EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0168

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
Pensions-Sicherungs-Verein VVaG vs Günther Bauer.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Artikolu 8 – Skemi komplementari ta’ previdenza – Protezzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji tax-xjuħija – Livell minimu ta’ protezzjoni ggarantita – Obbligu ta’ tpaċija mill-ex persuna li timpjega ta’ tnaqqis tal-pensjoni tal-irtirar professjonali – Organu estern ta’ previdenza – Effett dirett.
Kawża C-168/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1128

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Artikolu 8 – Skemi komplementari ta’ previdenza – Protezzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji tax-xjuħija – Livell minimu ta’ protezzjoni ggarantita – Obbligu ta’ tpaċija mill-ex persuna li timpjega ta’ tnaqqis tal-pensjoni tal-irtirar professjonali – Organu estern ta’ previdenza – Effett dirett”

Fil-Kawża C‑168/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura

Pensions-Sicherungs-Verein VVaG

vs

Günther Bauer,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Frar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Pensions-Sicherungs-Verein VVaG, minn F. Wortmann, Rechtsanwalt,

għal G. Bauer, minn I. Axler, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u R. Kanitz, sussegwentement minn R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn D. Holderer u T. Uri, bħala aġenti, assistiti minn P. Kinsch, avocat,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery, bħala aġent, assistita minn J. Coppel, QC,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008, L 283, p. 36).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Pensions-Sicherungs-Verein VVaG (organu ta’ garanzija tal-pensjonijiet okkupazzjonali, iktar ’il quddiem il-“PSV”) u Günther Bauer dwar il-kumpens għat-tnaqqis tal-ammont ta’ benefiċċji mħallsa minn fond tal-irtirar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 3 tad-Direttiva 2008/94 tgħid:

“Jeħtieġ li jsir provvediment għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom u biex jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni, speċjalment biex jiġu garantiti pretensjonijiet mhux imħallsa b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ żvilupp, ekonomiku u soċjali, bilanċjat [fl-Unjoni Ewropea]. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp li jiggarantixxi l-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati kkonċernati.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, din għandha tapplika għat-talbiet tal-ħaddiema impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u eżistenti fir-rigward ta’ persuni li jimpjegaw li jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

5

Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati u ta’ persuni li jkunu diġa’ telqu mill-impriża jew negozju ta’ min iħaddem fid-data tal-bidu tal-insolvenza tiegħu fir-rigward tad-drittijiet li jintitolawhom immedjatament jew prospettivament għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi benefiċċji lil min jibqa’ ħaj, taħt skemi pensjonistiċi supplimentari okkupazzjonali jew inter-okkupazzjonali li ma jkunux parti mill-iskemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.”

6

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/94, din tal-aħħar ma taffettwax l-għażla tal-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi iktar favorevoli għall-ħaddiema impjegati.

Id-dritt Ġermaniż

7

Il-Gesetz zur Verbesserung der betrieblichen Altersversorgung (Betriebsrentengesetz) (il-Liġi Dwar it-Titjib ta’ Pensjonijiet Okkupazzjonali), tad-19 ta’ Diċembru 1974 (BGBl. 1974 I, p. 3610), kif emendata bil-liġi tas-17 ta’ Awwissu 2017 (BGBl. 2017 I, p. 3214) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Irtirar Professjonali”), tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Għoti ta’ rtirar professjonali mill-persuna li timpjega”:

“(1)   Jekk ħaddiem impjegat jingħata minn min jimpjegah benefiċċji relatati max-xjuħija, ta’ invalidità jew tas-superstiti abbażi tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu (irtirar professjonali), għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. Il-benefiċċji tal-irtirar professjonali jistgħu jiġu implimentati direttament minn min jimpjega jew permezz ta’ wieħed mill-organi li jipprovdu assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 1b(2) sa (4). Min jimpjega għandu jibqa’ responsabbli biex jiżgura l-eżekuzzjoni tal-benefiċċji li huwa jkun ta anki jekk ma jiżgurax is-servizz dirett tagħhom.

[…]”

8

L-Artikolu 1b ta’ din il-liġi, intitolat “Protezzjoni tad-drittijiet miksuba u servizz tal-benefiċċji ta’ rtirar professjonali”, li jelenka, fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu, il-possibbiltajiet offruti lil persuna li timpjega fil-qasam tal-irtirar professjonali, jipprevedi, essenzjalment, li persuna li timpjega tista’ tissottoskrivi għal assigurazzjoni għall-ħajja tal-impjegat (paragrafu 2) jew li l-benefiċċji tal-irtirar professjonali jistgħu jingħataw minn fond tal-irtirar jew minn fondi tal-pensjoni (paragrafu 3) jew ukoll minn fond ta’ previdenza (paragrafu 4).

