Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0564

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Marzu 2020.
    LH vs Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 33(2) – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni jekk l-applikant wasal fl-Istat Membru kkonċernat minn pajjiż fejn ma huwiex espost għall-persekuzzjoni jew għar-riskju ta’ ħsara serja, jew jekk dan il-pajjiż jagħti protezzjoni suffiċjenti – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet amministrattivi dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali – Terminu ta’ tmint ijiem sabiex tingħata deċiżjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
    Kawża C-564/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:218

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    19 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 33(2) – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni jekk l-applikant wasal fl-Istat Membru kkonċernat minn pajjiż fejn ma huwiex espost għall-persekuzzjoni jew għar-riskju ta’ ħsara serja, jew jekk dan il-pajjiż jagħti protezzjoni suffiċjenti – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet amministrattivi dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali – Terminu ta’ tmint ijiem sabiex tingħata deċiżjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

    Fil-Kawża C‑564/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura

    LH

    vs

    Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2019,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal LH, minn T. Á. Kovács u B. Pohárnok, ügyvédek,

    għall-Gvern Ungeriż, inizjalment minn M. Z. Fehér, G. Tornyai u M. Tátrai, sussegwentement minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u R. Kanitz, sussegwentement minn dan tal-aħħar, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, D. Dubois u E. de Moustier, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou‑Durande, A. Tokár u J. Tomkin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33 u tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LH u l-Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, l-Ungerija) wara d-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tiċħad l-applikazzjoni ta’ LH għal protezzjoni internazzjonali għaliex inammissibbli, mingħajr eżami fuq il-mertu, u li tordna t-tneħħija tiegħu, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza ta’ tul ta’ sentejn.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 11, 12, 18, 43, 44, 50, 56 u 60 tad-Direttiva 2013/32 jistipulaw:

    “(11)

    Sabiex tiġi żgurata evalwazzjoni komprensiva u effiċjenti tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjoni tal-applikanti fis-sens tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija [(ĠU 2011, L 337, p. 9)], il-qafas tal-Unjoni dwar il-proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandu jkun ibbażat fuq il-kunċett ta’ proċedura unika.

    (12)

    L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva hu li jiġu żviluppati aktar l-istandards għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali bl-għan li tiġi stabbilita proċedura komuni tal-asil fl-Unjoni.

    […]

    (18)

    Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

    […]

    (43)

    L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet kollha fuq bażi sostanzjali [fuq il-mertu], jiġifieri jivvalutaw jekk l-applikant ikkonċernat jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ħlief fejn din id-Direttiva tkun tipprovdi mod ieħIssa, partikolarment fejn wieħed ikun jista’ raġonevolment jassumi li pajjiż ieħor ikun sejjer jagħmel l-eżami jew jipprovdi protezzjoni suffiċjenti. […]

    (44)

    L-Istati Membri m’għandhomx ikunu obbligati li jivvalutaw is-sustanza ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fejn l-applikant, minħabba konnessjoni suffiċjenti ma’ pajjiż terz kif definit mil-liġi nazzjonali, jista’ jkun mistenni b’mod raġonevoli li jfittex protezzjoni f’dak il-pajjiż terz, u jkun hemm bażijiet għall-kunsiderazzjoni li applikant se jkun ammess jew ammess mill-ġdid f’dak il-pajjiż. L-Istati Membri għandhom jipproċedu biss fuq din il-bażi meta dan l-applikant partikolari jkun protett fil-pajjiż terz konċernat. Sabiex jiġu evitati movimenti sekondarji ta’ applikanti, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji komuni għall-konsiderazzjoni jew indikazzjoni mill-Istati Membri ta’ pajjiżi terzi bħala bla periklu.

    […]

    (50)

    Ikun jirrifletti prinċipju bażiku tal-liġi tal-Unjoni li d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali […] jkunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal.

    […]

    (56)

    Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali […]

    […]

    (60)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 4, 18, 19, 21, 23, 24 u 47 tal-Karta u għandha tiġi implimentata għal dan il-għan.”

    4

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi:

    “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2011/95/UE.”

    5

    Bit-titolu “Garanziji għall-applikanti”, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/32 jistipula:

    “1.   Fir-rigward tal-proċeduri provduti fil-Kapitolu III, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha jgawdu l-garanziji li gejjin:

    […]

    b)

    għandhom jirċievu s-servizzi ta’ interpretu sabiex jippreżentaw il-każ tagħhom quddiem l-awtoritajiet kompetenti meta dan ikun meħtieġ. […]

    c)

    […] l-opportunità li jikkomunikaw mal-[Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR)] jew ma’ kwalunkwe organizzazzjoni oħra li tipprovdi pariri legali jew konsulenza […]

    d)

    huma u jekk applikabbli, il-konsulenti legali tagħhom f’konformità mal-Artikolu 23(1) m’għandhomx jiġu miċħuda aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(3)(b) u għall-informazzjoni mogħtija mill-esperti msemmija fl-Artikolu 10(3)(d), […]

    e)

    għandhom jingħataw notifika fi żmien raġonevoli tad-deċiżjoni mill-awtorità determinanti fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom. […]

    […]

    2.   Fir-rigward tal-proċeduri previsti fil-Kapitolu V, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha igawdu garanziji ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1(b) sa (e).”

