This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0309
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 2 May 2019.#Lavorgna Srl v Comune di Montelanico and Others.#Request for a preliminary ruling from the Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.#Reference for a preliminary ruling — Public procurement — Directive 2014/24/EU — Labour costs — Automatic exclusion of tenderer where those costs were not listed separately in the tender — Principle of proportionality.#Case C-309/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-2 ta’ Mejju 2019.
Lavorgna Srl vs Comune di Montelanico et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Spejjeż ta’ manodopera – Esklużjoni awtomatika tal-offerent li ma jkunx indika fl-offerta dawn l-ispejjeż b’mod distint – Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-309/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-2 ta’ Mejju 2019.
Lavorgna Srl vs Comune di Montelanico et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Spejjeż ta’ manodopera – Esklużjoni awtomatika tal-offerent li ma jkunx indika fl-offerta dawn l-ispejjeż b’mod distint – Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-309/18.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:350
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
2 ta’ Mejju 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Spejjeż ta’ manodopera – Esklużjoni awtomatika tal-offerent li ma jkunx indika fl-offerta dawn l-ispejjeż b’mod distint – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑309/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura
Lavorgna Srl
vs
Comune di Montelanico,
Comune di Supino,
Comune di Sgurgola,
Comune di Trivigliano,
fil-preżenza ta’:
GEA Srl,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Gea Srl, minn E. Potena, avvocato, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Santoro, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u P.Ondrůšek kif ukoll minn L. Haasbeek, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif ukoll tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Lavorgna Srl u l-Comune ta’ Montelanico (il-komun ta’ Montelanico, l-Italja), il-Comune di Supino (il-komun ta’ Supino, l-Italja), il-Comune di Sgurgola (il-komun ta’ Sgurgola, l-Italja) u l-Comune di Trivigliano (il-komun ta’ Trivigliano, l-Italja), dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku lil kumpannija li kienet naqset milli tindika b’mod distint l-ispejjeż ta’ manodopera fl-offerta ekonomika tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 40 u 98 tad-Direttiva 2014/24 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi: “1. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat. It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali tal-ambjent, soċjali u tax-xogħol elenkati fl-Anness X.” |
5 |
Skont l-Artikolu 56(3) ta’ din id-direttiva: “Fejn l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni li għandha tiġi sottomessa mill-operaturi ekonomiċi tkun jew tidher li tkun mhux kompleta jew żbaljata jew fejn dokumenti speċifiċi huma nieqsa, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, sakemm mhux previst mod ieħor mil-liġi nazzjonali li timplimenta din id-Direttiva, jesiġu lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati li jissottomettu, jissupplementaw, jikkjarifikaw jew jimlew l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni rilevanti f’limitu ta’ żmien adatt, sakemm tali esiġenzi isiru b’konformità sħiħa mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza.” |
Id-dritt Taljan
6 |
L-Artikolu 83(9) tad-decreto legislativo n. 50 – Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 dwar il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi), tat-18 ta’ April 2016 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 91, tad-19 ta’ April 2016, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 56 (Digriet Leġiżlattiv Nru 56), tad-19 ta’ April 2017, (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 103, tal-5 ta’ Mejju 2017), iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi”), huwa fformulat kif ġej: “Nuqqas li jaffettwa punt ta’ forma, kwalunkwe, tat-talba jista’ jkun suġġett għal regolarizzazzjoni permezz tal-proċedura ta’ assistenza għar-redazzjoni tal-fajl prevista f’dan il-paragrafu. B’mod partikolari, f’każ ta’ assenza jew ta’ natura inkompleta tal-punti u tad-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku msemmija fl-Artikolu 85, jew kwalunkwe irregolarità sostanzjali oħra li taffettwa dawn il-punti jew dikjarazzjonijiet, bl-eċċezzjoni tad-difetti relatati mal-offerta teknika u ekonomika, l-awtorità kontraenti għandha tagħti lill-offerent terminu, li ma jaqbiżx għaxart ijiem, sabiex jippreżenta, jikkompleta jew jirregolarizza d-dikjarazzjonijiet meħtieġa, kif ukoll jindika x’għandu jkun il-kontenut tagħhom u liema huma l-persuni obbligati li jipproduċuhom […]” |
