This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CC0549
Opinion of Advocate General Tanchev delivered on 5 March 2020.#European Commission v Romania.#Failure of a Member State to fulfil obligations — Article 258 TFEU — Prevention of the use of the financial system for the purposes of money laundering or terrorist financing — Directive (EU) 2015/849 — Failure to transpose and/or to notify transposition measures — Article 260(3) TFEU — Application for an order to pay a lump sum.#Case C-549/18.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fil-5 ta’ Marzu 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rumanija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Assenza ta’ traspożizzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa.
Kawża C-549/18.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fil-5 ta’ Marzu 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rumanija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Assenza ta’ traspożizzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa.
Kawża C-549/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:173
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TANCHEV
ippreżentati fil‑5 ta’ Marzu 2020 ( 1 )
Kawża C‑549/18
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Rumanija
“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu — Artikolu 258 TFUE — Direttiva (UE) 2015/849 — Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus — Artikolu 260(3) TFUE — Nuqqas li jiġu nnotifikati l-miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont il-proċedura leġiżlattiva — Sanzjonijiet pekunjarji — Ħlas ta’ somma f’daqqa”
I. Introduzzjoni
1. |
F’din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Rumanija talli din naqset milli tadotta l-miżuri meħtieġa biex, sas-26 ta’ Ġunju 2017, tittrasponi d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE ( 2 ) jew, fi kwalunkwe każ, talli naqset milli tinnotifika dawn il-miżuri lill-Kummissjoni. |
2. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, tikkundanna lir-Rumanija tħallas somma f’daqqa, stabbilita finalment fl-ammont ta’ EUR 4 536 667.20, għall-ksur tal-obbligu tagħha li tinnotifika l-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2015/849. Inizjalment hija talbet ukoll il-pagament ta’ penalità ta’ EUR 21 974.40 kuljum, iżda rtirat din it-talba matul il-proċeduri. |
3. |
Konsegwentement, din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE li toħroġ mis-sentenza monumentali tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) ( 3 ). L-Artikolu 260(3) TFUE huwa strument importanti introdott mit-Trattat ta’ Lisbona li jippermetti lill-Kummissjoni tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE minħabba li l-Istat Membru jkun “naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skond il-proċedura leġislattiva” u fl-istess ħin titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq dan l-Istat Membru sanzjonijiet pekunjarji. |
4. |
Din il-kawża qiegħda tinstema’ mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod parallel ma’ kawża oħra, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑550/18), li l-konklużjonijiet tiegħi għaliha qegħdin jiġu ppreżentati llum. Iż-żewġ kawżi jqajmu żewġ punti prinċipali li jikkonċernaw, l-ewwel wieħed, jekk il-Kummissjoni għandhiex tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha li tirrikorri għall-Artikolu 260(3)TFUE u, it-tieni wieħed, l-evalwazzjoni tal-ħlas ta’ somom f’daqqa taħt din id-dispożizzjoni. Din il-kawża tqajjem ukoll kwistjonijiet differenti li jirrigwardaw il-punt dwar jekk il-miżuri nnotifikati matul il-proċeduri jistgħux jitqiesu bħala li jammontaw għat-twettiq tal-obbligi għall-finijiet tal-Artikoli 258 u 260(3) TFUE. |
5. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nafferma li r-Rumanija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 258 TFUE, u nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tordnalha tħallas somma f’daqqa taħt l-Artikolu 260(3) TFUE. |
II. Il-kuntest ġuridiku
6. |
L-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2015/849 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-26 ta’ Ġunju 2017. Huma għandhom immedjatament jikkomunikaw it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif għandha issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri”. |
7. |
Bis-saħħa tal-punt 42 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE ( 4 ), l-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2015/849 kien issostitwit bil-kliem li ġej: “1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-26 ta’ Ġunju 2017. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 12(3) mill-10 ta’ Lulju 2020. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-reġistri msemmija fl-Artikolu 30 sal-10 ta’ Jannar 2020 u r-reġistri msemmija fl-Artikolu 31 sal-10 ta’ Marzu 2020 u l-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati msemmija fl-Artikolu 32a sal-10 ta’ Settembru 2020. […] L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih it-test tal-miżuri msemmija f’dan il-paragrafu lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri”. |
III. Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
8. |
Peress li sat-terminu tas-26 ta’ Ġunju 2017 il-Kummissjoni ma kinitx ġiet innotifikata bil-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2015/849, hija bagħtet lir-Rumanija ittra ta’ intimazzjoni tat-18 ta’ Lulju 2017, li permezz tagħha talbitha tieħu l-azzjoni neċessarja fi żmien xahrejn minn meta tirċievi dik l-ittra. |
9. |
Fir-risposta tagħha fl-ittra tad-19 ta’ Settembru 2017, ir-Rumanija informat lill-Kummissjoni li l-miżuri ta’ traspożizzjoni kienu ser jiġu adottati f’Diċembru 2017. |
10. |
Permezz ta’ opinjoni motivata tas-7 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni ddikjarat li r-Rumanija kienet għadha ma nnotifikat ebda miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2015/849, u talbitha tagħmel dan fi żmien xahrejn minn meta tirċievi din l-opinjoni motivata. |
11. |
Wara ċ-ċaħda tat-talbiet tagħha għal proroga tat-terminu biex tirrispondi għal din l-opinjoni motivata, ir-Rumanija ppreżentat ir-risposta tagħha permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Frar 2018, fejn indikat li l-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 2015/849 kienet ser tiġi adottata f’Mejju 2018. |
12. |
Billi r-Rumanija kienet għadha ma ttrasponietx id-Direttiva 2015/849 u lanqas bagħtet tinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet, fid-19 ta’ Lulju 2018, li tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
13. |
Permezz tar-rikors tagħha, li ġie ppreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni ressqet din l-azzjoni abbażi tal-Artikoli 258 u 260(3) TFUE, fejn talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
|
14. |
Fir-risposta tagħha, ippreżentata fis-7 ta’ Novembru 2018, ir-Rumanija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
15. |
Il-Kummissjoni u r-Rumanija ppreżentaw ukoll replika u kontroreplika fis-17 ta’ Diċembru 2018 u fil-15 ta’ Frar 2019 rispettivament. |
16. |
Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet qiegħda tirtira parzjalment ir-rikors tagħha. Hija ma baqgħetx titlob l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità kuljum, peress li din it-talba kienet ġiet eżawrita wara li r-Rumanija ttrasponiet b’mod komplut id-Direttiva 2015/849 permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali nnotifikata fit-18 ta’ Lulju 2019 u li daħlet fis-seħħ fil-21 ta’ Lulju 2019. Wara li qieset din l-aħħar data bħala l-ġurnata li fiha r-Rumanija wettqet l-obbligi tagħha, il-Kummissjoni ffissat is-somma f’daqqa fl-ammont ta’ EUR 4 536 667.20. Ir-Rumanija bagħtet l-osservazzjonijiet dwar din l-ittra fit-30 ta’ Settembru 2019. |
17. |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tas-6 ta’ Diċembru 2018 u tas-7 ta’ Jannar 2019, il-Belġju, l-Estonja, Franza, l-Irlanda u l-Polonja ngħataw permess biex jintervjenu insostenn tat-talba magħmula mir-Rumanija. Fl-14 ta’ Frar 2019, l-Irlanda rtirat it-talba tagħha biex tintervjeni f’din il-kawża. Il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent ippreżentati mill-Belġju, l-Estonja, Franza u l-Polonja fil-11 ta’ Ġunju 2019. |
