EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0396

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-26 ta’ Ġunju 2019.
Gennaro Cafaro vs DQ.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (UE) Nru 1178/2011 – Anness I, punt FCL.065 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Artikolu 2(5) – Artikolu 4(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol fl-età ta’ 60 sena – Piloti ta’ inġenji tal-ajru – Protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.
Kawża C-396/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:541

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-26 ta’ Ġunju 2019 ( 1 )

Kawża C-396/18

Gennaro Cafaro

vs

DQ

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li laħqu l-età ta’ 60 sena – Kumpannija li teżerċita attivitajiet relatati mal‑protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età – Kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament (UE) Nru 1178/2011 – Direttiva 2000/78/KE”

I. Introduzzjoni

1.

Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età kien is-suġġett ta’ ġurisprudenza abbundanti, li permezz tagħha l‑Qorti tal-Ġustizzja kellha tistudja, b’mod partikolari, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, il-possibbiltà li Stat Membru jipprojbixxi l-eżerċizzju tal‑professjoni ta’ piloti lil persuni li jkunu laħqu ċertu età ( 2 ).

2.

Din il-problematika llum hija mġedda b’dawn id-domandi preliminari, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali inkwistjoni. B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi jekk in-natura ta’ attivitajiet eżerċitati minn kumpannija li timpjega piloti, jiġifieri attivitajiet relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, jistax ikollha effett fuq l-evalwazzjoni li għandha tingħata dwar il-projbizzjoni tal-eżerċizzju ta’ din il-professjoni għal piloti li jkunu laħqu l-età ta’ 60 sena.

II. Il-kuntest legali

A. Id-dritt tal-Unjoni

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008

3.

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 ( 3 ) jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

[…]

b)

persunal u organizzazzjonijiet involuti fl-operazzjoni ta’ inġenji tal-ajru;

[…]”

4.

Kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, “[l]‑objettiv prinċipali ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi stabbilit u miżmum livell uniformi għoli ta’ sikurezza ta’ l-avjazzjoni ċivili fl‑Ewropa”.

5.

L-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Ħlief meta jkun f’taħriġ, persuna tista’ taġixxi bħala bdot biss jekk ikollha liċenzja u ċertifikat mediku xierqa għall-operazzjoni li jkollha titwettaq.

[…]”

2.   Ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011

6.

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 ( 4 ) jipprevedi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati għal:

1)

il-klassifikazzjonijiet differenti tal-liċenzji tal-bdoti, il‑kundizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka ta’ liċenzji, il-privileġġi u r‑responsabbiltajiet tad-detenturi ta’ liċenzji, il-kundizzjonijiet għall-konverżjoni tal-liċenzji nazzjonali tal-bdoti u tal-liċenzji nazzjonali tal-inġiniera tat-titjira eżistenti f’liċenzji ta’ bdoti, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ liċenzji minn pajjiżi terzi;

[…]”

7.

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1178/2011 jipprovdi:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id‑definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘liċenzja skont il-Parti-FCL’ tfisser liċenzja tal-ekwipaġġ tal-ajru li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness I;

[…]”

8.

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1178/2011, intitolat “Dħul fis-seħħ u applikazzjoni”:

“1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mit-8 ta’ April 2012.

1b.   B’deroga mill-paragrafu 1, sat-8 ta’ April 2013, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I sa IV.

[…]”

9.

Il-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, intitolat “Tnaqqis tal-privileġġi tad-detenturi tal-liċenzja li jkollhom 60 sena jew aktar fit-trasport kummerċjali bl-ajru”, jipprevedi:

“a)

Età bejn is-60 u l-64 sena. Ajruplani u ħelikopters. Id-detentur ta’ liċenzja ta’ bdot li għalaq 60 sena m’għandux jaġixxi bħala bdot ta’ inġenju tal-ajru involut fit-trasport kummerċjali bl-ajru sakemm:

1)

ma jkunx membru ta’ ekwipaġġ b’aktar minn bdot wieħed;

2)

sakemm tali detentur ikun l-uniku bdot fl-ekwipaġġ tat-titjira li għalaq 60 sena.

b)

Età ta’ 65 sena. Id-detentur ta’ liċenzja ta’ bdot li għalaq 65 sena m’għandux jaġixxi bħala bdot ta’ inġenju tal-ajru involut fit‑trasport kummerċjali bl-ajru.”

3.   Id-Direttiva 2000/78/KE

10.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78/KE ( 5 ) għandha l‑għan li “tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

11.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]

5.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad‑drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

12.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, fil-paragrafu 4 tiegħu jiddikjara:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li din id-Direttiva, sa fejn tirrelata ma’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżablità u età, m’għandhiex tapplika għall-forzi armati.”

13.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ħtiġiet tax‑xogħol”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax‑xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il‑karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina [essenzjali] u determinanti tax‑xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

14.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

[…]”

B. Id-dritt Taljan

15.

Il-qorti tar-rinviju tindika li DQ, kumpannija tat-trasport bl-ajru li teżerċita attività ta’ provvista ta’ servizzi sigrieti ( 6 ), hija kumpannija stabbilita skont l-Artikolu 25 tal-Liġi Nru 124/2007 – Sistema di informazione per la sicurezza della Repubblica e nuova disciplina del segreto (il-Liġi Nru 124/2007 dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni għas‑Sigurtà tar-Repubblika u l-Leġiżlazzjoni l-Ġdida dwar il‑klassifikazzjoni ta’ Data Sigrieta), tat-3 ta’ Awwissu 2007 (GURI Nru°187, tat-13 ta’ Awwissu 2007, p. 4) li teżerċita attività kklassifikata bħala “kunfidenzjali”, jiġifieri attività mingħajr skop ta’ lukru ta’ provvista ta’ servizzi sigrieti.

16.

Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 744 tal-Codice della Navigazione (il-Kodiċi dwar in-Navigazzjoni) jassimila l-inġenji tal-ajru tal-Istati mal‑inġenji tal-ajru użati minn entitajiet pubbliċi jew privati li jeżerċitaw attivitajiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

17.

Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 748 tiegħu, il-Kodiċi dwar in‑Navigazzjoni jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma japplikawx għall-inġenji tal-ajru użati għal attivitajiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

18.

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 748 tal-Kodiċi dwar in‑Navigazzjoni jipprovdi li l-operazzjonijiet ta’ titjiriet magħmula minn inġenji tal-ajru simili għall-inġenji tal-ajru tal-Istat għandhom jiżguraw livell adegwat ta’ sigurtà, stabbilit skont il-leġiżlazzjonijiet speċjali adottati mill‑amministrazzjonijiet tal-Istat kompetenti.

19.

Le decreto del Presidente del Consiglio dei Ministri (id-Digriet tal‑President tal-Kunsill tal-Ministri li Jirregola l-Limitazzjonijiet ta’ Impjieg tal-Ekwipaġġ ta’ DQ), tad-9 ta’ Settembru 2008 (iktar ’il quddiem id-“DPKM”), ġie adottat abbażi tat-tielet paragrafu tal‑Artikolu 748 tal‑Kodiċi dwar in-Navigazzjoni.

20.

