Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0467

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fl-10 ta’ Lulju 2019.
    Proċeduri kriminali kontra EP.
    Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mir-Rayonen sad Lukovit.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Artikoli 6 u 47 kif ukoll l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2012/13/UE – Artikolu 8(2) – Direttiva 2013/48/UE – Artikolu 12 – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 3 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, għal raġunijiet terapewtiċi u ta’ sigurtà, id-detenzjoni psikjatrika ta’ persuni li, fi stat ta’ dimenzja, wettqu atti li huma ta’ perikolu għas-soċjetà – Dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom – Dritt ta’ aċċess għal avukat – Dritt għal rimedju effettiv – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Persuna vulnerabbli.
    Kawża C-467/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:590

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fl-10 ta’ Lulju 2019 ( 1 )

    Kawża C‑467/18

    Rayonna prokuratura Lom

    vs

    EP,

    bl-intervent ta’:

    HO

    (Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit, il-Bulgarija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttivi 2012/13/UE, 2013/48/UE u (UE) 2016/343 — Kamp ta’ applikazzjoni — Azzjoni tal-pulizija — Investigazzjoni kriminali mill-Prosekutur Pubbliku — Proċedura kriminali speċjali għall-adozzjoni ta’ miżuri mediċi koerċittivi — Żamma f’istituzzjoni psikjatrika b’applikazzjoni ta’ liġi mhux kriminali — Stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-osservanza tad-dritt tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata għall-informazzjoni u l-assistenza minn avukat — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Persuni vulnerabbli”

    1. 

    Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-applikazzjoni tad-Direttivi 2012/13/UE ( 2 ), 2013/48/UE ( 3 ) u (UE) 2016/343 ( 4 ) fi proċeduri kriminali kontra persuna li, mill-mument tal-arrest tagħha bħala persuna ssuspettata b’reat gravi, uriet sinjali ta’ instabbiltà mentali, u li minħabba f’hekk intbagħtet f’istituzzjoni psikjatrika.

    2. 

    Dawn id-direttivi jinkludu “regoli minimi komuni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u akkużati [fi proċeduri kriminali]”, bl-għan li “ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin u b’hekk li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet fi kwistjonijiet kriminali” ( 5 ).

    3. 

    Fid-dawl ta’ dan l-għan, tqum il-mistoqsija jekk it-tliet direttivi humiex maħsuba li jiġu applikati fi proċeduri kriminali li fir-rigward tagħhom id-deċiżjonijiet meħuda ma jkunux ser ikunu, prevedibbilment u raġonevolment, suġġetti għal rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri. Din l-oġġezzjoni, sa issa, għadha ma ntlaqgħetx mill-Qorti tal-Ġustizzja. ( 6 ) Jista’ jkun li fil-futur, fid-dawl tal-iżvilupp tar-rinviji preliminari dwar dan is-suġġett speċifiku, ikun opportun li tiġi kkwalifikata din il-linja ta’ ġurisprudenza.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Id-Direttiva 2012/13

    4.

    L-Artikolu 1 (“Suġġett”) jgħid hekk:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom. [...]”

    5.

    L-Artikolu 2 (“Kamp ta’ Applikazzjoni”) jipprovdi:

    “1.   Din id-Direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.

    [...]”

    6.

    L-Artikolu 3 (“Id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet”) jistipula:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:

    a)

    id-dritt ta’ aċċess għal avukat;

    [...]

    c)

    id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal-Artikolu 6;

    [...]

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni provduta taħt il-paragrafu 1 għandha tingħata bil-fomm jew bil-miktub, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, b’kont meħud ta’ kwalunkwe bżonnijiet partikolari ta’ suspettati vulnerabbli jew ta’ persuni akkużati vulnerabbli.”

    7.

    Skont l-Artikolu 4 (“Ittra tad-drittijiet mal-arrest”):

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li suspettati jew persuni akkużati, li jiġu arrestati jew detenuti jkunu provduti fil-pront b’Ittra tad-Drittijiet bil-miktub. Huma għandhom jingħataw l-opportunità li jaqraw l-Ittra tad-Drittijiet u għandhom jitħallew iżommuha fil-pussess tagħhom matul iż-żmien kollu li huma jkunu imċaħħdin mil-libertà [...]”

    8.

    L-Artikolu 6 (“Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”) jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati li jiġu arrestati jew detenuti jiġu informati bir-raġunijiet għall-arrest jew id-detenzjoni tagħhom, inkluż bl-att kriminali li huma jkunu ssuspettati jew akkużati li wettqu.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jiġu informati fil-pront dwar kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri.”

    2. Id-Direttiva 2013/48

    9.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 1 (“Suġġett”):

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-drittijiet tal-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali u tal-persuni soġġetti għal proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA (‘proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew’) li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat, id-dritt li tiġi infurmata parti terza biċ-ċaħda tal-libertà, u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari matul iċ-ċaħda tal-libertà.”

    10.

    Skont l-Artikolu 2 (“Kamp ta’ applikazzjoni”):

    “1.   Din id-Direttiva tapplika għal persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali mill-mument meta dawn jiġu infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, b’notifika uffiċjali jew b’mod ieħor, li huma suspettati jew akkużati li jkunu wettqu reat kriminali, u irrispettivament minn jekk ikunux miċħuda mil-libertà. Din tapplika sal-konklużjoni tal-proċedimenti, li huwa mifhum li tfisser id-determinazzjoni finali tal-kwistjoni jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat, inkuż fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.

    [...]

    3.   Din id-Direttiva tapplika wkoll, bl-istess kondizzjonijiet kif previsti fil-paragrafu 1, għal persuni li mhumiex persuni suspettati jew akkużati li, matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi, isiru persuni suspettati jew akkużati.

    [...]”

    11.

    Skont l-Artikolu 3 (“Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali”):

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv.

    2.   Il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe każ, il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mill-mument l-aktar qrib minn dawn li ġejjin:

    a)

    qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja;

    b)

    mat-twettiq minn awtorità ta’ investigazzjoni jew awtorità kompetenti oħra ta’ att investigattivi jew att ieħor ta’ ġbir ta’ provi skont il-punt (c) tal-paragrafu 3;

    c)

    mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà;

    d)

    fejn ġew imħarrka biex jidhru quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni f’materji kriminali, fi żmien debitu qabel ma jidhru quddiem dik il-qorti

    [...]”

    12.

    L-Artikolu 12 (“Rimedji”) jgħid:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, kif ukoll persuni rikjesti fi proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew ikollhom rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali f’każ fejn ikun hemm ksur tad-drittijiet skont din id-Direttiva.

    [...]”

    13.

    L-Artikolu 13 (“Persuni Vulnerabbli”) jiddikjara li:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jittieħed kont tal-bżonnijiet partikolari ta’ persuni suspettati u akkużati li huma vulnerabbli.”

    3. Id-Direttiva 2016/343

    14.

    Konformement mal-Artikolu 1 (“Suġġett”):

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:

    a)

    ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza fi proċedimenti kriminali;

    b)

    id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess fi proċedimenti kriminali.”

    15.

    L-Artikolu 2 (“Kamp ta’ applikazzjoni”) jipprovdi:

    “Din id-Direttiva tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.”

    16.

    L-Artikolu 3 (“Preżunzjoni tal-innoċenza”) jistipula:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi.”

    17.

    L-Artikolu 6 (“Oneru tal-prova”) jimponi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

    [...]”

    18.

    L-Artikolu 10 (“Rimedji”) jindika:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom rimedju effettiv jekk id-drittijiet tagħhom taħt din id-Direttiva ma jiġux rispettati.

