EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0043

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Ġunju 2019.
Compagnie d'entreprises CFE SA vs Région de Bruxelles-Capitale.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (il-Belġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Digriet – Għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva 92/43/KEE – Stabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ ċerti miżuri ta’ prevenzjoni – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Obbligu ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali.
Kawża C-43/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:483

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Digriet – Għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva 92/43/KEE – Stabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ ċerti miżuri ta’ prevenzjoni – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Obbligu ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali”

Fil-Kawża C‑43/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Compagnie d’entreprises CFE SA

vs

Ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Compagnie d’entreprises CFE SA, minn J. van Ypersele de Strihou, avukat,

għar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, minn J. Sambon, avukat,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn L. Dvořáková, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge, A. Joyce u G. Simons, bħala aġenti, assistiti minn C. Toland, SC, u minn M. Gray, BL,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes, F. Thiran u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-24 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2), (4) u (5) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157, iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEPP”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Compagnie d’entreprises CFE SA (iktar ’il quddiem “CFE”) u r-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale (il-Belġju), dwar il-validità tad-Digriet tal-Gvern ta’ dan ir-reġjun tal-14 ta’ April 2016, dwar l-għażla tas-sit Natura 2000 – BE1000001 “La Forêt de Soignes avec lisières et domaines boisés avoisinants et la Vallée de la Woluwe – complexe Forêt de Soignes – Vallée de la Woluwe” (“Il-Foresta Soignes b’limiti u żoni bis-siġar viċini u l-Wied tal-Woluwe – Kumpless tal-Foresta ta’ Soignes – Wied tal-Woluwe”) (Moniteur belge tat-13 ta’ Mejju 2016, p. 31558, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-14 ta’ April 2016”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva EEPP

3

Skont il-premessa 4 tad-Direttiva EEPP:

“L-istima ambjentali hi għodda mportanti biex ikunu integrati l-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent fl-Istati Membri, minħabba li din tassigura li dawn l-effetti ta’ pjanijiet u programmi li jkunu ser jiġu mplimentati jkunu kkunsidrati matul il-preparazzjoni tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għanijiet”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru dispożizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-[Unjoni] Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

(b)

‘stima ambjentali’ tfisser il-preparazzjoni ta’ xi rapport ambjentali, l-għemil ta’ konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta’ l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni skond l-Artikoli 4 sa 9;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 3 tal-Direttiva EEPP, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”:

“1.   L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

(a)

li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva [tal-Kunsill] 85/337/KEE [tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-13 ta’ Diċembru 2011 (ĠU 2012, L 26, p. 1)], jew

(b)

li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva [tal-Kunsill] 92/43/KEE [tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102)].

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva.

[…]”

Id-Direttiva “habitat”

7

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/43, (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitat’”):

“1.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, dawn is-siti għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għal ħajjithom u għar-riproduzzjoni. Għall-ispeċi akwatiċi mifruxa fuq żoni kbar, dawk is-siti jiġu proposti biss fejn hemm żona li tista’ tkun identifikata b’mod ċar li tirrappreżenta l-fattura fiżiċi u bioloġiċi essenzjali għall-għixien u r-riproduzzjoni tagħhom. Fejn jixraq, l-Istati Membri għandhom jipproponu l-adattament tal-lista in vista tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11.

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. Dik l-informazzjoni jrid ikun fiha mappa tas-sit, isimha, il-post, id-daqs u l-fatti magħrufa li jirriżultaw mill-applikar tal-kriterji speċifikati fl-Anness III (Stadju 1) mogħtija f’għamla stabbilita mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

2.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mill-ħames reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ)(iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità jew l-ispeċi ta’ priorità.

L-Istati Membri li s-siti tagħhom li jilqgħu fihom wieħed jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u l-ispeċi ta’ priorità jirrappreżentaw aktar minn 5 % tat-territorju nazzjonali tagħhom jistgħu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jitolbu li l-kriterji mniżżla fl-Anness III (Stadju 2) ikunu mħaddna b’mod iktar flessibbli meta jintagħżlu s-siti kollha ta’ importanza għall-Komunità fit-territorju tagħhom.

Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

3.   Il-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi stabbilita fi żmien sitt snin min-notifika ta’ din id-Direttiva.

4.   Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.

5.   Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

8

L-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’iktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

Id-Direttiva “nitrati”

9

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68), jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha l-mira li:

tnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma kkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u

tipprevjieni aktar tniġġis minn dan.”

10

Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva:

“1.   Fil-perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-nomini inizjali riferiti fl-Artikolu 3(2) jew fi żmien sena minn kull nomina addizzjonali riferita fl-Artikolu 3(4), l-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli.

