EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0379

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-21 ta’ Novembru 2019.
Deutsche Lufthansa AG vs Land Berlin.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Direttiva 2009/12/KE – Artikoli 3 u 6 – Artikolu 11(1) u (7) – Imposti ajruportwali – Protezzjoni tad-drittijiet tal-utenti tal-ajruporti – Possibbiltà għall-korp ta’ tmexxija tal-ajruport li jiftiehem dwar imposti inferjuri minn dawk approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti – Rimedji ġudizzjarji tal-utent tal-ajruport – Kontestazzjoni inċidentali quddiem qorti ċivili li tiddeċiedi skont il-prinċipji ta’ ekwità.
Kawża C-379/18.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1000

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Novembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Direttiva 2009/12/KE – Artikoli 3 u 6 – Artikolu 11(1) u (7) – Imposti ajruportwali – Protezzjoni tad-drittijiet tal-utenti tal-ajruporti – Possibbiltà għall-korp ta’ tmexxija tal-ajruport li jiftiehem dwar imposti inferjuri minn dawk approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti – Rimedji ġudizzjarji tal-utent tal-ajruport – Kontestazzjoni inċidentali quddiem qorti ċivili li tiddeċiedi skont il-prinċipji ta’ ekwità”

Fil-Kawża C‑379/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Deutsche Lufthansa AG

vs

Land Berlin,

fil-preżenza ta’:

Berliner Flughafen GmbH,

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby (Relatur), K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġeneral: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ April 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Deutsche Lufthansa AG, minn H. Neumann, M. Wortmann u B. Tavakoli, Rechtsanwälte,

–        għal-Land Berlin, minn R. Klinger, Rechtsanwalt,

–        għal Berliner Flughafen GmbH, minn R. Körner, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u S. Eisenberg, sussegwentement minn S. Eisenberg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u B. Sasinowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 6(3) sa (5), kif ukoll tal-Artikolu 11(1) u (7) tad-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (ĠU 2009, L 70, p. 11).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Deutsche Lufthansa AG u Land Berlin (il-Land ta’ Berlin, il-Ġermanja), dwar l-approvazzjoni minn dan tal-aħħar tas-sistema l-ġdida ta’ imposti ajruportwali stabbiliti, għall-ajruport Berlin-Tegel (il-Ġermanja), minn Berliner Flughafen GmbH (iktar ’il quddiem “BFG”) fil-kwalità tagħha ta’ korp ta’ tmexxija tal-ajruport.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 1, 2, 7, 9, 11 sa 13 u 15 tad-Direttiva 2009/12 jipprovdi li:

“(1)      Il-kompitu u l-attività kummerċjali prinċipali tal-ajruporti hu li jiġi żgurat it-trattament tal-inġenji tal-ajru, mill-inżul sat-tlugħ, u tal-passiġġieri u l-merkanzija, sabiex l-operaturi tal-ajru jkunu jistgħu jipprovdu servizzi tat-trasport bl-ajru. Għal dan il-għan, l-ajruporti joffru għadd ta’ faċilitajiet u servizzi relatati mal-operat tal-inġenji tal-ajru u l-ipproċessar tal-passiġġieri u l-merkanzija, li l-ispejjeż tagħhom ġeneralment jirkuprawhom permezz ta’ imposti tal-ajruporti. Il-korpi li jmexxu l-ajruporti li jipprovdu faċilitajiet u servizzi li għalihom jitħallsu imposti tal-ajruport għandhom jippruvaw joperaw fuq bażi ta’ effiċjenza meta mqabbla man-nefqa.

(2)      Jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni li jirregola l-karatteristiċi essenzjali tal-imposti tal-ajruport u l-mod li bih dawn jiġu stabbiliti, minħabba li, fin-nuqqas ta’ tali qafas, ir-rekwiżiti bażiċi fir-relazzjoni bejn il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti u l-utenti tal-ajruporti jistgħu ma jintlaħqux. Tali qafas għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għal Stat Membru li jiddetermina jekk għandux u safejn għandu jittieħed kont tad-dħul mill-attivitajiet kummerċjali tal-ajruport meta jiġu stabbiliti l-imposti tal-ajruport.

[...]

(7)      L-inċentivi biex jinfetħu rotot ġodda, bħal biex jiġi promoss, inter alia, l-iżvilupp tar-reġjuni żvantaġġati u l-aktar ’il bogħod għandhom biss jingħataw konformement mal-liġi [tal-Unjoni].

[...]

(9)      Fl-2004, il-Kunsill tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili (il-Kunsill tal-ICAO) adotta linji politiċi dwar imposti għall-ajruporti li kienu jinkludu, inter alia, il-prinċipji tar-relazzjoni tal-imposti mal-ispejjeż, in-non-diskriminazzjoni u mekkaniżmu indipendenti għar-regolamentazzjoni ekonomika tal-ajruporti

[...]

(11)      L-imposti tal-ajruporti għandhom ikunu non-diskriminatorji. Għandha tiġi attwata proċedura obbligatorja għall-konsultazzjoni regolari bejn il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti u l-utenti tal-ajruport bil-possibbiltà li kull parti jkollha rikors għal awtorità ta’ superviżjoni indipendenti kull meta l-utenti tal-ajruport jikkontestaw deċiżjoni dwar l-imposti tal-ajruport jew il-modifika tas-sistema ta’ ġbir tal-imposti.

(12)      Sabiex jiġu żgurati deċiżjonijiet imparzjali u l-applikazzjoni korretta u effikaċi ta’ din id-Direttiva għandha tiġi stabbilita awtorità ta’ superviżjoni indipendenti f’kull Stat Membru. L-awtorità għandha jkollha r-riżorsi kollha meħtieġa relattivament għall-persunal, kompetenza esperta, u mezzi finanzjarji għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

(13)      Għall-utenti tal-ajruport huwa vitali li fuq bażi regolari jingħataw, mingħand il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport, informazzjoni dwar kif u fuq liema bażi jiġu kkalkolati l-imposti tal-ajruport. Tali trasparenza toffri lit-trasportaturi bl-ajru tagħrif dwar l-ispejjeż li jkun ġarrab l-ajruport u l-produttività tal-investimenti ta’ ajruport. Sabiex korp ta’ tmexxija ta’ ajruport ikun jista’ jivvaluta sewwa r-rekwiżiti fir-rigward ta’ investimenti futuri, l-utenti tal-ajruport għandhom ikunu meħtieġa jikkondividu, fil-mument opportun, mal-korp ta’ tmexxija tal-ajruport, il-previżjonijiet operattivi, il-proġetti ta’ żvilupp u t-talbiet u s-suġġerimenti speċifiċi kollha tagħhom.

[...]

