This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0573
Judgment of the Court (Tenth Chamber) of 9 October 2019.#C GmbH & Co. KG and C-eG v Finanzamt Z.#Requests for a preliminary ruling from the Bundesfinanzhof.#Reference for a preliminary ruling — Sixth Council Directive 77/388/EEC — Article 11A(1)(a) — Taxable amount — Subsidy directly linked to price — Regulation (EC) No 2200/96 — Article 11(1) and Article 15 — Producer organisation having set up an operational fund — Deliveries made by the producer organisation to its members in exchange for payments not covering the entirety of the purchase price — Additional financing paid by the operational fund.#Joined Cases C-573/18 and C-574/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tad-9 ta’ Ottubru 2019.
C GmbH & Co. KG u C-eG vs Finanzamt Z.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesfinanzhof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 11A(1)(a) – Valur taxxabbli – Sussidju marbut direttament mal-prezz – Regolament (KE) Nru 2200/96 – Artikolu 11(1) u Artikolu 15 – Organizzazzjoni ta’ produtturi agrikoli li kkostitwixxiet fond operazzjonali – Kunsinni li saru mill-organizzazzjoni ta’ produtturi lill-membri tagħha inkambju ta’ ħlasijiet li ma jkoprux it-totalità tal-prezz tax-xiri – Finanzjament addizzjonali mħallas mill-fond operazzjonali.
Kawżi magħquda C-573/18 u C-574/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tad-9 ta’ Ottubru 2019.
C GmbH & Co. KG u C-eG vs Finanzamt Z.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesfinanzhof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 11A(1)(a) – Valur taxxabbli – Sussidju marbut direttament mal-prezz – Regolament (KE) Nru 2200/96 – Artikolu 11(1) u Artikolu 15 – Organizzazzjoni ta’ produtturi agrikoli li kkostitwixxiet fond operazzjonali – Kunsinni li saru mill-organizzazzjoni ta’ produtturi lill-membri tagħha inkambju ta’ ħlasijiet li ma jkoprux it-totalità tal-prezz tax-xiri – Finanzjament addizzjonali mħallas mill-fond operazzjonali.
Kawżi magħquda C-573/18 u C-574/18.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:847
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
9 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikolu 11A(1)(a) – Valur taxxabbli – Sussidju marbut direttament mal-prezz – Regolament (KE) Nru 2200/96 – Artikolu 11(1) u Artikolu 15 – Organizzazzjoni ta’ produtturi agrikoli li kkostitwixxiet fond operazzjonali – Kunsinni li saru mill-organizzazzjoni ta’ produtturi lill-membri tagħha inkambju ta’ ħlasijiet li ma jkoprux it-totalità tal-prezz tax-xiri – Finanzjament addizzjonali mħallas mill-fond operazzjonali”
Fil-Kawżi magħquda C‑573/18 u C‑574/18,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-13 ta’ Ġunju 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Settembru 2018, fil-proċeduri
C GmbH & Co. KG (C‑573/18),
C-eG (C‑574/18)
vs
Finanzamt Z,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u S. Eisenberg, sussegwentement minn S. Eisenberg, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u R. Pethke, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(A)(1)(a) kif ukoll tal-Artikoli 20 u 27 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”). |
2 |
Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, C GmbH & Co. KG u C‑eG, u, min-naħa l-oħra, Finanzamt Z (l-Amministrazzjoni Fiskali Z, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Fiskali”) dwar avviżi marbuta mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 55) jipprovdi: “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘organizzazzjoni ta’ produtturi’ tfisser kull entità legali:
|
4 |