2.   Programm ta’ azzjoni jista’ jkollu x’jaqsam maż-żoni vulnerabbli kollha fit-territorju ta’ Istat Membru jew, meta l-Istat Membru jqisha ħaġa xierqa, jistgħu jiġu stabbiliti programmi differenti għal żoni vulnerabbli differenti jew partijiet ta’ żoni.

3.   Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:

(a)

l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, b’mod partikolari b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet tan-nitroġenu rispettivi ġejjin minn sorsi agrikoli jew minn sorsi oħra;

(b)

il-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni rilevanti ta’ l-Istat Membru interessat.

4.   Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:

(a)

il-miżuri f’L-Anness III;

(b)

dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba stabbiliti skond l-Artikolu 4, għajr dawk li posthom ikun ġie meħud mill-miżuri f’l-Anness III.

5.   L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar illi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux biżżejjed għalbiex jinkisbu l-miri speċifikati fl-Artikolu 1. Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri jew azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effiċjenza tagħhom u l-ispejjeż tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri preventivi l-oħra possibili.”

Id-dritt Belġjan

11

Id-Digriet tal-1 ta’ Marzu 2012 dwar il-konservazzjoni tan-natura (Moniteur belge tas-16 ta’ Marzu 2012, p. 16017) jikkostitwixxi l-bażi legali għad-Digriet tal-14 ta’ April 2016.

12

L-Artikoli 40 sa 56 tal-ewwel digriet huma miġbura flimkien fil-Kapitolu 4, li jittratta “Siti Natura 2000”. L-Artikolu 44 tal-imsemmi digriet jipprovdi, b’mod partikolari:

“Kull sit ta’ importanza Komunitarja għandu jintgħażel bħala sit ta’ Natura 2000 b’digriet tal-Gvern fi żmien sitt snin mill-istabbiliment jew il-modifika tal-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja b’rabta mar-Reġjun mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet li jirriżultaw mill-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-restawr, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali ta’ interess Komunitarju jew ta’ speċi ta’ interess Komunitarju u għall-koerenza ta’ Natura 2000, kif ukoll fid-dawl tat-theddidiet ta’ degradazzjoni jew ta’ qerda li jaffettwawhom.”

13

L-Artikolu 47 tad-Digriet tal-1 ta’ Marzu 2012, dwar il-“Miżuri ta’ prevenzjoni”, jipprovdi:

“Artikolu 47. § 1. – Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 64, f’sit Natura 2000, huwa pprojbit li jkun hemm deterjorament tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi u li jiġu ddisturbati l-popolazzjonijiet tal-ispeċi koperti mill-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit Natura 2000.

§ 2. – Il-Gvern għandu jadotta projbizzjonijiet ġenerali u kwalunkwe miżura preventiva oħra favur is-siti Natura 2000 jew xi wħud minnhom, applikabbli għall-proġetti li ma humiex suġġetti għal permess ta’ qsim, permess tal-ippjanar jew permess ambjentali, jew għal kwalunkwe wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 62(1), sakemm ma jkunx hemm eżenzjoni stipulata fil-pjan ta’ ġestjoni adottat skont l-Artikolu 50 jew deroga skont l-Artikoli 64 jew 85, fi ħdan jew barra mil-limiti tas-siti Natura 2000 ikkonċernati, inkluża l-adozzjoni ta’ standards ta’ kwalità ekoloġika sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-habitats naturali u d-disturb sinjifikattiv tal-ispeċi li għalihom intgħażlu s-siti ta’ Natura 2000.”

14

Id-Digriet tal-14 ta’ April 2016 jipprovdi fl-Artikolu 2 tiegħu, li t-terminu “digriet” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għad-Digriet tal-1 ta’ Marzu 2012 dwar il-konservazzjoni tan-natura.

15

L-Artikoli 3 u 4 ta’ dan id-digriet jagħżlu parti mit-territorju tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale bħala “sit Natura 2000”:

“Artikolu 3. Hija magħżula bħala sit Natura 2000 – BE1000001, iz-“ZSC I: La Forêt de Soignes avec lisières et domaines boisés avoisinants et la Vallée de la Woluwe – Complexe Forêt de Soignes – Vallée de la Woluwe” (Il-Foresta Soignes b’limiti u żoni bis-siġar viċini u l-Wied tal-Woluwe – Kumpless tal-Foresta ta’ Soignes – Wied tal-Woluwe”).

Dan is-sit huwa subdiviż fi 28 stazzjon Natura 2000 identifikati kif ġej:

[…]

5° IA.5 Plateau de la Foresterie;

[…]

Artikolu 4. Is-sit hekk magħżul ikopri superfiċji totali ta’ 2066 ettaru. Il-perimetru tiegħu huwa ġeografikament iddelimitat fuq il-pjanti stabbiliti li jinsabu fl-Anness 1.1.