Id-dispożizzjoni PCM-OPS 1.1136 tad-DPKM, intitolata “limitazzjoni ta’ età massima”, tipprovdi:

“Fid-dawl tal-għanijiet koperti mill-artikoli preċedenti, huwa previst li l‑piloti ta’ [DQ] jistgħu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom sa sittin sena u mhux iktar”.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

Fid-19 ta’ Jannar 2012, DQ innotifikat lil Gennaro Cafaro, impjegat bħala pilota ta’ inġenju tal-ajru minn din il-kumpannija, li l‑kuntratt tax-xogħol tiegħu kien ser jintemm fid-19 ta’ Settembru 2012 inkwantu se jkun laħaq l-età ta’ 60 sena.

22.

G. Cafaro kkontesta l-legalità tat-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu quddiem it-Tribunale di Roma (il-Qorti ta’ Roma, l-Italja), li ċaħdet it-talba tiegħu. Din id-deċiżjoni, sussegwentement, ġiet ikkonfermata mill‑Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Roma, l-Italja), permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Frar 2016.

23.

G. Cafaro kompla bil-proċeduri fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni).

24.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-inġenji tal-ajru ta’ DQ huma assimilati, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, ma’ inġenji tal-ajru tal-Istat. Bis-saħħa ta’ hekk, huma joperaw titjiriet relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, u għandhom jiżguraw livell adegwat ta’ sigurtà, u dan huwa stabbilit skont leġiżlazzjonijiet speċjali, fosthom, b’mod partikolari, id-DPKM. F’dan ir-rigward, il‑qorti tispjega li d-dispożizzjonijiet tad-DPKM jipprevedu li l-piloti ta’ DQ ma humiex awtorizzati jeżerċitaw l-attività tagħhom lil hinn mill‑età ta’ 60 sena.

25.

Issa, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jippermetti lill-piloti ta’ inġenji tal-ajru użati għat-trasport kummerċjali bl-ajru jkomplu jeżerċitaw l-attività tagħhom wara 60 sena, taħt ċerti kundizzjonijiet. B’mod iktar preċiż, il‑qorti tar-rinviju tenfasizza li din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix lil dawn il-piloti milli jeżerċitaw l-attività tagħhom ħlief meta jilħqu l-età ta’ 65 sena.

26.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt FCL.065 tal-Anness I tar‑Regolament Nru 1178/2011 applikabbli espressament għat-trasport kummerċjali bl-ajru, jistax madankollu jkun ikkunsidrat bħala regola ġenerali li tirrigwarda l-età tal-piloti. Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-piloti tal-inġenji tal-ajru użati għal attivitajiet relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, it-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-pilota malli jilħaq l-età ta’ 60 sena.

27.

B’mod sussidjarju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il‑leġiżlazzjoni speċjali li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ piloti fl-età ta’ 60 sena hijiex kompatibbli mad‑Direttiva 2000/78 u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal‑età stipulata fiha, u mal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

28.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni) permezz ta’ sentenza li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2018, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:

“1)

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali prevista mid-[DPKM] li, b’applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 748 tal-Kodiċi Taljan dwar in-Navigazzjoni, jirregola l-limiti tal-impjieg tal‑ekwipaġġ tal-ajru ta’ DQ u li jipprevedi b’mod partikolari t‑tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol meta l-ħaddiem jagħlaq is-60 sena, tmur kontra r-Regolament Nru 1178/2011, sa fejn huwa jiffissa l-limitu għal 65 sena għall-impjieg tal-piloti fit‑trasport kummerċjali bl-ajru, u l-imsemmi regolament japplika f’dan il-każ, ladarba l-leġiżlazzjoni nazzjonali speċjali ma tiġix applikata?

2)

Sussidjarjament, jekk ir-regolament jitqies li ma huwiex applikabbli ratione materiae għaċ-ċirkustanzi tal-każ, din il‑leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, previst mid‑Direttiva 2000/78 u mill-[Karta] (Artikolu 21(1)) li d‑Direttiva 2000/78 tagħtiha espressjoni konkreta?”

29.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent fil‑kawża prinċipali u minn DQ, il-Gvern Taljan u dak Pollakk u mill‑Kummissjoni Ewropea.

30.

Waqt is-seduta li saret fil-11 ta’ April 2019, l-osservazzjonijiet orali ġew ippreżentati għan-nom tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, DQ, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni.

IV. Analiżi

A. Fuq l-ewwel domanda preliminari

31.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-punt FCL.065 tal‑Anness I tar‑Regolament Nru 1178/2011 għandux jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ piloti impjegati minn kumpannija li tiġġestixxi inġenji tal‑ajru użati għal attivitajiet relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru meta jkunu laħqu l-età ta’ 60 sena.

32.

Qabel xejn, nippreċiża li din id-dispożizzjoni ma hijiex, fl‑opinjoni tiegħi, applikabbli għall-kawża prinċipali, kif ser nuri.

1.   L-inapplikabbiltà ratione temporis tal-punt FCL.065 tal‑Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011

33.

Nirrileva li DQ, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jikkunsidraw, prinċiparjament, li l-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 ma japplikax ratione temporis għas-sitwazzjoni fil‑kawża prinċipali.

34.

Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Corte suprema di cassazione (Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni) hija tal-opinjoni li l-applikabbiltà ratione temporis għall-kawża prinċipali tal‑punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 ma għandhiex tkun eskluża, sa fejn din id-dispożizzjoni ma hijiex inkluża mad-dispożizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw.

35.

Infakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il‑qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita bl‑Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li minnha hija adita. F’din il-perspettiva, id-domandi preliminari għandhom jiġu riżolti fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tad-dritt sekondarju kollha li jistgħu jkunu rilevanti għall-problema esposta ( 7 ). Bl-istess mod, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti li ressqitilha domanda preliminari, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad‑dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 8 ).

36.

Huwa veru li l-qorti tar-rinviju ma identifikatx, fir-Regolament Nru 1178/2011, dispożizzjoni li tippermetti l-applikazzjoni tal‑punt FCL.065 tal-Anness I tagħha. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 12(1b) ta’ dan tal-aħħar jipprevedi espressament din il-possibbiltà, peress li skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Anness I, li fih jaqa’ l-punt FCL.065, sat-8 ta’ April 2013.

37.

F’dan ir-rigward, kemm mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal‑Kummissjoni u tal-Gvern Taljan, kif ukoll minn dawk magħmula waqt is‑seduta minn dan tal-aħħar jirriżulta li r-Repubblika Taljana użat il‑possibbiltà offruta mill-Artikolu 12(1b) tar-Regolament Nru 1178/2011, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tal-Anness I tar‑Regolament Nru 1178/2011 ma kinux applikabbli fl-Italja qabel it‑8 ta’ April 2013.

38.

Issa, ir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ G. Cafaro intemmet fid‑19 ta’ Settembru 2012, kif ġie innotifikat lilu fid-19 ta’ Frar 2012, b’tali mod li l-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

39.

Sabiex inkun eżawrjenti, iktar ’il quddiem ser nuri li, fi kwalunkwe każ, ir-Regolament Nru 1178/2011 lanqas ma huwa applikabbli ratione materiae għall-kawża prinċipali.

2.   L-inapplikabbiltà ratione materiae tar-Regolament Nru 1178/2011

40.