    2.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-valutazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni suspettati jew akkużati jew ta’ evidenza miksuba bi ksur tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket jew tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu rispettati.”

    B.   Id-dritt Bulgaru

    1. In-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali)

    19.

    L-Artikolu 33 jindika li min ikun aġixxa fi stat ta’ inkapaċità mentali li jipprekludih milli jifhem in-natura jew is-sinjifikat tal-azzjonijiet tiegħu jew li jikkontrolla l-imġiba tiegħu ma jistax jinżamm responsabbli kriminalment. ( 7 )

    20.

    Skont l-Artikolu 89, min ikun wettaq att perikoluż għas-soċjetà fi stat fejn ma jkunx responsabbli kriminalment jista’ jkun suġġett għal trattament obbligatorju fi sptar psikjatriku speċjalizzat.

    2. In-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”)

    21.

    L-Artikolu 24(1) jipprevedi li ma għandhomx jinfetħu proċeduri kriminali, jew jekk ikunu nfetħu dawn għandhom jingħalqu, meta l-atti mwettqa ma jkunux jikkostitwixxu reat kriminali.

    22.

    L-Artikolu 46 jirregola l-funzjonijiet tal-Prosekutur Pubbliku fil-proċeduri kriminali. Din id-dispożizzjoni tagħtih is-setgħa ta’ prosekuzzjoni kriminali u t-tmexxija tal-investigazzjoni.

    23.

    L-Artikolu 70 jirregola l-proċedura applikabbli sabiex persuna li tbati minn mard mentali tintbagħat f’istituzzjoni psikjatrika sabiex tiġi eżaminata. Persuna tintbagħat f’istituzzjoni psikjatrika fuq deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja fuq talba tal-Prosekutur Pubbliku, sakemm ma jirriżultawx ċirkustanzi li jeħtieġu l-parteċipazzjoni ta’ difensur.

    24.

    Il-punt 2 tal-Artikolu 94(1) u l-Artikolu 94(3) jimponu l-intervent obbligatorju fil-proċeduri kriminali ta’ difensur jekk l-imputat ikun ibati minn disturb mentali, u jirrikjedu li l-korp kompetenti jaħtar avukat bħala difensur.

    25.

    L-Artikolu 242(2), fil-kapitolu dwar l-azzjonijiet tal-Prosekutur Pubbliku fi tmiem l-investigazzjoni, jobbligah jara jekk matul l-investigazzjoni ġewx irrispettati d-drittijiet proċedurali tal-imputat. Jekk dan ma jkunx il-każ, huwa jkollu jitlob li jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet jew jipproċedi huwa stess biex jiġu rrimedjati.

    26.

    Il-punt 1 tal-Artikolu 243(1) jipprovdi li l-Prosekutur Pubbliku għandu jagħlaq il-proċeduri kriminali fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 24(1) (jiġifieri meta l-fatti ma jkunux jikkostitwixxu reat).

    27.

    Konformement mal-Artikolu 247, dwar il-preparazzjoni tal-proċedura orali, il-proċess jibda bl-att ta’ akkuża mill-Prosekutur Pubbliku.

    28.

    Skont l-Artikolu 248, l-Imħallef Relatur għandu, fost funzjonijiet oħra, jivverifika jekk id-drittijiet proċedurali tal-akkużat ġewx irrispettati matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari (punt 3 tal-paragrafu 2). F’każ ta’ ksur, huwa għandu jiddikjara l-preġudizzji kkonstatati u jirreferi l-kawża lill-Prosekutur Pubbliku sabiex jingħata rimedju skont l-Artikolu 242(2).

    29.

    L-Artikolu 427 jiġbor fih it-taqsima dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri mediċi obbligatorji msemmija fl-Artikolu 89 tal-Kodiċi Kriminali. Huwa l-Prosekutur Pubbliku li għandu jipproponihom u l-qorti distrettwali li għandha tilqagħhom, bil-possibbiltà ta’ appell quddiem istanza superjuri.

    30.

    L-Artikoli 428 sa 431 jirregolaw il-proċedura għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, li tinkludi seduta bl-intervent tal-Prosekutur Pubbliku u tal-avukat difensur tal-persuna kkonċernata.

    3. Iż-Zakon za zdraveto (il-Liġi dwar is-Saħħa)

    31.

    Skont l-Artikolu 155, persuni b’disturbi mentali li jeħtieġu trattament speċjali (kif iddefiniti fl-Artikolu 146) għandhom ikunu suġġetti għal żamma u trattament obbligatorju meta, minħabba l-marda tagħhom, jistgħu jwettqu reat u jkunu ta’ perikolu għall-familjari tagħhom, qraba jew għas-soċjetà jew jippreġudikaw serjament is-saħħa tagħhom.

    32.

    L-Artikoli 156 et seq. jistabbilixxu l-proċedura sabiex persuna tintbagħat f’istituzzjoni psikjatrika, liema deċiżjoni għandha tittieħed mill-qorti distrettwali tal-post ta’ residenza tal-persuna kkonċernata. Huwa indispensabbli li ssir talba mill-Prosekutur Pubbliku, prova ta’ perizja psikjatrika u seduta li fiha jieħdu sehem il-persuna kkonċernata (jekk l-istat tas-saħħa tagħha jkun jippermetti), l-avukat difensur tagħha u l-psikjatra.

    33.

    L-Artikolu 165(1) jipprovdi għall-applikazzjoni supplimentari tan-NPK.

    II. Il-fatti tal-kawża u d-domandi preliminari

    34.

    Filgħodu kmieni nhar is-26 ta’ Awwissu 2015, instab kadavru b’sinjali ta’ vjolenza fuq l-awtostrada pubblika ta’ Medkovets (Lom, il-Bulgarija).

    35.

    Għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu, hekk kif l-uffiċjali tal-pulizija waslu fid-dar tal-vittma, huma sabu lil bin il-vittma, EP, b’marki tad-demm fuq riġlejh. Mit-tweġibiet tiegħu għall-ewwel interrogazzjoni, li fihom ammetta li wettaq ir-reat ( 8 ), instab li kien ibati minn mard mentali u għalhekk ġie arrestat u ttieħed fis-servizz psikjatriku tal-Isptar ta’ Lom.

    36.

    Fis‑26 ta’ Awwissu 2015 saret spezzjoni viżiva fuq il-post tad-delitt u ġew interrogati x-xhieda. Huma ddikjaraw li EP kien ibati minn mard mentali u li kien inżamm f’istituzzjoni psikjatrika bosta drabi. Espert psikjatriku sab li kien ibati minn skiżofrenija paranojka u li, bejn il‑25 u s‑26 ta’ Awwissu 2015, kien waqa’ fi stat prolongat ta’ distorsjoni tas-sensi u għalhekk ma setax jifhem in-natura u s-sinjifikat tal-azzjonijiet tiegħu.

    37.

    Fit‑12 ta’ Settembru 2015, ir-Rayonen sad Lom (il-Qorti Distrettwali ta’ Lom, il-Bulgarija) laqgħet it-talba sabiex EP jintbagħat f’istituzzjoni psikjatrika skont il-proċedura stabbilita fil-Liġi dwar is-Saħħa. Din is-sitwazzjoni ġiet estiża sa mill-inqas id-data meta sar ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

    38.

    Fis‑7 ta’ Lulju 2016, l-Okrazhna prokuratura Montana (il-Prosekutur Pubbliku ta’ Montana, il-Bulgarija) issospenda l-proċeduri kriminali kontra EP, hekk kif ikkunsidra li “l-imputat qiegħed jinżamm għal trattament obbligatorju, u għaldaqstant għad ma għandux il-kapaċità legali proċesswali”.

