EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0753

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fil-15 ta’ Jannar 2020.
Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå u.p.a. (Stim) u Svenska artisters och musikers intresseorganisation ek. för. (SAMI) vs Fleetmanager Sweden AB u Nordisk Biluthyrning AB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Högsta domstolen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(2) – Kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” – Impriża ta’ kiri ta’ vetturi kollha mgħammra b’radju bħala apparat standard.
Kawża C-753/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:4

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil-15 ta’ Jannar 2020 ( 1 )

Kawża C‑753/18

Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå u.p.a. (Stim),

Svenska artisters och musikers intresseorganisation ek. för. (SAMI)

vs

Fleetmanager Sweden AB,

Nordisk Biluthyrning AB

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Högsta domstolen (il‑Qorti Suprema, l-Isvezja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intelletwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(2) – Kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ – Kumpannija ta’ kiri ta’ vetturi kollha mgħammra b’radju bħala apparat standard”

Introduzzjoni

1.

Ftit kwistjonijiet fid-dritt tal-Unjoni wasslu għal daqstant deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien tant qasir daqs l‑interpretazzjoni tal-kunċett tad-“dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fid-drittijiet tal-awtur” ( 2 ). Din il-ġurisprudenza abbundanti, iżda neċessarjament frammentata, ġiet ikklassifikata bħala “labirint” u l-Qorti tal-Ġustizzja stess bħala “Teżew” ( 3 ).

2.

Minkejja li din il-kawża ma twassalx għal sistematizzazzjoni kompleta ta’ din il-ġurisprudenza ( 4 ), hija tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l‑opportunità li tistabbilixxi xi prinċipji ġenerali li jippermettu li jiġi ddefinit b’mod iktar preċiż dak li jaqa’ fid-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku u dak li ma jaqax fih. B’mod iktar preċiż, din il-kawża tirrigwarda b’mod partikolari l-element kruċjali ta’ komunikazzjoni lill‑pubbliku, jiġifieri l-att ta’ komunikazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

3.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l‑informazzjoni ( 5 ) jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax‑xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

4.

Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali ( 6 ):

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk jintuża fonogramm ippubblikat għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, għax‑xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill‑pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l‑produtturi tal-fonogramm relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il‑kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom.”

5.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 8(2) tad‑Direttiva 2006/115 ġew trasposti fid-dritt Svediż, fil-punt 1 tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 u fl-Artikolu 47 tal-upphovrättslagen (1960:279) (il-Liġi Nru 279 tal-1960 dwar id-Drittijiet tal-Awtur) rispettivament.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

6.

Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå (Stim) u.p.a. (organizzazzjoni Svediża ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal‑kompożituri ta’ xogħlijiet mużikali u tal-edituri tagħhom, iktar ’il quddiem “Stim”) u Svenska artisters och musikers intresseorganisation ek. för. (organizzazzjoni Svediża ta’ ġestjoni tad-drittijiet relatati tal-artisti, iktar ’il quddiem “SAMI”) huma organizzazzjonijiet Svediżi ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati.

7.

Fleetmanager Sweden AB (iktar ’il quddiem “Fleetmanager”) u Nordisk Biluthyrning AB (iktar ’il quddiem “NB”) huma kumpanniji ta’ kiri ta’ vetturi stabbiliti fl-Isvezja. Huma jipprovdu, b’mod dirett jew permezz ta’ intermedjarji, vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju għall‑kiri għal perijodi li ma jaqbżux id-29 jum, li huwa kkunsidrat bħala kiri għal perijodu qasir.

8.

Fl-ewwel miż-żewġ kawżi li fil-kuntest tagħhom ġew imressqa d‑domandi preliminari f’din il-kawża, Stim talbet lil Fleetmanager tħallasha s-somma ta’ 369450 krona Svediża (SEK) (madwar EUR 34500), bl-interessi, minħabba l-involviment tagħha fir-rigward tal-fatt li, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ Stim, terzi persuni poġġew xogħlijiet mużikali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fis-sens tad-drittijiet tal-awtur, billi poġġew għad-dispożizzjoni tal-pubbliku vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju għal kirjiet għal perijodu qasir.

9.

