Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0547

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fl-14 ta’ Novembru 2019.
    Dong Yang Electronics Sp. z o.o. vs Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 44 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 – Artikolu 11(1) – Provvista ta’ servizzi – Post ta’ tassazzjoni – Kunċett ta’ ‘stabbiliment fiss’ – Persuna suġġetta għall-VAT – Sussidjarja ta’ kumpannija ta’ Stat terz li tinsab fi Stat Membru.
    Kawża C-547/18.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:976

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fl-14 ta’ Novembru 2019 ( 1 )

    Kawża C-547/18

    Dong Yang Electronics Sp. z o.o.

    vs

    Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław, il-Polonja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-valur miżjud – Provvisti ta’ servizzi – Post tal-provvista ta’ servizzi – Kunċett ta’ stabbiliment fiss fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT 2006/112/KE – Sussidjarja (bis-sede tagħha fi Stat Membru) ta’ kumpannija omm bis-sede tagħha f’pajjiż terz”

    I. Introduzzjoni

    1.

    F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita bil-kwistjoni dwar fejn jinsab il-post ta’ provvista ta’ servizzi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”). Dan il-post jiddetermina liema Stat għandu s-setgħa li jimponi taxxi.

    2.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari saret għaliex kumpanija Koreana qabbdet kumpanija Pollakka biex tipprovdilha servizzi ta’ mmuntar. Billi dan il-kuntratt ġie eżegwit permezz tas-sussidjarja Pollakka tal-klijent Korean, it-tilwima hija dwar jekk is-servizz ġiex ipprovdut lill-klijent Korean jew lis-sussidjarja Pollakka tiegħu inkwantu stabbiliment fiss tal-klijent. Jekk tiġi adottata din l-aħħar ipoteżi, il-post tal-provvista jkun fil-Polonja u kien messha tħallset il-VAT skont id-dritt Pollakk, li l-fornitur kellu jiġbor u jħallas. Dan ma sarx.

    3.

    Ta’ min jinnota f’dan ir-rigward li, f’dan il-każ, il-kwistjoni hija “biss” dwar jekk ġietx implimentata korrettement il-liġi fil-qasam tal-VAT, u mhux dwar l-ammont ta’ dħul fiskali (Pollakk). Kieku s-servizzi ġew ipprovduti lil stabbiliment fiss fil-Polonja, allura l-klijent Korean kien ikun jista’ mingħajr dubju jnaqqas il-VAT. Fil-fatt, l-oġġetti prodotti ġew ikkummerċjalizzati fis-suq Ewropew mill-Polonja, b’tali mod li huma suġġetti għall-VAT. Fiż-żewġ każijiet, il-VAT la kienet ser tkun ta’ piż għall-klijent Korean u lanqas ma kienet ser iżżid id-dħul fiskali Pollakk.

    4.

    Minkejja dan, il-kwistjoni hija rilevanti, għaliex il-fornitur għandu jew ma għandux iħallas il-VAT fil-Polonja, skont jekk sussidjarja tistax titqies jew le bħala l-istabbiliment fiss ta’ kumpannija omm. Għall-fornitur, din il-kwistjoni tista’ tkun waħda ta’ importanza eżistenzjali, jekk iktar ’il quddiem ma jirnexxilux jiġbor il-VAT mis-sieħeb kuntrattwali tiegħu.

    5.

    Tassew li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà esprimiet ruħha bosta drabi dwar il-kunċett ta’ stabbiliment fiss fis-sens tal-liġi dwar il-VAT. Madankollu, hija qatt ma indikat b’mod ċar jekk sussidjarja hijiex stabbiliment fiss tal-kumpannija prinċipali. Fis-sentenza tagħha DFDS ( 2 ) il-Qorti tal-Ġustizzja donnha qieset, inizjalment, li sussidjarja tikkostitwixxi wkoll stabbiliment fiss. Fis-sentenza Daimler ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu reġgħet tbiegħdet minn din il-pożizzjoni. Fil-kawża Welmory ( 4 ), hija setgħet finalment tevita milli twieġeb. Issa l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi b’mod ċar dwar din il-kwistjoni.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    6.

    Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża jinstab fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ( 5 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

    7.

    L-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT ( 6 ) jistipula:

    “Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn hija stabbilixxiet in-negozju tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi tali servizzi għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn tirrisjedi normalment.”

    8.

    Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal- 15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”) ( 7 )

    “Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112/KE ‘l-istabbiliment fiss’ għandu jkun kwalunkwe stabbiliment, minbarra s-sede tal-attività ekonomika msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament li huwa karatterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess.”

    9.

    L-Artikolu 21 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jinkludi l-kjarifika li ġejja fir-rigward tar-relazzjoni bejn it-tassazzjoni fil-post tas-sede u t-tassazzjoni fil-post tal-istabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli:

    “Meta forniment ta’ servizzi lil persuna taxxabbli, jew persuna mhux taxxabbli meqjusa bħala persuna taxxabbli, jaqa’ fi ħdan l-ambitu tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112/KE, u l-persuna taxxabbli hija stabbilita f’iżjed minn pajjiż wieħed, dak il-forniment għandu jkun taxxabbli fil-pajjiż fejn dik il-persuna taxxabbli stabbiliet in-negozju tagħha.

    Madanakollu, fejn is-servizz huwa pprovdut għal stabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli li jinsab f’post minbarra dak fejn il-klijent stabilixxa n-negozju tiegħu, dak il-forniment għandu jkun taxxabbli fil-lok tal-istabbiliment fiss li jirċievi dak is-servizz u li jużah għall-ħtiġijiet proprji tiegħu.

    […]”

    10.

    L-obbligi tal-fornitur għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi huma deskritti fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni:

    “Biex jidentifika l-istabbiliment fiss tal-klijent li lilu jingħatalu s-servizz, il-fornitur għandu jeżamina n-natura u l-użu tas-servizz provdut.

    Meta n-natura u l-użu tas-servizz provdut ma jippermettulux jidentifika l-istabbiliment fiss li lilu jingħatalu s-servizz, il-fornitur, fl-identifikazzjoni ta’ dak l-istabbiliment fiss, għandu jeżamina b’mod partikolari jekk il-kuntratt, id-dokument tal-ordni u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT mogħti mill-Istat Membru tal-klijent u kkomunikat lilu mill-klijent jidentifikax l-istabbiliment fiss bħala klijent tas-servizz u jekk l-istabbiliment fiss hux l-entità li tħallas għas-servizz.