    39.

    L-Apelativna prokuratura Sofia (il-Prosekutur tal-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija) fil-kapaċità tiegħu bħala s-superjur ġerarkiku ta’ Montana, ordna li jerġgħu jinfetħu l-proċeduri kriminali inkwantu dawn ġew sospiżi b’mod infondat, liema fatt seħħ fid‑29 ta’ Diċembru 2017.

    40.

    Fl‑1 ta’ Marzu 2018, il-Prosekutur Pubbliku ta’ Montana għalaq il-proċeduri kriminali, bħala “att imwettaq mis-Sur EP fi stat ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà kriminali għal reat kriminali”, li b’hekk jeħtieġ li jiġu ordnati miżuri obbligatorji ta’ trattament mediku.

    41.

    Ir-riżoluzzjoni tal-Prosekutur Pubbliku ġiet innotifikata biss lit-tifla tal-vittma u saret definittiva fl‑10 ta’ Marzu 2018.

    42.

    Sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ kompetenza negattiva bejn il-Qrati Distrettwali ta’ Lom u ta’ Lukovit, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema, il-Bulgarija) iddeċidiet li kienet ir-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit) li kellha tiddeċiedi l-proċeduri kriminali dwar iż-żamma ta’ EP f’istituzzjoni psikjatrika konformement man-NPK.

    43.

    F’dan il-kuntest, ir-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-proċedura ineżami għall-applikazzjoni ta’ miżuri mediki [mediċi] obbligatorji, li jikkostitwixxu forma ta’ koerċizzjoni mill-Istat fil-konfront ta’ individwi li fir-rigward tagħhom il-prosekutur pubbliku kkonstata li wettqu atti ta’ perikolu għas-soċjetà, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali u tad-Direttiva 2013/48 dwar id-dritt għas-servizzi ta’ avukat fi proċeduri kriminali?

    2)

    Id-dritt proċedurali Bulgaru li jirregola l-proċedura speċjali għall-applikazzjoni ta’ miżuri mediki obbligatorji skont ir-regoli previsti fl-Artikoli 427 et seq. tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ proċediment kriminali, iktar ’il quddiem in-‘NPK’), li ma jipprevedix il-possibbiltà għall-qorti li tibgħat il-kawża lura quddiem il-prosekutur pubbliku filwaqt li tordnalu jirrimedja d-diversi każijiet ta’ ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali mwettqa matul il-proċedura prekontenzjuża, iżda li jippermettilha biss tilqa’ jew tiċħad it-talba għall-applikazzjoni ta’ miżuri mediki obbligatorji, jagħti rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48 u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/13, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiggarantixxi lill-individwu kkonċernat il-possibbiltà li jikkontesta quddiem qorti l-ksur tad-drititjiet tiegħu matul il-proċedura prekontenzjuża?

    3)

    Id-Direttiva 2012/13 u d-Direttiva 2013/48 japplikaw għal proċeduri kriminali (prekontenzjużi) meta d-dritt nazzjonali, f’dan il-każ in-NPK, ma jirrikonoxxix il-kwalità ta’ individwu ‘ssuspettat’ u meta, minn perspettiva formali, matul il-proċedura prekontenzjuża, il-prosekutur pubbliku ma jqiegħedx taħt eżami lill-individwu kkonċernat għar-raġuni li l-qtil li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni twettaq minn dan l-individwu fi stadju ta’ problemi mentali li jimplikaw l-assenza ta’ responsabbiltà kriminali tiegħu, raġuni li minħabba fiha l-prosekutur pubbliku jagħlaq il-proċediment kriminali, mingħajr ma jinforma lill-individwu kkonċernat, u jitlob lill-qorti tapplika miżuri mediki obbligatorji fil-konfront tal-imsemmi individwu?

    4)

    L-individwu li jkun is-suġġett ta’ proposta ta’ trattament mediku obbligatorju jikseb il-kwalità ta’ individwu “ssuspettat” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/13 u tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2013/48, meta l-uffiċjal tal-pulizija li kien l-ewwel wieħed li wasal fuq il-post fejn seħħew il-fatti wettaq l-ewwel passi ta’ investigazzjoni fid-dar tal-vittma tar-reat kriminali u ta’ binha, u, meta ra traċċi ta’ demm fuq il-ġisem ta’ dan tal-aħħar, għamillu mistoqsijiet dwar ir-raġunijiet għaliex kien qatel lill-ommu u ħareġ il-ġisem fit-triq, mistoqsijiet li għalihom l-individwu kkonċernat wieġeb, bil-konsegwenza li l-uffiċjal tal-pulizija libbislu l-manetti? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, huwa meħtieġ li diġà minn dan il-mument l-individwu kkonċernat jingħata l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2012/13, u, f’tali sitwazzjoni, meta tingħata din l-informazzjoni, kif għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari tal-individwu kkonċernat fis-sens tal-istess Artikolu 3(2), sa fejn il-pulizija tkun taf li l-individwu kkonċernat għandu problemi mentali?

    (5)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ċaħda de facto tal-liberta, li tirriżulta minn tqegħid obbligatorju fi sptar mentali skont proċedura prevista fiz-Zakon za Zdraveto (il-Liġi dwar is-Saħħa) (miżura preventiva ta’ koerċizzjoni imposta meta jiġi pprovat li l-individwu kkonċernat ibati minn marda mentali u meta jkun hemm is-suspett ta’ riskju li dan ser iwettaq reat, u mhux fil-każ li jkun diġà twettaq reat), f’sitwazzjoni fejn din il-proċedura tkun inbdiet fuq il-bażi ta’ fatti li jikkostitwixxu l-att li huwa s-suġġett ta’ proċediment kriminali kontra l-individwu mqiegħed taħt trattament mediku, hija konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza, u, fil-każ ta’ tqegħid taħt arrest, dan iwassal għal ksur tad-dritt għal smigħ xieraq skont il-kriterji previsti fl-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jiġifieri għal smigħ li fil-kuntest tiegħu l-qorti jkollha s-setgħa li tivverifika kemm l-osservanza tar-regoli proċedurali u kemm ir-raġunijiet plawżibbli li jiġġustifikaw iż-żamma taħt arrest, kif ukoll in-natura leġittima tal-għan segwit minn din il-miżura, kif il-qorti hija obbligata tagħmel meta l-individwu jinżamm skont il-proċedura prevista fin-NPK?

    6)

    Il-kunċett ta’ ‘preżunzjoni tal-innoċenza’ fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343 jinkludi wkoll il-preżunzjoni li l-individwi li ma jistgħux jitqiesu li huma kriminalment responsabbli minħabba problemi mentali ma wettqux l-att li jikkostitwixxi perikolu għas-soċjetà li bih ikun qiegħed jakkużahom il-prosekutur pubbliku sakemm titressaq prova kuntrarja stabbilita konformement mad-dritt proċedurali (jiġifieri fil-kuntest ta’ proċediment kriminali u b’rispett tad-drittijiet tad-difiża)?

