This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0288
Judgment of the Court (Tenth Chamber) of 11 April 2019.#X BV v Staatssecretaris van Financiën.#Request for a preliminary ruling from the Hoge Raad der Nederlanden.#Reference for a preliminary ruling – Common Customs Tariff – Classification of goods – Combined Nomenclature – Subheadings 8528 51 00 and 8528 59 40 – LCD flat panel monitors capable of displaying signals from automatic data-processing systems – Agreement on trade in information technology products.#Case C-288/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-11 ta’ April 2019.
X BV vs Staatssecretaris van Financiën.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 8528 51 00 u 8528 59 40 – Moniters bi skrin ċatt b’teknoloġija tal-kristalli likwidi (LCD) li jistgħu juru sinjali li joriġinaw minn sistemi awtomatiċi tal-ipproċessar ta’ data – Ftehim dwar il-kummerċ tal-prodotti tat-teknoloġija tal-informatika.
Kawża C-288/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-11 ta’ April 2019.
X BV vs Staatssecretaris van Financiën.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 8528 51 00 u 8528 59 40 – Moniters bi skrin ċatt b’teknoloġija tal-kristalli likwidi (LCD) li jistgħu juru sinjali li joriġinaw minn sistemi awtomatiċi tal-ipproċessar ta’ data – Ftehim dwar il-kummerċ tal-prodotti tat-teknoloġija tal-informatika.
Kawża C-288/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:319
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
11 ta’ April 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 85285100 u 85285940 – Moniters bi skrin ċatt b’teknoloġija tal-kristalli likwidi (LCD) li jistgħu juru sinjali li joriġinaw minn sistemi awtomatiċi tal-ipproċessar ta’ data – Ftehim dwar il-kummerċ tal-prodotti tat-teknoloġija tal-informatika
Fil-Kawża C‑288/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2018, fil-proċedura
X BV
vs
Staatsecretaris van Financiën
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal X BV, minn M. Chin-Oldenziel, advocaat, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u P. Huurnink, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u P. Vanden Heede, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestaturi tariffarji 85285100 u 85285940 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad-9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn X BV u s-Staatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ ħames skrins, li juru informazzjoni, ta’ format kbir b’teknoloġija tal-kristalli likwidi (iktar ’il quddiem l-“iskrins kontenzjużi”). |
Il-kuntest ġuridiku
In-NM
3 |
In-NM, stabbilita mir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u għall-Kodifika tal-Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), imfassla mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (iktar ’il quddiem l-“ODD”), u stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983. Din il-konvenzjoni ġiet approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’6 ċifri tas-SA, u huma biss is-seba’ u t-tmien figuri li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha. |
4 |
Il-verżjoni tan-NM applikabbli għall-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 927/2012. |
5 |
L-ewwel parti tan-NM, dwar id-dispożizzjonijiet preliminari, tinkludi t-Taqsima I, li tirrigwarda r-“Regoli ġenerali”, li l-Parti A tagħha, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”, tipprovdi: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin: 1. It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli [intestaturi] u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin. […] 6. Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.” |
6 |
It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi t-Taqsima XVI, li tinkludi l-Kapitolu 85, li ġġib l-isem “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. |
7 |
Il-Kapitolu 85 tan-NM jinkludi, partikolarment, l-intestatura u s-subintestaturi li ġejjin:
|
In-Noti ta’ spjega tas-SA
8 |
In-Noti ta’ spjega tas-SA huma mfassla fi ħdan l-ODD skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali. |
9 |