It-tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, l-Isvezja) ikkonstatat li l‑kiri ta’ vetturi mgħammra b’sett tar-radju kien jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Liġi Nru 279 tal-1960 dwar id-Drittijiet tal-Awtur u li, bħala prinċipju, kien dovut ħlas għad-danni. Madankollu, hija kkonstatat ukoll li Fleetmanager ma kinitx ipparteċipat f’dan il-ksur tad-drittijiet tal‑awtur, b’tali mod li r‑rikors ta’ Stim ġie miċħud. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell. Stim appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il‑Högsta domstolen (il‑Qorti Suprema, l-Isvezja).

10.

Fit-tieni kawża, NB ressqet rikors quddiem il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja) sabiex jiġi deċiż li ma kinitx obbligata tħallas kontribuzzjonijiet lil SAMI għall-użu ta’ reġistrazzjonijiet awdjo bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2016 minħabba l-fatt li l-vetturi mikrija lil individwi jew lil negozjanti kienu mgħammra b’sett tar-radju jew CD player.

11.

Il-Patent och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi) ikkonstatat li l-Liġi Nru 279 tal-1960 dwar id-Drittijiet tal-Awtur kellha tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva 2001/29 u li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu rilevanti msemmi fl‑Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 kien jikkorrispondi ma’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 2001/29. Hija kkonstatat ukoll li billi poġġiet għad‑dispożizzjoni xi settijiet tar-radju fil-vetturi tal-kiri, NB kienet qiegħda tagħti r-reġistrazzjonijiet awdjo lil min jikri l-imsemmija vetturi u li din għalhekk kienet kwistjoni ta’ “komunikazzjoni”. Barra minn hekk, din il‑qorti qieset li l-kriterji l-oħra tal-“komunikazzjoni lill-pubbliku” kienu ssodisfatti wkoll. Abbażi tal-provi mressqa minn SAMI, ġie kkonstatat li l-ħdax‑il vettura li kienu jappartjenu lir-rikorrenti kienu ġew mikrija b’medja ta’ 528 darba fis-sena. Minn dan, il-Patent och marknadsdomstolen (il‑Qorti tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi) ikkonkludiet li NB għandha tħallas id-danni lil SAMI u ċaħdet ir-rikors tagħha. Għall-kuntrarju, din is-sentenza ġiet annullata fl‑appell mill-Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja). SAMI appellat mis-sentenza ta’ din tal-aħħar quddiem il-Högsta domstolen (il‑Qorti Suprema).

12.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id‑domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-kiri ta’ vetturi mgħammra b’mod standard b’riċetturi tar-radju [b’settijiet tar-radju] għandu l-effett li l-persuna li tikri dawn il-vetturi lil persuni oħra hija utent li jwettaq ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’, fis-sens tal‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 8(2) tad‑Direttiva 2006/115?

2)

Il-volum tal-attività ta’ kiri ta’ vetturi kif ukoll it-tul tal-kiri jista’ jkollhom xi effett?”

13.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Novembru 2018. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni. L-istess partijiet instemgħu wkoll waqt is-seduta tas-6 ta’ Novembru 2019.

Analiżi

Fuq l-ewwel domanda preliminari

14.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kiri ta’ vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 8(2) tad‑Direttiva 2006/115.

15.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, it-terminu “komunikazzjoni lill-pubbliku” użat fiż-żewġ dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija għandu jiġi interpretat bħala li għandu l-istess tifsira ( 7 ). B’hekk, ir-risposta li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ser ikollha l-istess portata fil-kuntest taż-żewġ dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, minkejja l-eventwali diverġenzi terminoloġiċi fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tagħhom, b’mod partikolari l-verżjoni bil-lingwa Svediża.

16.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jagħti lill-awturi d-dritt ta’ natura preventiva li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kwalunkwe komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom. L-awturi b’hekk huma f’pożizzjoni, b’mod partikolari, li jiksbu dħul mill-użu tax‑xogħlijiet tagħhom meta jkun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku.

17.

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jagħtix dritt esklużiv analogu. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tiżgura lill-artisti u lill‑produtturi tal-fonogrammi ħlas ekwu fil-każ fejn il-fonogramm jiġi kkomunikat lill-pubbliku.