    6

    L-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħataw assistenza legali u rappreżentanza mingħajr ħlas meta dawn jiġu mitluba fil-proċeduri tal-appelli previsti fil-Kapitolu V. […]”

    7

    L-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva jirrikonoxxi d-dritt tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għall-assistenza u għar-rappreżentazzjoni legali fl-istadji kollha tal-proċedura.

    8

    L-Artikolu 24 tal-istess direttiva, intitolat “Applikanti li jkunu jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-applikanti jkunu ġew identifikati bħala applikanti li jkunu jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali, dawn jingħataw appoġġ adegwat sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet u jkunu konformi mal-obbligi ta’ din id-Direttiva matul il-proċedura ta’ asil kollha.

    […]”

    9

    L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2013/32 jirrigwarda l-garanziji għal minuri mhux akkumpanjati.

    10

    L-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċedura ta’ eżami”, huwa l-ewwel artikolu tal-Kapitolu III li huwa, min-naħa tiegħu, intitolat “Proċeduri ta’ Prim Istanza”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.”

    11

    Skont kliem l-Artikolu 33 tal-istess direttiva:

    “1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma tiġix eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31)], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

    a)

    il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

    b)

    pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għall-applikant, taħt l-Artikolu 35;

    c)

    pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, taħt l-Artikolu 38;

    d)

    l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE ma jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant;

    e)

    persuna dipendenti fuq l-applikant jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta il-kunsens tiegħu taħt l-Artikolu 7(2) sabiex il-każ tiegħu jkun parti minn applikazzjoni ppreżentata f’ismu, u ma jkunx hemm fatti relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.”

    12

    Skont kliem l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32:

    “Pajjiż jista’ jkun kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għal applikant partikolari jekk:

    a)

    huwa kien ġie rikonoxxut f’dak il-pajjiż bħala rifuġjat u huwa għadu jista’ jirrikorri għal dik il-protezzjoni, jew

    b)

    huwa jgawdi, diversament, protezzjoni suffiċjenti f’dak il-pajjiż, inkluż il-benefiċċju mill-prinċipju ta’ non-refoulement, sakemm huwa jerġa’ jitħalla jidħol f’dak il-pajjiż.

    Fl-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partikolari ta’ applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont tal-Artikolu 38(1). L-applikant għandu jitħalla jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partiklari tiegħu”.

    13

    L-Artikolu 38 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-Istati Membi jistgħu japplikaw il-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu biss fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li persuna li tkun qiegħda tfittex protezzjoni internazzjonali tiġi trattata skont il-prinċipji li ġejjin fil-pajjiż terz kkonċernat:

    a)

    il-ħajja u l-libertà ma jkunux mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija f’xi grupp soċjali jew l-opinjoni politika;

    b)

    ma hemmx riskju ta’ ħsara serja kif definit fid-Direttiva 2011/95/UE;

    c)

    jiġi rispettat il-prinċipju ta’ non-refoulement skont [Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, konkluż f’New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”)];

    d)

    tkun rispettata l-projbizzjoni tal-espulsjoni ta’ persuna, bi ksur tad-dritt tal-libertà mit-tortura u minn trattament krudili, inuman jew degradanti kif stabbilit fid-dritt internazzjonali; kif ukoll

    e)

    tkun teżisti l-possibbiltà li ssir talba għall-istatus ta’ rifuġjat u, jekk jinstab li l-persuna konċernata tkun rifuġjat, li din tirċievi protezzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

    2.   L-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu għandha tkun suġġetta għal regoli stabbiliti fil-liġi nazzjonali, inklużi:

    a)

    regoli li jirrikjedu konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat li abbażi tagħha jkun raġonevoli li dik il-persuna tmur f’dak il-pajjiż;

    b)

    regoli dwar il-metodoloġija li biha l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw ruħhom li l-kunċett tal-pajjiz terz bla periklu jista’ jiġi applikat għal xi pajjiż partikolari jew għal xi applikant partikolari. Tali metodoloġija għandha tinkludi l-konsiderazzjoni, każ b’każ, tas-sigurtà tal-pajjiż għal applikant partikolari u/jew l-indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi kkunsidrati bħala ġeneralment bla periklu;

    c)

    regoli konformi mad-dritt internazzjonali, li jippermettu eżami individwali li jiddetermina jekk pajjiż terz konċernat huwiex bla periklu għal applikant partikolari u li, bħala minimu, għandu jippermetti lill-applikant jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu fuq il-bażi li l-pajjiż terz huwa ta’ periklu fiċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu. L-applikant għandu jkun permess li jikkontesta l-eżistenza ta’ konnessjoni bejnu u l-pajjiż terz skont il-punt (a).

