EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0124

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tad-29 ta’ Lulju 2019.
Red Bull GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 4 u Artikolu 7(1)(a) – Raġuni assoluta għal rifjut – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Taħlita ta’ żewġ kuluri bħala tali – Assenza ta’ arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi.
Kawża C-124/18 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:641

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

29 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 4 u Artikolu 7(1)(a) – Raġuni assoluta għal rifjut – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Taħlita ta’ żewġ kuluri bħala tali – Assenza ta’ arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi”

Fil-Kawża C‑124/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil-15 ta’ Frar 2018,

Red Bull GmbH, stabbilita f’Fuschl am See (l-Awstrija), irrappreżentata minn A. Renck, Rechtsanwalt, u S. Petivlasova, abogada,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral u D. Botis, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Marques, stabbilita f’Leicester (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn R. Mallinson, solicitor, u T. Müller, Rechtsanwalt,

Optimum Mark sp. z o.o., stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), irrappreżentata minn R. Skubisz, J. Dudzik u M. Mazurek, adwokaci, kif ukoll minn E. Jaroszyńska-Kozłowska, advocate,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Red Bull GmbH titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Novembru 2017, Red Bull vs EUIPO – Optimum mark (Taħlita tal-kuluri blu u fidda) (T‑101/15 u T‑102/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:852), li biha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha għal annullament ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tat-2 ta’ Diċembru 2014 (Każ R 2036/2013‑1 u Każ 2037/2013‑1), marbuta ma’ żewġ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ nullità bejn Optimum Mark sp. z o.o. u Red Bull.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 40/94

2

L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), intitolat “Sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark Komunitarja” jipprovdi:

“Trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.”

3

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, jistabbilixxi:

“1.   Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

a)

sinjali li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4;

b)

trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

[…]

3.   Il-paragrafu 1(b), (ċ) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar ta’ din it-trade mark.”

4

L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-użu ta’ trade marks Komunitarji”, jipprevedi:

“1.   Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja taqa’ soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

2.   Dawn li ġejjin jikkostitwixxu użu kif inhu mifhum fil-paragrafu 1:

a)

l-użu ta’ trade mark Komunitarja f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka fil-forma kif hija giet reġistrata;

[…]”

5

L-Artikolu 51 tal-istess regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti ta’ invalidità”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-[EUIPO] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni,

a)

meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5 jew ta’ l-Artikolu 7;

b)

meta l-applikant jkun aġixxa morożament meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark.

2.   Meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(1)(b), (ċ) jew (d), tista’ madanakollu ma tiġix iddikjarata invalida jekk, b’konsegwenza ta’ l-użu li jkun sar minnha, hija tkun wara r-reġistrazzjoni akkwistat karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata.

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009

6

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009, ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 40/94.

7

L-Artikolu 4, l-Artikolu 7, l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009 essenzjalment jirriproduċu l-kontenut, rispettivament, tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 7, tal-Artikolu 15(1) u (2) kif ukoll tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 40/94.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

8

Il-fatti li wasslu għall-kawża, esposti fil-punti 1 sa 26 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ din il-kawża, jiġu deskritti fil-qasir bil-mod segwenti.

9

Fir-rigward tal-Kawża T‑101/15, Red Bull, fil-15 ta’ Jannar 2002, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tikkonċerna t-taħlita ta’ żewġ kuluri bħala tali, kif jidhru hawn isfel:

Image

10

Permezz ta’ komunikazzjoni tat-30 ta’ Ġunju 2003, ir-rikorrenti pprovdiet dokumenti addizzjonali sabiex tipprova l-karattru distintiv miksub mill-użu ta’ din it-trade mark. Fil-11 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrenti pproduċiet deskrizzjoni ta’ din tal-aħħar, redatta kif ġej: “Il-protezzjoni mitluba tinkludi l-kuluri blu (RAL 5002) u fidda (RAL 9006). Il-proporzjon tal-kuluri huwa ta’ madwar 50 % –50  %”.

11

Il-prodotti li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħhom jaqgħu fil-klassi 32 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks tal-15 ta’ Ġunju 1957 kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Xorb li jagħti l-enerġija (energy drinks)”.

12

L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 10/2005 tas-7 ta’ Marzu 2005 taħt in-numru 002534774, bl-indikazzjoni tal-karattru distintiv tagħha miksub permezz tal-użu u d-deskrizzjoni msemmija fil-punt 10 tas-sentenza odjerna.

