Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0265

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-2 ta’ Mejju 2019.
Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos vs Akvilė Jarmuškienė.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Skema partikolari għall-impriżi żgħar – Artikoli 282 sa 292 – Eżenzjoni mill-VAT għall-impriżi żgħar li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom huwa inqas mil-livell stabbilit – Kunsinna simultanja ta’ żewġ proprjetajiet immobbli permezz ta’ tranżazzjoni waħda – Qbiż tal-limitu annwali tad-dħul mill-bejgħ fid-dawl tal-prezz tal-bejgħ ta’ waħda miż-żewġ proprjetajiet – Obbligu li titħallas it-taxxa fuq il-valur totali tat-tranżazzjoni.
Kawża C-265/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:348

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

2 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Skema partikolari għall-impriżi żgħar – Artikoli 282 sa 292 – Eżenzjoni mill-VAT għall-impriżi żgħar li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom huwa inqas mil-livell stabbilit – Kunsinna simultanja ta’ żewġ proprjetajiet immobbli permezz ta’ tranżazzjoni waħda – Qbiż tal-limitu annwali tad-dħul mill-bejgħ fid-dawl tal-prezz tal-bejgħ ta’ waħda miż-żewġ proprjetajiet – Obbligu li titħallas it-taxxa fuq il-valur totali tat-tranżazzjoni”

Fil-Kawża C‑265/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April 2018, fil-proċedura

Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

vs

Akvilė Jarmuškienė,

fil-preżenza ta’:

Vilniaus apskrities valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Litwan, minn R. Krasuckaitė u V. Vasiliauskienė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 282 sa 292 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (id-Direttorat Nazzjonali tat-Taxxi fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem id-“Direttorat Nazzjonali tat-Taxxi”) u Akvilė Jarmuškienė, dwar ir-rifjut li din tal-aħħar tingħata eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ekonomika li tinvolvi l-kunsinna ta’ dar u tal-art li fuqha hija mibnija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessa 49 tad-Direttiva dwar il-VAT, “[l]-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jkomplu japplikaw l-iskemi speċjali tagħhom għal impriżi żgħar, skond disposizzjonijiet komuni, u bil-għan li jkun hemm armonizzazzjoni aktar stretta”.

4

Il-Kapitolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Provvista ta’ merkanzija”, li jinasb fit-Titolu IV tagħha, intitolat “Transazzjonijiet taxxabbli”, jinkludi l-Artikolu 14 tagħha. Fil-paragrafu 1 tiegħu, dan l-artikolu jipprovdi li huwa meqjus li huwa “provvista ta’ merkanzija [kunsinna ta’ oġġetti]” it-trasferiment tad-dritt tas-sid li jiddisponi minn oġġett tanġibbli.

5

It-Taqsima 2 tal-imsemmija direttiva, intitolata “Eżenzjonijiet jew ħelsien gradwat”, tal-Kapitolu 1, intitolat “Skema speċjali għall-impriżi żgħar”, tat-Titolu XII, intitolat “[S]kemi speċjali”, fiha l-Artikoli 282 sa 292 tagħha.

6

Skont l-Artikolu 282 tal-istess direttiva, l-eżenzjonijiet u l-ħelsien previsti fl-imsemmija taqsima għandhom japplikaw għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi mwettqa mill-impriżi żgħar (iktar ’il quddiem l-“iskema partikolari għall-impriżi żgħar”).

7

L-Artikolu 287 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri li aderew wara l-1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-eqwivalenti f’munita nazzjonali ta l-ammonti li ġejjin bir-rata tal-kambju fil-ġurnata ta’ adeżjoni tagħhom:

[...]

(11)

Litwanja: EUR 29000;

[...]”

8

L-Artikolu 288 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Il-fatturat li jservi bħala referenza għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti previsti f’din it-Taqsima għandhom jikkonsistu fl-ammonti li ġejjin, mingħajr VAT:

(1)

il-valur tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi, sakemm dawn ikunu ntaxxati;

(2)

il-valur tat-transazzjonijiet li huma eżenti, bil-possibbiltà ta' tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju ta’ qabel, skond l-Artikoli 110 u 111, l-Artikolu 125(1), l-Artikoli 127, jew l-Artikolu 128(1);

(3)

il-valur ta’ transazzjonijiet li huma eżenti skond l-Artikoli 146 sa 149 u l-Artikoli 151, 152 jew 153;

(4)

il-valur ta’ transazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli, transazzjonijiet finanzjarji kif imsemmija fil-punti (b) sa (g) ta’ l-Artikolu 135(1), u s-servizzi ta’ l-assigurazzjoni, sa kemm dawn it-transazzjonijiet ma jkunux transazzjonijiet anċillari.