    3.   Meta jimplementaw deċiżjoni bbażata biss fuq dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom:

    a)

    jinformaw lill-applikant dwar dan; kif ukoll

    b)

    jipprovdulu/jipprovdulha dokument li jinforma lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz, fl-ilsien ta’ dak il-pajjiż, li l-applikazzjoni ma kinetx eżaminata fis-sustanza [fuq il-mertu] tagħha.

    4.   Fejn il-pajjiż terz ma jippermettix l-applikant biex jidħol fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess għal proċedura skont il-prinċipji u l-garanziji bażiċi deskritti fil-Kapitolu II.

    5.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni perjodikament dwar il-pajjiżi li għalihom jiġi applikat dan il-kunċett konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.”

    14

    Skont kliem l-Artikolu 46(1), (3), (4) u (10) tad-Direttiva 2013/32:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

    a)

    deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

    […]

    ii)

    li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2),

    […]

    3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

    4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ta’ żmien raġonevoli u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1. […]

    […]

    10.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ żmien għall-qorti jew tribunal skont il-paragrafu 1 sabiex tiġi eżaminata d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti”.

    Id-dritt Ungeriż

    15

    L-Artikolu XIV(4) tal-Magyarország Alaptörvénye (il-Kostituzzjoni tal-Ungerija), kif emendata fid-29 ta’ Ġunju 2018, jipprevedi:

    “Jekk la l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u lanqas pajjiżi oħra ma jipproteġuhom, l-Ungerija għandha tagħti, fuq applikazzjoni, id-dritt ta’ ażil lill-persuni li ma għandhomx in-nazzjonalità Ungeriża li qegħdin iġarrbu persekuzzjonijiet jew li għandhom il-biża’, bir-raġun, li ser iġarrbu persekuzzjonijiet fil-pajjiż li tiegħu huma ċittadini jew fil-pajjiż ta’ residenza abitwali tagħhom minħabba r-razza tagħhom, in-nazzjonalità tagħhom, is-sħubija tagħhom f’xi grupp soċjali jew minħabba l-opinjoni reliġjuża jew politika tagħhom. Persuna li ma għandhiex in-nazzjonalità Ungeriża li waslet fit-territorju tal-Ungerija minn pajjiż li fih hija ma kinitx esposta għal persekuzzjonijiet jew għal riskju dirett ta’ persekuzzjoni ma tistax tinvoka l-benefiċċju tad-dritt għall-ażil.”

    16

    L-Artikolu 6(1) tal-menedékjogról szóló 2007. Évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal-2007 dwar id-Dritt għall-Ażil), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”), jipprevedi:

    “L-Ungerija għandha tagħti l-istatus ta’ refuġjat lil ċittadin barrani li jissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu XIV(4) tal-Kostituzzjoni tal-Ungerija.”

    17

    L-Artikolu 12(1) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil huwa fformulat kif ġej:

    “L-Ungerija għandha tagħti l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil ċittadin barrani li ma jissodisfax ir-rekwiżiti sabiex jiġi rrikonoxxut bħala refuġjat iżda fejn hemm ir-riskju li huwa jġarrab ħsara serja fil-każ li huwa jmur lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li ma jistax jew, minħabba biża’ ta’ dan ir-riskju, ma jixtieqx jitlob il-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.”

    18

    L-Artikolu 51(2) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

    “L-applikazzjoni hija inammissibbli jekk

    […]

    e)

    jeżisti, f’dak li jikkonċerna lill-applikant, pajjiż terz li jista’ jitqies bħala pajjiż terz sigur fir-rigward tiegħu;

    f)

    l-applikant wasal fl-Ungerija minn pajjiż li fih ma huwiex espost għal persekuzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 6(1) jew għal riskju ta’ ħsara serja fis-sens tal-Artikolu 12(1) jew li fih huwa ggarantit livell xieraq ta’ protezzjoni.”

    19

    Skont l-Artikolu 53(2) u (4) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, applikazzjoni għall-ażil li tiġi miċħuda mill-awtorità nazzjonali fil-qasam tal-ażil għaliex inammissibbli tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti, fejn din tal-aħħar għandha tiddeċiedi f’terminu ta’ tmint ijiem minn meta tirċievi r-rikors.

    20

    L-Artikolu 2 tad-Digriet tal-Gvern Nru 191/2015 tal-21 ta’ Lulju 2015 stabbilixxa lista ta’ pajjiżi meqjusa li huma pajjiżi terzi bla periklu. Din il-lista tinkludi l-Istati Membri u l-Istati kandidati għal adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Repubblika tas-Serbja.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    21

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Sirjan ta’ oriġini Kurda, li wasal fl-Ungerija f’żona ta’ tranżitu. Fid-19 ta’ Lulju 2018, huwa ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil. Insostenn tal-applikazzjoni tiegħu huwa sostna li ried, diġà qabel il-gwerra, jgħix fl-Ewropa, sabiex hemmhekk jistudja l-arkeoloġija.

