Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0586

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-4 ta’ Marzu 2020.
    Buonotourist Srl vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Kompetizzjoni – Għajnuna mill-Istat – Impriża li topera netwerks tal-konnessjonijiet permezz tal-karozza tal-linja fir-Reġjun ta’ Campania (l-Italja) – Kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku mħallas mill-awtoritajiet Taljani wara deċiżjoni tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, L-Italja) – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara l-miżura bħala għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern.
    Kawża C-586/18 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:152

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    4 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

    “Appell – Kompetizzjoni – Għajnuna mill-Istat – Impriża li topera netwerks tal-konnessjonijiet permezz tal-karozza tal-linja fir-Reġjun ta’ Campania (l-Italja) – Kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku mħallas mill-awtoritajiet Taljani wara deċiżjoni tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, L-Italja) – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara l-miżura bħala għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern”

    Fil-Kawża C-586/18 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid-19 ta’ Settembru 2018

    Buonotourist Srl, stabbilita f’Castel San Giorgio (l-Italja), irrappreżentata minn M. D’Alberti u L. Visone, avvocati,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Conte u P. J. Loewenthal kif ukoll minn L. Armati, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Associazione Nazionale Autotrasporto Viaggiatori (ANAV), stabbilita fi Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn M. Malena, avvocato,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, D. Šváby u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Buonotourist Srl titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Lulju 2018, Buonotourist vs Il-Kummissjoni (T-185/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2018:430), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1075, tad-19 ta’ Jannar 2015 Għajnuna mill-Istat SA.35843 (2014/C) (ex 2012/NN) mogħtija mill-Italja – Kumpens addizzjonali rigward obbligi ta’ servizz pubbliku favur Buonotourist (ĠU 2015, L 179, p. 128, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19), jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom itemmu l-obbligi kollha inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku kif definit f’dan ir-Regolament impost fuq trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

    2.   Madanakollu, obbligi bħal dawn jistgħu jinżammu sakemm ikunu essenzjali sabiex tiġi żgurata l-provvista adegwata ta’ servizzi tat-trasport.

    […]

    4.   Piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi tat-trasport minħabba ż-żamma ta’ l-obbligi imsemmija fil-paragrafu 2, jew minħabba l-applikazzjoni tar-rati u l-kondizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 3, għandhom ikunu soġġetti għal kumpens maħdum skond il-proċeduri komuni li jinsabu f’dan ir-Regolament.”

    3

    Skont l-Artikolu 2(1), (2) u (5) ta’ dan ir-regolament:

    “1.   ‘Obbligi ta’ servizz pubbliku’ tfisser obbligi li l-impriża tat-trasport partikolari, jekk ikollha tqis l-interessi kummerċjali tagħha biss, ma tinkarigax ruħha minnhom jew ma tinkarigax ruħha bl-istess mod jew taħt l-istess kondizzjonijiet.

    2.   Obbligi ta’ servizz pubbliku skond it-tifsira tal-paragrafu 1 jikkonsistu fl-obbligu li wieħed jopera, l-obbligu li wieħed iġorr u obbligi ta’ tariffi.

    […]

    5.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘obbligi ta’ tariffi’ tfisser kull obbligu impost fuq intrapriżi tat-trasport li japplikaw, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ passiġġiera, ċerti kategoriji ta’ oġġetti, jew ċerti rotot, rati fissi jew approvati minn xi awtorita’ pubblika li huma kontra l-interessi kummerċjali ta’ l-impriża u li jirriżultaw mill-impożizzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ tariffi speċjali, jew minn ċaħda li jiġu mmodifikati.

    Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu preċedenti ma japplikawx fir-rigward ta’ obbligi li jirriżultaw minn miżuri ġenerali ta’ politika ta’ prezzijiet li tapplika għall-ekonomija kollha b’mod ġenerali jew għall-miżuri meħuda fir-rigward ta’ rati ta’ trasport u kondizzjonijiet b’mod ġenerali bil-għan li jiġi organizzat is-suq tat-trasport jew parti minnu.”

    4

    L-Artikoli 10 sa 13 tal-imsemmi regolament jistabbilixxu l-metodi komuni għall-kalkolu tal-kumpensi previsti fl-Artikolu 6 u fl-Artikolu 9(1) tal-istess regolament.

    5

    L-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi:

    “Il-kumpens imħallas taħt dan ir-Regolament għandu jkun eżenti mill-proċedura ta’ informazzjoni preliminari li tinsab fl-Artikolu [108(3) TFUE].”

    6

    Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1) daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009.

    7

    L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Kuntratti għal servizz pubbliku u regoli ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt għal servizz pubbliku.

    2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jimmiraw li jistabbilixxu tariffi massimi għall-passiġġieri kollha jew għal ċerti kategoriji ta’ passiġġieri jistgħu jkunu wkoll is-suġġett ta’ regoli ġenerali. F’konformità mal-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 4 u 6 u fl-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tikkumpensa lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-infiq magħmul u d-dħul iġġenerat mill-konformità ma’ l-obbligi tat-tariffi stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali b’mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed. Dan hekk għandu jkun minkejja d-dritt ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jintegraw obbligi ta’ servizz pubbliku li jistabbilixxu tariffi massimi f’kuntratti għal servizz pubbliku.

    […]”

    8

    L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-kontenut obbligatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku u tar-regoli ġenerali.

    9

    L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kumpens għas-servizz pubbliku”, jipprovdi:

    “1.   Kull kumpens marbut ma’ regola ġenerali jew ma’ kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4, irrispettivament mill-mod li bih ingħata l-kuntratt. Il-kumpens kollu, ta’ kwalunkwe tip, marbut ma’ kuntratt mogħti direttament skond l-Artikolu 5(2),(4),(5) jew (6) jew marbut ma’ regola ġenerali għandu wkoll jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness.

