Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0143

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Settembru 2019.
    Antonio Romano u Lidia Romano vs DSL Bank – établissement de DB Privat- und Firmenkundenbank AG.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Bonn.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2002/65/KE – Kuntratt ta’ self lill-konsumaturi konkluż mill-bogħod – Dritt ta’ rtirar – Eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar wara li l-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu fuq talba espressa tal-konsumatur – Komunikazzjoni tal-informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar lill-konsumatur.
    Kawża C-143/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:701

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    11 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2002/65/KE – Kuntratt ta’ self lill-konsumaturi konkluż mill-bogħod – Dritt ta’ rtirar – Eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar wara li l-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu fuq talba espressa tal-konsumatur – Komunikazzjoni tal-informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar lill-konsumatur”

    Fil-Kawża C‑143/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Bonn (il-Qorti Reġjonali ta’ Bonn, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

    Antonio Romano,

    Lidia Romano

    vs

    DSL Bank – stabbiliment ta’ DB Privat- und Firmenkundenbank AG, li kien DSL Bank – unità operattiva ta’ Deutsche Postbank AG,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal DSL Bank – stabbiliment ta’ DB Privat- und Firmenkundenbank AG, minn A. Menkel, Rechtsanwalt,

    għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze, M. Hellmann, E. Lankenau u A. Berg, sussegwentement minn M. Hellmann, E. Lankenau u minn A. Berg, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher u C. Valero, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Marzu 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2), tal-Artikolu 5(1), tal-punt (ċ) tat-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1), l-Artikolu 6(6) kif ukoll tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Antonio Romano u Lidia Romano, minn naħa, u DSL Bank – stabbiliment ta’ DB Privat- und Firmenkundenbank AG, li kien DSL Bank – unità operattiva ta’ Deutsche Postbank AG (iktar ’il quddiem “DSL Bank”), min-naħa l-oħra, dwar l-eżerċizzju minn A. Romano u L. Romano, tad-dritt ta’ rtirar relattiv għal kuntratt ta’ self konkluż bejn dawn il-partijiet fil-kawża prinċipali.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 1, 3, 12 sa 14, 23 u 24 tad-Direttiva 2002/65 jipprovdu:

    “(1)

    Huwa mportanti, fil-kuntest li jintlaħħqu l-miri tas-suq singolu, li jiġu adottati miżuri maħsuba biex jikkonsolidaw progressivament dan is-suq u dawk il-miżuri għandhom jikkontribwxxu biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, skond l-Artikoli 95 u 153 tat-Trattat.

    […]

    (3)

    […] Sabiex tiġi s-salvagwardata l-libertà ta’ l-għażla, li hija dritt essenzjali tal-konsumatur, grad għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur huwa meħtieġ sabiex tiġi mtejjba l-kunfidenza tal-konsumatur f’bejgħ b’distanza.

    […]

    (12)

    L-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ regoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur li jikkonfliġġu jew differenti li jirregolaw it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji tal-konsumatur tista’ timpedixxi l-funzjonament tas-suq intern u l-kompetizzjoni bejn ditti fis-suq. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu applikati regoli komuni f’livell Komunitarju f’dan il-qasam, konsistenti ma ebda tnaqqis fil-protezzjoni globali tal-konsumatur fl-Istati Membri.

    (13)

    Livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur għandu jiġi garantit b’din id-Direttiva, bl-iskop li jiġi assigurat il-moviment ħieles ta’ servizzi finanzjarji. L-Istati Membri m’ għandhomx ikunu jistgħu jadottaw disposizzjonijiet barra minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva fl-oqsma li tarmonizza, sakemm mhux speċifikament indikat mod ieħor fiha.

    (14)

    Din id-Direttiva tkopri s-servizzi finanzjarji kollha li x’ aktarx jiġu provduti b’distanza. Madankollu, ċerti servizzi finanzjarji huma rregolati b’disposizzjonijiet speċifiċi ta’ leġislazzjoni Komunitarja li jibqgħu japplikaw għal dawk is-servizzi finanzjarji. Madankollu, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji li jirregolaw it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ dawn is-servizzi.

    […]

    (23)

    Bl-iskop ta’ protezzjoni ottima tal-konsumatur, huwa importanti li l-konsumatur huwa infurmat b’mod adegwat bid-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u b’kull kodiċi ta’ kondotta eżistenti f’dan il-qasam u li hu għandu dritt li jirtira.

    (24)

    Meta d-dritt ta’ rtirar ma japplikax minħabba li l-konsumatur ikun talab espressament it-twettieq ta’ kuntratt, il-fornitur għandu jinforma lill-konsumatur b’dan il-fatt.”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-għan u l-qasam ta’ l-applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-għan ta’ din id-Direttiva hija li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji tal-konsumatur.”