Dan jinkludi l-plottijiet katastali kollha u l-partijiet tal-plottijiet katastali msemmija fl-Anness 2 ta’ dan id-digriet u li jinsabu fit-territorju tal-komuni ta’ Uccle, Watermael-Boitsfort, Ville de Bruxelles, Auderghem, Woluwe-Sint-Pierre u Woluwe-Sint-Lambert.

L-istazzjonijiet differenti identifikati fl-Artikolu 3 għandhom jikkostitwixxu l-unitajiet ta’ ġestjoni tas-sit u għandhom ikunu ġeografikament iddelimitati fuq il-pjanti li jinsabu fl-Anness 1.1.”

16

L-Artikolu 15 tad-Digriet tal-14 ta’ April 2016 jipprovdi:

“Artikolu 15. § 1. Skont l-Artikolu 47(2) tad-Digriet, dan l-artikolu jistabbilixxi projbizzjonijiet ġenerali għas-sit ta’ Natura 2000 magħżul minn dan id-digriet.

§ 2. Bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu eżenzjoni jew deroga, huwa pprojbit, għall-proġetti li ma humiex suġġetti għal permess jew kunsens skont l-Artikolu 47(2) tad-digriet:

li jaqtgħu, jaqilgħu, jagħmlu ħsara jew jeqirdu speċi ta’ pjanti indiġeni, inklużi l-brijofiti, il-fungi u l-likeni, kif ukoll li jeqirdu, jagħmlu ħsara jew jibdlu l-kopertura tal-pjanti;

f’boskijiet u foresti suġġetti għal sistema ta’ forestrija, li jwaqqgħu, jaqilgħu jew ineħħu siġar mejta jew wieqfa jew mimduda, ħlief fil-każ ta’ riskju reali u urġenti għas-sigurtà;

li jneħħu zkuk ta’ siġar ta’ speċi indiġeni mhux invażivi fl-habitats forestali ta’ interess Komunitarju koperti minn għanijiet ta’ konservazzjoni;

f’habitats naturali ta’ interess Komunitarju, li jħawlu siġar jew arbuxelli ta’ speċi mhux indiġeni, ħlief fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ restawr ta’ oġġetti kklassifikati jew inklużi fil-lista ta’ salvagwardja. Din il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għall-varjetajiet antiki tal-frott, li jistgħu jkunu eżotiċi;

li jeqirdu l-limiti naturali, l-allinjamenti tas-siġar u li jneħħu l-ilqugħ tas-siġar;

li jagħmlu tibdil permanenti għal mergħat bi speċi produttivi ħafna, ħlief għal intervent ta’ darba fil-kuntest tar-restawr tas-saff tal-ħaxix;

li jippermettu li jintremew żrieragħ jew ikel li jattiraw annimali liberi fil-kampanja jew invażivi;

li jfornu għadajjar b’ħut ta’ speċi aljeni invażivi jew l-ispeċi ta’ ħut tal-qiegħ Karpjun komuni (Cyprinus carpio), Abramida (Abramis brama), Laska (Ruutilus rutilus) u Carassin (Carassius carassius) u b’iktar minn ħamsin kilogramma ta’ ħut mhux tal-qiegħ għal kull ettaru, ħlief f’għadajjar li huma intiżi esklużivament għas-sajd;

li jibdlu t-topografija tal-ħamrija tal-habitats naturali ta’ interess Komunitarju u ta’ interess reġjonali;

10°

ħlief fil-każ ta’ vetturi tas-servizz jew dawk responsabbli għall-manutenzjoni, li jippermettu sewqan jew ipparkjar ta’ vetturi b’magna fl-habitats naturali ta’ interess Komunitarju u ta’ interess reġjonali, u dan mingħajr preġudizzju għall-parkeġġi stabbiliti sabiex jilqgħu lill-pubbliku;

11°

li jaħartu l-ħamrija u li jxerrdu fertilizzanti kimiċi jew pestiċidi fl-habitats naturali ta’ interess Komunitarju u ta’ interess reġjonali;

12°

li jimmodifikaw intenzjonalment ir-reġim tal-ilma tal-wiċċ jew ta’ taħt l-art jew li jimmodifikaw b’mod permanenti l-istruttura tal-gandotti u l-kanali tal-ilma;

13°

li jarmu prodotti kimiċi u jxerrdu l-kontenut ta’ kontenituri settiċi;

14°

li jabbandunaw jew jiddepożitaw skart lil hinn miż-żoni intiżi għal dan l-għan;

15°

li jippermettu mużika amplifikata li taqbeż il-livell massimu tal-ħoss ta’ 65 db;

16°

li jippermettu tixbit mas-siġar f’boskijiet u foresti suġġetti għar-reġim tal-forestrija u ż-żoni ħodor pubbliċi.