In-Noti ta’ spjega tas-SA, fil-verżjoni tagħhom adottata matul is-sena 2012, dwar l-intestatura 8528 tas-SA jindikaw, b’mod partikolari: “[…] Il-Moniters, il-proġekters, u t-tagħmir għar-riċezzjoni għat-televiżjoni jużaw teknoloġiji differenti bħal dawk b’tubu vakwu (CRT), ta’ kristalli likwidi (LCD), tagħmir diġitali b’displej magħmul mill-mikromirja (DMD), dajowds organiċi li jitfgħu d-dawl (OLED) jew plażma, sabiex juru l-istampi. Il-moniters u proġekters jistgħu jkunu kapaċi jirċievu varjetà ta’ sinjali li joriġinaw minn sorsi differenti. Madankollu, jekk jinkorporaw tjuner tat-televiżjoni, għandhom jiġu assimilati għal settijiet tat-televiżjoni. A. Moniters tat-tipi użati biss jew prinċipalment ma’ sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data tan-Numru 84.71 Dan il-grupp jinkludi l-moniters b’tubu vakwu (CRT) jew mhux vakwu (skrin ċatt, pereżempju) li jirrappreżentaw b’mod grafiku d-data pproċessata. Dawn il-moniters jiddistingwu ruħhom minn tipi oħra ta’ moniters (ara l-parti B hawn taħt) u mit-tagħmir ta’ riċezzjoni għat-televiżjoni. Huma jinkludu b’mod partikolari: 1) Il-moniters li jistgħu jirċievu sinjal li joriġina biss minn unità ċentrali għall-ipproċessar ta’ data u li għalhekk ma humiex f’pożizzjoni li jirriproduċu stampa bil-kulur abbażi ta’ sinjal vidjow kompost li l-frekwenzi tiegħu għandhom forma li tikkorrispondi għal standard tax-xandir (NTSC, SECAM, PAL, D-MAC jew oħrajn). Għal dan il-għan, dawn għandhom konnetturi tipiċi għas-sistema tal-ipproċessar ta’ data (interface RS‑232C, konnetturi DIN jew SUB-D, pereżempju) u ma għandhomx ċirkwit awdjo. Dawn jitħaddmu b’adapters speċjali (pereżempju adapters monokrom jew grafiċi) li huma integrati fl-unità ċentrali tal-magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data. 2) Il-moniters b’tubu vakwu (CRT) li l-pitch tal-iskrin tagħhom jibda minn 0.41 mm għal riżoluzzjoni medja, u li jonqos iktar ma żżid ir-riżoluzzjoni. 3) Il-moniters b’tubu vakwu (CRT) li, sabiex jippreżentaw stampi żgħar iżda b’definizzjoni qawwija, huma kkaratterizzati minn daqs tal-punti (pixels) fuq l-iskrin iżgħar u konverġenza iktar qawwija minn dawk tal-moniters deskritti fil-parti B hawn isfel u tat-tagħmir ta’ riċezzjoni għat-televiżjoni. (Il-konverġenza hija l-kapaċità tal-electron gun li jistimula punt wieħed biss tal-wiċċ tal-iskrin b’tubu vakwu mingħajr ma jistimula l-punti ta’ maġenbu.) 4) Il-moniters b’tubu vakwu (CRT), li l-frekwenza tal-vidjow (bandwidth) tiegħu, li hija l-miżura li tiddetermina n-numru ta’ punti (dots) li jistgħu jiġu trażmessi kull sekonda sabiex tiġi ffurmata l-istampa, hija ġeneralment ta’ 15 MHz jew iktar, filwaqt li fil-każ tal-moniters deskritti fil-Parti B hawn fuq, il- bandwidth ġeneralment ma taqbiżx is-6 MHz. Il-frekwenza ta’ skannjar orizzontali ta’ dawn il-moniters tvarja skont l-istandards użati għal diversi tipi ta’ display, u ġeneralment tvarja minn 15 kHz sa iktar minn 155 kHz. Ħafna tipi ta’ moniters jistgħu joperaw skont frekwenzi multipli ta’ skannjar orizzontali. Il-frekwenza ta’ skannjar orizzontali tal-moniters deskritti fil-parti (B) iktar ’l isfel hija fissa, u ġeneralment tkun ta’ 15.6 jew 15.7 kHz, skont l-istandard televiżiv użat. Barra minn hekk, il-moniters ta’ magni awtomatiċi tal-ipproċessar ta’ data ma jaħdmux skont l-istandards ta’ frekwenza internazzjonali jew nazzjonali adottati fil-qasam tax-xandir pubbliku jew skont l-istandards ta’ frekwenza adottati għat-televiżjoni b’ċirkwit magħluq. Il-moniters ta’ dan il-grupp huma kkaratterizzati minn emissjonijiet elettromanjetiċi dgħajfa u ta’ spiss jinkludu mekkaniżmi li jippermettu li jiġu rregolati l-inklinazzjoni u l-ippivottjar, tal-iskrins li ma jirriflettux (anti-reflexive), mingħajr ċaqliq u karatteristiċi ergonomiċi ta’ disinn oħra intiżi sabiex jippermettu lill-operatur li jaħdem mill-qrib tagħhom matul perijodi twal bla ma jgħajja. B. Moniters għajr dawk tat-tip użat biss jew prinċipalment ma’ sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data tan-Numru 84.71 Dan il-grupp jinkludi l-moniters li huma riċevituri konnessi direttament permezz ta’ kejbils koassjali mal-vidjokamera jew mal-VCR u li fihom tneħħew iċ-ċirkwiti kollha ta’ frekwenzi tar-radju. Dawn jippreżentaw ruħhom bħala apparat għal użu professjonali użat fir-reġiji tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni jew fit-televiżjoni b’ċirkwit magħluq (ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija, fabbriki, sptarijiet, eċċ.). Essenzjalment, dan l-apparat huwa kompost minn tagħmir li jippermetti li jiġi ġġenerat