13

Fl-20 ta’ Settembru 2013, Optimum Mark ippreżentat talba quddiem l-EUIPO intiża sabiex it-trade mark tiġi ddikjarata invalida.

14

Insostenn tat-talba tagħha, din il-kumpannija sostniet, minn naħa, li t-trade mark ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 peress li r-rappreżentazzjoni grafika tagħha ma kinitx tinkludi arranġament sistematiku tal-kuluri, li kienet tassoċjahom b’mod predeterminat u uniformi, u, min-naħa l-oħra, li d-deskrizzjoni tat-trade mark, li l-proporzjon bejn iż-żewġ kuluri li jikkomponu t-trade mark kienet “ta’ madwar 50 % –50  %” kienet ta’ natura li tawtorizza diversi taħlitiet, b’tali mod li l-konsumaturi ma setgħux jirrepetu, b’ċertezza, esperjenza ta’ xiri.

15

Fir-rigward tal-Kawża T‑102/15, ir-rikorrenti, fl-1 ta’ Ottubru 2010, ippreżentat it-tieni applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO, marbuta ma’ taħlita ta’ kuluri bħala tali, kif riprodotta fil-punt 9 tas-sentenza odjerna u li tikkonċerna l-istess prodotti bħal dawk imsemmija fil-punt 11 tas-sentenza odjerna.

16

L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 48/2011 tad-29 ta’ Novembru 2010.

17

Fit-22 ta’ Diċembru 2010, l-eżaminatur ħareġ notifika ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet formali u konsegwentement talab lir-rikorrenti tispeċifika “il-proporzjonijiet li fihom iż-żewġ kuluri kienu ser jiġu applikati (pereżempju, fi proporzjonijiet ugwali) u l-mod kif dawn kienu ser jidhru”.

18

Fl-10 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti indikat lill-eżaminatur li, “[k]onformement mal-avviż [tiegħu] tat-22 ta’ Diċembru 2010, [hija] tinforma lill-EUIPO bil-fatt li ż-żewġ kuluri ser ikunu applikati fi proporzjonijiet ugwali u ħdejn xulxin”.

19

Fit-8 ta’ Marzu 2011, din it-tieni trade mark ġiet irreġistrata abbażi tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu, bl-indikazzjoni tal-kuluri “blu (Pantone 2747 C) u fidda (Pantone 877 C)” u d-deskrizzjoni segwenti: “Iż-żewġ kuluri ser ikunu applikati fi proporzjonijiet ugwali u ħdejn xulxin”.

20

Fis-27 ta’ Settembru 2011, Optimum Mark ippreżentat talba quddiem l-EUIPO maħsuba sabiex tiġi ddikjarata invalida l-imsemmija trade mark billi sostniet, minn naħa, li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, li, minħabba l-fatt li l-kliem “ħdejn xulxin” seta’ jkollu diversi tifsiriet, id-deskrizzjoni tat-trade mark ma kinitx tindika t-tip ta’ arranġament li skontu kienu ser jiġu applikati ż-żewġ kuluri fuq il-prodotti u għaldaqstant ma kinitx kompluta, ċara u preċiża fiha nnifisha.

21

Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tad-9 ta’ Ottubru 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ddikjarat iż-żewġ trade marks inkwistjoni invalidi (iktar ’il quddiem it-“trade marks kontenzjużi”), peress li, b’mod partikolari, ma kinux suffiċjentement preċiżi. Fil-fatt, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li dawn kienu ta’ natura li jawtorizzaw diversi taħlitiet differenti, u dan ma kienx jippermetti lill-konsumatur jifhem u jimmemorizza taħlita partikolari li seta’ juża sabiex jirrepeti, b’ċertezza, esperjenza ta’ xiri.

22

Red Bull ippreżentat rikorsi kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

23

B’żewġ deċiżjonijiet tat-2 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad dawn ir-rikorsi, essenzjalment billi qies li r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade marks kontenzjużi, evalwata konġuntement mad-deskrizzjoni li li kienet takkumpanjahom, ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u ta’ durabbiltà stabbiliti fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), li skontha t-trade marks li jikkonsistu f’taħlita ta’ kuluri għandhom ikunu ssuġġettati għal arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi. Fil-fatt, skont l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO, it-trade marks kontenzjużi kienu jawtorizzaw l-arranġament ta’ żewġ kuluri skont diversi taħlitiet differenti, li jipproduċi impressjoni ta’ assjem differenti ħafna.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

24

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ppreżentat żewġ rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjonijiet kontestati.

