EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0001

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2019.
SIA „Oribalt Rīga”, anciennement SIA „Oriola Rīga” vs Valsts ieņēmumu dienests.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikolu 30(2)(b) u (ċ) – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 152(1)(a) u (b) – Determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija – Kunċett ta’ ‘merkanzija simili’ – Prodotti mediċinali – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull element li jista’ jkollu effett fuq il-valur ekonomiku tal-prodott mediċinali kkonċernat – Terminu ta’ 90 jum li fih il-merkanzija importata għandha tinbiegħ fl-Unjoni Ewropea – Terminu finali – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-iskontijiet kummerċjali.
Kawża C-1/18.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:519

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikolu 30(2)(b) u (ċ) – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 152(1)(a) u (b) – Determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija – Kunċett ta’ ‘merkanzija simili’ – Prodotti mediċinali – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull element li jista’ jkollu effett fuq il-valur ekonomiku tal-prodott mediċinali kkonċernat – Terminu ta’ 90 jum li fih il-merkanzija importata għandha tinbiegħ fl-Unjoni Ewropea – Terminu finali – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-iskontijiet kummerċjali”

Fil-Kawża C‑1/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

“Oribalt Rīga” SIA, li kienet “Oriola Rīga” SIA,

vs

Valsts ieņēmumu dienests,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: C. Ströholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Novembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Oribalt Rīga” SIA, minn A. Leškoviča u J. Taukačs, advokāti, kif ukoll minn C. Ginter, vandeadvokaat,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u J. Davidoviča, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u F. Clottuche-Duvieusart, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(2)(b) u (ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2 Vol. 8, p. 179) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kif ukoll tal-Artikolu 151(4) u tal-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implimentazzjoni”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Oribalt Rīga” SIA, li kienet “Oriola Rīga” SIA, u l-Valsts ieņēmumu dienests (l-Awtorità tat-Taxxa Latvjana) dwar deċiżjoni tad-direttur ġenerali ta’ din tal-aħħar li imponiet fuq din il-kumpannija l-obbligu li tħallas lit-Teżor ammont addizzjonali ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), interessi moratorji u multa.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Kodiċi Doganali

3

Skont l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali:

“Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33 […]”

4

L-Artikolu 30 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi li:

“(1)   Fejn il-valur doganali ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikolu 29, għandu jiġi stabbilit billi timxi sekwenzjalment minn subparagrafi (a), (b), (ċ) u (d) tal-paragrafu 2 għall-ewwel subparagrafu li taħtu jista’ jiġi stabbilit, bla ħsara għall-kondizzjoni li l-ordni ta’ l-applikazzjoni tas-subparagrafi (ċ) u (d) għandu jinqaleb jekk min ikun għamel id-dikjarazzjoni jitlob hekk; huwa biss meta tali valur ma jistax jiġi stabbilit taħt subparagrafu partikolari li jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu li jkun imiss f’sekwenza stabbilita bis-saħħa ta’ dan il-paragrafu.

2.   Il-valur doganali kif stabbilit taħt dan l-Artikolu għandu jkun:

(a)

il-valur tat-transazzjoni ta’ merkanzija identika mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

(b)

il-valur tat-transazzjoni tal-merkanzija simili mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

(ċ)

il-valur ibbażat fuq il-prezz ta’ l-unità li bih il-merkanzija importata għal oġġetti identiċi jew simili jinbiegħu fil-Komunità fl-akbar kwantità totali lil persuni li ma jiġux mill-bejjiegħa;

(d)

il-valur maħdum, magħmul mis-somma ta’:

il-prezz jew valur ta’ materjali u fabbrikazzjoni jew proċessar ieħor imħaddem fil-produzzjoni tal-merkanzija importata,

ammont għal profitt u spejjeż ġenerali li jkun daqs dak normalment rifless fil-bejgħ ta’ merkanzija ta’ l-istess klassi jew xorta bħal merkanzija li qed tkun stmata li tkun magħmula minn produtturi fil-pajjiż ta’ l-esportazzjoni għall-esportazzjoni lill-Komunità,

il-prezz jew valur ta’ l-oġġetti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 32(1)(e).

