Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0520

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fil-15 ta’ Jannar 2020.


    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:7

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

    ippreżentati fil‑15 ta’ Jannar 2020 ( 1 )

    Kawża C‑520/18

    Ordre des barreaux francophones et germanophone,

    Académie Fiscale ASBL,

    UA,

    Liga voor Mensenrechten ASBL,

    Ligue des Droits de l’Homme ASBL,

    VZ,

    WY,

    XX

    vs

    Conseil des ministres,

    bl-intervent ta’:

    Child Focus

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju))

    “Rinviju għal domanda preliminari — Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/58/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 1(3) — Artikolu 15(1) — Artikolu 4(2) TUE — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 4, 6, 7, 8, 11 u 52(1) — Obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni — Effettività tal-investigazzjonijiet kriminali u għanijiet oħrajn ta’ interess pubbliku”

    1.

    Fl-aħħar snin, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet linja ġurisprudenzjali kostanti dwar iż-żamma u l-aċċess għad-data personali, li l-punti ewlenin tagħha huma:

    Is-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et ( 2 ), li fiha ddikjarat l-invalidità tad-Direttiva 2006/24/KE ( 3 ), minħabba li kienet tippermetti l-indħil sproporzjonat fid-drittijiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    Is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et ( 4 ), li fiha interpretat l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE ( 5 ).

    Is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal ( 6 ), li fiha kkonfermat l-interpretazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni tad-Direttiva 2002/58.

    2.

    Dawn is-sentenzi (b’mod partikolari t-tieni waħda) jikkawżaw tħassib lill-awtoritajiet ta’ ċerti Stati Membri minħabba li, fil-fehma tagħhom, iwasslu sabiex jittiħdilhom strument li jqisu li huwa neċessarju għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u għall-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Għaldaqstant, uħud minn dawn l-Istati Membri huma favur ir-revoka jew l-ispjegazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza.

    3.

    Ċerti qrati tal-Istati Membri sostnew dan l-istess tħassib f’erba’ rinviji għal deċiżjoni preliminari ( 7 ), li fir-rigward tagħhom, f’din l-istess data, qiegħed nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi.

    4.

    Qabel kollox, l-erba’ kawżi jqajmu l-kwistjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 għal attivitajiet relatati mas-sigurtà nazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Jekk din id-direttiva tapplika f’dan il-kuntest, ikollu jiġi ċċarat, sussegwentement, sa fejn l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu d-drittijiet ta’ privatezza li l-istess direttiva tipproteġi. Fl-aħħar nett, għandu jiġi analizzat sa liema punt il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti (dik Ingliża ( 8 ), dik Belġjana ( 9 ) u dik Franċiża ( 10 )) f’dan ir-rigward huma konformi mad-dritt tal-Unjoni, kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    5.

    Ladarba rrikonoxxiet is-sentenza Digital Rights, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) annullat il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet ittrasponiet parzjalment fid-dritt intern id-Direttiva 2006/24, iddikjarata invalida f’dik is-sentenza. Għalhekk, il-leġiżlatur Belġjan adotta leġiżlazzjoni ġdida, li l-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni reġgħet tqiegħdet f’dubju minħabba s-sentenza Tele2 Sverige u Watson.

    6.

    Karatteristika ta’ dan ir-rinviju hija li dan iqajjem il-possibbiltà li jiġu jinżammu provviżorjament fis-seħħ l-effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li l-annullament tagħha mill-qrati nazzjonali jiġi impost minħabba l-inkompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    7.

    Nagħmel riferiment għat-taqsima korrispondenti tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18.

    B.   Id-dritt nazzjonali. Loi du 29 mai 2016 relative à la collecte et à la conservation des données dans le secteur des communications électroniques ( 11 )

    8.

    L-Artikolu 4 jipprovdi li l-Artikolu 126 tal-loi du 13 juin 2005 relative aux communications électroniques ( 12 ) huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Bla ħsara għal-loi du 8 décembre 1992 relative à la protection de la vie privée à l’égard des traitements de données à caractère personnel [il-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 1992 dwar il-Protezzjoni tal-Ħajja Privata fir-rigward tal-Ipproċessar tad-Data Personali], il-fornituri li jipprovdu lill-pubbliku servizzi ta’ telefonija, inkluż permezz tal-internet, ta’ aċċess għall-internet, ta’ posta elettronika bl-internet, kif ukoll l-operaturi li jipprovdu networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-operaturi li joffru kwalunkwe wieħed mis-servizzi preċedenti għandhom iżommu d-data indikata fil-paragrafu 3 li jiġġeneraw jew jipproċessaw fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet inkwistjoni.

    Dan l-artikolu ma jagħmilx riferiment għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet.

    […]

    2.   L-awtoritajiet indikati hawn taħt ser ikunu l-uniċi li, fuq talba tagħhom, jistgħu jiksbu, mingħand il-fornituri u l-operaturi indikati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, id-data li tinżamm skont dan l-artikolu, għall-finijiet u taħt il-kundizzjonijiet imniżżla hawn taħt:

    1.o

    l-awtoritajiet ġudizzjarji, għall-finijiet ta’ investigazzjoni, istruttorja u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, għat-twettiq tal-miżuri previsti fl-Artikoli 46a u 88a tal-Code d’instruction criminelle (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) u taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-artikoli msemmija;

    2.o

    is-servizzi ta’ intelliġenza u sigurtà, bil-għan li jwettqu l-missjonijiet ta’ intelliġenza billi jirrikorru għall-metodi ta’ ġbir ta’ data previsti fl-Artikoli 16/2, 18/7 u 18/8 tal-loi du 30 novembre 1998 organique des services de renseignement et de Sécurité [ ( 13 )] u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija liġi;

    3.o

    kwalunkwe uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja tal-Institut [belge des services postaux et des télécommunications (l-Istitut Belġjan tas-Servizzi Postali u t-Telekomunikazzjoni)], għall-finijiet ta’ investigazzjoni, istruttorja u prosekuzzjoni ta’ ksur [tar-regoli ta’ sigurtà tan-networks] u ta’ dan l-artikolu;

    4.o

    is-servizzi ta’ emerġenza li joffru assistenza in situ, meta, wara li jirċievu telefonata għall-assistenza, ma jiksbux id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna li għamlet it-telefonata mingħand il-fornitur jew l-operatur inkwistjoni […] jew jiksbu data mhux kompleta jew mhux korretta. Jistgħu jitolbu biss id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna li tkun għamlet it-telefonata u dan sa mhux iktar tard minn 24 siegħa wara li tkun saret;

    5.o

    kwalunkwe uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja tad-diviżjoni tal-persuni li jkunu sparixxew tal-Pulizija Federali, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu ta’ assistenza għall-persuni fil-perikolu, ta’ tiftix ta’ persuni li l-fatt li sparixxew jirriżulta suspettuż, u meta jkun possibbli jiġi preżunt jew ikun hemm indizji serji li l-integrità fiżika tal-persuna li tkun sparixxiet tinsab f’perikolu imminenti. Huma biss l-operatur jew il-fornitur inkwistjoni li jistgħu jintalbu, mis-servizz ta’ pulizija magħżul mir-Re, id-data indikata fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 3, dwar il-persuna li tkun sparixxiet, liema data tkun miżmuma matul it-48 siegħa qabel it-talba ta’ kisba tad-data;

    6.o

    is-servizz ta’ medjazzjoni għat-telekomunikazzjonijiet, sabiex tiġi identifikata l-persuna li tkun użat network jew servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’mod mhux xieraq […]. Tista’ tintalab biss id-data ta’ identifikazzjoni.

    Il-fornituri u l-operaturi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jkollhom dak li huwa neċessarju sabiex id-data li għaliha jsir riferiment fil-paragrafu 3 tkun aċċessibbli mingħajr limitu mill-Belġju, u sabiex din id-data u kwalunkwe informazzjoni oħra neċessarja marbuta magħhom tkun tista’ tiġi trażmessa mingħajr dewmien esklużivament lill-awtoritajiet indikati f’dan il-paragrafu.

    Bla ħsara għal dak previst f’dispożizzjonijiet legali oħrajn, il-fornituri u l-operaturi li għalihom isir riferiment fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma jistgħux jużaw id-data li jżommu konformement mal-paragrafu 3 għal finijiet oħrajn.

    3.   Id-data li tippermetti l-identifikazzjoni tal-utent jew tal-abbonat u l-mezzi ta’ komunikazzjoni, bl-eċċezzjoni tad-data speċifikament prevista fit-tieni u t-tielet subparagrafu, għandha tinżamm għal tnax‑il xahar mid-data li fiha setgħet issir komunikazzjoni għall-aħħar darba permezz tas-servizz użat.

    Id-data dwar l-aċċess u l-konnessjoni tat-terminals man-network u mas-servizz, u tal-pożizzjoni ta’ dan it-tagħmir, inkluż il-punt tat-terminazzjoni tan-network, tinżamm għal tnax‑il xahar mid-data tal-komunikazzjoni.

    Id-data dwar komunikazzjonijiet, bl-esklużjoni tal-kontenut tagħha, inkluż dik dwar l-oriġini u d-destinazzjoni tagħha, tinżamm għal tnax‑il xahar mid-data tal-komunikazzjoni.

    Permezz ta’ digriet adottat mill-Kunsill tal-Ministri, fuq proposta tal-Ministru tal-Ġustizzja u l-Ministru, u wara opinjoni tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata u tal-Istitut, ir-Re għandu jistabbilixxi d-data li għandha tinżamm għal kull waħda mill-kategoriji indikati fl-ewwel u t-tielet subparagrafu, u r-rekwiżiti li din id-data għandha tissodisfa.

    4.   Għaż-żamma tad-data msemmija fil-paragrafu 3, il-fornituri u l-operaturi indikati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom:

    1.o

    jiżguraw li d-data miżmuma tkun tal-istess kwalità u tkun suġġetta għall-istess regoli ta’ sigurtà u protezzjoni bħad-data fuq in-network;

    2.o

    jiżguraw li d-data miżmuma tkun suġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex tiġi protetta kontra l-qerda aċċidentali jew illegali, it-telf jew il-modifika aċċidentali, kif ukoll il-ħażna, l-ipproċessar, l-aċċess jew l-iżvelar mhux awtorizzat jew illegali;

    3.o

    jiżguraw li esklużivament membru wieħed jew diversi membri tal-unità ta’ koordinament li għaliha jsir riferiment fl-Artikolu 126/1(1) jista’ jkollhom aċċess għad-data miżmuma sabiex jissodisfaw it-talbiet tal-awtoritajiet li jsir riferiment għalihom fil-paragrafu 2;

    4.o

    iżommu d-data fit-territorju tal-Unjoni Ewropea;

    5.o

    jadottaw miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika li bis-saħħa tagħhom, mill-mument tar-reġistrazzjoni tagħha, id-data miżmuma tkun illeġibbli u mingħajr użu għal kwalunkwe persuna li ma tkunx awtorizzata li taċċedi għaliha;

    6.o

    jeliminaw id-data miżmuma minn fuq kwalunkwe mezz ta’ sostenn meta jkun skada l-perijodu ta’ żamma applikabbli għal din id-data, previst fil-paragrafu 3, bla ħsara għal dak previst fl-Artikoli 122 u 123;

    7.o

    jiżguraw it-traċċabbiltà tal-użu tad-data miżmuma fir-rigward ta’ kull talba għal kisba li jirċievu mingħand waħda mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 2.

    It-traċċabbiltà li għaliha jsir riferiment fil-punt 7 għandha titwettaq permezz ta’ reġistru. L-Istitut u l-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata jistgħu jikkonsultaw dan ir-reġistru jew jitolbu kopja tiegħu kollu jew ta’ parti minnu. L-Istitut u l-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata għandhom jiffirmaw protokoll ta’ kollaborazzjoni relatat mat-teħid ta’ konjizzjoni u mal-kontroll tal-kontenut tar-reġistru.

    5.   Kull sena, il-Ministru u l-Ministru għall-Ġustizzja għandhom jittrażmettu lill-Kamra tar-Rappreżentanti statistika dwar iż-żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi jew networks ta’ komunikazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku.

    Din l-istatistika għandha tinkludi, b’mod partikolari:

    1o

    il-każijiet fejn ġiet trażmessa data lill-awtoritajiet kompetenti, konformement mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli;

    2o

    il-perijodu ta’ żmien li jkun għadda bejn id-data li minnha bdiet tinżamm id-data, u d-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti talbu t-trażmissjoni tagħha;

    3o

    il-każijiet fejn it-talbiet għal data ma setgħux jiġu ssodisfatti.

    Din l-istatistika ma tistax tinkludi data personali.

    […]”

    9.

    L-Artikolu 5 jiddikjara l-introduzzjoni tal-Artikolu 126/1 fil-Liġi tal‑2005, ifformulat kif ġej:

    “1.   Fi ħdan kull operatur u kull fornitur imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 126(1), għandha tiġi kkostitwita unità ta’ koordinament responsabbli għall-provvista lill-awtoritajiet Belġjani awtorizzati legalment, fuq talba tagħhom, tad-data miżmuma skont l-Artikoli 122, 123 u 126, tad-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna li tagħmel it-telefonata skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 107(2), jew tad-data li tista’ tkun meħtieġa konformement mal-Artikoli 46a, 88a u 90b tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u l-Artikoli 18/7, 18/8, 18/16 u 18/17 tal-[Liġi tal‑1998].

    […]

    2.   L-operaturi u l-fornituri li għalihom isir riferiment fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 126(1) għandhom jistabbilixxu proċedura interna li tippermettilhom jissodisfaw it-talbiet tal-awtoritajiet sabiex jaċċedu għad-data personali tal-utenti. Fuq talba, għandhom jagħmlu disponibbli għall-Istitut informazzjoni dwar dawn il-proċeduri, dwar in-numru ta’ talbiet irċevuti, dwar il-bażi legali invokata u dwar ir-risposta mogħtija.

    […]

    3.   L-operaturi u l-fornituri li għalihom isir riferiment fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 126(1) għandhom jaħtru persuna jew diversi persuni responsabbli mill-protezzjoni tad-data personali li għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kumulattivi relatati mat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1.

    […]

    Fil-kuntest tat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, il-persuna responsabbli mill-protezzjoni ta’ data personali għandha taġixxi b’indipendenza totali u għandu jkollha aċċess għad-data personali kollha trażmessa lill-awtoritajiet u lill-postijiet rilevanti tal-fornitur jew tal-operatur.