§ 3. Dan l-artikolu ma għandux japplika għal xogħlijiet li huma direttament marbuta jew meħtieġa għall-ġestjoni tas-sit u għall-manutenzjoni tal-wirt patrimonjali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

CFE, li tikkostitwixxi grupp industrijali Belġjan, ilha sa mis-sena 1983 proprjetarja ta’ art (plott F64 L4) li tkopri l-biċċa l-kbira tal-Plateau de la Foresterie f’Watermael-Boitsfort (il-Belġju).

18

Fil-kuntest tal-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000, il-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale (il-Belġju) kien stabbilixxa, matul is-sena 2003, lista ta’ siti proposti bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni (ŻSK) (Moniteur belge tas-27 ta’ Marzu 2003, p. 14886).

19

Fid-29 ta’ Awwissu 2003, CFE kienet ressqet azzjoni għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju). B’sentenza tal-14 ta’ Marzu 2011, li kkonstatat it-telf tal-interess ta’ CFE għall-annullament, peress li, sadanittant, il-Kummissjoni Ewropea kienet ippronunzjat ruħha fuq l-istess suġġett, l-azzjoni ġiet miċħuda.

20

Fil-fatt, fis-7 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni kienet adottat id-Deċiżjoni 2004/813/KE tas-7 ta’ Diċembru 2004 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja (SIK) għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku (ĠU 2005, L 269M, p. 150), sussegwentement imħassra. Attwalment, id-deċiżjoni fis-seħħ li tagħmel is-sit inkwistjoni, jiġifieri l-Forêt de Soignes, SIK hija d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2335 tad-9 ta’ Diċembru 2016 li tadotta l-għaxar aġġornament tal-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku (ĠU 2016, L 353, p. 533).

21

Permezz ta’ rikors tal-21 ta’ Frar 2005, CFE kienet ressqet azzjoni għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Settembru 2006, CFE vs Il-Kummissjoni (T-100/05, mhux ippubblikat, EU:T:2006:260), il-Qorti Ġenerali ddikjarat l-azzjoni bħala inammissibbli għar-raġuni li CFE ma kinitx direttament ikkonċernata b’dik id-deċiżjoni minħabba l-marġni ta’ diskrezzjoni li tħalla lill-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri previsti fis-siti magħżula bħala SIK. Dan id-digriet kiseb l-awtorità ta’ res judicata.

22

Il-qorti tar-rinviju tindika li r-Renju tal-Belġju ilu sa mis-27 ta’ Marzu 2015 intimat talli naqas mill-obbligu tiegħu li jagħżel is-SIK bħala ŻSK u li jistabbilixxi prijoritajiet għall-konservazzjoni tagħhom, kif ukoll talli naqas mill-obbligu tiegħu li jadotta l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa.

23

Fid-9 ta’ Lulju 2015, il-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale approva, fl-ewwel qari, l-abbozz preliminari tad-digriet tal-għażla tas-sit Natura 2000 – BE 1000001 “La Forêt de Soignes avec lisières et domaines boisés avoisinants et la Vallée de la Woluwe – complexe Forêt de Soignes – Vallée de la Woluwe” (Il-Foresta ta’ Soignes b’limiti u żoni bis-siġar viċini u l-Wied tal-Woluwe – Kumpless tal-Foresta ta’ Soignes – Wied tal-Woluwe). Inkjesta pubblika relatata ma’ dan l-abbozz preliminari ta’ digriet kienet saret bejn l-24 ta’ Settembru u s-7 ta’ Novembru 2015. Din wasslet għal 202 ilmenti, inkluż wieħed li oriġina minn CFE.

24

Fl-14 ta’ April 2016, permezz tal-att ikkontestat, il-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale adotta d-digriet li jagħżel is-sit Natura 2000 BE 1000001 “La Forêt de Soignes avec lisières et domaines boisés avoisinants et la Vallée de la Woluwe – complexe Forêt de Soignes – Vallée de la Woluwe” (Il-Foresta ta’ Soignes b’limiti u żoni bis-siġar viċini u l-Wied tal-Woluwe – Kumpless tal-Foresta ta’ Soignes – Wied tal-Woluwe), li jinkludi l-plott F64 L4 inkwistjoni.

25

Fit-12 ta’ Lulju 2016, CFE adixxiet lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) b’azzjoni għall-annullament tad-Digriet tal-14 ta’ April 2016.