[…]”

5

L-Artikolu 31 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li:

“1.   Fejn il-valur doganali ta’ merkanzija importata ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikoli 29 jew 30, għandu jiġi stabbilit, skond il-bażi ta’ data disponibbli fil-Komunità, bl-użu ta’ mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali ta’:

il-ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ta’ l‑1994,

L-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ta’ l‑1994,

[u]

id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

[…]”

Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni

6

L-Artikolu 142(1) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi li:

“Għall-iskopijiet ta’ dan it-titolu:

[…]

(d)

‘merkanzija simili’ tfisser merkanzija prodotta fl-istess pajjiż li, għalkemm ma tkunx l-istess fl-aspetti kollha, ikollha karatteristiċi simili u materjali tal-komponenti simili li jippermettulha twettaq l-istess funzjonijiet u tkun kummerċjalment interkambjabbli; il-kwalità tal-merkanzija, ir-reputazzjoni tagħha u l-eżistenza ta’ trademark huma fost il-fatturi li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni ta’ jekk il-merkanzija tkunx simili;

[…]”

7

Skont l-Artikolu 151 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi [Doganali] (il-valur ta’ operazzjoni ta’ merkanzija simili), il-valur doganali għandu jiġi determinat b’referenza għall-valur ta’ operazzjoni ta’ merkanzija simili fl-istess livell kummerċjali u f’sostanzjalment l-istess kwantità bħall-oġġetti li jkunu qegħdin jiġu vvalutati. Meta ma jinstab l-ebda bejgħ bħal dan, il-valur ta’ l-operazzjoni ta’ merkanzija simili mibjugħa f’livelli kummerċjali differenti u/jew fi kwantitajiet differenti, aġġustati biex jittieħed kont tad-differenzi attribwibbli għal livell kummerċjali u/jew għall-kwantità, għandhom jintużaw, sakemm dawn l-aġġustamenti jistgħu isisru biss a bażi ta’ prova li tintwera li tistabilixxi b’mod l-aktar ċar ir-raġjonevolezza u l-eżattezza ta’ l-aġġustamenti sew jekk l-aġġustament iwassal għal żieda u sew għal tnaqqis fil-valur.

[…]

4.   Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, valur ta’ operazzjoni għal merkanzija prodotta minn persuna differenti għandu jitqies biss meta l-ebda valur ta’ operazzjoni ma tista’ tinsab taħt il-paragrafu 1 għal merkanzija simili prodotta mill-istess persuna għall-merkanzija li qiegħda tiġi vvalutata.

[…]”

8

L-Artikolu 152 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li:

“1.   

(a)

Jekk il-merkanzija mportata jew merkanzija identika jew simili mportata tinbigħ fil-Komunità fl-istess kondizzjoni bħal meta importata, il-valur doganali tal-merkanzija mportata, determinat skond l-Artikolu 30(2)(ċ) tal-kodiċi [Doganali], għandhom jkunibbażat fuq il-prezz ta’ unità li bih il-merkanzija [im]portata jew merkanzija identika jew simili mportata hija mibjugħa fl-akbar kwantità aggregata, fiż-żmien jew bejn wieħed u ieħor dak iż-żmien li fih il-merkanzija li qiegħda tiġi mportata tkun ivvalutata, lil persuni li mhumiex relatati mal-persuni li minn għandhom jixtru din il-merkanzija, soġġett għal tnaqqis għal dan li ġej:

(i)

jew il-kommissjonijiet is-soltu mħallsa jew miftiehma li jitħallsu jew iż-żidiet is-soltu magħmula għal profitt u spejjeż ġenerali (inklużi spejjeż diretti u indiretti ta’ marketing tal-merkanzija in kwistjoni) in konnessjoni mal-bejgħ fil-komunità ta’ merkanzija importata ta’ l-istess klassi jew tip;

(ii)

l-ispejjeż tas-soltu tat-trasport u l-assigurazzjoni u l-ispejjeż assoċjati li magħmula fil-Komunità;

(iii)

id-dazji ta’ l-importazzjoni u piżijiet oħrajn imħallsa fil-Komunità bħala riżultat ta’ l-importazzjoni jew il-bejgħ tal-merkanzija.