L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2200/96 jipprovdi: “Assistenza finanzjarja mill-Komunità għandha tingħata skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jistabbilixxu fond ta’ operazzjoni. Dan il-fond għandu jkun mantenut minn kontribuzzjonijiet finanzjarji mposti fuq il-produtturi membri fuq il-bażi tal-kwantitajiet jew valur tal-frott u ħaxix attwalment imqiegħda fis-suq u mill-assistenza finanzjarja li għaliha jirreferi l-ewwel subparagrafu.” |
5 |
L-Artikolu 11A(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi: “L-ammont taxxabbli għandu jkun:
[…]” |
6 |
L-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “It-tnaqqis inizzjali għandu jkun aġġustat b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri b’mod partikolari:
[…]” |
7 |
L-Artikolu 27 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Il-Kunsill, jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunwe’ Stat Membru biex jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, biex tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tat-taxxa jew biex iżommu ċertu tipi ta’ evażjoni tat-taxxa jew evitar. Miżuri intiżi biex jissimplifikaw il-proċedura għall-ġbir tat-taxxa, ħlief għal ħaġa negliġibbli, tista’ ma taffettwax l-ammont ta’ taxxa dovuta fl-istadju finali tat-taxxa. […] 5. Dawk l-Istati Membri li applikaw fl-1 ta’ Jannar 1977 miżuri speċjali tat-tip msemmija fil-paragrafu 1 fuq jistgħu iżommuhom dejjem jekk jinnotifikaw lill-Kummissjoni bihom qabel l-1 ta’ Jannar 1978 u jipprovdu li fejn it-tali derogi huma maħsuba biex jissimplifikaw il-proċedura għall-ġbir tat-taxxa huma jikkonformaw mal-ħtieġa stabbilita fil-paragrafu 1 fuq.” |
Id-dritt Ġermaniż
8 |
L-Artikolu 1(1) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), fil-verżjoni applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UstG”), jistabbilixxi: “It-tranżazzjonijiet segwenti għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:
[…]” |
9 |
Skont l-Artikolu 3 tal-UStG: “(1) Il-kunsinni ta’ imprenditur huma l-provvisti li permezz tagħhom dan tal-aħħar jew terz awtorizzat minnu jagħti lil xerrej jew lil terz f’ismu d-dritt li jiddisponi minn beni f’ismu stess (trasferiment tas-setgħa ta’ disponiment). […] (12) Ikun hemm skambju meta l-korrispettiv ta’ kunsinna jikkonsisti f’kunsinna. Tranżazzjoni tkun ekwiparabbli għal skambju meta l-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi jikkonsisti f’kunsinna jew provvista oħra.” |
10 |
L-Artikolu 10 tal-UStG jipprovdi: “(1) Fir-rigward ta’ kunsinni u ta’ provvisti oħra (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1)(1)) […], id-dħul mill-bejgħ għandu jiġi ddeterminat skont il-korrispettiv. Il-korrispettiv huwa kkostitwit minn dak kollu li jsostni l-benefiċjarju tal-provvista sabiex jikseb din tal-aħħar, bl-esklużjoni madankollu tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ. Huwa inkluż ukoll mal-korrispettiv dak li persuna għajr il-benefiċjarju tħallas lill-imprenditur għall-provvista […] (2) […] Fil-kuntest tal-iskambju (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(12)) [u] ta’ tranżazzjonijiet ekwiparabbli għal skambju (it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(12)) […], il-valur ta’ kull tranżazzjoni jikkostitwixxi l-korrispettiv tat-tranżazzjoni l-oħra. It-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ma tagħmilx parti mill-korrispettiv. […] (4) Id-dħul mill-bejgħ huwa kkalkolat:
[…] It-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ma għandhiex tiġi inkluża fl-ammont taxxabbli. (5) Il-paragrafu 4 għandu japplika mutatis mutandis:
meta l-ammont taxxabbli fis-sens tal-paragrafu 4 ikun ogħla mill-korrispettiv fis-sens tal-paragrafu 1.” |
11 |
L-Artikolu 1(1) tal-KStG jipprovdi: “Huma kompletament suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-kumpanniji, assoċjazzjonijiet ta’ persuni u assi patrimonjali li ċ-ċentru amministrattiv jew l-uffiċċju rreġistrat tagħhom ikun stabbilit fit-territorju nazzjonali: […]
