This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0231
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 7 February 2019.#NK.#Request for a preliminary ruling from the Oberlandesgericht Oldenburg.#Reference for a preliminary ruling — Transport — Road transport — Regulation (EC) No 561/2006 — Regulation (EU) No 165/2014 — Obligation to use a tachograph — Exception for vehicles used for the carriage of live animals from farms to local markets and vice versa or from markets to local slaughterhouses.#Case C-231/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Frar 2019.
NK.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Oberlandesgericht Oldenburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Trasport bit-triq – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Regolament (UE) Nru 165/2014 – Obbligu ta’ użu ta’ takografu – Deroga għall-vetturi użati għat-trasport ta’ annimali ħajjin mill-irziezet lejn is-swieq lokali u viċe versa jew mis-swieq lejn il-biċċeriji lokali.
Kawża C-231/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Frar 2019.
NK.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Oberlandesgericht Oldenburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Trasport bit-triq – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Regolament (UE) Nru 165/2014 – Obbligu ta’ użu ta’ takografu – Deroga għall-vetturi użati għat-trasport ta’ annimali ħajjin mill-irziezet lejn is-swieq lokali u viċe versa jew mis-swieq lejn il-biċċeriji lokali.
Kawża C-231/18.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:103
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
7 ta’ Frar 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Trasport bit-triq – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Regolament (UE) Nru 165/2014 – Obbligu ta’ użu ta’ takografu – Deroga għall-vetturi użati għat-trasport ta’ annimali ħajjin mill-irziezet lejn is-swieq lokali u viċe versa jew mis-swieq lejn il-biċċeriji lokali”
Fil-Kawża C‑231/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Oldenburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Oldenburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ April 2018, fil-proċedura
NK,
fil-preżenza ta’:
Staatsanwaltschaft Oldenburg,
Staatliches Gewerbeaufsichtsamt Oldenburg,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, C. G. Fernlund u L. S. Rossi (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Norveġiż, minn E. Sawkins Eikeland, K. H. Aarvik u C. Anker, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u J. Hottiaux, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 60, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 561/2006”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija kontra NK, negozjant tal-bhejjem bl-ingrossa stabbilit fin-Niedersachsen (il-Ġermanja), minħabba li awtorizza wieħed mix-xufiera tiegħu sabiex jittrasporta l-bhejjem ta’ azjenda agrikola direttament lejn biċċerija, mingħajr kard tas-sewwieq. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006 jistabbilixxi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. […]” |
4 |
L-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi: “Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq:
|
5 |
L-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi: “Sakemm ma jkunux preġudikati l-għanijiet ta’ l-Artikolu 1, kull Stat Membru jista’ jagħti eċċezzjonijiet għall-Artikoli 5 sa 9 u jagħmel tali eċċezzjonijiet soġġetti għal kondizzjonijiet individwali fit-territorju tiegħu stess […], li jkunu applikabbli għat-trasport b’dawn li ġejjin: […]
|
6 |
Ir-Regolament Nru 165/2014 jistabbilixxi, b’mod partikolari, l-obbligi u r-rekwiżiti fir-rigward tal-kostruzzjoni, tal-installazzjoni, tal-użu, tal-ittestjar u tal-kontroll tat-takografi użati fil-qasam tat-trasport bit-triq. |
7 |
Il-premessa 3 ta’ dan ir-regolament tistipula: “Ċerti vetturi huma soġġetti għal eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament […] Nru 561/2006 […]. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza, għandu jkun possibbli li vetturi bħal dawn jiġu eżentati mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament.” |
8 |
L-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 165/2014 jipprevedi: “B’żieda mad-definizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]
[…]” |
9 |
L-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jiddisponi: “L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament […] Nru 561/2006.” |
Id-dritt Ġermaniż
10 |
L-Artikolu 8 tal-Fahrpersonalgesetz (il-Liġi dwar l-Ekwipaġġ ta’ Trasport bit-Triq) jiddisponi: “(1). Persuna twettaq reat meta tikser intenzjonalment jew b’negliġenza,
(2). Ir-reat jista’ jiġi ssanzjonat fil-każ tal-punti 1 u 3 tal-paragrafu 1, permezz ta’ multa ta’ mhux iktar minn EUR 30000 […]” |
11 |