9

L-Artikolu 7 tal-liġi msemmija, intitolat “Livell ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni”, jipprovdi:

“(1)   Il-benefiċjarji ta’ benefiċċju, kif ukoll l-aventi kawża tagħhom, li l-benefiċċji tagħhom jirriżultaw minn garanzija ta’ pensjoni diretta mingħand min jimpjega ma jkunux tħallsu minħabba li jkunu nbdew proċeduri ta’ insolvenza dwar il-patrimonju jew is-suċċessjoni tiegħu ikunu jistgħu jagħmlu talba kontra l-organu ta’ garanzija kontra r-risjku ta’ insolvenza, fl-ammont tal-benefiċċju li min jimpjega kien ikollu jipprovdi kieku ma jkunux inbdew proċeduri ta’ insolvenza. […]

[…]”

10

L-Artikolu 10 tal-istess liġi, intitolat “Obbligu ta’ kontribuzzjonijiet u kalkolu tal-kontribuzzjonijiet”, jipprovdi:

“(1)   Ir-riżorsi neċessarji għall-implimentazzjoni tal-garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza għandhom ikunu pprovduti abbażi ta’ obbligu skont id-dritt pubbliku, permezz ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa mingħand dawk kollha li jimpjegaw li direttament ikunu taw benefiċċji ta’ rtirar professjonali mħallsa kemm direttament kif ukoll permezz ta’ assigurazzjoni diretta […] jew skont l-iskema ta’ fond ta’ previdenza jew ta’ fondi tal-pensjoni.

[…]

(4)   Id-dispożizzjonijiet taz-Zivilprozessordnung [il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili], dwar l-eżekuzzjoni forzata japplikaw b’analoġija għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet li l-organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza jadotta fil-qasam ta’ kontribuzzjonijiet. Il-klawżola li tagħti setgħa ta’ eżekuzzjoni għandha tinħareġ mill-organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza.

[…]”

11

L-Artikolu 14 tal-Liġi dwar l-Irtirar Professjonali, intitolat “Organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza”, jipprevedi:

“(1)   L-organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza huwa [PSV]. Dan għandu wkoll rwol fir-rigward tal-benefiċċji tal-irtirar mogħtija mill-impriżi Lussemburgiżi, skont il-ftehim tal-22 ta’ Settembru 2000 bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu b’rabta mal-kooperazzjoni fil-qasam tal-garanzija tal-irtirar professjonali fil-każ ta’ insolvenza.

(2)   [PSV] huwa suġġett għas-sorveljanza prudenzjali tal-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht [l-Uffiċċju Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji] […]”

12

L-Artikolu 3 du Verwaltungs-Vollstreckungsgesetz (il-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni fil-Qasam Amministrattiv), tas-27 ta’ April 1953 (BGBl. 1953 I, p. 157), kif emendata bil-liġi tat-30 ta’ Ġunju 2017 (BGBl. 2017 I, p. 2094), jipprovdi:

“(1)   Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tinbeda kontra d-debitur permezz ta’ ordni ta’ eżekuzzjoni; titolu eżekuttiv ma huwiex neċessarju.

(2)   Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tista’ tinbeda jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

eżistenza ta’ deċiżjoni eżekuttiva li permezz tagħha d-debitur huwa intimat sabiex jeżegwixxi l-obbligu;

b)

eżiġibbiltà tal-obbligu;

c)

l-iskadenza ta’ terminu ta’ ġimgħa mill-komunikazzjoni tad-deċiżjoni eżekuttiva jew, jekk l-obbligu ikun eżiġibbli biss wara din il-komunikazzjoni, ikun skada terminu ta’ ġimgħa li jibda jiddekorri mid-data ta’ eżiġibbiltà.

(3)   Qabel ma jkun possibbli li tiġi ordnata l-eżekuzzjoni, id-debitur għandu barra minn hekk jiġi speċifikament intimat sabiex iħallas f’terminu addizzjonali ta’ ġimgħa.

(4)   L-ordni ta’ eżekuzzjoni tinħareġ mill-awtorità li għandha d-dritt li tinvoka t-talba.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fix-xahar ta’ Diċembru 2000, l-ex persuna li timpjega ta’ G. Bauer tat lil dan tal-aħħar il-benefiċċju ta’ rtirar professjonali, fis-sens tal-Liġi dwar l-Irtirar Professjonali.

