EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0432

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Diċembru 2019.
Consorzio Tutela Aceto Balsamico di Modena vs Balema GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel – Regolamenti (KE) Nru 510/2006 u (UE) Nru 1151/2012 – Artikolu 13(1) – Regolament (KE) Nru 583/2009 – Artikolu 1 – Reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena (IĠP)” – Protezzjoni tal-komponenti mhux ġeografiċi ta’ din id-denominazzjoni – Portata.
Kawża C-432/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1045

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

4 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel – Regolamenti (KE) Nru 510/2006 u (UE) Nru 1151/2012 – Artikolu 13(1) – Regolament (KE) Nru 583/2009 – Artikolu 1 – Reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena (IĠP)” – Protezzjoni tal-komponenti mhux ġeografiċi ta’ din id-denominazzjoni – Portata”

Fil-Kawża C‑432/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

Consorzio Tutela Aceto Balsamico di Modena

vs

Balema GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: D. Dittert, kap ta’ unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Mejju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Consorzio Tutela Aceto Balsamico di Modena, minn A. Ringle u A. Rinkler, Rechtsanwälte,

għal Balema GmbH, minn C. Eggers u C. Böhler, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn G. Kanellopoulos kif ukoll minn A.‑E. Vasilopoulou u E.‑E. Krompa, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u L. Aguilera Ruiz, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers kif ukoll minn D. Bianchi, B. Hofstötter u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 583/2009 tat-3 ta’ Lulju 2009 li jintroduċi denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Aceto Balsamico di Modena (IĠP)] (ĠU 2009, L 175, p. 7).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Consorzio Tutela Aceto Balsamico di Modena (iktar ’il quddiem il-“Consorzio”), għaqda ta’ produtturi ta’ prodotti mmarkati bid-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena (IĠP)”, u Balema GmbH dwar l-użu minn din tal-aħħar tal-kelma “balsamico” fuq it-tikketti tal-prodotti magħmulin mill-ħall li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet ta’ din l-indikazzjoni ġeografika protetta (iktar ’il quddiem l-“IĠP”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 510/2006

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 213) ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4). Min-naħa tiegħu, huwa ġie mħassar u ssostitwit essenzjalment b’effett mit-3 ta’ Jannar 2013, bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1).

4

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 510/2006, li l-kliem tiegħu rriproduċa dak tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2081/92 u li issa jinstab essenzjalment fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament Nru 1151/2012, kien jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘isem li sar ġeneriku’ ifisser l-isem ta’ prodott agrikolu jew ta’ l-ikel illi, minkejja li huwa relatat mal-post jew mar-reġjun fejn dan il-prodott jew dan l-ikel ġie magħmul jew manufatturat oriġinarjament, dan l-isem ikun sar l-isem komuni ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel.”

5

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 510/2006, intitolat “Oġġezzjoni/deċiżjoni dwar reġistrazzjoni”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, kif ukoll fl-ewwel, it-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 5 tiegħu:

“1.   Fi żmien sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea [tad-dokument uniku u tar-referenza tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet], kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż terz jista’ joġġezzjona għar-reġistrazzjoni proposta billi jippreżenta dikjarazzjoni debitament sostanzjata lill-Kummissjoni.

[…]

5.   Jekk oġġezzjoni hija ammissibbli […], il-Kummissjoni għandha tistieden lill-partijiet interessati biex jimpenjaw ruħhom f’konsultazzjonijiet xierqa.

[…]

Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-proċedura [fl-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124)], filwaqt li tikkunsidra trattament ġust u tradizzjonali u l-possibbiltà eżistenti ta’ konfużjoni.

Id-deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

6

Dawn id-dispożizzjonijiet ġew riprodotti, rispettivament, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(1), fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(3), fl-Artikolu 52(3)(b) u fl-Artikolu 52(4) tar-Regolament Nru 1151/2012.

7

L-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 510/2006, li l-kliem tiegħu jirriproduċi mingħajr tibdil fis-sustanza l-kliem tal-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament Nru 2081/1992, u li issa jinstab fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 1151/2012, kien jindika:

“1.   L-ismijiet irreġistrati għandhom jkunu protetti kontra:

a)

kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem reġistrat fir-rigward ta’ prodotti li mhumiex koperti mir-reġistrazzjoni safejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli mal-prodotti reġistrati taħt dak l-isem jew safejn l-użu ta’ l-isem jisfrutta r-reputazzjoni ta’ l-isem protett;

b)

kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, ukoll jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew akkumpanjat minn espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni” jew simili;

ċ)

kwalunkwe indikazzjoni falza jew qarrieqa oħra fir-rigward tal-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq l-ippakkjar minn ġewwa jew minn barra, il-materjal ta’ reklamar jew dokumenti relatati mal-prodott konċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f’konteni li x’aktarx jagħti impressjoni falza rigward l-oriġini tiegħu;

d)

kwalunkwe prattika oħra li x’aktarx tqarraq lill-konsumatur fir-rigward ta’ l-oriġini vera tal-prodott.