    2.   Fuq talba bil-miktub mingħand il-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw, fi żmien tliet xhur jew fi kwalunkwe perijodu itwal li jista’ jiġi stipulat f’dik it-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tikkunsidra meħtieġa biex tiddetermina jekk il-kumpens mogħti huwiex kompatibbli ma’ dan ir-Regolament.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

    10

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 39 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    11

    Ir-rikorrenti hija kumpannija privata li topera servizzi ta’ trasport pubbliku lokali fuq il-bażi ta’ konċessjonijiet ġenerali u muniċipali. B’mod partikolari, hija tipprovdi servizzi ta’ konnessjoni permezz tal-karozza tal-linja bħala konċessjonarja tar-Regione Campania (Reġjun ta’ Campania, L-Italja) (iktar ’il quddiem ir-“Reġjun”). L-attività tar-rikorrenti kienet irregolata, matul is-snin, minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji suċċessivi.

    Ir-rikorsi ppreżenati mir-rikorrenti quddiem il-qrati nazzjonali

    12

    B’rikors tal-5 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti talbet lit-Tribunale amministrativo regionale di Salerno (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Salerno, L-Italja) tikkonstata d-dritt tagħha li tirċievi mir-Reġjun l-ammont ta’ EUR 5567 582.57, dovut bħala kumpens għall-piżijiet ekonomiċi sostnuti minħabba l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku (iktar ’il quddiem l-“OSP”) li jirriżultaw minn konċessjonijiet mogħtija lir-Reġjun għas-snin 1996 sa 2002 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkunsidrat”), skont ir-Regolament Nru 1191/69.

    13

    Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Awwissu 2008, it-Tribunale amministrativo regionale di Salerno (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Salerno) ċaħdet dan ir-rikors, billi qieset li r-rikorrenti ma kellhiex id-dritt li tirċievi kumpens għall-iżvantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mill-impożizzjoni ta’ OSP, qabel ma kienet talbet minn qabel it-tħassir ta’ dawn tal-aħħar.

    14

    Ir-rikorrenti appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, L-Italja). Bid-Deċiżjoni Nru 4683/2009, tas-27 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009”), din il-qorti laqgħet ir-rikors tar-rikorrenti, billi ddeċidiet li din tal-aħħar kellha d-dritt għal kumpens mitlub skont l-Artikoli 6, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1191/69.

    15

    Skont il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), l-ammont eżatt tal-kumpens dovut lir-rikorrenti kellu jiġi ddeterminat mir-Reġjun abbażi ta’ ċifri affidabbli li jinkisbu mill-kontijiet tar-rikorrenti, li jkunu jixhdu d-differenza bejn l-ispejjeż li jiġu sostnuti għall-parti mill-attività ta’ din tal-aħħar milquta mill-OSP u d-dħul korrispondenti.

    16

    Billi r-Reġjun ma ddeterminax l-ammont tal-imsemmi kumpens, ir-rikorrenti ppreżentat proċedura ġudizzjarja għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009, quddiem din il-qorti. Matul din il-proċedura, ġew maħtura żewġ esperti. L-imsemmija proċedura ġiet fi tmiemha bid-deċiżjoni Nru 5650/2012 tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), tas-7 ta’ Novembru 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2012”), li ffissa l-ammont tal-kumpens dovut għall-obbligi tariffarji għal EUR 838 593.21, miżjuda b’EUR 272 979.13 rappreżentanti l-interessi. Ir-Reġjun ħallas din is-somma lir-rikorrenti fil-21 ta’ Diċembru 2012.

    Il-proċedura amministrattiva

    17

    Fil-5 ta’ Diċembru 2012, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, għajnuna mill-Istat li tikkonsisti f’kumpens addizzjonali mogħti lir-rikorrenti, b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2012, għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bil-karozza tal-linja fuq il-bażi ta’ konċessjonijiet maħruġa mir-Reġjun matul il-perijodu kkunsidrat (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”).

    18

    Din il-miżura ġiet meqjusa bħala miżura mhux innotifikata, peress li, skont l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni, ir-Reġjun kien obbligat li jħallas lir-rikorrenti l-kumpens addizzjonali li kien dovut lilha sa mis-7 ta’ Diċembru 2012, jiġifieri wara n-notifika mill-Istat Taljan tal-miżura inkwistjoni, iżda qabel ma tkun ħadet id-deċiżjoni tagħha l-Kummissjoni.

    19

    Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tiskatta l-proċedura ta’ eżami formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

    Id-deċiżjoni kontenzjuża

    20

    Fid-19 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha hija kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkompatibbli mas-suq intern, li din kienet ingħatat lir-rikorrenti bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, u ordnat lill-awtoritajiet Taljani li jirkuprawha mingħand din tal-aħħar.

    21

    Fl-ewwel lok, fil-premessi 54 sa 69 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kienet imputabbli lill-Istat, kienet timplika l-użu ta’ riżorsi statali, kienet tagħti vantaġġ ekonomiku lir-rikorrenti, kienet ta’ natura selettiva u setgħet toħloq distorzjoni tal-kompetizzjoni sal-punt li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rrilevat li din il-miżura ma kinitx tissodisfa tnejn mill-kundizzjonijiet identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415) (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet Altmark”). Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    22

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 72 sa 88 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni setgħetx titqies, fid-dawl tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1191/69, bħala kumpens eżentat mill-obbligu ta’ notifika minn qabel previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