    Fejn l-istabbiliment fiss tal-klijent li jingħatalu s-servizz ma jistax ikun determinat skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu jew meta servizzi koperti mill-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112/KE jkunu ġew fornuti lil persuna taxxabbli taħt kuntratt li jkopri servizz wieħed jew aktar li ntużaw b’mod mhux identifikabbli jew li ma jistax jiġi kkwantifikat, il-fornitur jista’ jikkunsidra b’mod validu li s-servizzi jkunu ġew ipprovduti fil-post fejn il-klijent stabilixxa n-negozju tiegħu.”

    B.   Id-dritt Pollakk

    11.

    L-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT ġie implimentat fil-Polonja permezz tal-Artikolu 28b(1) u (2) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi) tal-11 ta’ Marzu 2004, li jipprovdi li, f’każijiet li fihom is-servizzi jiġu pprovduti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jkun qiegħed f’post differenti mill-post fejn hija għandha s-sede tagħha jew l-indirizz permanenti tagħha, il-post tal-provvista ta’ dawn is-servizzi jkun jinstab fil-post tal-istabbiliment fiss.

    12.

    L-Artikolu 13(3) tal-ustawa o swobodzie działalności gospodarczej (il-Liġi dwar l-Eżerċizzju Liberu tal-Attività Ekonomika) tat-2 ta’ Lulju 2004 jistipula li persuni barranin għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 1 sa 2a għandhom id-dritt ta’ stabbiliment biss taħt il-forma ta’ soċjetà in akkomandita sempliċi, soċjetà in akkomandita b’ishma, kumpannija b’responsabbiltà limitata jew kumpannija b’responsabbiltà limitata b’ishma, bla ħsara għal ftehim internazzjonali li jipprovdu mod ieħor.

    13.

    Tali dispożizzjonijiet ma jirriżultawx mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra ( 8 ) F’dan il-ftehim, ir-Repubblika tal-Polonja tat lill-impriżi Koreani aċċess fis-suq tagħha biss fil-forma ta’ twaqqif ta’ sussidjarja li tikkorrispondi għal wieħed mit-tipi ta’ kumpannija msemmija ( 9 )

    III. It-tilwima fil-kawża prinċipali

    14.

    Fis-27 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Dong Yang Electronics sp. z o. o. (iktar ’il quddiem “Dong Yang”), li għandha s-sede tagħha fil-Polonja, ikkonkludiet mal-kumpanija LG Display Co. Ltd. (Korea) (iktar ’il quddiem “LG Korea”), li għandha s-sede tagħha fir-Republika tal-Korea, kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ mmuntar ta’ bords ta’ ċirkwiti stampati magħmula minn ċerti materjali (elementi, komponenti) li kienu proprjetà tal-kumpannija LG Korea.

    15.

    Dawn il-materjali ġew ipprovduti lil Dong Yang minn LG Display Polska sp. z.o.o (iktar ’il quddiem “LG Poland Production), sussidjarja tal-kumpannija LG Korea. Dong Yang kienet tipprovdi wkoll lil LG Poland Production il-bords ta’ ċirkwiti stampati pproċessati wara l-immuntar tagħhom. Filwaqt li Dong Yang kienet tiftiehem ma’ LG Korea dwar il-kwantità totali ta’ materjal meħtieġ, hija LG Poland Production li kienet tinformaha dwar il-kwantità meħtieġa kuljum.

    16.

    L-elementi rilevanti f’dan il-każ tal-istruttura interna tal-“grupp-LG”, li ma kinux magħrufa minn Dong Yang, huma esposti kif ġej:

    17.

    Abbażi tal-impenji kuntrattwali meħuda fir-rigward ta’ LG Korea, LG Poland Production kienet tipproduċi prodotti lesti, jiġifieri partijiet li jintużaw fl-immuntar TFT-LCD, billi tgħaqqad komponenti li kienu proprjetà tal-kumpannija LG Korea. LG Poland Production kienet tipprovdi barra minn hekk lil LG Korea servizzi oħra marbuta mal-ħżin u l-loġistika f’dak li jirrigwarda l-prodotti lesti li wkoll kienu proprjetà ta’ LG Korea. Il-prodotti lesti kienu jinbiegħu minn LG Korea lil sussidjarja oħra marbuta magħha b’kapital fil-Polonja (iktar ’il quddiem “LG Poland Sales”) u din is-sussidjarja kienet imbagħad tiddistribwihom fis-suq Ewropew.

    18.

    LG Korea, li kienet irreġistrata għall-finijiet tal-VAT fil-Polonja u li kellha hemmhekk rappreżentant fiskali, assigurat lil Dong Yang li hija ma kellha l-ebda stabbiliment fiss, ma kienet timpjega l-ebda impjegat u ma kellha l-ebda proprjetà immobbli u lanqas tagħmir tekniku fit-territorju Pollakk.

    19.

    Għalhekk fis-sena 2012, Dong Yang ħarġet lil LG Korea, għas-servizzi ta’ mmuntar pprovduti minnha, fatturi li fihom ma kinitx ikkalkolata l-VAT. Minflok, dawn il-fatturi kellhom din in-nota: “Valur taxxabbli Artikolu 28b(2) tal-Liġi dwar il-VAT”. Il-fatturi kienu jindikaw li LG Korea kienet ir-riċevitur tas-servizzi u huma, barra minn hekk, tħallsu minn din il-kumpannija.

    20.

    Madankollu, l-awtoritajiet fiskali Pollakki kompetenti ffissaw il-VAT li Dong Yang kellha tħallas għas-servizzi inkwistjoni għas-sena 2012. Huma qiesu li l-VAT kienet dovuta bir-rata normali fil-Polonja, billi s-servizzi li tat il-kumpannija Dong Yang fil-fatt kienu ingħataw mhux fis-sede ta’ LG Korea fil-Korea, iżda fl-istabbiliment fiss li l-kumpannija għandha fil-Polonja – LG Poland Production.

    21.

    Abbażi tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn LG Korea u LG Poland Production, l-awtoritajiet fiskali kkonstataw li LG Korea kienet hija nfisha ħolqot fil-Polonja stabbiliment fiss billi “użat il-potenzjal ekonomiku” ta’ LG Poland Production, billi implimentat mudell ta’ impriża maħsub għal dan il-għan permezz ta’ kuntratt. Minflok ma qagħdet fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ LG Korea, Dong Yang kellha, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, teżamina l-użu tas-servizzi li kienet tipprovdi. Kieku għamlet dan, hija kienet tinduna li r-riċevitur reali tas-servizzi li hija kienet tipprovdi, kien LG Poland Production.