Fejn isem reġistrat ikun fih l-isem ta’ prodott agrikolu jew oġġett ta’ l-ikel li huwa kkunsidrat ġeneriku, l-użu ta’ dak l-isem ġeneriku fuq il-prodott agrikolu jew l-oġġett ta’ l-ikel xieraq m’għandux ikun ikkunsidrat li huwa kuntrarju għall-punti (a) jew (b) fl-ewwel subparagrafu.

2.   Ismijiet protetti ma jistgħux isiru ġeneriċi.”

Ir-Regolament Nru 583/2009

8

Kif jirriżulta mill-premessi tiegħu, ir-Regolament Nru 583/2009 ġie adottat abbażi tar-Regolament Nru 510/2006, b’mod partikolari tat-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(5) ta’ dan tal-aħħar.

9

Il-premessi 2 sa 5, 7, 8 u 10 sa 12 tar-Regolament Nru 583/2009 jiddikjaraw:

“(2)

Il-Ġermanja, il-Greċja u Franza ddikjaraw rwieħhom kontra r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) [Nru 510/2006]. […]

(3)

Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tal-Ġermanja kienet dovuta l-aktar minħabba l-biża’ li r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Aceto Balsamico di Modena” ma tirriflettix il-fatt li hemm prodotti oħra li ilhom fis-suq legalment għal talanqas ħames snin u li nbigħu bid-denominazzjonijiet Balsamessig/Aceto balsamico, kif ukoll skont il-karattru ġeneriku tagħhom marbut ma’ dawn id-denominazzjonijiet. […]

(4)

L-oġġezzjoni ta’ Franza tirrigwarda b’mod partikolari l-fatt li l-“Aceto Balsamico di Modena” ma għandhiex reputazzjoni għaliha nnifisha, differenti minn dik tal “Aceto balsamico tradizionale di Modena” li diġà ġiet reġistrata bħala denominazzjoni tal-oriġini protetta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 813/2000 [,as-17 ta’ April 2000 li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament tal-Kummissijoni (KEE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjoni ta’ l-oriġini skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 20]. Skont Franza, il-konsumaturi setgħu jitqarrqu fir-rigward tan-natura u l-oriġini ta’ dan il-prodott.

(5)

Il-Greċja saħqet fuq l-importanza tal-produzzjoni tal-ħall balsamiku fuq it-territorju tagħha, li jinbiegħ taħt l-ismijiet “balsamico”“jew”“balsamon” u l-impatt żvantaġġuż, li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” jkollha fuq dawn il-prodotti li ilhom fis-suq legalment għal talanqas ħames snin. Il-Greċja ssostni wkoll li l-ismijiiet “aceto balsamico”, “balsamiku” eċċ huma ġeneriċi.

[…]

(7)

Peress li l-ebda qbil ma ntlaħaq bejn Franza, il-Ġermanja u l-Greċja u l-Italja fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni […]

(8)

Il-Kummissjoni talbet għall-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-ismijiet tal-oriġini, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u ċ-ċertifikati tal-ispeċifiċità […] biex dan jivverifika jekk ġewx sodisfatti l-kundizzonijiet għar-reġistrazzjoni. Fl-opinjoni unanima tiegħu tas-6 ta’ Marzu 2006, il-Kumitat qies li d-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” għandha reputazzjoni indiskutibbli fis-suq nazzjonali, kif ukoll internazzjonali, u li l-bosta riċetti tat-tisjir f’ħafna Stati Membri, il-preżenza mifruxa tagħha fuq l-Internet u fl-istampa jew fil-midja huma xhieda tal-utilizzazzjoni frekwenti tagħha. L-“Aceto Balsamico di Modena” jissodisfa wkoll ir-rekwiżit inerenti ta’ reputazzjoni speċifika għal prodott li jikkorrispondi għal din id-denominazzjoni. Il-Kumitat jinnota l-koeżistenza ta’ dawn il-prodotti fis-swieq għal mijiet ta’ snin. Bl-istess mod il-Kumitat iddeċieda li l-“Aceto Balsamico di Modena” u l-“Aceto balsamico tradizionale di Modena” huma prodotti differenti minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-klijentela li jattiraw, l-użu tagħhom, u l-mod ta’ distribuzzjoni tagħhom kif ukoll il-preżentazzjoni u l-prezz tagħħhom, u b’dan il-mod it-trattament ugwali tal-produtturi konċernati tagħhom huwa żgurat u ma jagħtux lok għal ingann tal-konsumatur. Il-Kummissjoni tikkonferma dawn il-kunsiderazzjonijiet.

