EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0502

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-11 ta’ Lulju 2019.
CS et vs České aerolinie a.s.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Městský soud v Praze.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(1)(c) – Artikolu 7(1) – Dritt għal kumpens – Titjira b’konnessjonijiet – Titjira komposta minn żewġ titjiriet operati minn trasportaturi bl-ajru differenti – Dewmien twil subit fl-okkażjoni tat-tieni titjira li għandha l-punti tagħha tat-tluq u tal-wasla barra l-Unjoni Ewropea u operata minn trasportatur stabbilit f’pajjiż terz.
Kawża C-502/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:604

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

11 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(1)(c) – Artikolu 7(1) – Dritt għal kumpens – Titjira b’konnessjonijiet – Titjira komposta minn żewġ titjiriet operati minn trasportaturi bl-ajru differenti – Dewmien twil subit fl-okkażjoni tat-tieni titjira li għandha l-punti tagħha tat-tluq u tal-wasla barra l-Unjoni Ewropea u operata minn trasportatur stabbilit f’pajjiż terz”

Fil-Kawża C‑502/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, Ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

CS et

vs

České aerolinie a.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CS et, minn R. Jehne, advokát,

għal České aerolinie a.s., minn J. Horník, advokát,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Němečková u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn CS et (iktar ’il quddiem il-“passiġġieri inkwistjoni”) u České aerolinie a.s., trasportatur bl-ajru, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkumpensa lil dawn il-passiġġieri li ħin tat-tluq tat-titjira tagħhom b’konnessjoni kien suġġetta għal dewmien twil.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 2(b) u (c) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)

‘trasportatur ta’ l-ajru li jopera’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier;

ċ)

‘trasportatur Komunitarju’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru b’liċenza valida ta’ l-operazzjoni mogħtija minn Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar l-għoti ta’ liċenzi lill-trasportaturi ta’ l-ajru;”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Skop”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

a)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

[…]

5.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier.”

5

L-Artikolu 5(1)(ċ) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

i)

huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

ii)

huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

iii)

huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.”

6

L-Artikolu 7(1) ta’ dan l-istess regolament huwa redatt kif ġej:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

[…]

ċ)

EUR 600 ghat-titjiriet kollha li ma jaqawx taht (a) jew (b).

[…]”

7

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxi:

“F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Il-passiġġieri inkwistjoni, li kienu ħdax, għamlu riżervazzjoni ma’ České aerolinie għal titjira bejn Praga (ir-Repubblika Ċeka) u Bangkok (it-Tajlandja) b’waqfa f’Abu Dabi (l-Emirati Għarab Magħquda).

9

L-ewwel parti tat-titjira b’konnessjoni, operata minn České aerolinie u li minn Praga twassal għal Abu Dabi, twettqet skont il-pjan tat-titjira u waslet fil-ħin fid-destinazzjoni tagħha. Għall-kuntrarju, it-tieni titjira, operata, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi, minn Etihad Airways li ma huwiex “trasportatur [bl-ajru] Komunitarju”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, u li kienet twassal minn Abu Dabi għal Bangkok, kienet suġġetta għal dewmien ta’ 488 minuti fil-ħin tal-wasla fid-destinazzjoni tagħha.

10

Billi ġew iffaċċjati bir-rifjut ta’ České aerolinie li tħallashom il-kumpens previst fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, il-passiġġieri inkwistjoni ressqu quddiem il-qorti Ċeka munita bil-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza azzjoni diretta kontra dan it-trasportatur. Din il-qorti laqgħet it-talba tagħhom għal kumpens billi qieset, b’mod partikolari, li, minkejja li ma kinitx hi li wettqet it-titjira li kienet suġġetta għal dewmien twil, České aerolinie xorta waħda setgħet tkun obbligata tħallas l-imsemmi kumpens skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004.