Ir-Regolament Nru 1178/2011 huwa att ta’ eżekuzzjoni tar‑Regolament Nru 216/2008, adottat, b’mod partikolari, abbażi tal‑Artikolu 7(6) tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1178/2011 ma għandux ikun iktar wiesa’ mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-att bażiku li fuqu huwa bbażat ( 9 ).

41.

Għalhekk ser nirreferi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 216/2008 li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu sabiex nidentifika dak tar-Regolament Nru 1178/2011.

42.

Minn naħa waħda, u b’mod pożittiv, ir-Regolament Nru 216/2008 huwa intiż sabiex jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u sabiex fih ikun hemm livell uniformi ta’ sikurezza ( 10 ). Dan ir-regolament huwa għalhekk applikabbli għall‑attivitajiet li jaqgħu taħt l-avjazzjoni ċivili. L-istess konklużjoni għandha tintlaħaq fir‑rigward tar-Regolament Nru 1178/2011, li jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi applikabbli għall-ekwipaġġ tal-avjazzjoni ċivili.

43.

Min-naħa l-oħra, u b’mod negattiv, l-Artikolu 1(2) tar‑Regolament Nru 216/2008 jipprevedi eċċezzjoni ċara għall‑applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-persunal u korpi involuti f’servizzi militari, tad-dwana jew tal-pulizija, jew servizzi simili. Din l-eċċezzjoni għalhekk tapplika wkoll fir-rigward tar‑Regolament Nru 1178/2011.

44.

Dwar dan il-punt, għandi nispjega l-mod kif jiena nifhem din l‑eċċezzjoni. Fil-fatt, G. Cafaro jsostni li, sa fejn DQ hija kumpannija privata, ikkostitwita skont ir-regoli tal-Kodiċi Ċivili, u li topera bħala fornitur awtorizzat tat-trasport kummerċjali bl-ajru, hija ma għandhiex tkun ikkunsidrata bħala li taqa’ fl-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 216/2008. G. Cafaro jesponi għalhekk li huwa r‑Regolament Nru 1178/2011 li għandu jiġi applikat għal DQ.

45.

Huwa veru li, bħala eċċezzjoni, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 216/2008 għandu jingħata interpretazzjoni ristretta. Madankollu, ma nemminx li dan ifisser li għandha tkun il-forma ġuridika tal-entità kkonċernata li tistabbilixxi jekk taqax taħt din id-dispożizzjoni.

46.

Fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 1(2) tar‑Regolament Nru 216/2008 tirrileva, fl-opinjoni tiegħi, li l-forma ta’ entità ma hijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex koperta mill‑eċċezzjoni, sa fejn huwa ma jagħmel l-ebda riferiment għaliha. Din id-dispożizzjoni fil-fatt tkopri l-persunal u l-organizzazzjonijiet impenjati f’servizzi militari, doganali, tal-pulizija jew servizzi simili. Huwa jirreferi biss għall-attività eżerċitata mill-persunal u l‑organizzazzjonijiet imsemmija. Din id-dispożizzjoni b’hekk tistabbilixxi kriterju funzjonali u informali sabiex jiġi stabbilit jekk il‑persunal jew l-organizzazzjonijiet li jwettqu din l-attività jaqgħux jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 216/2008 u, konsegwentement, tar-Regolament Nru 1178/2011.

47.

Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 216/2008 proposta minn G. Cafaro fl-osservazzjonijiet tiegħu jidhirli li hija kuntrarja għall-effett utli tar-Regolamenti Nri 216/2008 u 1178/2011, għaliex timplika li l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti tiddependi fuq klassifikazzjonijiet ġuridiċi nazzjonali. Jekk tintuża tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kumpannija privata stabbilita skont id-dritt nazzjonali taqa’ dejjem fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regolamenti. Jekk l‑applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 216/2008 u 1178/2011 tkun tiddependi biss fuq il-liġijiet nazzjonali u l-varjetà tagħhom, dan iwassal għal differenza kbira fis-sistemi applikabbli skont l-Istati Membri u tipprekludi b’hekk li jintlaħaq l-għan ta’ dawn ir‑regolamenti, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli komuni fis-settur tal‑avjazzjoni ċivili.

48.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li DQ kienet toffri servizz “ta’ natura partikolari”, jiġifieri “attività […] ta’ provvista ta’ servizzi sigrieti”, eżerċitati għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ( 11 ). L‑attivitajiet eżerċitati minn DQ għalhekk ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 216/2008, u dan, għal żewġ raġunijiet. Minn naħa waħda, attività ta’ provvista ta’ servizzi sigrieti, eżerċitata b’rabta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, ma taqax, fl-opinjoni tiegħi, taħt l-avjazzjoni ċivili. Min-naħa l-oħra, u iktar minn hekk, tali attività partikolari hija koperta mill‑eċċezzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 216/2008, bħala servizz simili għal servizz militari, tad-dwana, jew tal-pulizija. F’dan ir‑rigward, ma huwiex daqstant rilevanti li DQ teżerċita din l-attività taħt forma privata.

49.

Għalhekk, jiena tal-opinjoni li la r-Regolament Nru 1178/2011, b’mod ġenerali, u lanqas il-punt FCL.065 tal-Anness I tiegħu, b’mod partikolari, ma huma applikabbli ratione materiae għas-sitwazzjoni inkwistjoni, u lanqas huma applikabbli ratione temporis.

B. Fuq it-tieni domanda preliminari

50.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 u l-Artikolu 21(1) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ piloti impjegati minn kumpannija li tiġġestixxi inġenji tal-ajru użati għal attivitajiet relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru meta jkunu laħqu l-età ta’ 60 sena.

51.

Preliminarjament, sabiex jiġu identifikati b’mod ċar l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, għandi nispjega li fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex neċessarju li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Karta sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari. Fil-fatt, il-Karta tistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, li jikkonkretizza d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol ( 12 ). Minn dan jirriżulta li, meta hija adita minn domanda preliminari li għandha bħala suġġett l-interpretazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, kif stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta, u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina d‑domanda fir-rigward ta’ din id-direttiva biss ( 13 ).

52.

L-analiżi tiegħi se tkun ikkonċentrata wkoll fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 biss. F’dan ir-rigward, infakkar, li jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2000/78 ma humiex formalment identifikati mill-qorti tar-rinviju fid-domandi preliminari tagħha, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal‑Ġustizzja tista’ tislet mill-kliem tad-domandi fformulati mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tad-data mogħtija minnha, l-elementi ta’ dritt tal-Unjoni neċessarji sabiex din il-qorti tkun tista’ ssolvi l‑problema legali mressqa quddiemha, skont id-dritt tal-Unjoni ( 14 ).

53.

Il-qari tad-Direttiva 2000/78 fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jippermetti li jiġu identifikati diversi dispożizzjonijiet rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 2(5), l‑Artikolu 3(4), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

54.

Għalhekk, sabiex nirrispondi għat-tieni domanda preliminari, ser nanalizza b’mod suċċessiv dawn l-Artikoli.

55.

Qabel xejn, għandi nivverifika li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/78. Sussegwentement, ser nanalizza jekk din il‑leġiżlazzjoni tistabbilixxix inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq l‑età u, finalment, jekk ikun il-każ, jekk din l-inugwaljanza tistax tkun iġġustifikata, b’tali mod li ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/78 ( 15 ).

1.   L-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78

56.