18. |
Fl-10 ta’ Diċembru 2019 inżammet seduta li fiha l-Kummissjoni, l-Estonja u r-Rumanija ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom. |
IV. Sunt tal-argumenti tal-partijiet
A. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi skont l-Artikolu 258 TFUE
19. |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Rumanija naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni jew tinnotifikaha b’dawn il-miżuri sat-terminu tas-26 ta’ Ġunju 2017 stabbilit fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2015/849. |
20. |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-40 miżura nazzjonali nnotifikati f’Ottubru 2018, wara t-tressiq ta’ din l-azzjoni, u msemmija mir-Rumanija fir-risposta tagħha (iktar ’il quddiem il-“miżuri nnotifikati”) ma jiżgurawx traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2015/849. Dawn il-miżuri, li jittrasponu direttivi preċedenti mħassra mid-Direttiva 2015/849 ( 5 ) ma humiex suffiċjenti biex jittrasponu d-Direttiva 2015/849, peress li hemm differenzi sinjifikattivi bejn dawk id-direttivi, u d-Direttiva 2015/849 tintroduċi ħafna elementi ġodda. Ebda waħda mill-miżuri nnotifikati ma tirreferi għad-Direttiva 2015/849 — 37 minnhom ġew adottati qabel l-adozzjoni ta’ din id-direttiva — u r-Rumanija ma pprovdiet ebda dokument li jispjega r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849 u d-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dawn il-miżuri nazzjonali skont il-premessa 67 tagħha. Kif hija enfasizzat waqt is-seduta, anness mar-risposta ma għandux jitqies bħala l-proprja notifika ta’ tali dokument ta’ spjegazzjoni ( 6 ). |
21. |
Ir-Rumanija ssostni li, biex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2015/849, hija pprovat tiżgura li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkorpora d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva f’att wieħed tiġi adottata fil-ħin, iżda l-proċeduri interni damu iktar mit-termini stabbiliti. |
22. |
Ir-Rumanija ssostni li hija ma naqsitx kompletament milli twettaq l-obbligu tagħha li tittrasponi d-Direttiva 2015/849, peress li l-miżuri nnotifikati jittrasponu d-direttivi preċedenti mħassra mid-Direttiva 2015/849 u, għaldaqstant, inkwantu d-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi kienu inkorporati fid-Direttiva 2015/849, dawn il-miżuri jiżguraw it-traspożizzjoni parzjali ta’ din id-direttiva. Il-fatt li dawn il-miżuri ma jirreferux għad-Direttiva 2015/849 ma jipprekludihomx milli jkunu miżuri ta’ traspożizzjoni, peress li huma jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2015/849. Hija pprovdiet informazzjoni li tikkonċerna r-relazzjoni bejn dawn il-miżuri u d-Direttiva 2015/849 f’anness mar-risposta. |
B. L-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE
23. |
Abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE ( 7 ), il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas tar-Rumanija li twettaq l-obbligu tagħha li tinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni taħt l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2015/849 jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. Kif ġie indikat f’Komunikazzjoni sussegwenti ( 8 ), il-prassi aġġustata tagħha li, b’mod ġenerali, titlob ħlas ta’ somma f’daqqa u pagament ta’ penalità tapplika għal dan il-każ. |
24. |
Il-Kummissjoni targumenta li d-deċiżjoni tagħha li, sistematikament, titlob l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(3) TFUE ma tfissirx li hija tonqos milli teżerċita d-diskrezzjoni tagħha. L-Artikolu 260(3) TFUE jagħtiha setgħat diskrezzjonali wiesgħa, simili għad-diskrezzjoni dwar jekk tiftaħx proċeduri taħt l-Artikolu 258 TFUE ( 9 ). Għaldaqstant, ma hijiex meħtieġa tagħti raġunijiet speċifiċi għad-deċiżjoni tagħha li tirrikorri għall-Artikolu 260(3) TFUE. Hija ssostni wkoll li d-dewmien għat-traspożizzjoni tad-direttivi huma serji biżżejjed biex jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa. |
25. |
Dwar id-determinazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji, il-Kummissjoni ssostni li l-metodu biex jiġu kkalkolati s-sanzjonijiet pekunjarji taħt l-Artikolu 260(3) TFUE għandu jkun l-istess bħal dak li jiġi applikat taħt l-Artikolu 260(2) TFUE ( 10 ). Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tipproponi somma f’daqqa ta’ EUR 4 536 667.20, li tidħol fis-seħħ fid-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan l-ammont huwa bbażat fuq ammont ta’ EUR 6 016.80 kuljum, immultiplikat bin-numru ta’ ġranet (754) li fihom ipperdura l-ksur ( 11 ), li jinkludi l-perijodu bejn il-ġurnata ta’ wara dik li fiha t-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fid-Direttiva 2015/849 skada (27 ta’ Lulju 2017) u l-ġurnata ta’ qabel dik li fiha waqaf il-ksur (20 ta’ Lulju 2019), filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Rumanija, sa mill-21 ta’ Lulju 2019, ittrasponiet id-Direttiva 2015/849 b’mod komplut ( 12 ). Il-Kummissjoni tenfasizza li t-tul tal-perijodu tal-ksur huwa element importanti sabiex jiġi stabbilit il-pagament ta’ penalità xieraq, u għandu jkun ikkalkolat mid-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, peress li huwa f’din id-data li n-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu tal-Istat Membru li jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni jseħħ, u mhux fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ( 13 ). |
26. |
Barra minn hekk, meta fil-kalkolu tal-ammont ta’ kuljum ta’ EUR 6 016.80 għas-somma f’daqqa, li huwa bbażat fuq ir-rata fissa standard immultiplikata bil-koeffiċjent tal-gravità u l-fattur “n” ( 14 ), il-Kummissjoni tipproponi koeffiċjent ta’ 8, fuq skala minn 1 sa 20, għall-gravità tal-ksur. Dan huwa bbażat fuq parametri stabbiliti li jirrigwardaw, l-ewwel nett, l-importanza tad-Direttiva 2015/849 bħala strument ċentrali biex tiżgura l-protezzjoni effettiva tas-suq finanzjarju Ewropew kontra t-theddid li jiġi mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u, it-tieni nett, l-effetti fuq l-interessi pubbliċi u privati minħabba l-impatt tan-nuqqas tar-Rumanija li tittrasponi din id-direttiva fuq is-suq finanzjarju, investituri u ċittadini Ewropej. Dan jikkunsidra wkoll l-estensjoni tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fid-Direttiva 2018/843 biex jiġu stabbiliti r-reġistri ċentrali taħt l-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2015/849 bħala fattur mitiganti, u jenfasizza li t-terminu għat-traspożizzjoni tal-obbligi l-oħra stabbiliti fid-Direttiva 2015/849 jibqgħu mhux mittiefsa. |
27. |
Ir-Rumanija, sostnuta mill-Belġju, l-Estonja u Franza, issostni li, peress li l-liġi Rumena tipprovdi għal traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2015/849, l-Artikolu 260(3) TFUE ma japplikax. Alternattivament, is-sanzjonijiet pekunjarji proposti mill-Kummissjoni għandhom ikunu aġġustati għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. |
28. |
Dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji, ir-Rumanija, sostnuta mill-Belġju, l-Estonja, Franza u l-Polonja targumenta li l-prassi sistematika tal-Kummissjoni li titlob li jkun hemm sanzjonijiet pekunjarji taħt l-Artikolu 260(3) TFUE hija żbaljata. Il-Kummissjoni għandha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u legali ta’ kull każ, tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha li tirrikorri għall-Artikolu 260(3) TFUE. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ — inkluż, inter alia, il-fażi prekontenzjuża estremament qasira, il-kumplessità tad-Direttiva 2015/849, l-isforzi kollaborattivi tar-Rumanija u t-traspożizzjoni parzjali, mir-Rumanija, tad-Direttiva 2015/849 — u tal-fatt li l-Kummissjoni ma tatx raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha li titlob sanzjonijiet pekunjarji, dawn il-penalitajiet ma humiex iġġustifikati. |
29. |