14

Dan l-irtirar professjonali kien jinkludi suppliment ta’ rtirar għal kull xahar u bonus annwali tal-Milied, mogħtija direttament mill-ex persuna li timpjega, kif ukoll pensjoni, mogħtija skont l-iskema tal-fondi tal-irtirar abbażi tal-kontribuzzjonijiet ta’ din l-ex persuna li timpjega u mħallsa mill-Pensionskasse für die Deutsche Wirtschaft (il-Fond tal-Irtirar għall-Ekonomija Ġermaniża, iktar ’il quddiem il-“Pensionskasse”), organu interprofessjonali li s-servizzi tiegħu jagħtu dritt suġġettiv lill-persuni impjegati benefiċjarji.

15

Matul is-sena 2003, il-Pensionskasse ltaqa’ ma’ diffikultajiet ekonomiċi u, bl-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji, naqqas l-ammont tal-benefiċċji pprovduti. B’hekk, il-parti mill-pensjoni mħallsa lil G. Bauer, ikkalkolata abbażi tal-kontribuzzjonijiet tal-ex persuna li timpjega tiegħu, li kienet tammonta għal EUR 599.49 gross fix-xahar ta’ Ġunju 2003, tnaqqset mill-Pensionskasse kull sena bejn is-sena 2003 u s-sena 2013, fejn il-ħdax‑il tnaqqis li sar kien bejn 1.40 % u 1.25 %.

16

B’kollox, bejn is-sena 2003 u s-sena 2013, l-ammont tal-pensjoni għal kull xahar ta’ rtirar imħallas lil G. Bauer mill-Pensionskasse kien tnaqqas b’ 13.8 %, li jirrappreżenta telf, għall-persuna kkonċernata, ta’ EUR 82.74 fix-xahar u tnaqqis ta’ 7.4 % tal-ammont globali tal-benefiċċji tal-irtirar professjonali li huwa jibbenefika minnhom skont l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali.

17

Konformement mal-obbligu ta’ garanzija li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-ex persuna li timpjega ta’ G. Bauer bdiet billi tpaċi t-tnaqqis tal-benefiċċji pprovduti mill-Pensionskasse, peress li din il-leġiżlazzjoni ma tipprovdix għal obbligu ieħor ta’ garanzija tal-benefiċċji mogħtija mill-fondi tal-irtirar.

18

F’Jannar 2012 infetħet proċedura ta’ insolvenza ta’ din l-ex persuna li timpjega.

19

PSV, li jiżgura l-pagament tal-irtirar professjonali f’każ ta’ insolvenza ta’ persuna li timpjega fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu, informa lil G. Bauer, permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2012, li huwa kien responsabbli għall-ħlas għal kull xahar tas-suppliment tal-irtirar għal ammont ta’ EUR 398.90, kif ukoll il-pagament annwali tal-bonus tal-Milied għal EUR 1 451.05.

20

Madankollu, peress li PSV irrifjuta li jpaċi t-tnaqqis applikat fuq il-pensjoni tal-rtirar mogħtija mill-Pensionskasse, dan tal-aħħar kompla jħallas lill-persuna kkonċernata pensjoni tal-irtirar għal ammont imnaqqas.

21

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-ewwel istanza kompetenti, G. Bauer sostna li, minħabba l-proċedura ta’ insolvenza li kienet tirrigwarda l-ex persuna li timpjega, PSV kellu jiggarantixxi t-tnaqqis li jaffettwa l-benefiċċji pprovduti mill-Pensionskasse. PSV sostna li ma kienx obbligat jiggarantixxi l-ammont tal-benefiċċji pprovduti minn fond tal-irtirar, fl-ipoteżi fejn min jimpjega ma kienx f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligu legali ta’ garanzija tiegħu, minħabba l-insolvenza tiegħu stess.

22

Il-kawża ġiet iddikjarata infondata fl-ewwel istanza, madankollu G. Bauer rebaħ l-appell.

23

Adita minn PSV, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) tindika li, fil-kawża prinċipali, hija għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk PSV huwiex obbligat li jiggarantixxi t-talba li G. Bauer għandu fuq l-ex persuna li timpjega tiegħu, minħabba li din tal-aħħar hija insolventi u ma tistax, konsegwentement, tissodisfa l-obbligu tagħha stess li tiggarantixxi l-benefiċċji pprovduti mill-Pensionskasse.

