EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0280

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Novembru 2019.
Alain Flausch et vs Ypourgos Perivallontos kai Energeias et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali u aċċess għall-ġustizzja – Dekorrenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors.
Kawża C-280/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:928

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Novembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali u aċċess għall-ġustizzja – Dekorrenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors”

Fil-Kawża C‑280/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ April 2018, fil-proċedura

Alain Flausch,

Andrea Bosco,

Estienne Roger Jean Pierre Albrespy,

Somateio “Syndesmos Iiton”,

Somateio “Elliniko Diktyo – Filoi tis Fysis”,

Somateio “Syllogos Prostasias kai Perithalpsis Agrias Zois – SPPAZ”

vs

Ypourgos Perivallontos kai Energeias,

Ypourgos Oikonomikon,

Ypourgos Tourismou,

Ypourgos Naftilias kai Nisiotikis Politikis,

fil-preżenza ta’:

105 Anonymi Touristiki kai Techniki Etaireia Ekmetallefsis Akiniton,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Marzu 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Flausch, A. Bosco u E. Albrespy kif ukoll għas-Somateio “Syndesmos Iiton”, għas-Somateio “Elliniko Diktyo – Filoi tis Fysis” u għas-Somateio “Syllogos Prostasias kai Perithalpsis Agrias Zois – SPPAZ”, minn G. Dellis u A. Chasapopoulos, dikigoroi,

għal 105 Anonimi Touristiki kai Techniki Etaireia Ekmetallefsis Akiniton, minn G. Giannakourou u D. Valasis, dikigoroi,

għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis, G. Karipsiadis u A. Banos kif ukoll minn G. Papadaki, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, M. Noll-Ehlers u M. Konstantinidis kif ukoll minn M. Patakia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEA”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Alain Flausch, Andrea Bosco u Estienne Roger Jean Pierre Albrespy kif ukoll is-Somateio “Syndesmos Iiton”, is-Somateio “Elliniko Diktyo – Filoi tis Fysis” u s-Somateio “Syllogos Prostasias kai Perithalpsis Agrias Zois – SPPAZ”, u min-naħa l-oħra, Ypourgos Perivallontos kai Energeias (il-Ministru għall-Ambjent u għall-Enerġija, il-Greċja), Ypourgos Oikonomikon (il-Ministru għall-Ekonomija, il-Greċja), Ypourgos Tourismou (il-Ministru għat-Turiżmu, il-Greċja) u Ypourgos Naftilias kai Nisiotikis Politikis (il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Greċja) dwar il-legalità ta’ atti li jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni ta’ kostruzzjoni ta’ kumpless turistiku fil-gżira ta’ Ios (il-Greċja).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 7 u 16 tad-Direttiva SEA jipprovdu:

“(7)

Kunsens għall-iżvilupp għal proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent għandu jingħata biss wara li tkun saret stima minn qabel tal-effetti ambjentali sinifikanti probabbli ta’ dawk il-proġetti. Dik l-istima għandha titmexxa fuq il-bażi tal-informazzjoni xierqa mogħtija mill-iżviluppatur, li tista’ tkun supplementata mill-awtoritajiet u mill-pubbliku li x’aktarx ikun ikkonċernat bil-proġett inkwistjoni.

[…]

(16)

Il-parteċipazzjoni pubblika effettiva fit-teħid tad-deċiżjonijiet tgħin lill-pubbliku li jesprimi, u lil min jagħmel id-deċiżjoni li jqis, l-opinjonijiet u t-tħassib li jistgħu jkunu rilevanti għal dawn id-deċiżjonijiet, biex b’hekk jiżdiedu l-kontabbiltà u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u jikkontribwixxu għall-konoxxenza tal-pubbliku tal-kwistjonijiet ambjentali u l-appoġġ għad-deċiżjonijiet meħuda.”