Madanakollu, iċ-ċessjonijiet ta’ l-assi kapitali tanġibbli jew intanġibbli ta’ impriża m'għandhomx jittieħdu in konsiderazzjoni għall-iskopijiet tal-kalkolazzjoni tal-fatturat.”

9

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/335/UE tat-30 ta’ Mejju 2011 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112 (ĠU 2011, L 150, p. 6), “[b]’deroga mill-[punt 11 tal-Artikolu 287] tad-Direttiva [dwar il-VAT], ir-Repubblika tal-Litwanja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom m’huwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali ta’ EUR 45000 bir-rata ta’ konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea”.

Id-dritt Litwan

10

Il-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tal-Lietuvos Respublikos pridėtinės vertės mokesčio įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud), kif emendata bil-Liġi Nru XI-1817 tal-20 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jipprevedi:

“Huma meqjusa li huma kunsinna ta’ oġġetti:

(1)

it-trasferiment ta’ oġġetti lil persuna oħra meta, skont il-kundizzjonijiet tat-tranżazzjoni, din il-persuna jew terz jakkwistaw id-dritt li jiddisponu minn dawn l-oġġetti bħala sid [...]”

11

L-Artikolu 71(1), (2) u (4) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.   Il-persuni taxxabbli li jikkunsinnaw oġġetti fit-territorju nazzjonali huma obbligati jirreġistraw għall-VAT u jikkalkolaw il-VAT kif ukoll iħallsu l-VAT lill-baġit tal-Istat [...] Persuna obbligata li tirreġistra għall-VAT għandha tippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għall-VAT.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja ma hijiex obbligata tippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-VAT u tikkalkola l-VAT u tħallas il-VAT lill-baġit tal-Istat skont il-modalitajiet previsti f’din il-liġi fir-rigward ta’ oġġetti [....] u (jew) servizzi pprovduti fit-territorju tal-pajjiż fil-każ li l-ammont totali annwali tal-korrispettiv li tirċievi għall-oġġetti u (jew) servizzi pprovduti fil-kuntest tat-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi (matul l-aħħar 12-il xahar) ma qabiżx l-155 000 litai Litwani (LTL). Il-VAT għandha tibda tiġi kkalkolata b’effett mix-xahar li fih dan il-limitu jinqabeż. Il-VAT ma għandhiex tiġi kkalkolata għall-oġġetti u għas-servizzi pprovduti li fir-rigward tagħhom il-korrispettiv ma jkunx qabeż l-ammont imsemmi ta’ LTL 155000. [...]

[...]

4.   L-assenza ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għall-VAT ma teżentax lill-persuna taxxabbli milli tikkalkola l-VAT fir-rigward tal-oġġetti kkunsinnati minnha u (jew) tas-servizzi pprovduti minnha.”

12

L-Artikolu 92(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Persuna taxxabbli li kienet obbligata tippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għall-VAT konformement mal-Artikolu 71 [ta’ din il-liġi], iżda li ma tkunx ippreżentatha għandha, skont il-proċedura prevista f’dan l-artikolu, tikkalkola u tħallas lill-baġit tal-Istat il-VAT marbuta mal-oġġetti u mas-servizzi li fir-rigward tagħhom hija obbligata, konformement mad-dispożizzjonijiet [ta’ din il-liġi] tikkalkola u tħallas il-VAT bħala persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT. L-ammont tal-VAT li għandu jitħallas fir-rigward tal-oġġetti kkunsinnati u (jew) tas-servizzi pprovduti għandu jiġi kkalkolat skont il-formula segwenti ([...] għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom il-korrispettiv ma jaqbiżx l-ammont ta’ LTL 155000 previst fl-Artikolu 71(2) ta’ din il-liġi, il-VAT ma għandhiex tiġi kkalkolata iżda, meta jinqabeż il-limitu previst, il-VAT għandha tiġi kkalkolata fir-rigward tal-oġġetti kkunsinnati kollha u (jew) tas-servizzi pprovduti kollha li fir-rigward tagħhom il-limitu previst ikun inqabeż):