    […]

    4.   Permezz ta’ digriet adottat mill-Kunsill tal-Ministri, wara opinjoni tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata u tal-Istitut, ir-Re għandu jistabbilixxi:

    […]

    2.o

    ir-rekwiżiti li għandha tissodisfa l-unità ta’ koordinament, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tal-operaturi u tal-fornituri li jirċievu għadd żgħir ta’ talbiet mingħand l-awtoritajiet ġudizzjarji, li ma għandhomx stabbiliment fil-Belġju jew li joperaw prinċipalment barra mill-pajjiż;

    3.o

    l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Istitut u lill-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Ħajja Privata konformement mal-paragrafi 1 u 3, u l-awtoritajiet li għandu jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni;

    4.o

    ir-regoli l-oħrajn li jirregolaw il-kollaborazzjoni tal-operaturi u tal-fornituri, li għalihom isir riferiment fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 126(1), mal-awtoritajiet Belġjani jew ma’ wħud minnhom, għall-provvista tad-data indikata fil-paragrafu 1, inkluż, fejn neċessarju u fir-rigward ta’ kull awtorità kkonċernata, il-forma u l-kontenut tat-talba.

    […]”

    10.

    L-Artikolu 8 jiddikjara li l-Artikolu 46a(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Meta jiġu investigati reati kriminali, permezz ta’ deċiżjoni motivata u bil-miktub, jekk ikun neċessarju billi tintalab l-assistenza tal-operatur ta’ network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ta’ fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ servizz tal-pulizija maħtur mir-Re, il-prosekutur jista’, fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha li għandu jew billi jaċċedi għall-fajls tal-klijenti tal-operaturi jew tal-fornituri ta’ servizz, iwettaq jew jordna sabiex jiġu mwettqa:

    1o

    l-identifikazzjoni tal-abbonat jew tal-utent regolari ta’ wieħed mis-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew tal-mezz ta’ komunikazzjoni elettronika użat;

    2o

    l-identifikazzjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li tħallas ċerta persuna jew li hija tuża regolarment.

    Għandu jiġi pprovat li l-miżura adottata hija proporzjonata, fid-dawl tar-rispett tal-ħajja privata, u sussidjarja għal kwalunkwe obbligu ieħor ta’ investigazzjoni.

    F’każ ta’ urġenza estrema, kwalunkwe uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja, bil-kunsens verbali u minn qabel tal-prosekutur, u permezz ta’ deċiżjoni motivata u bil-miktub, jista’ jitlob li tiġi pprovduta din id-data. L-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja għandu jibgħat din id-deċiżjoni motivata bil-miktub, kif ukoll l-informazzjoni li jiġbor, lill-prosekutur fl-24 siegħa sussegwenti, u jimmotiva l-urġenza estrema.

    Fir-rigward tar-reati kriminali li ma jagħtux lok għal piena ta’ priġunerija prinċipali ta’ sena jew piena iktar severa, huma eslużivament il-prosekutur jew, f’każ ta’ urġenza estrema, l-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja, li jistgħu jitolbu d-data indikata fil-paragrafu 1 korrispondenti għas-sitt xhur preċedenti għad-deċiżjoni tagħhom.

    2.   L-operatur tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li minnhom tkun meħtieġa d-data indikata fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu lill-prosekutur jew lill-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja d-data mitluba fit-terminu li jistabbilixxi r-Re […].

    […]

    Kull min, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, jieħu konjizzjoni tal-miżura jew jassisti fiha, għandu jkun marbut bis-sigriet. Kwalunkwe ksur ta’ dan is-sigriet għandu jiġi kkastigat konformement ma’ dak previst fl-Artikolu 458 tal-Kodiċi Kriminali.

    Ir-rifjut ta’ għoti tad-data għandu jiġi kkastigat b’multa minn EUR 26 sa EUR 10000.”

    11.

    L-Artikolu 9 jifformula l-Artikolu 88a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali kif ġej:

    “1.   Jekk ikun hemm indizji serji li r-reati kriminali jistgħu jagħtu lok għal piena ta’ priġunerija prinċipali ta’ sena jew piena iktar severa, u meta l-imħallef responsabbli għall-investigazzjonijiet preliminari iqis li hemm ċirkustanzi li jirrikjedu li jiġu ttraċċati komunikazzjonijiet elettroniċi, jew li tiġi llokalizzata l-oriġini jew id-destinazzjoni ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex tiġi ċċarata l-verità, jista’ jiġi deċiż, billi tintalab, jekk tkun meħtieġa, direttament jew permezz ta’ servizz tal-pulizija magħżul mir-Re, l-għajnuna teknika tal-operatur ta’ network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew tal-fornitur tas-servizz ta’ komunikazzjoni elettronika:

    1.o

    li d-data ta’ traffiku tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika tiġi ttraċċata mill-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika li minnhom jew lejhom huma indirizzati jew ġew indirizzati l-komunikazzjonijiet elettroniċi;

    2.o

    li tiġi llokalizzata l-oriġini jew id-destinazzjoni ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

    Fil-każijiet previsti fl-ewwel subparagrafu, f’rapport għandhom jiġu indikati u elenkati l-jum, il-ħin, it-tul u, jekk ikun meħtieġ, il-post tal-komunikazzjoni elettronika li l-oriġini jew id-destinazzjoni tagħha tiġi llokalizzata, jew fir-rigward ta’ kull mezz ta’ komunikazzjoni elettronika li tkun inġabret l-informazzjoni tat-telefonata tagħha.

    F’digriet motivat, l-imħallef responsabbli għall-investigazzjonijiet preliminari għandu jesponi ċ-ċirkustanzi ta’ fatt tal-proċedura li jiġġustifikaw il-miżura, in-natura proporzjonata tagħha fid-dawl tar-rispett tal-ħajja privata, u n-natura sussidjarja tagħha għal kwalunkwe obbligu ta’ investigazzjoni ieħor.

    Jispeċifika wkoll il-perijodu li matulu l-miżura korrispondenti tista’ tapplika għall-futur, li ma jistax jeċċedi xahrejn li jibdew jiddekorru mid-data tad-digriet, bla ħsara għat-tiġdid tiegħu u, jekk ikun meħtieġ, il-perijodu li għadda li jkopri l-miżura konformement mal-paragrafu 2.

    […]

    2.   Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżura indikata fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għad-data ta’ traffiku jew ta’ lokalizzazzjoni miżmuma konformement mal-Artikolu 126 tal-Liġi ta’ […] tal‑2005 […], japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    fir-rigward tar-reati kriminali miġbura fit-Titolu Ib fil-Ktieb II tal-Kodiċi Kriminali, l-imħallef responsabbli għall-investigazzjonijiet preliminari jista’ jitlob, fid-digriet tiegħu, id-data li tikkorrispondi għall-perijodu ta’ tnax‑il xahar qabel id-data tad-digriet;

    fir-rigward ta’ reati kriminali oħrajn, imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 90b, mhux inklużi fl-ewwel inċiż, dawk imwettqa fil-kuntest ta’ organizzazzjoni kriminali li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 324a tal-Kodiċi Kriminali, jew dawk li jagħtu lok għal pieni ta’ priġunerija prinċipali ta’ ħames snin jew pieni iktar severi, l-imħallef responsabbli għall-investigazzjonijiet preliminari jista’ jitlob, fid-digriet tiegħu, id-data li tikkorrispondi għall-perijodu ta’ disa’ xhur qabel id-data tad-digriet;

    fir-rigward tal-kumplament tar-reati kriminali, l-imħallef responsabbli għall-investigazzjonijiet preliminari jista’ jitlob, fid-digriet tiegħu, id-data li tikkorrispondi għall-perijodu ta’ sitt xhur qabel id-data tad-digriet.

    3.   Din il-miżura tista’ tirrigwarda l-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika ta’ avukat jew ta’ tabib biss meta jiġi ssuspettat li wettaq jew ipparteċipa fit-twettiq ta’ wieħed mir-reati kriminali msemmija fil-paragrafu 1, jew jekk ikun hemm fatti konkreti li jwasslu sabiex jiġi preżunt li partijiet terzi ssuspettati li wettqu dawn ir-reati kriminali użaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika tagħhom.

    Din il-miżura ma tistax tiġi adottata mingħajr ma tiġi kkomunikata lid-dekan tal-Kamra tal-Avukati jew, jekk ikun meħtieġ, lir-rappreżentant tal-Ordni tat-Tobba tal-provinċja. L-imħallef responsabbli għall-investigazzjonijiet preliminari għandu jinforma lil dawn il-persuni dwar l-elementi li jqis li huma koperti bis-sigriet professjonali. Dawn l-elementi ma jiġux imniżżla fir-rapport.

    4.   […]

    Kull min, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, jieħu konjizzjoni tal-miżura jew jassisti fiha, għandu jkun marbut bis-sigriet. Kwalunkwe ksur ta’ dan is-sigriet jiġi kkastigat konformement ma’ dak previst fl-Artikolu 458 tal-Kodiċi Kriminali.

    […]”

    12.

    Konformement mal-Artikolu 12, l-Artikolu 13 tal-Liġi tal‑1998 huwa fformulat kif ġej:

    “Is-servizzi tal-intelliġenza u sigurtà jistgħu jillokalizzaw, jiġbru, jirċievu u jipproċessaw informazzjoni u data personali li jistgħu jkunu utli għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, u jżommu aġġornata d-dokumentazzjoni dwar l-avvenimenti, il-gruppi u l-persuni li huma ta’ interess għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

    L-informazzjoni li tinsab f’din id-dokumentazzjoni għandu jkollha xi tip ta’ rabta mal-għan tal-arkivju u tkun limitata għar-rekwiżiti li jirriżultaw minnu.

    Is-servizzi tal-intelliġenza u sigurtà jiżguraw is-sigurtà tad-data li tirrigwarda s-sorsi tagħhom, u tal-informazzjoni u d-data personali pprovduti minn dawn is-sorsi.

    L-uffiċjali tas-servizzi tal-intelliġenza u sigurtà jistgħu jaċċedu għall-informazzjoni, ir-rapporti u d-data personali miġbura u pproċessata mis-servizz tagħhom ladarba jitqiesu li huma utli għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom jew it-twettiq tal-kompitu tagħhom.”

    13.

    L-Artikolu 14 jifformula mill-ġdid l-Artikolu 18/3 li issa jipprovdi:

    “1.   Jistgħu jiġu applikati l-metodi speċifiċi ta’ ġbir ta’ data previsti fl-Artikolu 18/2(1) kontra t-theddida potenzjali li għaliha jsir riferiment fl-Artikolu 18/1, jekk il-metodi ordinarji ta’ ġbir ta’ data jitqiesu insuffiċjenti sabiex tkun tista’ tinġabar l-informazzjoni neċessarja għat-twettiq ta’ missjoni ta’ ġbir ta’ intelliġenza. Il-metodu speċifiku għandu jiġi magħżul skont il-gravità tat-theddida potenzjali li kontriha jiġi implimentat.

    Il-metodu speċifiku jista’ jiġi implimentat biss sakemm id-direttur tas-servizz ikun adotta deċiżjoni motivata bil-miktub u din tkun ġiet ikkomunikata lill-kummissjoni.

    2.   Fid-deċiżjoni tiegħu id-direttur tas-servizz għandu jindika:

    1.o

    in-natura tal-metodu speċifiku;

    2.o

    jekk ikun meħtieġ, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-assoċjazzjonijiet jew il-gruppi, l-għanijiet, il-postijiet u l-avvenimenti, jew l-informazzjoni li jiġu suġġetti għal metodu speċifiku;

    3.o

    it-theddida potenzjali li tiġġustifika l-użu tal-metodu speċifiku;

    4.o

    iċ-ċirkustanzi fattwali li jiġġustifikaw l-użu ta’ dan il-metodu u l-motivazzjoni tan-natura sussidjarja u proporzjonata tiegħu, inkluża r-rabta bejn il-punti 2.o u 3.o;

    5.o

    il-perijodu li matulu jista’ jiġi applikat il-metodu speċifiku li jibda jiddekorri mid-deċiżjoni tal-kummissjoni;

    […]

    9.o

    jekk ikun meħtieġ, l-indizji serji li juru li l-avukat, it-tabib jew il-ġurnalist jipparteċipa jew ipparteċipa, fuq bażi personali, b’mod attiv fil-ħolqien jew fl-iżvilupp tat-theddida potenzjali;

    10.o

    meta jirriżulta applikabbli l-Artikolu 18/8, ir-raġunijiet għat-tul tal-perijodu li għalih isir riferiment fil-ġbir tad-data;

    […]

    8.   Id-direttur tas-servizz għandu jtemm il-metodu speċifiku meta t-theddida potenzjali li tiġġustifikah tkun ġiet eliminata, meta dan il-metodu ma jibqax utli għall-għan li għalih ġie applikat, jew meta jiġi vverifikat li twettqet illegalità. Għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-kummissjoni malajr kemm jista’ jkun.”

    14.

    L-Artikolu 18/8 tal-Liġi tal‑1988 huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-missjoni tagħhom u, meta jkun meħtieġ, billi jitolbu l-kollaborazzjoni teknika tal-operatur ta’ network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew ta’ fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, is-servizzi tal-intelliġenza u s-sigurtà jistgħu jipprovdu:

    1.o

    li d-data ta’ traffiku tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika tiġi ttraċċata minn jew lejn dawk il-mezzi li lejhom il-komunikazzjonijiet elettroniċi huma indirizzati jew ġew indirizzati;

    2.o

    li tiġi llokalizzata l-oriġini jew id-destinazzjoni ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

    […]

    2.   Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-metodu indikat fil-paragrafu 1 tad-data miżmuma konformement mal-Artikolu 126 tal-Liġi ta’ […] tal‑2005 […], għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    1.o

    fir-rigward ta’ theddida potenzjali marbuta ma’ attività li hija relatata ma’ organizzazzjonijiet kriminali jew organizzazzjonijiet reliġjużi distruttivi, id-direttur tas-servizz, fid-deċiżjoni tiegħu, jista’ esklużivament jitlob data li tikkorrispondi għall-perijodu ta’ sitt xhur qabel id-deċiżjoni tiegħu;

    2.o

    fir-rigward ta’ theddida potenzjali differenti minn dawk previsti fil-punti 1.o u 3.o, id-direttur tas-servizz, fid-deċiżjoni tiegħu, jista’ jitlob data li tikkorrispondi għall-perijodu ta’ disa’ xhur qabel id-deċiżjoni tiegħu;

    3.o

    fir-rigward ta’ theddida potenzjali marbuta ma’ attività li hija relatata mat-terroriżmu jew mal-estremiżmu, id-direttur tas-servizz, fid-deċiżjoni tiegħu, jista’ esklużivament jitlob data li tikkorrispondi għall-perijodu ta’ tnax‑il xahar qabel id-deċiżjoni tiegħu. […]”.