(15)      Il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti għandhom ikunu jistgħu japplikaw imposti tal-ajruporti li jikkorrispondu għall-infrastruttura u/jew il-livell ta’ servizz provdut billi t-trasportaturi bl-ajru għandhom interess leġittimu li jirrikjedu servizzi minn korp ta’ tmexxija ta’ ajruport li jikkorrispondu għall-proporzjon tal-prezz meta mqabbel mal-kwalità. Madankollu, l-aċċess għal livell differenzjat ta’ infrastruttura jew ta’ servizzi għandu jkun miftuħ għall-operaturi kollha li jkunu jixtiequ jagħmlu użu minnu, fuq bażi non-diskriminatorja. Jekk id-domanda tkun ogħla mill-provvista, l-aċċess għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ kriterji oġġettivi u non-diskriminatorji li għandhom jiġu żviluppati minn korp ta’ tmexxija ta’ ajruport. Kwalunkwe differenzjazzjoni fl-imposti tal-ajruporti għandha tkun trasparenti, oġġettiva u bbażata fuq kriterji ċari.”

4        Intitolat “Suġġett”, l-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li japplika miżuri regolatorji addizzjonali li ma jkunux inkompatibbli ma’ din id-Direttiva jew ma’ dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn tal-liġi [tal-Unjoni] fir-rigward ta’ kwalunkwe korp ta’ tmexxija ta’ ajruport li jinsab fit-territorju tiegħu. Dan jista’ jinkludi miżuri ta’ sorveljanza ekonomika, bħall-approvazzjoni ta’ sistemi ta’ ġbir tal-imposti u/jew il-livell ta’ imposti inklużi metodi ta’ ġbir tal-imposti bbażati fuq inċentivi jew ir-regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li huwa ddedikat għad-“Definizzjonijiet”, jipprevedi b’mod partikolari li:

“[...]

(2)      ‘korp ta’ tmexxija tal-ajruport' tfisser korp li, konġuntement ma’ attivitajiet oħrajn, jew mingħajr dawn l-attivitajiet, kif ikun jeħtieġ il-każ, ikollu bħala l-objettiv tiegħu, taħt il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-kuntratti nazzjonali, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport jew tan-network ta’ ajruporti u l-koordinazzjoni u l-kontroll tal-attivitjiet tal-operaturi differenti preżenti fl-ajruporti jew fin-network ta’ ajruporti konċernati;

(3)      ‘utent tal-ajruport' tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ġarr ta’ passiġġieri, posta u/jew merkanzija bl-ajru lejn, jew minn, l-ajruport konċernat;

(4)      ‘imposta tal-ajruport' tfisser levy miġbura għall-benefiċċju tal-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u mħallsa mill-utenti tal-ajruport għall-użu ta’ faċiltajiet u servizzi, li jiġu provduti esklussivament mill-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u li jkunu relatati mal-inżul, it-tlugħ, movimenti fl-art u pparkjar ta’ inġenji tal-ajru, u l-ipproċessar ta’ passiġġieri u merkanzija;

[...]”

6        Taħt it-titolu “Non-diskriminazzjoni”, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/12 jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imposti tal-ajruport ma jiddiskriminawx bejn l-utenti tal-ajruport, konformement mal-liġi [tal-Unjoni]. Dan ma jimpedixxix il-modulazzjoni ta’ imposti tal-ajruporti għal kwistjonijiet ta’ interess pubbliku u ġenerali, inklużi kwistjonijiet ambjentali. Il-kriterji applikati għal tali modulazzjoni għandhom ikunu rilevanti, oġġettivi u trasparenti.”

7        Skont l-Artikolu 6, intitolat “Konsultazzjoni u rimedju”, ta’ din id-direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi stabbilita proċedura obbligatorja għall-konsultazzjoni regolari bejn il-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u l-utenti tal-ajruport jew ir-rappreżentanti jew assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-ajruport fir-rigward tal-operat tas-sistema ta’ imposti tal-ajruport, il-livell ta’ imposti tal-ajruport u, kif ikun jeħtieg il-każ, il-kwalità tas-servizz provdut. Tali konsultazzjoni għandha sseħħ għall-anqas darba fis-sena, ħlief jekk jiġi miftiehem mod ieħor fl-aħħar konsultazzjoni. Fejn jeżisti ftehim pluriennali bejn il-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u l-utenti tal-ajruport, il-konsultazzjonijiet għandhom iseħħu kif previst f’tali ftehim. L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jitolbu konsultazzjonijiet aktar frekwenti.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, kull fejn ikun possibbli, it-tibdil fis-sistema jew fil-livell ta’ imposti tal-ajruport isir bi ftehim bejn il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport u l-utenti tal-ajruport. Għal dak l-għan, il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jippreżenta kwalunkwe proposta għal modifika fis-sistema jew fil-livell ta’ imposti tal-ajruport lill-utenti tal-ajruport, flimkien mar-raġunijiet għat-tibdil propost mhux aktar tard minn erba’ xhur qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ, ħlief jekk ikun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jeħtieġu li jiġu ġġustifikati mal-utenti tal-ajruport. Il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jkollu konsultazzjonijiet dwar il-bidliet proposti mal-utenti tal-ajruport u jieħu kont tal-fehmiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni. Il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu normalment jippubblika d-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni tiegħu mhux aktar tard minn xahrejn qabel ma tidħol fis-seħħ. Il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-fehmiet tal-utenti tal-ajruport fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim dwar il-bidliet proposti bejn il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport u l-utenti tal-ajruport.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar imposti tal-ajruport li tittieħed mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport, kwalunkwe parti tista’ titlob l-intervent tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti msemmija fl-Artikolu 11, li għandha teżamina l-ġustifikazzjonijiet għall-modifika tas-sistema jew tal-livell ta’ imposti tal-ajruport.

4.      Il-modifika fis-sistema jew fil-livell ta’ imposti tal-ajruport li tkun ġiet deċiża mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport, jekk tiġi mressqa quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, m’għandhiex ikollha effett sakemm dik l-awtorità tkun għadha ma eżaminatx il-kwistjoni. L-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti għandha, fi żmien erba’ ġimgħat minn meta l-kwistjoni tkun tressqet quddiemha, tieħu deċiżjoni temporanja dwar id-dħul fis-seħħ tal-modifika tal-imposti tal-ajruport, ħlief jekk id-deċiżjoni final tkun tista’ tittieħed fl-istess skadenza.

5.      Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafi 3 u 4 fir-rigward tat-tibdil fil-livell jew fl-istruttura ta’ imposti tal-ajruporti f’dawk l-ajruporti li għalihom:

(a)      ikun hemm proċedura obbligatorja taħt il-liġi nazzjonali li permezz tagħha l-imposti tal-ajruporti, jew il-livell massimu tagħhom, għandhom jiġu determinati jew approvati mill- awtorità ta’ superviżjoni indipendenti; jew

(b)      ikun hemm proċedura obbligatorja taħt il-liġi nazzjonali li permezz tagħha l- awtorità ta’ superviżjoni indipendenti teżamina, regolarment jew fuq talba mill-partijiet interessati, jekk dawn l-ajruporti humiex suġġetti għal kompetizzjoni effettiva. Meta dan ikun ġustifikat fuq il-bażi ta’ eżami bħal dan, l-Istat Membru għandu jiddeċiedi li l-imposti tal-ajruporti, jew il-livell massimu tagħhom, għandhom ikunu determinati jew approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti. Din id-deċiżjoni għandha tapplika għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ fuq il-bażi tal-eżami mwettaq minn dik l-awtorità.