18.

La d-Direttiva 2001/29 u lanqas id-Direttiva 2006/115 ma jagħtu definizzjoni legali tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”. Ċerti spjegazzjonijiet fir-rigward tat-tifsira li għandha tingħata lil dan il‑kunċett jirriżultaw mill-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29. Skont din il‑premessa, l-imsemmi kunċett ikopri kull komunikazzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-lok fejn toriġina l-komunikazzjoni. Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jkopri kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid, b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Il‑premessa 27 ta’ din id-direttiva żżid li s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ sseħħ jew biex isseħħ komunikazzjoni ma tikkostitwixxix fiha nnifisha komunikazzjoni lill-pubbliku.

19.

Għandu jitfakkar ukoll li, mill-perspettiva teknika, il‑komunikazzjoni lill-pubbliku jista’ jkollha żewġ forom prinċipali: il‑komunikazzjoni fiha nnifisha u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal‑pubbliku. Fl-ewwel każ, huwa l-utent li minnu toriġina l‑komunikazzjoni li jiddeċiedi l-mod tekniku u l-mument li fih issir il‑komunikazzjoni, filwaqt li d-destinatarji potenzjali jkunu jistgħu jirċievu, jew le, din il-komunikazzjoni. Fit-tieni każ, ix-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tad-destinatarji b’mod permanenti, u dawn ikun jista’ jkollhom aċċess fil-post u fil-mument magħżul minnhom. Dan it-tieni eżempju jirrigwarda b’mod partikolari s-servizzi on demand u l-internet. F’din il-kawża, li tirrigwarda x-xogħlijiet imxandra, japplika l-ewwel eżempju, jiġifieri l-komunikazzjoni fis-sens strett.

20.

Diversi kawżi taw l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddefinixxi l-parametri tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”.

21.

B’mod partikolari, hija kkonstatat li komunikazzjoni lill-pubbliku tinkludi żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol protett u pubbliku li għalih hija indirizzata din il‑komunikazzjoni ( 8 ).

22.

Ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari f’din il-kawża tirrikjedi analiżi dwar jekk dawn iż-żewġ elementi humiex issodisfatti fil-każ ta’ kiri ta’ vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju.

23.

Mingħajr dubju, u barra minn hekk dan il-punt ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, il-kumpanniji ta’ kiri ta’ vetturi ma jwettqux atti ta’ trażmissjoni ta’ xandiriet tar-radju, peress li din it-trażmissjoni ssir mill-organi tax-xandir. Madankollu dan ma jeskludix, a priori, li l‑attività tal-imsemmija kumpanniji tista’ tiġi kklassifikata, fid-dawl tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala li taqa’ taħt id-dritt esklużiv tal-komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

24.

Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-att ta’ komunikazzjoni, il-Qorti tal‑Ġustizzja kkonstatat l-eżistenza tiegħu f’numru ta’ ċirkustanzi li jmorru lil hinn mill-kuntest ta’ sempliċi trażmissjoni diretta ta’ xogħol, pereżempju permezz tax-xandir.

25.

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala komunikazzjoni lill-pubbliku l-fatt li lukanda tagħti aċċess lill-klijenti tagħha għal xogħlijiet protetti permezz ta’ settijiet ta’ televiżjoni fil-kmamar u tiddistribwixxi permezz ta’ dawn is-settijiet is-sinjal tat-televiżjoni rċevut mill-antenna ċentrali ( 9 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn is-sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet fiżiċi li ma tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku u l-fatt li jiġi ddistribwit is‑sinjal permezz ta’ dawn l-installazzjonijiet li, min-naħa tiegħu, jaqa’ f’dan il-kunċett ( 10 ).

26.

L-istess japplika meta lukanda ma tipprovdix settijiet tat-televiżjoni fil-kmamar, iżda apparat li jippermetti li jinstemgħu diski CD u d-diski stess ( 11 ). Fil-fatt, tali stabbiliment, billi jpoġġi għad‑dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu kemm l-apparat tekniku li jippermetti aċċess għal xogħlijiet protetti kif ukoll ipoġġi għad-dispożizzjoni tagħhom dawn ix‑xogħlijiet stess fil-forma ta’ fonogrammi fuq diski CD, iwettaq komunikazzjoni lill-pubbliku tal-imsemmija xogħlijiet protetti ( 12 ).

