EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0461

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fit-23 ta’ April 2020.
Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd vs Distillerie Bonollo SpA et.
Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina miċ-Ċina – Appell ippreżentat minn intervenjent fl-ewwel istanza – It-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Eżami mill-ġdid intermedju parzjali – Telf tal-istatus ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid – Emenda tad-dazju antidumping definittiv – Determinazzjoni tal-valur normali – Artikolu 11(9) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Appell inċidentali – Rikors għal annullament ippreżentat minn produtturi kompetituri stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni Ewropea – Ammissibbiltà – Inċidenza diretta – Tqassim tal-kompetenzi ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza.
Kawża C-461/18 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:298

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit‑23 ta’ April 2020 ( 1 )

Kawża C‑461/18 P

Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd

vs

Distillerie Bonollo SpA,

Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA,

Distillerie Mazzari SpA,

Caviro Distillerie Srl,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Dumping — Importazzjoni ta’ aċidu tartariku li joriġina miċ-Ċina — Appell ippreżentat minn intervenjent fl-ewwel istanza — Artikolu 11(9) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Rikors għal annullament ippreżentat minn produttur tal-Unjoni — Ammissibbiltà — Inċidenza diretta”

Werrej

 

I. Il-kuntest ġuridiku

 

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

 

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

 

V. L-appell inċidentali

 

A. L-argumenti tal-partijiet

 

B. Evalwazzjoni

 

1. L-ammissibbiltà tal-appell inċidentali

 

a) Fuq l-ammissibbiltà tal-aggravju uniku mqajjem insostenn tat-talba prinċipali tal-Kummissjoni, sa fejn dan huwa dirett kontra l-punti 59 u 63 tas-sentenza appellata

 

b) Fuq l-ammissibbiltà tat-talba tal-Kummissjoni li tiċħad il-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali bħala infondat

 

c) Fuq l-ammissibbiltà tat-talba tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali bħala infondat sa fejn dan jirreferi għall-argumenti mressqa mill-Kunsill fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali

 

2. Fuq il-mertu

 

a) Fuq it-talba prinċipali tal-Kummissjoni, li fiha titlob l-annullament tas-sentenza appellata

 

b) Fuq it-talba sussidjarja tal-Kummissjoni, li fiha titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla t-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata

 

VI. Fuq l-appell prinċipali

 

A. L-argumenti tal-partijiet

 

B. Evalwazzjoni

 

1. L-ammissibbiltà tal-appell

 

2. Fuq l-ammissibbiltà tal-aggravju uniku

 

3. Fuq il-mertu

 

VII. Fuq l-ispejjeż

 

VIII. Konklużjoni

1.

Permezz ta’ dan l-appell, Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, Distillerie Bonollo et vs Il‑Kunsill (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 2 ) li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”) ( 3 ).

2.

Peress li Changmao Biochemical Engineering ma kinitx parti, iżda intervenjenti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, dan l-appell joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-portata tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem l-“Istatut”), li jipprovdi li l-intervenjenti fl-ewwel istanza jistgħu jippreżentaw appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali biss meta din id-deċiżjoni taffettwahom direttament. Din il-kawża tqajjem ukoll il-kwistjoni tal-portata tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) ( 4 ), li jeżiġi li, fil-każ ta’ eżami mill-ġdid ta’ miżuri antidumping, l-istess metodoloġija għandha tiġi applikata bħal dik fl-investigazzjoni oriġinali, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux inbidlu. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni ppreżentat appell inċidentali, li permezz tiegħu hija tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li r-rikorrenti, li huma produtturi tal-Unjoni, huma direttament ikkonċernati mir-Regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta fis-sentenza reċenti tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), tapplikax fil-qasam tal-antidumping.

I. Il-kuntest ġuridiku

3.

L-Artikolu 11 tar-Regolament bażiku, intitolat “Tistabbilixxi [Determinazzjoni ta’] dumping”, jipprevedi, fil-paragrafu 9 tiegħu:

“Fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni jew ta’ rifużjoni imwettqa skond dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux tbiddlu, tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-Artikolu 2, u b’mod partikolari għall-paragrafi 11 u 12 tiegħu, u għall-Artikolu 17.”

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

4.

L-aċidu tartariku jintuża fil-produzzjoni tal-inbid u ta’ xarbiet oħra bħala addittiv tal-ikel u bħala ritardant fil-ġibs u fi prodotti oħra. Kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Arġentina, l-aċidu tartariku huwa prodott minn prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid, magħrufa bħala fond tal-inbid. Fiċ-Ċina, l-aċidu tartariku u l-aċidu tartariku DL huma prodotti mill-benżen. L-aċidu tartariku prodott permezz ta’ sinteżi kimika għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi u huwa intiż għall-istess użi bażiċi bħal dak prodott minn prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid.

5.

Changmao Biochemical Engineering hija produttur-esportatur Ċiniż tal-aċidu tartariku. Distillerie Bonollo SpA, Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA, Distillerie Mazzari SpA, Caviro Distillerie Srl u Comercial Química Sarasa SL (iktar ’il quddiem, ir-“rikorrenti fl-ewwel istanza”) huma produtturi tal-Unjoni tal-aċidu tartariku.

6.

Fl‑24 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet ilment dwar dumping fis-settur tal-aċidu tartariku minn diversi produtturi tal-Unjoni, fosthom Industria Chimica Valenzana (ICV), Distillerie Mazzari u Comercial Química Sarasa.

7.

Fit-30 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ bidu ta’ proċedura antidumping f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 5 ).

8.

Fis‑27 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1259/2005 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 6 ).

9.

Fit‑23 ta’ Jannar 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 130/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 7 ).

10.

Skont ir-Regolament Nru 130/2006, Changmao Biochemical Engineering u Ninghai Organic Chemical Factory (iktar ’il quddiem iż-“żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi”) ingħataw l-istatus ta’ impriżi li joperaw f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem is-“SIES”) skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Ġew imposti dazji antidumping ta’ 10.1 % u ta’ 4.7 % rispettivament fuq il-prodotti mmanifatturati miż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi ( 8 ). Ġie impost dazju antidumping ta’ 34.9 % fuq il-kumpanniji l-oħra kollha.

11.

Wara l-pubblikazzjoni, fl‑4 ta’ Awwissu 2010, ta’ avviż dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri antidumping ( 9 ), il-Kummissjoni rċeviet, fis‑27 ta’ Ottubru 2010, talba għall-eżami mill-ġdid ta’ dawn il-miżuri, imressqa mill-ħames produtturi tal-Unjoni msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq. Fis‑26 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ bidu ta’ eżami mill-ġdid ta’ miżuri li ser jiskadu ( 10 ).

12.

Fid‑9 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni rċeviet talba għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali fir-rigward taż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Din it-talba tressqet mill-ħames produtturi tal-Unjoni msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq. Fid‑29 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ bidu ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 11 ).

13.

Fis‑16 ta’ April 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku ( 12 ).

14.

Ir-Regolament Nru 349/2012 żamm id-dazji antidumping stabbiliti mir-Regolament Nru 130/2006.

15.

Fi tmiem il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali li tikkonċerna ż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi, fis‑26 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill adotta ir-Regolament ikkontestat, li jemenda r-Regolament Nru 349/2012.

16.

Essenzjalment, ir-Regolament ikkontestat ma jagħtix is-SIES liż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi u, wara li kkalkola l-valur normali stabbilit abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn produttur li kkoopera f’pajjiż analogu, jiġifieri l-Arġentina, iżid id-dazji antidumping applikabbli għall-oġġetti prodotti minn dawn iż-żewġ kumpanniji, rispettivament, minn 10.1 % għal 13.1 % u minn 4.7 % għal 8.3 % ( 13 ).

17.

Fil‑5 ta’ Ottubru 2012, Changmao Biochemical Engineering ippreżentat rikors intiż għall-annullament tar-Regolament ikkontestat.

18.

Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017 ( 14 ), il-Qorti Ġenerali annullat dan ir-regolament sa fejn kien japplika għal Changmao Biochemical Engineering, minħabba li, billi rrifjutaw li jikkomunikaw lil din il-kumpannija l-informazzjoni dwar id-differenza fil-prezzijiet tal-aċidu tartariku DL u tal-aċidu tartariku L+, li kien jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tal-kalkolu tal-valur normali tal-aċidu DL, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu kisru d-drittijiet tad-difiża ta’ Changmao Biochemical Engineering u l-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku. Din is-sentenza ma ġietx ikkontestata b’appell.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19.

Fit‑28 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentaw rikors għall-annullament tar-Regolament ikkontestat.

20.

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Settembru 2016, u permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Settembru 2016, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-interventi tal-Kummissjoni u ta’ Changmao Biochemical Engineering insostenn tat-talba tal-Kunsill, filwaqt li speċifika li, peress li t-talbiet għal intervent tagħhom tressqu wara l-iskadenza tat-terminu indikat fl-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991 ( 15 ), kif emendati l-aħħar fid‑19 ta’ Ġunju 2013, huma kienu awtorizzati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom biss waqt il-proċedura orali, abbażi tar-rapport għas-seduta li kien ikkomunikat lilhom.

21.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors kien ammissibbli, laqgħet l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti u annullat ir-Regolament ikkontestat.

22.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill ibbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kinux direttament u individwalment ikkonċernati mir-Regolament ikkontestat u li, barra minn hekk, huma ma kellhomx interess ġuridiku.

23.

B’mod partikolari ( 16 ), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament ikkontestat. Il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont il-ġurisprudenza, din il-kundizzjoni teżiġi, minn naħa, li l-miżura tal-Unjoni kkontestata direttament taffettwa s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, li d-destinatarji ta’ dan l-att li huma responsabbli mill-implimentazzjoni tiegħu ma għandu jkollhom l-ebda setgħa diskrezzjonali. Din l-aħħar kundizzjoni ġiet issodisfatta, peress li l-Istati Membri, li kienu responsabbli mill-implimentazzjoni tar-Regolament ikkontestat, ma kellhom l-ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tar-rata tad-dazju antidumping u tal-impożizzjoni ta’ dan id-dazju fuq il-prodott ikkonċernat. Fir-rigward tal-ewwel rekwiżit, il-Kunsill u l-Kummissjoni sostnew li l-emenda tar-rata tad-dazju antidumping li ġab miegħu dan ir-Regolament ikkontestat ma setgħetx tipproduċi effetti legali fir-rigward tar-rikorrenti minħabba, minn naħa, li r-rikorrenti ma ħallsu l-ebda dazju antidumping u, min-naħa l-oħra, li huma ma kellhomx dritt suġġettiv għall-impożizzjoni ta’ ċertu livell ta’ dazji antidumping fuq il-kompetituri tagħhom. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, kieku l-qrati tal-Unjoni kienu adottaw tali interpretazzjoni restrittiva ta’ dan ir-rekwiżit, kwalunkwe rikors ippreżentat minn produttur tal-Unjoni kontra regolament li jistabbilixxi dazji antidumping kien ikollu jiġi ddikjarat awtomatikament inammissibbli; l-istess kien japplika għal kwalunkwe rikors ippreżentat minn kompetitur tal-benefiċjarju ta’ għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kif ukoll għal kwalunkwe rikors ippreżentat minn kompetitur kontra deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, dawn it-tipi ta’ rikorsi ġew iddikjarati ammissibbli mill-ġurisprudenza. Peress li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kienu ressqu talba għal eżami mill-ġdid intermedju parzjali, u d-dazji antidumping imposti fi tmiem l-eżami mill-ġdid intermedju parzjali kienu intiżi sabiex jikkumpensaw id-dannu li huma kienu ġarrbu bħala produtturi kompetituri li joperaw fl-istess suq, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li huma kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament ikkontestat.

24.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv invokat quddiemha, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

25.

Il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku jeżiġi li, fl-investigazzjonijiet kollha ta’ eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni għandha tapplika l-istess metodoloġija bħal dik fl-investigazzjoni oriġinali, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux inbidlu, filwaqt li tqis l-Artikolu 2 ta’ dak ir-regolament b’mod xieraq.

26.

F’dan il-każ, matul l-investigazzjoni oriġinali, il-valur normali ġie kkalkolat, għaż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi, li kienu ngħataw is-SIES, abbażi tal-prezzijiet reali ta’ bejgħ domestiku ta’ kull kumpannija, u, għall-produtturi-esportaturi li ma ngħatawx is-SIES, abbażi ta’ informazzjoni li waslet mingħand il-produttur fil-pajjiż analogu, b’mod partikolari, il-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina. Fir-Regolament ikkontestat, is-SIES ġie rrifjutat liż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi matul l-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, b’tali mod li l-valur normali ma setax jiġi stabbilit iktar abbażi tal-prezzijiet reali ta’ bejgħ domestiku mitluba minn kull waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji. Huwa ġie kkalkolat, essenzjalment, abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-Arġentina.

27.

Il-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt li, fir-Regolament ikkontestat, il-valur normali għall-produtturi-esportaturi li ma ngħatawx is-SIES ġie kkalkolat abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-Arġentina milli abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina, jikkostitwixxi bidla fil-metodoloġija fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Peress li r-Regolament ikkontestat ma kienx jirreferi għal bidla fiċ-ċirkustanzi, din il-bidla ma hijiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

28.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ikkontestat ( 17 ).

29.

Fuq talba tar-rikorrenti, hija żammet id-dazju antidumping stabbilit mir-Regolament ikkontestat fir-rigward ta’ Ninghai Organic Chemical Factory sakemm il-Kummissjoni u l-Kunsill ikunu adottaw il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata. Fid-dawl tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372), dan id-dazju ma setax jinżamm fir-rigward ta’ Changmao Biochemical Engineering.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

30.

Permezz ta’ dan l-appell, Changmao Biochemical Engineering titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha, u tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

31.

Distillerie Bonollo, Industria Chimica Valenzana (ICV), Distillerie Mazzari u Caviro Distillerie (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Distillerie Bonollo”) jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat. Distillerie Bonollo titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-appellanti u lil kull intervenjent għall-ispejjeż li hija sostniet fl-ewwel istanza u fl-appell.

32.

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala inammissibbli u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-appell.

33.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat, u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

34.

Il-Kummissjoni ppreżentat appell inċidentali. Hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddikjara l-ewwel erba’ motivi mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali bħala inammissibbli ( 18 ), u tiddikjara li l-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali ma huwiex fondat jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-ħames motiv imqajjem fl-ewwel istanza ( 19 ). Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Kunsill ġie ordnat jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha. Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil Changmao Biochemical Engineering għall-ispejjeż.

35.