24

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-Ġermanja, il-benefiċċji tal-irtirar professjonali jistgħu jingħataw skont diversi metodi. Il-persuna li timpjega tista’, minn naħa, tagħti direttament il-benefiċċji li hija obbligata tipprovdi skont l-iskema ta’ pensjoni okkupazzjonali tal-impriża tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tista’ tagħti l-imsemmija benefiċċji bl-intervent ta’ organi esterni. Għalhekk il-persuna li timpjega ma tipprovdi ebda benefiċċju, iżda tipprovdih b’mod indirett, permezz jew ta’ assigurazzjoni għall-ħajja konkluża mill-persuna li timpjega favur il-ħaddiem, jew inkella permezz ta’ fond ta’ previdenza jew ta’ fond tal-irtirar li hija tinkariga li jamministra l-iskema ta’ pensjoni okkupazzjonali tal-impriża tagħha.

25

Meta l-persuna li timpjega tagħti lill-impjegat benefiċċji tal-irtirar professjonali, li jingħataw minn organu ta’ previdenza estern, u li dawn il-benefiċċji ma humiex biżżejjed sabiex jissodisfaw l-impenn meħud minn din il-persuna li timpjega fir-rigward tal-impjegat skont il-kuntratt ta’ xogħol, id-dritt nazzjonali jimponi fuq il-persuna li timpjega obbligu ta’ garanzija, li għandha tiżgura bil-patrimonju tagħha stess. F’din is-sitwazzjoni, jekk il-persuna li timpjega tkun fi stat ta’ insolvenza, id-dritt nazzjonali ma jipprevedix obbligu, għal PSV, li jiggarantixxi l-benefiċċji li l-persuna li timpjega għandha tagħti lill-impjegat minħabba t-tnaqqis, minn fond tal-irtirar, tal-ammont tal-benefiċċji mħallsa.

26

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 fl-ipoteżi fejn fond tal-irtirar, mingħajr ma jkun huwa stess fi stat ta’ insolvenza, inaqqas l-ammont tal-benefiċċji mħallsa, iżda fejn l-ex persuna li timpjega, minkejja l-obbligu ta’ garanzija tagħha previst mid-dritt nazzjonali, ma hijiex f’pożizzjoni li tpaċi t-tnaqqis imwettaq, minħabba l-istat ta’ insolvenza tagħha. Skont din il-qorti, f’każ bħal dan, teżisti talba tal-ħaddiem impjegat fuq l-ex persuna li timpjega tiegħu, li tirriżulta mir-relazzjoni ta’ xogħol, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/94, peress li din it-talba hija bbażata fuq l-għoti ta’ benefiċċji tal-irtirar minn din l-ex persuna li timpjega.

27

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju, li tippreċiża li, fil-kawża prinċipali, it-telf subit mill-ex ħaddiem impjegat ikkonċernat jikkorrispondi biss għal 13.8 % tal-pensjoni għal kull xahar ta’ rtirar u għal 7.4 % tal-benefiċċji tal-irtirar professjonali kollha li jirriżultaw mid-drittijiet miksuba minn dan tal-aħħar skont l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali, tixtieq tkun taf, fid-dawl tal-obbligu li l-interessi tal-impjegati msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jiġu protetti, liema huma ċ-ċirkustanzi li fihom it-telf subit mill-ex ħaddiem impjegat minħabba l-insolvenza tal-ex persuna li timpjega tiegħu jistgħu jitqiesu bħala manifestament sproporzjonati. Hija tqis li xi preċiżazzjonijiet huma neċessarji fir-rigward taċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 35 tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, Webb-Sämann (C‑454/15, EU:C:2016:891), sabiex tkun tista’ tevalwa jekk il-protezzjoni minima prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 hijiex miksuba fil-kawża prinċipali.

28

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-każ fejn l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi rekwiżit li l-Istat Membru kkonċernat għandu jiggarantixxi d-drittijiet invokati minn G. Bauer, hija ma tistax tipproċedi b’interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi dwar l-Irtirar Professjonali b’mod konformi ma’ din id-direttiva. Għaldaqstant, din il-qorti tistaqsi dwar l-effett dirett li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jista’ jkollu, li jippermetti lil G. Bauer li jinvoka din id-dispożizzjoni direttament quddiemha.

29

Fir-raba’ lok, fil-każ fejn l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jipproduċi effetti diretti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk organu ta’ garanzija tal-pensjonijiet okkupazzjonali bħalma huwa PSV jistax jiġi invokat kontra din id-dispożizzjoni.