4

L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

d)

‘pubbliku’ tfisser persuna jew iktar naturali jew legali, u, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;

e)

‘pubbliku kkonċernat’ tfisser il-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom. Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u jissodisfaw kull rekwiżit taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess;

[…]”

5

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”

6

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali, l-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva SEA huwa fformulat kif ġej:

“2.   Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf, jew b’avviżi pubbliċi jew b’mezzi oħra approprjati bħalma hija l-medja elettronika meta disponibbli, dwar il-materji li ġejjin kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u, l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista’ jiġi pprovdut b’mod raġonevoli:

(a)

it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp;

(b)

il-fatt li l-proġett huwa soġġett għal proċedura ta’ stima dwar l-impatt fuq l-ambjent u, meta rilevanti, il-fatt li japplika l-Artikolu 7;

(c)

id-dettalji tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-teħid tad-deċiżjoni, dawk li mingħandhom jista’ jinkiseb tagħrif rilevanti, dawk li lilhom jistgħu jiġu sottomessi kummenti jew mistoqsijiet, u d-dettalji dwar l-iskeda taż-żmien għat-trażmissjoni tal-kummenti jew il-mistoqsijiet;

(d)

in-natura tad-deċiżjonijiet possibbli jew, meta jkun hemm wieħed, l-abbozz tad-deċiżjoni;

(e)

indikazzjoni tad-disponibbiltà tat-tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5;

(f)

indikazzjoni dwar iż-żminijiet jew il-postijiet li fihom u l-mezzi li permezz tagħhom it-tagħrif irid jiġi magħmul disponibbli;

(g)

id-dettalji tal-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku magħmula skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’termini ta’ żmien raġonevoli, dan li ġej jitpoġġa għad-disponibilità tal-pubbliku kkonċernat:

(a)

kull tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5;

(b)

skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rapporti u l-pariri prinċipali mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien meta jiġi mgħarraf il-pubbliku kkonċernat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375], it-tagħrif għajr dak imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jkun rilevanti għad-deċiżjoni skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva u li jsir disponibbli biss wara ż-żmien meta l-pubbliku kkonċernat ikun ġie mgħarraf skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-pubbliku kkonċernat għandu jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp.

5.   L-arranġamenti dettaljati sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf (pereżempju bit-twaħħil tal-kartelluni f’ċertu raġġ jew bil-pubblikazzjoni fil-gazzetti lokali) u sabiex il-pubbliku kkonċernat jiġi kkonsultat (pereżempju b’sottomissjonijiet bil-miktub jew permezz ta’ inkjesta pubblika) għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.”

7

Fir-rigward tad-deċiżjoni marbuta mal-proġett, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva SEA jipprovdi:

“Meta tittieħed deċiżjoni li jingħata jew jiġi rrifjutat kunsens għall-iżvilupp, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-pubbliku biha skont il-proċeduri xierqa […]”

8

Fir-rigward tar-rikorsi, l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

a)

li jkollhom interess suffiċjenti, jew alternattivament,

b)

li jsostnu l-ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

3.   Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-ksur ta’ dritt għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-objettiv li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat. […]”

Id-dritt Elleniku

9

L-Artikolu 1(1) tal-Liġi 4014/2011 dwar Awtorizzazzjonijiet Ambjentali għal Proġetti u Attivitajiet, Regolamenti dwar Bini Illegali u Dispożizzjonijiet Oħra taħt ir-Responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, għall-Enerġija u għat-Tibdil fil-Klima (FEK A’ 209), iqassam il-proġetti tas-settur pubbliku u tas-settur privat f’żewġ kategoriji (A u B) skont l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. L-ewwel kategorija (A) tinkludi x-xogħlijiet u l-attivitajiet li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u li fir-rigward tagħhom hija meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti ambjentali (iktar ’il quddiem l-“EEA”) sabiex jiġu imposti rekwiżiti u restrizzjonijiet partikolari, intiżi li jipproteġu l-ambjent. It-tieni kategorija (B) tinkludi l-proġetti li għandhom effetti inqas gravi fuq l-ambjent.

10

L-Artikoli 3, 4 u 19 tal-Liġi 4014/2011 jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Konformement mal-Artikolu 12 tagħha, id-diversi awtorizzazzjonijiet huma miġbura f’deċiżjoni ta’ approvazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ approvazzjoni”).