Ir-Rumanija ssostni ulterjorment li l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa hija inġustifikata u sproporzjonata. Kif ġie rrikonoxxut fil-ġurisprudenza fuq l-Artikolu 260(2) TFUE ( 15 ), is-somma f’daqqa tiġi imposta f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali u ma hijiex awtomatika. Hija tiżboq ukoll dak li hu neċessarju biex ir-Rumanija twettaq l-obbligi tagħha, meħud kont, b’mod partikolari, li hija wettqet l-obbligi tagħha, li l-impatt fuq l-interessi pubbliċi u privati huwa enfasizzat wisq, u li r-Rumanija qatt ma ġiet ikkundannata mill-Qorti tal-Ġustizzja talli naqset milli tittrasponi direttiva fil-ħin. Kif hija enfasizzat waqt is-seduta, u kif indikat fis-sottomissjonijiet ta’ Franza, jekk Stat Membru jwettaq l-obbligi tiegħu fil-mori tal-kawża, is-somma f’daqqa ma tkunx iġġustifikata, peress li ma tikkontribwixxix sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 260(3) TFUE li tiġi inkoraġġuta t-traspożizzjoni tad-direttivi u tiġi ffaċilitata l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji ( 16 ). |
30. |
Dwar id-determinazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji, ir-Rumanija, sostnuta mill-Belġju, Franza u l-Polonja, targumenta li l-metodu għall-kalkolu tas-sanzjonijiet taħt l-Artikolu 260(2) u (3) TFUE ma għandux ikun l-istess, u li l-kriterji għandhom ikunu aġġustati għat-tip ta’ ksur imsemmi fl-Artikolu 260(3) TFUE. F’dan il-każ, ir-Rumanija tikkunsidra li l-koeffiċjent tal-gravità huwa eċċessiv, peress li jikkonċerna traspożizzjoni parzjali u r-Rumanija kkooperat matul il-proċedura. Ma huwiex xieraq ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur taħt l-Artikolu 260(3) TFUE u, alternattivament, għandha tintuża d-data stabbilita fl-opinjoni motivata, peress li dik hija meta l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa jekk l-Istat Membru wettaqx l-obbligi tiegħu ( 17 ). Konsegwentement, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja timponi somma f’daqqa, l-ammont għandu jitnaqqas kunsiderevolment u, barra minn hekk, jirrifletti ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u l-aġir tar-Rumanija. |
V. Analiżi
A. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi skont l-Artikolu 258 TFUE
31. |
Għandu jitfakkar li, fil-proċeduri skont l-Artikolu 258 TFUE, il-komunikazzjoni li għandhom iwettqu l-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, għandha tinkludi informazzjoni suffiċjentement ċara u speċifika dwar il-kontenut tar-regoli nazzjonali li jittrasponu direttiva. B’hekk, din il-komunikazzjoni, li tista’ tkun akkumpanjata minn tabella ta’ korrispondenza, għandha tindika mingħajr ambigwità liema huma l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li bihom l-Istat Membru jqis li ssodisfa l-obbligi differenti imposti fuqu minn din id-direttiva. In-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq dan l-obbligu, kemm jekk minħabba nuqqas totali ta’ informazzjoni kif ukoll jekk minħabba informazzjoni mhux biżżejjed ċara u preċiża, jista’ jiġġustifika, minnu nnifsu, il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE ( 18 ). |
32. |
B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm it-traspożizzjoni ta’ direttiva tista’ sseħħ permezz ta’ regoli tad-dritt intern diġà fis-seħħ, l-Istat Membru ma huwiex eżentat mill-obbligu formali li jinnotifika, anki jekk dan l-Istat Membru diġà jkun innotifika dawk ir-regoli fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ direttivi preċedenti ( 19 ). Barra minn hekk, meta direttiva tipprovdi li l-miżuri li jittrasponuha għandu jkun fihom riferiment għaliha jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali riferiment mal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri ta’ traspożizzjoni speċifiċi ( 20 ). |
33. |
Huwa wkoll stabbilit li, f’kawża bbażata fuq l-Artikolu 258 TFUE, il-kwistjoni jekk Stat Membru jkunx naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu għandha tiġi ddeterminata b’referenza għas-sitwazzjoni li jkun hemm fl-Istat Membru fi tmiem il-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tqis bidliet li jkunu seħħew wara ( 21 ). |
34. |
F’dan il-każ, ir-Rumanija tammetti li hija naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji biex tittrasponi d-Direttiva 2015/849 u milli tinnotifika dawn il-miżuri sal-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri t-8 ta’ Frar 2018 ( 22 ). Huwa paċifiku li tali miżuri kienu adottati u nnotifikati wara din id-data (ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet), u għaldaqstant ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
35. |
Dwar il-miżuri nnotifikati li kienu fis-seħħ fir-Rumanija mal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tas‑26 ta’ Ġunju 2017, minix konvint bl-argumenti mressqa mir-Rumanija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li dawn il-miżuri jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi f’din il-kawża. Peress li l-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2015/849 jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri biex jittrasponu din id-direttiva jkun fihom riferiment għaliha jew li tali riferiment isir waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom (ara l-punti 6 u 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jeħtieġ li r-Rumanija tadotta miżuri ta’ traspożizzjoni speċifiċi. Ir-Rumanija ma ssostnix li l-miżuri nnotifikati jissodisfaw dan ir-rekwiżit. Fi kwalunkwe każ, ir-Rumanija ma tikkontestax li dawn il-miżuri ma ttrasponewx b’mod sħiħ id-Direttiva 2015/849, u li huma kienu nnotifikati f’Ottubru 2018, jiġifieri, wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 u l-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata ( 23 ). Ser neżamina dan il-punt iktar ’l isfel fl-analiżi tiegħi (ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
36. |
Nipproponi għaldaqstant li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi naqset milli tadotta, fit-terminu stabbilit, il-miżuri neċessarji kollha biex tittrasponi d-Direttiva 2015/849 jew, fi kwalunkwe każ, billi naqset milli tinnotifika dawk il-miżuri, ir-Rumanija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva. |
B. L-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE
37. |
Il-kwistjonijiet ċentrali f’din il-kawża jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-ġustifikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħha li titlob sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(3) TFUE u, it-tieni nett, il-proporzjonalità tal-ħlas ta’ somma f’daqqa li, min-naħa tagħha, tqajjem xi mistoqsijiet ġenerali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-metodu biex jiġu kkalkolati l-ħlasijiet ta’ somma f’daqqa u l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza fuq l-Artikolu 260(2) TFUE. Il-partijiet jiddibattu wkoll jekk l-Artikolu 260(3) TFUE japplikax għal dan il-każ, b’mod partikolari, jekk huwiex estiż għal nuqqas parzjali, min-naħa ta’ Stat Membru, li jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni. |
38. |
Peress li s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) ( 24 ) hija ta’ rilevanza partikolari għal dawn il-kwistjonijiet, jeħtieġ, l-ewwel nett, li jsiru xi osservazzjonijiet preliminari li jikkonċernaw din is-sentenza (parti 1), qabel ma tiġi kkunsidrata d-diskrezzjoni tal-Kummissjoni biex titlob sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(3) TFUE, l-evalwazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji taħt din id-dispożizzjoni u l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa f’dan il-każ (parti 2, 3 u 4). |
1. Is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja)
39. |
