This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0321
Judgment of the Court (First Chamber) of 12 June 2019.#Terre wallonne ASBL v Région wallonne.#Request for a preliminary ruling from the Conseil d'État (Belgium).#Reference for a preliminary ruling — Environment — Directive 2001/42/EC — Assessment of the effects of certain plans and programmes on the environment — Decree — Establishment of conservation objectives for the Natura 2000 network, in accordance with Directive 92/43/EEC — Definition of ‘plans and programmes’ — Obligation to undertake an environmental assessment.#Case C-321/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Ġunju 2019.
Terre wallonne ASBL vs Région wallonne.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (il-Belġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Digriet – Stabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000, skont id‑Direttiva 92/43/KEE – Kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” – Obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali.
Kawża C-321/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Ġunju 2019.
Terre wallonne ASBL vs Région wallonne.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (il-Belġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Digriet – Stabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000, skont id‑Direttiva 92/43/KEE – Kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” – Obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali.
Kawża C-321/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:484
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
12 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Digriet – Stabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000, skont id‑Direttiva 92/43/KEE – Kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” – Obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali”
Fil-Kawża C‑321/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura
Terre wallonne ASBL
vs
Région wallonne,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Terre wallonne ASBL, minn A. Lebrun, avukat, |
– |
għar-Région wallonne, minn P. C. Moërynck, avukat, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u minn P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn P. Moërynck, G. Shaiko u J. Bouckaert, avukati, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u minn L. Dvořáková, bħala aġenti, |
– |
għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge u minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn C. Toland, SC, u minn M. Gray, BL, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes, M. Noll-Ehlers u F. Thiran, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Jannar 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva EIPP”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Terre wallonne ASBL u r-Région wallonne (ir-Reġjun tal-Wallonie, il-Belġju) dwar il-validità tad-digriet tal-gvern ta’ dan ir-reġjun, tal-1 ta’ Diċembru 2016, li jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000 (Moniteur belge tat‑22 ta’ Diċembru 2016, p. 88148, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva EIPP
3 |
Skont il-premessa 4 tad-Direttiva EIPP: “L-istima ambjentali hi għodda mportanti biex ikunu integrati l-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent fl-Istati Membri, minħabba li din tassigura li dawn l-effetti ta’ pjanijiet u programmi li jkunu ser jiġu mplimentati jkunu kkunsidrati matul il-preparazzjoni tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom.” |
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għanijiet”, jipprevedi: “L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]” |
6 |
Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EIPP, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”: “1. L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. 2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,
[…] 4. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. 5. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva. […]” |
Id-Direttiva “Habitats”
7 |
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 (iktar ’il quddiem id-Direttiva “Habitats”) jipprovdi li: “Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.” |
Id-dritt Belġjan
8 |
Il-liġi tat-12 ta’ Lulju 1973 dwar il-konservazzjoni tan-natura (Moniteur belge tal-11 ta’ Settembru 1973, p. 10306) kif emendata fl-aħħar lok bid-digriet tat-22 ta’ Diċembru 2010 (Moniteur belge tat‑13 ta’ Jannar 2011, p. 1257) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-12 ta’ Lulju 1973”) tipprovdi, fl-Artikolu 25a tagħha: “§ 1. Il-Gvern għandu jistabbilixxi, fil-livell tar-Reġjun ta’ Wallonie, għanijiet ta’ konservazzjoni għal kull tip ta’ habitat naturali u għal kull tip ta’ speċi li għalihom għandhom jintgħażlu siti. L-għanijiet ta’ konservazzjoni huma ddeterminati fuq il-bażi tal-istat ta’ konservazzjoni, fil-livell tar-Reġjun ta’ Wallonie, tat-tipi ta’ habitats naturali u tal-ispeċi li għalihom għandhom jintgħażlu siti u għandhom l-għan li jżommu jew, fejn xieraq, jirripristinaw it-tipi ta’ habitats naturali u l-ispeċi li għalihom għandhom jintgħażlu siti fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni. Dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu indikattivi. § 2. Fuq il-bażi tal-għanijiet ta’ konservazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, il-Gvern għandu jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni applikabbli għas-siti ta’ Natura 2000. Dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu regolatorji. Għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-data msemmija fil-punti 2 u 3 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(1)”. |
9 |