    II. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15.

    Fis-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Ġunju 2015 ( 14 ), il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) annullat il-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 126 tal-Liġi tal‑2005, għall-istess raġunijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara invalida d-Direttiva 2006/24 fis-sentenza Digital Rights.

    16.

    Il-leġiżlatur nazzjonali, fid-dawl ta’ dan l-annullament, approva (qabel ma ngħatat is-sentenza Tele2 Sverige u Watson) il-Liġi tad‑29 ta’ Mejju 2016.

    17.

    VZ et, l-Ordre des barreaux francophones et germanophone (iktar ’il quddiem l-“Ordre des barreaux”), il-Liga voor Mensenrechten ASBL (iktar ’il quddiem “LMR”), il-Ligue des Droits de l’Homme ASBL (iktar ’il quddiem “LDH”) u l-Académie Fiscale ASBL (iktar ’il quddiem l-“Académie Fiscale”) ippreżentaw, quddiem il-qorti tar-rinviju, diversi rikorsi għal nuqqas ta’ kostituzzjonalità tal-imsemmija liġi, billi allegaw, fil-qosor, li din tmur lil hinn minn dak strettament neċessarju u ma kinitx tistabbilixxi garanziji suffiċjenti ta’ protezzjoni.

    18.

    F’dan il-kuntest, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, meta moqri flimkien mad-dritt għas-sigurtà, iggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-‘Karta’], u mad-dritt għall-osservanza tad-data personali, kif iggarantit mill-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta […], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tipprevedi obbligu ġenerali għall-operaturi u għall-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jżommu d-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2002/58/KE, iġġenerata jew ipproċessata minnhom fil-kuntest tal-provvista ta’ dawn is-servizzi, liema leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex biss l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji bħala għan, iżda wkoll il-garanzija tas-sigurtà nazzjonali, tad-difiża tat-territorju u tas-sigurtà pubblika, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati oħra minbarra dawk kriminali serji jew il-prevenzjoni ta’ użu pprojbit ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni elettronika, jew it-twettiq ta’ għan ieħor imsemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2)] u li, barra minn hekk, huwa suġġett għal garanziji ppreċiżati f’din il-leġiżlazzjoni mil-lat taż-żamma tad-data u tal-aċċess għaliha?

    2)

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, flimkien mal-Artikoli 4, 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta […], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tipprevedi obbligu ġenerali għall-operaturi u għall-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jżommu d-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2002/58/KE, iġġenerata jew ipproċessata minnhom fil-kuntest tal-provvista ta’ dawn is-servizzi, jekk din il-leġiżlazzjoni għandha, b’mod partikolari, l-għan li twettaq l-obbligi pożittivi li jaqgħu fuq l-awtorità skont l-Artikoli 4 u 8 tal-Karta, li jikkonsistu milli din tipprevedi qafas legali li jippermetti investigazzjoni kriminali effettiva u repressjoni effettiva tal-abbuż sesswali tal-minuri u li effettivament jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna responsabbli għar-reat, anki meta jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika?

    3)

    Jekk, abbażi tar-risposti mogħtija għall-ewwel jew għat-tieni domanda preliminari, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tikkonkludi li l-liġi attakkata [ikkontestata] ma jirnexxilhiex twettaq xi obbligu jew diversi obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’dawn id-domandi, tista’ din temporanjament iżżomm l-effetti tal-liġi [inkwistjoni] sabiex tiġi evitata l-inċertezza ġuridika u sabiex ikun permess li d-data miġbura u miżmuma preċedentement tkun tista’ terġa’ tiġi użata għall-għanijiet imsemmija fil-liġi?”

    III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    19.

    Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie rreġistrat fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Awwissu 2018.

    20.

    VZ et, Académie Fiscale, LMR, LDH, Ordre des barreaux, Fondation pour Enfants Disparus et Sexuellement Exploités (Child Focus), il-Gvern Belġjan, Brittaniku, Ċek, Ċiprijott, Daniż,, Estonjan, Franċiż, Ġermaniż, Irlandiż, Olandiż, Pollakk, Spanjol, Svediż u Ungeriż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    21.

    Fid‑9 ta’ Settembru 2019 saret seduta pubblika, flimkien ma’ dawk tal-Kawżi C‑511/18, C‑512/18, C‑623/17, fejn kienu preżenti l-partijiet tal-erba’ rinviji għal deċiżjoni preliminari, il-gvernijiet imsemmija iktar ’il fuq u dak tan-Norveġja, kif ukoll il-Kummissjoni u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

    IV. Analiżi

    22.

    L-ewwel domanda ta’ dan ir-rinviju tikkoinċidi, essenzjalment, ma’ dawk magħmula fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/28. Madankollu, hija differenti minn dawn tal-aħħar fir-rigward tal-għanijiet li għandha l-leġiżlazzjoni nazzjonali: dawn ma humiex esklużivament il-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra l-iktar forom gravi ta’ kriminalità, jew is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, iżda anki “[d-]difiża tat-territorju, is-sigurtà pubblika, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali mhux serji” u, b’mod ġenerali, kwalunkwe wieħed minn dawk previsti fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 2016/679.

    23.

    It-tieni domanda hija marbuta mal-ewwel waħda, iżda din iżżid magħha fis-sens li tistaqsi jekk l-obbligi pożittivi li jaqgħu fuq l-awtorità pubblika fir-rigward tal-investigazzjoni u s-sanzjoni tal-abbużi sesswali fuq minuri jiġġustifikawx il-miżuri inkwistjoni.

    24.

    It-tielet domanda tiġi fformulata fl-ipoteżi fejn il-liġi nazzjonali tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk, f’din l-ipoteżi, tistax iżżomm provviżorjament fis-seħħ l-effetti tal-Liġi tad‑29 ta’ Mejju 2016.

    25.

    Ser nindirizza dawn id-domandi billi nanalizza, fl-ewwel lok, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2002/58, għalhekk ser nagħmel riferiment għall-konklużjonijiet tiegħi f’r-rinviji oħra għal deċiżjoni preliminari. Fit-tieni lok, ser nidentifika l-orjentazzjonijiet prinċipali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward u l-possibbiltajiet ta’ żvilupp tagħhom. Fl-aħħar lok, ser nittratta s-soluzzjoni għal kull waħda minn dawn id-domandi preliminari.

    A.   L-applikabbiltà tad-Direttiva 2002/58

    26.

    Bħalma huwa l-każ fit-tliet rinviji għal deċiżjoni preliminari l-oħrajn, anki f’dan titqiegħed f’dubju l-applikabbiltà tad-Direttiva 2002/58. Minħabba l-fatt li l-approċċi difiżi mill-Istati Membri f’dan ir-rigward huma identiċi, nagħmel riferiment f’dan ir-rigward għall-konklużjonijiet fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18 ( 15 ).

    B.   Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iż-żamma u l-aċċess, tal-awtoritajiet pubbliċi, għad-data personali, fil-kuntest tad-Direttiva 2002/58

    1. Il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data relatata

    27.

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58 “jippartikularizzaw u jikkomplementaw” id-Direttiva 95/46/KE ( 16 ), bil-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali, fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ( 17 ).

    28.

    L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku, kif ukoll il-kunfidenzjalità tad-data ta’ traffiku korrispondenti.

    29.

    Il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet timplika, inter alia (it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58), il-projbizzjoni li kwalunkwe persuna li ma hijiex waħda mill-utenti taħżen, mingħajr il-kunsens tagħhom, data ta’ traffiku relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Huma suġġetti għal eċċezzjonijiet “il-persuni legalment awtorizzati […] u l-ħażna teknika meħtieġa sabiex titwassal komunikazzjoni” ( 18 ).

    30.

    L-Artikoli 5, 6 u 9(1) tad-Direttiva 2002/58 għandhom l-għan li jżommu l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data relatata, u li jnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ abbuż. L-għan tagħha għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-premessa 30 ta’ din id-direttiva, li skontha “[s]istemi għall-provvista ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom ikunu diżinjati li jillimitaw l-ammont ta’ data personali meħtieġa għall-minimu strettament possibbli” ( 19 ).

    31.

    Fir-rigward ta’ din id-data, tista’ ssir distinzjoni bejn:

    id-data ta’ traffiku, li l-ipproċessar u l-ħażna tagħha huma awtorizzati biss sa fejn u matul iż-żmien indispensabbli għall-fatturazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi u l-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud (Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58). Ladarba jgħaddi dan il-perijodu, id-data pproċessata u maħżuna għandha titħassar jew tiġi anonimizzata ( 20 ).

    b’differenza mid-data ta’ traffiku, hija d-data ta’ lokalizzazzjoni li tista’ tiġi pproċessata biss taħt ċerti kundizzjonijiet u wara li tkun anonimizzata jew wara li jkun inkiseb il-kunsens tal-utenti jew tal-abbonati (Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2002/58) ( 21 ).

    2. Il-klawżola ta’ restrizzjoni prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58

    32.

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jawtorizza lill-Istati Membri “jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9” ta’ din id-direttiva.

    33.

    Kwalunkwe restrizzjoni għandha tikkostitwixxi “miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]”.

    34.

    Din il-lista enumerata ta’ għanijiet hija ta’ natura eżawrjenti ( 22 ): pereżempju (“inter alia”), jiġu awtorizzati “[il-]miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għar-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu”.

    35.

    Fi kwalunkwe każ, “[il-]miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”. Konsegwentement, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta ( 23 ).

    36.

    Minn dawn id-drittijiet irrikonoxxuti fil-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment, f’dan ir-rigward, għad-dritt għall-ħajja privata (Artikolu 7), għad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8) u għad-dritt għal-libertà tal-espressjoni (Artikolu 11) ( 24 ).

    37.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, bħala gwida għall-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li r-restrizzjonijiet għall-obbligu ta’ garanzija tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data ta’ traffiku relatata magħhom għandhom jiġu interpretati strettament.

    38.

    B’mod partikolari, hija ċaħdet “li d-deroga minn dan l-obbligu fuq livell ta’ prinċipju u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni li tinħażen din id-data, prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, issir ir-regola, għaliex kieku kien hekk din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiġi fil-parti l-kbira tagħha mċaħħda mill-portata tagħha” ( 25 ).

    39.

    Jidhirli li din l-osservazzjoni doppja hija deċiżiva sabiex wieħed jifhem għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala inkompatibbli mad-Direttiva 2002/58 iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    40.

    Permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement applikat “strettament” ( 26 ) il-kriterju ta’ proporzjonalità li diġà kienet applikat qabel ( 27 ): “[il-]protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fil-livell tal-Unjoni teżiġi li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet għal din il-protezzjoni għandhom jitwettqu fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju” ( 28 ).

    3. Il-proporzjonalità fiż-żamma tad-data

    a) In-natura sproporzjonata ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni

    41.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, b’mod partikolari kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, hija ta’ importanza ewlenija sabiex tiġi żgurata s-sigurtà pubblika, u li l-effettività tagħha tista’ tiddependi kunsiderevolment mill-użu tat-tekniki moderni ta’ investigazzjoni. Hija żiedet li, “[m]adankollu, tali għan ta’ interess ġenerali, fundamentali kemm huwa fundamentali, ma jistax, waħdu, jiġġustifika l-fatt li miżura ta’ żamma bħalma hija dik stabbilita bid-Direttiva 2006/24 titqies li hija neċessarja għall-finijiet tal-imsemmija ġlieda” ( 29 ).

    42.

    Sabiex tiddetermina jekk miżura bħal din kinitx limitata għal dak strettament indispensabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, qabel kollox, il-gravità partikolari tal-indħil tagħha fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 30 ). Gravità partikolari kienet tirriżulta, ġustament, mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tipprevedi “żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha fir-rigward tal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika, u li l-istess leġiżlazzjoni tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu din id-data b’mod sistematiku u kontinwu, u dan mingħajr ebda eċċezzjoni” ( 31 ).

    43.

    L-indħil li din il-miżura kienet timplika fil-ħajja taċ-ċittadini huwa rifless f’dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effetti taż-żamma tad-data.

    Din id-data ( 32 )

    “tippermetti li jinstabu u li jiġu identifikati s-sors u d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni, li jiġu ddeterminati d-data, il-ħin, it-tul u t-tip ta’ komunikazzjoni, l-apparat ta’ komunikazzjoni tal-utenti, kif ukoll li jiġi llokalizzat l-apparat ta’ komunikazzjoni mobbli.” ( 33 )

    “tippermetti, b’mod partikolari, li tkun magħrufa l-persuna li magħha abbonat jew utent irreġistrat ikkomunika u b’liema mezz, kif ukoll li jiġu ddeterminati l-ħin tal-komunikazzjoni u l-post minn fejn seħħet. Barra minn hekk, din id-data tippermetti li tkun magħrufa l-frekwenza tal-komunikazzjonijiet tal-abbonat jew tal-utent irreġistrat ma’ ċerti persuni matul perijodu partikolari” ( 34 ).

    “[tippermetti] li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet, bħalma huma l-użanzi tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ soġġorn permanenti jew temporanji, il-vjaġġi ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom” ( 35 ).

    “tipprovdi l-mezzi sabiex jiġi stabbilit […] il-profil tal-persuni kkonċernati, informazzjoni li hija daqstant ieħor sensittiva fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata bħalma huwa l-kontenut stess tal-komunikazzjonijiet” ( 36 ).

    44.

    Barra minn hekk, l-indħil jista’ jikkawża “f’moħħ il-persuni kkonċernati, is-sensazzjoni li l-ħajja privata tagħhom hija s-suġġett ta’ sorveljanza kostanti”, għalhekk “[iż-]żamma tad-data titwettaq mingħajr ma jiġu informati l-utenti tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” ( 37 ).

    45.

    Fid-dawl tad-daqs tal-indħil, hija biss il-ġlieda kontra r-reati gravi li tista’ tiġġustifika miżura ta’ żamma ta’ data b’dawn il-karatteristiċi ( 38 ). Madankollu, din il-miżura ma tistax issir regola ġenerali minħabba li “s-sistema stabbilita permezz tad-Direttiva 2002/58 teżiġi li din iż-żamma ta’ data tkun l-eċċezzjoni” ( 39 ).

    46.

    Barra minn hekk, żewġ karatteristiċi rriżultaw mill-fatt li l-miżura inkwistjoni ma kienet tistabbilixxi “ebda distinzjoni, limitazzjoni jew eċċezzjoni skont l-għan segwit” ( 40 ) u “ma teħtieġ ebda rabta bejn id-data li ż-żamma tagħha hija prevista u theddida għas-sigurtà pubblika” ( 41 ).