11

L-Artikolu 30(9) tal-Liġi 4014/2011 jinkludi dispożizzjoni tranżitorja li tipprevedi li, sal-preżentatazzjoni ta’ reġistru ambjentali elettroniku, id-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ sa dakinhar rigward il-konsultazzjoni tal-persuni kkonċernati u l-proċedura ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni ambjentali jibqgħu validi. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, din il-proċedura tingħata bidu bit-twaħħil fil-bini tal-amministrazzjoni tar-reġjun ikkonċernat u bil-pubblikazzjoni fl-istampa lokali ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-proġett kif ukoll ta’ stedina sabiex kull persuna kkonċernata jkollha għarfien tal-EEA u tesprimi ruħha dwar dan is-suġġett.

12

Konformement mal-Artikolu 19a tal-Liġi 4014/2011, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għandha tiġi ppubblikata fuq l-internet fix-xahar li jsegwi l-adozzjoni tagħha. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu jimplika n-nullità tal-approvazzjoni. It-twaħħil tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni f’dan is-sit speċjali huwa ekwivalenti għal ippubblikar impost mil-liġi u jagħti lok għall-preżunzjoni li kull persuna kkonċernata għandha għarfien tagħha b’mod li tkun tista’ teżerċita rikors għal annullament jew kwalunkwe rimedju legali ieħor.

13

Skont l-Artikolu 46 tad-Digriet Presidenzjali 18/1989 dwar il-Kodifikazzjoni ta’ Dispożizzjonijiet Legali għall-Kunsill tal-Istat (FEK A’ 8), ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat, bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja, fi żmien 60 jum (90 jum għal persuni mhux residenti) li jibdew jiddekorru mid-data tan-notifika tal-att ikkontestat jew tal-pubblikazzjoni tiegħu, sakemm dan ikun meħtieġ bil-liġi, jew inkella, mill-mument li r-rikorrent ikollu għarfien sħiħ tal-att. Fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kif interpretata minn ġurisprudenza stabbilita, meta l-liġi teżiġi li att amministrattiv individwali jiġi ppubblikat skont modalitajiet speċifiċi, it-terminu stabbilit sabiex jiġi ppreżentat rikors għal annullament ta’ dan l-att jibda jiddekorri, fir-rigward tal-persuni kkonċernati, mid-data tan-notifika tal-att jew mid-data li fiha jkollhom għarfien tal-kontenut tiegħu u, fir-rigward tat-terzi kkonċernati, mill-pubblikazzjoni tal-imsemmi att.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Il-kawża prinċipali tqajmet fir-rigward ta’ proġett għall-ħolqien ta’ kumpless turistiku fil-gżira ta’ Ios. Din il-gżira, li tinsab fl-arċipelagu ta’ Cyclades u li taqa’ taħt ir-reġjun amministrattiv South Aegean (il-Greċja), għandha superfiċje ta’ madwar 100 km2 u popolazzjoni ta’ madwar 2000 resident permanenti.

15

Il-proġett ikkontestat jinvolvi l-kostruzzjoni ta’ lukanda, ta’ spa, ta’ akkomodazzjonijiet oħra, ta’ xogħlijiet anċillari, bħal impjant ta’ desalinazzjoni, faċilitajiet portwali, plajjiet artifiċjali, pont li jgħaqqad ġżira żgħira mal-art, netwerk stradali u infrastruttura oħra. Dan jestendi fuq plott ta’ madwar 27 ettaru, li minnhom iktar minn 18 ettaru huwa għall-bini. Dan jinkludi żoni tal-kosta, tal-bajjiet, u tal-baħar.

16

Konformement mal-leġiżlazzjoni Griega applikabbli għal xogħlijiet li jaqgħu taħt il-kategorija tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-kategorija A, twettqet EEA.

17

Fit-2 ta’ Awwissu 2013, ġiet ippubblikata notifika li tistieden lil kwalunkwe persuna kkonċernata tipparteċipa fl-EEA fil-gazzetta lokali ta’ Syros (Koini Gnomi) kif ukoll fl-uffiċċji tar-reġjun ta’ South Aegean, li jinsabu fil-gżira ta’ Syros (il-Greċja), li tinsab f’distanza ta’ 55 mil nawtiku minn Ios. Huwa wkoll f’Syros li nżamm il-fajl tal-EEA u fejn kellha ssir il-konsultazzjoni.