l-ammont tal-VAT li għandu jitħallas huwa: il-korrispettiv * T/(100 % + T),

fejn T tirrappreżenta r-rata tal-VAT prevista minn din il-liġi għal dawn l-oġġetti u (jew) għal dawn is-servizzi (f’%); u fejn * jirrappreżenta s-sinjal ta’ multiplikazzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ tal-10 ta’ Frar 2011, A. Jarmuškienė akkwistat, f’koproprjetà ma’ persuna fiżika oħra, art għal użu agrikolu. Fl-4 ta’ Lulju 2011 hija kisbet permess sabiex tibni fuq din l-art. B’hekk, fuq l-art akkwistata sussegwentement inbnew dar bħala residenza u żewġ binjiet intiżi għal turiżmu rurali.

14

Fit-28 ta’ Diċembru 2012, A. Jarmuškienė u l-koproprjetarju biegħu d-dar flimkien ma’ parti mill-art għas-somma ta’ LTL 450000 (madwar EUR 130329) (iktar ’il quddiem it-“tranżazzjoni inkwistjoni”). Minn dan il-prezz tal-bejgħ, A. Jarmuškienė rċeviet LTL 112500 (madwar EUR 32437) fir-rigward ta’ parti mill-art u LTL 150000 (madwar EUR 43443) fir-rigward ta’ parti mid-dar mibnija fuq din l-art.

15

Wara kontroll dwar il-VAT li kien ikopri l-perijodu 2012-2013, l-amministrazzjoni fiskali lokali kkonstatat, fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Ottubru 2015, li t-tranżazzjoni inkwistjoni ma kinitx twettqet bħala tranżazzjoni ta’ darba jew okkażjonali, iżda li A. Jarmuškienė kienet teżerċita attività ekonomika, fis-sens tal-Liġi dwar il-VAT. Skont din l-amministrazzjoni fiskali, hija kien imissha għalhekk iddikjarat, bħala VAT tal-output, somma ta’ LTL 45558 (madwar EUR 13195) bħala VAT, ikkalkolata fuq l-ammont totali li hija kienet irċeviet mit-tranżazzjoni inkwistjoni, jiġifieri LTL 262500 (madwar EUR 76025). Madankollu, peress li l-VAT tal-input fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tad-dar kienet tammonta għal LTL 21000 (madwar EUR 6082), l-amministrazzjoni fiskali lokali qieset li A. Jarmuškienė kellha tnaqqas dan l-ammont mis-somma msemmija iktar ’il fuq ta’ LTL 45558 (madwar EUR 13195), b’tali mod li hija kienet għadha responsabbli għall-ħlas ta’ somma ta’ LTL 24558 (EUR 7112) bħala VAT tal-output dovuta fil-kuntest tat-tranżazzjoni inkwistjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, fid-dawl tal-eżistenza ta’ kunsinna ulterjuri distinta, l-amministrazzjoni fiskali ddeċidiet li, għall-perijodu 2012-2013, A. Jarmuškienė kienet obbligata tħallas somma ta’ EUR 21 915.55 bħala VAT, flimkien ma’ EUR 5034 bħala interessi moratorji kif ukoll multa ta’ EUR 2192.

16

A. Jarmuškienė ppreżentat ilment kontra din id-deċiżjoni quddiem id-Direttorat Nazzjonali tat-Taxxi, li, permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2016, ikkonferma l-ammonti tal-VAT imposti mill-amministrazzjoni fiskali lokali.

17

A. Jarmuškienė mbagħad ressqet il-każ quddiem il-Mokestinių ginčų komisija (il-Kummissjoni għat-Tilwim Fiskali, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem il-“KTF”), li, permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Mejju 2016, annullat id-deċiżjoni tad-Direttorat Nazzjonali tat-Taxxi tat-2 ta’ Frar 2016 u bagħtet il-każ lura quddiemu sabiex jeżaminah mill-ġdid. Insostenn tad-deċiżjoni tagħha, il-KTF qieset li A. Jarmuškienė kienet biegħet, permezz tat-tranżazzjoni inkwistjoni, żewġ proprjetajiet distinti, jiġifieri parti mill-art u parti mid-dar, u li għalhekk l-amministrazzjoni fiskali lokali kienet żbaljat meta qieset li l-bejgħ tal-proprjetajiet immobbli fil-kuntest ta’ din it-tranżazzjoni kien jikkostitwixxi l-istess kunsinna ta’ oġġetti waħda. Skont il-KTF, fil-mument tal-fatti, kienu suġġetti għall-VAT biss il-kunsinni ta’ oġġetti li l-prezz tagħhom kien iwassal sabiex jinqabeż il-limitu previst fil-Liġi dwar il-VAT. Issa, f’dan il-każ, bejgħ wieħed biss tal-oġġetti li kienu s-suġġett tat-tranżazzjoni inkwistjoni kien ippermetta li jinqabeż dan il-limitu.

