Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0831

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2019.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs RQ.
    Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Immunità ġudizzjarja – Deċiżjoni ta’ tneħħija – Att li jikkawża preġudizzju – Drittijiet tad-difiża.
    Kawża C-831/18 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1143

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fid‑19 ta’ Diċembru 2019 ( 1 )

    Kawża C‑831/18 P

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    RQ

    “Appell – Artikoli 11(a) u 17 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea – Uffiċjali – Artikolu 90(2) tar-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA) – Direttur Ġenerali tal-OLAF – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-immunità ta’ uffiċjal – Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal smigħ”

    1. 

    Dan l-appell, li permezz tiegħu l-Kummissjoni Ewropea tikkontesta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza RQ vs Il‑Kummissjoni ( 2 ), iqajjem numru ta’ kwistjonijiet importanti dwar id-dritt fundamentali ta’ uffiċjal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jinstema’ fid-difiża tiegħu stess. Fl-ewwel lok, deċiżjoni biex titneħħa l-immunità ta’ uffiċjal tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali nazzjonali hija “att li jikkawża preġudizzju”, fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal? ( 3 ) Fit-tieni lok, liema fatturi għandhom jiġu kkunsidrati biex jiġi evalwat jekk l-immunità ta’ uffiċjal għandhiex titneħħa skont il-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”)? Fit-tielet lok, kif għandu jiġi interpretat id-dritt għal smigħ għal dak li jirrigwarda d-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”)?

    Leġiżlazzjoni

    Il-Karta

    2.

    L-Artikolu 41(1) tal-Karta jiggarantixxi lil kull persuna d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-Artikolu 41(2)(a) jgħid li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi “id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament”.

    3.

    L-Artikolu 51(1) jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma intiżi, inter alia, għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri biss meta jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Huma għandhom jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tal-Karta, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

    4.

    Skont l-Artikolu 52(1), il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet, bħad-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandhom ikunu previsti mil-liġi u jirrispettaw il-parti l-kbira ta’ dawn id-drittijiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

    Il-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea

    5.

    Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw lill-uffiċjali (u impjegati oħra) tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fil-Kapitolu V tal-Protokoll Nru 7. F’dan il-kapitolu, l-Artikolu 11(a) jiddikjara li l-uffiċjali tal-Unjoni jgawdu minn immunità minn proċedimenti legali fir-rigward ta’ atti mwettqa minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom.

    6.

    L-Artikolu 17 tal-Kapitolu VII, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi li l-privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet għandhom jingħataw, b’mod partikolari, lill-uffiċjali tal-Unjoni unikament fl-interessi tal-Unjoni. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17, kull istituzzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa tirrinunzja għal dik l-immunità kull fejn dik l-istituzzjoni jidhrilha li r-rinunzja għal dik l-immunità ma tkunx kontra l-interessi tal-Unjoni.

    7.

    L-Artikolu 18 jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jikkooperaw mal-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 7.

    Ir-Regolamenti tal-Persunal

    8.

    L-Artikolu 23 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li l-privileġġi u l-immunitajiet li jgawdu l-uffiċjali jingħataw biss fl-interessi tal-Unjoni. Bla ħsara għall-Protokoll Nru 7, l-uffiċjali ma għandhomx ikunu eżenti milli jwettqu l-obbligi privati tagħhom jew milli josservaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-pulizija li jkunu fis-seħħ. Fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-privileġġi u tal-immunitajiet, l-uffiċjal ikkonċernat għandu jinforma immedjatament lill-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”).

    9.

    L-Artikolu 24 jipprovdi li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti l-għajnuna lill-uffiċjali, b’mod partikolari fi proċeduri kontra kull persuna li għalihom dik il-persuna hija suġġetta minħabba l-kwalità u l-funzjonijiet tagħha.

    10.

    L-Artikolu 90(2) jagħmel parti mit-Titolu VII (“Appelli”) u jipprovdi li uffiċjal jista’ jressaq ilment kontra att li jikkawżalu preġudizzju.

    11.

    Skont l-Artikolu 91(1), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni f’kull tilwima bejn uffiċjal u l-Unjoni Ewropea dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lil uffiċjal fis-sens tal-Artikolu 90(2).

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

    12.

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) ( 4 ) jistabbilixxi regoli għall-iżvolġiment ta’ investigazzjonijiet bil-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea ( 5 ). Sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-OLAF igawdi minn indipendenza sħiħa mill-Kummissjoni sabiex jeżerċita l-funzjonijiet investigattivi tiegħu ( 6 ). Skont l-Artikolu 17(1), il-Kummissjoni għandha taħtar id-Direttur Ġenerali ta’ OLAF. Skont l-Artikolu 17(3), id-Direttur Ġenerali għandu jwettaq l-obbligi ta’ investigazzjoni u ta’ dikjarazzjoni tiegħu, b’mod indipendenti għalkollox minn, inter alia, kull gvern jew istituzzjoni. Jekk id-Direttur Ġenerali jqis li miżura meħuda mill-Kummissjoni tqiegħed fid-dubju l-indipendenza tiegħu, huwa għandu jinforma minnufih lill-Kumitat ta’ Sorveljanza, u għandu jiddeċiedi jekk iressaqx azzjoni kontra l-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 7 ).

    Il-kuntest fattwali

    13.

    Il-kuntest fattwali huwa mqassar fil-punti wieħed sa sitta tas-sentenza appellata.

    14.

    Il-fatti joriġinaw mill-istess ċirkustanzi li wasslu għall-iskandlu magħruf fit-taħdit bħala “Dalligate” ( 8 ). F’Mejju 2012, Swedish Match (manifattur ta’ prodott tat-tabakk magħruf bħala “snus”) ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Swedish Match għamlet allegazzjonijiet serji ta’ attentat ta’ korruzzjoni li jinvolvi negozjant Malti, is-Sur Zammit, li hija allegat li kellu konverżazzjoni telefonika mas-Segretarju Ġenerali tal-European Smokeless Tobacco Council (iktar ’il quddiem “ESTOC”). Swedish Match sostniet li, matul din il-konverżazzjoni telefonika, is-Sur Zammit kien talab il-ħlas ta’ “somma kbira ta’ flus” bi skambju għall-organizzazzjoni ta’ laqgħa ma’ John Dalli, membru tal-Kummissjoni responsabbli għas-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumaturi (li kien jafu personalment), u b’hekk uża l-influwenza tiegħu mal-Kummissarju sabiex potenzjalment jinfluwenza l-leġiżlazzjoni proposta għall-vantaġġ tal-industrija tat-tabakk.

    15.

    Fil‑25 ta’ Mejju 2012, l-OLAF fetaħ l-investigazzjoni amministrattiva OF/2012/0617 fuq dan l-ilment. L-OLAF iddeċieda li jkompli bl-investigazzjonijiet tiegħu billi talab lis-Segretarju Ġenerali tal-ESTOC sabiex ikollha konverżazzjoni telefonika ulterjuri mas-Sur Zammit bil-għan li jiġbor provi addizzjonali fir-rapport ta’ attentat ta’ tixħim. Is-Segretarju Ġenerali tal-ESTOC ikkonfermat li kienet disponibbli biex tikkoopera mal-OLAF f’dan is-sens.

    16.

    Fit‑3 ta’ Lulju 2012, is-Segretarju Ġenerali tal-ESTOC ċemplet lis-Sur Zammit mill-bini tal-OLAF u saret it-tieni konverżazzjoni bejniethom. Din it-telefonata saret bil-kunsens u fil-preżenza ta’ RQ, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF. L-OLAF irreġistra wkoll il-konverżazzjoni.

    17.

    Fil‑15 ta’ Ottubru 2012, l-OLAF adotta r-rapport finali tiegħu dwar l-investigazzjoni. F’dan ir-rapport, huwa rrefera għall-konverżazzjoni telefonika tat‑3 ta’ Lulju 2012 bejn is-Segretarju Ġenerali tal-ESTOC u s-Sur Zammit.

    18.

    Fit‑13 ta’ Diċembru 2012, J. Dalli ressaq ilment kriminali, flimkien ma’ talba biex jingħaqad fi kwalunkwe proċedura sussegwenti bħala parti li titlob danni ċivili, quddiem il-qrati Belġjani. J. Dalli qajjem, fl-ilment tiegħu, il-kwistjoni tal-allegata reġistrazzjoni illegali mill-OLAF tal-konverżazzjoni telefonika tas-Sur Zammit tat‑3 ta’ Lulju 2012.

    19.

    Fid‑19 ta’ Marzu 2013, l-awtoritajiet Belġjani talbu lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi aċċess għad-dokumenti relatati mal-atti suġġetti għal investigazzjoni u biex jeħilsu lill-uffiċjali li pparteċipaw f’din l-investigazzjoni tal-OLAF mill-obbligu ta’ kunfidenzjalità tagħhom. Fil‑21 ta’ Novembru 2013, RQ, bħala Direttur Ġenerali tal-OLAF, aċċetta li jeħles lill-membri tat-tim investigattiv u lill-kap tad-diviżjoni tiegħu minn dan l-obbligu.

    20.

    Permezz tal-ittri tal‑21 ta’ Novembru 2014 u tas‑6 ta’ Frar 2015, rispettivament, l-awtoritajiet Belġjani talbu lill-Kummissjoni sabiex tneħħi l-immunità tal-membri tal-persunal tal-OLAF inkwistjoni (inkluż RQ), għaliex kienu qegħdin jippruvaw jiddeterminaw jekk kienx hemm effettivament reġistrazzjoni illegali tal-konverżazzjoni telefonika tas-Sur Zammit tat‑3 ta’ Lulju 2012. L-awtoritajiet Belġjani xtaqu jinterrogaw lill-aġenti tal-OLAF bħala konvenuti f’dan ir-rigward.

    21.

    Permezz tal-ittri tad‑19 ta’ Diċembru 2014 u tat‑3 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni talbet iktar dettalji fir-rigward ta’ din it-talba, sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti.

    22.

    Fid-data meta l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Belġjan ħa l-każ f’idejh, it-talba biex titneħħa l-immunità kienet ristretta għal RQ. Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2015”), l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku stabbilixxa ċerti fatti li fil-fehma tiegħu indikaw li kienet saret reġistrazzjoni ta’ konverżazzjoni telefonika b’mod illegali.

    23.

    Fit‑2 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2016) 1449 final dwar talba għat-tneħħija tal-immunità ġudizzjarja ta’ RQ (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni neħħiet parzjalment l-immunità ġudizzjarja ta’ RQ, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 ( 9 ). It-tneħħija kienet limitata għal allegazzjonijiet ta’ fatt relatati mal-monitoraġġ ta’ konverżazzjoni telefonika msemmija fl-ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2015. Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tal-awtoritajiet Belġjani biex titneħħa l-immunità ta’ RQ fir-rigward tal-allegazzjonijiet l-oħra.

    24.

    F’Marzu u f’April 2016, il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjonijiet pubbliċi fejn affermat mill-ġdid li RQ baqa’ jgawdi l-fiduċja tagħha u li kompla jibbenefika mill-preżunzjoni tal-innoċenza. Il-Kummissjoni affermat ukoll li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ta’ natura li taffettwa l-operat tal-OLAF u lanqas l-awtorità ta’ RQ fil-kwalità tiegħu ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF. Fl‑1 ta’ April 2016, il-Kummissjoni laqgħet it-talba ta’ RQ intiża għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ avukat skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    25.

    Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ April 2016, l-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku Belġjan talab lill-Kummissjoni sabiex teħles lil RQ mid-dmir ta’ kunfidenzjalità tiegħu sabiex jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti sabiex jinterrogawh u jippermettulu li jinstema’ bħala konvenut fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali. Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ April 2016.

    26.

    Fl‑10 ta’ Ġunju 2016, RQ ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil‑5 ta’ Ottubru 2016, dan l-ilment ġie miċħud mill-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni Ares (2016) 5814495.