    Minn naħa, il-miżura kienet tikkonċerna “b’mod globali l-persuni kollha li jużaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma dawn il-persuni jinstabu, lanqas b’mod indirett, f’sitwazzjoni li tista’ twassal għal prosekuzzjoni kriminali. […] Barra minn hekk, hija ma tipprevedi ebda eċċezzjoni, b’tali mod li tapplika anki għal persuni li l-komunikazzjonijiet tagħhom huma suġġetti, skont id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali, għas-sigriet professjonali” ( 42 ).

    Min-naħa l-oħra, “[…] hija ma hijiex limitata għal żamma li tkopri jew data marbuta ma’ perijodu temporali u/jew ma’ żona ġeografika u/jew ma’ grupp ta’ persuni li jistgħu jkunu involuti, b’xi mod jew ieħor, f’reat gravi, jew data dwar persuni li jistgħu, għal raġunijiet oħra, jikkontribwixxu, permezz taż-żamma tad-data tagħhom, għall-ġlieda kontra l-kriminalità” ( 43 ).

    47.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali analizzata kienet tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak strettament neċessarju. Għaldaqstant, ma setgħetx titqies iġġustifikata f’soċjetà demokratika, bħalma jirrikjedi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta ( 44 ).

    b) Il-vijabbiltà ta’ żamma mmirata tad-data

    48.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja approvat il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li “tippermetti, b’mod preventiv, iż-żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi” ( 45 ).

    49.

    Il-validità ta’ din iż-żamma mmirata tad-data hija suġġetta għall-kundizzjoni li “tkun, fir-rigward tal-kategoriji ta’ data li għandha tinżamm, tal-mezzi ta’ komunikazzjoni koperti, tal-persuni kkonċernati kif ukoll tal-perijodu taż-żamma, limitata għal dak li jkun strettament neċessarju”.

    50.

    L-indikazzjonijiet li s-sentenza Tele2 Sverige u Watson tipprovdi sabiex jiġi ddeterminat meta jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet ma humiex (forsi ma jistgħux ikunu) eżawrjenti u jiġu fformulati f’termini pjuttost ġenerali. Sabiex jikkonformaw lilhom innifishom magħhom, l-Istati Membri:

    għandhom jimplimentaw regoli ċari u preċiżi dwar il-portata u l-applikazzjoni ta’ tali miżura ta’ żamma ta’ data ( 46 );

    għandhom jistabbilixxu “kriterji oġġettivi, li jistabbilixxu rabta bejn id-data li għandha tinżamm u l-għan segwit” ( 47 ); u

    għandhom “[ikunu] ibbażat[i] fuq elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi kopert pubbliku li d-data dwaru jista’ jkollha rabta, minn tal-inqas indiretta, ma’ atti ta’ kriminalità gravi, tista’ tikkontribwixxi b’mod jew ieħor għall-ġlieda kontra l-kriminalità gravi jew tista’ tevita riskju gravi għas-sigurtà pubblika” ( 48 ).

    51.

    B’rabta ma’ dawn l-elementi oġġettivi, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti, bħala eżempju, il-possibbiltà li tuża kriterju ġeografiku għad-delimitazzjoni tal-pubbliku u s-sitwazzjonijiet potenzjalment affettwati. L-invokazzjoni ta’ dan il-kriterju, li għamlu riferiment għalih f’termini kritiċi ċerti Stati Membri, ma għandhiex l-għan, fil-fehma tiegħi, li tillimita, għal dan il-kriterju biss, il-lista tal-fatturi ta’ selettività ammissibbli.

    4. Il-proporzjonalità fl-aċċess għad-data

    a) Is-sentenza Tele2 Sverige u Watson

    52.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tittratta l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għad-data indipendentement mill-portata tal-obbligu ta’ żamma ta’ data li huwa impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u, b’mod partikolari, in-natura ġġeneralizzata jew speċifika taż-żamma tad-data ( 49 ).

    53.

    Fil-fatt, għalkemm il-loġika taż-żamma hija li tiffaċilita l-aċċess ulterjuri għad-data, it-tnejn jistgħu jikkawżaw ksur differenti tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta. Madankollu, din id-distinzjoni ma timplikax li wħud mill-kunsiderazzjonijiet dwar iż-żamma ma humiex applikabbli wkoll għall-aċċess tad-data miżmuma.

    54.

    F’dan ir-rigward, l-aċċess:

    “għandu effettivament u strettament jissodisfa wieħed minn dawn l-għanijiet” stabbiliti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. Għandha teżisti wkoll koerenza bejn il-gravità tal-interferenza u l-għan li għandu jintlaħaq. Jekk l-interferenza tiġi kklassifikata bħala gravi, tista’ tiġi ġġustifikata biss bil-ġlieda kontra l-kriminalità gravi ( 50 ).

    jista’ jiġi awtorizzat biss fil-limiti ta’ dak strettament neċessarju ( 51 ). Barra minn hekk, il-miżuri leġiżlattivi għandhom jistabbilixxu “regoli ċari u preċiżi li jindikaw f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti aċċess għad-data. Bl-istess mod, miżura ta’ din in-natura għandha tkun legalment vinkolanti fid-dritt intern” ( 52 ).

    b’mod iktar partikolari, il-liġijiet nazzjonali għandhom jistabbilixxu “[l‑]kundizzjonijiet materjali u proċedurali li jirregolaw l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma” ( 53 ).

    55.

    Minn din l-aħħar kunsiderazzjoni jista’ jiġi dedott li “aċċess ġenerali għad-data miżmuma kollha, indipendentement minn kwalunkwe rabta, minn tal-inqas indiretta, mal-għan segwit, ma jistax jitqies li huwa limitat għal dak li jkun strettament neċessarju” ( 54 ).

    56.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi sabiex tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jingħataw aċċess għad-data tal-abbonati jew tal-utenti rreġistrati” ( 55 ). F’dan ir-rigward, “bħala prinċipju jista’ jingħata biss aċċess għad-data ta’ persuni ssuspettati li qegħdin jippjanaw, li qegħdin iwettqu jew li wettqu reat gravi jew inkella li huma implikati b’xi mod jew ieħor f’tali reat” ( 56 ).

    57.

    Fi kliem ieħor, ir-regoli nazzjonali li jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-aċċess għad-data miżmuma għandu jkollhom portata suffiċjentement limitata. Għandu jkun hemm rabta bejn il-persuni kkonċernati u l-għan li għandu jintlaħaq, b’tali mod li l-aċċess ma jinkludix numru sinjifikattiv ta’ persuni, jew inkluż il-persuni kollha, il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika kollha, u d-data maħżuna kollha.

    58.

    Madankollu, dawn ir-regoli jistgħu jiġu aġġustati f’ċerti ċirkustanzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra “sitwazzjonijiet partikolari, bħalma huma dawk li fihom interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali, tad-difiża jew tas-sigurtà pubblika jkunu mhedda minn attivitajiet ta’ terroriżmu”. F’dawn is-sitwazzjonijiet, “l-aċċess għad-data ta’ persuni oħra jista’ jingħata wkoll meta jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li din id-data tista’, f’każ partikolari, tagħti kontribuzzjoni effettiva għall-ġlieda kontra tali attivitajiet” ( 57 ).

    59.

    Din il-kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema speċifika ta’ aċċess għad-data iktar wiesa’, meta tkun eċċezzjonalment neċessarja għall-ġlieda kontra t-theddid għall-interessi ewlenin tal-Istat (is-sigurtà nazzjonali, id-difiża u s-sigurtà pubblika) ( 58 ), b’tali mod li tinkludi anki persuni li huma marbuta biss indirettament ma’ dawn ir-riskji.

    60.

    L-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għad-data maħżuna għandu jkun, ikun xi jkun it-tip tiegħu, suġġett għal tliet kundizzjonijiet:

    għandu jkun, “bħala prinċipju, ħlief f’każijiet urġenti debitament iġġustifikati, suġġett għal kontroll minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti”. Id-deċiżjoni ta’ din il-qorti tar-rinviju jew entità għandha tiġi adottata “fuq talba motivata minn dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali” ( 59 ).

    “l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jingħataw aċċess għad-data miżmuma jinformaw b’dan lill-persuni kkonċernati, fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali applikabbli, hekk kif din il-komunikazzjoni ma tkunx ta’ natura li tista’ tikkomprometti l-investigazzjonijiet imwettqa minn dawn l-awtoritajiet” ( 60 ).

    l-Istati Membri għandhom jadottaw regoli dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, sabiex jiġi evitat l-użu mhux xieraq tad-data u l-aċċess illegali għaliha ( 61 ).

    b) Is-sentenza Ministerio Fiscal

    61.

    F’din il-kawża ġie analizzat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għad-data dwar l-identità ċivili tad-detenturi ta’ ċerti kards tas-SIM, kinitx kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, interpretat fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

    62.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma tillimitax l-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni tar-reati kriminali esklużivament għall-ġlieda kontra r-reati kriminali gravi, iżda tagħmel riferiment għal “reati kriminali” b’mod ġenerali ( 62 ).

    63.

    Hija żiedet li, sabiex jiġi ġġustifikat l-aċċess għad-data min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għandha teżisti korrispondenza bejn il-gravità tal-interferenza u l-gravità tar-reati kriminali inkwistjoni. Konsegwentement:

    jista’ jiġi ġġustifikat biss “indħil serju […] permezz tal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità li għandha tiġi kklassifikata wkoll bħala ‘serja’” ( 63 ).

    min-naħa l-oħra, “meta l-indħil li jinvolvi tali aċċess ma jkunx serju, […] jista’ jiġi ġġustifikat minn għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ ‘reati kriminali’ b’mod ġenerali” ( 64 ).

    64.

    Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, u għall-kuntrarju ta’ dak li seħħ fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kklassifikatx bħala “serju” l-indħil fid-drittijiet protetti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, minħabba li t-talba għal aċċess “[kienet] intiża biss sabiex jiġu identifikati l-proprjetarji tal-kards tas-SIM attivati, matul perijodu ta’ tnax‑il jum, bil-kodiċi IMEI tat-telefon ċellulari misruq” ( 65 ).

    65.

    Sabiex tenfasizza l-gravità minuri tal-indħil, hija spjegat li “d-data msemmija fit-talba għal aċċess inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti biss li jsir konnessjoni, matul perijodu ddeterminat, bejn il-kards tas-SIM attivati permezz tat-telefon ċellulari misruq u l-identità ċivili tal-proprjetarji ta’ tali kards tas-SIM. Mingħajr kontroverifika mad-data dwar il-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ tali kards tas-SIM u mad-data dwar il-lokalizzazzjoni, din id-data ma tippermettix li jsiru magħrufa la d-data, il-ħin, it-tul u d-destinatarju tal-komunikazzjonijiet imwettqa permezz tal-kards tas-SIM inkwistjoni u lanqas il-post jew il-frekwenza tagħhom ma’ ċerti persuni matul perijodu partikolari. Għalhekk, l-imsemmija data ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati b’din id-data” ( 66 ).

    66.

    Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ministerio Fiscal ma ġiex ikkunsidrat jekk id-data personali, suġġetta għall-aċċess, ġietx miżmuma mill-fornituri ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, konformement mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, interpretati fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 67 ). Lanqas ma ġiet ittrattata l-kwistjoni dwar jekk ġewx issodisfatti, jew le, il-kundizzjonijiet l-oħrajn ta’ aċċess li jirriżultaw minn dan l-artikolu.

    67.

    Għaldaqstant, il-qari tas-sentenza Ministerio Fiscal ma jippermetti li tiġi dedotta ebda bidla fid-duttrina tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ sistema nazzjonali li tawtorizza l-ħażna ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data, fis-sens tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson.

    68.

    Madankollu naħseb li billi l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-validità tas-sistema ta’ aċċess limitat għal ċerta data personali (dik relatata mal-identità ċivili tad-detenturi ta’ kards tas-SIM), din taċċetta b’mod impliċitu ż-żamma ta’ din l-istess data għall-fornituri tas-servizz.

    C.   Il-kritika prinċipali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

    69.

    Kemm il-qorti tar-rinviju, kif ukoll il-maġġoranza tal-Istati Membri li ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara, tispjega jew anki tikkunsidra mill-ġdid diversi aspetti tal-ġurisprudenza tagħha f’dan ir-rigward, li dwarha jesprimu l-kritika tagħhom.

    70.

    Il-maġġoranza ta’ din il-kritika, sottili jew diretta, kienet diġà espressa fis-sentenza Digital Rights u ġiet miċħuda fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson. Hija qiegħda terġa’ tidher din id-darba sabiex jiġi enfasizzat, fil-qosor, li jkunu biżżejjed xi regoli stretti dwar l-aċċess għad-data f’idejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li jkunu jistgħu jikkumpensaw, sa ċertu punt, il-gravità tal-interferenza li tippreżupponi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ din l-istess data.

    71.

    F’partijiet ta’ din il-kritika tiġi enfasizzata wkoll in-neċessità li jiġu adottati miżuri verament effikaċi għall-ġlieda kontra t-theddid gravi għas-sigurtà, u kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, u l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt tas-sigurtà (Artikolu 6 tal-Karta), kif ukoll il-marġini ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, għandu jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx in-natura preventiva tal-intervent tas-servizzi ta’ sigurtà u intelliġenza.

    D.   L-evalwazzjoni tiegħi dwar din il-kritika u dwar l-ispjegazzjonijiet li jistgħu jingħataw fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

    72.

    Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm il-pożizzjoni ta’ prinċipju li kisbet fis-sentenzi preċedenti tagħha: obbligu ġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma tad-data kollha ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha jikser b’mod sproporzjonat id-drittijiet fundamentali protetti mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta.

    73.

    A sensu contrario, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi restrizzjonijiet xierqa għaż-żamma ta’ partijiet minn din id-data, iġġenerata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tista’ tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-element prinċipali jinsab fiż-żamma limitata ta’ din id-data.

    74.

    Kif ser nispjega sussegwentement, din iż-żamma limitata ma għandhiex tkun biss dik jkollha bħala suġġett żona ġeografika jew kategorija ta’ persuni speċifiċi: id-dibattiti dwar dawn il-kriterji ta’ żamma jiżvelaw li jista’ ma jkunx possibbli li jitwettqu, jew ma jkunux effettivi għall-għanijiet segwiti, jew anki li jsiru sors ta’ diskriminazzjoni.

    75.

