EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0092

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2020.
Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Parlament Ewropew.
Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Protokoll dwar il-Lokalità tas-Sede tal-Istituzzjonijiet u ta’ ċerti Organi, Korpi u Dipartimenti tal-Unjoni Ewropea – Parlament Ewropew – Kunċett ta’ ‘sessjoni tal-baġit’ li tinżamm fi Strasbourg (Franza) – Artikolu 314 TFUE – Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja matul sessjoni parzjali plenarja addizzjonali fi Brussell (il-Belġju).
Kawża C-92/18.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:506

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

25 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Protokoll dwar il-Lokalità tas-Sede tal-Istituzzjonijiet u ta’ ċerti Organi, Korpi u Dipartimenti tal-Unjoni Ewropea – Parlament Ewropew – Kunċett ta’ ‘sessjoni tal-baġit’ li tinżamm fi Strasbourg (Franza) – Artikolu 314 TFUE – Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja matul sessjoni parzjali plenarja addizzjonali fi Brussell (il-Belġju)”

Fil-Kawża C‑92/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis‑7 ta’ Frar 2018,

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn E. de Moustier, A.‑L. Desjonquères, J.‑L. Carré, F. Alabrune, D. Colas u B. Fodda, sussegwentement minn E. de Moustier, A.‑L. Desjonquères, A. Daly u J.‑L. Carré, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, inizjalment irrappreżentat minn D. Holderer, C. Schiltz u T. Uri, sussegwentement minn C. Schiltz u T. Uri, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Crowe, U. Rösslein u S. Lucente, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2020,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Franċiża titlob l-annullament ta’ erba’ atti tal-Parlament Ewropew dwar l-adozzjoni tal-baġit annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”), jiġifieri:

l-aġenda tas-seduta plenarja tal-Parlament tad‑29 ta’ Novembru 2017 (dokument P8_0J (2017)11‑29), inkwantu tinkludi dibattiti dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018;

l-aġenda tas-seduta plenarja tal-Parlament tat‑30 ta’ Novembru 2017 (dokument P8_0J (2017)11‑30), inkwantu tinkludi votazzjoni segwita minn spjegazzjonijiet tal-vot fuq dan l-abbozz konġunt;

ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tat‑30 ta’ Novembru 2017 (dokument P8_TA(2017)0458, P8_TA-PROV(2017)0458) dwar l-imsemmi abbozz konġunt; u

l-att tat‑30 ta’ Novembru 2017 li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018 kien ġie adottat b’mod definittiv.

Il-kuntest ġuridiku

2

Il-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll Nru 6 dwar il-Lokalità tas-Sede tal-Istituzzjonijiet u ta’ ċerti Organi, Korpi u Dipartimenti tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE, FUE u KEEA (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet”), jipprevedi li:

“Il-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu fejn it-tnax‑il perijodu tas-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, inkluża s-sessjoni tal-baġit, għandhom jinżammu. Il-perjodi tas-sessjonijiet plenarji addizzjonali għandhom jinżammu fi Brussell. Il-kumitati tal-Parlament Ewropew għandhom jiltaqgħu fi Brussell. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew u d-dipartimenti tiegħu għandhom jibqgħu fil-Lussemburgu.”

3

L-Artikolu 314 TFUE jipprevedi li:

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandhom jistabbilixxu l-baġit annwali ta’ l-Unjoni skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

3.   Il-Kunsill għandu jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ baġit u jgħaddih lill-Parlament Ewropew sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel dik li fiha l-baġit għandu jiġi implimentat. […]

4.   Jekk, fi żmien tnejn u erbgħin jum wara din il-komunikazzjoni, il-Parlament Ewropew:

[…]

c)

jadotta emendi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, l-abbozz emendat għandu jintbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-President tal-Parlament Ewropew, bi ftehim mal-President tal-Kunsill, għandu isejjaħ minnufih laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. […]

5.   Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, li għandu jlaqqa’ l-membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom u numru ugwali ta’ membri li jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew, għandu l-kompitu li jilħaq ftehim fuq test konġunt, b’maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill jew tar-rappreżentanti tagħhom u b’maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew fi żmien wieħed u għoxrin jum minn meta jissejjaħ, abbażi tal-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

[…]

6.   Jekk, fi żmien il-wieħed u għoxrin jum previsti fil-paragrafu 5, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jilħaq ftehim fuq test konġunt, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom kull wieħed ikollhom perijodu ta’ erbatax‑il jum mid-data ta’ dak il-ftehim sabiex jadottaw it-test konġunt.