    22

    L-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil ċaħad l-imsemmija applikazzjoni għaliex inammissibbli, abbażi tal-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, mingħajr ma wettaq, għalhekk, eżami fuq il-mertu, u kkonstata l-inapplikabbiltà tal-prinċipju ta’ non‑refoulement fil-konfront tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, minn naħa, adotta deċiżjoni ta’ ritorn kontra r-rikorrent fil-kawża prinċipali li tobbligah jitlaq mit-territorju tal-Unjoni u jirritorna fit-territorju Serb, u, min-naħa l-oħra, ordna miżura ta’ tneħħija għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Flimkien ma’ din id-deċiżjoni, l-imsemmi uffiċċju impona projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza ta’ tul ta’ sentejn.

    23

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

    24

    Il-qorti tar-rinviju, sa fejn qieset li l-lista ta’ raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 hija eżawrjenti u sa fejn l-Artikolu 51(2)(f) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil ma jista’, minħabba l-kontenut tiegħu, jiġi marbut mal-ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà elenkati fl-imsemmi Artikolu 33(2), għandha dubji dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali introduċietx raġuni ġdida ta’ inammissibbiltà li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

    25

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Artikolu 53(4) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil jimponi fuq il-qorti li quddiemha jitressaq rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda minħabba l-inammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali l-obbligu li tagħti deċiżjoni f’terminu ta’ tmint ijiem minn meta tirċievi r-rikors. Issa, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali u tal-aspetti partikolari tal-kawża inkwistjoni, tali terminu jista’ ma jkunx suffiċjenti sabiex jinkisbu provi u sabiex jiġi ddeterminat il-kuntest fattwali, u, għal din ir-raġuni, sabiex tingħata deċiżjoni ġudizzjarja li tkun motivata korrettement. Għalhekk, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 2013/32 u mal-Artikolu 47 tal-Karta.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet dwar applikazzjonijiet inammissibbli tal-Artikolu 33 tad-[Direttiva 2013/32] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha applikazzjoni hija inammissibbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil meta l-applikant ikun wasal f’dak l-Istat Membru, l-Ungerija, minn pajjiż fejn ma kienx espost għal persekuzzjoni jew għal riskju ta’ dannu serju [ħsara serja], jew fejn huwa ggarantit livell adegwat ta’ protezzjoni?

    2)

    L-Artikolu 47 tal-[Karta] u l-Artikolu 31 tad-Direttiva [2013/32] – – meta jitqiesu wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 13 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950] – għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru hija konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet meta tipprevedi terminu obbligatorju ta’ tmient’ijiem għall-proċedura ġudizzjarja amministrattiva fir-rigward tal-applikazzjonijiet iddikjarati inammissibbli fil-proċeduri ta’ ażil?”

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    27

    Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fid-19 ta’ Settembru 2018, l-Ewwel Awla ddeċidiet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    28

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda għaliex inammissibbli minħabba li l-applikant wasal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minn Stat li fih ma huwiex espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ ħsara serja, jew li fih huwa ggarantit livell xieraq ta’ protezzjoni.

    29

    Skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32, minbarra l-każijiet li fihom applikazzjoni ma hijiex eżaminata skont ir-Regolament Nru 604/2013, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jivverifikaw jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tintalab protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, meta applikazzjoni titqies inammissibbli skont dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 76).

    30

    In-natura eżawrjenti tal-elenku li jinstab fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32, hija msejsa kemm fuq il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari l-kelma “biss” li tiġi qabel l-elenku tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà, kif ukoll fuq l-għan tiegħu li huwa speċifikament dak, hekk kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-obbligu tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jiġi mħaffef billi jiġu ddefiniti każijiet fejn tali applikazzjoni titqies inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Mirza, C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punt 43).

    31

    Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax titqies bħala li timplimenta waħda mir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32.

    32

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif ġie kkonfermat matul is-seduta mill-Gvern Ungeriż, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna żewġ każijiet ipotetiċi differenti li jagħtu lok għall-inammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jiġifieri, minn naħa, meta l-applikant wasal fl-Ungerija minn Stat li fih ma huwiex espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ ħsara serja u, min-naħa l-oħra, meta l-applikant wasal fl-imsemmi Stat Membru minn Stat li fih huwa ggarantit livell xieraq ta’ protezzjoni.

    33

    Fid-dawl tal-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni kif ukoll tal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32, hemm lok li jiġi eskluż, sa mill-bidu, li r-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-imsemmija leġiżlazzjoni jistgħu jikkostitwixxu l-implimentazzjoni ta’ dawk previsti fl-Artikolu 33(2)(a), (d) u (e) ta’ din id-direttiva, peress li huma biss ir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà relatati mal-ewwel pajjiż ta’ ażil u mal-pajjiż terz bla periklu, stipulati, rispettivament, fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 33(2) tal-imsemmija direttiva, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan.