Il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-kriterji applikati għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu mill-Istat Membru għandhom ikunu rilevanti, oġġettivi, non-diskriminatorji u trasparenti.”

8        Intitolat “Trasparenza”, l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, kull darba li jsiru l-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1), il-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport jipprovdi lil kull utent tal-ajruport, jew lir-rappreżentanti jew assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-ajruport b’informazzjoni dwar il-komponenti li jkunu l-bażi li fuqha jiġu ddeterminati s-sistema jew il-livell tal-imposti kollha applikati f’kull ajruport mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport. L-informazzjoni għandha tinkludi għall-anqas:

(a)      lista tal-bosta servizzi u infrastruttura provduti b’kumpens għall-imposta tal-ajruport applikata;

(b)      il-metodoloġija użata sabiex jiġu stabbiliti l-imposti tal-ajruport;

(ċ)      l-istruttura ġenerali tal-ispejjeż fir-rigward tal-faċilitajiet u s-servizzi li magħhom ikunu relatati l-imposti tal-ajruport;

(d)      id-dħul mill-imposti differenti u l-ispiża totali tas-servizzi li dawn ikopru;

(e)      kwalunkwe finanzjament mill-awtoritajiet pubbliċi tal-faċilitajiet u s-servizzi li magħhom ikunu relatati l-imposti tal-ajruport;

(f)      previżjonijiet tas-sitwazzjoni fl-ajruport fir-rigward tal-imposti, taż-żieda fit-traffiku u tal-investimenti proposti;

(g)      l-użu attwali tal-infrastruttura u t-tagħmir tal-ajruport matul perijodu speċifiku;

(h)      ir-riżultat previst ta’ kwalunkwe investimenti kbar proposti f’termini tal-effetti tagħhom fuq il-kapaċità ta’ ajruport.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti tal-ajruporti jippreżentaw informazzjoni lill-korp tat-tmexxija tal-ajruport qabel kull konsultazzjoni, kif previst fl-Artikolu 6(1), partikolarment dwar:

(a)      previżjonijiet dwar it-traffiku;

(b)      previżjonijiet dwar il-kompożizzjoni u l-użu maħsub tal-flotta tagħhom;

(ċ)      il-proġetti ta’ żvilupp tagħhom fl-ajruport konċernat;

(d)      ir-rekwiżiti tagħhom fl-ajruport konċernat.

3.      Suġġett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-informazzjoni pprovduta abbażi ta’ dan l-Artikolu għandha titqies bħala kunfidenzjali jew ekonomikament sensittiva u ttrattata f’dan is-sens. Fil-każ ta’ korpi ta’ tmexxija ta’ ajruport li jkunu kkwotati fil-borża, għandu jkun hemm konformità b’mod partikolari mar-regolamenti tal-borża.”

9        L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, li huwa relattiv għall-“Awtorità ta’ superviżjoni indipendenti”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 7:

“1.      L-Istati Membri għandhom jinnominaw jew jistabbilixxu awtorità indipendenti bħala l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti nazzjonali tagħhom sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-miżuri meħuda għall-finijiet ta’ konformità ma’ din id-Direttiva u sabiex tieħu f’idejha, għall-anqas, il-kompiti assenjati taħt l-Artikolu 6. Tali awtorità tista’ tkun l-istess bħall-entità li l-Istat Membru jinkariga sabiex tiżgura l-applikazzjoni tal-miżuri regolatorji addizzjonali msemmija fl-Artikolu 1(5), inkluża l-approvazzjoni tas-sistema ta’ imposti u/jew tal-livell tal-imposti tal-ajruport, kemm-il darba din tikkonforma mar-rekwiżiti tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

[...]

7.      Meta tkun qed tagħmel investigazzjoni dwar il-ġustifikazzjoni għall-modifika tas-sistema jew tal-livell ta’ imposti ta’ ajruport kif stabbilit fl-Artikolu 6, l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti għandha jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa mill-partijiet konċernati u għandha tkun meħtieġa li tikkonsulta lill-partijiet konċernati sabiex tasal għad-deċiżjoni tagħha. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(4), hija għandha tagħti deċiżjoni finali malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien erba’ xhur minn meta l-kwistjoni tkun tressqet quddiemha. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati. Id-deċiżjoniet tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti għandhom ikollhom effett li jorbot, mingħajr preġudizzju għal reviżjoni parlamentari jew ġudizzjarja, kif ikun applikabbli fl-Istati Membri.”

 Id-dritt Ġermaniż

10      Intitolat “Sistema ta’ imposti”, l-Artikolu 19b tal-Luftverkehrsgesetz (il-Liġi dwar it-Trasport bl-Ajru), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LuftVG”), jipprevedi:

“(1)      Il-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport ċivili jew ta’ ajrudrom ċivili għandu jistabbilixxi sistema ta’ imposti li għandhom jitħallsu bħala korrispettiv tal-użu tal-faċilitajiet u tas-servizzi li huma konnessi mal-moviment fl-ajru, mat-tlugħ, mal-inżul u mal-ipparkjar tal-inġenji tal-ajru, kif ukoll mal-ipproċessar ta’ passiġġieri u merkanzija (sistema ta’ imposti). Is-sistema ta’ imposti għandha tiġi sottomessa għall-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti għall-ħruġ tal-liċenzji. L-approvazzjoni għandha tingħata ladarba t-tariffi inklużi fis-sistema jkunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji xierqa, oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji. Għandu jiġi partikolarment żgurat li

1.      s-servizzi u l-infrastrutturi suġġetti għal imposta jkunu ċarament iddefiniti,

2.      l-imposti jkunu kkalkolati skont l-ispejjeż u ffissati minn qabel,

3.      l-utenti kollha ta’ ajruport ċivili jew ta’ ajrudrom ikollhom aċċess bl-istess mod għas-servizzi u għall-infrastrutturi ta’ dawn il-faċilitajiet,

4.      livelli differenti ta’ imposti ma jiġux imposti fuq l-utenti ċċitati iktar ’il fuq mingħajr ebda raġuni oġġettiva.

Modulazzjoni tal-imposti skont l-interess ġenerali u pubbliku hija awtorizzata għall-ajruporti ċivili u l-ajrudromi; il-kriterji applikati għal dan il-għan għandhom ikunu xierqa, oġġettivi u trasparenti. Is-sistema tal-imposti tal-ajruporti ċivili għandha tistabbilixxi differenzjazzjoni bejn l-imposti abbażi tal-protezzjoni kontra l-emissjonijiet tal-ħoss, minn naħa u tat-tniġġis, min-naħa l-oħra.

[...]