7.   Jekk fil-perijodu ta’ erbatax‑il jum previst fil-paragrafu 6:

a)

il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn japprovaw it-test konġunt jew jonqsu milli jieħdu deċiżjoni, jew jekk waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tapprova it-test konġunt filwaqt li l-oħra tonqos milli tieħu deċiżjoni, il-baġit għandu jiġi meqjus li jkun adottat b’mod definittiv skond it-test konġunt, jew

b)

kemm il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, kif ukoll il-Kunsill jirrifjutaw it-test konġunt, jew waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tirrifjuta t-test konġunt filwaqt li l-oħra tonqos milli tieħu deċiżjoni, għandu jiġi preżentat abozz ta’ baġit ġdid mill-Kummissjoni, jew

[…]

d)

il-Parlament Ewropew japprova t-test konġunt filwaqt li l-Kunsill jirrifjutah, il-Parlament Ewropew jista’, fi żmien erbatax‑il jum mid-data tar-rifjut tal-Kunsill u billi jaġixxi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħamsa tal-voti espressi, jiddeċiedi li jikkonferma l-emendi kollha imsemmija fil-paragrafu 4(c) jew parti minnhom. Jekk xi emenda tal-Parlament Ewropew ma tiġix ikkonfermata għandha tinżamm il-pożizzjoni miftehma fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni dwar l-intestatura tal-baġit suġġetta għall-emenda. Il-baġit għandu jitqies adottat b’mod definittiv fuq din il-bażi.

[…]

9.   Meta tintemm il-proċedura prevista f’dan l-Artikolu, il-President tal-Parlament Ewropew għandu jiddikjara li l-baġit ikun ġie addottat b’mod definittiv.

10.   Kull istituzzjoni għandha teżerċita s-setgħa mogħtija lilha f’dan l-Artikolu skond it-Trattati u l-atti adottati taħthom, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżorsi proprji ta’ l-Unjoni u tal-bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4

Fis‑7 ta’ Ottubru 2015, il-Parlament adotta l-kalendarju tas-sessjonijiet parzjali plenarji tiegħu għas-sena 2017 li jipprevedi, b’mod partikolari, iż-żamma ta’ sessjonijiet parzjali plenarji ordinarji fi Strasbourg (Franza) mit‑23 sas‑26 ta’ Ottubru, mit‑13 sas‑16 ta’ Novembru u mill‑11 sal‑14 ta’ Diċembru 2017, kif ukoll sessjoni parzjali plenarja addizzjonali fid‑29 u fit‑30 ta’ Novembru 2017 fi Brussell (il-Belġju).

5

F’April 2017, il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni stabbilixxew il-kalendarju prammatiku li jippreċiża d-dati ċentrali li dawn l-istituzzjonijiet kienu qegħdin jikkunsidraw għall-istadji differenti tal-proċedura baġitarja għas-sena finanzjarja 2018 u, b’mod partikolari, għal eventwali proċedura ta’ konċiljazzjoni.

6

Fid‑29 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni ppubblikat abbozz ta’ baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018. Fit‑13 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill bagħat lill-Parlament il-pożizzjoni tiegħu dwar dan l-abbozz. Wara votazzjoni fil-Kumitat għall-Baġits u dibattiti matul is-sessjoni parzjali plenarja ordinarja li nżammet fi Strasbourg mit‑23 sas‑26 ta’ Ottubru 2017, fil‑25 ta’ Ottubru 2017 il-Parlament adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva li kienet tinkludi emendi għall-imsemmi abbozz. Fil‑31 ta’ Ottubru 2017, il-proċedura ta’ konċiljazzjoni tal-baġit bejn il-Parlament u l-Kunsill ingħatat bidu. Din il-proċedura wasslet, fit‑18 ta’ Novembru 2017, għal ftehim dwar abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018.