11

Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell mill-qorti tar-rinviju qorti tar-rinviju, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka). Fid-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2016, hija ddeċidiet b’mod partikolari li ma kienx neċessarju li tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, peress li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 setgħet tiġi dedotta b’mod ċar mill-kliem ta’ dan ir-regolament kif ukoll mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2013, Folkerts (C‑11/11, EU:C:2013:106). F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju qieset li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li České aerolinie kienet direttament responsabbli fir-rigward tal-passiġġieri inkwistjoni għad-danni subiti minnhom minħabba d-dewmien tal-parti tat-titjira b’konnessjoni mwettqa minn Etihad Airways, peress li l-element li jikkostitwixxi il-kunċett legali ta’ rappreżentazzjoni huwa l-fatt li l-atti tal-aġent jiġu attribwiti direttament lill-prinċipal. Barra min hekk, skont il-qorti tar-rinviju, din l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament kienet għalkollox adegwata għas-sitwazzjoni fattwali li kienet adita biha u ekwa, peress li r-responsabbiltà tat-trasportatur kuntrattwali tirriżulta mill-kuntratt u li t-trasportatur ma jistax jeżenta ruġu mir-responsabbiltà minħabba li l-parti mit-titjira li tat lok għad-dewmien twettqet minn persuna oħra, billi tali sitwazzjoni hija analoga għal dik ta’ kull subaġent ieħor.

12

Madankollu, din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2017. Fid-deċiżjoni tagħha, l-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali) ordnat lill-qorti tar-rinviju teżamina l-argumenti ta’ České aerolinie li permezz tagħhom hija pprevalixxiet ruħha minn deċiżjoni tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federal tal-Ġustizzja, Il-Ġermanja) li biha din il-qorti qieset, f’kuntest simili, li r-responsabbiltà tat-trasportatur kuntrattwali ma segħetx tiġi stabbilita, f’każ li dan tal-aħħar ma kienx it-trasportatur bl-ajru effettiv.

13

Meta ġiet adita b’rinviju mill-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali), il-qorti tar-rinviju kkonstatat li r-rikors għal kumpens tal-passiġġieri inkwistjoni jista’ jintlaqa’ biss jekk it-trasportatur kuntrattwali, fil-każ odjern České aerolinie, jista’ jinżamm responsabbli għad-dewmien twil fil-ħin tal-wasla tat-titjira operata barra l-Unjoni Ewropea minn trasportatur bl-ajru li huwa stess stabbilit barra l-Unjoni, jiġifieri Etihad Airways. F’dan is-sens, ir-rekwiżit ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri jwassal għal din l-interpretazzjoni, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, it-titjiriet b’konnessjoni huma tali li titjira minnhom titwettaq barra l-Unjoni minn trasportatur bl-ajru mhux Komunitarju, fatt li jimplika li r-Regolament Nru 261/2004 ma huwiex applikabbli. Għall-kuntrarju, dak li jimmilita favur din l-interpretazzjoni huwa l-fatt li dan ir-regolament jipprevedi li l-parti li għandha tħallas il-kumpens previst fl-Artikolu 7(1)(ċ) tiegħu huwa t-trasportatur bl-ajru effettiv, fatt li huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja).

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, toħloq obbligu fuq trasportatur Komunitarju sabiex iħallas kumpens lill-passiġġieri fejn dan it-trasportatur Komunitarju, bħala t-trasportatur kuntrattwali, ikun opera l-ewwel parti ta’ titjira b’waqfa f’ajruport ta’ Stat terz, li minnu, skont ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi, trasportatur li ma jkunx trasportatur Komunitarju, opera t-tieni parti tat-titjira u kien hemm dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat sal-wasla fl-ajruport tad-destinazzjoni finali li seħħ esklużivament fit-tieni parti tat-titjira?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1)(c) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(5) ta’ dan tal-aħħar, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ titjira b’konnessjoni, komposta minn żewġ titjiriet u li kienet suġġetta għal riżervazzjoni waħda, bi tluq minn ajruport fit-territorju ta’ Stat Membru u b’destinazzjoni lejn ajurport li jinsab f’pajjiż terz bl-użu ta’ ajruport ta’ pajjiż terz, passiġġier li jkun vittma ta’ dewmien sabiex jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu ta’ tliet sigħat jew iktar li oriġina mit-tieni titjira, żgurata, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi, minn trasportatur stabbilit f’pajjiż terz, jistax ifittex permezz ta’ rikors għal kumpens abbażi ta’ dan ir-regolament lit-trasportatur bl-ajru Komunitarju li wettaq l-ewwel titjira.