    Id-deċiżjoni kkontestata

    27.

    Il-premessi 1 sa 8 tad-deċiżjoni kkontestata jsemmu l-kuntest fattwali tat-talba tal-awtoritajiet Belġjani biex titneħħa l-immunità ta’ RQ ( 10 ).

    28.

    Niġbor fil-qosor hawn taħt il-motivi invokati mill-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata:

    Kien neċessarju li jiġi żgurat skont l-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 li t-tneħħija tal-immunità ma tippreġudikax l-interessi tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-indipendenza u l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet, uffiċċji, korpi u aġenziji tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan huwa l-uniku kriterju sostantiv li jippermetti li tiġi rrifjutata t-tneħħija tal-immunità. Fil-każ kuntrarju, l-immunità għandha titneħħa b’mod sistematiku, peress li l-Protokoll Nru 7 ma jippermettix lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jivverifikaw jekk il-proċedura ġudizzjarja nazzjonali sottostanti għat-talba hijiex fondata jew ekwa ( 11 ).

    Sabiex tasal għal deċiżjoni, kien xieraq li jittieħed inkunsiderazzjoni l-qafas legali speċifiku ħafna li jirregola l-investigazzjonijiet tal-OLAF skont ir-Regolament Nru 883/2013. Il-leġiżlatur tal-Unjoni attribwixxa setgħat ta’ investigazzjoni lill-OLAF li dan tal-aħħar (anki jekk huwa marbut mal-Kummissjoni) jeżerċita b’indipendenza sħiħa fil-konfront tal-Kummissjoni stess. Dan il-qafas regolatorju speċifiku jimponi fuq il-Kummissjoni li hija stess tiżgura li, permezz tal-ilqugħ ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità, din ma tostakolax l-indipendenza u l-funzjonament tal-OLAF bħala l-uffiċċju ta’ investigazzjoni kontra l-frodi tal-Unjoni ( 12 ).

    L-immunità tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF tista’ titneħħa biss jekk il-Kummissjoni tkun informata, b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti, bir-raġunijiet li għalihom l-awtoritajiet Belġjani qiesu li l-allegazzjonijiet kontrih setgħu, jekk ikun il-każ, jiġġustifikaw li jinstema’ bħala konvenut fi proċeduri kriminali. Kieku dan ma kienx il-każ, kwalunkwe persuna kkonċernata minn investigazzjoni tal-OLAF tista’, permezz ta’ allegazzjonijiet manifestament infondati fil-konfront tad-Direttur Ġenerali tiegħu, tipparalizza l-funzjonament ta’ dan l-uffiċċju, li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni Ewropea ( 13 ).

    Fil-każ preżenti, fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni illegali ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi, wara l-ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni kellha indikazzjonijiet ċari u speċifiċi ħafna li kienu juru li l-awtoritajiet Belġjani setgħu, b’mod raġonevoli — u, fi kwalunkwe każ, mingħajr ma jaġixxu b’mod arbitrarju jew abbużiv — iqisu li l-allegazzjonijiet kontra RQ kienu jiġġustifikaw li jkompli jiġi investigat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, imur kontra l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet nazzjonali jekk wieħed jirrifjuta li jneħħi l-immunità ta’ RQ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, fl-opinjoni tagħha, kienet meħtieġa li taċċetta t-talba għat-tneħħija tal-immunità għal dawn l-allegazzjonijiet ( 14 ).

    Madankollu, RQ kompla jibbenefika minn preżunzjoni ta’ innoċenza u d-deċiżjoni għat-tneħħija tal-immunità tiegħu ma kienet bl-ebda mod ġudizzju dwar jekk l-allegazzjonijiet kontrih kinux fondati jew jekk il-proċedura nazzjonali kinitx ġusta ( 15 ).

    Fl-aħħar nett, RQ kellu d-dritt li jitlob għajnuna legali mill-Kummissjoni abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jkopri l-ispejjeż legali u tal-avukat, fil-każ li l-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Belġjani fil-konfront tiegħu twassal li jittieħdu passi li jwassluh biex iġarrab spejjeż ( 16 ).

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    29.

    Fis‑17 ta’ Jannar 2017, RQ ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali biex jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ( 17 ). Insostenn tar-rikors tiegħu, RQ qajjem tliet motivi. Huwa sostna ksur ta’: (i) l-Artikolu 23 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 17(2) tal-Protokoll Nru 7, flimkien ma’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tneħħija tal-immunità ġudizzjarja, (ii) l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dmir ta’ premura, (iii) l-obbligu ta’ motivazzjoni, (iv) il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u (v) id-drittijiet tad-difiża.

    30.

    Il-Kummissjoni inizjalment qajmet żewġ eċċezzjonijiet kontra l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ RQ. L-ewwel nett, hija sostniet li r-rikors il-ġdid ma setax jiġi ppreżentat għar-raġuni li proċedura dwar l-istess kwistjoni kienet diġà pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑251/16 ( 18 ). It-tieni nett, il-Kummissjoni argumentat li d-deċiżjoni kkontestata ma kkostitwixxietx att li jikkawża preġudizzju lil RQ. Fis-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rtirat l-ewwel eċċezzjoni tagħha ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors ta’ RQ.

    31.

    Skont is-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura. Il-Kummissjoni tikkontesta din is-sentenza fl-appell tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    L-appell u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    32.

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad it-talba ta’ RQ intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali u tiddeċiedi definittivament il-kawża jew, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża definittivament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

    tikkundanna lil RQ għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza u fl-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    33.

    Il-Kummissjoni tissottometti li s-sentenza appellata hija vvizzjata mill-iżbalji ta’ liġi li ġejjin. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata tat lok għal att li kkawża preġudizzju lil RQ. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta tat interpretazzjoni wiesgħa ħafna tad-dritt għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-aġir tal-Kummissjoni f’dan il-każ.

    L-ewwel aggravju: żball ta’ liġi li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u s-sinjifikat tal-frażi “att li jaffettwaha ħażin” u tal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7

    34.

    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali (fil-punti 36 sa 45 tas-sentenza appellata) li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lil RQ.

    Is-sentenza appellata

    35.

    Il-Qorti Ġenerali bdiet billi tfakkar li “[…] l-atti li jikkawżaw preġudizzju lil uffiċjal huma dawk il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tal-persuna kkonċernata, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha” ( 19 ). Il-Protokoll Nru 7 jagħti lill-persuni kkonċernati dritt individwali, li l-osservanza tiegħu hija ggarantita mis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji stabbilita mit-Trattat. L-immunità ġudizzjarja prevista mill-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7 tipproteġi lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kontra l-proċeduri tal-awtoritajiet tal-Istati Membri għal atti mwettqa fil-kapaċità uffiċjali tagħhom. Għaldaqstant, deċiżjoni biex titneħħa l-immunità ta’ uffiċjal tibdel is-sitwazzjoni legali tiegħu. Billi tneħħi din il-protezzjoni, hija terġa’ tistabbilixxi l-kwalità tiegħu ta’ persuna li hija suġġetta għad-dritt komuni tal-Istati Membri u b’hekk tesponih, mingħajr ma tkun neċessarja ebda regola intermedjarja, għal miżuri bħal dawk li jordnaw id-detenzjoni u li jinġiebu proċeduri legali kontrih ( 20 ).

    36.

    Id-diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali, wara t-tneħħija tal-immunità, fir-rigward tat-tkomplija jew tat-twaqqif tal-proċeduri mibdija kontra uffiċjal jew membru tal-persunal, ma għandhiex effett fuq il-fatt li s-sitwazzjoni legali tiegħu hija affettwata direttament. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-immunità ta’ RQ kienet tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju ( 21 ).

    37.

    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti kollha tal-Kummissjoni intiżi sabiex jikkontestaw din il-konklużjoni. L-ewwel nett, hija ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Humblet vs État belge ( 22 ), dwar l-eżenzjoni ta’ kull taxxa nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti (imħallsa minn dik li, dak iż-żmien, kienet l-Awtorità Għolja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (iktar ’il quddiem “KEFA”)) ta’ uffiċjali tal-Unjoni, ma kkonfermatx li uffiċjal jista’ jressaq azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tneħħi l-immunità tiegħu. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kien hemm l-ebda bażi legali għall-argument tal-Kummissjoni li jgħid li s-sentenza mogħtija preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Mote vs Il‑Parlament ( 23 ) ma setgħetx tiġi applikata b’analoġija, peress li din il-kawża kienet tirrigwarda l-privileġġi u l-immunitajiet ta’ Membru tal-Parlament Ewropew iktar milli ta’ uffiċjal. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni tal-ex Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża A u G vs Il-Kummissjoni ( 24 ) għandha tiġi injorata minħabba l-fatt li din is-sentenza ma ġietx ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali jew mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 25 ).

    38.

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni bbażata fuq dawn il-motivi ( 26 ).

    L-argumenti tal-partijiet

    39.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti li ġejjin. Fil-fatt, ma hemmx linja ta’ ġurisprudenza stabbilita dwar jekk deċiżjoni biex titneħħa l-immunità ta’ uffiċjal skont il-Protokoll Nru 7 tikkostitwixxix att li jikkawżalu preġudizzju. Ma jistax jiġi preżunt li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tapplika l-motivazzjoni ta’ kawża preċedenti, bħal dik ta’ Humblet vs État belge ( 27 ), li hija distinta mill-każ ta’ RQ, meta tinterpreta l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 li japplikaw għall-Membri tal-Parlament Ewropew essenzjalment jipprovdu protezzjoni li hija ta’ natura iktar b’saħħitha u iktar personali minn dik irrikonoxxuta lill-uffiċjali bħal RQ. Għalhekk, is-sentenzi ċċitati fis-sentenza appellata li jirrigwardaw il-Membri tal-Parlament Ewropew ma humiex rilevanti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta bbażat ruħha fuq sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ma hijiex deċiżiva peress li ma ġietx ikkonfermata minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jew tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    40.

    Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt għall-immunità inkwantu hija suġġettiva u fuq interpretazzjoni żbaljata tat-test tal-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7. Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jindika li l-immunità ma hijiex dritt suġġettiv tal-uffiċjal ikkonċernat. Is-sitwazzjoni tal-uffiċjal hija affettwata biss indirettament meta l-immunità titneħħa skont l-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7: hija biss kundanna li għandha impatt reali fuq is-sitwazzjoni legali tal-uffiċjal. L-għan tal-immunità huwa li tipprevjeni l-ostakoli għall-funzjonament tajjeb u għall-indipendenza tal-Unjoni Ewropea. Att li “jikkawża preġudizzju” għas-sitwazzjoni ta’ uffiċjal huwa dak li jipproduċi effetti legalment vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tal-persuna kkonċernata billi jibdel is-sitwazzjoni legali tagħha. Il-prassi normali tal-Kummissjoni hija sistematikament it-tneħħija tal-immunità sabiex ma jiġux imfixkla l-proċeduri nazzjonali. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tfittex li tosserva l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Il-garanziji normali, bħall-preżunzjoni ta’ innoċenza, id-drittijiet tad-difiża u l-garanziji proċedurali abitwali japplikaw sabiex l-uffiċjal ikkonċernat jiġi protett. Fil-każ li jkun neċessarju li dan l-uffiċjal ikollu aċċess għal rimedju, huwa għandu jikkontesta l-validità tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali u hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

    41.

    RQ jargumenta li l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli jew infondat.

    42.

    L-iskop ta’ appell ma huwiex li jirriproduċi l-istess motivi u argumenti identiċi bħal dawk li ġew mismugħa fl-ewwel istanza. Madankollu, fl-appell tagħha, il-Kummissjoni sempliċement tirrepeti l-argumenti li hija kienet qajmet fl-ewwel istanza. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    43.

