EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0817

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-2 ta’ April 2020.
Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna marbuta mal-akkwist issussidjat jew mat-tqegħid għad-dispożizzjoni bla ħlas ta’ żoni naturali – Proċedura ta’ eżami preliminari – Deċiżjoni li tiddikkjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Regolament (KE) Nru°659/1999 – Artikolu 1(h) – Kunċett ta’ ‘parti interessata’ – Relazzjoni ta’ kompetizzjoni – Kunċett ta’ ‘diffikultajiet serji’ – Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali – Attivitajiet sekondarji – Konnessjoni.
Kawża C-817/18 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:255

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑2 ta’ April 2020 ( 1 )

Kawża C‑817/18 P

Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland,

Stichting Het Groninger Landschap,

Vereniging It Fryske Gea,

Stichting Het Drentse Landschap,

Stichting Het Overijssels Landschap,

Stichting Het Geldersch Landschap,

Stichting Flevo-Landschap,

Stichting Het Utrechts Landschap,

Stichting Landschap Noord-Holland,

Stichting Het Zuid-Hollands Landschap,

Stichting Het Zeeuwse Landschap,

Stichting Het Noordbrabants Landschap,

Stichting Het Limburgs Landschap,

Il-Kummissjoni Ewropea,

vs

Vereniging Gelijkberechtiging Grondbezitters,

Exploitatiemaatschappij De Berghaaf BV,

Stichting Het Nationale Park De Hoge Veluwe,

BV Landgoed Den Alerdinck II,

Landgoed Ampsen BV,

Pallandt van Keppel Stichting,

Landgoed Kasteel Keppel BV,

Baron van Lynden,

Stichting het Lijndensche Fonds voor Kerk en Zending,

Landgoed Welna BV,

Landgoed “Huis te Maarn” BV,

Vicariestichting De Vijf Capellarijen/Ambachtsheerlijkheid Kloetinge,

Maatschappij tot Exploitatie van het Landgoed Tongeren onder Epe BV,

Landgoed Anderstein NV,

Landgoed Bekspring BV,

Landgoed Nijenhuis en Westerflier BV,

Landgoed Caprera BV,

Landgoed Schapenduinen BV,

Stichting Schapenduinen,

Landgoed de Noetselenberg BV

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna marbuta mal-akkwist issussidjat jew mat-tqegħid għad-dispożizzjoni bla ħlas ta’ żoni naturali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern” – Kunċett ta’ “parti interessata” – Diffikultajiet serji”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tal-appell tagħhom, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland, Stichting Het Groninger Landschap, Vereniging It Fryske Gea, Stichting Het Drentse Landschap, Stichting Landschap Overijssel, Stichting Het Geldersch Landschap, Stichting Flevo-Landschap, Stichting Het Utrechts Landschap, Stichting Landschap Noord-Holland, Stichting Het Zuid-Hollands Landschap, Stichting Het Zeeuwse Landschap, Stichting Het Noordbrabants Landschap u Stichting Het Limburgs Landschap jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Ottubru 2018, Vereniging Gelijkberechtiging Grondbezitters et vs Il-Kummissjoni ( 2 ), li permezz tagħha annullat id-Deċiżjoni C(2015) 5929 finali tat-2 ta’ Settembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.27301 (2015/NN) – Il-Pajjiżi l-Baxxi, marbuta mal-akkwist issussidjat jew mat-tpoġġija għad-dispożizzjoni bla ħlas ta’ żoni naturali, li sinteżi tagħha ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ( 3 ) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kontenzjuża”).

2.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet huma limitati għall-analiżi tat-tieni parti tal-ewwel aggravju u tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell.

3.

It-tieni parti tal-ewwel aggravju tirrigwarda, essenzjalment, il-punt dwar jekk Vereniging Gelijkberechtiging Grondbezitters (iktar ’il quddiem il-“VGG”), Exploitatiemaatschappij De Berghaaf BV, Stichting Het Nationale Park De Hoge Veluwe, BV Landgoed Den Alerdinck II, Landgoed Ampsen BV, Pallandt van Keppel Stichting, Landgoed Kasteel Keppel BV, Baron van Lynden, Stichting het Lijndensche Fonds voor Kerk en Zending, Landgoed Welna BV, Landgoed “Huis te Maarn” BV, Vicariestichting De Vijf Capellarijen/Ambachtsheerlijkheid Kloetinge, Maatschappij tot Exploitatie van het Landgoed Tongeren onder Epe BV, Landgoed Anderstein NV, Landgoed Bekspring BV, Landgoed Nijenhuis en Westerflier BV, Landgoed Caprera BV, Landgoed Schapenduinen BV, Stichting Schapenduinen u Landgoed de Noetselenberg BV, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza (iktar ’il quddiem, flimkien, “VGG et”), jistgħux jiġu kklassifikati bħala “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ( 4 ), filwaqt li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija intiża, essenzjalment, sabiex tikkontesta r-rikonoxximent mill-Qorti Ġenerali tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jobbligaw lill-Kummissjoni Ewropea tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

II. Il-kuntest ġuridiku

4.

L-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “parti interessata” kif ġej:

“[K]ull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”.

5.

Skont l-Artikolu 4(1) sa (4) ta’ dan ir-regolament:

“1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-paragrafi 2, 3 jew 4.

2.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni […]. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

4.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [108 TFUE]”.

6.

Mill-punt 11 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal‑11 ta’ Jannar 2012, intitolata “Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku” ( 5 ) jirriżulta li “[…] l-għajnuna mill-Istat […] tista’ tiġi dikjarata kompatibbli mal-Artikolu 106(2) [TFUE] jekk tkun neċessarja għall-operar tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali kkonċernat u jekk ma taffettwax l-iżvilupp tal-kummerċ sa punt tali li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni”.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

7.