18

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rotta bejn Ios u Syros ma ssirx kuljum, tieħu diversi sigħat minħabba l-assenza ta’ dgħajsa b’veloċità kbira fir-rigward ta’ dan il-vjaġġ u ma hijiex spiża negliġibbli.

19

Fit-8 ta’ Awwissu 2014, il-Ministru għall-Ambjent u għall-Enerġija u l-Ministru għat-Turiżmu adottaw id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni li tapprova l-proġett ta’ ħolqien tal-kumpless turistiku fil-gżira ta’ Ios u r-rekwiżiti ambjentali applikabbli għaliha.

20

Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-11 ta’ Awwissu 2014 fuq il-portal ta’ notifiki Diavgeia kif ukoll fit-8 ta’ Settembru 2014 fuq is-sit internet www.aepo.ypeka.gr tal-Ministeru għall-Ambjent (iktar ’il quddiem is-“sit internet tal-Ministeru għall-Ambjent”), imsemmi fl-Artikolu 19a tal-Liġi 4014/2011.

21

Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri tliet persuni fiżiċi proprjetarji immobbli fil-gżira ta’ Ios iżda residenti rispettivament fil-Belġju, fl-Italja u fi Franza, kif ukoll tliet assoċjazzjonijiet, ikkontestaw id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tat-8 ta’ Awwissu 2014 permezz ta’ rikors ippreżentat biss fid-19 ta’ Frar 2016.

22

Dawn tal-aħħar isostnu li saru jafu bid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tat-8 ta’ Awwissu 2014 biss fit-22 ta’ Diċembru 2015, data li fiha huma setgħu jikkonstataw il-bidu tax-xogħlijiet ta’ żvilupp tas-sit.

23

105 Anonimi Touristiki kai Etaireia Ekmetallefsis Akiniton, kumpannija benefiċjarja tal-approvazzjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet relatati mal-proġett, intervjeniet fil-kawża u eċċepixxiet it-tardività tar-rikors.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva [2011/92], ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħal dawk imsemmija fil-premessi 8, 9 u 10 [tad-deċiżjoni tar-rinviju], li jipprevedu li l-proċeduri ta’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali applikabbli għal xogħlijiet u proġetti li jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent (jiġifieri, il-pubblikazzjoni tal-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent, l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku u l-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar fil-konsultazzjoni) jiġu eżegwiti u vverifikati prinċipalment mill-ikbar entità amministrattiva, jiġifieri r-reġjun, u mhux mill-muniċipalità kkonċernata?

2)

L-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva [2011/92],, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw sistema ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, kif esposta fl-istess premessi, li tipprevedi fl-aħħar mill-aħħar li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali applikabbli għal xogħlijiet u proġetti li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom fuq sit tal-internet speċifiku tikkostitwixxi preżunzjoni ta’ għarfien sħiħ fil-konfront ta’ kull persuna kkonċernata, għall-finijiet tal-eżerċizzju minn din tal-aħħar tar-rimedju ġuridiku previst mil-liġi fis-seħħ (rikors għal annullament quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat)) f’terminu ta’ sittin (60) jum, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali – dwar il-pubblikazzjoni tal-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent, dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku u dwar il-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar fil-proċedura ta’ approvazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali applikabbli għal tali xogħlijiet u proġetti – li jqiegħdu l-entità amministrattiva, jiġifieri r-reġjun, u mhux il-muniċipalità kkonċernata, fiċ-ċentru ta’ dawn il-proċeduri?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva SEA għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jwettaq l-operazzjonijiet ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ proġett fil-livell tas-sede tal-awtorità amministrattiva reġjonali kompetenti, u mhux fil-livell tal-unità muniċipali li jiddependi minnha s-sit ta’ dan il-proġett.