18

Id-Direttorat Nazzjonali tat-Taxxi ppreżenta rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-KTF tad-9 ta’ Mejju 2016, filwaqt li sostna li A. Jarmuškienė kienet wettqet, permezz tat-tranżazzjoni inkwistjoni, kunsinna waħda ta’ oġġetti, peress li l-proprjetajiet inkwistjoni ma setgħux jiġu kkunsinnati separatament minħabba li huma marbuta intrinsikament bejniethom u minħabba li minn perspettiva ekonomika jikkostitwixxu lott wieħed.

19

Peress li l-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet dan ir-rikors, id-Direttorat Nazzjonali tat-Taxxi appella quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja).

20

Din tal-aħħar tispeċifika li, sabiex tirriżolvi t-tilwima li għandha quddiemha, huwa meħtieġ li tkun taf kif għandha tiġi interpretata l-iskema għall-impriżi żgħar, prevista fl-Artikoli 282 sa 292 tad-Direttiva tal-VAT, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’din it-tilwima, fejn żewġ oġġetti huma s-suġġett ta’ kunsinna fil-kuntest tal-istess tranżazzjoni, iżda fejn il-limitu annwali tad-dħul mill-bejgħ, iddefinit fl-Artikolu 287 ta’ din id-direttiva, ikun inqabeż biss minħabba l-kunsinna ta’ waħda minn dawn l-oġġetti.

21

Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tosserva li jkun loġiku jekk jitqies li l-persuni taxxabbli suġġetti għal din l-iskema partikolari għall-impriżi żgħar jkunu obbligati jħallsu l-VAT biss mill-mument li fih jinqabżu l-ammonti previsti fl-Artikolu 287 tad-Direttiva dwar il-VAT. Hija tindika li, fid-dritt Litwan, il-kunsinna ta’ kostruzzjoni immobbli hija possibbli mingħajr it-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà fuq l-art li fuqha tinbena din il-kostruzzjoni u li, f’dan il-każ, l-imsemmija proprjetajiet immobbli kienu msemmija separatament fil-kuntratt, bil-prezzijiet ta’ bejgħ rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, jekk A. Jarmuškienė ma titħalliex tibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT fir-rigward ta’ waħda mill-proprjetajiet li kienu s-suġġett tat-tranżazzjoni inkwistjoni, dan iwassal għal inugwaljanza fit-trattament meta mqabbla ma’ persuna taxxabbli oħra li tkun waslet għall-istess riżultat iżda permezz ta’ żewġ tranżazzjonijiet distinti, u li taqbeż il-limitu annwali biss minħabba tranżazzjonijiet ulterjuri. Hija tosserva wkoll li fil-fehma tagħha s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2000, Breitsohl (C‑400/98, EU:C:2000:304), ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża.

22

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-iskema partikolari għall-impriżi żgħar, bħala deroga mill-iskema ġenerali prevista fid-Direttiva dwar il-VAT, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Hija tindika wkoll li, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 288(1) ta’ din id-direttiva, “il-valur tal-provvisti ta’ merkanzija” li jikkostitwixxi d-dħul mill-bejgħ, imsemmi fl-Artikolu 287 tagħha, jirreferi speċifikament għall-valur totali tal-kunsinna kkonċernata, irrispettivament min-numru ta’ oġġetti li tkun komposta minnhom din il-kunsinna. Filwaqt li tirreferi għall-punt 70 tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz (C‑97/09, EU:C:2010:632), il-qorti tar-rinviju tqis li tali approċċ ikun konformi mal-għan ta’ din l-iskema partikolari, jiġifieri li jiġu ffavoriti esklużivament l-impriżi żgħar. Hija barra minn hekk tosserva li l-persuna taxxabbli għandha tkun taf, sa minn qabel ma twettaq tranżazzjoni li tikkonċerna diversi oġġetti, jekk din it-tranżazzjoni komposta hijiex ser tibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT applikabbli għall-impriżi żgħar.