    Sussidjarjament, il-Kummissjoni tiddikjara b’mod żbaljat li t-tneħħija tal-immunità ma tbiddilx is-sitwazzjoni legali tal-uffiċjal. Qabel din it-tneħħija, huwa protett fid-dritt u fil-fatt minn kull proċedura nazzjonali. Wara li titneħħa l-immunità, din il-protezzjoni tisparixxi. Il-fatt li s-sentenza Humblet vs État belge ( 28 ) ngħatat fil-kuntest tal-protokoll tat-Trattat KEFA ma jfissirx li ma tapplikax għal dan il-każ. Bl-istess mod, ma jsegwix li s-sentenza Mote vs Il Parlament ( 29 ) ma tistax tiġi applikata b’analoġija. Is-sentenza A u G vs Il-Kummissjoni ( 30 ) toħloq preċedent utli. Il-Kummissjoni ma appellatx minn dik id-deċiżjoni, li għaldaqstant saret definittiva.

    Evalwazzjoni

    44.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali kemm tal-Artikolu 90(2) kif ukoll tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari t-tifsira tal-espressjoni “[…] att li jaffettwah ħażin”, u għaldaqstant billi kkonkludiet li t-talba ta’ RQ kienet ammissibbli?

    45.

    Kemm l-Artikolu 90(2) kif ukoll l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jużaw l-istess espressjoni. Mhux ser neżamina din l-aħħar dispożizzjoni b’mod separat: il-konklużjoni tiegħi fir-rigward tal-Artikolu 90(2) għandha tinqara bħala li tapplika wkoll għall-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    46.

    Ser nibda billi neżamina l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn RQ.

    47.

    RQ ġustament jiddikjara li l-għan ta’ appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma huwiex sempliċement li jirriproduċi u jirrepeti l-istess motivi li jkunu tressqu fl-ewwel istanza ( 31 ). Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell.

    48.

    Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipji li din il-qorti nisslet mill-ġurisprudenza tagħha stess u minn dik tal-ex Tribunal għas-Servizz Pubbliku preċedenti. Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikoli 11(a) u 17 tal-Protokoll Nru 7. Għalhekk il-Kummissjoni qiegħda tikkontesta b’mod ċar il-motivazzjoni tas-sentenza appellata, li għandha tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    49.

    Għalhekk, niċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn RQ.

    50.

    Dwar il-mertu, jidhirli li huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi “att” għall-finijiet tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. L-effetti legali ta’ din id-deċiżjoni kienu li jneħħu parzjalment l-immunità ta’ RQ minn prosekuzzjoni għal allegati reati kriminali mill-awtoritajiet nazzjonali fil-qrati Belġjani li altrimenti kienet tingħata lilu permezz tal-Artikolu 11(a) tal-Protokoll Nru 7. Id-deċiżjoni kkontestata kienet għalhekk tikkostitwixxi att li kellu effetti legali fuq terzi (jiġifieri l-awtoritajiet Belġjani), peress li permezz tagħha huma setgħu jipproċedu kontra RQ. L-effetti tagħha għalhekk estendew lil hinn mill-ħidmiet interni tal-Kummissjoni.

    51.

    Il-kwistjoni essenzjali tat-tilwima bejn il-partijiet hija dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata affettwatx ħażin lil RQ fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    52.

    Il-punt tat-tluq tal-analiżi huwa ddettat minn ġurisprudenza konsistenti sa fejn huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-formulazzjoni, l-għanijiet, il-kuntest u l-istruttura tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ( 32 ). It-tifsira ordinarja u komuni tal-kliem “jaffettwah ħażin” hija li għandu jkun possibbli li jintwera li l-att ikkontestat biddel is-sitwazzjoni legali tal-uffiċjal ikkonċernat b’mod dannuż.

    53.

    Għalhekk niċħad l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li għandu jsir riferiment biss għall-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx tippreġudika l-funzjonament tal-Unjoni Ewropea stess. L-għan tal-Artikolu 90 huwa li jippermetti lill-uffiċjali jappellaw minn deċiżjonijiet motivati li jaffettwawhom. L-Artikolu 90(1) jipprevedi li uffiċjal jista’ jitlob lill-Awtorità tal-Ħatra rilevanti li tieħu deċiżjoni dwaru. Il-kelma “dwaru” tindika li huwa l-uffiċjal stess li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. L-Artikolu 90(2) imbagħad jippermetti lil uffiċjal iressaq ilment kontra tali deċiżjoni, preċiżament għaliex il-persuna kkonċernata (l-uffiċjal) hija affettwata bil-konsegwenzi ġuridiċi tal-att. Nosserva wkoll li, skont l-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal, nuqqas ta’ risposta min-naħa tal-Awtorità tal-Ħatra għal ilment fit-terminu mogħti huwa intiż li jikkostitwixxi deċiżjoni impliċita li tiftaħ it-triq għall-uffiċjal ikkonċernat li jikkontesta n-nuqqas tal-Awtorità tal-Ħatra li tieħu deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata. Fi kwalunkwe każ, l-enfasi hija fuq li l-uffiċjal ikkonċernat mill-azzjoni (jew min-nuqqas ta’ azzjoni) tal-Awtorità tal-Ħatra jingħata l-possibbiltà li jippreżenta rikors. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni mressqa mill-Kummissjoni ma tistax tkun korretta.

    54.

    Jidhirli li teżisti rabta neċessarja bejn l-immunità mogħtija mill-Artikolu 11(a) tal-Protokoll Nru 7 u l-funzjonijiet tal-persuna kkonċernata bħala uffiċjal tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda espressament l-atti mwettqa mill-uffiċjali tal-Unjoni li jaġixxu fil-kwalità uffiċjali tagħhom. Dan peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-immunità ma huwiex daqshekk wiesa’ li jkopri lill-uffiċjali meta huma jaġixxu fil-kwalità purament personali tagħhom.

    55.

    L-awtoritajiet nazzjonali li jfittxu li jwettqu investigazzjoni kriminali li tinvolvi uffiċjal tal-Unjoni jew li jieħdu iktar miżuri, wara tali investigazzjoni, għandhom jitolbu li titneħħa l-immunità ta’ dak l-uffiċjal u jiksbu deċiżjoni fuq din it-talba. Fl-assenza ta’ tali deċiżjoni, dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jaġixxu kontra l-uffiċjal ikkonċernat. Il-konsegwenzi ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità għalhekk jibdlu s-sitwazzjoni tal-uffiċjal radikalment. Qabel it-tneħħija, ebda azzjoni ma setgħet tiġi eżerċitata kontra l-uffiċjal ikkonċernat fir-rigward ta’ reat kriminali allegat. Madankollu, wara li titneħħa l-immunità, l-uffiċjal jista’ jkun suġġett għal proċeduri kriminali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    56.

    Ikun estremament artifiċjali li kieku t-tneħħija kellha titqies li ma tipproduċi ebda modifika legali għas-sitwazzjoni tal-uffiċjal. Għall-kuntrarju, ikun hemm bidla sostanzjali li għandha konsegwenzi negattivi serji għal dan l-uffiċjal. Fi kwalunkwe każ, huwa ser ikun suġġett għal investigazzjoni kriminali li nkella huwa kien jevita. Potenzjalment, huwa jista’ jaffaċċja proċeduri kriminali u l-prospett ta’ detenzjoni.

    57.

    Il-Kummissjoni tfittex li tibbaża ruħha fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 sabiex issostni li l-immunità minn prosekuzzjoni fi proċedura nazzjonali ma tingħatax lill-uffiċjali bħala dritt suġġettiv u tfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-protezzjoni tal-immunità mogħtija mill-Artikolu 11(a) tal-Protokoll Nru 7. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tikkonfondi żewġ punti distinti. Il-kwistjoni dwar jekk l-immunità għandhiex titneħħa hija kwistjoni separata u distinta minn dik dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkawżax preġudizzju lill-uffiċjal ikkonċernat fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. L-Artikolu 90(2) jirrigwarda n-natura tal-att li l-uffiċjal ikollu l-intenzjoni li jikkontesta, u mhux l-evalwazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni nnifisha kinitx korretta.

    58.

    Dak li huwa importanti hawnhekk huwa li l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll Nru 7 jipprevedi l-benefiċċju dirett tal-immunità għall-uffiċjali tal-Unjoni meta jaġixxu fil-kwalità ta’ uffiċjali. Id-deċiżjoni li jitneħħa jew li jiġi mrażżan dan il-benefiċċju għandu konsegwenzi negattivi gravi għall-uffiċjal ikkonċernat u, għaldaqstant, tista’ tiġi kkontestata skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    59.

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kkontestata tipproduċix effetti legalment vinkolanti, huwa neċessarju li tiġi eżaminata s-sustanza tagħha u li jiġu evalwati l-effetti tagħha fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut, wara li jitqies, kif xieraq, il-kuntest li fih ġiet adottata u s-setgħat tal-istituzzjoni li adottat l-att ( 33 ).

    60.

    Id-deċiżjoni kkontestata inkwistjoni f’din il-kawża tipproduċi effetti legalment vinkolanti kemm għal RQ kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali. L-effetti għal RQ huma ċari. L-immunità li kien jibbenefika minnha skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll Nru 7 hija mrażżna. L-effetti legali fir-rigward tal-awtoritajiet Belġjani huma wkoll evidenti. Fin-nuqqas tad-deċiżjoni kkontestata, ma setgħux jieħdu proċeduri kriminali kontra RQ. Wara li ġiet adottata dik id-deċiżjoni, il-proċeduri nazzjonali ma baqgħux iktar imblukkati mill-immunità ta’ RQ ( 34 ).

    61.

    Għalhekk, niċħad l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li att bħad-deċiżjoni kkontestata huwa sempliċi att preparatorju li ma jibdilx is-sitwazzjoni legali tal-uffiċjal ikkonċernat. Peress li RQ ma bbenefikax iktar minn immunità (totali) skont il-Protokoll Nru 7, il-konsegwenzi li rriżultaw minn dik id-deċiżjoni kellhom ukoll effetti diretti u immedjati fuqu.

    62.

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-analiżi tal-ġurisprudenza magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 42 sa 44 tas-sentenza appellata.

    63.

    Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali eżaminat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Humblet vs État belge ( 35 ). J.‑E. Humblet kien ċittadin Belġjan impjegat fil-Lussemburgu bħala uffiċjal tal-KEFA. Huwa tqies li għandu d-domiċilju tiegħu għall-finijiet tat-taxxa fil-Belġju (fejn huwa żamm ukoll residenza) u fejn il-mara tiegħu rċeviet dħul. Id-dħul tas-Sinjura Humblet ġie ddikjarat fil-Belġju fejn kien suġġett għat-taxxa f’isem ir-raġel tagħha, bħala kap tal-familja, skont id-dritt nazzjonali. Sussegwentement, l-awtoritajiet Belġjani biddlu l-prassi preċedenti u obbligaw lil J.‑E. Humblet li jiddikjara wkoll l-ammont tas-salarju tiegħu bħala uffiċjal tal-KEFA, li kien eżenti mit-tassazzjoni skont il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tat-Trattat KEFA (iktar ’il quddiem il-“Protokoll KEFA”). L-awtoritajiet nazzjonali ħarġu valutazzjonijiet stmati kontra J.‑E. Humblet għas-snin fiskali inkwistjoni li sussegwentement huwa kkontesta. Fid-dawl tal-Artikolu 16 tal-Protokoll KEFA, J.‑E. Humblet qies li huwa kellu d-dritt li jressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    64.

    Il-Kummissjoni sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li s-sentenza Humblet vs État belge ( 36 ) ma tikkonfermax li uffiċjal tal-Unjoni jista’ jressaq proċeduri kontra d-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tneħħi l-immunità tiegħu. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument u invokat dik is-sentenza bħala gwida.

    65.