Il-Kummissjoni tirrileva li s-sitwazzjoni ta’ DQ tista’ tkun koperta bl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/78, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li din id-direttiva ma tapplikax għall‑forzi armati fir-rigward tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età.

57.

Madankollu, jiena tal-opinjoni li l-eċċezzjoni prevista b’din id‑dispożizzjoni ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, għar-raġunijiet segwenti.

58.

Qabel xejn, u prinċiparjament, il-Gvern Taljan waqt is-seduta kkonferma li anki jekk ir-Repubblika Taljana fid-dritt nazzjonali stabbilixxiet eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 fir‑rigward tal-forzi armati f’dak li jikkonċerna d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età, skont l‑Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, fi kwalunkwe każ din l-eċċezzjoni ma tkoprix lil DQ.

59.

Sussegwentement, bħala eċċezzjoni, l-Artikolu 3(4) tad‑Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat b’mod ristrett. Fi kliem ieħor, l-eċċezzjoni ma għandhiex tkopri lill-kumpanniji kollha li, filwaqt li jeżerċitaw attivitajiet relatati mal-protezzjoni nazzjonali, xorta ma jiffurmawx parti mill-forzi armati tal-Istat Membru. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala li tkopri korpi li ma jaqgħux taħt il-forzi armati, anki meta jeżerċitaw operazzjonijiet simili għal dawk immexxija minn dawn tal‑aħħar.

60.

Barra minn hekk, mill-analiżi li qed nipproponi, fil-kuntest tar‑risposta għall-ewwel domanda preliminari, tal-attivitajiet ta’ DQ bħala operazzjonijiet simili għal operazzjonijiet militari fis-sens tar‑Regolament Nru 216/2008, ma tistax tinsilet kwalunkwe konklużjoni fir-rigward tal-applikabbiltà jew le tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/78.

61.

Minn naħa waħda, mill-kliem stess tal-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni jirriżulta li din għandha kamp ta’ applikazzjoni ħafna iktar ristrett minn dak tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 216/2008. Filwaqt li tal-ewwel tkopri biss il-forzi armati, l-applikazzjoni tar‑Regolament Nru 216/2008 hija eskluża fir-rigward ta’ operazzjonijiet militari, tad-dwana u tal-pulizija, jew ta’ operazzjonijiet simili. Dan huwa konformi mal-qari tal-premessa 18 tad‑Direttiva 2000/78, li minnha jirriżulta li din għandha tapplika għas-servizzi tal-pulizija, tal-ħabsijiet jew tal-emerġenza. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi aċċettat l-applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/78 għall-forzi tal-pulizija ( 16 ). Dan l-element juri, sa fejn huwa meħtieġ, l-interpretazzjoni restrittiva li għandha tingħata għall-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/78.

62.

Min-naħa l-oħra, għandi nenfasizza li d-Direttiva 2000/78 għandha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ferm, tant li tinkludi l-ikbar numru ta’ diskriminazzjonijiet, taħt l-iktar forom diversi: hija tapplika kemm għas-settur privat kif ukoll għas-settur pubbliku, kemm fl-istadju ta’ reklutaġġ kif ukoll f’dak tat-tmiem tal-kuntratt, filwaqt li tapplika wkoll għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ remunerazzjoni ( 17 ). Għalhekk ikun kuntrarju għall-ispirtu u għall-għan tad‑Direttiva 2000/78 li tkun permessa eċċezzjoni wiesgħa għall‑applikazzjoni tagħha.

63.

Issa, kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill‑osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Taljan u minn DQ matul il-proċedura u waqt is-seduta jirriżulta li DQ, filwaqt li kienet teżerċita attivitajiet relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, ma tiffurmax parti mill-forzi armati tar-Repubblika Taljana. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ din il-kawża hija bbażata fuq jekk l-istatus partikolari ta’ DQ u n-natura partikolari tal-attivitajiet tagħha jistgħux jiġġustifikaw differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età.

64.

Għalhekk, DQ ma taqax taħt l-eċċezzjoni tal-Artikolu 3(4) tad‑Direttiva 2000/78, b’tali mod li din tal-aħħar hija applikabbli għall‑kawża prinċipali.

2.   L‑identifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni skont id‑Direttiva 2000/78

65.

Infakkar li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, din għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d‑diskriminazzjoni bbażata b’mod partikolari fuq l-età, fir-rigward tal‑impjieg u tax-xogħol, sabiex timplimenta, fl-Istati Membri, il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-Artikolu 2 tad‑Direttiva 2000/78 jiddefinixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament bħala li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata b’mod partikolari fuq l-età. B’mod iktar preċiż, l‑Artikolu 2(2)(a) ta’ din id‑direttiva jipprovdi li għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, abbażi, b’mod partikolari tal-età tagħha.

66.

Sabiex jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix diskriminazzjoni fis-sens tad‑Direttiva 2000/78, huwa għalhekk meħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi stabbilit jekk tirriżultax fi trattament mhux ugwali. Fit-tieni lok, ser nivverifika, jekk id-differenza ta’ trattament tistax tiġi ġġustifikata fir‑rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78, kif isostnu DQ u l-Gvern Taljan u dak Pollakk, u f’dan il-każ ma tkunx tikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva.

a)   L-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament

67.

Fl-opinjoni tiegħi ma hemm l-ebda dubju dwar l-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament direttament ibbażata fuq l-età li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mill-partijiet.

68.

Fil-fatt, id-DPKM għandu l-effett li, f’sitwazzjoni komparabbli, il-piloti ta’ DQ ta’ età ta’ iktar minn 60 sena jiġu ttratatti b’mod inqas favorevoli mill-piloti iżgħar f’din l-istess kumpannija, inkwantu r‑relazzjoni tagħhom ma’ DQ tintemm awtomatikament malli jilħqu l‑età ta’ 60 sena, u dan għal din ir-raġuni biss. Tali leġiżlazzjoni tistabbilixxi mingħajr dubju inugwaljanza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal‑Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 ( 18 ).

b)   Id-derogi potenzjali

69.

Id-Direttiva 2000/78 tipprevedi tliet derogi ( 19 ), li jipprevedu li madankollu differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età ma għandhiex tkun ikkunsidrata bħala diskriminazzjoni skont din id-direttiva.

70.

Tnejn minn dawn id-derogi, previsti fl-Artikolu 2(5) u fl‑Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, huma komuni għall-motivi kollha ta’ diskriminazzjoni u ma humiex speċifiċi għal trattamenti differenti bbażati fuq l-età. L-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva jipprevedi b’hekk li miżura prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u neċessarja għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall‑prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ oħrajn ma hijiex diskriminazzjoni fis-sens tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2000/78 jipprovdi wkoll li differenza ta’ trattament ibbażata fuq karatteristika relatata b’mod partikolari mal-età ma hijiex diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva meta, minħabba n-natura ta’ attività tax-xogħol jew tal-kuntest li fih titwettaq, il-karatteristika inkwistjoni tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol.

71.

Barra minn hekk, fl-Artikolu 6(1) tagħha, id-Direttiva 2000/78 tipprevedi deroga speċifika mid-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l‑età ( 20 ), li tkopri l-miżuri oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, b’għan leġittimu, b’mod partikolari b’għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ.

72.

