EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0560

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fil-5 ta’ Diċembru 2019.
Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Aċċess għal dokumenti tal-Istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni – Dokumenti li jirrigwardaw proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu matul il-kawża – Opinjonijiet iddettaljati maħruġin fil-kuntest ta’ proċedura ta’ notifikazzjoni abbażi tad-Direttiva 98/34/KE – Talba għal aċċess – Rifjut – Żvelar tad-dokumenti matul il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Żvelar – Inammissibbiltà – Interess ġuridiku – Persistenza.
Kawża C-560/18 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1052

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fil‑5 ta’ Diċembru 2019 ( 1 )

Kawża C‑560/18 P

Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell – Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea –Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li għadha għaddejja – Opinjonijiet iddettaljati mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ notifika abbażi tad-Direttiva 98/34/KE – Rifjut ta’ għoti ta’ aċċess – Eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Żvelar tad-dokumenti mitluba fil-mori ta’ proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali – Digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni – Żamma tal-interess ġuridiku”

I. Introduzzjoni

1.

L-interess ġuridiku ta’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-operaturi ta’ qasam kummerċjali speċifiku jintilef wara l-iżvelar, fil-mori tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tad-dokumenti li l-aċċess għalihom kien ġie miċħud mill-Kummissjoni Ewropea?

2.

Liema huma l-elementi li l-Qorti Ġenerali għandha tikkonstata l-eżistenza tagħhom sabiex tkun tista’ legalment teskludi ż-żamma tal-interess ġuridiku tar-rikorrent u għaldhekk tiddikjara li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni?

3.

L-evalwazzjoni tal-probabbiltà li l-allegata illegalità, li tikkonsisti fir-rifjut ta’ aċċess għal ċerti dokumenti, tiġi rrepetuta fil-futur għandha ssir fl-astratt, fir-rigward ta’ kwalunkwe ipoteżi ta’ rifjut abbażi tal-istess dispożizzjoni legali, jew fil-konkret b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi suġġettivi u oġġettivi tas-sitwazzjoni speċifika?

4.

Dawn huma, essenzjalment, il-kwistjonijiet ġuridiċi fl-isfond ta’ din il-kawża, li fiha assoċjazzjoni li tipproteġi l-interessi tal-produtturi, tad-distributuri u tal-operaturi ta’ magni tad-divertiment fil-Polonja ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali li ddikjara li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni minħabba li l-interess ġuridiku tal-istess assoċjazzjoni kien intilef.

5.

L-appellanti bbażat l-appell tagħha fuq ħames aggravji iżda, f’dawn il-konklużjonijiet, ser nillimita ruħi, hekk kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, nittratta l-kwistjonijiet ġuridiċi marbuta mal-ewwel aggravju.

6.

Wara li nkun iddefinixxejt is-suġġett tal-kawża ser nanalizza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-interess ġuridiku, filwaqt li napplika għal din il-kawża l-prinċipji stabbiliti.

7.

B’mod partikolari, ser nipprova nikkjarifika li ż-żamma tal-interess ġuridiku fi kwistjoni marbuta mal-aċċess għal dokumenti, wara l-iżvelar ta’ dawn tal-aħħar, hija kompletament eċċezzjoni u rriżervata għal sitwazzjonijiet speċifiċi li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret anki reċentement fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P) ( 2 ).

8.

Finalment, ser nikkonkludi li dawn is-sitwazzjonijiet speċifiċi ma humiex ikkonstatati fil-każ li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża, li, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni u li, għalhekk, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament Nru 1049/2001

9.

Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 3 ) tistabbilixxi:

“L-iskop ta’dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE.”

10.

Barra minn hekk, il-premessa 11 tal-istess regolament tippreċiża:

“Bħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom.

[…]”.

11.

L-Artikolu 2 tar-Regolament 1049/2001, intitolat “Benefiċjarji u skop”, jistabbilixxi:

“1.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.”

12.

L-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jipprevedi:

“2.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki, jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.   Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”. […]

III. Il-fatti, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

A.   Il-fatti preċedenti għall-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

13.

Fl‑20 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja, fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu 2013/4218, ittra ta’ intimazzjoni skont l-Artikolu 258 TFUE, li permezz tagħha talbet li hija tikkonforma l-kuntest leġiżlattiv nazzjonali tagħha relatat mas-servizzi ta’ logħob tal-azzard mal-libertajiet fundamentali ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni.

14.

Ir-Repubblika tal-Polonja għalhekk, ħabbret lill-Kummissjoni, permezz tar-risposta riċevuta fit‑3 ta’ Marzu 2014, l-intenzjoni tagħha li tinnotifika, abbażi tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 ( 4 ) li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, abbozz ta’ liġi intiż li jemenda l-liġi Pollakka dwar il-logħob tal-azzard.

15.

Fil‑5 ta’ Novembru 2014 ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni, l-abbozz ta’ liġi mħabbar ( 5 ), skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34.

16.

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni u r-Repubblika ta’ Malta taw, rispettivament fit‑3 u fis‑6 ta’ Frar 2015, żewġ opinjonijiet iddettaljati dwar l-abbozz ta’ liġi nnotifikat, skont dak previst fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34.

17.

Fis‑17 ta’ Frar 2015, l-Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych (iktar ’il quddiem l-“IGPOUR”), organizzazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-produtturi, tad-distributuri u tal-operaturi ta’ magni tad-divertiment fil-Polonja, talbet l-aċċess għaż-żewġ opinjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni u mir-Repubblika ta’ Malta, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.

18.

Wara evalwazzjoni, fl‑10 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti lill-IGPOUR l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

19.

Fis‑16 ta’ April 2015, l-IGPOUR, għaldaqstant, bagħtet lill-Kummissjoni talba konfermattiva għall-aċċess għad-dokumenti, konfermement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

20.

Fit‑12 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba konfermattiva mressqa mill-IGPOUR, inkwantu din kienet tirrigwarda l-opinjoni ddettaljata tagħha; fis‑17 ta’ Lulju 2015, hija ċaħdet it-talba konfermattiva inwkantu din kienet tirreferi għall-opinjoni ddettaljata mogħtija mir-Repubblika ta’ Malta ( 6 ).

21.

Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni mmotivat ir-rifjut tagħha li tiżvela d-dokumentazzjoni mitluba mill-IGPOUR abbażi ta’ dak stabbilit fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Iktar fid-dettall, il-Kummissjoni ppreċiżat kif l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni kien jikkomprometti l-protezzjoni tal-“iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki” fir-rigward tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu 2013/4218, peress li l-opinjonijiet mitluba kienu marbuta b’mod indissolubbli ma’ din il-proċedura.

B.   Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

22.

Quddiem l-imsemmi rifjut, fl‑1 ta’ Settembru 2015 l-IGPOUR ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

23.

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-Renju tal-Isvezja ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-IGPOUR, filwaqt li r-Repubblika tal-Polonja ġiet awtorizzata tintervjenti insostenn tal-Kummissjoni.

24.

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑28 ta’ Settembru 2017.

25.

Permezz ta’ att ippreżentat fis‑6 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkonstata li r-rikors ippreżentat mill-IGPOUR ma għadx kien kellu skop, inkwantu, wara li ġiet konkluża l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu 2013/4218 konnessa, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tagħti lill-appellanti l-aċċess għaż-żewġ dokumenti inkwistjoni. Permezz tal-istess att, il-Kummissjoni, barra minn hekk, talbet il-kundanna tal-appellanti għall-ispejjeż tal-proċedura.

26.

Fid-dawl tat-talba msemmija, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura permezz tad-digriet tal‑14 ta’ Marzu 2018 u stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mill-Kummissjoni.

27.

Fl-osservazzjonijiet tagħha, l-IGPOUR ikkontestat li tilfet l-interess ġuridiku, filwaqt li, ir-Repubblika tal-Polonja, fl-osservazzjonijiet tagħha, sempliċement iddikjarat li ma kinitx topponi għat-talba tal-Kummissjoni. Ir-Renju tal-Isvezja ma ppreżentax osservazzjonijiet fuq din il-mozzjoni.

28.

Permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Lulju 2018 ( 7 ), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni u kkundannat lil kull parti tbati l-ispejjeż tagħha tal-proċedura.

29.

Insostenn tad-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tan-natura speċifika tas-sitwazzjoni li kienet s-suġġett tal-kawża, qieset li kien improbabbli li sseħħ fil-futur sitwazzjoni simili għal dik tal-każ inkwistjoni u, għaldaqstant, eskludiet iż-żamma tal-interess ġuridiku tal-appellanti wara li d-dokumenti mitluba kienu saru disponibbli.

30.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat kif l-IGPOUR, fil-kontestazzjoni tagħha tat-talba tal-Kummissjoni li l-kawża tiġi konkluża permezz ta’ nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni, kienet illimitat ruħha tirreferi għall-possibbiltà ġenerika ta’ rikors futur għad-danni mingħajr, madankollu, ma speċifikat l-intenzjoni effettiva tagħha li tipproċedi f’dan is-sens.

C.   Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

31.

Permezz ta’ appell ippreżentat fit‑3 ta’ Settembru 2018 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-IGPOUR talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali li jikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati, li ċaħdu lill-appellanti l-aċċess għall-opinjonijiet iddettaljati mogħtija mill-Kummissjoni u mir-Repubblika ta’ Malta fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika 2014/537/PL. L-IGPOUR talbet ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

32.

Sussidjarjament, l-IGPOUR talbet li l-kawża tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali, bl-għan li tinkiseb deċiżjoni fuq il-mertu u fuq l-ispejjeż.

33.

Ir-Renju tal-Isvezja talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat, kif ukoll id-deċiżjonijiet ikkontestati.

34.

Il-Kummissjoni, għall-kuntrarju, talbet li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċedura.

IV. L-eżami tal-appell

35.

L-IGPOUR tinvoka ħames aggravji insostenn tal-appell tagħha.

36.

Permezz tal-ewwel aggravju, li jista’ jinqasam f’żewġ partijiet, l-IGPOUR tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi (punti 30 u 32 tad-digriet appellat): meta qieset li kien improbabbli li l-illegalità invokata mill-appellanti tista’ terġa’ sseħħ fil-futur u li, għaldaqstant, l-appellanti, wara l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, ma kellhiex interess li titkompla l-kawża; meta qieset, għall-finijiet tal-evalwazzjoni msemmija, li l-kwistjoni rilevanti hija dik jekk huwiex probabbli li, fil-futur, tinħoloq sitwazzjoni speċifika bħal dik li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, minflok dik jekk fil-futur il-Kummissjoni tapplikax, f’każijiet oħra ta’ aċċess, l-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

37.

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li, fil-punt 33 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li deċiżjoni ta’ għeluq tal-proċedura mingħajr sentenza ma tippermettix lill-Kummissjoni taħrab minn stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

38.

Permezz tat-tielet aggravju, l-IGPOUR issostni li, fil-punt 34 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li l-għeluq tal-proċedura mingħajr l-għoti ta’ sentenza ma jimponix piż mhux iġġustifikat fuq l-appellanti li kieku hija kellha tippreżenta rikors għad-danni kontra l-Kummissjoni.

39.

Ir-raba’ aggravju, relatat mal-punt 34 tad-digriet appellat, jirrigwarda allegat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta qieset li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-bażi tal-eventwali talbiet għad-danni mressqa mill-appellanti jew mill-membri tagħha għad-danni kkawżati mid-deċiżjonijiet ikkontestati, inkwantu l-appellanti: kienet naqset milli tispeċifika jekk l-intenzjoni li tippreżenta rikors għad-danni kinitx purament ipotetika; ma kinitx ibbażat ruħha fuq provi preċiżi, konkreti u verifikabbli; ma kienet ipproduċiet ebda prova tad-dannu kkawżat mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

40.

Permezz tal-ħames aggravju, l-IGPOUR issostni li, fil-punt 34 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-appellanti ma kellha ebda interess tkompli r-rikors filwaqt li l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati kien neċessarju sabiex jiġi rrimedjat id-dannu morali kkawżat lill-appellanti bħala organizzazzjoni professjonali.

41.

Hekk kif intqal, dawn il-konklużjonijiet ser jikkonċentraw fuq l-ewwel aggravju.