    Jidhirli li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjonijiet ta’ kompetenza u ta’ proċedura f’dik is-sentenza jipprovdi effettivament indikazzjonijiet utli fir-rigward tal-każ ta’ RQ. Il-Qorti tal-Ġustizzja hemmhekk iddeċidiet li, għalkemm ma kinitx kompetenti sabiex tannulla l-atti leġiżlattivi jew amministrattivi ta’ wieħed mill-Istati Membri, il-kwistjoni mqajma kienet taqa’ madankollu taħt il-kompetenza tagħha f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Protokoll KEFA, b’mod partikolari tal-Artikolu 11(b) tiegħu. Il-Qorti Ġenerali għamlet id-dikjarazzjonijiet li ġejjin fis-sentenza tagħha li huma partikolarment pertinenti:

    “Billi ngħataw dritt għal azzjoni legali bbażat fuq l-Artikolu 16 tal-Protokoll [KEFA], l-awturi tal-Protokoll [KEFA] fittxew b’mod ċar li jiżguraw l-osservanza tal-privileġġi u tal-immunitajiet previsti, fl-interessi mhux biss tal-Komunità u tal-istituzzjonijiet tagħha, iżda wkoll tal-persuni li lilhom ingħataw dawn il-privileġġi u l-immunitajiet, u, min-naħa l-oħra, fl-interess tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet amministrattivi tagħhom li għandhom bżonn ikunu protetti kontra interpretazzjoni wiesgħa wisq ta’ dawn il-privileġġi u immunitajiet.

    Għalkemm il-privileġġi u l-immunitajiet ingħataw ‘biss fl-interess tal-Komunità’, ma għandux jintesa li ngħataw espressament ‘lill-uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Komunità’.

    Il-fatt li l-privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet kienu ġew ipprovduti fl-interess pubbliku tal-Komunità ċertament jiġġustifika s-setgħa mogħtija lill-Awtorità Għolja sabiex tiddetermina l-kategoriji ta’ uffiċjali li għalihom dawn huma applikabbli (Artikolu 12) jew, jekk ikun il-każ, sabiex tneħħi l-immunità (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 13), iżda ma jfissirx li dawn il-privileġġi jingħataw lill-Komunità u mhux direttament lill-uffiċjali tagħha. Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk sostnuta b’mod ċar mill-kliem tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq” ( 37 ).

    66.

    Fil-fatt, huwa għalkollox minnu li l-kliem tal-Artikolu 16 tal-Protokoll KEFA ma huwiex rifless fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ddeċidiet li tapplika, b’analoġija għas-sitwazzjoni ta’ RQ, il-motivazzjoni tas-sentenza Humblet vs État belge ( 38 )?

    67.

    Fil-fehma tiegħi, kienet korretta.

    68.

    Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet mis-sentenza Humblet vs État belge ( 39 ) li, għalkemm l-uffiċjali jgawdu mill-benefiċċju tal-immunità meta jaġixxu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (li jitqies bħala sinonimu ma’ li wieħed jaġixxi fl-interess pubbliku tal-Unjoni Ewropea stess), ma jirriżultax neċessarjament li l-privileġġi u l-immunitajiet jingħataw lill-entità li hija l-Unjoni u mhux direttament lill-uffiċjal stess. Fuq din il-bażi, jirriżulta mbagħad neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-att inkwistjoni jikkawżax preġudizzju għall-uffiċjal ikkonċernat.

    69.

    L-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, billi ma ntużatx il-formulazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Protokoll KEFA fir-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jeskludi l-possibbiltà li l-uffiċjali jagħmlu tali allegazzjonijiet ma huwiex konvinċenti.

    70.

    It-Titolu VII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Appelli”. Taħt dan it-titolu, il-leġiżlatur stabbilixxa proċedura sħiħa u kompleta għal uffiċjal li jikkontesta d-deċiżjonijiet li jikkonċernawh. Peress li proċedura ta’ appell speċifika ġiet stabbilita, jidhirli li l-kontroargument għandu saħħa ikbar, jiġifieri li l-leġiżlatur ma kellux bżonn li jissellef il-formulazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Protokoll KEFA sabiex joħloq id-dritt għal azzjoni legali neċessarju. Minn dan nikkonkludi li l-argument tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma jistax jintlaqa’.

    71.

    Sussegwentement, il-Kummissjoni toġġezzjona għar-referenza tal-Qorti Ġenerali għas-sentenzi Mote vs Il-Parlament ( 40 ) u Gollnisch vs Il-Parlament ( 41 ). Il-Qorti Ġenerali ċċitat din tal-aħħar sabiex issostni l-proposta li l-privileġġi u l-immunitajiet skont il-Protokoll Nru 7 jagħtu dritt individwali lill-persuna kkonċernata. Hija bbażat ruħha fuq is-sentenza preċedenti insostenn tal-motivazzjoni (ibbażata fuq is-sentenza Humblet vs État belge ( 42 )) li l-privileġġi u l-immunitajiet huma mogħtija direttament lill-uffiċjali.

    72.

    Iż-żewġ kawżi kienu jikkonċernaw il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew, li huma rregolati mill-Artikoli 7 sa 9 fil-Kapitolu III tal-Protokoll Nru 7. Il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma hijiex l-istess bħal dik tal-Artikolu 11(a) li jistabbilixxi r-regoli għall-uffiċjali tal-Unjoni. Dan ma huwiex sorprendenti: ir-rwoli huma differenti ħafna. Madankollu, in-natura tal-immunità tal-persuna kkonċernata ma hijiex inkwistjoni hawnhekk. B’hekk, ma hemmx bżonn li jiġu pparagunati s-sitwazzjonijiet rispettivi tal-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-uffiċjali. Il-kwistjoni hija pjuttost dwar jekk ir-Regolamenti tal-Persunal jipprovdux lill-uffiċjal tal-Unjoni l-possibbiltà ta’ rimedju meta titneħħa l-immunità tiegħu. F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-konklużjoni tiegħi li d-deċiżjoni kkontestata tabilħaqq toħloq konsegwenzi legali diretti u immedjati għal RQ, jidhirli li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta applikat b’analoġija l-motivazzjoni tas-sentenzi Mote vs Il-Parlament ( 43 ) u Gollnisch vs Il‑Parlament ( 44 ).

    73.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq dik li l-Kummissjoni tikkwalifika bħala deċiżjoni “iżolata” tal-ex Tribunal għas-Servizz Pubbliku, A u G vs Il‑Kummissjoni ( 45 ).

    74.

    Dik is-sentenza kienet tirrigwarda waħda mid-diversi tilwimiet li qamu mill-iskandlu ta’ Edith Cresson, ex membru tal-Kummissjoni, jiġifieri żewġ rikorsi ppreżentati kontra l-Kummissjoni mill-ex Chef de cabinet ta’ Edith Cresson. Fid-dawl tal-importanza tal-kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ltaqa’ bħala seduta plenarja. It-tentattiv tal-Kummissjoni li tiċħad is-sentenza mogħtija f’dik il-kawża bħala insinjifikattiva u nieqsa minn kull rilevanza b’hekk jidher mhux xieraq. Fil-punt 230 tas-sentenza A u G vs Il-Kummissjoni ( 46 ), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tenna d-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kawża Humblet vs État belge ( 47 ) u Mote vs Il-Parlament ( 48 ) li l-uffiċjali huma direttament ikkonċernati mid-deċiżjonijiet ta’ tneħħija tal-immunità previsti mill-Artikolu 11(a) tal-Protokoll Nru 7. B’hekk, A u G vs Il‑Kummissjoni ( 49 ) tistabbilixxi r-raġunament li huwa manifestament rilevanti f’dan il-każ.

    75.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun marbuta b’dik is-sentenza, peress li ma hijiex obbligata li tadotta interpretazzjoni partikolari tar-Regolamenti tal-Persunal. Bl-istess mod, madankollu, ma hemmx raġuni tajba għaliex il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux japplikaw l-istess raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applikat fis-sentenza A u G vs Il-Kummissjoni f’dan il-każ ( 50 ).

    76.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tipprova targumenta li r-rotta prevista fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tintuża. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li r-rimedju xieraq għall-uffiċjal huwa li jikkontesta d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri kriminali nazzjonali u biex imbagħad il-qorti nazzjonali tressaq domandi dwar il-validità tal-miżura inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont il-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE.

    77.

    Jidhirli li s-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni hawnhekk ma humiex plawżibbli u huma wkoll żbaljati.

    78.

    L-ewwel nett, hija ġurisprudenza stabbilita li r-rinviji għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità jistgħu jikkonċernaw biss atti tal-Unjoni li huma legalment vinkolanti ( 51 ). Il-Kummissjoni tqajjem żewġ argumenti li huma reċiprokament inkompatibbli. Minn naħa, hija ssostni li l-att ikkontestat ma joħloqx effetti legalment vinkolanti li jaffettwaw direttament u immedjatament lill-uffiċjal ikkonċernat, b’mod li ma huwiex f’pożizzjoni li juża l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, hija targumenta li l-istess att jista’ jkun is-suġġett ta’ proċeduri ta’ invalidità skont l-Artikolu 267 TFUE, fatt li jippreżupponi li l-att għandu effettivament effetti legalment vinkolanti li l-uffiċjal ikkonċernat jista’ jkun li jixtieq jikkontesta.

    79.

    It-tieni nett, anki li kieku kien possibbli li tiġi injorata l-kontradizzjoni inerenti fl-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari mhux dejjem tipprovdi rimedju sħiħ, għaliex il-kwistjoni dwar jekk għandhiex issir referenza jew tabilħaqq tistax issir tvarja skont il-proċedura nazzjonali inkwistjoni ( 52 ). Infakkar ukoll li, għalkemm parti tista’ titlob lil qorti nazzjonali biex tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, ma tistax tobbliga lill-qorti nazzjonali tagħmel hekk.

    80.

    It-tielet nett, il-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari hija intiża esklużivament sabiex tgħin lill-qrati nazzjonali meta deċiżjoni ta’ awtorità fuq l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni li tkun tressqet quddiemhom. Madankollu, fil-mument meta deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità tipproduċi l-effetti tagħha (billi tippermetti li tibda investigazzjoni kriminali li tinvolvi uffiċjal tal-Unjoni inkwistjoni), jidhirli li x’aktarx ma hemmx proċedura quddiem qorti nazzjonali li tipprovdi l-kuntest li fih jista’ jsir rinviju kif xieraq. Huwa biss fi stadju ulterjuri, jekk jew meta qorti jew tribunal jintervjenu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra dan l-uffiċjal bħala konvenut, li l-uffiċjal ikkonċernat ikollu l-possibbiltà li jitlob li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-immunità tiegħu. Ma jidhirlix li huwa fittizju, fil-fehma tiegħi, li wieħed jaħseb li, f’dan l-istadju, ir-reazzjoni tal-qorti nazzjonali tista’ tkun li tali riferiment ma jkunx iktar neċessarju għaliha sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-proċeduri kriminali li sa dakinhar hija tkun qiegħda tippresjedi.

    81.

    Għar-raġunijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, inqis li l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huwa infondat.

    It-tieni aggravju: interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta u interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(3) TUE

    82.

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ifformulat sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li, billi ma bbilanċjatx l-interessi ta’ RQ mar-rieda tal-awtoritajiet nazzjonali li jippreżervaw il-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tagħhom qabel ma ddeċidiet li tneħħi parzjalment l-immunità ta’ dak l-uffiċjal, il-Kummissjoni ma osservatx id-dritt ta’ RQ li jinstema’.

    Is-sentenza appellata

    83.

    Is-siltiet rilevanti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali huma fformulati kif ġej:

    “[…] bħala regola ġenerali, il-fatt li l-persuna kkonċernata ma tinstemax qabel titneħħa l-immunità tagħha jista’ jiżgura s-sigriet istruttorju.