    34

    F’dan il-kuntest, il-Gvern Ungeriż jiddikjara li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tikkompleta s-sistema nazzjonali li ġiet adottata sabiex tiġi implimentata r-raġuni ta’ inammissibbiltà relatata mal-pajjiż terz bla periklu, prevista fl-Artikolu 33(2)(c) tad-Direttiva 2013/32.

    35

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont kliem din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jqisu li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli meta pajjiż li ma huwiex Stat Membru huwa meqjus bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant abbażi tal-Artikolu 38 tal-imsemmija direttiva.

    36

    Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 42 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu”, għall-finijiet tal-Artikolu 33(2)(c) ta’ din id-direttiva, hija suġġetta għall-osservanza tar-rekwiżiti previsti fil-paragrafi 1 sa 4 tal-imsemmi Artikolu 38.

    37

    B’mod partikolari, fl-ewwel lok, l-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2013/32 jeżiġi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu kisbu ċ-ċertezza li l-pajjiż terz ikkonċernat josserva l-prinċipji previsti b’mod espliċitu f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali la jkollu għalfejn jibża’ għal ħajtu u lanqas għal-libertà tiegħu minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, is-sħubija tiegħu f’xi grupp soċjali jew minħabba l-opinjoni politika tiegħu; it-tieni nett, ma hemmx ir-riskju li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jġarrab ħsara serja fis-sens tad-Direttiva 2011/95; it-tielet nett, il-prinċipju ta’ non‑refoulement huwa rrispettat b’mod konformi mal-Konvenzjoni ta’ Genève; ir-raba’ nett, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ tneħħija li jmorru kontra l-projbizzjoni ta’ tortura jew ta’ trattament krudili, inuman jew degradanti hija pprojbita, b’mod konformi mad-dritt internazzjonali; u, il-ħames nett, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu l-possibbiltà li jitlob ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll, jekk dan l-istatus jingħatalu, li jibbenefika minn protezzjoni b’mod konformi mal-Konvenzjoni ta’ Genève.

    38

    Fit-tieni lok, l-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2013/32, jissuġġetta l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu” għar-regoli stabbiliti fid-dritt nazzjonali, u, b’mod partikolari, l-ewwel nett, għal dawk li jipprevedu l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn l-applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-pajjiż terz ikkonċernat sal-punt li dan jagħmel raġonevoli r-ritorn ta’ dan l-applikant lejn l-imsemmi pajjiż; it-tieni nett, għal dawk li jipprevedu l-metodi applikati mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi żgurat li l-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu” jista’ jiġi applikat għal pajjiż speċifiku jew għal applikant għal protezzjoni internazzjonali speċifiku, sa fejn dawn il-metodi, barra minn hekk, għandhom jipprevedu eżami każ b’każ tan-nuqqas ta’ perikolu tal-pajjiż għal tali applikant u/jew l-indikazzjoni mill-Istat Membru tal-pajjiżi kkunsidrati li huma ġeneralment bla periklu; u, it-tielet nett, għal dawk, konformi mad-dritt internazzjonali, li jawtorizzaw eżami individwali sabiex jiġi ddeterminat jekk il-pajjiż terz ikkonċernat huwiex bla periklu għal applikant għal protezzjoni internazzjonali speċifiku u li jippermetti, f’dan il-kuntest, li dan l-applikant jikkontesta kemm l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu” fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu kif ukoll l-eżistenza ta’ konnessjoni bejnu u bejn dan il-pajjiż.

    39

    Fit-tielet lok, l-Artikolu 38(3) u (4) tad-Direttiva 2013/32 jimponi, fuq l-Istati Membri li jeżegwixxu deċiżjoni bbażata biss fuq il-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu”, l-obbligu li jinformaw b’dan lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali u li jipprovdulu dokument li jinforma lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz, fil-lingwa ta’ dak il-pajjiż, li l-applikazzjoni ma ġietx eżaminata fuq il-mertu, kif ukoll li jishru li dan l-applikant ikun jista’ jibda proċedura b’mod konformi mal-prinċipji bażiċi u mal-garanziji fundamentali indikati fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva meta l-pajjiż terz ma jippermettilux jidħol fit-territorju tiegħu.

    40

    Għandu jiġi enfasizzat li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 121), b’tali mod li r-raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(2)(c) ta’ din id-direttiva ma tistax tiġi applikata meta wieħed minn dawn ir-rekwiżiti ma jkunx issodisfatt.

    41

    Għaldaqstant, huwa biss meta leġiżlazzjoni nazzjonali li l-effett tagħha huwa l-inammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tissodisfa r-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 li tali leġiżlazzjoni tkun tista’ tikkostitwixxi applikazzjoni tar-raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(2)(c) ta’ din id-direttiva.

    42

    F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2013/32, fid-dawl tal-formulazzjoni nnifisha tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidher, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-applikazzjoni tar-raġuni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-ewwel każ ipotetiku previst minn din il-leġiżlazzjoni hija suġġetta għall-osservanza, fil-pajjiż terz ikkonċernat, biss ta’ parti mill-prinċipji previsti fl-Artikolu 38(1) ta’ din id-direttiva, peress li ma huwiex osservat, b’mod partikolari, ir-rekwiżit li f’dan il-pajjiż jiġi osservat il-prinċipju ta’ non‑refoulement. Għalhekk, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 38(1) tal-imsemmija direttiva ma jistax ikun issodisfatt.