7 |
Skont l-Artikolu 95(10) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi: “L-operaturi għandhom jindikaw fl-offerta ekonomika tagħhom l-ispejjeż ta’ manodopera tagħhom u l-ammont tal-ispejjeż ta’ impriża allokati għall-osservanza tal-obbligi tagħhom fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol, minbarra l-provvisti li ma jeħtiġux xogħlijiet ta’ tqegħid, servizzi ta’ natura intellettwali u kuntratti previsti fl-Artikolu 36(2)(a). F’dak li jikkonċerna l-ispejjeż ta’ manodopera, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jivverifikaw qabel l-għoti l-osservanza tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 97(5)(d).” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 |
Permezz ta’ avviż tad-29 ta’ Settembru 2017, il-komun ta’ Montelanico fetaħ proċedura ta’ sejħa għal offerti li l-valur tal-kuntratt tagħha qabeż il-limitu minimu previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24. Dan l-avviż ma fakkarx espressament l-obbligu impost fuq l-operaturi li fl-offerta ekonomika tagħhom jindikaw l-ispejjeż ta’ manodopera, previst fl-Artikolu 95(10) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi. |
9 |
Sitt offerenti, li kienu jinkludu Gea Srl u Lavorgna, ippreżentaw offerta. |
10 |
Wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-offerti, il-kumitat kontraenti, billi uża l-proċedura ta’ assistenza għar-redazzjoni tal-fajl (soccorso istruttorio), prevista fl-Artikolu 83(9) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, stieden lil uħud mill-offerenti, fosthom Gea, li jindikaw l-ispejjeż ta’ manodopera tagħhom. |
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2017, il-komun ta’ Montelanico ta l-kuntratt pubbliku lil Gea. |
12 |
Lavorgna, ikklassifikata fit-tieni post fit-tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni, adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’rikors intiż, b’mod partikolari, għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, billi sostniet li Gea kellha tiġi eskluża mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti billi naqset milli tindika, fl-offerta tagħha, l-ispejjeż ta’ manodopera, mingħajr ma tiġi offruta l-possibbiltà li tibbenefika mill-proċedura ta’ assistenza fir-redazzjoni tal-fajl. |
13 |
It-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja) tfakkar li, fis-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo, C‑27/15, EU:C:2016:404) u d-digriet tal-10 ta’ Novembru 2016, Edra Costruzioni u Edilfac (C‑140/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:868), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet esprimiet ruħha dwar il-kwistjoni jekk kompetituri jistgħux jiġu esklużi minn proċedura ta’ kuntratt pubbliku minħabba li ma kinux ippreċiżaw l-ispejjeż relatati mas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u jekk tali ommissjoni tistax tiġi rregolarizzata a posteriori. F’din l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet sostniet li, fl-ipoteżi fejn kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, taħt piena ta’ esklużjoni tal-offerent, ma hijiex speċifikament prevista mid-dokumenti tal-kuntratt u fejn din il-kundizzjoni tista’ tiġi identifikata biss minn interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali, l-awtorità kontraenti tista’ tagħti lill-offerent eskluż terminu suffiċjenti sabiex jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu. |