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikoli 282 sa 292 tad-[Direttiva dwar il-VAT] għandhom jiġu interpretati fis-sens li f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn jiġu ttrasferiti żewġ oġġetti permezz tal-istess tranżazzjoni iżda l-limitu annwali tad-dħul mill-bejgħ (il-volum ta’ attività) stabbilit mill-Artikolu 287 tad-Direttiva [dwar il-VAT] (u mid-dispożizzjoni korrispondenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali) jinqabeż biss għat-trasferiment ta’ wieħed minn dawn l-oġġetti, il-persuna taxxabbli (iċ-ċedent) għandu, b’mod partikolari, jikkalkola u jħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-valur sħiħ tat-tranżazzjoni (fuq il-valur tat-trasferiment taż-żewġ oġġetti) jew biss fuq il-parti tat-tranżazzjoni li biha l-limitu msemmi (volum ta’ attività) inqabeż (fuq il-valur tat-trasferiment ta’ wieħed mill-oġġetti)?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 282 sa 292 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta kunsinna, favur l-istess xerrej, tinkludi żewġ proprjetajiet immobbli, marbuta min-natura tagħhom u inklużi f’kuntratt ta’ bejgħ wieħed, u meta jinqabeż il-limitu annwali tad-dħul mill-bejgħ li jservi ta’ referenza għall-applikabbiltà tal-iskema partikolari għall-impriżi żgħar prevista minn din id-direttiva, il-persuna taxxabbli hija obbligata tħallas it-taxxa fuq il-bażi tal-valur tal-kunsinna inkwistjoni kollha, jiġifieri billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur taż-żewġ proprjetajiet li huma s-suġġett ta’ din il-kunsinna, anki jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur ta’ waħda minn dawn il-proprjetajiet ma kienx iwassal sabiex jinqabeż l-imsemmi limitu annwali.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikoli 282 sa 292 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu eżenzjoni mill-VAT lill-impriżi żgħar.

26

Skont l-Artikolu 287 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri li aderixxew wara l-1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jagħtu eżenzjoni mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom ma jkunx iktar mill-valur fil-munita nazzjonali tal-ammonti indikati, rispettivament, għall-Istati Membri msemmija f’dan l-artikolu. Konformement mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/335, ir-Repubblika tal-Litwanja, li barra minn hekk mid-dħul fis-seħħ tagħha introduċiet l-euro, hija awtorizzata, b’deroga mill-punt 11 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva dwar il-VAT, “li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom m’huwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali ta’ EUR 45000 bir-rata ta’ konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea”. Dan id-dħul mill-bejgħ huwa kkalkolat b’applikazzjoni tal-Artikolu 288 tal-istess direttiva.

27

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala eċċezzjoni mis-sistema komuni tad-Direttiva dwar il-VAT, l-iskema partikolari għall-impriżi żgħar għandha tiġi applikata biss sa fejn ikun neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħha u għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑128/05, EU:C:2006:612, punt 22).

28

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, permezz tal-bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna taxxabbli qabżet il-limitu massimu li ladarba jinqabeż ma jibqax possibbli li tinkiseb l-eżenzjoni għall-impriżi żgħar. Il-qorti tar-rinviju madankollu għandha dubju dwar jekk huwiex biss il-valur ta’ wieħed mill-komponenti tat-tranżazzjoni li wasslet sabiex jinqabeż l-imsemmi limitu massimu li għandu jkun suġġett għall-VAT.

29

Peress li hija biss din il-kwistjoni li hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tiddeċiedi, f’dan il-każ, dwar il-kwistjoni ta’ jekk, ladarba jinqabeż il-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, il-persuna taxxabbli hijiex meħtieġ tissuġġetta t-tranżazzjonijiet kollha mwettqa minnha għall-VAT, inklużi t-tranżazzjonijiet li jippreċedu dik li l-valur tagħha wassal sabiex jinqabeż l-imsemmi limitu massimu.

