Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0447

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2019.
    UB vs Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Benefiċċju tax-xjuħija – Moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7 – Ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema nazzjonali u tal-ħaddiema migranti – Vantaġġi soċjali – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-għoti ta’ ‘allowance għar-rappreżentanti sportivi’ biss għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat.
    Kawża C-447/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1098

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    18 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Benefiċċju tax-xjuħija – Moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7 – Ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema nazzjonali u tal-ħaddiema migranti – Vantaġġi soċjali – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-għoti ta’ ‘allowance għar-rappreżentanti sportivi’ biss għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat”

    Fil-Kawża C‑447/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

    UB

    vs

    Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxu bħala Imħallfin tat-Tielet Awla, L. S. Rossi (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Mejju 2019,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová u M. Kianička, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil kif ukoll minn L. Dvořáková, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin, A. Tokár u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(w) u tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif ukoll tal-Artikolu 34(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UB u l-Generálny riaditel’ Sociálnej poist’ovne Bratislava (id-Direttur Ġenerali għall-Assigurazzjoni Soċjali ta’ Bratislava, is-Slovakkja) rigward il-legalità tad-deċiżjoni li tirrifjuta lil tal-ewwel il-benefiċċju ta’ allowance imħallsa lil ċerti sportivi ta’ livell għoli.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    w)

    ‘pensjoni’ tkopri mhux biss pensjonijiet imma wkoll benefiċċji mogħtijin bħala somma waħda f’daqqa li jistgħu jingħataw minflok il-pensjoni u ħlas fil-forma ta’ ħlas lura ta’ kontribuzzjonijiet u, mingħajr ħsara għad-disposizzjonijiet tat-Titolu III, żidied fuq bażi ta’ valutazzjoni mill-ġdid jew allowances supplimentarji;

    […]”

    4

    L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Oqsma koperti”, jipprevedi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

    a)

    benefiċċji marbutin mal-mard;

    b)

    benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità;

    ċ)

    benefiċċji marbutin ma’ l-invalidità;

    d)

    benefiċċji marbuta ma’ l-età;

    e)

    benefiċċji għas-superstiti;

    f)

    benefiċċji marbutin ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol;

    g)

    għotjiet marbutin ma’ mewt;

    h)

    benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati;

    i)

    benefiċċji ta’ qabel l-irtirar;

    j)

    benefiċċji marbuta mal-familja.

    […]

    3.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.

    […]”

    5

    L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Trattament ugwali”, huwa redatt kif ġej:

    “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

    6

    L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Trattament ugwali ta’ benefiċċji, dħul, fatti u każijiet”, jgħid:

    “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:

    a)

    meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, ir-riċceviment ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u ta’ dħul ieħor joħloq ċerti effetti legali, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dik il-leġislazzjoni għandhom japplikaw ukoll għar-riċeviment ta’ benefiċċji ekwivalenti miksuba taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għal dħul miksub fi Stat Membru ieħor;

    b)

    meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, jkunu attribwiti ċerti effetti legali meta jseħħu ċerti fatti jew każijiet, dak l-Istat Membru għandu jqis fatti u każijiet simili li jseħħu fi kwalunkwe Stat Membru bħallikieku seħħew fit-territorju tiegħu.”

    7

    It-Titolu III tar-Regolament Nru 883/2004 jinkludi l-Kapitolu 9, intitolat “Benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”. Dan il-kapitolu jinkludi artikolu wieħed, jiġifieri l-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament, li huwa intitolat “Disposizzjoni ġenerali”, u li jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

    2.   Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

    a)

    huma maħsuba biex jagħtu jew:

    i)

    protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat;

    jew

    ii)

    protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat;

    u

    b)

    meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss;

    u

    ċ)

    huma elenkati fl-Anness X.”

    8

    L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

    2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.”