Il-punt 16 tal-Artikolu 18(1) tal-Fahrpersonalverordnung (ir-Regolament dwar l-Ekwipaġġ ta’ Trasport bit-Triq) jipprevedi: “(1) Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament […] Nru 561/2006 u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament […] Nru 165/2014, il-kategoriji ta’ vetturi segwenti huma esklużi […] mill-applikazzjoni tal-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament […] Nru 561/2006 u mill-applikazzjoni tar-Regolament […] Nru 165/2014: […]
|
12 |
Il-punt 2 tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament dwar l-Ekwipaġġ ta’ Trasport bit-Triq jippreċiża: “(1) Persuna twettaq reat fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar l-Ekwipaġġ ta’ Trasport bit-Triq, meta tikser, bħala kummerċjant, intenzjonalment jew b’negliġenza, ir-Regolament […] Nru 165/2014 […], billi […]
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 |
NK huwa negozjant tal-bhejjem bl-ingrossa, stabbilit fin-Niedersachsen, li jixtri annimali mingħand il-bdiewa, imbagħad jittrasportahom lejn il-biċċeriji, u jerġa’ jbigħ dawn l-annimali lil dawn il-biċċeriji. |
14 |
Fix-xahar ta’ Novembru 2016, NK xtara l-majjali tas-simna minn bidwi tad-distrett ta’ Cloppenburg, fin-Niedersachsen, u ttrasportahom, f’waħda mill-vetturi għall-ġarr tal-bhejjem tiegħu, mill-azjenda agrikola lejn il-biċċerija. Waqt kontroll fil-ġenb tat-triq, instab li x-xufier tal-vettura ma kienx daħħal il-kard tas-sewwieq tiegħu. B’applikazzjoni tal-Liġi u tar-Regolament dwar l-Ekwipaġġ ta’ Trasport bit-Triq, NK ġie kkundannat iħallas multa ta’ EUR 750 talli awtorizza u ordna vjaġġ mingħajr kard tas-sewwieq, li ġiet ikkonfermata b’deċiżjoni tal-Amtsgericht Oldenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Oldenburg, il-Ġermanja). |
15 |
NK ippreżenta rikors minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Oldenburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Oldenburg, il-Ġermanja), billi invoka l-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament Nru 561/2006 li għalih jirreferi l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 165/2014, u li huwa traspost fid-dritt Ġermaniż permezz tal-punt 16 tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament dwar l-Ekwipaġġ ta’ Trasport bit-Triq. |
16 |
Billi qieset li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “suq”, fis-sens tar-Regolament Nru 561/2006, ma kinitx ċara, l-Oberlandesgericht Oldenburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Oldenburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Negozjant tal-bhejjem bl-ingrossa, li jixtri annimali ħajjin mingħand bidwi u li jittrasportahom lejn biċċerija u jbigħhom lil din il-biċċerija li tinsab iktar minn 100 km ’il bogħod, jista’ jagħmel użu mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 […] – ‘vetturi wżati għat-trasport ta’ annimali ħajjin mill-irziezet lejn is-swieq lokali u viċi-versa jew mis-swieq lejn il-biċċeriji lokali f’distanza ta’ mhux aktar minn 100 km’ – minħabba li x-xiri minn bidwi jikkostitwixxi ‘suq’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jew minħabba li l-impriża tal-kummerċ tal-bhejjem għandha titqies li hija ‘suq’? Fil-każ li dan ma huwiex ‘suq’ fis-sens tat-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni: In-negozjant tal-bhejjem bl-ingrossa, li jixtri annimali ħajjin mingħand bidwi u li jittrasportahom lejn biċċerija u jbigħhom lil din il-biċċerija li tinsab f’distanza ta’ mhux iktar minn 100 km, jista’ jinvoka l-applikazzjoni mutatis mutandis ta’ din l-eċċezzjoni?” |
Fuq id-domanda preliminari
17 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-terminu “suq”, li jidher fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament Nru 561/2006, għandux jiġi interpretat fis-sens li jitqies li huwa jew it-tranżazzjoni imwettqa bejn negozjant tal-bhejjem bl-ingrossa u bidwi, jew in-negozjant tal-bhejjem bl-ingrossa nnifsu, jew inkella jekk huwiex possibbli li tiġi estiża d-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni għall-vetturi li jittrasportaw annimali ħajjin mill-irziezet lejn il-biċċeriji lokali. |
18 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement, b’mod partikolari, mal-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 561/2006 għandu bħala għan li jarmonizza l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-settur tat-trasport bit-triq u li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll tas-sigurtà fit-triq u dawn l-għanijiet jirriżultaw b’mod partikolari mill-obbligu li, bħala prinċipju, il-vetturi tat-trasport bit-triq jiġu mgħammra b’takografu approvat li jippermetti l-verifika tal-osservanza tal-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tas-sewwieqa (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, A. Karuse, C‑222/12, EU:C:2014:142, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
19 |