    23

    Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, fil-premessi 75 sa 81 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni vverifikat jekk l-awtoritajiet Taljani kinux imponew unilateralment fuq ir-rikorrenti OSP, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1191/69. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li la l-awtoritajiet Taljani u lanqas ir-rikorrenti ma kienu f’pożizzjoni jippreżentaw mandat relattiv għall-perijodu kkunsidrat. B’mod partikolari, għalkemm l-impożizzjoni ta’ ċerti OSP setgħet tiġi inferita mil-legge regionale n. 16 – Interventi regionali in materia di servizi di trasporto pubblico locale per viaggiatori (il-liġi reġjonali Nru 16 fuq l-interventi reġjonali favur dipartimenti tat-trasport pubbliku lokali għall-passiġġieri), tal-25 ta’ Jannar 1983 (GURI Nru 118, tat-2 ta’ Mejju 1983 u BU Campania Nru 11, iktar ’il quddiem il-“liġi reġjonali Nru 16/83”), l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi ppreveda biss li “it-telf u l-iżbilanċ possibbli mhux koperti minn sussidji reġjonali […] jibqgħu għall-karigu tal-operaturi”. Bl-istess mod, għalkemm ċerti atti reġjonali invokati mir-rikorrenti kienu jindikaw l-eżistenza ta’ ċerti obbligi kuntrattwali matul il-perijodu kkunsidrat, billi dawn l-atti ma ġewx identifikati b’mod ċar bħala obbligi li jistgħu jikkostitwixxu OSP, minkejja li huma indizji possibbli tal-eżistenza eventwali tagħhom u, fi kwalunkwe każ, tan-natura kuntrattwali tagħhom kienu jeskludu l-impożizzjoni unilaterali. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-eżistenza ta’ obbligu tariffarju li jiġġustifika l-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset li ma kellha l-ebda element għad-dispożizzjoni tagħha li jippermetti li jintwera li tali obbligu ġie effettivament impost fuq ir-rikorrenti.

    24

    Fil-premessi 82 sa 87 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni vverifikat il-punt dwar jekk il-kumpens mogħti lir-rikorrenti kienx konformi mal-metodu komuni ta’ kumpens previst mir-Regolament Nru 1191/69 sabiex ikun jista’ jiġi eżentat mill-obbligu ta’ informazzjoni preliminari previst fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan il-kumpens addizzjonali ma kienx eżentat mill-proċedura ta’ informazzjoni preliminari prevista f’dan l-artikolu.

    25

    Fit-tielet lok, fil-premessi 89 sa 102 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri r-Regolament Nru 1370/2007. Hija kkonkludiet li l-kumpens mogħti lir-rikorrenti, b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2012, ma tħallasx b’mod konformi ma’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, li l-miżura inkwistjoni kienet inkompatibbli mas-suq intern.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    26

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ April 2015, l-appellanti ressqet rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    27

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat tmien motivi.

    28

    L-ewwel motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 93, 107, 108 u 263 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1191/69, fuq użu ħażin ta’ poter, fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u fuq ksur tad-dritt għal proċedura xierqa.

    29

    It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), inkonnessjoni mal-Artikoli 107 u 108 TFUE, kif ukoll fuq il-ksur tal-ekwità fil-proċedura u fuq użu ħażin ta’ poter.

    30

    It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-ksur u fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 93 sa 108 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1191/69 u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1370/2007, fuq il-ksur tal-“prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tempus regit actum u ta’ retroattività tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji”, fuq użu ħażin ta’ poter, fuq l-assenza ta’ “koerenza loġika”, fuq l-“irrazzjonalità”, fuq “natura estremament anormali” tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ din tal-aħħar.

    31

    Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(f) u (g) kif ukoll tal-Artikoli 4, 7 u 15 tar-Regolament Nru 659/1999, tal-Artikoli 93, 107 u 108 TFUE, fuq użu ħażin ta’ poter, fuq l-assenza totali ta’ sodisfazzjon ta’ kundizzjoni rikjesta, fuq il-ksur tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tal-Artikoli 258 et seq. TFUE kif ukoll tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1191/69.

    32

    Il-ħames motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 93, 107, 108 u 267 TFUE, tal-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni, fuq użu ħażin ta’ poter u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali.

    33

    Is-sitt motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 6, 7 u 13 tal-KEDB, tal-Artikoli 93 sa 108 kif ukoll 258 et seq TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 101 tal-Costituzione (Kostituzzjoni), tal-Artikolu 2909 tal-codice civile (il-Kodiċi Ċivili), fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni, fuq użu ħażin ta’ poter u fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

    34

    Is-seba’ motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 11 u 17 tar-Regolament Nru 1191/69, tal-Artikoli 93 sa 108 TFUE, fuq użu ħażin ta’ poter, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, fuq l-insuffiċjenza tal-istruzzjoni u fuq in-natura żbaljata ta’ kundizzjoni preliminari.

    35

    It-tmien motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1 sa 11 u 17 tar-Regolament Nru 1191/69, tal-Artikoli 93 sa 108 TFUE, tal-“Artikoli 44 sa 46 u 48 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali Nru 659/1999”, fuq użu ħażin ta’ poter, fuq nuqqas ta’ istruzzjoni u ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq in-natura żbaljata ta’ kundizzjoni preliminari.

    36

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm huwa.

    It-talbiet tal-partijiet

    37

    Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiddeċiedi definittivament ir-rikors għal annullament tagħha u tannulla d-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    38

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell, u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    39

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji li ser jiġu evalwati fl-ordni li fih dawn ġew invokati.

    Fuq l-ewwel aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    40

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, fil-punti 57 sa 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, u mhux għajnuna eżistenti eżentata minn dan l-obbligu, b’mod konformi mal-Artikolu 108(1) TFUE u mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1191/69.

    41

    Hija ssostni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2012, li din id-deċiżjoni ma tistax titqies bħala li hija ta’ natura li tistitwixxi miżura ta’ kumpens għal OSP. Fil-fatt, din kienet sentenza dikjaratorja ta’ dritt li kien jeżisti min qabel, ibbażat fuq ir-Regolament Nru 1191/69.