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif ippreżentati fis-sentenza appellata, jistgħu jinġabru kif ġej.

8.

L-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-art (iktar ’il quddiem “l-OGT”) huma assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta’ lukru li l-għan statutorju tagħhom huwa l-konservazzjoni u l-protezzjoni tan-natura.

9.

Għall-finijiet tal-ħolqien ta’ struttura ekoloġika u ta’ netwerk “Natura 2000” għall-protezzjoni tal-biodiversità, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ta sussidji għall-akkwist ta’ żoni naturali (iktar ’il quddiem l-“iskema PNB”) lil tlettax‑il OGT (iktar ’il quddiem it-“tlettax‑il OGT”), intervenjenti fl-ewwel istanza. L-ispejjeż eliġibbli għas-sussidji f’din l-iskema kienu l-prezz tax-xiri tal-artijiet, l-ispejjeż l-oħra tal-akkwist u l-ispejjeż tax-xoljiment tal-kirjiet agrikoli gravanti l-imsemmija artijiet.

10.

Minbarra l-attività prinċipali tagħhom ta’ ġestjoni tan-natura, it-tlettax‑il OGT kienu jeżerċitaw ukoll attivitajiet sekondarji ta’ natura ekonomika, bħall-akkwist ta’ artijiet, il-forestrija, il-bejgħ ta’ njam u laħam, il-kirja ta’ drittijiet ta’ kaċċa u sajd jew ta’ attivitajiet turistiċi. Dawn l-attivitajiet jiġġeneraw dħul għalihom u jikkostitwixxu sors ta’ finanzjament tal-attività prinċipali tagħhom li għandu jintuża sabiex ikopri l-ispejjeż ta’ ġestjoni, bħas-sussidji rċevuti fil-kuntest tal-iskema PNB.

11.

L-iskema PNB kienet fis-seħħ bejn l-1993 u l-2012. Fit‑23 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni rċeviet ilment ta’ żewġ fondazzjonijiet privati mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt Olandiż, jiġifieri Stichting het Nationale Park De Hogue Veluwe u Stichting Linschoten, li jamministraw artijiet u jeżerċitaw attivitajiet ta’ konservazzjoni tan-natura u ta’ ġestjoni tal-patrimonju kulturali kif ukoll attivitajiet sekondarji, bħall-kera tal-artijiet, l-agrikultura, il-forestrija u t-turiżmu. Fl-2009, il-lanjanti ġew issostitwiti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva inkwistjoni mill-VGG, korp li l-għan soċjali tiegħu huwa li jiżgura l-ugwaljanza tad-drittijiet tal-proprjetarji tal-artijiet privati fil-kuntest tas-sussidji tal-akkwist tal-artijiet.

12.

Wara diversi skambji u laqgħat bejn il-Kummissjoni, il-VGG u l-awtoritajiet Olandiżi, il-Kummissjoni adottat, wara l-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, id-deċiżjoni kontenzjuża fit‑2 ta’ Settembru 2015, li permezz tagħha ddikjarat l-iskema tal-akkwist ta’ żoni naturali kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE.

13.

Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkunsidrat, fl-ewwel lok, li minkejja li l-kompitu ewlieni tal-OGT ma kienx ta’ natura ekonomika, sa fejn jirrigwarda l-protezzjoni tan-natura, l-OGT kienu jeżerċitaw madankollu ċerti attivitajiet sekondarji ta’ natura ekonomika, b’tali mod li l-OGT kellhom jiġu kklassifikati bħala “impriżi” fis-sens tar-regoli ta’ kompetizzjoni fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet.

14.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-iskema PNB tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Hija enfasizzat ukoll li s-sussidji li minnhom kienu bbenefikaw it-tlettax‑il OGT għall-akkwist ta’ artijiet jagħtuhom l-ewwel vantaġġ ekonomiku, mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li dawn l-OGT jistgħu jirċievu wkoll it-tieni vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill-bejgħ mill-ġdid tal-artijiet akkwistati bl-għajnuna tas-sussidji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-iskema PNB kienet selettiva peress li dawn it-tlettax‑il OGT biss ibbenefikaw minn din l-iskema. Finalment hija qieset li l-kundizzjonijiet identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg ( 6 ) ma kinux issodisfatti, peress li l-kumpens tal-benefiċjarji tal-iskema PNB ma kienx ġie ddeterminat skont proċedura adegwata.

15.

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni analizzat il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni skont regoli relattivi għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. B’mod iktar partikolari, hija kkunsidrat li t-tlettax‑il OGT kellhom obbligu ta’ servizz pubbliku ta’ protezzjoni tan-natura skont il-miżura ta’ għajnuna u li l-iskema PNB kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-qafas SIEG, b’tali mod li din l-iskema kellha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Frar 2016, VGG et ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

17.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Mejju 2016, it-tlettax‑il OGT talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

18.

Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ April 2017, intlaqgħet it-talba għal intervent, wara li nstemgħu l-partijiet.

19.

VGG et ressqu erba’ motivi insostenn tar-rikors għall-annullament tagħhom, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom, it-tieni, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ ċertezza legali, it-tielet u sussidjarjament, fuq żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-qafas SIEG, u r-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE.

20.

Il-Kummissjoni u t-tlettax‑il OGT ikkontestaw il-kwalità ta’ “partijiet interessati” ta’ VGG et, kif ukoll l-ammissibbiltà tat-tieni u r-raba’ motiv tar-rikors.

21.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors ammissibbli, laqgħet l-ewwel motiv ta’ VGG et u konsegwentement annullat id-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma wettqet l-eżami tal-motivi l-oħra.