B’mod partikolari, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 165/2014, l-Istati Membri huma madankollu awtorizzati li jeżentaw, mill-istallazzjoni u/jew l-użu ta’ takografu, il-vetturi msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006, fost dawk elenkati fil-punt (p) ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-“vetturi wżati għat-trasport ta’ annimali ħajjin mill-irziezet lejn is-swieq lokali u viċi-versa jew mis-swieq lejn il-biċċeriji lokali f’distanza ta’ mhux aktar minn 100 km”. |
20 |
Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja eżerċitat il-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 165/2014, għaldaqstant, għandha tiġi ddeterminata l-portata tad-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament Nru 561/2006. |
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, bħala deroga mill-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament Nru 561/2006, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(p) ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 13(1)(d) tal-imsemmi regolament, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Seeger, C‑554/09, EU:C:2011:523, punt 33). Barra minn hekk, il-portata ta’ din id-deroga għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iskopijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, A. Karuse, C‑222/12, EU:C:2014:142, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
22 |
Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament Nru 561/2006, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni ma ssemmix it-terminu ġeneriku ta’ “swieq”, iżda l-espressjoni iktar speċifika ta’ “swieq lokali”. Issa, din l-espressjoni ma tħalli l-ebda dubju fuq il-fatt li d-deroga msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni hija limitata skont il-post ta’ tluq u l-post ta’ destinazzjoni tat-trasport ta’ annimali ħajjin, peress li l-irziezet bl-ebda mod ma jistgħu jiġu konfużi mas-“swieq lokali” tal-bhejjem. Bl-istess mod, l-aġġettiv “lokali” neċessarjament jimplika li s-“swieq” hawnhekk ma jitqisux bħala t-twettiq materjali ta’ tranżazzjonijiet li għandhom l-iskop li jittrasportaw annimali ħajjin, irrispettivament minn fejn dawn it-tranżazzjonijiet joriġinaw, iżda bħala postijiet preċiżament determinati, li huma distinti kemm, minn naħa, mill-irziezet jew mill-azjendi agrikoli kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-biċċeriji lokali, kollha fl-ambitu ġeografiku msemmi fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament Nru 561/2006. |
23 |
Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Norveġiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament Nru 561/2006 jirriżulta li “suq lokali” ma jistax jitħallat mal-post tal-istabbiliment ta’ razzett jew ta’ azjenda agrikola, li jeskludi li annimali ħajjin jistgħu jiġu ttrasportati direttament minn negozjant tal-bhejjem bl-ingrossa minn dan ir-razzett jew din l-azjenda agrikola sal-biċċerija lokali. |
24 |
Interpretazzjoni bil-kontra tad-deroga li tinsab fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament Nru 561/2006 tmur ukoll kontra l-iskopijiet ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll dawk tal-imsemmi regolament. |
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-deroga mill-obbligu li jintuża t-takografu, prevista fl-Artikolu 14a(2)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 543/69 tal‑25 ta’ Marzu 1969 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq (ĠU 1969, L 77, p. 49), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2827/77 tat‑12 ta’ Diċembru 1977 (ĠU 1977, L 334, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 543/69”), ifformulata f’termini sostanzjalment simili għal dawk tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament Nru 561/2006, din id-deroga hija intiża sabiex tippromwovi l-attivitajiet ta’ natura kummerċjali li jipprevalu fuq it-trasport innifsu u li jistgħu jikkonċernaw biss trasport fuq distanza qasira mwettqa fl-interess ta’ azjendi agrikoli individwali, li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet normali tal-provvista ta’ tali azjendi jew tal-bejgħ tal-produzzjoni tagħhom (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1985, Hackett et, 91/84 u 92/84, EU:C:1985:153, punti 16 u 19). |
26 |
Huwa fid-dawl ta’ dan l-iskop li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li jkun kopert mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 14a(2)(c) tar-Regolament Nru 543/69 kull tip ta’ trasport li preċiżament jinkludi, fir-rigward tad-distanzi koperti, fir-rigward tas-saħħa tal-vetturi użati u fir-rigward tal-intensità tal-użu tagħhom, il-karatteristiċi li ġġustifikaw l-użu mifrux tat-takografu, jiġifieri r-riskju tal-isfruttament żejjed tal-vetturi u tas-sewwieqa tagħhom, bil-konsegwenzi kollha mhux mixtieqa għall-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema tat-trasport, għas-sigurtà fit-toroq u sabiex jinżammu l-kundizzjonijiet tajbin tal-kompetizzjoni fis-settur ikkonċernat (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 1985, Hackett et, 91/84 u 92/84, EU:C:1985:153, punt 21). |