punt luminuż u li jiġi ddevjat għal fuq skrin, f’sinkronija mas-sinjali tas-sors u minn amplifikatur vidjow wieħed jew iktar li jippermettu li tiġi varjata l-intensità tal-punt luminuż. Barra minn hekk, huma jista’ jkollhom ukoll ports aħmar (R), aħdar (G) u blu (B) separati għas-sinjali jew ikkodati skont xi standard partikolari (NTSC, SECAM, PAL, D-MAC jew oħrajn). Għar-riċezzjoni ta’ sinjali kkodati, il-moniter irid jiġi mgħammar b’tagħmir ta’ dekodaġġ (separazzjoni) tas-sinjali R, G u B. Il-mezz l-iktar użat għar-rikostruzzjoni tal-istampa huwa t-tubu vakwu għal viżjoni diretta jew il-proġettur bi tliet tubi vakwu, iżda jeżistu moniters li jużaw mezzi oħra sabiex jaslu għall-istess għan (pereżempju skrins bit-teknoloġija tal-kristalli likwidi (LCD), diffrazzjonijiet ta’ raġġi tad-dawl fuq film taż-żejt). Dawn il-moniters jistgħu jkunu b’tubu vakwu jew inkella bi skrin ċatt, bħal dawk bit-teknoloġija tal-kristalli likwidi, bid-dajowds li jitfgħu d-dawl (OLED), jew plażma. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-klassifikazzjoni tariffarja tal-iskrins inkwistjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, dawn l-iskrins għandhom tul dijagonali li jvarja minn 46 sa 70-il pulzier u piż ta’ 19.3 sa 81.7 kg. Huma għandhom diversi punti minn fejn tista’ tqabbad magħhom, fost oħrajn, magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data, apparat ta’ rrekordjar u ta’ riproduzzjoni tal-ħoss u tal-istampa, jew DVD player, iżda ma jinkorporawx tagħmir għar-riċezzjoni tat-televiżjoni. Huma jinbiegħu b’unità ta’ kontroll mill-bogħod (remote control) kif ukoll diversi kejbils. |
11 |
Dejjem skont il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija skrins jistgħu juru, b’mod indipendenti minn sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data, stampa bil-kulur li toriġina minn sinjal ta’ vidjow kompost. Meta jitqiesu d-daqs, il-piż u l-funzjonalità tagħhom, l-iskrins kontenzjużi ma humiex adattati għal użu fuq skrivanija jew fuq mejda. Il-qorti tar-rinviju tindika, barra minn hekk, li dawn l-iskrins ma jinbigħux lill-konsumaturi, iżda huma offruti fis-suq professjonali sabiex, b’mod partikolari, jintużaw f’sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data fi spazji pubbliċi, bħalma huma l-ajruporti u l-istazzjonijiet tal-ferrovija sabiex tintwera informazzjoni dwar il-vjaġġi jew fi spazji kbar tal-uffiċċji sabiex tintwera l-informazzjoni ġenerali. |
12 |
Fl-24 u fis-26 ta’ April 2013, l-Ispettur ħareġ informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem “ITV”) li tikklassifika l-iskrins inkwistjoni fis-subintestatura 85285940 tan-NM bħala “moniters oħrajn [tal-]kulur bi skrin b’teknoloġija tal-kristalli likwidi”. |
13 |
Filwaqt li kkontestat din l-ITV, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet ilment, li jsostni li l-iskrins inkwistjoni kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85285100 tan-NM għar-raġuni li dawn kienu moniters ta’ tip użat biss jew prinċipalment ma’ sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data li taqa’ taħt l-intestatura 8471 tan-NM. L-ispettur iddikjara dan l-ilment infondat u kkonferma l-ITV. |
14 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat mid-deċiżjoni tal-Ispettur quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li kkonkludiet li l-iskrins kontenzjużi kellhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 85285940 tan-NM. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, l-imsemmija qorti essenzjalment ikkonstatat li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikjediet fil-punt 60 tas-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics (C‑376/07, EU:C:2009:105), l-iskrins inkwistjoni ma kinux iddisinjati għax-xogħol mill-qrib, u din hija karatteristika li tindika li ma hemmx interazzjoni bejn l-utent tal-moniter u l-utent tal-magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data, u għalhekk ma hemm l-ebda użu esklużiv jew predominanti ma’ sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data. |
15 |