    Id-dritt Slovakk

    9

    L-Artikolu 1 taz-zákon č. 112/2015 Z.z. o príspevku športovému reprezentantovi a o zmene a doplnení zákona č. 461/2003 Z.z. o sociálnom poistení v znení neskorších predpisov (il-Liġi Nru 112/2015 dwar l-Allowances għar-Rappreżentanti Sportivi u dwar l-Emenda tal-Liġi Nru 461/2003 dwar l-Assigurazzjoni Soċjali), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 112/2015”), jipprevedi:

    “Din il-liġi tirregola l-għoti ta’ allowance għar-rappreżentanti sportivi (iktar ’il quddiem l-‘allowance’) fil-forma ta’ benefiċċju soċjali tal-Istat, li l-iskop tagħha huwa li tipprovdi garanzija finanzjarja lill-atleti li, inkwantu rappreżentanti sportivi tar-Repubblika Ċekoslovakka, tar-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka, tar-Repubblika Federali Ċekoslovakka, tar-Repubblika Federali Ċeka u dik Slovakka jew tar-Repubblika Slovakka, kisbu midalji fil-Logħob Olimpiku, fil-Logħob Paralimpiku, fid-Deaflimpiċi, fil-Kampjonati tad-Dinja jew fil-Kampjonati Ewropej.”

    10

    L-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “Tista’ titlob allowance kull persuna fiżika li:

    a)

    inkwantu rappreżentant sportiv tar-Repubblika Ċekoslovakka, tar-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka, tar-Repubblika Federali Ċekoslovakka, tar-Repubblika Federali Ċeka u dik Slovakka jew tar-Repubblika Slovakka, kisbet,

    1.

    midalja tad-deheb (l-ewwel post), midalja tal-fidda (it-tieni post) jew midalja tal-bronż (it-tielet post) fil-Logħob Olimpiku, fil-Logħob Paralimpiku jew fid-Deaflimpiċi;

    2.

    midalja tad-deheb (l-ewwel post), midalja tal-fidda (it-tieni post) jew midalja tal-bronż (it-tielet post) fil-Kampjonati tad-Dinja, jew midalja tad-deheb (l-ewwel post) fil-Kampjonati Ewropej f’dixxiplina sportiva inkluża mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali fil-Logħob Olimpiku, mill-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali fil-Logħob Paralimpiku, jew mill-Kumitat Internazzjonali tal-Isport għat-Torox fid-Deaflimpiċi, immedjatament qabel il-Kampjonati tad-Dinja jew il-Kampjonati Ewropej, jew li nżammu matul is-sena li fiha nżammu l-Kampjonati tad-Dinja jew il-Kampjonati Ewropej;

    b)

    hija ċittadin tar-Repubblika Slovakka;

    c)

    għandha r-residenza prinċipali tagħha fir-Repubblika Slovakka jew hija persuna li għaliha tapplika leġiżlazzjoni speċifika;

    d)

    ma tirċevix allowance simili minn barra l-pajjiż;

    e)

    laħqet l-età tal-irtirar; u

    f)

    talbet benefiċċju tal-irtirar skont leġiżlazzjoni speċifika.”

    11

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

    “L-ammont tal-allowance għandu jikkonsisti fid-differenza:

    a)

    bejn is-somma ta’ EUR 750 u s-somma tal-ammonti tal-benefiċċji tal-irtirar mogħtija taħt leġiżlazzjoni speċifika u benefiċċji tal-irtirar simili mħallsa barra l-pajjiż, sakemm il-persuna naturali tkun rebħet:

    1.

    midalja tad-deheb fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2(1)(a);

    2.

    midalja tad-deheb fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1)(a) fil-Kampjonati tad-Dinja; jew

    b)

    bejn is-somma ta’ EUR 600 u s-somma tal-ammonti tal-benefiċċji tal-irtirar mogħtija taħt leġiżlazzjoni speċifika u benefiċċji tal-irtirar simili mħallsa barra l-pajjiż, sakemm il-persuna fiżika tkun rebħet:

    1.

    midalja tal-fidda fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2(1)(a),

    2.

    midalja tal-fidda fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1)(a) fil-Kampjonati tad-Dinja; jew

    c)

    bejn is-somma ta’ EUR 500 u s-somma tal-ammonti tal-benefiċċji tal-irtirar mogħtija taħt leġiżlazzjoni speċifika u benefiċċji tal-irtirar simili mħallsa barra l-pajjiż, sakemm il-persuna fiżika tkun rebħet:

    1.

    midalja tal-bronż fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2(1)(a),

    2.

    midalja tal-bronż fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1)(a) fil-Kampjonati tad-Dinja; jew

    3.

    midalja tad-deheb fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1)(a) fil-Kampjonati Ewropej.”

