Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0480

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-2 ta’ April 2020.
Kawża mressqa minn „PrivatBank” AS.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64/KE – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2007/64/KE – Servizzi ta’ ħlas ipprovduti f’munita differenti mill-Euro jew mill-munita uffiċjali ta’ Stat Membru barra miż-żona Euro – Servizzi ta’ ħlas ipprovduti minn istituzzjoni ta’ kreditu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni difettuża ta’ ordni ta’ ħlas – Persuna responsabbli – Proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali – Proċeduri dwar ilmenti – Rimedji extraġudizzjarji – Awtoritajiet kompetenti.
Kawża C-480/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:274

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

2 ta’ April 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64/KE – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2007/64/KE – Servizzi ta’ ħlas ipprovduti f’munita differenti mill-Euro jew mill-munita uffiċjali ta’ Stat Membru barra miż-żona Euro – Servizzi ta’ ħlas ipprovduti minn istituzzjoni ta’ kreditu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni difettuża ta’ ordni ta’ ħlas – Persuna responsabbli – Proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali – Proċeduri dwar ilmenti – Rimedji extraġudizzjarji – Awtoritajiet kompetenti”

Fil-Kawża C‑480/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

“PrivatBank” AS

fil-preżenza ta’:

Finanšu un kapitāla tirgus komisija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, K. Jürimäe u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u J. Davidoviča, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u minn L. Dvořáková, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Naglis u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikoli 20, 21, 75 u 80 sa 82 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007,dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE kif ukoll 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5), kif emendata bid-Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 302, p. 97) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2007/64”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn “PrivatBank” AS, istituzzjoni ta’ kreditu li għandha s-sede tagħha fil-Latvja, dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapitali, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji”) li timponilha multa minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2007/64 tħassret u ġiet issostitwita b’effett mit-13 ta’ Jannar 2018 bid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni, it-tilwima fil-kawża prinċipali tibqa’ rregolata mid-Direttiva 2007/64.

4

Il-premessi 5, 6, 8, 10, 11, 14, 20, 43, 46 u 50 sa 52 tad-Direttiva 2007/64 jipprovdu dan li ġej:

“(5)

Dak il-qafas legali għandu jiżgura li jkun hemm koordinazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rekwiżiti ta’ prudenza, l-aċċess għas-suq minn fornituri ġodda ta’ servizzi ta’ ħlas, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi ta’ utenti u fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas. […]

(6)

Madankollu, mhux xieraq li dak il-qafas legali jkun jinkludi kollox. L-applikazzjoni tiegħu għandha tkun limitata għal fornituri tas-servizz ta’ ħlas li l-attività ewlenija tagħhom tikkonsisti fil-forniment ta’ servizzi ta’ ħlas lil utenti ta’ servizzi ta’ ħlas. […]

[…]

(8)

Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jistgħu leġittimament jipproponu servizzi ta’ ħlas [fl-Unjoni] kollha, jiġifieri istituzzjonijiet ta’ kreditu li jaċċettaw depożiti ta’ utenti li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw operazzjonijiet ta’ ħlas u li għandhom jibqgħu soġġetti għar-rekwiżiti prudenzjali stabbiliti skont id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu [(ĠU 2006, L 177, p. 1)]. […]

[…]

(10)

[…] Hu xieraq, […] li tiddaħħal kategorija ġdida ta’ fornituri tas-servizz ta’ ħlas, ‘istituzzjonijiet tal-ħlas’, billi jsir provvediment għall-awtorizzazzjoni, soġġetta għal sett ta’ kundizzjonijiet stretti u li jieħdu kont ta’ kollox, ta’ persuni ġuridiċi barra l-kategoriji eżistenti biex jipprovdu servizzi ta’ ħlas madwar [l-Unjoni kollha]. […]

(11)

[…] Ir-rekwiżiti għall-istituzzjonijiet tal-ħlas għandhom jirriflettu l-fatt li istituzzjonijiet tal-ħlas jeżerċitaw attivitajiet aktar speċjalizzati u limitati, u b’hekk jiġġeneraw riskji li huma idjeq u li jistgħu ikunu monitorjati u kkontrollati b’mod aktar faċli minn dawk li jqumu fil-firxa usa’ ta’ attivitajiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. […]

[…]

(14)

Jeħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet responsabbli mill-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lil istituzzjonijiet tal-ħlas, mit-twettieqta’ kontrolli kontinwi u mid-deċiżjonijiet jekk għandhomx jirtiraw dawk l-awtorizzazzjonijiet. […] Madankollu, għandu jkun hemm il-possibbiltà li d-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-awtoritajiet kompetenti jkunu kkontestati quddiem il-qrati. […]

[…]

(20)

Peress li l-konsumaturi u l-impriżi mhumiex fl-istess pożizzjoni, m’għandhomx bżonn l-istess livell ta’ protezzjoni. Waqt li huwa importanti li d-drittijiet tal-konsumatur ikunu garantiti b’dispożizzjonijiet li ma jistax ikun hemm deroga minnhom b’kuntratt, huwa raġonevoli li l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet jitħallew jiftiehmu mod ieħor. […] Fi kwalunkwe każ, ċerti dispożizzjonijiet ewlenin ta’ din id-Direttiva għandhom dejjem ikunu applikabbli irrispettivament mill-istatus ta’ l-utent.

[…]

(43)

Sabiex titjieb l-effiċjenza tal-pagamenti [fl-Unjoni] kollha, għandu jiġi stabbilit perijodu ta’ eżekuzzjoni ta’ ġurnata massimu għall-ordnijiet ta’ ħlas kollha mibdija minn min iħallas u ddenominati bl-euro jew fil-munita ta’ Stat Membru li ma jaqgħux fiż-żona tal-euro […]. Minħabba l-fatt li l-infrastrutturi nazzjonali tal-ħlas huma ħafna drabi effiċjenti ħafna u biex il-livelli preżenti ta’ servizzi ma jmorrux lura, l-Istati Membri għandhom jitħallew iżommu fis-seħħ jew jistabbilixxu regoli li jispeċifikaw żmien ta’ eżekuzzjoni ta’ anqas minn jum ta’ negozju, fejn ikun xieraq.

[…]

(46)

[…] Tenut kont ta’ dawk il-konsiderazzjonijiet kollha, huwa għal kollox xieraq, ħlief għal ċirkostanzi anormali u mhux prevedibbli, li tkun imposta responsabbiltà fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni ta’ transazzjoni ta’ ħlas aċċettata mill-utent, ħlief għall-atti u l-omissjonijiet tal-fornitur ta’ servizzi ta’ min jitħallas li l-għażla tagħhom hija biss ir-responsabbiltà ta’ min qed jiħallas. […] Kull meta l-ammont ta’ ħlas ikun ġie kkreditat fil-kont tal-fornitur ta’ servizz ta’ ħlas li jirċievi, min jitħallas għandu immedjatament ikollu pretensjoni fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu għal kreditu fil-kont tiegħu.

