Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0547

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Mejju 2020.
    Dong Yang Electronics Sp. z o.o. vs Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 44 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 – Artikolu 11(1) – Provvista ta’ servizzi – Post ta’ tassazzjoni – Kunċett ta’ ‘stabbiliment fiss’ – Persuna suġġetta għall-VAT – Sussidjarja ta’ kumpannija ta’ Stat terz li tinsab fi Stat Membru.
    Kawża C-547/18.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:350

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    7 ta’ Mejju 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 44 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 – Artikolu 11(1) – Provvista ta’ servizzi – Post ta’ tassazzjoni – Kunċett ta’ ‘stabbiliment fiss’ – Persuna suġġetta għall-VAT – Sussidjarja ta’ kumpannija ta’ Stat terz li tinsab fi Stat Membru”

    Fil-Kawża C‑547/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

    Dong Yang Electronics sp. z o.o.

    vs

    Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász (Relatur), M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Settembru 2019,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Dong Yang Electronics sp. z o.o., minn M. Goj u T. Dziadura kif ukoll minn I. Rymanowska u D. Pokrop, doradcy podatkowi,

    għad-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu, minn M. Kowalewska u J. Grzebyk kif ukoll minn B. Kołodziej u T. Wojciechowski,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u A. Kramarczyk – Szaładzińska, bħala aġenti,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Shibli, D. Thorneloe u J. Kraehling, bħala aġenti, assistiti minn R. Hill, barrister,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Siekierzyńska u N. Gossement, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-14 ta’ Novembru 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1; rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”), u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE (ĠU 2011, L 77, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Dong Yang Electronics sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Dong Yang’) u d-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu (id-Direttur tal-Awla Fiskali ta’ Wrocław, il-Polonja) rigward deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li timponilha taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) addizzjonali.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles

    3

    Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/265/UE tas-16 ta’ Settembru 2010 (ĠU 2011, L 127, p. 1), jistabbilixxi, fit-tabella li tinsab fl-Anness 7‑A‑2 tiegħu, fit-tieni kolonna ta’ dan, taħt it-titolu “Tipi ta’ stabbiliment”:

    “PL: Ħlief għas-servizzi finanzjarji, mingħajr restrizzjonijiet għall-fergħat. Investituri Koreani jistgħu jassumu u jwettqu attivitajiet ekonomiċi fl-għamla ta’ sħubija limitata, kumpanija azzjonarja limitata, u kumpanija b’responsabilità limitata biss (fil-każ ta’ servizzi legali fl-għamla ta’ sħubija reġistrata u sħubija limitata biss).”

    Id-Direttiva 2006/112

    4

    Taħt it-Titolu V tad-Direttiva 2006/112, intitolat “Post ta’ Transazzjonijiet Taxxabbli”, il-Kapitolu 3, intitolat “Post ta’ provvista ta’ servizzi”, jinkludi l-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi:

    “Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn hija stabbilixxiet in-negozju tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi tali servizzi għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn tirrisjedi normalment.”

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 282/2011

    5

    L-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 jipprevedi:

    “1.   Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112/KE ‘l-istabbiliment fiss’ għandu jkun kwalunkwe stabbiliment, minbarra s-sede tal-attività ekonomika msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament li huwa karatterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess.

    […]

    3.   Il-fatt li jkollu numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT m’huwiex suffiċjenti fih innifsu biex jitqies li persuna taxxabbi għandha stabbiliment fiss.”

    6

    L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

    “1.   Biex jidentifika l-istabbiliment fiss tal-klijent li lilu jingħatalu s-servizz, il-fornitur għandu jeżamina n-natura u l-użu tas-servizz provdut.

    Meta n-natura u l-użu tas-servizz provdut ma jippermettulux jidentifika l-istabbiliment fiss li lilu jingħatalu s-servizz, il-fornitur, fl-identifikazzjoni ta’ dak l-istabbiliment fiss, għandu jeżamina b’mod partikolari jekk il-kuntratt, id-dokument tal-ordni u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT mogħti mill-Istat Membru tal-klijent u kkomunikat lilu mill-klijent jidentifikax l-istabbiliment fiss bħala klijent tas-servizz u jekk l-istabbiliment fiss hux l-entità li tħallas għas-servizz.