26

CFE tesponi li parti sinjifikattiva minn din il-plott intużat, matul il-perijodu bejn is-sena 1937 u s-sena 1987, bħala dumping illegali mill-komun ta’ Watermael-Boitsfort (il-Belġju), u li hija saret taf b’dan il-fatt biss fid-9 ta’ Ottubru 2007. F’din id-data, fil-fatt, l-Istitut ta’ Brussell għall-Immaniġġjar tal-Ambjent (IBGE) bagħtilha twissija li skont studju ta’ karatterizzazzjoni li sar minn uffiċċju approvat matul l-2006, it-tniġġis f’dan il-qasam kien ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent u għall-ekosistemi, u li l-iskart preżenti kellu impatt fuq il-ħamrija, l-ilma tal-wiċċ, l-ilma ta’ taħt l-art u l-arja. Din it-twissija stiednet lir-rikorrenti tippreżenta proġett ta’ tindif tas-sit.

27

Insostenn tal-azzjoni tagħha, din invokat, b’mod partikolari, il-ksur tal-Artikolu 3 tad-Direttiva EEPP sa fejn il-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale kellu jwettaq evalwazzjoni ambjentali ladarba d-Digriet tal-14 ta’ April 2016 seta’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent jew sa fejn dan il-gvern kellu, tal-inqas, jiddetermina jekk dan l-att setax ikollu tali effetti, fatt li ma sarx.

28

Bi tweġiba, il-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale jqis, essenzjalment, li l-imsemmi att jikkostitwixxi miżura direttament marbuta jew meħtieġa għall-“ġestjoni tas-sit”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”, eżentata minn evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEPP.

29

L-imsemmi gvern jippreċiża wkoll, minn naħa, li l-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 15 tad-Digriet tal-14 ta’ April 2016 ma humiex inkompatibbli ma’ trattament li jista’ jsir tat-tniġġis li bih il-plott hija affettwata. Fil-fatt, l-operazzjonijiet ta’ tindif tal-artijiet imniġġsa huma suġġetti għal permess ambjentali u, għalhekk, il-projbizzjonijiet partikolari stipulati mill-att ikkontestat ma jikkonċernawhomx, kif jikkonferma dan l-Artikolu 15. Min-naħa l-oħra, huwa wkoll possibbli li ssir deroga minn dawn il-projbizzjonijiet. B’dan il-mod, l-imsemmi att ma jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-deċiżjoni li permezz tagħha korp ta’ Stat Membru jistabbilixxi [ŻSK], skont id-Direttiva [“habitat”], li tinkludi għanijiet ta’ konservazzjoni u miżuri preventivi ġenerali ta’ valur leġiżlattiv, tikkostitwixxi pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva [EEPP]?

2)

B’mod iktar partikolari, tali deċiżjoni hija koperta mill-Artikolu 3(4) [tad-Direttiva EEPP], bħala pjan jew programm li jiddefinixxi l-qafas li fih l-implementazzjoni tal-proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, b’tali mod li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk jistax ikollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent skont il-paragrafu 5 [ta’ dan l-artikolu]?

3)

L-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva [EEPP] għandu jiġi interpretat fis-sens li din l-istess deċiżjoni hija eskluża mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3(4) tagħha?”

Fuq id-domandi preliminari

31

Mill-bidu nett, għandu jiġi enfasizzat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirreferu għall-paragrafi 2, 4 u 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva EEPP.

32

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva EEPP, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 jistax ikollhom effetti ambjentali sinjifikattivi billi jagħmlu eżami każ b’każ jew billi jiddeterminaw it-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jgħaqqdu dawn iż-żewġ metodi.

33

Billi l-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva jirreferi għall-paragrafu 4 tal-istess Artikolu 3, għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tingħata risposta fid-dawl tal-Artikolu 3(2) u (4) tal-imsemmija direttiva.

34

Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva EEPP għandux jiġi interpretat fis-sens li digriet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu Stat Membru jagħżel ŻSK u jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni u ċerti miżuri ta’ prevenzjoni, huwa inkluż fil-“pjanijiet u programmi” li għalihom evalwazzjoni tal-effetti ambjentali hija obbligatorja.

35

Preliminarjament, għandu jitfakkar, minn naħa, li, kif jirriżulta mill-premessa 4 tad-Direttiva EEPP, l-evalwazzjoni ambjentali hija għodda importanti sabiex ikunu integrati kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi sabiex jiġi promoss żvilupp sostenibbli billi jiġi żgurat li, konformement mal-imsemmija direttiva, ċerti pjanijiet u programmi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali.