V. It-talbiet magħmula mill-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata, u

prinċipalment, tikkundanna lil VGG et għall-ispejjeż, jew

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

23.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata,

tiċħad ir-rikors, u

tikkundanna lil VGG et għall-ispejjeż.

24.

Il-Gvern Olandiż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza appellata.

25.

VGG et jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

26.

Ma nżammitx seduta.

VI. Analiżi

A.   Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

27.

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti, sostnuti f’dan is-sens mill-Kummissjoni u l-Gvern Olandiż, jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat ir-rikors ta’ VGG et ammissibbli, peress li dawn ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999.

28.

L-appellanti u l-Kummissjoni jsostnu li, sabiex jiġu kklassifikati bħala “partijiet interessati”, kellu jiġi stabbilit, minn naħa, li VGG et kienu jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarji tal-għajnuna u, min-naħa l-oħra, li kien hemm il-possibbiltà li l-għajnuna jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom li jxekkel ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni inkwistjoni.

29.

Issa, l-appellanti u l-Kummissjoni jargumentaw li, fl-evalwazzjoni tal-effett konkret tal-għajnuna fuq is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ VGG et, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat minn żbalji ta’ liġi.

30.

Jidhirli li huwa neċessarju li jsiru xi osservazzjonijiet ġenerali dwar il-kunċett ta’ “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tar-Regolament Nru 659/1999 qabel ma jiġi analizzat, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, ir-raġunament magħmul mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

2. Evalwazzjoni

a) Fuq il-kunċett ta’ “parti interessata”

31.

Infakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ prevista fl-Artikolu 108 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ fażijiet. Minn naħa, il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE, li tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni sħiħa dwar il-fatti tal-kawża. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-proċedura li t-Trattat FUE jipprevedi l-obbligu, tal-Kummissjoni, li tinterpella lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom ( 7 ).

32.

Meta l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tinfetaħx, il-partijiet interessati, li setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet matul din it-tieni fażi, ma jkollhomx din il-possibbiltà. Bħala rimedju, huma għandhom id-dritt li jikkontestaw, quddiem il-qorti tal-Unjoni, id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni ta’ rifjut li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ( 8 ). Għalhekk, rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 108(3) TFUE ppreżentat minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE huwa ammissibbli meta l-awtur ta’ dan ir-rikors ikun qiegħed b’hekk jipprova jipproteġi d-drittijiet proċedurali tiegħu derivanti minn din l-aħħar dispożizzjoni ( 9 ).

33.

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma nfetħitx mill-Kummissjoni u li VGG et invokaw, quddiem il-Qorti Ġenerali, ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom. Għalhekk, kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali ( 10 ), l-ammissibbiltà tar-rikors tiddependi essenzjalment fuq il-kwistjoni dwar jekk VGG et stabbilixxewx li huma partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999.

34.

Din it-tieni dispożizzjoni tiddefinixxi parti interessata bħala “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”. Din id-dispożizzjoni tirriproduċi, essenzjalment, id-definizzjoni stabbilita tal-kunċett ta’ “parti interessata” mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha ( 11 ).

35.

Fi kliem ieħor, din tirrigwarda “numru indeterminat ta’ destinatarji” ( 12 ), b’tali mod li hija ġurisprudenza stabbilita li l-imsemmija dispożizzjoni “ma [t]eskludix il-fatt li kompetitur indirett tal-benefiċjarju tal-għajnuna […] jiġi kkwalifikat bħala ‘parti interessata’, sa fejn huwa jsostni li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna” ( 13 ).

36.

Huwa evidenti li l-kwalità ta’ “parti interessata” tiddependi essenzjalment mill-fatt li l-interessi tal-entità li tinvoka din il-kwalità jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-miżura ta’ għajnuna. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat b’liema mod jista’ jiġi stabbilit li l-interessi ta’ impriża jistgħu jiġu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’tali mod li din tal-aħħar tingħata l-kwalità ta’ “parti interessata”.

37.

Fil-fehma tiegħi, kemm mit-test tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, dik tal-impriżi kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna u, min-naħa l-oħra, dik tal-entitajiet li ma humiex kompetituri tal-benefiċjarju.

38.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-impriżi kompetituri tal-benefiċjarji tal-miżura, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn jinsabu “mingħajr dubju fost il-partijiet interessati” ( 14 ).

39.

Il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi wkoll, f’ġurisprudenza stabbilita, il-kwalità ta’ “parti interessata” lil impriża li tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju tal-għajnuna għal dik ir-raġuni biss ( 15 ).

40.

Fi kliem ieħor, għal impriża, is-sempliċi kwalità ta’ kompetitur tal-benefiċjarju tal-għajnuna hija suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li l-interessi tagħha ser ikunu affettwati bl-għoti tal-għajnuna, u għalhekk sabiex tikklassifikaha bħala “parti interessata”. F’din is-sitwazzjoni, l-impriża li tinvoka l-kwalità ta’ “parti interessata” minħabba l-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi tal-benefiċjarju tal-għajnuna għandha turi biss li hija tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ dan il-benefiċjarju. Kif tirrileva l-Qorti Ġenerali fil-ġurisprudenza tagħha, “kull impriża li tinvoka relazzjoni ta’ kompetizzjoni, attwali jew potenzjali, tista’ titqies bħala ‘parti interessata’” ( 16 ).

41.

Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ impriża li ma hijiex kompetitriċi tal-benefiċjarju tal-għajnuna, tista’ tiġi rrikonoxxuta lilha l-kwalità ta’ “parti interessata”, sa fejn hija turi li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna. Sabiex tagħmel dan, hija għandha, skont il-ġurisprudenza, tistabbilixxi li hemm possibbiltà li l-miżura jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha ( 17 ).