[…]

(50)

Hu meħtieġ li jkun żgurat infurzar effettiv tad-dispożizzjonijiet adottati fil-liġijiet nazzjonali skond din id-Direttiva. Għalhekk għandhom jitfasslu proċeduri xierqa li permezz tagħhom ikun possibbli li jitmexxew ilmenti kontra fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li ma jikkonformawx ma’ dawk id-dispożizzjonijiet u biex ikun żgurat li, meta xieraq, ikunu imposti penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(51)

Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-klijenti li jressqu kawża quddiem il-qrati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw riżoluzzjoni barra mill-qrati aċċessibbli faċilment u mingħajr spejjeż żejda tal-konflitti bejn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas u konsumaturi li jirriżultaw mid-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva. […]

(52)

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk l-awtoritajiet kompetenti maħturin biex jagħtu l-awtorizzazzjoni lill-istituzzjonijiet għall-ħlas jistgħux ikunu wkoll l-awtoritajiet kompetenti rigward il-proċedura ta’ ilment jew rikors barra l-qorti.”

5

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2007/64:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li skondhom l-Istati Membri għandhom jiddistingwu s-sitt kategoriji li ġejjin ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas:

(a)

istituzzjonijiet ta’ kreditu fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2006/48/KE, inklużi fergħat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(3) ta’ din id-Direttiva li jinsabu [fl-Unjoni] tal-istituzzjonijiet tal-kreditu li għandhom l-uffiċċji ewlenin tagħhom [fl-Unjoni] jew, b’konformità mal-Artikolu 38 ta’ din id-Direttiva, barra mill-[Unjoni];

[…]

d)

istituzzjonijiet tal-ħlas fis-sens ta’ din id-Direttiva;

[…]”

6

L-Artikolu 2 ta’ id-Direttiva 2007/64, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi ta’ ħlas ipprovduti [fl-Unjoni]. Madankollu, ħlief għall-Artikolu 73, [Data tal-valur u tad-disponibbiltà tal-fondi], it-Titoli III [Trasparenza tal-kundizzjonijiet u tar-rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni li tirregola s-servizzi ta’ ħlas] u IV [Drittijiet u l-obbligi relatati mal-provvista u mal-użu ta’ servizzi ta’ ħlas] għandhom japplikaw biss, fejn kemm il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas, jew il-fornitur uniku ta’ servizzi tal-ħlas fit-transazzjoni ta’ ħlas, jinsabu [fl-Unjoni].

2.   It-Titoli III u IV ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għas-servizzi ta’ ħlas li jsiru bl-euro jew f’valuta uffiċjali ta’ Stat Membru li qiegħed barra miż-żona euro.”

7

Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

4)

‘istituzzjoni ta’ pagament’ tfisser persuna ġuridika li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 10 biex tipprovdi u twettaq servizzi ta’ pagament [fl-Unjoni kollha];

[…]

10)

‘utent ta’ servizzi ta’ ħlas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizzi ta’ ħlas fil-kapaċità ta’ min iħallas jew ta’ min jitħallas, jew tat-tnejn;

‘konsumatur’ tfisser persuna fiżika li, f’kuntratti ta’ servizzi ta’ ħlas koperti minn din id-Direttiva, qed taġixxi għal finijiet li ma humiex is-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

[…]”

8

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Ħatra ta’ l-awtoritajiet kompetenti”, li jidher fit-Titolu II tiegħu, intitolat “Fornituri Ta’ Servizzi ta’ Ħlas”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru bħala l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni prudenti ta’ l-istituzzjonijiet tal-ħlas li jkunu ser iwettqu d-doveri previsti taħt dan it-Titolu, jew awtoritajiet pubbliċi, jew korpi rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali jew mill-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom is-setgħa speċifika għal dak il-għan mil-liġi nazzjonali, inklużi banek ċentrali nazzjonali.

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1 ikollhom is-setgħat kollha meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

[…]

5.   Il-paragrafu 1 ma jimplikax li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jikkontrollaw l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas, minbarra l-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas elenkati fl-Anness […]”

9

L-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, intitolat “Superviżjoni”, li jidher ukoll fit-Titolu II ta’ din tal-aħħar jistipula:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti biex jikkontrollaw il-konformità kontinwa ma’ dan it-Titolu jkunu proporzjonali u adegwati u li jkunu kapaċi jirreaġixxu għar-riskji li għalihom ikunu esposti l-istituzzjonijiet tal-ħlas.

Biex tkun ikkontrollata l-konformità [mat]-Titolu [II], l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu intitolati jieħdu l-passi li ġejjin, b’mod partikolari:

a)

jirrikjedu li l-istituzzjoni tal-ħlas tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex tkun monitorjata l-konformità;

b)

iwettqu spezzjonijiet fil-post tal-istituzzjoni tal-ħlas, ta’ kwalunkwe aġent jew fergħa li jfornu servizzi ta’ ħlas taħt ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni tal-ħlas, jew ta’ kwalunkwe entità li lilha jiġu outsourced operazzjonijiet ta’ servizzi ta’ ħlas;

ċ)

joħorġu rakkomandazzjonijiet, linji gwida u, jekk applikabbli, dispożizzjonijiet amministrattivi li jorbtu;[…]

[…]

2.   Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri għall-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom, jistgħu, kontra l-istituzzjonijiet tal-ħlas jew dawk li effettivament jikkontrollaw in-negozju ta’ istituzzjonijiet tal-ħlas li jiksru liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw is-superviżjoni jew is-segwitu tan-negozju tagħhom ta’ servizzi ta’ ħlas, jadottaw jew jimponu fir-rigward tagħhom penali jew miżuri mmirati b’mod speċifiku biex itemmu il-ksur osservat jew il-kawżi ta’ tali ksur.

[…]”

10

Mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, meta l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ma jkunx konsumatur, il-partijiet jistgħu jiddeċiedu li, b’mod partikolari, l-Artikolu 75 tal-istess direttiva ma japplikax, kompletament jew parzjalment.

11

L-Artikolu 75 tad-Direttiva 2007/64, bl-isem “Nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni difettuża”, jipprovdi:

“1.   Fejn ordni tal-ħlas tinbeda minn min iħallas, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu għandu, […] ikun responsabbli lejn min iħallas għall-eżekuzzjoni korrett tat-transazzjoni ta’ ħlas, ħlief jekk jista’ jagħti prova lil min iħallas u, fejn rilevanti, lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas irċieva l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas skond l-Artikolu 69(1), f’liema każ, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas għandu jkun responsabbli lejn min jitħallas għall-eżekuzzjoni korrett tat-transazzjoni ta’ ħlas.

Fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun responsabbli taħt l-ewwel sub-paragrafu, hu għandu mingħajr dewmien bla bżonn iħallas lura lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas mhux eżegwita jew difettuża u, fejn applikabbli, ireġġa’ lura l-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku t-transazzjoni ta’ ħlas difettuża ma seħħitx.

Fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas ikun responsabbli taħt l-ewwel subparagrafu, hu għandu minnufih iqiegħed l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas għad-dispożizzjoni ta’ min jitħallas u, fejn applikabbli, jikkredita l-ammont korrispondenti għall-kont tal-ħlas ta’ min jitħallas.

[…]

2.   […]

Fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ pagament li ma tkunx ġiet esegwita jew li tkun ġiet esegwita b’mod difettuż li għaliha l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju mhuwiex responsabbli skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur għandu jkun responsabbli lejn il-pagatur. Fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas ikun responsabbli b’dan il-mod, hu għandu, kif ikun xieraq u mingħajr dewmien bla bżonn, iħallas lura lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas mhux imwettqa jew difettuża u jreġġa’ lura l-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku t-transazzjoni ta’ ħlas difettuża ma seħħitx.

[…]”

12

Skont l-Artikolu 80, intitolat “Ilmenti”, ta’ din id-direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti proċeduri li jippermettu lill-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas u partijiet oħra interessati, inklużi assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi biex jissottomettu ilmenti lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ allegat ksur mill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

2.   Fejn ikun il-każ u mingħajr preġudizzju għad-dritt li jinfetħu proċedimenti fil-qorti skond il-liġi nazzjonali proċedurali, ir-risposta mill-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lil min jilmenta bl-eżistenza tal-proċeduri ta’ ilmenti u ta’ rikors barra l-qorti stabbiliti taħt l-Artikolu 83.”

13

L-Artikolu 81 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Penali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li huma implimentati. Dawk il-multi għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.”

14

L-Artikolu 82 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Awtoritajiet kompetenti”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-proċeduri dwar l-ilmenti u l-penali previsti fl-Artikolu 80(1) u 81(1) rispettivament ikunu amministrati mill-awtoritajiet li jkollhom il-poter li jiżguraw li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottata skond ir-rekwiżiti stabbiliti f’din it-Taqsima.”

15

L-Artikolu 83 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rimedju barra mill-qorti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri adegwati u effettivi ta’ ilmenti u ta’ rikors għar-riżoluzzjoni ta’ ilmenti bejn l-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas u l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas tagħhom jiġu stabbiliti għal disputi dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn id-Direttiva, bl-użu ta’korpi eżistenti fejn ikun approprjat.”

16

Mill-Artikolu 86 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Armonizzazzjoni sħiħa”, jirriżulta li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet elenkati fiha, sa fejn din “fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu dispożizzjonjiet minbarra dawk stabbiliti f’din id-Direttiva”.

Id-dritt tal-Latvja

17

L-Artikolu 2(3) tal-Maksājumu pakalpojumu un elektroniskās nawdas likums (il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas u dwar il-Flus Elettroniċi, Latvijas Vēstnesis, 2010, Nru 43), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas”), jipprovdi:

“L-Artikoli 57 [sa] 96 [u] 98 [sa] 104 ta’ din il-liġi japplikaw għall-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jipprovdu servizzi ta’ ħlas fil-Latvja, jekk il-fornituri rispettivi ta’ min iħallas u tal-benefiċjarju jkunu jinsabu fi Stat Membru u jipprovdu servizzi ta’ ħlas bl-Euro jew fil-munita nazzjonali ta’ Stat Membru.”

18

L-Artikolu 49 tal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas tipprevedi:

“Sabiex jikkontrolla l-konformità tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet mar-rekwiżiti ta’ din il-liġi, il-Kumitat [tas-Swieq] għandu d-dritt:

1)

li jitlob li istituzzjoni tipprovdi l-informazzjoni neċessarja għall-kontroll;

2)

li jwettqu spezzjonijiet fi ħdan l-istabbiliment.”

19

Skont l-Artikolu 56(1) sa (2) tal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas:

“(1)   Jekk il-Kummissjoni [tas-Swieq] jikkonstata li stabbiliment ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II [sa] VI ta’ din il-liġi […] jew ta’ l-atti legali direttament applikabbli adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandu jitlob l-istabbiliment jieħu l-miżuri neċessarji mingħajr dewmien sabiex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni.

(2)   Minbarra d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni [tas-Swieq] għandu s-setgħa li jimplementa waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

[…]

5)

timponi multi sa l-100 000 [lats Latvjani (LVL) (madwar Euro 140,000)].”

20

Skont l-Artikolu 99 tal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas:

“(1)   Jekk min iħallas ikun beda ordni ta’ ħlas, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu huwa responsabbli fil-konfront ta’ min iħallas għall-eżekuzzjoni korretta tal-pagament, ħlief jekk jista’ jipprova lil min iħallas u, fejn xieraq, lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas, li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju rċieva l-ammont tal-ħlas skont l-Artikolu 94(1) ta’ din il-liġi. Jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas jista’ jġib din il-prova, huwa l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju li huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni korretta tal-pagament.

[…]

(9)   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni żbaljata tal-ħlas u jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju ma jkunx responsabbli skont dan l-artikolu, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għandu jkun responsabbli fil-konfront ta’ min iħallas.

(10)   Jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas ikun responsabbli skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, huwa għandu jirrimborsa mingħajr dewmien lil min iħallas l-ammont ta’ ħlas li ma jkunx ġie eżegwit jew li ġie eżegwit bi żball jew jerġa’ jqiegħed il-kont ta’ ħlas ta’ min iħallas li fuqu l-ammont tal-pagament inkwistjoni jkun nġabar fis-sitwazzjoni li kien ikun fiha kieku l-ħlas żbaljat ma kienx ġie eżegwit.”

21

L-Artikolu 105 tal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas tipprovdi:

“[…]

(2)   Konformement mal-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni [tas-Swieq] għandha teżamina l-ilmenti mressqa mill-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas jew mid-detenturi ta’ flus elettroniċi li ma għandhomx jitqiesu bħala konsumaturi fis-sens tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, dwar in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli VII [sa] XIV ta’ din il-liġi, jekk dan in-nuqqas ta’ osservanza kkawżax jew jistax jippreġudika serjament l-interessi tal-grupp tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas jew detenturi ta’ flus elettroniċi msemmija iktar’ il fuq (interessi kollettivi). […]

[…]

(5)   Jekk, matul l-eżami ta’ kawża amministrattiva, il-Kummissjoni tas-Swieq tikkonstata li ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli VII [sa] XIV ta’ din il-liġi kkawża jew jista’ jippreġudika serjament l-interessi kollettivi tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas jew ta’ detenturi ta’ flus elettroniċi li ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala konsumaturi fis-sens tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi, huwa għandu s-setgħa li jadotta deċiżjoni li timponi fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jew fuq l-emittent ta’ flus elettroniċi li jtemm in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli VII [sa] XIV ta’ din il-liġi jew biex tirrimedja l-irregolaritajiet imwettqa, u biex tiffissa limitu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

Fis-16 ta’ Novembru 2011, Forcing Development Ltd bdiet ma’ PrivatBank, li tagħha hija klijenta, ordni ta’ ħlas għat-trasferiment tas-somma ta’ USD 394 138.12 (madwar Euros 347130) fuq il-kont ta’ terz miftuħ ma’ Bankas Snoras AB (iktar ’il quddiem “Snoras”), stabbilit fil-Litwanja.