    Fejn l-istabbiliment fiss tal-klijent li jingħatalu s-servizz ma jistax ikun determinat skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu jew meta servizzi koperti mill-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112/KE jkunu ġew fornuti lil persuna taxxabbli taħt kuntratt li jkopri servizz wieħed jew aktar li ntużaw b’mod mhux identifikabbli jew li ma jistax jiġi kkwantifikat, il-fornitur jista’ jikkunsidra b’mod validu li s-servizzi jkunu ġew ipprovduti fil-post fejn il-klijent stabilixxa n-negozju tiegħu.

    2.   L-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-klijent.”

    Id-dritt Pollakk

    7

    L-Artikolu 28b(1) sa (3) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi) tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal-2011, Nru 177, Pożizzjoni 1054), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

    “1.   Il-post tal-provvista tas-servizzi, meta dawn jiġu pprovduti lil persuna taxxabbli, huwa l-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi s-servizzi għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha, bla ħsara għall-paragrafi 2 sa 4 u għall-Artikoli 28e, 28f(1) u (1a), 28g(1), 28i, 28j(1) u (2), u 28n.

    2.   Meta s-servizzi jiġu pprovduti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jkun qiegħed f’post differenti mill-post fejn hija għandha s-sede tal-attività ekonomika tagħha, il-post tal-provvista ta’ dawn is-servizzi jkun jinsab fil-post ta’ dan l-istabbiliment fiss.

    3.   Meta l-persuna taxxabbli li tirċievi s-servizzi ma jkollhiex sede jew stabbiliment fiss fis-sens tal-paragrafu 2, il-post tal-provvista tas-servizzi jkun il-post fejn hija jkollha d-domiċilju tagħha jew ir-residenza abitwali tagħha.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    Fis-27 ta’ Ottubru 2010, Dong Yang, kumpannija rregolata taħt id-dritt Pollakk, ikkonkludiet ma’ LG Display Co. Ltd. (Korea) (iktar ’il quddiem “LG Korea”), kumpannija rregolata taħt id-dritt Korean stabbilita f’Seoul (Korea t’Isfel), kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ mmuntar ta’ bords ta’ ċirkwiti stampati (printed circuit boards, iktar ’il quddiem il-“PCB”) minn materjali u komponenti li kienu proprjetà ta’ LG Korea.

    9

    Il-materjali u l-komponenti neċessarji sabiex jiġu prodotti PCB kienu sdoganati, u mbagħad ipprovduti lil Dong Yang permezz ta’ sussidjarja ta’ LG Korea, LG Display Polska sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “LG Polonja”), kumpannija rregolata taħt id-dritt Pollakk.

    10

    Dong Yang kienet tagħti l-PCB lil LG Polonja li, abbażi ta’ kuntratt ma’ LG Korea, kienet tuża dawn il-PCB sabiex tipproduċi moduli TFT LCD. Dawn il-moduli, li kienu l-proprjetà ta’ LG Korea, kienu kkunsinnati lil kumpannija oħra, LG Display Germany GmbH.

    11

    LG Polonja għandha mezzi ta’ produzzjoni proprji tagħha. Din il-kumpannija u LG Korea għandhom numri tal-VAT separati.

    12

    Dong Yang iffatturat is-servizzi ta’ mmuntar ta’ PCB lil LG Korea billi qieset li ma humiex suġġetti għall-VAT fit-territorju Pollakk.

    13

    LG Korea żgurat lil Dong Yang li ma kellhiex stabbiliment fiss fil-Polonja u li ma timpjegax impjegati u li ma għandhiex proprjetajiet immobbli jew tagħmir tekniku fit-territorju Pollakk.

    14

    Id-Direttur tal-Awla Fiskali ta’ Wrocław qies li Dong Yang kienet għamlet il-provvisti ta’ servizzi ta’ mmuntar ta’ PCB fil-Polonja, sa fejn LG Polonja kienet tikkostitwixxi stabbiliment fiss ta’ LG Korea. Huwa għal din ir-raġuni li, fit-28 ta’ Frar 2017, l-imsemmi direttur talab mingħand Dong Yang l-ammont tal-VAT li huwa marbut mas-servizzi ta’ mmuntar li hija kienet ipprovdiet matul is-sena 2012.