[…]

(10)

Jidher li l-Ġermanja u l-Greċja, fl-oġġezzjonijiet tagħhom dwar il-karattru ġeneriku tal-isem propost għar-reġistrazzjoni, ma qisux d-denominazzjoni msemmija kollha kemm hi, jiġifieri l-“Aceto Balsamico di Modena”, iżda biss biss partijiet minnha, jiġifieri t-termini “aceto”,“balsamico” u “aceto balsamico”, jew it-traduzzjonijiet tagħhom. Madankollu, il-protezzjoni hija kkonferita fuq id-denominazzjoni ta’ “Aceto Balsamico di Modena”. It-termini individwali mhux ġeografiċi tad-denominazzjoni komposta, ukoll jekk jintużaw flimkien, kif ukoll it-traduzzjoni tagħhom, jistgħu jiġu utilizzati fit-territorju [tal-Unjoni] skont il-prinċipji u r-regoli applikabbli tal-liġi [tal-Unjoni].

(11)

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, id-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” għalhekk għandha tiddaħħal fir-“Reġistru ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini protetta u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-indikazzjonijiet ġeografiċi u għad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini.”

10

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 583/2009 jipprovdi li “[i]d-denominazzjoni li tinsab fl-Anness I ta’ dan [tal-aħħar] hija b’dan irreġistrata”. Dan l-anness jindika “Aceto Balsamico di Modena (IĠP)”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Balema tipproduċi u tikkummerċjalizza prodotti abbażi tal-ħall magħmul minn inbejjed ta’ Baden (il-Ġermanja) li ilha tiddistribwixxi tal-inqas għal dawn l-aħħar 25 sena. Fuq it-tikketti ta’ dawn il-prodotti hemm indikat b’mod partikolari l-kelmiet “Balsamico” u “Deutscher balsamico”, li huma inklużi fil-frażijiet “Theo der Essigbrauer, Holzfassreifung, Deutscher balsamico traditionell, naturtrüb aus badischen Weinen” (Theo dak li jagħmel il-ħall, maturazzjoni fil-btieti tal-injam, balzmu Ġermaniż tradizzjonali, mhux iffiltrat magħmul minn inbejjed ta’ Baden) jew “1. Deutsches Essig-Brauhaus, Premium, 1868, Balsamico, Rezeptur No. 3” (l-Ewwel Produttur Ġermaniż tal-ħall, Premium, 1868, Balzmu, Riċetta Nru 3) li jitwaħħlu fuqhom.

12

Il-Consorzio, billi qies li l-użu minn Balema tal-kelma “Balsamico” kien ta’ ħsara għall-IĠP “Aceto Balsamico di Modena”, bagħtitilha ittra ta’ intimazzjoni. B’risposta għal dan, din il-kumpannija fetħet kawża quddiem il-qrati Ġermaniżi bil-ħsieb li jiġi kkonstatat li ma hijiex obbligata ma tużax din il-kelma għal prodotti magħmula mill-ħall prodotti fil-Ġermanja, fil-forma ta’ tikketti msemmija fil-punt preċedenti. Billi dik il-kawża ġiet miċħuda fl-ewwel istanza, l-imsemmija kumpannija appellat minnha, liema appell intlaqa’ b’mod partikolari peress li dan l-użu ma kienx imur kontra l-Artikolu 13(1)(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012, billi l-protezzjoni mogħtija lil din l-IĠP mir-Regolament Nru 583/2009 kienet tkopri biss lid-denominazzjoni globali “Aceto Balsamico di Modena”.

13

Adita mill-Consorzio b’rikors għal Reviżjoni kontra din id-deċiżjoni, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tqis li s-suċċess ta’ dan ir-rikors jiddependi fuq il-punt dwar jekk l-użu tal-kelma “Balsamico” jew tal-frażi “Deutscher balsamico” jiksirx l-Artikolu 13(1)(1)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 1151/2012, fatt li jimplika li għandu qabelxejn jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” mogħtija mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 583/2009 tikkonċernax biss lil din id-denominazzjoni globali jew inkella tkoprix ukoll l-użu tal-kelmiet individwali mhux ġeografiċi ta’ din tal-aħħar.