Għandu jitfakkar li s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) ( 25 ) ittrattat prinċipalment il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 260(3) TFUE u l-evalwazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità taħt din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-espressjoni “obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva” fl-Artikolu 260(3) TFUE tfisser li “l-Istati Membri huma obbligati jindikaw, għal kull dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha. Ladarba ssir din il-komunikazzjoni, fejn xieraq akkumpanjata mill-preżentazzjoni ta’ tabella ta’ korrispondenza, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, bil-ħsieb li titlob l-impożizzjoni fuq l-Istat Membru kkonċernat ta’ sanzjoni pekunjarja prevista f’din id-dispożizzjoni, li ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni huma manifestament assenti jew ma jkoprux it-territorju sħiħ tal-Istat Membru kkonċernat” ( 26 ). |
40. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità taħt l-Artikolu 260(3) TFUE hija ġġustifikata biss jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jipperdura sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, u li l-ġurisprudenza li tirrigwarda l-Artikolu 260(2) TFUE għandha tiġi applikata b’analoġija mal-Artikolu 260(3) TFUE, peress li l-pagamenti ta’ penalità taħt iż-żewġ dispożizzjonijiet huma intiżi li jilħqu l-istess għan. Meħud kont tad-diskrezzjoni tagħha fil-materja u l-kriterji fil-ġurisprudenza fuq l-Artikolu 260(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet fuq il-Belġju l-pagament ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 5000 kuljum talli naqas li jadotta u jinnotifika miżuri ta’ traspożizzjoni li jirrigwardaw tliet artikoli tad-direttiva inkwistjoni fir-rigward ta’ wieħed mir-reġjuni tiegħu ( 27 ). |
41. |
Fuq din il-bażi, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 260(3) TFUE bħala li jkopri n-nuqqas ta’ Stat Membru li jinnotifika miżuri li jikkostitwixxu traspożizzjoni mhux kompluta (parzjali) tad-direttiva inkwistjoni ( 28 ). Ukoll, il-Qorti tal-Ġustizzja użat l-istess metodu biex tevalwa l-pagamenti ta’ penalità taħt l-Artikolu 260(2) u (3) TFUE, u poġġiet enfasi fuq id-diskrezzjoni tagħha u l-għan imfittex minn dik it-tip ta’ penalità. Dan ser nerġa’ nittrattah iktar ’il quddiem fl-analiżi tiegħi (ara l-punti 52, 53 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
42. |
Mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) ( 29 ) isegwi li ma jistax jiġi aċċettat l-argument imressaq mir-Rumanija, sostnuta mill-Belġju, l-Estonja u Franza, li peress li r-Rumanija ttrasponiet id-Direttiva 2015/849 parzjalment, l-Artikolu 260(3) TFUE ma japplikax. L-Artikolu 260(3) TFUE huwa applikabbli għal dawn il-proċeduri ( 30 ), peress li l-Kummissjoni kkonstatat li r-Rumanija naqset milli twettaq b’mod sħiħ l-obbligu ta’ notifika tagħha. Fil-fatt, il-miżuri ta’ traspożizzjoni kienu evidentement nieqsa sakemm ir-Rumanija ttrasponiet b’mod sħiħ, sa mill-21 ta’ Lulju 2019, id-Direttiva 2015/849, u l-miżuri nazzjonali pre-eżistenti ma kinux suffiċjenti (ara l-punti 34 u 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
2. Id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 260(3) TFUE
43. |
F’dan il-każ, ir-Rumanija, sostnuta mill-Belġju, l-Estonja, Franza u l-Polonja, jargumentaw essenzjalment li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji ma hijiex iġġustifikata, peress li l-Kummissjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, naqset milli tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha li tirrikorri għall-Artikolu 260(3) TFUE. |
44. |
Jiena naqbel mal-Kummissjoni li ma hijiex mitluba tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha li titlob sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(3) TFUE ( 31 ). Ir-raġunijiet tiegħi biex nasal għal din il-konklużjoni huma kif ġej. |
45. |
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 260(3) TFUE jippermetti lill-Kummissjoni tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE minħabba li l-Istat Membru jkun “naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skond il-proċedura leġislattiva” u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq dan l-Istat Membru sanzjonijiet pekunjarji fl-istess proċeduri. Hawnhekk, l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji ma għadhiex tiddependi fuq proċedura itwal li tinvolvi l-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara l-ksur skont l-Artikolu 258 TFUE u eventwalment it-tieni sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(2) TFUE wara n-nuqqas ta’ konformità tal-Istat Membru ma’ dik l-ewwel sentenza. Fil-fatt, iż-żewġ proċeduri huma “miġburin fi proċedura waħda”. |
46. |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-possibbiltà mogħtija lill-Kummissjoni biex titlob sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(3) TFUE hija marbuta mad-diskrezzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni rrikonoxxuta fil-ġurisprudenza biex tibda proċeduri skont l-Artikolu 258 TFUE ( 32 ). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni “ma hijiex meħtieġa tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha, u lanqas l-ammissibbiltà tal-azzjoni ma tkun tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi li jiddettaw l-għażla tagħha. […] Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura biss li l-proċedura adottata tista’, fil-prinċipju, tintuża fir-rigward tal-allegat ksur” ( 33 ). L-istess għandu japplika, fil-fehma tiegħi, għal meta l-Kummissjoni tiddeċiedi tirrikorri għall-Artikolu 260(3) TFUE. |
47. |
F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jiddeduċi mill-formulazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE (“tista’, meta jidhrilha xieraq, tispeċifika l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali”), meta pparagunat mal-formulazzjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE (“għandha tispeċifika l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali”) li l-Kummissjoni għandha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk titlobx għas-sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(3) TFUE fil-proċeduri bbażati fuq l-Artikolu 258 TFUE, u ma hijiex obbligata tagħmel dan ( 34 ). Madankollu, ma hemm xejn f’din il-formulazzjoni li jidher li jeżiġi li l-Kummissjoni tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tirrikorri għall-Artikolu 260(3) TFUE meta ma hijiex meħtieġa tagħmel dan skont l-Artikolu 258 TFUE, peress li l-kuntest tal-Artikolu 260(3) TFUE jinkludi l-proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE ( 35 ). |
48. |
Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li titlob l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji taħt l-Artikolu 260(3) TFUE trid tkun motivata, inkwantu jkun fiha evalwazzjoni individwali tas-sanzjonijiet pekunjarji mitluba fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Ir-raġunijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-kriterji użati biex jiġi stabbilit l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji mitluba jistgħu jiġu kkunsidrati suffiċjenti biex jippermettu lill-Istat Membru jifhem u jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq is-sanzjonijiet pekunjarji mitluba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bħal f’dan il-każ. |
49. |
Fid-dawl tal-premess, jiena tal-fehma li l-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tagħti r-raġunijiet meta hija tirrikorri għall-Artikolu 260(3) TFUE. |
3. L-evalwazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji taħt l-Artikolu 260(3) TFUE
50. |
Premess illi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li titlob sanzjonijiet pekunjarji f’dan il-każ hija konformi mal-Artikolu 260(3) TFUE, ser indur għall-evalwazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji taħt din id-dispożizzjoni. |
51. |