    15

    F’din id-deċiżjoni, id-Direttur tal-Awla Fiskali ta’ Wrocław osserva li, bir-rabtiet kuntrattwali li hija kienet stabbiliet, LG Korea kienet tuża LG Polonja bħala l-istabbiliment proprju tagħha.

    16

    Huwa żied li Dong Yang kellha mhux biss tistrieħ fuq is-sempliċi dikjarazzjoni ta’ LG Korea, skont liema din ma kellhiex stabbiliment fiss fil-Polonja, iżda hija kellha teżamina, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, min kien il-benefiċjarju reali tas-servizzi li hija kienet tipprovdi u li tali eżami kien jippermettilha tikkonkludi li dan il-benefiċjarju kien fil-verità LG Polonja.

    17

    Dong Yang ippreżentat quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław, il-Polonja) rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur tal-Awla Fiskali ta’ Wrocław, peress li din id-deċiżjoni tikser l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll l-Artikolu 11(1), u l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011.

    18

    Il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 1985, Berkholz (168/84, EU:C:1985:299), tat-2 ta’ Mejju 1996, Faaborg-Gelting Linien (C‑231/94, EU:C:1996:184), tas-17 ta’ Lulju 1997, ARO Lease (C‑190/95, EU:C:1997:374), u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Welmory (C‑605/12, EU:C:2014:2298), rigward il-kunċett ta’ “stabbiliment fiss”, fis-sens tal-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva. Madankollu, hija tqis li t-tilwima pendenti quddiemha fiha differenzi fattwali importanti. Fil-fatt, minħabba l-fatt li s-sede ta’ LG Korea tinsab fi Stat terz, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Korea, din il-kumpannija ma tibbenefikax mil-libertajiet li jagħti t-Trattat TFUE u ma tistax teżerċita liberament attività ekonomika fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja.

    19

    Peress li l-eżerċizzju ta’ tali attività huwa possibbli biss biż-żamma ta’ kumpannija dipendenti, il-qorti tar-rinviju tqis li kumpannija stabbilita fi Stat terz għandha dejjem il-possibbiltà li teżerċita influwenza fuq l-attività tas-sussidjarja tagħha u, għaldaqstant, li tiddisponi mir-riżorsi tagħha.

    20

    Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet is-sussidjarja li għandha, fit-territorju Pollakk, kumpannija stabbilita fi Stat terz għandhiex titqies mill-fornitur ta’ servizzi, b’mod partikolari fid-dawl tal-obbligi imposti fuqu taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, bħala stabbiliment fiss għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post fejn is-servizzi huma pprovduti.

    21

    B’mod partikolari, hija tistaqsi dwar jekk l-eżistenza ta’ stabbiliment fiss tistax tiġi dedotta mis-sempliċi eżistenza ta’ sussidjarja jew jekk il-fornitur ta’ servizzi għandux jieħu inkunsiderazzjoni r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-kumpannija omm u din is-sussidjarja. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-kuntratti ta’ kollaborazzjoni li jorbtu l-kumpannija omm u s-sussidjarja, li abbażi tagħhom l-awtoritajiet fiskali Pollakki kkonkludew li jeżisti stabbiliment fiss, ġew miġbura fil-kuntest ta’ proċedura fiskali separata minn dik li tat lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali u ma kinux aċċessibbli għall-fornitur tas-servizzi kkonċernat minn din tal-aħħar.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław), peress li qieset li huwa neċessarju li tikseb kjarifika mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-imsemmija Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Is-sempliċi fatt li kumpannija stabbilita barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea għandha sussidjarja fil-Polonja jippermetti li tiġi dedotta l-eżistenza ta’ stabbiliment fiss fil-Polonja fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112 […] u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 […]?

    2)

    Jekk għall-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, impriża terza hija marbuta li teżamina r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-kumpanija stabbilita barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea u s-sussidjarja sabiex tiddetermina jekk l-ewwel kumpannija għandhiex stabbiliment fiss fil-Polonja?”

    Fuq id-domandi preliminari

    23

    Biż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll l-Artikolu 11(1), u l-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-eżistenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ stabbiliment fiss ta’ kumpannija stabbilita fi Stat terz tista’ tiġi dedotta minn fornitur ta’ servizzi mis-sempliċi fatt li din il-kumpannija jkollha hemmhekk sussidjarja jew jekk dan il-fornitur huwiex marbut li jinvestiga, għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn iż-żewġ entitajiet.