Qabel ma nanalizza l-possibbiltà li inugwaljanza fit-trattament bħal dik li taffettwa l-piloti ta’ DQ tkun iġġustifikata, ser nerġa’ lura għall‑ispjegazzjoni ta’ dawn it-tliet derogi, sabiex niddefinixxi liema fosthom jistgħu jippermertu li tkun iġġustifikata l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

1) L-ispjegazzjoni tad-derogi differenti skont l-għan li għandu jintlaħaq mill-miżura

73.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandu jiġi identifikat l-għan li għandu jintlaħaq mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li fir‑rigward tagħhom għandu jsir l-eżami ta’ din il-miżura ( 21 ). Fi kliem ieħor, l-applikazzjoni tad-derogi tiddependi mill-għan li għandu jintlaħaq mill‑miżura li tistabbilixxi l-inugwaljanza fit-trattament.

74.

Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-DPKM li jipprevedu l-limitazzjoni ta’ età tal-piloti ta’ DQ ġew emendati sabiex jiżguraw livell ta’ sikurezza adegwata tat-titjiriet ta’ DQ, fl-interess tas-sigurtà nazzjonali. Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tkopri għalhekk għan doppju: il-garanzija tas-sikurezza tat-titjiriet u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

75.

Issa, l-għan tas-sikurezza tat-titjiriet hija relatata mal‑protezzjoni tas-sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad‑Direttiva 2000/78 u tista’ wkoll tikkostitwixxi għan leġittimu fis‑sens tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, adattat sabiex jiġġustifika li jkun hemm deroga mill‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 22 ). L‑istess konklużjoni tintlaħaq fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, peress li l‑miżuri għall-amministrazzjoni tajba u s-suċċess ta’ missjonijiet ta’ servizzi sigrieti tal-Istat bla dubju huma ta’ natura li jiżguraw is-sigurtà pubblika. L-Artikolu 2(5) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jistgħu, għalhekk, bħala regola, jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw id‑differenza fit-trattament li tolqot lill-piloti ta’ DQ li laħqu l-età ta’ 60 sena ( 23 ).

76.

Madankollu, fir-rigward tad-deroga prevista fl-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2000/78, ma naħsibx li hija rilevanti f’dan il-każ, fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi lista ta’ għanijiet li għandhom jintlaħqu minn miżura sabiex din tkun tista’ tibbenefika mid‑deroga. Minkejja li din il-lista la hija eżawrjenti u hija biss indikattiva ( 24 ), kif jindika l-użu mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-avverb “inkluża”, dan ma jfissirx li kull tip ta’ għan jista’ jiġi invokat skont l‑imsemmija dispożizzjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l‑għanijiet li għandhom jiġu kkunsidrati leġittimi skont l‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 huma għanijiet li jaqgħu taħt il‑politika soċjali ( 25 ). Hija eskludiet b’mod partikolari li l-għan ta’ sikurezza tat-titjiriet jikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni fis-sentenza Prigge et ( 26 ).

77.

Issa, jien ma nara l-ebda raġuni għalfejn għandi nibdel l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-kuntrarju, jiena nikkunsidra li jekk għanijiet li ma humiex ta’ politika soċjali jiġu aċċettati bħala għanijiet leġittimi fis‑sens ta’ din id-dispożizzjoni jkun hemm estensjoni mhux iġġustifikata ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, lil hinn mil-limiti stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

78.

Għalhekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu hija tilħaq għan sabiex tiżgura s-sikurezza tat-titjiriet, kif jirriżulta b’mod espliċitu mis-sentenza Prigge et ( 27 ), ma tistax tkun iġġustifikata abbażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Bl-istess mod, peress li l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ma jaqax fil‑politika soċjali, ma jistax jikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

79.

Għalhekk, jiena tal-opinjoni li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tkun iġġustifikata ħlief abbażi tal-Artikolu 2(5) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, bir‑riżerva madankollu li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom ikunu ssodisfatti.

2) Il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-derogi

80.

Fl-ewwel lok ser nuri r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li l‑Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jiġi interpretat bħala li jista’ jiġġustifika miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fit‑tieni lok, ser nuri li, fir-rigward din id-darba tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, deroga għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tista’ tkun aċċettata f’dan il-każ.

i) Dwar l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78

81.

Skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, miżura li, filwaqt li tistabbilixxi differenza ta’ trattament direttament ibbażata fuq l-età, hija madankollu neċessarju, f’soċjetà demokratika, għall-protezzjoni tas‑sigurtà pubblika, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id‑direttiva, bil-kundizzjoni madankollu li din il-miżura tkun prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 28 ).

82.

Nirrileva li r-rekwiżit li l-miżura tkun prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali hija speċifika għad-deroga prevista fl-Artikolu 2(5) tad‑Direttiva 2000/78. La l-Artikolu 4(1) u lanqas l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva ma jimponu tali kundizzjoni. Permezz ta’ din il-kundizzjoni addizzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk kellu l-intenzjoni li jissuġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 għal kundizzjonijiet iktar stretti mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ derogi oħra previsti minn din id-direttiva ( 29 ). B’hekk, kuntrarjament għall-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, l‑Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva jirreferi għal strument legali speċifiku ( 30 ), jiġifieri, il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

83.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ deroga għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(5) tad‑Direttiva 2000/78, li tinkludi r-rekwiżit li miżura tkun prevista fil‑leġiżlazzjoni nazzjonali, għandha tingħata interpretazzjoni ristretta. L-għażla li tintroduċi dan it-tip ta’ derogi għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 hija tal‑leġiżlatur nazzjonali, u għandha tirriżulta minn dispożizzjoni leġiżlattiva speċifika.

84.

Għal dawn ir-raġunijiet, nikkunsidra li l-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni nazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad‑Direttiva 2000/78 għandu jingħata interpretazzjoni ristretta. Fi kliem ieħor, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħala rekwiżit espress u speċifiku tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, hija liġi fis-sens formali ( 31 ). B’hekk hija leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni att leġiżlattiv, adottat minn organu leġiżlattiv ( 32 ).

85.

Issa, minkejja li ma hemmx qbil bejn il-partijiet dwar in-natura eżatta tad-DPKM, u minkejja li din għandha tiġi stabbilita mill-qorti nazzjonali, mill‑osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet waqt is‑seduta xorta jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fi kwalunkwe każ ma hijiex liġi fis-sens formali, inkwantu ma hijiex adottata minn organu leġiżlattiv, u dan għandu, madankollu, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

86.

Jiena tal-opinjoni wkoll li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tkun ikkunsidrata bħala miżura prevista mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad‑Direttiva 2000/78.

87.

Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma għandhiex isservi bħala bażi sabiex tiġġustifika l-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

ii) Fuq l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78

88.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, differenza ta’ trattament ibbażata fuq karatteristika relatata mal-età ma għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attività partikolari tax-xogħol jew il-kuntest li fih titwettaq, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.

89.

Il-ġurisprudenza li tinterpreta din id-dispożizzjoni llum hija stabbilita ferm ( 33 ): diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti sabiex id-differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

90.

