Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0154

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Frar 2019.
Tomás Horgan u Claire Keegan vs Minister for Education & Skills et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Labour Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(2)(b) – Diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età – Għalliema li jkunu ġew irreklutati reċentement – Data ta’ reklutaġġ – Tabella ta’ salarji u ta’ klassifikazzjoni fil-mument tar-reklutaġġ, fl-iskali inqas favorevoli minn dawk applikabbli għall-għalliema li diġà qegħdin fis-servizz.
Kawża C-154/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:113

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Frar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(2)(b) – Diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età – Għalliema li jkunu ġew irreklutati reċentement – Data ta’ reklutaġġ – Tabella ta’ salarji u ta’ klassifikazzjoni fil-mument tar-reklutaġġ, fl-iskali inqas favorevoli minn dawk applikabbli għall-għalliema li diġà qegħdin fis-servizz”

Fil-Kawża C‑154/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Labour Court (il-Qorti tax-Xogħol, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

Tomás Horgan,

Claire Keegan

vs

Minister for Education & Skills,

Minister for Finance,

Minister for Public Expenditure & Reform,

Ireland,

Attorney General,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, E. Levits, M. Berger, C. Vajda u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Bot, Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Horgan u Keegan, minn A. M. Lyne, solicitor,

għall-Minister for Education & Skills, il-Minister for Finance, il-Minister for Public Expenditure & Reform, Ireland u l-Attorney General, minn M. Browne, L. Williams u A. Joyce, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Tomkin u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Tomás Horgan u Claire Keegan u l-Minister for Education & Skills (il-Ministru tal-Edukazzjoni u tal-Ħiliet, l-Irlanda), u l-Minister for Finance (il-Ministru tal-Finanzi, l-Irlanda), u l-Minister for Public Expenditure & Reform (il-Ministru għan-Nefqa Pubblika u r-Riforma, l-Irlanda), l-Irlanda, kif ukoll l-Attorney General (l-Avukat Ġenerali, l-Irlanda) dwar il-legalità ta’ miżura nazzjonali applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2011 għall-uffiċjali rreklutati ġodda, inklużi l-għalliema ta’ skejjel nazzjonali, li tipprevedi skala ta’ salarju u ta’ klassifikazzjoni fl-iskali fil-mument tar-reklutaġġ inqas favorevoli minn dawk applikabbli għall-għalliema diġà fis-servizz.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

[…]

(b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]”

Id-dritt Irlandiż

5

Iċ-Ċirkolari 0040/2011, intitolata “Tabelli ta’ salarji ġodda għal għalliema ġodda maħtura fl-2011”, jipprovdi fil-punti 1 sa 4 tagħha:

“Introduzzjoni

1.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u tal-Ħiliet jixtieq jinforma lill-kumitati tal-edukazzjoni vokazzjonali, il-korpi ta’ ġestjoni u l-għalliema bir-rati riveduti ta’ remunerazzjoni u allowances għall-għalliema ġodda maħtura mill-1 ta’ Jannar 2011.

2.

Fil-kuntest tal-baġit tal-2011, il-gvern applika tnaqqis ta’ 10 % għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali rreklutati ġodda (iktar ’il quddiem il-‘ir-rekluti ġodda’) u kull rekluta ġdida fil-gradi tad-dħul ta’ servizz pubbliku għandhom jibdew fl-ewwel skala tat-tabella ta’ salarju rilevanti, mill-1 ta’ Jannar 2011.

Applikazzjoni ta’ rati ġodda ta’ remunerazzjoni

3.

It-tnaqqis ta’ 10 % japplika għas-salarju bażiku, għall-allowances u għall-ħlas ta’ sorveljanza u ta’ sostituzzjoni.

(a)

Salarju bażiku

It-tnaqqis ta’ 10 % japplika għas-salarju bażiku fl-iskali kollha taż-żidiet. Ir-rati ta’ kuljum u fis-siegħa għal għalliema, sostituti jew le, fl-edukazzjoni primarja u r-rati fis-siegħa għal għalliema sostituti jew le, part-time fl-edukazzjoni post-primarja tnaqqsu wkoll. Ir-rati rriveduti huma stabbiliti f’anness ma’ din iċ-ċirkolari […]

(b)

Allowances

It-tnaqqis ta’ 10 % għandu japplika wkoll għall-allowances kollha, bl-eċċezzjoni tal-allowances relatati mal-promozzjoni, jiġifieri l-allowances għal dmirijiet speċjali kif ukoll għall-deputati diretturi, viċi-diretturi u d-diretturi ta’ stabbilimenti ta’ edukazzjoni.

Għalliema maħtura ġodda

4.