(b)

Jekk la l-merkanzija mportata u lanqas il-merkanzija identika jew simili importati ma jkunu inbiegħu fiż-żmien jew madwar iż-żmien ta’ l-importazzjoni tal-merkanzija li tkun tiġi vvalutata, il-valur doganali tal-merkanzija mportati determinat skond dan l-Artikolu, salv xort’ oħra għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 (a), ikun ibbażat fuq il-prezz ta’ l-unità li bih il-merkanzija mportata jew il-merkanzija identika jew simili mportata jkunu inbiegħu fil-Komunità fl-istess kondizzjoni bħal ma kienu impurtati fid-data l-aktar kmieni wara l-importazzjoni tal-merkanzija li tkun qed tiġi vvalutata imma qabel ma jiskadu 90 jum wara dik l-importazzjoni.

[…]

5.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1 (b), id-‘data l-aktar kmieni’ għandha tkun dik id-data sa meta l-bejgħ tal-merkanzija mportata jew merkanzija identika jew simili importata tasal għal kwantità suffiċjenti biex jiġi stabbilit il-prezz ta’ unità.”

9

L-Anness 23 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Noti interpretattivi dwar valur doganali”, jipprevedi, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 31(1) tal-Kodiċi Doganali, li “[i]l-metodi ta’ valutazzjoni li jridu jiġu użata taħt [din id-dispożizzjoni] jridu jkunu dawk stipulati fl-Artikolu 30(2) [fl-Artikoli 29 sa 30(2)] [ta’ dan il-kodiċi], imma flessibilità raġjonevoli fl-applikazzjoni ta’ ċerta metodi tista’ tkun f’konformità mal-miri u d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 31(1) [tal-imsemmi kodiċi]”. Għal dan il-għan, l-imsemmi anness jipprovdi xi eżempji bl-iskop li jintwera x’inhi t-tifsira ta’ “flessibilità raġjonevoli”. Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-metodu deduttiv, hemm indikat li “[i]l-ħtieġa [it-terminu] ta’ ‘90 jum’ [previst fl-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni] tista tiġi amministrata bi flessibilita”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Oribalt Rīga, u l-kumpannija Indjana Ranbaxy Laboratories Ltd ikkonkludew, fl‑2005, kuntratt ta’ ħżin għall-finijiet ta’ kunsinna li permezz tiegħu Ranbaxy Laboratories għażlet lil Oribalt Rīga bħala l-fornitur esklużiv ta’ servizzi ta’ ħżin għall-finijiet ta’ kunsinna fil-Latvja, fil-Litwanja u fl-Estonja għall-prodotti mediċinali ġeneriċi importati minn dan il-laboratorju (iktar ’il quddiem il-“prodotti mediċinali inkwistjoni”) u inkarigatha li tiddikjarahom għall-finijiet tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera. Oribalt Rīga kienet timpenja ruħha li tiżgura spazju suffiċjenti għall-ħżin u servizzi ta’ immaniġġjar sabiex jiġu ssodisfatti l-ordnijiet tal-klijenti ta’ Ranbaxy Laboratories mingħajr ma ssir il-proprjetarja tal-prodotti mediċinali inkwistjoni.

11

Meta Oribalt Rīga poġġiet il-prodotti mediċinali inkwistjoni taħt proċedura doganali, hija għamlet dikjarazzjonijiet doganali li fihom hija indikat lilha nnifisha kemm bħala d-destinatarju ta’ dawn il-prodotti mediċinali kif ukoll bħala d-dikjarant.