30

Huwa f’dan il-kuntest li l-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva [2008/94] huwa applikabbli jekk jingħataw benefiċċji tal-pensjoni okkupazzjonali permezz ta’ skema interokkupazzjonali ta’ previdenza, li hija suġġetta għal sorveljanza Statali tas-servizzi finanzjarji u, minħabba raġunijiet finanzjarji din l-iskema b’mod leġittimu tnaqqas il-benefiċċji tagħha bil-kunsens tal-awtorità ta’ sorveljanza, u skont id-dritt nazzjonali, il-persuna li timpjega għandha tassumi responsabbiltà fil-konfront tal-ex impjegati tagħha għat-tnaqqis tal-benefiċċji, iżda li madankollu l-insolvenza tagħha tipprekludiha milli tissodisfa l-obbligu tagħha li tpaċi t-tnaqqis tal-benefiċċji?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

Taħt liema ċirkustanzi t-telf subit minn ex impjegat minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjega fir-rigward tal-benefiċċji tal-iskema tal-pensjoni okkupazzjonali jista’ jitqies bħala manifestament sproporzjonat u għalhekk iwassal għall-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw protezzjoni minima f’dan ir-rigward, minkejja li l-ex impjegat jirċievi minn tal-inqas nofs il-benefiċċji li jirriżultaw mid-drittijiet miksuba tiegħu għal pensjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 8 tad-Direttiva [2008/94] għandu effett dirett u, meta Stat Membru ikun naqas milli jittrasponi jew sempliċement ittraspona b’mod insuffiċjenti din id-direttiva, din id-dispożizzjoni tagħti drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw kontra dan l-Istat Membru quddiem qorti nazzjonali?

4)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda:

Entità rregolata mid-dritt pubbliku li l-Istat Membru stabbilixxa – b’mod vinkolanti għall-persuna li timpjega – bħala instituzzjoni għal protezzjoni minn insolvenza tal-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali, li hija suġġetta għal sorveljanza Statali tas-servizzi finanzjarji u tiġbor il-kontribuzzjonijiet meħtieġa għal protezzjoni minn insolvenza mingħand persuni li jimpjegaw skont id-dritt pubbliku, u li tista’ tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal eżekuzzjoni permezz ta’ att amministrattiv, hija awtorita pubblika tal-Istat Membru?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għal sitwazzjoni li fiha persuna li timpjega, li tiżgura benefiċċji tal-irtirar okkupazzjonali bl-intervent ta’ organu interprofessjonali, ma tistax tiggarantixxi, minħabba l-insolvenza tagħha, it-tpaċija għat-telf li jirriżulta mit-tnaqqis tal-benefiċċji pprovduti minn dan l-organu interprofessjonali, liema tnaqqis kien ġie awtorizzat mill-awtorità pubblika ta’ sorveljanza tas-servizzi finanzjarji li teżerċita sorveljanza prudenzjali tal-imsemmi organu.

32

F’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2008/94, l-Artikolu 1(1) tagħha jipprovdi li din għandha tapplika għat-talbiet tal-ħaddiema impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u li jeżistu fir-rigward ta’ persuni li jimpjegaw li jkunu jinsabu fi stat ta’ insolvenza, fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

33

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema impjegati li jkunu diġà telqu l-impriża jew l-istabbiliment tal-persuna li timpjagahom fid-data tal-bidu tal-insolvenza tagħha, fir-rigward tad-drittijiet miksuba tagħhom għal benefiċċji tax-xjuħija, taħt skemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali eżistenti barra mill-iskemi legali nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

34

Huwa paċifiku li G. Bauer huwa ex ħaddiem impjegat, li l-ex persuna li timpjega tiegħu tinsab fi stat ta’ insolvenza u li, fid-data tal-bidu tal-insolvenza tagħha u minħabba din l-insolvenza, id-drittijiet miksuba tiegħu għal benefiċċji tax-xjuħija kienu ġew ippreġudikati, peress li din l-ex persuna li timpjega ma kinitx iktar f’pożizzjoni li tpaċi t-tnaqqis tal-pensjoni għal kull xahar ta’ rtirar professjonali mħallsa minn organu interprofessjonali, konformement mal-obbligu li jiġi ggarantit il-ħlas tal-benefiċċji tal-irtirar professjonali li l-persuna li timpjega għandha taħt il-liġi nazzjonali.

35

Għalhekk, l-elementi materjali previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 huma ssodisfatti, li jimplika li dan l-Artikolu 8 huwa applikabbli għal ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Hogan et, C‑398/11, EU:C:2013:272, punt 40).

36

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għal sitwazzjoni li fiha persuna li timpjega, li tiżgura benefiċċji tal-irtirar professjonali permezz tal-intervent ta’ organu interprofessjonali, ma tistax tiggarantixxi, minħabba l-insolvenza tagħha, it-tpaċija għat-telf li jirriżulta mit-tnaqqis tal-ammont tal-imsemmija benefiċċji pprovduti minn dan l-organu interprofessjonali, liema tnaqqis kien ġie awtorizzat mill-awtorità pubblika ta’ sorveljanza tas-servizzi finanzjarji li teżerċita sorveljanza prudenzjali ta’ dan l-organu.