Ir-rati ta’ remunerazzjoni applikabbli għall-għalliema kollha li ġew maħtura fl-1 ta’ Jannar 2011 jew wara din id-data.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6

Matul is-sena 2011, T. Horgan u C. Keegan kisbu l-kwalifiki li jippermettulhom li jkollhom aċċess għall-professjoni ta’ għalliem. Fil-ħarifa ta’ dik is-sena, huma eżerċitaw din il-professjoni fi skola pubblika Irlandiża.

7

It-tabelli l-ġodda tas-salarji għall-għalliema rreklutati ġodda, li jinsabu fiċ-Ċirkulari 0040/2011, jipprevedu, mill-1 ta’ Jannar 2011, tnaqqis tas-salarju ta’ 10 % għal kull skala tat-tabella ta’ salarju meta mqabbla mal-paga tal-uffiċjali li ġew irreklutati qabel din id-data.

8

Barra minn hekk, skont din iċ-ċirkolari, l-għalliema kollha rreklutati ġodda kienu kklassifikati fl-ewwel skala tat-tabella ta’ salarju applikabbli, għall-kuntrarju tal-prattika preċedenti li kienet tikklassifika għalliema ġodda fit-tieni jew fit-tielet skala ta’ din it-tabella.

9

L-għan mixtieq ta’ dawn il-miżuri kien li jindirizza l-ħtieġa ta’ tnaqqis strutturali tal-ispejjeż tas-servizz pubbliku fuq medda medja ta’ żmien, matul perijodu kkaratterizzat minn restrizzjonijiet fiskali kbar, u wkoll li jikkoreġi defiċit gravi fil-finanzi pubbliċi.

10

T. Horgan u C. Keegan ikkontestaw dawn il-miżuri quddiem l-Equality Tribunal (il-Qorti għall-Opportunitajiet Indaqs, l-Irlanda) minħabba differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. Peress li din il-qorti ċaħdet ir-rikors tagħhom, T. Horgan u C. Keegan appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju.

11

Din l-aħħar qorti tippreċiża li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali wasslu għall-koeżistenza ta’ żewġ kategoriji ta’ ħaddiema li jagħmlu xogħol tal-istess valur, iżda mħallsa b’mod differenti, id-distakk fl-età bejn dawn iż-żewġ kategoriji hija evidenti.

12

Fil-fatt, madwar 70 % tal-għalliema li bdew matul is-sena 2011 kellhom 25 snin jew iktar. Għalhekk, fil-mument tar-reklutaġġ tagħhom, l-għalliema li daħlu fis-servizz matul dik is-sena, inkluż T. Horgan u C. Keegan, huma b’mod ġenerali iżgħar mill-għalliema rreklutati qabel dik is-sena, dawn tal-aħħar huma kkunsidrati bħala grupp ta’ persuni mħallsa aħjar.

13

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-fattur li jiddetermina t-tabella ta’ salarji applikabbli għall-għalliema hija s-sena li fiha jidħlu fis-servizz, u li kull għalliem irreklutat wara l-1 ta’ Jannar 2011 għandha tapplika għalih it-tabella ta’ salarju inqas vantaġġjuża, indipendentement mill-età tiegħu fil-mument tar-reklutaġġ. Għall-kuntrarju, l-għalliema kollha rreklutati qabel dik is-sena jaqgħu taħt it-tabella ta’ salarju l-qadima u jibqgħu jaqgħu taħtha, indipendentement mill-età tagħhom fil-mument tar-reklutaġġ. Għalhekk, id-data ta’ reklutaġġ hija kriterju prima facie newtrali mill-perspettiva tal-età.

14

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata wkoll li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jikkontestawx li l-istruttura tal-etajiet tal-għalliema rreklutati wara l-1 ta’ Jannar 2011 ma hijiex differenti mill-istruttura tal-etajiet tal-għalliema rreklutati qabel din id-data, irrispettivament mis-sena ta’ reklutaġġ. Din il-qorti tistaqsi, għaldaqstant, dwar jekk teżistix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, kif qed isostnu wkoll T. Horgan u C. Keegan.

15

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta eventwali, il-qorti tar-rinviju tosserva li żewġ ġustifikazzjonijiet kienu ġew invokati, jiġifieri, minn naħa, il-ħtieġa għall-Irlanda li tindirizza l-kriżi ekonomika u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li jkun hemm konformità ma’ ftehim kollettiv li jipprojbixxi kull tnaqqis addizzjonali mir-remunerazzjoni tal-uffiċjali rreklutati qabel is-sena 2011.