    7)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu setgħat differenti fil-qasam ta’ verifika ex officio tal-legalità tal-proċedura prekontenzjuża skont:

    a)

    jekk tkunx qiegħda teżmina att ta’ akkuża tal-prosekutur pubbliku li jiddikjara li individwu partikolari, li jgawdi mill-kapaċitajiet mentali tiegħu, wettaq qtil (Artikolu 249(1) moqri flimkien mal-Artikolu 249(4) tan-NPK), jew

    b)

    jekk tkunx qiegħda teżamina proposta tal-prosekutur pubbliku li tiddikjara li l-individwu kkonċernat wettaq qtil iżda li, minħabba l-inkapaċità mentali tal-awtur tiegħu, dan l-att ma jikkostitwixxix reat kriminali u, għaldaqstant, jitlob lill-qorti tapplika miżura ta’ koerċizzjoni mill-Istat sabiex jingħata trattament mediku

    tista’ titqies li tiggarantixxi rimedji effettivi għall-individwi vulnerabbli, kif meħtieġ mill-Artikolu 13, moqri flimkien mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48 u mill-Artikolu 8(2), moqri flimkien mal-Artikolu 3(2), tad-Direttiva 2012/13, u s-setgħat differenti mogħtija lill-qorti skont it-tip ta’ proċedura, li tiddependi minn jekk l-individwu identifikat bħala l-awtur tal-fatti jgawdix mill-kapaċitajiet mentali tiegħu jew le u jekk jistax jinżamm kriminalment responsabbli, huma konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?”

    III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    44.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Lulju 2018, flimkien mat-talba sabiex il-kawża tinstema’ b’urġenza, li ma ntlaqgħetx.

    45.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn EP, mill-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma ġiex meqjus neċessarju li ssir seduta.

    IV. Evalwazzjoni

    A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari

    46.

    Il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja meta tirrispondi domandi preliminari huwa li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu ta’ għajnuna sabiex tiddeċiedi l-kawża. Madankollu, ma huwiex il-kompitu tagħha li tiddeċiedi dwar ċirkustanzi fattwali u lanqas dwar l-azzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti matul il-proċeduri, kriminali jew ta’ tip ieħor, li jkunu seħħew qabel ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

    47.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-funzjoni tagħha li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, lanqas ma għandha tiddetermina jekk, f’każ partikolari, ġewx osservati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jew oħra applikabbli għall-proċeduri kriminali ( 9 ) u jekk fil-prattika kienx hemm ksur tad-drittijiet rilevanti ( 10 ).

    48.

    Id-direttivi li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba mill-qorti tar-rinviju jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti sabiex jissalvagwardjaw, fil-proċeduri kriminali, id-drittijiet tal-persuni ssuspettati jew akkużati, minn perspettiva tripla: i) dawn tal-aħħar għandhom jingħataw informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom u dwar l-akkuża miġjuba kontrihom (Direttiva 2012/13); ii) jistgħu jiġu assistiti minn avukat u l-fatt li jkunu ġew imċaħħda mil-libertà għandu jiġi mgħarraf lil terza persuna li magħha jkunu jistgħu jikkomunikaw (Direttiva 2013/48); u iii) igawdu mill-preżunzjoni ta’ innoċenza (Direttiva (UE) 2016/343).

    49.

    Peress li dawn it-tliet direttivi jikkonċernaw biss proċeduri kriminali, dawn ma japplikawx għal żamma psikjatrika ordnata għal raġunijiet strettament mediċi, konformement mal-liġijiet li jirregolaw is-saħħa pubblika. Dawn it-tipi ta’ żamma għandhom ovvjament ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, peress li jinvolvu l-libertà tal-persuni, iżda dan ma jimplikax li l-proċeduri li jiddeċiedu din iż-żamma huma ta’ natura kriminali.

    50.

    Skont l-informazzjoni fil-proċess, f’dan il-każ kien hemm żewġ tipi ta’ interventi:

    dak li jikkorrispondi għall-implimentazzjoni tal-Liġi dwar is-Saħħa (l-Artikoli 155 et seq.), li abbażi tagħha r-Rayonen sad Lom (il-Qorti Distrettwali ta’ Lom) sa mill-bidu nett ordnat li EP jinżamm f’istituzzjoni psikjatrika; u

    dak li jikkorrispondi għall-proċeduri kriminali mressqa mill-Prosekutur Pubbliku, li warajhom il-qorti tar-rinviju (ir-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit)) finalment trid tiddeċiedi dwar iż-żamma f’istituzzjoni psikjatrika konformement man-NPK. F’din il-proċedura biss japplikaw it-tliet direttivi ċċitati iktar ’il fuq.

    51.

    Għaldaqstant, mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu esklużi d-domandi relatati mal-applikazzjoni tad-direttivi għall-proċeduri previsti mil-Liġi tas-Saħħa. Din tal-aħħar tawtorizza ż-żamma forzata ta’ persuni b’disturbi psikjatriċi li, minħabba fihom, jistgħu jikkommettu reat u jkunu ta’ perikolu għall-familji tagħhom, għal persuni oħra jew għas-soċjetà jew ikunu ta’ theddida serja għal saħħithom.

    52.

    Din hija proċedura li taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti li tista’ tiddeċiedi, jekk jidhrilha li dan huwa xieraq, wara fażi ta’ amministrazzjoni tal-prova, li l-individwu għandu jinżamm f’istituzzjoni psikjatrika għal perijodi li jistgħu jiġu estiżi. Għalhekk, din il-proċedura ma hijiex ta’ natura kriminali u għaldaqstant ma taqa’ taħt ebda waħda mid-direttivi msemmija (l-Artikolu 1 ta’ kull waħda minn dawn id-direttivi, meta jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom, jillimitah għal proċeduri kriminali).

    53.

    Il-qorti tar-rinviju tirraġuna li l-prassi nazzjonali tippermetti li persuna li wettqet reat fi stat ta’ instabbiltà mentali tiddaħħal kontra r-rieda tagħha fi sptar psikjatriku b’applikazzjoni tal-Liġi dwar is-Saħħa, mingħajr ma jkollha tgħaddi mill-formalitajiet normali fi proċeduri kriminali ( 11 ). Anki li kieku dan kellu jkun il-każ, il-fattur importanti huwa li l-proċedura tal-Liġi dwar is-Saħħa ma hijiex ta’ natura kriminali. Jekk, fi kwalunkwe każ, dan il-proċediment jintuża b’mod żbaljat, ir-rimedji għal tali disfunzjoni de facto għandhom jinstabu fid-dritt nazzjonali nnifsu ( 12 ).

    54.

    L-analiżi tiegħi mhux ser issegwi l-formulazzjoni tad-disa’ domandi preliminari, li l-kontenut tagħhom, barra minn hekk, jissovrapponi ruħu. Nippreferi neżamina kull waħda mid-direttivi b’mod separat sabiex mill-interpretazzjoni tagħhom jinsiltu l-elementi ta’ evalwazzjoni li jistgħu jassistu lill-qorti tar-rinviju.

    B.   Fuq l-effett tad-Direttiva 2012/13

    1. Dwar id-drittijiet li għandhom jiġu rrispettati

    55.

    Din id-direttiva tinkorpora regoli li għandhom l-għan li jħarsu, fi proċeduri kriminali, ċerti drittijiet ta’ persuni ssuspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali. B’mod speċifiku, hija tagħtihom id-dritt li jirċievu immedjatament informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom u li jiġu informati bl-akkuża miġjuba kontrihom.

    56.

    Hija kkwalifikata bħala ssuspettata kwalunkwe persuna li lilha l-awtorità kompetenti tikkomunika (“tinnotifika”) li hemm indikazzjonijiet tal-involviment tagħha f’reat kriminali (l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/13).

    57.

    Il-kwalità ta’ persuna ssuspettata tista’ tiżdied ma’ dik ta’ persuna arrestata jew iddetenuta. L-Artikoli 4 u 6(2) tad-Direttiva 2012/13 jirreferu speċifikament għal din is-sitwazzjoni, sabiex tobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu li persuni f’dik is-sitwazzjoni “jkunu provduti fil-pront b’Ittra tad-Drittijiet bil-miktub” (l-Artikolu 4) u jiġu informati dwar ir-raġunijiet għall-arrest jew għad-detenzjoni (l-Artikolu 6).