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, jekk, f’każijiet debitament iġġustifikati, awtorità nazzjonali tipprekludi l-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata ta’ motivi preċiżi u kompleti li jikkostitwixxu l-bażi tat-talba għat-tneħħija tal-immunità, billi tinvoka raġunijiet koperti bis-sigriet istruttorju, il-Kummissjoni għandha, f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, timplimenta miżuri għar-rikonċiljazzjoni, minn naħa, tal-kunsiderazzjonijiet leġittimi tas-sigriet istruttorju u, min-naħa l-oħra, tan-neċessità li jiġi ggarantit b’mod suffiċjenti lill-individwu r-rispett tad-drittijiet fundamentali tiegħu, bħad-dritt għal smigħ […]

    Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni hija marbuta li tosserva d-dritt għal smigħ meta tadotta att li jikkawża preġudizzju, hija għandha tqis bl-ikbar attenzjoni kif tista’ tirrikonċilja r-rispett tal-imsemmi dritt tal-persuna interessata u l-kunsiderazzjonijiet leġittimi invokati mill-awtoritajiet nazzjonali. Dan l-ibbilanċjar jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jagħti lill-uffiċjali u lill-aġenti tal-Unjoni u, għaldaqstant, tal-interessi tal-Unjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7, u tal-iżvolġiment effiċjenti u mingħajr xkiel tal-proċeduri kriminali nazzjonali, b’rispett tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali” ( 53 ).

    L-argumenti tal-partijiet

    84.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li huwa neċessarju li twettaq eżerċizzju ta’ bbilanċjar sabiex tiżgura l-proporzjonalità ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tneħħi l-immunità ta’ uffiċjal. Huwa għalhekk b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet naqset milli tibbilanċja l-interessi ta’ RQ fil-kuntest ta’ tali eżerċizzju. Il-ħtieġa li l-Kummissjoni twettaq tali eżerċizzju tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. Il-prattika ġenerali tal-Kummissjoni hija li tosserva r-regoli nazzjonali li jimponu kundizzjoni ta’ kunfidenzjalità stretta marbuta mas-sigriet istruttorju u għalhekk li titneħħa l-immunità mingħajr is-smigħ minn qabel tal-uffiċjal ikkonċernat.

    85.

    RQ isostni li t-tieni aggravju huwa inammissibbli, peress li l-Kummissjoni sempliċement tirrepeti l-argumenti li hija kienet ippreżentat fl-ewwel istanza. Sussidjarjament, RQ isostni li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Evalwazzjoni

    86.

    Ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem minn RQ fir-rigward tal-ewwel aggravju japplikaw ukoll għat-tieni aggravju. Minn dan nikkonkludi li t-tieni aggravju tal-Kummissjoni huwa ammissibbli ( 54 ). Konsegwentement, nikkonkludi li t-tieni aggravju tal-Kummissjoni huwa ammissibbli.

    87.

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, tar-relazzjoni bejn id-dritt għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. Ser nibda bl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

    88.

    In-nota ta’ spjega relatata mal-imsemmi Artikolu 41 ( 55 ) tikkonferma li dan l-artikolu huwa “bbażat fuq l-eżistenza ta’ l-Unjoni bħala komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt li l-karatteristiċi tiegħu kienu ġew żviluppati fil-każistika li għamlet, b’mod partikolari, l-amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tal-liġi” ( 56 ). B’hekk, il-prinċipji ġenerali, bħad-dritt għal smigħ u d-drittijiet tad-difiża, jikkostitwixxu l-bażi tal-Artikolu 41(1) u (2).

    89.

    Għal dak li jirrigwarda d-dritt għal smigħ, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża hija prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Dan id-dritt issa huwa stabbilit fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta li jiżguraw ir-rispett kemm tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tad-dritt għal smigħ xieraq fil-proċeduri ġudizzjarji kollha. Il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem iddikjarat l-importanza tad-dritt għal smigħ u l-ambitu wiesa’ tiegħu fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni: għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan id-dritt għandu japplika fil-proċeduri kollha li jistgħu jwasslu għal att li jikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata ( 57 ).

    90.

    L-Artikolu 41(2) tal-Karta jidentifika (mhux b’mod eżawrjenti) tliet partijiet tad-dritt għal amministrazzjoni tajba: (a) id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament; (b) id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju; (ċ) l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha. Għalhekk, it-tliet partijiet identifikati huma kjarament interkonnessi. Jekk deċiżjoni tkun ser tikkawża preġudizzju lill-persuna, hija għandha tingħata l-opportunità li tressaq l-argumenti tagħha. Sabiex isir dan, hija għandha bżonn aċċess għall-fajl kollu, ħlief għal dawk l-elementi li għalihom il-kunfidenzjalità jew is-segretezza jistgħu leġittimament jiġu invokati. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni għandha tgħarraf ir-raġunijiet għad-deċiżjoni li hija mbagħad tieħu, b’tali mod li l-persuna li lilha d-deċiżjoni tikkawża preġudizzju tkun tista’ tevalwa l-adegwatezza tar-raġunament tal-amministrazzjoni u tiddeċiedi jekk għandhiex tippreżenta jew le rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti kompetenti.

    91.

    Id-dritt għal smigħ għandu jiġi osservat anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espliċitament tali formalità. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja f’kuntest differenti, dan id-dritt jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha. Huwa jobbliga wkoll lill-awtoritajiet li jieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet hekk ippreżentati mill-persuna kkonċernata, jeżaminaw bir-reqqa u b’mod imparzjali l-aspetti rilevanti kollha tal-każ individwali u jagħtu motivazzjoni ddettaljata għad-deċiżjoni tagħhom. L-obbligu li jagħtu r-raġunijiet għal deċiżjoni li huma speċifiċi u konkreti biżżejjed li jippermettu lill-persuna tifhem għaliex it-talba tagħha qiegħda tiġi miċħuda huwa għalhekk il-korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ( 58 ).

    92.

    Il-Kummissjoni tispjega li l-prassi attwali tagħha hija bbażata fuq il-premessa li deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju. Il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ tali deċiżjoni hija apparentement kif ġej. Id-deċiżjoni tittieħed minn membru tal-Kummissjoni bi qbil mal-President. Il-Kulleġġ tal-Kummissarji huwa responsabbli għal dawn id-deċiżjonijiet kollha. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ma hemm l-ebda dispożizzjoni sistematika li tippermetti li l-uffiċjal ikkonċernat jinstema’ qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità tiegħu. Jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jinvokaw is-sigriet istruttorju u jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tastjeni milli tinforma lill-uffiċjal ikkonċernat li huma jkunu qegħdin jitolbu t-tneħħija tal-immunità, il-Kummissjoni ser taderixxi sistematikament għal din it-talba. Fin-nuqqas ta’ tali talba, il-Kummissjoni tinforma lill-uffiċjal dwar it-tneħħija tal-immunità tiegħu, iżda ma tisimgħux dwar jekk għandux iżomm l-immunità tiegħu.

    93.

    Fir-rigward tal-ewwel aggravju, ikkonkludejt li d-deċiżjoni kkontestata hija miżura li taffettwa b’mod sfavorevoli lil RQ. Minn dan isegwi li nqis li l-premessa tal-prassi tal-Kummissjoni hija żbaljata.

    94.

    L-Artikolu 41(1) tal-Karta jagħti lil “[k]ull persuna” id-dritt “li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet […] ta’ l-Unjoni”. Bħal kull persuna oħra, l-uffiċjali li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu għalhekk jinvokaw id-dritt għal amministrazzjoni tajba. Fil-każ ta’ RQ, dan id-dritt fundamentali kien neċessarjament jimplika dritt għal smigħ, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, qabel ma l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk inqis li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet obbligata tirrispetta d-drittijiet tad-difiża ta’ RQ.

    95.

    Il-Kummissjoni bbilanċjat il-ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ RQ mat-talba għas-sigriet istruttorju? Fi kliem ieħor, għamlet evalwazzjoni tal-proporzjonalità kif meħtieġ mill-Artikolu 52(1) tal-Karta?

    96.

    Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet fuq id-drittijiet u l-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta jekk dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma neċessarji u jilħqu ġenwinament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor ( 59 ).

    97.

    L-għan ta’ interess pubbliku jew ġenerali hawnhekk jinsab fl-investigazzjoni kriminali mmexxija mill-awtoritajiet Belġjani. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dawn il-proċeduri huma previsti mil-liġi nazzjonali ( 60 ). Bħala tali, huma jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali u ma jaqgħux manifestament fl-ambitu tal-kompetenza tal-Kummissjoni.

    98.

    Il-limitazzjoni f’dan il-każ hija li l-uffiċjal ġie mċaħħad mid-dritt għal smigħ. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx evalwazzjoni tal-proporzjonalità, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, qabel ma neħħiet l-immunità ta’ RQ. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma evalwatx l-impatt fuq RQ tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu fir-rigward ta’ xi vantaġġi eventwali li jistgħu jirriżultaw mill-fatt li t-talba għas-sigriet istruttorju tal-awtoritajiet nazzjonali tiġi milqugħa.

    99.

    Din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali kienet manifestament korretta. Fil-fatt, id-deskrizzjoni tal-Kummissjoni stess dwar il-prattika tagħha fir-rigward ta’ talbiet għat-tneħħija tal-immunità turi biċ-ċar li din l-istituzzjoni tonqos sistematikament milli tagħti lill-uffiċjal ikkonċernat l-opportunità li jinstema’ qabel ma tadotta deċiżjoni dwar tali talba. Fil-fatt, meta l-awtoritajiet nazzjonali jinvokaw is-sigriet istruttorju, jista’ jkun li l-persuna kkonċernata ma tkunx ġiet informata li tali talba tkun ġiet magħmula (bħalma kien il-każ hawnhekk).

    100.

    Fil-fehma tal-Kummissjoni, hija obbligata biss li tikkunsidra jekk l-interessi tal-Unjoni Ewropea jistgħux jiġu ppreġudikati. Għaldaqstant, ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-uffiċjal. Il-konsegwenza loġika hija li l-Kummissjoni ma twettaqx evalwazzjoni ta’ proporzjonalità f’każijiet bħal dak ta’ RQ.

    101.

    Dan l-approċċ jidhirli li jmur kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Evalwazzjoni xierqa ta’ proporzjonalità teħtieġ neċessarjament evalwazzjoni tal-interessi involuti. Hawnhekk, it-tliet protagonisti huma l-uffiċjal ikkonċernat, l-awtoritajiet nazzjonali u l-Unjoni Ewropea li l-interessi tagħha (b’mod partikolari l-interessi finanzjarji tagħha) għandhom jiġu mħarsa. Il-punt tat-tluq tal-Kummissjoni sabiex teżamina t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jinjora totalment l-ewwel wieħed minn dawn il-protagonisti. Madankollu, il-premessa tal-eżerċizzju tal-ibbilanċjar li għandu jsir skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta huwa li l-uffiċjal għandu d-dritt li jinstema’. L-għan tal-eżerċizzju li għandu jitwettaq skont l-Artikolu 52(1) huwa li jiġi evalwat jekk il-limitazzjoni mitluba għal dan id-dritt (li tirriżulta mit-talba għas-sigriet istruttorju invokata mill-awtoritajiet nazzjonali) hijiex iġġustifikata u proporzjonata.

    102.

    Dan l-eżerċizzju jinvolvi l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7, u għandu jitwettaq mill-istituzzjoni inkwistjoni. Hija ma tistax turi li d-deċiżjoni tagħha ta’ tneħħija tal-immunità kienet proporzjonata meta tali evalwazzjoni ma titwettaqx.

    103.