16

Din il-qorti tqis li dawn il-motivi individwali ma humiex ġustifikazzjonijiet validi, iżda li kombinazzjoni tagħhom tista’ tkun.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Labour Court (il-Qorti tax-Xogħol, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-introduzzjoni minn Stat Membru li jaġixxi bħala persuna li timpjega, ta’ tabella ta’ salarji inqas favorevoli applikabbli għall-għalliema nazzjonali li jkunu ġew irreklutati reċentement, filwaqt li r-remunerazzjoni tal-għalliema li diġà bdew jaħdmu tibqa’ bla tibdil, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, fiċ-ċirkustanzi fejn:

a)

it-tabella ta’ salarji emendata u t-tabella ta’ salarji eżistenti preċedentement, japplikaw fl-intier tagħhom għall-għalliema taż-żewġ kategoriji rispettivi, indipendentement mill-età tagħhom;

b)

fid-data tar-reklutaġġ u tal-klassifikazzjoni tal-għalliema f’waħda mit-tabelli ta’ salarji, l-iskala tal-etajiet tal-grupp li jibbenefika mir-remunerazzjoni l-iktar għolja ma kinitx differenti mill-iskala tal-etajiet tal-grupp li jibbenefika mir-remunerazzjoni inqas għolja;

c)

l-introduzzjoni tat-tabella ta’ salarji emendata fiha differenza sostanzjali ta’ remunerazzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ għalliema li jwettqu xogħol tal-istess valur;

d)

l-età medja tal-għalliema li huma koperti bit-tabella ta’ salarji l-inqas vantaġġuża hija iktar baxxa mill-età medja tal-għalliema li huma koperti mit-tabella ta’ salarji preċedenti;

e)

fid-data tal-introduzzjoni tat-tabella ta’ salarji inqas favorevoli, l-istatistiċi tal-Istat kienu juru li 70% tal-għalliema li ġew irreklutati reċentement kellhom mhux iktar minn 25 sena u li ġie stabbilit li din kienet l-età tipika tal-iskala tal-etajiet ta’ dħul fis-servizz tal-għalliema nazzjonali, kienet liema kienet is-sena;

f)

l-għalliema nazzjonali li daħlu fis-servizz fl-2011 jew wara jġarrbu żvantaġġ finanzjarju manifest meta mqabbla mal-kollegi tagħhom għalliema maħtura qabel l-2011?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-introduzzjoni ta’ tabella ta’ salarji inqas favorevoli tista’ tkun oġġettivament iġġustifikata mir-rekwiżit sabiex jinkiseb tnaqqis fl-ispejjeż strutturali għal perijodu ta’ żmien medju/fit-tul tas-servizz pubbliku, fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji li jiffaċċja l-Istat u/jew tal-importanza li jinżammu relazzjonijiet soċjali tajba mal-uffiċjali li jkunu diġà qed jaħdmu?

3)

Ir-risposta għat-tieni domanda tkun differenti jekk l-Istat seta’ jwettaq ekonomiji ekwivalenti billi jnaqqas ir-remunerazzjoni tal-għalliema kollha b’mod inqas drastiku milli jnaqqas biss ir-remunerazzjoni tal-għalliema rreklutati reċentement?

4)

Ir-risposti għat-tieni u t-tielet domanda jkunu differenti jekk id-deċiżjoni li ma tiġix emendata b’mod sfavorevoli t-tabella ta’ salarji applikabbli għall-għalliema li qed jaħdmu diġà kienet ġiet adottata konformement għal ftehim kollettiv konkluż bejn il-gvern, bħala persuna li timpjega u s-sindakati li jirrappreżentaw l-uffiċjali, li fih il-gvern ikun impenja ruħu li ma jnaqqasx ulterjorment ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali li diġà jkunu qed jaħdmu, li jkunu diġà ġarrbu tnaqqis fir-remunerazzjoni, fid-dawl tal-konsegwenzi f’termini ta’ relazzjonijiet soċjali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-ftehim kollettiv, inkunsiderazzjoni tal-fatt li t-tabella ta’ salarji l-ġdida introdotta fl-2011 ma kinitx koperta bl-imsemmi ftehim kollettiv?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

18

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, b’effett minn data partikolari, tipprevedi l-applikazzjoni waqt ir-reklutaġġ ta’ għalliema ġodda ta’ tabella ta’ salarju u ta’ klassifikazzjoni fl-iskali inqas favorevoli minn dawk applikati, skont ir-regoli preċedenti għal din il-miżura, għall-għalliema rreklutati qabel din id-data, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

19

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, għall-finijiet tagħha, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età tirriżulta meta dispożizzjoni, kriterju jew prassi li jidhru newtrali jistgħu jpoġġu f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ lil persuni ta’ età partikolari, meta mqabbla ma’ persuni oħra, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prassi ma humiex oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u sakemm il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-iskop ma jkunux xierqa u neċessarji.