26

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva SEA jirriżerva espressament lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw il-modalitajiet preċiżi kemm tal-informazzjoni pubblika kif ukoll tal-konsultazzjoni tal-pubbliku kkonċernat.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni dwar il-modalitajiet proċedurali li jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fil-qasam tal-informazzjoni u tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali fil-qasam ambjentali, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola dawn il-modalitajiet skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jrendux, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 29).

28

Qabelxejn, għandu jiġi ċċarat kull dubju dwar l-osservanza tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza f’sitwazzjoni ta’ talba għal awtorizzazzjoni ambjentali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, u bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax, u barra minn hekk ma ġiex allegat, li sitwazzjonijiet simili huma rregolati minn modalitajiet proċedurali nazzjonali li jkunu iktar favorevoli minn dawk previsti għall-implimentazzjoni tad-Direttiva SEA u applikati fil-kawża prinċipali.

29

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar tliet aspetti tal-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30

Hija ssemmi, fl-ewwel lok, il-mod li bih il-pubbliku ġie informat bl-eżistenza tal-proġett u bil-konsultazzjoni li għandu jkun is-suġġett tagħha.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva SEA, il-possibbiltajiet li għandu l-pubbliku kkonċernat li jipparteċipa fi stadju bikri fil-proċess deċiżjonali ambjentali għandhom ikunu effettivi.

32

Konsegwentement, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, kull komunikazzjoni f’dan il-qasam ma hijiex fiha nnifisha suffiċjenti. Fil-fatt, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-kanali ta’ informazzjoni użati jistgħu jkunu raġonevolment meqjusa bħala li huma adatti sabiex jilħqu l-membri tal-pubbliku kkonċernat, sabiex jingħataw possibbiltà adegwata li jinżammu informati dwar l-attivitajiet ippjanati, dwar il-proċess deċiżjonali u dwar il-possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni tagħhom fi stadju bikri tal-proċedura.

33

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk tali rekwiżiti ġewx osservati fil-proċedura li ppreċediet il-kawża prinċipali.

34

Madankollu, sabiex tingħatalha risposta utli, jista’ jiġi rrilevat li, sa fejn, fid-data li fiha ġiet ippubblikata s-sejħa għal parteċipazzjoni f’EEA, il-parti l-kbira tal-persuni kkonċernati kienu jirrisjedu jew kienu sidien ta’ proprjetà immobbli fil-gżira ta’ Ios, notifika fil-bini tas-sede amministrattiva reġjonali, li jinsab fil-gżira ta’ Syros, anki flimkien ma’ pubblikazzjoni f’gazzetta lokali ta’ din l-aħħar gżira, ma tidhirx li hija ta’ natura li tikkontribwixxi b’mod adegwat għall-informazzjoni tal-pubbliku kkonċernat.

35

L-evalwazzjoni kuntrarja tista’ tirriżulta biss mill-konstatazzjoni li l-gazzetta lokali inkwistjoni kienet is-suġġett ta’ xandir u ta’ qari mifrux ħafna fil-gżira ta’ Ios. Fil-każ kuntrarju, modalitajiet ta’ komunikazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jitqiesu li huma suffiċjenti biss fl-assenza ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni iktar adattati, li setgħu jiġu implimentati mill-awtoritajiet kompetenti mingħajr madankollu ma jitolbu sforzi sproporzjonati, bħal notifika f’postijiet l-iktar iffrekwentati fil-gżira ta’ Ios jew fis-sit stess tal-proġett.

36

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni preċiża rigward il-modalitajiet ta’ xandir tal-ġurnal lokali tal-gżira ta’ Ios, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, l-informazzjoni tal-pubbliku kkonċernat kinitx adegwata fir-rigward tal-proċedura inkwistjoni.

37

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, fit-tieni lok, rigward il-post fejn tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-fajl li jinkludi l-informazzjoni dwar il-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38

F’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-fajl tal-proċedura ta’ parteċipazzjoni għandhom ikunu ta’ natura li jippermettu lill-pubbliku kkonċernat jeżerċita d-drittijiet tiegħu b’mod effettiv, u dan jimplika aċċessibbiltà għall-imsemmi fajl f’kundizzjonijiet faċli.