23

Fl-istess jum, fit-15:08, il-Lietuvos bankas (il-Bank Ċentrali tal-Litwanja) innotifika lil Snoras bid-deċiżjoni tiegħu li timponilu moratorju u li tipprojbixxih milli jipprovdi kull tip ta’ servizz finanzjarju.

24

Ukoll fl-istess jum, fit-15:24, PrivatBank bagħat l-ordni ta’ ħlas lil Snoras fil-kuntest tas-sistema SWIFT, iddebita l-kont ta’ Forcing Development għas-somma ta’ USD 394 138.12 (madwar Euro 347130) u ttrasferixxa l-fondi lejn il-kont korrispondenti tiegħu mingħand dan l-aħħar bank.

25

Peress li l-fondi ttrasferiti minn PrivatBank kienu rċevuti minn Snoras fl-16:20, dan tal-aħħar ikkredita l-kont korrispondenti ta’ PrivatBank iżda, minħabba l-moratorju impost mill-Bank Ċentrali tal-Litwanja, ibblokka l-fondi f’dan l-aħħar kont u la kkredita l-kont tat-terz u lanqas ma ta lura l-fondi lil PrivatBank.

26

PrivatBank sostna kreditu ta’ USD 394 138.12 (madwar Euro 347130) mingħand Snoras.

27

Fil-25 ta’ Ottubru 2012, Forcing Development ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni tas-Swieq kontra PrivatBank billi sostniet li dan ma kienx irrestitwixxa l-ammont imqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jeżegwixxi l-ordni ta’ ħlas.

28

Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni tas-Swieq, l-ewwel nett, ikkonstatat li, skont l-Artikolu 99(9) tal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, PrivatBank kien responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-ordni tal-ħlas mibdija minn Forcing Development, sussegwentement, ordnat lil PrivatBank jevalwa n-neċessità li jiġu emendati s-sistema tiegħu u l-proċeduri ta’ kontroll intern tiegħu u li jinformaha dwar ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Awwissu 2013, fl-aħħar nett, jimponi fuq PrivatBank multa ta’ madwar EUR 100000 LVL (madwar EUR 140000).

29

Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2013 tal-Kummissjoni tas-Swieq F’din l-aħħar deċiżjoni, il-Kummissjoni tas-Swieq reġgħet enfasizzat li PrivatBank kien impenjat abbażi tal-Artikolu 99 (1) u (9) tal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, peress li din ma setgħetx turi li Snoras kienet irċeviet l-ammont tal-ħlas fit-termini mitluba. Hija żiedet li ma kienx ġie stabbilit li PrivatBank u Forcing Development kienu ftehmu dwar dispożizzjonijiet oħra sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom.

30

Fix-xahar ta’ Novembru 2013, billi bbażat ruħha fuq il-kuntratt ta’ ġestjoni ta’ kont kurrenti li hija kienet ikkonkludiet ma’ PrivatBank, Forcing Development talbet permezz ta’ arbitraġġ l-irkupru tal-ammont imqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ PrivatBank għall-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas.

31

Fl-4 ta’ Frar 2014, it-tribunal ta’ arbitraġġ ċaħad it-talba għal Forcing Development. Hija ddeċidiet li PrivatBank kienet osservat l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 99(1) tal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas kif ukoll taħt id-Direttiva 2007/64, peress li Snoras kienet irċeviet mingħand PrivatBank l-ammont neċessarju sabiex teżegwixxi l-ordni ta’ ħlas ikkonċernata. Skont it-tribunal ta’ arbitraġġ, il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas ma tissuġġettax lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għall-obbligu li jiddisponi fuq il-kontijiet bankarji tiegħu ammonti suffiċjenti sabiex ikun jista’ jeżegwixxi immedjatament l-ordnijiet eventwali ta’ ħlas tal-klijenti tiegħu kollha. Din il-liġi sempliċement timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas terminu — sa mhux iktar tard mill-aħħar tal-jum tax-xogħol wara dak tal-ħruġ tal-ordnijiet ta’ ħlas mibdija mill-utenti — sabiex jeżegwixxu ordnijiet bħal dawn u, għaldaqstant, sabiex jiġi kkreditat l-ammont neċessarju fil-kont bankarju tal-benefiċjarju jew tal-fornitur ta’ servizzi tal-benefiċjarju.

32

PrivatBank ippreżenta rikors quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) għall-annullament tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2013, imsemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, u għall-kumpens għad-dannu materjali allegatament subit. Insostenn tar-rikors tagħha, PrivatBank sostniet li Snoras ma kinitx innotifikatha bin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ħlas fit-terminu previst mill-kuntratt li kien jirregola r-relazzjonijiet rispettivi tagħhom. Hija annettiet mal-proċess id-deċiżjoni tal-arbitraġġ tal-4 ta’ Frar 2014 bħala prova.

33

Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2015, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) ċaħdet ir-rikors. Din il-qorti kkonstatat, minn naħa, li huwa minħabba l-fatt li PrivatBank ma kinitx żgurat li tipprovdi suffiċjentement il-kont tagħha mingħand Snoras li l-ordni ta’ ħlas mibdija minn Forcing Development ma setgħetx tiġi eżegwita fil-ħin u, min-naħa l-oħra, li, skont l-Artikolu 99 tal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, Snoras ma kienx responsabbli għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas, peress li huwa ma kellux il-fondi sabiex jeżegwixxi tali ordni. Fir-rigward tal-kreditu li PrivatBank kellu fuq Snoras, l-imsemmija qorti kkonstatat li l-ammont ikkonċernat kien legalment miżmum minn PrivatBank, anki jekk dan ma setax, f’dan l-istadju, jaċċedi għalih. L-istess qorti kkonkludiet li, minkejja d-deċiżjoni tal-arbitraġġ tat-4 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni tas-Swieq ġustament ikkonstatat li PrivatBank kien kiser l-Artikolu 99(9) tal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, kienet imponietlu li jevalwa n-neċessità li jemenda s-sistema u l-proċeduri ta’ kontroll intern tiegħu, u imponitlu multa ta’ LVL 100000 (madwar EUR 140000), sabiex jevita li tali ċirkustanzi jirrepetu ruħhom. L-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-arbitraġġ tal-4 ta’ Frar 2014.

34

PrivatBank appella fil-kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) quddiem il-qorti tar-rinviju.