Distillerie Bonollo titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali ( 20 ) bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondata. Barra minn hekk, Distillerie Bonollo titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell inċidentali bħala infondat jew ineffettiv għall-bqija. Fl-aħħar nett, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minn Distillerie Bonollo fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għal dawk sostnuti fil-każ ta’ rinviju lill-Qorti Ġenerali.

36.

Il-Kunsill isostni t-talbiet ippreżentati mill-Kummissjoni fl-appell inċidentali.

37.

Changmao Biochemical Engineering titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddikjara inammissibbli l-ewwel erba’ motivi mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, tiddikjara li l-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali ma huwiex fondat jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-ħames motiv imqajjem fl-ewwel istanza. Sussidjarjament, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tordna lill-Kunsill jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma magħha. Fl-aħħar nett, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil Distillerie Bonollo għall-ispejjeż ta’ Changmao Biochemical Engineering.

38.

Waqt is-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Changmao Biochemical Engineering, Distillerie Bonollo, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V. L-appell inċidentali

39.

Peress li l-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni prinċipalment jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza, dan għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok.

A.   L-argumenti tal-partijiet

40.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad l-ewwel erba’ motivi mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali bħala inammissibbli ( 21 ), u tiċħad il-ħames motiv imqajjem fl-ewwel istanza bħala infondat jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-ħames motiv ( 22 ). Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata sa fejn, fit-tieni punt tad-dispożittiv tagħha, il-Kunsill ġie ordnat jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha.

41.

Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tqajjem aggravju uniku. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 51 sa 73 tas-sentenza appellata, li Distillerie Bonollo kienet direttament ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat.

42.

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tinvoka d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), sabiex tadotta interpretazzjoni wiesgħa tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta. Din l-interpretazzjoni, li skontha din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-att tal-Unjoni kkontestat ikollu effett sostanzjali fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent, ukoll ma hijiex konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, li timponi effett legali fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex ir-Regolament ikkontestat jipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Distillerie Bonollo, huwa għandu jagħti dritt materjali lil din tal-aħħar. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li Distillerie Bonollo ma għandhiex dritt li teżiġi li ċertu livell ta’ miżuri antidumping għandu jiġi impost fuq produtturi ta’ pajjiżi terzi li huma kompetituri, peress li l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku jippermetti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jastjenu milli jimponu tali miżuri meta dan ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

43.

Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

44.

Konsegwentement, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel erba’ motivi mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali bħala inammissibbli u tiċħad il-ħames motiv imqajjem fl-ewwel istanza bħala infondat. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar motiv, li huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dan huwa ammissibbli, peress li dan huwa motiv proċedurali u mhux fuq il-mertu. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv huwa infondat, peress li, matul il-proċedura amministrattiva, Distillerie Bonollo kellha diversi skambji bil-miktub u orali mal-Kummissjoni. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tqis li hija ma tistax tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni titlob li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar dan il-motiv.

45.

Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla t-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. Insostenn ta’ din it-talba, il-Kummissjoni tinvoka aggravju uniku, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta żammet id-dazju antidumping stabbilit mir-Regolament ikkontestat “sakemm il-[Kummissjoni] u l-[Kunsill i]kunu ħadu l-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ [dik] is-sentenza”. Hija ssostni li, mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 23 ), hija biss il-Kummissjoni li tista’ timponi miżuri antidumping.

46.

Changmao Biochemical Engineering taqbel mat-talbiet kollha tal-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni tal-fatt li, minn naħa, hija topponi t-talba sussidjarja tal-Kummissjoni (miġbura fil-qosor fil-punt preċedenti) u, min-naħa l-oħra, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil Distillerie Bonollo għall-ispejjeż ta’ Changmao Biochemical Engineering.

47.

Distillerie Bonollo titlob li l-appell inċidentali jiġi miċħud.

48.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali huwa infondat, Distillerie Bonollo ssostni li dan il-motiv huwa inammissibbli. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx dan il-motiv, it-tieni nett, din hija kwistjoni ta’ fatt u, it-tielet nett, l-appell inċidentali jirreferi għar-risposta tal-Kunsill għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni ma kellhiex tirċievi kopja tagħhom peress li hija ġiet ammessa tintervjeni biss abbażi tar-rapport tas-seduta. Distillerie Bonollo tallega li din l-allegazzjoni, fi kwalunkwe każ, hija infondata.

49.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aggravju uniku invokat insostenn tat-talba intiża għall-annullament tas-sentenza appellata, Distillerie Bonollo ssostni li dan huwa inammissibbli sa fejn dan huwa dirett kontra l-punti 59 u 63 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel punt, il-Kummissjoni tikkontesta konstatazzjoni ta’ fatt u, fir-rigward tal-aħħar punt, il-Kummissjoni sempliċement tipprova tissostitwixxi l-interpretazzjoni tagħha għal dik adottata mill-Qorti Ġenerali.

50.

Distillerie Bonollo barra minn hekk issostni li dan l-aggravju uniku huwa kompletament infondat jew ineffettiv. Distillerie Bonollo ssostni, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva sabiex twessa’ l-kunċett ta’ inċidenza diretta, peress li r-riferiment, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, għal dan il-prinċipju huwa superfluwu. Barra minn hekk, rikorrent huwa direttament ikkonċernat minn att tal-Unjoni meta, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 52 tas-sentenza appellata, huwa jkun affettwat fil-kwalità tiegħu bħala attur tas-suq f’kompetizzjoni ma’ atturi oħra tas-suq. Dan il-kriterju ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 43). Konsegwentement, Distillerie Bonollo ssostni li hija direttament ikkonċernata bħala kompetitriċi diretta taż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi, li fuq il-prodotti tagħhom ir-Regolament ikkontestat jonqos milli jimponi dazji antidumping adegwati.

51.

Fit-tielet lok, Distillerie Bonollo ssostni li l-aggravju uniku mqajjem insostenn tat-talba sussidjarja tal-Kummissjoni ma huwiex fondat. It-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata jobbliga mhux biss lill-Kunsill, iżda wkoll lill-istituzzjoni kompetenti, jiġifieri l-Kummissjoni, li jadottaw il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza.

52.

Il-Kunsill jappoġġja ż-żewġ talbiet ippreżentati mill-Kummissjoni.

53.

Fl-ewwel lok, il-Kunsill isostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, peress li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li l-erba’ motivi fuq il-mertu mqajma quddiemha kienu ammissibbli. Għalkemm il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, dan il-prinċipju ma jistax iwassal sabiex jiġu miċħuda l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza li teżiġi li l-att tal-Unjoni jipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent minflok fuq is-sitwazzjoni fattwali tiegħu tibqa’ valida. Regolament li jimponi dazji antidumping ma jistax jipproduċi effett legali fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni sa fejn, minn naħa, dawn il-produtturi ma jħallsux dawn id-dazji u, min-naħa l-oħra, huma ma jkollomx dritt li jiġu imposti dazji fuq produtturi-esportaturi ta’ pajjiż terz. Għaldaqstant, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, essenzjalment, li l-kundizzjoni marbuta mal-inċidenza diretta tkun issodisfatta meta s-sitwazzjoni fattwali tar-rikorrent tkun affettwata.

54.

Fit-tieni lok, il-Kunsill jitlob li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, hija għandha tiċħad il-ħames motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali bħala infondat.

55.

Fit-tielet lok, il-Kunsill isostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma tannullax is-sentenza appellata, hija għandha madankollu tannulla t-tieni punt tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, peress li r-Regolament Nru 37/2014 jagħti s-setgħa li tadotta miżuri antidumping biss lill-Kummissjoni.

B.   Evalwazzjoni

56.

Permezz tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni titlob l-annullament tas-sentenza appellata (iktar ’il quddiem it-“talba prinċipali tal-Kummissjoni”) minħabba li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punti 51 sa 73 ta’ din is-sentenza, li Distillerie Bonollo kienet direttament ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat. Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob l-annullament tat-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn dan il-punt jordna lill-Kunsill jadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza (iktar ’il quddiem it-“talba sussidjarja tal-Kummissjoni”), minħabba li, mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 37/2014, hija biss il-Kummissjoni li tista’ timponi miżuri antidumping.

57.

Distillerie Bonollo titlob li ż-żewġ talbiet tal-Kummissjoni jiġu miċħuda, filwaqt li l-Kunsill u Changmao Biochemical Engineering jingħaqdu maż-żewġ talbiet.

1. L-ammissibbiltà tal-appell inċidentali

58.

Distillerie Bonollo tikkontesta l-ammissibbiltà, minn naħa, tal-aggravju uniku mqajjem insostenn tat-talba prinċipali tal-Kummissjoni, ibbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tal-inċidenza diretta, sa fejn dan l-aggravju huwa dirett kontra ċerti punti tas-sentenza appellata, u, min-naħa l-oħra, tat-talba tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad il-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali ( 24 ).

59.

Fil-fehma tiegħi, dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għandhom jiġu miċħuda.

a) Fuq l-ammissibbiltà tal-aggravju uniku mqajjem insostenn tat-talba prinċipali tal-Kummissjoni, sa fejn dan huwa dirett kontra l-punti 59 u 63 tas-sentenza appellata

60.

Fl-ewwel lok, Distillerie Bonollo ssostni li l-aggravju uniku mqajjem mill-Kummissjoni huwa inammissibbli sa fejn dan huwa dirett kontra l-punt 59 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li Distillerie Bonollo kienet direttament ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat minħabba l-fatt li dan ir-regolament jimponi dazji antidumping fuq iż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi intiżi sabiex jikkumpensaw id-dannu mġarrab minn Distillerie Bonollo bħala kompetitriċi ta’ dawn iż-żewġ produtturi Ċiniżi. Skont Distillerie Bonollo, din hija kwistjoni ta’ fatt.

61.

Fil-fehma tiegħi, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà trid tiġi miċħuda. Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li Distillerie Bonollo kienet f’kompetizzjoni diretta maż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi, li effettivament hija konstatazzjoni ta’ fatt mhux suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 25 ). Għall-kuntrarju, l-argument tal-Kummissjoni dwar il-punt 59 tas-sentenza appellata huwa li d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni ġie evalwat mhux fir-Regolament ikkontestat, iżda f’“atti legali preċedenti” (jiġifieri r-Regolament Nru 349/2012 u r-Regolament Nru 130/2006), b’tali mod li kwalunkwe effett fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Distillerie Bonollo ma jirriżultax mir-Regolament ikkontestat, iżda minn dawn l-“atti legali preċedenti”. Din hija kwistjoni ta’ liġi.

62.

Fit-tieni lok, Distillerie Bonollo ssostni li l-aggravju uniku huwa inammissibbli sa fejn dan huwa dirett kontra l-punt 63 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kunsill li, sabiex tissodisfa l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta, l-appellant għandu “jkollha dritt suġġettiv għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ta’ livell speċifiku”. Fil-fatt, skont Distillerie Bonollo, il-Kummissjoni tfittex biss li tissostitwixxi l-interpretazzjoni tagħha għal dik adottata mill-Qorti Ġenerali.

63.

Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, fil-fehma tiegħi, trid tiġi miċħuda wkoll. Ċertament, dan l-argument tressaq fl-ewwel istanza mill-Kunsill u l-Kummissjoni intervjeniet insostenn tal-Kunsill fl-ewwel istanza. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi fl-appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq il-motivi u l-argumenti li kienu diġà tqajmu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura ta’ appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha ( 26 ). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta punt speċifiku tas-sentenza appellata, jiġifieri l-punt 63.

b) Fuq l-ammissibbiltà tat-talba tal-Kummissjoni li tiċħad il-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali bħala infondat

64.

Fl-appell inċidentali, il-Kummissjoni, wara li esponiet ir-raġunijiet għalfejn, fil-fehma tagħha, Distillerie Bonollo ma hijiex direttament ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat u wara li talbet l-annullament tas-sentenza appellata fl-intier tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad bħala infondat il-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

65.

Distillerie Bonollo tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba tal-Kummissjoni li tiċħad il-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali bħala infondat. Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni fir-rigward ta’ dan il-ħames motiv u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża ta’ Distillerie Bonollo ġewx miksura hija kwistjoni ta’ fatt.

66.

Fl-opinjoni tiegħi, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà trid tiġi miċħuda.

67.

L-ewwel nett, huwa minnu li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-ħames motiv imqajjem quddiemha. Ma kienx hemm lok li tagħmel dan, peress li hija laqgħet l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, u annullat ir-Regolament ikkontestat għal din ir-raġuni ( 27 ). Madankollu, minn dan ma jirriżultax li t-talba tal-Kummissjoni, intiża għaċ-ċaħda tal-ħames motiv imqajjem fl-ewwel istanza bħala infondat hija inammissibbli. Fil-fatt, mill-appell inċidentali jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina u tiċħad il-ħames motiv imqajjem fl-ewwel istanza bħala infondat fl-eżerċizzju tas-setgħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut, li tiddeċiedi definittivament wara li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fil-kuntest tal-appell inċidentali, huwa biss wara li esponiet ir-raġunijiet għalfejn Distillerie Bonollo ma hijiex direttament affettwata mis-sentenza appellata u għalfejn, konsegwentement, din is-sentenza għandha tiġi annullata, li l-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ħames motiv imqajjem fl-ewwel istanza bħala infondat. Barra minn hekk, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tispjega li huwa “sabiex tassisti lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 61 tal-Istatut” li hija tippreżenta l-opinjoni tagħha fuq il-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali.

68.

It-tieni nett, minkejja li l-Artikolu 61 tal-Istatut ma jippreċiżax jekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv, hija tistax tagħti deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet ta’ fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prattika, assumiet din il-kompetenza ( 28 ). Għaldaqstant, fl-ipoteżi fejn id-determinazzjoni tal-ħames motiv imqajjem fl-ewwel istanza teżiġi evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali, dan ma jaffettwax l-ammissibbiltà tat-talba tal-Kummissjoni intiża għaċ-ċaħda ta’ dan il-motiv bħala infondat.

c) Fuq l-ammissibbiltà tat-talba tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali bħala infondat sa fejn dan jirreferi għall-argumenti mressqa mill-Kunsill fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali

69.

Fl-appell inċidentali, il-Kummissjoni, insostenn tat-talba tagħha li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali bħala infondat, tirreferi għat-tweġiba tal-Kunsill għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali ( 29 ) fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ( 30 ).

70.

Distillerie Bonollo ssostni li r-riferimenti fl-appell inċidentali għat-tweġiba tal-Kunsill għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali huma inammissibbli. Dan jirriżulta, skont Distillerie Bonollo, mill-fatt li l-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni fl-ewwel istanza skont l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991, jiġifieri abbażi tar-rapport għas-seduta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tirċievi kopja tat-tweġiba tal-Kunsill għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, Distillerie Bonollo titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix dwar it-talba tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali bħala infondat.