Id-Direttiva EIPP ġiet trasposta fid-dritt tar-Reġjun ta’ Wallonie bl-Artikolu D. 52 et seq. tal-Ktieb I tal-Kodiċi dwar l-Ambjent (Moniteur belge tad-9 ta’ Lulju 2004, p. 54654). Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux li l-għanijiet ta’ konservazzjoni adottati b’applikazzjoni tal-Artikolu 25a tal-Liġi tat-12 ta’ Lulju 1973 għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali bħala “pjanijiet u programmi”. |
10 |
Skont is-sitt sad-disa’ premessa, is-sittax-il premessa u t-tmintax-il premessa tad-Digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016: “Billi l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni fil-livell tar-Reġjun ta’ Wallonie u fil-livell tas-siti huwa indispensabbli għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ konservazzjoni tas-siti Natura 2000, bħala referenzi normattivi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ pjanijiet u l-ħruġ ta’ permessi kif ukoll, skont il-każ, għall-ġestjoni attiva tas-siti; […] billi l-għanijiet ta’ konservazzjoni huma ffissati sabiex jinżammu, jew, jekk ikun il-każ, jiġu rripristinati fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni t-tipi ta’ habitat naturali u l-ispeċi li għalihom għandhom jintgħażlu siti; […] billi, skont l-Artikoli 1a, 21a u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25a(1) tal-Liġi [tat-12 ta’ Lulju 1973], għandhom jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni fil-livell tat-territorju kollu ta’ Wallonie (u mhux biss għan-netwerk Natura 2000), b’mod li jkun hemm ħarsa ġenerali ta’ dak li għandu jiġi ppreżervat jew fejn jeħtieġ, ta’ dak li għandu jiġi rripristinat fir-Reġjun ta’ Wallonie sabiex jinżamm jew jiġi rripristinat fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni tal-habitats u l-ispeċi li għalihom ġie stabbilit in-netwerk Natura 2000; dawn l-għanijiet huma indikattivi; […] billi l-għanijiet ta’ konservazzjoni fil-livell tas-siti għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti fil-livell tat-territorju ta’ Wallonie; dawn l-għanijiet huma regolatorji; […] billi dawn l-għanijiet japplikaw biss f’sit speċifiku ta’ Natura 2000 meta s-sit ikun magħżul għal dik l-ispeċi jew dak il-habitat; billi l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ proġett ma’ dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandu jsir każ b’każ, skont l-unità ta’ ġestjoni li tista’ tiġi affettwata jew ir-riżultati ta’ evalwazzjoni xierqa, jekk din tkun seħħet; […] billi l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit jikkostitwixxu, fil-livell tas-sit, il-qafas ta’ riferiment li għandu jiġi osservat, ħlief fil-każ ta’ deroga, mill-awtoritajiet kompetenti b’mod partikolari għall-ħruġ tal-permessi, sew jekk jaqgħu taħt il-Liġi tat-12 ta’ Lulju 1973 dwar il-konservazzjoni tan-natura jew taħt leġiżlazzjoni oħra”. |
11 |
Konformement mal-Artikolu 2 tad-Digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016, l-anness tiegħu jiddefinixxi “l-għanijiet ta’ konservazzjoni kwantitattivi u kwalitattivi applikabbli fil-livell tar-Reġjun ta’ Wallonie”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
Fit-8 ta’ Novembru 2012, il-Ministru responsabbli għan-Natura ppreżenta nota quddiem il-Gvern ta’ Wallonie bl-għan li jiġi adottat abbozz preliminari li jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000. Mill-10 ta’ Diċembru 2012 sat-8 ta’ Frar 2013, twettqet investigazzjoni pubblika fil-218‑il komun ikkonċernat minn dan in-netwerk. |
13 |
Fix-xahar ta’ Ottubru u dak ta’ Novembru 2016, ġew ippreżentati t-tieni u sussegwentement it-tielet abbozz ta’ digriet lill-Gvern ta’ Wallonie. |
14 |
Fl-1 ta’ Diċembru 2016, dan il-gvern adotta d-digriet ikkontestat. |
15 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2017, Terre wallonne talbet l-annullament ta’ dan id-digriet quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju). |
16 |
Insostenn tar-rikors tagħha, din l-assoċjazzjoni sostniet, fost oħrajn, li d-dispożizzjonijiet tad-Digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016 jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens jew tad-Direttiva “Habitats”, jew tad-Direttiva EIPP. Fil-fehma tagħha, dan il-kunċett ma japplikax biss għall-pjanijiet u għall-programmi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, iżda wkoll għal dawk li jistgħu jkunu pożittivi għall-ambjent. Barra minn hekk, hija tqis li l-investigazzjoni pubblika kien messha ġiet organizzata fit-territorju tar-Reġjun ta’ Wallonie kollu u mhux biss fil-komuni kkonċernati mis-siti Natura 2000. |
17 |
B’risposta għal dan, il-Gvern tar-Reġjun ta’ Wallonie jsostni, minn naħa, li d-Digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016 huwa “direttament marbut ma’ jew neċessarju” għall-ġestjoni tas-siti, b’tali mod li ma jaqax taħt il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”. Min-naħa l-oħra, peress li dan id-digriet huwa eżentat minn evalwazzjoni xierqa, fis-sens ta’ din id-direttiva, huwa eżentat ukoll minn evalwazzjoni tal-effetti, fis-sens tad-Direttiva EIPP, li l-Artikolu 3(2)(b) tagħha jirreferi għall-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva “Habitats”. Dan il-gvern iżid jgħid ukoll li l-imsemmi digriet ma jikkostitwixxix pjan jew programm, fis-sens tad-Direttiva EIPP u huwa, fi kwalunkwe każ, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva b’effett tal-Artikolu 3 tagħha. |
18 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016 jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva EIPP u, fil-każ li huwa hekk, jekk id-Direttiva “Habitats” għandhiex jew le l-effett li tneħħi l-obbligu ta’ evalwazzjoni preliminari tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, fis-sens tad-Direttiva EIPP. |
19 |
Skont din il-qorti, jekk id-Digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016 ma jaqax taħt l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EIPP, xorta jibqa’ l-fatt li tali att jista’ madankollu jikkostitwixxi pjan jew programm, fis-sens jew tal-Artikolu 3(2)(a) jew tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EIPP. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