    5

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolata “Id-Definizzjonijiet”, jipprevedi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a)

    ‘kuntratt b’distanza’ jfisser kull kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji konklużi bejn il-fornitur u konsumatur taħt skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-fornitur, li, għall-iskop ta’ dak il-kuntratt, jagħmel użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni ta’ distanza sa u inkluż iż-żmien li fih huwa konkluż il-kuntratt.

    (b)

    ‘servizz finanzjarju’ jfisser kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas;

    (ċ)

    ‘fornitur’ ifisser kull persuna fiżika jew ġuridika, pubblika jew privata, li waqt li taġixxi fil-kapaċità kummerċjali jew professjonali tagħha, hija l-provveditriċi kontrattwali ta’ servizzi soġġetta għal kuntratti b’distanza;

    (d)

    ‘konsumatur’ ifisser kull persuna fiżika li, f’kuntratti b’distanza koperti b’din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra n-negozju, l-kummerċ jew il-professjoni tagħha;

    […]”

    6

    L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni lill-konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt b’distanza”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Fi żmein tajjeb qabel ma l-konsumatur jintrabat b’xi kuntratt ta’ distanza jew offerta, għandu jiġi provdut bl-informazzjoni li ġejja li tikkonċerna:

    […]

    3)

    il-kuntratt b’distanza

    (a)

    l-eżistenza jew l-assenza ta’ dritt ta’ rtirar skond l-Artikolu 6 u, meta jeżisti d-dritt ta’ rtirat, id-dewmien tiegħu u l-kondizzjonijiet biex jiġi eżerċitat, inkluża informazzjoni dwar l-ammont li l-konsumatur jista’ jkun meħtieġ li jħallas abbażi ta’ l-Artikolu 7(1), kif ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ dak id-dritt;

    […]

    2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, li l-iskop kummerċjali tagħha għandu jkun ċar, għandha tiġi provduta b’mod ċar u li jinftiehem fi kwalunkwe mod approprjat għall-mezz ta’ komunikazzjoni b’distanza użat, b’qies dovut, b’mod partikolari, għall-prinċipji ta’ fidi tajba f’operazzjonijiet kummerċjali, u l-prinċipji li jirregolaw il-protezzjoni ta’ dawk li ma jistgħux, skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri, jagħtu l-kunsens tagħhom, bħal minuri.

    […]”

    7

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/65, intitolat “Ħtiġiet addizzjonali ta’ informazzjoni”, jipprevedi:

    “1.   Meta hemm disposizzjonijiet fil-leġislazzjoni Komunitarja li jirregolaw servizzi finanzjarji li jikkontjneu ħtiġiet ta’ informazzjoni minn qabel addizzjonali għal dawk elenkati fl-Artikolu 3(1), dawn il-ħtiġiet għandhom jibqgħu japplikaw.

    2.   Fl-istennija ta’ iktar armonizzazzjoni, Stati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu disposizzjonijiet iktar strinġenti dwar ħtiġiet addizzjonali ta’ informazzjoni meta d-disposizzjonijiet huma in konformità mal-liġi Komunitarja.

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni disposizzjonijet nazzjonali dwar ħtiġiet ta’ informazzjoni minn qabel taħt il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu meta dawn il-ħtiġiet huma addizzjonali għal dawk elenkati fl-Artikolu 3(1). Il-Kummissjoni għandhom jieħdu kont tad-disposizzjonijiet nazzjonali kkomunikati meta jfasslu r-rapport imsemmi fl-Artikolu 20(2).

    4.   Il-Kummissjoni għandha, bl-iskop li tikkrea livell għoli ta’ trasparenza bil-mezzi kollha approprjati, tassigura li informazzjoni, dwar id-disposizzjonijiet nazzjonali kkomunikati lilha, tkun disponibbli lill-konsumaturi u lill-fornituri kollha.”

    8

    Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Komunikazzjoni tat-termini u l-kondizzjonijiet kontrattwali u ta’ l-informazzjoni minn qabel”:

    “1.   Il-fornitur għandu jikkomunika lill-konsumatur it-termini u l-kondizzjonijiet kontrattwali kollha u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4 bil-miktub u fuq kull medja oħra li sservi disponibbli u aċċessibbli għall-konsumatur fi żmien tajjeb qabel ma l-konsumatur ikun marbut bi kwalunkwe kuntratt ta’ distanza jew offerta.