71.

Fil-fehma tiegħi, l-appell inċidentali ma jistax jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn jirreferi għall-argumenti mressqa mill-Kunsill fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali.

72.

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991 ( 31 ).

73.

Skont l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991, meta t-talba għal intervent issir wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt ġimgħat mill-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviż dwar il-preżentata tar-rikors, l-intervenjent “jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, ibbażati fuq ir-Rapport għas-Seduta li għandu jintbagħat lilu, waqt il-proċedura orali”. Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-intervenjent ma għandux dritt jirċievi kopja tar-rikors, tar-risposta, tar-replika jew tal-kontroreplika ( 32 ).

74.

Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tirċievi kopja tar-rikors u tar-risposta. Fil-fatt, l-Artikolu 24(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991 ( 33 ) jipprevedi li, “meta l-Kunsill jew il-[Kummissjoni] ma jkunux parti fil-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tibgħatilhom kopja tar-rikors u tar-risposta tad-difiża, mingħajr l-annessi, sabiex ikunu jistgħu jikkonstataw jekk tkunx qiegħda tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta’ xi att li kien ġie adottat minnhom skond l-Artikolu 277 TFUE”.

75.

Nosserva li l-argumenti mressqa mill-Kunsill fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fl-appell inċidentali tagħha ( 34 ), kienu jinsabu wkoll fir-risposta tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali ( 35 ), li l-Kummissjoni kellha dritt tirċievi kopja tagħha.

76.

Għaldaqstant, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt tirċievi kopja tat-tweġiba tal-Kunsill għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-fatt li, fl-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għal argumenti mressqa mill-Kunsill fit-tweġiba tiegħu għal dawn il-mistoqsijiet bil-miktub ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà tal-appell inċidentali sa fejn dan jirrigwarda l-argumenti tal-Kunsill.

2. Fuq il-mertu

77.

Kif tfakkar fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni titlob, prinċipalment, l-annullament tas-sentenza appellata jew, sussidjarjament, l-annullament tat-tieni punt tad-dispożittiv tagħha. Ser neżamina kull waħda mit-talbiet suċċessivament.

a) Fuq it-talba prinċipali tal-Kummissjoni, li fiha titlob l-annullament tas-sentenza appellata

78.

Permezz tal-aggravju uniku tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li Distillerie Bonollo kienet direttament ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat.

79.

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra att li ma tkunx id-destinatarja tiegħu jekk dan l-att jikkonċernaha direttament u individwalment.

80.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji inkarigati bl-implimentazzjoni tagħha, fejn din l-implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra ( 36 ).

81.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li r-Regolament ikkontestat kien direttament jaffettwa is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti fl-ewwel istanza peress li dawn tal-aħħar bdew il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali, u li d-dazji antidumping imposti fi tmiem din il-proċedura kienu intiżi sabiex jikkumpensaw id-dannu mġarrab minnhom bħala kompetituri taż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi. Fir-rigward tat-tieni kriterju għal inċidenza diretta, dan ġie ssodisfatt ukoll, peress li l-Istati Membri ma kellhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tar-rata tad-dazju antidumping u tal-impożizzjoni ta’ dan id-dazju fuq il-prodotti kkonċernati.

82.

Nosserva li l-appell inċidentali jikkontesta biss l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 51 sa 73 tas-sentenza appellata, tal-ewwel kriterju għal inċidenza diretta, u mhux l-analiżi, fil-punt 50 ta’ dik is-sentenza, tat-tieni kriterju.

83.

L-argument tal-Kummissjoni huwa li r-Regolament ikkontestat ma jaffettwax is-sitwazzjoni legali ta’ Distillerie Bonollo, peress li din tal-aħħar ma għandha l-ebda dritt li jista’ jiġi affettwat mill-adozzjoni tal-imsemmi regolament. Skont il-Kummissjoni, għalkemm ir-Regolament bażiku jagħti drittijiet proċedurali lil Distillerie Bonollo fil-kwalità tagħha ta’ lanjanti, huma biss id-drittijiet materjali, u mhux dawk proċedurali, li huma rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni legali ta’ Distillerie Bonollo hijiex affettwata. Issa, la t-Trattat FUE u lanqas ir-Regolament bażiku ma jagħtu lil Distillerie Bonollo dritt materjali għall-impożizzjoni ta’ ċertu livell ta’ dazji antidumping fuq produtturi ta’ pajjiżi terzi li huma kompetituri.

84.

Min-naħa tagħha, Distillerie Bonollo tqis li r-Regolament ikkontestat direttament jaffettwa s-sitwazzjoni legali tagħha minħabba l-fatt li hija għandha d-dritt li ma tiġix suġġetta għal kompetizzjoni distorta permezz tad-dumping fis-suq li fih hija teżerċita l-attività tagħha. Dan jirriżulta, b’analoġija, mill-punt 50 tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873).

85.

Jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-aggravju uniku mqajjem insostenn tat-talba prinċipali tal-Kummissjoni. Kif ser jiġi espost iktar ’il quddiem, nipproponi li għal din il-kawża tiġi applikata s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), u li jiġi konkluż li r-Regolament ikkontestat direttament jaffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ Distillerie Bonollo minħabba d-dritt ta’ din tal-aħħar li ma tiġix suġġetta għal kompetizzjoni distorta permezz tad-dumping fis-suq li fih hija teżerċita l-attività tagħha.

86.

Qabelxejn, nirrileva li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, mill-fatt li r-Regolament ikkontestat ma jobbligax lil Distillerie Bonollo tħallas dazji antidumping ma jirriżultax li dan ir-regolament ma jaffettwax is-sitwazzjoni legali tagħha.

87.

Fil-fatt, skont id-definizzjoni tagħhom, dazji antidumping huma imposti fuq prodotti mmanifatturati minn produtturi ta’ pajjiżi terzi, u mhux fuq prodotti mmanifatturati minn produtturi tal-Unjoni bħal Distillerie Bonollo. Konsegwentement, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi l-approċċ tal-Kunsill, il-produtturi tal-Unjoni ma kienx ikollhom locus standi sabiex jitolbu l-annullament ta’ regolament li jimponi miżuri antidumping. Dan bilkemm ikun konformi mas-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (264/82, EU:C:1985:119, punti 12 sa 16) u tat‑18 ta’ Ottubru 2018, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il‑Kummissjoni (T‑364/16, EU:T:2018:696, punti 36 sa 53), li fihom ir-rikors għal annullament ta’ produttur tal-Unjoni ġie ddikjarat ammissibbli.

88.

Argument ieħor favur l-opinjoni stabbilita fil-punt 85 iktar ’il fuq huwa li d-dazji antidumping jitħallsu mill-importaturi tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni u jinġabru mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri mar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ta’ dan il-prodott fl-Unjoni. Dawn ma jitħallsux mill-produtturi-esportaturi. Għaldaqstant, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-approċċ tal-Kunsill, il-produtturi-esportaturi ma kienx ikollhom locus standi għall-annullament ta’ regolament li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti tagħhom stess fl-Unjoni. Dan, ukoll, bilkemm ikun konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, li taċċetta l-ammissibbiltà ta’ rikorsi ppreżentati minn produtturi u minn esportaturi tal-prodott inkwistjoni li huma allegati li wettqu prattiki ta’ dumping abbażi ta’ informazzjoni relatata mal-attività kummerċjali tagħhom ( 37 ).

89.

Barra minn hekk, kif imsemmi fil-punt 85 iktar ’il fuq, naqbel ma’ Distillerie Bonollo li, billi poġġieha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata, ir-Regolament ikkontestat direttament jaffettwa d-dritt tagħha li ma ġġarrabx distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq li fih hija teżerċita l-attività tagħha.

90.

L-ewwel nett, dan jirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni, minn naħa, ikkonstatat li ċerti miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli, iżda astjeniet milli tordna l-irkupru tagħhom, u, min-naħa l-oħra, ikkonstatat li miżuri oħra ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, kienet direttament taffettwa s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti fl-ewwel istanza minħabba l-fatt li qegħdithom f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata u, minħabba f’hekk, affettwat id-dritt tagħhom li ma jkunux suġġetti għal kompetizzjoni distorta permezz tal-miżuri inkwistjoni fis-suq li fih huma kienu jereżerċitaw l-attività tagħhom ( 38 ). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-dritt ingħata lir-rikorrenti fl-ewwel istanza mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-Artikoli 107 u 108 TFUE, li l-għan tagħhom huwa li tiġi mħarsa l-kompetizzjoni ( 39 ).

91.

Nipproponi li, għal din il-kawża, tiġi applikata s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza msemmija fil-punt preċedenti, li ma tikkonċernax ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, iżda d-dispożizzjonijiet antidumping. Jiena nqis li r-Regolament ikkontestat direttament jaffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ Distillerie Bonollo minħabba d-dritt tagħha li ma tiġix suġġetta għal kompetizzjoni li hija distorta mhux permezz ta’ għajnuna mill-Istat (kif kien il-każ f’dik is-sentenza), iżda permezz ta’ prattiki ta’ dumping fis-suq li fih hija teżerċita l-attività tagħha.

92.

Insostenn ta’ din is-soluzzjoni, infakkar li r-regoli antidumping huma intiżi sabiex iħarsu l-kompetizzjoni, bħall-Artikoli 107 u 108 TFUE. Ċertament, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping għandhom għan doppju: għandhom l-għan, minn naħa, li jeliminaw l-effetti ta’ distorsjoni kummerċjali kkawżat mid-dumping u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxu kompetizzjoni effettiva mill-ġdid. Madankollu, nenfasizza li l-prattiki ta’ dumping għandhom jitqiesu bħala kompetizzjoni żleali min-naħa tal-produtturi ta’ pajjiżi terzi, li kontrihom il-produtturi tal-Unjoni għandhom jiġu protetti ( 40 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment ta’ dazji antidumping huwa miżura ta’ protezzjoni u ta’ prevenzjoni kontra kompetizzjoni żleali li tirriżulta minn prattiki ta’ dumping ( 41 ). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-eliminazzjoni ta’ effetti ta’ distorsjoni kummerċjali tikkostitwixxi, fuq kollox, kundizzjoni għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ kompetizzjoni leali fis-suq intern.

93.

Nirrileva wkoll li l-importanza tal-għan ta’ kompetizzjoni effettiva ta’ dazji antidumping hija kkonfermata mir-regola tad-dazju inferjuri. Skont din ir-regola, kif prevista fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, il-livell tad-dazju antidumping għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-marġni ta’ dumping, sakemm il-marġni ta’ dannu ma jkunx inqas mill-marġni ta’ dumping, f’liema każ id-dazju antidumping għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-marġni ta’ dannu. Ir-regola tad-dazju inferjuri tiżgura li l-industrija tal-Unjoni ma tibbenefikax minn protezzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu miġġielda l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ( 42 ), jiġifieri li l-industrija tal-Unjoni ma tibbenefikax minn vantaġġ kompetittiv ikbar meta mqabbla mal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ( 43 ).

94.

Għaldaqstant, b’analoġija mas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), ir-Regolament ikkontestat għandu jitqies li direttament jaffettwa d-dritt ta’ Distillerie Bonollo li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta permezz tad-dumping fis-suq fejn hija teżerċita l-attività tagħha u, konsegwentement, li direttament jaffettwa s-sitwazzjoni legali tagħha. Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tas-sentenza appellata, Distillerie Bonollo hija produttur tal-Unjoni tal-aċidu tartariku li topera fl-istess suq bħaż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi. Għaldaqstant, billi jimponi dazji antidumping allegatament insuffiċjenti fuq iż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi, ir-Regolament ikkontestat seta’ jpoġġiha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata fis-suq intern.

95.

It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-Artikolu 9(4) u mill-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku ma jirriżultax li Distillerie Bonollo ma għandhiex id-dritt li ma tiġix suġġetta għal kompetizzjoni distorta permezz tad-dumping fis-suq li fih hija teżerċita l-attività tagħha.

96.

Il-Kummissjoni ssostni li, meta jiġi stabbilit li jeżisti dumping u dannu, u li t-tieni wieħed huwa kkawżat mill-ewwel wieħed, hija tista’, madankollu, skont l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, tastjeni milli timponi miżuri antidumping jekk dawn il-miżuri ma jkunux fl-interess tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ssostni li minn dan isegwi li Distillerie Bonollo ma għandhiex dritt materjali għall-protezzjoni kontra d-dumping.

97.

Ma naqbilx ma’ dan l-argument.

98.

Ċertament, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, l-industrija tal-Unjoni ma għandhiex dritt għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni, anki meta tkun ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu, peress li tali miżuri jistgħu jiġu imposti biss meta jkun ġie stabbilit ukoll, skont l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, li dawn huma ġġustifikati fl-interess tal-Unjoni ( 44 ). L-eżami tal-interess tal-Unjoni jeħtieġ evalwazzjoni tal-konsegwenzi probabbli kemm tal-applikazzjoni kif ukoll tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri proposti għall-interess tal-industrija tal-Unjoni u għall-interessi l-oħra involuti, jiġifieri l-importaturi, l-industrija upstream, l-utenti u l-proċessuri tal-prodott ikkonċernat, u l-konsumaturi ( 45 ). Dan jeħtieġ l-ibbilanċjar tal-interessi ta’ dawn il-partijiet ( 46 ).

99.

Madankollu, nosserva li dan huwa rekwiżit negattiv. Skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, huwa biss jekk il-miżuri antidumping proposti ma jkunux fl-interess tal-Unjoni li l-Kummissjoni tista’ tastjeni milli tadotta tali miżuri ( 47 ). Fil-prattika, il-Kummissjoni rarament iddeċidiet li ma timponix miżuri antidumping minħabba li, minkejja li t-tliet kundizzjonijiet l-oħra (jiġifieri d-dumping, id-dannu u r-rabta kawżali) ikunu ssodisfatti, ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponihom ( 48 ).

100.

Barra minn hekk, nenfasizza li l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tirrinunzja milli tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli jekk dan imur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 49 ) u l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrifjuta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru f’każ ta’ impossibbiltà assoluta li jimplimentaha b’mod korrett ( 50 ) ma pprekludewx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi, fis-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), li l-kompetituri tal-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat għandhom dritt li ma jkunux suġġetti għal kompetizzjoni distorta permezz ta’ għajnuna mill-Istat fis-suq li fih huma jeżerċitaw l-attività tagħhom.

101.