    43

    Fir-rigward tar-raġuni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq it-tieni każ ipotetiku previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda indikazzjoni fuq il-kontenut tal-“livell xieraq ta’ protezzjoni” rikjest minn din il-leġiżlazzjoni u, b’mod partikolari, fuq il-kwistjoni ta’ jekk tali livell ta’ protezzjoni jinkludix l-osservanza, fil-pajjiż terz ikkonċernat, tal-prinċipji kollha previsti fl-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2013/32. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

    44

    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2013/32, u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit relatat mal-eżistenza ta’ konnessjoni bejn l-applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-pajjiż terz ikkonċernat, ir-rabta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi bejn tali applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat hija bbażata fuq is-sempliċi tranżitu ta’ dan l-applikant mit-territorju ta’ dan il-pajjiż.

    45

    Għalhekk, hemm lok li jiġi vverifikat jekk tali tranżitu jistax jitqies li huwa “konnessjoni”, fis-sens tal-Artikolu 38(2)(a) tad-Direttiva 2013/32.

    46

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 44 u mill-Artikolu 38(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, il-konnessjoni li għandha teżisti bejn applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-pajjiż terz ikkonċernat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-raġuni ta’ inammissibbiltà prevista fl-Artikolu 33(2)(c) ta’ din id-direttiva, għandha tkun suffiċjenti li tagħmel raġonevoli r-ritorn ta’ dan l-applikant lejn l-imsemmi pajjiż.

    47

    Issa, il-fatt li applikant għal protezzjoni internazzjonali ttranżita mit-territorju ta’ pajjiż terz ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi raġuni valida sabiex jitqies li l-imsemmi applikant jista’ raġonevolment jirritorna f’dan il-pajjiż.

    48

    Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri għandhom jadottaw regoli li ma jipprevedux biss l-eżistenza ta’ “konnessjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-metodi applikabbli sabiex jiġi evalwat, fuq bażi ta’ każ b’każ, skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, jekk il-pajjiż terz ikkonċernat jissodisfax ir-rekwiżiti sabiex ikun jista’ jitqies bla periklu għal dan l-applikant, kif ukoll il-possibbiltà li l-imsemmi applikant jikkontesta l-eżistenza ta’ tali rabta.

    49

    Issa, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu li l-leġiżlatur tal-Unjoni impona fuq l-Istati Membri, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu”, li jistabbilixxu tali regoli ma jistax ikun iġġustifikat kieku s-sempliċi tranżitu tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-pajjiż terz ikkonċernat kellu jikkostitwixxi rabta suffiċjenti jew sinjifikattiva għal dan il-għan. Fil-fatt, li kieku dan ikun il-każ, dawn ir-regoli, l-istess bħall-eżami individwali u l-possibbiltà li dan l-applikant jikkontesta l-eżistenza ta’ konnessjoni li għandha tiġi espliċitament prevista fl-imsemmija regoli, jitilfu l-utilità kollha tagħhom.

    50

    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-tranżitu tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-pajjiż terz ikkonċernat ma jistax jikkostitwixxi “konnessjoni”, fis-sens tal-Artikolu 38(2)(a) tad-Direttiva 2013/32.

    51

    Konsegwentement, anki jekk jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa r-rekwiżit previst fl-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2013/32, peress li r-rekwiżit relatat mal-konnessjoni, kif previst fl-Artikolu 38(2)(a) ta’ din id-direttiva, ma huwiex irrispettat, f’kull każ, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tikkostitwixxi applikazzjoni tar-raġuni ta’ inammissibbiltà relatata ma’ pajjiż terz bla periklu, prevista fl-Artikolu 33(2)(c) tal-imsemmija direttiva.

    52

    Fl-aħħar nett, tali leġiżlazzjoni nazzjonali lanqas ma tista’ tikkostitwixxi applikazzjoni tar-raġuni ta’ inammissibbiltà relatata mal-ewwel pajjiż ta’ ażil, prevista fl-Artikolu 33(2)(b) tad-Direttiva 2013/32.

    53

    Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, skont il-kliem tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35(a) u (b) tad-Direttiva 2013/32, pajjiż jista’ jitqies bħala li huwa l-ewwel pajjiż ta’ ażil ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali speċifiku biss jekk, rispettivament, dan ikun ġie rrikonoxxut bħala refuġjat fl-imsemmi pajjiż u għadu jista’ jinvoka din il-protezzjoni, jew jekk huwa kien igawdi, fuq bażi oħra, protezzjoni suffiċjenti fl-imsemmi pajjiż, inkluż il-benefiċċju tal-prinċipju ta’ non‑refoulement, bil-kundizzjoni li huwa jerġa’ jiġi ammess f’dan l-istess pajjiż.

