EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0418

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
Patrick Grégor Puppinck et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini ‘Wieħed Minna’ – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha u r-raġunijiet għalfejn mhux ser jittieħdu l-azzjonijiet mitluba fl-inizjattiva taċ-ċittadini.
Kawża C-418/18 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1113

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Appell – Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini ‘Wieħed Minna’ – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha u r-raġunijiet għalfejn mhux ser jittieħdu l-azzjonijiet mitluba fl-inizjattiva taċ-ċittadini”

Fil-Kawża C‑418/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑22 ta’ Ġunju 2018,

Patrick Grégor Puppinck, residenti fi Strasbourg (Franza),

Filippo Vari, residenti f’Ruma (l-Italja),

Josephine Quintavalle, residenti f’Londra (ir-Renju Unit),

Edith Frivaldszky, residenti f’Tata (l-Ungerija),

Jakub Baltroszewicz, residenti f’Kraków (il-Polonja),

Alicia Latorre Canizares, residenti f’Cuenca (Spanja),

Manfred Liebner, residenti f’Zeitlofs (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn R. Kiska, solicitor, u minn P. Diamond, barrister,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:

European Citizens’ Initiative One of Us,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Krämer, bħala aġent,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika tal-Polonja,

Il-Parlament Ewropew,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, S. Rodin (Relatur), P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Marzu 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Patrick Grégor Puppinck, Filippo Vari, Jakub Baltroszewicz u Manfred Liebner kif ukoll Josephine Quintavalle, Edith Frivaldszky u Alicia Latorre Canizares jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni (T‑561/14, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2018:210), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2014) 355 final tat‑28 ta’ Mejju 2014 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej imsejħa “Wieħed Minna” (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Il-premessa 1 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1, rettifika fil‑ĠU 2012, L 94, p. 49, fil-ĠU 2014, L 354, p. 90) hija fformulata kif ġej:

“It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirrinforza ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprovdi, inter alia, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Dik il-proċedura tagħti liċ-ċittadini l-possibbiltà li l-Kummissjoni tiġi avviċinata direttament b’talba li fiha jistednuha tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati b’mod simili għad-dritt mogħti lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u lill-Kunsill skont l-Artikolu 241 TFUE.”

3

Il-premessa 20 ta’ dan ir-regolament tipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha teżamina inizjattiva taċ-ċittadini u tistipula l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha b’mod separat. Hija għandha tistipula wkoll l-azzjoni li tkun biħsiebha tieħu b’rispons għaliha, f’perijodu ta’ tliet xhur. Sabiex turi li inizjattiva taċ-ċittadini appoġġata minn tal-anqas miljun ċittadin tal-Unjoni u s-segwitu possibbli tagħha jiġu eżaminati bir-reqqa, il-Kummissjoni għandha tispjega b’mod ċar, li jinftiehem u b’mod dettaljat ir-raġunijiet għall-azzjoni li tkun biħsiebha tieħu, u għandha wkoll tagħti r-raġunijiet tagħha jekk ma tkun biħsiebha tieħu l-ebda azzjoni. Meta l-Kummissjoni tkun irċeviet inizjattiva taċ-ċittadini appoġġjata min-numru meħtieġ ta’ firmatarji li tkun tissodisfa r-rekwiżiti l-oħra ta’ dan ir-Regolament, l-organizzaturi għandhom ikunu intitolati li jippreżentaw dik l-inizjattiva waqt seduta tas-smigħ pubblika fil-livell tal-Unjoni.”

4

Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘Inizjattiva taċ-ċittadini’ tfisser inizjattiva ppreżentata lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, li tistieden lill-Kummissjoni, fl-ambitu tas-setgħat tagħha, biex tippreżenta kwalunkwe proposta adatta dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li att legali tal-Unjoni hu meħtieġ għall-għan tal-implimentazzjoni tat-Trattati, li tkun irċeviet l-appoġġ ta’ mill-anqas miljun firmatarju eliġibbli li jkunu ġejjin minn kwart tal-Istati Membri kollha”.

5

L-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprovdi:

“1.   Qabel ma jibda l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mill-firmatarji għal inizjattiva taċ-ċittadini proposta, l-organizzaturi għandhom ikunu meħtieġa jirreġistrawha mal-Kummissjoni, filwaqt li jipprovdu l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, b’mod partikolari dwar is-suġġett u l-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

Dik l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, f’reġistru online li jkun disponibbli għal dak il-għan mill-Kummissjoni (‘ir-reġistru’).

L-organizzaturi għandhom jipprovdu, għar-reġistru u fejn ikun xieraq fuq il-websajt tagħhom, informazzjoni aġġornata b’mod regolari dwar is-sorsi ta’ appoġġ u l-iffinanzjar għall-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

Wara li r-reġistrazzjoni tkun ikkonfermata skont il-paragrafu 2, l-organizzaturi jistgħu jipprovdu l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni biex tiddaħħal fir-reġistru. It-traduzzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni għandha tkun ir-responsabbiltà tal-organizzaturi.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi punt ta’ kuntatt li jagħti informazzjoni u assistenza.

2.   Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-informazzjoni stipulata fl-Anness II, il-Kummissjoni għandha tirreġistra proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini taħt numru ta’ reġistrazzjoni uniku u tibgħat konferma lill-organizzaturi, bil-kondizzjoni li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kumitat taċ-ċittadini jkun ġie ffurmat u l-persuni ta’ kuntatt ikunu ġew maħtura skont l-Artikolu 3(2);

(b)

l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati;

(c)

l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma tkunx manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja; u

(d)

l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma tkunx manifestament kuntrarja għall-valuri tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 2 TUE.”

6

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Preżentazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni”, jistipula, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Wara li jkunu kisbu ċ-ċertifikati previsti fl-Artikolu 8(2), u bil-kondizzjoni li l-proċeduri u l-kondizzjonijiet rilevanti kollha stipulati f’dan ir-Regolament ikunu ġew irrispettati, l-organizzaturi jistgħu jissottomettu l-inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni, akkumpanjata mill-informazzjoni rigward kwalunkwe appoġġ u ffinanzjar li jkunu rċevew għal dik l-inizjattiva. Dik l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata fir-reġistru.”

7

L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Meta l-Kummissjoni tirċievi inizjattiva taċ-ċittadini skont l-Artikolu 9 hija għandha:

(a)

tippubblika l-inizjattiva taċ-ċittadini mingħajr dewmien fir-reġistru;

(b)

tirċievi lill-organizzaturi f’livell xieraq biex tippermettilhom jispjegaw fid-dettall il-kwistjonijiet imqajma mill-inizjattiva taċ-ċittadini;

(c)

fi żmien tliet xhur, tistabbilixxi f’komunikazzjoni l-konklużjonijiet finali legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ser tieħu, u r-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tieħux dik l-azzjoni.

2.   Il-komunikazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi notifikata lill-organizzaturi kif ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha ssir pubblika.”

8

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 211/2011, intitolat “Smigħ pubbliku”, jipprovdi:

“Meta l-kondizzjonijiet tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 10(1) ikunu sodisfatti, u sal-iskadenza stipulata fil-punt (c) tal-Artikolu 10(1), l-organizzaturi għandhom jingħataw l-opportunità li jippreżentaw l-inizjattiva taċ-ċittadini waqt smigħ pubbliku. Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew għandhom jiżguraw li dan is-smigħ jiġi organizzat fil-Parlament Ewropew, jekk ikun xieraq flimkien ma’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni li juru x-xewqa li jipparteċipaw, u li l-Kummissjoni tkun rappreżentata f’livell xieraq.”