Fl-ewwel lok, id-differenza fit-trattament għandha tkun ibbażata fuq karatteristika relatata, b’mod partikolari, mal-età u din il‑karatteristika għandha tikkostitwixxi “ħtieġa ġenwina u determinanti”. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li “ma hijiex ir-raġuni li fuqha hija bbażata d-differenza fit-trattament, iżda karatteristika marbuta ma’ din ir-raġuni, li għandha tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti” ( 34 ). It-tieni nett, l-għan li għandu jintlaħaq għandu jkun leġittimu. It-tielet nett, il-kundizzjoni għandha tkun proporzjonata.

91.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, fil-punt 75 ta’ dawn il‑konklużjonijiet diġà esponejt li l-għanijiet li għandhom jintlaħqu bil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-garanzija tas-sikurezza tat-titjiriet u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala għanijiet leġittimi fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2000/78. Għalhekk għandhom jiġu eżaminati biss l-ewwel u l-aħħar kundizzjoni.

92.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk id‑differenza fit-trattament bejn il-piloti ta’ DQ ta’ età ta’ inqas u dawk ta’ iktar minn 60 sena hijiex ibbażata fuq karatteristika relatata mal-età u, min-naħa l-oħra, jekk din il-karatteristika tistax tkun ikkunsidrata bħala ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol. F’dan ir-rigward, jiena nemmen li s-sentenza Prigge et ( 35 ) tagħti indikazzjonijiet utli ( 36 ).

93.

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa essenzjali li l-piloti tal-linji tal-ajru jkollhom kapaċitajiet fiżiċi partikolari inkwantu n-nuqqasijiet fiżiċi għal din il-professjoni jista’ jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi. Barra minn hekk, ma hemmx dubju li dawn il‑kapaċitajiet jonqsu bl-età. Minn dan jirriżulta li l-fatt li persuna jkollha l-kapaċitajiet fiżiċi partikolari jista’ jitqies bħala ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota tal-linji tal-ajru u li l-pussess ta’ tali kapaċitajiet huwa marbut mal-età ( 37 ).

94.

Fl-opinjoni tiegħi l-istess konklużjoni għandha tapplika għall‑piloti ta’ inġenji tal-ajru li jeżerċitaw missjonijiet relatati mal‑protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. Il-partikolarità tal-missjonijiet tal-piloti ta’ DQ ma għandhiex effett fuq il-konstatazzjoni ta’ tnaqqis tal-kapaċitajiet fiżiċi mal-età, u lanqas fuq l-importanza tal‑konsegwenzi li nuqqas fiżiku jista’ jkollu għal din il-professjoni ( 38 ).

95.

B’hekk, id-differenza fit-trattament stabbilita permezz tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tkun ikkunsidrata bħala bbażata fuq karatteristika marbuta mal-età li tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol fis-sens tal‑Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

96.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità, il‑premessa 23 tad-Direttiva 2000/78 tesponi, ċertament, li huwa biss f’“ċirkostanzi limitati ħafna” li differenza fit-trattament tista’ tkun iġġustifikata meta karatteristika relatata, b’mod partikolari, mal-età, tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol ( 39 ). Barra minn hekk, din il-premessa tirrifletti l-prinċipju li, fir-rigward ta’ deroga għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2000/78 għandu jingħata interpretazzjoni ristretta ( 40 ). Barra minn hekk, fil-kawżi Petersen u Prigge et, relatati mat-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba l-età, qabel mal-persuna kkonċernata ma tkun laħqet l-età biex toħroġ bil-pensjoni ġeneralment prevista fid-dritt nazzjonali ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżura ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità ( 42 ).

97.

Madankollu, ma jidhirlix li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni tal-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ proporzjon tal-limitu tal-età fir-rigward tal-piloti ta’ DQ u l-konsegwenzi tiegħu, huwa ovvju. Iktar ’il quddiem ser nesponi, minn naħa waħda, ir-raġunijiet li għalihom nemmen li s‑soluzzjoni użata fis-sentenzi Petersen ( 43 ) u Prigge et ( 44 ) dwar il‑proporzjonalità tal-miżura ma tistax tkun trasposta għal dan il-każ. Min-naħa l-oħra, ser nispjega kif nikkunsidra li l-leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l‑limitu ta’ 60 sena bħala l-età massima għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ piloti fil-kumpannija DQ, tista’ tkun proporzjonata, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

98.

Fir-rigward tas-soluzzjoni użata fis-sentenzi Petersen ( 45 ) u Prigge et ( 46 ), jiġifieri li l-miżura li timponi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol lil hinn minn ċerta età hija sproporzjonata, nikkunsidra li hija spjegabbli qabel xejn minn nuqqas ta’ koerenza tal-miżura. B’hekk, fis‑sentenza Prigge et ( 47 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iffissar ta’ “60 sena bħala l-età limitu li minnha l-piloti tal‑linji tal-ajru […] jitqiesu li ma baqgħalhomx il-kapaċitajiet fiżiċi sabiex jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom, filwaqt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jawtorizzaw l-eżerċizzju ta’ din l-attività, taħt ċerti kundizzjonijiet, sal-età ta’ 65 sena” tikkostitwixxi rekwiżit sproporzjonat. Bl-istess mod, fis-sentenza Petersen ( 48 ), il-Qorti tal‑Ġustizzja tirrileva li “il-miżura għandha inkoerenzi minħabba l‑eżistenza ta[’] eċċezzjoni” u li, f’dan il-każ, “il-limitu fl-età impost […] ma huwiex neċessarju għall-protezzjoni tas‑saħħa”. Fi kliem ieħor, f’dawn iż-żewġ sentenzi, il-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni ġew ikkunsidrati bħala sproporzjonati għaliex ma kinux verament jissodisfaw l-għan li kellu jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku ( 49 ), inkwantu l-istess professjoni setgħet tibqa’ tiġi eżerċitata f’entitajiet oħra lil hinn mill-età massima stabbilita f’dawn il-leġiżlazzjonijiet.

99.

Issa, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-opinjoni tiegħi, hija koerenti, b’tali mod li ma tissodisfax d-diffikultà li jintlaħqu l-għanijiet ta’ sikurezza tat-titjiriet u ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali b’mod koerenti u sistematiku. Minn naħa waħda, differenti mis-settur tal-avjazzjoni kummerċjali, fid-dritt nazzjonali ma jeżistux regoli ta’ referenza fid-dritt nazzjonali, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, u lanqas fid-dritt internazzjonali, sa fejn naf jien, li jikkontestaw il-koerenza tad-deċiżjoni li l-età massima għall-piloti li ma’ DQ jeżerċitaw attivitajiet relatati mas-sigurtà nazzjonali tiġi stabbilita bħala 60 sena. Mid-deċiżjoni tar-rinviju lanqas jirriżulta li hemm eċċezzjonijiet għar-regola inkwistjoni, ta’ natura tali li tikkontesta l-koerenza tagħha, punt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

100.

Għalhekk, nemmen li s-soluzzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Petersen ( 50 ) u Prigge et ( 51 ) ma tistax tiġi trasposta għal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħajr xi forma oħra ta’ analiżi.

101.

Għalhekk hemm lok li jiġi eżaminat jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex proporzjonata. Sabiex isir dan, għandu jiġi eżamint jekk il-limitu ta’ età massima huwiex adattat sabiex jintlaħaq l-għan previst u jekk imurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan ( 52 ).

102.