14

Il-qorti tar-rinviju tqis li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni ta’ denominazzjoni komposta minn diversi kelmiet, irreġistrata bħala denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika, tista’ tkopri l-kelmiet differenti li jikkomponuha. Madankollu, il-portata tal-protezzjoni ta’ IĠP komposta minn diversi elementi setgħet tiġi validament ristretta mill-att li jirreġistra d-denominazzjoni kkonċernata. Din il-qorti tqis ukoll li ż-żieda mill-Kummissjoni ta’ rimarki, fil-premessi tar-regolamenti li jirreġistraw id-denominazzjonijiet protetti, li jillimitaw il-portata tal-protezzjoni ma tikkostitwixxix deroga illegali mir-Regolament Nru 1151/2012, peress li l-Kummissjoni kienet awtorizzata, skont dan tal-aħħar, li tadotta deċiżjoni fuq ir-reġistrazzjoni meta tkun tqajmet oppożizzjoni u ma jkunx intlaħaq ftehim.

15

Il-qorti tar-rinviju, fil-kawża odjerna tħaddan l-opinjoni li l-premessi 3, 5 u 10 tar-Regolament Nru 583/2009 jimmilitaw favur restrizzjoni tal-portata tal-protezzjoni lid-denominazzjoni globali “Aceto Balsamico di Modena”, li teskludi l-komponenti differenti mhux ġeografiċi. Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li, għad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini (iktar ’il quddiem id-“DOP”) “Aceto balsamico tradizionale di Modena” u “Aceto balsamico tradizionale di Reggio Emilia”, irreġistrati permezz tar-Regolament Nru 813/2000, il-legalità tal-użu liberu tal-komponenti mhux ġeografiċi ta’ dawn id-denominazzjonijiet globali kellha, fl-assenza ta’ xi istruzzjoni f’dan ir-rigward fir-Regolament li jirreġistra lil dawn tal-aħħar, tiġi eżaminata każ b’każ fid-dawl tal-Artikolu 13(1)(1)(b) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, madankollu ma huwiex kontradittorju, fir-rigward tal-IĠP inkwistjoni quddiemha, li jiġi ammess li saret restrizzjoni għall-protezzjoni ta’ din tal-aħħar permezz tar-Regolament Nru 583/2009, peress li l-assenza ta’ preċiżjoni f’dan is-sens fir-Regolament li jirreġsitra dawn id-DOP tista’ tirriżulta sempliċement mill-assenza ta’ oġġezzjoni.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-protezzjoni tad-denominazjoni globali “Aceto Balsamico di Modena” tkopri l-użu tat-termini individwali mhux ġeografiċi li jikkostitwixxu tali denominazzjoni (“Aceto”, “Balsamico”, “Aceto Balsamico”)?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

17

Wara li qara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-Consorzio, permezz tal-ittra tas-7 ta’ Awwissu 2019, talab li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn tat-talba tiegħu, il-Consorzio essenzjalment isostni li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma bbażati fuq elementi ġodda li għadhom ma ġewx diskussi bejn il-partijiet, marbuta mar-reġistrazzjoni tad-DOP “Aceto balsamico tradizionale di Modena” u “Aceto balsamico tradizionale di Reggio Emilia” kif ukoll mal-fatt li jistgħu jkunu inkwistjoni kliem komuni, u li r-risposta proposta ma tindirizzax il-problema vera tal-kawża u lanqas ma tippermetti lill-qorti tar-rinviju li ssolvi b’mod utli l-kawża pendenti quddiemha. Minn dawn il-konklużjonijiet jirriżulta wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tiddeċiedi.

18

Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

19

Fil-kawża odjerna, dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, minbarra li ma ġietx allegata l-eżistenza ta’ fatt ġdid, il-Consorzio u l-partijiet ikkonċernati l-oħra li pparteċipaw fil-kawża odjerna setgħu jesponu, kemm matul il-fażi bil-miktub kif ukoll fil-fażi orali tagħha, l-argumenti fattwali u legali li huma kienu jqisu li huma rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula. F’dan ir-rigward, jeħtieġ jiġi rrilevat, b’mod partikolari, inkonnessjoni ma’ elementi allegatament ġodda li jagħmel riferiment għalihom il-Consorzio, li l-ewwel wieħed ġie indirizzat espressament mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari u li t-tieni wieħed ġie invokat b’mod partikolari mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub u kien is-suġġett ta’ mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-partijiet li kellhom iwieġbu għaliha waqt is-seduta. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, ġaladarba nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha f’idejha l-elementi kollha neċessarji sabiex tagħti deċiżjoni u li l-kawża ma kellhiex tiġi deċiża abbażi ta’ fatt ġdid jew ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-persuni kkonċernati.