9

L-Anness II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Informazzjoni meħtieġa għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini”, huwa fformulat kif ġej:

“L-informazzjoni li ġejja għandha tkun provduta sabiex tiġi reġistrata inizjattiva taċ-ċittadini proposta fir-reġistru online tal-Kummissjoni:

1.

It-titolu tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, f’mhux aktar minn 100 karattru;

2.

Is-suġġett, f’mhux aktar minn 200 karattru;

3.

Deskrizzjoni tal-għanijiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li fuqha l-Kummissjoni hija mistiedna taġixxi, f’mhux aktar minn 500 karattru;

4.

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati meqjusa rilevanti mill-organizzaturi għall-azzjoni proposta;

[…]

L-organizzaturi jistgħu jipprovdu aktar informazzjoni dettaljata dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-isfond tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta f’anness. Jekk jixtiequ, jistgħu wkoll jippreżentaw abbozz ta’ att legali.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

10

Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 30 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

11

Fil‑11 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011, irreġistrat il-proposta tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Wieħed Minna” (iktar ’il quddiem l-“IĊE kontenzjuża”).

12

Is-suġġett tal-IĊE kontenzjuża kien “[i]l-protezzjoni ġuridika tad-dinjità, tad-dritt tal-ħajja u tal-integrità ta’ kull bniedem sa mill-konċepiment f’oqsma ta’ kompetenza tal-[Unjoni Ewropea] meta din il-protezzjoni tkun partikolarment importanti”.

13

L-għanijiet ta’ din l-IĊE kienu deskritti kif ġej:

“Kull embrijun uman jixraqlu rispett għad-dinjità u l-integrità tiegħu. U dan tħeġġu l-[Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea] fil-kawża Brüstle, meta tiddefinixxi li l-embrijun tal-bniedem hu l-bidu tal-iżvilupp tal-bniedem. Għaldaqstant, sabiex l-[Unjoni] tiżgura konsistenza f’kull qasam ta’ kompetenza tagħha li jkollu x’jaqsam mal-embrijun uman, din għandha tistabbilixxi projbizzjoni u ttemm il-finanzjament ta’ attivitajiet li jippreżupponu l-qerda tal-embrijuni umani, b’mod partikolari l-oqsma tar-riċerka, l-għajnuna għall-iżvilupp u s-saħħa pubblika.”

14

F’anness mehmuż mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-IĊE kontenzjuża, kienu proposti tliet emendi għal atti tal-Unjoni, li kienu jeżistu jew li kienu proposti. L-organizzaturi ta’ din l-IĊE talbu, fl-ewwel lok, li jiddaħħal artikolu ġdid fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74) li jistipula li l-għoti ta’ fondi tal-Unjoni għal attivitajiet li jeqirdu l-embrijuni umani jew li jippresupponu l-qerda tagħhom għandu jkun ipprojbit. Fit-tieni lok, dawn ipproponew li jiddaħħal subparagrafu ġdid fl-Artikolu 16(3) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 (2014‑2020) (COM(2011) 809 final), li jeskludi minn finanzjament taħt dan il-programm qafas l-attivitajiet ta’ riċerka li jeqirdu l-embrijuni umani, b’mod partikolari dawk intiżi għall-ksib ta’ ċelloli staminali, u attivitajiet ta’ riċerka li jinvolvu l-użi ta’ ċelloli staminali tal-embrijuni umani fi stadji suċċessivi għall-kisba tagħhom. Fit-tielet lok, huma pproponew li jiżdied paragrafu 5 fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU 2006, L 378, p. 41), li jipprevedi, essenzjalment, li l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni ma għandhiex isservi, direttament jew indirettament, għall-finanzjament tal-abort.

15

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati meqjusa rilevanti mill-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża kienu l-Artikoli 2 u 17 TUE kif ukoll l-Artikolu 4(3) u (4) u l-Artikoli 168, 180, 182, 209, 210 u 322 TFUE.

16

Fit‑28 ta’ Frar 2014, konformement mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 211/2011, l-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża ppreżentawha lill-Kummissjoni.

17

Fid‑9 ta’ April 2014, konformement mal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, rappreżentanti tal-Kummissjoni rċevew l-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża. L-għada, konformement mal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, dawn ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw din l-IĊE waqt smigħ pubbliku organizzat fil-Parlament Ewropew.

18

Fit‑28 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat, abbażi tal-Artikolu 10(1)(c) tal-istess regolament, il-komunikazzjoni kontenzjuża, maqsuma f’erba’ partijiet, li fiha hija indikat li ma kienet ser tieħu l-ebda azzjoni wara l-IĊE kontenzjuża.

19

Taħt il-punt 1 ta’ din il-komunikazzjoni, intitolat “Introduzzjoni”, il-Kummissjoni ppreżentat, b’mod partikolari, is-suġġett u l-għanijiet tal-IĊE kontenzjuża kif ukoll it-tliet emendi leġiżlattivi proposti.

20

Taħt il-punt 2 tal-imsemmija komunikazzjoni, intitolat “Is-sitwazzjoni attwali”, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, esponiet l-istat attwali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem u ppreċiżat il-kompetenzi tal-Unjoni f’dan ir-rigward billi osservat, b’mod partikolari, li l-kwistjoni dwar jekk ir-riċerka xjentifika li tagħmel użu mill-embrijuni umani tistax issir u tiġi ffinanzjata mill-Unjoni ma kinitx indirizzata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21

It-tieni nett, il-Kummissjoni esponiet l-istat tar-riċerka fuq iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni umani (iktar ’il quddiem ir-“riċerka fuq iċ-ĊSEU”), il-kompetenzi u l-azzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni f’dan il-qasam, kif ukoll il-mekkaniżmi stabbiliti mill-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dinjità tal-bniedem fil-kuntest tal-finanzjament ta’ din ir-riċerka. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kompetenzi tal-Unjoni, il-Kummissjoni rrilevat li r-riċerka fuq iċ-ĊSEU topera f’kuntest etiku strett li jinkludi sistema ta’ “triple lock” li tipprovdi, fl-ewwel lok, li l-proġetti tal-Unjoni għandhom jobdu l-liġijiet tal-pajjiż li fih saret ir-riċerka, fit-tieni lok, li l-proġetti kollha għandhom ikunu xjentifikament ivvalidati abbażi ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u jkunu suġġetti għal eżami etiku rigoruż u, fit-tielet lok, li l-fondi tal-Unjoni ma jistgħux jintużaw sabiex jiġu dderivati linji ta’ ċelloli staminali ġodda, u lanqas għal riċerka li tinvolvi l-qerda ta’ embrijuni umani.

22

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ppreżentat il-kompetenza u l-attivitajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda s-saħħa materna u tal-ulied fil-kuntest tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

23

Taħt il-punt 3 tal-komunikazzjoni kontenzjuża, intitolat “Valutazzjoni tat-talbiet tal-[IĊE]”, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għalfejn ma kellhiex l-intenzjoni li tieħu l-ebda waħda mill-azzjonijiet proposti mill-organizzaturi ta’ din l-IĊE.