12

Il-valur għal skopijiet doganali tal-prodotti mediċinali inkwistjoni ġie kkalkolat minn Oribalt Rīga bl-użu tal-metodu “valur tat-tranżazzjoni” previst fl-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali. Dan il-valur għal skopijiet doganali ġie ddeterminat permezz ta’ fatturi pro forma stabbiliti minn Ranbaxy Laboratories, ippreżentati lill-uffiċċju doganali, li kien fihom informazzjoni dwar it-tip ta’ merkanzija importata, il-prezz ta’ unità fis-suq fiż-żmien din il-fatturazzjoni u l-prezz totali.

13

Ranbaxy Laboratories kienet tiddetermina lil min il-prodotti mediċinali kienu ser jinbiegħu, il-modalitajiet u l-prezz tal-bejgħ, kif ukoll l-iskontijiet applikabbli. Fl-eżekuzzjoni tal-ordnijiet, Oribalt Rīga kienet toħroġ fatturi bil-prezz tal-bejgħ stabbilit minn Ranbaxy Laboratories.

14

Oribalt Rīga, li kienet taħżen il-prodotti mediċinali inkwistjoni fil-maħżen tagħha, kellha l-kompitu li tbigħ bi prijorità l-prodotti mediċinali inkwistjoni li d-data ta’ skadenza tagħhom kienet l-eqreb. Għalhekk, kien possibbli li jgħaddu diversi xhur bejn l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti mediċinali u l-bejgħ tagħhom lill-klijenti finali, b’tali mod li l-valur tagħhom fil-mument tal-bejgħ seta’ jvarja mill-valur tagħhom fis-suq fil-mument tal-importazzjoni tagħhom. Il-prezz tal-bejgħ tal-prodotti mediċinali inkwistjoni seta’ jiġi affettwat ukoll mill-iskontijiet mogħtija minn Ranbaxy Laboratories lill-klijenti tagħha. Wara l-bejgħ tal-prodotti mediċinali inkwistjoni, Ranbaxy Laboratories kienet toħroġ għalhekk fatturi ġodda għal Oribalt Rīga, li abbażi tagħhom din tal-aħħar ħallset lil Ranbaxy Laboratories għall-merkanzija importata, intiża għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Oribalt Rīga kienet tirċievi kummissjoni għar-rwol tagħha bħala intermedjarja.

15

Mill‑20 ta’ Ottubru 2010 sal‑10 ta’ Jannar 2011, il-Muitas audita pārvalde (id-Direttorat għall-Kontroll Doganali, il-Latvja) wettaq kontroll tal-kalkolu, tal-ħlas u tal-kompatibbiltà tad-dazji doganali u ta’ taxxi oħra ġestiti mis-servizzi doganali dovuti minn Oribalt Rīga għall-perijodu mill‑1 ta’ Frar 2008 sal‑31 ta’ Awwissu 2010.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Mejju 2011, l-awtorità tat-taxxa Latvjana ċaħdet il-valur għal skopijiet doganali tal-prodotti mediċinali inkwistjoni importati matul dan il-perijodu, kif iddeterminat minn Oribalt Rīga skont il-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni. Fil-fatt, skont din id-deċiżjoni, il-valur tal-merkanzija importata kellu jiġi ddeterminat billi jiġi applikat il-metodu deduttiv, previst fl-Artikolu 30(2)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, billi jittieħed bħala punt ta’ tluq il-prezz tal-prodotti mediċinali inkwistjoni li jinsab fuq il-fatturi indirizzati lill-klijenti ta’ Ranbaxy Laboratories, iżda mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iskontijiet applikati. Għaldaqstant, id-direttur ġenerali tal-awtorità tat-taxxa Latvjana impona fuq Oribalt Rīga ammont addizzjonali ta’ VAT, interessi moratorji u multa.