F’dan ir-rigward, għandi nispjega li finalment hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tistabbilixxi jekk u sa fejn il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. Madankollu, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tagħti indikazzjonijiet, misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li ġew sottomessi lilha, b’tali mod li tippermetti lil din l-istess qorti tiddeċiedi t-tilwima konkreta mressqa quddiemha ( 53 ). Għalhekk ser nittratta dan il-punt fl-argumenti li ġejjin.

103.

Ir-rikonoxximent tan-natura adattata tal-leġiżlazzjoni jidhirli li ma joħloqx kontroversji. Kif spjegajt, il-kapaċitajiet fiżiċi tal-piloti jonqsu bl-età, u l-iffissar ta’ età massima li lil hinn minnha l-piloti ta’ DQ ma jistgħux jeżerċitaw iktar l-attività tagħhom huwa adattat sabiex jintlaħqu l-għanijiet li jiġu żgurati s-sikurezza tat-titjiriet u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

104.

Il-kwistjoni hija iktar importanti fir-rigward dwar jekk din il‑miżura tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn iż-żewġ għanijiet. Barra minn hekk, dwar dan il-punt ma hemmx qbil bejn il-partijiet, peress li G. Cafaro jikkunsidra li sempliċi restrizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-missjonijiet tiegħu kienet xorta tilħaq l-għanijiet li għandha l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, b’tali mod li tmiem awtomatiku tar-relazzjoni tax-xogħol tiegħu huwa sproporzjonat. G. Cafaro jsemmi b’mod partikolari l-possibbiltà li jkun hemm ekwipaġġ magħmul minn diversi piloti, li minnhom wieħed biss ikollu iktar minn 60 sena.

105.

Madankollu, nikkunsidra li miżura inqas ristrettiva ma tippermettix li jintlaħqu l-għanijiet li jiżguraw sikurezza tat-titjiriet u ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika bl-istess mod bħat-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol.

106.

DQ timpjega numru żgħir wisq ta’ piloti u għandha numru wisq iżgħar ta’ inġenji tal-ajru. DQ u l-Gvern Taljan insistew dwar il‑modalitajiet ta’ eżerċizzju partikolari tal-missjonijiet ta’ DQ, li ma humiex komparabbli mal-operazzjonijiet ta’ titjira tal-linja tal-ajru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fejn madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżattezza ta’ dan il-punt, jekk DQ tkun obbligata tkompli timpjega piloti ta’ iktar minn 60 sena li jeżerċitaw missjonijiet akkumpanjati minn pilota ta’ inqas minn 60 sena jfisser mhux biss li DQ ser tkun ristretta fl-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħha bil‑formazzjoni imposta fuqha tal-ekwipaġġi, iżda wkoll li l-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħha jista’ jsir iktar diffiċli. B’hekk, kemm l-għan tas-sikurezza tat-titjiriet kif ukoll dak tas-sigurtà nazzjonali jiġu affettwati b’mod negattiv.

107.

Barra minn hekk, il-fatt li l-miżura timplika li l-kuntratt tax‑xogħol ta’ pilota ta’ DQ għandu jintemm b’mod awtomatiku minħabba li jkun laħaq l-età ta’ 60 sena ma jfissirx li din il-miżura tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti ( 54 ). Mill-osservazzjonijiet ippreżentati waqt is-seduta mill-partijiet jirriżulta li l-istruttura ta’ DQ tagħmilha impossibbli li G. Cafaro jiddaħħal f’kariga differenti minn dik ta’ pilota fi ħdan din il‑kumpannija, punt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar‑rinviju.

108.

Sa fejn leġiżlazzjonijiet inqas ristrettivi ma jippermettux li jintlaħqu l-għanijiet previsti, jiena tal-opinjoni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sikurezza tat-titjiriet u tal‑protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

109.

Għalhekk, jidher li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-limitu ta’ età massima għall‑eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ pilota fi ħdan kumpannija li teżerċita attivitajiet relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali bħala 60 sena, tista’ tiġi kkunsidrata, minn naħa waħda, bħala adattata għall-għan sabiex tkun żgurata s-sikurezza tat-titjiriet u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u, min-naħa l-oħra, bħala lil ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċesarju sabiex jintlaħaq dan il-għan, minħabba b’mod partikolari r-riżorsi limitati ta’ din il-kumpannija, punt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

V. Konklużjoni

110.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li jingħataw ir-risposti segwenti għad-domandi preliminari li tressqu mill‑Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni, l‑Italja):

1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011, tat‑3 ta’ Novembru 2011, li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal‑avjazzjoni ċivili skont ir‑Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 290/2012, tat-30 ta’ Marzu 2012, ma huwiex applikabbli għas‑sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

2)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ piloti impjegati minn kumpannija li tiġġestixxi inġenji tal-ajru użati għal attivitajiet relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru meta jilħqu l-età ta’ 60 sena, meta, minħabba riżorsi limitati ta’ din il-kumpannija, miżuri inqas ristrettivi ma kinux jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet previsti minn din il-leġiżlazzjoni, punt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573), u tal‑5 ta’ Lulju 2017, Fries (C-190/16, EU:C:2017:513).

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas‑Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir‑Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU 2008, L 79, p. 1), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1108/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU 2009, L 309, p. 51) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 216/2008”).

( 4 ) Regolament tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal‑avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 311, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal‑Kummissjoni (UE) Nru 290/2012, tat-30 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 100, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1178/2011”).

( 5 ) Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall‑ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 6 ) Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet u minn dawk magħmula waqt is‑seduta jirriżulta li madankollu DQ ma teżerċitax attività ta’ provvista ta’ servizzi sigrieti b’mod esklużiv.

( 7 ) Ara, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Nagy (C-583/14, EU:C:2015:737, punt 21 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara, għall-iktar reċenti, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2019Mobit u Autolinee Toscane (C-350/17 u C-351/17, EU:C:2019:237, punt 35), u tal-11 ta’ April 2019, Repsol Butano u DISA Gas (C‑473/17 u C-546/17, EU:C:2019:308, punt 38).

( 9 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 1989, Spanja u Franza vs Il‑Kummissjoni (6/88 u 7/88, EU:C:1989:420), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja annullat il-miżuri ta’ eżekuzzjoni adottati mill-Kummissjoni sa fejn ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament bażiku.

( 10 ) Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 216/2008.

( 11 ) Anki jekk ċerti attivitajiet eżerċitati minn DQ, skont l-osservazzjonijiet tal‑partijiet, ma jaqgħux taħt dan il-għan.

( 12 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina b’mod speċifiku l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt derivat mal-Karta, jew tinterpreta din skont il-Karta.

( 13 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C-416/13, EU:C:2014:2371, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1969, Völk (5/69, EU:C:1969:35, punt 2), tas‑17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia (C-347/06, EU:C:2008:416, punt 25), u tat‑8 ta’ Novembru 2012, Gülbahce (C‑268/11, EU:C:2012:695, punt 32).

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573, punt 37); tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C-416/13, EU:C:2014:2371, punt 27), u tal-15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo (C‑258/15, EU:C:2016:873, punti 24, 3031). Barra minn hekk, dan l-approċċ fi tliet stadji huwa deskritt bħala “tradizzjonali” fid-duttrina, ara, b’mod partikolari, Tobler, C., “EU Age discrimination law and older and younger workers: Court of Justice of the EU Case Law Development”, f’Numhauser-Henning, A., Rönmar, M. (ed), Age discrimination and Labour Law, Comparative and Conceptual Perspectives in the EU and beyond, Wolters Kluwer, Alphen aan den Rijn, 2015.

