This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0097
Judgment of the Court (First Chamber) of 10 January 2019.#Criminal proceedings against ET.#Request for a preliminary ruling from the Rechtbank Noord-Nederland.#Reference for a preliminary ruling — Judicial cooperation in criminal matters — Principle of mutual recognition of confiscation orders — Framework Decision 2006/783/JHA — Article 12(1) and (4) — Law governing the execution — Law of the executing State authorising recourse to imprisonment for the non-execution of the confiscation order — Conformity — Law of the issuing State also authorising recourse to a term of imprisonment — Lack of effect.#Case C-97/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Jannar 2019.
Proċeduri kriminali kontra ET.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Noord-Nederland.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta’ konfiska – Deċiżjoni Qafas 2006/783/ĠAI – Artikolu 12(1) u (4) – Leġiżlazzjoni li tirregola l-eżekuzzjoni – Leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li tawtorizza l-użu tal-priġunerija għal dejn fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-miżura ta’ konfiska – Konformità – Leġiżlazzjoni tal-Istat emittenti li tawtorizza wkoll l-użu tal-priġunerija għal dejn – Assenza ta’ effett.
Kawża C-97/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Jannar 2019.
Proċeduri kriminali kontra ET.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Noord-Nederland.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta’ konfiska – Deċiżjoni Qafas 2006/783/ĠAI – Artikolu 12(1) u (4) – Leġiżlazzjoni li tirregola l-eżekuzzjoni – Leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li tawtorizza l-użu tal-priġunerija għal dejn fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-miżura ta’ konfiska – Konformità – Leġiżlazzjoni tal-Istat emittenti li tawtorizza wkoll l-użu tal-priġunerija għal dejn – Assenza ta’ effett.
Kawża C-97/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:7
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
10 ta’ Jannar 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta’ konfiska – Deċiżjoni Qafas 2006/783/ĠAI – Artikolu 12(1) u (4) – Leġiżlazzjoni li tirregola l-eżekuzzjoni – Leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li tawtorizza l-użu tal-priġunerija għal dejn fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-miżura ta’ konfiska – Konformità – Leġiżlazzjoni tal-Istat emittenti li tawtorizza wkoll l-użu tal-priġunerija għal dejn – Assenza ta’ effett”
Fil-Kawża C‑97/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti Distrettwali tal-Pajjiżi l-Baxxi tat-Tramuntana, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2018, fil-proċeduri kriminali kontra
ET,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, C. Toader, A. Rosas u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Olandiż, minn J.M. Hoogveld u M. Bulterman, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u E. Lankenau, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas‑6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (ĠU 2006, L 328, p. 59). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura dwar talba għall-awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ priġunerija għal dejn ippreżentata mill-Openbaar ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi), intiża li tiżgura l-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ ordni ta’ konfiska mogħtija fil-konfront ta’ ET fil-Belġju. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 1, 7, 8 u 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783 jistipulaw:
[…]
[…]
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas: “1. L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru hu li jistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru għandu jirrikonoxxi u jesegwixxi fit-territorju tiegħu, ordnijiet ta’ konfiska maħruġin minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha l-kompetenza f’materji kriminali. 2. Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbura fl-Artikolu 6 [TFUE], u kwalunkwe obbligi li jaqgħu fuq awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandhomx jiġu affettwati.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru,
[…]” |
6 |
L-Artikolu 7(1) tal-istess Deċiżjoni Qafas jipprevedi: “L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu mingħajr formalitajiet sussegwenti ordni ta’ konfiska li ġiet trasmessa skond l-Artikoli 4 u 5, u għandhom jieħdu minnufih il-miżuri kollha neċessarji għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jiddeċidux li jinvokaw waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 8, jew l-awtoritajiet kompetenti ma jiddeċidux li jinvokaw waħda mir-raġunijiet għal posponiment ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 10.” |
7 |
L-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, intitolat “Liġi li tirregola l-esekuzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (4) tiegħu: “1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-esekuzzjoni ta’ l-ordni għandha tiġi regolata mill-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni u l-awtoritajiet tagħha biss għandhu jkollhom kompetenza biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għal esekuzzjoni u biex jiddeterminaw il-miżuri kollha li għandhom x’jaqsmu magħha. […] 4. L-Istat ta’ esekuzzjoni ma jistax jimponi miżuri bħala alternattiva għall-ordni ta’ konfiska, inklużi sanzjonijiet ta’ ħabs jew kwalunkwe miżura oħra li tillimita l-libertà ta’ persuna bħala riżultat ta’ trasmissjoni skond l-Artikoli 4 u 5, sakemm l-Istat emittenti ma jkunx ta l-kunsens tiegħu.” |
Id-dritt Olandiż
8 |