    It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    12

    Fis-sena 1971, UB, ċittadin Ċek li rrisjeda għal 52 sena fit-territorju li llum huwa s-Slovakkja, rebaħ il-midalja tad-deheb fil-Kampjonati Ewropej tal-Ice Hockey u l-midalja tal-fidda fil-Kampjonati Dinjija tal-istess dixxiplina, inkwantu membru tat-tim nazzjonali tar-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka.

    13

    Max-xoljiment tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka, li seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1992 f’nofs il-lejl, UB għażel in-nazzjonalità Ċeka. Madankollu, huwa kompla jirrisjedi fit-territorju tas-Slovakkja. Waqt is-seduta, il-Gvern Slovakk speċifika, barra minn hekk, mingħajr ma ġie kontradett mill-partijiet l-oħra kkonċernati, li, mal-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka u tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, UB kien impjegat fi skola primarja u kompla jeżerċita dan l-impjieg mill-inqas sas-sena 2006.

    14

    Fis-17 ta’ Diċembru 2015, UB talab li jibbenefika mill-allowance għar-rappreżentanti sportivi prevista mil-Liġi Nru 112/2015 (iktar ’il quddiem l-“allowance għar-rappreżentanti sportivi”). Peress li kkonstatat li l-persuna kkonċernata ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni rigward il-pussess taċ-ċittadinanza Slovakka, prevista fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din il-liġi, l-assigurazzjoni soċjali ta’ Bratislava ċaħdet din it-talba.

    15

    UB ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Krajský súd v Košiciach (il-Qorti Reġjonali ta’ Košice, is-Slovakkja) billi sostna li, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlazzjoni Slovakka kellha effett diskriminatorju bbażat fuq in-nazzjonalità u li hija ma kinitx qed tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kien ilu jgħix fit-territorju tas-Slovakkja għal 52 sena.

    16

    Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, UB ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

    17

    Din il-qorti kkonstatat, mal-qari tax-xogħol preparatorju tal-Liġi Nru 112/2015, li l-leġiżlatur Slovakk iġġustifika l-għażla tiegħu li jissuġġetta l-benefiċċju tal-allowance inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-pussess taċ-ċittadinanza Slovakka bil-fatt li din l-allowance tikkostitwixxi benefiċċju soċjali pubbliku, u mhux benefiċċju tal-irtirar, u għandha bħala għan li tikkontribwixxi għas-sigurtà finanzjarja tal-atleti ta’ livell għoli, li, inkwantu ċittadini Slovakki, irrappreżentaw lir-Repubblika Slovakka jew lill-predeċessuri legali tagħha fil-kuntest ta’ kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali importanti. Barra minn hekk, din il-liġi ma hijiex intiża sabiex tapplika għar-rappreżentanti sportivi ċittadini ta’ Stati oħra.

    18

    Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, minn naħa, l-allowance għar-rappreżentanti sportivi ma għandhiex biss in-natura ta’ benefiċċju soċjali pubbliku, peress li hija titħallas fuq bażi regolari u b’mod parallel, flimkien mal-benefiċċju tal-irtirar, sabiex l-ammont tal-benefiċċju tal-irtirar jinġab għall-ammonti previsti fl-Artikolu 3(a) sa (c) tal-imsemmija liġi. Minn naħa, UB, inkwantu rappreżentant sportiv fil-kuntest ta’ sport kollettiv, ġie ttrattat b’mod differenti minn sħabu fit-tim għas-sempliċi raġuni li, bil-kontra ta’ dawn tal-aħħar, huwa ma huwiex ċittadin Slovakk, minkejja li huwa wkoll ikkontribwixxa, permezz tal-ħiliet sportivi tiegħu tal-isforzi magħmula, għar-riżultati kollettivi tat-tim nazzjonali.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 1(w) u l-Artikoli 4 u 5 tar-[Regolament Nru 883/2004], moqrija flimkien mad-dritt għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għal vantaġġi soċjali stipulat fl-Artikolu 34(1) u (2) tal-[Karta] jistgħu jiġu interpretati, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, fis-sens li dawn jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li tipprovdi li l-istituzzjoni Slovakka tas-sigurtà soċjali għandha tqis li l-kundizzjoni fundamentali li tagħti d-dritt għas-suppliment ta’ pensjoni lir-rappreżentanti sportivi hija n-nazzjonalità tal-applikant, anki jekk kundizzjoni legali oħra, jiġifieri [l-fatt li jkunu għamlu parti mit-tim] nazzjonali tal-predeċessuri fid-dritt [tar-Repubblika Slovakka], inkluża r-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka, tkun ukoll element tal-leġiżlazzjoni nazzjonali?”

