittrattaw dawn il-każijiet l-oħra fil-leġiżlazzjoni tagħhom.

    37

    Minn dan jirriżulta, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jittrattaw il-pussess ta’ kwantitajiet kbar ta’ droga għall-finijiet ta’ konsum personali bħala ksur kriminali aggravat.

    38

    Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 12 sa 14 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipji ta’ ugwaljanza fid-dritt, ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, stabbiliti fl-Artikoli 20, 21 u 49 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-kunċett ta’ “kwantità kbira ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi”, imsemmi fl-Artikolu 62(2) tal-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga, li tittrasponi fid-dritt intern il-kunċett ta’ “kwantitajiet kbar ta’ drogi” inkluż fl-Artikolu 4(2)(a) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757, ma jkunx iddefinit lanqas mil-leġiżlatur nazzjonali, iżda jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni każ b’każ mill-qrati nazzjonali.

    39

    F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet kwadri jorbtu l-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li jħallu lill-istanzi nazzjonali l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-forma u għall-mezzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 69).

    40

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(1)(a) u (c) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757 u l-Artikolu 4(2)(a) tagħha jimponu biss fuq l-Istati Membri li jissanzjonaw il-pussess ta’ drogi marbut mat-traffiku, meta jirrigwarda “kwantitajiet kbar ta’ drogi”, għal piena massima ta’ ħamsa sa għaxar snin mill-inqas ta’ priġunerija.

    41

    Issa, minn naħa, din id-deċiżjoni kwadru ma tinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “kwantitajiet kbar ta’ drogi”, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a). Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija deċiżjoni kwadru tikkostitwixxi biss strument ta’ armonizzazzjoni minimu. Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-imsemmi kunċett fid-dritt nazzjonali tagħhom.

    42

    Madankollu, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma obbligati, bis-saħħa tal-Artikolu 51(1) tal-Karta li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti minnha, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikoli 20, 21 u 49 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 1718).

    43

    F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fid-dritt u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta jeħtieġu li s-sitwazzjonijiet paragunabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti u li s-sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 56).

    44

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, billi jipprevedi li l-pussess ta’ kwantità kbira ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi huwa punibbli b’piena ta’ ċaħda ta’ libertà ta’ sena sa għaxar snin, l-Artikolu 62(2) tal-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Vizzju tad-Droga ma jistabbilixxi ebda differenza fit-trattament bejn l-eventwali awturi ta’ dan il-ksur.

    45

    It-tieni nett, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li l-qrati nazzjonali jibbenefikaw minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni matul l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ma jikkostitwixxux, bħala tali, ksur tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta.

    46

    Finalment, it-tielet nett, kif jirriżulta mill-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, id-Deċiżjoni Kwadru 2004/757 tistabbilixxi biss regoli minimi relatati mal-elementi kostitwenti tal-ksur kriminali u tas-sanzjonijiet applikabbli fil-qasam tat-traffiku ta’ droga u tal-prekursuri. Minn dan jirriżulta li l-eżistenza tad-differenzi bejn il-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni kwadru fl-ordnijiet legali nazzjonali differenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, EU:C:2007:261, punti 5960).

    47

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, imniżżel fl-Artikolu 49(1) tal-Karta, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju ġie stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7(1) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 53). Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-dritt iggarantit fl-Artikolu 49 tagħha għandu l-istess sens u l-istess portata bħal dak iggarantit mill-KEDB.

    48

    Bis-saħħa tal-imsemmi prinċipju, id-dispożizzjonijiet kriminali għandhom josservaw ċerti rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u ta’ prevedibbiltà fir-rigward kemm tad-definizzjoni tal-ksur kif ukoll tad-determinazzjoni tal-piena (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 55u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Minn dan jirriżulta li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jirreprimuh. Dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt meta l-individwu jista’ jkun jaf, mid-diċitura tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li l-qrati taw ta’ din id-dispożizzjoni, liema atti jew ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 71, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 56).

    50

    Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-kjarifikazzjoni gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali mill-interpretazzjonijiet ta’ ġurisprudenza, sakemm dawn ikunu raġonevolment prevedibbli (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Għaldaqsant, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jipprevedi sanzjonijiet kriminali aggravanti għad-delitt ta’ pussess ta’ “kwantità kbira ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi”, filwaqt li jħalli l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett għad-diskrezzjoni tal-qrati nazzjonali, każ b’każ, sakemm din l-evalwazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ prevedabbiltà, kif sostnuti fil-punti 48 sa 50 ta’ din is-sentenza.

    52

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 4(2)(a) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(c) tagħha, kif ukoll l-Artikoli 20, 21 u 49 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jikklassifika bħala ksur kriminali l-pussess ta’ kwantità kbira ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi kemm għall-finijiet ta’ konsum personali kif ukoll għall-finijiet ta’ traffiku ta’ droga, filwaqt li jħalli l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kwantità kbira ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi” għad-diskrezzjoni tal-qrati nazzjonali, każ b’każ, sakemm din l-interpretazzjoni tkun raġonevolment prevedibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    53

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 4(2)(a) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(c) tagħha, kif ukoll l-Artikoli 20, 21 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jikklassifika bħala ksur kriminali l-pussess ta’ kwantità kbira ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi kemm għall-finijiet ta’ konsum personali kif ukoll għall-finijiet ta’ traffiku ta’ droga, filwaqt li jħalli l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kwantità kbira ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi” għad-diskrezzjoni tal-qrati nazzjonali, każ b’każ, sakemm din l-interpretazzjoni tkun raġonevolment prevedibbli.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top