24

L-ewwel nett, hija rrilevat li r-Regolament Finanzjarju kien diġà jiżgura li l-ispejjeż kollha tal-Unjoni, inklużi dawk sostnuti fl-oqsma tar-riċerka, tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp u tas-saħħa pubblika, kienu josservaw id-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja u d-dritt għall-integrità tal-bniedem.

25

It-tieni nett, hija ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet tal-Programm qafas “Horizon 2020” dwar ir-riċerka fuq iċ-ĊSEU kienu diġà jissodisfaw diversi talbiet importanti tal-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża, b’mod partikolari dik intiża sabiex l-Unjoni ma tiffinanzjax il-qerda ta’ embrijuni umani u li tistabbilixxi kontrolli xierqa.

26

Fl-aħħar nett, hija indikat li projbizzjoni ta’ finanzjament tal-abort ipprattikat fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, kif proposta mill-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża, ixxekkel il-kapaċità tal-Unjoni li tilħaq l-għanijiet stabbiliti fil-qasam tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

27

Il-punt 4 tal-komunikazzjoni kontenzjuża, intitolat “Il-konklużjonijiet”, jinkludi sunt tal-iżviluppi esposti fil-punti preċedenti ta’ din il-komunikazzjoni.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

28

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Lulju 2014, l-entità msejħa “European Citizens’ Initiative One of Us” kif ukoll is-seba’ persuni fiżiċi li huma l-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża u li jikkostitwixxu l-kumitat taċ-ċittadini ta’ din tal-aħħar ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tal-komunikazzjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, għall-annullament tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011.

29

B’digriet tas‑26 ta’ Novembru 2015, One of Us et vs Il‑Kummissjoni (T‑561/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:917), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn dan kien indirizzat kontra l-Artikolu 10(1)(c) ta’ dan ir-regolament. Il-Parlament u l-Kunsill, li ma setgħux iktar jiġu kkunsidrati bħala konvenuti fl-istanza, konformement mat-talba tagħhom, ġew ammessi bħala intervenjenti permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Novembru 2015.

30

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.

31

Wara li kkunsidrat, fil-punti 53 sa 65 ta’ din is-sentenza, li r-rikors kien inammissibbli sa fejn kien ġie ppreżentat mill-entità European Citizens’ Initiative One of Us, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 68 sa 101 tal-imsemmija sentenza, in-natura kontestabbli, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, tal-komunikazzjoni kontenzjuża. Hija qieset, fil-punt 77 tal-istess sentenza, li din il-komunikazzjoni kienet tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-appellanti, billi tbiddel s-sitwazzjoni legali tagħhom b’mod serju. Il-Qorti Ġenerali rrilevat f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni kienet obbligata tippreżenta komunikazzjoni, bħalma hija l-komunikazzjoni kontenzjuża, li tesponi l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini inkwistjoni. Għaldaqstant, hija kkunsidrat li r-rikors ippreżentat kontra din il-komunikazzjoni kien ammissibbli.

32

Fir-rigward tal-eżami fuq il-mertu ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 105 sa 118 tas-sentenza appellata, l-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 minħabba n-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ proposta ta’ att ġuridiku bħala tweġiba għall-IĊE kontenzjuża, minħabba li l-Kummissjoni għandha, skont kemm din id-dispożizzjoni kif ukoll l-Artikoli 11 TUE u 24 TFUE, is-setgħa li tieħu azzjoni wara IĊE. Il-Qorti Ġenerali fakkret f’dan ir-rigward li t-Trattati jagħtu lill-Kummissjoni kważi monopolju fuq l-inizjattiva leġiżlattiva.

33

Għall-istess raġunijiet, fil-punti 122 sa 125 tas-sentenza appellata, hija ċaħdet it-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(4) TUE.

34

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 128 sa 132 ta’ din is-sentenza, it-tielet motiv tar-rikors, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, moqri fid-dawl tal-premessa 20 ta’ dan tal-aħħar, peress li ma ppreżentatx, b’mod separat, il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE kontenzjuża. F’dan ir-rigward, hija fakkret li, għalkemm din il-premessa tipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta separatament il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha, din ma tistax tinftiehem bħala li stabbilixxiet obbligu f’dan is-sens fuq il-Kummissjoni, peress li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti. Barra minn hekk, peress li mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 10 ma jirriżultax li l-Kummissjoni hija obbligata tipproċedi b’tali preżentazzjoni, hija ma tistax tiġi kkritikata li ma pproċedietx b’preżentazzjoni separata tal-konklużjonijiet tagħha. Għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, anki jekk jitqies li tali obbligu kien jeżisti, il-ksur tiegħu ma setax iwassal għall-annullament tal-komunikazzjoni kontenzjuża.

35

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll, fil-punti 141 sa 158 tas-sentenza appellata, ir-raba’ motiv tar-rikors, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba li l-elementi li jinsabu fil-komunikazzjoni kontenzjuża kienu suffiċjenti sabiex jippermettu lill-appellanti jifhmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni rrifjutat li tieħu azzjoni wara l-IĊE kontenzjuża. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-argument li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni billi la ddefinixxiet u lanqas ikkjarifikat l-istatus legali tal-embrijun uman fil-komunikazzjoni kontenzjuża kien ineffettiv u kellu jiġi miċħud, peress li n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni kellha tiġi evalwata biss fir-rigward tal-għan tal-IĊE kontenzjuża.

36

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 168 sa 183 tas-sentenza appellata, il-ħames motiv tar-rikors, li kien jirrigwarda żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni kontenzjuża.

37

F’dan ir-rigward hija kkunsidrat li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ inizjattiva leġiżlattiva, id-deċiżjoni tagħha li ma tissottomettix proposta ta’ att ġuridiku lil-leġiżlatur kellha tkun suġġetta għal stħarriġ ristrett.

38

Il-Qorti Ġenerali qieset, l-ewwel nett, fil-punti 172 sa 175 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669), ma kinitx rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-komunikazzjoni kontenzjuża, peress li din is-sentenza tikkonċerna biss il-kwistjoni tan-natura brevettabbli tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi u ma tittrattax dik tal-finanzjament tal-attivitajiet ta’ riċerka li jimplikaw jew jippresupponu l-qerda ta’ embrijuni umani.

39

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 176 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinux urew l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-approċċ etiku tal-Kummissjoni fir-rigward tar-riċerka fuq iċ-ĊSEU. Hija ċaħdet ukoll, minħabba li ma kinitx suffiċjentement żviluppata, l-allegazzjoni tagħhom li din ir-riċerka ma kinitx neċessarja.

40

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 180 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni lanqas kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi bbażat ruħha fuq pubblikazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li tgħid li teżisti rabta bejn l-aborti mhux siguri u l-imwiet materni, sabiex minn dan ġie dedott li l-projbizzjoni ta’ finanzjament tal-abort tostakola l-kapaċità tal-Unjoni li tilħaq l-għan relatat mat-tnaqqis tal-imwiet materni.

41

Fl-aħħar u r-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 182 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kienet wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ddeċidiet li ma tissottomettix lil-leġiżlatur tal-Unjoni proposta ta’ emenda tar-Regolament Finanzjarju sabiex jiġi pprojbit il-finanzjament tal-attivitajiet li jidhru li huma kuntrarji għad-dinjità tal-bniedem u għad-drittijiet tal-bniedem.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

42

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla l-komunikazzjoni kontenzjuża, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

43

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

44

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

45

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet, fil-punti 118 u 125 tas-sentenza appellata, l-argument tagħhom dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(4) TUE u tar-Regolament Nru 211/2011. Huma jqisu li l-Qorti Ġenerali injorat in-natura speċifika tal-imsemmi mekkaniżmu meta ddeċidiet, fil-punti 111 u 113 tas-sentenza appellata, li l-kważi monopolju fuq l-inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni ma kienx affettwat bl-istabbiliment tal-mekkaniżmu tal-IĊE.