L-ewwel nett, kif ipproponejt fil-konklużjonijiet tiegħi Il‑Kummissjoni vs Spanja (Artikolu 260(3) TFUE — Kreditu ipotekarju) ( 36 ), il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tuża l-istess metodu sabiex tikkalkola s-sanzjonijiet pekunjarji li hija tipproponi skont l-Artikolu 260(2) u (3) TFUE, u dan sakemm tali sanzjonijiet huma l-istess, l-għanijiet imfittxija minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma simili u dan jippromwovi approċċ koerenti u jipprovdi l-prevedibbiltà għall-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Artikolu 260(2) TFUE jissanzjona l-“ksur doppju” tad-dritt tal-Unjoni u n-nuqqas ta’ konformità mas-sentenza taħt l-Artikolu 258 TFUE, filwaqt li l-Artikolu 260(3) TFUE jissanzjona l-ksur uniku tad-dritt tal-Unjoni bbażat fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tan-notifika, fil-fehma tiegħi ma jnaqqasx mill-fatt li ż-żewġ dispożizzjonijiet jirrigwardaw ksur li jsib l-għeruq tiegħu fid-dritt primarju tal-Unjoni (ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
52. |
Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta bil-proposti tal-Kummissjoni li jirrigwardaw l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji jew il-metodu ta’ kalkolu tagħha taħt l-Artikolu 260(3) TFUE ( 37 ). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) ( 38 ), hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet iktar minn hekk li, fil-kuntest tal-Artikolu 260(2) TFUE, is-suġġerimenti u l-linji gwida inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja; huma biss punt ta’ riferiment utli u jiżguraw li l-azzjoni meħuda tkun trasparenti, prevedibbli u konsistenti maċ-ċertezza legali ( 39 ). |
53. |
Għaldaqstant, mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) ( 40 ) jista’ jitqies li jsegwi li l-ġurisprudenza fuq l-Artikolu 260(2) TFUE għandha tiġi applikata b’analoġija mal-Artikolu 260(3) TFUE, inkwantu s-sanzjonijiet pekunjarji taħt iż-żewġ dispożizzjonijiet huma intiżi li jilħqu l-istess għanijiet: l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità hija xierqa b’mod partikolari biex twassal lil Stat Membru jwaqqaf malajr kemm jista’ jkun il-ksur tal-obbligi li, fin-nuqqas ta’ tali miżura, x’aktarx li jippersisti, filwaqt li l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa hija bbażata iktar fuq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-interessi pubbliċi u privati tan-nuqqas tal-Istat Membru kkonċernat li josserva l-obbligi tiegħu. |
54. |
Barra minn hekk, fil-ġurisprudenza tagħha fuq l-Artikolu 260(2) TFUE, li tibda mis-sentenza seminali tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija tista’ timponi kemm somma f’daqqa u kif ukoll pagament ta’ penalità ( 42 ), u li hija tista’ timponi sanzjoni pekunjarja mhux issuġġerita mill-Kummissjoni, minħabba li “l-opportunità li tiġi imposta penalità finanżjarja u l-għażla tas-sanżjoni li fiċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami tkun l-aktar waħda adatta tista’ tiġi kkunsidrata biss fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li trid tingħata skond l-Artikolu [260(2) TFUE], u għaldaqstant toħroġ mill-ambitu politiku” ( 43 ). Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 260(2) TFUE hijiex applikabbli b’analoġija mal-Artikolu 260(3) TFUE fir-rigward tad-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi kemm somma f’daqqa kif ukoll pagament ta’ penalità jew sanzjoni pekunjarja li ma tkunx issuġġerita mill-Kummissjoni. |
55. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, meta pparagunat mal-Artikolu 260(2) TFUE (“Jekk lill-Qorti jirriżultalha li l-Istat Membru involut ma jkunx mexa skond is-sentenza tagħha, din tista’ timponi fuqu l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali.”), l-Artikolu 260(3) TFUE jipprovdi li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teċċedi l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni (“Jekk il-Qorti ssib li hemm ksur ta’ liġi tista’ timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali fuq l-Istat Membru kkonċernat, li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni”). |
56. |
Kif sostnew l-Estonja, ir-Rumanija u l-Kummissjoni waqt is-seduta, għandu jiġi rikonoxxut li l-limitazzjoni stabbilita fl-Artikolu 260(3) TFUE tista’ tiġi interpretata li tillimita d-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss fir-rigward tal-ammont, imma wkoll tal-għażla, tas-sanzjoni pekunjarja li trid tiġi imposta, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ timponi kemm somma f’daqqa u kif ukoll pagament ta’ penalità jekk il-Kummissjoni ma talbithomx, u lanqas ma tkun tista’ timponi sanzjoni pekunjarja differenti minn dik issuġġerita mill-Kummissjoni ( 44 ). |
57. |
Madankollu, jien inżomm il-pożizzjoni, kif imressqa fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (Artikolu 260(3) TFUE — Kreditu ipotekarju) ( 45 ), li skont l-Artikolu 260(3) TFUE l-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-diskrezzjoni timponi kemm somma f’daqqa u kif ukoll pagament ta’ penalità jew inkella sanzjoni pekunjarja mhux issuġġerita mill-Kummissjoni, suġġett għal-limitu impost fuq l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja skont din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi nnotat li l-kliem tal-Artikolu 260(3) TFUE jirreferi għall-ammont, u mhux l-għażla, tas-sanzjoni pekunjarja li għandha tiġi imposta. Minn din il-fomulazzjoni jista’ jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax timponi sanzjoni pekunjarja ogħla minn dik proposta mill-Kummissjoni. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din il-formulazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala li tneħħi d-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tip ta’ sanzjoni pekunjarja xierqa f’kull sitwazzjoni. Għalhekk, skont iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi sanzjoni pekunjarja li ma ġietx proposta mill-Kummissjoni, jew kemm somma f’daqqa u kif ukoll pagament ta’ penalità, fl-istess ammont, jew f’ammont inqas minn dak “speċifikat mill-Kummissjoni”, li ma għandux bżonn ikun l-ammont totali impost eventwalment fuq l-Istat Membru kkonċernat. |
58. |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni sservi l-għanijiet tal-Artikolu 260(3) TFUE, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-għan li jkun hemm sanzjonijiet pekunjarji differenti fit-Trattati. Kif ġie nnotat fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta Stat Membru jwettaq l-obbligu ta’ notifika fil-mori tal-kawża, u għaldaqstant qabel l-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi impost pagament ta’ penalità. Madankollu, is-somma f’daqqa tibqa’ vijabbli sabiex tindirizza l-impatt ta’ dan il-ksur fuq l-interessi pubbliċi u privati u tiskoraġġixxi dak il-ksur milli jerġa’ jseħħ. Fil-fatt, din is-sitwazzjoni tispjega l-prassi aġġustata tal-Kummissjoni li ġeneralment titlob somma f’daqqa u pagament ta’ penalità f’kawżi mressqa taħt l-Artikolu 260(3) TFUE (ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet), kif muri b’dan ir-rikors. Madankollu, li kieku l-Kummissjoni kellha tipproponi tip ta’ penalità wieħed biss, id-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex timponi sanzjoni differenti jew kemm somma f’daqqa u kif ukoll pagament ta’ penalità fejn meħtieġ, suġġett għal-limitu stabbilit fl-Artikolu 260(3) TFUE, tkun tiżgura li din id-dispożizzjoni ma tkunx imċaħħda mill-effett utli tagħha. |
59. |
Għandu jiżdied li, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma dehritx li ħadet pożizzjoni diretta fuq din il-kwistjoni fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) ( 46 ), hija enfasizzat id-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tistabbilixxi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(3) TFUE ( 47 ) u b’mod partikolari l-fatt li l-proċeduri skont l-Artikolu 260(3) TFUE jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq il-“funzjoni ġudizzjarja” tagħha meta tevalwa s-sanzjoni pekunjarja li “tidhrilha li hija l-iktar xierqa għaċ-ċirkustanzi tal-każ” ( 48 ). |
4. L-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa f’dan il-każ
60. |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza li tikkonċerna l-Artikolu 260(2) TFUE ( 49 ), l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa u l-iffissar ta’ din is-somma skont l-Artikolu 260(3) TFUE jiddependu f’kull każ fuq il-fatturi rilevanti kollha li jirrigwardaw il-karatteristiċi tal-ksur ikkonstatat u l-aġir tal-Istat Membru kkonċernat. Meta teżerċita d-diskrezzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk timponix somma f’daqqa u, jekk iva, tiddetermina l-ammont li huwa xieraq għaċ-ċirkustanzi u proporzjonat mal-ksur. Il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinkludu l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità tal-Istat Membru biex iħallas. |