    42

    Fi kwalunkwe każ, skont l-appellanti, il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1191/69 huma ssodisfatti. Fl-ewwel lok, effettivament kien jeżistu obbligi tariffarji li jinkombu lill-appellanti, li kienu jirriżultaw mid-dritt nazzjonali, li l-Qorti Ġenerali għamlet hija stess riferiment għalihom fil-punt 110 tas-sentenza appellata, jiġifieri l-legge regionale n. 9 – Disciplina e coordinamento tariffario dei servizi di trasporto di competenza regionale (i-liġi reġjonali Nru 9, dwar ir-regolament u l-koordinazzjoni tariffarja tas-servizzi ta’ trasport ta’ porata reġjonali), tas-26 ta’ Jannar 1987 (BU Campania tat-2 ta’ Frar 1987, iktar ’il quddiem il-“liġi reġjonali Reġjonali Nru 9/87”) u d-deliberazzjoni tal-Assessore ai trasporti (Evalwatur tat-trasporti, L-Italja). Fit-tieni lok, il-kriterju marbut mal-istabbiliment ex ante tal-ammont tal-kumpens, previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1191/69, fil-każ odjern ġie osservat fil-kuntest tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2012.

    43

    Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, f’kull każ, bħala infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    44

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti essenzjalment tikkontesta l-motivi tas-sentenza appellata, li bihom il-Qorti Ġenerali warrbet dik li din tal-aħħar qieset bħala l-ewwel fergħa fil-kuntest tar-raba’ u t-tmien raġuni tagħha għal annullament, ibbażata fuq il-fatt li l-kumpens li kien is-suġġett tal-miżura inkwistjoni kien jikkostitwixxi għajnuna eżistenti, eżentata mill-obbligu ta’ informazzjoni preliminari, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1191/69.

    45

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kumpens li kien is-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża kienx miżura istitwita bid-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2012 jew jekk dan kienx joriġina, kif issostni l-appellanti, mill-kuntest leġiżlattiv li jirregola l-OSP li hija kienet suġġetta għalihom u li abbażi tagħhom il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) irrikonoxxa d-dritt għal dan il-kumpens, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna li kienet is-suġġett tal-miżura inkwistjoni effettivament ingħatat lill-appellanti bħala miżura addizzjonali għall-obbligi tariffarji li hija kienet suġġetta għalihom skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1191/69.

    46

    Fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali minn dan iddeduċiet li l-kwistjoni dwar jekk din il-miżura kinitx tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, kienet tirrikjedi li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija miżura tissodisfax il-kriterjij materjali previsti mir-Regolament Nru 1191/69, sabiex tkun tista’ tiġi eżentata mill-obbligu ta’ notifika preliminari, skont l-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament.

    47

    Min-naħa l-oħra, bħall-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 96 tal-imsemmija sentenza, li din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni kienet tirrikjedi b’mod partikolari l-eżistenza ta’ OSP imposti unilateralment u li l-kumpens għandu jiġi kkalkulat skont il-metodu previst fl-Artikoli 10 sa 13 tal-imsemmi regolament.

    48

    F’dan ir-rigward, fil-punt 106 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li peress li l-miżura inkwistjoni ngħatat lill-appellanti mill-Consiglio di Stato (Il-Kunsill tal-Istat) abbażi tal-istess regolament, jiġifieri bħala kumpens għall-obbligu tariffarju, huwa l-kompitu tiegħu li jivverifika l-eżistenza effettiva ta’ tali obbligu, li jikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ prezzijiet fissi jew approvati mill-awtorità, kif jirrikjedi l-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1191/69.

    49

    Fi tmiem dan l-eżami, li jinsab fil-punti 106 sa 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali vvalidat, fil-punt 113 ta’ dik is-sentenza, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 79 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li skontha dik l-istituzzjoni ma kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-ebda element li jippermetti li jintwera li kienu effettivament ġew imposti obbligi tariffarji fuq l-appellanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-punt 114 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx neċessarju li tiġi analizzata n-natura possibbilment unilaterali ta’ din l-allegata miżura tariffarja.

    50

    Fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni previsti mir-Regolament Nru 1191/69, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn dan ir-regolament. Madankollu, fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, hija qieset li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kienet qieset ġustament li l-kriterju tal-istabbiliment ex ante tal-ammont tal-kumpens ma kienx issodisfatt.

    51

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li, billi l-miżura inkwistjoni ma kinitx tosserva tal-inqas wieħed mill-kriterji materjali previsti mir-Regolament Nru 1191/69, il-Kummissjoni kienet, ġustament, ikkonkludiet li din tal-aħħar ma setgħetx tiġi eżentata mill-obbligu ta’ notifika preliminari, skont l-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament, u, konsegwentement, kellha tiġi kklassifikata mhux bħala għajnuna eżistenti, iżda bħala għajnuna ġdida li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

    52

    Issa, għalkemm l-argument invokat mill-appellanti insostenn tal-ewwel aggravju tagħha huwa intiż, essenzjalment, li jikkontesta l-konklużjoni li tinsab fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li skontha l-miżura inkwistjoni kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-aggravju ma jinkludi l-ebda argument intiż li juri li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, riprodott fil-punti 45 sa 51 tas-sentenza odjerna u li wassal għal din il-konklużjoni, kien ivvizzjat minn xi żball ta’ liġi.

    53

    Fil-fatt, l-appellanti sempliċiment issostni, essenzjalment, li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, peress li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009, li rrikonoxxiet id-dritt tagħha li tirċievi l-kumpens kontenzjuż skont ir-Regolament Nru 1191/69, kienet sentenza li tiddikjara dritt li kien jeżisti minn qabel ibbażat fuq dan ir-regolament.

    54

    Sa fejn tali dikjarazzjoni ma hijiex sostnuta b’mod ieħor, bi ksur tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 256 TFUE, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fl-Artikolu 168(1)(d), u fl-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel aggravju bħala inammissibbli.

    Fuq it-tieni aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    55

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tindirizza l-punti 121 sa 136 tas-sentenza appellata u ssostni li dawn il-punti huma vvizzjati minn żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali fihom iddeċidiet li l-kundizzjonijiet Altmark ma kinux ġew osservati.