30

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-bejgħ tal-parti tad-dar u tal-art marbuta mad-dar, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, twettaq favur l-istess xerrej u permezz tal-istess kuntratt. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-korrispettiv imħallas għall-kunsinna ta’ dawn il-proprjetajiet immobbli kien ammont globali.

31

Huwa minnu li, f’dan il-każ, il-kuntratt tal-bejgħ kien jiddistingwi l-prezz tad-dar minn dak tal-art. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-proprjetajiet huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin, kemm min-natura tagħhom u kemm mill-prezzijiet rispettivi tagħhom, li ġew iddeterminati flimkien.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jitqies li huwa “kunsinna ta’ oġġetti” it-trasferiment tas-setgħa tas-sid li jiddisponi minn oġġett tanġibbli.

33

Issa, fil-kawża prinċipali, it-trasferiment tas-setgħa tas-sid li jiddisponi mill-proprjetajiet immobbli fl-intier tagħhom twettaq permezz tal-istess att legali.

34

F’dan il-każ hemm biss kunsinna waħda, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT, minkejja li din il-kunsinna għandha bħala suġġett żewġ proprjetajiet.

35

Fil-fatt, il-komponenti ta’ din il-kunsinna waħda ma jistgħux jiġu sseparati għaliex dan ikollu natura artifiċjali fid-dawl tas-sistema tal-VAT (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam, C‑463/16, EU:C:2018:22, punt 22).

36

Minn dan isegwi li l-VAT hija dovuta fuq l-ammont kollu tat-tranżazzjoni inkwistjoni.

37

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan imfittex mill-iskema partikolari għall-impriżi żgħar. Fil-fatt, din tal-aħħar tipprevedi semplifikazzjonijiet amministrattivi maħsuba sabiex jissaħħu l-ħolqien, l-attività u l-kompetittività tal-impriżi żgħar kif ukoll sabiex tinżamm relazzjoni raġonevoli bejn il-piżijiet amministrattivi marbuta mal-kontroll fiskali u l-ammont baxx tad-dħul fiskali li jiġi mnaqqas. B’hekk, din l-iskema hija intiża li tnaqqas tali piżijiet amministrattivi kemm għall-impriżi żgħar u kemm għall-amministrazzjonijiet fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz, C‑97/09, EU:C:2010:632, punti 6368).

38

Issa, għandu jiġi enfasizzat li l-piżijiet amministrattivi għall-awtorità fiskali kkonċernata u għall-persuna taxxabbli ma jitnaqqsux jekk ikun hemm lok li jitwettqu kalkoli sseparati fir-rigward tad-diversi oġġetti fl-istess kunsinna waħda, li jkunu koperti mill-istess kuntratt ta’ bejgħ.

39

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikoli 282 sa 292 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta kunsinna, favur l-istess xerrej, tinkludi żewġ proprjetajiet immobbli, marbuta min-natura tagħhom u inklużi f’kuntratt ta’ bejgħ wieħed, u meta jinqabeż il-limitu annwali tad-dħul mill-bejgħ li jservi ta’ referenza għall-applikabbiltà tal-iskema partikolari għall-impriżi żgħar prevista minn din id-direttiva, il-persuna taxxabbli hija obbligata tħallas it-taxxa fuq il-bażi tal-valur tal-kunsinna inkwistjoni kollha, jiġifieri billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur taż-żewġ proprjetajiet li huma s-suġġett ta’ din il-kunsinna, anki jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur ta’ waħda minn dawn il-proprjetajiet ma kienx iwassal sabiex jinqabeż l-imsemmi limitu annwali.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 282 sa 292 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta kunsinna, favur l-istess xerrej, tinkludi żewġ proprjetajiet immobbli, marbuta min-natura tagħhom u inklużi f’kuntratt ta’ bejgħ wieħed, u meta jinqabeż il-limitu annwali tad-dħul mill-bejgħ li jservi ta’ referenza għall-applikabbiltà tal-iskema partikolari għall-impriżi żgħar prevista minn din id-direttiva, il-persuna taxxabbli hija obbligata tħallas it-taxxa fuq il-bażi tal-valur tal-kunsinna inkwistjoni kollha, jiġifieri billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur taż-żewġ proprjetajiet li huma s-suġġett ta’ din il-kunsinna, anki jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur ta’ waħda minn dawn il-proprjetajiet ma kienx iwassal sabiex jinqabeż l-imsemmi limitu annwali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top