Wara s-sentenza mogħtija mill-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), billi sostniet li l-iskrins inkwistjoni kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85285100 tan-NM, u dan għar-raġuni li dawn għandhom karatteristiċi u attributi li jagħmluhom partikolarment adatti biex juru, fi spazji pubbliċi kbar, informazzjoni li toriġina minn magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data. Tali klassifikazzjoni hija kkorroborata mill-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim tat-13 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kummerċ tal-prodotti teknoloġiċi tal-informatika (iktar ’il quddiem il-“FTI”), approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/359/KE tal-24 ta’ Marzu 1997 li tirrigwarda l-eliminazzjoni ta’ dazji minn fuq prodotti tekonoloġiċi ta’ l-informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 3). |
16 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, qabel l-emenda tas-SA matul is-sena 2007, il-moniters tat-tipi użati biss jew prinċipalment ma’ sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data ġew ikklassifikati fis-subintestatura 84716090 tan-NM, intitolata “unità ta’ ħruġ ta’ magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data”. Jirriżulta min-Noti ta’ spjega applikabbli qabel is-sena 2007 u minn dawk stabbiliti abbażi tal-emenda magħmula lis-SA matul is-sena 2007 li din l-emenda għandha l-għan li tikklassifika l-moniters ta’ dik li qabel kienet is-subintestatura 84716090 tan-NM taħt subintestatura separata, jiġifieri dik tal-intestatura 8528 tas-SA, u li tkompli tiddistingwi dawn il-moniters minn tipi oħra ta’ vidjow moniters u settijiet ta’ riċezzjoni tat-televiżjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-subintestatura 84716090 tan-NM iżżomm l-interess tagħha għall-interpretazzjoni tas-subintestatura 85285100 tan-NM. |
17 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li mill-kliem tas-subintestatura 85285100 tan-NM jirriżulta li l-kapaċità ta’ moniter li juri stampi li joriġinaw minn sorsi oħra barra minn magna tal-ipproċessar ta’ data ma għandhiex neċessarjament teskludi l-klassifikazzjoni tiegħu taħt din is-subintestatura. |
18 |
Fir-rigward tal-kriterju dwar il-kapaċità ta’ skrin għall-ħidma mill-qrib u l-kwistjoni dwar jekk tali kriterju jinvolvix interazzjoni bejn l-utent tal-magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data u l-utent ta’ dan l-iskrin, fis-sens li l-utent tal-magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data jkun jista’ jaqra wkoll dan l-iskrin meta tiġi pproċessata jew mad-dħul tad-data, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-iskrins inkwistjoni ma ġewx iddisinjati bħala mezz ta’ kif tiddaħħal u tiġi pproċessata d-data f’sistema awtomatika ta’ pproċessar ta’ data. Għalhekk, f’dan il-każ, l-imsemmi kriterju ma jkunx issodisfatt jekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fis-subintestatura 85285100 tan-NM, moniter ta’ kompjuter kellha jkun ġie iddisinjat biex jaħdem b’dan il-mod f’sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data. |
19 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva, barra minn hekk, li min-Noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8528 ma jistax jiġi dedott li s-subintestatura 852851 tas-SA hija limitata għall-moniters li ġew iddisinjati u mmanifatturati għal xogħol mill-qrib jew biex jintużaw mill-qrib minn dawk li jipproċessaw jew li jdaħħlu l-informazzjoni fil-magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data. Fil-fehma tagħha, dawn ir-restrizzjonijiet mhumiex ovvji u jimplikaw li l-moniters li jkollhom biss sokit wieħed li jippermetti l-konnessjoni ma’ magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data, iżda li ma jkunux adattati għal xogħol mill-qrib, lanqas ma jistgħu jiġu kklassifikati f’din is-subintestatura. Għall-qorti tar-rinviju, il-kriterji tekniċi stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics (C‑376/07, EU:C:2009:105), kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2014, Panasonic Italia et (C‑472/12, EU:C:2014:2082), huma rilevanti biss għall-moniters b’tubu vakwu (cathode ray tube) u, għaldaqstant, ma japplikawx għall-iskrins inkwistjoni. |
20 |
Bħala argument addizzjonali għall-klassifikazzjoni tal-iskrins inkwistjoni fis-subintestatura 85285100 tan-NM, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-obbligi li jirriżultaw mill-FTI. Il-mezzi ta’ display bi skrin ċatt, li jaqgħu taħt il-FTI, jinsabu fost il-prodotti li għandhom jiġu eżentati minn dazji ta’ importazzjoni indipendentement mill-intestatura tas-SA li fiha jkunu kklassifikati. Filwaqt li hija konxja li id-dispożizzjonijiet tal-FTI ma jistgħux joħolqu drittijiet, għall-individwi, li jistgħu jiġu invokati direttament, il-qorti tar-rinviju tqis li s-subintestaturi tan-NM għandhom jiġu interpretati skont dan il-ftehim. |