Fuq it-tieni domanda

37

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema huma ċ-ċirkustanzi partikolari li fihom għandu jiġi kkunsidrat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, li tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċji tal-irtirar professjonali pprovduti lil ex ħaddiem impjegat, minħabba l-insolvenza tal-ex persuna li timpjega tiegħu, huwa manifestament sproporzjonat, li jwassal għall-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw protezzjoni minima, minkejja li l-persuna kkonċernata tirċievi tal-inqas in-nofs tal-ammont tal-benefiċċji li jirriżultaw mid-drittijiet miksuba tagħha għal pensjoni tal-irtirar professjonali.

38

Għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiddeterminaw kemm il-mekkaniżmu kif ukoll il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet miksuba mill-ħaddiema għal benefiċċji tax-xjuħija taħt skemi komplementari ta’ previdenza. Għalhekk din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li teħtieġ garanzija sħiħa tad-drittijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Hampshire, C‑17/17, EU:C:2018:674, punt 41).

39

Għalhekk, dan l-Artikolu 8 ma jipprekludix li l-Istati Membri jnaqqsu, filwaqt li jsegwu għanijiet ekonomiċi u soċjali leġittimi, id-drittijiet miksuba tal-ħaddiema impjegati f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega tagħhom, sa fejn dawn b’mod partikolari josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Hampshire, C‑17/17, EU:C:2018:674, punt 42).

40

Minn dan isegwi li l-Istati Membri huma obbligati, konformement mal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2008/94, li jiggarantixxu, lill-ħaddiema, fl-assenza ta’ kull abbuż ta’ dritt min-naħa tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, il-minimu ta’ protezzjoni meħtieġa minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2016, Webb-Sämann, C‑454/15, EU:C:2016:891, punt 35, u tas-6 ta’ Settembru 2018, Hampshire, C‑17/17, EU:C:2018:674, punt 47).

41

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva teħtieġ li ex ħaddiem impjegat jirċievi, f’każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega tiegħu, tal-inqas in-nofs tal-benefiċċji tax-xjuħija li jirriżultaw mid-drittijiet għall-pensjoni akkumulati fil-kuntest ta’ skema komplementari ta’ previdenza professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et, C‑278/05, EU:C:2007:56, punt 57; tal-25 ta’ April 2013, Hogan et, C‑398/11, EU:C:2013:272, punt 51; tal-24 ta’ Novembru 2016, Webb-Sämann, C‑454/15, EU:C:2016:891, punt 35; kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2018, Hampshire, C‑17/17, EU:C:2018:674, punt 50).

42

Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, anki jekk garanzija minima sa nofs benefiċċji tax-xjuħija hija imposta skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, dan ma għandux bħala effett li jeskludi li, f’ċerti ċirkustanzi, it-telf subit minn ħaddiem jew ex ħaddiem jista’ jitqies ukoll bħala manifestament sproporzjonat fid-dawl tal-obbligu ta’ protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema impjegati, previst f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2016, Webb-Sämann, C‑454/15, EU:C:2016:891, punt 35, u tas-6 ta’ Settembru 2018, Hampshire, C‑17/17, EU:C:2018:674, punt 50).

43

Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tad-direttiva tal-Kunsill dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, tal-11 ta’ April 1978 (COM (78) 141 final), jirriżulta li l-għan li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva jikkonsisti li protezzjoni f’ċirkustanzi li jheddu li jċaħħdu lill-ħaddiem u lill-familja tiegħu mill-mezzi ta’ għajxien tiġi offruta. B’mod partikolari, hekk kif huwa indikat f’din l-espożizzjoni tal-motivi, id-dispożizzjonijiet li llum jinsabu fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 huma ġġustifikati mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiġu evitati ċ-ċirkustanzi partikolarment iebsa, għall-ħaddiem, minħabba t-telf tad-drittijiet li huwa kien kiseb taħt skema komplementari ta’ previdenza.

44

Minn dan jista’ jiġi dedott li tnaqqis tal-benefiċċji tax-xjuħija ta’ ex ħaddiem impjegat għandu jiġi kkunsidrat bħala manifestament sproporzjonat meta jirriżulta, minn dan it-tnaqqis, kif ukoll, skont il-każ, mill-evoluzzjoni prevista tiegħu, li l-kapaċità tal-persuna kkonċernata li tissodisfa l-bżonnijiet tagħha tiġi affettwata b’mod serju. Dan ikun il-każ ta’ tnaqqis tal-benefiċċji tax-xjuħija subit minn ex ħaddiem impjegat li diġà jgħix jew ikollu jgħix minħabba dan it-tnaqqis taħt il-livell ta’ riskju ta’ faqar stabbilit għall-Istat Membru kkonċernat mill-Eurostat.

