This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CC0666
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 12 September 2019.#IT Development SAS v Free Mobile SAS.#Request for a preliminary ruling from the Cour d'appel de Paris.#Reference for a preliminary ruling — Intellectual property — Enforcement of intellectual property rights — Directive 2004/48/EC — Legal protection of computer programs — Directive 2009/24/EC — Software licence agreement — Unauthorised modification of the source code of a computer program by a licensee in breach of the licence agreement — Action for infringement brought by the author of the program against the licensee — Nature of the applicable liability regime.#Case C-666/18.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2019.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2019.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:729
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fit‑12 ta’ Settembru 2019 ( 1 )
Kawża C‑666/18
IT Development SAS
vs
Free Mobile SAS
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza))
“Domanda preliminari — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Protezzjoni ġuridika ta’ programmi tal-kompjuter — Kuntratt ta’ liċenzja ta’ softwer — Azzjoni għal vjolazzjoni mressqa mill-awtur tal-programm kontra l-persuna liċenzjata — Natura tas-sistema ta’ responsabbiltà applikabbli”
1. |
Id-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter ħarrek lil waħda mill-persuni liċenzjati tiegħu (li magħha kkonkluda l-kuntratt korrispondenti) minħabba li wettqet emendi f’dan il-programm, mingħajr il-kunsens tiegħu. L-azzjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ewwel Istanza Franċiża, li ġiet miċħuda minnha, kienet ibbażata fuq ir-responsabbiltà li tirriżulta mill-ksur tad-drittijiet tal-awtur (responsabbiltà ex delicto) u mhux fuq il-ksur tat-termini tal-kuntratt (responsabbiltà ex contracto). |
2. |
Il-qorti tal-appell qiegħda taffaċċja d-dilemma ta’ kif ser tikklassifika l-aġir tal-konvenuta bħala ksur tad-drittijiet tal-awtur (contrefaçon) fuq il-programm jew bħala nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali tagħha. Il-problema li qiegħda taffaċċja hija li, skont prinċipju tad-dritt Franċiż, bħala regola ġenerali, azzjoni ex delicto tista’ tiġi ppreżentata biss meta l-partijiet ma jkunux marbuta b’relazzjoni kuntrattwali. |
3. |
Id-domanda preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex issolvi d-dubji tagħha permezz tal-interpretazzjoni tad-Direttivi 2004/48/KE ( 2 ) u 2009/24/KE ( 3 ). |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2009/24
4. |
Skont il-premessa 13: “Id-drittijiet esklussivi tal-awtur li jipprevjenu r-riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ dan ix-xogħol għandhom ikunu soġġetti għall-eċċezzjoni limitata fil-każ ta’ programm tal-kompjuter li tippermetti r-riproduzzjoni teknika meħtieġa għall-użu ta’ dak il-programm minn min jiksbu legalment. Dan ifisser li l-atti li jtellgħu u jħaddmu, meħtieġa għall-użu ta’ kopja ta’ programm li jkun inkiseb legalment, u l-att ta’ korrezzjoni tal-iżbalji tiegħu, jistgħu ma jkunux projbiti b’kuntratt. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi, inkluż meta kopja ta’ programm tkun inbiegħet, kull att ieħor meħtieġ għall-użu tal-kopja ta’ programm jista’ jitwettaq skont l-iskop maħsub tiegħu minn min ikun kiseb legalment dik il-kopja”. |
5. |
Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 (“Atti ristretti”) jipprovdi li: “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:
|
6. |
Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 (“Eċċezzjonijiet għall-atti ristretti”) jistabbilixxi li: “Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball”. |
7. |
L-Artikolu 6 (“Dekumpilazzjoni”) jindika li: “1. L-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet m’għandhiex tkun meħtieġa fejn ir-riproduzzjoni taċ-ċifrarju u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu skont it-tifsira tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) huma indispensabbli biex tottjeni l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement minn programmi oħra, kemm-il darba jsiru skont dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:
[…] 2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma għandhomx jippermettu l-informazzjoni miksuba permezz tal-applikazzjoni tiegħu:
3. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jippermettu l-applikazzjoni tiegħu li tintuża b’mod li tippreġudika b’mod mhux raġunat l-interessi ġusti tad-detentur leġittimu jew imorru kontra l-isfruttar normali tal-programm tal-kompjuter”. |
2. Id-Direttiva 2004/48
8. |
Skont il-premessa 10: “L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern”. |
9. |
Il-premessa 15 tipprovdi li: “Din id-Direttiva ma għandiex taffettwa il-liġi sostantiva fuq il-proprjetà intellettwali […]”. |
10. |
L-Artikolu 2 (“Firxa ta’ applikazzjoni”) jindika li: “1. Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat. […] 3. Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:
|
11. |
L-Artikolu 3 (“Obbligu ġenerali”) jgħid li: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat. 2. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom”. |
B. Id-dritt Franċiż. Code la propriété intellectuelle (il-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali ( 4 )
12. |