    24

    L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi, fl-ewwel sentenza tiegħu, li l-post tal-provvista tas-servizzi pprovduti lil persuna taxxabbli li taġixxi inkwantu tali huwa l-post fejn il-persuna taxxabbli stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha. Madankollu, it-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu tipprevedi li, jekk is-servizzi jiġu pprovduti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jkun jinsab f’post li ma huwiex dak fejn hija stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha, il-post tal-provvista ta’ dawn is-servizzi huwa l-post fejn ikun jinsab dan l-istabbiliment fiss.

    25

    Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-post tat-tassazzjoni tal-provvisti ta’ servizzi sabiex jiġi evitat, minn naħa, kunflitti ta’ kompetenza li għandhom mnejn iwasslu għal tassazzjoni doppja u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ tassazzjoni tad-dħul (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Welmory, C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 42).

    26

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minkejja li l-punt ta’ rabta l-iktar utli sabiex jiġi stabbilit il-post tal-provvista ta’ servizzi, mil-lat fiskali u, għaldaqstant, prijoritarju, huwa dak fejn il-persuna taxxabbli stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli jikkostitwixxi deroga minn din ir-regola ġenerali, sakemm ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Welmory, C‑605/12, EU:C:2014:2298, punti 53 u 56).

    27

    Għal din ir-raġuni, sabiex ma jqumux ċirkustanzi li għandhom mnejn jikkompromettu l-funzjonament tajjeb tas-sistema komuni tal-VAT, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112, li, meta s-servizz ikun ġie pprovdut lil stabbiliment li jista’ jiġi kklassifikat bħala stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli, għandu jitqies li l-post tal-provvista tas-servizzi pprovduti huwa l-post fejn ikun jinsab dan l-istabbiliment fiss.

    28

    Fir-rigward tal-punt dwar jekk jeżistix “stabbiliment fiss”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 44, għandu jiġi osservat li din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata abbażi tal-persuna taxxabbli-riċevitur li lilha jiġu pprovduti s-servizzi (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Welmory, C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 57). F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, l-“istabbiliment fiss” jindika kull stabbiliment, minbarra s-sede tal-attività ekonomika msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, li huwa kkaratterizzat minn livell suffiċjenti ta’ permanenza u minn struttura xierqa, f’termini ta’ mezzi umani u tekniċi, li jippermettulu jirċievi u juża s-servizzi li huma pprovduti lilu għall-bżonnijiet proprji ta’ dan l-istabbiliment.

    29

    Huwa minnu, f’dan ir-rigward, li għandu jiġi osservat li l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles imsemmi fil-punt 3 ta’ din is-sentenza jinkludi, fit-tabella li tinsab fl-Anness 7‑A‑2 tiegħu, fit-tieni kolonna ta’ dan, taħt it-titolu “Tipi ta’ stabbiliment”, riżerva għar-Repubblika tal-Polonja skont liema l-investituri Koreani jistgħu jibdew u jeżerċitaw attività ekonomika fil-Polonja biss billi jistabbilixxu sħubija limitata, kumpannija azzjonarja limitata, u kumpannija b’responsabilità limitata. Din id-dispożizzjoni tipprekludi l-possibbiltà għall-impriżi rregolati mid-dritt Korean li jeżerċitaw direttament attività ekonomika fil-Polonja.

    30

    Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li s-sussidjarja miżmuma għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ tali attività mill-kumpannija omm stabbilita fil-Korea t’Isfel tista’ tikkostitwixxi stabbiliment fiss ta’ din il-kumpannija omm, fi Stat Membru tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112, moqri fid-dawl tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011. Għaldaqstant, ir-riżerva msemmija fil-punt preċedenti ma għandhiex effett fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “stabbiliment fiss” fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112.

    31

    Għandu jitfakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika u kummerċjali jikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2019, Budimex, C‑224/18, EU:C:2019:347, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni ta’ stabbiliment bħala stabbiliment fiss ma tistax tiddependi mis-sempliċi status ġuridiku tal-entità kkonċernata.

