EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0421

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Diċembru 2019.
Ordre des avocats du barreau de Dinant vs JN.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal de première instance de Namur.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Punt 1(a) tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni speċjali ta’ materji kuntrattwali – Kunċett ta’ ‘materji kuntrattwali’ – Talba għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet annwali dovuti minn avukat lil kamra ta’ avukati.
Kawża C-421/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1053

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Punt 1(a) tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni speċjali ta’ materji kuntrattwali – Kunċett ta’ ‘materji kuntrattwali’ – Talba għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet annwali dovuti minn avukat lil kamra ta’ avukati”

Fil-Kawża C‑421/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal de première instance de Namur (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Namur, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Ordre des avocats du barreau de Dinant

vs

JN,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, u L. Bay Larsen, Imħallef,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Varrone, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Litwan, minn R. Krasuckaitė u G. Taluntytė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-29 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-ordre des avocats du barreau de Dinant (il-Kamra tal-Avukati ta’ Dinant, il-Belġju) u JN dwar l-assenza ta’ ħlas, minn dan tal-aħħar, ta’ kontribuzzjonijiet professjonali annwali dovuti lil din il-kamra.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

4

L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)

(a)

fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

[…]”

Id-dritt Belġjan

6

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 428 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jipprovdi:

“Ħadd ma jista’ jkollu t-titolu ta’ avukat jew jeżerċita l-professjoni jekk ma jkunx Belġjan jew ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li jkollu dottorat jew ikun gradwat fil-liġi, jekk ma jkunx ħa l-ġurament previst fl-Artikolu 429 u jekk ma jkunx iskritt fir-reġistru tal-kamra jew fil-lista tal-avukati bi prova.”

7

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 443 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jipprovdi:

“Il-Kunsill tal-Kamra jista’ jimponi fuq l-avukati iskritti fir-reġistru, fuq l-avukati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom taħt it-titolu professjonali ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, fuq l-avukati bi prova u fuq l-avukati onorarji, il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet stabbiliti minnu.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

JN ġie ammess fil-Kamra tal-Avukati ta’ Dinant u ġie iskritt fir-reġistru tal-avukati ta’ din il-kamra.

9

JN jiddikjara li, matul is-snin 90, huwa stabbilixxa r-residenza tiegħu fi Franza, filwaqt li baqa’ inkluż fir-reġistru tal-Kamra tal-Avukati ta’ Dinant, fejn huwa ħallas kontribuzzjonijiet annwali sal-2012.

10

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2015, il-President tal-Kamra tal-Avukati ta’ Dinant talab lil JN iħallas il-kontribuzzjonijiet dovuti għas-snin 2013 sa 2015 u pproponielu jnaqqas l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet għal dak tal-primjums tal-assigurazzjoni mħallsa minn din il-kamra u jipproċedi permezz ta’ ħlasijiet imqassma. Minn din l-ittra jirriżulta li l-iskrizzjoni fir-reġistru tal-imsemmija kamra “toffri vantaġġi sinjifikattivi fil-livell ta’ assigurazzjoni” u li l-kontribuzzjonijiet dovuti lil din tal-aħħar “huma, fir-realtà, essenzjalment ikkostitwiti minn primjums ta’ assigurazzjoni”.

11

Fl-assenza ta’ risposta għall-imsemmija ittra u ta’ ħlas min-naħa ta’ JN, il-Kamra tal-Avukati tal-Kamra ta’ Dinant bagħtet, fil-11 ta’ Diċembru 2015 u fil-21 ta’ Diċembru 2016, ittri ta’ tfakkir lil JN.

12

Peress li dawn il-messaġġi ta’ tfakkir baqgħu wkoll mingħajr risposta, il-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Dinant iddeċieda li jinkariga lil avukat ta’ kamra tal-avukati oħra sabiex jirkupra l-kontribuzzjonijiet annwali kkonċernati.

13

Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tat-23 ta’ Jannar 2017, dan l-avukat intima lil JN għall-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet.

14

B’risposta għal din l-ittra, JN, f’ittra indirizzata lill-Kamra tal-Avukati ta’ Dinant, indika li, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li kien jinsab fiha, huwa ma setax iħallas iktar minn EUR 100 fix-xahar għall-finijiet tal-ħlas tal-imsemmija kontribuzzjonijiet.

15

Madankollu, peress li ebda ħlas ma sar minn JN, il-Kamra tal-Avukati ta’ Dinant ħarrket, permezz ta’ ċitazzjoni tas-17 ta’ Mejju 2017, lil JN sabiex jidher quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri t-Tribunal de première instance de Namur (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Namur, il-Belġju), fejn talab lil din il-qorti tikkundannah għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 7 277.70, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż tal-istanza.

16

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2017, indirizzata lill-President tal-Kamra tal-Avukati ta’ Dinant, JN talab it-tneħħija tiegħu mir-reġistru tal-Kamra u l-possibbiltà li l-ħlasijiet tiegħu jitqassmu fuq perijodu ta’ 24 xahar.