    22.

    Fil-kuntest tar-rikors tagħha, Don Yang titlob l-annullament tal-valutazzjonijiet tat-taxxa. Hija tqis li l-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ stabbiliment fiss fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma humiex issodisfatti.

    IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    23.

    B’digriet tas-6 ta’ Ġunju 2018, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław, il-Polonja) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjjin skont l-Artikolu 267 TFUE:

    “1.

    Is-sempliċi fatt li kumpannija stabbilita barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea għandha sussidjarja fil-Polonja jippermetti li tiġi dedotta l-eżistenza ta’ stabbiliment fiss fil-Polonja fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva [dwar il-VAT] u l-Artikolu 11(1) tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni]?

    2.

    Jekk għall-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, impriża terza hija marbuta li teżamina r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-kumpanija stabbilita barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea u s-sussidjarja sabiex tiddetermina jekk l-ewwel kumpannija għandhiex stabbiliment fiss fil-Polonja?”

    24.

    Waqt il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Dong Yang, l-awtorità fiskali Pollakka, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u pparteċipaw ukoll fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2019.

    V. Evalwazzjoni legali

    A.   Interpretazzjoni tad-domandi preliminari

    25.

    L-ewwel nett għandhom jiġu ċċarati d-domandi tal-qorti tar-rinviju.

    26.

    Is-suġġett tal-ewwel domanda jirrigwarda biss il-punt dwar jekk is-sempliċi fatt li kumpanija omm stabbilita f’pajjiż terz għandha sussidjarja Pollakka (f’dan il-każ, LG Poland Production) jimplikax li hija – jiġifieri l-kumpanija omm Koreana – għandha stabbiliment fiss fil-Polonja fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT.

    27.

    Madankollu, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf ukoll, fil-każ li din id-domanda tingħata risposta fin-negattiv, liema huma l-kriterji l-oħra li huma rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk sussidjarja (LG Poland Production) tikkostitwixxix stabbiliment fiss tal-kumpanija omm (LG Korea). Fil-fatt, l-eżami tar-relazzjonijiet kuntrattwali msemmija fit-tieni domanda preliminari jkun obbligatorju biss jekk ikun rilevanti biex tiġi stabbililta l-eżistenza ta’ stabbiliment fiss. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika b’mod espliċitu, fil-bidu tal-motivazzjoni tad-domandi preliminari, li hija għandha mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT biex tiddetermina l-post tal-provvista tas-servizzi minn Dong Yong lil LG Korea.

    28.

    Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, minn naħa, jekk sussidjarja tikkostitwixxix, bħala tali, stabbiliment fiss tal-kumpanija omm (ara B). Hija tistaqsi min-naħa l-oħra – fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv – jekk hemmx kriterji oħra li jippermettu li jitqies, meta jkunu ssodisfatti, li sussidjarja hija stabbiliment fiss tal-kumpanija omm (ara C). F’każ li jeżistu kriterji bħal dawn, il-qorti tar-rinviju jkollha wkoll il-mistoqsija dwar dak li l-fornitur għandu jivverifika sabiex jistabbilixxi jekk sussidjarja tikkostitwixxix tali stabbiliment fiss (ara D).

    B.   Sussidjarja hija stabbiliment fiss tal-kumpanija prinċipali?

    29.

    Mill-kliem tad-Direttiva dwar il-VAT jidher diġà li sussidjarja li hija kumpannija ġuridikament awtonoma ma tistax fl-istess waqt titqies bħala stabbiliment fiss tal-kumpanija omm tagħha. Fil-fatt, l-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT jitkellem dwar persuna taxxabbli waħda, li stabbiliet is-sede tal-attività ekonomika tagħha f’post u li għandha stabbiliment fiss f’post ieħor. Madankollu, kumpannija omm u kumpannija sussidjarja ma humiex persuna taxxabbli waħda, iżda tnejn.

    30.

    Huwa minnu li l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-VAT jawtorizza f’ċerti ċirkustanzi lill-Istati Membri “jikkunsidra[w] bħala persuna taxxabbli” diversi persuni taxxabbli li huma marbuta mill-qrib (dak li jissejjaħ “grupp VAT”). Madankollu din il-possibbiltà hija limitata għat-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni (“persuni stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru”). Billi LG Korea għandha mingħajr dubju s-sede tagħha fil-Korea t’Isfel, grupp VAT mas-sussidjarja Pollakka tagħha huwa eskluż a priori.

    31.

    Il-kriterji sostantivi l-oħra msemmija fl-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, li huma ppreċiżati permezz tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, lanqas ma jippermettu l-konklużjoni li r-rabtiet strutturali, taħt id-dritt tal-kumpanniji, ma’ persuna taxxabbli oħra huma biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li hemm stabbiliment fiss tal-kumpannija omm.

    32.

    L-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jsemmi, f’dan il-kuntest, kriterji bħalma huma livell suffiċjenti ta’ permanenza tal-istabbiliment u struttura xierqa li tippermettilha tirċievi u tuża servizzi. Dawn huma kollha kriterji li ma għandhom l-ebda rabta mal-liġi dwar il-kumpanniji u għalhekk jistgħu jikkonċernaw biss l-istabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli waħda li għandha s-sede tagħha f’post ieħor.

    33.

    Għaldaqstant, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jwieġeb biss id-domanda dwar jekk il-fatt li l-infrastruttura eżistenti ta’ persuna taxxabbli tkun tinsab f’post differenti minn dak fejn tas-sede tagħha huwiex biżżejjed sabiex hija tkun tikkostitwixxi stabbiliment fiss. Bil-kontra tal-pożizzjoni difiża mir-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni huwa irrilevanti għall-kwistjoni li għandha tiġi deċiża f’dan il-każ, dwar jekk l-infrastruttura ta’ persuna taxxabbli oħra (u għalhekk ukoll il-post fejn hija stabbiliet in-negozju tagħha) tistax tikkostitwixxi wkoll l-istabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli distinta.

    34.

    Għalhekk, bi qbil mal-Kummissjoni, ir-risposta għall-ewwel domanda tista’ tingħata b’“le” ċar: is-sempliċi fatt li kumpannija stabbilita f’pajjiż terz ikollha sussidjarja fi Stat Membru ma jimplikax li din is-sussidjarja hija stabbiliment fiss fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT, f’dan l-Istat Membru.