L-Artikolu L122‑6 jindika li: “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L122‑6‑1, id-dritt ta’ sfruttament li jkollu l-awtur ta’ softwer jinkludi d-dritt li jwettaq u jawtorizza: 1.o Ir-riproduzzjoni permanenti jew provviżorja ta’ softwer […] 2.o It-traduzzjoni, l-adattament, l-arranġament jew kwalunkwe emenda oħra f’softwer u r-riproduzzjoni tas-softwer li jirriżulta […] 3.o Il-kummerċjalizzazzjoni bi jew mingħajr ħlas, inkluż il-kiri, ta’ kampjun jew diversi kampjuni ta’ softwer permezz ta’ kwalunkwe proċedura […]”. |
13. |
L-Artikolu L122‑6‑1 jipprovdi li: “I. L-atti previsti fil-punti 1.o u 2.o tal-Artikolu L122‑6, inkluż il-korrezzjoni ta’ żbalji, ma jiġux suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-awtur meta jkunu meħtieġa għall-użu tas-softwer, skont l-iskop tiegħu, mill-persuna li għandha d-dritt li tużah. Madankollu, permezz ta’ kuntratt, l-awtur jista’ jirriżerva d-dritt li jikkoreġi l-iżbalji u jiddetermina l-modalitajiet partikolari li jiġu suġġetti għalihom l-atti previsti fil-punti 1.o u 2.o tal-Artikolu L122‑6, meħtieġa għall-użu tas-softwer, skont l-iskop tiegħu, mill-persuna li jkollha d-dritt li tużah”. |
14. |
Konformement mal-Artikolu L335-3: “[…] Il-ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ softwer iddefiniti fl-Artikolu L122‑6 jikkostitwixxi delit de contrefaçon ukoll […]” |
II. Il-fatti tal-kawża u d-domandi preliminari
15. |
Permezz ta’ kuntratt iffirmat fil‑25 ta’ Awwissu 2010 ( 5 ), il-kumpannija Free Mobile, operatriċi tat-telefonija mobbli, kisbet il-liċenzja għall-użu tas-softwer “ClickOnSite”, li d-drittijiet tal-awtur tiegħu kienu tal-kumpannija IT Development. |
16. |
Fit‑18 ta’ Ġunju 2015 ( 6 ), IT Development ħarrket lil Free Mobile b’contrefaçon tas-softwer ClickOnSite, fejn talbet il-kumpens għad-danni mġarrba. B’mod partikolari, akkużatha li emendat il-kodiċi sors tal-programm, b’mod speċjali bl-introduzzjoni ta’ formoli ġodda, aġir li jikser is-sitt klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja. |
17. |
Free Mobile ċaħdet it-talba bħala inammissibbli u infondata. Barra minn hekk, ressqet kontrotalba għal proċedura abbużiva. |
18. |
It-Tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) tat is-sentenza tas‑6 ta’ Jannar 2017, fejn iddikjarat l-inammissibbiltà tat-talbiet ta’ IT Development ibbażati fuq ir-responsabbiltà ex delicto u ċaħdet il-kontrotalba. |
19. |
IT Development ikkontestat din is-sentenza quddiem il-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), billi insistiet fuq it-talbiet tagħha fl-ewwel istanza “bħala contrefaçon”, iżda żiedet, sussidjarjament, it-talba li Free Mobile tiġi kkundannata tħallasha kumpens għad-danni li kkawżatilha “fuq il-bażi kuntrattwali”. |
20. |
Free Mobile talbet il-konferma tas-sentenza tal-ewwel istanza, ħlief fir-rigward taċ-ċaħda tal-kontrotalba. |
21. |
Il-qorti tar-rinviju qieset li huwa meħtieġ li ssir domanda preliminari, għar-raġunijiet li ġejjin:
|
22. |
F’din iċ-ċirkustanza, il-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-fatt li persuna mogħtija liċenzja ta’ softwer ma tosservax it-termini ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ softwer (bl-iskadenza ta’ perijodu ta’ prova, bil-fatt li jinqabeż in-numru ta’ utenti awtorizzati jew unità ta’ kejl oħra, bħall-proċessuri li jistgħu jintużaw sabiex jiġu eżegwiti l-istruzzjonijiet tas-softwer, jew billi jiġi emendat il-kodiċi sors tas-softwer meta l-liċenzja tirriżerva dan id-dritt lid-detentur inizjali) jikkostitwixxi:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-argumenti tal-partijiet
23. |
Id-digriet tar-rinviju ġie rreġistrat fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Ottubru 2018. |
24. |
Il-kumpanniji IT Development u Free Mobile, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma saritx seduta minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidrathiex indispensabbli. |
IV. Analiżi tad-domanda preliminari
A. Osservazzjonijiet preliminari
1. Fuq il-portata tad-domanda preliminari
25. |
Free Mobile tafferma li parti mid-domanda preliminari hija inammissibbli minħabba li hija ipotetika, fir-rigward tat-tliet każijiet ta’ nuqqas ta’ osservanza kuntrattwali mniżżla fid-digriet tar-rinviju (l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova, il-fatt li jinqabeż in-numru ta’ utenti awtorizzati u ta’ unità ta’ kejl oħra). Huwa biss in-nuqqas ta’ osservanza tal-kuntratt, riżultat tal-emenda tal-kodiċi sors, li għandu x’jaqsam mal-kawża prinċipali. |
26. |
Il-qorti tar-rinviju tippreżenta dawn l-erba’ sitwazzjonijiet deskritti fl-istess livell, bħala espressjonijiet ta’ aġir wieħed, iżda Free Mobile għandha raġun meta tindika li ma humiex neċessarjament identiċi, mill-perspettiva ġuridika u, fuq kollox, li l-ewwel tlieta jmorru lil hinn mill-fatti inkwistjoni. Għalhekk, dan l-aġir ma għandux jiġi estiż għar-risposta preliminari. |
27. |
Id-Direttiva 2009/24 tirrigwarda b’mod speċifiku l-protezzjoni ġuridika tal-programmi tal-kompjuter, li l-Istati Membri għandu jkollhom fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur, bħal xogħlijiet letterarji, kif iddefiniti fil-Konvenzjoni ta’ Berna tad‑9 ta’ Settembru 1886 (Artikolu 1(1)). |
28. |
Madankollu, il-programmi tal-kompjuter juru partikolaritajiet li jitolbu trattament differenti minn xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. Sabiex dak li jikseb il-programm ikun jista’ jużah skont l-iskop previst tiegħu, ċerti setgħat li, bil-liġi, huma parti mill-monopolju karatteristiku tad-detentur ta’ proprjetà intellettwali jiġu esklużi, bil-liġi wkoll, ġustament bħala konsegwenza tan-natura individwali tax-xogħol protett. |