    2.   Il-fornitur għandu jissodisfa l-obbligu tiegħu taħt il-paragrafu 1 immedjatament wara l-konklużjoni tal-kuntratt, jekk il-kuntratt ikun ġie konkluż fuq it-talba tal-konsumatur bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni b’distanza li ma tippermettix li jiġu pprovduti termini u kondizzjonijiet kontrattwali u l-informazzjoni in konformità mal-paragrafu 1.

    […]”

    9

    L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ rtirar”, jipprovdi li:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konsumatur ikollu perjodu ta’ 14-il jum skond il-kalendarju biex jirtira mill-kuntratt mingħajr penalità u mingħajr ma jagħti raġuni. […]

    Il-perjodu għall-irtirar għandu jibda:

    jew mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt b’distanza […]

    mill-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet kontrattwali u l-informazzjoni skond l-Artikolu 5(1) jew (2), jekk dan hu iktar tard mid-data msemmija fl-ewwel inċiż.

    […]

    2.   Id-dritt ta’ rtirar m’ għandux japplika għal:

    […]

    (ċ)

    kuntratti li t-twettieq tagħhom ġie kompletat bis-sħiħ miż-żewġ partijiet fuq it-talba espressa tal-konsumatur qabel ma l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dritt ta’ rtirar m’ għandux japplika għal:

    (a)

    kwalunkwe kreditu maħsub primarjament għall-iskop ta’ akwiżizzjoni jew żamma ta’ drittijiet ta’ proprjetà fl-art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat, jew għall-iskop ta’ rinovazzjoni jew titjib ta’ bini, jew

    (b)

    kull kreditu assigurat jew b’ipoteka fuq proprjetà immobbli jew bi dritt relatat għal proprjetà immobbli, jew […]

    […]

    6.   Jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ irtirar għandu, qabel l-iskadenza tad-data perentorja rilevanti, jinnotifika l-istruzzjonijiet prattiċi li ġejjin mogħtija lilu skond l-Artikolu 3(1)(3)(d) b’mezzi li jistgħu jiġu ppruvati skond il-liġi nazzjonali. Iż-żmien perentorju għandu jitqies li ġie osservat jekk in-notifika, jekk hi bil-miktub jew fuq medja oħra li sservi disponibbli u aċċessibbli għar-reċipjent, tintbagħat qabel ma jiskadi ż-żmien perentorju.

    […]”

    10

    L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Il-Ħlas tas-servizz ipprovdut qabel l-irtirar”, jipprevedi:

    “1.   Meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar taħt l-Artikolu 6(1) jista’ biss ikun meħtieġ iħallas, mingħajr dewmien mhux dovut, għas-servizz attwalment provdut mill-fornitur skond il-kuntratt. It-twettieq tal-kuntratt jista biss jibda wara li l-konsumatur iku ta l-approvazzjoni tiegħu. […]

    […]

    3.   Il-fornitur ma jistax jeħtieġ lill-konsumatur iħallas kwalunkwe ammont abbażi tal-paragrafu 1 sakemm am jistax jipprova li l-konsumatur kien infurmat kif dovut bl-ammont pagabbli, in konformità ma’ l-Artikolu 3(1)(3)(a). Madanakollu, f’ebda każ ma jista’ jeħtieġ dan il-ħlas jekk ikun beda t-twettieq tal-kuntratt qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 6(1) mingħajr it-talba minn qabel tal-konsumatur.

    4.   Il-fornitur għandu, mingħajr dewmein mhux dovut u sa mhux iktar minn 30 jum skond il-kalendarju, jirritorna lill-konsumatur kull somma li jkun irċieva mingħandu skond il-kuntratt ta’ distanza, ħlief għall-ammont imsemmi fil-paragrafu 1. Dan il-perjodu għandu jibda mill-jum li fih il-fornitur jirċievi n-notifika ta’ l-irtirar.

    5.   Il-konsumatur għandu jirritorna lill-fornitur kwalunkwe somma u/jew proprjetà li jkun irċieva mill-forntiur mingħajr dewmien mhux dovut u sa mhux iktar tard minn 30 jum skond il-kalendarju. […]”

    11

    Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/65, intitolat “Sanzjonijiet”:

    “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet approprjati fil-każ ta’ nuqqas ta’ fornitur li jikkonforma ma’ disposizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva.

    Jistgħu jipprovdu għal dan l-iskop b’mod partikolari li l-konsumatur jista’ jikkanċella l-kuntratt fi kwalunkwe ħin, b’xejn u mingħajr penalità.

    Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.”