(3)      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ir-regoli li ġejjin japplikaw għall-awtorizzazzjoni tas-sistema ta’ imposti tal-ajruporti ċivili li t-traffiku annwali tagħhom jeċċedi l-ħames miljun moviment ta’ passiġġieri:

1.      Mhux iktar tard minn sitt xhur qabel id-dħul fis-seħħ previst tas-sistema tal-imposti, il-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport ċivili għandu jissottometti lill-utenti tal-ajruport abbozz b’motivazzjoni sabiex jintlaħaq ftehim. Dan japplika wkoll għat-tibdil fis-sistema ta’ imposti. It-terminu previst fl-ewwel fażi tal-punt preżenti ma japplikax fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu provati fir-rigward tal-utenti tal-ajruport.

2.      It-talba għal awtorizzazzjoni għandha titressaq mhux iktar tard minn ħames xhur qabel id-dħul fis-seħħ tas-sistema ta’ imposti prevista quddiem l-awtorità kompetenti għall-ħruġ tal-liċenzji. Hija għandha tkun motivata. L-oġġezzjonijiet tal-utenti tal-ajruporti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. [...]

3.      L-awtorizzazzjoni għandha tingħata, ladarba l-livell tal-imposti ffissati jkun raġonevoli fir-rigward tal-ispejjeż operattivi stmati u jkun jidher li dawn huma intiżi jiżguraw servizzi effikaċi. L-Awtorità kompetenti għall-ħruġ tal-liċenzji tista’ ma tipproċedix għall-eżami fis-sens tas-sentenza preċedenti meta l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport ċivili jipproduċi ftehim bil-miktub konkluż mal-utenti tal-ajruport dwar is-sistema ta’ imposti u ma jkunx hemm ksur tar-regoli li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat.

[...]

5.      Il-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport ċivili għandu jikkonsulta tal-inqas darba fis-sena lill-utenti tal-ajruport dwar is-sistema ta’ imposti. [...]”

11      Iddedikat għar-rikors għal annullament u għal ordni, l-Artikolu 42(2) tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi fost oħrajn li, sa fejn il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, rikors għal annullament indirizzat kontra att amministrattiv ma huwiex ammissibbli ħlief jekk ir-rikorrent isostni li d-drittijiet tiegħu ġew ippreġudikati minn dan l-att amministrattiv.

12      Il-kriterju li abbażi tiegħu l-qrati ċivili Ġermaniżi jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom fuq l-imposti ffissati mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport jirriżulta mill-Artikolu 315 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BGB”. Skont din id-dispożizzjoni, intitolata “Determinazzjoni tal-provvista ta’ servizz ta’ parti”:

“(1)      Jekk il-provvista ta’ servizz ikollha tiġi ddeterminata minn waħda mill-partijiet kontraenti, ikun hemm lok li jiġi permess, meta jkun hemm dubju, li din id-determinazzjoni ssir ex aequo et bono.

(2)      Id-determinazzjoni għandha ssir permezz ta’ dikjarazzjoni indirizzata lill-parti l-oħra.

(3)      Meta d-determinazzjoni jkollha ssir ex aequo et bono, id-determinazzjoni magħmula torbot lill-parti l-oħra biss jekk tkun konformi mal-ekwità. Jekk din ma tkunx konformi mal-ekwità, din issir permezz ta’ deċiżjoni; dan japplika wkoll meta d-determinazzjoni ddum ma sseħħ.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Deutsche Lufthansa, li hija kumpannija ta’ trasport bl-ajru, tikkontesta, fil-kwalità tagħha ta’ utent tal-ajruport, l-approvazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ imposti ajruportwali għall-ajruport Berlin-Tegel, li huwa mmexxi mil-Land ta’ Berlin.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2014, il-Land ta’ Berlin, fil-kwalità tagħha ta’ entità responsabbli mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, awtorizzat, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015, is-sistema l-ġdida ta’ imposti ajruportwali mfassla minn BFG (iktar ’il quddiem l-“awtorizzazzjoni kontenzjuża”).

15      Deutsche Lufthansa ppreżentat rikors għal annullament kontra l-imsemmija awtorizzazzjoni. Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, dan ir-rikors ġie ddikjarat inammissibbli mill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin-Brandenburg, il-Ġermanja) għar-raġuni li Deutsche Lufthansa ma kellhiex locus standi, fis-sens tal-Artikolu 42(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva.

16      Din il-qorti rrilevat fl-ewwel lok li, konformement ma’ sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) tat‑8 ta’ Lulju 1977, dwar id-dispożizzjoni ta’ qabel l-Artikolu 19b tal-LuftVG u li kienet inkluża fil-Luftverkehrs-Zulassungs-Ordnung (il-Liġi dwar il-liċenzi operattivi tat-traffiku tal-ajru), tad-19 ta’ Ġunju 1964 (BGBl. 1964 I, p. 370), il-kawża legali tal-imposti ajruportwali ma hijiex ikkostitwita mill-awtorizzazzjoni kontenzjuża iżda mill-użu tal-ajruport, b’tali mod li din l-awtorizzazzjoni ma għandha ebda effett ġuridiku legali awtonomu ħlief dak li tippermetti lill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport jafferma r-regolamentazzjoni tariffarja l-ġdida fir-rigward tal-utenti tal-ajruporti. L-Artikolu 19b tal-LuftVG jikkonferma li l-effett ta’ dritt pubbliku tal-imsemmija awtorizzazzjoni huwa limitat għar-relazzjoni bejn l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti u l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport li huwa d-destinatarju. Minkejja li hija relatata ma’ leġiżlazzjoni preċedenti għal dik applikabbli għall-kawża prinċipali, din l-interpretazzjoni tibqa’ valida.

17      Fit-tieni lok, l-Artikolu 19b tal-LuftVG ma għandux effett protettur fir-rigward ta’ terzi, li lilu Deutsche Lufthansa tista’ tinvoka bħala utent tal-ajruport. Ir-rekwiżiti ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza jistgħu, fil-fatt, ma jagħtux lill-utenti tal-ajruport dritt għal azzjoni legali kontra l-awtorizzazzjoni ta’ sistema ta’ imposti ajruportwali.

18      Fit-tielet lok, l-imposti ajruportwali kienu sottomessi, sat-tħassir tad-dispożizzjoni ta’ qabel l-Artikolu 19b tal-LuftVG, għal stħarriġ mill-qorti ċivili bbażat fuq il-prinċipju tal-ekwità, skont l-Artikolu 315 tal-BGB, fejn tali stħarriġ huwa meqjus li jissodisfa r-rekwiżiti kostituzzjonali. L-Artikolu 19b tal-LuftVG ma kellux effett f’dan ir-rigward.

19      Fir-raba’ u l-aħħar lok, din l-evalwazzjoni hija wkoll kompatibbli mad-Direttiva 2009/12, b’mod partikolari mal-Artikoli 6 u 11 tagħha.