17

Quddiem il-qorti tar-rinviju, JN ikkontesta, abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1) u tar-Regolament Nru 1215/2012, il-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti.

18

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tindika li, skont JN, l-iskrizzjoni fir-reġistru tal-Kamra għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat ma hijiex ta’ natura kuntrattwali, peress li din ma tikkostitwixxix il-konklużjoni ta’ kuntratt li jirriżulta mill-awtonomija tal-volontà u ta’ għażla libera, iżda t-twettiq ta’ formalità amministrattiva u ta’ obbligu legali.

19

L-istess qorti tindika wkoll li, skont il-Kamra tal-Avukati ta’ Dinant, għall-kuntrarju, billi żamm l-iskrizzjoni tiegħu fir-reġistru ta’ din il-Kamra, JN assuma l-obbligu fir-rigward ta’ din tal-aħħar li jħallas il-kontribuzzjonijiet annwali ffissati għalih, b’tali mod li dan għandu jiġi kkunsidrat bħala obbligu fil-qasam kuntrattwali, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de première instance de Namur (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Namur, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-azzjoni ta’ ordni ta’ avukati, li jkollha bħala għan li tikseb il-kundanna ta’ wieħed mill-membri tagħha għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet professjonali annwali li huma dovuti lilu, tikkostitwixxi azzjoni relatata “ma’ kuntratt” fis-sens tal-punt 1[(a)] tal-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 1215/2012]?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni li permezz tagħha kamra tal-avukati titlob il-kundanna ta’ wieħed mill-membri tagħha għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet professjonali annwali dovuti minnu u li huma essenzjalment intiżi sabiex jiffinanzjaw servizzi ta’ assigurazzjoni tikkostitwixxix azzjoni ta’ “materji kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

22

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ċerti tilwimiet bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, dan ikun mod ieħor meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sapir et, C-645/11, EU:C:2013:228, punt 33, u tal-15 ta’ Novembru 2018, Kuhn, C-308/17, EU:C:2018:911, punt 34). Fil-fatt, il-manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, minħabba l-eżerċizzju minnha ta’ setgħat li joħorġu mill-portata tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi, teskludi tali tilwima mill-ambitu ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament (sentenza tat-28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana, C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 49).

23

Għaldaqstant, tilwima li tirrigwarda l-obbligu ta’ avukat li jħallas kontribuzzjonijiet professjonali annwali dovuti minnu lill-kamra tal-avukati li tagħha huwa membru taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament biss sakemm, bit-talba tagħha lil dan l-avukat sabiex jeżegwixxi dan l-obbligu, din il-kamra ma taġixxix, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, fl-eżerċizzju ta’ prerogattiva ta’ awtorità pubblika, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

24

Fil-każ li dan ikun il-każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri dik tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa ddomiċiljat il-konvenut, tikkostitwixxi r-regola ġenerali. Huwa biss b’eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali li dan ir-regolament jipprevedi regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali u esklużiva f’każijiet elenkati b’mod limitat fejn il-konvenut jista’ jew għandu, skont il-każ, jiġi mħarrek quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Kerr, C-25/18, EU:C:2019:376, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fir-rigward tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-ambitu ta’ materji kuntrattwali fil-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jitfakkar ukoll li l-konklużjoni ta’ kuntratt ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Kerr, C‑25/18, EU:C:2019:376, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Madankollu, l-identifikazzjoni ta’ obbligu hija xorta waħda indispensabbli għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li l-ġurisdizzjoni tal-qorti abbażi tagħha hija stabbilita skont il-post fejn l-obbligu li fuqu hija bbażata t-talba ġie jew għandu jiġi eżegwit. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola tippreżupponi d-determinazzjoni ta’ obbligu legali liberament ikkonsentit minn persuna fir-rigward ta’ oħra u li fuqu hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrent (sentenza tas-8 ta’ Mejju 2019, Kerr, C-25/18, EU:C:2019:376, punti 24 u 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Issa, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 428 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, l-iskrizzjoni fir-reġistru tal-Kamra tal-Avukati tikkostitwixxi rekwiżit li għandu jiġi ssodisfatt minn kull persuna li tixtieq tuża t-titolu ta’ avukat u teżerċita l-professjoni ta’ avukat.

28

Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 443 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, il-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati jista’ jimponi fuq l-avukati inklużi fir-reġistru l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet stabbiliti minnu, b’tali mod li, meta din l-awtorità tiddeċiedi li tuża din il-kompetenza legali, il-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet ikun, għall-persuni kkonċernati, ta’ natura obbligatorja.