    56

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li kien suffiċjenti li sempliċiment tivverifika li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kienet issodisfatta, jiġifieri dik marbuta mal-eżistenza ta’ OSP iddefinita b’mod ċar, mingħajr ma kellha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet imsemmija l-oħra kinux issodisfatti. Kien għalhekk b’mod żbaljat li hija sempliċiment ivverifikat b’mod inċidentali, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, jekk kinitx issodisfatta t-tieni waħda minn dawn l-istess kundizzjonijiet, marbuta mad-definizzjoni preliminari tal-parametri tal-kalkolu tal-kumpens.

    57

    Fir-rigward tal-allegata assenza ta’ OSP għall-karigu tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali naqset milli tqis li l-OSP imposta fuqha toriġina mill-Artikoli 2 sa 6 tal-liġi reġjonali Nru 9, tas-26 ta’ Jannar 1987. Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali hija kritikabbli sa fejn hija ħadet inkunsiderazzjoni d-deliberazzjoni tal-evalwatur tat-trasporti u ammettiet li din id-deċiżjoni kienet timponi obbligi tariffarji fuq l-appellanti, mingħajr madankollu ma rrikonoxxiet li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi kumpens għall-eżekuzzjoni ta’ OSP. F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li ċ-ċirkustanza li l-imsemmija deċiżjoni ma ġietx prodotta quddiem il-Kummissjoni hija l-konsegwenza ta’ żvolġiment anormali tal-proċedura amministrattiva, sa fejn ir-reġjun kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-istess deċiżjoni u li din tal-aħħar ma kellhiex interess li tipproduċiha fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

    58

    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni Altmark, din ġiet eżaminata fil-qosor fil-punt 134 tas-sentenza appellata, permezz ta’ rinviju żbaljat għall-punti 117 sa 119 ta’ din is-sentenza. F’dan il-punt 134, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod skorrett l-osservanza tal-kundizzjoni prevista mir-Regolament Nru 1191/69, marbuta mal-istabbiliment ex ante tal-kumpens, mhux fir-rigward tal-parametri li abbażi tagħhom huwa kkalkulat dan il-kumpens, kif kienet teżiġi s-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415), iżda inkonnessjoni mal-ammont tal-miżura inkwistjoni. Barra minn hekk, l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni kienet tirriżulta, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009. Din tal-aħħar fil-fatt kienet turi li l-parametri tal-kalkolu tal-kumpens ġew iddefiniti minn qabel u li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) sempliċiment applikahom, wara li kkonstata nuqqas tar-reġjun fl-istabbiliment ta’ dan il-kumpens.

    59

    Fl-aħħar, minkejja li t-tielet u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark ma kienu s-suġġett ta’ ebda eżami fis-sentenza appellata, l-appellanti ssostni li mid-deċiżjoni tar-rinviju tas-7 ta’ Novembru 2012 jirriżulta li dawn il-kundizzjonijiet ukoll ġew issodisfatti.

    60

    Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, f’kull każ, bħala infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    61

    Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti essenzjalment tikkontesta l-motivi tas-sentenza appellata, li bihom il-Qorti Ġenerali warrbet dak li hija qieset bħala t-tieni parti tar-raba’ u t-tmien motivi għal annullament, marbuta ma’ żball allegatament imwettaq mill-Kummissjoni li kkunsidrat li tnejn mill-kundizzjonijiet Altmark ma kinux ġew issodisfatti.

    62

    Sa fejn it-tieni aggravju jirrigwarda l-kundizzjonijiet Altmark, għandu jiġi rrilevat, kif diġà fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 123 tas-sentenza appellata, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE intervent statali meqjus bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jgawdux, fil-verità, minn vantaġġ finanzjarju u li l-imsemmi intervent ma għandux għaldaqstant l-effett li jqiegħed lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi kompetituri (sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, EU:C:2003:415, punt 87, kif ukoll tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il-Kummissjoni, C-66/16 P sa C-69/16 P, EU:C:2017:999, punt 45, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    B’hekk, intervent statali li ma jissodisfax kundizzjoni Altmark waħda jew iktar jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il-Kummissjoni, C-66/16 P sa C-69/16 P, EU:C:2017:999, punt 48, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    F’dan ir-rigward, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li, sabiex, f’każ konkret, tali kumpens ikun jista’ jevita l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, għandhom ikunu ssodifatti l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 88 sa 93 tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark (C-280/00, EU:C:2003:415) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il-Kummissjoni, C‑66/16 P sa C-69/16 P, EU:C:2017:999, punt 46).

    65

    Fil-punti 129 sa 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat, billi bbażat ruħha fuq il-punti 106 sa 114 ta’ din is-sentenza, il-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li ma kinitx intweriet l-eżistenza ta’ OSP imposta unilateralment u li konsegwentement, ma kinitx ġiet issodisfatta l-ewwel kundizzjoni Altmark.

    66

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 132 u 133 tas-sentenza appellata, filwaqt li bbażat ruħha fuq in-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet Altmark, li, ġaladarba l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma kinitx issodisfatta, ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kontenzjuża, marbuta mat-tieni kundizzjoni Altmark.

    67

    Sa fejn, permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta wkoll l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 106 sa 114 tas-sentenza appellata fuq l-allegata eżistenza ta’ OSP li kien ġie impost fuq l-appellanti mid-dritt nazzjonali, jeħtieġ li jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi, għalhekk, ma tikkostitwixxix, ħlief meta tiżnatura l-fatti jew il-provi, punt ta’ liġi li, bħala tali, huwa suġġett għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni, C-70/16 P, EU:C:2017:1002, punt 47, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    Issa, f’dan il-każ, l-appellanti ma sostnietx u, a fortiori, ma wrietx tali żnaturament tad-dritt nazzjonali.