35

PrivatBank isostni, l-ewwel nett, li, billi kkonstatat ir-responsabbiltà tagħha abbażi tal-Artikolu 99(9) tal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, il-qorti tal-ewwel istanza marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha. Fil-fatt, peress li r-responsabbiltà tagħha fir-rigward ta’ Forcing Development, f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt id-dritt ċivili u mhux taħt id-dritt amministrattiv, din l-aħħar qorti kienet marbuta bis-sentenza arbitrali mogħtija fl-4 ta’ Frar 2014 mit-tribunal ta’ arbitraġġ, kompetenti fil-qasam tar-relazzjonijiet tad-dritt ċivili. Barra minn hekk, peress li t-tribunal arbitrali ddeċieda li PrivatBank ma kienx responsabbli għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas, dan ma jistax ikun obbligat, mill-Kummissjoni tas-Swieq, li jbiddel is-sistema tiegħu ta’ kontroll intern. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-impożizzjoni ta’ multa ma jkollha ebda ġustifikazzjoni.

36

Barra minn hekk, PrivatBank isostni li l-Artikolu 99 tal-Liġi dwar is-servizzi ta’ ħlas jippermetti li fornitur ta’ servizzi jiġi eżentat minn kull responsabbiltà fil-konfront tal-utent ta’ dawn is-servizzi jekk ikunu ftehmu b’dan il-mod. Issa, sa fejn PrivatBank u Forcing Development kienu kkonkludew kuntratt ta’ ġestjoni tal-kont kurrenti li kien jipprovdi li tal-ewwel ma kinitx responsabbli għall-fondi matul it-trasferiment bejn is-sistemi bankarji, ir-responsabbiltà tagħha kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-klawżoli tal-imsemmi kuntratt u mhux tal-Artikolu 99 tal-Liġi dwar is-servizzi ta’ ħlas.

37

Il-Kummissjoni tas-Swieq, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-appell ta’ kassazzjoni, tirrileva qabel kollox li l-Artikolu 105(2) tal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas jagħtiha kompetenza sabiex teżamina l-ilmenti mressqa mill-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas li ma għandhomx jitqiesu bħala konsumaturi. Barra minn hekk, hija tirrileva li, peress li PrivatBank huwa istituzzjoni ta’ kreditu u mhux istituzzjoni ta’ ħlas, fis-sens tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2007/64, id-deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2013 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 113 tal-Kredītiestāžu likums (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu), li tagħti kompetenza lill-Kummissjoni tas-Swieq sabiex tadotta deċiżjonijiet fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma josservawx il-leġiżlazzjoni applikabbli għalihom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tas-Swieq tqis li PrivatBank huwa suġġett għall-kontroll tagħha, bħala fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 99 tal-Liġi dwar is-servizzi ta’ ħlas, li jimplimenta l-Artikolu 75 tad-Direttiva 2007/64.

38

B’risposta għal domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar l-applikabbiltà tal-liġi dwar is-servizzi ta’ ħlas għal tilwima li tirrigwarda provvista ta’ servizzi ta’ ħlas f’dollari tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni tas-Swieq issostni li istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tagħżel li tissuġġetta għar-rekwiżiti ta’ din il-liġi s-servizzi li ma humiex ipprovduti f’Euro jew fil-munita ta’ Stat Membru barra miż-żona Euro, jekk tqis li hija tista’ tosserva dawn ir-rekwiżiti għal tali servizzi. Il-Kummissjoni tas-Swieq, billi tibbaża ruħha fuq il-leġiżlazzjoni interna ta’ PrivatBank, tikkonkludi li din kienet l-għażla tagħha u, konsegwentement, eżaminat l-attivitajiet tagħha fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas.

39

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tas-Swieq tirrileva li, anki jekk il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, konformement mal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2007/64, tippermetti li jiġu miftiehma ċerti derogi mid-dispożizzjonijiet tagħha meta l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ma jkunx konsumatur, tali fakultà ma tistax tintuża in mala fide, billi tiġi abbużata mill-pożizzjoni ta’ saħħa li fiha tinsab l-istituzzjoni ta’ kreditu, sabiex tiġi miftiehma sistema ta’ responsabbiltà intiża sabiex tiġi evitata s-sistema prevista fl-Artikolu 99 tal-Liġi dwar is-servizzi ta’ ħlas u li tiġi ttrasferita f’ordni ta’ ħlas. Huwa għalhekk fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni li l-kuntratt ta’ ġestjoni ta’ kont kurrenti konkluż fil-11 ta’ April 2005 bejn PrivatBank u Forcing Development għandu jiġi evalwat. Issa, dan il-kuntratt ma huwiex limitat għal deroga mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet partikolari tad-Direttiva 2007/64 iżda huwa totalment oppost għaliha.

40

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2007/64 tal-proċedura ta’ lment prevista mil-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas meta dawn is-servizzi ma jiġux ipprovduti f’Euro jew fil-munita ta’ Stat Membru barra miż-żona Euro. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ma’ din id-direttiva tas-setgħat li din il-liġi tagħti lill-Kummissjoni tas-Swieq fil-kuntest ta’ tali proċedura.

41

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas tawtorizza lill-Kummissjoni tas-Swieq teżamina mhux biss l-ilmenti li jirrigwardaw is-servizzi ta’ ħlas ipprovduti f’Euro jew fil-munita ta’ Stat Membru barra miż-żona euro, iżda wkoll l-ilmenti li jirrigwardaw servizzi ta’ ħlas ipprovduti f’kull munita oħra, filwaqt li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2007/64 jillimita l-applikabbiltà tal-proċeduri ta’ lment previsti fl-Artikoli 80 sa 82 tagħha biss għas-servizzi ta’ ħlas ipprovduti f’Euro jew fil-munita ta’ Stat Membru barra minn dan.

42

Min-naħa l-oħra, skont il-qorti tar-rinviju, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2007/64 ma huwiex limitat għas-servizzi ta’ ħlas ipprovduti f’Euro jew fil-munita ta’ Stat Membru barra miż-żona Euro. Għaldaqstant, minn dawn id-dispożizzjonijiet jista’ jiġi dedott, b’mod partikolari mill-Artikolu 20(5) ta’ din id-direttiva, li l-awtoritajiet li l-ħatra tagħhom hija imposta fuq l-Istati Membri skont l-imsemmija dispożizzjonijiet huma kompetenti sabiex jiggarantixxu l-osservanza mhux biss tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tal-imsemmija direttiva iżda wkoll ta’ dawk tat-Titoli III u IV tal-istess direttiva fir-rigward tal-attività ta’ provvista ta’ servizzi ta’ ħlas ipprovduti f’munita li ma hijiex l-Euro jew dawk tal-Istati Membri barra miż-żona Euro.

43

Il-qorti tar-rinviju tqis, fl-aħħar nett, li jekk il-kompetenza li d-Direttiva 2007/64 tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali, bħall-kummissjoni tas-swieq, tkopri wkoll l-attività tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas ipprovduti f’munita ta’ pajjiżi terzi, għandhom jiġu ppreċiżati l-limiti tal-kompetenza ta’ dawn l-awtoritajiet fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva.