    Fuq id-domanda preliminari

    20

    Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(w) u l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 883/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 34(1) u (2) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-benefiċċju ta’ allowance stabbilita favur ċerti sportivi ta’ livell għoli li jkunu rrappreżentaw lil dan l-Istat Membru, jew il-predeċessuri legali tiegħu, fil-kuntest ta’ kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali, fost l-oħrajn għall-kundizzjoni li l-applikant ikollu n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru.

    21

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi vverifikat b’mod preliminari jekk allowance, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004.

    22

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-distinzjoni bejn il-benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u dawk li huma esklużi minnu hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan, u mhux fuq il-fatt jekk benefiċċju huwiex ikklassifikat jew le bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    B’dan il-mod, benefiċċju jista’ jitqies li huwa benefiċċju tas-sigurtà soċjali sa fejn, minn naħa, huwa jingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita u sa fejn, min-naħa l-oħra, huwa jkun marbut ma’ wieħed mir-riskji elenkati b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Fid-dawl tan-natura kumulattiva taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, il-fatt li waħda minnhom ma tkunx issodisfatta jimplika li l-benefiċċju inkwistjoni ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 33).

    25

    F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-tieni kundizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex marbut ma’ wieħed mir-riskji elenkati b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

    26

    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju soċjali bħala benefiċċju tax-xjuħija, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li tista’ tiġi kklassifikata bħala tali allowance addizzjonali mħallsa esklużivament lill-benefiċjarji ta’ pensjoni tal-irtirar u/jew tas-superstiti, li s-sorsi ta’ finanzjament tagħha huma l-istess bħal dawk previsti għall-finanzjament tal-pensjonijiet tal-irtirar u tas-superstiti u li takkumpanja l-pensjoni tal-irtirar, li tippermetti lill-benefiċjarji jsostnu lilhom infushom billi tiggarantilhom suppliment finanzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2005, Noteboom, C‑101/04, EU:C:2005:51, punti 25 sa 29, u tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑361/13, EU:C:2015:601, punt 56).

    27

    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, minkejja li wieħed mill-għanijiet tal-allowance għar-rappreżentanti sportivi huwa “li tipprovdi garanzija finanzjarja lill-atleti”, kif jistabbilixxi b’mod espliċitu l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 112/2015, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-raġuni għal din l-allowance hija prinċipalment li jiġu rrikonoxxuti lil numru ristrett ħafna ta’ atleti ta’ livell għoli l-isforzi eċċezzjonali magħmula u r-riżultati eċċezzjonali miksuba fil-kuntest ta’ ċerti kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali. L-għan essenzjali tal-imsemmija allowance huwa, għalhekk, li l-benefiċjari ta’ din jiġu kkumpensati għall-kisbiet tagħhom fil-qasam sportiv meta rrappreżentaw il-pajjiż tagħhom.

    28

    Sussegwentement, dan l-għan essenzjali jispjega, minn naħa, li l-imsemmija allowance hija ffinanzjata direttament mill-Istat, barra mis-sorsi ta’ finanzjament tas-sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali u indipendentement mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-benefiċjarji tagħha, u, min-naħa l-oħra, li hija titħallas mhux lill-atleti kollha li pparteċipaw f’tali kompetizzjonijiet, iżda biss lil numru ristrett ħafna fosthom li, f’dan il-kuntest, kisbu ċerti midalji.