21 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li għadd ta’ rapporti tal-ODD ikkonstataw li l-impożizzjoni, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ta’ dazji għal ċerti strumenti ta’ viżwalizzazzjoni fuq skrin ċatt, li jistgħu jirċievu u jirriproduċu immaġni vidjow kemm minn magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data kif ukoll minn sors ieħor, kienet inkompatibbli mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 91). |
22 |
Din il-qorti ssostni li, peress li l-Unjoni għandha l-obbligu li tikkonforma ma’ din il-konklużjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, permezz tar-Regolament (KE) Nru 953/2013 tas-26 ta’ Settembru 2013 li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU 2013, L 263, p. 4), emenda s-subintestaturi tal-intestatura 8528 tan-NM. Sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, id-“Displays b’Pannelli Ċatti […] Bi skrin b’teknoloġija tal-kristalli likwidi” huma eżenti mid-dazji fuq l-importazzjoni. |
23 |
Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 112/2014 tal-4 ta’ Frar 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2014, L 38, p. 18), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 114/2014 tal-4 ta’ Frar 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2014, L 38, p. 22), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 877/2014 tat-8 ta’ Awwissu 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2014, L 240, p. 15), li, għalkemm ma humiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, jiżvelaw li l-Kummissjoni, sabiex twettaq il-klassifikazzjoni ta’ ċerti skrins ċatti b’teknoloġija tal-kristalli likwidi (iktar ’il quddiem “LCD”), ibbażat ruħha fuq il-fatt li għandu jittieħed kont ta’ sensiela ta’ karatteristiċi u ta’ proprjetajiet tal-iskrins u li wieħed ma għandux jillimita ruħu għall-idoneità tagħhom għax-xogħol mill-qrib. |
24 |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-punt jekk l-iskrins inkwistjoni humiex qabelxejn esklużi mill-klassifikazzjoni fis-subintestatura 85285100 tan-NM għar-raġuni li dawn jippreżentaw il-karatteristika li ma ġewx iddisinjati għax-xogħol mill-qrib. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Is-subintestaturi 85285100 u 85285940 tan-[NK] (test fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-25 ta’ Ottubru 2013) għandhom jiġu interpretati fis-sens li pannelli ċatti [LCD] iddisinjati u mmanifatturati għar-riproduzzjoni ta’ data li toriġina minn magna awtomatika ta’ pproċessar ta’ data kif ukoll is-sinjali vidjow komposti li joriġinaw minn sorsi oħra, indipendentement mill-karatteristiċi l-oħra u proprjetajiet oġġettivi tal-monitor speċifiku, jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85285940 tan-NM jekk, minħabba d-daqs, il-piż u l-funzjonalità tagħhom, ma jkunux adegwati għax-xogħol ta’ prossimità? F’dan ir-rigward tkun rilevanti ċ-ċirkustanza li l-utent (il-qarrej) tat-tagħmir u l-persuna li tipproċessa u/jew tintroduċi d-data fil-magna awtomatika għall-ipproċessar tad-data jkunu l-istess persuna?” |
Fuq id-domanda preliminari
26 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk skrins ċatti LCD, iddisinjati u mmanifatturati sabiex juru kemm id-data li toriġina minn magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni kif ukoll is-sinjali vidjow komposti li joriġinaw minn sorsi oħra, għandhomx jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85285100 tan-NM jew fis-subintestatura 85285940 ta’ din in-nomenklatura, il-kwistjoni dwar jekk dawn l-iskrins humiex tajbin għax-xogħol mill-qrib jew le hija determinanti, mingħajr ma huwa meħtieġ li jitqiesu l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi oħra ta’ dawk l-iskrins u jekk, għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni, il-fatt li l-utent tal-iskrin u l-persuna li tipproċessa u/jew li ddaħħal l-informazzjoni fil-magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data jkunu l-istess persuna huwiex element rilevanti. |