21 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva EIPP għandux jiġi interpretat fis-sens li digriet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu korp ta’ Stat Membru jistabbilixxi, fil-livell reġjonali għan-netwerk Natura 2000 tiegħu, għanijiet ta’ konservazzjoni, huwa fost “pjanijiet u programmi” li għalihom evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hija obbligatorja. |
22 |
Preliminarjament, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 4 tad-Direttiva EIPP, l-evalwazzjoni ambjentali hija għodda importanti għall-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u fl-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi. |
23 |
Imbagħad, skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, din għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u fl-adozzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi bl-għan li jiġi promoss żvilupp sostenibbli, billi jkun żgurat li, konformement mal-imsemmija direttiva, issir evalwazzjoni ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. |
24 |
Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-iskop tad-Direttiva EIPP li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit tali livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, id-dispożizzjonijiet li jiddelimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u b’mod partikolari dawk li jipprovdu d-definizzjonijiet tal-atti maħsuba minnha, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula. |
26 |
L-ewwel nett hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EIPP u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jeskludu, fi kwalunkwe każ, obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali. |
27 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Gvern Belġjan u l-Irlanda jargumentaw li, peress li d-Digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016 jiddefinixxi għanijiet ta’ konservazzjoni, huwa għandu biss effetti pożittivi u, konsegwentement, ma hemmx bżonn ta’ evalwazzjoni ambjentali tal-effetti tiegħu. |
28 |
Madankollu għandu jitfakkar li, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 85/337, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-proġetti għandu jkollhom effetti pożittivi għall-ambjent ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju li l-imsemmija proġetti jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA, C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 41). |
29 |
Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Belġjan u l-Irlanda, minħabba l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EIPP u l-eċċezzjoni li tapplika għall-miżuri ta’ ġestjoni tas-sit prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, l-evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa b’applikazzjoni tad-Direttiva EIPP huma ristretti, għal dak li jikkonċerna s-siti Natura 2000, għall-evalwazzjoni tal-pjanijiet u tal-proġetti li huma wkoll suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit abbażi tad-Direttiva “Habitats”. Skont din l-analiżi, evalwazzjoni ambjentali ma hija qatt meħtieġa għall-miżuri ta’ ġestjoni ta’ dawn is-siti. |
30 |
Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016 huwa marbut direttament mal-ġestjoni tas-siti kollha tar-Reġjun ta’ Wallonie. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ma jikkonċernax sit partikolari, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, u, konsegwentement, lanqas ma jeħtieġ evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EIPP. |
31 |
Minkejja dan, il-fatt li att, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mhux neċessarjament għandu jkun ippreċedut minn evalwazzjoni ambjentali abbażi tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” u tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EIPP ma jfissirx li ma huwa suġġett għal ebda obbligu f’dan il-qasam, peress li ma huwiex eskluż li jista’ jistipula regoli li jwasslu sabiex huwa jiġi assimilat ma’ pjan jew programm fis-sens ta’ din id-direttiva tal-aħħar, li għalihom evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent x’aktarx tkun obbligatorja. |
32 |
F’dan ir-rigward, kif issostni l-Avukat Ġenerali fil-punti 64 u 65 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li, fil-kuntest tad-Direttiva “Habitats”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma qiesx neċessarju li jadotta dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni ambjentali u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku għal dak li jikkonċerna l-ġestjoni tas-siti Natura 2000 ma jfissirx madankollu li huwa ried jeskludi din il-ġestjoni matul l-adozzjoni sussegwenti mir-regoli ġenerali ta’ evalwazzjoni ambjentali. Fil-fatt, l-evalwazzjonijiet imwettqa taħt strumenti oħra ta’ protezzjoni tal-ambjent jeżistu flimkien u jikkompletaw b’mod utli r-regoli tad-Direttiva “Habitats” għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ effetti potenzjali fuq l-ambjent kif ukoll tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku. |
33 |
Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-assimilazzjoni tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ pjan jew ma’ programm fis-sens tad-Direttiva EIPP, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EIPP jirriżulta li jikkostitwixxu pjanijiet jew programmi dawk li jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li jkunu ġew ippreparati u/jew adottati minn awtorità fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew ikunu ġew ippreparati minn awtorità bl-għan li jiġu adottati mill-Parlament jew mill-Gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, u, min-naħa l-oħra, li jkunu meħtieġa minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi. |