    Minn dan nikkonkludi li l-prassi attwali tal-Kummissjoni, hekk kif ġiet spjegata lill-Qorti tal-Ġustizzja, tinjora d-drittijiet proċedurali importanti ggarantiti mill-Karta u hija inkonsistenti mal-obbligi ta’ din l-istituzzjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta li tirrispetta d-drittijiet, tosserva l-prinċipji u tippromwovi l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti fiha.

    104.

    Il-Kummissjoni ssostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal din il-konklużjoni u tikkonferma s-sentenza appellata, tali deċiżjoni jkollha konsegwenzi sinjifikattivi għall-amministrazzjoni tal-Unjoni. Konkretament, il-Kummissjoni jkollha temenda l-prassi stabbilita tagħha, li kienet tikkonsisti fit-tneħħija tal-immunità u f’li tikkonforma ruħha mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-osservanza stretta tas-sigriet istruttorju.

    105.

    Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE jeħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, “f’rispett reċiproku sħiħ”, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati. L-Istati Membri għandhom “jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jitwettqu”. Għalhekk, dan il-prinċipju jiġġenera obbligi reċiproċi bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri nnifishom.

    106.

    Il-Kummissjoni ssostni li, kieku hija kellha tkun obbligata tevalwa l-interessi tal-Istat Membru kkonċernat fid-dawl ta’ dawk tal-uffiċjal, hija tkun meħtieġa tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-proċeduri kriminali nazzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali b’dik magħmula minnha stess, u b’hekk tikser l-Artikolu 4(3) TUE.

    107.

    Jiena niċħad dan l-argument.

    108.

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkooperaw sabiex isibu soluzzjoni li tirrispetta d-drittijiet tal-uffiċjal iggarantiti mill-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta. Tali kooperazzjoni ma tobbligax lill-Kummissjoni tidħol fil-qasam tal-awtoritajiet nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija marbuta tosserva l-obbligu tagħha li tiżgura r-rispett tad-dritt għal smigħ tal-uffiċjal. It-tielet nett, il-Kummissjoni għandha wkoll l-obbligu li tevalwa l-interessi tal-Unjoni skont l-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom obbligu reċiproku, skont l-Artikolu 4(3) TUE, biex jgħinu lill-Kummissjoni twettaq l-evalwazzjoni tat-talbiet tagħhom għat-tneħħija tal-immunità b’mod li tosserva l-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni.

    109.

    Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, meta l-awtoritajiet nazzjonali jopponu żvelar preċiż u sħiħ lill-uffiċjal ikkonċernat, huma għandhom jikkollaboraw mal-Kummissjoni sabiex jistabbilixxu l-mod kif it-tħassib leġittimu dwar is-sigriet istruttorju jista’ jiġi adattat sabiex jakkomoda l-obbligi tal-Kummissjoni dwar ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-uffiċjal ( 61 ).

    110.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-proċedura għat-tneħħija tal-immunità għandha l-għeruq tagħha f’allegat ksur tad-dritt nazzjonali. Tali każijiet huma għalhekk differenti minn każijiet li fihom il-Kummissjoni tkun bdiet proċedura amministrattiva kontra uffiċjal, fejn id-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal ma jistgħux jiġu attivati minn tali proċedura.

    111.

    Ma nistax naqbel ma’ dan l-argument.

    112.

    Il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija dwar jekk id-drittijiet tad-difiża ta’ RQ ġewx irrispettati meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li neħħiet l-immunità li kien igawdi minnha skont l-Artikolu 11(a) tal-Protokoll Nru 7. L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll, u tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprevedu dritt għal azzjoni legali kontra l-Kummissjoni, huma kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. L-azzjoni kriminali sottostanti hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Madankollu, din il-proċedura nazzjonali tal-aħħar ma hijiex bħali tali inkwistjoni hawnhekk.

    113.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li t-twettiq tal-eżerċizzju ta’ bbilanċjar imsemmi mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jimplika djalogu ddettaljat mal-awtoritajiet nazzjonali u li dan idewwem il-proċeduri kriminali.

    114.

    Billi ma ġewx prodotti provi f’dan is-sens quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din hija sempliċement affermazzjoni mingħajr bażi. Anki li kieku kien veru li d-djalogu meħtieġ kellu neċessarjament jieħu ż-żmien sabiex jitwettaq, l-inkonvenjenzi amministrattivi ma jikkostitwixxux raġuni leġittima għalfejn għandhom jitpoġġew limitazzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

    115.

    Nikkonkludi, għalhekk, li t-tieni aggravju huwa infondat.

    It-tielet aggravju: żball ta’ liġi sa fejn hija ma ddeskrivietx b’mod korrett l-aġir tal-Kummissjoni

    116.

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha (li tqajjem ukoll sussidjarjament), il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod adegwat l-interessi ta’ RQ fl-evalwazzjoni tagħha tal-każ tiegħu. B’hekk, hija tikkontesta r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 69 sa 72 tas-sentenza appellata.

    Is-sentenza appellata

    117.

    Il-Qorti Ġenerali għamlet erba’ dikjarazzjonijiet essenzjali fis-sentenza tagħha. Fl-ewwel lok, hija nnotat li l-proċess tal-qorti nazzjonali ma kien jinkludi ebda element li jindika li l-Kummissjoni kienet effettivament ibbilanċjat l-interessi konkorrenti. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat bħala fatt li l-Kummissjoni ma talbitx lill-awtoritajiet nazzjonali, qabel ma adottat id-deċiżjoni tagħha, x’setgħu kienu r-riskji għaż-żamma tas-sigriet istruttorju u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-iżvolġiment xieraq tal-proċeduri kriminali li kieku RQ instema’. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx hemm prova ta’ riskju reali li ż-żamma tas-sigriet istruttorju tkun jew tista’ tkun effettivament kompromessa billi jinstema’ RQ (pereżempju, peress li huwa jista’ jaħrab jew jeqred il-provi jew minħabba li s-sorpriża kienet element neċessarju għal din l-investigazzjoni partikolari). Hija nnotat li ċerta informazzjoni relatata mal-investigazzjoni kienet, barra minn hekk, diġà disponibbli għall-pubbliku. Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-fatt li l-Kummissjoni kienet talbet lill-awtoritajiet Belġjani jekk huwiex possibbli li jisimgħu lil RQ fir-rigward tat-talbiet tagħhom għat-tneħħija tal-immunità tiegħu (li ġie kkonfermat permezz tal-korrispondenza annessa mad-difiża) ma kienx biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet effettivament ibbilanċjat l-interessi ta’ RQ li jinstema’ ġustament maż-żamma tas-sigriet istruttorju ( 62 ).

    L-argumenti tal-partijiet

    118.

    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx validament tikkonkludi fuq il-bażi tal-provi prodotti quddiemha li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-interessi ta’ RQ qabel ma ddeċidiet li tneħħi l-immunità tiegħu. Fit-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li RQ naqas milli juri li, kieku kien instema’, id-deċiżjoni kienet tkun differenti ( 63 ).

    119.

    RQ jirrispondi li t-tielet aggravju (jew tal-inqas l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju) huwa manifestament inammissibbli, peress li l-Kummissjoni qiegħda fir-realtà tipprova tikseb eżami mill-ġdid tal-fatti. Sussidjarjament, huwa jsostni li l-Kummissjoni qrat b’mod żbaljat is-sentenza appellata u li t-tielet aggravju tagħha huwa infondat.

    Evalwazzjoni

    120.

    Jiena nqis li t-tielet aggravju huwa ammissibbli.

    121.

    Essenzjalment, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat l-aġir tal-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala nuqqas ta’ bbilanċjar tat-talba tal-awtoritajiet Belġjani għas-sigriet istruttorju mad-dritt għal smigħ ta’ RQ. Il-Kummissjoni ssostni li hija bagħtet diversi ittri lill-awtoritajiet Belġjani fejn talbet għal iktar dettalji fir-rigward tas-sigriet istruttorju u li l-immunità tneħħiet parzjalment biss wara li l-awtoritajiet nazzjonali wieġbu għal dawn it-talbiet. Dan, hija ssostni, huwa suffiċjenti fid-dritt biex turi li hija wettqet l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar meħtieġ.

    122.

    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma hijiex tipprova tikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali. Pjuttost, hija tikkontesta jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx tikkonkludi b’mod xieraq skont il-liġi minn dawn il-fatti li l-Kummissjoni naqset milli twettaq eżerċizzju ta’ bbilanċjar. Din il-kwistjoni hija tabilħaqq kwistjoni ta’ dritt li hija suġġetta għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 64 ). Għalhekk ser neżamina l-argumenti sostantivi magħmula b’rabta ma’ dan l-aggravju.

    123.

    Fil-punt 5 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Kummissjoni talbet informazzjoni iktar iddettaljata mingħand l-awtoritajiet Belġjani qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-punt 10 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni indikat li hija setgħet biss tneħħi l-immunità ta’ RQ jekk hija tiġi informata b’mod suffiċjentement ċar u preċiż għal liema raġunijiet l-awtoritajiet Belġjani kienu għamlu t-talba għat-tneħħija tal-immunità u rrilevat li, fil-każ kuntrarju, kwalunkwe persuna kkonċernata minn investigazzjoni tal-OLAF tista’, billi tagħmel allegazzjonijiet manifestament infondati fil-konfront tad-Direttur Ġenerali tiegħu, tipparalizza l-funzjonament ta’ dan l-uffiċju, li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Kummissjoni kompliet billi indikat li, wara l-ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2015, hija kienet kisbet indikazzjonijiet ċari u preċiżi ħafna li juru li l-awtoritajiet Belġjani setgħu raġonevolment — u, fi kwalunkwe każ, mingħajr ma jaġixxu b’mod arbitrarju jew abbużiv — iqisu li l-allegazzjonijiet li saru kontra RQ jiġġustifikaw li jkun is-suġġett ta’ investigazzjoni ( 65 ).

    124.

    Il-Kummissjoni inkludiet mal-Anness A.1 tal-appell tagħha d-dokumenti li kienu annessi mad-difiża tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Dawn id-dokumenti jinkludu l-ittra tad‑19 ta’ Diċembru 2014 mibgħuta mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni lill-qorti istruttorja sabiex jinkisbu iktar dettalji dwar l-investigazzjoni nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ittra tad‑19 ta’ Diċembru 2014”). Fil-fatt, fil-punt 2 (fil-paġna 2) ta’ din l-ittra, is-Segretarju Ġenerali indikat li, fid-dawl tal-istatus speċjali ta’ indipendenza tal-OLAF, il-Kummissjoni xtaqet tisma’ lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF (RQ) qabel ma jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li titneħħa l-immunità, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa b’għarfien sħiħ l-implikazzjonijiet li tali tneħħija tal-immunità jista’ jkollha fuq l-indipendenza u l-funzjonament tal-OLAF u għalhekk fuq l-interessi tal-Unjoni Ewropea. Sussegwentement, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani sabiex jippreċiżaw jekk kienx neċessarju li tinżamm il-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-uffiċjali kollha kkonċernati mit-talbiet tagħhom u jekk id-Direttur Ġenerali tal-OLAF setax jiġi informat bl-investigazzjonijiet.

    125.

    L-awtoritajiet Belġjani wieġbu permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Frar 2015. Bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Kummissjoni dwar jekk RQ setax jiġi informat bit-talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu, huma qalu li, minħabba li l-fatti tal-każ juru li huwa jista’ jkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali, il-bżonn li jiġi osservat il-prinċipju tas-sigriet istruttorju kien jipprekludi li l-opinjoni tiegħu tiġi mfittxija fir-rigward tat-talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu. Sa fejn nista’ niġġudika, din tidher li hija tweġiba standard għad-domanda “nistgħu ngħidu lis-suspettat li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni?” iktar milli tweġiba speċifika għall-mistoqsija (differenti) “huwa imperattiv li jiġi osservat il-prinċipju ta’ sigriet istruttorju fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni?”

    126.