L-Artikolu 22(1)(a) u (3) tal-Wet wederzijdse erkenning en tenuitvoerlegging geldelijke sancties en beslissingen tot confiscatie (il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni Reċiproka tas-Sanzjonijiet Pekunjarji u tal-Ordnijiet ta’ Konfiska), tas‑27 ta’ Settembru 2007 (Stb. 2007, Nru 354, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni”), jipprevedi: “1. Ordni ta’ konfiska li tista’ tiġi rrikonoxxuta għandha tiġi rrikonoxxuta u eżegwita konformement mad-dritt Olandiż. Sa fejn l-ordni ta’ konfiska:
[…] 3. Piena jew miżura alternattiva huma eżegwiti biss wara li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tkun tat il-kunsens tagħha għal dan. […]” |
9 |
L-Artikolu 577c(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprovdi, fir-rigward tal-priġunerija għal dejn: “Jekk il-persuna kkundannata ma tikkonformax ruħha mas-sentenza li timponi l-ħlas ta’ somma flus lill-Istat sabiex jiġi mċaħħad vantaġġ miksub b’mod illegali u li jkun irriżulta impossibbli li din is-somma tiġi rkuprata totalment fuq il-patrimonju tagħha abbażi tal-Artikolu 574 sa 576, il-qorti tista, fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, tawtorizza l-eżekuzzjoni ta’ priġunerija għal dejn ta’ massimu ta’ tliet snin.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 |
Permezz ta’ sentenza tal-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerp, il-Belġju) tal‑20 ta’ Diċembru 2012, ET ġie kkundannat għal piena ta’ konfiska għall-ammont ta’ EUR 800000. Din is-sentenza saret res judicata u l-eżekuzzjoni ta’ din l-ordni ta’ konfiska ttieħdet mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, bħala Stat Membru ta’ eżekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783. |
11 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Uffiċċju tal-Prosekutur adixxa lill-qorti tar-rinviju, ir-rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti Distrettwali tal-Pajjiżi l-Baxxi tat-Tramuntana), b’talba bbażata fuq l-Artikolu 22 tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni, intiża li jiġi awtorizzat jeżegwixxi priġunerija għal dejn fil-konfront ta’ ET, minħabba li huwa kien għadu persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fl-ammont ta’ EUR 652 119.19 u li dan l-uffiċċju kellu suspetti dwar l-eżistenza ta’ dħul finanzjarju moħbi. |
12 |
ET jargumenta li t-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur hija inammissibbli u, sussidjarjament, infondata. F’dan ir-rigward, ET jargumenta li l-priġunerija għal dejn ma hijiex biss “miżura” fis-sens tad-dritt kriminali Olandiż, iżda tikkostitwixxi wkoll sanzjoni kriminali, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, ET jargumenta li l-applikazzjoni tal-priġunerija għal dejn tikkostitwixxi aggravazzjoni tal-ordni ta’ konfiska li l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba, b’mod li hija illegali. |
13 |
Il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) li tipprovdi li l-miżura ta’ priġunerija għal dejn prevista fl-Artikolu 577c tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali għandha titqies bħala “piena”, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-KEDB, għandha xi dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha fid-dawl tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783. |
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti Distrettwali tal-Pajjiżi l-Baxxi tat-Tramuntana) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
15 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat ta’ eżekuzzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska mogħtija fi Stat ta’ emittenti, tawtorizza, jekk ikun il-każ, l-użu ta’ priġunerija għal dejn. |
16 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, moqri fid-dawl tal-premessi 1 u 8 tagħha, jirriżulta li l-għan tagħha, abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, huwa l-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kemm ċivili kif ukoll kriminali u, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku, li jiġu stabbiliti r-regoli li jipprovdu li Stat Membru jirrikonoxxi u jeżegwixxi fit-territorju tiegħu ordni ta’ konfiska mogħtija minn qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor f’materji kriminali. |
17 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, sa fejn dawn jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36). |
18 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni huma obbligati jirrikonoxxu ordni ta’ konfiska li ġiet trażmessa konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, mingħajr ma tkun meħtieġa ebda formalità oħra, u għandhom jittieħdu mingħajr ebda dewmien il-miżuri neċessarji kollha għall-eżekuzzjoni tagħha. |
19 |
Għaldaqstant, huma biss il-motivi espliċitament previsti mill-imsemmija Deċiżjoni Qafas li jagħtu possibbiltà, jekk ikun il-każ, lill-Istat ta’ eżekuzzjoni li jirrifjuta li jirrikonoxxi jew li jeżegwixxi l-ordni ta’ konfiska, skont l-Artikolu 8, jew li jissospendi l-eżekuzzjoni tagħha, skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija deċiżjoni. |
20 |
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ konfiska hija rregolata bil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni u l-awtoritajiet tiegħu biss għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu modalitajiet ta’ eżekuzzjoni kif ukoll sabiex jiddeterminaw il-miżuri kollha relatati magħha. |
21 |
Skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, l-approvazzjoni minn qabel tal-Istat emittenti hija meħtieġa għall-adozzjoni ta’ miżura li tissostitwixxi l-ordni ta’ konfiska. |
22 |
Għaldaqstant, minn qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 12 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas jirriżulta li, bħala regola ġenerali, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li jiddeċiedu, konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u l-miżuri l-iktar xierqa sabiex tiġi eżegwita l-ordni ta’ konfiska. Madankollu, bħala regola speċjali, bis-saħħa tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, l-approvazzjoni minn qabel tal-Istat emittenti hija meħtieġa jekk il-miżura maħsuba mill-Istat ta’ eżekuzzjoni kellha tidher bħala sostituttiva tal-imsemmija deċiżjoni. |