A.   Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali: (i) qieset li kien improbabbli li l-illegalità invokata mill-appellanti fir-rikors tista’ terġa’ sseħħ fil-futur; (ii) qieset li l-kwistjoni rilevanti hija dik jekk huwiex probabbli li, fil-futur, tinħoloq sitwazzjoni speċifika simili għal dik tal-każ ineżami

1. L-argumenti tal-partijiet

42.

L-IGPOUR issostni li, fil-punti 30 u 32 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li kien improbabbli li, f’sitwazzjoni simili għal dik li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, l-allegat rifjut illegali ta’ aċċess għad-dokumenti ċċitati min-naħa tal-Kummissjoni seta’ jseħħ fil-futur u li, għaldaqstant, l-appellanti ma kellhiex interess tkompli l-kawża.

43.

Iktar fid-dettall, l-IGPOUR tqis li l-Qorti Ġenerali ma qisitx improbabbli li l-Kummissjoni fil-futur tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li skontha jekk id-dokumenti li għalihom qiegħed jintalab l-aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001 jinkludu riferimenti għal ittri ta’ intimazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ riferimenti bħal dawn, ikunu “marbuta b’mod indissolubbli” ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dawn ikunu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar.

44.

L-appellanti ssostni, fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali pjuttost evalwat il-probabbiltà li l-interpretazzjoni mwettqa f’dan il-każ tista’ terġa’ tintuża f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ din il-kawża, jiġifieri każ ġdid fejn fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni abbozz ta’ liġi sabiex jindirizza l-preokkupazzjonijiet li jiġġustifikaw il-proċedura, u l-Kummissjoni tirrifjuta li tiżvela opinjonijiet mogħtija fuq dak l-abbozz ta’ liġi sabiex tipproteġi l-kunfidenzjalità neċessarja tar-relazzjonijiet bejn l-Istati u l-Kummissjoni fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

45.

F’dan ir-rigward, IGPOUR tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament ( 8 ), li fiha l-Qorti Ġenerali kkonfermat l-interess fid-deċiżjoni tar-rikorrenti ta’ sitwazzjoni simili, inkwantu l-allegata illegalità tar-rikorrenti kienet ibbażata fuq interpretazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 li l-Parlament seta’ jirrepeti f’każ ta’ talba għal aċċess ġdida.

46.

Skont l-IGPOUR, il-Qorti Ġenerali wettqet l-istess żball bħal dak imsemmi fil-punti preċedenti, meta approvat l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-prinċipju ta’ trasparenza li fuqu hija bbażata d-Direttiva 98/34 (issostitwita bid-Direttiva 2015/1535) ma jipprekludix l-invokazzjoni ta’ preżunzjonijiet ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar fir-rigward ta’ opinjonijiet iddettaljati mogħtija fi proċedura ta’ notifika mhux kunfidenzjali.

47.

Barra minn hekk, l-IGPOUR issostni li, fid-dawl tal-portata notevoli tal-obbligi ta’ notifika min-naħa tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2015/1535, huwa probabbli ħafna li bosta mid-dokumenti nnotifikati jindirizzaw almenu parzjalment il-preokkupazzjonijiet tal-Kummissjoni.

48.

L-appellanti tosserva, barra minn hekk, kif digriet ieħor li jirrigwardaha, jiġifieri d-digriet tad‑19 ta’ Lulju 2018, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il‑Kummissjoni ( 9 ), jista’ jitqies bħala rilevanti għal din il-kawża, bl-għan li turi li l-Kummissjoni tiddefendi b’mod kostanti l-interpretazzjonijiet tagħha tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll tal-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit mid-Direttivi 98/34 u 2015/1535. Huwa effettivament dan il-preċedent, skont l-appellanti, li jikkonferma l-probabbiltà li l-interpretazzjoni kkontestata tista’ tirrepeti ruħha fil-futur.

49.

Finalment, l-IGPOUR issostni li huwa probabbli ħafna li fil-futur hija tressaq talbiet għal aċċess għal dokumenti simili għal dawk tal-każ inkwistjoni, peress li hija organizzazzjoni ta’ imprendituri li l-attivitajiet tagħha jirrigwardaw l-aspetti kollha tat-tranżazzjonijiet kummerċjali tal-membri tagħha u mhux biss dawk l-aspetti li huma direttament marbuta mal-qasam partikolari li hija tirrappreżenta, jiġifieri dak tal-logħob tal-azzard.

50.

Il-Gvern Svediż iqis li l-appell huwa fondat u jillimita l-osservazzjonijiet tiegħu għall-ewwel aggravju invokat mill-IGPOUR. F’dan ir-rigward, il-gvern josserva li, minkejja li l-IGPOUR issa għandha aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, mill-punti 10 u 35 tal-appell jirriżulta li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma ġewx formalment irtirati mill-Kummissjoni, b’mod li t-tilwima żammet is-suġġett tagħha.

51.

Skont il-Gvern Svediż, l-IGPOUR intenzjonalment fittxet l-aċċess għall-opinjonijiet iddettaljati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ notifika meta l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet għadha pendenti. Madankollu, l-aċċess għal dawn id-dokumenti ngħata biss wara l-konklużjoni tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u tal-proċedura ta’ notifika. Minħabba li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma seħħx qabel l-għeluq ta’ dawn il-proċeduri, dan ma kisibx b’mod sħiħ l-għanijiet imfittxija mit-talba għal aċċess.

52.

Il-Gvern Svediż jaqbel mal-pożizzjoni tal-IGPOUR li skontha l-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk ir-regola ta’ preżunzjoni ġenerali tal-Kummissjoni applikabbli għad-deċiżjonijiet ikkontestati setgħetx tiġi invokata mill-Kummissjoni fil-futur. Din il-konklużjoni hija direttament ikkonfermata mis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, li minnha jirriżulta li dak li għandu jiġi eżaminat huwa jekk l-illegalità invokata tistax tirrepeti ruħha fil-futur.

53.

Il-Gvern Svediż, bħall-IGPOUR, iqis li sitwazzjoni simili tista’ sseħħ mill-ġdid fil-futur.

54.