16

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar, minn naħa, li titjira b’konnessjoni waħda jew iktar li tkun suġġetta għal riżervazzjoni waħda tikkostitwixxi assjem wieħed għall-finijiet tad-dritt għall-kumpens tal-passiġġieri previst mir-Regolament Nru 261/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Wegener, C‑537/17, EU:C:2018:361, punti 1819 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), fatt li jimplika li l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-post tat-tluq inizjali u tad-destinazzjoni finali ta’ dun tal-aħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Wegener, C‑537/17, EU:C:2018:361, punt 25).

17

Skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, dan tal-aħħar japplika, b’mod partikolari, għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

18

Għaldaqstant, titjira b’konnessjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal minn Praga għal Bangkok permezz ta’ Abu Dabi, li telqet minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004.

19

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-passiġġieri ta’ titjiriet li ttradjaw għandhom jitqiesu bħala li għandhom dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkie mal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, f’każ li dawn ibatu, fil-wasla fid-destinazzjoni finali tagħhom, telf ta’ żmien ta’ tliet sigħat jew iktar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 61, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 38).

20

Fir-rigward tal-persuna li hija responsabbli għall-ħlas tal-kumpens dovut f’każ ta’ dewmien twil fil-wasla ta’ titjira b’konnessjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta mid-diċtura tal-Artikolu 5(1)(ċ) u mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 li din tista’ tkun biss it-“trasportatur bl-ajru li jopera” fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament.

21

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, trasportatur bl-ajru bħal České aerolinie, għandux din il-klassifikazzjoni.

22

Skont l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004, “trasportatur bl-ajru li jopera” huwa “trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier”.

23

B’hekk, din id-definizzjoni twaqqaf żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex trasportatur bl-ajru ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “trasportatur bl-ajru li jopera” marbuta, minn naħa mat-twettiq tat-titjira inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, mal-eżistenza ta’ kuntratt konkluż ma’ passiġġier (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2018, Wirth et, C‑532/17, EU:C:2018:527, punt 18).

24

Fil-kawża odjerna u kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa stabbilit li České aerolinie effettivament wettqet titjira fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport konkluż mal-passiġġieri inkwistjoni.

25

Konsegwentement, České aerolinie għandha tiġi kklassifikata bħala “trasportatur bl-ajru li jopera” u għaldaqstant, hija responsabbli għall-ħlas, bla ħsara għall-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, tal-kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(c) u tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament.

26

Tali kunsiderazzjoni ma tistax titpoġġa f’dubju mill-fatt, invokat minn České aerolinie fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li d-dewmien li kellhom ibatu l-passiġġieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali toriġina mhux mill-ewwel parti tat-titjira b’konnessjoni mwettqa minn dan it-trasportatur iżda mit-tieni titjira ta’ din it-titjira b’konnessjoni, imwettqa minn trasportatur bl-ajru ieħor.

27

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, qabelxejn, li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, it-titjiriet b’konnessjoni waħda jew iktar li jkunu suġġetti għal riżervazzjoni waħda għandhom jitqiesu bħala unità, fatt li jimplika li, fil-kuntest ta’ tali titjiriet, trasportatur bl-ajru effettiv li jkun wettaq l-ewwel titjira ma jistax jinħeba wara l-eżekuzzjoni mhux f’lokha ta’ titjira sussegwenti operata minn trasportatur bl-ajru ieħor.

28

Sussegwentement, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 tippreċiża li, meta trasportatur tal-ajru effettiv li ma jkunx ikkonkluda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament, huwa jiġi kkunsidrat li jaġixxi f’isem il-persuna li kkonkludiet il-kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat.