39

Madankollu, id-diffikultajiet eventwali li jiltaqa’ magħhom il-pubbliku kkonċernat f’dan il-proċess jistgħu madankollu jkunu ġġustifikati bl-eżistenza ta’ piż amministrattiv sproporzjonat għall-awtorità kompetenti.

40

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk tali rekwiżiti ġewx osservati fil-proċedura li wasslet għall-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 u 72 tal-konklużjonijiet tagħha, l-isforz li għandu jiġi pprovdut mill-pubbliku kkonċernat sabiex isir it-traġitt bejn il-gżira ta’ Ios u l-gżira ta’ Syros kif ukoll il-possibbiltajiet li kellhom l-awtoritajiet kompetenti sabiex jippermettu, għall-prezz ta’ sforz proporzjonat, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fajl fil-gżira ta’ Ios.

41

Fit-tielet u fl-aħħar lok, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-mod kif saret il-konsultazzjoni fil-gżira ta’ Syros.

42

Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva SEA, il-modalitajiet preċiżi tal-konsultazzjoni tal-pubbliku kkonċernat huma ddeterminati mill-Istati Membri, peress li din id-dispożizzjoni ssemmi biss, pereżempju, il-konsultazzjoni “bil-miktub jew b’investigazzjoni pubblika”.

43

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-prinċipju ta’ effettività kienx, f’dan ir-rigward, osservat fil-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tevalwa l-osservanza ta’ rekwiżiti analogi għal dawk imsemmija fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza.

44

Konsegwentement, u sussegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6 tad-Direttiva SEA għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jwettaq l-operazzjonijiet ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali li huma marbuta ma’ proġett fil-livell tas-sede tal-awtorità amministrattiva reġjonali kompetenti u mhux fil-livell tal-unità muniċipali li jagħmel parti minnha s-sit ta’ dan il-proġett, meta l-modalitajiet konkreti implimentati ma jkunux jiżguraw rispett effettiv tad-drittijiet tal-pubbliku kkonċernat, liema aspett għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Fuq it-tieni domanda

45

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva SEA għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li n-notifika tal-approvazzjoni ta’ proġett fuq sit tal-internet speċifiku tagħti lok għad-dekorrenza ta’ terminu ta’ 60 jum għall-preżentata ta’ rikors.

46

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11 tad-Direttiva SEA, li t-tieni domanda tirrigwarda parzjalment, ġie interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għall-aspetti ta’ tilwima li jikkonsistu fl-invokazzjoni tad-dritt tal-pubbliku kkonċernat li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali konformement mar-regoli preċiżi stabbiliti f’dan il-qasam minn din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, ir-rikorsi bbażati fuq kwalunkwe regola oħra tal-imsemmija direttiva, u a fortiori fuq kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra, kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri, ma jaqgħux taħt dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy, C‑470/16, EU:C:2018:185, punti 36 u 39).

47

Dan premess, l-Artikolu 11 tad-Direttiva SEA japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk ir-rikors jikkonċerna biss id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u mhux kwistjonijiet ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet.

48

Fil-fatt, l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva SEA jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw l-istadju li fih jistgħu jiġu kkontestati atti jew omissjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva.

49

Minn risposta tal-Gvern Grieg għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt Elleniku jipprovdi li d-difetti eventwali ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku għandhom jitqajmu fil-kuntest tar-rikors kontra d-deċiżjoni finali ta’ awtorizzazzjoni.

50

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva SEA, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-pubbliku, skont il-proċeduri xierqa, bid-deċiżjoni li tingħata jew li tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni. Għalkemm din id-dispożizzjoni tipprevedi ċerti kundizzjonijiet rigward il-kontenut tan-notifika, hija ma tgħid xejn dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita.

51

Peress li ebda regola dwar il-bidu u dwar il-kalkolu tat-termini għall-preżentata ta’ rikors ma huma, barra minn hekk, previsti fid-Direttiva SEA, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirriżerva dawn il-kwistjonijiet għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza; madankollu, għal raġunijiet analogi għal dawk imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, hemm inkwistjoni biss it-tieni wieħed minn dawn iż-żewġ prinċipji.