14 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, meta adotta l-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi sabiex jittrasponi d-Direttiva 2014/24 fl-ordinament ġuridiku Taljan, il-leġiżlatur nazzjonali espressament ippreveda l-obbligu għall-offerenti li jindikaw fl-offerta ekonomika l-ispejjeż ta’ manodopera tagħhom, filwaqt li eskluda minnu l-possibbiltà, għall-awtorità kontraenti, li tirrikorri għall-proċedura ta’ assistenza għar-redazzjoni tal-fajl sabiex tistieden lill-offerenti li ma kinux issodisfaw dan l-obbligu li jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom. |
15 |
It-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, taċ-ċertezza legali u tal-proporzjonalità, b’mod partikolari fil-każ fejn, bħal fil-kawża li tressqet quddiemha, l-offerta ekonomika, li ma tinkludix l-indikazzjoni tal-ispejjeż ta’ manodopera, ġiet ifformulata mill-impriża parteċipanti fis-sejħa għal offerti konformement mad-dokumentazzjoni prestabbilita għal dan il-għan mill-entità kontraenti, u fejn ma hijiex inkwistjoni l-osservanza materjali tar-regoli li jikkonċernaw l-ispejjeż ta’ manodopera. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ twassal għal diskriminazzjonijiet fir-rigward tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jixtiequ jipparteċipaw f’sejħa għal offerti mnedija minn amministrazzjoni Taljana, għaliex ma jkunux jistgħu joqogħdu fuq in-natura korretta fil-formola prestabbilita pprovduta mill-entità kontraenti. |
17 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, assoċjati mal-prinċipji ta’ moviment liberu ta’ merkanziji, ta’ libertà tal-istabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti fit-[Trattat FUE], kif ukoll il-prinċipji li jirriżultaw minnhom, bħall-ugwaljanza fit-trattament, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza, previsti fid-Direttiva [2014/24], jostakolaw l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-leġiżlazzjoni Taljana naxxenti mill-qari konġunt tad-dispożizzjonijiet tal-[Artikoli 95(10) u 83(9) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi], li skontha n-nuqqas ta’ indikazzjoni separata tal-ispejjeż tal-manodopera, fl-offerti ekonomiċi ppreżentati fi proċedura tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, iwassal fi kwalunkwe każ għall-esklużjoni tal-impriża offerenti mingħajr il-possibbiltà ta’ assistenza fl-istabbilment tal-fajl (“soccorso istruttorio”), anki meta l-obbligu li jiġu indikati dawn l-ispejjeż b’mod separat ma jkunx ġie speċifikat fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti, u dan indipendentement mill-fatt li, mill-perpsettiva sostanzjali, l-offerta tkun tosserva l-ispejjeż minimi tal-manodopera, konformement barra minn hekk ma’ dikjarazzjoni speċifika f’dan is-sens mill-impriża offerenti?” |
Fuq id-domanda preliminari
18 |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, imsemmija fid-Direttiva 2014/24, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li n-nuqqas ta’ indikazzjoni separata tal-ispejjeż ta’ manodopera, f’offerta ekonomika ppreżentata fi proċedura ta’ aġġudikazjoni ta’ kuntratt pubbliku, iwassal għall-esklużjoni ta’ din l-offerta mingħajr il-possibbiltà ta’ assistenza għar-redazzjoni tal-fajl, inkluż fil-każ fejn l-obbligu ta’ indikazzjoni separata ta’ dawn l-ispejjeż ma kienx speċifikat fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti. |
19 |
F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi li l-offerenti jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għaldaqstant jimplika li dawn l-offerti jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-offerenti kollha. Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ trasparenza, li jikkostitwixxi l-korollarju tiegħu, għandu bħala għan li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan l-obbligu jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univokali fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod, l-ewwel nett, li jippermetti li l-offerenti kollha raġonevolment informati u normalment diliġenti jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, it-tieni nett, li jqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika effettivament jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux mal-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo, C‑27/15, EU:C:2016:404, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħala riżultat tan-nuqqas ta’ osservanza, minnu, ta’ obbligu li ma jirriżultax espressament mid-dokumenti relatati ma’ din il-proċedura jew mil-liġi nazzjonali fis-seħħ, iżda minn interpretazzjoni ta’ din il-liġi u ta’ dawn id-dokumenti kif ukoll mill-ikkompletar ta’ lakuni, min-naħa tal-awtoritajiet jew tal-qrati amministrattivi nazzjonali, li jinsabu f’dawn id-dokumenti (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, C‑27/15, EU:C:2016:404, punt 51; ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Novembru 2016, Spinosa Costruzioni Generali u Melfi, C‑162/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:870, punt 32). |