29. |
Skont din l-iskema, filwaqt li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/24 jistabbilixxi drittijiet esklużivi tad-detentur tal-programm tal-kompjuter ( 8 ), l-Artikoli 5 u 6 jistabbilixxu eċċezzjonijiet jew “limiti interni” għal dawn id-drittijiet, ta’ oriġini legali ( 9 ). |
30. |
L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24 jippermetti l-emenda, permezz ta’ kuntratt, tas-sistema ta’ protezzjoni u l-eċċezzjonijiet li tfassal id-direttiva nnifisha. Jekk, fil-prinċipju, ma tiġix ippreċiżata l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur għal ċerti azzjonijiet, huwa possibbli, permezz ta’ klawżoli kuntrattwali speċifiċi miftiehma mal-persuna liċenzjata, li d-detentur tal-programm jirkupra l-esklużività ta’ wħud mis-setgħat imniżżla fl-Artikolu 4. F’din iċ-ċirkustanza, il-bażi legali tad-dritt tad-detentur tkun il-kuntratt u mhux il-liġi; bl-istess mod, ir-responsabbiltà tal-persuna liċenzjata li tikser id-dritt ta’ esklużività tad-detentur tirriżulta mill-kuntratt ukoll, mhux mil-liġi. |
31. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiċċara jekk dawn iċ-ċirkustanzi tal-kawża jikkorrispondux għall-ipoteżijiet fattwali tad-Direttiva 2009/24 (u tar-regoli nazzjonali ta’ traspożizzjoni), b’mod partikolari, tal-Artikolu 5(1), fir-rigward tar-riżerva ta’ setgħat tad-detentur tal-programm fid-dawl tal-kuntratt. |
32. |
Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni tat-tilwima fir-rigward tal-mertu tista’ tkun biss kuntrattwali. Għalhekk, ma jidħolx inkwistjoni l-prinċipju ta’ non‑cumul fis-seħħ fid-dritt Franċiż, li l-kompatibbiltà tiegħu mad-Direttivi 2004/48 u 2009/24 hija riflessa fid-domanda preliminari magħmula. |
33. |
Ir-riflessjonijiet sussegwenti jittrattaw id-domanda preliminari minn perspettiva usa’, jiġifieri, fil-każ fejn l-aġir tal-persuna liċenzjata jista’ jiġi kklassifikat, b’mod simultanju, bħala nuqqas ta’ osservanza ta’ kuntratt u nuqqas ta’ twettiq ta’ dmir ġenerali li jiġu inforzati d-drittijiet tal-awtur skont il-limiti tiegħu stabbiliti mil-liġi (korollarju, definittivament, tar-regola alterum non laedere). F’din l-ipoteżi, japplika l-prinċipju ta’ non‑cumul. |
2. Fuq il-mertu. Dikjarazzjonijiet
34. |
Il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jikkunsidraw li d-Direttiva 2004/48 ma timponi l-ebda sistema ta’ responsabbiltà partikolari. Għaldaqstant, is-soluzzjoni għad-domanda magħmula taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, suġġetta għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
35. |
Il-partijiet fil-vertenza ta’ oriġini, kif ukoll il-Kummissjoni, żiedu argumenti oħrajn insostenn tal-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom. Mill-ewwel jagħmlu riferiment għas-sentenza tat‑18 ta’ April 2013 ( 10 ), mogħtija f’appell, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar in-natura — kuntrattwali jew mhux kuntrattwali— ta’ kawża li tippreżenta xebh ma’ dik attwali. |
36. |
Barra minn hekk, Free Mobile tinvoka l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 ( 11 ), li skontu kwalunkwe ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali jirriżulta f’obbligu ta’ kumpens ta’ natura mhux kuntrattwali. |
37. |
Fl-aħħar nett, Free Mobile u l-Kummissjoni jagħmlu riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 12 ), li skontha r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tkun ta’ natura residwa fid-dritt tal-Unjoni. |
38. |
Minħabba li, jekk kwalunkwe wieħed minn dawn l-argumenti jieħu preċedenza, l-analiżi tad-Direttivi 2009/24 u 2004/48 tista’ ma tkunx indispensabbli, l-ewwel ser nittratta lilhom, iżda qabel ser nindirizza l-prinċipju ta’ non‑cumul fl-ordinament Franċiż. |
B. Il-prinċipju ta’ non‑cumul fid-dritt Franċiż. Eċċezzjonijiet
39. |
Il-prinċipju ta’ non‑cumul huwa msejjes fuq fatt li jista’ jikkostitwixxi, fl-istess ħin, nuqqas ta’ osservanza (jew osservanza difettuża) ta’ kuntratt u n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dmir ta’ oriġini legali. Konsegwentement, it-talba għal kumpens tista’ tkun ibbażata fuq żewġ bażijiet legali — kuntrattwali u mhux kuntrattwali— li magħhom ġeneralment jiġu assoċjati sistemi proċedurali differenti ( 13 ). |
40. |
F’din is-sitwazzjoni, ir-rikorrent għandu jingħata l-għażla bejn iż-żewġ titoli legali (il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja u r-Renju Unit) jew jiġi appoġġjat wieħed, bl-esklużjoni tal-ieħor (Franza u l-Belġju). F’dan l-aħħar każ, forsi l-espressjoni non‑cumul tista’ tiġi ssostitwita b’dik ta’ nuqqas ta’ għażla. |
41. |
Ġew invokati diversi ġustifikazzjonijiet għall-prinċipju. Minn naħa waħda, minn perspettiva prattika, permezz tiegħu jiġi evitat li r-rikorrent ikun jista’ jagħżel b’mod diskrezzjonali s-sistema ta’ responsabbiltà applikabbli; b’dan il-mod jiġi protett il-ftehim u tinżamm is-saħħa vinkolanti tal-kuntratti. Min-naħa l-oħra, tiġi evitata responsabbiltà ċivili wiesgħa żżejjed (bħalma tkun dik tal-Artikolu 1242 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż), mhux prevista mill-partijiet u kapaċi tpoġġi fil-periklu l-ekwilibriju kuntrattwali. |
42. |
Madankollu, għandu jitfakkar li l-ordinament Franċiż jippermetti eċċezzjonijiet għall-imsemmi prinċipju: dan huwa l-każ, speċifikament, fir-rigward tal-privattivi u t-trade marks ( 14 ). Fiż-żewġ każijiet, is-soluzzjoni turi fatti preċedenti fid-dritt tal-Unjoni ( 15 ). |
43. |