    29

    Fl-aħħar nett, minkejja li l-ammont massimu tal-allowance inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa limitat b’riferiment għal eventwali pensjoni tal-irtirar li l-benefiċjarju jista’ wkoll jirċievi, il-ħlas ta’ din l-allowance huwa suġġett mhux għad-dritt tal-benefiċjarju li jirċievi tali pensjoni iżda biss għal talba f’dan is-sens imressqa minn dan.

    30

    Għaldaqstant, allowance bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies bħala benefiċċju tax-xjuħija u, għalhekk, ma hija marbuta mal-ebda wieħed mir-riskji elenkati b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

    31

    Minn dan jirriżulta li t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza ma hijiex issodisfatta.

    32

    Barra minn hekk, peress li din l-allowance ma tkopri l-ebda wieħed mir-riskji korrispondenti għall-oqsma ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, peress li ma hijiex intiża biss sabiex tiżgura l-protezzjoni speċifika tal-persuni b’diżabbiltà u peress li, f’kull każ, ma hijiex elenkata fl-Anness X ta’ dan ir-regolament, hija lanqas ma tista’ titqies bħala benefiċċju speċjali fi flus ta’ natura mhux kontributorja, fis-sens tal-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament.

    33

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, allowance bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004.

    34

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni mqajma mill-perspettiva tal-Artikolu 34(1) u (2) tal-Karta.

    35

    Minkejja dan, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompitu li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jiddeċiedu fuq tilwim imressaq quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux indikati b’mod espliċitu fid-domandi li jkunu indirizzati lilha minn dawn il-qrati. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeduċi mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, in-normi u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Abcur, C‑544/13 u C‑545/13, EU:C:2015:481, punti 33 u 34, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    F’dan il-każ, minkejja li l-qorti tar-rinviju ma għamlitx mistoqsijiet b’mod formali lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi eżaminat, kif issuġġeriet il-Kummissjoni, jekk ir-Regolament Nru 492/2011, b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) ta’ dan, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    37

    Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Gvern Slovakk speċifika li, mal-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka u tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni, UB kien impjegat fi skola primarja u kien kompla jeżerċita dan l-impjieg mill-inqas sas-sena 2006.

    38

    Issa, l-Artikolu 45(2) TFUE jipprevedi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika t-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq iċ-ċittadinanza, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, fir-rigward tal-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ xogħol (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et, C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 huwa l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et, C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Issa, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru għandu jgawdi, fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, mill-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.

    41

    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din id-dispożizzjoni tibbenefika mingħajr distinzjoni kemm lill-ħaddiema migranti li jirrisjedu fi Stat Membru ospitanti, kif ukoll lill-ħaddiema transkonfinali li, filwaqt li jeżerċitaw l-attività bħala persuna impjegata tagħhom f’dan l-Istat Membru msemmi l-aħħar, jirrisjedu fi Stat Membru ieħor (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et, C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955, punt 37, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2019, Aubriet, C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 24).

    42

    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ħaddiem li kien jeżerċita attività bħala persuna impjegata fl-Istat Membru ospitanti fi żmien l-adeżjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu mal-Unjoni u li kompla jeżerċita tali impjieg wara din l-adeżjoni jista’, mid-data tal-imsemmija adeżjoni, jinvoka l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), li l-formulazzjoni tiegħu ġiet riprodotta fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, sakemm id-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti permezz tal-att ta’ adeżjoni ma jipprovdux mod ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1989, Lopes da Veiga, 9/88, EU:C:1989:346, punti 9, 10 u 19).

    43

    F’dan ir-rigward, sa mill-adeżjoni, fl-1 ta’ Mejju 2004, tar-Repubblika Slovakka u tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni, il-moviment liberu tal-ħaddiema japplika, bħala prinċipju, b’mod sħiħ għaċ-ċittadini Ċeki li jaħdmu fis-Slovakkja, b’mod konformi mal-Artikolu 24 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, iffirmat fis-16 ta’ April 2003 (ĠU 2003, L 236, p. 33), kif ukoll mal-punt 1.1 tal-Anness V ta’ dan l-att, biss bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fil-punti 1.2 sa 1.14 tal-imsemmi anness. Peress li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 ma huwiex is-suġġett ta’ tali dispożizzjonijiet tranżitorji, din id-dispożizzjoni tapplika, fir-rigward tal-imsemmija ċittadini Ċeki, mill-1 ta’ Mejju 2004 (ara, b’mod analogu, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1989, Lopes da Veiga, 9/88, EU:C:1989:346, punt 9).