20

Barra minn hekk, fir-rigward tal-istanzi ta’ kritika avvanzata kontra l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, jeħtieġ jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprovdux għall-possibbiltà li l-partijiet ikkonċernati jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, Mitsubishi Shoji Kaisha u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe, C‑129/17, EU:C:2018:594, punt 25).

21

Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bir-raġunijiet li fl-aħħar tagħhom huwa jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu xi jkunu d-domandi li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud– Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 24, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, Mitsubishi Shoji Kaisha u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe, C‑129/17, EU:C:2018:594, punt 26).

22

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 583/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” tkopri l-użu tal-kelmiet individwali mhux ġeografiċi ta’ din tal-aħħar.

24

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 583/2009, moqri flimkien mal-premessa 11 u l-Anness I ta’ dan tal-aħħar, id-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena (IĠP)” hija rreġistrata u inserita fir-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti. B’hekk, skont il-kliem ta’ dan l-Artikolu 1, hija d-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” fl-intier tagħha li hija rreġistrata u, konsegwentement, protetta.

25

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fis-sistema ta’ protezzjoni maħluqa mir-Regolament Nru 2081/92, li ġiet riprodotta fir-Regolament Nru 510/2006 u li hija issa prevista mir-Regolament Nru 1151/2012, il-kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni li għandha tingħata lill-partijiet kostitwenti differenti ta’ denominazzjoni rreġistrata jaqgħu taħt evalwazzjoni li hija l-kompetenza tal-qorti nazzjonali li tagħmel, abbażi ta’ analiżi ddettaljata tal-kuntest fattwali ppreżentat quddiemha mill-partijiet interessati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1998, Chiciak u Fol, C‑129/97 u C‑130/97, EU:C:1998:274, punt 38, kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑132/05, EU:C:2008:117, punt 30).

26

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fir-rigward ta’ denominazzjoni “komposta” irreġistrata skont ir-Regolament Nru 2081/92, il-fatt li għal din tal-aħħar ma teżisti l-ebda indikazzjoni, fil-forma ta’ riferiment fil-qiegħ tal-paġna fir-regolament li jirreġistraha, li tispeċifika li t-talba għar-reġistrazzjoni ma saritx għal waħda mill-partijiet ta’ din id-denominazzjoni, ma jimplikax neċessarjament li kull waħda mill-partijiet tagħha hija protetta. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, fil-fatt, anki jekk jista’ jirriżulta li huwa minnu li mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92 jirriżulta li, fl-assenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi li jindikaw is-sens kuntrarju, il-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni tkopri mhux biss id-denominazzjoni komposta bħala tali, iżda wkoll kull waħda mill-partijiet kostitwenti tagħha, dan huwa minnu biss jekk din il-parti kostitwenti la tkun kelma ġenerika u lanqas komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1998, Chiciak u Fol, C‑129/97 u C‑130/97, EU:C:1998:274, punti 3739).

27

Peress li s-sistema ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel li kienet inkluża fir-Regolament Nru 2081/92 ġiet, inkonnessjoni mal-protezzjoni ta’ dawn id-denominazzjonijiet, riprodotta, mingħajr tibdil fis-sustanza, fir-Regolament Nru 510/2006 mbagħad fir-Regolament Nru 1151/2012 u billi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 ta’ dan l-regolament ġew riprodotti, ukoll mingħajr tibdil fis-sustanza, fl-Artikolu 13 ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti suċċessivi, hemm lok li jiġi kkonstatat li din il-ġurisprudenza tibqa’ rilevanti u li għaldaqstant tapplika għad-denominazzjonijiet komposti, bħall-IĠP inkwistjoni, irreġistrati skont ir-Regolament Nru 510/2006 u issa protetti mir-Regolament Nru 1151/2012.

28

Issa, miċ-ċirkustanzi speċifiċi marbuta mar-reġistrazzjoni, mir-Regolament Nru 583/2009, tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija lil din id-denominazzjoni ma tistax tkopri l-kelmiet individwali mhux ġeografiċi tagħha.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożittiv ta’ att huwa indiviżibbli mill-motivazzjoni tiegħu, u għandu jiġi interpretat, jekk hemm bżonn, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑404/97, EU:C:2000:345, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑91/01, EU:C:2004:244, punt 49).