42.

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li sindakat ta’ ħaddiema jista’ jitqies li huwa “parti interessata” bil-kundizzjoni li juri li l‑interessi tiegħu stess jew tal‑membri tiegħu jistgħu eventwalment jiġu affettwati bl‑għoti ta’ għajnuna u jistabbilixxi li l‑għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is‑sitwazzjoni tiegħu jew fuq dik tal‑ħaddiema li huwa jirrappreżenta ( 18 ).

43.

Huwa evidenti li, sabiex jiġu kklassifikati bħala “partijiet interessati”, l-entitajiet għandhom jistabbilixxu li l-interessi tagħhom ser ikunu affettwati bl-għoti tal-għajnuna. Sabiex jagħmlu dan, l-impriżi kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna għandhom juru biss l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju. Mill-banda l-oħra, l-impriżi li ma humiex f’tali relazzjoni ta’ kompetizzjoni għandhom, min-naħa tagħhom, jistabbilixxu li hemm possibbiltà li l-għajnuna jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

44.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali distinzjoni hija f’kontradizzjoni ma’ kurrent – minoritarju – tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li minnha tifforma parti s-sentenza appellata.

b) Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u l-ġurisprudenza kurrenti li taqa’ taħtha

45.

Skont din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, entità għandha “sabiex tkun tista’ tiġi kklassikata bħala parti interessata, minn naħa, tistabbilixxi li hija tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarji tal-għajnuna, u min-naħa l-oħra, turi li hemm il-possibbiltà li l-għajnuna jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha, billi xxekkel ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni inkwistjoni” ( 19 ). Fi kliem ieħor, huwa rikjest li l-impriżi kompetituri tal-benefiċjarji tal-għajnuna juru kemm l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, kif ukoll l-effett konkret tal-għajnuna fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

46.

Madankollu, jiena naħseb li tali soluzzjoni ma tistax tinżamm. Peress li timponi, għar-rikonoxximent tal-kwalità ta’ “parti interessata”, kundizzjonijiet supplimentari għall-kwalità ta’ kompetitur tal-benefiċjarju, hija qabel kollox f’kontradizzjoni mat-test tar-Regolament Nru 659/1999, li jsemmi espressament il-kompetitur tal-benefiċjarju bħala parti interessata, kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha kompetitur tal-benefiċjarju jinsab mingħajr dubju fost il-partijiet interessati.

47.

Imbagħad, din is-soluzzjoni hija f’oppożizzjoni għal ġurisprudenza abbundanti tal-Qorti Ġenerali, li skontha l-prova tal-kwalità ta’ kompetitur waħedha hija suffiċjenti sabiex tikklassifika l-impriża li tinvokaha bħala “parti interessata” ( 20 ), mingħajr il-bżonn li tiġi stabbilita wkoll l-eżistenza tal-possibbiltà ta’ effett konkret tal-għajnuna fuq is-sitwazzjoni tal-impriża kompetitriċi li jwassal sabiex ixekkel ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni stabbilita.

48.

Finalment, naħseb li tali soluzzjoni tista’ twassal għal ċerta konfużjoni mal-ġurisprudenza relattiva għall-ammissibbiltà tar-rikors ta’ kompetitur meta dan tal-aħħar mhux biss jikkontesta l-ksur tad-drittijiet fundamentali, kif inhu l-każ f’din il-kawża, iżda wkoll il-fondatezza ta’ deċiżjoni li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern ( 21 ).

49.

Skont din il-ġurisprudenza, impriża li tikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tistax tinvoka biss il-kwalità tagħha ta’ “kompetitriċi” fir-rigward tal-impriża benefiċjarja, iżda għandha tistabbilixxi barra minn hekk li s-sitwazzjoni tagħha fis-suq ser tkun essenzjalment affettwata bl-għajnuna inkwistjoni ( 22 ). Is-soluzzjoni proposta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali twassal, sa ċertu punt, għal allinjament tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà, kemm jekk l-impriża tikkontesta l-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali jew il-fondatezza ta’ deċiżjoni li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna, għall-kuntrarju tal-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja.

50.

Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, l-impriża kompetitriċi ma tistax turi biss l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, iżda għandha barra minn hekk tistabbilixxi li s-sitwazzjoni tagħha hija affettwata b’mod konkret mill-miżura ta’ għajnuna peress li r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni ser tkun imxekkla minn din tal-aħħar ( 23 ). Id-distinzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà skont l-għan tar-rikors tkun għalhekk sostanzjalment eliminata.

51.

Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata u ta’ dak sostnut mill-appellanti, fil-fehma tiegħi, VGG et ma jistgħux ikunu rikjesti jipproduċu l-prova kemm tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni mat-tlettax‑il OGT benefiċjarja tal-iskema tal-għajnuna inkwistjoni kif ukoll tal-effett konkret tal-miżura fuq is-sitwazzjoni tagħhom, li xxekkel din ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni, sabiex juru l-kwalità tagħhom ta’ “parti interessata”. Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-eżami tal-Qorti Ġenerali tal-effett konkret tal-għajnuna fuq is-sitwazzjoni ta’ VGG et jikkostitwixxi motiv superfluwu.

52.

Fil-fatt, ladarba fil-punti 61 sa 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet il-fatt li VGG et kienet tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mat-tlettax‑il OGT, huwa ġust li din ikklassifikat lil VGG et bħala “partijiet interessati”, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 37 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet u mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999.

53.