46

L-appellanti jikkunsidraw li, għalkemm l-Artikolu 17(2) TUE jipprevedi li att leġiżlattiv tal-Unjoni jista’ jiġi adottat biss fuq proposta tal-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax madankollu tiġi interpretata fis-sens li tagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali illimitata fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi dwar kwistjonijiet li kienu s-suġġett ta’ inizjattiva taċ-ċittadini li tkun irċeviet l-appoġġ meħtieġ, fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 211/2011. Mis-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2015:217) l-appellanti jiddeduċu li s-setgħa diskrezzjonali ta’ inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni għandha tkun limitata meta din tiddeċiedi li ma tippreżentax proposta ta’ att leġiżlattiv wara IĊE, peress li l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex tostakola l-għanijiet ta’ IĊE għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala illegali.

47

Huma jsostnu li, minn naħa, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tippreżentax proposta leġiżlattiva wara IĊE għandha tiġi mmotivata, peress li r-raġunijiet għandhom ikunu sostnuti minn provi konvinċenti u li ma jmorrux kontra l-għan tal-IĊE inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, huma jqisu li s-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tal-politiki ġenerali u tal-għanijiet ta’ politika pubblika, taħt l-istħarriġ tal-qorti. Issa, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali la ttrattat u lanqas identifikat l-għanijiet ta’ politika pubblika tal-IĊE kontenzjuża u l-interdipendenza bejn it-Titolu III tat-Trattat TUE u l-Artikolu 24 TFUE li jirriżulta mir-Regolament Nru 211/2011.

48

L-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li l-mekkaniżmu tal-IĊE kellu biss bħala għan li “jistieden” lill-Kummissjoni li tissottometti proposta. Peress li l-Artikolu 11(4) TUE ma jipprovdix li huma biss il-persuni li jkunu kisbu mill-inqas miljun firma li jistgħu “jistiednu” lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri xierqa, l-appellanti jqisu li kull persuna jew kull grupp jista’ “jistieden” lill-Kummissjoni sabiex tieħu tali miżuri. Skonthom, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha, tal-ispejjeż u tad-diffikultajiet ta’ organizzazzjoni li din tinvolvi, IĊE ma tistax tiġi assimilata ma’ sempliċi “stedina” lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri xierqa.

49

L-appellanti jsostnu li l-interpretazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ IĊE adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 111, 113 u 124 tas-sentenza appellata ċċaħħad il-mekkaniżmu tal-IĊE minn kull effett utli u ma tippermettix li jiġi rrimedjat id-defiċit demokratiku tal-Unjoni.

50

Huma jqisu li, fid-dawl tal-influwenza tal-Kunsill u tal-Parlament fuq il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali messha rrikonoxxiet lil grupp ta’ mill-inqas miljun ċittadin li appoġġjaw IĊE bl-istess saħħa bħal dik li jgawdu minnha dawn l-istituzzjonijiet. Huma jikkunsidraw li s-setgħa tal-Kummissjoni dwar jekk tiħux azzjoni wara IĊE jew le għandha tkun ibbażata fuq kriterji ta’ evalwazzjoni li qorti tista’ tistħarreġ l-osservanza tagħhom. Skonthom, l-evalwazzjoni li twettqet mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata hija inkoerenti peress li l-eżistenza stess tal-istħarriġ tal-legalità tal-komunikazzjoni kontenzjuża, imwettqa mill-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza, issostni l-argument tagħhom li l-Kummissjoni ma hijiex libera li tiddeċiedi tiħux azzjoni jew le wara IĊE.

51

Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li r-Regolament Nru 211/2011 kellu jiġi interpretat fis-sens li kien jippermetti lill-Kummissjoni li ċċaħħad liċ-ċittadini mid-dritt tagħhom li jaraw, fil-kuntest ta’ IĊE, il-proposti tagħhom ta’ atti leġiżlattivi jiġu eżaminati mill-Parlament.

52

Il-Kummissjoni tfakkar li hija allegat quddiem il-Qorti Ġenerali li l-komunikazzjoni kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Hija tqis, fir-rigward tal-mertu, li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

L-Artikolu 11(4) TUE, introdott permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, tissottometti proposta xierqa dwar kwistjonijiet li għalihom dawn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 23).

54

Id-dritt ta’ IĊE jikkostitwixxi, bħal fil-każ, b’mod partikolari, tad-dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament, strument relatat mad-dritt taċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, previst fl-Artikolu 10(3) TUE, sa fejn dan jippermettilhom jindirizzaw ruħhom direttament lill-Kummissjoni sabiex jippreżentawlha talba intiża sabiex din tiġi mistiedna tissottometti proposta ta’ att ġuridiku tal-Unjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 24).

55

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ IĊE ġew speċifikati fir-Regolament Nru 211/2011.

56

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, skont l-Artikolu 11(4) TUE u r-Regolament Nru 211/2011, li tissottometti proposta ta’ att leġiżlattiv wara l-IĊE kontenzjuża.

57

F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 11(4) TUE jirriżulta li l-IĊE hija intiża sabiex “titlob” lill-Kummissjoni tissottometti proposta xierqa għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, u mhux, kif isostnu l-appellanti, sabiex tobbliga lil din l-istituzzjoni li tieħu l-azzjoni jew l-azzjonijiet previsti mill-IĊE inkwistjoni. Din l-interpretazzjoni testwali hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 211/2011, li jiddefinixxi l-“inizjattiva taċ-ċittadini” bħala inizjattiva ppreżentata lill-Kummissjoni, konformement ma’ dan ir-regolament, “li tistieden” lil din l-istituzzjoni li tippreżenta proposta bħal dik imsemmija fl-Artikolu 11(4) TUE. Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 10(1)(c) u tal-premessa 20 tal-imsemmi regolament jirriżulta li, meta tirċievi IĊE, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-azzjoni li hija biħsiebha, jekk ikun il-każ, tieħu, u r-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tiħux azzjoni, li jikkonferma li l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta ta’ att tal-Unjoni wara IĊE għandha natura fakultattiva.

58

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jinsab il-mekkaniżmu tal-IĊE, ma jistax, kif sostniet il-Kummissjoni, jiġi dedott mis-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2015:217), li kienet tikkonċerna l-irtirar, mill-Kummissjoni, ta’ proposta ta’ att tal-Unjoni matul il-proċess leġiżlattiv, li din l-istituzzjoni hija obbligata tippreżenta proposta ta’ att tal-Unjoni wara IĊE.

59

Għall-kuntrarju, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, kemm l-Artikolu 17(2) TUE kif ukoll l-Artikolu 289 TFUE jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva, li jimplika li hija din l-istituzzjoni li għandha tiddeċiedi li tippreżenta, jew le, proposta ta’ att leġiżlattiv, minbarra l-każ fejn hija tkun obbligata, skont id-dritt tal-Unjoni, li tippreżenta tali proposta. Bis-saħħa ta’ din is-setgħa, fil-każ ta’ preżentazzjoni ta’ proposta ta’ att leġiżlattiv, hija wkoll il-Kummissjoni li għandha, konformement mal-Artikolu 17(1) TUE, tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan l-għan, sabiex tiddetermina s-suġġett, l-iskop kif ukoll il-kontenut ta’ din il-proposta (sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 70).