45

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jeżiġi, bħala obbligu ta’ protezzjoni minima, li Stat Membru jiggarantixxi, lil ex ħaddiem espost għal tali tnaqqis tal-benefiċċji tax-xjuħija tiegħu, kumpens għal ammont li, mingħajr ma jkopri neċessarjament it-telf subit kollu, ikun jista’ wkoll jirrimedja n-natura manifestament sproporzjonata tiegħu.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċji tal-irtirar professjonali pprovduti lil ex ħaddiem impjegat, minħabba l-insolvenza tal-ex persuna li timpjega tiegħu, huwa kkunsidrat bħala manifestament sproporzjonat, anki jekk il-persuna kkonċernata tirċievi tal-inqas in-nofs tal-ammont tal-benefiċċji li jirriżultaw mid-drittijiet miksuba tagħha, meta dan l-ex ħaddiem impjegat diġà jgħix jew ikollu jgħix minħabba dan it-tnaqqis taħt il-livell ta’ riskju ta’ faqar stabbilit għall-Istat Membru kkonċernat mill-Eurostat.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

47

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jistax ikollu effett dirett, b’tali mod li jista’ jiġi invokat fil-konfront ta’ organu, irregolat mid-dritt privat, maħtur mill-Istat bħala l-organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza tal-persuni li jimpjegaw fil-qasam tal-irtirar professjonali.

48

Skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati mill-partijiet fil-kawża kontra Stat Membru u korpi amministrattivi kollha tiegħu kif ukoll kontra organi u entitajiet li huma suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew li għandhom poteri eżorbitanti meta pparagunati ma’ dawk li jirriżultaw minn regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Hampshire, C‑17/17, EU:C:2018:674, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jistgħu wkoll jiġu assimilati mal-Istat organi jew entitajiet li kienu ġew inkarigati minn awtorità li jeżerċitaw missjoni ta’ interess pubbliku u li għandhom għal dan il-għan setgħat eżorbitanti (sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 2017, Farrell, C‑413/15, EU:C:2017:745, punt 34, u tas-6 ta’ Settembru 2018, Hampshire, C‑17/17, EU:C:2018:674, punt 55).

49

L-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 huwiex inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż għandu jirrigwarda tliet aspetti, jiġifieri d-determinazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, il-kontenut ta’ din il-protezzjoni u l-identità tad-debitur ta’ din il-protezzjoni.

50

Fir-rigward tal-benefiċjarji tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta b’mod ċar li din id-direttiva hija intiża li tipproteġi lill-ħaddiema impjegati u lill-ex ħaddiema impjegati li huma kkonċernati minn insolvenza tal-persuna li timpjegahom jew li kienet timpjegahom. Għaldaqstant, dan l-artikolu jissodisfa, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-benefiċjarji tal-garanzija, il-kundizzjonijiet ta’ preċiżjoni u ta’ inkundizzjonalità meħtieġa għall-applikabbiltà diretta ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Hampshire, C‑17/17, EU:C:2018:674, punt 57).

51

Fir-rigward tal-kontenut tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dan l-Artikolu 8 huwa intiż sabiex jiggarantixxi protezzjoni minima lil kull ħaddiem impjegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Hampshire, C‑17/17, EU:C:2018:674, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-imsemmi Artikolu 8, sa fejn jimponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu, mingħajr eċċezzjoni, lil kull ex ħaddiem impjegat partikolari kumpens li jikkorrispondi tal-inqas għal 50 % tal-valur tad-drittijiet miksuba tiegħu taħt skema komplementari ta’ previdenza professjonali fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega tiegħu, jinkludi obbligu ċar, preċiż u inkundizzjonat impost fuq l-Istati Membri, li għandu bħala għan li jagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Hampshire, C‑17/17, EU:C:2018:674, punt 60).

53

Sussegwentement għall-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, l-istess japplika wkoll għar-rekwiżit li l-Istati Membri huma obbligati wkoll, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, li jiżguraw protezzjoni minima lill-ex ħaddiem impjegat espost għal tnaqqis tal-benefiċċji tax-xjuħija manifestament sproporzjonat, b’tali mod li l-individwi jistgħu jinvokaw direttament dan ir-rekwiżit quddiem qorti nazzjonali.