29

Tali sitwazzjoni għandha tinżamm distinta minn dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Kerr (C-25/18, EU:C:2019:376), li permezz tagħha, fir-rigward ta’ obbligu tal-komproprjetarji fir-rigward tal-komproprjetà, dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali għall-baġit tal-komproprjetà għall-manutenzjoni tal-partijiet komuni ta’ kondominju ta’ appartamenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, anki jekk il-parteċipazzjoni f’komproprjetà hija meħtieġa mil-liġi, xorta waħda jibqa’ l-fatt li d-dettalji tal-amministrazzjoni tal-partijiet komuni tal-proprjetà immobbli kkonċernata huma, skont il-każ, irregolati b’kuntratt u li d-dħul fil-komproprjetà jsir permezz ta’ att ta’ akkwist volontarju konġunt ta’ appartament u tal-ishma ta’ komproprjetà f’dawn il-partijiet komuni, b’tali mod li tali obbligu għandu jitqies li huwa obbligu legali liberament ikkonsentit (sentenza tas-8 ta’ Mejju 2019, Kerr, C-25/18, EU:C:2019:376, punt 27).

30

Ċertament, bħalma kien il-każ f’dik il-kawża, jidher li l-leġiżlatur nazzjonali ta lil organu, jiġifieri l-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati, is-setgħa li jimponi l-ħlas ta’ ċerti kontribuzzjonijiet fuq il-persuni li ngħaqdu miegħu, f’dan il-każ l-avukati rreġistrati fir-reġistru tal-Kamra tal-Avukati, skont il-proċeduri interni ta’ dan l-organu.

31

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-iskrizzjoni fir-reġistru tal-Kamra tal-Avukati tikkostitwixxi obbligu legali li għalih l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat huwa suġġett, u li l-persuni li jixtiequ jeżerċitaw din il-professjoni għandhom b’mod mandatorju jkunu membri ta’ kamra ta’ avukati u jissuġġettaw ruħhom għad-deċiżjonijiet tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni li permezz tagħha kamra tal-avukati titlob il-kundanna ta’ wieħed mill-membri tagħha għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet professjonali annwali li hija imponiet fuqu ma tikkostitwixxix, fil-prinċipju, azzjoni dwar “materji kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

33

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, minbarra r-relazzjonijiet imposti mil-liġi, kamra tal-avukati tistabbilixxi wkoll mal-membri tagħha relazzjonijiet ta’ natura kuntrattwali. Għalhekk, sa fejn dawn il-kontribuzzjonijiet jikkostitwixxu l-korrispettiv għal servizzi liberament ikkonsentiti, b’mod partikolari ta’ assigurazzjoni, li din il-kamra tkun innegozjat ma’ terz bil-għan li tikseb kundizzjonijiet iktar vantaġġużi għall-avukati membri tal-imsemmija kamra, l-obbligu ta’ ħlas tal-imsemmija kontribuzzjonijiet huwa ta’ natura kuntrattwali u, għaldaqstant, azzjoni mibdija bil-għan li tinkiseb l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

34

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li għad-domanda magħmula tingħata risposta bil-mod kif ġej:

l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li tilwima dwar l-obbligu ta’ avukat li jħallas kontribuzzjonijiet professjonali annwali dovuti minnu lill-kamra tal-avukati li tagħha huwa membru taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament biss sakemm, bit-talba tagħha lil dan l-avukat sabiex jeżegwixxi dan l-obbligu, din il-kamra ma taġixxix, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, fl-eżerċizzju ta’ prerogattiva ta’ awtorità pubblika, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

il-punt l(a) tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni li permezz tagħha kamra tal-avukati titlob il-kundanna ta’ wieħed mill-membri tagħha għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet professjonali annwali dovuti minnu u li għandhom essenzjalment bħala għan li jiffinanzjaw servizzi, bħalma huma servizzi ta’ assigurazzjoni, għandha titqies li tikkostitwixxi azzjoni fl-ambitu ta’ “materji kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn dawn il-kontribuzzjonijiet jikkostitwixxu l-korrispettiv għal servizzi pprovduti minn din il-kamra lill-membri tagħha u sa fejn dawn is-servizzi jkunu liberament ikkonsentiti mill-membru kkonċernat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li tilwima dwar l-obbligu ta’ avukat li jħallas kontribuzzjonijiet professjonali annwali dovuti minnu lill-kamra tal-avukati li tagħha huwa membru taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament biss sakemm, bit-talba tagħha lil dan l-avukat sabiex jeżegwixxi dan l-obbligu, din il-kamra ma taġixxix, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, fl-eżerċizzju ta’ prerogattiva ta’ awtorità pubblika, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Il-punt l(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni li permezz tagħha kamra tal-avukati titlob il-kundanna ta’ wieħed mill-membri tagħha għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet professjonali annwali dovuti minnu u li għandhom essenzjalment bħala għan li jiffinanzjaw servizzi, bħalma huma servizzi ta’ assigurazzjoni, għandha titqies li tikkostitwixxi azzjoni fl-ambitu ta’ “materji kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn dawn il-kontribuzzjonijiet jikkostitwixxu l-korrispettiv għal servizzi pprovduti minn din il-kamra lill-membri tagħha u sa fejn dawn is-servizzi jkunu liberament ikkonsentiti mill-membru kkonċernat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top