25

Insostenn tar-rikorsi tagħha, ir-rikorrenti invokat żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

26

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fit-totalità tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27

Ir-rikorrenti, sostnuta minn Marques, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjonijiet kontenzjużi; u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

28

L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lil Red Bull għall-ispejjeż.

29

Optimum Mark titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lil Red Bull għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

30

Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, fl-aħħar, il-ħames, fuq ksur tal-Artikolu 134(1) u tal-Artikolu 135 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

31

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li jeħtieġ li jiġi analizzat fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), kif ukoll li kisret l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(1) (a) tar-Regolament Nru 207/2009, billi ddeċidiet li t-trade marks ikkostitwiti minn taħlita ta’ kuluri għandhom sistematikament jinkludu speċifikazzjonijiet fuq l-arranġament tal-kuluri fl-ispazju u, sussegwentement, billi qieset li, f’dan il-każ, ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade marks kontenzjużi kienet insuffiċjentement speċifikata fl-assenza ta’ tali arranġament.

32

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, ir-rikorrenti ssostni li s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), speċifikament il-punt 34 tagħha, għandha, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 55, 64, 96, 114 u 119 tas-sentenza appellata, tiġi interpretata fil-kuntest speċifiku tal-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, li kien marbut ma’ trade mark konsistenti f’taħlita ta’ kuluri u li d-deskrizzjoni tagħha kienet tindika li dawn tal-aħħar kellhom jintużaw “taħt kull forma immaġinabbli”. F’dan il-każ, billi qieset li s-sempliċi tqegħid ħdejn xulxin ta’ kuluri kien insuffiċjenti sabiex tiġi kkostitwita rappreżentazzjoni grafika speċifika u uniformi, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regola li trade mark għandha titqies kif din tkun ġiet ippreżentata, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Apple (C‑421/13, EU:C:2014:2070), u ċaħdet il-partikolarità tat-trade marks li jikkonċernaw taħlita ta’ kuluri, li hija li ma jinkludux borduri.

33

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, ir-rikorrenti tikkritika l-punti 78 u 89 tas-sentenza appellata sa fejn fihom il-Qorti Ġenerali indikat li t-trade marks konsistenti f’taħlita ta’ kuluri għandhom jinkludu deskrizzjoni tar-rappreżentazzjoni grafika, meta din dejjem tħalliet għad-diskrezzjoni tal-partijiet. Fi kwalunkwe każ, kull waħda mit-trade marks kontenzjużi kienet tinkludi deskrizzjoni li ma kinitx tidħol f’kontradizzjoni mar-rappreżentazzjoni grafika u b’hekk ma kinitx tiġġustifika li dawn jiġu ddikjarati nulli.

34

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punti 65, 66, 69, 71, 72 u 90 tas-sentenza appellata, l-użu effettiv tat-trade marks kontenzjużi sabiex tistabbilixxi li r-rappreżentazzjoni grafika tagħhom kienet tawtorizza għadd kbir ta’ arranġamenti, u li ħalltet l-analiżi tar-rappreżentazzjoni grafika ma’ dik tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni, meta, skont l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ juża din it-trade mark taħt varjanti differenti u li, b’hekk, it-trade marks konsistenti f’taħlita ta’ kuluri ma jistgħux jiġu ridotti għal arranġament figurattiv wieħed li jikkorrispondi mal-mod kif dawn effettivament jintużaw.

35

L-EUIPO u Optimum Mark jitolbu ċ-ċaħda tal-aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mar-Regolamenti Nru 40/94 u Nru 207/2009, sinjal jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark biss jekk ikun ġie ssuġġettat mill-applikant għal rappreżentazzjoni grafika, skont ir-rekwiżit inkluż fl-Artikolu 4 ta’ dawn ir-regolamenti, fis-sens li s-suġġett u l-portata tal-protezzjoni mitluba jkunu ddeterminati b’mod ċar u speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Hartwall, C‑578/17, EU:C:2019:261, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Meta l-applikazzjoni tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni verbali tas-sinjal, din id-deskrizzjoni għandha tikkontribwixxi sabiex jiġu speċifikati s-suġġett u l-portata tal-protezzjoni mitluba skont id-dritt tat-trade marks u tali deskrizzjoni ma tistax tkun f’kontradizzjoni mar-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark, u lanqas ma tista’ tkun ta’ natura li tqajjem dubju dwar is-suġġett u l-portata ta’ din ir-rappreżentazzjoni grafika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Hartwall, C‑578/17, EU:C:2019:261, punti 3940).