B’mod partikolari, meta l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli jippreġudika l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-għajnuna ( 51 ), il-Kummissjoni ma tibqax obbligata tordna l-irkupru ( 52 ). Hija ma għandhiex tordna l-irkupru. F’dan il-każ, il-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern ma twassalx għall-istabbiliment mill-ġdid tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Madankollu, kif imsemmi fil-punt preċedenti, dan ma pprekludiex lill-Qorti tal-Ġustizzja milli ssostni li l-kompetituri tal-benefiċjarju ta’ għajnuna għandhom dritt li ma jkunux suġġetti għal kompetizzjoni distorta permezz ta’ għajnuna mill-Istat.

102.

Bl-istess mod, meta l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping ma tkunx fl-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma tadottax tali miżuri. F’dan il-każ, id-distorsjonijiet kummerċjali li jirriżultaw minn prattiċi ta’ dumping ma jiġux eliminati, u l-kompetizzjoni ma tiġix stabbilita mill-ġdid fis-suq intern. Dan ma għandux jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonstata d-dritt ta’ produttur tal-Unjoni li ma jkunx suġġett għal kompetizzjoni distorta permezz tad-dumping.

103.

It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Kunsill, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-ewwel kriterju għal inċidenza diretta huwa ssodisfatt f’dan il-każ, dan ma jkunx minħabba s-sempliċi effetti fattwali tar-Regolament ikkontestat fuq is-sitwazzjoni ta’ Distillerie Bonollo (għall-kuntrarju tal-effetti legali ta’ dan ir-regolament).

104.

Fil-fatt, kif issemma fil-punt 85 iktar ’il fuq, ir-Regolament ikkontestat direttament jaffettwa s-sitwazzjoni ta’ Distillerie Bonollo minħabba d-dritt tagħha li ma tkunx suġġetta għal kompetizzjoni distorta permezz tad-dumping, u mhux minħabba xi effetti fattwali ta’ dan ir-regolament.

105.

Nirrileva wkoll li ma teżisti l-ebda kontradizzjoni bejn is-soluzzjoni proposta fil-punt 85 iktar ’il fuq u l-punt 81 tas-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155). F’dak il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li regolament li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika kien iwassal għal żvantaġġ kompetittiv għall-produtturi Amerikani tal-bijoetanol ma setax, fih innifsu, jippermetti li jitqies li dan ir-regolament kien jikkonċernahom direttament. Nirrileva, minn naħa, li dawn il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol kienu produtturi ta’ pajjiżi terzi li l-prodotti tagħhom kienu suġġetti għal dazji antidumping, filwaqt li nipproponi li jitqies li l-produtturi tal-Unjoni għandhom dritt li ma jkunux suġġetti għal kompetizzjoni distorta permezz tad-dumping. Min-naħa l-oħra, dawn il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol ma kinux jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-suq intern ( 53 ), filwaqt li nipproponi li jitqies li l-operaturi reali fis-suq, u mhux l-operaturi potenzjali, għandhom dan id-dritt ( 54 ).

106.

Ir-raba’ nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Kunsill, is-soluzzjoni proposta fil-punt 85 iktar ’il fuq ma twassalx sabiex “ittaffi” l-ewwel kriterju għal inċidenza diretta.

107.

Kif issemma fil-punt 87 iktar ’il fuq, fis-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (264/82, EU:C:1985:119, punti 11 sa 16), il-produtturi tal-Unjoni tqiesu li kellhom locus standi sabiex jitolbu l-annullament ta’ regolament li jimponi miżuri antidumping. Barra minn hekk, fis-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il‑Kummissjoni (T‑364/16, EU:T:2018:696, punti 36 sa 53), il-produtturi tal-Unjoni tqiesu li kellhom locus standi sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali, ordnat in-nuqqas ta’ ġbir ta’ dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti mmanifatturati minn produttur-esportatur speċifiku.

108.

Minn dan isegwi li, jekk il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-Regolament ikkontestat direttament jaffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ Distillerie Bonollo, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Kunsill, dan ma jwassalx sabiex “ittaffi” l-kundizzjoni għal inċidenza diretta. Id-deċiżjoni tagħha tkun konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti.

109.

Argument partikolari favur din il-konklużjoni hija li, fil-qasam antidumping, kull fejn ġie kkonstatat li rikorrent (kemm jekk kien produttur, produttur-esportatur jew importatur tal-Unjoni) ma kellux locus standi sabiex jitlob l-annullament ta’ regolament li jimponi miżuri antidumping, dan kien għaliex huwa ma kienx individwalment ikkonċernat minn dan ir-regolament. Dan mhux għaliex huwa ma kienx direttament ikkonċernat minnu ( 55 ).

110.

Sa fejn naf jien, teżisti eċċezzjoni waħda biss. Din hija s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155), li fiha l-locus standi tal-produtturi Amerikani tal-bijoetanol ġie rrifjutat minħabba li dawn ma kinux direttament ikkonċernati mill-att ikkontestat. Madankollu, kif issemma fil-punt 105 iktar ’il fuq, dan kien dovut għall-fatt partikolari li dawn il-produtturi ma kinux jesportaw il-bijoetanol direttament lejn l-Unjoni u li, għaldaqstant, il-produzzjoni tagħhom ma kinitx direttament suġġetta għad-dazji antidumping imposti.

111.

Barra minn hekk, f’kawżi fejn ġie aċċettat li r-rikorrenti kellhom locus standi sabiex jitolbu l-annullament ta’ regolament li jimponi miżuri antidumping, jew il-kundizzjoni għal inċidenza diretta ma ġietx eżaminata ( 56 ), jew inkella din tqieset li kienet ġiet issodisfatta. Fejn ġie deċiż li din kienet ġiet issodisfatta, dan kien minħabba t-tieni kriterju għal inċidenza diretta, jiġifieri, kif tfakkar fil-punt 80 iktar ’il fuq, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri huma obbligati, mingħajr ebda marġni ta’ diskrezzjoni, li jiġbru d-dazji stabbiliti minn regolament antidumping. L-ewwel kriterju ma ġiex eżaminat ( 57 ).

112.

Sa fejn naf jien, jeżistu biss żewġ eċċezzjonijiet. Fis-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il‑Kunsill (T‑80/97, EU:T:2000:216), ġie kkonstatat li regolament li jestendi miżuri antidumping direttament jaffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ importatur. Fil-fatt, il-possibbiltà prevista minn dan ir-regolament li l-Kummissjoni tista’ tagħti lir-rikorrent eżenzjoni mid-dazju estiż (meta l-importazzjonijiet ma kinux jikkostitwixxu evażjoni tad-dazju inizjali) kienet, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, purament teoretika ( 58 ). Bl-istess mod, fis-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il‑Kummissjoni (T‑364/16, EU:T:2018:696), ġie kkonstatat li deċiżjoni li tipprevedi n-nuqqas ta’ ġbir ta’ dazji antidumping direttament taffettwa s-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni “fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri antidumping”. Il-Qorti Ġenerali invokat, inter alia, il-fatt li kemm l-ilment li wassal għall-adozzjoni tar-regolament oriġinali kif ukoll it-talba għal eżami mill-ġdid ta’ miżuri li ser jiskadu kienu tressqu minn assoċjazzjoni professjonali f’isem il-produtturi tal-Unjoni, fosthom ir-rikorrenti ( 59 ). F’dan ir-rigward, infakkar li, kif imsemmi fil-punt 85 iktar ’il fuq, nipproponi li ma jiġux invokati d-drittijiet proċedurali tar-rikorrent, iżda d-dritt li ma jkunx suġġett għal kompetizzjoni distorta sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ewwel kriterju għal inċidenza diretta huwiex issodisfatt. Fil-fatt, id-drittijiet proċedurali mogħtija mir-Regolament bażiku jvarjaw b’mod sinjifikattiv minn persuna għal oħra ( 60 ), b’tali mod li jista’ jiġi mistoqsi jekk is-sitwazzjoni legali ta’ kwalunkwe persuna li lilha dan ir-regolament jagħti drittijiet proċedurali tistax tiġi direttament affettwata minn regolament li jimponi miżuri antidumping.

113.

Konsegwentement, ma hemmx, fil-fehma tiegħi, sostenn fil-ġurisprudenza fil-qasam tal-antidumping għall-argument tal-Kummissjoni li l-locus standi ta’ produttur tal-Unjoni għandu jiġi rrifjutat minħabba li dan ma għandux dritt ta’ difiża kontra d-dumping u li, konsegwentement, ir-regolament li jimponi dazji antidumping ma jaffettwax is-sitwazzjoni legali tiegħu direttament. Minflok, jidhirli li s-sentenza appellata hija konformi mal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, li tgħid li, kif issemma fil-punt 110 iktar ’il fuq, sa fejn naf jien, il-locus standi ġie rrifjutat minħabba l-fatt li r-rikorrent ma kienx direttament ikkonċernat mill-att ikkontestat f’okkażjoni waħda biss, f’ċirkustanzi differenti minn dawk f’dan il-każ.

114.

Il-ħames nett, ma iniex konvint mill-argument tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li, fil-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat invokat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex “twessa’” l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta.

115.

Fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali qieset li, peress li r-Regolament ikkontestat ma setax jipprevedi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ Distillerie Bonollo, din tal-aħħar ma kellha, bħala prinċipju, l-ebda rimedji nazzjonali alternattivi. Għalkemm dan il-fatt ma setax iwassal, skont il-Qorti Ġenerali, għall-esklużjoni tal-kundizzjoni fir-rigward tal-inċidenza individwali, xorta jibqa’ l-fatt li l-kundizzjoni li persuna għandha tkun direttament u individwalment ikkonċernata għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

116.

Għalkemm l-Artikolu 47 tal-Karta ċertament ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 61 ), fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex dak li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata.

117.

Il-Qorti Ġenerali ma waslitx għall-konklużjoni li Distillerie Bonollo kienet direttament ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat billi invokat l-Artikolu 47 tal-Karta. Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq raġunijiet oħra, jiġifieri l-fatt, imsemmi fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li Distillerie Bonollo bdiet il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intermedju parzjali u li d-dazji antidumping stabbiliti minn dan ir-regolament kienu intiżi sabiex jikkumpensaw id-dannu li hija ġarrbet bħala kompetitur li jopera fl-istess suq bħaż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi. Il-punti 92 u 93 ta’ dik is-sentenza sempliċement isostnu din il-konklużjoni, li l-Qorti Ġenerali kienet diġà waslet għaliha.

118.

Nirrileva wkoll li, billi ddeċidiet li r-Regolament ikkontestat kien direttament jaffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ Distillerie Bonollo għar-raġunijiet imsemmija fil-punt preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma injoratx il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta. Hija adottat interpretazzjoni ta’ din il-kundizzjoni iktar wiesgħa minn dik proposta mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, iżda dan ma jfissirx li injoratha.

119.

Minn dan nikkonkludi li, peress li r-Regolament ikkontestat jista’ jqiegħed lil Distillerie Bonollo f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata fis-suq li fih hija tinsab f’kompetizzjoni maż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi, dan ir-regolament direttament jaffettwa d-dritt ta’ Distillerie Bonollo li ma tkunx suġġetta għal kompetizzjoni distorta permezz ta’ prattika ta’ dumping f’dan is-suq. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta qieset, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li r-Regolament ikkontestat kien direttament jaffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ Distillerie Bonollo, u li l-aggravju uniku tal-appell għandu jiġi miċħud.

120.

Konsegwentement, l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tas-sentenza appellata.

b) Fuq it-talba sussidjarja tal-Kummissjoni, li fiha titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla t-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata

121.

Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla t-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata sa fejn dan iżomm id-dazju antidumping impost mir-Regolament ikkontestat fuq il-prodotti ta’ Ninghai Organic Chemical Factory sakemm mhux biss il-Kummissjoni, iżda wkoll il-Kunsill ikunu adottaw il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni ssostni li, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 37/2014, hija biss il-Kummissjoni li tista’ tadotta miżuri antidumping.

122.

Il-Kunsill u Changmao Biochemical Engineering jaqblu mal-Kummissjoni, filwaqt li Distillerie Bonollo ma taqbilx.

123.

Jiena nqis li t-talba sussidjarja tal-Kummissjoni għandha tintlaqa’.

124.

Fit-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żammet id-dazju antidumping impost mir-Regolament ikkontestat fuq il-prodotti ta’ Ninghai Organic Chemical Factory “sakemm il-[Kummissjoni] u l-[Kunsill] ikunu adottaw il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni [tas]-sentenza [appellata]”.

125.

Infakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie ddikjarat null għandha tkun obbligata tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-każ, ir-Regolament ikkontestat ġie adottat mill-Kunsill. Madankollu, ma jsegwix li l-Kunsill għandu, u lanqas jista’, jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mas-sentenza appellata.

126.

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-obbligu li tittieħed azzjoni previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE ma jikkostitwixxix sors ta’ kompetenza u ma jeżentax lill-istituzzjoni kkonċernata mill-bżonn li tibbaża l-att li jinkludi l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament ta’ miżura fuq bażi legali li, minn naħa, tawtorizzaha tadotta dan l-att u, min-naħa l-oħra, tkun fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ dan l-att ( 62 ).

127.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 37/2014 jemenda l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku fis-sens li d-dazji antidumping definittivi, li ġew imposti preċedentement mill-Kunsill, issa għandhom ikunu imposti mill-Kummissjoni ( 63 ).

128.

F’dan il-każ, il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata jistgħu jiġu adottati biss wara d-data tal-għoti ta’ dik is-sentenza, jiġifieri wara t‑3 ta’ Mejju 2018. Għaldaqstant, huma jistgħu jiġu adottati biss wara d-dħul fis-seħħ, fl‑20 ta’ Frar 2014, tar-Regolament Nru 37/2014 ( 64 ). Minn dan isegwi li l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, kif ukoll fuq l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku ( 65 ).

129.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni biss tista’ tadotta dawn il-miżuri.

130.

Minn dan nikkonkludi li t-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandu jiġi annullat sa fejn dan iżomm id-dazju antidumping stabbilit mir-Regolament ikkontestat fuq il-prodotti ta’ Ninghai Organic Chemical Factory sakemm il-Kunsill ikun adotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza. It-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata madankollu jibqa’ validu sa fejn iżomm dak id-dazju sakemm il-Kummissjoni tkun adottat il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza.

131.

Il-kumplament tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud.

VI. Fuq l-appell prinċipali

132.

Changmao Biochemical Engineering titlob l-annullament tas-sentenza appellata minħabba li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta laqgħet il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

A.   L-argumenti tal-partijiet

133.

Permezz tal-aggravju uniku tagħha, Changmao Biochemical Engineering tikkontesta l-punti 132 sa 137 u 139 sa 141 tas-sentenza appellata.

134.

Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

135.

Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-fatt li, fir-Regolament ikkontestat, il-valur normali jiġi stabbilit abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-Arġentina, milli abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina, ma jikkostitwixxix bidla fil-metodoloġija fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku u li, fi kwalunkwe każ, kien hemm bidla fiċ-ċirkustanzi. Barra minn hekk, skont Changmao Biochemical Engineering, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-applikazzjoni tal-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali kienet konformi mal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku u għalhekk meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi fil-proċess ta’ produzzjoni tal-aċidu tartariku fl-Arġentina u fiċ-Ċina.

136.

Fit-tieni u fit-tielet partijiet tal-aggravju uniku tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-fatt li l-istess valur normali japplika għall-produtturi-esportaturi kollha li ma ngħatawx is-SIES ineħħi kull distinzjoni bejn il-produtturi-esportaturi li kkooperaw u dawk li ma kkooperawx.

137.

Distillerie Bonollo ssostni, l-ewwel nett, li l-appell huwa inammissibbli, it-tieni nett, li l-aggravju uniku huwa inammissibbli u, it-tielet nett, li dan l-aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

138.

Fl-ewwel lok, Distillerie Bonollo ssostni l-eċċezzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li tallega li l-appell huwa inammissibbli.

139.

Fit-tieni lok, Distillerie Bonollo tallega li l-ewwel, it-tieni u t-tielet partijiet tal-aggravju uniku huma inammissibbli sa fejn parti waħda jew iktar minn dawn il-partijiet, l-ewwel nett, sempliċement jirrepetu l-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali; it-tieni nett, iqajmu kwistjoni ta’ fatt; it-tielet nett, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar motiv li fuqu l-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni; jew, ir-raba’ nett, jikkontestaw motiv sussidjarju fis-sentenza appellata.

140.

Fit-tielet lok, Distillerie Bonollo ssostni li l-aggravju uniku tal-appell huwa, fi kwalunkwe każ, infondat. Hija ssostni li kien hemm bidla fil-metodoloġija fir-Regolament ikkontestat, peress li ma ġietx applikata l-metodoloġija li tinvolvi l-kalkolu tal-valur normali abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina. Hija ssostni li ma teżisti l-ebda prova ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Changmao Biochemical Engineering, il-Qorti Ġenerali ma naqsitx milli tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-Arġentina u taċ-Ċina. Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ Changmao Biochemical Engineering li l-applikazzjoni tal-istess valur normali tneħħi kull distinzjoni bejn produtturi-esportaturi li kkooperaw u dawk li ma kkooperawx, Distillerie Bonollo tirrileva li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku ma tipprevedi t-trattament favorevoli għall-produtturi-esportaturi li kkooperaw fir-rigward tal-istabbiliment tal-valur normali.

141.

Il-Kunsill isostni li l-appell huwa inammissibbli. Fil-fatt, is-sentenza appellata ma taffettwax lil Changmao Biochemical Engineering direttament, kif jeżiġi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut. Fil-fatt, ir-Regolament ikkontestat diġà ġie annullat, sa fejn japplika għal Changmao Biochemical Engineering, permezz tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372). Għaldaqstant, kwalunkwe miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza appellata, bħall-kalkolu mill-ġdid tal-valur normali abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina, jistgħu japplikaw biss għal Ninghai Organic Chemical Factory.

142.

Il-Kummissjoni tallega li l-appell huwa inammissibbli għall-istess raġuni bħal dik invokata mill-Kunsill. Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, l-appell huwa infondat. Dan huwa minħabba l-fatt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku tirreferi għall-metodoloġija użata “fl-investigazzjoni [oriġinali]”, u mhux għall-metodoloġija użata għal kumpannija b’mod partikolari. Din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata minn kumpannija għal kumpannija. Barra minn hekk, l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni tiffavorixxi interpretazzjoni wiesgħa tal-obbligu li tiġi applikata l-istess metodoloġija fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku għandu jitqies bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Minn dan isegwi li, fir-Regolament ikkontestat, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku għall-produtturi kollha li ma ngħatawx is-SIES, inklużi ż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi.

B.   Evalwazzjoni

143.

Changmao Biochemical Engineering tqajjem aggravju uniku bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku ma jippermettix lill-Kunsill, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid intermedju, li jikkalkola l-valur normali abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni f’pajjiż analogu, jiġifieri l-Arġentina, fejn, waqt l-investigazzjoni oriġinali, il-valur normali ġie ddeterminat abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina.

144.

Distillerie Bonollo, il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-appell jiġi miċħud.

1. L-ammissibbiltà tal-appell

145.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-appell huwa inammissibbli, peress li s-sentenza appellata ma taffettwax lil Changmao Biochemical Engineering direttament, kif jeżiġi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut, peress li r-Regolament ikkontestat kien diġà ġie annullat sa fejn dan japplika għal Changmao Biochemical Engineering permezz tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372). Distillerie Bonollo ssostni l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, filwaqt li Changmao Biochemical Engineering issostni li l-appell huwa ammissibbli.

146.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, jiena nqis li l-appell huwa ammissibbli.

147.

L-appell huwa ppreżentat minn Changmao Biochemical Engineering, li ma kinitx parti, iżda intervenjenti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ( 66 ).

148.

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut, sabiex intervenjent fl-ewwel istanza (minbarra Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni) jippreżenta appell kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali, dik is-sentenza għandha “[taffettwa] direttament” lil din il-persuna.

149.

Kif jirrilevaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, fid-data tal-għoti tas-sentenza appellata, ir-Regolament ikkontestat kien diġà ġie annullat, sa fejn dan kien japplika għal Changmao Biochemical Engineering, permezz tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372), li issa saret definittiva.

150.

Madankollu, nirrileva li, fis-sentenza appellata, l-annullament tar-Regolament ikkontestat ma għandux portata limitata ( 67 ).

151.

Infakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie ddikjarat null b’sentenza hija obbligata, sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza, li tosserva mhux biss id-dispożittiv, iżda wkoll il-motivi li wasslu għas-sentenza u li jikkostitwixxu l-bażi essenzjali tagħha, sa fejn dawn huma neċessarji sabiex jiġi ddeterminat it-tifsira eżatta ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv ( 68 ).

152.

Permezz tas-sentenza appellata, ir-Regolament ikkontestat ġie annullat minħabba li, billi inizjalment stabbilixxa l-valur normali għall-produtturi-esportaturi li ma ngħatawx is-SIES abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina u mbagħad uża valur normali stabbilit li ġie ddeterminat, essenzjalment, abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-Arġentina fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill kien biddel il-metodoloġija u, għaldaqstant, kiser l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha, previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura mill-ġdid u tikkalkola l-valur normali mill-ġdid abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina ( 69 ).

153.

Peress li, kif issemma fil-punt 150 iktar ’il fuq, l-annullament tar-Regolament ikkontestat ma għandux portata limitata, il-Kummissjoni għandha, sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza appellata, tikkalkola l-valur normali mill-ġdid abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina mhux biss għal Ninghai Organic Chemical Factory, iżda wkoll għal Changmao Biochemical Engineering.

154.

B’kuntrast ma’ dan, fis-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372), ir-Regolament ikkontestat ġie annullat minħabba li, billi rrifjutaw li jipprovdu informazzjoni lil Changmao Biochemical Engineering dwar il-kalkolu tal-valur normali, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu kisru l-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku u d-drittijiet tad-difiża. Konsegwentement, sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza, il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għal din l-informazzjoni lil Changmao Biochemical Engineering u tippermettilha tippreżenta osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

155.

Għaldaqstant, il-miżuri li għandhom jittieħdu għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata huma differenti mill-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372).

156.

Minn dan isegwi li Changmao Biochemical Engineering hija direttament affettwata mis-sentenza appellata minħabba d-dmir tal-Kummissjoni, sabiex tikkonforma ruħha ma’ dik is-sentenza, li tiftaħ il-proċedura mill-ġdid u li tikkalkola l-valur normali mill-ġdid abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina.

157.

Dan huwa konformi mas-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2003, International Power et vs NALOO (C‑172/01 P, C‑175/01 P, C‑176/01 P u C‑180/01 P, EU:C:2003:534). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tannulla d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet ilment imressaq kontra tliet impriżi, kienet direttament taffettwa lil dawn it-tliet impriżi. Fil-fatt, “sabiex teżegwixxi s-sentenza appellata, il-Kummissjoni [kienet] obbligata teżamina [l-ilment] mill-ġdid” u “[kien] possibbli li, fi tmiem dan l-eżami, il-Kummissjoni tadotta miżura żvantaġġuża [għat-tliet impriżi], li mbagħad jista’ jwassal li tiġi esposta għal azzjoni għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali” ( 70 ).

158.

F’dan il-każ, Changmao Biochemical Engineering tallega li l-kalkolu tal-valur normali abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina kellu jwassal għall-impożizzjoni ta’ rata ta’ dazju sinjifikattivament ogħla mir-rata ta’ 13.1 % imposta mir-Regolament ikkontestat. L-ebda waħda mill-partijiet l-oħra ma kkontestaw din l-allegazzjoni. Għalhekk, kif kien il-każ fis-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti, jeżisti riskju li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni għall-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata jkunu żvantaġġużi għal Changmao Biochemical Engineering, u li din tal-aħħar tkun esposta għal azzjonijiet għall-ħlas ta’ tali dazju.

159.

Il-konklużjoni tiegħi fil-punt 156 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkontestata mill-argument ta’ Distillerie Bonollo li Changmao Biochemical Engineering ma hijiex affettwata mis-sentenza appellata, iżda mill-miżuri meħuda għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza, b’tali mod li huwa biss fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri li Changmao Biochemical Engineering ser tkun direttament affettwata mis-sentenza appellata fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut.

160.

Fil-fatt, l-ammissibbiltà ta’ appell ippreżentat minn intervenjent fl-ewwel istanza kontra sentenza li tannulla att tal-Unjoni ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-istituzzjoni kompetenti tkun issodisfat l-obbligu tagħha, li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE, li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza. Fil-fatt, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut ma jinkludix tali kundizzjoni. Din id-dispożizzjoni teżiġi biss li “d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali” direttament taffettwa lill-intervenjent fl-ewwel istanza. Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti, li jirriżulta mis-sentenza li tannulla att tal-Unjoni, li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħha. Dawn il-miżuri stess ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, u lanqas ma jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni jekk dawn ittiħdux fi żmien xieraq jew jekk dawn implimentawx is-sentenza b’mod korrett jew le.

161.

Ċertament, Changmao Biochemical Engineering tkun f’pożizzjoni li tista’ titlob l-annullament tal-miżuri meħuda sabiex timplimenta s-sentenza appellata. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni Distillerie Bonollo, dan ma jagħtix “opportunità doppja” lil Changmao Biochemical Engineering. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn din tal-aħħar tqajjem, insostenn tar-rikors għall-annullament tal-miżuri meħuda sabiex tiġi implimentata s-sentenza appellata, motiv li fuqu l-Qorti Ġenerali tkun diġà ddeċidiet, dan il-motiv ikun inammissibbli peress li dan jippreġudika l-prinċipju ta’ res judicata ( 71 ).

162.

Infakkar ukoll li, meta, bħal f’dan il-każ, l-att tal-Unjoni annullat permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali jkun regolament, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza jqum biss mid-data taċ-ċaħda tal-appell ( 72 ). Għaldaqstant, jekk jiġi segwit l-approċċ ta’ Distillerie Bonollo, l-ammissibbiltà tal-appell ippreżentat minn intervenjent fl-ewwel istanza tkun tiddependi, f’dak il-każ, mir-rieda tajba tal-istituzzjoni kompetenti li teżegwixxi s-sentenza appellata.

163.

Għaldaqstant, huwa irrilevanti li l-Kummissjoni għadha ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata, u lanqas tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372) ( 73 ).

164.

Huwa wkoll irrilevanti l-fatt li, wara eżami mill-ġdid tal-iskadenza tal-miżuri antidumping stabbiliti mir-Regolament Nru 349/2012, il-Kummissjoni adottat, fit‑28 ta’ Ġunju 2018, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/921 ( 74 ), li jżomm id-dazju ta’ 10.1 % impost fuq Changmao Biochemical Engineering mir-Regolament Nru 349/2012 ( 75 ).

165.

Minn dan nikkonkludi li l-appell huwa ammissibbli.

2. Fuq l-ammissibbiltà tal-aggravju uniku

166.

L-ewwel nett, l-eċċezzjoni ta’ Distillerie Bonollo bbażata fuq l-inammissibbiltà tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet partijiet tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda sa fejn dawn sempliċement jirrepetu l-argumenti ppreżentati mill-Kunsill fl-ewwel istanza. Kif issemma fil-punt 63 iktar ’il fuq, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jitqajmu mill-ġdid matul l-appell. Nosserva li l-appell jikkontesta punti speċifiċi tas-sentenza appellata: jiġifieri, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bidla fil-metodoloġija, il-punt 132; fir-rigward tal-argument li d-differenzi fil-proċess tal-produzzjoni tal-aċidu tartariku bejn l-Arġentina u ċ-Ċina għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi ddeterminat il-valur normali ġust, il-punti 132 u 135 sa 137; fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li kien hemm bidla fiċ-ċirkustanzi, il-punt 134; u, fir-rigward tal-argument li, kieku l-metodoloġija applikata fl-investigazzjoni oriġinali kellha tiġi applikata għall-produtturi-esportaturi kollha li ma ngħatawx is-SIES fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, dan jelimina kull distinzjoni bejn il-produtturi-esportaturi li kkooperaw u dawk li ma kkooperawx, il-punti 139 sa 141.

167.

It-tieni nett, sa fejn in-noti ta’ Distillerie Bonollo għandhom jinftiehmu fis-sens li din tallega li l-argument li teżisti bidla fiċ-ċirkustanzi hija inammissibbli minħabba li din hija kwistjoni ta’ fatt, din l-eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda. Il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li s-SIES ingħata, u sussegwentement ġie rrifjutat liż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi jurix bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku hija, fil-fehma tiegħi, kwistjoni ta’ liġi.

168.

It-tielet nett, għalkemm naqbel ma’ Distillerie Bonollo li motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża huwa inammissibbli, peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar dan il-motiv fis-sentenza appellata, jidhirli li tali aggravju ma tqajjimx fl-appell. L-appell jesponi fil-qosor, bħala introduzzjoni għat-tielet parti tal-aggravju uniku, li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-valur normali “jikkontradixxu […] ġurisprudenza stabbilita […], li tiżgura l-paraguni ġusti tal-prezzijiet u tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tal-esportaturi” ( 76 ). Permezz ta’ dawn il-ftit kliem u fl-assenza ta’ elementi oħra, Changmao Biochemical Engineering ma qajmitx motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

169.