7

Fit‑30 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill approva l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018. Il-Parlament inkluda d-dibattitu u l-votazzjoni dwar dan l-abbozz fl-aġenda tas-sessjoni parzjali plenarja addizzjonali tad‑29 u tat‑30 ta’ Novembru 2017 li nżammet fi Brussell. Permezz tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tat‑30 ta’ Novembru 2017, il-Parlament approva l-imsemmi abbozz. F’dan l-istess jum, il-President tal-Parlament ikkonstata, f’seduta plenarja, li l-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018 kien ġie adottat b’mod definittiv.

8

Wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, permezz tas-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Franza vs Il-Parlament (Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja) (C‑73/17, EU:C:2018:787), ir-rikors tar-Repubblika Franċiża intiż għall-annullament ta’ atti adottati mill-Parlament fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017. Wara li ngħatat din is-sentenza, ir-Repubblika Franċiża kkonfermat, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija kellha l-intenzjoni li żżomm ir-rikors tagħha dwar il-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

9

Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-atti kkontestati;

iżżomm l-effetti tal-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018 kien ġie adottat b’mod definittiv u dan sakemm dan il-baġit jiġi adottat b’mod definittiv b’att konformi mat-Trattati, f’terminu raġonevoli li jibda jiddekorri mid-data tal-għoti tas-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti f’din il-kawża; u

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

10

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż; u

sussidjarjament, iżżomm l-effetti tal-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018 kien ġie adottat b’mod definittiv, u dan sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli, ta’ att ġdid maħsub biex jissostitwixxih.

11

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ April 2019, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

12

Ir-Repubblika Franċiża, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq ksur, permezz tal-atti kkontestati, tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet. Skont il-punt (a) tal-Artikolu uniku ta’ dan il-protokoll, il-Parlament huwa obbligat li jeżerċita s-setgħa baġitarja tiegħu kif mogħtija mill-Artikolu 314(5), (6) u (9) TFUE, bħala prinċipju, fl-intier tiegħu matul is-sessjonijiet parzjali plenarji ordinarji li jinżammu fi Strasbourg. F’dan il-każ, din l-istituzzjoni kisret il-konċiljazzjoni neċessarja bejn ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn l-artikoli billi inkludiet id-diskussjoni u l-votazzjoni dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018, skont l-Artikolu 314(6) TFUE, fl-aġenda tas-sessjoni parzjali plenarja addizzjonali tagħha li nżammet fi Brussell fid‑29 u fit‑30 ta’ Novembru 2017 u billi kkonstatat, permezz tal-att tal-President tal-Parlament ibbażat fuq l-Artikolu 314(9) TFUE, l-adozzjoni definittiva ta’ dan il-baġit matul l-istess sessjoni parzjali plenarja addizzjonali.

13

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Parlament wettaq żball ta’ evalwazzjoni, sa fejn stabbilixxa, u sussegwentement żamm il-kalendarju tiegħu ta’ sessjonijiet parzjali plenarji ordinarji għas-sena finanzjarja 2017 b’tali mod li huwa seta’ jiddeċiedi dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali għas-sena finanzjarja 2018 fit-terminu previst fl-Artikolu 314(6) TFUE biss matul is-sessjoni parzjali plenarja addizzjonali msemmija fil-punt preċedenti, li seħħet fi Brussell, u mhux matul sessjoni parzjali plenarja ordinarja li tinżamm fi Strasbourg.