    58.

    Il-kunċett ta’ persuna akkużata jitqiegħed f’livell kwalitattivament superjuri, peress li jimplika li l-awtorità kompetenti (normalment il-Prosekutur Pubbliku) diġà jkun ifformula akkuża speċifika, li tattribwixxi lil dik il-persuna r-responsabbiltà għal reat kriminali.

    59.

    Loġikament, il-ħarsien ta’ dawn id-drittijiet jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità li tintervjeni f’kull wieħed mill-istadji proċedurali. B’mod partikolari, dan għandu jkun il-każ meta, f’kuntest kriminali ( 13 ), il-forzi tal-pulizija jwettqu arrest ( 14 ) jew meta l-Prosekutur Pubbliku joħroġ l-att ta’ akkuża.

    60.

    Id-Direttiva 2012/13 tapplika, konformement mal-Artikolu 2(1) tagħha, sal-konklużjoni tal-proċeduri. Għalhekk “meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell”.

    61.

    Din ir-redazzjoni tippermetti li tiġi inkluża fit-termini tagħha l-ipoteżi li l-proċeduri kriminali ma jintemmux b’kundanna, fis-sens strett, iżda b’miżura ta’ sigurtà li tikkonsisti f’żamma forzata, fi stabbiliment psikjatriku jew simili, tal-persuna ddikjarata li ma tistax tinżamm responsabbli kriminalment minħabba l-instabbiltà mentali tagħha.

    62.

    Fil-fatt, f’kuntest simili, l-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI ( 15 ) jiddefinixxi “piena” bħala “kwalunkwe piena ta’ kustodja jew kwalunkwe miżura li tinvolvi ċaħda tal-libertà imposta għal perijodu ta’ żmien limitat jew mhux limitat minħabba reat kriminali abbażi ta’ proċedimenti kriminali”. B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 9(1)(k) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jirreferi għal “jekk [...] il-piena imposta tinkludi miżura ta’ kura psikjatrika jew tas-saħħa.”

    63.

    Fid-dawl ta’ dawn il-premessi, l-analiżi tar-regoli proċedurali nazzjonali fir-rigward tad-Direttiva 2012/13 tippermetti li tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju.

    64.

    Skont in-NPK, il-proċeduri kriminali jistgħu jintemmu, flimkien mal-liberazzjoni mill-akkużi, bl-impożizzjoni kemm ta’ piena (permezz ta’ proċedura ordinarja) kif ukoll ta’ miżura medika obbligatorja (konformement mal-proċedura speċjali fl-Artikoli 427 et seq. tagħha). Ir-reazzjoni għat-twettiq tar-reat, jiġifieri l-piena, tinbidel f’miżura ta’ żamma psikjatrika obbligatorja meta l-awtur tal-att kriminali jkun wettaq dan l-att f’sitwazzjoni ta’ instabbiltà mentali.

    65.

    Sabiex tingħata kemm il-piena kif ukoll il-miżura medika koerċittiva, b’konsegwenza tat-twettiq ta’ reat, ( 16 ) id-dritt nazzjonali jirrikjedi li jsiru proċeduri kriminali ġenwini, li jfisser li matulhom għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet protetti mid-Direttiva 2012/13. Ma nemminx li s-salvagwardji li tipprovdi din id-direttiva jistgħu jiġu esklużi fi kwalunkwe waħda miż-żewġ ipoteżijiet.

    66.

    Huwa differenti li, preċiżament minħabba s-sitwazzjoni psikoloġika tal-persuna ssuspettata jew akkużata, l-informazzjoni meħtieġa li għandha tingħata dwar id-drittijiet tagħha tista’ tkun suġġetta għal ċerti aġġustamenti. F’ċerti każijiet individwali ta’ instabbiltà mentali, huwa inutli li l-persuna kkonċernata tingħata formola b’dikjarazzjoni tad-drittijiet tagħha, għaliex hija ma tkunx f’pożizzjoni li tifhimhom, u kemm din il-proċedura kif ukoll il-komunikazzjoni tal-akkużi miġjuba kontriha jistgħu jsiru fil-preżenza tal-avukat difensur tagħha, peress li, kif ser insemmi iktar ’il quddiem, l-assistenza ta’ dan tal-aħħar hija kompletament insostitwibbli.

    67.

    L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2012/13 effettivament jobbliga li tingħata informazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni ssuspettati jew akkużati filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-persuni “vulnerabbli”. Din l-espressjoni tinkludi nies bi problemi serji ta’ saħħa mentali, li jistgħu jkunu fi stat fejn ma jifhmu kważi xejn mill-informazzjoni.

    68.

    L-intenzjoni ta’ tali prevenzjoni hija sabiex din l-informazzjoni tkun tista’ tiġi rċevuta u assimilata mill-persuna li lilha tkun indirizzata. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-“Pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali” ( 17 ) meta jispjega l-“miżura E” (“Salvagwardji Speċjali għal Persuni Suspettati jew Akkużati u li jkunu Vulnerabbli”) fejn jindika li “[s]abiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċedimenti, huwa importanti li tingħata attenzjoni speċjali lil persuni suspettati jew akkużati li ma jistgħux jifhmu jew isegwu l-kontenut jew it-tifsira tal-proċedimenti, minħabba pereżempju l-età tagħhom, il-kondizzjoni mentali jew fiżika” ( 18 ).

    69.

    F’każijiet ta’ persuni b’mard mentali li jkunu jbatu minn inkapaċità psikjatrika severa (kif jidher li qiegħed iseħħ f’dan il-każ), jidher li huwa rakkomandabbli li l-informazzjoni tingħata bl-assistenza ta’ terza persuna li taġixxi f’isimha ( 19 ). Fi kwalunkwe każ, hija kompetenza tad-dritt nazzjonali li jinstabu soluzzjonijiet fir-rigward tal-kapaċità ta’ persuni li ma jinstabux f’kundizzjoni li jaġixxu għalihom innifishom ( 20 ).

    2. Ir-rimedji legali għall-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet

    70.

    Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13, għandu jiġi żgurat li l-persuni ssuspettati jew akkużati li ma ngħatawx l-informazzjoni meħtieġa (skont it-termini ta’ din id-direttiva) jistgħu jikkontestaw din l-omissjoni “f’konformità mal-proċeduri fil-liġi nazzjonali”.

    71.

    Il-qorti tar-rinviju tafferma li, fil-proċedura speċjali għaż-żamma f’istituzzjoni psikjatrika ta’ persuni li ma jistgħux jinżammu kriminalment responsabbli (Artikoli 427 et seq. tan-NPK), b’differenza mill-proċeduri ordinarji, ma tkunx tista’ tivverifika jekk kienx hemm ksur ta’ drittijiet matul l-investigazzjoni mmexxija mill-Prosekutur Pubbliku.

    72.

    Skont il-qorti tar-rinviju, jekk l-investigazzjoni tal-Prosekutur Pubbliku tintemm b’deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura minħabba li l-persuna eżaminata ma tkunx tista’ tinżamm kriminalment responsabbli, tinfetaħ it-triq sabiex l-istess qorti tordna ż-żamma f’istituzzjoni psikjatrika. F’dan l-istadju, jista’ jiġi żvelat kwalunkwe ksur preċedenti tad-drittijiet, li seħħ matul il-fażi tal-investigazzjoni, mingħajr ma l-qorti jkollha l-possibbiltà li tevalwa l-opportunità li tirrimedja n-nuqqasijiet ikkonstatati (pereżempju, billi tordna r-rinviju tal-proċess lura għall-fażi tal-investigazzjoni). Skont il-qorti inkwistjoni, hija tista’ biss tapprova jew tiċħad iż-żamma f’istituzzjoni psikjatrika.