36

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-iskop tad-Direttiva EEPP li huwa li jiġi ggarantit tali livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, id-dispożizzjonijiet li jiddelimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u b’mod partikolari dawk li jipprovdu d-definizzjonijiet tal-atti previsti minnha, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punti 32 sa 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u, tal-istess jum, Thybaut et, C‑160/17, EU:C:2018:401, punti 38 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-proċess tal-għażla taż-ŻSK isir fi tliet stadji elenkati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva “habitat”. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 4(1), kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li tindika t-tipi ta’ habitats naturali u l-ispeċi indiġeni li fihom u din il-lista għandha tintbagħat lill-Kummissjoni. It-tieni nett, konformement mal-Artikolu 4(2), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, abbozz ta’ lista ta’ SIK, ibbażata fuq il-listi tal-Istati Membri. Fuq il-bażi ta’ dan l-abbozz ta’ lista, il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista tas-siti magħżula. It-tielet nett, skont il-paragrafu 4 tal-istess Artikolu 4, ladarba jkun intgħażel SIK, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħżel dan is-sit bħala ŻSK malajr kemm jista’ jkun u fi żmien li ma jaqbiżx is-sitt snin, filwaqt li jistabbilixxi l-prijoritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-restawr, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali jew speċi u għall-koerenza ta’ Natura 2000.

38

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula.

39

Qabelxejn, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti li skonthom id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEPP u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” jeskludu, fi kwalunkwe każ, obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

40

F’dan ir-rigward, minn naħa, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale u l-Irlanda jqisu li, sa fejn id-Digriet tal-14 ta’ April 2016 jiddefinixxi l-għanijiet ta’ konservazzjoni, dan għandu biss effetti ta’ benefiċċju u, għalhekk, ma jirrikjedix evalwazzjoni ambjentali tal-effetti tiegħu.

41

Madankollu, għandu jitfakkar li, fir-rigward tad-Direttiva 85/337, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-proġetti għandhom iwasslu għal effetti ta’ benefiċċju fuq l-ambjent ma huwiex rilevanti fl-ambitu tal-evalwazzjoni tal-ħtieġa li dawn il-proġetti jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tagħhom (sentenza tat-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA, C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 41).

42

Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, l-evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa skont id-Direttiva EEPP hija limitata, sa fejn huma kkonċernati s-siti ta’ Natura 2000, għall-evalwazzjoni ta’ pjanijiet u proġetti li huma wkoll suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit skont id-Direttiva “habitat”, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEPP u mill-eċċezzjoni li tapplika għall-miżuri ta’ ġestjoni tas-sit prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”. Skont din l-analiżi, qatt ma tkun meħtieġa evalwazzjoni ambjentali għall-miżuri ta’ ġestjoni ta’ dawn is-siti.

43

F’dan il-każ, il-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale ddeċieda li d-Digriet tal-14 ta’ April 2016 ma jkunx suġġett għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” jew għal evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEPP.

44

Fir-rigward tar-riferiment għall-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva “habitat” li jinsab fl-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEPP, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva “habitat”, il-miżuri protettivi previsti fl-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu imposti meta sit, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, jiġi inkluż fil-lista ta’ siti magħżula bħala SIK adottata mill-Kummissjoni (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan kien il-każ fir-rigward tal-plott tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

46

Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” huwa applikabbli f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

47

Skont din id-dispożizzjoni, kull pjan jew proġett li ma huwiex marbut direttament ma’ jew li ma huwiex meħtieġ għall-ġestjoni tas-sit iżda li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit.

48

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżistenza ta’ pjan jew ta’ proġett li ma huwiex direttament marbut jew meħtieġ għall-ġestjoni ta’ sit protett tiddependi essenzjalment min-natura tal-intervent inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (il-Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 125).

49

Issa, l-att li bih Stat Membru jagħżel sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva “habitat” huwa, min-natura tiegħu, direttament marbut ma’ jew meħtieġ għall-ġestjoni tas-sit. Fil-fatt, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “habitat” jeżiġi tali għażla għall-finijiet tal-implimentazzjoni tiegħu.

50

Għalhekk, att, bħad-Digriet tal-14 ta’ April 2016, jista’ jkun eżentat minn “evalwazzjoni xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” u, konsegwentement, minn “evalwazzjoni ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEPP. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” jipprovdi li l-evalwazzjoni xierqa għandha ssir, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’riferiment għall-“għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit”. Issa, l-att li jiddefinixxi l-għanijiet ma jistax, loġikament, jiġi evalwat skont l-istess għanijiet.