Billi ddeċidiet li VGG et għandhom ikunu kkunsidrati bħala impriżi kompetituri tal-imsemmija OGT, il-Qorti Ġenerali setgħet tikklassifika b’mod validu lil VGG et bħala “partijiet interessati”.

54.

Għalhekk, anki jekk, kif isostnu l-appellanti u l-Kummissjoni, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-effett konkret tal-miżura fuq is-sitwazzjoni ta’ VGG et, tali żball ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata peress li l-evalwazzjoni tagħha tidher ibbażata fuq motivi oħra ta’ liġi ( 24 ).

55.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija ineffettiva u, għalhekk, ma tistax tiġi milqugħa.

c) Kunsiderazzjonijiet sussidjarji dwar l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-riskju ta’ effett konkret tal-miżura fuq is-sitwazzjoni ta’ VGG et

56.

Għalhekk, nirrileva li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn VGG et u t-tlettax‑il OGT benefiċjarja tal-iskema inkwistjoni hija kkontestata mill-appellanti, mill-Kummissjoni u mill-Gvern Olandiż fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju. Għall-fini ta’ kompletezza, għandu għalhekk jiġi eżaminat il-punt dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet li hemm possibbiltà li l-miżura ta’ għajnuna jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni ta’ VGG et.

57.

Fil-fatt, f’każ li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiġi milqugħa, VGG et ma jkunux jistgħu jiġu kklassifikati bħala “partijiet interessati” ħlief jekk ġie korrettement deċiż li hemm possibbiltà li l-miżura inkwistjoni għandha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom. B’mod iktar speċifiku, peress li VGG et ikunu ġew ikklassifikati b’mod żbaljat bħala kompetituri tat-tlettax‑il OGT, għandu jiġi vverifikat ukoll li l-interessi tagħhom ma jkunux, fi kwalunkwe każ, affettwati bl-għoti tal-għajnuna, peress li hemm possibbiltà li l-għajnuna jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

58.

L-appellanti, sostnuti mill-Gvern Olandiż, u l-Kummissjoni jargumentaw, minn naħa, li l-kriterju identifikat mill-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi l-effett konkret tal-għajnuna fuq is-sitwazzjoni ta’ VGG et huwa żbaljat fil-liġi. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess partijiet isostnu li l-Qorti Ġenerali ma tistax tikkonstata biss l-eżistenza ta’ effett tal-għajnuna fuq is-sitwazzjoni ta’ VGG et, peress li kien meħtieġ minn dawn tal-aħħar li jistabbilixxu effetti konkreti tal-għajnuna fuq is-sitwazzjoni tagħhom. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa għalhekk ivvizzjat minn żball ta’ liġi.

59.

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit mill-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ effett konkret tal-għajnuna fuq is-sitwazzjoni ta’ VGG et, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, hija rrilevat li “meta għajnuna mogħtija mill-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ dik ta’ impriżi kompetituri oħrajn fil-kummerċ intraKomunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala affettwati mill-għajnuna”. Madankollu, kif ġustament jirrilevaw l-appellanti u l-Kummissjoni, il-ġurisprudenza li fuqha bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali hija relattiva għall-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ( 25 ). Tali kriterju, li jippermetti li jiġi stabbilit jekk il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwiex affettwat mill-miżura ta’ għajnuna, jidhirli li huwa manifestament irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-miżura jistax ikollha effett fuq is-sitwazzjoni ta’ VGG et. Għalhekk, dan ir-raġunament, li ġej minn konfużjoni fil-qari tal-ġurisprudenza, jidhirli li huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi.

60.

Madankollu, jiena ma naħsibx li tali żball ta’ liġi fl-identifikazzjoni tal-kriterju rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ effett konkret fuq is-sitwazzjoni ta’ VGG et affettwa r-riżultat tal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali ta’ din il-kundizzjoni. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex ta’ natura li jinvalida s-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tagħha jidher fondat fuq moviti ta’ liġi oħrajn ( 26 ), li jidhirli li huwa l-każ fir-rigward tas-sentenza appellata.

61.

Minn naħa, u għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-appellanti u l-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tiġi prodotta l-prova li l-interessi ta’ rikorrent jistgħu jiġu affettwati mill-għajnuna, ma għandux jintwera tibdil effettiv tas-sitwazzjoni tiegħu, iżda sempliċement il-possibbiltà ta’ effett konkret ( 27 ). Għalhekk jiena ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta fil-punt 73 tas-sentenza appellata ddeċidiet li dak li huwa “importanti li jiġi pprodott mir-rikorrenti […] ma hijiex il-prova ta’ effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom, iżda s-sempliċi effett” tal-għajnuna fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

62.

Minn naħa, huwa paċifiku li miżura ta’ għajnuna tista’ taffettwa s-sitwazzjoni ta’ operatur “b’modi [differenti], b’mod partikolari, billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fin-nuqqas ta’ tali għajnuna” ( 28 ).

63.

Issa, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li VGG et għandhom “jinvestu f’żoni naturali sabiex jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi simili sekondarji” għal dawk eżerċitati mit-tlettax‑il OGT, u dan iwassal għal żvantaġġ meta mqabbel ma’ dawn tal-aħħar, li jistgħu jakkwistaw artijiet f’kundizzjonijiet iktar favorevoli grazzi għall-miżuri inkwistjoni. Barra minn hekk, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-argument mhux ikkontestat ta’ VGG et li skontu “l-impossibbiltà [tagħhom] li jkabbru l-proprjetà immobbli tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-imsemmija benefiċjarji wasslet għal żvilupp tal-attivitajiet tagħhom inqas favorevoli minn dak li kien ikun irreġistrat fl-assenza ta’ tali miżura ta’ għajnuna”.

64.

