Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0384

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fl-10 ta’ Ottubru 2019.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 TFUE – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 25(1) u (2) – Restrizzjonijiet għall-attivitajiet multidixxiplinari tal-kontabilisti.
    Kawża C-384/18.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:852

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fl‑10 ta’ Ottubru 2019 ( 1 )

    Kawża C‑384/18

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Renju tal-Belġju

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 25 – Restrizzjonijiet għall-attivitajiet multidixxiplinari tal-kontabilisti”

    1. 

    Permezz ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, l-ewwel nett, billi pprojbixxa l-eżerċizzju konġunt ta’ attivitajiet ta’ kontabilista, minn naħa, u ta’ attivitajiet ta’ broker, ta’ aġent tal-assigurazzjoni, ta’ aġent tal-proprjetà immobbli jew ta’ kwalunkwe attività bankarja jew ta’ servizzi finanzjarji, min-naħa l-oħra, u t-tieni nett, billi ppermetta lill-Kmamar awtorizzati tal-Institut professionnel des comptables et fiscalistes (l-Istitut Professjonali tal-Kontabilisti u tal-Esperti tat-Taxxa Awtorizzati (iktar ’il quddiem l-“IPCF”) jipprojbixxu l-eżerċizzju konġunt ta’ attivitajiet ta’ kontabilista, minn naħa, u ta’ kwalunkwe attività artiġjanali, agrikola u kummerċjali, min-naħa l-oħra, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123/KE ( 2 ) u tal-Artikolu 49 TFUE.

    2. 

    Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet huma limitati għall-kwistjoni dwar jekk is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Wouters et ( 3 ) hijiex transponibbli għall-każ inkwistjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    Il-premessi 97 u 101 tad-Direttiva 2006/123 jistabbilixxu:

    “(97)

    Huwa meħtieġ li f’din id-Direttiva jkun hemm previżjoni għal ċerti regoli dwar kwalità għolja ta’ servizzi li tiżgura b’mod partikolari ħtiġijiet ta’ informazzjoni u trasparenza. Dawn ir-regoli għandhom japplikaw kemm f’każijiet ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali bejn Stati Membri kif ukoll f’każijiet ta’ servizzi provduti fi Stat Membru minn fornitur ta’ servizz stabbilit hemmhekk mingħajr ma jimponu piżijiet mhux meħtieġa fuq SMEs. Dawn bl-ebda mod ma għandhom iżommu lill-Istati Membri milli japplikaw, f’konformità ma’ din id-Direttiva u liġi oħra Komunitarja, ħtiġijiet ta’ kwalità addizzjonali jew differenti.

    […]

    (101)

    Jeħtieġ u hu wkoll fl-interess tar-riċevituri, b’mod partikolari l-konsumaturi, li jiġi żgurat li jkun possibbli għall-fornituri li joffru servizzi multi-dixxiplinari u li r-restrizzjonijiet f’dan ir-rigward ikunu limitati għal dak li hu meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-imparzjalità u l-indipendenza kif ukoll l-integrità tal-professjonijiet regolati. Dan ma jaffettwax r-restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet li jitwettqu attivitajiet partikolari li jimmiraw li jiżguraw l-indipendenza f’każijiet fejn Stat Membru jagħti lil fornitur tas-servizzi kompitu speċifiku b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-iżvilupp urban, u lanqas ma għandu jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni”.

    4.

    L-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ma jkunux issuġġettati għal rekwiżiti li jobbligawhom jeżerċitaw xi attività speċifika esklużivament jew li jirristrinġu l-eżerċizzju konġunt jew bi sħab ta’ attivitajiet differenti.

    Madankollu, il-fornituri li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għal dawn ir-rekwiżiti:

    a)

    il-professjonijiet regolati, sa fejn huwa ġustifikat sabiex jiggarantixxu l-konformità mar-regoli dwar l-etika u l-kondotta professjonali, li tvarja skond in-natura speċifika ta’ kull professjoni, u meħtieġ sabiex tkun żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom;

    b)

    il-fornituri taċ-ċertifikazzjoni, l-akkreditazzjoni, is-sorveljanza teknika, is-servizzi ta’ prova sa fejn huwa ġustifikat sabiex jiżguraw l-indipendenza u imparzjalità tagħhom.