51

Madankollu, il-fatt li att, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jirrikjedix neċessarjament li jkun ippreċedut minn evalwazzjoni ambjentali fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” u tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEPP ma jfissirx li dan ma huwa suġġett għal ebda obbligu f’dan ir-rigward, billi ma huwiex eskluż li dan jista’ jistipula regoli li jwasslu sabiex huwa jiġi assimilat ma’ pjan jew ma’ programm fis-sens ta’ din id-direttiva tal-aħħar, li għalihom evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ tkun obbligatorja.

52

F’dan ir-rigward, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 64 u 65 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li, fil-kuntest tad-Direttiva “habitat”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma qiesx li kien meħtieġ li jiġu adottati dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni ambjentali u l-parteċipazzjoni pubblika fir-rigward tal-ġestjoni tas-siti Natura 2000 ma jfissirx li dan ried għalhekk jeskludi tali ġestjoni fl-adozzjoni sussegwenti tar-regoli ġenerali tal-evalwazzjoni ambjentali. Fil-fatt, l-evalwazzjonijiet li jsiru f’isem strumenti ambjentali oħra ta’ protezzjoni tal-ambjent jeżistu wkoll fl-istess ħin u jikkompletaw b’mod utli r-regoli tad-Direttiva “habitat”, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effetti li jista’ jkun hemm fuq l-ambjent u l-parteċipazzjoni pubblika.

53

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-assimilazzjoni tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ pjan jew ma’ programm fis-sens tad-Direttiva EEPP, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EEPP jirriżulta li jikkostitwixxu pjanijiet jew programmi dawk li jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li huma mfassla u/jew adottati minn awtorità fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew imfassla minn awtorità bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom mill-Parlament jew mill-Gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, u, min-naħa l-oħra, li huma meħtieġa minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi.

54

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li għandhom jitqiesu “meħtieġa”, fis-sens u għall-applikazzjoni tad-Direttiva EEPP, u, għalhekk, suġġetti għall-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent skont il-kundizzjonijiet stipulati minn din id-direttiva, il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija rregolata minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali, li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom u l-proċedura għar-redazzjoni tagħhom (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 31, u tas-7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et, C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 43).

55

F’dan il-każ, id-Digriet tal-14 ta’ April 2016 tfassal u ġie adottat minn awtorità reġjonali, jiġifieri l-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, u huwa meħtieġ mill-Artikolu 44 tad-Digriet tal-1 ta’ Marzu 2012.

56

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-punt dwar jekk pjan jew programm għandux ikun ippreċedut minn evalwazzjoni ambjentali, għandu jiġi mfakkar li l-pjanijiet u l-programmi li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EEPP huma suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali, sakemm dawn jikkostitwixxu wieħed minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva EEPP. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva EEPP jipprevedi li evalwazzjoni ambjentali għandha titwettaq għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

57

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EEPP, evalwazzjoni ambjentali għandha titwettaq għall-pjanijiet u għall-programmi kollha li huma mfassla għas-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija, tas-sajd, tal-enerġija, tal-industrija, tat-trasport, tal-immaniġġjar tal-iskart, tal-immaniġġjar tal-ilma, tat-telekomunikazzjoni, tat-turiżmu, tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-artijiet u li jiddefinixxu l-qafas li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92 tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.

58

F’dan ir-rigward, ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, il-Gvern Ċek kif ukoll il-Kummissjoni esprimew dubji dwar jekk digriet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu, konformement mal-Artikolu 4 tad-Direttiva “habitat”, Stat Membru jagħżel ŻSK u jiddefinixxi għanijiet ta’ konservazzjoni u ċerti miżuri ta’ prevenzjoni, jistax jaqa’ taħt wieħed minn dawk is-setturi.

59

Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, sa fejn, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EEPP, l-Istati Membri jistabbilixxu jekk pjanijiet u programmi għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jiddefinixxu l-qafas li taħtu l-implimentazzjoni ta’ proġetti oħra tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, jistax ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, għandu jiġi ddeterminat jekk att, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiddefinixxix tali qafas.

60

Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tagħha, l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali prevista fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EEPP, bħall-obbligu ta’ evalwazzjoni previst fl-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, jiddependi minn jekk il-pjan jew il-programm inkwistjoni jiddefinixxix il-qafas li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.

61

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” jirreferi għal kwalunkwe att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri, sett sinjifikattiv ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Mejju 2019, “Verdi Ambiente e Società (VAS) - Aps Onlus”et, C‑305/18, EU:C:2019:384, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Digriet tal-14 ta’ April 2016 jagħżel żona Natura 2000 u jipprevedi, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ protezzjoni li huwa jiddefinixxi, miżuri preventivi u projbizzjonijiet ġenerali u partikolari. Għal dan il-għan, huwa jirrifletti l-għażliet u jagħmel parti minn ġerarkija ta’ miżuri intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari pjanijiet ta’ ġestjoni li ser jiġu adottati.