    73.

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawn, id-dritt ta’ aċċess għal rimedji effettivi skont it-tifsira tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13 huwiex osservat, sabiex jiġi kkontestat li l-awtorità kompetenti ma pprovdietx jew irrifjutat l-informazzjoni meħtieġa lill-persuna ssuspettata jew akkużata.

    74.

    Filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt tagħha nnifisha, ma jidhirx li jista’ jiġi eskluż appell (ibbażat fuq l-Artikolu 243(3) tan-NPK) kontra d-deċiżjoni tal-Prosekutur Pubbliku li jingħalaq il-każ, meta ulterjorment tinfetaħ il-proċedura (speċjali) irregolata mill-Artikoli 427 et seq. ta’ dan il-kodiċi. Dan l-appell jista’ jkun ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew akkużata waqt il-fażi li tippreċedi d-deċiżjoni tal-qorti li trid tiddeċiedi, fuq talba tal-Prosekutur Pubbliku, jekk din il-persuna għandhiex tinżamm f’istituzzjoni psikjatrika. Għaldaqstant tibqa’ miftuħa l-possibbiltà li ssir kontestazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/13.

    75.

    Il-qorti tar-rinviju tidher li taċċetta din is-soluzzjoni meta, fil-punt 62 tad-digriet tar-rinviju, tindika li, għalkemm l-Artikoli 427 et seq. tan-NPK ma jiggarantixxux rimedju effettiv, hija tista’ “tapplika b’analoġija l-garanzija proċedurali pprovduta għal każijiet eżaminati skont il-proċedura ordinarja” ( 21 ).

    76.

    Jekk interpretazzjoni bħal din ma tkunx possibbli, ir-regoli proċedurali Bulgari, skont it-termini li tuża l-qorti tar-rinviju sabiex tiddeskrivihom ( 22 ), jistgħu ma jiggarantixxux id-dritt għal rimedju effettiv li jinsab fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/13, peress li l-ebda mħallef ma jkollu s-setgħa li jevalwa jekk ġewx irrispettati, fil-fażi li tippreċedi l-proċedura msemmija fl-Artikoli 427 et seq., id-drittijiet protetti minn din id-direttiva. F’din l-ipoteżi, huwa l-ordinament ġuridiku intern li għandu jislet il-konsegwenzi (jekk ikun il-każ, ir-rinviju tal-proċess sabiex jiġi rrimedjat il-ksur imwettaq) għal dan it-tip ta’ ksur, jekk dawn jaffettwaw b’mod gravi l-garanziji proċedurali tal-persuna kkonċernata.

    77.

    Fl-aħħar nett, ma jistax jintesa li, fil-proċedura rregolata mill-Artikoli 427 et seq. tan-NPK, huwa obbligatorju li l-avukat difensur tal-persuna kkonċernata jassisti lil din tal-aħħar matul is-seduta li trid issir quddiem il-qorti li tiddeċiedi dwar iż-żamma tagħha f’istituzzjoni psikjatrika. ( 23 ) Loġikament, minn din il-perspettiva, l-avukat jista’ jinvoka, fid-difiża tal-klijent tiegħu, il-motivi kollha ta’ oppożizzjoni għaż-żamma, inklużi dawk li jirriżultaw mill-irregolaritajiet eventwali li l-awtoritajiet kompetenti setgħu wettqu matul il-fażi tal-investigazzjoni fil-proċeduri kriminali.

    C.   Fuq l-effett tad-Direttiva 2013/48

    1. Dwar id-drittijiet li għandhom jiġu rrispettati

    78.

    Din id-direttiva tiżgura li l-persuni ssuspettati jew akkużati jkunu intitolati għall-assistenza ta’ avukat fi proċeduri kriminali u li ċ-ċaħda tal-libertà tagħhom tinġieb għall-attenzjoni ta’ parti terza li magħha jkunu jistgħu jikkomunikaw.

    79.

    Fir-rigward tal-kunċetti ta’ persuna ssuspettata jew akkużata, kif ukoll ta’ awtoritajiet kompetenti, fil-qafas tad-Direttiva 2013/48, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet imsemmija fid-Direttiva 2012/13. B’mod partikolari, id-Direttiva 2013/48 tirreferi b’mod espliċitu għall-“pulizija jew awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi” meta l-Artikolu 2(3) tagħha jestendi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ assistenza legali għal persuni li, filwaqt li inizjalment ma jkunux issuspettati jew akkużati, isiru tali “matul l-interrogazzjoni” ( 24 ).

    80.

    Billi, kif ġie indikat preċedentement, in-NPK jipprevedi proċeduri kriminali ġenwini li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta’ miżura medika obbligatorja (konformement mal-proċedura speċjali tal-Artikoli 427 et seq.), il-persuna suġġetta għal din il-proċedura għandha tiġi ggarantita l-assistenza ta’ avukat kif ukoll id-drittijiet l-oħra previsti mid-Direttiva 2013/48.

    81.

    B’differenza minn dak li jseħħ taħt id-Direttiva 2012/13, l-istat mentali tal-persuna ssuspettata jew akkużata ma jippermettix li jiġi mmodifikat id-dritt tagħha għal assistenza minn avukat f’każ ta’ reat gravi ( 25 ). Għall-kuntrarju, dan id-dritt jissaħħaħ peress li l-persuna kkonċernata ma tkunx, pereżempju, f’pożizzjoni li tirrinunzja b’mod validu għall-preżenza tal-avukat tagħha (Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48).

    82.

    Għalkemm, kif spjegajt ukoll, persuni fi stat ta’ instabbiltà mentali jistgħu jitqiesu vulnerabbli, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw dan l-aċċess għal avukat filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

    83.

    Skont l-informazzjoni fil-proċess, in-NPK jissodisfa dan l-għan peress li f’każ li l-livell ta’ inkapaċità jwassal sabiex il-persuna ma tifhimx, minnufih jinħatar avukat sabiex, fiż-żmien ippjanat mid-difiża, jara li l-kumplament tad-drittijiet jiġu rrispettati kif xieraq. L-Artikolu 94(1)(2) jipprovdi wkoll li l-parteċipazzjoni ta’ avukat difensur fi proċeduri kriminali għandha tkun obbligatorja jekk il-persuna kkonċernata tbati minn inkapaċità fiżika jew mentali li ma tippermettilhiex tiddefendi ruħha. F’dan il-każ, il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jistabbilixxi li l-awtorità kompetenti għandha taħtar avukat difensur.

    84.

    Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Bulgara, li dwar l-inkompatibbiltà tagħha mad-Direttiva 2013/48 il-qorti tar-rinviju tistaqsi, ma tidhirx li tmur kontra din tal-aħħar f’dak li jirrigwarda s-salvagwardja tad-drittijiet li tagħhom tirrikjedi l-protezzjoni. Huwa differenti jekk, f’każ partikolari, ma jkunux ġew osservati r-rekwiżiti legali.

    2. Dwar ir-rimedji

    85.

    Jekk, madankollu, dawn id-drittijiet ikunu nkisru, il-kunsiderazzjonijiet li għamilt fir-rigward tar-rimedji applikabbli sabiex jiġi kkontestat ksur tad-Direttiva 2012/13 jistgħu, mutatis mutandis, jiġu trasposti għad-Direttiva 2013/48.