[…]” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
Ir-rikorrenti fil-Kawża C‑573/18 hija kumpannija bil-forma ġuridika “GmbH & Co. KG”. Din il-kumpannija qiegħda tikkontesta avviżi ta’ taxxa rettifikattivi maħruġa għas-snin 2005 u 2006. |
13 |
Ir-rikorrenti fil-Kawża C‑574/18 hija kumpannija bil-forma ġuridika “eingetragene Genossenschaft” jew “eG”, jiġifieri kooperattiva rreġistrata, aventi kawża ta’ kooperattiva oħra rreġistrata. Din il-kooperattiva qiegħda tikkontesta avviżi ta’ taxxa rettifikattivi maħruġa għas-snin 2002 u 2003. |
14 |
Matul is-snin inkwistjoni, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu bejjiegħa bl-ingrossa tal-frott u tal-ħaxix. Fil-kwalità tagħhom ta’ “organizzazzjoni ta’ produtturi”, fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96, huma kienu jbigħu prodotti kkultivati minn produtturi li kienu membri tal-organizzazzjoni tagħhom. |
15 |
Konformement mal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu joperaw fond operazzjonali kull waħda. Dan il-fond huwa patrimonju speċjali rregolat mid-dritt privat fis-sens tal-Artikolu 1(1)(5) tal-KStG, u huwa ffinanzjat nofs mill-kontribuzzjonijiet tal-produtturi membri tal-organizzazzjoni u nofs mill-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea. Ir-riżorsi tal-imsemmi fond jippermettu li jiġu ffinanzjati investimenti f’holdings individwali tal-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi. |
16 |
Għal dan il-għan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu jikkonkludu ma’ diversi produtturi membri tal-organizzazzjoni kuntratti ta’ akkwist u ta’ użu ta’ beni ta’ investiment. L-ordnijiet tal-beni li kienu s-suġġett ta’ dawn il-kuntratti kienu jsiru minn dawn tal-aħħar direttament mingħand il-fornituri preċedenti. Dawn il-fornituri kienu jindirizzaw il-fatturi lilhom. |
17 |
Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-Kawża C‑573/18 kienet tiffattura lill-produtturi kkonċernati, skont il-każ, 50 % jew 75 % tal-ispejjeż tal-akkwist tagħha flimkien mal-VAT, filwaqt li l-ispejjeż li kien jifdal kienu ffinanzjati mill-fond operazzjonali. Ir-rikorrenti fil-Kawża C‑574/18 kienet tiffattura lill-produtturi kkonċernati 50 % tal-ispejjeż tal-akkwist tagħha flimkien mal-VAT, filwaqt li l-ispejjeż li kien jifdal kienu ffinanzjati mill-fond operazzjonali. |
18 |
Matul perijodu partikolari tal-użu tal-beni akkwistati, il-produtturi kienu marbuta jikkunsinnaw il-prodotti tagħhom lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom u jħallsu kontribuzzjoni għall-bejgħ tal-prodotti tagħhom, imsejħa “kontribuzzjoni finanzjarja” fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2200/96. Fil-każ tar-rikorrenti fil-Kawża C‑573/18, din il-kontribuzzjoni finanzjarja kienet tammonta għal 1.75 % tal-prezz tal-bejgħ tal-prodotti u, fil-każ tar-rikorrenti fil-Kawża C‑574/18, għal 3 % tal-prezz tal-bejgħ tal-prodotti. Dawn il-kontribuzzjonijiet kienu ffinanzjati mill-fondi operazzjonali. |
19 |
Wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ ingaġġ previst mill-kuntratti ta’ akkwist u ta’ użu tal-beni ta’ investiment, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu jittrasferixxu d-drittijiet ta’ koproprjetà tagħhom lill-produtturi fir-rigward tal-beni miksuba mingħajr korrispettiv. |
20 |
Matul is-snin inkwistjoni, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali naqqsu integralment il-VAT tal-input imħallsa abbażi tal-fatturi tal-fornituri u applikaw il-VAT tal-output biss fuq l-ammonti ffatturati lill-produtturi. Huma ma qisux l-ammonti mħallsa minn fondi operazzjonali bħala korrispettiv għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-beni inkwistjoni lill-produtturi, sa fejn dawn kienu joriġinaw mill-għajnuna finanzjarja. |