20

Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk T. Horgan u C. Keegan jistgħu jinvokaw il-prinċipju mfakkar fil-punt preċedenti, għandu jiġi vverifikat jekk l-għalliema rreklutati wara l-1 ta’ Jannar 2011 u dawk irreklutati qabel din id-data jingħataw trattament differenti minħabba l-età li kellhom waqt ir-reklutaġġ tagħhom.

21

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja li l-Irlanda għażlet li jinbidlu l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni għall- uffiċjali rreklutati ġodda, inklużi l-għalliema, mill-1 ta’ Jannar 2011, tnaqqis ta’ 10 % fil-paga u klassifikazzjoni fl-ewwel skala tat-tabella ta’ salarju minflok klassifikazzjoni fit-tieni u fit-tielet skala.

22

Dawn il-kundizzjonijiet huma applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ T. Horgan u ta’ C. Keegan kif ukoll għal għalliema rreklutati wara din id-data u ma huwiex ikkontestat li dawn jeżerċitaw xogħol simili għal dak tal-għalliema rreklutati qabel l-imsemmija data.

23

Min-naħa l-oħra, l-għalliema rreklutati qabel l-1 ta’ Jannar 2011 ġew neċessarjament ikklassifikati fl-iskali tagħhom fuq il-bażi tat-termini u l-kundizzjonijiet preċedenti fis-seħħ fid-data tar-reklutaġġ tagħhom, dan iddetermina l-ammont tar-remunerazzjoni tagħhom.

24

Minn dan isegwi li din id-differenza fit-trattament tirriżulta mid-data ta’ reklutaġġ tal-għalliema rispettivi, peress li huwa abbażi ta’ din id-data li ir-regoli l-qodma jew ir-regoli l-ġodda dwar l-iskala ta’ salarju u l-klassifikazzjoni fl-iskali għandhom japplikaw.

25

B’hekk, l-uniku kriterju rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda ta’ remunerazzjoni tat-tabella ta’ salarju u tal-klassifikazzjoni tal-iskala hija l-kwalità ta’ “uffiċjal irreklutat ġdid mill-1 ta’ Jannar 2011”, u dan, indipendentement mill-età tal-uffiċjal fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu. Għaldaqstant, dan il-kriterju, li tissuġġetta l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda biss għad-data ta’ reklutaġġ bħala element oġġettiv u newtrali, huwa manifestament mhux konness ma xi teħid inkunsiderazzjoni tal-età tal-persuni rreklutati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C-443/07 P, EU:C:2008:767, punti 8183).

26

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, jekk, fil-mument tar-reklutaġġ tagħhom, T. Horgan, C. Keegan u l-għalliema l-oħra rreklutati wara l-1 ta’ Jannar 2011 kienu, fil-biċċa l-kbira, l-iżgħar mill-għalliema li ġew irreklutati qabel din id-data, peress li, f’dik id-data, madwar 70 % kellhom mhux iktar minn 25 sena, huwa wkoll paċifiku li irrispettivament mis-sena ta’ reklutaġġ, kemm l-għalliema rreklutati wara l-1 ta’ Jannar 2011 kif ukoll dawk irreklutati qabel din id-data kellhom medja ta’ 25 sena.

27

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-kundizzjonijiet il-ġodda ta’ remunerazzjoni imposti mill-Irlanda ma humiex ibbażati fuq kriterju li huwa intrinsikament jew indirettament marbut mal-età tal-għalliema, tant li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni l-ġdida toħloq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2012, Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft, C-132/11, EU:C:2012:329, punti 2930).

28

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, b’effett minn data partikolari, tipprevedi l-applikazzjoni waqt ir-reklutaġġ ta’ għalliema ġodda ta’ tabella ta’ salarju u ta’ klassifikazzjoni fl-iskali inqas favorevoli minn dawk applikati, skont ir-regoli preċedenti għal din il-miżura, għall-għalliema rreklutati qabel din id-data, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni sa r-raba ’ domandi

29

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni sar-raba’ domandi.

Fuq l-ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, b’effett minn data partikolari, tipprevedi l-applikazzjoni waqt ir-reklutaġġ ta’ għalliema ġodda ta’ tabella ta’ salarju u ta’ klassifikazzjoni fl-iskali inqas favorevoli minn dawk applikati, skont ir-regoli preċedenti għal din il-miżura, għall-għalliema rreklutati qabel din id-data, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top