20      Deutsche Lufthansa ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra s-sentenza tal-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Berlin-Brandenburg, il-Ġermanja) quddiem il-qorti tar-rinviju. Deutsche Lufthansa ssostni li l-Artikolu 42(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva għandu jwassal sabiex rikors għal annullament ippreżentat minn individwu meta dan tal-aħħar jinvoka, b’mod plawżibbli, li d-drittijiet tiegħu ġew ippreġudikati mill-att amministrattiv ikkontestat jiġi ddikjarat ammissibbli.

21      Skont il-qorti tar-rinviju, Deutsche Lufthansa għandha locus standi fir-rigward tal-annullament, skont id-dritt Ġermaniż, jekk l-awtorizzazzjoni kontenzjuża tipproduċi effett li jirregola r-relazzjonijiet ta’ dritt privat, jiġifieri jekk, f’sistema ta’ imposti ajruportwali, l-imposta ffissata minn waħda mill-partijiet kontraenti u awtorizzata mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti tkun imposta b’mod obbligatorju fuq il-partijiet kontraenti li ma jkunux jistgħu jevitawha fil-kuntest tal-kuntratti ta’ użu.

22      Fil-fatt, meta awtorizzazzjoni ta’ sistema ta’ imposti ajruportwali jkollha effett li jirregola r-relazzjonijiet ta’ dritt privat, il-partijiet kontraenti kkonċernati jkunu jistgħu jinvokaw preġudizzju għal-libertà tagħhom li jieħdu azzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 2(1) tal-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali). Madankollu, sa fejn din il-libertà li tittieħed azzjoni tinkludi l-libertà kuntrattwali u għaldaqstant id-dritt ta’ negozjar, mal-parti l-oħra, il-kontenut tal-ftehimiet kuntrattwali filwaqt li liberi minn kull restrizzjoni statali, hija tista’ tkun il-bażi tal-locus standi ta’ dawn il-partijiet fis-sens tal-Artikolu 42(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva.

23      Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li fil-qasam tal-posta u tat-telekomunikazzjoni, il-leġiżlatur Ġermaniż ippreveda espressament tali effett li jirregola relazzjonijiet privati.

24      Min-naħa l-oħra, ma jeżisti ebda indizzju li jissuġġerixxi li l-leġiżlatur Ġermaniż xtaq jagħti lir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 19b(1) tal-LuftVG tali effett li jirregola r-relazzjonijiet ta’ dritt privat. Skont il-qorti tar-rinviju, dan is-silenzju tal-leġiżlatur Ġermaniż ma jistax ikun fortuwitu peress, minn naħa, li l-liġijiet preċedenti kienu jipprevedu mekkaniżmi li jirregolaw relazzjonijiet ta’ dritt privat u, min-naħa l-oħra, li s-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tat-8 ta’ Lulju 1977, iċċitata fil-punt 16 tas-sentenza preżenti, ma tistax tiġi injorata.Għaldaqstant, minn dan għandu jiġi dedott li l-utenti tal-ajruport u l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport jistgħu jiffissaw, anki taħt ir-reġim tal-Artikolu 19b tal-LuftVG, imposti li jmorru lil hinn mit-tariffi awtorizzati.

25      Barra minn hekk, jekk l-awtorizzazzjoni ta’ sistema ta’ imposti ajruportwali jingħatalha effett li jirregola r-relazzjonijiet ta’ dritt privat u, b’mod korrispondenti, locus standi lill-utenti tal-ajruporti dan ibiddel fundamentalment is-sistema tradizzjoni ta’ rimedji ġudizzjarji, peress li l-azzjoni ċivili tħalli postha lill-azzjoni amministrattiva, u din l-ipoteżi ma kinitx prevista mil-leġiżlatur Ġermaniż.

26      Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali jistgħu jkunu irrilevanti jekk id-Direttiva 2009/12 timponi, fil-prinċipju, li l-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti u l-utenti tal-ajruporti ma humiex permessi jiftehemu dwar imposti ajruportwali differenti minn dawk approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti skont il-punt (a) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(5) ta’ din id-direttiva.

27      It-tieni nett, utent ta’ ajruport ikollu locus standi kontra awtorizzazzjoni bħall-awtorizzazzjoni kontenzjuża, skont l-Artikolu 42(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, jekk l-Artikolu 19b tal-LuftVG jipproteġi lill-utenti tal-ajruporti abbażi tal-protezzjoni ta’ terzi. Għal dan il-għan, hemm bżonn madankollu li d-dispożizzjoni inkwistjoni tipprevedi elementi fattwali ta’ individwalizzazzjoni li jippermettu li ssir distinzjoni għal ċirku ta’ persuni li huwa suffiċjentement distakkat mill-pubbliku ġenerali.

28      It-tielet nett, id-Direttiva 2009/12, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha li jipprekludi kull diskriminazzjoni, jista’ jimponi li Deutsche Lufthansa tingħata locus standi, fis-sens tal-Artikolu 42(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra l-awtorizzazzjoni kontenzjuża. Dan ikun il-każ kieku l-istħarriġ tas-sistema ta’ imposti mill-qrati ċivili, ibbażat fuq l-ekwità konformement mal-Artikolu 315 tal-BGB, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, dan ikun imur kontra r-regoli kostituzzjonali, fil-każ ta’ imposti suġġetti għal regoli statali, li jiġi rrifjutat, fil-prinċipju, lill-persuni li għandhom iħallsuhom, stħarriġ tal-imsemmija imposti kemm mill-qrati amministrattivi kif ukoll mill-qrati ċivili.

29      Ir-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, hija tqis li l-kriterju tal-ekwità previst fl-Artikolu 315 tal-BGB jimponi bbilanċjar tal-interessi ekonomiċi oġġettivi tal-partijiet kontraenti kkonċernati, kif ukoll evalwazzjoni eżawrjenti tas-suġġett tal-kuntratt u tal-importanza tal-provvista li għaliha l-prezz mitlub huwa mistenni li jirripreżenta korrispettiv raġonevoli. Barra minn hekk, minkejja li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix dan, aspetti oħra, fosthom eventwali dispożizzjonijiet ta’ liġijiet speċjali, bħal prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw l-imposti, jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali bbilanċjar.

30      Barra minn hekk, fil-każ ta’ imposti ta’ ammont għoli ħafna, il-qorti ċivili tiddeterimna l-ammont ġust, filwaqt li tagħtih effet ex tunc, konformement mad-Direttiva 2009/12. Minkejja li ffissar mill-ġdid tal-ammont tal-imposti mill-qorti ma jkollux ċertament, fil-bidu, ħlief effett inter partes, l-utenti l-oħra ma jonqsux milli jinvokawh billi jippreżentaw min-naħa tagħhom, rikors simili, b’tali mod li dawn ir-rikorsi jwasslu globalment sabiex l-ammont tal-imposti jsir ugwali.

31      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2017:834) ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza hijiex applikabbli għall-imposti ajruportwali rregolati mid-Direttiva 2009/12 u lanqas jekk l-istħarriġ tas-sistemi ta’ imposti mill-qrati ċivili, ibbażat fuq l-ekwità konformement mal-Artikolu 315 tal-BGB, huwiex konformi mad-Direttiva 2009/12.