    Qabel kollox, ma naqbilx mal-argument kritiku li jippromwovi l-binomju “żamma usa’ minflok aċċess iktar ristrett”. Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, li naqbel miegħu, huwa li ż-żamma ta’ u l-aċċess għad-data jikkostitwixxu żewġ tipi differenti ta’ interferenza. Anki jekk iż-żamma ta’ data tagħmel sens għall-finijiet ta’ aċċess sussegwenti possibbli tal-awtoritajiet kompetenti, kull wieħed minn dan l-indħil għandu jiġi ġġustifikat separatament permezz ta’ eżami speċifiku fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq.

    76.

    Għaldaqstant, sistema nazzjonali li tipprevedi l-ħażna ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi li, fl-istess ħin, ir-regoli rispettivi jistabbilixxu rekwiżiti stretti, materjali u proċedurali, għall-aċċess għal din id-data.

    77.

    Għalhekk, għandu jkun hemm regoli speċifikament relatati maż-żamma ta’ data li jissuġġettawha għal ċerti kundizzjonijiet sabiex jostakolaw in-natura ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tagħha. B’dan il-mod biss tiġi żgurata l-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta.

    78.

    Barra minn hekk, dan huwa l-approċċ adottat mill-gruppi ta’ ħidma li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill sabiex jiddefinixxu regoli ta’ żamma u aċċess kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jeżaminaw b’mod parallel iż-żewġ tipi ta’ interferenza ( 68 ).

    79.

    Meta jiġu applikati limiti għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ interferenzi, jista’ jiġi evalwat jekk l-effett kumulattiv eventwali tagħhom, flimkien mas-salvagwardji b’saħħithom, huwiex wieħed li jtaffi l-impatt taż-żamma ta’ data fid-drittijiet fundamentali protetti mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta, filwaqt li jiżgura l-effettività tal-investigazzjonijiet.

    80.

    Sabiex tipproteġi dawn id-drittijiet, is-sistema għandha:

    tipprevedi żamma ta’ data li tinkludi ċerti limiti u differenzi skont l-għan li għandu jintlaħaq.

    tirregola l-aċċess għal din id-data esklużivament sa fejn ikun strettament neċessarju għall-għan li għandu jintlaħaq u taħt il-kontroll ta’ qorti jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti.

    81.

    Il-ġustifikazzjoni li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu ċerta data, u mhux esklużivament għall-ġestjoni tal-obbligi kuntrattwali tagħhom mal-utenti, tiżdied b’mod parallel mal-iżviluppi teknoloġiċi. Filwaqt li huwa paċifiku li din iż-żamma hija utli sabiex tiġi evitata u miġġielda l-kriminalità (fatt li huwa diffiċli jiġi miċħud ( 69 )), ma jidhirx li huwa loġiku li tiġi limitata l-portata tagħha għas-sempliċi użu tad-data li l-operaturi jżommu sabiex iwettqu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom u esklużivament matul iż-żmien neċessarju għal dawn l-attivitajiet.

    82.

    Ladarba tiġi rrikonoxxuta l-utilità ta’ obbligu ta’ żamma ta’ data għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u għall-ġlieda kontra l-kriminalità, lil hinn minn dik li l-operaturi jistgħu jwettqu għan-neċessitajiet tekniċi u kummerċjali tagħhom, huwa indispensabbli li jiġi ddefinit l-isfond ta’ dan l-obbligu.

    83.

    Kull sistema ta’ żamma għandha tkun strettament adattata għall-għan li għandu jintlaħaq, b’tali mod li ma tistax tinbidel f’żamma mingħajr distinzjoni ( 70 ). Fl-istess ħin, għandha teskludi li d-data kollha tipprovdi immaġni tal-persuna kkonċernata (jiġifieri, tal-attivitajiet ordinarji u tar-relazzjonijiet soċjali tagħha) qrib jew simili għal dik li tinkiseb jekk wieħed ikun jaf il-kontenut tal-komunikazzjonijiet.

    84.

    Sabiex jiġu ċċarati ċerti malintiżi u ċerti inkomprensjonijiet, huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx fis-sentenzi tagħha Digital Rights, u Tele2 Sverige u Watson. Fihom ma kkundannatx l-eżistenza, bħala tali, ta’ sistema ta’ żamma ta’ data bħala strument utli għall-ġlieda kontra l-kriminalità. Għall-kuntrarju, ġiet irrikonoxxuta l-legalità tal-għan ta’ prevenzjoni u eliminazzjoni tal-atti kriminali, kif ukoll l-utilità ta’ sistema ta’ żamma ta’ data sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    85.

    Nirrepeti għalhekk li dak li ġie miċħud f’dawn is-sentenzi, u b’mod kategoriku, huwa li l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu, billi jinvokaw dan l-għan, jimponu ż-żamma mingħajr distinzjoni tad-data kollha ġġenerata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-aċċess ġenerali għal din id-data.

    86.

    Għaldaqstant, għandhom jinstabu metodi ta’ żamma tad-data li jbegħduha mill-aġġettivi (“iġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni”) inkompatibbli mal-protezzjoni mitluba mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta.

    87.

    Waħda minn dawn il-modalitajiet tkun iż-żamma mmirata ta’ data li tirreferi kemm għal pubbliku speċifiku (fit-teorija, dik li tippreżenta ċerti rabtiet, ftit jew wisq diretti, mat-theddid iktar gravi) jew għal żona ġeografika speċifika.

    88.

    Madankollu, dan l-approċċ jippreżenta ċerti diffikultajiet:

    l-identifikazzjoni ta’ grupp ta’ aggressuri potenzjali tkun, probabbilment, insuffiċjenti jekk dawn jużaw tekniki ta’ anonimizzazzjoni jew jiffalsifikaw l-identità tagħhom. Barra minn hekk, l-għażla ta’ dawn il-gruppi tista’ twassal għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ suspett ġenerali fir-rigward ta’ ċerti partijiet tal-popolazzjoni u tiġi kklassifikata bħala diskriminatorja, fid-dawl tal-algoritmu użat.

    l-għażla fuq il-bażi ta’ kriterji ġeografiċi (li, sabiex tkun effikaċi, għandha taffettwa żoni mhux żgħar ħafna) tirriżulta f’dawn l-istess problemi u żżid oħrajn, kif indika fis-seduta l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, minħabba li tista’ toħloq stigma f’ċerti żoni.

    89.

    Barra minn hekk, jista’ jkun hemm ċerta kontradizzjoni bejn in-natura preventiva taż-żamma mmirata lejn pubbliku speċifiku jew lejn żona ġeografika u l-fatt li l-awturi tar-reati kriminali ma jkunux magħrufa minn qabel, bħalma lanqas ikunu magħrufa l-post u l-mument tat-twettiq tagħhom.

    90.

    B’ebda mod ma għandu jiġi eskluż li jinstabu metodi ta’ żamma mmirata bbażati fuq dawn il-kriterji li jkunu utli sabiex jintlaħqu l-għanijiet diġà esposti. Hija s-setgħa leġiżlattiva, f’kull Stat Membru jew għall-Unjoni kollha, li għandha tfassal dawn il-metodi, favur il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tissalvagwardja.

    91.

    Ikun żball jekk wieħed jemmen li ż-żamma mmirata ta’ data dwar pubbliku speċifiku jew dwar żona ġeografika partikolari hija l-uniku metodu li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

    92.

    Nenfasizza li huwa possibbli li jinstabu modalitajiet oħrajn ta’ żamma mmirata ta’ data, lil hinn minn dawk iffokati fuq gruppi speċifiċi ta’ persuni jew żoni ġeografiċi. Fil-fatt, din hija l-fehma tal-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill li għalihom għamilt riferiment iktar ’il fuq. Huma kkunsidraw, b’mod partikolari, bħala metodi ta’ esplorazzjoni, il-limitu tal-kategoriji ta’ data miżmuma ( 71 ); il-psewdonimizzazzjoni tad-data ( 72 ); l-implimentazzjoni ta’ perijodi ta’ żamma limitati ( 73 ); l-esklużjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ( 74 ); l-awtorizzazzjonijiet ta’ ħażna li jistgħu jiġġeddu ( 75 ); l-obbligu ta’ żamma tad-data maħżuna fl-Unjoni, jew il-kontroll sistematiku u regolari min-naħa ta’ awtorità amministrattiva indipendenti tal-garanziji offruti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kontra l-użu mhux xieraq tad-data.

    93.

    Fl-opinjoni tiegħi, sabiex tkun kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi ffavorita żamma ratione temporis ta’ ċerti kategoriji ta’ data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni, limitati skont in-neċessitajiet stretti ta’ sigurtà, li ma jippermettux, kollha kemm huma, li tinkiseb immaġini preċiża u ddettaljata tal-ħajja tal-persuni kkonċernati.

    94.

    Fil-prattika, dan ifisser li fir-rigward taż-żewġ kategoriji prinċipali (data ta’ traffiku u data ta’ lokalizzazzjoni) għandha tinżamm biss, permezz tal-filtri xierqa, id-data minima li titqies assolutament indispensabbli għall-prevenzjoni u l-kontroll effikaċi tal-kriminalità u għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.

    95.

    Huma l-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom iwettqu, permezz tal-proċess leġiżlattiv (bl-għajnuna tal-esperti proprji), dan l-eżerċizzju ta’ għażla, filwaqt li jitbiegħdu minn kwalunkwe tentattiv li tiġi imposta ħażna ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni kollha.

    96.

    Barra minn dan il-limitu permezz ta’ kategoriji, id-data miżmuma tista’ tibqa’ tinżamm esklużivament għal perijodu ta’ ħażna, sabiex ma tippermettix li tingħata immaġni ddettaljata tal-ħajja tal-persuni kkonċernati. Barra minn hekk dan il-perijodu ta’ żamma għandu jiġi adattat skont in-natura tad-data sabiex dik li tipprovdi informazzjoni iktar preċiża dwar l-istil tal-ħajja u d-drawwiet ta’ dawn il-persuni tiġi maħżuna għal perijodu ta’ żmien iqsar ( 76 ).

    97.

    Fi kliem ieħor, id-distinzjoni fil-perijodu ta’ żamma ta’ kull kategorija ta’ data, skont l-utilità tagħha sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sigurtà, huwa metodu li għandu jiġi esplorat. Billi jiġi limitat iż-żmien li matulu ż-żewġ kategoriji ta’ data jiġu maħżuna b’mod simultanju (u, għaldaqstant, jistgħu jintużaw sabiex jinstabu korrelazzjonijiet li jiżvelaw l-istil ta’ ħajja tal-persuni kkonċernati) tiġi estiża l-protezzjoni tad-dritt li jinsab fl-Artikolu 8 tal-Karta.

    98.

    Matul is-seduta, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ħa din il-pożizzjoni: iktar ma jkunu l-kategoriji ta’ metadata maħżuna u iktar ma jkun twil il-perijodu ta’ ħażna, iktar ikun faċli sabiex jiġi ddefinit il-profil iddettaljat ta’ persuna, u bil-maqlub ( 77 ).

    99.

    Barra minn hekk, kif diġà ntwera waqt is-seduta, il-fruntiera bejn ċerta metadata tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-kontenut ta’ dawn l-istess komunikazzjonijiet hija diffiċli li tiġi stabbilita. Ċerta metadata tista’ tkun rilevanti daqs jew iktar mill-kontenut proprju ta’ dawn il-komunikazzjonijiet. Dan jista’ jiġri fir-rigward tal-indirizzi (URL) tal-paġni web aċċessati ( 78 ). Għaldaqstant, dan it-tip ta’ data u oħrajn simili għandhom jingħataw attenzjoni speċjali sabiex tiġi limitata kemm jista’ jkun in-neċessità taż-żamma tagħhom u t-tul ta’ din tal-aħħar.

    100.

    Ma huwiex faċli li tinstab soluzzjoni bbilanċjata, minħabba li t-teknika li tiġi skambjata u kkorrelatata d-data maħżuna tippermetti lis-servizzi ta’ investigazzjoni u sorveljanza jidentifikaw persuna ssuspettata jew theddida, skont xi jkun il-każ. Minkejja dan, hemm differenza fil-livell bejn iż-żamma ta’ data għall-iskoperta ta’ din il-persuna ssuspettata jew din it-theddida, u dik li twassal sabiex jiġi pprovdut ritratt iddettaljat tal-ħajja ta’ persuna.

    101.

    Fl-istennija ta’ leġiżlazzjoni komuni għall-Unjoni kollha, speċifikament f’dan ir-rigward, ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tintalab twettaq il-funzjonijiet regolatorji u tispeċifika, fid-dettall, liema kategoriji ta’ data jistgħu jinżammu u l-perijodu ta’ żmien li matulu tista’ tinżamm. Ladarba jkunu stabbiliti l-limiti li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżultaw mill-Karta, huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri li għandhom ipoġġu l-cursor fil-post korrett sabiex jiksbu bilanċ bejn iż-żamma tas-sigurtà u d-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta.

    102.

    Huwa minnu li sabiex wieħed jgħaddi mingħajr l-informazzjoni dedotta minn ammont ikbar ta’ data miżmuma jista’, f’ċerti każijiet, jagħmel il-ġlieda kontra t-theddid potenzjali iktar diffiċli. Madankollu, dan huwa kontribut, bħal oħrajn, li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħtu meta jiġu suġġetti għall-obbligu ta’ salvagwardja tad-drittijiet fundamentali.

    103.

    Bl-istess mod kif ħadd ma jappoġġja obbligu ex ante ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi privati (lanqas meta l-liġijiet jiżguraw l-aċċess ulterjuri ristrett għal dan il-kontenut), lanqas il-metadata ta’ dawn il-komunikazzjonijiet, li jistgħu jinkludu informazzjoni sensittiva daqs il-kontenut proprju, ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ħażna mingħajr distinzjoni u ġġeneralizzata.

    104.

    Id-diffikultà leġiżlattiva, li nirrikonoxxi, sabiex jiġu stabbiliti bi preċiżjoni l-każijiet u l-kundizzjonijiet li fihom tista’ titwettaq żamma mmirata ma tiġġustifikax li l-Istati Membri, billi l-eċċezzjoni jagħmluha regola, jaqilbu ż-żamma ġġeneralizzata ta’ data personali fil-prinċipju fundamentali tal-liġijiet tagħhom. Jekk dan ikun il-każ, tiġi aċċettata l-validità indefinita ta’ ksur rilevanti tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

    105.