L-ewwel nett, jeżisti r-riskju immedjat li l-Kummissjoni tista’ timmotiva d-deċiżjonijiet li jiċħdu t-talbiet futuri għal aċċess għal dokumenti mressqa fil-kuntest tal-proċeduri ta’ notifika previsti mid-Direttiva 2015/1535 b’riferiment għall-preżunzjoni ġenerali kkontestata.

55.

It-tieni nett, il-Kummissjoni fil-fatt diġà applikat din ir-regola ta’ preżunzjoni ġenerali wara li adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati, bl-għan li tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ talba addizzjonali tal-IGPOUR li, imressqa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ notifika prevista mid-Direttiva 2015/1535, kienet tipprevedi l-aċċess għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u għal opinjoni ddettaljata.

56.

It-tielet nett, il-fatt li l-IGPOUR hija esposta għar-riskju li fil-futur tiġi invokata l-imsemmija regola ġenerali ta preżunzjoni jirriżulta anki mill-fatt li l-IGPOUR hija organizzazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-produtturi, tad-distributuri u tal-operaturi ta’ magni tad-divertiment fil-Polonja, li l-attivitajiet tagħha jirrigwardaw l-aspetti kollha tat-tranżazzjonijiet kummerċjali tal-membri tagħha u mhux biss dawk l-aspetti li huma direttament marbuta mal-qasam partikolari li hija tirrappreżenta jew li huma kkonċernati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob tal-azzard. Fl-aħħar nett, dan ir-riskju ma jirrigwardax biss it-talbiet għal aċċess għal dokumenti mressqa mill-IGPOUR, iżda anki dawk imressqa minn persuni oħra.

57.

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju huwa infondat għal tliet raġunijiet.

58.

L-ewwel nett, hija ssostni li l-IGPOUR ma tikkontestax il-kriterji ġuridiċi applikati mill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-possibbiltà li l-IGPOUR setgħet iżżomm interess li tkompli l-proċedura, iżda jidher li qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni ta’ element fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-probabbiltà li l-allegata illegalità tiġi rrepetuta fil-futur, bl-evalwazzjoni tagħha tal-istess element fattwali. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat korrettement iċ-ċirkustanzi tal-każ u kkonkludiet li l-IGPOUR ma kellhiex interess konkret u attwali sabiex timpedixxi li l-allegata illegalità tiġi rrepetuta fil-futur.

59.

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, wara li ħadet id-deċiżjoni li tagħti l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, l-interess attwali tal-appellanti fl-annullament tad-deċiżjonijiet inkwistjoni ntilef, peress li t-tkomplija tal-proċedura ma kienet tagħtiha l-ebda vantaġġ konkret. L-IGPOUR b’mod żbaljat affermat li l-interess tagħha li tkompli l-proċedura jista’ jitqies bħala li huwa dak li tikkontesta l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 li abbażi tagħha l-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet inkwistjoni u li tista’ tiġi rrepetuta fil-futur.

60.

It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali korrettement użat il-fatti speċifiċi tal-kawża bħala punt ta’ riferiment sabiex tevalwa l-livell ta’ probabbiltà li azzjonijiet bħal dik tal-IGPOUR jistgħu jiġu rrepetuti u kkonkludiet li huwa improbabbli li sitwazzjoni daqshekk atipika terġa’ tippreżenta ruħha fil-futur.

61.

Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, il-pożizzjoni tal-IGPOUR hija differenti ħafna minn dik tal-appellanti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660). F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ interess tal-appellanti għal dak li jirrigwarda l-bidu jew it-tkomplija tal-proċedura minkejja l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, inkwantu l-appell kien intiż li jirriforma sentenza li kienet irrikonoxxiet l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għal kategorija speċifika ta’ dokumenti u l-appellanti, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tieħu ħsieb il-protezzjoni tal-ambjent, kienet partikolarment suxxettibbli li ssib ruħha mill-ġdid quddiem l-allegata illegalità.

2. Evalwazzjonijiet

62.

Is-suġġett ta’ dan l-appell huwa l-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-digriet appellat tal‑10 ta’ Lulju 2018 sabiex jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi jew le meta qieset li l-interess ġuridiku (rectius li titkompla l-kawża) ta’ din l-appellanti kien intilef minħabba l-fatt li l-Kummissjoni, qabel it-tmiem tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali stess, kienet tat l-aċċess għad-dokumenti li kienu s-suġġett ta’ rifjut preċedenti li kien wassal għat-talba għal annullament.

63.

Għal dan il-għan ser niġbor fil-qosor il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-interess ġuridiku sabiex sussegwentement nittratta l-kwistjoni tal-limiti li fihom tista’ tiġi kkonfigurata ż-żamma tal-interess ġuridiku wara t-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-dokumenti mitluba.

64.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett tat-tilwima għandu jibqa’, l-istess bħall-interess ġuridiku, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-qorti, taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni. Tali interess jippreżumi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors jista’ għalhekk, bl-eżitu tiegħu, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu ( 10 ).

65.

Minn dan isegwi li, sabiex l-interess ġuridiku tiegħu jew l-interess tiegħu sabiex titkompla l-kawża jkun jista’ jitqies bħala eżistenti, ir-rikorrent mhux biss għandu jkun jinsab f’sitwazzjoni partikolari fir-rigward tal-att li huwa għandu l-intenzjoni jikkontesta l-legalità tiegħu, iżda wkoll l-annullament ta’ dan l-att għandu jkun jista’ jipprovdi effetti pożittivi għas-sitwazzjoni legali tiegħu ( 11 ). Jekk ir-rikorrent ma jista’ jikseb ebda benefiċċju mill-fatt li r-rikors tiegħu jiġi eventwalment milqugħ, il-bidu jew it-tkomplija tal-kawża ma jistgħux jiġu ġġustifikati. Fil-fatt, huwa propju sabiex tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, billi jiġi evitat li l-qorti tal-Unjoni tiġi adita bi kwistjonijiet purament teoretiċi, li s-soluzzjoni tagħhom ma tistax twassal għal konsegwenzi ġuridiċi jew tipprovdi benefiċċju għar-rikorrent, li kull persuna li tippreżenta kawża għandu jkollha, u żżomm matul il-kawża kollha, interess ġuridiku ( 12 ).

66.