29

B’hekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, fil-kuntest ta’ titjira b’konnessjoni komposta minn żewġ titjiriet li tkun suġġetta għal riżervazzjoni waħda, it-tieni titjira titwettaq skont ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi minn trasportatur bl-ajru effettiv differenti mit-trasportatur bl-ajru effettiv li jkun ikkonkluda l-kuntratt ta’ transport mal-passiġġieri kkonċernati u li wettaq l-ewwel titjira, dan l-aħħar imsemmi trasportatur jibqa’ kuntrattwalment marbut mal-passiġġieri, anki inkonnessjoni mal-eżekuzzjoni tat-tieni titjira.

30

Barra minn hekk, l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ passiġġieri, stabbilit fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004, huwa wkoll ta’ natura li jikkorrobora l-konklużjoni li, f’każ ta’ titjira b’konnessjoni li tkun suġġetta għal riżervazzjoni waħda u li twettqet fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi, it-trasportatur bl-ajru effettiv li wettaq l-ewwel titjira huwa responsabbli għall-ħlas tal-kumpens anki fil-każ ta’ dewmien subit waqt it-tieni titjira operata minn trasportatur bl-ajru ieħor. Fil-fatt, tali soluzzjoni tippermetti li jiġi ggarantit li l-passiġġieri ttrasportati jiġu kkumpensati mit-trasportatur bl-ajru effettiv li jkun ikkonkluda l-kuntratt ta’ transport magħhom, mingħajr il-bżonn li jittieħed kont tal-arranġamenti magħmula minn dan it-trasportatur inkonnessjoni mat-twettiq tat-tieni parti tat-titjira b’konnessjoni.

31

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi osservat li, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004, l-obbligi li għandu t-trasportatur bl-ajru effettiv skont dan ir-regolament huma bla ħsara għad-dritt tiegħu li jitlob kumpens għad-danni, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli, lil kull persuna li minħabba fiha ġew ikkawżati n-nuqqasijiet ta’ dan it-trasportatur għat-twettiq tal-obbligi tiegħu, inklużi t-terzi (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman, C‑302/16, EU:C:2017:359, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Għaldaqstant, u b’mod partrikolari fir-rigward ta’ titjira b’konnessjoni li tkun suġġetta għal riżervazzjoni waħda u li twettqet fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi, fejn applikabbli, huwa t-trasportatur bl-ajru effettiv li jkun ħallas il-kumpens previst mir-Regolament Nru 261/2004 minħabba d-dewmien twil li kienet affettwata minnu titjira li ma jkunx wettaq huwa stess, li għandu jdur kontra t-trasportatur bl-ajru effettiv li għandu jġorr ir-responsabbiltà għal dan id-dewmien sabiex jikseb mingħandu l-kumpens għal dan il-piż finanzjarju.

33

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 5(1)(c) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 3(5) ta’ dan tal-aħħar, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ titjira b’konnessjoni, komposta minn żewġ titjiriet u li kienet suġġetta għal riżervazzjoni waħda, bi tluq minn ajruport fit-territorju ta’ Stat Membru u b’destinazzjoni lejn ajurport li jinsab f’pajjiż terz bl-użu ta’ ajruport ta’ pajjiż terz, passiġġier li jkun vittma ta’ dewmien sabiex jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu ta’ tliet sigħat jew iktar li oriġina mit-tieni titjira, żgurata, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi, minn trasportatur stabbilit f’pajjiż terz, jistax ifittex permezz ta’ rikors għal kumpens abbażi ta’ dan ir-regolament lit-trasportatur bl-ajru Komunitarju li wettaq l-ewwel titjira.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5(1)(c) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, moqri flimkien mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ titjira b’konnessjoni, komposta minn żewġ titjiriet u li kienet suġġetta għal riżervazzjoni waħda, bi tluq minn ajruport fit-territorju ta’ Stat Membru u b’destinazzjoni lejn ajurport li jinsab f’pajjiż terz bl-użu ta’ ajruport ta’ pajjiż terz, passiġġier li jkun vittma ta’ dewmien sabiex jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu ta’ tliet sigħat jew iktar li oriġina mit-tieni titjira, żgurata, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni ta’ kodiċi, minn trasportatur stabbilit f’pajjiż terz, jistax ifittex permezz ta’ rikors għal kumpens abbażi ta’ dan ir-regolament lit-trasportatur bl-ajru Komunitarju li wettaq l-ewwel titjira.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top