    Għandi nżid li xejn ma jipprekludi milli, f’sitwazzjonijiet proprjament eċċezzjonali, ikkaratterizzati minn theddida imminenti jew minn riskju straordinarju li jiġġustifikaw id-dikjarazzjoni uffiċjali tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fi Stat Membru, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkunsidra, għal żmien limitat, il-possibbiltà li jiġi impost obbligu ta’ żamma ta’ data tant wiesa’ u ġenerali daqskemm huwa kkunsidrat indispensabbli.

    106.

    F’din iċ-ċirkustanza, tista’ tiġi ppromulgata leġiżlazzjoni li speċifikament tippermetti ż-żamma ta’ data (u l-aċċess għaliha) usa’, konformement mal-kundizzjonijiet u l-proċeduri li jiżguraw natura straordinarja għal dawn il-miżuri, fir-rigward tal-portata ratione materiae tagħhom u l-estensjoni tagħhom ratione temporis, kif ukoll il-garanziji ġudizzjarji korrispondenti.

    107.

    L-eżami kkomparat tas-sistemi regolatorji li jirregolaw is-sitwazzjonijiet kostituzzjonali ta’ emerġenza jenfasizza li huwa possibbli li jiġu ddelimitati ipoteżijiet fattwali li jistgħu jikkawżaw l-applikazzjoni ta’ sistema regolatorja partikolari, billi jistipulaw liema awtorità tista’ tadotta din id-deċiżjoni, f’liema kundizzjonijiet u taħt liema superviżjoni ( 79 ).

    E.   Ir-risposti speċifiċi għat-tliet domandi preliminari

    1. Kunsiderazzjoni preliminari

    108.

    Il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 b’rabta ma’ diversi drittijiet iggarantiti mill-Karta: id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (Artikolu 7), id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8), u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (Artikolu 11).

    109.

    Kif nesponi fil-konklużjonijiet tal-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, dawn huma, fil-fatt, id-drittijiet li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jiġu affettwati f’dawn il-każijiet.

    110.

    Madankollu, il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tagħmel riferiment anki għall-Artikoli 4 u 6 tal-Karta, li għalihom isir riferiment, rispettivament, fit-tieni u fl-ewwel domandi preliminari.

    111.

    Fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-Karta, li jiggarantixxi d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, dan ġie invokat ukoll fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, u dwar ir-rilevanza tiegħu esprimejt l-opinjoni tiegħi fil-konklużjonijiet korrelattivi, li għalihom ser nagħmel riferiment ( 80 ).

    112.

    Fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-Karta, ġaladarba r-risposta ma tiddependix daqstant mill-analiżi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex din tiġi mqabbla mad-dritt tal-Unjoni, iżda pjuttost mill-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jidhirli li huwa xieraq li nirrispondiha fl-ewwel lok.

    2. It-tieni domanda preliminari

    113.

    Ir-riferiment għall-projbizzjoni tat-tortura u tal-pieni jew it-trattamenti inumani jew degradanti, iggarantita mill-Artikolu 4 tal-Karta, huwa, fil-fatt, esklużiv għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jwassalni sabiex nagħtih ċerta attenzjoni.

    114.

    Permezz tar-riferiment għall-Artikolu 4 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju trid turi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha wkoll l-għan li twettaq l-obbligu pożittiv impost fuq l-awtorità pubblika sabiex tistabbilixxi “qafas legali li jippermetti investigazzjoni kriminali effettiva u repressjoni effettiva tal-abbuż sesswali tal-minuri u li effettivament jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna responsabbli għar-reat, anki meta jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika” ( 81 ).

    115.

    Fl-opinjoni tiegħi, dan l-obbligu pożittiv partikolari ma huwiex differenti ħafna minn kull wieħed mid-dmirijiet speċifiċi li jirriżultaw mill-proklamazzjoni ta’ katalogu ta’ drittijiet fundamentali għall-Istat. Id-drittijiet għall-ħajja (Artikolu 2 tal-Karta), għall-integrità fiżika (Artikolu 3 tal-Karta) jew għall-protezzjoni tad-data (Artikolu 8 tal-Karta), kif ukoll tal-libertajiet tal-espressjoni (Artikolu 11 tal-Karta) jew tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon (Artikolu 10 tal-Karta), għandhom l-obbligu għall-Istat li jistabbilixxu kuntest ġuridiku fejn it-tgawdija effettiva tiegħu tiġi ggarantita, jekk ikun meħtieġ permezz tal-amministrazzjoni tal-forza monopolizzata mill-awtorità pubblika, fil-konfront ta’ kwalunkwe persuna li għandha l-għan li tostakolah jew tfixklu ( 82 ).

    116.

    Fir-rigward tal-abbuż sesswali tal-minuri, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirrikonoxxi li t-tfal u persuni vulnerabbli oħrajn għandhom dritt ikkwalifikat għall-protezzjoni mill-Istat permezz tal-adozzjoni ta’ regoli ta’ natura kriminali li jissanzjonaw b’mod effikaċi u b’effetti dissważivi t-twettiq ta’ dawn ir-reati kriminali ( 83 ).

    117.

    Dan id-dritt ikkwalifikat għall-protezzjoni ma jaqax mhux biss taħt l-Artikolu 4 tal-Karta, ġaladarba b’mod naturali jista’ jiġi invokat taħt l-Artikolu 1 (dinjità tal-bniedem) jew taħt l-Artikolu 3 (dritt għall-integrità fiżika u mentali).

    118.

    Għalkemm l-obbligu pożittiv tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tat-tfal u ta’ persuni vulnerabbli oħrajn ma jistax ma jitqiesx meta jiġu bbilanċjati l-interessi legali affettwati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 84 ), lanqas ma jista’ jirriżulta f’“piżijiet eċċessivi” fuq l-awtorità pubblika ( 85 ) jew jissodisfa l-marġini tal-legalità jew tar-rispett tal-bqija tad-drittijiet fundamentali ( 86 ).

    3. L-ewwel domanda preliminari

    119.

    Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fil-qosor, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix il-liġi nazzjonali li dwarha qiegħda tintalab tieħu deċiżjoni, fil-kuntest ta’ rikors ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità.

    120.

    Minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà pprovdiet l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/58, li hija konformi mad-dispożizzjonijiet korrelattivi tal-Karta, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-duttrina stabbilita fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson, jekk ikun meħtieġ bl-ispjegazzjonijiet li ser jiġu miżjuda issa.

    121.

    Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, l-indikazzjonijiet interpretattivi li jistgħu jiġu pprovduti lill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) sabiex, waħedha, toħloq il-kuntrast tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittrattaw, separatament, iż-żamma u l-aċċess għad-data hekk kif inhuma rregolati f’din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    a) Il-kundizzjonijiet taż-żamma tad-data

    122.

    Il-Gvern Belġjan jenfasizza li xtaq jistabbilixxi kuntest ġuridiku ċar, li jkun jinkludi l-garanziji neċessarji għall-protezzjoni tal-ħajja privata, minflok ma jibbaża lilu nnifsu fuq il-prattika tal-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fir-rigward taż-żamma tad-data għall-finijiet tal-fatturazzjoni u l-ipproċessar tat-talbiet għal informazzjoni tal-klijenti.

    123.

    Skont dan il-Gvern, l-għanijiet tal-obbligu ġenerali u preventiv ta’ żamma tad-data ma humiex biss l-istruttorja, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-atti ta’ kriminalità gravi, iżda wkoll is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, id-difiża tat-territorju u s-sigurtà pubblika, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ atti li ma humiex dawk ta’ kriminalità gravi jew il-prevenzjoni tal-użu pprojbit tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ( 87 ), jew kwalunkwe għan ieħor identifikat fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679.

    124.

    Skont il-Gvern Belġjan:

    iż-żamma ta’ data, bħala tali, ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati: il-possibbiltà li jinsiltu tali konklużjonijiet tiġi kkunsidrata biss sa fejn jiġi pprovdut ukoll l-aċċess għad-data miżmuma.

    il-liġi tinkludi prekawzjonijiet intiżi li jipproteġu l-privatezza; inter alia, iż-żamma ta’ data ma tikkonċernax il-kontenut tal-komunikazzjonijiet; il-garanziji fir-rigward tal-ġustifikazzjoni taż-żamma, id-dritt għal aċċess, id-dritt għal rettifika u oħrajn huma applikabbli bis-sħiħ; il-fornituri u l-operaturi għandhom jissuġġettaw id-data miżmuma għall-istess obbligi u miżuri ta’ sigurtà u protezzjoni applikabbli għad-data fin-network, filwaqt li jipprekludu t-tħassir aċċidentali jew illegali tagħha, it-telf jew il-modifika aċċidentali tagħha.

    id-data tista’ tinħażen għal tnax‑il xahar (li fi tmiemhom għandha titħassar) u esklużivament fit-territorju tal-Unjoni.

    il-fornituri u l-operaturi għandhom japplikaw miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika li jwasslu sabiex id-data miżmuma, hekk kif tiġi rreġistrata, tkun illeġibbli u mingħajr użu għal kwalunkwe persuna li ma tkunx awtorizzata li taċċedi għaliha.

    fi kwalunkwe każ, dawn l-operazzjonijiet jitwettqu taħt il-kontroll tar-regolatur Belġjan tas-setturi postali u tat-telekomunikazzjonijiet, u tal-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data.

    125.

    Minkejja dawn il-garanziji, il-fatt huwa li l-leġiżlazzjoni Belġjana timponi fuq l-operaturi u l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu, iġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni, ta’ żamma tad-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2002/58, ipproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ dawn is-servizzi. Kif diġà spjegajt, il-perijodu ta’ żamma huwa ġeneralment ta’ tnax‑il xahar. Ma jiġi kkunsidrat ebda limitu ratione temporis skont il-kategoriji ta’ data miżmuma.

    126.

    Dan l-obbligu ta’ żamma ġenerali u mingħajr distinzjoni japplika b’mod permanenti u kontinwu. Anki jekk l-għan tiegħu ikun il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ kull tip ta’ reati kriminali (minn dawk li huma marbuta mas-sigurtà nazzjonali, mad-difiża jew ma’ dawk partikolarment gravi, sa dawk li jinvolvu piena ta’ priġunerija ta’ inqas minn sena), obbligu b’dawn il-karatteristiċi ma jkunx konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li ma jistax jitqies li huwa kompatibbli mal-Karta.

    127.

    Sabiex ikun konformi ma’ din il-ġurisprudenza, il-leġiżlatur Belġjan għandu jesplora mezzi oħrajn (bħal dawk li semmejt iktar ’il fuq) li jistabbilixxu metodi ta’ żamma limitata. Dawn il-metodi, varjabbli skont il-kategoriji ta’ data għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju li għandu jinżamm biss il-minimu tad-data indispensabbli, skont ir-riskju jew it-theddida, u għal żmien limitat, li jiddependi min-natura tal-informazzjoni maħżuna. Fi kwalunkwe każ, iż-żamma ma tistax toffri kartografija preċiża tal-ħajja privata, tad-drawwiet, tal-aġir jew tar-relazzjonijiet soċjali tal-persuni kkonċernati.

    b) Il-kundizzjonijiet tal-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data miżmuma

    128.

    Fil-fehma tiegħi, il-kundizzjonijiet indikati fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson ( 88 ) jibqgħu rilevanti anki fir-rigward tal-aċċess. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti materjali u proċedurali li jirregolaw l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għad-data miżmuma ( 89 ).

    129.

    Il-Gvern Belġjan jispeċifika li l-Artikolu 126(2) tal-Liġi tal‑2005 (dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) ( 90 ) jistabbilixxi, b’mod restrittiv, l-awtoritajiet nazzjonali li jistgħu jirċievu d-data maħżuna, konformement mal-paragrafu 1 tal-istess artikolu.

    130.

    Fost dawn l-awtoritajiet jinsabu dawk proprjament ġudizzjarji u l-Prosekutur Pubbliku; il-forzi ta’ sigurtà tal-Istat; is-servizz ġenerali tal-intelliġenza u s-sigurtà, taħt il-kontroll ta’ kummissjonijiet indipendenti; l-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja tal-Istitut Belġjan għas-servizzi postali u t-telekomunikazzjonijiet; is-servizzi ta’ emerġenza; l-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja tad-diviżjoni tal-persuni li jkunu sparixxew tal-pulizija federali; is-servizz ta’ medjazzjoni għat-telekomunikazzjonijiet u l-korp ta’ superviżjoni tas-settur finanzjarju.

    131.

    B’mod ġenerali, il-Gvern Belġjan jafferma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li d-diversi servizzi jkollhom aċċess għad-data sabiex isegwu b’mod attiv it-theddid mhux identifikat jew mingħajr indikazzjonijiet partikolari. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jaċċedu, b’mod imprevist, għad-data ta’ komunikazzjoni mhux ipproċessata u jipproċessawha awtomatikament sabiex jiksbu informazzjoni u jipprevjenu attivament il-perikoli għas-sigurtà.

    132.

    Skont l-istess gvern l-aċċess għad-data huwa suġġett għal kundizzjonijiet stretti skont l-istatut ta’ kull waħda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    133.

    Ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari ma teħtieġx, fl-opinjoni tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq analiżi eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li japplikaw sabiex kull waħda minn dawn l-awtoritajiet tkun tista’ tikseb id-data miżmuma. Dan il-kompitu huwa pjuttost f’idejn il-qorti tar-rinviju, li għandha twettqu fid-dawl tal-orjentazzjonijiet tal-ġurisprudenza Tele2 Sverige u Watson, u Ministerio Fiscal.

    134.

    Barra minn hekk, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Belġjan, hemm differenzi notevoli bejn il-kundizzjonijiet ta’ aċċess li jikkonċernaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew lill-Prosekutur Pubbliku ( 91 ), għall-finijiet ta’ investigazzjoni, ta’ istruttorja u ta’ prosekuzzjoni tar-reati kriminali, skont l-Artikoli 46a ( 92 ) u 88a ( 93 ) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, u dawk li japplikaw għal dawn l-awtoritajiet.

    135.

    Fir-rigward tas-servizzi ta’ intelliġenza u sigurtà, skont il-Liġi tal‑1998, it-talba ta’ aċċess għad-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni miżmuma mill-operaturi għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi sabiex jiġi żgurat li hija limitata għal dak strettament neċessarju, fuq il-bażi ta’ theddida identifikata minn qabel ( 94 ). Jiġu previsti diversi termini ta’ aċċess (sitt, disa’ jew tnax‑il xahar), skont it-theddida potenzjali, u r-rekwiżit għandu josserva l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà. Fl-istess ħin ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ kontroll taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità indipendenti ( 95 ).

    136.