Ir-raba’ nett, l-argument li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, li l-istess valur normali jiġi applikat għall-produtturi-esportaturi kollha meta dan huwa ddeterminat abbażi ta’ data relatata ma’ pajjiż analogu ma huwiex, kif issostni Distillerie Bonollo, inammissibbli għar-raġuni li huwa dirett kontra motiv sussidjarju fis-sentenza appellata. Kif tindika Distillerie Bonollo stess, dan huwa ineffettiv ( 77 ).

170.

Minn dan nikkonkludi li l-aggravju uniku huwa għaldaqstant ammissibbli fl-intier tiegħu.

3. Fuq il-mertu

171.

Skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet kollha ta’ eżami mill-ġdid fis-sens ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni għandha tapplika, sa fejn iċ-ċirkustanzi ma jkunux inbidlu, l-istess metodoloġija bħal dik użata fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju, fid-dawl, inter alia, tal-Artikolu 2 ta’ dak ir-regolament.

172.

Skont il-ġurisprudenza, l-eċċezzjoni li tippermetti lill-istituzzjonijiet japplikaw, matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, metodu differenti minn dak użat fl-investigazzjoni oriġinali meta ċ-ċirkustanzi jkunu nbidlu għandha tingħata interpretazzjoni stretta ( 78 ).

173.

F’dan il-każ, fil-kuntest tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 130/2006, fir-rigward taż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi, li ngħataw is-SIES, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet reali ta’ bejgħ domestiku tagħhom, skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku ( 79 ), filwaqt li, fir-rigward tal-produtturi-esportaturi li ma ngħatawx is-SIES, il-valur normali ġie kkalkolat abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku f’pajjiż analogu, jiġifieri l-Arġentina, skont l-Artikolu 2(7)(a) ta’ dan ir-regolament ( 80 ).

174.

Madankollu, fil-kuntest tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, is-SIES ġie rrifjutat liż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi. Għaldaqstant, il-valur normali ma setax jibqa’ stabbilit skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku. Huwa ġie kkalkolat, essenzjalment, abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-Arġentina, skont l-Artikolu 2(7)(a) ta’ dan ir-regolament ( 81 ).

175.

Permezz tal-aggravju uniku tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-Kunsill kien kiser l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku billi uża, fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, valur normali stabbilit għaż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi li kien ibbażat fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-Arġentina, filwaqt li, waqt l-investigazzjoni oriġinali, huwa kien stabbilixxa l-valur normali għall-produtturi-esportaturi li ma ngħatawx is-SIES abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina.

176.

L-aggravju uniku huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti, Changmao Biochemical Engineering tallega li ma kien hemm l-ebda bidla fil-metodoloġija u li, fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanzi tal-każ kienu nbidlu, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

177.

Fil-fehma tiegħi, l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha tintlaqa’.

178.

Kuntrarjament għal dak li ssostni Changmao Biochemical Engineering ( 82 ), kien hemm bidla fil-metodoloġija fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

179.

Skont il-ġurisprudenza, ikun hemm bidla fil-metodoloġija fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta, fl-investigazzjoni oriġinali, il-prezz tal-esportazzjoni jkun ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni reali lejn l-Unjoni, konformement mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, filwaqt li, fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, il-prezz ta’ esportazzjoni jkun inħadem abbażi tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni reali lejn pajjiżi terzi skont l-Artikolu 2(9) ta’ dan ir-regolament ( 83 ). Bl-istess mod, meta, fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kunsill bena l-valur normali abbażi tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni reali ta’ produttur li jinsab f’pajjiż terz analogu u tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku ta’ dan il-produttur, filwaqt li, fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, il-Kunsill stabbilixxa l-valur normali abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-istess produttur, kien hemm bidla fil-metodoloġija ( 84 ).

180.

F’dan il-każ, fl-investigazzjoni oriġinali, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina fir-rigward tal-produtturi-esportaturi li ma ngħatawx is-SIES, filwaqt li, fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, dan ġie kkalkolat, essenzjalment, abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-Arġentina fir-rigward taż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi, li ma kinux iktar eliġibbli għas-SIES. Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, jidhirli li din tikkostitwixxi bidla fil-metodoloġija fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

181.

Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, ma ntweriex li ċ-ċirkustanzi nbidlu.

182.

Diġà ġie deċiż li, b’mod partikolari, impenn ta’ prezz minimu (li kellu l-effett li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni reali lejn l-Unjoni ma baqgħux iktar affidabbli u li, fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, prezz ta’ esportazzjoni stabbilit kellu jiġi kkalkolat abbażi tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi) ( 85 ), jew bidla kunsiderevoli fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat ( 86 ) jikkostitwixxu bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku ( 87 ).

183.

Madankollu, Changmao Biochemical Engineering tillimita ruħha li tikkonstata bidla sinjifikattiva fiċ-ċirkustanzi, li tintwera mill-fatt li l-Kunsill u l-Kummissjoni tawha s-SIES fl-investigazzjoni oriġinali, iżda rrifjutawlha dan l-istatus fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

184.

B’mod partikolari, nirrileva li, skont il-premessa 27 tar-Regolament ikkontestat, ir-raġuni għalfejn ġie deċiż, fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, li jintuża valur normali stabbilit ibbażat fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-Arġentina iktar milli bl-użu tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina kienet l-eżistenza ta’ “differenza fil-metodu ta’ produzzjoni bejn l-Arġentina u [ċ-Ċina], li [kellha] impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet u l-ispejjeż”. Kif tispjega Changmao Biochemical Engineering, filwaqt li fl-Arġentina, l-aċidu tartariku huwa prodott minn prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid, fiċ-Ċina, dan huwa prodott permezz ta’ sinteżi kimika. Madankollu, mir-Regolament Nru 349/2012 jirriżulta li d-differenzi bejn il-proċess ta’ produzzjoni u l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-aċidu tartariku kienu diġà jeżistu meta kienet qiegħda ssir l-investigazzjoni oriġinali ( 88 ). Ma ġiex allegat quddiem il-Qorti Ġenerali li seħħet bidla fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-aċidu tartariku fl-Arġentina u/jew fiċ-Ċina bejn il-perijodu ta’ investigazzjoni oriġinali u l-perijodu ta’ eżami mill-ġdid intermedju. Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li ma ntweriex li ċ-ċirkustanzi nbidlu fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

185.

Madankollu, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma pprovdietx motivazzjoni adegwata u suffiċjenti sabiex tqis, fil-punti 135 sa 137 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni tal-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali ma tmurx kontra l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

186.

Nosserva li l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku jeżiġi li l-Kummissjoni tapplika, fl-investigazzjonijiet ta’ eżami mill-ġdid kollha, l-istess metodoloġija bħal dik fl-investigazzjoni oriġinali, “waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-Artikolu 2, u b’mod partikolari għall-paragrafi 11 u 12 tiegħu, u għall-Artikolu 17”.

187.

Nirrileva li, meta, bħal f’dan il-każ hawnhekk, ma tkun seħħet l-ebda bidla fiċ-ċirkustanzi, ma huwiex suffiċjenti, sabiex tiġi ġġustifikata bidla fil-metodoloġija, li l-metodoloġija l-ġdida tkun iktar xierqa mill-ewwel waħda ( 89 ). Fl-assenza ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi, bidla fil-metodoloġija hija ġġustifikata biss jekk il-metodoloġija preċedenti tmur kontra l-Artikoli 2 jew 17 tar-Regolament bażiku.

188.

Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 11(9) ta’ dan ir-regolament u mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 172 iktar ’il fuq jirriżulta li r-regola ġenerali hija li l-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali għandha tiġi applikata fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, u li l-użu ta’ metodoloġija differenti fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid huwa l-eċċezzjoni. Jekk wieħed iqis li metodoloġija ġdida tista’, fl-assenza ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi, tiġi applikata fil-proċedura ta’ eżami mill-ġdid anki jekk il-metodoloġija preċedenti ma tkunx tqieset li tmur kontra l-Artikoli 2 jew 17 tar-Regolament bażiku, l-eċċezzjoni ssir ir-regola.

189.

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni, fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, tal-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali tmurx kontra l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

190.

Skont il-ġurisprudenza, huwa l-Kunsill li għandu juri li l-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali ma kinitx konformi mal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku ( 90 ).

191.

Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill sostna li, fid-dawl tad-differenzi fil-proċess tal-produzzjoni tal-aċidu tartariku fl-Arġentina u fiċ-Ċina ( 91 ), huwa ma setax japplika, fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, il-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali mingħajr ma jikser l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, li jeżiġi li l-paragun bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni jkun ġust. Il-Kunsill sostniet li l-paragun bejn, minn naħa, il-valur normali kkalkolat bl-użu tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina, u għalhekk ibbażat fuq data relatata mal-proċess ta’ produzzjoni naturali, u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet ta’ esportazzjoni reali taż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi, u għalhekk relatati mal-proċess ta’ produzzjoni sintetika, kien ikun inġust.

192.

Fil-punti 135 sa 137 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kunsill li l-applikazzjoni tal-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali ma kinitx tippermetti paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni għar-raġuni li, minn naħa, fil-każ li dan il-paragun ikun inġust, dan kellu jwassal ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jemendaw id-dazju antidumping applikabbli għall-produtturi-esportaturi l-oħra, ħaġa li huma ma għamlux, u, min-naħa l-oħra, l-aċidu tartariku prodotta permezz ta’ sinteżi kimika għandha “l-istess karatteristiċi u huwa intiż għall-istess użi bażiċi” bħal dak prodott minn prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid.

193.

Jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi li l-applikazzjoni tal-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali “ma [t]idhirx li [hija] kuntrarj[a] għall-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku” ( 92 ) billi tibbaża ruħha biss fuq dawn il-motivi.

194.

L-ewwel nett, il-fatt li l-Kunsill ma emendax id-dazju impost fuq il-produtturi-esportaturi l-oħra li ma ngħatawx is-SIES ma jurix li l-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali ma hijiex kuntrarju għall-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. Dan jista’ jissuġġerixxi wkoll li l-Kunsill kiser din id-dispożizzjoni billi ma emendax id-dazju impost fuq il-produtturi-esportaturi l-oħra li ma ngħatawx is-SIES. L-ebda konklużjoni ma tista’ tinsilet mill-aġir tal-Kunsill fir-rigward tal-legalità tal-metodoloġija preċedenti jew tal-metodoloġija l-ġdida.

195.

It-tieni nett, jidhirli li, sabiex jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali ma kinitx tmur kontra l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx sempliċement tikkonstata li l-aċidu tartariku prodott permezz ta’ sinteżi kimika għandu “l-istess karatteristiċi u huwa intiż għall-istess użi bażiċi” bħal dak prodott minn prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid. Dan huwa minħabba l-fatt li d-differenzi fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ aċidu tartariku fl-Arġentina u fiċ-Ċina, li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill meta sostna li l-applikazzjoni tal-metodoloġija preċedenti ma tkunx konformi mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, għandhom, skont il-premessa 27 tar-Regolament ikkontestat ( 93 ), “impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet u l-ispejjeż”.

196.

Barra minn hekk, nirrileva li d-differenzi fil-proċess ta’ produzzjoni huma r-raġuni għaliex, fir-Regolament ikkontestat, tbidlet il-metodoloġija u l-valur normali ġie kkalkolat, fir-rigward tal-produtturi-esportaturi li ma ngħatawx is-SIES, mhux abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina, iżda bl-użu tal-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-Arġentina ( 94 ). Għaldaqstant, jidhirli li, sa fejn il-Kunsill jibbaża ruħu fuq id-differenzi fil-proċess ta’ produzzjoni sabiex juri li l-applikazzjoni tal-metodoloġija preċedenti fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid kienet tkun illegali, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina mhux biss jekk dawn id-differenzi kinux jirrendu l-paragun bejn il-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni inġust, iżda wkoll jekk dawn id-differenzi kinux jipprekludu l-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina milli jintużaw għall-kalkolu tal-valur normali. Huwa biss fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkonstata li, minkejja d-differenzi fil-proċess ta’ produzzjoni, il-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina setgħu jintużaw għall-kalkolu tal-valur normali li hija setgħet tikkonkludi li l-applikazzjoni tal-metodoloġija preċedenti ma kinitx tmur kontra l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku u li, konsegwentement, il-Kunsill ma setax japplika metodoloġija ġdida fir-Regolament ikkontestat.

197.

Huwa minnu li l-Kunsill, li għandu l-oneru li juri l-illegalità tal-applikazzjoni tal-metodoloġija preċedenti, allega biss quddiem il-Qorti Ġenerali li d-differenzi fil-proċess ta’ produzzjoni ma jippermettux li jsir il-paragun xieraq meħtieġ mill-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku; huwa ma allegax li dawn id-differenzi kienu jipprekludu l-użu tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina meta jiġi kkalkolat il-valur normali. Madankollu, jidhirli li ż-żewġ kwistjonijiet huma marbuta, kif turi l-premessa 42 tar-Regolament ikkontestat, li tgħid li “[l]i kieku sar l-istess kalkolu billi ntużaw il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku fl-Arġentina u mbagħad jiġi aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku ma kienx ikun hemm paragun ġust” ( 95 ).

198.

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma pprovdietx motivazzjoni adegwata u suffiċjenti sabiex tqis, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni tal-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali ma kinitx tmur kontra l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

199.

Kif issostni l-Kummissjoni, ma jistax jiġi kkonstatat li l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li għandha tiġi applikata l-istess metodoloġija fl-investigazzjoni oriġinali u f’dik ta’ eżami mill-ġdid ma jirreferix għall-metodoloġija applikata fil-proċedura oriġinali fl-intier tagħha, iżda għall-metodoloġija użata, fil-proċedura oriġinali, għal kull produttur-esportatur.

200.

Kieku dan kien il-każ, fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, il-valur normali kien ikollu jiġi stabbilit, fir-rigward taż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi, abbażi tal-prezzijiet reali ta’ bejgħ domestiku tagħhom ( 96 ). Madankollu, dan kien imur kontra l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, peress li, skont l-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, iż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi ma humiex iktar eliġibbli għas-SIES. Għalhekk, il-Kunsill jista’ japplika metodoloġija ġdida mingħajr ma jikser l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku ( 97 ).

201.