    C.   Jeżistu kriterji li skonthom sussidjarja tista’ tikkostitwixxi stabbiliment fiss tal-kumpanija omm?

    35.

    Madankollu għandu jiġi ċċarat il-punt dwar jekk jeżistux kriterji skont liema, eċċezzjonalment, sussidjarja tista’ tkun integrata fl-istruttura ta’ grupp sal-punt li hija jkollha titqies, mhux biss bħala persuna taxxabbli awtonoma, iżda wkoll bħala stabbiliment fiss tal-kumpannija omm fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT.

    36.

    Din l-analiżi tagħti lok għal oġġezzjonijiet ta’ prinċipju (ara 1), b’tali mod li evalwazzjoni differenti hija possibbli biss fil-każ ta’ prattiki abbużivi (ara 2). Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża DFDS lanqas ma tipprekludi din il-konklużjoni ( 10 ) (ara 3).

    1. Oġġezzjonijiet ta’ prinċipju

    37.

    Iqumu oġġezzjonijiet ta’ prinċipju kontra l-ammissjoni li s-sede ta’ sussidjarja tikkostitwixxi stabbiliment fiss tal-kumpannija omm. Il-kunċett ġuridiku ta’ stabbiliment fiss huwa intiż sabiex jippermetti li entità taxxabbli tiġi attribwita “aġir” partikolari. Madankollu, jekk l-istabbiliment ikun ġuridikament awtonomu u jikkostitwixxi, għaldaqstant, entità taxxabbli distinta, hemm bosta raġunijiet sabiex tiġi eskluża, b’mod ġenerali, attribuzzjoni lil entità legali oħra.

    38.

    Kif diġà indikat (ara l-punt 29), anki l-kliem tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jmur kontra t-teżi li tgħid li l-infrastruttura ta’ persuna taxxabbli (u għahekk ukoll il-post fejn hija stabbilita) tista’ fl-istess waqt tikkostitwixxi l-istabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli oħra. B’mod korrispondenti, ġie sostnut ukoll li entità li għandha personalità ġuridika proprja – pereżempju sussidjarja – “ma tistax tkun fl-istess waqt l-istabbiliment fiss ta’ persuna ġuridika oħra” ( 11 ).

    39.

    Barra minn hekk, dan ikun iwassal għal kunflitti mar-regoli dwar l-inverżjoni tal-ħlas (Artikolu 196 tad-Direttiva dwar il-VAT) u dwar il-grupp fiskali (Arikolu 11 tad-Direttiva dwar il-VAT).

    40.

    Dan ikun il-każ jekk sussidjarja nazzjonali (ikkontrollata) tikkonkludi pereżempju ma’ kumpannija barranija kuntratti validi taħt id-dritt ċivili, li jiġu eżegwiti u ntaxxati fil-post tas-sede tas-sussidjarja. Fil-fatt, jekk ikun hemm lok li s-sussidjarja titqies bħala stabbiliment fiss tal-kumpannija omm, il-VAT tkun dovuta fit-territorju nazzjonali mhux mis-sussidjarja, iżda mill-kumpannija omm, skont l-Artikolu 196 tad-Direttiva dwar il-VAT. Dan ikun il-każ ukoll meta, bħal f’dan il-każ, il-kumpannija omm tkun stabbilita f’pajjiż terz.

    41.

    It-trasferiment tal-kwalità ta’ debitur fiskali fuq il-persuna li tirċievi s-servizzi, skont l-Artikolu 196 tad-Direttiva dwar il-VAT, huwa, madankollu, intiż ukoll sabiex jiffaċilita l-ġbir tat-taxxa mill-Istat li fih il-persuna li tirċievi s-servizz tkun residenti. Issa, dan ma huwiex il-każ tal-kumpannija omm inkwistjoni. Barra minn hekk, billi din ma għandhiex neċessarjament għarfien dwar l-operazzjonijiet legali kollha ta’ persuna ġuridika awtonoma – anki jekk din tkun sussidjarja – din il-konklużjoni tidher stramba. Il-kumpannija omm tkun, kontra r-rieda tagħha, responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq tranżazzjonijiet li ma kinitx taf bihom u li għalihom hija ma rċeviet l-ebda korrispettiv. Dan ikun diffiċilment kompatibbli mal-funzjoni tal-persuna taxxabbli bħala kollettur tat-taxxa f’isem l-Istat ( 12 ).

    42.

    Barra minn hekk, dan l-effett – it-trasferiment tal-obbligi fiskali lil kumpannija “marbuta mill-qrib” – huwa previst biss fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-VAT. Dan jagħmel ukoll ineffettiva l-evalwazzjoni espliċita fl-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-VAT, li tippermetti l-ġabra fi grupp ta’ diversi persuni ġuridikament indipendenti għal raġunijiet tajba ( 13 ) biss fl-Istat membru u għalhekk mhux ma’ kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi.

    43.

    Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Welmory ( 14 ), diġà indikajt l-importanza primordjali taċ-ċertezza legali għall-fornitur tas-servizz fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-obbligi fiskali tiegħu u ddeduċejt minn dan li entità li għandha personalità ġuridika proprja ma tistax tkun fl-istess waqt l-istabbiliment fiss ta’ persuna ġuridika oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat dan l-aspett taċ-ċertezza legali fis-sentenza li hija tat f’din il-kawża ( 15 ) L-istess jgħodd fir-rigward taċ-ċertezza legali tar-riċevitur tas-servizzi, li għandu jkun jaf, jekk huwiex huwa, jew jekk hijiex is-sussidjarja jew il-kumpanija omm tiegħu (ara l-Artikolu 196 tad-Direttiva dwar il-VAT) li għandu/għandhom iħallsu l-VAT.

    44.

    Barra minn hekk, nirreferi għall-memorandum ta’ spejgazzjoni għall-abbozz tar-Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011, li skontu “huwa, importanti li l-fornitur […] ikun kapaċi jistabbilixxi b’mod korrett fejn jinsab [ir-riċevitur]” ( 16 ). Dan ikun jista’ jagħmlu biss, jekk ikun jista’ jeskludi li s-sede ta’ sussidjarja tista’ wkoll titqies bħala stabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli oħra. L-istatus legali ta’ kumpanija awtonoma – f’dan il-każ, kumpannija b’responsabbiltà limitata (sp.z.o.o) – huwa relattivament faċli sabiex jiġi ddeterminat.

    45.