44

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas ma tawtorizzax lill-Kummissjoni tas-Swieq sabiex issolvi t-tilwim bejn il-fornituri u l-utenti tas-servizzi ta’ ħlas, peress li tali ġurisdizzjoni hija pjuttost attribwita lill-parteċipanti fit-tranżazzjoni (Artikolu 104), lill-Ombudsman tal-Assoċjazzjoni ta’ Banek Kummerċjali tal-Latvja jew lill-qrati (Artikolu 106). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ppreċiżat jekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll prudenzjali, prevista fl-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2007/64, jew tal-proċedura ta’ lment prevista fl-Artikolu 80 ta’ din id-direttiva, il-kumitat tal-kuntratti huwiex kompetenti sabiex jirregola t-tilwim bejn min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jirriżultaw mir-relazzjonijiet legali msemmija fl-Artikolu 75 tal-imsemmija direttiva, billi jiddetermina l-persuna responsabbli għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni ħażina ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, għandu jiġi ddeterminat il-valur probatorju ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tirregola tilwima bejn min iħallas u fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-Kummissjoni [Latvjana tas-Swieq Finanzjarji u ta’ Kapitali] teżamina wkoll l-ilmenti ta’ utenti ta’ servizzi ta’ ħlas li ma ġewx ipprovduti f’Euro jew fil-munita nazzjonali ta’ Stat Membru [barra miż-żona euro] u, għalhekk, li tikkonstata ksur tal-Liġi [dwar Servizzi ta’ Ħlas] u li timponi sanzjonijiet, hija konformi mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva [2007/64]?

2)

L-Artikolu 20(1) u (5) u l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva [2007/64] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu superviżjoni u jimponu sanzjonijiet anki fir-rigward ta’ servizzi ta’ ħlas mhux ipprovduti f’Euro jew f’munita uffiċjali oħra ta’ Stat Membru li ma jagħmilx parti miż-żona tal-Euro?

3)

Fil-każ ta’ ħtieġa għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-funzjoni ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva [2007/64] jew tal-proċedura ta’ lment imsemmija fl-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva [2007/64], l-awtorità kompetenti għandha l-jedd li tirriżolvi t-tilwim bejn il-persuna li tħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jirriżulta mir-relazzjonijiet ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 75 [ta’ din id-] Direttiva billi tiddetermina l-persuna responsabbi għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni żbaljata ta’ tranżazzjoni?

4)

Fl-implimentazzjoni tal-funzjoni ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva [2007/64] jew tal-proċedura ta’ lment imsemmija fl-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni sentenza arbitrali li tiddeċiedi tilwima bejn fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u utent ta’ tali servizzi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

46

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2007/64 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità msemmija fl-Artikolu 82 ta’ din id-direttiva hija kompetenti sabiex teżamina l-ilmenti u timponi sanzjonijiet fil-każ ta’ servizzi ta’ ħlas ipprovduti fil-munita ta’ Stat terz.

47

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li t-Titoli III u IV, imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2007/64, jirrigwardaw, rispettivament, it-trasparenza tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni li tirregola s-servizzi ta’ ħlas ipprovduti mill-kategoriji kollha ta’ fornituri elenkati fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-provvista u mal-użu ta’ dawn is-servizzi. Dawn it-titoli japplikaw għas-servizzi ta’ ħlas ipprovduti f’Euro jew fil-munita ta’ Stat Membru barra miż-żona Euro, bil-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, li kemm il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas, jew il-fornitur uniku ta’ servizzi tal-ħlas fit-transazzjoni ta’ ħlas, jinsabu fl-Unjoni.

48

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, skont l-Artikolu 86 tad-Direttiva 2007/64, sa fejn din fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri la jistgħu jżommu fis-seħħ u lanqas jintroduċu dispożizzjonijiet differenti minn dawk li jinsabu f’din id-direttiva.

49

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward, f’dan il-każ, ta’ qasam ta’ kompetenza kondiviża, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 4(2) (a) TFUE, u sa fejn l-Unjoni ma eżerċitatx, permezz tad-Direttiva 2007/64, il-kompetenza leġiżlattiva tagħha sabiex tarmonizza l-qasam tas-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern ipprovduti fil-munita ta’ Stat terz, l-Istati Membri huma liberi li jirrendu applikabbli, għal din l-aħħar kategorija ta’ servizzi ta’ pagament, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Titoli III u IV ta’ din id-direttiva, li hija stabbilixxiet għal servizzi ta’ pagament provduti f’Euro jew fil-munita ta’ Stat Membru barra ż-żona tal-Euro.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2007/64 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità msemmija fl-Artikolu 82 ta’ din id-direttiva hija kompetenti sabiex teżamina l-ilmenti u timponi sanzjonijiet fil-każ ta’ servizzi ta’ ħlas ipprovduti fil-munita ta’ Stat terz.

Fuq it-tieni domanda

51

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2007/64 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità msemmija fl-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva hija kompetenti sabiex twettaq kontrolli u tagħti sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-dispożizzjonijiet tat-Titoli III u IV tal-imsemmija direttiva fil-każ ta’ servizzi ta’ ħlas ipprovduti fil-munita ta’ Stat terz.

52

Il-qorti tar-rinviju tibbaża din id-domanda, minn naħa, fuq il-konstatazzjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Titolu II tad-Direttiva 2007/64, li jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 20 u 21 tagħha, ma huwiex is-suġġett ta’ eċċezzjoni identika għal dik stabbilita fl-Artikolu 2(2) tagħha u, konsegwentement, li d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu japplikaw ukoll għas-servizzi ta’ ħlas ipprovduti f’munita li ma hijiex l-Euro jew dik ta’ Stat Membru barra miż-żona Euro. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2007/64 hija tiddeduċi li l-awtoritajiet kompetenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huma wkoll awtorizzati li jeżerċitaw kontrolli sabiex jivverifikaw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Titoli III u IV ta’ din id-direttiva u li japplikaw sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2007/64 huma responsabbli mill-missjoni ta’ sorveljanza tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas sabiex tiġi kkontrollata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C-235/14, EU:C:2016:154, punti 9193).

54

Fit-tieni lok, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, minbarra l-fatt li l-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2007/64 jinsabu fil-Kapitolu 1, intitolat “Istituzzjonijiet tal-ħlas”, tat-Titolu II ta’ din id-direttiva, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn japplikaw esklużivament għall-istituzzjonijiet ta’ ħlas, kif iddefiniti fil-punt 4 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmija dispożizzjonijiet huwa għalhekk limitat għall-kategorija ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas ikkostitwita minn dawn l-istituzzjonijiet ta’ ħlas, b’tali mod li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma esklużi minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

55

L-esklużjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tat-Titolu II tad-Direttiva 2007/64 hija kkonfermata mill-premessi 8 u 11 tagħha. Fil-fatt, minn dawn tal-aħħar jirriżulta li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jaċċettaw id-depożiti ta’ utenti li jistgħu jintużaw sabiex jiffinanzjaw operazzjonijiet ta’ ħlas, għandhom jibqgħu suġġetti għar-rekwiżiti prudenzjali stabbiliti skont id-Direttiva 2006/48, filwaqt li l-istituzzjonijiet ta’ ħlas, li l-attivitajiet tagħhom, speċjalizzati u iktar ristretti, għalhekk joħolqu riskji iktar limitati u iktar faċli li jsegwu u jikkontrollaw li dawk inerenti għall-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, huma suġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti skont din id-direttiva.