60

Din is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni hija waħda mill-espressjonijiet tal-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali, li huwa karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li jimplika li kull waħda mill-istituzzjonijiet għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawk tal-oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif dan jrriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 211/2011, l-IĊE hija intiża sabiex tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni dritt paragunabbli għal dak li għandhom, skont, rispettivament, l-Artikoli 225 u 241 TFUE, il-Parlament u l-Kunsill li jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tissottometti kull proposta xierqa għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati. Issa, minn dawn iż-żewġ artikoli jirriżulta li d-dritt hekk irrikonoxxut lill-Parlament u lill-Kunsill ma jippreġudikax is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni, li tibqa’ libera li ma tissottomettix proposta sakemm hija tikkomunika r-raġunijiet għal dan lill-istituzzjoni kkonċernata. Għaldaqstant, IĊE ppreżentata abbażi tal-Artikolu 11(4) TUE u tar-Regolament Nru 211/2011 ukoll ma tistax taffettwa din is-setgħa.

62

Barra minn hekk, l-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni hija obbligata, fi kwalunkwe każ, li tilqa’ l-proposti li jinsabu f’IĊE rreġistrata u li tkun ġabret l-appoġġ neċessarju ma jistax jiġi rrikonċiljat mas-setgħa diskrezzjonali li tgawdi minnha l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(1) TUE, fil-kompitu tagħha li tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u li tieħu kull inizjattiva xierqa għal dan l-għan, kif ukoll mal-obbligu ġenerali li din l-istituzzjoni għandha, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li taġixxi b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ inizjattiva tagħha.

63

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li l-kważi monopolju fuq l-inizjattiva leġiżlattiva mogħti mit-Trattati lill-Kummissjoni ma huwiex affettwat mid-dritt għal IĊE previst fl-Artikolu 11(4) TUE.

64

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-interpretazzjoni tal-mekkaniżmu tal-IĊE mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ċċaħħad lil dan il-mekkaniżmu minn kull effett utli, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(1) TUE, il-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva, li tikkonkretizza l-valur ta’ demokrazija. Din tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 2 TUE, waħda mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni.

65

Din is-sistema ta’ demokrazija rappreżentattiva ġiet ikkompletata, permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, permezz ta’ strumenti ta’ demokrazija parteċipattiva, bħall-mekkaniżmu tal-IĊE, li għandhom l-għan li jiffavorixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku u li jippromwovu d-djalogu bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Issa, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-għan jagħmel parti mill-ekwilibriju istituzzjonali preeżistenti u huwa eżerċitat fil-limiti tas-setgħat mogħtija lil kull istituzzjoni tal-Unjoni permezz tat-Trattati, peress li l-awturi tagħhom ma kellhomx l-intenzjoni, permezz tal-istabbiliment ta’ dan il-mekkaniżmu, li jċaħħdu lill-Kummissjoni mis-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva li hija rrikonoxxuta lilha permezz tal-Artikolu 17 TUE.

66

Dan premess, il-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu azzjoni wara IĊE ma jfissirx li tali inizjattiva tkun imċaħħda minn effett utli.

67

Fil-fatt, IĊE li tkun ġiet irreġistrata skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011 u li tosserva l-proċeduri u l-kundizzjonijiet kollha previsti minn dan tal-aħħar tagħti bidu għal sensiela ta’ obbligi speċifiċi għall-Kummissjoni, elenkati fl-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-regolament.

68

Qabel kollox, minn meta tirċievi IĊE, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 10(1)(a) ta’ dan ir-regolament, tippubblikaha mingħajr dewmien fir-reġistru previst għal dan l-għan, sabiex tagħti lill-pubbliku l-għarfien dwar il-kwistjonijiet, li jinsabu f’din l-IĊE, li fir-rigward tagħhom iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att ġuridiku tal-Unjoni. Sussegwentement, skont il-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata tilqa’, f’livell xieraq, lill-organizzaturi ta’ IĊE li tkun ġabret l-appoġġ ta’ mill-inqas miljun firmatarju, sabiex dawn ikunu jistgħu jesponu fid-dettall il-kwistjonijiet imqajma minn din l-IĊE. Fl-aħħar nett, il-punt (c) tal-imsemmija dispożizzjoni jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta, permezz ta’ komunikazzjoni, il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ikun il-każ, kif ukoll ir-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tiħux din l-azzjoni.

69

Mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 211/2011 jirriżulta wkoll li l-organizzaturi ta’ IĊE li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw din l-inizjattiva matul smigħ pubbliku, organizzat fil-Parlament, jekk ikun il-każ flimkien mal-istituzzjonijiet u mal-korpi l-oħra tal-Unjoni li jixtiequ jipparteċipaw, u fil-preżenza tal-Kummissjoni, u dan jiggarantixxilhom aċċess ipprivileġġat għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

70

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li ċ-ċaħda tal-argument tal-appellanti fir-rigward tal-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni wara l-IĊE kontenzjuża ma ċċaħħadx il-mekkaniżmu tal-IĊE minn effett utli. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-valur miżjud partikolari ta’ dan il-mekkaniżmu jinsab mhux fiċ-ċertezza tal-eżitu tiegħu, iżda fil-possibbiltajiet u fl-opportunitajiet li dan joħloq għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jingħata bidu għal dibattitu politiku fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħha mingħajr ma jkollhom jistennew li tinbeda proċedura leġiżlattiva.

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tqis, fil-punti 105 sa 118 tas-sentenza appellata, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, adottata mill-appellanti, hija żbaljata fil-liġi. Hija wkoll ġustament ċaħdet, fil-punti 122 sa 125 tas-sentenza appellata, l-argument tal-appellanti li l-Artikolu 11(4) TUE jagħti bidu għal obbligu għall-Kummissjoni li tibda proċedura leġiżlattiva wara IĊE tiġi rreġistrata u tirċievi l-appoġġ meħtieġ.

72

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

73

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 128 u 132 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, li tippreżenta b’mod separat il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE li ġew sottomessi lilha. Huma jsostnu li din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, li minnha jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tippreżenta l-konklużjonijiet “legali” u “politiċi” tagħha b’mod separat.

74

Il-Kummissjoni tqis, filwaqt li taqbel mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat la sabiex issir deroga minn dispożizzjoni u lanqas sabiex din id-dispożizzjoni tiġi interpretata f’sens manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħha, li dan it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

75

Il-preambolu ta’ att tal-Unjoni jista’ jispeċifika l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 76). Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-premessi ta’ att tal-Unjoni jikkostitwixxu, fil-fatt, elementi importanti ta’ interpretazzjoni, li huma ta’ natura li jiċċaraw ir-rieda tal-awtur ta’ dak l-att.