21 |
Min-naħa l-oħra, dawn l-istess prinċipji ma jistgħux, bħala prinċipju, jipprekludu l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, minnu, ta’ obbligu impost espressament, taħt piena ta’ esklużjoni, mid-dokumenti relatati ma’ din il-proċedura jew mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fis-seħħ. |
22 |
Tali kunsiderazzjoni tapplika iktar minħabba li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ipoteżi fejn obbligi kienu b’mod ċar imposti fid-dokumenti relatati mal-kuntratt pubbliku taħt piena ta’ esklużjoni, l-awtorità kontraenti ma tistax taċċetta kwalunkwe rettifiki għal ommissjonijiet ta’ dawn l-obbligi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda, C‑42/13, EU:C:2014:2345, punti 46 u 48; tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo, C‑27/15, EU:C:2016:404, punt 49, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2016, Ciclat, C‑199/15, EU:C:2016:853, punt 30). |
23 |
F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 56(3) tad-Direttiva 2014/24 jawtorizza lill-Istati Membri li jillimitaw il-każijiet li fihom l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jitolbu lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati li jippreżentaw, li jikkompletaw, li jiċċaraw jew li jippreċiżaw l-informazzjoni jew id-dokumenti allegatament inkompleti, żbaljati jew neqsin f’terminu xieraq. |
24 |
Fl-aħħar nett, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna l-proċeduri ta’ kuntratt pubbliku li għandha bħala għan li tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London, C‑144/17, EU:C:2018:78, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
F’dan il-każ, mill-provi prodotti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-obbligu, taħt piena ta’ esklużjoni, li jiġu indikati separatament l-ispejjeż ta’ manodopera jirriżulta biċ-ċar minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 95(10) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi u mill-Artikolu 83(9) ta’ dan il-kodiċi, fis-seħħ fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Abbażi tal-Artikolu 56(3) tad-Direttiva 2014/24, il-leġiżlatur Taljan iddeċieda, fl-Artikolu 83(9) ta’ dan il-kodiċi, li jeskludi mill-proċedura ta’ assistenza għar-redazzjoni tal-fajl il-każ, b’mod partikolari, fejn l-informazzjoni nieqsa tikkonċerna l-ispejjeż ta’ manodopera. |
26 |
Barra minn hekk, għalkemm il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-avviż ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma fakkarx espliċitament l-obbligu impost fuq l-offerenti potenzjali, previst fl-Artikolu 95(10) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, li jiġi indikat, fl-offerta ekonomika, l-ispejjeż ta’ manodopera, madankollu jirriżulta mill-annessi tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li dan l-avviż kien jippreċiża li, “fir-rigward ta’ dak li ma kienx espressament previst fl-imsemmi avviż, fid-dokumenti u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tas-sejħa għal offerti, ir-regoli tal-[Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi]” għandhom japplikaw. |
27 |
Minn dan isegwi li kull offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti kien, bħala prinċipju, fil-pożizzjoni li jieħu konjizzjoni tar-regoli rilevanti applikabbli għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkluż l-obbligu li fl-offerta ekonomika jiġu indikati l-ispejjeż ta’ manodopera. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li n-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-ispejjeż ta’ manodopera jwassal għall-esklużjoni tal-offerent ikkonċernat mingħajr ma jkun possibbli li tintuża l-proċedura ta’ assistenza għar-redazzjoni tal-fajl, u dan ukoll fil-każ fejn l-avviż ta’ kuntratt ma fakkarx espliċitament l-obbligu legali li tiġi pprovduta din l-indikazzjoni. |