61. |
Isegwi wkoll minn din il-ġurisprudenza li l-ħlas ta’ somma f’daqqa huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-effetti tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jissokta għal żmien twil ( 50 ). Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ma tistax tkun awtomatika, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha diskrezzjoni wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi tali sanzjoni jew le ( 51 ). |
62. |
Fuq din il-bażi, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha diskrezzjoni kunsideveroli taħt l-Artikolu 260(3) TFUE biex, fejn xieraq, timponi somma f’daqqa bbażata fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ u l-aġir tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex tindirizza l-effetti tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tan-notifika tal-Istat Membru fuq l-interessi pubbliċi u privati. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja deherilha xieraq li timponi ħlas ta’ somma f’daqqa fil-kuntest tal-Artikolu 260(2) TFUE “b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jissokta għal żmien twil”, kif innotat fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa f’sitwazzjonijiet oħra, jekk meħtieġ, biex tipprevjeni li jerġa’ jkun hemm ksur simili tad-dritt tal-Unjoni. |
63. |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-għanijiet differenti mfittxija mill-pagamenti ta’ penalità u l-ħlasijiet ta’ somom f’daqqa (ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet), huwa ċar li filwaqt li kundanna għal pagament ta’ penalità, li hija intiża essenzjalment li tkun koerċittiva għal dak li jirrigwarda l-ksur kontinwu, tingħata biss sa fejn jippersisti l-ksur, ma huwiex meħtieġ li jittieħed l-istess approċċ fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa ( 52 ). Għaldaqstant, b’kuntrast mas-sottomissjonijiet ta’ Franza u r-Rumanija, il-fatt li Stat Membru jista’ jwettaq l-obbligi tiegħu fil-mori tal-kawża ma jneħħix l-iskop tal-ħlas ta’ somma f’daqqa. |
64. |
F’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa hija xierqa bħala miżura dissważiva. L-ammont totali propost mill-Kummissjoni (EUR 4 536 667.20) jista’ jitnaqqas (għal EUR 4 011 038.72) jekk jiġu applikati ċ-ċifri aġġornati tal-Kummissjoni ( 53 ), u possibbilment iktar jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti fatturi. Konsegwentement, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq ir-Rumanija ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 3000000 ( 54 ). |
65. |
Fl-ewwel lok, dwar il-gravità tal-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) ( 55 ), fil-kuntest tal-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità skont l-Artikolu 260(3) TFUE, li l-obbligu tal-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu “obbligi essenzjali ta’ Stati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies bħala ta’ gravità”. Dan jidhirli li huwa applikabbli għal dan il-każ li jinvolvi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa. |
66. |
Barra minn hekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji adottati mill-Kummissjoni għad-determinazzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-gravità mill-Kummissjoni ma tidhirx li hija r-riżultat ta’ xi żball, meħud kont tal-importanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ġew miksura u l-effetti fuq l-interessi pubbliċi u privati. Għandu jiġi nnotat li d-Direttiva 2015/849 hija strument legali ċentrali fil-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ( 56 ). Filwaqt li tinsab f’kuntest li jistabbilixxi Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina ( 57 ), din id-direttiva tibni fuq direttivi preċedenti u attivitajiet internazzjonali fil-materja sabiex issaħħaħ il-qafas legali għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-Unjoni ( 58 ). B’xebh ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fir-rigward ta’ direttivi oħra fil-kuntest tas-suq intern ( 59 ), in-nuqqas tar-Rumanija biex tadotta u tinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni jista’ jitqies li jaffettwa l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għaldaqstant għandu ċerta grad ta’ gravità ( 60 ). |
67. |
L-effetti fuq l-interessi pubbliċi u privati tan-nuqqas tar-Rumanija li tittrasponi d-Direttiva 2015/849 jistgħu jitqiesu wkoll bħala sinjifikattivi, peress li, kif indikat mill-Kummissjoni, dan in-nuqqas joħloq riskji għall-integrità u l-funzjonament tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, u b’hekk jagħmilha vulnerabbli għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u jaffettwa lill-investituri u ċ-ċittadini. Dan jintwera, pereżempju, mir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Settembru 2019 dwar l-istat ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus ( 61 ), li, inter alia, laqgħet il-ftuħ ta’ proċeduri tal-Kummissjoni kontra l-Istati Membri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu peress li ma ttrasponewx id-Direttiva 2015/849, u stednithom jagħmlu dan kemm jista’ jkun kmieni possibbli. |
68. |
Iktar minn hekk, huwa xieraq li f’dan il-każ jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi li ġejjin. B’mod partikolari, filwaqt li, kif indikat il-Kummissjoni, il-grad ta’ traspożizzjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi stabbilita l-gravità tan-nuqqas ta’ notifika ( 62 ), għandu jiġi enfasizzat li dan il-każ jinvolvi n-nuqqas totali ta’ Stat Membru milli jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni. F’dan ir-rigward, minix konvint mill-asserzjoni tar-Rumanija li l-miżuri nnotifikati f’Ottubru 2018 jittrasponu parzjalment id-Direttiva 2015/849 u li b’mod ġenerali jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-direttiva, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet argumenti simili bbażati fuq il-fatt li dawn il-miżuri ma ssodisfawx ir-rekwiżiti tad-direttiva kkonċernata; għax kieku, l-Istat Membru ma kienx jinstab li kiser l-obbligu tiegħu li jittrasponi ( 63 ). |
69. |
B’żieda ma’ dan, ma ninsabx konvint li ċerti ċirkustanzi invokati mir-Rumanija għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Dwar l-allegat żmien qasir tal-fażi prekontenzjuża, ma hemmx dubju li l-Kummissjoni tat lir-Rumanija perijodu raġonevoli biex tirrispondi għall-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata, u biex tipprepara r-risposta tagħha skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 64 ), peress li r-Rumanija kellha xahrejn biex tirrispondi għall-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata, u għaddiet iktar minn sena wara t-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fid-Direttiva 2015/849 (26 ta’ Ġunju 2017) qabel ma l-Kummissjoni ressqet din l-azzjoni (27 ta’ Awwissu 2018). Id-diffikultajiet relatati mal-kumplessità tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2015/849 ma jistgħux jiġu aċċettati, u dan peress li Stat Membru ma jistax jinvoka prattiki jew sitwazzjonijiet prevalenti tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni ( 65 ). Għandu jiżdied li l-fatt li Stati Membri oħra setgħu esperjenzaw problemi biex jittrasponu d-direttiva fil-ħin huwa ugwalment irrilevanti ( 66 ) u, fi kwalunkwe każ, kif il-Kummissjoni indikat, ir-Rumanija kienet l-uniku Stat Membru li naqas milli jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni mat-tressiq ta’ din l-azzjoni ( 67 ). |
70. |