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, essenzjalment, li hemm possibbiltà li l-miżura inkwistjoni jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni ta’ VGG et u billi ddeċidiet li dawn tal-aħħar għandhom għalhekk jiġu kklassifikati bħala “partijiet interessati”.

65.

Għalhekk, jiena tal-opinjoni li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija ineffettiva jew, fi kwalunkwe każ, infondata u ma tistax tiġi milqugħa.

B.   Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

66.

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti, sostnuti f’dan is-sens mill-Kummissjoni u l-Gvern Olandiż, jargumentaw li l-Qorti Ġenerali aċċettat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq u rrikjediet il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

67.

Fil-fatt, permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali ma tistax, mingħajr ma twettaq żbalji ta’ liġi, tiddeċiedi li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEG) “globali” u “atipiku” fdat lill-OGT uriet l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, it-tieni nett, li barra minn hekk ir-raġunament tagħha huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni u li, it-tielet nett, fi kwalunkwe każ, billi ddeċidiet li l-klassifikazzjoni ta’ SIEG bħala “globali” jew “atipiku” hija indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ kontradizzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża li ma kinitx invokata mill-appellanti.

1. Fuq l-allegata konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ kontradizzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża

68.

Qabel kollox, jien tal-opinjoni li l-argument li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita billi bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ kontradizzjoni fir-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża li ma kinitx invokata minn VGG et ma jistax jirnexxi.

69.

Huwa minnu li fil-punti 117 sa 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-eżistenza ta’ kontradizzjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, bejn il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-OGT bħala “impriżi” u dawk dwar id-definizzjoni tas-SIEG inkwistjoni, li koprew kemm l-attività prinċipali ta’ protezzjoni tan-natura kif ukoll l-attivitajiet sekondarji tal-OGT. Tali kontradizzjoni ma kinitx invokata mill-partijiet fl-ewwel istanza.

70.

Jibqa’ l-fatt li, minn naħa, billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali esponiet biss l-argumenti ta’ partijiet differenti dwar din il-kontradizzjoni, li dwarha dawn tal-aħħar ġew mistoqsija fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

71.

Min-naħa l-oħra, minkejja li, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għar-raġunament tal-Kummissjoni dwar in-natura ekonomika tal-attivitajiet sekondarji tal-OGT, mill-banda l-oħra hija ma enfasizzatx il-preżenza ta’ eventwali kontradizzjoni bejn dan ir-raġunament u l-motivi li fuqhom hija bbażata d-definizzjoni tas-SIEG fid-deċiżjoni kontenzjuża, li ma kinitx invokata mill-partijiet.

72.

Is-soluzzjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali, li l-klassifikazzjoni bħala SIEG “globali” jew “atipiku” tal-attivitajiet tal-OGT tista’ tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, lanqas ma hija bbażata fuq il-preżenza ta’ kontradizzjoni fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 29 ).

73.

Għalhekk, minkejja li l-Qorti Ġenerali rrilevat, fl-istadju tal-espożizzjoni tal-argumenti tal-partijiet, argument li ma kienx invokat minn VGG et, dan ma għandux effett fuq is-soluzzjoni mogħtija.

2. Fuq ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tad-definizzjoni tas-SIEG

74.

L-appellanti, sostnuti f’dan is-sens mill-Kummissjoni, argumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li d-definizzjoni mill-Kummissjoni tas-SIEG, bħala SIEG “atipiku”, kienet indizju ta’ diffikultajiet serji.

75.

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali ħawdet il-punt dwar jekk l-attivitajiet tal-OGT humiex attivitajiet ekonomiċi mal-punt dwar jekk dawn l-attivitajiet jifformawx parti mis-SIEG fdat lill-OGT. Imbagħad, il-Qorti Ġenerali kellha timplimenta kriterju manifestament żbaljat sabiex tiddetermina jekk l-attivitajiet sekondarji jifformawx parti mis-SIEG. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kellhiex elementi suffiċjenti sabiex tiddeċiedi li l-attivitajiet sekondarji tal-OGT jaqgħu taħt SIEG globali jew atipiku. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kisret il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fid-definizzjoni tas-SIEG. Finalment, l-appellanti u l-Kummissjoni jirrilevaw li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma jinftiehemx u jqajjem għalhekk, essenzjalment, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

76.

Mill-punt 127 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li jeżistu diffikultajiet serji fir-rigward tad-definizzjoni tas-SIEG fid-deċiżjoni kontenzjuża minħabba n-“natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari” li, skont il-ġurisprudenza, tikkostitwixxi indizju ta’ diffikultajiet serji ( 30 ).

77.

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali fakkret li, minkejja li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tad-definizzjoni ta’ missjoni ta’ SIEG, din is-setgħa ma hijiex madankollu mingħajr limitu. Konformement mal-ġurisprudenza, “sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala SIEG, is-servizz inkwistjoni [għandu] jkollu interess ekonomiku ġenerali li jippreżenta karatteristiċi speċifiċi fir-rigward ta’ dawk ta’ attivitajiet oħra fil-ħajja ekonomika” ( 31 ).

78.

Fil-punt 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li, minkejja li l-attivitajiet sekondarji tal-OGT kienu jirriżultaw mill-attività prinċipali ta’ protezzjoni tan-natura, dawn l-attivitajiet sekondarji ma kinux magħmula obbligatorji minn din l-attività prinċipali u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat jekk l-attivitajiet sekondarji tal-OGT kinux ta’ interess ġenerali.

79.