    69

    Barra minn hekk, billi l-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni fuq it-tielet u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark, hemm lok li jitwarrbu bħala inammissibbli l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq il-fatt li dawn il-kundizzjonijiet kienu, fil-każ ineżami, issodisfatti.

    70

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud, parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondat.

    Fuq it-tielet aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    71

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 137 sa 154 tas-sentenza appellata, billi qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet valida fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dan l-aggravju jindirizza, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li skonthom din il-klassifikazzjoni tirrikjedi li l-għajnuna, minn naħa, taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, toħloq distorzjoni jew tista’ toħloq theddida ta’ distorzjoni tal-kompetizzjoni.

    72

    Skont l-appellanti, is-suq tas-servizz inkwistjoni ma huwiex suq miftuħ għall-kompetizzjoni. Minkejja li kien hemm ftuħ progressiv ta’ dan is-suq għall-kompetizzjoni, xorta kienet għadha ma teżisti l-ebda kompetizzjoni “għas-suq” jew “fis-suq”. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 149 tas-sentenza appellata, meta kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kienet timplika ostaklu għall-kompetizzjoni peress li impriżi, inklużi impriżi barranin, jistgħu jkunu jridu jipprovdu s-servizzi tagħhom ta’ trasport pubbliku fis-suq, b’mod partikolari fuq is-swieq lokali jew reġjonali, li fuqhom l-appellanti bbenefikat minn din il-miżura.

    73

    Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat u, f’kull każ, bħala ineffettiv.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    74

    It-tielet aggravju huwa intiż li jpoġġi f’dubju l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kundizzjonijiet li skonthom għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għandha, minn naħa, taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, toħloq jew thedded li toħloq distorzjoni tal-kompetizzjoni.

    75

    F’dan ir-rigward, għalkemm l-appellanti tindirizza, b’mod ġenerali, il-punti 137 sa 154 tas-sentenza appellata, hija essenzjalment issostni li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali jinsab, fil-punt 149 ta’ din is-sentenza, sa fejn il-Qorti Ġenerali permezz tiegħu ddeċidiet li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi ostaklu għall-kompetizzjoni, sa fejn impriżi, inklużi impriżi barranin, setgħu jkunu jridu jipprovdu s-servizzi tagħhom ta’ trasport pubbliku fis-suq Taljan, b’mod partikolari lokali jew reġjonali.

    76

    Minbarra l-fatt li t-tielet aggravju fil-verità huwa intiż li jpoġġi f’dubju l-evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, liema evalwazzjonijiet jevitaw, kif tfakkar fil-punt 67 tas-sentenza odjerna, fl-assenza ta’ kull żnaturament, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, ineffettiv sa fejn jikkonċerna unikament il-punt 149 tas-sentenza appellata.

    77

    Fil-fatt, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-provi li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, fil-premessi 66 sa 68 tad-deċiżjoni kontenzjuża, kienet ta’ natura li turi li l-għoti tal-miżura inkwistjoni seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li joħloq distorzjoni fil-kompetizzjoni.

    78

    F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha mhux biss fuq il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 149 tas-sentenza appellata, li hija kkritikata mill-appellanti, iżda fuq żewġ kostatazzjonijiet oħra, li jinsabu fil-punti 150 u 151 ta’ din is-sentenza, li essenzjalment ma humiex ikkontestati mill-appellanti.

    79

    Fil-punt 150 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, li l-attività interna tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tinżamm jew tiżdied minħabba l-miżura inkwistjoni, bil-konsegwenza li jitnaqqsu l-oppportunitajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw fis-suq inkwistjoni. Fil-punt 151 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat li ċ-ċirkustanza li l-appellanti kienet f’kompetizzjoni mal-impriżi ta’ Stati Membri oħra wkoll fi swieq oħra, li hija kienet attiva fihom, kienet tikkostitwixxi prova ta’ natura li turi li l-għoti tal-għajnuna li hija s-suġġett tal-miżura inkwistjoni seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    80

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitwarrab it-tielet aggravju bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala ineffettiv.

    Fuq ir-raba’ aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    81

    Bir-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fil-punti 155 sa 195 tas-sentenza appellata. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

    82

    Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kellha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, filwaqt li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ta deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata inkonnessjoni ma’ din il-miżura.

    83

    F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 185, 186 u 188 tas-sentenza appellata hija irrilevanti, sa fejn din kienet tikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom kienet teżisti deċiżjoni tal-Kummissjoni preċedenti għal proċedura ġudizzjarja nazzjonali. Minn dan kien jirriżulta żball ta’ liġi wkoll fil-punt 190 tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata ma jistax iwaqqaf lill-Kummissjoni milli tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna illegali mill-Istat, minkejja li din il-klassifikazzjoni tkun ġiet preċedentement miċħuda minn qorti nazzjonali tal-aħħar istanza. Skont l-appellanti, tali approċċ ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u s-sentenza appellata hija nieqsa minn kull motivazzjoni dwar dan il-punt.

    84

    F’dan il-każ, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ma adottax deċiżjoni kuntrarja għal deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni. Huwa ta deċiżjoni b’mod awtonomu qabel il-Kummissjoni, billi applika direttament ir-Regolament Nru 1191/69 u billi kklassifika l-miżura inkwistjoni bħala kumpens għal OSP tariffarji, fatt li ppermettielu li jeskludi l-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna mill-Istat. L-intervent eventwali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, f’dan il-każ il-Kummissjoni, setgħet tkun fil-forma ta’ domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ma qiesx li huwa neċessarju li jressaq quddiemha tali domanda. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kienet implikata b’mod irregolari, peress li l-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mad-dritt tal-Unjoni kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata fil-livell nazzjonali.