23 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk id-Deċiżjoni Qafas 2006/783 tipprekludix miżura ta’ eżekuzzjoni ta’ priġunerija għal dejn, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni Olandiża u kif interpretata mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). |
24 |
Preliminarjament, hemm lok jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tibbaża ruħha fuq il-kriterji li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Agro Foreign Trade & Agency, C‑507/15, EU:C:2017:129, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Issa, il-priġunerija għal dejn tista’, skont il-punti li jirriżultaw mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi applikata fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur kontra l-persuna kkonċernata b’ordni ta’ konfiska sakemm din ma tħallasx volontarjament is-somma li hija ġiet ikkundannata tħallas u li hija ma tkunx insolvibbli. Din il-miżura ta’ eżekuzzjoni tħalli jissussisti l-obbligu ta’ ħlas, b’mod illi l-persuna li tiġi imposta fuqha priġunerija għal dejn tista’, fi kwalunkwe waqt, tiġi liberata minnha billi tħallas id-dejn. Il-priġunerija għal dejn hija limitata ratione temporis, sa fejn il-perijodu tad-detenzjoni ma jistax jeċċedi tliet snin u l-perijodu impost jiddependi, inter alia, fuq ħlasijiet parzjali mwettqa eventwalment. |
26 |
F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 22(1)(a) tal-Liġi dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni, priġunerija għal dejn tikkostitwixxi mezz li tiġi eżegwita, konformement mad-dritt Olandiż, ordni ta’ konfiska, mogħtija fi Stat Membru ieħor, li l-għan tagħha huwa l-ħlas lill-Istat ta’ somma flus miksuba b’mod illegali meta l-persuna kkundannata ma tikkonformax ruħha mas-sentenza li timponi tali ħlas. Skont il-paragrafu (3) ta’ dan l-artikolu, piena jew miżura alternattiva għandha tiġi eżegwita biss wara li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti tkun ikkonsentiet għal dan. |
27 |
F’dan il-kuntest, il-priġunerija għal dejn, intiża li tikseb l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska, ma tistax titqies bħala miżura li tissostitwixxi din id-deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 12(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783 u lanqas ma tikkostitwixxi sanzjoni addizzjonali jew modifika ta’ tali deċiżjoni mogħtija fl-Istat emittenti. Konsegwentement, l-adozzjoni tagħha ma teħtieġx l-approvazzjoni minn qabel ta’ dan l-Istat tal-aħħar. |
28 |
Fil-fatt, bħalma ġie argumentat mill-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet, l-applikazzjoni tal-priġunerija għal dejn hija intiża biex jintlaħaq l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, li jikkonsisti, bħalma tfakkar fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, f’li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri b’mod partikolari fil-qasam ta’ eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ konfiska tal-beni, billi ssir pressjoni fuq il-persuna kkonċernata li tirrifjuta li tħallas l-ammont dovut, minkejja li hija tkun f’pożizzjoni li tagħmel dan. |
29 |
Din il-konstatazzjoni ma hijiex imminata mill-fatt li l-priġunerija għal dejn ġiet ikklassifikata bħala “piena”, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-KEDB, mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), bħalma tirrileva l-qorti tar-rinviju. Tali klassifikazzjoni ma taffettwax il-possibbiltà, għall-awtorità kompetenti, prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, li tiddetermina l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-ordni ta’ konfiska u li timplimenta l-miżuri kollha li hija tqis l-iktar xierqa sabiex twettaq din l-eżekuzzjoni, sabiex tilħaq l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783 filwaqt li tosserva, bħalma jirriżulta mill-premessa 13 tagħha, id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata. |
30 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat ta’ eżekuzzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska mogħtija fi Stat emittenti, tawtorizza, jekk ikun il-każ, l-użu ta’ priġunerija għal dejn. |
Fuq it-tieni domanda
31 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat emittenti tawtorizza wkoll l-użu eventwali tal-priġunerija għal dejn jaffettwax l-applikazzjoni ta’ tali miżura fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. |
32 |
F’dan ir-rigward, bħalma ġie rrilevat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, konformement mal-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2006/783, l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ konfiska hija rregolata bil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. |
33 |
Din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jimplika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka fir-rigward tal-fatt li kull wieħed mill-Istati Membri jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Membri oħra, minkejja li l-implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu twassal għal soluzzjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 52). |
34 |
L-għan imfittex mid-Deċiżjoni Qafas 2006/783, kif espost fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, jiġi imminat li kieku l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ eżekuzzjoni fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kienet irregolata bid-dritt nazzjonali tal-Istat emittenti jew suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti minn dan id-dritt. |
35 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat emittenti tawtorizza wkoll l-użu eventwali tal-priġunerija għal dejn ma jaffettwa bl-ebda mod l-applikazzjoni ta’ tali miżura fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
36 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.