L-interess ġuridiku, ikklassifikat fil-ġurisprudenza bħala kundizzjoni essenzjali u primarja għal kull rikors, għandu jkun ċert u attwali u ma jistax ikun evalwat fid-dawl ta’ avveniment futur u ipotetiku ( 13 ).

67.

Il-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandha tiġi, għaldaqstant, evalwata in concreto, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi tal-allegata illegalità u tan-natura tad-dannu allegatament subit ( 14 ).

68.

Mit-tagħlim iċċitat tal-Qorti tal-Ġustizzja nistgħu, għaldaqstant, nisiltu l-prinċipji ġenerali segwenti: l-interess ġuridiku għandu jeżisti fil-mument tar-rikors u jibqa’ sat-tmiem tal-kawża u l-assenza tiegħu tirriżulta fl-inammissibbiltà jew f’deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni; l-interess ġuridiku għandu jkun konkret, attwali u reali u mhux biss ipotetiku; il-konklużjoni tal-kawża għandha tkun tista’ tirriżulta f’benefiċċji konkreti għar-rikorrent.

69.

Jeħtieġ issa ngħaddi għat-tieni kwistjoni, dik iktar speċifika taż-żamma jew le tal-interess ġuridiku f’każ ta’ kawżi relatati mal-aċċess għal dokumenti li, fil-mori tal-proċedura ġudizzjarja, isiru disponibbli għar-rikorrent.

70.

F’din il-kawża, fil-fatt, kif jidher, l-argument bażiku tal-appellanti huwa li l-interess ġuridiku tagħha jibqa’ jeżisti anki wara li l-Kummissjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni d-dokumenti mitluba (wara l-għeluq tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-konfront tar-Repubblika tal-Polonja), minħabba r-riskju li sitwazzjoni bħal din, allegatament illegali, tista’ terġa’ sseħħ frekwentement fil-futur.

71.

Jeħtieġ, sussegwentement, li tiġi identifikata liema hija s-sitwazzjoni li tista’ terġa’ sseħħ fil-futur u li għaldaqstant tista’ tiġġustifikata ż-żamma tal-interess ġuridiku.

72.

Skont l-appellanti din hija l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2), tar-Regolament Nru 1049/2001. Jiġifieri l-appellanti tqis li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tista’ fil-futur tinterpreta b’mod simili din id-dispożizzjoni, billi tqis li tista’ tirrifjuta t-talba għal aċċess fil-mori ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-konfront ta’ Stat Membru, għandu bħala konsegwenza ż-żamma tal-interess ġuridiku u għaldaqstant il-kontinwazzjoni neċessarja tal-kawża sad-deċiżjoni fuq il-mertu.

73.

Soluzzjoni bħal din għandha konsegwenzi paradossali: l-interess ġuridiku, fil-fatt, f’kull kawża dwar aċċess għal dokumenti, jibqa’ awtomatikament għand ir-rikorrent għall-unika raġuni li fil-futur l-istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tinterpreta bil-mod ikkontestat dispożizzjoni legali speċifika f’ċirkustanza differenti.

74.

Sabiex jiġu evitati dawn l-effetti paradossali, b’tali mod li jintilef kull effett utli tad-dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġi ordnat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawżi dwar aċċess għal dokumenti, huwa bla dubju iktar korrett li jsir it-test ta’ probabbiltà fir-rigward tal-fatt konkret li huwa s-suġġett tal-kawża.

75.

Dan bi qbil ma’ dak indikat iktar ’il fuq fir-rigward tan-natura tal-interess ġuridiku li, kif diġà ntqal, għandu jkun konkret, reali u mhux biss ipotetiku.

76.

Dan ma jfissirx, naturalment, li s-sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għat-test ta’ probabbiltà għandha tkun biss dik tal-każ li huwa s-suġġett tal-kawża inkwistjoni iżda din tista’ tkun anki sitwazzjoni simili, li tista’ twassal għall-istess ċirkustanzi fattwali.

77.

Mill-qari tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam tirriżulta konferma ta’ dan meta, f’sentenza, iċċitata wkoll mill-appellanti insostenn tal-argument tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-persistenza tal-interess ġuridiku jippreżumi li din l-illegalità tista’ tirrepeti ruħha fil-futur “indipendentement miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni” ( 15 ).

78.

Is-sinjifikat li għandu jiġi attribwit lil din l-espressjoni, jekk jinqara r-raġunament sħiħ tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa li l-interess ġuridiku tar-rikorrent jista’ jibqa’ jissussisti jekk huwa juri li l-allegata illegalità tista’ sseħħ mill-ġdid fil-futur anki fi proċeduri simili u mhux identiċi għal dik inkwistjoni ( 16 ).

79.

F’dan il-każ is-sitwazzjoni li teħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ probabbiltà li sseħħ mill-ġdid hija s-segwenti: it-talba għal aċċess għal dokumenti min-naħa ta’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta interessi kummerċjali fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li fil-mori tagħha l-Istat Membru, sabiex jevita l-konsegwenzi dovuti għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tiegħu, jinnotifika lill-Kummissjoni abbozz ta’ liġi intiż li jemenda d-dispożizzjonijiet meqjusa illegali. Id-dokumenti mitluba, speċifikament, huma żewġ opinjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni stess u minn Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

80.

Sitwazzjoni bħal din hija bla dubju atipika u l-probabbiltà li sseħħ mill-ġdid żgur li ma tistax titqies bħala waħda għolja.

81.

F’dan ir-rigward, ebda argument speċifiku fuq dan il-punt ma tressaq mill-appellanti li, kif intqal, illimitat ruħha tafferma li l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali jinsab fil-fatt li ttieħed bħala riferiment għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà.

82.

Kuntrarjament il-Kummissjoni, peress li tqis li din hija sitwazzjoni ta’ fatt u mhux ta’ liġi, li l-evalwazzjoni tagħha mill-Qorti Ġenerali ma tistax tkun is-suġġett ta’ reviżjoni fl-appell, fin-noti tagħha, ikkonfermati waqt is-seduta, repetutament sostniet in-natura atipika ta’ din is-sitwazzjoni u kkonfermat li, fl-esperjenza konkreta, din rari seħħet u, għaldaqstant, huwa improbabbli li sseħħ mill-ġdid fil-futur qarib.