76

Għall-kuntrarju, il-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat la sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b’mod manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, Deutsches Milch‑Kontor, C‑136/04, EU:C:2005:716, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret, fil-punt 128 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza stabbilita dwar il-valur legali ta’ preambolu, ikkunsidrat, fil-punti 129 u 130 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx suġġetta għall-obbligu li tippreżenta b’mod separat il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha, peress li dan l-obbligu, li jinsab fil-premessa 20 tar-Regolament Nru 211/2011, ma huwiex inkluż fl-Artikolu 10(1)(c) tal-imsemmi regolament. Għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kienet obbligata, skont din id-dispożizzjoni, li tippreżenta b’mod separat il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha, dan l-obbligu jkun biss wieħed formali, b’mod li l-ksur tiegħu ma jwassalx għall-annullament tal-komunikazzjoni kontenzjuża.

78

Għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjonijiet rispettivi tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 u tal-premessa 20 ta’ dan ir-regolament huma differenti biss sa fejn din il-premessa biss tagħmel riferiment għal preżentazzjoni “separata” mill-Kummissjoni tal-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha. Għalhekk, tali riferiment jippreċiża l-obbligu li għandha l-Kummissjoni bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjoni.

79

F’dan ir-rigward, it-terminu “b’mod separat”, użat fil-premessa 20 tal-imsemmi regolament, għandu jinftiehem fis-sens li kemm il-konklużjonijiet legali kif ukoll il-konklużjonijiet politiċi tal-Kummissjoni għandhom jidhru fil-komunikazzjoni dwar l-IĊE inkwistjoni b’mod li jippermetti li wieħed jifhem in-natura legali u politika tar-raġunijiet inklużi f’din il-komunikazzjoni.

80

Madankollu, l-imsemmi terminu ma jistax jinftiehem bħala li jimponi obbligu ta’ separazzjoni formali tal-konklużjonijiet legali, minn naħa, u tal-konklużjonijiet politiċi, min-naħa l-oħra, obbligu li l-ksur tiegħu jista’ jiġi ssanzjonat permezz tal-annullament tal-komunikazzjoni inkwistjoni.

81

F’dan il-każ, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-punti 13 sa 30 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-komunikazzjoni kontenzjuża tissodisfa r-rekwiżit imsemmi fil-punt 79 ta’ din is-sentenza.

82

Minn dan isegwi li l-argument żviluppat mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni aggravju ma jistax, fi kwalunkwe każ, jirnexxi.

83

Għalhekk, dan it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

84

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 170 tas-sentenza appellata billi kkunsidrat li l-komunikazzjoni kontenzjuża kellha tkun suġġetta għal stħarriġ ristrett tal-Qorti Ġenerali, limitat għall-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Huma jqisu, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq ġurisprudenza li ma tapplikax għall-mekkaniżmu tal-IĊE u, min-naħa l-oħra, li hija ma pproponiet l-ebda kriterju li jippermetti li ssir distinzjoni bejn l-iżbalji “manifesti” u dawk li ma humiex.

85

L-appellanti jsostnu, b’mod iktar partikolari, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta rrikonoxxiet lill-Kummissjoni, meta din tippreżenta komunikazzjoni wara IĊE, setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tista’ titqabbel ma’ dik li hija għandha fil-qasam tal-politika soċjoekonomika. Huma jżidu li l-Qorti Ġenerali ma esponietx il-motivi għalfejn ibbażat ruħha b’analoġija fuq is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2005, Rica Foods vs Il‑Kummissjoni (C‑40/03 P, EU:C:2005:455), li madankollu hija sentenza li ma hijiex trasponibbli għall-mekkaniżmu tal-IĊE.

86

Il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju huwa infondat.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

87

Fil-punt 169 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha, il-Kummissjoni għandha tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, sa fejn, permezz ta’ dan l-eżerċizzju, hija mitluba, skont l-Artikolu 17(1) TUE, tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni billi twettaq, eventwalment, arbitraġġi diffiċli bejn interessi diverġenti. Konsegwentement, hija qieset, fil-punt 170 ta’ dik is-sentenza, li l-komunikazzjoni kontenzjuża għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju ristrett.

88

F’dan ir-rigward, kif ġie enfasizzat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiħux azzjoni wara IĊE li tkun ġiet irreġistrata u li tkun ġabret l-appoġġ meħtieġ taqa’ taħt l-eżerċizzju, minn din l-istituzzjoni, tas-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha stabbilita fl-Artikolu 17 TUE.

89

Issa, peress li, kif enfasizzat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 169 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni għandha, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, huwa wkoll ġust li ddeċidiet, fil-punt 170 tal-imsemmija sentenza, li l-komunikazzjoni kontenzjuża kienet suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju ristrett, u mhux għal stħarriġ komplet kif sostnew l-appellanti.

90

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li, għalkemm huwa minnu, kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il‑Parlament (C‑261/13 P, EU:C:2014:2423, punt 24), li deċiżjoni tal-Parlament dwar l-azzjoni li għandha tittieħed f’petizzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 227 TFUE taħrab mill-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, tali deċiżjoni hija madankollu distinta minn komunikazzjoni tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, b’diversi modi.

91

Fil-fatt, kuntrarjament għal tali petizzjoni, IĊE rreġistrata abbażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011 hija suġġetta, skont dan ir-regolament, għal kundizzjonijiet stretti u għal garanziji proċedurali preċiżi. Barra minn hekk, filwaqt li deċiżjoni tal-Parlament bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti taqa’ taħt setgħa diskrezzjonali “ta’ natura politika” (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Schönberger vs Il‑Parlament, C‑261/13 P, EU:C:2014:2423, punt 24), mill-Artikolu 10(1)(c) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata tippreżenta, permezz ta’ komunikazzjoni, il-konklużjonijiet tagħha, kemm legali kif ukoll politiċi, dwar l-IĊE inkwistjoni, l-azzjoni li biħsiebha tieħu kif ukoll ir-raġunijiet għalfejn biħsiebha tieħu jew ma tiħux din l-azzjoni.

92

Tali rekwiżiti huma intiżi mhux biss sabiex jinformaw, b’mod ċar, iddettaljat u li jinftiehem, lill-organizzaturi ta’ IĊE dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-inizjattiva tagħhom, iżda wkoll sabiex jippermettu lill-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni adottati konformement mal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011.

93

Fir-rigward tal-portata ta’ dan l-istħarriġ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, li l-imsemmi stħarriġ għandu jkun intiż sabiex jivverifika, minbarra n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-komunikazzjoni kontenzjuża, l-eżistenza, b’mod partikolari, ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw din il-komunikazzjoni.

94

F’dan ir-rigward, minn naħa għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu japplika, bħala prinċipju, għal kull att tal-Unjoni li jipproduċi effetti legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (CMR‑15), C‑687/15, EU:C:2017:803, punt 52). Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li hija l-awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 28).

95

Min-naħa l-oħra, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom, bħall-Kummissjoni f’dan il-każ, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u, b’mod partikolari, meta jkollhom jagħmlu għażliet ta’ natura, b’mod partikolari, politika u evalwazzjonijiet kumplessi, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet li fuqhom huwa bbażat l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu jikkonsisti f’li tiġi vverifikata l-assenza ta’ żbalji manifesti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punti 123124 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

96

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 169 u 170 tas-sentenza appellata, li l-komunikazzjoni kontenzjuża taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni u għandha, konsegwentement, tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju ristrett, intiż sabiex tiġi vverifikata, b’mod partikolari, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tagħha u l-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

97

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

98

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, wettqet żbalji ta’ liġi meta wettqet stħarriġ ristrett tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, wettqet stħarriġ mhux komplut tal-komunikazzjoni kontenzjuża.