17

Wara ċ-ċaħda tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa Latvjana mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), Oribalt Rīga appellat quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) billi sostniet li l-awtorità kellha l-obbligu u setgħet tikseb l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun tista’ tiddetermina l-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija skont l-ewwel metodi ta’ determinazzjoni disponibbli u li, jekk l-imsemmija awtorità applikat il-metodu deduttiv imsemmi fl-Artikolu 30(2)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, hija kellha tuża l-informazzjoni dwar il-bejgħ mill-ġdid ta’ din il-merkanzija jew ta’ merkanzija identika f’data kemm jista’ jkun qrib id-data ta’ importazzjoni tal-imsemmija merkanzija, mingħajr ma jinqabeż it-terminu ta’ 90 jum previst fl-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-bażi għall-kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali kien il-prezz li bih ġew effettivament mibjugħa l-prodotti mediċinali inkwistjoni, b’tali mod li kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-iskont mogħti lill-klijenti ta’ Ranbaxy Laboratories.

18

Peress li l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa Latvjana, Oribalt Rīga ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja).

19

Dik il-qorti tqis li s-soluzzjoni għall-kawża quddiemha tiddependi fuq interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 30 tal-Kodiċi Doganali kif ukoll tal-Artikoli 151 u 152 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

F’każ li l-merkanziji importati jkunu jikkonsistu fi prodotti mediċinali, fil-mument tad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-imsemmija merkanziji skont l-Artikolu 30(2)(b) [tal-Kodiċi Doganali] u skont l-Artikolu 151(4) tar-Regolament [ta’ implimentazzjoni], għandu jitqiesu li l-merkanziji simili huma dawk il-prodotti mediċinali li fis-sustanza attiva u fil-kwantità tagħhom huma ugwali (jew simili), jew inkella, sabiex jiġu identifikati merkaniziji simili, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-pożizzjoni fis-suq, jiġifieri l-popolarità u d-domanda għall-prodott mediċinali importat inkwistjoni u tal-produttur tiegħu?

2)

Fil-mument tad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanziji importati skont l-Artikolu 30(2)c) [tal-Kodiċi Doganali], għandu jiġi applikat bi flessibbiltà it-terminu ta’ 90 jum imsemmi fl-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament [ta’ implimentazzjoni]?

3)

Jekk it-terminu stabbilit għandu jiġi applikat bi flessibbiltà, għandha tingħata prijorità lid-data li tikkonċerna tranżazzjonijiet li jkunu l-eqreb il-mument tal-importazzjoni tal-merkanziji li għandhom jiġu vvalutati, liema merkanziji jkunu identiċi jew simili u li jinbiegħu fi kwantità suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit il-prezz unitarju jew, għall-kuntrarju, għandha tingħata prijorità lid-data li tikkonċerna tranżazzjonijiet li jkunu inqas qrib iżda li s-suġġett tagħhom ikun il-merkanziji importati?

4)

Fil-mument tad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanziji importati skont l-Artikolu 30(2)(c) [tal-Kodiċi Doganali], għandhom jiġu applikati l-iskontijiet mogħtija li ddeterminaw il-prezz li bih ġew effettivament mibjugħa il-merkaniziji?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema fatturi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi identifikata “merkanzija simili” meta l-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata, bħalma huma l-prodotti mediċinali inkwistjoni, jiġi kkalkolat billi jiġi applikat il-metodu deduttiv previst fl-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi Doganali.

21

Il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda sabiex issir taf jekk, għall-finijiet li tiġi stabbilita tali identifikazzjoni, huwiex importanti li tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kompożizzjoni tal-prodotti mediċinali li għandhom jiġu mqabbla jew li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanzi relatati mal-pożizzjoni ta’ dawn il-prodotti mediċinali u l-produtturi tagħhom fis-suq farmaċewtiku kkonċernat.