    Barra minn hekk, ma huwiex dejjem ċar mill-estern – jiġifieri, f’dan il-każ, minn Dong Yang –min ikun qed jikkontrolla sussidjarja. F’din il-kawża, jidher li LG Poland Production – skont kif jindikaw id-dikjarazzjonijiet ta’ Don Yang fin-noti tagħha u waqt is-seduta – għadha wkoll ikkontrollata sa 20 % minn kumpannija terza. Jekk dawn l-20 % jkunu jikkostitwixxu minorità li tista’ twaqqaf deċiżjonijiet, allura wieħed qajla jista’ jitkellem dwar pereżempju sussidjarja (ikkontrollata).

    46.

    Bħala konklużjoni, sussidjarja awtonoma ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata bħala stabbiliment fiss tal-kumpannija omm.

    2. Eċċezzjoni hija ġġustifikata permezz tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi?

    47.

    L-iktar l-iktar, konklużjoni differenti tista’ tkun valida, jekk ir-relazzjonijiet kuntrattwali magħżula (f’dan il-każ, dawk li jorbtu lil LG Korea u lil Dong Yang) ikunu jikkostitwixxu prattika abbużiva.

    48.

    Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi, kif huwa applikat fl-ambitu tal-VAT mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Halifax ( 17 ), huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 18 ).

    49.

    Għalhekk, dan il-prinċipju jista’ jkun applikabbli wkoll f’dan il-każ. Madankollu nqis, bħall-Kummissjoni, li huwa relattivament ċar li f’dan il-każ ma kienx hemm prattika abbużiva min-naħa ta’ LG Korea, peress li s-servizzi ġew ikkummissjonati direttament minn Don Yang (minflok, pereżempju, kummissjoni minn LG Poland Production)

    50.

    Minn naħa, Dong Yang mhux biss ipprovdiet formalment is-servizzi lil LG Korea, iżda effettivament lil LG Poland Production. Anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika (l-hekk imsejħa perspettiva ekonomika), li tikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistma komuni tal-VAT ( 19 ), il-konklużjoni kuntrarja ma tistax tintlaqa’ f’dan il-każ.

    51.

    LG Poland Production la kienet il-parti l-oħra fil-kuntratt ma’ Dong Yang, la l-propjetarja tal-prodotti pproċessati, u lanqas ma kienet hija li għamlet użu ulterjuri minnhom (jiġifieri ma biegħithomx hi). Pjuttost, LG Korea biegħet il-prodotti lesti lil LG Poland Sales. F’dan ir-rigward – kif ir-Renju Unit sostna waqt is-seduta – ma jistax jiġi sostnut li l-kumpanija LG Poland Production użat is-servizzi ta’ Dong Yang. Kemm Dong Yang kif ukoll LG Poland Production ikkollaboraw flimkien, inkwantu “fornituri”, fil-kuntest ta’ proċess ta’ produzzjoni bbażat fuq it-taqsim tax-xogħol, u dan fl-interess ta’ LG Korea. Din tal-aħħar użat is-servizzi taż-żewġ kumpanniji billi biegħet il-prodotti lesti lil LG Poland Sales.

    52.

    Min-naħa l-oħra, anki jekk jingħad li Dong Yang effettivament ipprovdiet is-servizzi tagħha lil LG Poland Production, dan ma jkollu l-ebda effett fuq l-ammont ta’ dħul fiskali Pollakk u fuq l-ammont tal-piż ta’ VAT imġarrab minn LG Poland Production. F’dan il-każ, LG Poland Production ikollha d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input korrispondenti fil-mument li fih tinħareġ il-fattura ( 20 ).

    53.

    Anki jekk jingħad li LG Korea għandha stabbiliment fiss fil-Polonja minħabba s-sussidjarja tagħha LG Poland Production, dan ma jibdel xejn. F’każ bħal dan, LG Korea jkollha fil-Polonja dritt għal tnaqqis u konsegwentement lanqas ma jkollha ġġarrab il-piż tal-VAT f’dan l-Istat. Għaż-żewġ perspettivi, la r-Repubblika tal-Polonja u lanqas l-awtoritajiet fiskali ma jirnexxielhom juru liema piż ta’ VAT seta’ ġie evaż b’mod abbużiv.

    54.

    L-argument ewlieni tal-Polonja huwa li l-ħolqien tal-valur sar fil-Polonja u għandu għalhekk jiġi ntaxxat fil-Polonja wkoll. Il-kwistjoni dwar jekk dan l-argument huwiex fil-fatt korrett (għal dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni ta’ oġġetti u mal-kunsinna sussegwenti ta’ dawn fil-Komunità, li hija eżenti mit-taxxa skont l-Artikolu 138 tad-Direttiva dwar il-VAT, pereżempju, dan l-argument ma huwiex korrett, għaliex hawn japplika l-prinċipju tal-pajjiż destinatarju, b’tali mod li l-valur jinħoloq f’wieħed mill-pajjiżi u jiġi ntaxxat f’pajjiż ieħor).

    55.

    Fil-fatt, sa fejn is-servizzi ta’ Dong Yang ġew integrati fi prodotti li jinbiegħu fil-Polonja, is-servizz ta’ Dong Yang huwa wkoll intaxxat, finalment, fil-post tal-konsum tal-prodotti (jiġifieri fil-Polonja). L-ammont li LG Korea ħallset lil Dong Yang mingħajr VAT Pollakka huwa inkluż fil-prezz tal-prodott finali (hawnhekk moniter TFT) u huwa finalment xorta suġġett għall-VAT Pollakka mal-bejgħ tal-prodott finali fil-Polonja. B’hekk, il-Polonja tirċievi, fil-mument tal-kunsinna tal-moniter TFT fil-Polonja, id-dħul fiskali fuq il-valur maħluq minn Dong Yang għal LG Korea fil-Polonja. Il-fatt li, mill-perspettiva tal-VAT, il-post tal-provvista tas-servizzi ta’ Dong Yang kien preċedentement fil-Korea jirriżulta minn deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jistabbilixxi l-post ta’ provvista ta’ servizzi lil kumpannija oħra fis-sede ta’ din.

    56.

    Madankollu din id-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma għandha, f’dan il-każ, l-ebda rilevanza għad-dħul fiskali tal-Polonja, kif il-Kummissjoni enfasizzat ġustament. F’dan ir-rigward, ma hemmx riskju partikolari ta’ abbuż taħt il-liġi dwar il-VAT fil-każ ta’ servizzi li jiġu integrati fi prodotti fiżiċi. Għaldaqstant, lanqas ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk Dong Yang kellhiex b’xi mod tinduna li l-immuntar ta’ LG Korea kien abbużiv.