14

Ir-Repubblika Franċiża tqis li huwa possibbli li tiġi antiċipata d-data tal-ftehim li nstab matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tosserva, qabelxejn, li, fil-prattika, il-votazzjoni dwar l-abbozz tal-baġit, previst fl-Artikolu 314(4) TFUE, isseħħ dejjem matul it-tieni sessjoni parzjali plenarja ordinarja ta’ Ottubru, imsejħa “sessjoni parzjali ta’ ‘Ottubru II’”. Sussegwentement, dan l-Istat Membru jsostni li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, intużat sistematikament proċedura ta’ konċiljazzjoni. Fl-aħħar nett, huwa jżid li, fil-każ ferm probabbli tal-użu ta’ tali proċedura, ftehim eventwali ta’ konċiljazzjoni jseħħ fil-probabbiltà kollha fl-aħħar ġranet tal-perijodu ta’ konċiljazzjoni previst fl-Artikolu 314(5) TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Parlament huwa obbligat li jippjana s-sessjoni parzjali plenarja ordinarja tax-xahar ta’ Novembru fir-raba’ jew fil-ħames ġimgħa wara s-sessjoni parzjali ta’ “Ottubru II”, peress li tali ppjanar jimmassimizza, fil-fehma tagħha, il-probabbiltà li din l-istituzzjoni tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-abbozz konġunt tal-baġit matul sessjoni parzjali plenarja ordinarja li ssir fi Strasbourg, f’terminu ta’ erbatax‑il jum previst fl-Artikolu 314(6) TFUE. Madankollu, f’dan il-każ, l-imsemmija istituzzjoni ppjanat is-sessjoni parzjali plenarja ordinarja tax-xahar ta’ Novembru 2017 fit-tielet ġimgħa wara s-sessjoni parzjali ta’ “Ottubru II” 2017, liema fatt ipprekludieha milli teżerċita s-setgħat baġitarji tagħha, skont l-Artikolu 314(6), (7) u (9) TFUE, fi Strasbourg.

15

Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Parlament seta’ jbiddel il-kalendarju tas-sessjonijiet parzjali plenarji ordinarji, wara l-istabbiliment tal-kalendarju prammatiku li jippjana, bi ftehim komuni bejn l-istituzzjonijiet, l-iżvolġiment tal-proċedura baġitarja. Wara li ġie stabbilit dan l-aħħar kalendarju, il-Parlament kellu konferma dwar id-dati li fihom kienet ser tiżvolġi l-proċedura ta’ konċiljazzjoni kif ukoll dwar dawk tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, fil-każ ferm probabbli li kienet ser tintuża tali proċedura, wara s-sessjoni parzjali ta’ “Ottubru II”.

16

Il-Parlament isostni li huwa ma wettaq ebda żball ta’ evalwazzjoni meta eżerċita s-setgħat baġitarji tiegħu skont l-Artikolu 314(6), (7) u (9) TFUE, matul is-sessjoni parzjali plenarja addizzjonali li nżammet fid‑29 u fit‑30 ta’ Novembru 2017. Fid-dawl tal-imprevedibbiltajiet inerenti għall-proċedura baġitarja, kemm l-użu tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni kif ukoll id-data li fiha din il-proċedura tinbeda u tintemm, jekk ikun il-każ, minħabba ftehim dwar abbozz konġunt tal-baġit annwali, kienu, bħala prinċipju, inċerti fil-mument tal-istabbiliment tal-kalendarju tas-sessjonijiet plenarji għas-sena 2017.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

17

Il-Parlament, kif ikkonfermat mill-Artikolu 314(10) TFUE, huwa obbligat jeżerċita s-setgħat baġitarji mogħtija lilu skont it-Trattati u l-atti adottati skont dawn.

18

Fl-ewwel lok, din l-istituzzjoni għandha tosserva l-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet li, skont l-Artikolu 51 TUE, jagħmel parti integrali mit-Trattati. Il-punt (a) tal-Artikolu uniku ta’ dan il-protokoll jipprovdi li “[i]l-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu fejn it-tnax‑il perijodu tas-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, inkluża s-sessjoni tal-baġit, għandhom jinżammu”.