Fost ir-raġunijiet li jispjegaw l-irtirar tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ għażla f’dawn l-oqsma, hemm kunsiderazzjonijiet marbuta mal-eżawriment tad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, li ma humiex rilevanti għad-drittijiet tal-awtur ( 16 ). Ma jidhirx li l-ispjegazzjoni hija xierqa fir-rigward tal-programmi tal-kompjuter ( 17 ), iżda l-fatt jibqa’ li, għal-liċenzja ta’ programmi tal-kompjuter, la fid-dritt tal-Unjoni u lanqas f’dak Franċiż ma hemm dispożizzjonjiet simili għal dawk fis-seħħ għat-trade marks jew il-privattivi. Għalhekk, fi Franza, ir-regola ta’ non‑cumul tiġi applikata f’dan ir-rigward, anki jekk l-implimentazzjoni tagħha taffaċċja ċerti diffikultajiet ( 18 ). |
C. Il-klassifikazzjoni f’kuntesti oħrajn: Systran u r-Regolament “Ruma II”
1. Is-sentenza Systran
44. |
Fis-sentenza Systran, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar kawża li tixbah lil dik li qiegħda tiġi analizzata, billi ddeċidiet dwar l-appell ippreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Diċembru 2010 ( 19 ). |
45. |
Konformement mal-fatti ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni u l-Grupp Systran kienu marbuta għal diversi snin b’numru ta’ kuntratti għall-użu, mill-ewwel entità, ta’ programm ta’ traduzzjoni awtomatika, li t-tieni entità kienet id-detentur tiegħu. Iktar ’il quddiem, il-Kummissjoni għaddiet sabiex timplimenta s-servizzi ta’ fornitur ieħor għall-manutenzjoni u t-titjib lingwistiku tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tagħha. Fil-fehma ta’ Systran, permezz ta’ dan l-aġir, il-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha, għalhekk ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. |
46. |
Il-Kummissjoni talbet l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, fid-dawl tan-natura kuntrattwali tal-kawża: fin-nuqqas ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, il-vertenzi ta’ din in-natura jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. Minħabba li din l-eċċezzjoni ġiet miċħuda, il-Kummissjoni ppreżentat appell ta’ kassazzjoni. |
47. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja annullat, minħabba ksur tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, billi kkritikatha talli kkunsidrat, b’mod żbaljat, in-natura mhux kuntrattwali tal-kawża. |
48. |
L-evalwazzjoni tan-natura kuntrattwali tal-vertenza twettqet fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi, bejn il-qrati tal-Unjoni u dawk nazzjonali, sabiex jiġu rrevokati azzjonijiet ta’ kumpens kontra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kunċett ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, fis-sens tal-Artikoli 235 KE u 288(2) KE (attwalment l-Artikoli 268 TFUE u 340(2) TFUE) huwa ta’ natura awtonoma u għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-iskop tiegħu, li huwa li jippermetti t-tqassim imsemmi ( 20 ). |
49. |
Ma neskludix li mis-sentenza Systran tista’ tittieħed xi tagħlima li tgħodd għal din il-kawża. Madankollu, ma naħsibx li minn dik is-sentenza għandha tiġi dedotta liema klassifikazzjoni tar-responsabbiltà (kuntrattwali jew mhux kuntrattwali) għandha ssir f’kuntest kompletament differenti, bħalma huwa dak tat-traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/24 u 2004/48. |
50. |
L-għanijiet ta’ dawn iż-żewġ direttivi huma, rispettivament, li jarmonizzaw il-protezzjoni sostantiva tal-proprjetà intellettwali fuq is-softwer u l-mekkaniżmi ta’ protezzjoni proċedurali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, it-tnejn li huma mbiegħda mill-iskop imfittex mis-sentenza Systran. Ir-raġunament ta’ din, a fortiori, ma jistax jissostitwixxi l-prinċipji li, fl-ordni interna tal-Istati Membri, jikkaratterizzaw iż-żewġ tipi ta’ responsabbiltajiet u jiddeterminaw it-trattament proċedurali tagħhom. |
2. Il-klassifikazzjoni fir-Regolament “Ruma II”
51. |
L-allegazzjonijiet ibbażati fuq l-inklużjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fir-Regolament “Ruma II”, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali, għandhom jiġu miċħuda wkoll. |
52. |
Għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi Free Mobile, dan ir-regolament ma jikkunsidrax il-ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali bħala avveniment dannuż li minnu jirriżulta obbligu mhux kuntrattwali. Dan jistabbilixxi l-liġi applikabbli għal “obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali” (Artikolu 8(1)). Jekk, kif jista’ jiġri fir-rigward ta’ programmi tal-kompjuter, l-oriġini tas-setgħat esklużivi tal-awtur tal-programm li jkunu ġew miksura hija kuntratt ( 21 ), il-liġi applikabbli ma tiġix deċiża konformement mar-Regolament Ruma II, iżda mar-Regolament (KE) Nru 593/2008 ( 22 ). |
D. Fuq in-natura residwa tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali: ir-Regolament Nru 1215/2012
53. |
Lanqas ma għandu jiġi sostnut l-argument ibbażat fuq id-definizzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq fir-rigward tar-Regolament Nru 1215/2012. |
54. |
Din id-definizzjoni, li ċertament tidher li tagħti natura sekondarja lir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, isservi biss għad-delimitazzjoni bejn il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 7 tar-regolament imsemmi, b’tali mod li jiġi evitat kumulu li jagħmilhom parzjalment inutli. Din id-delimitazzjoni ssir fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali f’kawżi transkonfinali u tissodisfa l-prinċipji proprji ta’ dan il-kuntest, għaldaqstant ma tistax tapplika f’kuntesti oħrajn, bħal dak tad-domanda preliminari. |
E. Protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter.
1. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2009/24 u 2004/48
a) Id-Direttiva 2009/24
55. |
Id-Direttiva 2009/24 tirrikonoxxi l-importanza fundamentali tat-teknoloġija tal-programmi tal-kompjuter għall-iżvilupp industrijali tal-Unjoni. Filwaqt li ssemmi l-effetti negattivi li ċerti diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jkollhom fuq il-funzjonament tas-suq intern fir-rigward tal-programmi tal-kompjuter, din tiġbor ir-regoli ta’ natura sostantiva ( 23 ), li għandhom l-għan li jeliminawhom. |
56. |
Fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, id-direttiva tinkludi l-protezzjoni tad-drittijiet tad-detentur tal-programm, kemm fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali li dan il-programm huwa s-suġġett tagħhom, kif ukoll fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn id-detentur u terzi. B’mod partikolari, hemm eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklużivi (imsemmija fl-Artikolu 4) li tipikament jagħmlu sens fil-kuntest ta’ kuntratt: dan huwa l-każ fir-rigward tal-eċċezzjoni li jibbenefika minnha dak li jikseb il-programm legalment (Artikolu 5(1)) jew il-“persuna li jkollha dritt li tħaddem il-programm” (Artikolu 5(2)). Fl-Artikolu 6(1)(a) isir riferiment espliċitu għar-relazzjoni bejn id-detentur tad-dritt u l-persuna liċenzjata. |
b) Id-Direttiva 2004/48
57. |
Għall-kuntrarju tad-Direttiva 2009/24, id-Direttiva 2004/48 ma tinkludix regoli sostantivi, iżda dawk proċedurali. Il-punt ta’ tluq tagħha huwa l-ħtieġa li tipprovdi mezzi effettivi ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, peress li, fin-nuqqas tagħha, l-innovazzjoni u l-kreattività jiġu skoraġġiti u l-investiment jonqos (premessa 3). Sabiex jiġu limitati l-inugwaljanzi eżistenti bejn l-Istati Membri b’rabta ma’ dawn il-mezzi u l-effett ta’ distorsjoni potenzjali tagħhom fuq is-suq intern, din tistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni ta’ natura proċedurali jew fl-ambitu tal-proċess. |
58. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48 huwa limitat għal tliet perspettivi: l-oġġett protett (id-drittijiet), il-limiti tal-protezzjoni (il-ksur) u l-miżuri ta’ protezzjoni (mekkaniżmi ta’ protezzjoni armonizzati). |
59. |
Fir-rigward tal-oġġett, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji li tistabbilixxi d-direttiva japplikaw “għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat” (Artikolu 2 tad-direttiva, konformement mal-premessa 13) ( 24 ). |
60. |
F’din il-kawża, id-drittijiet tal-awtur ikkonċernati jissemmew kemm fid-Direttiva 2009/24, kif ukoll fil-KPI (Artikoli L112‑2, L122‑6, u L122‑6 1), għalhekk huma koperti mid-Direttiva 2004/48. |
61. |
Fir-rigward tal-ksur li għalih tapplika d-Direttiva 2004/48, il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma, li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest u l-għanijiet tar-regola. L-aġġettiv “kull” tal-Artikolu 2 u l-għan globali tad-direttiva jippermettu li jiġi interpretat li tinkludi kwalunkwe ksur, inkluż dak li jirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza ta’ klawżola kuntrattwali b’rabta mal-isfruttament ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali u, għaldaqstant, mas-setgħat li bil-liġi huma esklużivament tad-detentur tagħhom. |
62. |
Fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/48 ma jneħħix il-protezzjoni li jipprovdu, b’mod speċifiku, atti komunitarji oħrajn. Fost dawn tal-aħħar hemm l-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/250 (attwalment l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/24). Minħabba li l-każijiet irregolati f’dan tal-aħħar ma jikkorrispondux għal dawk deskritti fid-domanda preliminari, dan il-punt tad-direttiva ma jikkontestax il-konklużjoni preċedenti dwar l-applikazzjoni tagħha. |
2. Mezzi, proċeduri u rimedji għall-protezzjoni tad-drittijiet tad-detentur tal-programm tal-kompjuter
a) Id-Direttiva 2009/24
63. |
Id-Direttiva 2009/24 timponi fuq il-leġiżlatur nazzjonali l-obbligu li jipproteġi l-programmi tal-kompjuter permezz ta’ drittijiet tal-awtur ta’ xogħol letterarju, iżda ma’ dan l-obbligu ma tassoċjax sistema legali bi preferenza jew esklużjoni ta’ oħra. Jiġifieri, ma tiħux deċiżjoni dwar jekk it-talba fir-rigward ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur, riżultat ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ kuntratt, għandhiex tiġi indirizzata permezz tas-sistema tar-responsabbiltà kuntrattwali tad-dritt komuni, jew tistax tkun koperta b’sistema oħra, bħal dik prevista fi Franza għall-contrefaçon. |
b) Id-Direttiva 2004/48
64. |
Id-Direttiva 2004/48 lanqas ma timponi proċedura partikolari sabiex tiġi invokata r-responsabbiltà fil-konfront ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ kuntratt li jirriżulta fi ksur ta’ dritt tal-awtur ( 25 ). |
65. |
Madankollu, l-Artikolu 3 tad-direttiva jitlob li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji, li l-Istati Membri jadottaw sabiex jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin: għandhom ikunu ġusti, ekwi, effettivi, proporzjonati u dissważivi, mhux ikkumplikati jew għoljin għalxejn; ma għandhomx jinvolvu termini mhux raġonevoli jew dewmien mhux neċessarju; għandhom ikunu applikati mingħajr ma jinħolqu ostakoli għall-kummerċ legali u joffru salvagwardja kontra l-abbuż tagħhom. |