    Fir-rigward tal-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja tal-Istitut Belġjan għas-Servizzi Postali u t-Telekomunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem, il-“BIPT”), l-aċċess tagħhom għad-data miżmuma mill-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet huwa possibbli, taħt is-superviżjoni tal-Prosekutur Pubbliku, f’każijiet partikolari limitati ħafna ( 96 ), mingħajr ma, skont il-Gvern Belġjan, l-attività tagħhom tilħaq lill-persuni li tinżamm id-data tagħhom.

    137.

    Fir-rigward tas-servizzi ta’ emerġenza li joffru assistenza in situ, dawn jistgħu jitolbu d-data tal-awtur ta’ telefonata ta’ emerġenza meta, wara li jirċevuha, ma jiksbux id-data ta’ identifikazzjoni ta’ din il-persuna mingħand il-fornitur jew l-operatur, jew meta din id-data ma tkunx kompleta jew tkun żbaljata.

    138.

    Fir-rigward tal-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja assenjati fid-diviżjoni tal-persuni li jkunu sparixxew tal-pulizija federali, dawn jistgħu jitolbu lill-operatur id-data neċessarja sabiex isibu persuna li tkun sparixxiet, li l-integrità fiżika tagħha tkun f’perikolu imminenti. L-aċċess, suġġett għal kundizzjonijiet stretti, ikun limitat għad-data li tippermetti l-identifikazzjoni tal-utent u dik relatata mal-aċċess għal u l-konnessjoni tat-terminali man-network u mas-servizz, kif ukoll il-post ta’ dan it-tagħmir, kif ukoll għad-data maħżuna matul it‑48 siegħa qabel it-talba.

    139.

    Fir-rigward tas-servizz ta’ medjazzjoni għat-telekomunikazzjonijiet, tista’ tintalab biss id-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna li tkun użat, b’mod mhux xieraq, network jew servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. F’dan il-każ, ma jeżistix kontroll minn qabel minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva indipendenti (minbarra s-servizz proprju).

    140.

    Fl-aħħar nett, bil-għan li tiġi miġġielda l-kriminalità finanzjarja, il-korp ta’ superviżjoni tas-settur finanzjarju jista’ jikseb l-aċċess għad-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni, suġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-imħallef inkwirenti.

    141.

    L-espożizzjoni ta’ dawn il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data miżmuma, li japplikaw għal kull waħda mill-awtoritajiet awtorizzati li jiksbuha, turi firxa ta’ każijiet u salvagwardji, li l-konformità ċara tagħha mal-kriterji applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha ( 97 ) tikkorrispondi għall-qorti tar-rinviju.

    142.

    Ninnota li, pereżempju, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, ma jidhirx li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom sistematikament l-obbligu li jinformaw lill-persuni kkonċernati (ħlief meta din l-informazzjoni tkun tikkomprometti l-investigazzjonijiet pendenti) li d-data tagħhom ġiet ikkonsultata. Lanqas ma jidher li jiġu stabbiliti, għall-inqas f’ċerti każijiet, bħal dawk marbuta mal-ksur finanzjarju, regoli ddeterminati minn qabel dwar il-gravità ta’ dan il-ksur, sabiex jiġi ġġustifikat l-aċċess għad-data korrispondenti. Ir-rabta bejn l-intensità tal-indħil u l-gravità tar-reat kriminali investigat, fis-sens tas-sentenza Ministerio Fiscal, ma tidhirx fil-każijiet kollha.

    143.

    Fi kwalunkwe każ, inqis li l-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aċċess tal-awtoritajiet għad-data jsiru sekondarji meta, kif ġie espost iktar ’il fuq, ir-raġuni prinċipali li għaliha l-leġiżlazzjoni nazzjonali li fuqha huwa bbażat dan ir-rinviju ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni, hija proprju ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data.

    4. It-tielet domanda preliminari

    144.

    Il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tixtieq tkun taf jekk, fl-ipoteżi li, fid-dawl tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi ddikjarat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, hija tistax iżżomm provviżorjament fis-seħħ l-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni. B’dan il-mod, tiġi evitata l-inċertezza legali u jiġi permess li d-data miġbura u miżmuma tista’ tibqa’ tintuża sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti.

    145.

    Hija ġurisprudenza stabbilita li “hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’, eċċezzjonalment u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni li għandha dispożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontriha”. Li kieku “l-qrati nazzjonali kellhom is-setgħa li jagħtu supremazija lil dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, anki fuq bażi provviżorja, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tiġi ppreġudikata” ( 98 ).

    146.

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx l-effetti ratione temporis tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, ir-risposta għal din id-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun fin-negattiv ( 99 ).

    147.

    Madankollu, fis-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter‑Environnement Wallonie u Terre wallonne ( 100 ), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ kunsiderazzjoni imperattiva marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, qorti nazzjonali tista’ eċċezzjonalment tiġi awtorizzata sabiex tapplika d-dispożizzjoni nazzjonali li tagħtiha s-setgħa li żżomm ċerti effetti ta’ att nazzjonali annullat minħabba l-ksur ta’ regola tal-Unjoni ( 101 ).

    148.

    Din il-linja ġurisprudenzjali ġiet ikkonfermata mis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen ( 102 ). Sew jekk meħuda fil-kuntest tal-protezzjoni tal-ambjent sew jekk ibbażata fuq is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, ma għandix raġunijiet għalfejn għandi neskludi l-applikazzjoni tagħha f’oqsma oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment f’dak inkwistjoni.

    149.

    Jekk “kunsiderazzjoni vinkolanti marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent” tista’ tiġġustifika li, eċċezzjonalment, il-qrati nazzjonali jżommu ċerti effetti ta’ dispożizzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, dan huwa minħabba li l-protezzjoni tal-ambjent tirrappreżenta “wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Unjoni u għandu natura kemm trażversali kif ukoll fundamentali” ( 103 ).

    150.

    Barra minn hekk, fost l-għanijiet tal-Unjoni hemm ukoll l-istabbiliment ta’ spazju ta’ sigurtà (Artikolu 3 TUE), li jinkludi l-osservanza tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat, b’mod partikolari, dawk li l-għanijiet tagħhom huma s-sigurtà tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali (Artikolu 4(2) TUE). Dan ma huwiex għan inqas “trażversali u fundamentali” mill-protezzjoni tal-ambjent, minħabba li t-twettiq tiegħu huwa l-kundizzjoni neċessarja għall-istabbiliment ta’ kuntest ġuridiku li jista’ jiggarantixxi t-tgawdija effettiva tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

    151.

    Fl-opinjoni tiegħi, raġunijiet imperattivi marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jistgħu jiġġustifikaw, f’din il-kawża, li l-Qorti tal-Ġustizzja tawtorizza, eċċezzjonalment, lill-qorti tar-rinviju sabiex iżżomm fis-seħħ, għall-inqas, uħud mill-effetti tal-liġi inkwistjoni.

    152.

    Din iż-żamma tkun teħtieġ li l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiddikjara inkompatibbli l-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u tikkunsidra bħala inkwetanti ħafna l-konsegwenzi li l-annullament immedjat tagħha (jekk l-annullament ikun, fid-dritt nazzjonali, il-konsegwenza ta’ din l-inkompatibbiltà), jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħha, jista’ jkollhom fuq is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà tal-Istat.

    153.

    Is-sussistenza provviżorja (tat-totalità ta’ jew ta’ parti) tal-effetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tidher li tispeċifika, barra minn hekk, li:

    l-għan ta’ din il-proroga kien li tiġi evitata lakuna regolatorja b’effetti ħżiena daqs dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, lakuna impossibbli li tiġi affaċċjata permezz ta’ mezzi oħrajn u li tippreżupponi li l-awtoritajiet nazzjonali jiġu mċaħħda minn strument utli għall-garanzija tas-sigurtà tal-Istat; u

    tiġi ġġustifikata biss għaż-żmien strettament neċessarju għall-adozzjoni tal-miżuri li jippermettu li l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni kkonstatata tiġi rrimedjata ( 104 ).

    154.

    Barra minn hekk, din is-soluzzjoni hija ġġustifikata minħabba d-diffikultà involuta sabiex il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jiġu adattati għall-ġurisprudenza stabbilita fil-kawża Tele2 Sverige u Watson ( 105 ), u l-fatt li r-rieda tal-leġiżlatur Belġjan li jikkonforma ruħu mas-sentenza Digital Rights dehret manifestament meta emenda l-leġiżlazzjoni tiegħu stess. Dan il-preċedent jissuġġerixxi wkoll l-aġġustament tal-Liġi tad‑29 ta’ Mejju 2016 (stabbilita qabel ma ngħatat is-sentenza Tele2 Sverige u Watson) għall-ġurisprudenza stabbilita f’din tal-aħħar.

    V. Konklużjoni

    155.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) kif ġej:

    “1)

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), b’rabta mal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    Jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta lill-operaturi u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-obbligu ta’ żamma, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, tad-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni tal-abbonati u l-utenti kollha, b’rabta mal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika kollha.

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jgħodd ukoll il-fatt li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex biss l-għanijiet tal-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, gravi jew mhux gravi, iżda anki tas-sigurtà nazzjonali, id-difiża tat-territorju, is-sigurtà pubblika, il-prevenzjoni tal-użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kwalunkwe użu ieħor previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

    Jgħodd ukoll il-fatt li l-aċċess għad-data miżmuma huwa suġġett għall-garanziji rregolati b’mod preċiż. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ dan l-aċċess min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tillimitahx għal każijiet speċifiċi li l-gravità tagħhom tagħmel l-indħil indispensabbli; tissuġġettahx għall-kontroll minn qabel (ħlief f’każijiet ta’ urġenza) minn qorti jew awtorità indipendenti; u tipprevedix li l-persuni kkonċernati jiġu informati dwar dan l-aċċess, ladarba din il-komunikazzjoni ma tikkompromettix l-azzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet.

    2)

    L-Artikoli 4 u 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx effett fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, b’rabta mal-kumplament tal-artikoli msemmija iktar ’il fuq ta’ din il-Karta, b’tali mod li jkunu jipprekludu d-determinazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    3)

    Qorti nazzjonali tista’, jekk id-dritt nazzjonali jippermettilha dan, iżżomm eċċezzjonalment u provviżorjament fis-seħħ l-effetti ta’ leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jekk din iż-żamma tkun iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet imperattivi relatati mat-theddida għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali, li ma tistax tiġi affaċċjata permezz ta’ mezzi jew alternattivi oħrajn. Din iż-żamma tista’ tkopri biss iż-żmien strettament neċessarju sabiex tiġi rrimedjata l-imsemmija inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni”.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Kawżi C‑293/12 u C‑594/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Digital Rights, EU:C:2014:238.

    ( 3 ) Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54).

    ( 4 ) Kawżi C‑203/15 u C‑698/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tele2 Sverige u Watson, EU:C:2016:970.

    ( 5 ) Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514 u r-rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9).

    ( 6 ) Kawża C‑207/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ministerio Fiscal, EU:C:2018:788.

    ( 7 ) Minbarra din it-talba (Kawża C‑520/18, Ordre des barreaux francophones et germanophone et), qegħdin jiġu ttrattati wkoll il-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18 La Quadrature du Net, et u C‑623/17, Privacy International.

    ( 8 ) Kawża C‑623/17, Privacy International.

    ( 9 ) Kawża C‑520/18, Ordre des barreaux francophones et germanophone et.

    ( 10 ) Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, La Quadrature du Net et.

    ( 11 ) Il-Liġi tad‑29 ta’ Mejju 2016 dwar il-Ġbir u ż-Żamma tad-Data fis-Settur tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi; iktar ’il quddiem il-“Liġi tad‑29 ta’ Mejju 2016” (Moniteur belge tat‑18 ta’ Lulju 2016, p. 44717).

    ( 12 ) Il-Liġi tat‑13 ta’ Ġunju 2005 dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi; iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2005” (Moniteur belge tal‑20 ta’ Ġunju 2005, p. 28070).

    ( 13 ) Il-Liġi Organika tat‑30 ta’ Novembru 1998 dwar is-Servizzi ta’ Intelliġenza u Sigurtà, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑1998” (Moniteur belge tat‑18 ta’ Diċembru 1998, p. 40312).

    ( 14 ) Sentenza Nru 84/2015, Moniteur belge tal‑11 ta’ Awwissu 2015.

    ( 15 ) Punti 40 et seq.

    ( 16 ) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). Ara l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/58. Id-Direttiva 95/46 ġiet imħassra, mill‑25 ta’ Mejju 2018, bir-Regolament Nru 2016/679. Għalhekk, sa fejn id-Direttiva 2002/58 tagħmel riferiment għad-Direttiva 95/46 jew ma tistabbilixxix regoli proprji, huwa indispensabbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament (ara l-Artikolu 94(1) u (2) tar-Regolament Nru 2016/679).

    ( 17 ) Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punti 82 u 83.

    ( 18 ) Ibidem, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 19 ) Ibidem, punt 87. Enfasi miżjuda minni.

    ( 20 ) Ibidem, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 21 ) Ibidem, punt 86, in fine.

    ( 22 ) Ibidem, punt 90.

    ( 23 ) Ibidem, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 24 ) Ibidem, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 25 ) Ibidem, punt 89.

    ( 26 ) L-użu ta’ dan l-avverbju fis-sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 95, jirriżulta mill-premessa 11 tad-Direttiva 2002/58.

    ( 27 ) Sentenza Digital Rights, punt 48: “F’dan il-każ, fid-dawl, minn naħa, tar-rwol importanti li għandha l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali fir-rigward tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u, min-naħa l-oħra, tad-daqs u tal-gravità tal-inġerenza f’dan id-dritt li għandha d-Direttiva 2006/24, is-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni tirriżulta mnaqqsa b’tali mod li jkun meħtieġ li jsir stħarriġ strett”.

    ( 28 ) Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 29 ) Sentenza Digital Rights, punt 51. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 103.

    ( 30 ) Sentenza Digital Rights, punt 65, kif ukoll Tele2 Sverige u Watson, punt 100.

    ( 31 ) Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 97. Enfasi miżjuda minni.

    ( 32 ) Li tinkludi l-isem u l-indirizz tal-abbonat jew tal-utent irreġistrat, in-numru tat-telefon ta’ min jagħmel it-telefonata u n-numru ta’ min jirċeviha, kif ukoll indirizz IP għas-servizzi tal-internet.

    ( 33 ) Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 98.

    ( 34 ) Ibidem, punt 98.

    ( 35 ) Ibidem, punt 99.

    ( 36 ) Ibidem, punt 99 in fine.

    ( 37 ) Ibidem, punt 100.

    ( 38 ) Ibidem, punt 102.

    ( 39 ) Ibidem, punt 104.