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Kubota (UK) u EP Barrus, C‑545/16, EU:C:2018:101, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li n-Noti ta’ spjega adottati mill-ODD, f’dak li jikkonċerna s-SA, jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madankollu, ma huma legalment vinkolanti (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Vision Research Europe, C‑372/17, EU:C:2018:708, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Sa fejn dawn in-noti għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-interpretazzjoni tan-NM għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod li jiżgura l-effettività tas-subintestaturi tan-NM. Il-kontenut tal-imsemmija noti għandu għalhekk ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax jemenda l-portata tagħhom (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Vario Tek, C‑178/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:152, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Fir-rigward tal-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tan-NM, għandu jiġi rrilevat li l-intestatura 8528 tan-NM tirrigwarda, b’mod partikolari, moniters u proġekters, li, bħalma huma l-iskrins inkwistjoni, ma jkunux jinkorporaw tagħmir għar-riċezzjoni tat-televiżjoni. Il-formulazzjoni tas-subintestatura 85285100 tan-NM fiha l-frażi “Moniters […] Ta’ tip użat biss jew prinċipalment ma’ sistema awtomatika ta’ l-ipproċessar ta’ data [tal-intestatura] 8471 [tan-NM]’. Min-naħa tiegħu, il-kliem tas-subintestatura 85285940 tan-NM fiha l-frażi “[Moniters] Oħrajn […] Kulur […] Bi skrin b’teknoloġija tal-kristalli likwidi (LCD)”. |
31 |
F’dan ir-rigward, għalkemm is-subintestatura 85285940 tan-NM issemmi b’mod espliċitu skrins LCD, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem ta’ din is-subintestatura huwa pjuttost ġenerali u jiddefinixxi b’mod partikolari l-moniters li jaqgħu taħtha bħala “Oħrajn [Differenti]” minn dawk li jaqgħu taħt is-subintestatura 85285100. Minn dan isegwi li s-subintestatura 85285940 tan-NM għandha karattru residwu fir-rigward tas-subintestatura 85285100 tan-NM, fis-sens li moniter bi skrin LCD ikun jista’ jiġi kklassifikat f’din l-ewwel subintestatura biss jekk dan ma jkunx jista’ jiġi kklassifikat fis-subintestatura 85285100 tan-NM. |
32 |
Fir-rigward ta’ din is-subintestatura tal-aħħar, għandu jiġi rrilevat li l-użu tat-terminu ġenerali “moniters” jimplika li skrins ċatti LCD, bħal dawk inkwistjoni, jistgħu, bħala prinċipju, jaqgħu taħt din is-subintestatura. |
33 |
Peress li, fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tagħhom, jiġifieri l-fatt li dawn jistgħu, b’mod partikolari, juru stampa bil-kulur li toriġina minn tagħmir għajr magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data, l-iskrins inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu bħala moniters użati esklużivament ma’ sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data li jaqgħu taħt l-intestatura 8471 tan-NM, il-kwistjoni rilevanti fil-kawża prinċipali hija jekk moniters, bħall-iskrins inkwistjoni, jistgħux jiġu kkunsidrati bħala moniters użati prinċipalment ma’ sistema bħal din u, b’hekk, jaqgħu taħt is-subintestatura 85285100 tan-NM. |
34 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk moniter jistax jiġi kklassifikat f’din is-subintestatura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hemm lok li jiġi evalwat, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi kollha tal-moniter ikkonċernat, kemm il-livell li bih dan jista’ jeżerċita diversi funzjonijiet kif ukoll il-livell ta’ prestazzjoni li dan jilħaq fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, C‑376/07, EU:C:2009:105, punt 57). B’hekk għandu jsir paragun bejn, minn naħa, l-abbiltà ta’ moniter biex jintuża bħala moniter ma’ sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data u l-prestazzjoni tiegħu f’dan il-qasam u, min-naħa l-oħra, l-abbiltà tiegħu li jintuża f’funzjonijiet oħra u l-prestazzjoni tiegħu f’dawn il-funzjonijiet, sabiex jiġi kkonstatat liema hija l-funzjoni prinċipali tiegħu li b’hekk tiddetermina il-klassifikazzjoni tiegħu. |
35 |
F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-karatteristiċi li jiddeterminaw il-kapaċità ta’ moniter li jiġi użat prinċipalment f’sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data, in-Noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8528, li l-parti A tagħhom tirreferi għall-moniters tat-tipi użati esklużivament jew prinċipalment f’sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data tal-intestatura 8471 tas-SA, joffru indikazzjonijiet importanti. |