27.

Jikkostitwixxi wkoll komunikazzjoni lill-pubbliku l-fatt li l‑operatur ta’ stabbiliment aċċessibbli għall-pubbliku jippermetti deliberatament lill-imsemmi pubbliku li jaċċedi għal xogħlijiet protetti mxandra permezz tas-settijiet tat‑televiżjoni installati fl-imsemmi stabbiliment ( 13 ).

28.

Il-komunikazzjoni lill-pubbliku tista’ tikkonsisti wkoll fir‑reġistrazzjoni ta’ xandiriet imxandra u fit-tqegħid ta’ kopji tagħhom għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ servizz internet ta’ reġistrazzjoni mill-bogħod fil-cloud (cloud computing) ( 14 ).

29.

Dejjem fil-qasam tal-internet, għandha tiġi kklassifikata bħala att ta’ komunikazzjoni mhux biss il-pubblikazzjoni ta’ xogħol fuq sit internet ( 15 ), iżda wkoll il-fatt li jiġu pprovduti ħolqiet (links) li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet protetti li jinsabu fuq sit internet ieħor ( 16 ). Barra minn hekk, ma huwiex imperattiv, għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, li dawn il-ħolqiet ikunu fuq sit internet: huma jistgħu wkoll ikunu rreġistrati minn qabel fis-softwer ta’ mediaplayer, jiġifieri apparat tekniku. L-att ta’ komunikazzjoni allura jikkonsisti fil-provvista ta’ dawn il‑mediaplayers ( 17 ). Madankollu, b’mod analogu mal-kawża li wasslet għas-sentenza SGAE ( 18 ), ma hijiex is-sempliċi provvista ta’ apparat tekniku li tagħti lok għall‑komunikazzjoni, iżda l-fatt li f’dan l-apparat ikunu ġew installati minn qabel links lejn xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni (mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur) fuq l-internet ( 19 ).

30.

Finalment, hija att ta’ komunikazzjoni l-provvista u l-ġestjoni ta’ pjattaforma ta’ qsim online, fil-kuntest ta’ netwerk peer-to-peer ( 20 ).

31.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rwol inevitabbli li għandu l-utent li jaġixxi b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu sabiex jagħti aċċess lill-pubbliku għal xogħlijiet protetti ( 21 ).

32.

Issa, dan l-intervent tal-utent ma għandux jiġi limitat għall-apparat tekniku li jippermetti li jitgawdew xogħlijiet protetti, bħas-settijiet tar‑radju jew tat-televiżjoni, is-CD players jew inkella l-mediaplayers. Tali intervent limitat għandu fil-fatt jiġi assimilat mas-sempliċi provvista ta’ apparat tekniku, li ma tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku, skont ir-regola ta’ interpretazzjoni li tinsab fil-premessa 27 tad‑Direttiva 2001/29.

33.

Sabiex jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku, l-intervent tal-utent għandu neċessarjament jaffettwa x-xogħlijiet protetti stess, jiġifieri l-kontenut tal-komunikazzjoni.

34.

Dan l-intervent fuq il-kontenut tal-komunikazzjoni jista’ jieħu diversi forom. Jista’ jkun trażmissjoni tas-sinjal lejn settijiet tat‑televiżjoni installati fil-kmamar ta’ lukanda, il-provvista ta’ diski CD flimkien ma’ CD players, ir-rappreżentazzjoni ta’ xandiriet tat-televiżjoni fi spazji pubbliċi, l-użu ta’ ħolqiet internet li jwasslu għal xogħlijiet protetti jew l-installazzjoni minn qabel ta’ tali ħolqiet fuq mediaplayer, ir‑reġistrazzjoni ta’ xandiriet imxandra jew anki, saħansitra, l‑indiċjar ta’ metadata relatata ma’ xogħlijiet fil-kuntest ta’ netwerk peer-to-peer.

35.