83.

Sabiex jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali effettivament wettqitx żball ta’ liġi meta evalwat bħala improbabbli s-seħħ tas-sitwazzjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, huwa utli ħafna li din il-kawża titqabbel ma’ preċedent reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, invokat mill-partijiet kollha tal-kawża insostenn tal-argumenti rispettivi tagħhom, u b’mod partikolari mill-Gvern Svediż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u mill-appellanti waqt is-seduta.

84.

Fil-fatt, fis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660), il-Qorti tal-Ġustizzja, hija u tiddeċiedi f’Awla Manja, iddeċidiet dwar l-appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-qasam ta’ aċċess għal dokumenti tal-Kummissjoni iżda, fuq kollox, u hawn l-ikbar rabta ma’ din il-kawża, kellha tirrispondi għat-talba tal-Kummissjoni li tikkonkludi l-kawża permezz ta’ deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mill-mument li wara s-seduta u qabel is-sentenza kienu ngħataw lill-appellanti d-dokumenti mitluba.

85.

F’dik l-okkażjoni l-Qorti tal-Ġustizzja affermat, filwaqt li fakkret ukoll ġurisprudenza preċedenti, li rikorrent jista’, f’ċerti każijiet, anki wara li jsiru disponibbli d-dokumenti mitluba, iżomm interess li jitlob l-annullament ( 17 ) iżda dan meta jseħħu kundizzjonijiet speċifiċi li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala eżistenti fil-każ speċifiku quddiemha iżda li, hekk kif se naraw, huma assenti f’din il-kawża. Barra minn hekk, hija kkonstatat fuq dan il-punt li, “[f]’dawn iċ-ċirkustanzi” hemm lok li jitqies li l-appellanti żammet interess ġuridiku u li “[r]-rikonoxximent ta’ tali interess huwa, b’kont meħud tar-riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità allegata u fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari msemmija iktar ’il fuq, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” ( 18 ).

86.

Fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660), il-Qorti tal-Ġustizzja ma affermatx, hekk kif l-appellanti donnha ssostni, prinċipju ġenerali fil-qasam ta’ żamma tal-interess ġuridiku fil-kawżi relatati mal-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

87.

Kuntrarjament, hija ċċarat, lil hinn minn xi dubju li seta’ jirriżulta mill-qari ta’ ċerti sentenzi tal-Qorti Ġenerali ( 19 ) li, f’kawżi relatati mal-aċċess għal dokumenti, iż-żamma tal-interess ġuridiku wara li jsiru disponibbli l-istess dokumenti mill-istituzzjoni Ewropea għandha titqies bħala eċċezzjoni, u r-regola hija li, ladarba d-disponibbiltà tad-dokumenti tkun ġiet akkwistata, is-suġġett tal-kawża u l-interess ġuridiku ma jibqgħux jeżistu.

88.

Peress li tali ċirkustanza hija eċċezzjoni, iż-żamma tal-interess ġuridiku, tista’ fil-fatt isseħħ jew le skont ċerti varjabbli: in-natura tal-awtur tat-talba u tal-interessi involuti u s-sistema ġuridika speċifika applikabbli, it-tip ta’ atti li huma s-suġġett tat-talba għal aċċess, in-natura tal-proċedura li għaliha jirreferu d-dokumenti mitluba u l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess invokata mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rifjut.

89.

Dawn il-varjabbli kollha li, fid-dawl ta’ dak indikat iktar ’il fuq, huma, fil-fehma tiegħi, iċ-“ċirkustanzi partikolari” li jippermettu ż-żamma tal-interess ġuridiku, huma differenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660) u f’din il-kawża u għaldaqstant għandhom iwasslu għal soluzzjoni differenti.

90.

L-appellanti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660) hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tieħu ħsieb il-protezzjoni ta’ interessi fil-qasam ambjentali; l-appellanti f’din il-kawża hija assoċjazzjoni li tipproteġi l-interessi ta’ produtturi, distributuri u operaturi ta’ magni tad-divertiment u tal-logħob tal-azzard.

91.

Fil-qasam ambjentali, hekk kif huwa magħruf, teżisti leġiżlazzjoni speċifika dwar it-trasparenza tal-atti li timponi, fost l-oħrajn, li jiġu interpretati b’mod restrittiv ir-raġunijiet għal rifjut fil-qasam tal-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent ( 20 ).

92.

Fir-rigward tat-tip tal-atti li kienu s-suġġett tat-talba għal aċċess fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660) dawn kienu rapporti ta’ analiżi tal-impatt u opinjonijiet tal-kumitat ta’ analiżi tal-impatt li jakkumpanjawhom, li kienu jinkludu informazzjoni li tikkostitwixxi elementi importanti tal-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni, li tagħmel parti mill-bażi tal-azzjoni leġiżlattiva tagħha. Minn dan isegwi li r-raġuni għar-rifjut ta’ aċċess għandha tiġi interpretata b’mod strett, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interess li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba għandu għall-pubbliku, b’mod li jkun hemm iktar trasparenza ta’ din l-informazzjoni ( 21 ).

93.

L-atti li huma s-suġġett tat-talba għal aċċess f’din il-proċedura huma l-opinjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni stess u minn Stat Membru dwar il-proposta għal emenda leġiżlattiva ppreżentata mir-Repubblika tal-Polonja sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

94.

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660) kienet bla dubju ta’ xejn tirrigwarda proċedura ta’ natura leġiżlattiva ( 22 ) filwaqt li din il-kawża tirrigwarda, hekk kif intqal, proċedura leġiżlattiva li però tidħol funzjonalment fi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-konfront ta’ Stat membru, li fiha għandu jiġi ppreżervat, skont ġurisprudenza stabbilita, id-djalogu kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

95.

F’dan ir-rigward, ma tistax titqiegħed f’dubju r-rabta stretta bejn id-dokumenti kkontestati u l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dejjem affermata mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub u waqt is-seduta, ikkonfermata mir-Repubblika tal-Polonja waqt is-seduta u mhux kkontestata b’argumenti speċifiċi mill-appellanti, li tillimita ruħha tikkontestaha b’mod kategoriku mingħajr l-ebda rilevanza fuq il-mertu minkejja li setgħet taqra l-kontenut qabel il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

96.