38

Barra minn hekk, fil-punt 33 tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rappreżentazzjoni grafika ta’ żewġ kuluri jew iktar li huma ddisinjati b’mod astratt u mingħajr bordura għandha tkun tinkludi arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri kkonċernati b’mod predeterminat u uniformi, u tirrileva, fil-punt 35 ta’ dik is-sentenza, li s-sempliċi tqegħid ħdejn xulxin ta’ żewġ kuluri jew iktar mingħajr forma u mingħajr bordura jew speċifikazzjoni ta’ żewġ kuluri jew iktar “taħt kull forma immaġinabbli” ma jippreżentax il-karatteristiċi ta’ preċiżjoni u uniformità rikjesti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009). Fil-fatt, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 ta’ dik is-sentenza, tali preżentazzjonijiet jawtorizzaw numru ta’ taħlitiet differenti li ma jħallux lill-konsumatur jifhem u jimmemorizza taħlita partikolari li jkun jista’ jużaha sabiex jirrepeti, b’ċertezza, esperjenza ta’ xiri u bil-wisq inqas ma jħallu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi jsiru jafu l-portata tad-drittijiet protetti ta’ sid it-trade mark.

39

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ppreżentati minn Red Bull kienu jikkonċernaw, kemm waħda kif ukoll l-oħra, taħlita ta’ kuluri blu u fidda bħala tali.

40

Iż-żewġ sinjali li ntalbet il-protezzjoni għalihom abbażi tad-dritt tat-trade marks kienu riprodotti grafikament fil-forma ta’ żewġ strixxi paralleli vertikali mwaħħlin flimkien, kull waħda minnhom b’superfiċji ugwali, waħda miksija bil-kulur blu u l-oħra bil-kulur fidda.

41

Barra minn hekk, dawn ir-rappreżentazzjonijiet grafiċi kienu akkumpanjati minn żewġ deskrizzjonijiet, l-ewwel waħda tindika li l-proporzjon okkupat minn kull wieħed miż-żewġ kuluri kien “ta’ madwar 50 % –50  %”; it-tieni waħda li ż-żewġ kuluri kienu mqiegħda ħdejn xulxin u li dawn kienu ser jiġu applikati b’mod ugwali.

42

Il-Qorti Ġenerali, billi approvat il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li l-unika indikazzjoni tal-proporzjonijiet taż-żewġ kuluri blu u fidda kienet tawtorizza l-arranġament ta’ dawn il-kuluri skont diversi taħlitiet differenti u għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi arranġament sistematiku li jassoċja lil dawn tal-aħħar b’mod predeterminat u uniformi, u kkonkludiet li r-rappreżentazzjoni grafika pprovduta f’dan il-każ akkumpanjata minn deskrizzjoni li tindika unikament il-proporzjonijiet taż-żewġ kuluri ma setgħetx titqies bħala suffiċjentement preċiża u li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

43

Fir-rigward tal-ewwel applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li l-kelma “madwar” fid-deskrizzjoni sempliċement issaħħaħ il-karattru mhux preċiż tal-preżentazzjoni grafika li tawtorizza arranġamenti differenti tal-kuluri inkwistjoni.

44

Fir-rigward tat-tieni applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għalkemm ir-rikorrenti indikat li “[i]ż-żewġ kuluri [jiġu] applikati fi proporzjonijiet ugwali u mqiegħda ħdejn xulxin”, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li dan it-tqegħid ħdejn xulxin jista’ jieħu diversi forom li jagħtu lok għal immaġni jew skemi differenti, filwaqt li jiġu rrispettati proporzjonijiet ugwali.

45

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li l-karattru insuffiċjentement preċiż taż-żewġ rappreżentazzjonijiet grafiċi, akkumpanjati mid-deskrizzjoni tagħhom, huwa kkonfermat mill-fatt li r-rikorrenti akkumpanjat l-applikazzjonijiet tagħha għal reġistrazzjoni, ippreżentati abbażi tal-karattru distintiv akkwistat bl-użu tat-trade marks kontenzjużi, bi provi li jirriproduċuhom b’mod ferm differenti meta mqabbla mat-tqegħid ħdejn xulxin vertikali taż-żewġ kuluri li jidhru fir-rappreżentazzjoni grafika li tinsab fl-imsemmija applikazzjonijiet.