L-ebda waħda minn dawn il-forom ta’ intervent ma hija rikjesta (fiha nnifisha) sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni. Madankollu huma kollha għandhom punt komuni, jiġifieri r-rabta diretta bejn l-intervent tal-utent u x-xogħlijiet protetti hekk ikkomunikati. Dan il-punt komuni huwa l-element ċentrali li mingħajru ma jistax ikun hemm att ta’ komunikazzjoni.

36.

Jiena għalhekk ma naqbilx mal-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx rekwiżit ġenerali f’dan is-sens sabiex tkun ikkonstatata l-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Fil-fatt, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma speċifikatx espressament dan ir-rekwiżit bħala regola ġenerali, huwa għaliex dan huwa inerenti għall-kunċett stess ta’ “komunikazzjoni lill‑pubbliku”, peress li din il-komunikazzjoni għandu neċessarjament ikollha kontenut li jikkonsisti f’xogħlijiet protetti. Madankollu, dan ir‑rekwiżit tal-intervent fuq il-kontenut tal-komunikazzjoni, anki jekk ma jissemmiex b’mod espliċitu, huwa impliċitament preżenti fid‑deċiżjonijiet kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom hija kkonstatat l‑eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni.

37.

Dan huwa partikolarment viżibbli fid-deċiżjonijiet li fihom il‑Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħmel distinzjoni bejn att ta’ komunikazzjoni lill‑pubbliku u sempliċi provvista ta’ apparat tekniku. Fihom il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-element determinanti tal-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni, jiġifieri l-intervent dirett fuq il-kontenut tal‑komunikazzjoni, peress li dan l-element huwa differenti mill‑provvista ta’ apparat. B’hekk, ma huwiex il-fatt li ġew installati settijiet ta’ televiżjoni fil-kmamar tal-lukanda, iżda d-distribuzzjoni tas‑sinjal li tikkostitwixxi l-att ta’ komunikazzjoni ( 22 ). B’mod analogu, il‑provvista ta’ CD players ma kinitx tikkostitwixxi tali att mingħajr il‑provvista parallela tad‑diski CD, peress li dawn iż-żewġ elementi huma t-tnejn neċessarji sabiex jitgawdew ix-xogħlijiet protetti ( 23 ). Bl-istess mod, fin-nuqqas ta’ ħolqiet installati minn qabel li jippermettu l-aċċess fuq l-internet għal xogħlijiet protetti, is-sempliċi provvista ta’ mediaplayers ma kinitx twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni ( 24 ).

38.

Issa, fl-opinjoni tiegħi huwa evidenti biżżejjed li l-impriżi ta’ kiri ta’ vetturi ma jwettqu l-ebda intervent li jirrigwarda direttament ix‑xogħlijiet jew il-fonogrammi li huma mxandra u li jistgħu eventwalment jinstemgħu mill-klijenti tagħhom permezz tas-settijiet tar‑radju li bihom huma mgħammra l-vetturi mikrija. Dawn il-kumpanniji sempliċement jipprovdu lill-klijenti tagħhom vetturi mgħammra mill‑manifatturi tagħhom b’settijiet tar-radju. Huma l-klijenti ta’ dawn il‑kumpanniji li jieħdu d-deċiżjoni jekk jisimgħux jew le x-xandiriet imxandra.

39.

Is-settijiet tar-radju installati fil-vetturi huma kkonċepiti b’tali mod li jkunu jistgħu jaqbdu, mingħajr ebda intervent addizzjonali, ix‑xandir terrestri fiż-żona li fiha jinsabu. L-unika komunikazzjoni lill‑pubbliku li ssir hija għalhekk dik imwettqa mill-organi tax-xandir. Min-naħa l-oħra, hawnhekk ma hawn l-ebda komunikazzjoni lill‑pubbliku sussegwenti, b’mod partikolari mill-kumpanniji tal-kiri tal‑vetturi. Issa, meta awtorizzaw ix‑xandir tax-xogħlijiet protetti li fir-rigward tagħhom huma l‑proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, il-klijenti ta’ Stim u ta’ SAMI kellhom neċessarjament jieħdu inkunsiderazzjoni l-utenti kollha li għandhom settijiet tar-radju u li jinsabu fiż-żona ta’ kopertura tat-trażmissjoni, inkluż is-settijiet tar-radju installati f’vetturi u irrispettivament mill-mod ta’ kif dawn il-vetturi jintużaw.