63

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-għażla ta’ sit għandha effetti legali fuq l-adozzjoni ta’ pjanijiet u fuq l-eżami ta’ talba għal permess li taffettwa lil dan is-sit, kemm fir-rigward tal-proċedura kif ukoll tal-kriterji għat-teħid ta’ deċiżjoni. B’hekk, skont dik il-qorti, tali għażla tgħin sabiex jiġi ddefinit il-qafas tal-azzjonijiet li fil-prinċipju huma aċċettati, imħeġġa jew ipprojbiti, u ma hijiex, għalhekk, estranja għall-kunċett ta’ “pjan u programm”.

64

Mis-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 55), u Thybaut et (C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 55), jirriżulta li huwa importanti li jingħata valur kwalitattiv għall-kunċett ta’ “ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet”.

65

Ċertament, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tagħha, id-Digriet tal-14 ta’ April 2016 jinkludi, b’mod partikolari fl-Artikolu 15 tiegħu, numru partikolari ta’ projbizzjonijiet. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-projbizzjonijiet japplikawx biss għal proġetti li ma jeħtiġux awtorizzazzjoni.

66

Fis-sitwazzjoni fejn dik il-qorti tasal għall-konklużjoni li dan huwa l-każ, il-karatteristiċi u l-proprjetajiet normattivi ta’ digriet bħal dak tal-14 ta’ April 2016 ma jiddefinixxux qafas li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti oħra tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.

67

B’hekk, sa fejn tali att ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 61 sa 64 ta’ din is-sentenza, dan ma jikkostitwixxix pjan jew programm li għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni ambjentali tal-effetti tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EEPP.

68

Tali kunsiderazzjoni ma tmurx kontra t-tagħlimiet li joħorġu mis-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li programm ta’ azzjoni adottat skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva “nitrati” huwa, fil-prinċipju, pjan jew programm li jirrikjedi, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEPP, evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent.

69

Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi li ppreċedew l-għoti ta’ dik is-sentenza, irriżulta minn analiżi globali, minn naħa waħda, li l-karatteristika speċifika tal-programmi ta’ azzjoni inkwistjoni kienet tikkonsisti fil-fatt li dawn jikkostitwixxu approċċ globali u koerenti, li għandu l-karatteristika ta’ ppjanar konkret u ddetalljat. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kontenut tal-imsemmija programmi ta’ azzjoni, jirriżulta, b’mod partikolari mill-Artikolu 5 tad-Direttiva “nitrati”, li l-imsemmija programmi kienu jinkludu miżuri konkreti u obbligatorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie, C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355, punti 4748).

70

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 76 u 77 tal-konklużjonijiet tagħha, att, bħad-Digriet tal-14 ta’ April 2016, ġeneralment jaqa’ f’ġerarkija ta’ miżuri li tippreċedih, b’mod li ma huwiex eskluż li dan ikun jikkostitwixxi modifika għal pjan jew għal programm, u, bħala tali, għandu wkoll, b’mod mandatorju, jiġi ppreċedut minn evalwazzjoni ambjentali.

71

F’dan ir-rigward, il-Qorti ripetutament qieset li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” jinkludi mhux biss it-tħejjija tagħhom, iżda wkoll il-modifika tagħhom, biex b’hekk jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, “Verdi Ambiente e Società (VAS) - Aps Onlus”et, C‑305/18, EU:C:2019:384, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Madankollu, għandu jiġi evitat li l-istess pjan jiġi ssuġġettat għal diversi evalwazzjonijiet ambjentali li jkopru r-rekwiżiti kollha ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis, C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 55).

73

Għal dan l-iskop, u sakemm l-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom tkun saret qabel, huwa eskluż mill-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” att li jaqa’ f’ġerarkija ta’ atti li huma stess kienu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, u li fir-rigward tagħhom jista’ raġonevolment jitqies li l-interessi li din id-direttiva tfittex li tipproteġi ttieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għad-domandi magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva EEPP għandu jiġi interpretat fis-sens li, mingħajr ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha tagħmel, digriet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu Stat Membru jagħżel ŻSK u jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni u ċerti miżuri ta’ prevenzjoni, ma huwiex inkluż fil-“pjanijiet u programmi” li għalihom evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hija obbligatorja.

Fuq l-ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent għandu jiġi interpretat fis-sens li, mingħajr ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha tagħmel, digriet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu Stat Membru jagħżel żona speċjali ta’ konservazzjoni (ŻSK) u jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni u ċerti miżuri ta’ prevenzjoni, ma huwiex inkluż fil-“pjanijiet u programmi” li għalihom evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hija obbligatorja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top