46

Anki jekk jiġi preżunt li r-rappreżentazzjonijiet grafiċi inkwistjoni kienu jippreżentaw karattru iktar preċiż minn dawk li taw lok għas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), ir-rikorrenti xorta ma hijiex fondata li ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipji naxxenti mill-imsemmija sentenza bl-evalwazzjoni fattwali tagħha li skontha kien hemm assenza ta’ arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri kkonċernati b’mod predeterminat u uniformi.

47

B’mod partikolari u mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi fis-sentenza appellata li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tawtorizza pluralità ta’ riproduzzjonijiet, li ma humiex iddeterminati minn qabel u lanqas uniformi, hija inkompatibbli mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 u mas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384).

48

Barra minn hekk, u għall-kuntrarju ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti, jekk jiġi rikjest li trade mark li tikkonsisti f’taħlita ta’ kuluri għandha tippreżenta arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi, dan bl-ebda mod ma jkun ta’ natura li jittrasforma din it-tip ta’ trade mark fi trade mark figurattiva, sa fejn dan ir-rekwiżit ma jimplikax li l-kuluri għandhom ikunu ddelimitati b’borduri.

49

Fl-aħħar, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Apple (C‑421/13, EU:C:2014:2070), sabiex issostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade marks kontenzjużi kienet insuffiċjentement preċiża.

50

Fil-fatt, il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tikkonċerna trade mark marbuta ma’ rappreżentazzjoni grafika komposta minn “assjem ta’ linji, borduri u forom”, li ma huwiex il-każ fir-rigward tat-trade marks kontenzjużi, b’tali mod li s-soluzzjoni adottata fl-imsemmija sentenza ma tistax tiġi trasposta għall-każ odjern.

51

Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

52

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, hemm lok li jiġi rrilevat li l-argument li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, fil-punti 78 u 89 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li r-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark li tikkonsisti f’taħlita ta’ kuluri għandha sistematikament tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni marbuta mal-arranġament okkupat minn kull wieħed mill-kuluri, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

53

Fil-fatt, huwa stabbilit li kull waħda miż-żewġ trade marks kontenzjużi kienet akkumpanjata minn deskrizzjoni.

54

Konsegwentement, anki kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ dan l-argument, dan ma jkollu l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-appell odjern.

55

Fir-rigward tat-tielet parti tat-tieni aggravju, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, jistgħu jikkostitwixxu trade marks tal-Unjoni Ewropea s-sinjali kollha li jistgħu jiġu ppreżentati b’mod grafiku, bil-kundizzjoni li tali sinjali jkunu adatti sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

56

B’hekk, sinjal għandu, sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, ikollu karattru distintiv, b’tali mod li tkun tista’ ssir distinzjoni bejn il-prodotti jew is-servizzi tal-impriża inkwistjoni u dawk ta’ impriżi oħra.

57

Fil-każ odjern, it-trade marks kontenzjużi ġew irreġistrati abbażi ta’ karattru distintiv akkwistat bl-użu.

58

F’din is-sitwazzjoni, kien leġittimu li l-EUIPO, u sussegwentement il-Qorti Ġenerali, jeżaminaw jekk it-trade marks kontenzjużi kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 u, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, jieħdu inkunsiderazzjoni l-manifestazzjonijiet differenti ta’ dan l-użu, b’mod partikolari l-użu effettiv ta’ dawn it-trade marks.

59

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tielet parti tat-tieni aggravju, u konsegwentement, it-tieni aggravju fl-intier tiegħu, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

60

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

61

Ir-rikorrenti tikkritika l-punti 85, 96 u 114 tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ħadet inkunsiderazzjoni n-“natura intrinsikament inqas preċiża tat-trade marks ta’ kulur bħala tali”, il-kapaċità limitata tagħhom li jwasslu xi tifsira preċiża, kif ukoll kunsiderazzjonijiet marbuta mal-kompetizzjoni sabiex tirrikjedi li trade mark li tikkonsisti f’taħlita ta’ kuluri għandha tippreżenta arranġament sistematiku ta’ dawn il-kuluri.

62

Skont ir-rikorrenti, tali kunsiderazzjonijiet huma estranji għall-analiżi tar-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark, b’tali mod li, billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali rriżervat trattament mhux ugwali u sproporzjonat fir-rigward tat-trade marks li jikkonsistu f’taħlita ta’ kuluri, meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ trade marks, u rriduċiethom għal sempliċi trade marks figurattivi bil-kulur, ta’ motivi jew ta’ pożizzjoni.