21 |
Wara li sar kontroll fiskali tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, l-Amministrazzjoni Fiskali qieset, fl-avviżi ta’ taxxa rettifikattivi għas-snin inkwistjoni, li mill-mument tal-akkwist tal-beni, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu taw lid-diversi produtturi setgħa ta’ disponiment fir-rigward tagħhom u b’hekk issoktaw bil-kunsinna. L-Amministrazzjoni Fiskali qieset li, bħala sussidju ġenwin, l-għajnuna finanzjarja li ġejja mill-fondi operazzjonali ma kinitx taxxabbli u, konsegwentement, applikat fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tal-output imwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-ammont taxxabbli minimu previst fl-Artikolu 10(5)(1) tal-UStG, moqri flimkien ma’ dan l-Artikolu 10(4) u qieset li l-prezz tax-xiri kien ikkostitwit mill-ammonti netti mħallsa lill-fornituri preċedenti. |
22 |
Il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja), ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kontra l-imsemmija avviżi ta’ taxxa rettifikattivi. Madankollu, minkejja li din il-qorti kkonfermat il-konklużjoni tal-Amministrazzjoni Fiskali, hija waslet għal dan ir-riżultat abbażi tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10(1) tal-UStG. Hija qieset li l-ħlasijiet li jirriżultaw mill-fondi operazzjonali kellhom jitqiesu bħala korrispettiv miksub minn terz. |
23 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) fil-kuntest tar-rikorsi għal reviżjoni li huma ppreżentaw quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja). |
24 |
Il-qorti tar-rinviju titlaq mill-prinċipju li, li kieku l-avviżi ta’ taxxa rettifikattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu evalwati esklużivament fir-rigward tad-dritt Ġermaniż, dawn ikunu legali. Madankollu, hija tistaqsi jekk ir-regoli tad-dritt nazzjonali humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
25 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis, minn naħa, li l-kunsinni ta’ beni mwettqa minn organizzazzjoni ta’ produtturi lill-membri tagħha jistgħu jiġu kklassifikati bħala skambju b’kumpens finanzjarju, peress li l-membri jimpenjaw ruħhom, minbarra fir-rigward ta’ ħlas proporzjonali, li jikkunsinnaw il-prodotti tagħhom lill-organizzazzjoni ta’ produtturi. Hija tqis, min-naħa l-oħra, li l-ħlasijiet li jirriżultaw mill-fondi operazzjonali jistgħu jitqiesu bħala sussidju direttament marbut mal-prezz tat-tranżazzjoni li għandu jiġi inkluż fil-valur taxxabbli. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑573/18 u C‑574/18:
|
27 |
B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2018, il-Kawżi C‑573/18 u C‑574/18 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
28 |
Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi osservat, preliminarjament li, kif jirriżulta mill-informazzjoni fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-kawżi prinċipali joriġinaw mill-fatt li, fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħhom għas-snin finanzjarji kkonċernati, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma qisux l-ammonti li rċeviet kull waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet f’sussidju min-naħa tal-fondi operazzjonali bħala li jikkostitwixxu korrispettiv għall-kunsinni ta’ beni lill-produtturi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ ssolvi dawn il-kawżi, li jiġi ddeterminat il-valur taxxabbli tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, fid-dawl tar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva. |
29 |