32      Jista’ wkoll jiġi kkunsidrat locus standi ta’ Deutsche Lufthansa, bħala utent tal-ajruport, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra l-awtorizzazzjoni kontenzjuża, ladarba d-Direttiva 2009/12 tirrikonoxxi, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(7) tagħha, l-istatus ta’ “partijiet konċernati” lill-utenti tal-ajruport. Din id-direttiva tista’ għaldaqstant titqies li sservi l-interessi tal-utenti tal-ajruporti billi tagħtihom drittijiet għal informazzjoni u għal konsultazzjoni.

33      Billi tqis li l-kwistjoni dwar jekk Deutsche Lufthansa, bħala utent tal-ajruport, għandhiex locus standi, konformement mal-Artikolu 42(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra l-awtorizzazzjoni kontenzjuża tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/12, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissosspendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li s-sistema ta’ imposti tal-ajruport stabbilita mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandha tiġi ppreżentata għal approvazzjoni quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, mingħajr ma tipprojbixxi lill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport u lill-utent tal-ajruport milli jistabbilixxu imposti differenti minn dawk approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni, hija kompatibbli mad-Direttiva [2009/12], b’mod partikolari mal-Artikolu 3, mal-Artikolu 6(3) sa (5) u mal-Artikolu 11(1) u (7) tagħha?

2)      Interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fis-sens li utent tal-ajruport ma jistax jikkontesta l-approvazzjoni tas-sistema ta’ imposti mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti iżda jista’ jressaq azzjoni kontra l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport li fil-kuntest tagħha jista’ jsostni li l-imposti stabbiliti fis-sistema ta’ imposti ma humiex ġusti, hija kompatibbli mal-imsemmija direttiva?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

34      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2009/12, b’mod partikolari l-Artikolu 3, l-Artikolu 6(5)(a) kif ukoll l-Artikolu 11(1) u (7) tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil korp ta’ tmexxija tal-ajruport jiddetermina ma’ utent tal-ajruport imposti ajruportwali differenti minn dawk stabbiliti minn din l-entità u approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, fis-sens ta’ din id-direttiva.

35      Hekk kif jirriżulta kemm mit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mir-risposta tal-Gvern Ġermaniż għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, billi adottat l-Artikolu 19b(1) u (3) tal-LuftVG, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-intenzjoni tapplika l-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva 2009/12.

36      Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tawtorizza Stat Membru jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, għal dak li jikkonċerna t-tibdil fil-livell jew fl-istruttura tal-imposti ajruportwali, għall-ajruporti li għalihom teżisti, fid-dritt nazzjonali, proċedura obbligatorja li permezz tagħha l-imposti ajruportwali jew il-livell massimu tagħhom huma ddeterminati jew approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti.

37      Fil-każ ineżami, jidher li, wara li kkonsulta lill-utenti tal-ajruport, il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport iddetermina s-sistema l-ġdida ta’ imposti ajruportwali, imbagħad issottomettiha għall-approvazzjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti. Għaldaqstant din l-awtorità approvat sistema eżawrjenti ta’ imposti ajruportwali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-intervent tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti ma huwiex limitat għad-determinazzjoni jew l-approvazzjoni tal-livell massimu ta’ dawn l-imposti.

38      Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva 2009/12, għandu jitqies li kemm in-natura obbligatorja tal-proċedura prevista fl-Artikolu 19b(1) u (3) tal-LuftVG kif ukoll il-fatt li l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti tapprova s-sistema ta’ imposti ajruportwali stabbilita mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport jimplikaw li din l-entità ma tista bl-ebda mod tiddevja minn din is-sistema ta’ imposti, taħt piena li l-approvazzjoni minn din l-awtorità tiċċaħħad mill-effett utli tagħha.

39      Minn dan isegwi li, meta dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 19b(1) u (3) tal-LuftVG, jipprevedi proċedura obbligatorja li permezz tagħha s-sistema ta’ imposti ajruportwali hija approvata minn awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, din is-sistema għandha neċessarjament tapplika għall-utenti kollha mingħajr ma jkun possibbli li jiġu stabbiliti, ma utent tal-ajruport partikolari, imposti differenti minn dawk li ġew preċedentement approvati.

40      Din l-interpretazzjoni letterali hija, barra minn hekk, ikkorraborata minn interpretazzjoni kuntestwali ta’ din id-direttiva.

41      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 11(7) tad-Direttiva 2009/12 jipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti huma vinkolanti, bla ħsara għal eżami parlamentari jew stħarriġ ġudizzjarju, konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri. Madankollu, l-awtorità marbuta mad-deċiżjonijiet tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti tinbidel jekk il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport jista’ jevitaha billi jikkonkludi ma’ utent tal-ajruport ftehim li jiffissa imposti ajruportwali differenti minn dawk li jinsabu fis-sistema ta’ imposti ajruportwali approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti.

42      Barra minn hekk, hekk kif issostni l-premessa 2 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies neċessarju li jiġi stabbilit qafas komuni li jirregola l-karatteristiċi essenzjali tal-imposti ajruportwali u l-metodu ta’ ffissar tagħhom, li fin-nuqqas tiegħu ċerti rekwiżiti bażiċi li jikkonċernaw ir-relazzjoni bejn il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruport u l-utenti tal-ajruporti jirriskjaw li ma jiġux osservati.

43      Madankollu l-istabbiliment ta’ dan il-qafas komuni jwassal sabiex l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti tingħata rwol importanti, li huwa b’mod partikolari enfasizzat fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2009/12. Fil-fatt minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti hija nkarigata tiżgura l-applikazzjoni tajba tal-miżuri meħuda għall-konformità ma’ din id-direttiva u li twettaq, tal-inqas, il-kompiti assenjati taħt l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva. Il-premessa 12 tad-Direttiva 2009/12 tipprovdi wkoll li l-intervent minn din l-awtorità huwa intiż sabiex jiżgura l-osservanza tal-imparzjalità tad-deċiżjonijiet kif ukoll l-applikazzjoni korretta u effettiva ta’ din id-direttiva. L-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti hija, barra minn hekk, il-garanti tal-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/12.

44      Fit-tieni lok, jekk jiġi permess li korp ta’ tmexxija tal-ajruport jistabbilixxi ma’ utent tal-ajruport imposti differenti minn dawk approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, dan jimmina l-prinċipji ta’ konsultazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni tal-utenti tal-ajruport hekk kif jirriżultaw mill-Artikolu 3, mill-Artikolu 6(1) u (2), kif ukoll mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/12.

45      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva 2009/12 jawtorizza biss lill-Istati Membri jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-imsemmija Stati jibqgħu obbligati josservaw il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu. Madankollu, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2009/12 jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu proċedura ta’ konsultazzjoni tal-utenti tal-ajruporti jew tar-rappreżentanti jew assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-ajruport mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport. Dawn il-konsultazzjonijiet, li fil-prinċipju jseħħu darba fis-sena, jirrigwardaw l-applikazzjoni tas-sistema ta’ imposti ajruportwali, il-livell tal-imposti ajruportwali u, jekk ikun il-każ, il-kwalità tas-servizz ipprovdut.