Fil-punt 128 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali speċifikat, li “minkejja li d-dħul li l-attivitajiet sekondarji jiġġeneraw huma intiżi sabiex ikopru parti mill-ispejjeż tal-attività prinċipali ta’ konservazzjoni tan-natura u li huma strettament marbuta mal-missjoni ta’ interess ġenerali tal-imsemmija attività prinċipali, l-elementi li kellha l-Kummissjoni ma jippermettulhix, waħedhom, li tikkonkludi […] li [dawn] kienu ta’ interess ekonomiku ġenerali”.

80.

Fil-punt 129, il-Qorti Ġenerali żiedet li, minkejja li impriża li lilha jiġi fdat SIEG tista’ teżerċita attivitajiet ekonomiċi oħra marbuta mal-missjoni ta’ interess ġenerali li kienet fdata lilha, dan ma jimplikax awtomatikament li dawn tal-aħħar jifformaw parti mis-SIEG.

81.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-eżami kien inkomplet u jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

82.

Fil-punt 128 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li din il-konklużjoni kienet ikkorroborata mill-fatt li l-provi li kellha l-Kummissjoni lanqas ma jippermettulha “tikkonkludi li l-attivitajiet sekondarji kienu neċessarji għall-funzjonament tas-SIEG fis-sens tal-punt 11 tal-qafas [CSP], li hija applikat fid-deċiżjoni kkontestata”.

83.

Ċertament, f’dan ir-rigward, nirrileva li l-Qorti Ġenerali ġustament fakkret li n-natura inkompleta jew insuffiċjenti tal-eżami dwar id-definizzjoni tas-SIEG setgħet kienet indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Madankollu, jiena naħseb li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li wassalha għal din il-konklużjoni huwa vvizzjat minn diversi inkoerenzi.

84.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma setgħetx, bl-elementi li kellha, tikkonkludi li l-attivitajiet sekondarji tal-OGT kienu neċessarji għall-funzjonament tas-SIEG fis-sens tal-punt 11 tal-qafas SIEG, b’tali mod li l-inklużjoni tal-attivitajiet sekondarji fis-SIEG ma hijiex obbligatorja u tqajjem diffikultajiet serji, jien tal-opinjoni, bħall-appellanti u l-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali wettqet qari żbaljat ta’ dan il-qafas SIEG.

85.

Fil-fatt, il-punt 11 tal-qafas CSP jipprevedi sempliċement li “l-għajnuna mill-Istat […] tista’ tiġi dikjarata kompatibbli mal-Artikolu 106(2) [TFUE] jekk tkun neċessarja għall-operar” ( 32 ) tas-SIEG. Għalhekk ma humiex l-attivitajiet sekondarji li għandhom ikunu neċessarji għall-funzjonament tas-SIEG, iżda l-miżura ta’ għajnuna li l-kompatibbiltà tagħha hija eżaminata.

86.

B’hekk il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet kriterju manifestament żbaljat, u tikkritika lill-Kummissjoni li ma wrietx in-neċessità ta’ attivitajiet sekondarji għall-funzjonament tas-SIEG, minkejja li l-punt 11 tal-qafas CSP ma jimponix dan fuq il-Kummissjoni. Għalhekk, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma applikatx korrettement l-imsemmi punt għal din ir-raġuni biss.

87.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tibbaża ruħha fuq dan l-element sabiex tikkonkludi li hemm l-inkompletezza tal-eżami tal-Kummissjoni u, għalhekk, l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fid-definizzjoni tas-SIEG.

88.

Barra minn hekk, peress li l-inkompletezza tal-eżami tal-Kummissjoni fid-definizzjoni tas-SIEG ma hijiex ibbażata biss fuq l-allegat żball fl-evalwazzjoni tal-qafas SIEG, tali żball ta’ liġi ma jistax ikun suffiċjenti, waħdu, sabiex tintlaqa’ l-ewwel parti tat-tieni aggravju. Fil-fatt, żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex ta’ natura li jinvalida s-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tiegħu jidher li huwa bbażat fuq motivi oħra ta’ liġi ( 33 ). Peress li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha wkoll fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-attivitajiet sekondarji tal-OGT huma ta’ interess ġenerali sabiex tikkonkludi li hemm in-natura inkompleta tal-eżami tal-Kummissjoni, għalhekk, għandi neżamina wkoll ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar dan l-element.

89.

Għalhekk, fit-tieni lok, fir-rigward tal-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-attivitajiet sekondarji huma ta’ interess ġenerali, b’tali mod li l-eżami tal-Kummissjoni huwa wkoll inkomplet dwar dan il-punt, jiena naħseb li tali konstatazzjoni hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

90.

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali rrilevat biss li l-elementi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-Kummissjoni ma kinux suffiċjenti sabiex iwasslu għall-konklużjoni li dawn l-attivitajiet sekondarji kienu ta’ interess ġenerali, filwaqt li fil-punti 128 u 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ammettiet li l-Kummissjoni kienet irrilevat elementi li jistabbilixxu rabta ċerta bejn l-attività ta’ protezzjoni tan-natura u l-attivitajiet sekondarji tal-OGT, li jipparteċipaw għalhekk fit-twettiq tal-missjoni ta’ interess ġenerali identifikata. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma sostniet ir-raġunijiet li għalihom dawn l-elementi, għalkemm manifestament rilevanti, ma kinux suffiċjenti.

91.

Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali lanqas ma jippermetti li jinftiehmu liema elementi setgħu juru b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-attivitajiet sekondarji tal-OGT kienu ta’ interess ġenerali, u dan iktar u iktar meta l-eżistenza ta’ rabta stretta bejn dawn l-attivitajiet u l-interess ġenerali li jrid jintlaħaq ma tippermettix, skont il-Qorti Ġenerali, li tistabbilixxi dan.

92.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-obbligu li s-sentenzi jkunu mmotivati jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u mill-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tagħha, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ( 34 ).