99

B’mod iktar preċiż, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 159 sa 165 tas-sentenza appellata, identifikat l-iżbalji ta’ evalwazzjoni allegati u llimitat, fil-punti 166 sa 177 tal-imsemmija sentenza, l-istħarriġ tagħha għad-determinazzjoni tan-natura manifesta ta’ tali żbalji. Madankollu, skont l-appellanti, mill-punti 172 sa 183 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali applikat dan l-istħarriġ biss għal ċerti żbalji ta’ evalwazzjoni allegati.

100

F’dan ir-rigward, huma jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, minn naħa, billi naqset milli tikkonstata inkoerenza bejn il-projbizzjoni, stabbilita fis-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669), tal-ibbrevettar tal-invenzjonijiet li jippresupponu l-qerda ta’ embrijuni umani u l-finanzjament tar-riċerka fir-rigward ta’ tali invenzjonijiet u, min-naħa l-oħra, billi ma ddeduċietx minn dik is-sentenza li l-embrijun uman għandu jiġi rrikonoxxut bħala bniedem. Huma jikkunsidraw li l-punti 33 u 34 tal-imsemmija sentenza jistabbilixxu d-dinjità tal-bniedem bħala prinċipju ta’ dritt li jipprevali fuq id-dritt tal-privattivi u li għandu wkoll “jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi deċiża l-kontribuzzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Unjoni għall-qerda ta’ embrijuni umani”.

101

Fit-tieni lok, l-appellanti jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata li l-Kummissjoni kienet obbligata tesponi, minn qabel, l-istatus legali ta’ embrijun uman, sabiex ikun jista’ jinstab bilanċ bejn l-interessi tar-riċerka fuq iċ-ĊSEU u d-dinjità tal-embrijun uman. Skont dawn, ir-rikonoxximent mill-Kummissjoni tad-dinjità tal-bniedem tal-embrijun ma kienx ippermettilha tfittex bilanċ bejn din id-dinjità u kull interess tas-soċjetà kompetitur, peress li l-kunċett stess tad-dinjità tal-bniedem jipprojbixxi bbilanċjar bħal dan.

102

Fit-tielet lok, fir-rigward tar-riċerka fuq iċ-ĊSEU, l-appellanti jsostnu li d-dikjarazzjoni li s-sistema ta’ “triple lock” tikkostitwixxi kriterju adegwat mill-perspettiva etika sabiex jiġu evalwati l-proġetti ta’ riċerka hija manifestament żbaljata sa fejn tali sistema ma tipprekludix il-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka illegali u tikkostitwixxi wkoll inċentiv għall-Istati Membri sabiex inaqqsu l-istandards etiċi tagħhom. Huma jsostnu li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 176 tas-sentenza appellata, li l-approċċ etiku tal-Kummissjoni, li huwa differenti minn dak tal-IĊE kontenzjuża, ma huwiex ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, jikkostitwixxi żball ta’ liġi. Skont l-appellanti, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tiddetermina l-merti ta’ benefiċċji soċjoetiċi kompetituri sa fejn tali konstatazzjoni hija ta’ natura politika u mhux legali. L-appellanti jżidu li l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex komplut, minħabba li din tal-aħħar ma eżaminatx l-iżbalji ta’ evalwazzjoni allegati kollha. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali la eżaminat in-natura manifestament żbaljata tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sistema ta’ “triple lock” u lanqas esprimiet osservazzjonijiet addizzjonali dwar tali dikjarazzjonijiet.

103

Fir-raba’ lok, l-appellanti jsostnu li huwa manifestament paradossali li jiġi ddikjarat, mingħajr ma tiġi prodotta ebda prova f’dan ir-rigward, li l-provvista ta’ servizzi ta’ abort iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni tnaqqas l-aborti.

104

Fil-ħames lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, żnaturat l-argumenti tagħhom, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw, fir-realtà, il-fatt li l-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat l-impenji meħuda fil-kuntest tal-għanijiet tal-“Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju” (iktar ’il quddiem l-“MDGs”) u tal-Programm ta’ Azzjoni “Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp” (iktar ’il quddiem il-“KIPI”) bħala li jikkostitwixxu obbligi legali vinkolanti.

105

Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud minħabba li huwa infondat.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

106

Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat, fil-punti 173 sa 175 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni dwar jekk riċerka xjentifika li tinvolvi l-użu ta’ embrijuni umani tistax tiġi ffinanzjata minn fondi tal-Unjoni hija b’mod ċar distinta minn dik li wasslet għall-għoti tas-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669).

107

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 395), li l-interpretazzjoni tagħha kienet inkwistjoni fl-imsemmija sentenza, ma għandhiex l-għan li tirregola l-użu tal-embrijuni umani fil-kuntest ta’ riċerki xjentifiċi, peress li l-għan ta’ din id-direttiva huwa limitat għan-natura brevettabbli tal-invenzjonijiet teknoloġiċi (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, International Stem Cell, C‑364/13, EU:C:2014:2451, punt 22). Barra minn hekk, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669), ma tinkludi l-ebda evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li r-riċerki xjentifiċi li jużaw embrijuni umani fl-ebda każ ma jistgħu jiġu ffinanzjati mill-Unjoni.

108

Għaldaqstant, peress li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669), il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li din is-sentenza ma tistax tiġi invokata mill-appellanti sabiex tintwera l-inkoerenza fl-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-użu ta’ embrijuni umani fil-kuntest ta’ riċerki xjentifiċi.

109

Fit-tieni lok, l-argument tal-appellanti dwar l-obbligu ta’ kjarifika tal-istatus legali ta’ embrijun uman isemmi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 136 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-punt 156 tas-sentenza appellata li jikkonċerna r-raba’ motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni.

110

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u lil hinn mill-fatt li dan l-argument jirrepeti biss argument żviluppat fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kontra l-komunikazzjoni kontenzjuża, l-imsemmi argument ma jistax utilment isostni r-raba’ aggravju, ibbażat fuq l-assenza ta’ konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’din il-komunikazzjoni.

111

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti relatati mar-riċerka fuq iċ-ĊSEU, li skont dawn il-Qorti Ġenerali ddeterminat, fil-punti 176 u 177 tas-sentenza appellata, il-merti tal-benefiċċji soċjoetiċi kompetituri, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

112

Fil-fatt, mill-punt 176 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ppreżentat l-approċċi etiċi relatati mar-riċerka fuq iċ-ĊSEU li ġew segwiti, rispettivament, fl-IĊE kontenzjuża u mill-Kummissjoni. Hija kkunsidrat li l-approċċ ta’ din l-istituzzjoni ma kienx ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, fil-punt 177 tal-imsemmija sentenza, hija ċaħdet l-argument tal-appellanti bbażat fuq l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi għar-riċerka fuq iċ-ĊSEU li jrendu din ir-riċerka skaduta, bħala mhux suffiċjentement żviluppat.

113

Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma wettqet l-eżami tal-merti rispettivi ta’ approċċi soċjoetiċi kompetituri. Fil-fatt, hija vverifikat biss jekk il-Kummissjoni, fl-għażla tal-approċċ li hija ddeċidiet li tadotta, kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

114

Minn dan isegwi li l-argumenti tal-appellanti relatati mar-riċerka fuq iċ-ĊSEU għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

115

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument dwar l-allegat żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punti 179 u 180 tas-sentenza appellata, li jipprovdu li l-provvista ta’ servizzi ta’ abort iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni tnaqqas l-aborti, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

116

Fil-fatt, fil-punt 180 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat li, fil-komunikazzjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq pubblikazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, indikat il-fatt li t-titjib tas-sigurtà tas-servizzi tas-saħħa marbuta, b’mod partikolari, mal-abort jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-imwiet u tal-mard materni, fejn waħda mill-kawżi kienet il-prattika ta’ aborti mhux siguri.