Madankollu, l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li għandha tiġi applikata, fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, il-metodoloġija applikata fl-investigazzjoni oriġinali jirreferi għall-metodoloġija użata għal kull produttur-esportatur. L-ewwel nett, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tmur kontra din l-interpretazzjoni, peress li hija timponi l-applikazzjoni tal-istess metodoloġija li ntużat “fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju”. Bħala definizzjoni, investigazzjoni tikkonċerna l-produtturi-esportaturi kollha tal-prodott ikkonċernat. Ma hemm xejn li jindika, fil-formulazzjoni tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tal-produtturi-esportaturi. It-tieni nett, għalkemm, sabiex “tiġi żgurata koerenza orizzontali ikbar”, il-Kummissjoni pproponiet li l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku jitħassar, minħabba, inter alia, il-fatt li “xi kultant dan wassal għall-użu kontinwu ta’ metodoloġiji ċarament skaduti” ( 98 ), din id-dispożizzjoni ma ġietx imħassra. Dan jissuġġerixxi interpretazzjoni wiesgħa tar-regola stabbilita fl-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Din ir-regola għalhekk tapplika għall-metodoloġija użata fl-investigazzjoni fl-intier tagħha, u mhux għall-metodoloġija użata għal kull produttur-esportatur.

202.

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha tintlaqa’, u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

203.

Madankollu, sabiex inkun eżawrjenti, ser neżamina t-tieni u t-tielet parti tal-aggravju uniku fil-qosor.

204.

Permezz tat-tieni u tat-tielet partijiet tal-aggravju uniku tagħha, Changmao Biochemical Engineering issostni li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punti 139 sa 141 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-istess valur normali japplika għall-produtturi-esportaturi kollha li ma ngħatawx is-SIES ineħħi kull distinzjoni bejn il-produtturi-esportaturi li kkooperaw u dawk li ma kkooperawx.

205.

Fil-fehma tiegħi, it-tieni u t-tielet partijiet tal-aggravju uniku ma jistgħux jintlaqgħu.

206.

Fil-punti 139 sa 141 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kunsill li, kieku l-valur normali kellu jiġi kkalkolat abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina fir-rigward, minn naħa, taż-żewġ produtturi-esportaturi Ċiniżi, li kkooperaw, u, min-naħa l-oħra, tal-produtturi-esportaturi l-oħra, li ma kkooperawx, dan kien ineħħi kull distinzjoni bejn il-produtturi-esportaturi li kkooperaw u dawk li ma kkooperawx. Skont il-Qorti Ġenerali, din id-distinzjoni xorta tibqa’ teżisti, peress li l-produtturi-esportaturi li kkooperaw jistgħu jingħataw trattament individwali skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, filwaqt li l-produtturi-esportaturi li ma kkooperawx ma jistgħux jingħataw tali trattament.

207.

Huwa ineffettiv l-argument ta’ Changmao Biochemical Engineering li fir-rigward tal-kalkolu tal-valur normali, il-fatt li produtturi-esportaturi li kkooperaw jistgħu, kuntrarjament għall-produtturi-esportaturi li ma kkooperawx, jingħataw trattament individwali ma jippermettix li ssir distinzjoni bejn il-produtturi-esportaturi li kkooperaw u dawk li ma kkooperawx. Huwa minnu li, meta produttur-esportatur jibbenefika minn trattament individwali skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, il-valur normali nazzjonali applikabbli għall-produtturi-esportaturi kollha li ma ngħatawx is-SIES japplika, minkejja li marġni antidumping individwali tiġi kkalkolata abbażi tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni reali ta’ dan il-produttur-esportatur. Madankollu, il-kwistjoni ineżami fil-punti 139 sa 141 tas-sentenza appellata ma hijiex dwar jekk japplikax l-istess valur normali għall-produtturi-esportaturi kollha li ma ngħatawx is-SIES, irrispettivament minn jekk ikkooperawx jew le. Fil-fatt, dan il-valur japplika, u dan huwa rrikonoxxut mill-Qorti Ġenerali. Il-kwistjoni hija dwar jekk, minkejja li japplika l-istess valur normali, it-trattament individwali jippermettix madankollu li ssir distinzjoni bejn il-produtturi-esportaturi li kkooperaw u dawk li ma kkooperawx.

208.

Sa fejn Changmao Biochemical Engineering issostni li l-istess valur normali ma japplikax għall-produtturi-esportaturi kollha li kkooperaw li ma ngħatawx is-SIES meta jkollhom proċessi u spejjeż ta’ produzzjoni differenti, dan l-argument huwa wkoll ineffettiv, għall-istess raġuni.

209.

Minn dan nikkonkludi li l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha tintlaqa’. Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata għal din ir-raġuni.

210.

Ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tiddeċiedi l-kawża definittivament skont l-Artikolu 61 tal-Istatut. Fil-fatt, is-soluzzjoni tat-tilwima timplika evalwazzjoni ġdida taċ-ċirkustanzi tal-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 185 sa 198 iktar ’il fuq, li hija evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex twettaq.

211.

Għaldaqstant, din il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina jekk l-applikazzjoni, fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, tal-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali tmurx kontra l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. Sussegwentement, jekk hija tikkonstata li dan kien il-każ u li, konsegwentement, il-Kunsill seta’ japplika metodoloġija ġdida fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid mingħajr ma jikser l-Artikolu 11(9) ta’ dak ir-regolament, il-Qorti Ġenerali jkollha teżamina l-motivi l-oħra mqajma quddiemha.

VII. Fuq l-ispejjeż

212.

Peress li l-proposta tiegħi hija li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż marbuta mal-appell prinċipali jkollhom jiġu rriżervati.

213.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż relatati mal-appell inċidentali.

214.

Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li japplika għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

215.

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tilfet sa fejn hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata minħabba li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li Distillerie Bonollo kienet direttament ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat, iżda rebħet il-kawża sa fejn hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla t-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata sa fejn dan jipprevedi l-possibbiltà għall-Kunsill li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza. Peress li Distillerie Bonollo talbet f’dan is-sens, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, 80 % tal-ispejjeż sostnuti minn Distillerie Bonollo, filwaqt li hemm lok li Distillerie Bonollo tiġi kkundannata tbati 20 % tal-ispejjeż tagħha.

216.

Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa wkoll applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, hemm lok li l-Kunsill, li intervjena fil-proċedura dwar l-appell inċidentali, ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati mal-appell inċidentali.

217.

Skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta intervenjent fl-ewwel istanza jieħu sehem fil-proċedura tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li dan ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. Peress li Changmao Biochemical Engineering ipparteċipat fl-appell inċidentali, hija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-appell inċidentali.

VIII. Konklużjoni

218.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tannulla s-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, Distillerie Bonollo et vs Il‑Kunsill (T‑431/12, EU:T:2018:251);

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

tirriżerva l-ispejjeż relatati mal-appell prinċipali;

tilqa’ l-appell inċidentali sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tat-tieni punt tad-dispożittiv tas-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, Distillerie Bonollo et vs Il‑Kunsill (T‑431/12, EU:T:2018:251), sa fejn dan jipprevedi l-possibbiltà għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza;

tiċħad il-kumplament tal-appell inċidentali;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-appell inċidentali u għal 80 % tal-ispejjeż sostnuti minn Distillerie Bonollo SpA, Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA, Distillerie Mazzari SpA u Caviro Distillerie Srl relatati mal-appell inċidentali;

tikkundanna lil Distillerie Bonollo SpA, Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA, Distillerie Mazzari SpA u Caviro Distillerie Srl għal 20 % tal-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-appell inċidentali; u

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lil Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd għall-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-appell inċidentali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l‑Ingliż.

( 2 ) T‑431/12, EU:T:2018:251.

( 3 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012 tas-26 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2012, L 182, p. 1).

( 4 ) Regolament tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39, u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20).

( 5 ) ĠU 2004, C 267, p. 4.

( 6 ) ĠU 2005, L 200, p. 73.

( 7 ) ĠU 2008, L 334M, p. 755, rettifika fil-ĠU 2009, L 58M, p. 304.

( 8 ) Ara l-premessi 14 sa 17 tar-Regolament Nru 1259/2005, u l-premessi 12 u 42 tar-Regolament Nru 130/2006.

( 9 ) ĠU 2010, C 211, p. 11.

( 10 ) Avviż ta’ Tnedija ta’ reviżjoni ta’ skadenza u ta’ reviżjoni tal-miżuri tal-antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2011, C 24, p. 14).

( 11 ) ĠU 2011, C 223, p. 16.

( 12 ) ĠU 2012, L 110, p. 3.

( 13 ) Ara l-premessi 17 sa 21 u 27 sa 29 tar-Regolament ikkontestat.

( 14 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372).

( 15 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 6, p. 32.

( 16 ) Peress li, fl-appell tagħha, Changmao Biochemical Engineering tikkontesta biss l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni marbuta mal-inċidenza diretta, u mhux l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tal-kundizzjoni marbuta mal-inċidenza individwali jew ir-rekwiżit tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti, ser niġbor fil-qosor l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta.

( 17 ) Għalhekk, ma kienx hemm lok għall-Qorti Ġenerali li teżamina l-erba’ motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1), (2) u (3) ta’ dan ir-regolament, minħabba l-użu ta’ valur normali stabbilit minflok il-prezzijiet reali ta’ bejgħ domestiku fil-pajjiż analogu; it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku fl-istabbiliment tal-valur normali abbażi tal-ispejjeż f’pajjiż li ma huwiex il-pajjiż analogu; it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku fl-istabbiliment tal-valur normali bl-użu ta’ materja prima li ma kinitx ekwivalenti; u, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

( 18 ) L-ewwel erba’ motivi mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali kienu bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku; it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1), (2) u (3) tal-istess regolament; it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku; u, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 iktar ’il fuq).

( 19 ) Il-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali kien ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 iktar ’il fuq).

( 20 ) It-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali hija bbażata fuq in-natura infondata tal-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq).

( 21 ) Kif imfakkar fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq, l-ewwel erba’ motivi mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali kienu bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku; it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1), (2) u (3) tal-istess regolament; it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku; u r-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

( 22 ) Kif imfakkar fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq, il-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

( 23 ) Regolament (UE) Nru 37/2014 tal‑15 ta’ Jannar 2014 li jemenda ċerti Regolamenti relatati mal-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri (ĠU 2014, L 18, p. 1).

( 24 ) Fl-interess taċ-ċarezza, nirrileva li kull eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tikkonċerna t-talba prinċipali tal-Kummissjoni. Dawn ma jikkonċernawx it-talba sussidjarja tal-Kummissjoni.

( 25 ) Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni (C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 40).

( 26 ) Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill (C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 124).

( 27 ) Ara l-punti 142 u 143 tas-sentenza appellata.

( 28 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 141 sa 164); tal‑21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI (C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punti 52 sa 60); tat‑3 ta’ Mejju 2012, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑24/11 P, EU:C:2012:266, punti 50 sa 59); u tat‑28 ta’ Novembru 2019, ABB vs Il‑Kummissjoni (C‑593/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1027, punti 95 sa 101).

( 29 ) B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni tirreferi għad-dikjarazzjoni tal-Kunsill, fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill kisirx l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tar-Regolament ikkontestat, iżda wkoll l-iskambji orali u bil-miktub li seħħew matul il-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal dikjarazzjoni oħra magħmula mill-Kunsill fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li Distillerie Bonollo ma tallegax li l-motivazzjoni hija insuffiċjenti, iżda sempliċement tikkontesta l-approċċ tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ksur tad-drittijiet tad-difiża jew tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

( 30 ) Ara l-punt 34 tas-sentenza appellata.

( 31 ) Ara l-punt 20 iktar ’il fuq.

( 32 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2009, Selex Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni (C‑113/07 P, EU:C:2009:191, punti 37 sa 39).

( 33 ) Li sar l-Artikolu 82 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

( 34 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 iktar ’il fuq.

( 35 ) Fir-risposta tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill isostni li l-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill kisirx l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 296 TFUE, iżda wkoll fid-dawl tal-iskambji li saru matul il-proċedura antidumping. Il-Kunsill iżid, dejjem fir-risposta tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza, iktar milli jikkontestaw in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, jikkritikaw il-mertu tal-approċċ tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

( 36 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42); tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 69); u tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 103).

( 37 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Frar 1984, Allied Corporation et vs Il‑Kummissjoni (239/82 u 275/82, EU:C:1984:68, punti 11 sa 14), u tas‑7 ta’ Mejju 1987, NTN Toyo Bearing et vs Il‑Kunsill (240/84, EU:C:1987:202, punti 5 sa 7). Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 1996, Climax Paper vs Il‑Kunsill (T‑155/94, EU:T:1996:118, punti 45 sa 53); tal‑25 ta’ Settembru 1997, Shanghai Bicycle vs Il‑Kunsill (T‑170/94, EU:T:1997:134, punti 35 sa 42); tat‑13 ta’ Settembru 2013, Huvis vs Il‑Kunsill (T‑536/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:432, punti 23 sa 29); tat‑13 ta’ Settembru 2013, Cixi Jiangnan Chemical Fiber et vs Il‑Kunsill (T‑537/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:428, punti 20 sa 29); tas‑16 ta’ Jannar 2014, BP Products North America vs Il‑Kunsill (T‑385/11, EU:T:2014:7, punti 74 sa 78); tal‑15 ta’ Settembru 2016, Unitec Bio vs Il‑Kunsill (T‑111/14, EU:T:2016:505, punti 25 sa 32); tal‑15 ta’ Settembru 2016, Molinos Río de la Plata et vs Il‑Kunsill (T‑112/14 sa T‑116/14 u T‑119/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:509, punti 57 sa 64); tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill (T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punti 22 sa 39); u tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Kolachi Raj Industrial vs Il‑Kummissjoni (T‑435/15, EU:T:2017:712, punti 49 sa 55).

( 38 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li r-rikorrenti fl-ewwel istanza, jiġifieri P. Ferracci, proprjetarju ta’ stabbiliment “bed and breakfast”, u Scuola Elementare Maria Montessori, stabbiliment ta’ tagħlim privat, kienu joffru servizzi simili għal dawk ipprovduti mill-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna, jiġifieri istituzzjonijiet ekkleżjastiċi u dawk reliġjużi. Barra minn hekk, l-istabbilimenti ta’ P. Ferracci u ta’ Scuola Elementare Maria Montessori kienu jinsabu fil-viċinanza immedjata tal-benefiċjarji tal-għajnuna. Għaldaqstant, huma kienu attivi fl-istess suq ġeografiku għas-servizzi. Peress li P. Ferracci u Scuola Elementare Maria Montessori kienu a priori eliġibbli għall-għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża, din id-deċiżjoni setgħet tqegħedhom f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata. Ara l-punt 50 tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873).

( 39 ) Ara l-punti 43 u 52 tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873).

( 40 ) Ara, f’dan ir-rigward, Reymond, D., Action antidumping et droit de la concurrence dans l’Union européenne, Bruylant, 2016 (punt 60).