( 16 ) Sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C-416/13, EU:C:2014:2371), u tal-15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo (C-258/15, EU:C:2016:873).

( 17 ) Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/78. Dwar il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/78, ara Bailly, P., Lhernould, J.-P., “Discrimination en raison de l’âge: sources européennes et mise en œuvre en droit interne”, Revue de droit social, 2012, p. 223, u Tobler, C., op. cit.

( 18 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573, punti 4445).

( 19 ) Għal tipoloġija ta’ derogi potenzjali, ara Bribosia, E., Bombois, T., “Interdiction de la discrimination en fonction de l’âge: du principe, de ses exceptions, et de quelques hésitations...”, RTD Eur., 2011, p. 41, jew inkella Tobler, C., op. cit.

( 20 ) Għar-raġunijiet tal-eżistenza ta’ deroga speċifika għad-diskriminazzjonijiet skont l‑età, ara O’Cinneide, C., “Constitutional and Fundamental Rights Aspects of Age Discrimination”, f’Numhauser-Henning, A., Rönmar, M, op. cit.

( 21 ) Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C-341/08, EU:C:2010:4, punt 37).

( 22 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573, punti 5869).

( 23 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kampijiet ta’ applikazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jikkoinċidu, b’tali mod li jkunu applikati fl-istess ħin. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573). L-applikazzjoni tagħhom madankollu hija suġġetta għal kundizzjonijiet differenti.

( 24 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C-388/07, EU:C:2009:128, punt 43).

( 25 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C-388/07, EU:C:2009:128, punt 46).

( 26 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011 (C-447/09, EU:C:2011:573, punt 82).

( 27 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011 (C-447/09, EU:C:2011:573).

( 28 ) Ftit sentenzi ngħataw fir-rigward tal-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni” fis-sens tal‑Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78. Is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573) għandha tkun indikata f’dan ir-rigward, peress li ma offrietx elementi ta’ interpretazzjoni li jippermettu li jiġi stabbilit jekk il‑miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex miżura prevista mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura stabbilita minn imsieħba soċjali tista’ tissodisfa l-kundizzjoni tal‑Artikolu 2(5) tad‑Direttiva 2000/78, jekk madankollu dawn l-imsieħba soċjali ġew awtorizzati mill-Istat Membru, bis-saħħa ta’ regoli ta’ awtorizzazzjoni speċifiċi, sabiex jadottaw miżuri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

( 29 ) Dwar dan il-punt, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil‑kawża Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:321, punt 51).

( 30 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573, punt 59).

( 31 ) Minkejja li l-Qorti aċċettat ċerta deroga għal dan il-prinċipju fis-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573, punti 6061), fir‑rigward ta’ ftehimiet kollettivi adottati mill-imsieħba soċjali, din id-deroga hija suġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi. B’hekk, l-Istati Membri ma jistgħux jawtorizzaw lill-imsieħba soċjali jadottaw miżuri fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad‑Direttiva 2000/78 permezz ta’ regoli ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk dawn ir‑regoli ta’ awtorizzazzjoni huma suffiċjentement preċiżi sabiex jiżguraw li l‑imsemmija miżuri jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’din id-dispożizzjoni. Jiena ma naħsibx li din id-deroga, relatata mas-sitwazzjoni partikolari ferm tal-imsieħba soċjali li jeżerċitaw d-dritt tagħhom li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi, għandha tinftiehem bħala li, fi kwalunkwe każ, tippermetti li jkunu ħielsa mir‑rekwiżit li miżura għandha tkun prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ħlief sabiex testendi b’mod eċċessiv il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni espressament ippreveda bħala partikolarment restrittiva.

( 32 ) Ara, b’analoġija, dwar din id-definizzjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C-286/14, EU:C:2015:645, punt 1).

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C-229/08, EU:C:2010:3); tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573); tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C-416/13, EU:C:2014:2371); u tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo (C‑258/15, EU:C:2016:873), u tal‑14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui et ADDH (C-188/15, EU:C:2017:204), b’din tal‑aħħar tirrigwarda differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon. Ara, ukoll, il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2016:553, punti 90 et seq.).

( 34 ) Għall-iktar reċenti, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2017:204, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011 (C-447/09, EU:C:2011:573).

( 36 ) Dan minkejja li din is-sentenza ma tirrigwardax piloti li jeżerċitaw attivitajiet relatati mas-sigurtà nazzjonali iżda piloti li joperaw titjiriet ta’ natura kummerċjali.

( 37 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573, punt 67). Ara, ukoll, f’dan is-sens, Maliszewska-Nienartowicz, J., “Orzecznictwo Trybunału Sprawiedliwości dotyczące wyjątku od zakazu dyskryminacji ze względu na istotny i determinujący wymóg zawodowy”, Europejski Przegląd Sądowy, 2018, no8, p. 32.

( 38 ) Għal kuntrarju, jiena tal-opinjoni wkoll li l-partikolarità tal-kundizzjonijiet tal‑eżerċizzju tal-missjonijiet ta’ DQ isaħħu l-ħtieġa li l-piloti jkollhom kundizzjonijiet fiżiċi partikolari.

( 39 ) Ara wkoll is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573, punt 71), u tal-14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2017:204, punt 38).

( 40 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573, punt 72).

( 41 ) U internazzjonali fil-każ tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 75).

( 42 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C-341/08, EU:C:2010:4), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kkonstatat in-natura sproporzjonata ta’ tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol, abbażi tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva. Fuq dan il-punt, ara Schiek, D., “Proportionality in Age Discrimination Cases: towards a Model Suitable for Socially Embedded Rights”, f’Numhauser-Henning, A., Rönmar, M., op. cit.

( 43 ) Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010 (C-341/08, EU:C:2010:4).

( 44 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011 (C-447/09, EU:C:2011:573).

( 45 ) Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010 (C-341/08, EU:C:2010:4).

( 46 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011 (C-447/09, EU:C:2011:573).

( 47 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011 (C-447/09, EU:C:2011:573, punt 75). Enfażi miżjud minni.

( 48 ) Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010 (C-341/08, EU:C:2010:4, punt 62).

( 49 ) Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C-341/08, EU:C:2010:4, punt 53). Dwar it-test ta’ koerenza, ara Bailly, P., Lhernoud, J.-P., op. cit. Ara, ukoll, Domańska, M. “Zakaz dyskryminacji ze względu na wiek w orzecznictwie TS”, Europejski Przegląd Sądowy, 2011, no4, p. 36.

( 50 ) Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010 (C-341/08, EU:C:2010:4).

( 51 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011 (C-447/09, EU:C:2011:573).

( 52 ) Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C-229/08, EU:C:2010:3, punt 42). Fuq il‑punt ta’ proporzjonalità, ara, ukoll, Schiek, D., op. cit.

( 53 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C-157/15, EU:C:2017:203, punt 36).

( 54 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries (C-190/16, EU:C:2017:513, punt 66), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li limitu tal-età ma jimplikax li b’mod awtomatiku għandu jintemm kuntratt tax-xogħol ta’ impjegat minħabba li dan ikun laħaq l-imsemmi limitu huwa indikazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura.

Top