52

Hemm lok, f’dan ir-rigward, li jitneħħew id-dubji tal-qorti tar-rinviju b’rabta mal-prinċipju ta’ effettività fir-rigward tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fuq l-internet jew tal-eżistenza ta’ terminu għall-preżentata ta’ rikors, fihom innifishom.

53

Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva SEA jsemmi b’mod espliċitu l-mezz elettroniku, meta jkun disponibbli, bħala mezz ta’ komunikazzjoni sabiex il-pubbliku jiġi informat.

54

Fir-rigward tat-termini tar-rikors, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ effettività tal-istabbiliment tat-termini raġonevoli tar-rikors taħt piena ta’ dekadenza fl-interess tas-sigurtà ġuridika li tipproteġi kemm lill-persuna kkonċernata kif ukoll l-amministrazzjoni kkonċernata, anki jekk, minnha stess, l-iskadenza ta’ dawn it-termini timplika ċ-ċaħda, totali jew parzjali, tal-azzjoni mressqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Caterpillar Financial Services, C‑500/16, EU:C:2017:996, punt 42).

55

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx bħala diffikultà eċċessiva l-fatt li timponi termini għall-preżentata ta’ rikors li jibdew jiddekorru biss mid-data li fiha l-persuna kkonċernata jkollha għarfien tan-notifika jew, minn tal-inqas, mid-data li fiha kellu jkollha għarfien tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Santex, C‑327/00, EU:C:2003:109, punti 55 u 57; u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 45, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 96).

56

Min-naħa l-oħra, ma jkunx kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività li terminu jiġi invokat kontra persuna jekk l-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali kkombinat mal-eżistenza ta’ termini kellu bħala konsegwenza li jċaħħadha totalment mill-possibbiltà li tinvoka d-drittijiet tagħha quddiem il-qrati nazzjonali, jiġifieri jekk l-awtoritajiet, permezz tal-aġir tagħhom, kienu responsabbli għat-tardività tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2011, Iaia et, C‑452/09, EU:C:2011:323, punt 21).

57

Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 11(3) tad-Direttiva SEA jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ikollhom għan ta’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja meta jistabbilixxu r-regoli tar-rikors fil-qasam tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos, C‑260/11, EU:C:2013:221, punti 31 u 44, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2018, Klohn, C‑167/17, EU:C:2018:833, punt 35).

58

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, il-pubbliku kkonċernat għandu jiġi informat suffiċjentement minn qabel dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u l-possibbiltajiet tiegħu li jipparteċipa b’mod adegwat. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-membri tal-pubbliku kkonċernat ma jistgħux jippretendu li jkunu informati b’deċiżjoni finali ta’ awtorizzazzjoni.

59

Dan huwa partikolarment minnu f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li jkun hemm aċċess ex post għal deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni fuq is-sit internet tal-Ministeru għall-Ambjent ma jistax jitqies li huwa sodisfaċenti fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, peress li, fin-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar it-tnedija tal-proċedura ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku, ħadd ma jista’ jitqies li huwa informat bil-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni finali korrispondenti.

60

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva SEA għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal sabiex jiġi invokat kontra membri tal-pubbliku kkonċernat terminu dekorribbli min-notifika fuq l-internet ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, meta dawn il-membri tal-pubbliku kkonċernat ma kellhomx minn qabel il-possibbiltà adegwata li jinformaw ruħhom dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jwettaq l-operazzjonijiet ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali li huma marbuta ma’ proġett fil-livell tas-sede tal-awtorità amministrattiva reġjonali kompetenti u mhux fil-livell tal-unità muniċipali li jagħmel parti minnha s-sit ta’ dan il-proġett, meta l-modalitajiet konkreti implimentati ma jkunux jiżguraw rispett effettiv tad-drittijiet tal-pubbliku kkonċernat, liema aspett għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 

2)

L-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2011/92 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal sabiex jiġi invokat kontra membri tal-pubbliku kkonċernat terminu dekorribbli min-notifika fuq l-internet ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, meta dawn il-membri tal-pubbliku kkonċernat ma kellhomx minn qabel il-possibbiltà adegwata li jinformaw ruħhom dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top