66. |
Minn dawn il-kundizzjonijiet ma għandux jiġi dedott li d-Direttiva 2004/48 tagħżel li tagħti preferenza lill-protezzjoni ġudizzjarja li, fi Franza, tieħu l-forma ta’ action en contrefaçon ( 26 ). |
67. |
Fl-astratt, jista’ jitqies li r-rimdeju fil-kuntest proċedurali proprju tal-contrefaçon jipprovdi protezzjoni ikbar lid-detentur tal-programm tal-kompjuter: il-kawżi jiġu assenjati lil ċerti qrati (Artikolu L331‑1 tal-KPI); is-sistema ta’ kumpens tinkludi l-possibbiltà li tingħata kundanna għad-danni li tmur lil hinn mill-kumpens sħiħ (Artikolu L331‑1‑3 tal-KPI); hemm aċċess għall-miżuri ta’ saisi‑contrefaçon tal-Artikoli L332‑1 sa L332‑4 tal-KPI. Madankollu, anki kieku dan kien il-każ ( 27 ), li r-regoli msemmija ma japplikawx għal talba bbażata fuq kuntratt (permezz ta’ estensjoni, li r-rikorrent ma jiġix offrut l-għażla bejn azzjoni għal contrefaçon u azzjoni għal responsabbiltà kuntrattwali tad-dritt komuni) ma jimplikax neċessarjament il-ksur tal-mandat ta’ protezzjoni tad-Direttiva 2004/48. |
68. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jimponix li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji adottati fl-Istati Membri għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali jinkludu l-kwalitajiet imniżżla fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 f’livell ogħla, jiġifieri, li jkunu l-iktar effettivi, l-iktar dissważivi jew li jirriżultaw f’inqas ostakoli għall-kummerċ legali. Wieħed ma għandux jinsa li d-direttiva hija “minima” (Artikolu 2(1)). |
69. |
A priori, ma hemm l-ebda raġuni li wieħed jemmen li, meta d-dritt nazzjonali jindirizza t-talba fir-rigward ta’ ksur tal-proprjetà intellettwali permezz tas-sistema tar-responsabbiltà kuntrattwali tad-dritt komuni, dan jagħmilha permezz ta’ miżuri, proċeduri jew rimedji li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48. Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni ta’ dan il-punt ma għandhiex issir mill-qorti tar-rinviju. |
70. |
Għall-kuntrarju, huwa essenzjali li kwalunkwe rimedju proċedurali disponibbli għad-detentur tad-dritt ikkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/48, tal-Artikolu 3 u tal-bqija. Għalhekk, pereżempju, jekk l-Artikolu 13 jeżiġi li jiġi kkalkolat il-kumpens billi jiġu bbilanċjati “l-aspetti xierqa kollha”, b’xi wħud jiġu indikati, il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali ma’ din ir-regola titlob li titwettaq din l-evalwazzjoni kemm sabiex tiġi solvuta azzjoni għal contrefaçon, kif ukoll oħra bbażata fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali tad-dritt komuni. Ladarba din il-prekawzjoni tinżamm, ma għandu jkun hemm l-ebda oġġezzjoni — mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni — għall-ebda waħda miż-żewġ rimedji ġudizzjarji lanqas, permezz ta’ estensjoni, għall-prinċipju ta’ non‑cumul. |
F. Awtonomija proċedurali u limiti għal-libertà tal-leġiżlatur nazzjonali
71. |
Id-Direttiva 2004/48 għandha portata ristretta ( 28 ) u l-livell ta’ protezzjoni huwa, nirrepeti, “minimu”. Kif diġà spjegajt, fost l-aspetti li ma tirregolax hemm ir-rimedju jew tip ta’ azzjoni sabiex jiġi kkontestat ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali li huwa, fl-istess ħin, nuqqas ta’ osservanza ta’ kuntratt ( 29 ). |
72. |
Għalhekk, fl-assenza ta’ regoli proċedurali b’oriġini fid-Direttiva 2004/48 jew għall-iżvilupp ta’ dawk li tinkludi, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jistabbilixxi l-kuntest proċedurali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li din tagħmel riferiment għalihom. Dan għandu jagħmlu konformement mar-regoli tad-direttiva proprja u, fi kwalunkwe każ, mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 30 ). |
1. L-ekwivalenza
73. |
Il-kundizzjoni ta’ ekwivalenza tfisser li r-regola proċedurali nazzjonali ma tistax tittratta t-talbiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni b’mod inqas favorevoli mit-talbiet simili bbażati fuq id-dritt intern. L-analiżi jitwettaq f’żewġ stadji, billi fil-bidu jidentifika r-rimedju komparabbli fl-ordinament nazzjonali u sussegwentement isir il-paragun innifsu. |
74. |
Għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk is-sitwazzjoni deskritta (it-trattament inqas favorevoli) isseħħx fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur fuq programmi tal-kompjuter fi Franza, fid-digrieti ma jidher l-ebda indizju li dan huwa l-każ. Għall-kuntrarju, jidher li hemm biss sistema unika applikabbli mingħajr distinzjoni għal kwalunkwe ksur ta’ dawn id-drittijiet (li tinkludi l-projbizzjoni ta’ akkumulazzjoni tal-azzjonijiet fit-termini diġà spjegati). Għaldaqstant, ma jinħolqux problemi ta’ ekwivalenza u d-dibattitu kien biss fil-kuntest tal-prinċipju ta’ effettività tal-mekkaniżmi proċedurali li d-dritt nazzjonali jipprevedi. |
75. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għat-trattament differenti tal-azzjoni għal contrefaçon għal programmi tal-kompjuter meta mqabbla mal-azzjoni għal ksur tal-privattivi u t-trade marks. Madankollu, naħseb li ma hemmx biżżejjed elementi ta’ paragun bejn dawn l-azzjonijiet. |