19

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 32, 35 u 37 tas-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Franza vs Il-Parlament (Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja) (C‑73/17, EU:C:2018:787), li, fl-assenza ta’ preċiżjoni fil-punt (a) tal-Artikolu uniku ta’ dan il-protokoll, il-kliem “sessjoni tal-baġit” għandu jitqies bħala riferiment għas-sessjonijiet parzjali plenarji kollha li matulhom il-Parlament jeżerċita s-setgħat baġitarji tiegħu u għall-atti kollha adottati minn din l-istituzzjoni għal dan il-għan. Fil-fatt, l-eżerċizzju mill-Parlament tal-kompetenza baġitarja tiegħu f’seduta plenarja jikkostitwixxi mument fundamentali fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u jeħtieġ, b’mod partikolari, dibattitu pubbliku, f’seduta plenarja, li jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni jsiru jafu bl-orjentamenti politiċi differenti espressi u, b’hekk, jifformaw opinjoni politika dwar l-azzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, it-trasparenza tad-dibattitu parlamentari f’seduta plenarja tista’ ssaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-proċedura baġitarja fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-kredibbiltà tal-azzjoni tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kliem “sessjoni tal-baġit”, li jinsabu fil-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet, ikopri mhux biss is-sessjoni parzjali plenarja ordinarja ddedikata għall-eżami tal-abbozz ta’ baġit fl-ewwel qari skont l-Artikolu 314(4) TFUE, iżda wkoll it-tieni qari, skont l-Artikolu 314(6) ta’ dan it-Trattat, li fiha jseħħu dibattitu u votazzjoni pubbliċi, f’seduta plenarja, dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali li jirriżulta mill-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

20

Fit-tieni lok, il-Parlament għandu josserva r-rekwiżiti li l-Artikolu 314 TFUE jimponi fuqu għall-eżerċizzju tas-setgħat baġitarji tiegħu f’seduta plenarja. L-iskadenzi u t-termini stabbiliti f’din id-dispożizzjoni għandhom l-għan li jiżguraw l-adozzjoni tal-baġit annwali tal-Unjoni qabel it-tmiem tas-sena ta’ qabel is-sena finanzjarja inkwistjoni, u l-ksur tagħhom jista’, jekk ikun il-każ, iwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 315 TFUE, dwar il-baġit provviżorju (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Franza vs Il-Parlament (Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja), C‑73/17, EU:C:2018:787, punt 38).

21

Fl-assenza ta’ dibattitu u ta’ votazzjoni tal-Parlament dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali fit-terminu ta’ erbatax‑il jum stabbilit fl-Artikolu 314(6) TFUE, dan il-proġett jista’ jiġi adottat mill-Kunsill biss, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 7(a) ta’ dan l-artikolu. Issa, huwa ta’ importanza partikolari sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-leġittimità demokratika tal-azzjoni tal-Unjoni, li jidhru permezz tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-baġit annwali, li l-Parlament jeżerċita l-kompetenza tiegħu skont l-Artikolu 314(6) TFUE u li dan jiddeċiedi f’seduta plenarja dwar dan l-abbozz konġunt (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Franza vs Il-Parlament (Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja), C‑73/17, EU:C:2018:787, punt 40).

22

Fit-tielet lok, sa fejn il-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet u l-Artikolu 314 TFUE għandhom l-istess valur legali, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ewwel wieħed minn dawn l-artikoli ma jistgħux, inkwantu tali, jipprevalu fuq dawk li jirriżultaw mit-tieni wieħed, u viċi versa. L-applikazzjoni tagħhom għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ, b’osservanza tal-konċiljazzjoni meħtieġa ta’ dawn ir-rekwiżiti u ta’ bilanċ ġust bejniethom (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Franza vs Il-Parlament (Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja), C‑73/17, EU:C:2018:787, punt 42).

23

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet huwa rregolat mir-rispett reċiproku tal-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Parlament kif ukoll minn dmir reċiproku ta’ kooperazzjoni leali (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Franza vs Il-Parlament (Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja), C‑73/17, EU:C:2018:787, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għalhekk, il-Parlament għandu jeżerċita s-setgħat baġitarji tiegħu matul sessjoni parzjali plenarja ordinarja fi Strasbourg, mingħajr ma, madankollu, dan l-obbligu, li jirriżulta mill-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet, ikun jostakola milli l-baġit annwali jiġi, jekk neċessitajiet marbuta mal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura baġitarja kif prevista fl-Artikolu 314 TFUE ikunu jeħtieġu dan, dibattut u tittieħed votazzjoni dwaru waqt sessjoni parzjali plenarja addizzjonali fi Brussell. Żvolġiment ta’ din il-proċedura li jagħti prevalenza, b’mod assolut, lill-osservanza tal-punt (a) tal-Artikolu uniku ta’ dan il-protokoll għad-detriment tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament f’dik il-proċedura jkun inkompatibbli mal-konċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, imfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Franza vs Il-Parlament (Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja), C‑73/17, EU:C:2018:787, punt 44).