    Permezz ta’ ittra oħra tat‑3 ta’ Marzu 2015, is-Segretarju Ġenerali tenniet it-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni addizzjonali. Hija kkonfermat ukoll li l-Kummissjoni kienet “ser tirrispetta” t-talba tal-awtoritajiet Belġjani li jinżamm is-sigriet istruttorju (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑3 ta’ Marzu 2015”).

    127.

    L-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 69 sa 72 tas-sentenza appellata għandhom jinqraw fil-kuntest ta’ din l-espożizzjoni iktar wiesgħa tal-fatti u tal-atti tal-proċess ta’ dik il-qorti.

    128.

    Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, inqis li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi b’mod validu li l-Kummissjoni kienet tassew ippruvat tikseb kjarifiki mingħand l-awtoritajiet Belġjani fir-rigward tan-natura tal-allegazzjonijiet kontra RQ, b’mod partikolari minħabba l-istatus speċjali tiegħu bħala Direttur Ġenerali tal-OLAF fiż-żmien meta seħħew il-fatti. Madankollu, u b’mod kruċjali, il-fatt li tintalab din l-informazzjoni ma huwiex l-istess bħallikieku ġie żgurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ ta’ RQ. Mit-talbiet għal informazzjoni li hija għamlet, il-Kummissjoni lanqas ma ppruvat tikseb l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun tista’ tiddetermina l-mod kif tista’ tibbilanċja l-interessi involuti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali sabet li – fil-fehma tiegħi, ġustament – permezz ta’ dawn it-talbiet għal informazzjoni, il-Kummissjoni ma ppruvatx issir taf jekk kienx hemm riskji (impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali ta’ RQ) marbuta ma’ deċiżjoni li RQ ma jiġix informat dwar l-allegazzjonijiet kontrih u li jippermettulu jippreżenta osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità tiegħu jew, bil-kontra, riskju għat-tmexxija tal-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet Belġjani li kieku RQ kellu jiġi informat b’dan u jiġi permess jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu ( 66 ). Minflok, il-Kummissjoni sempliċement ikkonfermat, fl-ittra tat‑3 ta’ Marzu 2015, li hija kienet ser tirrispetta t-talba standard ta’ sigriet istruttorju tal-awtoritajiet Belġjani. Il-kumplament tal-proċess ta’ kontroll kien jikkonċerna biss il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet Belġjani setgħux raġonevolment iqisu li l-allegazzjonijiet kontra RQ jiġġustifikaw li jiġi investigat.

    129.

    Huwa n-nuqqas tal-Kummissjoni li tagħmel evalwazzjoni ta’ dawn ir-riskji eventwali u li tibbilanċja l-interessi tas-sigriet istruttorju mad-dritt fundamentali għal smigħ ta’ RQ li jinsab fil-qalba tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

    130.

    Il-Qorti Ġenerali ġustament aċċettat (fil-punt 71 tas-sentenza appellata) li, f’ċerti każijiet, ikun perfettament leġittimu li t-talba għat-tneħħija tal-immunità ma tiġix ikkomunikata lill-persuna kkonċernata qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar tali talba. Dan inkluż meta jkun hemm riskju reali li din il-persuna tista’ tostakola l-proċeduri nazzjonali billi taħrab jew teqred il-provi, jew fejn is-sorpriża hija element neċessarju għall-investigazzjoni. Madankollu, ma kien hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li l-awtoritajiet Belġjani kienu sostnew tali argumenti f’din il-kawża.

    131.

    Il-Qorti Ġenerali nnotat ukoll li ċerta informazzjoni relatata mal-investigazzjoni pendenti kienet diġà disponibbli għall-pubbliku. Ma nistax ħlief naqbel. Jirriżulta b’mod ċar mill-preżentazzjoni tal-kuntest fattwali li tinsab fil-punti 1 sa 6 tas-sentenza appellata, li l-iskandlu tal-ex membru tal-Kummissjoni John Dalli (li kien il-punt tat-tluq tal-katina ta’ ġrajjiet li wasslu għall-każ ta’ RQ), kien diġà s-suġġett ta’ attenzjoni partikolari tal-istampa.

    132.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat (fil-punt 72 tas-sentenza appellata) li l-fatt li l-Kummissjoni kienet talbet lill-awtoritajiet Belġjani jekk huma setgħux jisimgħu lir-rikorrent fir-rigward tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità (li kien ikkonfermat mill-korrispondenza mehmuża mar-risposta tal-Kummissjoni) ma kienx biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ibbilanċjat l-interessi ta’ RQ sabiex jeżerċita d-dritt għal smigħ tiegħu mat-talba għaż-żamma tas-sigriet istruttorju tal-awtoritajiet Belġjani. Għal darba oħra, jiena naqbel mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali u mal-loġika li fuqha din hija bbażata. Mistoqsija dwar jekk il-Kummissjoni tistax tirċievi l-osservazzjonijiet ta’ RQ bħala parti mill-proċess sabiex tintlaħaq deċiżjoni (fl-ittra tad‑19 ta’ Diċembru 2014) segwita minn konferma li l-Kummissjoni kienet ser tosserva r-rieda tal-awtoritajiet Belġjani li jżommu s-sigriet istruttorju (fl-ittra tat‑3 ta’ Marzu 2015) ma jikkostitwixxux, meta jittieħdu flimkien, evalwazzjoni dwar jekk, f’dan il-każ partikolari, is-sigriet istruttorju għandux jiġi bbilanċjat mad-dritt fundamentali għal smigħ ta’ RQ u jekk għandux jipprevali fuq dan tal-aħħar. Ser niġi lura għal dan il-punt iktar ’il quddiem ( 67 ).

    133.

    Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet (fil-punt 74 tas-sentenza appellata) li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ eżerċizzju ta’ bbilanċjar mill-Kummissjoni kien jikser il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità tal-Artikolu 52(1) tal-Karta sa fejn hija marret lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan taż-żamma tas-sigriet istruttorju u ma osservatx l-essenza tad-dritt għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta. Jiena naqbel.

    134.

    Għalhekk, nikkonkludi li l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija infondata.

    135.

    It-tieni parti tat-tielet aggravju tqajjem punt iktar diffiċli. L-uffiċjal li biħsiebu jinvoka d-dritt għal smigħ huwa obbligat li juri li d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità kienet tkun differenti li kieku huwa seta’ jeżerċita dan id-dritt?

    136.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet (fil-punt 76 tas-sentenza appellata) li ma jistax jiġi eskluż li l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata kien ikun differenti li “kieku l-Kummissjoni ppermettiet [lil RQ] jesprimi b’mod utli l-opinjoni tiegħu dwar it-tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tiegħu u, b’mod partikolari, bħalma josserva [RQ] fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-opinjoni tiegħu dwar l-interess tal-Unjoni u l-iżgurar tal-indipendenza neċessarja tiegħu bħala uffiċjal fil-kariga ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF”.

    137.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod konsistenti li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa ta’ importanza kruċjali fi proċeduri li jirriżultaw fl-adozzjoni ta’ att li jinvolvi konsegwenzi żvantaġġużi għall-persuna kkonċernata ( 68 ). Din il-persuna ma tistax tiġi meħtieġa turi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tkun differenti fil-kontenut, iżda sempliċement li tali possibbiltà ma hijiex eskluża totalment peress li kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar li kieku ma kienx hemm żball proċedurali ( 69 ).

    138.

    Deċiżjoni iktar reċenti tal-Qorti Ġenerali f’kuntest differenti ħafna tindika, madankollu, li ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, iwassal biss għall-annullament tal-att ikkontestat jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura twassal għal riżultat differenti ( 70 ). Il-każ ta’ R. Makhlouf kien jirrigwarda l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi imposti fuqu. Fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa ma kienx indika, matul il-proċedura fl-ewwel istanza, liema kienu l-argumenti li huwa kien jippreżenta quddiem il-Kunsill sabiex jikkontesta r-rilevanza jew is-saħħa probatorja tad-dokumenti li dan tal-aħħar kien bagħatlu. Għaldaqstant, hija ċaħdet l-ilment tiegħu li ma kienx ġie mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dawk id-dokumenti.

    139.

    L-ewwel nett, dik il-kawża hija differenti b’mod ċar mill-kawża preżenti sa fejn f’dik il-kawża R. Makhlouf kien ġie informat bil-kawża kontrih u kien ingħata l-permess li jaċċedi għad-dokumenti li l-Kunsill kien ħa inkunsiderazzjoni sabiex jiddeċiedi li jadotta miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Madankollu, ma kien hemm l-ebda konstatazzjoni ta’ fatt fl-ebda livell f’dawn il-proċeduri li R. Makhlouf kien eżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu fil-kontestazzjoni ta’ dawk id-dokumenti. Għall-kuntrarju, RQ ma ġiex informat dwar it-talba sabiex titneħħa l-immunità tiegħu qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li tneħħi l-immunità tiegħu ( 71 ). Għalhekk, huwa ma kellu l-ebda opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għal dik id-deċiżjoni, la fil-kapaċità tiegħu bħala uffiċjal u lanqas bħala Direttur Ġenerali tal-OLAF ( 72 ).

    140.

    It-tieni nett, fil-punt 52 tas-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill ( 73 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi l-kriterju standard stabbilit fil-ġurisprudenza konsistenti tagħha li esponejt fil-punt 137 iktar ’il fuq ( 74 ). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet biex tinterpreta d-dritt għal smigħ b’mod restrittiv ħafna fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dak il-każ. Ma nqisx li, fiċ-ċirkustanzi differenti ħafna ta’ din il-kawża, dik l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ħafna iktar stretti huma xierqa.

    141.

    X’għandu juri uffiċjal, bħal RQ, sabiex jikseb deċiżjoni li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu jinvolvi l-annullament tal-att li jikkawżalu preġudizzju?

    142.

    Jidhirli li ma jkunx xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun eċċessivament normattiva. Jidhirli li l-elementi rilevanti jvarjaw neċessarjament skont iċ-ċirkustanzi proprji tal-kawża inkwistjoni.

    143.

    Il-punt 76 tas-sentenza appellata jidhirli li jista’ jinftiehem b’żewġ modi. Minn naħa, jista’ jinqara bħala li jissuġġerixxi li kien neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-perspettiva ta’ RQ dwar l-interessi tal-Unjoni Ewropea u ż-żamma tal-indipendenza neċessarja tiegħu bħala uffiċjal fil-kariga ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, huwa possibbli li d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali tinqara fis-sens li tindika li “[l-]ipoteżi ma tistax tiġi kompletament eskluża” li, li kieku RQ kellu l-possibbiltà li jinstema’, il-Kummissjoni seta’ jkollha l-opportunità li tikseb l-opinjoni tiegħu dwar il-konsegwenzi għall-funzjonament tajjeb tal-OLAF dwar kull deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità. Tali informazzjoni setgħet tifforma parti mis-sottomissjonijiet spontanji ta’ RQ jew setgħet tingħata bħala tweġiba għal mistoqsijiet li l-Kummissjoni nnifisha setgħet għamlet lil RQ matul il-proċedura amministrattiva.

    144.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, RQ jafferma ġustament li, bħala uffiċjal fil-kariga ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF, huwa effettivament kellu opinjonijiet li xtaq iressaq kemm għall-interessi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għaż-żamma tal-indipendenza neċessarja tal-persuna li teżerċita dawn il-funzjonijiet speċifiċi. Jiena nqis li huwa kważi evidenti li “[l-]ipoteżi ma tistax tiġi kompletament eskluża” li l-osservazzjonijiet tiegħu (ibbażati neċessarjament fuq l-esperjenza effettiva tiegħu bħala Direttur Ġenerali tal-OLAF), seta’ kellhom effett fuq id-deċiżjoni li finalment ġiet adottata rigward it-tneħħija tal-immunità. Il-pożizzjoni kuntrarja teħtieġ li wieħed jassumi li dawk responsabbli għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienu sempliċement jibqgħu torox għal kwalunkwe u kull argument li jinvoka RQ.