117

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma kienet wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-finanzjament mill-Unjoni ta’ għadd ta’ servizzi tas-saħħa siguri u effikaċi, b’mod partikolari fil-qasam tal-abort, kien jikkontribwixxi għat-tnaqqis tan-numru ta’ aborti mhux siguri u, għaldaqstant, tar-riskju tal-imwiet u tal-mard materni. Minn dan isegwi li l-argument tal-appellanti għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

118

Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-iżnaturament tal-argument tal-appellanti riprodott fil-punt 164 tas-sentenza appellata, relatat mal-MDGs u mal-Programm ta’ Azzjoni tal-KIPI, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 146 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-imsemmi argument ma jistax, fi kwalunkwe każ, jintlaqa’ sa fejn il-komunikazzjoni kontenzjuża ma tinkludix dikjarazzjoni li l-MDGs u l-Programm ta’ Azzjoni tal-KIPI jinkludu obbligi legali vinkolanti.

119

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

120

Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrilevat, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li ma kienx neċessarju li jiġi kkjarifikat l-istatus legali tal-embrijun uman sabiex jiġu miċħuda t-tliet proposti ta’ emenda ta’ atti tal-Unjoni li kienu jeżistu jew li kienu proposti ssuġġeriti mill-IĊE kontenzjuża. L-għan tal-IĊE kontenzjuża ma jirrigwardax biss l-adozzjoni tat-tliet miżuri ssuġġeriti lill-Kummissjoni, iżda jikkonċerna prinċipalment il-protezzjoni legali tad-dinjità, tad-dritt għall-ħajja u tad-dritt għall-integrità ta’ kull bniedem mill-konċepiment. L-appellanti jikkunsidraw li l-Kummissjoni kienet obbligata tikkoopera mal-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża u li tippreżenta proposta ta’ att leġiżlattiv wara din tal-aħħar. Il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għan speċifiku ta’ din l-IĊE meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu azzjoni wara din tal-aħħar.

121

Il-Kummissjoni tqis li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

122

Permezz ta’ dan il-ħames aggravju, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tifhem l-IĊE kontenzjuża bħala li hija intiża biss għall-preżentazzjoni minn din l-istituzzjoni tat-tliet proposti leġiżlattivi li kienu deskritti f’din l-IĊE u mhux ukoll għat-tfassil ta’ definizzjoni jew ta’ kjarifika tal-istatus legali tal-embrijun uman.

123

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 211/2011 jirriżulta li l-organizzaturi ta’ IĊE, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, għandhom jipprovdu l-informazzjoni deskritta fl-Anness II tal-imsemmi regolament. Fost ir-rekwiżiti elenkati f’dan l-anness jinsabu t-titolu tal-proposta ta’ IĊE, is-suġġett tal-imsemmija IĊE, id-deskrizzjoni tal-għanijiet tagħha, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li l-organizzaturi jikkunsidraw rilevanti għall-azzjoni proposta. Barra minn hekk, l-organizzaturi jistgħu jannettu informazzjoni iktar iddettaljata dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-isfond tal-imsemmija IĊE jew abbozz ta’ att ġuridiku mal-applikazzjoni tagħhom għal reġistrazzjoni.

124

F’dan il-każ, mill-punti 2 sa 4 tas-sentenza appellata jirriżulta li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fir-reġistru li tqiegħed online mill-Kummissjoni għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-IĊE, l-ewwel nett, is-suġġett tal-IĊE kontenzjuża kien jikkonsisti fil-protezzjoni legali tad-dinjità, tad-dritt għall-ħajja u tad-dritt għall-integrità ta’ kull bniedem mill-konċepiment, fl-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni fejn din il-protezzjoni hija ta’ importanza partikolari.

125

It-tieni nett, din l-IĊE kellha bħala għan il-protezzjoni tad-dinjità u tal-integrità tal-embrijun uman wara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, EU:C:2011:669), li, skont l-organizzaturi, tiddefinixxi l-embrijun uman bħala l-bidu tal-proċess tal-iżvilupp tal-bniedem. L-organizzaturi indikaw, f’dan ir-rigward, li, sabiex tiġi żgurata koerenza fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, l-Unjoni għandha tipprojbixxi u ttemm il-finanzjament ta’ attivitajiet li jinvolvu l-qerda ta’ embrijuni umani, b’mod partikolari fl-oqsma tar-riċerka, tal-għajnuna għall-iżvilupp u tas-saħħa pubblika.

126

It-tielet nett, l-organizzaturi għamlu riferiment għall-Artikoli 2 u 17 TUE, għall-Artikolu 4(3) u (4), kif ukoll għall-Artikoli 168, 180, 182, 209, 210 u 322 TFUE bħala dispożizzjonijiet rilevanti.

127

L-organizzaturi tal-IĊE kontenzjuża kienu annettaw tliet proposti ta’ emenda ta’ atti tal-Unjoni li kienu jeżistu jew li kienu proposti mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħhom.

128

B’mod iktar preċiż, kif tfakkar fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, huma talbu, l-ewwel nett, li tiddaħħal, fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit tal-Unjoni, dispożizzjoni intiża li tipprojbixxi l-finanzjament mill-Unjoni ta’ attivitajiet li jeqirdu l-embrijuni umani jew li jippresupponu l-qerda tagħhom, it-tieni nett, li tiżdied, fi proposta għal regolament tal-Unjoni li jistabbilixxi l-Programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni, dispożizzjoni intiża li teskludi minn kull finanzjament skont dan il-programm qafas l-attivitajiet ta’ riċerka li jeqirdu embrijuni umani, b’mod partikolari dawk intiżi sabiex jinkisbu ċelloli staminali, u r-riċerka li tinvolvi l-użu ta’ ċelloli staminali tal-embrijuni umani fi stadji suċċessivi għall-kisba tagħhom, u, fit-tielet lok, li tiżdied, fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp, dispożizzjoni li tipprevedi, essenzjalment, li l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni ma għandhiex isservi, direttament jew indirettament, għall-finanzjament tal-abort.

129

Mill-elementi preċedenti jirriżulta li, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset li l-għan tal-IĊE kontenzjuża kien li tistieden lill-Kummissjoni li tippreżenta tliet proposti leġiżlattivi li jikkonsistu fl-emenda tal-atti tal-Unjoni, li kienu jeżistu jew li kienu proposti, relatati, rispettivament, mal-baġit tal-Unjoni, mar-riċerka u mal-innovazzjoni kif ukoll mal-kooperazzjoni fl-iżvilupp, u mhux li tiġi sottomessa wkoll proposta intiża sabiex tiddefinixxi jew tikkjarifika l-istatus legali tal-embrijun uman.

130

Konsegwentement, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

131

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

132

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

133

Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Patrick Grégor Puppinck, Filippo Vari, Jakub Baltroszewicz u Manfred Liebner kif ukoll Josephine Quintavalle, Edith Frivaldszky u Alicia Latorre Canizares huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.

Top