    32

    F’dan ir-rigward, minkejja li huwa possibbli li sussidjarja tikkostitwixxi l-istabbiliment fiss tal-kumpannija omm (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS, C‑260/95, EU:C:1997:77, punti 25 u 26), tali klassifikazzjoni tiddependi mill-kundizzjonijiet materjali msemmija mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, b’mod partikolari fl-Artikolu 11 ta’ dan, li għandhom jiġu evalwati fid-dawl tar-realtà ekonomika u kummerċjali.

    33

    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-eżistenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ stabbiliment fiss ta’ kumpannija stabbilita fi Stat terz ma tistax tiġi dedotta minn fornitur ta’ servizzi mis-sempliċi fatt li din il-kumpannija jkollha sussidjarja hemmhekk.

    34

    Fir-rigward tal-punt dwar jekk il-fornitur tas-servizzi kkonċernati huwiex marbut jeżamina r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-imsemmija kumpannija u s-sussidjarja tagħha sabiex jiddetermina jekk l-ewwel waħda fost dawn għandhiex tali stabbiliment fiss f’dan l-Istat Membru, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tirreferi, fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, għall-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011.

    35

    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li dan l-Artikolu 22 jipprevedi serje ta’ kriterji, li dan il-fornitur ta’ servizzi għandu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jiddetermina l-istabbiliment fiss tar-riċevitur. Qabel kollox, hemm l-eżami tan-natura u tal-użu tas-servizz ipprovdut lill-persuna taxxabbli-riċevitur. Imbagħad, jekk dan l-eżami ma jippermettix li jiġi identifikat l-istabbiliment fiss ta’ dan ir-riċevitur ta’ servizzi, għandu jiġi eżaminat, b’mod partikolari, jekk il-kuntratt, l-ordni għax-xiri u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT attribwit mill-Istat Membru tar-riċevitur u li ġie kkomunikat lilu mir-riċevitur jidentifikawx l-istabbiliment fiss bħala r-riċevitur tas-servizz u jekk l-istabbiliment fiss huwiex l-entità li tħallas għas-servizz. Fl-aħħar nett, meta ż-żewġ kriterji msemmija hawn fuq ma jippermettux li jiġi identifikat l-istabbiliment fiss tar-riċevitur, il-fornitur iqis b’mod leġittimu li s-servizzi huma pprovduti lilu fil-post fejn ir-riċevitur stabbilixxa s-sede tal-attività ekonomika tiegħu.

    36

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonsatat li, kif sostnew il-Gvern tal-Polonja u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni, mill-imsemmi Artikolu 22 ma jirriżultax li l-fornitur tas-servizzi kkonċernati huwa marbut li jeżamina r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn kumpannija stabbilita fi Stat terz u s-sussidjarja tagħha stabbilita fi Stat Membru sabiex jiddetermina jekk l-ewwel waħda fost dawn għandhiex tali stabbiliment fiss f’dan l-Istat Membru. Fil-fatt, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, jirreferi għall-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi bejn il-fornitur u l-persuna taxxabbli-riċevitur u mhux ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn din il-persuna taxxabbli-riċevitur u entità li tista’, jekk ikun il-każ, tiġi identifikata bħala l-istabbiliment fiss tagħha.

    37

    Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punti 73 u 74 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fornitur tas-servizzi ma jistax jiġi impost, billi jintalab li jinvestiga r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha meta dawn l-elementi ma humiex, fil-prinċipju, aċċessibbli għalih, obbligi li huma imposti fuq l-awtoritajiet fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Altic, C‑329/18, EU:C:2019:831, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżistenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ stabbiliment fiss ta’ kumpannija stabbilita fi Stat terz ma tistax tiġi dedotta minn fornitur ta’ servizzi mis-sempliċi fatt li din il-kumpannija għandha sussidjarja hemmhekk u li dan il-fornitur ma huwiex marbut li jinvestiga, għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn dawn iż-żewġ entitajiet.

    Fuq l-ispejjeż

    39

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008, kif ukoll l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżistenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ stabbiliment fiss ta’ kumpannija stabbilita fi Stat terz ma tistax tiġi dedotta minn fornitur ta’ servizzi mis-sempliċi fatt li din il-kumpannija għandha sussidjarja hemmhekk u li dan il-fornitur ma huwiex marbut li jinvestiga, għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn dawn iż-żewġ entitajiet.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top