63

L’EUIPO u Optimum Mark jitolbu ċ-ċaħda ta’ dan l-aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

Hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punti 85 sa 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment fakkret li t-trade marks li jikkonsistu f’taħlita ta’ kuluri għandu jkollhom arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi.

65

Filwaqt li għamlet riferiment, f’dan ir-rigward, għal “[i]l-ħtieġa ta’ disponibbiltà tal-kulur” fl-andament kummerċjali, il-Qorti Ġenerali applikat korrettement il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha, waqt l-eżami li jsir fl-okkażjoni tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal li jikkonsisti f’taħlita ta’ kuluri, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-fatt li ma għandhiex tiġi ristretta indebitament id-disponibbiltà tal-kuluri għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti jew servizzi tat-tip ta’ dawk li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoniest (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, EU:C:2003:244, punti 54 sa 56, u tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 41).

66

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti preċedenti, ir-rekwiżit li applikazzjoni għal trade mark li tikkonsisti f’taħlita ta’ kuluri għandha tkun tipprovdi għal arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi jidher li huwa neċessarju sabiex tiġi indirizzata l-kundizzjoni ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li għandha tiġi ssodisfatta minn trade mark.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, billi fakkret dan ir-rekwiżit, la kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas dak tal-ugwaljanza fit-trattament.

68

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

69

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni u ta’ aspettattivi leġittimi.

70

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, wara l-għoti tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), li kienet tirrigwarda l-kwistjoni taċ-ċarezza u tal-preċiżjoni tal-identifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi fil-qasam tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Brandconcern vs EUIPO u Scooters India (C‑577/14 P, EU:C:2017:122), u sussegwentement is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus (C‑501/15 P, EU:C:2017:750), żguraw li l-effetti tal-ewwel sentenza, li kienet tmur kontra prassi stabbilita tal-EUIPO, ma jkollhomx effett retroattiv u ma jaffettwawx it-trade marks irreġistrati qabel din is-sentenza, b’tali mod li jiġi ppreżervat il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

71

Ir-rikorrenti tispeċifika li, peress li, qabel is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), it-trade marks kontenzjużi kienu meqjusa mill-EUIPO bħala validi, ir-rekwiżiti naxxenti minn dik is-sentenza kellhom japplikaw biss għat-trade marks irreġistrati wara l-imsemmija sentenza.

72

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, ir-rikorrenti tikkritika l-punti 100 kif ukoll 129 sa 144 tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma evalwatx, b’mod globali, jekk l-attitudni tal-EUIPO ħolqotx fiha aspettattivi leġittimi dwar il-validità tat-trade marks kontenzjużi, li l-karattru distintiv tagħhom kien ġie stabbilit abbażi tal-użu tagħhom.

73

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali qieset li ma setax ikun hemm aspettattivi leġittimi abbażi ta’ assigurazzjonijiet mogħtija mill-EUIPO mhux konformi mal-leġiżlazzjoni, filwaqt li, dak iż-żmien, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), biss kienet tikkonċerna t-taħlitiet ta’ kuluri “taħt kull forma immaġinabbli” u li l-unika gwida li kellha r-rikorrenti kienet ġejja mid-direttivi stabbiliti tal-EUIPO, li kienu jqisu bħala validi t-trade marks kontenzjużi. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, għamlet riferiment biss għal direttiva tal-EUIPO ta’ wara s-sena 2016, filwaqt li d-direttivi preċedenti kienu jinkludu indikazzjonijiet ta’ natura li jitqiesu bħala validi t-trade marks kontenzjużi u, fil-punti 141 u 142 tas-sentenza appellata, qieset li ma setgħetx tibbaża ruħha fuq sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Unjoni bbażati unikament fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Ir-rikorrenti tikkritika wkoll il-punti 126, 134, 135 u 138 tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-prassi tal-EUIPO marbuta mat-trade marks li jikkonsistu f’taħlita ta’ kuluri kienet illegali.

74

L-EUIPO jitlob l-inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju. Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan tal-aħħar, ir-rikorrenti ma invokatx matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-benefiċċju tas-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Brandconcern vs EUIPO u Scooters India (C‑577/14 P, EU:C:2017:122). Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, marbuta mal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti kienu jikkostitwixxu sempliċement dikjarazzjonijiet.