40.

Ir-rwol tal-kumpanniji tal-kiri ta’ vetturi huwa għalhekk limitat għas-sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet intiżi sabiex jippermettu komunikazzjoni lill-pubbliku, li, skont il-premessa 27 tad‑Direttiva 2001/29, ma tikkostitwixxix tali komunikazzjoni ( 25 ). L‑argument imressaq minn Stim u SAMI fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li din il-premessa tkopri biss l-atturi speċjalizzati fil‑manifattura jew fil-bejgħ ta’ apparat intiż sabiex ikun hemm komunikazzjoni mill-bogħod, huwa bbażat fuq qari żbaljat tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tas-sentenza SGAE ( 26 ). Fil-fatt, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat diversi drabi l‑eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni, dan ma kienx minħabba l-fatt tal‑kwalità tal-utent ikkonċernat, iżda minħabba l-intervent addizzjonali tal-imsemmi utent, li jmur lil hinn mis-sempliċi provvista ta’ apparat, bħat-trażmissjoni tas-sinjal. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Stichting Brein ( 27 ), l-utent ikkonċernat kien “attur speċjalizzat fil-provvista ta’ mediaplayers”. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kkonstatat l-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni minħabba l-kontenut tas-softwer ta’ dawn il‑mediaplayers.

41.

Lanqas ma għandu jiġi aċċettat l-argument ta’ Stim u ta’ SAMI li r‑responsabbiltà tal-kumpanniji ta’ kiri ta’ vetturi għandha tirriżulta mill‑fatt li dawn iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħhom spazji, li Stim u SAMI jikklassifikaw bħala “pubbliċi”, jiġifieri l-parti interna tal‑vetturi tal-kiri, li fihom jistgħu jinstemgħu xogħlijiet protetti permezz tas-settijiet tar-radju li bihom huma mgħammra dawn il-vetturi. L-istess bħall-provvista tas-settijiet tar-radju stess, il-“provvista” tal‑ispazju li fih huwa possibbli jintużaw dawn is-settijiet tar-radju ma hijiex att ta’ komunikazzjoni fin-nuqqas ta’ intervent tal-utent dwar il‑kontenut ta’ din il-komunikazzjoni, jiġifieri x-xogħlijiet protetti.

42.

Min-naħa l-oħra, naqbel mal-pożizzjoni ta’ Stim u ta’ SAMI li huwa irrilevanti li s-settijiet tar-radju kienu installati fil-vetturi mill‑manifatturi tal-imsemmija vetturi. Madankollu, bl-istess loġika, lanqas ma huwa rilevanti jkun magħruf jekk il-kumpanniji ta’ kiri ta’ vetturi ma jridux, kif jallegaw Stim u SAMI, jew ma jistgħux, kif jallegaw l‑imsemmija kumpanniji, iżarmaw jew jagħmlu dawn is-settijiet tar-radju inutilizzabbli. Dawn il-fatti fil-fatt ma jirrigwardawx atti ta’ komunikazzjoni lill‑pubbliku tax-xogħlijiet protetti, iżda sempliċement il-provvista ta’ apparat tekniku u jibqgħu, bħala tali, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

43.

Finalment, il-fatt li l-possibbiltà li wieħed jisma’ xogħlijiet protetti fil‑vetturi tal-kiri permezz tas-settijiet tar-radju hemm installati jikkontribwixxi sabiex l-attività tal-kiri tal-imsemmija vetturi tkun iktar attraenti u profittabbli huwa wkoll irrilevanti fir-rigward tal-punt dwar jekk hemmx att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u dwar ir-responsabbiltà eventwali tal-imsemmija kumpanniji abbażi tad-drittijiet tal-awtur.

44.