    54

    Issa, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni tar-raġuni ta’ inammissibbiltà prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex suġġetta għall-fatt li l-applikant ikun igawdi minn protezzjoni internazzjonali, fil-pajjiż ikkonċernat, mill-istatus ta’ refuġjat jew minn protezzjoni suffiċjenti, fuq bażi oħra, b’tali mod li jkun inutli li tiġi eżaminata l-ħtieġa ta’ protezzjoni fl-Unjoni.

    55

    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax titqies bħala li timplimenta waħda mir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32.

    56

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda għaliex inammissibbli minħabba li l-applikant wasal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minn Stat li fih ma huwiex espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ ħsara serja, jew li fih huwa ggarantit livell xieraq ta’ protezzjoni.

    Fuq it-tieni domanda

    57

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm it-tieni domanda hekk kif ġiet ifformulata mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32, dwar il-proċedura amministrattiva ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, din id-domanda fil-verità tirrigwarda l-implimentazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva. Għalhekk hija d-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, b’mod partikolari l-paragrafu 3 tagħha, li għandha tiġi interpretata sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

    58

    Għalhekk, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għaliex inammissibbli terminu ta’ tmint ijiem sabiex tingħata deċiżjoni.

    59

    L-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, inkluż kontra d-deċiżjonijiet li jiddikjaraw li l-applikazzjoni hija manifestament inammissibbli jew infondata.

    60

    L-obbligu hekk impost fuq l-Istati Membri li jipprovdu tali dritt ta’ rimedju effettiv jikkorrispondi għad-dritt sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li skontu kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, E. G., C‑662/17, EU:C:2018:847, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    61

    Minn dan isegwi li l-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu ddeterminati b’mod konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, E. G., C‑662/17, EU:C:2018:847, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    62

    F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-terminu għall-għoti ta’ ġudizzju, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2013/32 mhux talli ma tipprevedix regoli armonizzati fil-qasam ta’ termini għall-għoti ta’ ġudizzju, talli saħansitra tawtorizza lill-Istati Membri jistabbilixxu tali termini fl-Artikolu 46(10) tagħha (sentenza odjerna, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal, C‑406/18, punt 25).

    63

    Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-proċeduri tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, sakemm, madankollu, dawn il-proċeduri ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza), u ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (sentenza odjerna, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal, C‑406/18, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    F’dak li jirrigwarda l-osservanza tar-rekwiżit relatat mal-prinċipju ta’ ekwivalenza fir-rigward tat-terminu għall-għoti ta’ ġudizzju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, li la ġie allegat, u lanqas ma jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li sitwazzjonijiet simili huma rregolati permezz ta’ modalitajiet proċedurali nazzjonali li huma iktar favorevoli minn dawk previsti għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2013/32 u applikati fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza odjerna, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal, C‑406/18, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    65

    Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-portata tad-dritt għal rimedju effettiv, billi jippreċiża li l-Istati Membri marbuta b’din id-direttiva għandhom jiżguraw li l-qorti li quddiemha tkun qed tiġi kkontestata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali twettaq “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]” (sentenza odjerna, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal, C‑406/18, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    66

    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, anki fil-każ ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għaliex inammissibbli, il-qorti adita b’tali rikors hija marbuta li twettaq l-eżami sħiħ u ex nunc imsemmi fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32.

    67

    Fil-fatt, hekk kif diġà ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem “fejn applikabbli”, li jinsab fil-parti tas-sentenza “inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]”, jenfasizza l-fatt li l-eżami sħiħ u ex nunc li għandu jitwettaq mill-qorti ma għandux neċessarjament jirrigwarda l-eżami fuq il-mertu tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali u li għaldaqstant jista’ jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta d-dritt nazzjonali jippermetti dan b’applikazzjoni tal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 115).

    68

    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, rikors kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għaliex inammissibbli minħabba r-raġunijiet ta’ inammissibbiltà relatati mal-ewwel pajjiż ta’ ażil jew mal-pajjiż terz bla periklu, previsti, rispettivament, fil-punti b) u c) tal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32, fil-kuntest tal-eżami sħiħ u attwalizzat li għandu jitwettaq mill-qorti adita b’dan ir-rikors, din tal-aħħar hija obbligata, b’mod partikolari, li tivverifika jekk l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jibbenefikax minn protezzjoni suffiċjenti f’pajjiż terz jew jekk pajjiż terz jistax jitqies li huwa pajjiż terz bla periklu għall-applikant.

    69

    Għall-finijiet ta’ din il-verifika, l-imsemmija qorti għandha teżamina b’mod rigoruż jekk kull wieħed minn dawn ir-rekwiżiti kumulattivi li għalihom hija suġġetta l-applikazzjoni ta’ tali raġunijiet ta’ inammissibbiltà, bħal dawk previsti, fir-rigward tar-raġuni relatata mal-ewwel pajjiż ta’ ażil, fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, u, f’dak li jirrigwarda r-raġuni relatata mal-pajjiż terz bla periklu, fl-Artikolu 38 ta’ din id-direttiva, huwiex issodisfatt, billi tistieden, jekk ikun il-każ, lill-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tipproduċi kull dokument jew kull punt ta’ fatt li jistgħu jkunu rilevanti, u tiżgura ruħha, qabel ma tagħti deċiżjoni, li l-applikant kellu l-opportunità li jesponi personalment l-opinjoni tiegħu dwar l-applikabbiltà tar-raġuni ta’ inammissibbiltà għas-sitwazzjoni speċifika tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 121124).