    57.

    Din hija differenza deċiżiva mill-każijiet li fihom servizzi jiġu integrati f’servizzi oħra. Dawn tal-aħħar diġà ġew eżaminati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 21 ). F’dan ir-rigward, huwa teoretikament konċepibbli li jitnaqqas il-piż tal-VAT permezz ta’ strutturi tad-dritt ċivili, kif milli jidher ipprova jsir fil-kawża DFDS ( 22 ) – għalkemm, huwa minnu, fil-kuntest legali preċedenti.

    58.

    Il-fatt li Dong Yang ma ddikjaratx u ma ħallsitx il-VAT tal-Korea t’Isfel lanqas ma jista’ jitqies bħala prattika abbużiva min-naħa ta’ din il-kumpannija. Fir-rigward tal-VAT dovuta fil-Korea t’Isfel – skont id-dritt fis-seħħ f’dan il-pajjiż –, huwa probabbli li LG Korea informat korrettement lill-parti l-oħra fil-kuntratt, Dong Yang. Kif irriżulta fis-seduta, Dong Yang ġiet assigurata li hija ma kellhiex tħallas it-taxxa, fil-Korea t’Isfel, fuq l-“importazzjoni ta’ dawn is-servizzi”. Ma huwiex eskluż li, taħt id-dritt tal-Korea t’Isfel fil-qasam tal-VAT, pereżempju, hija prevista l-inverżjoni ta’ ħlas fuq ir-riċevitur tas-servizz li huwa stabbilit fil-Korea t’Isfel, meta kumpannija barranija tipprovdilu servizzi. Mill-inqas dan huwa dak li huwa previst għal bosta servizzi pprovduti minn kumpanniji barranin lil kumpanniji nazzjonali fil-kuntest tas-sistema tal-VAT fl-Unjoni (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 196 tad-Direttiva dwar il-VAT).

    3. Eċċezzjoni hija ġġustifikata permezz tas-sentenza fil-kawża DFDS?

    59.

    L-iktar l-iktar, is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża DFDS tista’ tmur kontra dan. Fil-fatt, wieħed jista’ jinterpretaha fis-sens li huwa eventwalment possibbli li sussidjarja kkontrollata tikkostitwixxi, inkwantu sempliċi organu awżiljarju tal-kumpanija omm, stabbiliment fiss ta’ din tal-aħħar ( 23 ).

    60.

    F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta operatur turistiku li s-sede tiegħu tinsab fi Stat Membru jipprovdi lil vjaġġaturi provvisti ta’ servizzi permezz ta’ kumpannija li topera fil-kwalità ta’ aġent fi Stat Membru ieħor, dawn il-provvisti huma suġġetti għall-VAT f’dan l-Istat imsemmi l-aħħar. Il-prerekwiżit huwa li din il-kumpannija, li taġixxi bħala sempliċi organu awżiljarju tal-operatur turistiku, ikollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi umani u tekniċi li jikkaratterizzaw stabbiliment fiss ( 24 )..

    61.

    Din id-deċiżjoni – li fuqha l-Polonja essenzjalment tibbaża ruħha – kienet tikkonċerna, madankollu, il-qasam speċifiku tal-operaturi turistiċi, li fi kwalunkwe każ jaqgħu taħt sistema speċjali fil-qasam tal-VAT (issa l-Artikolu 306 et seq tad-Direttiva dwar il-VAT). Diġà għal din ir-raġuni biss, din id-deċiżjoni ma hijiex direttament trasponibbli għal każijiet oħra.

    62.

    It-tieni nett, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża kienet tikkonċerna sussidjarja li, fil-kwalità ta’ intermedjarja tal-kumpanija omm, kienet tipprovdi servizzi lil terzi. Din ma hijiex is-sitwazzjoni fil-każ preżenti. LG Poland Production ma tbigħx il-moniters għan-nom ta’ LG Korea. Ma jistax jingħad li hija taġixxi bħala sempliċi organu awżiljarju.

    63.

    It-tielet nett, is-sentenza DFDS kienet tikkonċerna l-każ oppost tal-post tal-provvista ta’ servizzi mwettqa mill-kumpanija omm jew mis-sussidjarja u mhux ir-riċeviment tal-provvista minn terz. Din hija raġuni oħra għalfejn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja huma diffiċilment applikabbli. Il-kriterju tal-organu awżiljarju li jaġixxi għall-kumpanija omm ma japplikax f’dan il-każ. Id-domanda fis-sentenza DFDS kienet dwar min kien ipprovda s-servizzi ta’ vvjaġġar (u mhux min kien irċevihom) minn perspettiva ekonomika.

    64.

    Ir-raba’ nett, il-kawża DFDS kienet ikkaraterizzata – kif osservat ġustament il-Kummissjoni – miċ-ċirkustanzi partikolari tar-riskju ta’ abbuż fil-qasam tas-servizzi u wkoll mill-fatt li eżenzjoni mit-taxxa kienet tapplika jew le skont il-post tal-provvista tas-servizzi. Kif diġà ssemma hawn fuq, il-VAT hija madankollu dovuta finalment f’din il-kawża fuq il-kunsinna tal-oġġetti (moniters), fir-rigward ta’ liema s-servizz huwa biss pass preliminari. Għalhekk f’dan il-każ ma hemmx tali riskju ta’ abbuż.

    65.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tbiegħdet mis-sentenza DFDS u għamlitha ċara li sussidjarja 100 % tikkostitwixxi wkoll persuna ġuridika li hija taxxabbli b’mod awtonomu ( 25 ) Barra minn hekk, kif diġà indikajt fil-punt 43, huwa fl-interess taċ-ċertezza legali, f’dak li jirrigwarda l-persuna li hija responsabbli għall-ħlas tal-VAT, li entità b’personalità ġuridika proprja ma tkunx tista’ fl-istess waqt tkun l-istabbiliment fiss ta’ persuna oħra distinta.

    66.

    Konsegwentement, is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża DFDS ma tipprovdix elementi utli għal din il-kawża.

    4. Konklużjoni intermedja

    67.

    Għaldaqstant, sussidjarja ma tistax titqies bħala l-istabbiliment fiss tal-kumpannija omm (fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva dwar il-VAT). Soluzzjoni oħra tkun konċepibbli biss jekk l-istruttura kuntrattwali magħżula mir-riċevitur tas-servizz tkun tmur kontra l-projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwa l-każ. Abbażi tal-fatti sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx evidenza li ssostni tali ipoteżi f’dan il-każ.