34 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li għandhom jitqiesu li huma “meħtieġa”, fis-sens u għall-applikazzjoni tad-Direttiva EIPP u, għaldaqstant, suġġetti għall-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-direttiva, il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija rregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji nazzjonali, li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom, kif ukoll il-proċedura tal-preparazzjoni tagħhom (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 31; kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et, C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 43). |
35 |
Fil-każ ineżami, id-Digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016 ġie ppreparat u ġie adottat minn awtorità reġjonali, jiġifieri l-Gvern tar-Reġjun ta’ Wallonie, u dan id-digriet huwa meħtieġ mill-Artikolu 25a tal-Liġi tat-12 ta’ Lulju 1973. |
36 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk pjan jew programm bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi ppreċedut minn evalwazzjoni ambjentali, għandu jitfakkar li l-pjanijiet u l-programmi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EIPP jisgħu jkunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali, bil-kundizzjoni li jikkostitwixxu wieħed minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva EIPP. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva EIPP jipprevedi li ssir evalwazzjoni ambjentali għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent. |
37 |
Skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EIPP, evalwazzjoni ambjentali għandha titwettaq għall-pjanijiet u l-programmi kollha ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar tal-iskart, l-amministrazzjoni tal-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, l-ippjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu tal-art u li jistabbilixxu l-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92. |
38 |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan u dak Ċek, l-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni jesprimu dubju dwar il-punt jekk l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti Natura 2000 ta’ reġjun ta’ Stat Membru jistax jaqa’ taħt wieħed minn dawn is-setturi. |
39 |
Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, sa fejn, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EIPP, l-Istati Membri jiddeterminaw jekk pjanijiet jew programmi, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 3(2), li jiddefinixxu l-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-implimentazzjoni ta’ proġetti oħrajn, humiex ser ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk att, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiddefinixxix tali qafas. |
40 |
Fil-fatt, bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijet tagħha, l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali prevista fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EIPP, l-istess bħall-obbligu ta’ evalwazzjoni previst fl-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, jiddependi minn jekk il-pjan jew il-programm inkwistjoni jiddefinixxix il-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-implimentazzjoni tal-proġetti. |
41 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” huwa relatat ma’ kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-kunsens u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; u tat-8 ta’ Mejju 2019, Verdi Ambiente e Società (VAS) - Aps Onluset, C‑305/18, EU:C:2019:384, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Fil-każ ineżami, id-Digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016 ma jipprovdix l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal siti speċifiċi, iżda jiġborhom fil-qosor għar-Reġjun kollu tal-Wallonie. Barra minn hekk, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 25a(1) tal-Liġi tat-12 ta’ Lulju 1973, jirriżulta li l-għanijiet ta’ konservazzjoni fil-livell tar-Reġjun ta’ Wallonie huma biss indikattivi, filwaqt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25a(2) jipprovdi li l-għanijiet ta’ konservazzjoni applikabbli fil-livell tas-siti Natura 2000 huma regolatorji. |
43 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jitqies li att, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jissodisfax il-kundizzjoni mfakkra fil-punti 41 tas-sentenza preżenti inkwantu ma jiddefinixxix il-kuntest li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, b’tali mod li la jaqa’ taħt l-Artikolu 3(2)(a) u lanqas taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EIPP. |
44 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva EIPP għandu jiġi interpretat fis-sens li digriet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu korp ta’ Stat Membru jistabbilixxi, fil-livell reġjonali għan-netwerk Natura 2000 tiegħu, għanijiet ta’ konservazzjoni li għandhom valur indikattiv, filwaqt li l-għanijiet ta’ konservazzjoni fil-livell ta’ siti għandhom valur regolatorju, ma jinsabx fost il-“pjanijiet u programmi”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li għalihom huwa obbligatorju li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. |
Fuq l-ispejjeż
45 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent għandu jiġi interpretat fis-sens li digriet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu korp ta’ Stat Membru jistabbilixxi, fil-livell reġjonali għan-netwerk Natura 2000 tiegħu, għanijiet ta’ konservazzjoni li għandhom valur indikattiv, filwaqt li l-għanijiet ta’ konservazzjoni fil-livell ta’ siti għandhom valur regolatorju, ma jinsabx fost il-“pjanijiet u programmi”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li għalihom huwa obbligatorju li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.