22

Qabelxejn, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni dwar l-istima għal skopijiet doganali hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri għal skopijiet doganali arbitrarji jew fittizzji. Għalhekk, il-valur għal skopijiet doganali għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u, konsegwentement, jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Hamamatsu Photonics Deutschland, C‑529/16, EU:C:2017:984, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Sussegwentement, jekk il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, il-bażi għall-kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali, dan il-prezz huwa fattur li għandu eventwalment jiġi aġġustat ġaladarba din l-operazzjoni hija neċessarja sabiex tiġi evitata d-determinazzjoni ta’ valur għal skopijiet doganali arbitrarju jew fittizju (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Hamamatsu Photonics Deutschland, C‑529/16, EU:C:2017:984, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għandu jitfakkar li, meta l-valur għal skopijiet doganali ma jistax jiġi ddeterminat, skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, permezz tal-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija importata, l-istima għal skopijiet doganali għandha titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 ta’ dan il-kodiċi, permezz tal-applikazzjoni, suċċessivament, tal-metodi previsti fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-aħħar artikolu (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dan l-istess Artikolu 30, mill-punt 1 tan-noti li jirrigwardaw l-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, li jinsabu fl-Anness 23 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, jirriżulta li l-awtoritajiet doganali għandhom jirreferu, kull darba li dan ikun possibbli, għal bejgħ ta’ merkanzija simili, imwettaq fuq l-istess livell kummerċjali u li jikkonċerna sostanzjalment l-istess kwantità bħall-bejgħ tal-merkanzija li għandha tiġi stmata (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 34).

26

Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ “merkanzija simili”, li jinsab fl-imsemmi Artikolu 30(2)(b), huwa ddefinit fl-Artikolu 142(1)(d) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni bħala merkanzija prodotta fl-istess pajjiż li, għalkemm ma tkunx l-istess fl-aspetti kollha, ikollha karatteristiċi simili u tkun komposta minn materjali simili, li jippermettulha twettaq l-istess funzjonijiet u tkun kummerċjalment interkambjabbli. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-kwalità tal-merkanzija, ir-reputazzjoni tagħha u l-eżistenza ta’ trade mark huma fost il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-merkanzija tkunx simili.

27

Fid-dawl tad-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “merkanzija simili”, li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, tirreferi għal evalwazzjoni fattwali tal-merkanzija fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ fatturi msemmija bħala eżempju, għandu jitqies li tali kunċett huwa applikabbli għat-tipi kollha ta’ merkanzija, inklużi prodotti mediċinali, bħall-prodotti mediċinali inkwistjoni. Għalhekk, sabiex tiġi identifikata l-merkanzija simili, l-amministrazzjoni doganali nazzjonali kompetenti għandha tkun tista’ tuża l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiddefinixxi l-valur għal skopijiet doganali bl-iktar mod preċiż u kemm jista’ jkun realistiku.

28

Fil-każ ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 u 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, kull element rilevanti, bħall-kompożizzjoni ta’ dawn il-prodotti mediċinali, in-natura sostitwibbli tagħhom fir-rigward tal-effetti tagħhom u l-interkambjabbiltà kummerċjali tagħhom. L-amministrazzjoni doganali nazzjonali kompetenti għandha tagħmel għalhekk evalwazzjoni fattwali, billi tieħu inkunsidrazzjoni kull element li jista’ jkollu effett fuq il-valur ekonomiku reali tal-imsemmija prodotti mediċinali, inkluża l-pożizzjoni fis-suq tal-prodott mediċinali importat u tal-produttur tiegħu.

29

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 30(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija, bħall-prodotti mediċinali inkwistjoni, jiġi kkalkolat billi jiġi applikat il-metodu deduttiv previst f’din id-dispożizzjoni, l-amministrazzjoni doganali nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tidentifika “merkanzija simili”, kull element rilevanti, bħall-kompożizzjoni ta’ din il-merkanzija, in-natura sostitwibbli tagħha fir-rigward tal-effetti tagħha u l-interkambjabbiltà kummerċjali tagħha, billi tagħmel għalhekk evalwazzjoni fattwali b’mod li tieħu inkunsiderazzjoni kull element li jista’ jkollu effett fuq il-valur ekonomiku reali tal-imsemmija merkanzija, inkluża l-pożizzjoni fis-suq tal-merkanzija importata u tal-produttur tagħha.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

30

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ unità tal-merkanzija importata skont il-metodu previst fl-Artikolu 30(2)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, it-terminu ta’ 90 jum li fih il-merkanzija importata għandha tinbiegħ fl-Unjoni, previst fl-imsemmi Artikolu 152(1)(b), huwa terminu finali u, jekk dan ma jkunx il-każ, liema informazzjoni għandha tingħata preferenza sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ unità tal-merkanzija importata.