    D.   Sussidjarjament: l-obbligi ta’ verifika tal-fornitur tas-servizz

    68.

    Madankollu, jekk wieħed jaċċetta l-ipoteżi tal-prattika abbużiva (min-naħa ta’ LG Korea, f’dan il-każ), tqum il-kwistjoni dwar liema huma l-elementi li għandhom jiġu eżaminati mill-fornitur (Dong Yang, f’dan il-każ), sabiex ikun jista’ jistabbilixxi jekk hemmx prattika abbużiva mill-parti l-oħra fil-kuntratt miegħu. Dan iwassal imbagħad għall-konsegwenza li kumpannija awtonoma jkollha titqies bħala l-istabbiliment fiss ta’ kumpannija awtonoma oħra.

    69.

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet f’dan ir-rigward. Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-fornitur għandu jeżamina n-natura u l-użu tas-servizzi pprovduti, biex jiddetermina l-istabbililiment fiss li lilu jkun ġie pprovdut is-servizz.

    70.

    Madankollu, l-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu jinqara fimkien mal-Artikolu 21 tal-istess regolament. L-Artikolu 21 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jirreferi għall-każ li fih persuna taxxabbli tkun residenti f’pajjiż u żżomm stabbiliment fiss f’pajjiż ieħor. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw, għaldaqstant, l-inċertezza dwar f’liema post magħruf tal-persuna taxxabbli (l-istabbiliment fiss jew il-post fejn hija stabbiliet in-negozju tagħha) ġie pprovdut is-servizz.

    71.

    F’dan il-każ, il-kwistjoni hija dwar jekk it-tieni persuna taxxabbli (li minn barra tidher li hija persuna ġuridikament awtonoma) tistax titqies bħala stabbiliment fiss tal-ewwel persuna taxxabbli. Konsegwentement ma huwiex ċar jekk fil-fatt hemmx stabbiliment fiss. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma jkoprix dan il-każ. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma jirreferix għar-relazzjonijiet taħt id-dritt tal-kumpaniji bejn kumpanniji riċevituri, iżda biss għar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur u r-riċevitur tas-servizz. B’dan il-mod, pereżempju, jissemmew il-kuntratt u l-formola tal-ordni, filwaqt li siltiet mir-reġistru tal-kummerċ, u dokumenti analogi oħra, min-naħa l-oħra, ma jissemmewx. F’dan ir-rigward, l-Artikoli 21 et seq. tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma humiex relevanti f’dan il-każ.

    72.

    Indipendentement minn dan, huwa madankollu possibbli li persuna taxxabbli – li sempliċement taġixxi bħala kollettriċi tat-taxxa għan-nom tal-Istat – kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha ( 26 ) – tiġi suġġetta għal ċerti rekwiżiti, proporzjonati, fil-qasam ta’ diliġenza ( 27 ). Pereżempju, meta jkun hemm indizji konkreti ta’ evażjoni fiskali jew ta’ irregolaritajiet, wieħed jista’ jistenna mill-persuna taxxabbli li din tiġbor ċerta informazzjoni addizzjonali dwar il-fornitur tagħha sabiex tiżgura ruħha dwar l-affidabbiltà tal-imsemmi fornitur ( 28 ). L-istess jgħodd – ara, b’mod partikolari, il-premessa 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nr 282/2011 – għad-determinazzjoni bi preċiżjoni tal-post tal-istabbiliment tar-riċevitur tas-servizz.

    73.

    Kif l-Avukat Ġenerali enfasizza ġustament f’dan il-kuntest, saħansitra meta jkun hemm indizji konkreti ta’ evażjoni fiskali jew ta’ irregolaritajiet, l-awtoritajiet fiskali ma jistgħux madankollu jobbligaw lill-persuna taxxabbli li tagħmel investigazzjonijiet kumplessi u estensivi u b’dan il-mod, de facto, jittrasferixxu lilha l-kompiti ta’ investigazzjoni li suppost jagħmlu huma ( 29 ).

    74.

    Minn dan neċessarjament jirriżulta li fi kwalunkwe każ ma jistax jintalab l-impossibbli, lanqas minn Dong Yang. L-eżami tar-relazzjonijiet kuntrattwali, li għalihom ma għandhiex aċċess, li jorbtuha mal-parti l-oħra fil-kuntratt magħha u s-sussidjarji ta’ din (li hija tista’ ma tkunx taf bihom) huwa madankollu suġġettivament impossibbli. Tali obbligu ta’ verifika jew ta’ investigazzjoni jkun imur lil hinn mil-livell ta’ diliġenza li jista’ raġonevolment jintalab minnha. Għaldaqstant il-partijiet kollha jassumu ġustament li Dong Yang ma kellhiex l-obbligu li tanalizza dawn il-kuntratti.

    75.

    Sakemm ma jkunx hemm indizji fis-sens kuntrarju, parti f’kuntratt tista’ assolutament tafda f’dikjarazzjoni bil-miktub tal-parti l-oħra li tiżguraha li hija ma għandha l-ebda stabbiliment fiss fit-territorju nazzjonali (f’dan il-każ fil-Polonja). Dan huwa iktar u iktar minnu peress li d-dritt Pollakk ( 30 ) jostakola l-attivitajiet tal-impriżi Koreani taħt il-forma ta’ stabbilimenti fissi, b’tali mod li ma hemmx raġuni valida sabiex wieħed jiddubita mid-dikjarazzjonijiet tal-parti l-oħra fil-kuntratt magħha.

    76.

    Il-fatt li sussidjarja tkun involuta fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ma jistax joħloq obbligu li titwettaq investigazzjoni iktar fid-dettall, mill-inqas f’dan il-każ, li huwa kkaratterizzat mit-tqassim tax-xogħol għall-finijet tal-produzzjoni ta’ oġġett li huwa proprjetà tal-parti l-oħra fil-kuntratt. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li sussidjarja awtonoma ma tikkostitwixxix fil-prinċipju stabbiliment fiss tal-kumpannija omm (kif esponejt fid-dettall fil-punti 37 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    77.

    Għaldaqstant, wieħed jista’ tabilħaqq jeżiġi mill-persuna taxxabbli livell xieraq ta’ diliġenza għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post eżatt tal-provvista tas-servizzi. Madankollu dan ma jinkludix ir-riċerka u l-verifika dwar ir-relazzjonijiet kuntrattwali, li għalihom hija ma għandhiex aċċess, li jorbtu lill-parti fil-kuntratt u lis-sussidjarja ta’ din.