46      L-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva jinkoraġġixxi, min-naħa tiegħu, lill-Istati Membri jagħżlu approċċ kunsenswali meta jbiddlu s-sistema jew il-livell tal-imposti ajruportwali. Għaldaqstant għandhom jiżguraw li dawn il-bidliet isiru, sa fejn possibbli, bi ftehim bejn il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport u l-utenti tal-ajruport. Huwa b’mod partikolari l-obbligu tal-korp ta’ tmexxija tal-ajruport li jissottometti kull proposta intiża li tbiddel is-sistema jew il-livell tal-imposti ajruportwali lill-utenti tal-ajruporti, flimkien mar-raġunijiet għat-tibdil propost mhux iktar tard minn erba’ xhur qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ, ħlief jekk ikun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li jeħtieġu li jiġu ġġustifikati mal-utenti tal-ajruport. Il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jkollu konsultazzjonijiet dwar il-bidliet proposti mal-utenti tal-ajruport u jieħu kont tal-fehmiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni. Il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu normalment jippubblika d-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni tiegħu mhux iktar tard minn xahrejn qabel ma tidħol fis-seħħ. Fil-każ li ebda ftehim ma jiġi konkluż bejn il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport u l-utenti tal-ajruporti dwar it-tibdil propost, il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-argumenti tal-utenti tal-ajruport.

47      Jidher għaldaqstant li l-konsultazzjoni tal-utenti tal-ajruporti waqt it-tibdil tas-sistema jew tal-livell tal-imposti ajruportwali, prevista mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2009/12, tkun nieqsa mis-sustanza tagħha jekk, wara li jkun ikkonsulta lil dawn tal-aħħar u kiseb l-approvazzjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport jista’ jiddevja mis-sistema ta’ imposti hekk innegozjati u sussegwentement ivvalidati, għall-vantaġġ ta’ utent tal-ajruport partikolari.

48      It-tieni nett, billi jiddevja, għall-vantaġġ ta’ utent tal-ajruport, mis-sistema ta’ imposti ajruportwali approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, il-korp ta’ tmexxija jiffavorixxi lil dan l-utent partikolari u, billi jagħmel dan, jippreġudika mhux biss il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni iżda wkoll il-prinċipju ta’ trasparenza, iggarantiti mill-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 2009/12 rispettivament. F’dan ir-rigward, il-premessa 13 ta’ din id-direttiva tipprovdi li huwa vitali, għall-utenti tal-ajruporti, li jiksbu mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport informazzjoni regolari dwar il-modalitajiet u l-bażi ta’ kalkolu tal-imposti ajruportwali. Tali trasparenza toffri lit-trasportaturi bl-ajru tagħrif dwar l-ispejjeż li jkun ġarrab l-ajruport u l-produttività tal-investimenti tal-ajruport.

49      Il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni jidhru għaldaqstant konnessi mill-qrib, fis-sens li l-osservanza tal-ewwel tippermetti lill-utenti jidentifikaw il-ksur tat-tieni. Fil-fatt, sabiex jiġi ggarantit li l-imposti ajruportwali ma jwasslux għal diskriminazzjoni bejn l-utenti tal-ajruport, hekk kif timponi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/12, moqrija flimkien mal-premessa 11 ta’ din id-direttiva, il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti jimplementaw proċedura obbligatorja ta’ konsultazzjoni regolari tal-utenti tal-ajruporti, filwaqt li kull parti tiġi offruta l-possibbiltà li tappella quddiem awtorita’ superviżjoni indipendenti kull darba li deċiżjoni dwar l-imposti ajruportwali jew it-tibdil tas-sistema ta’ imposti hija kkontestata mill-utenti tal-ajruport.

50      It-tielet nett, il-fatt li t-tieni sentenza tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/12 tawtorizza l-modulazzjoni tal-imposti ajruportwali għal raġunijiet ta’ interess pubbliku u ta’ interess ġenerali, inkluż ta’ natura ambjentali, ma jistax jimmina l-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, hekk kif tippreċiża t-tielet sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-premessa 15 ta’ din id-direttiva, il-kriterji użati għal tali modulazzjoni għandhom ikunu rilevanti, oġġettivi, trasparenti u għaldaqstant ċarament iddefiniti.

51      Minn dan isegwi li l-modulazzjoni tal-imposti ajruportwali ma tistax topera fil-kuntest kunfidenzjali ta’ negozjar kuntrattwali bejn il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport u utent tal-ajruport meħuda b’mod iżolat. Tali modulazzjoni tista’, għall-kuntrarju, tiġi aċċettata biss jekk tkun limitata għall-implimentazzjoni ta’ kriterji magħrufa mill-utenti tal-ajruporti kollha sa fejn huma jinsabu fis-sistema ta’ imposti approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti.

52      Konsegwentement, il-kriterji li jippermettu l-modulazzjoni tal-imposti ajruportwali għandhom jidhru fis-sistema ta’ imposti suġġetta għal approvazzjoni lill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, u dan jippreżumi li l-utenti tal-ajruporti ġew ukoll ikkonsultati dwar dawn il-kriterji.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2009/12, u b’mod partikolari l-Artikolu 3, l-Artikolu 6(5)(a) kif ukoll l-Artikolu 11(1) u (7) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil korp ta’ tmexxija tal-ajruport jiddetermina, ma’ utent tal-ajruport, imposti ajruportwali differenti minn dawk stabbiliti minn din l-entità u approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, fis-sens ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

54      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2009/12 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha utent tal-ajruport ma jistax jikkontesta direttament id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tas-sistema ta’ imposti ajruportwali tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, iżda jista’ jressaq azzjoni kontra l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport quddiem qorti ċivili u jinvoka biss, fil-kuntest tagħha, li l-imposta ffissata fis-sistema ta’ imposti ajruportwali li dan l-utent għandu jħallas ma hijiex konformi mal-ekwità.

55      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, billi tipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti huma vinkolanti, bla ħsara għal eżami parlamentari jew stħarriġ ġudizzjarju, konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 11(7) tad-Direttiva 2009/12 tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-tippermetti lill-Istati Membri jagħżlu bejn stħarriġ parlamentari jew stħarriġ ġudizzjarju.

56      Madankollu, bis-saħħa ta’ ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li llum huwa sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 37). Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji meħtieġa sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

57      Minn dan isegwi li l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju ma jistax jiġi kkompensat bi stħarriġ parlamentari.

58      Barra minn hekk, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 sa 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipji bażiċi li fuqhom tibbaża d-Direttiva 2009/12, jiġifieri l-assenza ta’ diskriminazzjoni, it-trasparenza u l-konsultazzjoni tal-interessi matul it-tibdil tas-sistema jew tal-livell tal-imposti ajruportwali, li huma ggarantiti mill-Artikoli 3, 7 u 6 ta’ din id-direttiva rispettivament, moqrija flimkien mal-premessi 9 u 11 sa 13 tal-imsemmija direttiva, jinqasmu fl-istess ħin f’obbligi imposti fuq il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport u fi drittijiet lilhom jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati l-utenti tal-ajruporti fil-kwalità tagħhom ta’ “partijiet konċernati”, fis-sens tal-Artikolu 11(7) tad-Direttiva 2009/12.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-Direttiva 2009/12 (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 38).