56

Issa, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li PrivatBank hija istituzzjoni ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2007/64, li jirreferi għall-punt 1(a) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48, u mhux istituzzjoni ta’ ħlas.

57

Peress li l-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2007/64 ma humiex applikabbli ratione personae għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tielet domanda

58

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2007/64, jew l-Artikoli 80 sa 82 tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-awtoritajiet li huma intiżi huma awtorizzati, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, li jirregolaw it-tilwimiet bejn min iħallas u fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, li jirriżultaw minn nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew minn eżekuzzjoni ħażina ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas, billi jiddeterminaw il-persuna responsabbli għal dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ din l-eżekuzzjoni ħażina tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva.

59

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li, kif ġie kkonstatat fil-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza, l-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2007/64 ma japplikawx meta, bħal fil-kawża prinċipali, waħda mill-partijiet fit-tilwima tkun istituzzjoni ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-direttiva, u mhux istituzzjoni ta’ ħlas, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 4 tagħha. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda sa fejn din tirrigwarda l-Artikoli 20 u 21 tal-imsemmija direttiva.

60

Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva 2007/64, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli, skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, għas-servizzi ta’ ħlas ipprovduti fil-munita ta’ Stat terz, xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, sa fejn il-leġiżlatur nazzjonali għamel dawn id-dispożizzjonijiet applikabbli għal tali servizzi ta’ ħlas, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-imsemmija dispożizzjonijiet b’mod preliminari (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 17, u tat-13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 35).

61

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, kif tippreċiża l-premessa 50 tad-Direttiva 2007/64, il-proċeduri previsti fl-Artikoli 80 sa 82 tagħha huma intiżi sabiex jippermettu li jintlaqgħu l-ilmenti mressqa kontra fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet li huma obbligati josservaw, fosthom dawk tat-Titoli III u IV tal-imsemmija direttiva, u li jiggarantixxu li jiġu imposti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, jekk ikun il-każ.

62

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, b’mod parallel mal-obbligu tal-Istati Membri mill-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva 2007/64 li jistabbilixxu proċeduri ta’ lmenti u ta’ sanzjonijiet għall-finijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 83 tagħha jimponilhom ukoll li jistabbilixxu rimedji extraġudizzjarji għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-utenti u l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva, billi jirrikorru, jekk ikun il-każ, għall-entitajiet eżistenti. Kif tippreċiża l-premessa 51 tal-imsemmija direttiva, dan id-dispożittiv faċilment aċċessibbli u ma jiswiex ħafna flus għar-riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ tilwim huwa bla ħsara għad-dritt ta’ azzjoni ġudizzjarja tal-konsumaturi.

63

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorsi extraġudizzjarji intiżi għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn fornituri u utenti ta’ servizzi ta’ ħlas, previsti fl-Artikolu 83 tad-Direttiva 2007/64, għandhom għan li ma għandux jiġi konfuż ma’ dak li jirrigwardaw il-proċeduri ta’ lment, previsti fl-Artikolu 80 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, dawn tal-aħħar la għandhom l-għan li jirregolaw tilwim bejn il-fornituri u l-utenti tas-servizzi ta’ ħlas ikkonċernati u lanqas li jistabbilixxu r-responsabbiltà ċivili għad-dannu mġarrab f’dan il-kuntest. Madankollu, tali ċirkustanza ma teskludix li l-awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 82 tad-Direttiva 2007/64, tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva sabiex teżamina l-fondatezza ta’ lment imressaq skont l-Artikolu 80 tal-imsemmija direttiva u tissanzjona l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, skont l-Artikolu 81 tal-istess direttiva.

64

Minn dan isegwi li l-awtorità kompetenti sabiex teżamina l-ilmenti u timponi sanzjonijiet, skont l-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva 2007/64, ma hijiex awtorizzata, fil-kuntest tal-kompetenzi li hija tislet minn dawn id-dispożizzjonijiet, tirregola t-tilwim bejn il-fornituri u l-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas. Tali konklużjoni hija kkonfermata b’mod partikolari mill-Artikolu 80(2) tal-imsemmija direttiva li jimponi fuq din l-awtorità, meta tieħu deċiżjoni dwar ilment ta’ utent ta’ servizzi ta’ ħlas, li tinforma, jekk ikun il-każ, lill-persuna li tressaq l-ilment bl-eżistenza ta’ rimedji extraġudizzjarji stabbiliti skont l-Artikolu 83 tal-istess direttiva.

65

Huwa minnu li l-kompetenzi previsti fl-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva 2007/64 u dawk previsti fl-Artikolu 83 ta’ din id-direttiva jistgħu jiġu eżerċitati minn awtorità nazzjonali waħda, kif jipprovdi espressament l-Artikolu 83(1) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 52 tagħha. Xorta jibqa’ l-fatt li, anki f’tali ipoteżi, il-proċeduri ta’ lment u ta’ sanzjoni previsti fl-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva 2007/64 u r-rikorsi extraġudizzjarji msemmija fl-Artikolu 83 ta’ din id-direttiva jibqgħu distinti u awtonomi, b’tali mod li l-kompetenzi mogħtija lill-awtorità nazzjonali fil-kuntest tal-proċeduri ta’ lment u ta’ sanzjoni ma jistgħux jiġu eżerċitati fil-kuntest ta’ rikorsi extraġudizzjarji u viċeversa.

66

Għandu jiġi rrilevat, fit-tielet lok, li, skont l-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2007/64 jirriżulta li, meta l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ma jkunx konsumatur, il-partijiet jistgħu jiddeċiedu li, b’mod partikolari, l-Artikolu 75 tal-istess direttiva ma japplikax, kompletament jew parzjalment. Il-premessa 20 tal-imsemmija direttiva, li fid-dawl tagħha għandu jinqara dan l-Artikolu 51, tenfasizza fil-fatt li, peress li l-konsumaturi u l-impriżi ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni, huma ma jeħtiġux livell identiku ta’ protezzjoni. L-imsemmija premessa 20 tippreċiża wkoll li, filwaqt li huwa importanti li d-drittijiet tal-konsumatur ikunu ggarantiti b’dispożizzjonijiet li ma jistax ikun hemm deroga minnhom b’kuntratt, huwa raġonevoli li l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet jitħallew jiftiehmu mod ieħor. Madankollu, l-istess premessa 20 iżżid li, fi kwalunkwe każ, ċerti dispożizzjonijiet essenzjali tad-Direttiva 2007/64 għandhom dejjem ikunu applikabbli, indipendentement mill-istatus tal-utent.