    Id-dritt Ġermaniż

    12

    L-Artikolu 312b tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BGB”), jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “‘Kuntratti mill-bogħod’ għandhom ifissru l-kuntratti ta’ provvista ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi, inklużi s-servizzi finanzjarji, konklużi bejn professjonist u konsumatur permezz tal-użu esklużiv ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, sakemm il-konklużjoni tal-kuntratt ma sseħħx fil-kuntest ta’ sistema organizzata ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizzi mill-bogħod. ‘Servizzi finanzjarji’, fis-sens tal-ewwel sentenza, għandhom ifissru kwalunkwe servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas.”

    13

    Skont l-Artikolu 312d tal-BGB:

    “1.   Il-konsumatur li jkun ikkonkluda kuntratt mill-bogħod għandu dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 355. […].

    2.   B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 355(2), it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss hekk kif il-professjonist iwettaq l-obbligi ta’ informazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 312c(2) […] u, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi, hekk kif jiġi konkluż il-kuntratt.

    3.   Meta l-kuntratt ikun jirrigwarda l-provvista ta’ servizz, id-dritt ta’ rtirar jintemm anki fil-każijiet li ġejjin:

    1)

    fil-każ ta’ servizz finanzjarju, id-dritt ta’ rtirar jintemm meta l-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu […]

    […]

    5.   Il-konsumatur lanqas ma jibbenefika minn dan id-dritt ta’ rtirar fil-kuntest ta’ kuntratti mill-bogħod li fir-rigward tagħhom huwa diġà għandu, abbażi tal-Artikoli 495 u 499 sa 507, id-dritt ta’ rtirar jew ta’ restituzzjoni skont l-Artikolu 355 jew l-Artikolu 356. Il-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis għal dawn il-kuntratti.

    6.   Fil-kuntratti mill-bogħod dwar servizzi finanzjarji, b’deroga mill-Artikolu 357(1), il-konsumatur huwa obbligat li jħallas kumpens għas-servizz ipprovdut, skont ir-regoli fuq id-dritt legali ta’ rtirar, biss fil-każ li huwa jkun ġie informat b’dawn l-effetti legali qabel il-kunsens kuntrattwali tiegħu u jekk huwa jkun espressament ta l-kunsens tiegħu sabiex il-professjonist jibda t-twettiq tas-servizz qabel ma jiskadi t-terminu ta’ rtirar.”

    14

    L-Artikolu 346 tal-BGB jipprovdi:

    “1.   Meta parti fil-kuntratt tkun irriżervat dritt għal terminazzjoni bi stipulazzjoni fil-kuntratt jew tibbenefika minn dan bis-saħħa tal-liġi, il-provvisti rċevuti għandhom jiġu rrestitwiti fil-każ ta’ terminazzjoni, flimkien mal-benefiċċji miksuba.

    2.   Minflok ir-restituzzjoni, id-debitur għandu jħallas kumpens tal-valur jekk

    1)

    ir-restituzzjoni hija eskluża minħabba n-natura tal-provvista rċevuta […]

    Jekk il-kuntratt jipprevedi korrispettiv, huwa abbażi ta’ dan tal-aħħar li dan il-kumpens għandu jiġi kkalkolat; jekk il-kumpens huwa dovut abbażi tal-vantaġġ li jikkonsisti fl-użu tal-kapital misluf, tista’ tiġi prodotta prova li l-valur tal-vantaġġ fir-realtà kien inqas.”

    15

    L-Artikolu 355 tal-BGB jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

    “Id-dritt ta’ rtirar jintemm sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-każ ta’ forniment ta’ oġġetti, dan it-terminu jibda jiddekorri biss mar-riċeviment tagħhom min-naħa tad-destinatarju. B’deroga għall-ewwel sentenza, id-dritt ta’ rtirar ma jintemmx fil-każ fejn il-konsumatur ma jkunx ġie debitament informat dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu; fir-rigward tal-kuntratti mill-bogħod relatati ma’ servizzi finanzjarji, dan id-dritt lanqas ma jintemm fil-każ fejn il-professjonist ma jkunx wettaq debitament l-obbligi tiegħu ta’ informazzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 312c(2).”

    16

    L-Artikolu 495 tal-BGB jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fil-kuntratt ta’ self għall-konsum min jissellef għandu dritt ta’ rtirar konformement mal-Artikolu 355.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17

    Matul ix-xahar ta’ Ottubru 2007, A. Romano u L. Romano kkonkludew kuntratt ta’ self ma’ DSL Bank, stabbiliment ta’ kreditu, intiż sabiex jiffinanzja l-beni immobbli li huma jokkupaw privatament.