75

Optimum Mark tqis li dan l-aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà tal-aggravju

76

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fir-rikors li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti żviluppat, fil-punt 85 ta’ din tal-aħħar, argument ibbażat essenzjalment fuq il-ġurisprudenza naxxenti mis-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Brandconcern vs EUIPO u Scooters India (C‑577/14 P, EU:C:2017:122). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax titqies bħala li qiegħda tipprevalixxi ruħha minn element ġdid li ma kienx ġie ppreżentat għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

77

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-argumenti kollha żviluppati mir-rikorrenti huma maħsuba li jsostnu l-fatt li hija għandha dritt tipprevalixxi ruħha minn ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, li fih innifsu ma jikkostitwixxix kawża ta’ inammissibbiltà.

78

Għaldaqstant, dan l-aggravju huwa ammissibbli fl-intier tiegħu.

– Fuq il-mertu

79

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, li teħtieġ li tiġi eżaminata fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi huwa favur kull individwu li fih istituzzjoni tkun nisslet aspettattivi fondati. Madankollu ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti li jkunu ngħataw lilu minn awtorità kompetenti tal-Unjoni (sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, EU:C:2011:612, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 77).

80

Fil-kawża odjerna, l-ebda wieħed mill-argumenti żviluppati mir-rikorrenti ma jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi mill-EUIPO u, sussegwentement, l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali.

81

Fil-fatt, billi sempliċement issottomettiet “assjem ta’ fatturi” li l-evalwazzjoni tiegħu hija ta’ natura li tagħtiha l-possibbiltà li tinvoka tali prinċipju, ir-rikorrenti fil-verità ma pprevalixxiet ruħha minn ebda att pożittiv li joriġina mill-EUIPO ta’ natura li jagħtiha assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonali u konkordanti li ż-żewġ trade marks kontenzjużi ma setgħux jiġu annullati.

82

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti ma tinvoka l-ebda żvilupp preċiż ta’ direttiva tal-EUIPO li skontha dan tal-aħħar informa lill-pubbliku li kien iqis li ma kienx neċessarju li trade mark li tikkonsisti f’taħlita ta’ kuluri għandha tinkludi arranġament sistematiku li jassoċja dawn il-kuluri b’mod predeterminat u uniformi. Fit-tieni lok, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 132 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-eżaminatur tal-EUIPO talab speċifikazzjonijiet addizzjonali dwar it-trade marks kontenzjużi ma jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi assigurazzjoni preċiża u inkundizzjonali mogħtija mill-EUIPO lir-rikorrenti dwar in-natura suffiċjentement preċiża tar-rappreżentazzjonijiet grafiċi ta’ dawn it-trade marks. Għall-kuntrarju, l-aġir tal-eżaminatur kien juri li, skont l-EUIPO, dawn is-sinjali kienu nieqsa minn kull preċiżjoni suffiċjenti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Fit-tielet lok, il-fatt li t-trade marks kontenzjużi ġew inizjalment irreġistrati mill-EUIPO ma kienx ta’ natura li jorbot lill-EUIPO fil-futur, sa fejn, kif irrilevat essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punt 133 tas-sentenza appellata, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tostakolax li din tal-aħħar milli tiġi ddikjarata nulla jekk din ir-reġistrazzjoni tkun twettqet bi ksur ta’ waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Interpretazzjoni kuntrarja jkollha l-effett li ċċaħħad mill-portata tagħhom id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009.

83

Għaldaqstant, kien mingħajr ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi li l-EUIPO ma kien ipprovda lir-rikorrenti l-ebda assigurazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti li d-deskrizzjonijiet ipprovduti minn din tal-aħħar kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009.

84

Għaldaqstant kien biss fuq bażi sussidjarja li l-Qorti Ġenerali ddikjarat, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, li, anki jekk l-informazzjoni pprovduta mill-eżaminatur tal-EUIPO jistgħu jiġu kklassifikati bħala assigurazzjonijiet preċiżi u inkundizzjonali, tali assigurazzjonijiet, li ma kinux konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli, ma setgħux joħolqu aspettattivi leġittimi. Minn dan isegwi li l-ilment dirett mir-rikorrenti kontra dan l-argument, li ssemma biss fuq bażi sussidjarja, huwa ineffettiv.

85

Jeħtieġ li jiżdied ukoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-qorti tal-Unjoni tagħti deċiżjoni fuq il-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jimplikax neċessarjament li din tkun konformi mal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, l-eżami tal-karattru distintiv mill-EUIPO jew mill-qorti tal-Unjoni ma jimplikax li r-rekwiżit marbut mal-kundizzjonijiet ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni ta’ trade mark huwa diġà ssodisfatt.