( 41 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill (C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punt 91), u tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill (T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 50). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawża Nölle (C‑16/90, mhux ippubblikata, EU:C:1991:233, punt 11) u tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill (C‑100/17 P, EU:C:2018:214, punt 105).

( 42 ) Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill (C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punti 167168).

( 43 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Moser Baer India vs Il‑Kunsill (C‑535/06 P, EU:C:2008:532, punt 170), u s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill (T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 51).

( 44 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2003, Euroalliages et vs Il‑Kummissjoni (T‑132/01, EU:T:2003:189, punt 44), u tat‑30 ta’ April 2015, VTZ et vs Il‑Kunsill (T‑432/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:248, punt 162).

( 45 ) Ara l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku.

( 46 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, T.KUP (C‑349/16, EU:C:2017:469, punt 44).

( 47 ) Sentenza tat‑30 ta’ April 2015, VTZ et vs Il‑Kunsill (T‑432/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:248, punt 163).

( 48 ) Ara Juramy, H., “Anti-Dumping in Europe: What About Us(ers)?”, Global Trade and Customs Journal, 2018, Nru 11/12, pp. 511‑518 (pp. 516 u 517); Melin, Y., “Users in EU Trade Defence Investigations: How to Better Take their Interests into Account, and the New Role of Member States as User Champions after Comitology”, Global Trade and Customs Journal, 2016, Nru 3, pp. 88‑121 (p. 96).

( 49 ) L-aħħar sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9) tipprevedi li “[l]-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ li jsir irkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra xi prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni”.

( 50 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il-‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑481/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:845, punt 28), u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 80).

( 51 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑372/97, EU:C:2004:234, punt 111).

( 52 ) Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, World Duty Free Group vs Il‑Kummissjoni (T‑219/10 RENV, EU:T:2018:784, punti 264268).

( 53 ) Fil-fatt, il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol ma kinux jesportaw direttament il-produzzjoni tagħhom fis-suq tal-Unjoni, iżda kienu jbigħuha fis-suq intern (l-Istati Uniti) lil operaturi tas-suq/blenders indipendenti, li sussegwentement kienu jħalltu l-bijoetanol mal-fjuwil intiż, b’mod partikolari, għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2018:794, punt 63).

( 54 ) Dan huwa konformi mal-punti 46 u 50 tas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873).

( 55 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2002, BSC Footwear Supplies et vs Il‑Kunsill (T‑598/97, EU:T:2002:52, punti 49 sa 64); digriet tas‑27 ta’ Jannar 2006, Van Mannekus vs Il‑Kunsill (T‑280/03, mhux ippubblikat, EU:T:2006:32, punti 108 sa 141); sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Würth u Fasteners (Shenyang) vs Il‑Kunsill (T‑162/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:187); digriet tal‑5 ta’ Frar 2013, BSI vs Il‑Kunsill (T‑551/11, mhux ippubblikat, EU:T:2013:60, punti 23 sa 41); sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, Cixi Jiangnan Chemical Fiber et vs Il‑Kunsill (T‑537/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:428, punti 2829); digriet tal‑21 ta’ Jannar 2014, Bricmate vs Il‑Kunsill (T‑596/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:53, punti 21 sa 60); digriet tas‑7 ta’ Marzu 2014, FESI vs Il‑Kunsill (T‑134/10, mhux ippubblikat, EU:T:2014:143, punti 41 sa 76); sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Molinos Río de la Plata et vs Il‑Kunsill (T‑112/14 sa T‑116/14 u T‑119/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:509, punti 48 sa 56); digriet tal‑25 ta’ Jannar 2017, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni (T‑217/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:37, punti 26 sa 33), ikkonfermat fl-appell (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni, C‑145/17 P, EU:C:2018:839).

( 56 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Frar 1984, Allied Corporation et vs Il‑Kummissjoni (239/82 u 275/82, EU:C:1984:68, punti 12 sa 14); tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (264/82, EU:C:1985:119, punti 12 sa 17); tas‑7 ta’ Mejju 1987, NTN Toyo Bearing et vs Il‑Kunsill (240/84, EU:C:1987:202, punti 5 sa 7); tal‑14 ta’ Marzu 1990, Nashua Corporation et vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑133/87 u C‑150/87, EU:C:1990:115, punti 14 sa 20); tal‑14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑156/87, EU:C:1990:116, punti 17 sa 23); tal‑11 ta’ Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑305/86 u C‑160/87, EU:C:1990:295, punti 19 sa 22); tas‑16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il‑Kunsill (C‑358/89, EU:C:1991:214, punti 13 sa 18); tat‑13 ta’ Settembru 2013, Huvis vs Il‑Kunsill (T‑536/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:432, punti 25 sa 29); u tat‑13 ta’ Settembru 2013, Cixi Jiangnan Chemical Fiber et vs Il‑Kunsill (T‑537/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:428, punti 22 sa 27).

( 57 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 1996, Climax Paper vs Il‑Kunsill (T‑155/94, EU:T:1996:118, punt 53); tal‑25 ta’ Settembru 1997, Shanghai Bicycle vs Il‑Kunsill (T‑170/94, EU:T:1997:134, punt 41); tas‑16 ta’ Jannar 2014, BP Products North America vs Il‑Kunsill (T‑385/11, EU:T:2014:7, punt 72); tal‑15 ta’ Settembru 2016, Unitec Bio vs Il‑Kunsill (T‑111/14, EU:T:2016:505, punt 28); tal‑15 ta’ Settembru 2016, Molinos Río de la Plata et vs Il‑Kunsill (T‑112/14 sa T‑116/14 u T‑119/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:509, punt 62); tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill (T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 24); u tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Kolachi Raj Industrial vs Il‑Kummissjoni (T‑435/15, EU:T:2017:712, punt 54).

( 58 ) Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il‑Kunsill (T‑80/97, EU:T:2000:216, punti 61 sa 69).

( 59 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il‑Kummissjoni (T‑364/16, EU:T:2018:696, punti 4142).

( 60 ) Pereżempju, id-drittijiet proċedurali mogħtija lil produtturi tal-Unjoni huma sostanzjalment differenti minn dawk mogħtija lil gruppi ta’ konsumaturi.

( 61 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97), u tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill (C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 99).

( 62 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBride et (C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punti 384045), u tad‑19 ta’ Ġunju 2019, C & J Clark International (C‑612/16, mhux ippubblikata, EU:C:2019:508, punti 3940).

( 63 ) Ara l-punt 22(5) tal-Anness tar-Regolament Nru 37/2014.

( 64 ) L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 37/2014 jipprevedi li dan ir-regolament “għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”, jiġifieri, fit-tletin jum wara l‑21 ta’ Jannar 2014.

( 65 ) L-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku (li ma ġiex emendat bir-Regolament Nru 37/2014) jipprevedi li d-dazji antidumping għandhom jiġu imposti permezz ta’ regolament. Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014, u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, moqrija flimkien, jikkostitwixxu l-bażi legali li tawtorizza lill-Kummissjoni timponi mill-ġdid dazji antidumping wara l-għoti ta’ sentenza li tannulla regolament li jimponi dazji antidumping (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, C & J Clark International, C‑612/16, mhux ippubblikata, EU:C:2019:508, punti 42 sa 44). Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann (C‑256/16, EU:C:2018:187, punt 55).

( 66 ) Ara l-punt 20 iktar ’il fuq.

( 67 ) L-ewwel punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata ma tannullax ir-Regolament ikkontestat biss sa fejn dan japplika għal Ninghai Organic Chemical Factory. Huwa jannulla dan ir-regolament mingħajr limitazzjoni fir-rigward tal-effetti tal-annullament. Dan jirriżulta mill-fatt li r-rikors fl-ewwel istanza ġie ppreżentat minn produtturi tal-Unjoni u mhux minn produttur-esportatur li seta’ jitlob l-annullament tar-Regolament ikkontestat biss sa fejn dan kien applikabbli għalih.

( 68 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill (C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punt 81); tat‑28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS (C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punt 49); u tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBride et (C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 35).

( 69 ) Għalkemm il-qrati tal-Unjoni ma għandhomx jieħdu l-post tal-istituzzjoni kkonċernata sabiex jiġu ppreċiżati l-miżuri li għandhom jittieħdu għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi tagħhom (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża National Iranian Tanker Company vs Il‑Kunsill, C‑600/16 P, EU:C:2018:227, punt 109), madankollu xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-miżuri għandhom josservaw id-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza inkwistjoni u għandhom ikunu kompatibbli magħhom (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punti 7677).

( 70 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2003, International Power et vs NALOO (C‑172/01 P, C‑175/01 P, C‑176/01 P u C‑180/01 P, EU:C:2003:534, punt 52).

( 71 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni (T‑66/01, EU:T:2010:255, punti 196 sa 211).

( 72 ) Dan jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut, li jipprevedi li, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, sentenza tal-Qorti Ġenerali li tannulla regolament ikollha effett biss mid-data taċ-ċaħda tal-appell.

( 73 ) Permezz ta’ avviż ippubblikat fis‑7 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni fetħet mill-ġdid il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat sabiex tiġi eżegwita s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372) (Avviż dwar is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017 fil-Kawża T‑442/12 fir-rigward tar-[Regolament ikkontestat], ĠU 2017, C 296, p. 16). Skont dan l-avviż, il-proċedura nfetħet mill-ġdid sempliċement sabiex timplimenta dik is-sentenza.

( 74 ) Regolament li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 164, p. 14).

( 75 ) Fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid ta’ miżuri li ser jiskadu, il-Kummissjoni tista’ biss iżżomm jew tħassar id-dazji antidumping imposti preċedentement, iżda mhux timmodifikahom, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku. Peress li r-Regolament ikkontestat, li jemenda r-Regolament Nru 349/2012, ġie annullat permezz tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372), u peress li l-effetti ta’ dan ir-regolament ma nżammux minn din is-sentenza sal-implimentazzjoni tagħha mill-Kummissjoni, din tal-aħħar kellha żżomm id-dazju ta’ 10.1 % impost mir-Regolament Nru 349/2012 fuq Changmao Biochemical Engineering. Madankollu, ir-Regolament 2018/921 iżomm ir-rata ta’ 8.3 % imposta fuq Ninghai Organic Chemical Factory mir-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, għalkemm dan ir-regolament ġie annullat permezz tas-sentenza appellata, l-effetti tiegħu jinżammu permezz ta’ dik is-sentenza fir-rigward ta’ Ninghai Organic Chemical Factory sakemm l-istituzzjoni kompetenti tosserva l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 266 TFUE (li, kif ġie espost fil-punt 162 iktar ’il fuq, jista’ jsir biss meta u jekk dan l-appell jiġi miċħud).

( 76 ) Enfasi tiegħi.

( 77 ) Ara l-punt 208 iktar ’il quddiem.

( 78 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2013, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill (C‑15/12 P, EU:C:2013:572, punt 17), u tat‑18 ta’ Settembru 2014, Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 43).

( 79 ) Il-premessi 18 sa 28 tar-Regolament Nru 1259/2005, u l-premessa 13 tar-Regolament Nru 130/2006.

( 80 ) Il-premessi 29 sa 34 tar-Regolament Nru 1259/2005, u l-premessa 13 tar-Regolament Nru 130/2006.

( 81 ) Il-premessi 27 sa 29 tar-Regolament ikkontestat.

( 82 ) Għal raġunijiet ta’ ċarezza, nirrileva li Changmao Biochemical Engineering tallega li l-kalkolu tal-valur normali mhux abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ domestiku fl-Arġentina, iżda abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-Arġentina fir-rigward tal-produtturi-esportaturi li ma ngħatawx is-SIES, jikkostitwixxi bidla fil-metodoloġija. Hija ma tallegax li l-fatt li hija ngħatat is-SIES fl-investigazzjoni oriġinali, iżda li ġiet irrifjutata dan l-istatus fl-investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, jikkostitwixxi fih innifsu bidla fil-metodoloġija li ma hijiex konformi mal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

( 83 ) Sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014, Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punti 214459), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:118, punt 78).

( 84 ) Sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il‑Kunsill (T‑299/05, EU:T:2009:72, punti 170 sa 172). Ara wkoll is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill (T‑221/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:258, punti 272843), u tas‑16 ta’ Diċembru 2011, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill (T‑423/09, EU:T:2011:764, punt 57).

( 85 ) Sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014, Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punti 45 sa 49).

( 86 ) Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, CHEMK u KF vs Il‑Kummissjoni (T‑487/14, EU:T:2018:792, punt 63).

( 87 ) Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2011, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill (T‑423/09, EU:T:2011:764, punt 63).

( 88 ) Nagħmel riferiment għall-premessa 26 tar-Regolament Nru 349/2012, li tgħid li “[l]-proċessi ta’ produzzjoni differenti fl-Arġentina u fiċ-Ċina, u l-impatt li dawn id-differenzi għandhom fuq l-ispejjeż u l-valutazzjoni tal-prodott ikkonċernat kienu diġà ġew studjati bir-reqqa fl-investigazzjoni oriġinali”.

( 89 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill (T‑221/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:258, punt 50).

( 90 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill (T‑221/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:258, punt 51).

( 91 ) Ara l-punt 184 iktar ’il fuq.

( 92 ) Ara l-punt 137 tas-sentenza appellata.

( 93 ) Ara l-punt 184 iktar ’il fuq.

( 94 ) Skont il-premessa 27 tar-Regolament ikkontestat, “minħabba d-differenza fil-metodu ta’ produzzjoni bejn l-Arġentina u [ċ-Ċina] li tħalli impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet u l-ispejjeż, ġie deċiż li jinħadem valur normali minflok ma jintużaw […] il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku [fl-Arġentina]” (enfasi tiegħi).

( 95 ) Enfasi tiegħi.

( 96 ) Ara l-punt 173 iktar ’il fuq.

( 97 ) L-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku jeżiġi li, fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur stabbilit f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew, fejn dan ma jkunx possibbli, fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli. Fi kliem ieħor, il-valur normali ma jistax, f’din l-ipoteżi, jiġi ddeterminat abbażi tal-prezzijiet reali ta’ bejgħ domestiku fil-pajjiż mingħajr ekonomija tas-suq ikkonċernat.

( 98 ) Punt 2.6.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, tal‑10 ta’ April 2013, dwar il-Modernizzazzjoni tal-Istrumenti għad-Difiża tan-Negozju L-adattament tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju għall-ħtiġijiet preżenti tal-ekonomija Ewropea (COM(2013) 191 final). Ara wkoll l-Artikolu 1(5)(b) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-[Regolament bażiku] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, ippreżentata fl‑10 ta’ April 2013 (COM(2013) 192 final).

Top