60      F’dan ir-rigward, għalkemm bħala prinċipju huwa l-obbligu tad-dritt nazzjonali li jiddetermina l-kwalità u l-interess ġuridiku tal-individwu, id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ madankollu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippreġudikax id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 42), konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

61      Fid-dawl ta’ dan, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġurizzjarja effettiva ma jeħtieġx, bħala tali, l-eżistenza ta’ rimedju awtonomu intiż, prinċipalment, sabiex jikkontesta l-konformità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mar-regoli tal-Unjoni, sakemm jeżisti rimedju ġudizzjarju wieħed jew iktar li jippermettu, b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwu jislet mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 47 u 53).

62      F’dan ir-rigward, għalkemm bħala prinċipju huwa l-obbligu tal-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jaħtar il-qrati kompetenti u li jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji intiżi li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, dawn il-modalitajiet proċedurali ma għandhomx, fost oħrajn, irendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 39 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza stabbilita).

63      Barra minn hekk, huwa l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jinterpertaw il-modalitajiet proċedurali applikabbli għall-azzjonijiet li bihom ikunu aditi, sa fejn ikun possibbli b’mod tali li dawn il-modalitajiet ikunu jistgħu jirċievu applikazzjoni li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-għan li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C 432/05, EU:C:2007:163, punt 44). Barra minn hekk, qorti nazzjonali ma tistax validament tikkunsidra li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2018, IR, C‑68/17, EU:C:2018:696, punt 65).

64      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

65      Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-Ġermanja, bis-saħħa tal-Artikolu 42(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, rikors għal annullament ippreżentat kontra att amministrattiv ma huwiex ammissibbli ħlief jekk ir-rikorrent isostni li d-drittijiet tiegħu ġew ippreġudikati minn dan l-att. Madankollu, sa mis-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tat-8 ta’ Lulju 1977, iċċitata fil-punt 16 tas-sentenza preżenti, id-deċiżjoni li biha l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti tapprova sistema ta’ imposti ajruportwali hija meqjusa li ma tipproduċix effetti legali ħlief fir-relazzjoni bejn din l-awtorità u l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport. Għaldaqstant, tali deċiżjoni tista’ biss tiġi kkontestata indirettament quddiem qorti ċivili, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-korp ta’ tmexxija tal-ajruport li jeżiġi l-ħlas ta’ imposta. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 315(3) tal-BGB jimponi fuq il-qorti ċivili li tiddeċiedi skont il-prinċipji ta’ ekwità, din il-qorti għandha tibbilanċja l-interessi ekonomiċi tal-partijiet kontraenti kkonċernati, iżda tevalwa wkoll b’mod eżawrjenti s-suġġett tal-kuntratt u l-importanza tal-provvista li għaliha l-prezz mitlub għandu jirrappreżenta korrispettiv raġonevoli. Madankollu mill-ġurisprudenza nazzjonali jirriżulta li l-qorti ċivili tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll aspetti oħra li jirriżultaw minn liġijiet speċjali, bħall-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

66      Għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat jekk fil-kawża prinċipali, l-obbligu, għall-utent tal-ajruport li jixtieq jikkontesta d-deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti li tapprova s-sistema tal-imposti ajruportwali fid-dawl tad-Direttiva 2009/12, li jadixxi qorti ċivili li tiddeċiedi skont il-prinċipji ta’ ekwità, abbażi tal-Artikolu 315(3) tal-BGB, għandux l-effett li jrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva, bi ksur tal-prinċipju ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat f’kuntest simili, li billi tinsisti esklużivament fuq ir-razzjonalità ekonomika tal-kuntratt individwali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 315(3) tal-BGB tmur kontra l-fatt li hija biss determinazzjoni tal-imposti bbażata fuq kriterji uniformi li tista’ tiggarantixxi li l-politika fil-qasam tal-imposti tkun applikata bl-istess mod għall-impriżi kollha kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 74).

68      Barra minn hekk, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, aspetti “kruċjali” oħra tal-proċedura li jwasslu għall-approvazzjoni tal-imposti ajruportwali, bħall-kwistjonijiet dwar il-formulazzjoni tar-rieda tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti jew dwar l-eventwali difetti formali li setgħu jinfluwenzaw il-kontenut tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, jevitaw l-istħarriġ tal-qorti ċivili.

69      Fl-aħħar nett, stħarriġ tal-imposti bbażat fuq l-ekwità kif ukoll l-adozzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ deċiżjoni li tirriżulta minn evalwazzjoni ex aequo et bono, konformement mal-Artikolu 315(3) tal-BGB, imorru kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-utenti tal-ajruport iggarantit mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/12, speċjalment peress li s-sentenzi mogħtija mill-qrati ċivili Ġermaniżi għandom biss effett limitat unikament għall-partijiet fil-kawżi mressqa quddiem dawn il-qrati (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punti 83 u 94).

70      Minn dan isegwi li l-Artikolu 315(3) tal-BGB li bis-saħħa tiegħu huwa impossibbli għall-utenti tal-ajruport li jiksbu stħarriġ ġudizzjarju mwettaq abbażi ta’ elementi oġġettivi u li jista’ jiżgura l-osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet imposti mid-Direttiva 2009/12, ma jippermettix lill-qrati ċivili Ġermaniżi jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva lil dawn l-utenti.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 2009/12 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li utent tal-ajruport ma jistax jikkontesta direttament id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tas-sistema ta’ imposti ajruportwali tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, iżda jista’ jressaq azzjoni kontra l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport quddiem qorti ċivili u jsostni biss, fil-kuntest tagħha, li l-imposta ffissata fis-sistema ta’ imposti ajruportwali li għandu jħallas dan l-utenti, ma hijiex konformi mal-ekwità.

 Fuq l-ispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti, u b’mod partikolari l-Artikolu 3, l-Artikolu 6(5)(a) kif ukoll l-Artikolu 11(1) u (7) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil korp ta’ tmexxija tal-ajruport jiddetermina ma’ utent tal-ajruport imposti ajruportwali differenti minn dawk stabbiliti minn din l-entità u approvati mill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, fis-sens ta’ din id-direttiva.

2)      Id-Direttiva 2009/12 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li utent tal-ajruport ma jistax jikkontesta direttament id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tas-sistema ta’ imposti ajruportwali tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, iżda jista’ jressaq azzjoni kontra l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport quddiem qorti ċivili u jsostni biss, fil-kuntest tagħha, li l-imposta ffissata fis-sistema ta’ imposti ajruportwali li għandu jħallas dan l-utenti, ma hijiex konformi mal-ekwità.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top