86

Peress li dawn l-elementi huma waħidhom suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti ma hijiex fondata tinvoka l-benefiċċju tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, hemm lok li jitwarrab bħala ineffettiv l-argument marbut mar-riferiment magħmul mill-Qorti Ġenerali għad-direttiva tal-EUIPO wara s-sena 2016.

87

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

88

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Brandconcern vs EUIPO u Scooters India (C‑577/14 P, EU:C:2017:122), u s-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus (C‑501/15 P, EU:C:2017:750), ma jistgħux jiġu trasposti għall-kawża odjerna, peress li, kif jenfasizza l-EUIPO, minn naħa, il-kawżi li taw lok għal dawk is-sentenzi ma kinux jikkonċernaw raġuni assoluta għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija sentenzi ngħataw meta s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), kienet iddikjarat li hija żbaljata l-prassi tal-EUIPO li qabel kienet iddettaljata f’wieħed mill-avviżi tiegħu.

89

Issa, il-każ odjern jikkonċerna każ ta’ invalidità assoluta u seħħet, kif imfakkar fil-punt 81 tas-sentenza odjerna, meta l-partijiet ma kinux jikkonformaw mal-indikazzjonijiet preċiżi u konkordanti żviluppati mill-EUIPO f’wieħed mill-avviżi tiegħu.

90

Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi miċħuda bħala infondata l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju u, konsegwentement, li jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat it-tielet aggravju.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

91

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li s-sentenza appellata kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma eżaminatx il-karattru sproporzjonat tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u billi ma awtorizzathiex tiċċara d-deskrizzjoni tat-trade marks kontenzjużi sabiex jiġi evitat li dawn jiġu ddikjarti invalidi.

92

Ir-rikorrenti tammetti li l-Artikoli 43 u 48 tar-Regolament Nru 207/2009 ma jippermettux bħala prinċipju li tinbidel trade mark u s-suġġett tagħha ladarba din tkun ġiet irreġistrata. Xorta jibqa’ l-fatt li, fir-rigward tat-trade marks kontenzjużi, id-deskrizzjonijiet li jikkonċernawhom żdiedu wara l-preżentata tagħhom. B’hekk, skont il-punti 37 u 38 tas-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244), dan in-nuqqas jista’ jiġi kkumpensat biż-żieda ta’ preċiżjonijiet rikjesti, fatt li fil-prattika ġie permess mill-Avviż Nru 6/03 tal-President tal-EUIPO tal-10 ta’ Novembru 2003.

93

L-EUIPO u Optimum Mark jitolbu ċ-ċaħda ta’ dan l-aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

94

Jeħtieġ li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, motiv invokat għall-ewwel darba fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-fatt, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, dik il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fejn jidħol appell hija limitata, kawża iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant limitata għall-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi u tal-argumenti li jkunu ġew diskussi quddiemha (digriet tat-13 ta’ Novembru 2018, Toontrack Music vs EUIPO, C‑48/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:895, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

Fil-kawża odjerna, u billi r-rikorrenti tibbaża l-aggravju tagħha fuq l-allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hemm lok li jiġi rrilevat li din tal-aħħar, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, talbet il-possibbiltà ta’ reviżjoni tat-trade marks kontenzjużi filwaqt li bbażat ruħha mhux fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità, iżda fuq il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

96

Billi r-raba’ aggravju jikkostitwixxi motiv ġdid, hemm lok li jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq il-ħames motiv/aggravju

L-argumenti tal-partijiet

97

Bil-ħames aggravju tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 134 u 135 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha billi kkundannatha għall-ispejjeż kollha.

98

Insostenn tal-aggravju tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-karattru eċċezzjonali tal-kawża, il-Qorti Ġenerali kellha, fuq kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità, tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

99

L-EUIPO u Optimum Mark jitolbu ċ-ċaħda ta’ dan l-aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, “appell ma jistax isir biss fuq l-ammont ta’ l-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom”. Meta l-aggravji kollha l-oħra jkunu ġew miċħuda, it-talbiet li jikkonċernaw l-allegata illegalità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Ottubru 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑554/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:629, punti 3839).

101

Fil-kawża odjerna, peress li l-ewwel erba’ aggravji ġew miċħuda, il-ħames aggravju għandu, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

102

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

Fuq l-ispejjeż

103

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill‑EUIPO u Optimum Mark.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Red Bull GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top