    44

    Għaldaqstant, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jibbenefika wkoll lil ħaddiem, bħalma huwa UB, li, filwaqt li ma ċaqlaqx il-post ta’ residenza tiegħu, sab ruħu, minħabba l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat li huwa ċittadin tiegħu u tal-Istat li fit-territorju tiegħu huwa stabbilixxa r-residenza tiegħu, fis-sitwazzjoni ta’ ħaddiem migrant.

    45

    Għalhekk hemm lok li jiġi vverifikat jekk allowance għar-rappreżentanti sportivi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax taħt il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

    46

    F’dan ir-rigward, ir-riferiment magħmul mill-imsemmija dispożizzjoni għall-vantaġġi soċjali ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1975, Cristini, 32/75, EU:C:1975:120, punti 12, u tas-17 ta’ April 1986, Reed, 59/85, EU:C:1986:157, punt 25).

    47

    Fil-fatt, mill-għan ta’ ugwaljanza fit-trattament segwit permezz tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jirriżulta li l-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali” estiż permezz ta’ din id-dispożizzjoni għall-ħaddiema ta’ Stati Membri oħra jinkludi l-vantaġġi kollha li, marbuta jew le ma’ kuntratt ta’ impjieg, huma ġeneralment irrikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali, prinċipalment minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher għalhekk xierqa sabiex tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ April 1986, Reed, 59/85, EU:C:1986:157, punt 26; tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C‑85/96, EU:C:1998:217, punt 25, u tal-15 ta’ Settembru 2005, Ioannidis, C‑258/04, EU:C:2005:559, punt 35) u, għalhekk, l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti.

    48

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, jikkostitwixxu tali vantaġġi, b’mod partikolari, allowance tal-qgħad intiża għaż-żgħażagħ li jkunu għadhom kemm temmew l-istudji tagħhom u li jkunu qegħdin ifittxu l-ewwel impjieg tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Ioannidis, C‑258/04, EU:C:2005:559, punt 34), allowance tal-edukazzjoni għall-wild ta’ ħaddiem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C‑85/96, EU:C:1998:217, punt 26), il-possibbiltà, għall-armla u l-ulied minuri ta’ ħaddiem migrant, li jibbenefikaw minn tnaqqis fuq il-prezzijiet ta’ trasport bil-ferrovija applikabbli għall-familji kbar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1975, Cristini, 32/75, EU:C:1975:120, punt 13), il-possibbiltà, għall-akkużat li għandu l-kwalità ta’ ħaddiem, li juża waħda mil-lingwi disponibbli għar-residenti ta’ komun tal-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Mutsch, 137/84, EU:C:1985:335, punti 16 u 17), jew ukoll il-possibbiltà li s-sieħeb ta’ ħaddiem, mhux miżżewweġ u mhux ċittadin tal-Istat Membru ospitanti, jiġi awtorizzat jirrisjedi hemm miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 1986, Reed, 59/85, EU:C:1986:157, punt 28), peress li dawn il-miżuri kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-ħaddiem migrant fil-pajjiż ospitanti u għalhekk għat-twettiq tal-għan tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

    49

    Fuq l-istess linja, għandu jiġi ammess li l-possibbiltà għal ħaddiem migrant li jiġi kkumpensat, bl-istess mod bħall-ħaddiema ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, għar-riżultati sportivi eċċezzjonali li huwa kiseb bħala rappreżentant ta’ dan l-Istat Membru, jew tal-predeċessuri legali ta’ dan, tista’ tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ dan il-ħaddiem fl-imsemmi Stat Membru u għalhekk għat-twettiq tal-għan tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

    50

    Din l-interpretazzjoni ma tistax, bil-kontra tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Slovakk magħmula waqt is-seduta, tiġi kkontestata permezz tas-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 1979, Even u ONPTS (207/78, EU:C:1979:144), u tas-16 ta’ Settembru 2004, Baldinger (C‑386/02, EU:C:2004:535).