    VI. Konklużjoni

    78.

    Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Wrocław, il-Polonja) kif ġej:

    1)

    Is-sussidjarja ta’ kumpannija (stabbilita f’pajjiż terz) ma hijiex fil-prinċipju l-istabbilment fiss ta’ din tal-aħħar fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112/KE u tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011.

    2)

    Konklużjoni differenti tkun konċepibbli biss jekk l-istruttura kuntrattwali magħżula mir-riċevitur tas-servizz tkun tmur kontra l-projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwa l-każ.

    3)

    Id-Direttiva 2006/112/KE teżiġi mill-persuna taxxabbli livell xieraq ta’ diliġenza għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post eżatt tal-provvista tas-servizzi. Madankollu dan ma jinkludix ir-riċerka u l-verifika dwar ir-relazzjonijiet kuntrattwali, li għalihom hija ma għandhiex aċċess, li jorbtu lill-parti fil-kuntratt u lis-sussidjarja ta’ din.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż

    ( 2 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS (C‑260/95, EU:C:1997:77, punt 26).

    ( 3 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Daimler (C‑318/11 u C‑319/11, EU:C:2012:666, punti 47 et seq.).

    ( 4 ) Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Welmory (C‑605/12, EU:C:2014:2298).

    ( 5 ) ĠU 2006 L 347, p. 1; rettifika fil-ĠU 2007 L 335, p. 60.

    ( 6 ) Fil-verżjoni tiegħu applikabbli f’dan il-każ, li tirriżulta mill-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi (ĠU 2008, L 44, p. 11).

    ( 7 ) ĠU 2011, L 77, p. 1.

    ( 8 ) ĠU 2011 L 127, p. 6.

    ( 9 ) Ara d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu7.11(1), tal-Artikolu 7.13 u tal-Anness 7-A-2 (ĠU 2011, L 127, p. 1201 u 1202) tal-Ftehim.

    ( 10 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS (C‑260/95, EU:C:1997:77).

    ( 11 ) Ara, b’mod espliċitu, Stadie H., UStG, it-tielet edizzjoni 2015, Artikolu 3a, punt 32 in fine.

    ( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2019, A-PACK CZ (C‑127/18, EU:C:2019:377, punt 22); tat-23 ta’ Novembru 2017, Di Maura (C‑246/16, EU:C:2017:887, punt 23); tal-21 ta’ Frar 2008, Netto Supermarkt (C‑271/06, EU:C:2008:105, punt 21), u tal-20 ta’ Ottubru 1993, Balocchi (C‑10/92, EU:C:1993:846, punt 25).

    Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Di Maura (C‑246/16, EU:C:2017:440, punt 21).

    ( 13 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Aviva (C‑605/15, EU:C:2017:150, punti 38 et seq.).

    ( 14 ) C‑605/12, EU:C:2014:340, punti 29, 30 u 36.

    ( 15 ) Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Welmory (C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 55).

    ( 16 ) Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għad-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (Riformulazzjoni), KUMM(2009)672 finali, tas-17 ta’ Diċembru 2009, p. 3.

    ( 17 ) Sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punti 67 et seq.).

    ( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 31), li tiċċita s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Audiolux et (C‑101/08, EU:C:2009:626, punt 50).

    ( 19 ) Ara, b’mod espliċitu, is-sentenzi tat-22 ta’ Frar 2018, T‑2 (C‑396/16, EU:C:2018:109, punt 43); tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C‑653/11, EU:C:2013:409, punt 42); tas-7 ta’ Ottubru 2010, Loyalty Management UK (C‑53/09 u C‑55/09, EU:C:2010:590, punt 39), u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Planzer Luxembourg (C‑73/06, EU:C:2007:397, punt 43).

    Ara wkoll, fl-istess direzzjoni, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Mydibel (C‑201/18, EU:C:2019:254, punti 38 et seq.), f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura unika ta’ provvista.

    ( 20 ) Dwar in-neċessità ta’ fattura li ssemmi separatament il-VAT għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ April 2018, Biosafe – Indústria de Reciclagens (C‑8/17, EU:C:2018:249, punti 42 u 43), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Biosafe - Indústria de Reciclagens (C‑8/17, EU:C:2017:927, punti 34 et seq.).

    ( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832); tas-16 ta’ Ottubru 2014, Welmory (C‑605/12, EU:C:2014:2298), u tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS (C‑260/95, EU:C:1997:77).

    ( 22 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS (C 260/95, EU:C:1997:77).

    ( 23 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS (C‑260/95, EU:C:1997:77, punt 26).

    ( 24 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, DFDS (C‑260/95, EU:C:1997:77, punt 29).

    ( 25 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Daimler (C‑318/11 u C‑319/11, EU:C:2012:666, punt 48).

    ( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2019, A-PACK CZ (C‑127/18, EU:C:2019:377, punt 22); tat-23 ta’ Novembru 2017, Di Maura (C‑246/16, EU:C:2017:887, punt 23); tal-21 ta’ Frar 2008, Netto Supermarkt (C‑271/06, EU:C:2008:105, punt 21), u tal-20 ta’ Ottubru 1993, Balocchi (C‑10/92, EU:C:1993:846, punt 25).

    Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Di Maura (C‑246/16, EU:C:2017:440, punt 21).

    ( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet ta’ frodi: sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2018, Božičevič Ježovnik (C‑528/17, EU:C:2018:868, punt 46 – sa ċertu punt); tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona (C‑273/11, EU:C:2012:547, punt 53 – sa ċertu punt), u tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében (C‑80/11 u C‑142/11, EU:C:2012:373, punt 59 – sa ċertu punt).

    ( 28 ) Sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2017, Litdana (C‑624/15, EU:C:2017:389, punt 39); tat-22 ta’ Ottubru 2015, PPUH Stehcemp (C‑277/14, EU:C:2015:719, punt 52), u tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében (C‑80/11 u C‑142/11, EU:C:2012:373, punt 60).

    ( 29 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Finanzamt Neuss u Butin (C‑374/16 u C‑375/16, EU:C:2017:515, punt 61). Fl-istes sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2013, LVK (C‑643/11, EU:C:2013:55, punt 62), u tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid (C‑80/11 u C‑142/11, EU:C:2012:373, punti 61 et seq).

    ( 30 ) L-Artikolu 13(3) tal-Ustawa o swobodzie działalności gospodarczej (il-Liġi dwar l-Eżerċizzju Liberu tal-Attività Ekonomika) tat-2 ta’ Lulju 2004.

    Top