36 |
L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-ewwel paragrafu tal-parti A, il-grupp ta’ moniters imsemmi hemmhekk jinkludi moniters b’tubu vakwu, jew mhux vakwu, inklużi dawk bi skrin ċatt, li jippreżentaw b’mod grafiku d-data pproċessata, u li jinkludu, b’mod partikolari, dawk elenkati fil-punti 1 sa 4 tal-imsemmija parti. Jirriżulta, pereżempju, mill-użu tat-terminu “b’mod partikolari” li l-enumerazzjoni, fil-punti 1 sa 4 tal-istess parti, ta’ tipi ta’ moniters użati biss jew prinċipalment ma’ sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data, kif ukoll tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom, li jagħmluhom adatti għall-preżentazzjoni effiċjenti tad-data li toriġina minn sistema awtomatika ta’ pproċessar tad-data, hija biss indikattiva. |
37 |
Min-naħa l-oħra, ma jistax jingħad l-istess fir-rigward tal-karatteristiċi elenkati fil-paragrafu finali tal-parti A, li ma fihx il-frażi “b’mod partikolari”. Fil-fatt, dan il-paragrafu finali huwa introdott bil-kliem “moniters ta’ dan il-grupp”, li b’hekk jindika li jirreferi għall-moniters kollha imsemmija fil-Parti A tan-Nota ta’ spjega dwar l-intestatura 8528 tas-SA, jiġifieri il-moniters użati biss jew prinċipalment ma’ sistema awtomatika ta’ pproċessar tad-data. |
38 |
Issa, skont il-kliem tal-imsemmi paragrafu finali, il-moniters ta’ dan il-grupp huma kkaratterizzati minn emissjonijiet elettromanjetiċi dgħajfa u ta’ spiss jinkludu mekkaniżmi li jippermettu li jiġu rregolati l-inklinazzjoni u l-ippivottjar, tal-iskrins li ma jirriflettux (anti-reflexive), mingħajr ċaqliq u karatteristiċi ta’ disinn ergonomiċi oħra intiżi sabiex jippermettu lill-operatur li jaħdem mill-qrib tagħhom matul perijodi twal bla ma jgħajja. |
39 |
Għalhekk, mill-imsemmi paragrafu jidher li jirriżulta li l-fatt li dawn ġew iddisinjati għal xogħol mill-qrib hija karatteristika neċessarja tal-moniters li, sa fejn huma ddisinjati biex jintużaw biss jew prinċipalment ma’ sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data, għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85285100 tan-NM. |
40 |
Madankollu, in-Noti ta’ spjega inkwistjoni ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li dan ir-rekwiżit huwa assolut, għaliex, f’tali ipoteżi, dawn ikunu jwasslu sabiex il-portata tas-subintestaturi tan-NM tiġi emendata. Fil-fatt, tali rekwiżit ikollu l-konsegwenza li moniters li t-tagħmir ta’ konnessjoni tagħhom ikun jippermetti li dawn jiġu konnessi biss ma’ magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data, iżda li ma jkunux tajbin għax-xogħol mill-qrib, ma jkunux jistgħu jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85285100 tan-NM, minkejja li, manifestament, dawn ikunu ddisinjati sabiex jintużaw biss ma’ sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data. |
41 |
Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, għalkemm il-fatt li moniter ikun ġie ddisinjat għal xogħol mill-qrib jikkostitwixxi element partikolarment importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk jistax jiġi kklassifikat fis-subintestatura 85285100 tan-NM, dan l-element ma jistax, waħdu, ikun determinanti. Huwa fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi kollha ta’ dak il-moniter li l-klassifikazzjoni tiegħu għandha tiġi ddeterminata. |
42 |
Barra minn hekk, għalkemm il-kriterju dwar il-possibbiltà li wieħed jaħdem fuq moniter mill-qrib ikun jista’ jimplika, kif semmiet il-qorti tar-rinviju, li, normalment, il-qarrej tal-moniter u l-persuna li tipproċessa u/jew li ddaħħal l-informazzjoni f’magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data ikun l-istess persuna, din l-identiċità madankollu ma tikkostitwixxix element rilevanti għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tali moniter. Fil-fatt, l-identiċità tal-utent ma tikkostitwixxix karatteristika jew proprjetà oġġettiva tal-imsemmi moniter. |
43 |