25

F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punti 22 sa 24 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 45 tas-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Franza vs Il-Parlament (Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja) (C‑73/17, EU:C:2018:787), li l-Parlament għandu, meta jkun qiegħed iwettaq il-konċiljazzjoni neċessarja bejn ir-rekwiżiti tal-punt 22(a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet u dawk tal-Artikolu 314 TFUE, setgħa diskrezzjonali li tirriżulta min-neċessitajiet marbuta mal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura baġitarja. Għalhekk, dan l-istħarriġ ġudizzjarju jirrigwarda l-punt dwar jekk il-Parlament, meta eżerċita parti mis-setgħat baġitarji tiegħu matul sessjoni parzjali plenarja addizzjonali, wettaqx żbalji ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

26

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-atti kkontestati josservawx il-bżonn li jiġu rrikonċiljati l-eżiġenzi li jirriżultaw, minn naħa, mill-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 314 TFUE.

27

F’dan ir-rigward, għalkemm ir-Repubblika Franċiża tammetti li, fil-kuntest stabbilit mill-kalendarju tas-sessjonijiet parzjali plenarji ordinarji għas-sena 2017, is-sessjoni parzjali plenarja addizzjonali li nżammet fi Brussell fid‑29 u fit‑30 ta’ Novembru 2017 kienet tikkostitwixxi l-unika possibbiltà għall-Parlament li jiddeċiedi dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali għas-sena finanzjarja 2018 fit-terminu previst fl-Artikolu 314(6) TFUE, hija ssostni, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li l-ippjanar ta’ dan il-kalendarju parlamentari mill-imsemmija istituzzjoni huwa vvizzjat bi żball ta’ evalwazzjoni. Skont dawn l-Istati Membri, l-ippjanar tal-imsemmi kalendarju seta’ jsir b’mod li jippermetti d-dibattitu u l-votazzjoni tal-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018 fi Strasbourg b’osservanza ta’ dan it-terminu. Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ tali ippjanar, jew ta’ bidla fil-kalendarju tas-sessjonijiet parzjali plenarji ordinarji għas-sena 2017, kienet preżenti kemm waqt l-istabbiliment ta’ dan il-kalendarju, fis‑7 ta’ Ottubru 2015, kif ukoll wara l-istabbiliment tal-kalendarju prammatiku fix-xahar ta’ April 2017.

28

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-istabbiliment tal-kalendarju parlamentari għas-sena 2017, li seħħ fis‑7 ta’ Ottubru 2015, l-argument tar-Repubblika Franċiża, sostnut mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, huwa bbażat fuq il-premessa li d-data li fiha l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni laħaq ftehim dwar abbozz konġunt tal-baġit annwali kienet raġonevolment prevedibbli għall-Parlament fil-mument tal-istabbiliment ta’ dan il-kalendarju.

29

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet tali premessa billi ddeċidiet, fil-punt 50 tas-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Franza vs Il-Parlament (Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja) (C‑73/17, EU:C:2018:787), li, fil-mument tal-istabbiliment tal-kalendarju tas-sessjonijiet plenarji ordinarji, kemm l-użu mill-proċedura ta’ konċiljazzjoni kif ukoll id-data li fiha din il-proċedura tinbeda u tintemm, jekk ikun il-każ, minħabba ftehim dwar abbozz konġunt ta’ baġit annwali, kienu fil-prinċipju inċerti.

30

Ebda wieħed mill-elementi mressqa mir-Repubblika Franċiża u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma huwa ta’ natura li jikkontesta l-kunsiderazzjonijiet dwar l-imprevedibbiltajiet inerenti għall-proċedura baġitarja, li fuqhom hija bbażata l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti.