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet fakkret li d-dokumenti relatati mal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkostitwixxu, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, kategorija unika ta’ dokumenti, mingħajr ma hemm lok li ssir ebda distinzjoni skont it-tip ta’ dokument li jagħmel parti mill-fajl jew l-awtur tad-dokumenti kkonċernati ( 23 ).

97.

Anki l-bażi li fuqha l-Kummissjoni bbażat ir-rifjut ta’ aċċess tagħha hija differenti fiż-żewġ kawżi. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660), peress li din kienet tirrigwarda proċedura leġiżlattiva, il-Kummissjoni invokat l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u mmotivat ir-rifjut ta’ aċċess bil-bżonn ta’ spazju ta’ riflessjoni lil hinn minn pressjonijiet esterni fir-rigward tal-inizjattivi politiċi li kellhom jiġu proposti.

98.

F’din il-kawża, madankollu, il-Kummissjoni bbażat ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u mmotivat ir-rifjut ta’ aċċess fuq il-bażi tal-fatt li l-opinjonijiet imsemmija iktar ’il fuq kienu jinkludu evalwazzjonijiet marbuta direttament mal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li l-għarfien tagħhom seta’ jimmina d-djalogu bejn l-Istati u l-Kummissjoni fi proċedura prekontenzjuża.

99.

Fir-rigward tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni għar-rifjut, u għaldaqstant, tal-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, minkejja li din ma hijiex is-suġġett dirett tal-analiżi tal-konklużjonijiet tiegħi għar-raġunijiet indikati iktar ’il fuq, ser nillimita ruħi nagħmel ftit kunsiderazzjonijiet konċiżi.

100.

Għalkemm ir-regola fil-qasam tal-aċċess għall-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija l-ikbar trasparenza u, għaldaqstant, l-eċċezzjoni hija l-possibbiltà li jiġi miċħud l-aċċess abbażi ta’ raġunijiet speċifiċi, eċċezzjoni li għandha tiġi applikata b’mod restrittiv inkwantu tidderoga mill-prinċipju ġenerali ( 24 ), jeżistu, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, modi differenti għall-applikazzjoni konkreta ta’ dawn il-prinċipji.

101.

Is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660) għandha l-mertu li tikkjarifika l-portata ta’ dawn l-eċċezzjonijiet billi tirrendihom dipendenti fuq in-natura tal-atti, tal-awturi u tal-proċedura. Fil-fatt, għalkemm fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva l-portata tad-dritt ta’ aċċess tassumi l-iktar forma wiesgħa tagħha (u iktar minn hekk fil-każ tal-protezzjoni ta’ interessi ambjentali), fir-rigward ta’ proċeduri prekontenzjużi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jew f’sens wiesa’ ta’ proċeduri ta’ spezzjoni, din il-portata ttendi li titnaqqas u l-bilanċ bejn l-interess għat-trasparenza u l-interess għall-kunfidenzjalità jteni li jxaqleb lejn dan tal-aħħar, fatt li jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jużaw preżunzjonijiet ġenerali.

102.

Is-sistema tal-eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4, u b’mod partikolari fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-fatt, hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li huma ffavoriti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li huma mhedda minn dan l-iżvelar Id-deċiżjoni meħuda fuq talba għal aċċess għal dokumenti tiddependi fuq il-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevalixxi fil-każ ineżami ( 25 ).

103.

Bis-saħħa tal-eċċezzjoni invokata mill-Kummissjoni f’dan il-każ, jiġifieri dik inkluża fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu, sakemm l-iżvelar tad-dokument imsemmi ma jkunx iġġustifikat minħabba interess pubbliku superjuri ( 26 ).

104.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjonijiet ġenerali ta’ kunfidenzjalità favur ħames kategoriji ta’ dokumenti, fosthom id-dokumenti relatati ma’ proċedura prekontenzjuża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, inklużi d-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot ( 27 ).

105.

L-għan ta’ dawn il-preżunzjonijiet jinsab fil-possibbiltà, għall-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, li tikkunsidra li l-iżvelar ta’ ċerti kategoriji ta’ dokumenti, bħala prinċipju, jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni li hija tinvoka, abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina b’mod konkret u individwali kull wieħed mid-dokumenti mitluba ( 28 ).

106.

Il-proċedura prekontenzjuża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jissottometti b’mod effikaċi r-raġunijiet tad-difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni ( 29 ).

107.

Għaldaqstant, l-iżvelar tad-dokumenti marbuta ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu matul il-fażi prekontenzjuża tagħha jista’, jaffettwa n-natura u l-iżvolġiment ta’ tali proċedura, fid-dawl tal-fatt li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jkun iktar diffiċli li jinbeda proċess ta’ negozjar u li jkun hemm ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat li jtemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, sabiex id-dritt tal-Unjoni jiġi osservat u sabiex jiġu evitati proċeduri legali ( 30 ).

108.

Għaldaqstant, jista’ jiġi preżunt li l-iżvelar tad-dokumenti marbuta ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, matul il-fażi prekontenzjuża tagħha, għandu r-riskju li jibdel in-natura ta’ din il-proċedura kif ukoll li jimmodifika l-iżvolġiment tagħha, u li, għalhekk, dan l-iżvelar jippreġudika, bħala prinċipju, il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 31 ).

109.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li din il-preżunzjoni ġenerali ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument partikolari, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li, skont l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat ( 32 ). Iżda dan l-oneru probatorju jaqa’ fuq ir-rikorrent ( 33 ) u, fil-każ inkwistjoni, ma jidhirx li ġie ssodisfatt.

110.

Il-possibbiltà li tintuża preżunzjoni ġenerali, f’dan il-każ, ma jidhirx li għandha tiġi eskluża; fil-fatt, ninsabu fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, anki jekk ikkaratterizzata minn ċerti partikolaritajiet.

111.

Fid-dawl ta’ dan kollu indikat iktar ’il fuq, jista’ jiġi konkluż li l-appellanti ma werietx iż-żamma tal-interess ġuridiku tagħha wara li saru disponibbli, fil-mori tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, id-dokumenti mitluba u oriġinarjament miċħuda mill-Kummissjoni Ewropea.

112.