31

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 152(1)(a) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li, sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ unità tal-merkanzija importata jew tal-merkanzija identika jew simili importata, mibjugħa fl-Unjoni fl-istess kundizzjoni bħal meta importata, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata msemmija fl-Artikolu 30(2)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-prezz ta’ unità li bih il-merkanzija importata jew il-merkanzija identika jew simili importata tinbiegħ fl-ikbar kwantità aggregata lil persuni li ma humiex relatati mal-bejjiegħa fil-mument, jew bejn wieħed u ieħor fil-mument, tal-importazzjoni tal-merkanzija li għandha tiġi stmata, bla ħsara għat-tnaqqis tal-elementi msemmija fl-Artikolu 152(1)(a)(i) sa (iii) ta’ dan ir-regolament.

32

B’eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, l-Artikolu 152(1)(b) tal-imsemmi regolament jipprevedi li, fil-każ li l-merkanzija importata jew il-merkanzija identika jew simili importata ma tinbiegħx fil-mument, jew bejn wieħed u ieħor fil-mument, tal-importazzjoni tal-merkanzija li għandha tiġi stmata, il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata għandu jkun ibbażat fuq il-prezz ta’ unità li bih din tal-aħħar jew il-merkanzija identika jew simili importata tinbiegħ fl-Unjoni fl-istess kundizzjoni bħal meta importata fl-eqreb data wara l-importazzjoni tal-merkanzija li għandha tiġi stmata, iżda f’kull każ fi żmien 90 jum minn dik l-importazzjoni.

33

Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali li jkun l-iktar preċiż u realistiku, skont il-metodu previst fl-Artikolu 30(2)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija għandu jiġi ddeterminat fil-mument li jkun l-eqreb għall-importazzjoni tagħha. It-terminu ta’ 90 jum previst fl-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni jikkostitwixxi għalhekk eċċezzjoni għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 152(1)(a) ta’ dan ir-regolament u għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat b’mod strett.

34

Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tappoġġja din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, skont din tal-aħħar, il-prezz ta’ unità li fuqu wieħed għandu jibbaża ruħu huwa l-prezz li bih il-merkanzija tinbiegħ fl-eqreb data wara l-importazzjoni tal-merkanzija li għandha tiġi stmata, iżda f’kull każ fi żmien 90 jum minn dik l-importazzjoni, jiġifieri f’data li ma taqbiżx dan it-terminu.

35

Barra minn hekk, mill-istruttura tal-Artikolu 30 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li teżisti ġerarkija fil-metodi ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali. Għaldaqstant, jekk il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat skont il-metodu msemmi fl-Artikolu 30(2)(ċ) ta’ dan il-kodiċi, jiġifieri ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat il-prezz ta’ merkanzija identika jew simili importata mibjugħa fl-Unjoni f’terminu ta’ 90 jum minn din l-importazzjoni, għandu jiġi applikat, skont l-imsemmija ġerarkija, il-metodu ta’ stima previst fl-Artikolu 30(2)(d) tal-imsemmi kodiċi.

36

Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi għan-noti interpretattivi li jinsabu fl-Anness 23 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, li jindikaw li t-terminu ta’ 90 jum imsemmi fl-Artikolu 152(1)(b) ta’ dan ir-regolament jista’ jiġi applikat bi flessibbiltà, għandu jiġi nnotat li tali flessibbiltà hija prevista biss fil-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 31(1) tal-Kodiċi Doganali.