31

Barra minn hekk, l-argument ta’ dawn l-Istati Membri, li jgħid li l-Parlament għandu jippjana s-sessjoni parzjali plenarja ordinarja tax-xahar ta’ Novembru alternattivament matul ir-raba’ jew il-ħames ġimgħa wara s-sessjoni parzjali ta’ “Ottubru II”, jimplika neċessarjament li din l-istituzzjoni għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, sa fejn ir-Repubblika Franċiża tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni li tali ppjanar “jimmassimizza l-probabbiltà” ta’ dibattitu u ta’ votazzjoni fuq l-abbozz konġunt tal-baġit matul is-sessjoni parzjali plenarja ordinarja tax-xahar ta’ Novembru fi Strasbourg, hija tammetti, essenzjalment, li tali ppjanar ma jistax jiżgura li dan id-dibattitu u din il-votazzjoni jistgħu effettivament iseħħu fi Strasbourg u, għaldaqstant, tikkonferma li l-ippjanar tal-kalendarju parlamentari ma huwiex ta’ natura li jneħħi l-imprevedibbiltajiet inerenti għall-proċedura baġitarja.

32

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Parlament baqa’ fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali mfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, meta stabbilixxa, fis‑7 ta’ Ottubru 2015, il-kalendarju ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji għas-sena 2017.

33

It-tieni nett, ir-Repubblika Franċiża tikkritika lill-Parlament talli ma biddilx dan il-kalendarju wara l-istabbiliment, fix-xahar ta’ April 2017, tal-kalendarju prammatiku dwar il-proċedura baġitarja għas-sena finanzjarja 2018, għar-raġuni li dan il-kalendarju prammatiku kien ikkonferma d-dati tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, fil-każ ferm probabbli li kienet ser tintuża tali proċedura.

34

Issa, l-imsemmi kalendarju prammatiku kien jippreċiża d-dati li l-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni kienu qegħdin jipprevedu, fix-xahar ta’ April 2017, għall-proċedura baġitarja għas-sena finanzjarja 2018 u, b’mod partikolari, għal eventwali proċedura ta’ konċiljazzjoni, minkejja l-possibbiltà li l-imprevedibbiltajiet inerenti għall-proċedura baġitarja setgħu jipprekludu lil dawn l-istituzzjonijiet milli josservaw id-dati previsti.

35

Fir-rigward ta’ dawn l-imprevedibbiltajiet, il-Parlament osserva, mingħajr ma ġie kontradett fuq dan il-punt, li l-eżitu tal-perijodu ta’ konċiljazzjoni huwa inċert, kif jirriżulta b’mod partikolari miċ-ċirkustanza li dan il-perijodu skada mingħajr ftehim fi tlieta mill-ħames proċeduri mitmuma taħt is-sistema tal-Artikolu 314 TFUE qabel l-iffissar tal-kalendarju parlamentari għas-sena 2017, b’tali mod li l-baġit annwali tal-Unjoni seta’ jiġi adottat biss fix-xahar ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena finanzjarja inkwistjoni f’dawn it-tliet proċeduri. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Parlament ippreċiża, li wkoll ma ġiex ikkontestat, li l-bidu tad-dekorrenza preċiż tal-perijodu ta’ konċiljazzjoni jista’ jiġi ffissat biss fl-aħħar mument, skont il-kalendarji aġġornati tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

36

Għalhekk, wara l-istabbiliment, fix-xahar ta’ April 2017, tal-kalendarju prammatiku dwar il-proċedura baġitarja għas-sena finanzjarja 2018, il-kwistjoni dwar jekk u f’liema data l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni seta’ effettivament jasal għal ftehim ta’ konċiljazzjoni kienet għadha ma hijiex ċara.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Parlament lanqas ma wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta żamm il-kalendarju tas-sessjonijiet plenarji ordinarji għas-sena 2017, wara l-istabbiliment tal-kalendarju prammatiku fix-xahar ta’ April ta’ din l-istess sena.

38

Għaldaqstant, l-atti kkontestati ma humiex ivvizzjati bl-iżball ta’ evalwazzjoni invokat mir-Repubblika Franċiża.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li l-motiv uniku tar-Repubblika Franċiża u, għalhekk, r-rikors jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

40

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Parlament, kif mitlub minn dan tal-aħħar. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Parlament Ewropew.

 

3)

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top