Il-provvista ta’ kull apparat tekniku intiż sabiex iwettaq jew jirċievi komunikazzjoni mill-bogħod normalment isseħħ fil-kuntest ta’ attività bi qligħ. Il-qligħ minn din l-attività huwa bbażat fil-parti l-kbira tiegħu fuq il-fatt li l-imsemmi apparat jintuża sabiex iwettaq jew jirċievi l‑komunikazzjoni ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur u bid‑drittijiet relatati – dan huwa l-għan prinċipali tax-xiri ta’ tali apparat. Madankollu, l-ebda remunerazzjoni ma hija dovuta lill-proprjetarji tal‑imsemmija drittijiet min-naħa tal-fornituri ta’ tali apparat ( 28 ). Huwa proprju sabiex jilqgħu kontra l-argument li jitlob tali remunerazzjoni li l‑firmatarji tat‑Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali (WIPO) dwar id-Drittijiet tal-Awtur ( 29 ), fid-dikjarazzjoni komuni dwar l-Artikolu 8 ta’ dan it-trattat, u bħalhom il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29, indikaw li s-sempliċi provvista ta’ apparat tekniku ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala komunikazzjoni lill-pubbliku. Huwa irrilevanti din il-provvista tkunx saret taħt il-forma ta’ bejgħ, kiri għal perijodu twil, kiri għal perijodu qasir jew xi mod ieħor.

45.

B’hekk, fil-każ ta’ kiri ta’ vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju, fl-opinjoni tiegħi ma hemmx att ta’ komunikazzjoni fis-sens tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata f’dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk ma hemmx raġuni għalfejn jiġi eżaminat jekk hemmx il-preżenza tat-tieni element ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, jiġifieri l-pubbliku.

46.

Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u l‑Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandhom jiġu interpretati fis‑sens li l-kiri ta’ vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet.

Fuq it-tieni domanda preliminari

47.

Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-volum tal-attività ta’ kiri ta’ vetturi u t-tul tal-kiri jistax ikollhom effett fuq ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda.

48.

Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda preliminari, ir-risposta għat-tieni domanda tista’ tkun biss waħda negattiva. L-attività inkwistjoni ma tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, irrispettivament mill-volum ta’ din l-attività u t-tul tal-kiri.

49.

Huwa biss biex inkun eżawrjenti li ser nittratta fil-qosor l-analiżi tat-tieni domanda preliminari, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda.

50.

Skont ġurisprudenza stabbilita ferm, il-pubbliku li lilu għandha tkun indirizzata komunikazzjoni għandu jkun magħmul minn numru potenzjalment mhux stabbilit, iżda pjuttost sinjifikattiv ta’ persuni, b’tali mod li jkun hemm limitu de minimis li jeskludi minn dan il-kunċett grupp ta’ persuni kkonċernati żgħir wisq, jew saħansitra insinjifikattiv. Barra minn hekk jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-effetti kumulattivi li jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet protetti lil destinatarji mhux biss b’mod parallel, iżda anki b’mod suċċessiv ( 30 ).

51.

Dawn il-kunċetti huma evidentement vagi u l-interpretazzjoni tagħhom tiddependi bis-sħiħ mill-fatti ta’ kull każ konkret. Madankollu, nikkunsidra li meta l-attività ta’ kiri ta’ vetturi ma tillimitax ruħha għal każijiet iżolati ta’ kiri, iżda jkollha natura ta’ attività permanenti, in-numru ta’ klijenti suċċessivi jkun suffiċjentement sinjifikattiv sabiex jinqabeż il‑limitu ta’ numru insinjifikattiv. B’mod partikolari, dawn il-klijenti ma jiffurmawx parti minn ċirku ta’ persuni partikolari li jista’ jiġi assimilat ma’ ċirku privat ( 31 ). B’hekk, il-volum ta’ tali attività, sakemm għandha natura permanenti, ma għandux effett fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

52.

F’dak li jirrigwarda t-tul tal-kiri tal-vetturi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jagħmlu distinzjoni bejn il-kiri għal perijodu qasir, li ma jaqbiżx id-29 jum, u l-kiri għal perijodu twil. Huma jsostnu li minn 30 jum ta’ kiri l-vettura ma tibqax spazju pubbliku, iżda ssir spazju privat, b’tali mod li l-preżenza ta’ sett tar-radju fl-imsemmija vettura ma tibqax tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku.