76. |
L-ewwel nett, l-azzjoni għal contrefaçon ta’ privattivi u trade marks isservi ta’ protezzjoni għas-setgħat esklużivi tad-detentur li l-oriġini tagħhom hija legali. Għall-kuntrarju, b’rabta mal-programmi tal-kompjuter, ċerti atti li, taħt is-sistema komuni tal-proprjetà intellettwali jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tad-detentur, jiġu eżentati minnha bil-liġi, b’tali mod li d-detentur jirkupra biss l-esklużività jekk dan jiġi miftiehem permezz ta’ kuntratt. Għalhekk, skont l-att ikkonċernat, il-punt ta’ tluq jista’ jkun differenti minn dak fir-rigward ta’ privattivi u trade marks. |
77. |
It-tieni nett, kemm fi Franza kif ukoll fuq livell internazzjonali, id-dibattitu dwar il-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter permezz ta’ privattivi jew ta’ drittijiet tal-awtur ġie riżolt favur dawn tal-aħħar. Skont l-Artikolu L611‑10(2)(c) tal-KPI, il-programmi tal-kompjuter ma jistgħux jingħataw privattivi. |
2. L-effettività
78. |
Mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ effettività, il-fattur deċiżiv għal din il-kawża huwa jekk ir-regola Franċiża applikabbli għall-protezzjoni tas-softwer tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, billi ċċaħħad lid-detentur ta’ programm mill-azzjoni għal contrefaçon meta (u minħabba li) l-ksur ta’ dawn id-drittijiet jimplika, fl-istess ħin, nuqqas ta’ osservanza ta’ kuntratt. |
79. |
Fl-opinjoni tiegħi, is-sempliċi eżistenza tal-azzjoni għal responsabbiltà kuntrattwali tippermetti li jiġi kkonfermat li l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-awtur ma hijiex impossibbli. |
80. |
Lanqas ma nemmen li s-sistema Franċiża f’dan ir-rigward tagħmel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, sal-punt li tiskoraġġixxi lill-persuna kkonċernata milli tagħti bidu għal proċedura ġudizzjarja. Anki jekk jista’ jiġi żgurat li, fl-astratt, il-persuna kkonċernata tkun f’sitwazzjoni aħjar meta tikkontesta permezz tal-contrefaçon, il-prinċipju ta’ effettività, bħala limitu għall-awtonomija proċedurali tal-leġiżlatur nazzjonali, ma jilħaqx dan il-punt. |
81. |
Mill-perspettiva ta’ dan il-prinċipju, il-fattur rilevanti ma huwiex li jiġi ċċarat liema soluzzjoni hija dik li l-iktar tipproteġi d-dritt tad-detentur tal-programm tal-kompjuter, iżda jekk dik li hemm tagħmilx il-protezzjoni tiegħu eċċessivament diffiċli. |
82. |
Kif diġà indikajt, ma hemmx raġunijiet għalfejn jiġi preżunt a priori li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji li jirregolaw talba fuq bażi kuntrattwali fi Franza jirriżultaw f’dawn id-diffikultajiet, sa ma jfixklu, fil-prattika, il-protezzjoni tad-drittijiet li għandhom id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fuq is-softwer. |
83. |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fid-dawl tal-elementi rilevanti tal-azzjoni għal responsabbiltà kuntrattwali. |
V. Konklużjoni
84. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari tal-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) kif ġej: “L-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, b’rabta mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16). Id-Direttiva 2009/24 tikkodifika l-kontenut tad-Direttiva 91/250/KEE tal-Kunsill ta’ l‑14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114) li qabel kienet ġiet emendata.
( 4 ) Id-Direttiva 2009/24 ġiet trasposta fil-Code de la propriété intellectuelle (il-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali; iktar ’il quddiem il-“KPI”).
( 5 ) Emendat permezz ta’ appendiċi tal‑1 ta’ April 2012.
( 6 ) Qabel kienet talbet sekwestru tal-bini ta’ kumpannija oħra, subappaltatur ta’ Free Mobile, li sar fit‑22 ta’ Mejju 2015.
( 7 ) F’dan ir-rigward, tagħmel riferiment għal żewġ artikoli tal-KPI: it-tielet paragrafu tal-Artikolu L613‑8, dwar liċenzji ta’ privattivi, u l-Artikolu L714‑1, dwar liċenzji ta’ trade marks.
( 8 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 fis-sens li jirrigwarda l-programm tal-kompjuter fil-forom kollha ta’ espressjoni tiegħu, inkluż il-kodiċi sors (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace, C‑393/09, EU:C:2010:816, punt 35).
( 9 ) Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet tal-atti suġġetti għal restrizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250 (identiku għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/24) fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ liċenzja, ara s-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2012, SAS Institute Inc. (C‑406/10, EU:C:2012:259).
( 10 ) Kawża Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg (C‑103/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Systran, EU:C:2013:245).
( 11 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40).
( 12 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).
( 13 ) Tipikament, b’rabta mal-ġurisdizzjoni, il-preskrizzjoni tal-azzjonijiet rispettivi, il-prova jew il-portata tal-kumpens.
( 14 ) Ara iktar ’il fuq in-nota f’qiegħ il-paġna 7, li turi l-kwotazzjoni tal-liġijiet Franċiżi korrispondenti, li tagħmel riferiment għalihom il-qorti tar-rinviju.