Skont din ir-regola, il-valur taxxabbli għall-kunsinna ta’ beni jew għall-provvista ta’ servizz huwa kkostitwit mill-korrispettiv effettivament irċevut mill-persuna taxxabbli min-naħa tax-“xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti” (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Hotel Scandic Gåsabäck, C‑412/03, EU:C:2005:47, punt 28). |
30 |
Billi jipprovdi li l-valur taxxabbli għall-finijiet tal-VAT jinkludi, fil-każijiet evokati minnu, is-sussidji mogħtija lill-persuni taxxabbli, l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva huwa intiż li jissuġġetta għall-VAT il-valur kollu tal-beni jew tal-provvisti ta’ servizzi u għalhekk li jevita li l-għoti ta’ sussidju jimplika qligħ inqas mit-taxxa (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑144/02, EU:C:2004:444, punt 26). |
31 |
Konformement mal-kliem tagħha stess, din id-dispożizzjoni tapplika meta s-sussidju jkun direttament marbut mal-prezz tat-tranżazzjoni inkwistjoni. Sabiex dan ikun il-każ, is-sussidju għandu jingħata speċifikament lill-operatur issussidjat sabiex dan jikkunsinna beni jew jipprovdi servizz partikolari. Huwa biss f’dan il-każ li s-sussidju jista’ jitqies bħala korrispettiv tal-kunsinna ta’ beni jew tal-provvista ta’ servizz u li għaldaqstant ikun taxxabbli (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑144/02, EU:C:2004:444, punti 27 u 28). |
32 |
Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat li x-xerrejja tal-beni jew id-destinatarji tas-servizzi jibbenefikaw mis-sussidju mogħti lill-benefiċjarju tiegħu. Fil-fatt, huwa meħtieġ li l-prezz li għandu jitħallas mix-xerrej jew mid-destinatarju jiġi stabbilit b’tali mod li jonqos proporzjonalment mas-sussidju mogħti lill-bejjiegħ tal-beni jew lill-fornitur tas-servizz, liema sussidju għalhekk jikkostitwixxi fattur li jiddetermina l-prezz mitlub minn dan tal-aħħar. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, oġġettivament, il-fatt li jingħata sussidju lill-bejjiegħ jew lid-destinatarju tas-servizz jippermettix lil dan tal-aħħar ibigħ il-beni jew jipprovdi s-servizz bi prezz inferjuri għal dak li għandu jitlob fin-nuqqas ta’ sussidju (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑144/02, EU:C:2004:444, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Barra minn hekk, il-korrispettiv irrappreżentat mis-sussidju għandu, minn tal-inqas, ikun jista’ jiġi ddeterminat (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑144/02, EU:C:2004:444, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Għalhekk, il-kunċett ta’ “sussidji marbuta direttament mal-prezz” fis-sens tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jinkludi biss is-sussidji li jikkostitwixxu l-korrispettiv totali jew parzjali ta’ tranżazzjoni ta’ kunsinna ta’ beni jew ta’ provvista ta’ servizzi u li jingħataw minn terz lill-bejjiegħ jew lid-destinatarju tas-servizz (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑144/02, EU:C:2004:444, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva huwa intiż li jieħu inkunsiderazzjoni l-korrispettiv imħallas għall-kunsinna ta’ beni jew għall-provvista ta’ servizz b’tali mod li jiġi rifless il-valur reali kollu tal-kunsinna jew tal-provvista. Għal dan il-għan, din id-dispożizzjoni tinkludi fil-valur taxxabbli, bħala korrispettiv, is-sussidji marbuta direttament mal-prezz ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. |
36 |
Fil-każ ineżami, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-ħlasijiet li joriġinaw mill-fondi operazzjonali tħallsu lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-kunsinna ta’ beni ta’ investiment u bbenefikaw minnhom il-produtturi kkonċernati. |
37 |