    145.

    Ma nixtieqx nagħmel suppożizzjoni daqstant negattiva dwar il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni. Fortunatament, f’din il-kawża ma hemmx bżonn li din issir. L-ittra tad‑19 ta’ Diċembru 2014 spjegat lill-awtoritajiet Belġjani li l-Kummissjoni xtaqet tisma’ lil RQ, mhux sabiex tirrispetta d-dritt fundamentali tiegħu biex jinstema’, iżda għaliex il-Kummissjoni xtaqet tkun f’pożizzjoni li “tevalwa b’għarfien sħiħ l-implikazzjonijiet li tali tneħħija tal-immunità jista’ jkollha fuq l-indipendenza u l-funzjonament tal-OLAF u għalhekk fuq l-interessi tal-Unjoni Ewropea” ( 75 ). Għalhekk, kien hemm evidenza ċara quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni nnifisha qieset li l-opinjonijiet ta’ RQ kienu kemm pertinenti kif ukoll importanti sabiex tintlaħaq deċiżjoni xierqa dwar it-tneħħija tal-immunità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li huwa loġikament impossibbli li ma jiġix konkluż li huwa kompletament plawżibbli li r-rispett tad-dritt għal smigħ ta’ RQ seta’ kellu ċertu effett fuq l-eżitu tal-proċedura amministrattiva u, għaldaqstant, fuq id-deċiżjoni li finalment ġiet adottata fir-rigward tat-tneħħija tal-immunità. Madankollu, ma jsegwix li l-persuna kkonċernata għandha turi li d-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti li kieku d-dritt tagħha għal smigħ kien ġie rrispettat.

    146.

    B’mod iktar ġenerali, il-prinċipju fundamentali li huwa l-bażi tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, tad-dritt għal smigħ huwa n-neċessità li tiġi żgurata l-ekwità proċedurali. Il-persuna kkonċernata ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tressaq informazzjoni rilevanti qabel ma ġiet adottata deċiżjoni li kkawżatilha preġudizzju? Jidhirli li l-kriterji essenzjali huma: (i) kienet tkun rilevanti l-informazzjoni li hija xtaqet tressaq u (ii) ser tinbidel is-sitwazzjoni legali tagħha jekk l-att jiġi adottat? Ma naħsibx li hija għandha jkollha l-obbligu li turi iktar minn hekk. Nosserva wkoll li d-dritt għal smigħ huwa strettament marbut mal-obbligu tal-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta. Sakemm l-amministrazzjoni ma tikkunsidrax b’mod sħiħ l-elementi kollha rilevanti għad-deċiżjoni li hija tkun ser tadotta, x’aktarx li ma tissodisfax dan l-obbligu.

    147.

    Għalhekk, inqis li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti tat-tielet aggravju u li t-tielet aggravju, konsegwentement, ma huwiex fondat.

    Spejjeż

    148.

    Skont l-Artikoli 138(1) u 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni, bħala l-parti li tilfet f’dan l-appell, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

    Konklużjoni

    149.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

    tiċħad l-appell; u

    tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: L-Ingliż.

    ( 2 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018 (T‑29/17, EU:T:2018:717) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

    ( 3 ) Ir-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jiddefinixxi r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, 45, p. 1385), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) Nru 423/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 129, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

    ( 4 ) Regolament (EU, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1).

    ( 5 ) Premessi 1 sa 4.

    ( 6 ) Artikolu 1; ara wkoll il-premessa 3.

    ( 7 ) Il-kompitu tal-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa li jissorvelja regolarment l-implimentazzjoni tar-responsabbiltajiet ta’ investigazzjoni tal-OLAF sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tiegħu fl-eżerċizzju korrett tal-funzjonijiet tiegħu skont ir-Regolament Nru 883/2013 (Artikolu 15).

    ( 8 ) John Dalli nħatar bħala membru Malti tal-Kummissjoni għall-perijodu mill‑10 ta’ Frar 2010 sal‑31 ta’ Ottubru 2014. Huwa serva fil-Kummissjoni, li s-Sur José Manuel Durão Barroso kien il-president tagħha (iktar ’il quddiem il-“President Barroso”). Fl‑24 ta’ Diċembru 2012, J. Dalli ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali talba għall-annullament tad-deċiżjoni verbali allegatament meħuda mill-President Barroso, fis‑16 ta’ Ottubru 2012, sabiex jintemmu l-funzjonijiet ta’ J. Dalli bħala membru tal-Kummissjoni. Din il-proċedura wasslet għas-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il-Kummissjoni (T‑562/12, EU:T:2015:270). Iċ-ċirkustanzi tal-isfond ta’ allegat tixħim fir-rigward ta’ proposta tal-Kummissjoni intiża sabiex tirregola l-industrija tat-tabakk irriżultaw mill-istess sorsi li wasslu għall-investigazzjoni li tat lok għall-proċeduri preżenti.

    ( 9 ) Ara l-punt 6 iktar ’il fuq.

    ( 10 ) Ara l-punti 13 sa 24 iktar ’il fuq.

    ( 11 ) Premessa 9.

    ( 12 ) Premessa 10.

    ( 13 ) Premessa 11.

    ( 14 ) Premessa 13.

    ( 15 ) Premessa 14.

    ( 16 ) Premessa 15.

    ( 17 ) Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Mejju 2016, RQ ippreżenta rikors parallel kontra d-deċiżjoni kkontestata skont il-proċedura speċifika prevista fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 883/2013, fil-kwalità tiegħu ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF. Il-motivi ta’ dan ir-rikors huma bbażati fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, peress li hija tikkontesta l-indipendenza tiegħu. Din il-kawża (T‑251/16) ġiet sospiża sakemm tintemm din il-proċedura. Barra minn hekk, RQ ressaq talba għal miżuri provviżorji (Kawża T‑251/16 R) fejn talab is-sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu tirrifjuta l-immunità tiegħu. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba b’deċiżjoni tal‑20 ta’ Lulju 2016.

    ( 18 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq.

    ( 19 ) Punt 36 tas-sentenza appellata.

    ( 20 ) Punti 36 sa 38 tas-sentenza appellata.

    ( 21 ) Punti 39 u 40 tas-sentenza appellata.

    ( 22 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960 (6/60‑IMM, EU:C:1960:48).

    ( 23 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2008 (T‑345/05, EU:T:2008:440).

    ( 24 ) Sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2010 (F‑124/05 u F‑96/06, EU:F:2010:2).

    ( 25 ) Punti 42 sa 44 tas-sentenza appellata.

    ( 26 ) Punt 45 tas-sentenza appellata.

    ( 27 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960 (6/60‑IMM, EU:C:1960:48).

    ( 28 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960 (6/60‑IMM, EU:C:1960:48).

    ( 29 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2008 (T‑345/05, EU:T:2008:440).

    ( 30 ) Sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2010 (F‑124/05 u F‑96/06, EU:F:2010:2).

    ( 31 ) Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni (C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punti 4950 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 32 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Probst (C‑119/12, EU:C:2012:748, punt 20).

    ( 33 ) Sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 34 ) Ara l-punt 56 iktar ’il fuq.

    ( 35 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960 (6/60‑IMM, EU:C:1960:48).

    ( 36 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960 (6/60‑IMM, EU:C:1960:48).

    ( 37 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs État belge (6/60‑IMM, EU:C:1960:48, p. 570, enfasi miżjuda minni).

    ( 38 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960 (6/60‑IMM, EU:C:1960:48).

    ( 39 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960 (6/60‑IMM, EU:C:1960:48).

    ( 40 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2008 (T‑345/05, EU:T:2008:440).

    ( 41 ) Sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013 (T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23).

    ( 42 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960 (6/60‑IMM, EU:C:1960:48).

    ( 43 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2008 (T‑345/05, EU:T:2008:440).

    ( 44 ) Sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013 (T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23).

    ( 45 ) Sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2010 (F‑124/05 u F‑96/06, EU:F:2010:2).

    ( 46 ) Sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2010 (F‑124/05 u F‑96/06, EU:F:2010:2).

    ( 47 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960 (6/60‑IMM, EU:C:1960:48).

    ( 48 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2008 (T‑345/05, EU:T:2008:440).

    ( 49 ) Sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2010 (F‑124/05 u F‑96/06, EU:F:2010:2).

    ( 50 ) Sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2010 (F‑124/05 u F‑96/06, EU:F:2010:2).

    ( 51 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punti 1416).

    ( 52 ) Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:197, punti 61 sa 65).

    ( 53 ) Ara rispettivament il-punti 65 sa 67 tas-sentenza appellata.

    ( 54 ) Ara l-punti 44 sa 49 iktar ’il fuq.

    ( 55 ) In-noti ta’ spjega tal-Karta huma stabbiliti fl-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).

    ( 56 ) In-nota ta’ spjega tiċċita, inter alia, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni (374/87, EU:C:1989:387) (ara, fir-rigward tad-dritt għal smigħ, il-punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tal-portata ġenerali tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ara s-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1992, Burban vs Il-Parlament,C‑255/90 P, EU:C:1992:153, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 57 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 81 sa 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 58 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 86 sa 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 59 ) Ara l-konklużjonijiet tal-mibki ħabib u kollega tiegħi l-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża ZZ (C‑300/11, EU:C:2012:563, punt 65).

    ( 60 ) Il-Qorti Ġenerali tiddeskrivi l-kuntest ġuridiku nazzjonali rilevanti fil-punti 61 sa 62 tas-sentenza appellata.

    ( 61 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 62 ) Punti 69 sa 72 tas-sentenza appellata.

    ( 63 ) Fil-punti 135 sa 147 iktar ’il fuq.

    ( 64 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, SKW Stahl-Metallurgie u SKW Stahl-Metallurgie Holding vs Il-Kummissjoni (C‑154/14 P, EU:C:2016:445, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 65 ) Id-deċiżjoni kkontestata ġiet ippreżentata lill-Qorti Ġenerali bħala Anness A.1 mar-rikors ta’ RQ. Il-premessa 4 ta’ din id-deċiżjoni tindika li, permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni informat lill-qorti istruttorja li hija kienet teżiġi iktar dettalji dwar l-allegazzjonijiet magħmula kontra RQ. F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat li, wara li rċeviet l-informazzjoni mitluba, hija kienet ser tadotta deċiżjoni intiża sabiex tilħaq bilanċ bejn l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet Belġjani u n-neċessità li jiġu protetti l-interessi tal-Unjoni Ewropea. Ara ulterjorment il-punt 128 iktar ’il quddiem.

    ( 66 ) Punti 69 u 70 tas-sentenza appellata.

    ( 67 ) Ara l-punt 145 iktar ’l isfel.

    ( 68 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 1991, Al‑Jubail Fertilizer v Council (C‑49/88, EU:C:1991:276, punt 15). Ara wkoll is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 69 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 70 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Makhlouf vs Il-Kunsill (C‑458/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:441, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll il-punt 43). Dik is-sentenza ngħatat minn awla komposta minn tliet imħallfin, mingħajr il-benefiċċju tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, u ma ġietx ikkunsidrata mill-awla stess bħala li hija ta’ importanza suffiċjenti sabiex tiġġustifika traduzzjoni u pubblikazzjoni sħiħa.

    ( 71 ) Ara l-punti 126 sa 128 iktar ’il fuq.

    ( 72 ) Infakkar li, fil-kwalità tiegħu ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF, RQ ippreżenta rikors kontra l-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 883/2013: Kawża T‑251/16 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq).

    ( 73 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2018 (C‑458/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:441).

    ( 74 ) L-awtorità ċċitata hija s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041), li tirreferi għas-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 75 ) Din l-ittra tissemma fil-punt 126 iktar ’il fuq.

    Top