    18

    Dan il-kuntratt li kien jirrigwarda self bi ħlas lura f’rati annwali kien jipprevedi rata ta’ interessi fissi sal-31 ta’ Diċembru 2017. L-imsemmi kuntratt kien jipprevedi li d-debitur iwettaq ħlas lura inizjali ta’ 2 % tal-kapital u li sussegwentement iħallas pagamenti mensili ta’ EUR 548.53 bħala interessi kif ukoll parti mill-kapital. Ir-rimbors kellu jibda fit-30 ta’ Novembru 2007 bil-ħlas tal-ewwel pagament mensili. L-għoti ta’ dan is-self kien suġġett għall-istabbiliment ta’ garanzija fuq l-immobbli inkwistjoni bħala kollateral.

    19

    Il-kunklużjoni tal-istess kuntratt żvolġiet bil-mod kif ġej.

    20

    DSL Bank bagħat lil A. Romano u L. Romano dokument redatt minn qabel imsejjaħ “applikazzjoni għal self”, akkumpanjat minn dokument ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar, rikapitulazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ħlas lura tal-kapital, tal-kundizzjonijiet ġenerali tas-self, kif ukoll dokument intitolat “skeda informattiva dwar is-self għal kostruzzjoni għall-konsumatur”.

    21

    L-imsemmi dokument ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar kien jippreċiża li “id-dritt ta’ rtirar jintemm b’mod prematur jekk il-kuntratt jiġi eżegwit fl-intier tiegħu u d-debitur ikun ta l-kunsens tiegħu espressament”.

    22

    A. Romano u L. Romano ffirmaw l-applikazzjoni għas-self, id-dokument ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar kif ukoll ir-riċevuta tal-iskeda informattiva dwar is-self għal kostruzzjoni għall-konsumatur u bagħtu lil DSL Bank kopja ffirmata ta’ dawn id-dokumenti. Sussegwentement DSL Bank aċċetta bil-posta l-appikazzjoni għal self ta’ A. Romano u ta’ L. Romano.

    23

    A. Romano u L. Romano stabbilixxew il-garanzija miftehma. Fuq talba ta’ dawn ta-aħħar, DSL Bank tagħhom il-kaptial misluf. Sussegwentement, A. Romano u L. Romano bdew iħallsu l-pagamenti kif miftiehem.

    24

    Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Ġunju 2016, A. Romano u L. Romano ddikjaraw li jridu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ rtirar mill-kuntratt konkluż matul is-sena 2007 u sostnew li d-dokument ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar ma kienx konformi mal-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

    25

    Peress li DSL Bank ikkontesta l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt minn A. Romano u L. Romano, dawn adixxew lil-Landgericht Bonn (il-Qorti Reġjonali ta’ Bonn, il-Ġermanja) b’talba intiża sabiex jiġi kkonstatat li b’riżultat tal-irtirar, DSL Bank ma kienx jista jinvoka d-drittijiet li kellu abbażi tal-kuntratt ta’ self ikkonċernat. Barra minn hekk, A. Romano u L. Romano talbu l-ħlas lura, minn DSL Bank, tas-somom imħallsa abbażi tal-kuntratt qabel ma sar l-irtirar, kif ukoll il-ħlas ta’ kumpens għall-użu ta’ dawn is-somom.

    26

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżuta li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kuntratt mill-bogħod għal servizz finanzjarju, fis-sens tal-Artikolu 312b tal-BGB.

    27

    Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kjarifika, imsemmija fil-punt 21 tas-sentenza preżenti, li tinsab fid-dokument ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar, li tikkonċerna dan id-dritt, hija bbażata fuq il-punt 1 tal-Artikolu 312d(3) tal-BGB, li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 2002/65. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), din id-dispożizzjoni tal-BGB ma tapplikax għall-kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumatur, inklużi l-kuntratti konklużi mill-bogħod. Għal dak li jirrigwarda l-imsemmija kuntratti, il-konsumatur għandu dritt ta’ rtirar previst, mhux fil-punt 1 tal-Artikolu 312d(3) tal-BGB, iżda fl-Artikolu 355(3) tal-BGB, moqri fimkien mal-Artikolu 495(1) tiegħu. Issa, l-imsemmi Artikolu 355(3), minn naħa, jipprevedi li d-dritt ta’ rtirar ma jintemmx jekk il-konsumatur ma jkunx ġie debitament informat dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu u, min-naħa l-oħra, ma jipprevedix tmiem ta’ dan id-dritt fil-każ li l-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq it-talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

    28

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-kjarifika, imsemmija fil-punt 21 tas-sentenza preżenti dwar tmiem id-dritt ta’ rtirar hijiex korretta u jekk, konsegwentement, il-konsumatur kienx ġie debitament informat dwar id-dritt tiegħu.