Madankollu, hemm ċerti fatturi mitiganti li għandhom effett fuq l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa f’dan il-każ. L-ewwel nett, id-Direttiva 2018/843 estendiet it-terminu għall-istabbiliment ta’ reġistri ċentrali għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji skont l-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2015/849, għalkemm ma biddlitx it-terminu għat-traspożizzjoni għall-obbligi l-oħra taħt dik id-direttiva (ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Ma nara ebda raġuni għalfejn din l-estensjoni ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni bħala fattur mitiganti, kif indikat mill-Kummissjoni. It-tieni nett, ir-Rumanija wriet li matul il-proċeduri hija kkooperat b’bona fide mal-Kummissjoni ( 68 ). Finalment, ma huwiex ikkontestat li r-Rumanija għadha ma ġietx ikkundannata mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ xi direttiva fil-ħin ( 69 ). |
71. |
Fit-tieni lok, dwar it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan għandu jiġi kkalkolat mid-data ta’ skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849, filwaqt li r-Rumanija tasserixxi li dan l-element ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni u, minflok, għandha tintuża d-data stabbilita fl-opinjoni motivata. |
72. |
Wieħed għandu jinnota li, fil-ġurisprudenza dwar il-ħlasijiet ta’ somma f’daqqa skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa t-tul tal-ksur mid-data tal-għoti tal-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE sad-data li fiha l-Istat Membru kkonċernat ikun wettaq l-obbligi tiegħu, jew fin-nuqqas ta’ dan, sad-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-fatti fit-tieni proċedura ( 70 ). Konsegwentement, għall-finijiet li jiġu stabbiliti l-ħlasijiet ta’ somma f’daqqa skont l-Artikolu 260(3) TFUE, dan il-każ jiġbed l-attenzjoni fuq żewġ aspetti. |
73. |
L-ewwel nett, dwar it-tmiem tal-perijodu tal-ksur, filwaqt li ma huwiex ikkontestat li r-Rumanija wettqet l-obbligi tagħha b’effett mill-21 ta’ Lulju 2019, jidher meħtieġ li tiġi ċċarata l-ġurnata li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-fatti fil-proċeduri skont l-Artikolu 260(3) TFUE, speċjalment fl-interess li jkun hemm ċertezza legali u l-effett deterrenti tal-ħlasijiet ta’ somma f’daqqa. Peress li l-proċeduri taħt l-Artikolu 260(3) TFUE x’aktarx li jwasslu għall-preżentazzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni mill-Istat Membru kkonċernat f’fażijiet differenti fil-mori tal-kawża, għandu jkun hemm mument ta’ ħin partikolari biex il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq il-funzjoni ġudizzjarja tagħha ( 71 ). Għal dan il-għan, jidhirli li huwa xieraq, fil-fehma tiegħi, li tiġi speċifikata d-data tal-aħħar seduta fil-kawża, jew, jekk ma jkunx hemm seduta, ma’ tmiem il-proċedura bil-miktub (jiġifieri fid-data li fiha l-partijiet jiġu nnotifikati li l-kawża ser tiġi deċiża b’ċerta formazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja), peress li din hija opportunità finali għall-partijiet biex jippreżentaw osservazzjonijiet fuq il-livell ta’ osservanza tal-Istat Membru kkonċernat u s-sanzjonijiet finanzjarji li għandhom ikunu imposti ( 72 ). |
74. |
It-tieni nett, dwar il-punt tat-tluq tal-perijodu tal-ksur, jidhirli li d-data ta’ skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fid-direttiva inkwistjoni hija iktar xierqa mid-data ta’ skadenza stabbilita fl-opinjoni motivata fir-rigward tal-ħlasijiet ta’ somma f’daqqa, peress li sservi aħjar l-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE, li huwa, parzjalment, li jagħti inċentiv ikbar lill-Istati Membri biex jittrasponu d-direttivi fil-ħin ( 73 ). Min-naħa l-oħra, jekk huwa biss wara d-data stabbilita fl-opinjoni motivata li tqum il-possibbiltà ta’ impożizzjoni ta’ somma f’daqqa skont l-Artikolu 260(3) TFUE, dan ikun iwassal għar-riskju li t-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fid-direttiva ma jkollu ebda effett immedjat sakemm il-Kummissjoni ma tiħux azzjoni kontra Stat Membru. Għandu jitfakkar ukoll li, b’kuntrast mal-pagamenti ta’ penalità li jipprovdu mezz kif Stat Membru jkun kostrett jittermina l-ksur f’xi żmien fil-futur, il-ħlasijiet ta’ somma f’daqqa jindirizzaw aġir passat, u jipprovdu mezz kif jiġi żgurat li Stati Membru ma jibdiex jippreferi jistenna l-ftuħ tal-proċeduri qabel ma jieħu l-miżuri biex jirrimedja l-ksur ( 74 ), li jista’ tabilħaqq iseħħ jekk tintuża d-data stabbilita fl-opinjoni motivata. |
75. |
Konsegwentement, l-approċċ li nipproponi jidher li japplika b’iktar saħħa fir-rigward tal-ħlasijiet ta’ somma f’daqqa meta pparagunat ma’ pagamenti ta’ penalità, li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni d-data ta’ skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fid-direttiva kkonċernata għall-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) ( 75 ). Fi kwalunkwe każ, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-proposta tiegħi, it-tul ta’ żmien mid-data ta’ skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fid-direttiva inkwistjoni jista’ jitqies bħala parti mill-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, kif sar fil-ġurisprudenza fuq l-Artikolu 260(2) TFUE ( 76 ). |
76. |
F’din il-kawża, meħud kont tal-perijodu mid-data ta’ skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fid-Direttiva 2015/849 (26 ta’ Ġunju 2017) sad-data li fiha r-Rumanija wettqet l-obbligi tagħha (21 ta’ Lulju 2019), it-tul tal-ksur huwa madwar 25 xahar li jista’ jitqies sinjifikattiv ( 77 ). Irrid nenfasizza li l-obbligu ta’ Stat Membru li jadotta l-miżuri neċessarji biex jittrasponi direttiva ma ġiex, minnu nnifsu, ikkunsidrat li jinvolvi xi diffikultà partikolari ( 78 ). Madankollu, għandu jiġi nnotat li, għalkemm tardiva, il-leġiżlazzjoni nazzjonali nnotifikata f’Lulju 2019 ittrasponiet b’mod sħiħ id-Direttiva 2015/849. |
77. |
Finalment, ir-Rumanija ma pproduċietx, lill-Qorti tal-Ġustizzja, provi li jirrigwardaw il-kapaċità tagħha li tħallas. |
78. |
Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ, nipproponi għaldaqstant li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq ir-Rumanija ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 3000000. |
VI. Spejjeż
79. |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti rebbieħa. Peress li l-Kummissjoni talbet l-ispejjeż u r-Rumanija tilfet, ir-Rumanija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, li skontu l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, il-Belġju, l-Estonja, Franza u l-Polonja għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
VII. Konklużjoni
80. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU 2015 L 141, p. 73.
( 3 ) C‑543/17, EU:C:2019:573. Kien hemm diversi każijiet preċedenti li jinvolvu l-Artikolu 260(3) TFUE, iżda ġew irtirati qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tagħti s-sentenza tagħha. Tnejn minn dawn il-każijiet kienu s-suġġett ta’ konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑320/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2441), u ta’ konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (Artikolu 260(3) TFUE — Kreditu ipotekarju) (C‑569/17, EU:C:2019:271) li ser nittratta fl-analiżi tiegħi iktar ’il quddiem.
( 4 ) ĠU 2018 L 156, p. 43.
( 5 ) Jiġifieri d-Direttivi 2005/60 u 2006/70; ara l-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 6 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 99).
( 7 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE (ĠU 2011 C 12, p. 1, il-“Komunikazzjoni tal‑2011”), b’mod partikolari l-punti 7, 19 u 21.
( 8 ) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar (ĠU 2017 C 18, p. 10, il-“Komunikazzjoni tal‑2017”), b’mod partikolari pp. 15‑16.
( 9 ) Il-Komunikazzjoni tal‑2011, b’mod partikolari l-punti 16 u 17.
( 10 ) Il-Komunikazzjoni tal‑2011, b’mod partikolari, il-punti 23 u 28; il-Komunikazzjoni tal‑2017, p. 15.
( 11 ) Il-Komunikazzjoni tal‑2011, punt 28 (li jirreferi għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 228 tat-Trattat KE (ĠU 2007 C 126, p. 15; il-“Komunikazzjoni tal‑2005”), punti 19 sa 24).
( 12 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Kummissjoni kienet ipproponiet ukoll pagament ta’ penalità għal kull jum li jgħaddi, iżda rtirat din it-talba. Għaldaqstant, mhux ser niddiskuti iktar dan il-kalkolu.