    D.   Fuq l-effett tad-Direttiva (UE) 2016/343

    86.

    Permezz ta’ din id-direttiva, fil-proċeduri kriminali jissaħħu ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt tal-persuni fiżiċi ssuspettati jew akkużati f’tali proċeduri li jkunu preżenti fil-kawża.

    87.

    L-Istati Membri ma kellhomx l-obbligu li jimplimentaw id-Direttiva (UE) 2016/343 qabel l‑1 ta’ April 2018 ( 26 ). Bħala konsegwenza, din id-direttiva ma tistax tiġi invokata bħala leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-proċeduri kriminali li ntemmu qabel dik id-data.

    88.

    F’dan il-każ, skont id-digriet tar-rinviju u l-kjarifiki ulterjuri mill-qorti tar-rinviju, l-għeluq definittiv tal-proċeduri kriminali qabel it-talba, mill-Prosekutur Pubbliku, għall-miżura ta’ detenzjoni seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2018. Din ir-riżoluzzjoni kellha tiddetermina l-fatti stabbiliti, l-involviment tal-akkużat u l-kundizzjoni tiegħu bħala persuna li ma tistax tinżamm responsabbli.

    89.

    Għaldaqstant id-diffikultajiet f’tali proċedura ma jistgħux, ratione temporis, jiġu analizzati fid-dawl tad-Direttiva (UE) 2016/343. B’mod simili, lanqas ma jista’ jiġi invokat l-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), peress li ma hemm ebda evidenza li kien hemm xi element qabel l‑1 ta’ April 2018 li kien jippermetti l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

    90.

    Huwa minnu li, peress li għadha pendenti d-deċiżjoni mill-qorti tar-rinviju fil-proċedura speċjali dwar iż-żamma ta’ EP f’istituzzjoni psikjatrika, id-Direttiva (UE) 2016/343 hija applikabbli għal dik il-proċedura mill‑1 ta’ April 2018. Madankollu, id-domandi preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju ma jikkonċernawx, fil-fatt, l-azzjoni tagħha stess fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, iżda dik tal-awtoritajiet kompetenti (b’mod partikolari l-Prosekutur Pubbliku) matul il-proċeduri kriminali li ntemmu fl‑1 ta’ Marzu 2018.

    91.

    Għalhekk, jidhirli li r-risposta għal din il-parti tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi llimitata għal affermazzjoni li d-Direttiva (UE) 2016/343 ma hijiex applikabbli għall-proċeduri kriminali konklużi qabel l‑1 ta’ April 2018. Madankollu, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tifhimhiex b’dan il-mod, ser nesprimi l-opinjoni tiegħi f’dan ir-rigward.

    92.

    Il-preżunzjoni ta’ innoċenza protetta mid-Direttiva (UE) 2016/343 tirregola, skont l-Artikolu 2 tagħha, “[l-istadji] kollha tal-proċedimenti kriminali [...] sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva”.

    93.

    Ma għandi ebda dubju li kieku d-Direttiva (UE) 2016/343 kellha tkun applikabbli ratione temporis, id-dispożizzjonijiet tagħha kien ikollhom jiġu osservati fil-proċeduri kriminali kontra kwalunkwe persuna ssuspettata jew akkużata, inkluż fejn ikun hemm sintomi ta’ instabbiltà mentali. Il-fatt li l-prosekuzzjoni ssir mill-Prosekutur Pubbliku bl-ebda mod ma jipprekludi li, f’dan l-istadju tal-proċeduri kriminali qabel il-proċeduri quddiem il-qorti, għandu jkun hemm konformità mad-Direttiva (UE) 2016/343.

    94.

    Nenfasizza li l-preżunzjoni ta’ innoċenza protetta mid-Direttiva (UE) 2016/343 tapplika fl-istadji kollha ta’ kull proċedura kriminali għal reati serji ( 27 ). Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li l-persuni akkużati li wettqu reat ikunu jbatu minn mard mentali li jagħti lok għall-konstatazzjoni li ma jistgħux jinżammu responsabbli fi tmiem il-proċeduri.

    95.

    Fi kwalunkwe każ, għandi niġbed l-attenzjoni li l-preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif mhux neċessarjament tipprekludi d-detenzjoni provviżorja, lanqas ma tipprekludi ż-żamma f’istituzzjoni psikjatrika ta’ min ikun issuspettat li wettaq reat fi stat ta’ instabbiltà mentali. Hija lanqas ma tipprekludi, kif jipprovdi l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/343, “deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew evidenza inkriminanti”.

    V. Spjegazzjoni fil-qosor b’riferiment għad-domandi preliminari

    96.

    Permezz tar-riflessjonijiet preċedenti jidhirli li jistgħu jingħataw risposti għad-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju:

    fir-rigward tad-Direttivi 2012/13 u 2013/48, dawn ir-riflessjonijiet huma relatati mal-kontenut tal-ewwel sar-raba’ domanda, it-tnejn li huma inklużi, u s-seba’ domanda (l-ewwel parti); u

    fir-rigward tad-Direttiva 2016/343, dawn huma relatati mal-kontenut tal-ħames u s-sitt domanda.

    97.

    Is-seba’ domanda tinkludi subdomanda li fiha l-qorti tar-rinviju ssemmi l-Artikolu 21 tal-Karta, u tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprekludix li s-setgħat ta’ qorti jvarjaw skont jekk il-persuni li jkunu s-suġġett tal-proċeduri jkunux fi stat ta’ saħħa mentali tajba jew le. Peress li, fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjonijiet ta’ dawn il-persuni li jbatu minn instabbiltà mentali ma humiex paragunabbli ma’ dawk ta’ persuni li għandhom użu sħiħ tal-fakultajiet mentali tagħhom, wieħed ma jistax jitkellem dwar diskriminazzjoni minħabba ċ-ċirkustanza li, għal dawn tal-ewwel, hemm previsti regoli proċedurali speċifiċi. Dan ma jipprekludix li l-garanziji li, skont id-direttivi msemmija hawn fuq, għandhom jiġu osservati, għandhom jiġu applikati għal ċerti persuni speċifiċi, kif diġà spjegajt.

    VI. Konklużjoni

    98.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mir-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit, il-Bulgarija):

    “1)

    Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali għandha tiġi interpretata fis-sens li din tapplika għall-istadji kollha tal-imsemmija proċeduri, mill-mument meta l-awtoritajiet jinformaw lil persuna li tinsab issuspettata li wettqet reat kriminali, inkluż meta din il-persuna tkun tbati minn instabbiltà mentali.

    2)

    Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, hija applikabbli, għall-perijodi previsti mid-dispożizzjonijiet tagħha, għal persuni ssuspettati jew akkużati li jinsabu fi stat ta’ instabbiltà mentali.

    3)

    Id-drittijiet protetti mid-Direttivi 2012/13 u 2013/48 għandhom jiġu rrispettati, jekk ikun il-każ skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minnhom, matul l-investigazzjoni kriminali mmexxija minn uffiċjali tal-pulizija, matul l-investigazzjoni kriminali mmexxija mill-Prosekutur Pubbliku u matul il-proċedura speċjali għall-applikazzjoni ta’ miżuri mediċi koerċittivi għall-każijiet ta’ reati mwettqa minn persuni f’sitwazzjoni fejn ma jistgħux jinżammu responsabbli kriminalment minħabba instabbiltà mentali, kif stabbilit fl-Artikoli 427 et seq. tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).

    4)

    Id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali ma hijiex applikabbli għall-proċeduri kriminali konklużi b’mod definittiv qabel l‑1 ta’ April 2018.