29 |
Madankollu, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Gea jirriżulta li l-formola prestabbilita li l-offerenti għas-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom obbligatorjament jużaw ma kinitx materjalment tippermettilhom li jindikaw fiha separatament l-ispejjeż ta’ manodopera. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt relatati ma’ din is-sejħa għal offerti kienu ppreċiżaw li l-offerenti ma setgħu jippreżentaw ebda dokument li ma kienx ġie speċifikament mitlub mill-awtorità kontraenti. |
30 |
Hija l-qorti tar-rinviju, l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti tal-kawża prinċipali u d-dokumentazzjoni relatata mal-avviż ta’ kuntratt inkwistjoni, li għandha tivverifika jekk kienx effettivament materjalment impossibbli għall-offerenti li jindikaw l-ispejjeż ta’ manodopera konformement mal-Artikolu 95(10) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi u li tevalwa jekk, minħabba dan il-fatt, din id-dokumentazzjoni ħolqotx, minkejja riferiment espliċitu għad-dispożizzjonijiet ċari ta’ dan il-kodiċi, konfużjoni fil-konfront tal-offerenti. |
31 |
Fl-ipoteżi fejn din il-qorti tasal għall-konklużjoni li dan kien effettivament il-każ, għandu jingħad ukoll li, f’tali każ, fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, l-awtorità kontraenti tista’ tagħti lil tali offerent il-possibbiltà li jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu u li jissodisfa l-obbligi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam f’terminu stabbilit mill-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo, C‑27/15, EU:C:2016:404, punt 51, kif ukoll id-digriet tal-10 ta’ Novembru 2016, Spinosa Costruzioni Generali u Melfi, C‑162/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:870, punt 32). |
32 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li d-domanda preliminari tiġi risposta li l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, kif previsti fid-Direttiva 2014/24, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li n-nuqqas ta’ indikazzjoni separata tal-ispejjeż ta’ manodopera, f’offerta ekonomika ppreżentata fi proċedura ta’ aġġudikazzjoni ta’ kuntratt pubbliku, iwassal għall-esklużjoni ta’ din l-offerta mingħajr il-possibbiltà ta’ assistenza għar-redazzjoni tal-fajl, inkluż fil-każ fejn l-obbligu ta’ indikazzjoni separata ta’ dawn l-ispejjeż ma kienx ġie speċifikat fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti, sa fejn din il-kundizzjoni u din il-possibbiltà ta’ esklużjoni huma b’mod ċar previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi li għaliha kien sar riferiment espliċitu. Madankollu, jekk id-dispożizzjonijiet tas-sejħa għal offerti ma jippermettux lill-offerenti li jindikaw dawn l-ispejjeż fl-offerti ekonomiċi tagħhom, il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-fatt li l-offerenti jkunu jistgħu jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom u li jissodisfaw l-obbligi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam f’terminu stabbilit mill-awtorità kontraenti. |
Fuq l-ispejjeż
33 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, kif previsti fid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li n-nuqqas ta’ indikazzjoni separata tal-ispejjeż ta’ manodopera, f’offerta ekonomika ppreżentata fi proċedura ta’ aġġudikazzjoni ta’ kuntratt pubbliku, iwassal għall-esklużjoni ta’ din l-offerta mingħajr il-possibbiltà ta’ assistenza għar-redazzjoni tal-fajl, inkluż fil-każ fejn l-obbligu ta’ indikazzjoni separata ta’ dawn l-ispejjeż ma kienx ġie speċifikat fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti, sa fejn din il-kundizzjoni u din il-possibbiltà ta’ esklużjoni huma b’mod ċar previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi li għaliha kien sar riferiment espliċitu. Madankollu, jekk id-dispożizzjonijiet tas-sejħa għal offerti ma jippermettux lill-offerenti li jindikaw dawn l-ispejjeż fl-offerti ekonomiċi tagħhom, il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-fatt li l-offerenti jkunu jistgħu jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom u li jissodisfaw l-obbligi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam f’terminu stabbilit mill-awtorità kontraenti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.