    29

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li t-test tal-komunikazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar jista’ jitqies li huwa ċar u preċiż biżżejjed għal konsumatur medju, kif iddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat fid-dawl tal-fatti rilevanti kollha u tal-fatti kollha invokati matul in-negozjar tal-kuntratt. Madankollu, din il-qorti tqis li din il-komunikazzjoni ma hijiex ċara u preċiża biżżejjed għal konsumatur medju, kif iddefinit mill-ġurisprudenza Ġermaniża, li tirreferi għal konsumatur inqas konxju mil-liġi.

    30

    Peress li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/65, il-Landgericht Bonn (il-Qorti Reġjonali ta’ Bonn) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 6(2)(c) tad-Direttiva 2002/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali jew prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprevedix li, fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu mill-bogħod, l-irtirar huwa eskluż jekk il-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan tal-aħħar eżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar?

    2)

    L-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(1), it-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2002/65 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-kwistjoni ta’ jekk l-informazzjoni prevista mid-dritt nazzjonali konformement mal-Artikolu 5(1) u mal-punt 3(a) tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva ġietx debitament ikkomunikata lill-konsumatur, u tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar minn dan tal-aħħar konformement mad-dritt nazzjonali, il-konsumatur li għandu jittieħed bħala referenza huwa l-konsumatur medju normalment informat, raġonevolment attent u avżat, fid-dawl tal-fatti rilevanti kollha u taċ-ċirkustanzi kollha marbuta mal-konklużjoni tal-kuntratt?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda:

    L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi li, wara li l-konsumatur ikun irtira mill-kuntratt ta’ self mill-bogħod, il-fornitur għandu mhux biss jagħti lura lill-konsumatur l-ammont li huwa kien irċieva mingħand dan tal-aħħar fl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, iżda wkoll kumpens għall-użu ta’ dan l-ammont?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    31

    Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 2002/65 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li, għal dak li jikkonċerna kuntratt għal servizz finanzjarju konkluż mill-bogħod bejn professjonist u konsumatur, ma jeskludix id-dritt ta’ rtirar ta’ dan il-konsumatur fil-każ li dan il-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq it-talba espressa tal-konsumatur, qabel ma dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

    32

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 6(2)(ċ) tal-imsemmija direttiva, id-dritt ta’ rtirar li għandu l-konsumatur li jikkonkludi kuntratt mill-bogħod ma’ professjonist għal servizz finanzjarju, ma japplikax għall-kuntratti eżegwiti fl-intier tagħhom miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

    33

    Fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-punt 1 tal-Artikolu 312d(3) tal-BGB, li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 2002/65, jipprevedi li d-dritt ta’ rtirar jintemm jekk il-kuntratt għal servizz finanzjarju jkun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, madankollu, konformement mal-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), din id-dispożizzjoni tal-BGB ma tapplikax għall-kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumatur, inkluż għall-kuntratti konklużi mill-bogħod u li, għal dak li jikkonċerna l-imsemmija kuntratti, id-dritt ta’ rtirar ma jintemmx fil-każ imsemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 312d(3) tal-BGB.

    34

    Mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/65, moqri fid-dawl tal-premessa 13 tagħha, jirriżulta li din id-direttiva twettaq, fil-prinċipju, armonizzazzjoni kompleta tal-aspetti li hija tirregola. Fil-fatt, kif tipprovdi din il-premessa, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet barra minn dawk stabbiliti f’din id-direttiva fl-oqsma li tarmonizza, sakemm mhux speċifikament indikat mod ieħor fiha.

    35

    Għal dak li jirrigwarda l-każ li fih id-dritt ta’ rtirar ma japplikax, konformement mal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 2002/65, din ma fihiex dispożizzjonijiet li jawtorizzaw Stat Membru jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, li l-konsumatur għandu dritt ta’ rtirar fil-każ li l-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

    36

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 2002/65, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) tagħha u fid-dawl tal-premessa 13 ta’ din id-direttiva, jipprekludi lil Stat Membru milli jipprevedi li l-konsumatur ikollu dritt ta’ rtirar fil-każ imsemmi fil-punt preċedenti.

    37

    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jirrikjedi li l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu dak kollu li huwa fil-kompetenza tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnu (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Praxair MRC, C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Għalkemm l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali għandhom ibiddlu, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza nazzjonali stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li hija inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Związek Gmin Zagłębia Miedziowego, C‑566/17, EU:C:2019:390 punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 2002/65, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) tagħha u fid-dawl tal-premessa 13 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li, għal dak li jikkonċerna kuntratt għal servizz finanzjarju konkluż mill-bogħod bejn professjonist u konsumatur, ma teskludix id-dritt ta’ rtirar ta’ dan il-konsumatur fil-każ li dan il-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur, qabel ma dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu. Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u li tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tasal għal soluzzjoni konformi ma’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li tbiddel, jekk ikun meħtieġ, ġurisprudenza nazzjonali stabbilita jekk din tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li huwa inkompatibbli mal-imsemmija dispożizzjoni.