    ( 40 ) Ibidem, punt 105.

    ( 41 ) Ibidem, punt 106.

    ( 42 ) Ibidem, punt 105.

    ( 43 ) Ibidem, punt 106.

    ( 44 ) Ibidem, punt 107.

    ( 45 ) Ibidem, punt 108. Enfasi miżjuda minni.

    ( 46 ) Ibidem, punt 109. B’mod partikolari, għandhom jindikaw “f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura ta’ żamma ta’ data, b’mod preventiv, filwaqt li b’hekk [jiggarantixxu] li tali miżura tkun limitata għal dak li jkun strettament neċessarju”.

    ( 47 ) Ibidem, punt 110.

    ( 48 ) Ibidem, punt 111.

    ( 49 ) Ibidem, punt 113.

    ( 50 ) Ibidem, punt 115.

    ( 51 ) Ibidem, punt 116.

    ( 52 ) Ibidem, punt 117.

    ( 53 ) Ibidem, punt 118.

    ( 54 ) Ibidem, punt 119.

    ( 55 ) Idem.

    ( 56 ) Idem. Enfasi miżjuda minni.

    ( 57 ) Idem.

    ( 58 ) Barra mill-attivitajiet terroristiċi, din in-natura eċċezzjonali għandha tiġi ġġustifikata minn eventwalitajiet oħra, bħal attakk informatiku fuq skala kbira kontra l-infrastruttura kritika tal-Istat, jew theddida marbuta mal-proliferazzjoni nukleari.

    ( 59 ) Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 120.

    ( 60 ) Ibidem, punt 121.

    ( 61 ) Ibidem, punt 122.

    ( 62 ) Sentenza Ministerio Fiscal, punt 53.

    ( 63 ) Ibidem, punt 56.

    ( 64 ) Ibidem, punt 57.

    ( 65 ) Ibidem, punt 59. It-talba kienet tirrigwarda l-aċċess “għan-numri tat-telefon li jikkorrispondu għal dawn il-kards tas-SIM kif ukoll għal data dwar l-identità ċivili tal-proprjetarji tal-imsemmija kards, bħal pereżempju kunjomhom, isimhom u, jekk ikun il-każ, l-indirizz tagħhom. Min-naħa l-oħra, din id-data ma tirrigwardax, kif ikkonfermaw kemm il-Gvern Spanjol kif ukoll l-Uffiċċju tal-Prosekutur waqt is-seduta, il-komunikazzjonijiet imwettqa permezz tat-telefon ċellulari misruq u lanqas il-lokalizzazzjoni tiegħu”.

    ( 66 ) Ibidem, punt 60.

    ( 67 ) Sentenza Ministerio Fiscal, punt 49.

    ( 68 ) Mill‑2017, l-Istati Membri jipparteċipaw fi grupp ta’ ħidma li l-għan tiegħu huwa li jadatta l-liġijiet tiegħu għall-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward (Groupe Échange d’informations et protection des données (iktar ’il quddiem id-“DAPIX”)).

    ( 69 ) Fi kwalunkwe każ, id-determinazzjoni tat-tekniki ta’ investigazzjoni u l-evalwazzjoni tal-effettività tagħhom jikkorrispondu għall-marġini ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri.

    ( 70 ) Sentenza Digital Rights, punt 57, u sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 105.

    ( 71 ) Id-data li ma tkunx strettament indispensabbli u oġġettivament neċessarja għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u l-protezzjoni tas-sigurtà pubblika tiġi eskluża mill-obbligu ta’ żamma. B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat, skont l-għan li għandu jintlaħaq, liema tip ta’ data tal-abbonati, data ta’ traffiku u data ta’ lokalizzazzjoni għandhom jiġu miżmuma b’mod imperattiv sabiex jintlaħaq dan l-għan. B’mod partikolari, tiġi eskluża d-data li ma titqiesx indispensabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali.

    ( 72 ) Metodu li permezz tiegħu l-ismijiet jiġu ssostitwiti b’ismijiet foloz, u b’dan il-mod id-data ma tkunx marbuta ma’ isem. Għall-kuntrarju tal-anonimizzazzjoni, il-psewdonimizzazzjoni tippermetti li d-data terġa’ tingħaqad mal-isem tal-persuna kkonċernata.

    ( 73 ) Tista’ tiġi analizzata l-possibbiltà ta’ aġġustament tal-perijodi ta’ żamma skont il-kategoriji differenti ta’ data, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tagħha, ftit jew wisq intrużiva fil-ħajja privata tal-persuni. Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit li d-data tiġi eliminata b’mod permanenti fl-aħħar tal-perijodu ta’ żamma.

    ( 74 ) Tista’ tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li ma jiġix impost l-obbligu ta’ żamma ta’ data fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kollha, iżda li jiġi stabbilit dan l-obbligu skont id-daqs tagħhom u t-tip ta’ servizzi li joffru, bl-esklużjoni, pereżempju, ta’ dawk li joffru servizzi speċjalizzati ħafna.

    ( 75 ) Is-sistemi ta’ awtorizzazzjoni jistgħu jkunu bbażati fuq evalwazzjonijiet perjodiċi tat-theddid f’kull Stat Membru. Għandu jiġi żgurat li r-rabta bejn id-data miżmuma u l-għan li għandu jintlaħaq tinħoloq u tiġi adattata għas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru. Għaldaqstant, ikun possibbli li l-awtorizzazzjonijiet ta’ żamma mogħtija lill-fornituri jistgħu jirriżultaw fiż-żamma ta’ ċerti tipi ta’ data għal perijodu ta’ żmien speċifiku, skont l-evalwazzjoni tat-theddida. Dawn l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jingħataw minn imħallef jew awtorità amministrattiva indipendenti u jwasslu għal reviżjoni perjodika ta’ dak indispensabbli fir-rigward ta’ din iż-żamma.

    ( 76 ) Jidher li din hija s-sistema applikata fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-Gvern tagħha indika, fis-seduta, li konformement mal-leġiżlazzjoni tagħha, it-terminu ta’ żamma tad-data ta’ traffiku hija ta’ għaxar ġimgħat, filwaqt li t-terminu ta’ żamma tad-data ta’ lokalizzazzjoni huwa biss ta’ erba’ ġimgħat. Min-naħa l-oħra, għar-Repubblika Franċiża huwa indispensabbli perijodu ta’ sena għall-ħażna tad-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni. Skont dan l-Istat Membru, it-tnaqqis ta’ dan it-terminu għal inqas minn sena jwassal għat-tnaqqis fl-effettività tas-servizzi tal-pulizija ġudizzjarja.

    ( 77 ) Naturalment, għandu jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jeliminaw b’mod permanenti d-data fi tmiem il-perijodu ta’ żamma (bl-eċċezzjoni ta’ dik li tista’ tibqa’ maħżuna għall-finijiet kummerċjali konformement mad-Direttiva 2002/58).

    ( 78 ) Fis-seduta, il-Gvern Franċiż afferma li l-URLs kienu esklużi mid-data ta’ konnessjoni li, fir-rigward tagħha, il-leġiżlazzjoni tiegħu tipprevedi dmir ġenerali ta’ żamma.

    ( 79 ) Ackerman, B., “The Emergency Constitution”, Yale Law Journal, vol. 113, 2004, pp. 1029 sa 1092; Ferejohn, J. u Pasquino, P., “The Law of the Exception: A typology of Emergency Powers”, International Journal of Constitutional Law, vol. 2, 2004, pp. 210 sa 239.

    ( 80 ) Konklużjonijiet fil-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, punti 95 et seq.

    ( 81 ) Formulazzjoni tat-tieni domanda, in fine. Dan ir-riferiment għall-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi jispjega li d-domanda tagħmel riferiment għat-tieni obbligu pożittiv impost fuq l-Istati mill-Artikolu 8 tal-Karta fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. Ir-riferiment doppju għall-Artikolu 8 tal-Karta jiżvela li l-qorti tar-rinviju tagħti lid-drittijiet tal-Karta, skont in-natura tagħhom, funzjoni doppja: dik ta’ limitu għall-obbligu inkwistjoni u dik ta’ ġustifikazzjoni għal dan l-obbligu.

    ( 82 ) Dan l-obbligu ta’ effettività jirriżulta f’mandat ta’ riżultat għall-awtorità pubblika fl-Istat soċjali jew ta’ benefiċċji, fejn, lil hinn mir-rikonoxximent formali tad-drittijiet huwa importanti t-twettiq prattiku tal-kontenut materjali tiegħu.

    ( 83 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Diċembru 2008, K.U. vs Il‑Finlandja, (ECHR:2008:1202JUD000287202, punt 46).

    ( 84 ) F’dan ir-rigward, inqis li mad-drittijiet li tinvoka l-qorti tar-rinviju (bħala limiti tal-obbligu inkwistjoni, mhux bħala ġustifikazzjoni tiegħu) jistgħu jiżdiedu d-dritt għal rimedju effettiv (Artikolu 47 tal-Karta) jew id-drittijiet tad-difiża (Artikolu 48 tal-Karta), li l-ksur eventwali tagħhom ukoll ġie diskuss fil-proċeduri prinċipali. Madankollu, id-dispożittiv tad-digriet tar-rinviju jagħmel riferiment biss għall-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta.

    ( 85 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Ottubru 1998, Osman vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1998:1028JUD002345294, punt 116).

    ( 86 ) Ibidem punt 116 in fine: “[huwa neċessarju] jiġi żgurat li l-pulizija teżerċita s-setgħa tagħha għall-ġlieda u l-prevenzjoni tal-kriminalità, f’konformità sħiħa mal-mezzi legali u l-garanziji l-oħrajn li jillimitaw legalment il-portata tal-atti tagħha ta’ investigazzjoni kriminali”. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Diċembru 2008, K.U. vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2008:1202JUD000287202, punt 48). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 49), li d-drittijiet favur il-vittma ma jistgħux jaffettwaw it-tgawdija effettiva ta’ dawk irrikonoxxuti lill-persuna akkużata.

    ( 87 ) Dan huwa ġġustifikat anki sabiex titwieġeb telefonata lil servizz ta’ emerġenza jew sabiex tinstab persuna li tkun sparixxiet, li l-integrità fiżika tagħha tkun f’perikolu imminenti.

    ( 88 ) Ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 89 ) Sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 118.

    ( 90 ) Artikolu 126, skont ir-redazzjoni tal-Liġi tad‑29 ta’ Mejju 2016.

    ( 91 ) Il-kompetenza tal-Prosekutur Pubbliku sabiex jistabbilixxi miżuri ta’ dan it-tip hija diskussa fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑746/18, HK vs Prokuratur, li għadu pendenti.

    ( 92 ) Il-Prosekutur Pubbliku huwa kompetenti sabiex jitlob id-data ta’ identifikazzjoni mingħand l-operaturi, permezz ta’ deċiżjoni motivata u bil-miktub (b’mod orali f’każijiet urġenti), li tikkonferma l-proporzjonalità tal-miżura fir-rigward tar-rispett tal-ħajja privata u s-sussidjarjetà tagħha għal kwalunkwe obbligu ieħor ta’ investigazzjoni. Għar-reati kriminali li ma jinvolvux piena prinċipali ta’ priġunerija ta’ sena jew piena iktar gravi, il-Prosekutur Pubbliku jista’ jitlob biss id-data matul perijodu ta’ sitt xhur qabel id-deċiżjoni tiegħu.

    ( 93 ) L-imħallef inkwirenti, li jista’ jippermetti din il-miżura jekk ikun hemm indizji gravi tat-twettiq ta’ reat kriminali kkastigat b’ċerti pieni, huwa kompetenti sabiex jitlob mingħand l-operaturi t-traċċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew id-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni miżmuma, permezz ta’ digriet motivat u bil-miktub (b’mod orali, f’każijiet ta’ urġenza), suġġett għall-istess rekwiżiti ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà bħal dawk li japplikaw għall-Prosekutur Pubbliku. Hemm ċerti eċċezzjonijiet meta l-miżura tkun immirata kontra ċerti kategoriji professjonali protetti (pereżempju avukati jew tobba).

    ( 94 ) Id-deċiżjoni għandha tispeċifika, jekk ikun il-każ, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-assoċjazzjonijiet ta’ fatt jew gruppi, l-għanijiet, il-postijiet, l-avvenimenti jew l-informazzjoni suġġetti għall-metodu speċifiku. Hija għandha tagħmel riferiment ukoll għar-rabta bejn l-għan tad-data mitluba u t-theddida potenzjali li tiġġustifika dan il-metodu b’mod partikolari.

    ( 95 ) Il-Kummissjoni Amministrattiva għas-Superviżjoni ta’ Metodi Speċifiċi u Eċċezzjonali ta’ Ġbir ta’ Data min-naħa tas-Servizzi ta’ Intelliġenza u Sigurtà (iktar ’il quddiem, il-“Kummissjoni BIM”) u l-Kumitat Permanenti għall-Kontroll tas-Servizzi ta’ Intelliġenza (iktar ’il quddiem, il-“Kumitat R”). Il-Gvern Belġjan jiddikjara li l-Kummissjoni BIM hija responsabbli mis-segwitu tal-metodi ta’ tiftix użati mis-servizzi ta’ intelliġenza u sigurtà, li fuqhom teżerċita kontroll tal-ewwel livell. Din il-kummissjoni, magħmula minn imħallfin, twettaq il-kompiti tagħha b’mod totalment indipendenti. Jiġi organizzat ukoll kontroll indipendenti tat-tieni livell, taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitat R.

    ( 96 ) L-aċċess jiġi permess għall-investigazzjoni, l-istruttorja u l-prosekuzzjoni tal-ksur tal-Artikoli 114 (sigurtà tan-networks), 124 (kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi) u 126 (żamma ta’ data u aċċess) tal-Liġi tat‑13 ta’ Ġunju 2005 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    ( 97 ) Nagħmel riferiment għall-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 98 ) Sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 33).

    ( 99 ) Punt 100 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    ( 100 ) Kawża C‑41/11, EU:C:2012:103.

    ( 101 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter‑Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 58). Fis-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 34), permezz ta’ din l-affermazzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet “l-intenzjoni [li tiġi rrikonoxxuta] fuq bażi ta’ każ b’każ u eċċezzjonalment, lil qorti nazzjonali s-setgħa li taġġusta l-effetti tal-annullament ta’ dispożizzjoni nazzjonali kkonstatata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni”.

    ( 102 ) Kawża C‑411/17 (EU:C:2019:622, punt 178).

    ( 103 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter‑Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 57).

    ( 104 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter‑Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11; EU:C:2012:103, punt 62).

    ( 105 ) Punt 45 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż.

    Top