    85

    Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti tqajjem “anomalija proċedurali” sa fejn in-notifika lill-Kummissjoni tal-miżura inkwistjoni mir-reġjun twettqet bil-ħsieb li tinkiseb deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni, fatt li jippermetti li jiġu spjegati r-raġunijiet li għalihom dan ir-reġjun kien ipprovda lil din l-istituzzjoni xejn iktar ħlief informazzjoni frammentarja inkonnessjoni ma’ din il-miżura. B’hekk, il-Kummissjoni kisret il-qafas proċedurali li hija suġġett għalih, kif dan jirriżulta mir-Regolament Nru 659/1999 u mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9). Ir-reġjun ġie kkunsidrat b’mod żbaljat bħala “parti kkonċernata”, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament 2015/1589, u mhux bħala l-awtur tan-notifika lill-Kummissjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata l-illegalità tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba tali irregolarità. Barra minn hekk, dawn ir-regolamenti ġew applikati mod illegali, fatt li kien jippreġudika d-drittijiet tad-difiża.

    86

    Permezz tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li r-rikonoxximent mill-Qorti Ġenerali tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq miżura li tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li jkollha l-awtorità ta’ res judicata jikser ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn, fil-kawża odjerna, iddekorrew iktar minn ħames snin bejn il-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni nazzjonali u dak li fih il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha. Tali perijodu diġà ttieħed inkunsiderazzjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijet tal-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni fid-dawl ta’ dan il-prinċipju. Fil-punt 192 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni (C-630/11 P sa C-633/11 P, EU:C:2013:387, punt 134), li l-aspettattivi leġittimi jistgħu jiġu invokati biss jekk ikun osservat l-obbligu ta’ notifika. Madankollu, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-fatt li, fil-kawża odjerna, din in-notifika ma kinitx neċessarja, peress li, għal kuntrarju ta’ dak li din tal-aħħar kienet iddeċidiet, il-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna ġdida. Barra minn hekk, tista’ tiġi stabbilita rabta bejn il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li tikkostitwixxi limitu għall-obbligu ta’ rkupru, kif jirriżulta mill-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999. Barra minn hekk, l-appellanti setgħet, fl-opinjoni tagħha, tiżviluppa aspettattiva leġittima fuq iċ-ċirkustanza li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ma kienx qies li huwa neċessarju li jressaq domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja inkonnessjoni mal-miżura inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija tqis li setgħet b’mod leġittimu tafda fil-legalità ta’ din il-miżura, peress li kienu eżawriti r-rimedji kollha.

    87

    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud, parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    88

    Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, li t-tliet fergħat tiegħu jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti essenzjalment tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi billi ċaħdet l-ewwel, il-ħames u s-sitt motiv tagħha għal annullament, li kienu jirrigwardaw l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din id-deċiżjoni, fl-opinjoni tagħha, kienet tmur kontra deċiżjoni tal-qorti nazzjonali li kellha l-awtorità ta’ res judicata.

    89

    F’dan ir-rigward, fil-punti 184 sa 188 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret li l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija msejsa fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, min-naħa l-waħda, il-qrati nazzjonali u, min-naħa l-oħra, rispettivament, il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni, fejn fil-kuntest tagħha kull waħda taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat FUE.

    90

    B’hekk, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, ġustament, filwaqt li bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qrati nazzjonali jistgħu, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jiġu aditi b’kawżi li jobbligawhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ għajnuna, previst fl-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiddeterminaw jekk ġietx stabbilita miżura statali bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Għall-kuntrarju, il-qrati nazzjonali ma għandhomx il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan il-każ, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, EU:C:2007:434, punti 50 sa 52, u tal-15 ta’ Settembru 2016, PGE, C-574/14, EU:C:2016:686, punti 30 sa 32).

    91

    Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 186 tas-sentenza appellata, din il-ġurisprudenza timplika li l-qrati nazzjonali għandhom jastjenu, b’mod partikolari, milli jadottaw deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    92

    Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-appellanti, fis-sitwazzjoni inversa, li fiha teżisti deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali marbuta ma’ miżura statali li tippreċedi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jirriżulta wkoll mill-imsemmija ġurisprudenza li din iċ-ċirkustanza ma tistax tostakola lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenza esklużiva mogħtija lilha mit-Trattat FUE inkonnessjoni mal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern.

    93

    Madankollu, l-eżerċizzju ta’ tali kompetenza jimplika li l-Kummissjoni tista’ teżamina, skont l-Artikolu 108 TFUE, jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat li kellha tiġi nnotifikata lilha, b’mod konformi mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, f’sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet ta’ Stat Membru qiesu li din il-miżura ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE, inkluż meta dawn l-awtoritajiet ikunu kkonformaw ruħhom, f’dan ir-rigward, mal-evalwazzjoni ta’ qorti nazzjonali.

    94

    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-fatt li din il-qorti adottat deċiżjoni li akkwistat l-awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, hemm lok li jiġi enfasizzat li r-regola tal-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni tifforma parti mill-ordinament ġuridiku intern b’konsegwenza tal-prinċipju ta’ supermazija tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 62).

    95

    B’hekk, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 188 tas-sentenza appellata, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata jostakola l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur ta’ dan id-dritt u li l-inkompatibbiltà tagħha ikkonstatata b’deċiżjoni tal-Kummissjoni li saret definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 63).

    96

    Bl-istess mod, kien b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 190 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata ma jistax jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna illegali mill-Istat, minkejja li tali klassifikazzjoni tkun ġiet preċedentement miċħuda minn qorti nazzjonali tal-aħħar istanza.

    97

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 190 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha l-kompetenza sabiex teżamina skont l-Artikolu 108 TFUE l-miżura inkwistjoni, peress li din tal-aħħar kienet tikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-punt 189 ta’ dik is-sentenza, għajnuna illegali, minkejja li l-imsemmija miżura kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat).