    Fuq it-tieni domanda

    Osservazzjonijiet preliminari

    40

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilta fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermetilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jaqtgħu l-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati b’mod espliċitu fid-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja minn dawn il-qrati nazzjonali (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, PI, C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    It-tieni domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2), tal-Artikolu 5(1), u tat-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu (6) tad-Direttiva 2002/65.

    42

    Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li DSL Bank ittrażmetta lil A. Romano u lil L. Romano, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-informazzjoni li tipprovdi li “id-dritt ta’ rtirar jintemm b’mod prematur jekk il-kuntratt jiġi eżegwit fl-intier tiegħu u d-debitur ikun ta l-kunsens tiegħu espressament”.

    43

    Il-qorti tar-rinviju tqis li din l-informazzjoni tikkorrispondi għall-każ fejn id-dritt ta’ rtirar ma japplikax, konformement għall-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 2002/65, madankollu ma hijiex eżatta fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li tipprovdi li d-dritt ta’ rtirar ma jintemmx jekk il-kuntratt huwa eżegwit fl-intier tiegħu u d-debitur ta l-kunsens tiegħu espressament.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 3(a) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/65, il-konsumatur għandu jirċievi l-informazzjoni dwar, fost oħrajn, l-eżistenza jew l-assenza tad-dritt ta’ rtirar, previst fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, fi żmien xieraq qabel ma jkun marbut b’kuntratt mill-bogħod jew b’offerta. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li l-għan kummerċjali tagħha għandu jidher mingħajr ekwivoki, hija pprovduta b’mod ċar u li jinftiehem b’kull mezz adatt għat-teknika ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użata, b’teħid debitament inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ bona fide fit-tranżazzjonijiet kummerċjali u ta’ protezzjoni ta’ dawk li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, huma meqjusa non sui juris, bħall-minuri.

    45

    Konformement mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/65, il-fornitur għandu jikkomunika lill-konsumatur il-kundizzjonijiet kollha tal-kuntratt kif ukoll l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva f’forma stampata jew b’mezz durabbli, imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur u li għalih ikollu aċċess fi żmien xieraq qabel ma jkun marbut b’kuntratt mill-bogħod jew b’offerta.

    46

    Fid-dawl ta’ dak li ntaq qabel, it-tieni domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li tirrigwarda l-punt dwar jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/65, moqri flimkien mal-punt 3(a) tal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 6(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu, għal professjonist li jikkonkludi ma’ konsumatur kuntratt mill-bogħod għal servizz finanzjarju, li jikkomunika lil dan il-konsumatur b’mod ċar u li jinftiehem, qabel ma dan ikun marbut b’kuntratt mill-bogħod jew b’offerta, l-informazzjoni dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar, ma jiġix miksur meta dan il-professjonist jinforma lil dan il-konsumatur li d-dritt ta’ rtirar ma japplikax għall-kuntratt eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu, anki jekk din l-informazzjoni ma tikkorrispondix mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li tipprevedi li f’ tali każ, id-dritt ta’ rtirar japplika.

    Fuq id-domanda

    47

    Konformement mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/65, moqri flimkien mal-punt 3(a) tal-Artikolu 3(1) tagħha, il-furnitur huwa obbligat jikkomunika lill-konsumatur, qabel ma dan ikun marbut b’kuntratt mill-boqgħod jew b’offerta, l-informazzjoni li tikkonċerna fost oħrajn l-eżistenza jew l-assenza tad-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

    48

    Peress li, konformement mal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 2002/65, id-dritt ta’ rtirar ma japplikax għal kuntratti eżegwiti fl-intier tagħhom miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu, il-konsumatur għandu jiġi informat, fl-istadju ta’ qabel il-kuntratt, bl-assenza tad-dritt ta’ rtirar fil-każ imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

    49

    Huwa minnu, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2002/65, li fl-istennija ta’ armonizzazzjoni ikbar, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti rigward il-ħtiġijiet fil-qasam tal-informazzjoni minn qabel, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    50