    51

    Huwa minnu li f’dawn is-sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li allowances mogħtija lill-ex ġellieda li għandhom inkapaċità għax-xogħol attribwibbli għal fatt ta’ gwerra jew lill-ex priġunieri tal-gwerra, li jipprovdu prova ta’ priġunerija għal perijodu twil, bħala xhieda tal-gratitudni nazzjonali għat-tbatija li kienu għaddew minnha, ma kinux jaqgħu, sa fejn kienu jitħallsu bħala korrispettiv għas-servizzi li taw lill-pajjiżhom, taħt il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, u dan minkejja li l-applikanti għal tali allowances kienu ħaddiema migranti. B’dan il-mod, dawn l-allowances ma kinux jikkontribwixxu għall-integrazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema fl-Istat Membru ospitanti.

    52

    Min-naħa l-oħra, l-allowance inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala għan li tikkumpensa lil atleti ta’ livell għoli li jkunu rrappreżentaw lill-Istat Membru ospitanti, jew lill-predeċessuri legali ta’ dan, f’kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali u li jkunu kisbu riżultati eċċezzjonali. B’mod partikolari, din l-allowance għandha bħala effett mhux biss li tagħti lill-benefiċjari tagħha sigurtà finanzjarja intiża, b’mod partikolari, sabiex tagħmel tajjeb għall-assenza ta’ integrazzjoni sħiħa fis-suq tax-xogħol matul is-snin iddedikati għall-prattika ta’ sport ta’ livell għoli, iżda wkoll u prinċipalment sabiex tagħtihom prestiġju soċjali partikolari minħabba r-riżultati sportivi li huma jkunu kisbu fil-kuntest ta’ tali rappreżentanza. Il-fatt, għall-ħaddiem migrant, li jibbenefika minn dan il-prestiġju, li minnu jgawdu wkoll iċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, jew li kisbu midalji fl-istess tim waqt kompetizzjonijiet ta’ sport kollettiv, huwa tali li jiffaċilita l-integrazzjoni tal-imsemmija ħaddiema migranti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-importanza soċjali kunsiderevoli tal-isport fl-Unjoni, b’mod partikolari tal-isport mhux professjonali, riflessa fl-Artikolu 165 TFUE, kif ukoll ir-rwol ta’ dan l-isport bħala fattur ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, TopFit u Biffi, C‑22/18, EU:C:2019:497, punt 33).

    53

    Għaldaqstant, allowance bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, b’tali mod li Stat Membru li jagħti tali allowance lill-ħaddiema nazzjonali tiegħu ma jistax jirrifjutaha lill-ħaddiema ċittadini tal-Istati Membri l-oħra mingħajr ma jwettaq diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, ipprojbita minn din id-dispożizzjoni.

    54

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li

    l-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li allowance imħallsa lil ċerti sportivi ta’ livell għoli li jkunu rrappreżentaw lil Stat Membru, jew lill-predeċessuri legali ta’ dan, fil-kuntest ta’ kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali ma taqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċċju tax-xjuħija”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u hija, għalhekk, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament;

    l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-benefiċċju ta’ allowance stabbilita favur ċerti sportivi ta’ livell għoli li jkunu rrappreżentaw lil dan l-Istat Membru, jew lill-predeċessuri legali ta’ dan, fil-kuntest ta’ kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali, b’mod partikolari għall-kundizzjoni li l-applikant ikollu n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru.

    Fuq l-ispejjeż

    55

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li allowance mħallsa lil ċerti sportivi ta’ livell għoli li jkunu rrappreżentaw lil Stat Membru, jew lill-predeċessuri legali ta’ dan, fil-kuntest ta’ kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali ma taqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċċju tax-xjuħija”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u hija, għalhekk, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

     

    2)

    L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-benefiċċju ta’ allowance stabbilita favur ċerti sportivi ta’ livell għoli li jkunu rrappreżentaw lil dan l-Istat Membru, jew lill-predeċessuri legali ta’ dan, fil-kuntest ta’ kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali, b’mod partikolari għall-kundizzjoni li l-applikant ikollu n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.

    Top