37

Issa, il-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali msemmi fl-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali jinsab fl-aħħar pożizzjoni fil-ġerarkija tal-metodi ta’ stima previsti minn dan il-kodiċi, bħala metodu residwu. Bħala tali, dan il-metodu tal-aħħar jista’ jintuża biss fejn il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata ma setax jiġi ddeterminat abbażi tal-Artikoli 29 jew 30 tal-imsemmi kodiċi.

38

Għalhekk, huwa biss meta ma jkunx possibbli li ssir stima tal-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata skont l-Artikoli 29 jew 30 tal-Kodiċi Doganali li wħud mir-regoli dwar il-metodi ta’ stima tal-valur għal skopijiet doganali previsti fl-Artikoli 29 jew 30 tal-Kodiċi Doganali jistgħu jiġu applikati bi flessibbiltà fil-kuntest tal-Artikolu 31 ta’ dan il-kodiċi.

39

Għalhekk, l-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ unità tal-merkanzija importata skont il-metodu previst fl-Artikolu 30(2)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, it-terminu ta’ 90 jum li fih il-merkanzija importata għandha tinbiegħ fl-Unjoni, imsemmi fl-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, huwa terminu finali.

Fuq ir-raba’ domanda

40

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30(2)(ċ) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-iskontijiet fuq il-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija importata għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali ta’ din il-merkanzija b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

41

Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-prezz ta’ unità li bih il-merkanzija importata jew il-merkanzija identika jew simili importata tinbiegħ fl-ikbar kwantità aggregata lil persuni li ma humiex relatati mal-bejjiegħa.

42

Barra minn hekk, l-Artikolu 152(1)(a)(i) sa (iii) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ċertu tnaqqis, fosthom ċerti kummissjonijiet, l-ispejjeż normali ta’ trasport u ta’ assigurazzjoni, kif ukoll id-dazji fuq l-importazzjoni. L-iskontijiet kummerċjali mogħtija mill-bejjiegħ ma jissemmewx f’dan l-artikolu. Madankollu, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din il-lista ta’ tnaqqis hija eżawrjenti.

43

Barra minn hekk, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-press ta’ unità tal-ogħla kwantità ta’ merkanzija importata, l-Artikolu 30(2)(ċ) tal-Kodiċi Doganali diġà jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti skontijiet marbuta mal-kwantità.

44

Fl-aħħar nett, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ skontijiet kummerċjali fid-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali jista’ jwassal għal valur għal skopijiet doganali saħansitra iktar imbiegħed mill-valur ekonomiku reali tal-merkanzija importata li hija suġġetta għal tali stima.

45

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 30(2)(ċ) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iskontijiet fuq il-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija importata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali ta’ din il-merkanzija b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 30(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 1996, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija, bħall-prodotti mediċinali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi kkalkolat billi jiġi applikat il-metodu deduttiv previst f’din id-dispożizzjoni, l-amministrazzjoni doganali nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tidentifika “merkanzija simili”, kull element rilevanti, bħall-kompożizzjoni rispettiva ta’ din il-merkanzija, in-natura sostitwibbli tagħha fir-rigward tal-effetti tagħha u l-interkambjabbiltà kummerċjali tagħha, billi tagħmel għalhekk evalwazzjoni fattwali b’mod li tieħu inkunsiderazzjoni kull element li jista’ jkollu effett fuq il-valur ekonomiku reali tal-imsemmija merkanzija, inkluża l-pożizzjoni fis-suq tal-merkanzija importata u tal-produttur tagħha.

 

2)

L-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ unità tal-merkanzija importata skont il-metodu previst fl-Artikolu 30(2)(ċ) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, it-terminu ta’ 90 jum li fih il-merkanzija importata għandha tinbiegħ fl-Unjoni Ewropea, imsemmi fl-Artikolu 152(1)(b) tar-Regolament Nru 2454/93, huwa terminu finali.

 

3)

L-Artikolu 30(2)(ċ) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iskontijiet fuq il-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija importata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali ta’ din il-merkanzija b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top