Fil-fatt, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali naqqsu l-prezz mitlub mill-produtturi mill-ammont preċiż tas-somom li joriġinaw minn fondi operazzjonali inkambju għall-kunsinna ta’ dawn il-beni. Għalhekk, teżisti rabta diretta bejn il-kunsinna tal-imsemmija beni u l-korrispettiv effettivament irċevut. Bħala korrispettiv għall-kunsinna tal-istess beni, dawn l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi rċevew, minn naħa, ħlas mill-produtturi u, min-naħa l-oħra, ħlas mill-fond operazzjonali kkonċernat minn din il-kunsinna. Għaldaqstant, il-ħlasijiet li joriġinaw mill-fondi operazzjonali jitwettqu esklużivament għall-finijiet tal-kunsinna ta’ dawn il-beni ta’ investiment u jikkostitwixxu għalhekk ħlasijiet marbuta direttament mal-prezz. |
38 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ħlasijiet li joriġinaw mill-fondi operazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu “sussidji” li joriġinaw minn “terz”, fis-sens tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, minn naħa, dawn il-fondi jgawdu minn kapaċità ġuridika, kif indikat il-qorti tar-rinviju, u min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni ta’ produtturi kkonċernata ma tistax tuża l-patrimonju ta’ dawn il-fondi għal finijiet personali, peress li l-imsemmija fondi jintużaw biss għall-finijiet ta’ finanzjament tal-programmi operazzjonali approvati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2200/96. |
39 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, li tinsab fil-punti 35 sa 38 ta’ din is-sentenza, tiggarantixxi ż-żamma tan-newtralità fiskali. Fil-fatt, li kieku produttur jakkwista beni għall-impriża tiegħu direttament mingħand manifattur, mingħajr intervent mill-organizzazzjoni ta’ produtturi li huwa membru tagħha u mingħajr ħlas mill-fond operazzjonali kkostitwit minn din l-organizzazzjoni ta’ produtturi, din il-kunsinna tkun integralment suġġetta għall-VAT. Min-naħa l-oħra, li kieku l-VAT fuq ix-xiri ta’ tali beni titnaqqas proporzjonalment mill-parti ffinanzjata minn dan il-fond operazzjonali, il-produttur li jakkwista beni permezz tal-imsemmija organizzazzjoni ta’ produtturi jkun għalhekk suġġett għal taxxa inferjuri għal dik tal-produttur li jixtri beni ekwivalenti mingħajr l-intervent tagħha. Għalhekk, ikun hemm inugwaljanza fit-trattament li tmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali. |
40 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, fejn “organizzazzjoni ta’ produtturi”, fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2200/96, tixtri beni mingħand fornituri preċedenti, tikkunsinna dawn il-beni lill-membri tagħha u tikseb mingħandhom ħlas li ma jkoprix il-prezz tax-xiri, l-ammont li fond operazzjonali, kif previst fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, iħallas lil din l-organizzazzjoni ta’ produtturi għall-kunsinna ta’ dawn il-beni lill-produtturi huwa inkluż mal-korrispettiv ta’ din il-kunsinna u għandu jitqies bħala sussidju marbut direttament mal-prezz ta’ din it-tranżazzjoni, li jitħallas minn terz. |
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
41 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda. |
Fuq l-ispejjeż
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, fejn “organizzazzjoni ta’ produtturi”, fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex, tixtri beni mingħand fornituri preċedenti, tikkunsinna dawn il-beni lill-membri tagħha u tikseb mingħandhom ħlas li ma jkoprix il-prezz tax-xiri, l-ammont li fond operazzjonali, kif previst fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, iħallas lil din l-organizzazzjoni ta’ produtturi għall-kunsinna ta’ dawn il-beni lill-produtturi huwa inkluż mal-korrispettiv ta’ din il-kunsinna u għandu jitqies bħala sussidju marbut direttament mal-prezz ta’ din it-tranżazzjoni, li jitħallas minn terz. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.