( 13 ) Il-Kummissjoni tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 88).
( 14 ) Ara l-Komunikazzjoni tal‑2005, b’mod partikolari l-punt 24. Il-Kummissjoni tistrieħ fuq iċ-ċifri stabbiliti fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-aġġornament tad-dejta użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-pagamenti ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur (C(2017)8720 final) (ĠU 2017 C 431, p. 3).
( 15 ) Ir-Rumanija tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punti 62, 63 u 69).
( 16 ) Ir-Rumanija tirreferi għas-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 52).
( 17 ) Ir-Rumanija tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑562/07, EU:C:2009:614, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 51).
( 19 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑427/07, EU:C:2009:457, punti 108 u 109).
( 20 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑599/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:813, punt 21).
( 21 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (C‑301/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:846, punt 42).
( 22 ) F’dan il-każ, id-data ta’ riferiment hija xahrejn minn meta r-Rumanija tirċeivi l-opinjoni motivata (ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li kienet it-8 ta’ Diċembru 2017.
( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑32/05, EU:C:2006:749, punt 25) (li kkonfermat in-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligu tiegħu li jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni li jinsabu f’anness mar-risposta tiegħu u għaldaqstant innotifikati wara d-data stabbilita fl-opinjoni motivata).
( 24 ) C‑543/17, EU:C:2019:573.
( 25 ) C‑543/17, EU:C:2019:573.
( 26 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 59).
( 27 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, b’mod partikolari l-punti 60, 61 u 80 sa 89).
( 28 ) Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2019 (C‑543/17, EU:C:2019:573). Agħmel paragun bejn il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:322, b’mod partikolari l-punti 58 sa 81) (li jipproponu approċċ restrittiv), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑320/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2441, punti 114 sa 145) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (Artikolu 260(3) TFUE — Kreditu ipotekarju) (C‑569/17, EU:C:2019:271, punti 41 sa 71) (li jipproponu approċċ usa’).
( 29 ) Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2019 (C‑543/17, EU:C:2019:573).
( 30 ) Għandu jiġi nnotat li ma hemmx dubju li d-Direttiva 2015/849 hija direttiva adottata bi proċedura leġiżlattiva, jiġifieri, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja fuq il-bażi legali tagħha tal-Artikolu 114 TFUE.
( 31 ) Għandu jiġi nnotat li l-Avukat Ġenerali Wathelet adotta pożizzjoni simili fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑320/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2441, punti 104 sa 113).
( 32 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑552/15, EU:C:2017:698, punt 34).
( 33 ) Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑70/99, EU:C:2001:355, punt 17).
( 34 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (Artikolu 260(3) TFUE — Kreditu ipotekarju) (C‑569/17, EU:C:2019:271, punt 68 u ċ-ċitazzjonijiet fihom).
( 35 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 57).
( 36 ) C‑569/17, EU:C:2019:271, punt 73. Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑320/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2441, punti 146 sa 160), u tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:322, punt 96).
( 37 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑569/17, EU:C:2019:271, punt 74).
( 38 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019 (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 78) (li tirreferi, b’analoġija, għas-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 39 ) Dwar il-ħlasijiet ta’ somma f’daqqa, ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑279/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:834, punt 77). Dwar il-pagamenti ta’ penalità, ara, ukoll, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑626/16, EU:C:2018:525, punt 83).
( 40 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019 (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 61) (li tirreferi, b’analoġija, għas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 81)). Ara, ukoll, il-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 41 ) C‑304/02, EU:C:2005:444.
( 42 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punti 80 sa 86), u tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ f’Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 112).
( 43 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 90). Ara, ukoll, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑503/04, EU:C:2007:432, punt 22).
( 44 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑320/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2441, punt 155), u tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:322, punti 97 sa 100).
( 45 ) C‑569/17, EU:C:2019:271, punti 76 sa 78.
( 46 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019 (C‑543/17, EU:C:2019:573, b’mod partikolari l-punti 81 u 83).
( 47 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, b’mod partikolari l-punti 78, 83, 84, 89 u 92).
( 48 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 58).
( 49 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ f’Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punti 113 u 114).
( 50 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 72).
( 51 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 63).
( 52 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punti 19, 20, 44, 45, 56 sa 58), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:320, punt 80).
( 53 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-pagament ta’ penali mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur (ĠU 2019 C 309, p. 1). Is-somma f’daqqa minima hija mnaqqsa għal EUR 1651000. F’dan ir-rigward, il-kalkolu tas-somma f’daqqa skont il-formula msemmija fil-punti 25 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa kif ġej: l-ammont ta’ EUR 5 319.68 kull jum (1039 x 8 x 0.64) x 754 jum. Abbażi ta’ dan, is-somma f’daqqa totali mitluba mill-Kummissjoni tkun tammonta għal EUR 4 011 038.72.
( 54 ) Għandu jiġi nnotat li l-ammont li nipproponi jikkorrispondi għal ċerti somom f’daqqa imposti skont l-Artikolu 260(2) TFUE għal nuqqasijiet ta’ traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva. Ara s-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑407/09, EU:C:2011:196, punti 33 sa 44) (EUR 3 miljun), u tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑270/11, EU:C:2013:339, punti 43 sa 60) (EUR 3 miljun). Agħmel paragun ta’ dawk l-ammonti ma’ dak impost fis-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punti 65 sa 88) (EUR 10 miljun) (b’attenzjoni b’mod partikolari għall-ksur preċedenti fil-qasam ikkonċernat).
( 55 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019 (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 85).
( 56 ) Ara d-Direttiva 2018/843, b’mod partikolari l-premessa 1; Direttiva 2015/849, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u l-premessi 1 sa 3, u 64.
( 57 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, L-Għoxrin Rapport tal-Progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina, COM(2019)552 final, 30 ta’ Ottubru 2019, p. 10-12.
( 58 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Fit-triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, COM(2019)360 final, 24 ta’ Lulju 2019.
( 59 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 60 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑270/11, EU:C:2013:339, punt 49).
( 61 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi A, B, G u l-punt 1.
( 62 ) Ara l-Komunikazzjoni tal‑2011, punt 25, u l-Komunikazzjoni tal‑2017, p. 15. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 84).
( 63 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑270/11, EU:C:2013:339, punt 51). Fis-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 73), il-Qorti tal-Ġustizzja ma dehritx li tat attenzjoni lil argument simili mressaq mill-Belġju.
( 64 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (C‑301/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:846, punt 32). Il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa meta tiftaħ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu: ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 65 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ f’Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 89).
( 66 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 120).
( 67 ) Tajjeb jiġi nnotat li, waqt is-seduta fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑550/18), il-Kummissjoni qalet li proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienu nbdew biss kontra l-Irlanda u r-Rumanija, u l-Istati Membri kollha l-oħra kienu nnotifikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni għad-Direttiva 2015/849.
( 68 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑533/11, EU:C:2013:659, punt 60).
( 69 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑270/11, EU:C:2013:339, punt 55).
( 70 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑241/11, EU:C:2013:423, punt 46), u tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ f’Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 122).
( 71 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑387/97, EU:C:1999:455, punti 56 sa 58).
( 72 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L‑Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 84). Ara wkoll, dwar il-pagamenti ta’ penalità, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑251/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:358, punti 64 u 65), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑503/04, EU:C:2007:190, punti 62, 63 u 88).
( 73 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE — Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 52).
( 74 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑119/04, EU:C:2006:65, punt 46). Ara wkoll il-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 75 ) Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2019 (C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 88).
( 76 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑374/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:827, punti 38 u 52). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑197/98, EU:C:1999:597, punt 43).
( 77 ) Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑270/11, EU:C:2013:339, punti 57 u 58) (27 xahar), u tat‑13 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑388/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:548, punt 40) (29 xahar).
( 78 ) Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑407/09, EU:C:2011:196, punt 33).