    5)

    Proċedura sabiex tiġi ordnata, għal raġunijiet mediċi, iż-żamma forzata f’istituzzjoni psikjatrika tal-persuni li jsofru minn mard mentali, bħal dik irregolata fl-Artikoli 155 et seq. taz-Zakon za zdraveto (il-Liġi dwar is-Saħħa) ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2012/13, 2013/48 u 2016/343.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).

    ( 3 ) Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1).

    ( 4 ) Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

    ( 5 ) Il-premessa 10 tad-Direttiva 2016/343.

    ( 6 ) Fil-konklużjonijiet tal-5 ta’ Frar 2019fil-kawża Moro (C‑646/17, EU:C:2019:95), l-Avukat Ġenerali Bobek argumenta li “l-applikabbiltà tad-Direttiva 2012/13 ma teħtieġx li jkun hemm natura transkonfinali f’każ individwali quddiem il-qorti nazzjonali” (punt 44). Huwa sostna, f’dan ir-rigward, fost argumenti oħrajn, li s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392), interpretat l-istess direttiva mingħajr ma deher li “kien hemm xi element transkonfinali identifikabbli”. Fis-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet l-istess argument.

    ( 7 ) https://www.legislationline.org/documents/section/criminal-codes/country/39/Bulgaria/show.

    ( 8 ) Skont l-uffiċjali tal-pulizija, EP qalilhom li kien qatel lil ommu għaliex kienet ittradietu u daħħlitu fil-mafja Serba. Meta ġie mistoqsi għalfejn xeħet il-ġisem fit-triq, huwa wieġeb li għamel dan sabiex ma jħallix riħa fil-ġnien tiegħu.

    ( 9 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C-612/15, EU:C:2018:392, punt 81).

    ( 10 ) Skont kif espost fid-digriet tagħha (paragrafi 17 u 18), il-qorti tar-rinviju diġà indikat quddiem il-Varhoven kasatsionem sad (il-Qorti Suprema) li EP ma kienx ġie informat dwar id-drittijiet tiegħu, jew dwar l-akkużi miġjuba kontrih, u lanqas dwar id-dritt li jaħtar avukat difensur jew li jikkontesta d-deċiżjoni tal-Prosekutur Pubbliku. Hija żżid ukoll li l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema) “iddikjarat, mingħajr ma mmotivat din l-evalwazzjoni, li l-kunsiderazzjonijiet tal-Imħallef Relatur fir-rigward tar-restrizzjonijiet dwar id-drittijiet tad-difiża ta’ [EP] kienu infondati”.

    ( 11 ) Hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta d-dritt tagħha, iżda l-Liġi dwar is-Saħħa tidher li toffri garanziji suffiċjenti fid-dawl tal-proċedura bbażata fuq il-prinċipju tal-kontradittorju u d-deċiżjoni finali ta’ organu daqstant ġudizzjarju bħall-qorti tar-rinviju.

    ( 12 ) Skont kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, in-NPK jirregola d-detenzjoni preventiva u l-ikkawtelar ekwivalenti tagħha fir-rigward ta’ persuni fi stat ta’ instabbiltà mentali (l-Artikolu 70), b’mod li l-applikazzjoni tal-proċediment taħt il-Liġi dwar is-Saħħa tista’ taħbi eċċess ta’ poter tal-qorti mhux kriminali. Madankollu nixtieq nenfasizza li s-soluzzjoni għal dan l-eċċess ta’ poter ipotetiku għandha tinstab fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħala mezz sabiex jiġi sanat kwalunkwe kunflitt li jista’ jkun hemm bejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

    ( 13 ) Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-pulizija hija responsabbli mill-ftuħ u t-tmexxija ta’ każijiet ta’ ksur amministrattiv li jaffettwa, pereżempju, is-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku. Dawn il-każijiet mhux neċessarjament ikunu ta’ natura kriminali.

    ( 14 ) Il-premessi 19 u 28 tad-Direttiva 2012/13 jipprovdu li l-informazzjoni lill-persuna ssuspettata jew akkużata għandha tingħata “mhux aktar tard minn qabel l-ewwel intervista uffiċjali tagħhom mill-pulizija”. Il-premessa 22 tirreferi b’mod espliċitu għal dik l-informazzjoni fir-rigward ta’ persuna “[…] arrestata meta din tkun privata mil-libertà permezz tal-intervent tal-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali”. Mingħajr korsiv fl-oriġinali.

    ( 15 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27).

    ( 16 ) Inwarrab, kif diġà indikajt, il-proċedura ta’ natura mhux kriminali rregolata fil-Liġi dwar is-Saħħa.

    ( 17 ) Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, C 295, p. 1).

    ( 18 ) Fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Jannar 2001, Vaudelle vs Franza, CE:ECHR:2001:0130JUD003568397, punt 65, il-QEDB iddeċidiet li jekk il-persuna kkonċernata tbati minn marda mentali, l-awtoritajiet iridu jieħdu miżuri addizzjonali biex jinformawha fid-dettall dwar in-natura u r-raġuni għall-akkuża kontra tagħha.

    ( 19 ) Ara l-punti 9 u 10 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2013, C 378, p. 8), li jużaw it-terminu “adult xieraq”.

    ( 20 ) In-NPK jwieġeb hekk għal din il-loġika: jekk il-grad ta’ inkapaċità jwassal biex dik il-persuna ma tifhem xejn, għandu jinħatar avukat minnufih sabiex, fiż-żmien ippjanat mid-difiża, jara li l-kumplament tad-drittijiet jiġu debitament irrispettati. L-Artikolu 94(1)(2) jistipula li l-involviment ta’ avukat difensur fi proċeduri kriminali għandu jkun obbligatorju jekk il-persuna eżaminata tbati minn inkapaċità fiżika jew mentali li ma tippermettilhiex tiddefendi ruħha. F’tali każ, il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jistabbilixxi li l-korp korrispondenti għandu jaħtar avukat bħala difensur.

    ( 21 ) Din l-interpretazzjoni ma tkunx estranea għas-sistema ġuridika Bulgara: fil-fatt, il-Liġi dwar is-Saħħa, li bħala prinċipju tinsab iktar imbiegħda mir-regoli proċedurali komuni milli l-proċedura speċjali ta’ żamma f’istituzzjoni psikjatrika, tistabbilixxi fl-Artikolu 165(1) tagħha l-applikazzjoni supplimentari tan-NPK.

    ( 22 ) Il-Gvern Bulgaru u l-Prosekutur Pubbliku naqsu milli jintervjenu f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, fejn għalhekk l-espożizzjoni tad-dritt nazzjonali u tal-interpretazzjoni tiegħu hija limitata għal dik mogħtija mill-qorti tar-rinviju.

    ( 23 ) Artikolu 430(2) u (3). Il-persuna li ż-żamma tagħha f’istituzzjoni psikjatrika qed tintalab tista’ tidher ukoll f’dik is-seduta sakemm l-istat ta’ saħħitha ma jkunx ta’ ostakolu għaliha.

    ( 24 ) Dan jitqies ukoll mill-QEDB fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kurpka vs L‑Ukraina, CE:ECHR:2016:1110JUD000791807.

    ( 25 ) Fir-rigward ta’ reati minuri, l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2013/48 jippermetti ċerti limitazzjonijiet, b’tali mod li l-garanziji tagħhom ikunu applikabbli biss għall-proċeduri quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’materji kriminali.

    ( 26 ) Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2016/343.

    ( 27 ) L-Artikolu 7(6) jintroduċi ċerti bidliet għal ksur minuri.

    Top