( 15 ) Fir-rigward tal-privattiva, fl-Artikolu 43 tal-Konvenzjoni ta’ Lussemburgu tal‑15 ta’ Diċembru 1975 li ma rnexxietx, li ġie rratifikat minn Franza (Loi n.o 77‑681, tat‑30 ta’ Ġunju 1977, ĠU tal‑1 ta’ Lulju 1977, p. 3479). Fir-rigward tat-trade mark, fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25). Din id-dispożizzjoni tiġi riprodotta fl-Artikolu 25(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5). Ara wkoll l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).
( 16 ) P. Léger, “La nature de la responsabilité dans l’hypothèse de la violation du périmètre d’une licence de logiciel”, Recueil Dalloz, 2018, p. 1320, taħt l-intestatura I.A.
( 17 ) Ara l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, kif ukoll is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2016, Ranks u Vasiļevičs (C‑166/15, EU:C:2016:762).
( 18 ) Għalhekk, il-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), fid-deċiżjoni tagħha tal‑10 ta’ Mejju 2016 (Paris, pôle 5, n.o 14/25055. https://www.doctrine.fr/d/CA/Paris/2016/R4668A71A97317DB905E0), iddikjarat inammissibbli l-azzjoni għal vjolazzjoni tad-drittijiet tal-awtur f’kawża relatata man-nuqqas ta’ qbil tal-partijiet dwar il-limiti ta’ liċenzja u dwar jekk kinux jinkludu programmi tal-kompjuter. Sena qabel, il-Cour d’appel de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles, Franza), fis-sentenza tal‑1 ta’ Settembru 2015 (nru 13/08074), iddeċidiet li r-rikors dwar l-isfruttament tal-programm għall-benefiċċju ta’ terzi mhux speċifikati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt kien “relatif aux droits patrimoniaux concédés et rélève tant de la responsabilité contractuelle que de l’atteinte portée au droit d’auteur”. Madankollu, hemm interpretazzjonijiet differenti tad-deċiżjoni: ara Hadadd, S., u Casanova, A. (RLDI, 2015, n.o 121). Id-deċiżjoni tal-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), tat‑23 ta’ Mejju 2007, Sté Tech - Airport c/Sté Arkad Informatique et autre, n.o 06/09541, RLDI 2007, n.o 28, obs. L. Costes et J.‑B. Auroux, tirrikonoxxi l-azzjoni għal contrefaçon permezz ta’ użu tas-softwer li jaqbeż il-limiti tal-kuntratt.
( 19 ) Kawża Systran u Systran Luxembourg vs Il‑Kummissjoni (T‑19/07, EU:T:2010:526).
( 20 ) Sentenza Systran, punt 62.
( 21 ) Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 22 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).
( 23 ) Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7 tagħha, id-Direttiva 2009/24 ma tinkludix dispożizzjonijiet proċedurali.
( 24 ) Il-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 2 tagħmel riferiment għall-kontravvenzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni (“à toute atteinte aux droits de propriété intellectuelle prévue”), filwaqt li dik Ġermaniża, Spanjola, Taljana u Portugiża jassoċjaw il-previżjoni mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; dan isir ukoll fil-premessa 13 tad-direttiva fil-verżjoni Franċiża. L-Artikolu 2 tal-Proposta ta’ Direttiva, COM(2003) 46 final, bil-Franċiż, jindika l-istess sens u ma hemmx proposti għal emenda ta’ dan l-aspett fir-Rapport tal-Parlament tal‑5 ta’ Diċembru 2003, A5‑0468/2003. Il-formulazzjoni Ingliża tal-Artikolu 2(1) hija newtrali u ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk humiex allinjati ma’ dik Franċiża jew le. Jekk hemm diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura u l-iskop tar-regola li tinsab inkluża fiha, li jwassal għall-impressjoni li huma d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li għandhom jiġu inklużi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew tal-Unjoni.
( 25 ) Fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ armonizzazzjoni f’dan ir-rigward, fil-proposta tal-Kummissjoni ġie sostnut li “huwa importanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tradizzjonijiet legali u s-sitwazzjoni proprja ta’ kull Stat Membru”. Ara COM(2003) 46, p. 17. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri huma marbuta bi strumenti internazzjonali dwar il-proprjetà intellettwali u industrijali amministrati mill-WIPO, kif ukoll mill-ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali relatati mal-kummerċ (TRIPs), li jinkludu dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Id-direttiva espressament tindika li ma għandhiex taffettwa l-obbligi internazzjonali eżegwiti mill-Istati fid-dawl ta’ dawn l-istrumenti (ara l-premessi 4 sa 6).
( 26 ) L-Artikolu L331 tal-KPI, fl-intestaturi differenti tiegħu, jirregola l-azzjonijiet ċivili u r-rikorsi dwar il-proprjetà letterarja u artistika. B’mod partikolari, l-Artikolu L331‑1‑4 jagħmel riferiment għall-“kundanni ċivili permezz ta’ contrefaçon”.
( 27 ) Għall-kuntrarju, ir-rikorrent għandu jagħti prova tal-oriġinalità tal-programm, li minnha tirriżulta l-protezzjoni f’termini tad-drittijiet tal-awtur u mhux kuntrattwali. Elementi rilevanti oħrajn, bħat-termini ta’ preskrizzjoni, huma identiċi irrispettivament mit-tip ta’ azzjoni.
( 28 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 61).
( 29 ) Lanqas ma tittratta aspetti oħrajn li jistgħu jvarjaw skont it-tip ta’ azzjoni, bħan-natura tal-ġurisdizzjoni (komuni jew speċjalizzata) li tirrikonoxxi l-kontestazzjonijiet eventwali jew it-termini għall-preżentata tar-rikors. Inkluż fost l-aspetti li jissemmew, u li kellhom jiġu trasposti fl-ordinamenti nazzjonali, il-livell ta’ preċiżjoni tad-Direttiva 2004/48 ma huwiex dejjem l-istess, billi jikkoeżistu dispożizzjonijiet preċiżi ma’ oħrajn iktar ġenerali.
( 30 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017, W et (C‑621/15, EU:C:2017:484, punt 25).