53.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l‑okkażjoni tiddeċiedi li n-natura pubblika jew privata tal-ispazju li fih tiġi rċevuta l-komunikazzjoni lill-pubbliku ma għandha l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal‑eżistenza ta’ din il-komunikazzjoni, bir-riskju li d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jitlef is-sinjifikat tiegħu ( 32 ).

54.

B’hekk, it-tul tal-kiri tal-vettura u l-allegata natura pubblika jew privata tiegħu li tirriżulta minnu ma għandhom l-ebda effett fuq l‑evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

55.

Konsegwentement, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl‑affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, din ir-risposta, bħal risposta negattiva, ma għandha bl-ebda mod tinbidel skont il-volum tal‑attività ta’ kiri ta’ vetturi u lanqas skont it-tul ta’ dan il-kiri.

Konklużjoni

56.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li għandha tingħata r-risposta segwenti għad-domandi preliminari mressqa mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja):

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l‑informazzjoni u l‑Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kiri ta’ vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill‑pubbliku fis-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Iktar minn għoxrin sentenza u digriet dwar din il-kwistjoni mis-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005Mediakabel (C‑89/04, EU:C:2005:348).

( 3 ) Clark, B., Dickenson, J., “Theseus and the labyrinth? An overview of “communication to the public” under EU copyright law: after Reha Training and GS Media where are we now and where do we go from there?”, European Intellectual Property Review, nru 5/2017, p. 265. Sfortunatament l-awturi ma jispjegawx min, hawnhekk, hu l-Minotawr.

( 4 ) Fuq kollox dan jista’ jkun impossibbli, skont id-duttrina (ara: Treppoz, E., “De l’art jurisprudentiel au rang de feuilleton ou l’impossible systématisation du droit de communication au public”, Revue trimestrielle de droit européen, nru 4/2017, p. 864).

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.

( 6 ) ĠU 2006, L 376, p. 28.

( 7 ) Sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 33).

( 8 ) Ara, reċentement, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 1 tad‑dispożittiv).

( 10 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 46).

( 11 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland) (C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 3 tad-dispożittiv).

( 12 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland) (C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 62).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 7 tad-dispożittiv), u tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379, l-aħħar sentenza tad-dispożittiv).

( 14 ) Sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:913, punti 46 sa 49).

( 15 ) Sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 21).

( 16 ) Sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 20). Jekk, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kklassifikatx il-provvista tal-ħolqiet lejn kontenut liberament aċċessibbli fuq l-internet bħala komunikazzjoni lill-pubbliku, kien minħabba nuqqas ta’ pubbliku ġdid li lilu tali komunikazzjoni kienet indirizzata (ara l-punt 27 tas-sentenza).

( 17 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein (C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 42).

( 18 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006 (C‑306/05, EU:C:2006:764).

( 19 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein (C‑527/15, EU:C:2017:300, punti 39 sa 41).

( 20 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 39).

( 21 ) Ara, reċentement, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein (C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 31).

( 22 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 46).

( 23 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland) (C‑162/10, EU:C:2012:141, punti 6267).

( 24 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein (C‑527/15, EU:C:2017:300, punti 39 sa 41).

( 25 ) Il-Kummissjoni tikkontesta din il-konstatazzjoni, filwaqt li tosserva li l-għan tal‑attività tal-kumpanniji ta’ kiri ta’ vetturi huwa li jipprovdu l-vetturi, u mhux is‑settijiet tar-radju li huma installati fihom. Madankollu, jidhirli li huwa possibbli li jiġi aċċettat li hemm provvista ta’ settijiet tar-radju anċillari mal-provvista ta’ vetturi. Fi kwalunkwe każ, u hawnhekk naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, f’dan il‑każ bl-ebda mod ma hija kwistjoni ta’ att ta’ komunikazzjoni.

( 26 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, (C‑306/05, EU:C:2006:764).

( 27 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2017 (C‑527/15, EU:C:2017:300).

( 28 ) Bl-eċċezzjoni, jekk ikun il-każ, tal-kumpens minħabba l-kopja privata previst fl‑Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

( 29 ) Trattat iffirmat fl-20 ta’ Diċembru 1996 f’Genève u approvat f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

( 30 ) Ara, reċentement, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, għall-kuntrarju, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF (C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 95).

( 32 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punti 50, 5154).

Top