67

Issa, f’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Forcing Development, li hija impriża u mhux konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 4(11) tad-Direttiva 2007/64, ftiehem ma’ PrivatBank, permezz ta’ kuntratt ta’ ġestjoni ta’ kont kurrenti konkluż fil-11 ta’ April 2005, li jeskludi l-applikazzjoni, għar-relazzjonijiet tagħhom, bħala utenti u fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jimplementaw l-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-konformità ta’ dan il-kuntratt ta’ ġestjoni tal-kontijiet kurrenti mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw id-Direttiva 2007/64, moqrija fid-dawl b’mod partikolari tal-premessa 20 tagħha.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva 2007/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx lill-awtorità kompetenti, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tirregola, skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva, it-tilwim li jirriżulta minn nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew minn eżekuzzjoni żbaljata ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas bejn l-utenti u l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, meta tali awtorità teżerċita l-kompetenza tagħha sabiex teżamina l-ilmenti tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas u sabiex timponi sanzjonijiet f’każ ta’ ksur fil-konfront ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli. Dawn il-kawżi għandhom jiġu riżolti fil-kuntest tar-rikorsi extraġudizzjarji msemmija fl-Artikolu 83 tad-Direttiva 2007/64, bla ħsara għad-dritt ta’ rikors quddiem qorti previst mid-dritt proċedurali nazzjonali. Għalkemm il-leġiżlatur nazzjonali għażel li jikkonċentra l-kompetenzi li jirriżultaw, minn naħa, mill-imsemmija Artikoli 80 sa 82 u, min-naħa l-oħra, mill-imsemmi Artikolu 83 fl-idejn tal-istess awtorità, din għandha teżerċita kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ kompetenzi b’mod awtonomu, esklużivament fil-kuntest tal-proċeduri relatati rispettivi.

Fuq ir-raba’ domanda

70

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk l-awtoritajiet kompetenti sabiex jeżerċitaw, rispettivament, is-superviżjoni prudenzjali, skont l-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2007/64, u jeżaminaw l-ilmenti u jimponu sanzjonijiet, skont l-Artikoli 80 sa 82 ta’ din id-direttiva, għandhomx jieħdu inkunsiderazzjoni deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fil-kuntest ta’ tilwima bejn utent u fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas.

71

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza japplikaw ukoll għar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2007/64 ma japplikawx għal kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, li tirrendi inutli risposta għall-parti tad-domanda li tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 80 sa 82 ta’ din id-direttiva saru applikabbli mil-leġiżlatur nazzjonali għal servizzi ta’ ħlas li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, u dan jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal din il-parti tad-domanda.

72

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li d-Direttiva 2007/64 ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-valur probatorju, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ lment u ta’ sanzjoni msemmija fl-Artikoli 80 u 82 ta’ din id-direttiva, ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

73

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji, li minnhom jaqa’ l-valur probatorju ta’ dokument, intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 5, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C-723/17, EU:C:2019:533, punt 54), u mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute, C-61/14, EU:C:2015:655, punt 50, u tas-27 ta’ Ġunju 2018, Diallo, C-246/17, EU:C:2018:499, punt 46).

74

Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-proċeduri ta’ lment u ta’ sanzjoni, skont l-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva 2007/64, u r-rimedji extraġudizzjarji, skont l-Artikolu 83 ta’ din id-direttiva, li taħthom jaqgħu l-proċeduri ta’ arbitraġġ, għandhom għanijiet u għanijiet differenti, kif ġie kkonstatat fil-punt 63.

75

Minn dan isegwi li l-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ lment u ta’ sanzjoni, skont l-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva 2007/64, dokument prodott fil-kuntest ta’ rikors extraġudizzjarju, skont l-Artikolu 83 ta’ din id-direttiva, hija għalhekk delimitata skont l-għanijiet speċifiċi tal-imsemmija proċeduri ta’ lment u ta’ sanzjoni kif ukoll tad-drittijiet suġġettivi li għandhom jiġu ggarantiti f’dan il-kuntest.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jawtorizza lill-awtorità kompetenti, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ lment u ta’ sanzjoni msemmija fl-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva 2007/64, tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tirregola tilwima bejn l-utent u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikkonċernat minn dawn il-proċeduri, bil-kundizzjoni li s-saħħa probatorja rrikonoxxuta lil din id-deċiżjoni fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri x’aktarx ma tippreġudikax l-għan u l-iskopijiet, id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati, jew l-eżerċizzju indipendenti tal-poteri u s-setgħat mogħtija lil dik l-awtorità, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

77

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità msemmija fl-Artikolu 82 ta’ din id-direttiva hija kompetenti sabiex teżamina l-ilmenti u timponi sanzjonijiet fil-każ ta’ servizzi ta’ ħlas ipprovduti fil-munita ta’ Stat terz.

 

2)

L-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2007/64, kif emendata bid-Direttiva 2009/111, ma japplikawx ratione personae għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

 

3)

L-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva 2007/64, kif emendata bid-Direttiva 2009/111, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx lill-awtorità kompetenti, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tirregola, skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva, it-tilwim li jirriżulta minn nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew minn eżekuzzjoni żbaljata ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas bejn l-utenti u l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, meta tali awtorità teżerċita l-kompetenza tagħha sabiex teżamina l-ilmenti tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas u sabiex timponi sanzjonijiet f’każ ta’ ksur fil-konfront ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli. Dawn il-kawżi għandhom jiġu riżolti fil-kuntest tar-rikorsi extraġudizzjarji msemmija fl-Artikolu 83 tad-Direttiva 2007/64 kif emendata bid-Direttiva 2009/111, bla ħsara għad-dritt ta’ rikors quddiem qorti previst mid-dritt proċedurali nazzjonali. Jekk il-leġiżlatur nazzjonali għażel li jikkonċentra l-kompetenzi li jirriżultaw, minn naħa, mill-imsemmija Artikoli 80 sa 82 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, mill-imsemmi Artikolu 83 f’idejn l-istess awtorità, din għandha teżerċita kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ kompetenzi b’mod awtonomu, esklużivament fil-kuntest tal-proċeduri relatati rispettivi.

 

4)

Skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jawtorizza lill-awtorità kompetenti, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ lment u ta’ sanzjoni msemmija fl-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva 2007/64 kif emendata bid-Direttiva 2009/111, tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tirregola tilwima bejn l-utent u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikkonċernati minn dawn il-proċeduri, bil-kundizzjoni li s-saħħa probatorja rrikonoxxuta lil din id-deċiżjoni fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri x’aktarx ma tippreġudikax l-għan u l-iskopijiet, id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati, jew l-eżerċizzju indipendenti tal-poteri u s-setgħat mogħtija lil dik l-awtorità, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top