    Madankollu, hekk kif jirriżulta mir-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 2002/65, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) tagħha u fid-dawl tal-premessa 13 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal dak li jikkonċerna l-kuntratt għal servizz finanzjarju konkluż mill-bogħod bejn professjonist u konsumatur, ma teskludix id-dritt ta’ rtirar ta’ dan il-konsumatur fil-każ li dan il-kuntratt ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur, qabel ma dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

    51

    F’dawn il-kundizzjonijiet, Stat Membru ma jistax jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, obbligu għall-professjonist li jikkonkludi kuntratt mill-bogħod ma’ konsumatur għal servizz finanzjarju, li jikkomunika lil dan il-konsumatur, qabel ma dan ikun marbut b’kuntratt mill-boqgħod jew b’offerta, informazzjoni li tmur kontra dispożizzjonijiet imperattivi tad-Direttiva 2002/65, jiġifieri l-informazzjoni dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar fil-każ li dan il-kuntratt huwa eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur, qabel ma dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

    52

    Peress li d-Direttiva 2002/65 teskludi d-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur fil-każ imsemmi fil-punt preċedenti, ma jistax jitqies li l-professjonist naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu, konformement mal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 3(1) tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6(2)(ċ) tagħha, li jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni neċessarja meta huwa jkun naqas milli jinforma lil dan il-konsumatur bl-eżistenza, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, tad-dritt ta’ rtirar fl-imsemmi każ, iżda informah li dan id-dritt ma japplikax f’dan il-każ.

    53

    Għandu jingħad ukoll li, konformement mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2002/65, moqri flimkien mal-punt 3(a) tal-Artikolu 3(1), l-informazzjoni dwar l-eżistenza jew l-assenza tad-dritt ta’ rtirar għandha tingħata lill-konsumatur b’mod ċar u li jinftiehem.

    54

    Hija biss rilevanti, f’dan ir-rigward, il-perċezzjoni tal-konsumatur medju, jiġifieri konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin, C‑485/17, EU:C:2018:642, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Fil-fatt, l-armonizzazzjoni kompleta tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, li wettqet id-Direttiva 2002/65, tinvolvi interpretazzjoni komuni għall-Istati Membri kollha tal-kriterju tal-konsumatur ta’ referenza.

    56

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/65, moqri flimkien mal-punt 3(a) tal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 6(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu, għal professjonist li jikkonkludi kuntratt mill-bogħod ma’ konsumatur għal servizz finanzjarju, li jikkomunika b’mod ċar u li jinftiehem lil konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat, konformement mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, qabel ma dan il-konsumatur ikun marbut b’kuntratt mill-bogħod jew b’offerta, l-informazzjoni dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar ma jiġix miksur meta dan il-professjonist jinforma lil dan il-konsumatur li d-dritt ta’ rtirar ma japplikax għall-kuntratt eżegwit miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu, anki jekk din l-informazzjoni ma tikkorrispondix mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mal-ġurisprudenza nazzjonali, li tipprevedi li, f’tali każ, id-dritt ta’ rtirar japplika.

    Fuq it-tielet domanda

    57

    Peress li t-tielet domanda ġiet magħmula biss fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u t-tieni domanda, ma hemmx lok, fid-dawl tar-risposti mogħtija lill-ewwel u t-tieni domanda, li tingħata risposta għaliha.

    Fuq l-ispejjeż

    58

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE,, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) tagħha u fid-dawl tal-premessa 13 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li, għal dak li jikkonċerna kuntratt għal servizz finanzjarju konkluż mill-bogħod bejn professjonist u konsumatur, ma teskludix id-dritt ta’ rtirar ta’ dan il-konsumatur fil-każ li dan il-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur, qabel ma dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu. Huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u li tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tasal għal soluzzjoni konformi ma’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li tbiddel, jekk ikun meħtieġ, ġurisprudenza nazzjonali stabbilita jekk din tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li huwa inkompatibbli mal-imsemmija dispożizzjoni.

     

    2)

    L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/65, moqri flimkien mal-punt 3(a) tal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 6(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu, għal professjonist li jikkonkludi kuntratt mill-bogħod ma’ konsumatur għal servizz finanzjarju, li jikkomunika b’mod ċar u li jinftiehem lil konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat, konformement mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, qabel ma dan il-konsumatur ikun marbut b’kuntratt mill-bogħod jew b’offerta, l-informazzjoni dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar ma jiġix miksur meta dan il-professjonist jinforma lil dan il-konsumatur li d-dritt ta’ rtirar ma japplikax għall-kuntratt eżegwit miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur qabel ma dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu, anki jekk din l-informazzjoni ma tikkorrispondix mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mal-ġurisprudenza nazzjonali, li tipprevedi li, f’tali każ, id-dritt ta’ rtirar japplika.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top