Fir-rigward tar-rilevanza tal-FTI għad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tariffarja meqjusa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, anki jekk id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bħalma huwa l-FTI ma jkunux ta’ natura li joħolqu drittijiet, għall-individwi, li dawn jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qorti bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, meta fil-qasam ikkonċernat tkun teżisti leġiżlazzjoni tal-Unjoni, is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt sekondarju teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, konformement ma’ dawn il-ftehimiet (sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Sprengen vs Pakweg Douane, C‑97/15, EU:C:2016:556, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-FTI jikkonċerna d-dazji doganali relatati, b’mod partikolari, mal-moniters tal-intestatura 8471 tas-SA, huwa la jaffettwa u lanqas ma jibdel il-karatteristiċi tekniċi u l-proprjetajiet oġġettivi li abbażi tagħhom jiġu kklassifikati l-oġġetti, b’mod partikolari fis-subintestaturi 85285100 u 85285940 tan-NM. Dan il-ftehim jipprevedi biss l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni għal ċerti oġġetti. Minn dan isegwi, bħalma jinnota ġustament il-Gvern Olandiż, li l-eżistenza ta’ obbligu ta’ eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni tal-prodotti msemmija mill-FTI ma tistax tibdel il-portata tal-imsemmija subintestaturi. |
45 |
Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda r-rilevanza tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 112/2014, 114/2014 u 877/2014, li jikklassifika ċerti moniters tal-kulur b’display LCD fis-subintestatura 85255931 tan-NM, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn ir-regolamenti daħlu fis-seħħ wara li l-ITV sottostanti l-kawża prinċipali, kienet ingħatat. Għalhekk, dawn ir-regolamenti ma japplikawx ratione temporis u, għaldaqstant, huma ma jistax ikollhom effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
46 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk skrins ċatti LCD, iddisinjati u mmanifatturati biex juru kemm id-data li toriġina minn magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data kif ukoll is-sinjali vidjow komposti li joriġinaw minn sorsi oħra, għandhomx jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85285100 tan-NM jew fis-subintestatura 85285940 ta’ din in-nomenklatura, huwa xieraq, filwaqt li jiġu eżaminati l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi kollha tagħhom, li jiġi evalwat kemm il-grad li fih dawn tal-aħħar jistgħu jeżerċitaw diversi funzjonijiet kif ukoll il-livell ta’ prestazzjoni li huma jilħqu fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, u dan sabiex jiġi ddeterminat jekk il-funzjoni primarja tagħhom hijiex li jintużaw ma’ sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data. F’dan il-kuntest, importanza partikolari għandha tingħata lill-kwistjoni dwar jekk dawn humiex iddisinjati għal xogħol mill-qrib. Il-fatt li l-utent tal-iskrin u l-persuna li tipproċessa u/jew li ddaħħal id-data fil-magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data tkun l-istess persuna ma huwiex kriterju rilevanti għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
47 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad-9 ta’ Ottubru 2012, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk skrins ċatti b’teknoloġija tal-kristalli likwidi (LCD), iddisinjati u mmanifatturati biex juru kemm id-data li toriġina minn magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data kif ukoll is-sinjali vidjow komposti li joriġinaw minn sorsi oħra, għandhomx jiġu kklassifikati fis-subintestatura 85285100 tan-Nomenklatura Magħquda jew fis-subintestatura 85285940 ta’ din in-nomenklatura, huwa xieraq, filwaqt li jiġu eżaminati l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi kollha tagħhom, li jiġi evalwat kemm il-grad li fih dawn tal-aħħar jistgħu jeżerċitaw diversi funzjonijiet kif ukoll il-livell ta’ prestazzjoni li huma jilħqu fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, u dan sabiex jiġi ddeterminat jekk il-funzjoni primarja tagħhom hijiex li jintużaw ma’ sistema awtomatika tal-ipproċessar ta’ data. F’dan il-kuntest, importanza partikolari għandha tingħata lill-kwistjoni dwar jekk dawn humiex iddisinjati għal xogħol mill-qrib. Il-fatt li l-utent tal-iskrin u l-persuna li tipproċessa u/jew li ddaħħal id-data fil-magna awtomatika tal-ipproċessar ta’ data tkun l-istess persuna ma huwiex kriterju rilevanti għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.