30

Fil-kawża odjerna, mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 583/2009 jirriżulta li hija d-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” li għandha reputazzjoni indiskutibbli fis-suq nazzjonali kif ukoll fis-swieq esterni u li għaldaqstant hija din id-denominazzjoni komposta bħala tali li tissodisfa l-kundizzjoni marbuta ma’ reputazzjoni speċifika tal-prodott li jikkorrispondi għal din tal-aħħar.

31

Barra minn hekk, fir-rigward tal-oġġezzjonijiet ifformulati kontra r-reġistrazzjoni tal-imsemmija denominazzjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mir-Repubblika Ellenika, fil-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, hemm irrilevat li dawn l-Istati Membri “ma qisux d-denominazzjoni msemmija kollha kemm hi, jiġifieri l-‘Aceto Balsamico di Modena’, iżda biss biss partijiet minnha, jiġifieri t-termini ‘aceto’, ‘balsamico’ u ‘aceto balsamico’, jew it-traduzzjonijiet tagħhom”; li, “[m]adankollu, il-protezzjoni hija kkonferita fuq id-denominazzjoni ta’ ‘Aceto Balsamico di Modena’” u li “t-termini individwali mhux ġeografiċi tad-denominazzjoni komposta, ukoll jekk jintużaw flimkien, kif ukoll it-traduzzjoni tagħhom, jistgħu jiġu utilizzati fit-territorju [tal-Unjoni] skont il-prinċipji u r-regoli applikabbli tal-liġi [tal-Unjoni]”.

32

Konsegwentement, fil-premessa 11 tal-imsemmi regolament, huwa indikat li, “[f]id-dawl ta’ dawn l-elementi, id-denominazzjoni ‘Aceto Balsamico di Modena’ għalhekk għandha tiddaħħal fir-‘Reġistru ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini protetta u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti’”.

33

Għaldaqstant jirriżulta b’mod inekwivoku mill-premessi tar-Regolament Nru 583/2009 li l-kelmiet mhux ġeografiċi tal-IĠP inkwistjoni, jiġifieri “aceto” u “balsamico”, kif ukoll l-kombinazzjoni tagħhom u t-traduzzjonijiet tagħhom ma jistgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni li kienet mogħtija mir-Regolament Nru 510/2006 u li hija issa żgurata mir-Regolament Nru 1151/2012 lill-IĠP “Aceto Balsamico di Modena”.

34

Barra minn hekk, minn naħa, huwa stabbilit li l-kelma “aceto” hija kelma komuni, kif diġà ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1981, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 193/80, EU:C:1981:298, punti 2526). Min-naħa l-oħra, il-kelma “balsamico” hija t-traduzzjoni, bit-Taljan, tal-aġġettiv “balzmu”, li ma għandha l-ebda konnotazzjoni ġeografika u li, inkonnessjoni mal-ħall, tintuża komunement sabiex isir riferiment għal ħall li għandu togħma ħelwa u qarsa. Għaldaqstant din hija wkoll kelma komuni fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 tas-sentenza odjerna.

35

Fl-aħħar, kif irrileva essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni tal-portata tal-protezzjoni mogħtija lill-IĠP inkwistjoni tapplika fid-dawl tar-reġistrazzjonijiet tad-DOP “Aceto balsamico tradizionale di Modena” u “Aceto balsamico tradizionale di Reggio Emilia”, li barra minn hekk, kif jindikaw il-premessi tar-Regolament Nru 583/2009, ukoll ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni waqt l-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, l-użu fit-test ta’ dawn id-DOP tal-kelmiet “aceto” u “balsamico” kif ukoll l-użu tal-kominbazzjoni tagħhom u tat-traduzzjonijiet tagħhom ma jistgħux jistqiesu bħala li jistgħu jirrekaw ħsara lill-protezzjoni mogħtija lill-IĠP inkwistjoni.

36

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonjiet preċedenti kollha, jeħtieġ tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 583/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” ma tkoprix l-użu tal-kelmiet individwali mhux ġeografiċi ta’ din tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 583/2009 tat-3 ta’ Lulju 2009 li jintroduċi denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Aceto Balsamico di Modena (IĠP)], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” ma tkoprix l-użu tal-kelmiet individwali mhux ġeografiċi ta’ din tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top