    98

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument tal-appellanti, ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    99

    Fil-fatt, hemm lok jitfakkar li d-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju jappartjeni lil kull persuna suġġetta għal-liġi li fir-rigward tagħha istituzzjoni tal-Unjoni, billi tkun ipprovdiet assigurazzjonijiet preċiżi, tkun ħolqot fiha aspettattivi fondati (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, C-537/08 P, EU:C:2010:769, punt 63, u tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C-630/11 P sa C-633/11 P, EU:C:2013:387, punt 132, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    100

    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, li minnha tirriżulta dik li bbażat ruħha fuqha l-Qorti Ġenerali fil-punt 192 tas-sentenza appellata, l-appellanti ma tistax issostni li d-deċiżjoni tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ħolqot fir-rigward tagħha aspettattivi fondati, sabiex hija topponi l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tal-kompetenza esklużiva tagħha, kif din ġiet irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 90 tas-sentenza odjerna.

    101

    Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument tal-appellanti, ibbażat fuq “anomalija proċedurali” li taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, hemm lok li dan jiġi ddikjarat inammissibbli, peress li l-appellanti ma tidentifika l-ebda motiv tas-sentenza appellata li hija tintendi speċifikament li tikkritika.

    102

    Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    Fuq il-ħames aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    103

    Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li r-Regolament Nru 1370/2007 kien applikabbli ratione temporis u ratione materiae sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 216 tas-sentenza appellata, li l-kriterju rilevanti hija d-data li fiha l-miżura ġiet eżegwita jew l-għajnuna mħallsa, li fil-każ ineżami, hija data wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament. Il-punt 220 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni inkonnessjoni mal-applikazzjoni materjali tal-istess regolament ineżami.

    104

    Skont l-appellanti, ma hemm l-ebda dubju li r-Regolament Nru 1370/2007 ma huwiex applikabbli fil-każ odjern, sa fejn dan ir-regolament jagħmel riferiment biss għal “kuntratti għal servizz pubbliku”, li, skont l-Artikolu 5(1) u (3) tal-imsemmi regolament għandhom jingħataw permezz ta’ sejħa għal offerti. Madankollu, il-kuntratti inkwistjoni ma kienu suġġetti għal ebda sejħa għal offerti u ma kienu jaqgħu taħt ebda eċċezzjoni għar-regola ta’ sejħa għal offerti prevista mill-istess regolament.

    105

    Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    106

    Permezz tal-ħames aggravju, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta ċaħdet it-tielet motiv tagħha għal annullament, li bih hija kienet qiegħda tikkontesta l-għażla tal-Kummissjoni, fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li teżamina l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni fid-dawl tar-Regolament Nru 1370/2007, li daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009 u ħassar ir-Regolament Nru 1191/69.

    107

    Sa fejn l-appellanti sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li, fir-rigward tad-data ta’ eżekuzzjoni tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-data tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 u mhux dik tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2012, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 216 tas-sentenza appellata, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna hija d-data li fiha din il-miżura ġiet eżegwita jew li fiha din l-għajnuna tħallset, jiġifieri fil-każ ineżami l-21 ta’ Diċembru 2012.

    108

    Għalkemm, ċertament, permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti tqis li dan il-punt 216 huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi, hija bl-ebda mod ma tindika madankollu fiex kien jikkonsisti dan l-iżball, b’tali mod li l-argument tagħha għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    109

    Fir-rigward tal-ilment tal-appellanti li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni inkonnessjoni mal-applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1370/2007, jeħtieġ jiġi rrilevat li dan l-ilment huwa bbażat fuq qari mhux komplet tas-sentenza appellata.

    110

    Fil-fatt, mill-punti 208 u 209 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wieġbet għall-argument tal-appellanti li skontu r-Regolament Nru 1370/2007 ma kienx applikabbli għall-eżami tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni, peress li dan ir-regolament kien ibbażat fuq il-kunċett ta’ kuntratt għal servizz pubbliku u li, fil-kawża odjerna, ir-reġjun ma kien ikkonkluda l-ebda kuntratt. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali indikat li din il-kwistjoni kienet diġà ġiet eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Andersen (C-303/13 P, EU:C:2015:647), u li l-partijiet kellhom l-okkażjoni li jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din is-sentenza b’risposta għall-mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, kif ukoll waqt is-seduta, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-appellanti fil-kuntest tal-appell tagħha.

    111

    Barra minn hekk, fil-punt 220 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-appellanti, marbuta ma’ “applikazzjoni illoġika u irrazzjonali tar-Regolament Nru 1370/2007” għal sitwazzjoni li fiha ma kienx ġie konkluż kuntratt għal servizz pubbliku, iżda fejn l-OSP kienu joriġinaw minn skema ta’ konċessjoni, filwaqt li għamlet riferiment għall-punti preċedenti ta’ din is-sentenza, li fihom il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet applikat ġustament ir-regoli ddefiniti f’dan ir-regolament.

    112

    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-punt 220 tas-sentenza appellata, moqri fid-dawl b’mod partikolari tal-punti 208 u 209 ta’ din tal-aħħar, huwa ta’ natura li jippermetti kemm lill-appellanti li tifhem ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tagħha kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi siffiċjenti sabiex tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-kuntest tal-appell, b’tali mod li huwa konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni, C-214/12 P, C-215/12 P u C-223/12 P, EU:C:2013:682, punt 81, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    113

    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi miċħud bħala infondat l-ilment tal-appellanti bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    114

    Fl-aħħar, hemm lok ukoll li jiġi miċħud l-argument tal-appellanti bbażat fuq il-fatt li r-Regolament Nru 1370/2007 ma huwiex applikabbli ratione materiae għall-kawża odjerna. Fil-fatt, dan l-argument huwa inammissibbli sa fejn l-appellanti tonqos milli tindika l-punt tas-sentenza appellata li hija trid tikkontesta u milli tidentifika xi żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward.

    115

    Konsegwentement, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment, infondat.

    116

    Peress li ma ntlaqa’ l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    117

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dan ir-regolament, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 184(1) tal-imsemmi regolament, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Buonotourist Srl hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top