27 |
Ċertament, id-deroga stabbilita fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament Nru 561/2006, kuntrarjament għal dak li kien previst fl-Artikolu 14a(2)(c) tar-Regolament Nru 543/69, tinkludi kundizzjoni supplimentari dwar iż-żona ġeografika li fiha din tapplika. |
28 |
Xorta jibqa’ l-fatt li interpretazzjoni b’mod wiesa’ tal-imsemmija deroga b’tali mod li din tippermetti li l-vetturi li jittrasportaw annimali ħajjin direttament mir-razzett lejn il-biċċeriji lokali jiġu eżentati mill-użu ta’ takografu għandha r-riskju li tħajjar lill-operaturi ekonomiċi, bħalma huma n-negozjanti tal-bhejjem bl-ingrossa, li jisfruttaw b’mod eċċessiv il-vetturi ta’ saħħa għolja li jittrasportaw kuljum, għal diversi sigħat u mingħajr interruzzjoni, annimali ħajjin li ġejjin minn irziezet differenti lejn il-biċċeriji lokali, bi ksur, b’mod partikolari, tal-għanijiet ta’ protezzjoni soċjali tas-sewwieq u tas-sigurtà fit-toroq imfittxija mir-Regolament Nru 561/2006. Kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea, barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-materjalizzazzjoni ta’ tali riskju hija iktar plawżibbli meta ż-żona kkonċernata għandha, bħal fil-kawża prinċipali, densità għolja ta’ rziezet ta’ annimali tat-trobbija u ta’ ċentri għall-ipproċessar ta’ prodotti mill-annimali. |
29 |
Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argumenti sostnuti mill-Gvern Norveġiż, ibbażati, minn naħa, fuq il-fatt li hemm tnaqqis kostanti fin-numru ta’ swieq lokali tal-bhejjem fl-Istati Membri, li jirrikjedi l-adozzjoni ta’ qari iktar flessibbli tad-deroga msemmija fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament Nru 561/2006, u, min-naħa l-oħra, fuq ir-rispett tas-saħħa u tal-benesseri tal-annimali, li jkun iktar żgurat kieku dawn tal-aħħar jkunu jistgħu jiġu direttament ittrasportati mill-irziezet lejn il-biċċeriji lokali. |
30 |
Fir-rigward tal-ewwel punt, anki jekk jitqies li huwa minnu li n-numru ta’ swieq lokali tal-bhejjem fl-Istati Membri ċkien, anki b’mod sinjifikattiv, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li l-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu espressament ċaħad proposta ta’ din tal-aħħar sabiex il-portata tad-deroga li tinsab fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament Nru 561/2006 issir iktar flessibbli. Sussegwentement, barra minn hekk, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 165/2014, il-leġiżlatur tal-Unjoni llimita ruħu b’żona ġeografika ta’ minn 50 km sa 100 km, mingħajr, għaldaqstant, ma neħħa l-espressjoni “swieq lokali”. |
31 |
Fir-rigward tat-tieni punt, għalkemm ir-rispett tas-saħħa u tal-benesseri tal-annimali ma huwiex inkluż fl-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 561/2006, dan, fi kwalunkwe każ, bl-ebda mod ma jeskludi, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Gvern Norveġiż, li dan ir-rekwiżit jista’ jiġi kkonċiljat ma’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, l-isfruttament żejjed tal-vetturi li jittrasportaw kuljum u mingħajr interruzzjoni annimali ħajjin direttament bejn diversi azjendi agrikoli u biċċerija lokali waħda jew diversi biċċeriji lokali mhux biss jista’ jaffettwa l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa u jipperikola s-sigurtà fit-toroq, li jiġġustifika li tali vetturi jużaw it-takografu, iżda jista’ jkollu wkoll effetti negattivi fuq is-saħħa u l-benesseri ta’ dawn l-annimali. |
32 |
Minn dan isegwi li hemm lok li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-espressjoni “swieq lokali”, li tidher fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament Nru 561/2006, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tistax titqies la bħala t-tranżazzjoni imwettqa bejn negozjant tal-bhejjem bl-ingrossa u bidwi, u lanqas bħala n-negozjant tal-bhejjem bl-ingrossa nnifsu, b’tali mod li d-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi estiża għall-vetturi li jittrasportaw annimali ħajjin direttament mill-irziezet lejn il-biċċeriji lokali. |
Fuq l-ispejjeż
33 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-espressjoni “swieq lokali”, li tidher fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tistax titqies la bħala t-tranżazzjoni imwettqa bejn negozjant tal-bhejjem bl-ingrossa u bidwi, u lanqas bħala n-negozjant tal-bhejjem bl-ingrossa nnifsu, b’tali mod li d-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi estiża għall-vetturi li jittrasportaw annimali ħajjin direttament mill-irziezet lejn il-biċċeriji lokali. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.