Il-Qorti Ġenerali, b’riferiment għall-ewwel aggravju, ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta qieset bħala improbabbli li l-allegata illegalità invokata mill-appellanti tista’ tiġi rrepetuta fil-futur u li, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, il-kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk fil-futur tistax isseħħ sitwazzjoni simili għal dik li hija s-suġġett ta’ din il-kawża.

113.

Minħabba n-natura tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li fil-kuntest tagħha tressqet it-talba għal dokumenti, tan-natura stess tal-atti mitluba u tal-awtur tat-talba, kif ukoll tal-qasam li fil-kuntest tiegħu qiegħda tiżvolġi l-proċedura, ma tistax tiġi applikata d-duttrina, ta’ eċċezzjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja affermata fis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660).

114.

Għaldaqstant, tibqa’ applikabbli d-duttrina ġenerali, ikkonfermata mis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660), li, fl-assenza ta’ kundizzjonijiet partikolari, tippermetti lill-Qorti Ġenerali tikkonkludi l-proċedura permezz ta’ deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni meta, f’kawżi li għandhom bħala suġġett id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, dawn tal-aħħar isiru disponibbli fil-mori tal-kawża u l-parti ma turix interess speċifiku li jiġġustifika l-kontinwazzjoni tal-kawża.

115.

Fil-fatt, ma jeżistux f’din il-kawża raġunijiet speċifiċi li jwasslu għall-ħsieb li l-appellanti hija “partikolarment esposta għal tali implimentazzjonijiet tal-imsemmija preżunzjoni fil-futur”, b’differenza mill-appellanti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660) li, inkwantu organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent, wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li taġixxi favur iktar trasparenza u legalità fil-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni fil-qasam ambjentali. Dan, dejjem fil-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrendi iktar probabbli li hija fil-futur titlob mill-ġdid aċċess għal dokumenti simili għad-dokumenti inkwistjoni ( 34 ). L-istess ma jistax jingħad għal din l-appellanti li ma werietx li għandha xi interess speċifiku fl-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mill-mument li, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660), il-kontinwazzjoni tal-kawża ma setgħet tirriżulta f’ebda benefiċċju konkret addizzjonali.

V. Konklużjoni

116.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad, bħala infondat, l-ewwel aggravju.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660).

( 3 ) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337. Emendata bid-Direttiva 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015.

( 5 ) Il-Kummissjoni assenjat lill-abbozz ta’ liġi r-referenza 2014/537/PL.

( 6 ) Id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew ikklassifikati bħala GESTDEM 2015/1291.

( 7 ) Digriet tal‑10 ta’ Lulju 2018, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il‑Kummissjoni (T‑514/15, mhux ippubblikat, EU:T:2018:500).

( 8 ) T‑540/15, EU:T:2018:167.

( 9 ) Digriet tad‑19 ta’ Lulju 2018, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il‑Kummissjoni (T‑750/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:506).

( 10 ) Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Tali klassifikazzjoni tal-interess ġuridiku hija kkonfermata, minn naħa, fil-formulazzjoni ta’ ċerti lingwi uffiċjali tal-Unjoni, bħall-Ġermaniż, li jindika l-interess ġuridiku bit-terminu “Rechtsschutzbedurfnis” jew “Rechtschutzinteresse” (litteralment “bżonn” jew “interess fil-protezzjoni ġuridika”) u, min-naħa l-oħra, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li titkellem dwar “interess ċert u attwali li […] jirrikjedi protezzjoni ġuridika” (ara s-sentenza Planet vs Il‑Kummissjoni, C‑564/13 P, EU:C:2015:124, punti 2834). Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P EU:C:2015:409, punti 2728 u nota ta’ qiegħ il-paġna 19).

( 12 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:409, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:409, punt 29 u l-ġurisprudenza fih).

( 14 ) Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u l‑Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 65).

( 15 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 52).

( 16 ) Hemm miktub, fil-fatt, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet tirrigwarda proċedura ta’ selezzjoni għar-reklutaġġ, li “[l]-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li r-rikorrent kellu interess li jaġixxi u jikseb sentenza li tikkonċerna l-legalità tal-proċedura ta’ selezzjoni in kwistjoni sabiex l-illegalità allegata ma tirrepetix ruħha fil-kuntest ta’ proċedura simili fil-futur. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq il-motiv li kien invokat mir-rikorrent, li kien jirriżulta mill-illegalità tal-proċedura ta’ selezzjoni minħabba l-preselezzjoni tal-kandidati kif kien imniżżel fin-nota tad-direttur ġeneral. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li kien possibbli li d-direttur ġenerali seta’ kellu l-istess rwol fi proċedura ta’ selezzjoni ulterjuri u simili”.

( 17 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 48). Enfasi miżjuda minni.

( 18 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 56). Enfasi miżjuda minni.

( 19 ) T‑540/15, EU:T:2018:167.

( 20 ) Premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).

( 21 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punti 91100).

( 22 ) Il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001 tistabbilixxi li għandu jingħata iktar aċċess għad-dokumenti fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu fil-kapaċitajiet leġiżlattivi tagħhom. Fil-fatt, il-possibbiltà, għaċ-ċittadini, li jivverifikaw u jkunu jafu l-informazzjoni kollha li tikkostitwixxi l-bażi tal-azzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni hija kundizzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju effettiv, minn dawn tal-aħħar, tad-drittijiet demokratiċi tagħhom, kif irrikonoxxuti b’mod partikolari fl-Artikolu 10(3) TUE. Dan l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmi jimplika mhux biss li dawn iċ-ċittadini jkollhom l-informazzjoni rilevanti sabiex jifhmu l-għażliet magħmula mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv, iżda wkoll li huma jistgħu jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni fi żmien xieraq, f’mument li jqegħidhom f’pożizzjoni li jsostnu b’mod utli il-perspettiva tagħhom dwar dawn l-għażliet (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 84).

( 23 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 64) u sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 74).

( 24 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 78).

( 25 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 42).

( 26 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 58).

( 27 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 81 u l-ġurisprudenza fih).

( 28 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata fih).

( 29 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata fih).

( 30 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 63).

( 31 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 65).

( 32 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN vs Il‑Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata fih).

( 33 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 90).

( 34 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 54).

Top