54

Fir-rigward tal-identità tad-debitur tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li PSV kien ġie maħtur mill-Istat Membru kkonċernat bħala organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza tal-persuni li jimpjegaw fil-qasam tal-irtirar professjonali. Dan l-organu rregolat mid-dritt privat huwa suġġett għas-sorveljanza prudenzjali eżerċitata mill-awtorità pubblika ta’ sorveljanza tas-servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, huwa jiġbor mingħand il-persuni li jimpjegaw, skont metodi rregolati mid-dritt pubbliku, il-kontribuzzjonijiet obbligatorji neċessarji għall-garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza u jista’, bħal fil-każ ta’ awtorità pubblika, joħloq il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni forzata billi jadotta att amministrattiv.

55

Għaldaqstant, fid-dawl tal-missjoni li minnha PSV ġie inkarigat u tal-kundizzjonijiet li fihom huwa jwettaqha, din l-entità hija differenti minn individwi u għandha tiġi assimilata mal-Istat, b’tali mod li, bħala prinċipju, id-dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jistgħu jiġu invokati fil-konfront tagħha.

56

Madankollu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni tista’ tiġi adottata biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun impona fuq PSV l-obbligu li jiżgura l-protezzjoni minima fil-qasam ta’ benefiċċji tax-xjuħija meħtieġa minn dan l-Artikolu 8, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, minn osservazzjonijiet ippreżentati minn PSV kif ukoll minn dawk tal-Gvern Ġermaniż, il-garanzija li dan l-organu għandu jiżgura ma testendix għall-benefiċċji pprovduti minn fondi tal-irtirar bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet u r-raba’ domanda għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, li jipprevedi obbligu ta’ protezzjoni minima, jista’ jkollu effett dirett, b’tali mod li jista’ jiġi invokat fil-konfront ta’ organu, irregolat mid-dritt privat, li kien ġie maħtur mill-Istat Membru bħala l-organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza tal-persuni li jimpjegaw fil-qasam tal-irtirar professjonali, meta, fid-dawl tal-missjoni li dan l-organu jingħata u tal-kundizzjonijiet li fihom huwa jwettaqha, dan l-organu jista’ jiġi assimilat mal-Istat, sa fejn il-missjoni ta’ garanzija li dan l-organu jingħata hija effettivament estiża għat-tipi ta’ benefiċċji tax-xjuħija li għalihom hija mitluba l-protezzjoni minima prevista f’dan l-Artikolu 8.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għal sitwazzjoni li fiha persuna li timpjega, li tiżgura benefiċċji tal-irtirar professjonali permezz tal-intervent ta’ organu interprofessjonali, ma tistax tiggarantixxi, minħabba l-insolvenza tagħha, it-tpaċija għat-telf li jirriżulta mit-tnaqqis tal-ammont tal-imsemmija benefiċċji pprovduti minn dan l-organu interprofessjonali, liema tnaqqis kien ġie awtorizzat mill-awtorità pubblika ta’ sorveljanza tas-servizzi finanzjarji li teżerċita sorveljanza prudenzjali ta’ dan l-organu.

 

2)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċji tal-irtirar professjonali pprovduti lil ex ħaddiem impjegat, minħabba l-insolvenza tal-ex persuna li timpjega tiegħu, huwa kkunsidrat bħala manifestament sproporzjonat, anki jekk il-persuna kkonċernata tirċievi tal-inqas in-nofs tal-ammont tal-benefiċċji li jirriżultaw mid-drittijiet miksuba tagħha, meta dan l-ex ħaddiem impjegat diġà jgħix jew ikollu jgħix minħabba dan it-tnaqqis taħt il-livell ta’ riskju ta’ faqar stabbilit għall-Istat Membru kkonċernat mill-Eurostat.

 

3)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, li jipprevedi obbligu ta’ protezzjoni minima, jista’ jkollu effett dirett, b’tali mod li jista’ jiġi invokat fil-konfront ta’ organu, irregolat mid-dritt privat, li kien ġie maħtur mill-Istat Membru bħala l-organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza tal-persuni li jimpjegaw fil-qasam tal-irtirar professjonali, meta, fid-dawl tal-missjoni li dan l-organu jingħata u tal-kundizzjonijiet li fihom huwa jwettaqha, dan l-organu jista’ jiġi assimilat mal-Istat, sa fejn il-missjoni ta’ garanzija li dan l-organu jingħata hija effettivament estiża għat-tipi ta’ benefiċċji tax-xjuħija li għalihom hija mitluba l-protezzjoni minima prevista f’dan l-Artikolu 8.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top