93.

Issa, il-Qorti Ġenerali affermat biss li l-elementi li kellha l-Kummissjoni għad-dispożizzjoni tagħha ma kinux suffiċjenti sabiex tasal għall-konklużjoni li din ma stabbilixxietx li l-attivitajiet sekondarji kienu ta’ interess ġenerali, mingħajr madankollu ma wriet kif dawn l-elementi kienu insuffiċjenti jew speċifikat liema elementi kienu insuffiċjenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma huwiex ċar u, fil-fehma tiegħi, ma jippermettix lill-persuni interessati jkunu jafu l-motivi tas-soluzzjoni adottata, b’tali mod li dan huwa vvizzjat, fil-fehma tiegħi, minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

94.

Għalhekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali relattiv għall-inkompletezza tal-eżami tal-Kummissjoni tad-definizzjoni tas-SIEG huwa vvizzjat, minn naħa, minn żball ta’ liġi u, min-naħa l-oħra, minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

95.

Għalhekk, jiena tal-opinjoni li hemm lok li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi milqugħa.

VII. Konklużjoni

96.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien inqis li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala li hija ineffettiva u li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi milqugħa, mingħajr ma dan jippreġudika l-fondatezza tal-partijiet l-oħra tal-aggravji tal-appell.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2018 (T‑79/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:680).

( 3 ) ĠU 2016, C 9, p. 1.

( 4 ) Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

( 5 ) ĠU 2012, C 8, p. 15, iktar ’il quddiem il-“qafas SIEG” (servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali).

( 6 ) Sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003 (C‑280/00, EU:C:2003:415).

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni (C‑198/91, EU:C:1993:197, punt 22); tal‑15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 16); kif ukoll tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 94).

( 8 ) Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 53).

( 9 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 36), u tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni (C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 56).

( 10 ) Punt 59 tas-sentenza appellata.

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni (323/82, EU:C:1984:345, punt 16); tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 41); kif ukoll tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et (C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 132).

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni (323/82, EU:C:1984:345, punt 16); tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 63); kif ukoll tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et (C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 132).

( 13 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 64), kif ukoll tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et (C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 132).

( 14 ) Sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni (C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2004, Kronofrance vs Il-Kummissjoni (T‑27/02, EU:T:2004:348, punt 44); tat‑28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 73); tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Sarc vs Il-Kummissjoni (T‑488/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:497, punt 41); tal‑5 ta’ Novembru 2014, Vtesse Networks vs Il-Kummissjoni (T‑362/10, EU:T:2014:928, punt 47); tad‑19 ta’ Ġunju 2019, NeXovation vs Il-Kummissjoni (T‑353/15, EU:T:2019:434, punt 69); kif ukoll id-digriet tas‑26 ta’ Marzu 2014, Adorisio et vs Il-Kummissjoni (T‑321/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:175, punt 41).

( 16 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, NeXovation vs Il-Kummissjoni (T‑353/15, EU:T:2019:434, punt 69).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 65), kif ukoll tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et (C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 132).

( 18 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni (C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 33).

( 19 ) Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, Hamr – Sport vs Il-Kummissjoni (T‑693/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:292, punt 42); is-sentenza appellata (punt 54); kif ukoll id-digriet tat‑28 ta’ Settembru 2018, Motex vs Il-Kummissjoni (T‑713/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:631, punt 26). Enfasi miżjuda minni.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2004, Kronofrance vs Il-Kummissjoni (T‑27/02, EU:T:2004:348, punt 44); tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 73); tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Sarc vs Il-Kummissjoni (T‑488/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:497, punt 41); tal‑5 ta’ Novembru 2014, Vtesse Networks vs Il-Kummissjoni (T‑362/10, EU:T:2014:928, punt 47); tad‑19 ta’ Ġunju 2019, NeXovation vs Il-Kummissjoni (T‑353/15, EU:T:2019:434, punt 69); kif ukoll id-digriet tas‑26 ta’ Marzu 2014, Adorisio et vs Il-Kummissjoni (T‑321/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:175, punt 41).

( 21 ) Ara, għal sunt utli tal-kundizzjonijiet differenti ta’ ammissibbiltà skont l-għan tar-rikors, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punti 31 sa 37), jew, iktar reċenti, tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il-Kummissjoni (T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punti 37 sa 45).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 33).

( 23 ) Tali riskju jirriżulta barra minn hekk mill-qari tal-osservazzjonijiet tal-appellanti u tal-Kummissjoni. Dawn isostnu li billi ddikjarat li VGG et ma għandhomx jipproduċu l-prova ta’ effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom, iżda sempliċement tal-effett tal-għajnuna fuq din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. L-appellanti argumentaw, b’mod iktar partikolari, li VGG et kellhom jipproduċu analiżi ekonomika li turi effett konkret fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom.

( 24 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 47), kif ukoll tad‑29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 136).

( 25 ) Il-Qorti Ġenerali tiċċita, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni (730/79, EU:C:1980:209, punt 11).

( 26 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 47), kif ukoll tad‑29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 136).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 65), kif ukoll tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et (C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 132). Enfasi miżjuda minni.

( 28 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 53).

( 29 ) Il-Kummissjoni stess tammetti, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ kontradizzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2015, Pollmeier Massivholz vs Il-Kummissjoni (T‑89/09, EU:T:2015:153, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova (C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 27), u tas‑17 ta’ Lulju 1997, GT‑Link (C‑242/95, EU:C:1997:376, punt 53).

( 32 ) Enfasi miżjuda minni.

( 33 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 47), kif ukoll tad‑29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 136).

( 34 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig‑Halle vs Il-Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top