    70

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, fil-kuntest tar-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, ċertu numru ta’ drittijiet proċedurali speċifiċi huma ggarantiti lir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, jiġifieri d-dritt għal interpretu, il-possibbiltà ta’ komunikazzjoni b’mod partikolari mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) u l-aċċess għal ċerta informazzjoni, tal-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-possibbiltà ta’ assistenza legali u ta’ rappreżentazzjoni mingħajr ħlas, tal-Artikolu 22 tal-istess direttiva dwar l-aċċess għal parir legali, kif ukoll tal-Artikoli 24 u 25 tagħha relatati mad-drittijiet tal-persuni li għandhom bżonnijiet speċifiċi u tal-minuri mhux akkumpanjati.

    71

    Iktar minn hekk, jekk il-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għaliex inammissibbli tqis li huwa neċessarju, sabiex twettaq l-eżami sħiħ u ex nunc li hija obbligata li twettaq, li jinstema’ l-applikant, din il-qorti għandha torganizza tali smigħ, fejn f’tali każ l-applikant ikollu dritt li matul is-smigħ tiegħu mill-qorti, jekk ikun meħtieġ, jibbenefika mis-servizzi ta’ interpretu sabiex jippreżenta l-argumenti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 126128).

    72

    F’dan il-kaz, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi terminu ta’ tmint ijiem sabiex tingħata deċiżjoni dwar rikors kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għaliex inammissibbli. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa impossibbli li deċiżjoni dwar tali rikors tingħata fit-tmint ijiem ta’ wara li l-qorti tkun irċeviet ir-rikors mingħajr ma jinkiser ir-rekwiżit ta’ eżami sħiħ.

    73

    F’dan ir-rigward, terminu ta’ tmint ijiem, għalkemm ma jistax jiġi a priori eskluż li huwa adegwat fl-iktar każijiet evidenti ta’ inammissibbiltà, jista’ jkun, f’ċerti ċirkustanzi, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 86 u 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, materjalment insuffiċjenti sabiex jippermetti li qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għaliex inammissibbli tiżgura l-osservanza tad-drittijiet kollha msemmija fil-punti 65 sa 71 ta’ din is-sentenza għall kull wieħed mill-każijiet sottoposti għall-eżami tagħha, u li tiggarantixxi, għalhekk, id-dritt għal rimedju effettiv tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

    74

    Issa, l-Artikolu 46(4) tad-Direttiva 2013/32 jimponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu termini raġonevoli għall-għoti ta’ ġudizzju.

    75

    Għalhekk, f’sitwazzjoni fejn it-terminu mogħti lill-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għaliex inammissibbli ma jippermettix li tiġi żgurata l-effettività tar-regoli sostantivi u tal-garanziji proċedurali rrikonoxxuti lill-applikant mid-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qorti kkonċernata l-obbligu li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkunsidra li dan it-terminu huwa imperattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza odjerna, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal, C‑406/18, punt 34).

    76

    F’kull każ, fid-dawl tal-għan globali ta’ trattament kemm jista’ jkun rapidu tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, stabbilit fil-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32, l-obbligu impost fuq il-qorti li ma tapplikax leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu għall-għoti ta’ ġudizzju li huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni ma jeħlishiex minn kull obbligu li taġixxi b’ħeffa, iżda jimponilha biss li tqis li t-terminu impost huwa indikattiv, bl-obbligu li tagħti deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr meta tali terminu jinqabeż (sentenza odjerna, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal, C‑406/18, punti 35 u 36).

    77

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għaliex inammissibbli terminu ta’ tmint ijiem sabiex tingħata deċiżjoni, meta din il-qorti ma tkunx f’pożizzjoni li tiżgura, f’dan it-terminu, l-effettività tar-regoli sostantivi u tal-garanziji proċedurali rrikonoxxuti lill-applikant mid-dritt tal-Unjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    78

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda għaliex inammissibbli minħabba li l-applikant wasal fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minn Stat li fih ma huwiex espost għal persekuzzjonijiet jew għal riskju ta’ ħsara serja, jew li fih huwa ggarantit livell xieraq ta’ protezzjoni.

     

    2)

    L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għaliex inammissibbli terminu ta’ tmint ijiem sabiex tingħata deċiżjoni, meta din il-qorti ma tkunx f’pożizzjoni li tiżgura, f’dan it-terminu, l-effettività tar-regoli sostantivi u tal-garanziji proċedurali rrikonoxxuti lill-applikant mid-dritt tal-Unjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Top