    2.   Fejn ikunu awtorizzati attivitajiet multidixxiplinari bejn il-fornituri msemmija fil- punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:

    a)

    li konflitti ta’ interess u inkompatibbiltajiet bejn ċertu attivitajiet jiġu evitati;

    b)

    li l-indipendenza u l-imparzjalità meħtieġa għal ċertu attivitajiet tkun żgurata;

    ċ)

    li r-regoli dwar l-etika u l-kondotta professjonali għall-attivitajiet differenti jkunu kompatibbli ma’ xulxin, speċjalment fir-rigward ta’ kwistjonijiet tas-sigriet professjonali.

    3.   Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 39(1), l-Istati Membri għandhom jindikaw liema fornituri huma suġġetti għar-rekwiżiti mniżżla fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kontenut ta’ dawk ir-rekwiżiti u r-raġunijiet li għalihom jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ġustifikati”.

    Id-dritt Belġjan

    5.

    L-Artikolu 21 tal-Kodiċi ta’ Etika tal-IPCF, approvat permezz tad-Digriet Irjali tat‑22 ta’ Ottubru 2013 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Etika tal-IPCF”), kien f’dak iż-żmien ifformulat kif ġej:

    “1.   Il-professjoni ta’ kontabilista IPCF estern hija inkompatibbli ma’ kull attività artiġjanali, agrikola jew kummerċjali, eżerċitata direttament jew indirettament, individwalment jew f’assoċjazzjoni jew f’kumpannija, b’mod indipendenti, bħala ġestjonarju, amministratur, direttur ta’ impriża jew assoċjat attiv.

    2.   Apparti l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-Kmamar jistgħu, fuq talba minn qabel u bil-miktub ta’ kontabilista IPCF estern, jidderogaw minn din ir-regola sa fejn l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membru ma jkunux mhedda u sa fejn din l-attività tkun aċċessorja. Din id-deċiżjoni hija madankollu revokabbli mill-Kmamar.

    Barra minn hekk, il-Kunsill dejjem jista’ jipprevedi derogi permezz ta’ direttiva ġenerali għal ċerti attivitajiet tas-settur artiġjanali, agrikolu jew kummerċjali, minbarra dawk l-oqsma msemmija fil-paragrafu 3. Il-Kunsill jista’ wkoll jistabbilixxi direttivi li permezz tagħhom l-inkompatibbiltajiet ma japplikawx temporanjament f’każ ta’ suċċessjoni. Il-kontabilista IPCF estern, kopert mid-direttivi stabbiliti mill-Kunsill, għandu jinforma lill-Kamra b’dan bil-miktub.

    3.   L-attivitajiet professjonali li ġejjin huma dejjem ikkunsidrati bħala theddida għall-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilista estern: dawk ta’ broker jew aġent tal-assigurazzjoni, dawk ta’ aġent tal-proprjetà immobbli ħlief l-attività ta’ sindikat u l-attivitajiet kollha bankarji u l-attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji li għalihom hija meħtieġa r-reġistrazzjoni mal-Autorité des Services et Marchés Financiers (l-Awtorità tas-Servizzi u Swieq Finanzjarji (FSMA))”.

    6.

    Id-Digriet Irjali tat‑22 ta’ Ottubru 2013 tħassar bid-Digriet Irjali tat‑18 ta’ Lulju 2017 li japprova l-Kodiċi ta’ Etika IPCF (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ġdid ta’ Etika IPCF”). L-Artikolu 21 l-ġdid tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF jipprovdi:

    “1.   Bla ħsara għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet multidixxiplinari, bħala persuna fiżika jew bħala persuna ġuridika, huwa awtorizzat mill-Kmamar, fuq talba bil-miktub ta’ kontabilista IPCF estern, sa fejn l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membru ma jkunux mhedda.

    2.   L-attivitajiet professjonali li ġejjin, kemm jekk eżerċitati bħala persuna fiżika kif ukoll bħala persuna ġuridika, huma dejjem ikkunsidrati bħala theddida għall-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilista IPCF estern: dik ta’ broker jew aġent tal-assigurazzjoni, dik ta’ aġent tal-proprjetà immobbli, ħlief għall-attività ta’ sindikat, kif ukoll l-attivitajiet bankarji kollha u l-attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji kollha li għalihom hija meħtieġa r-reġistrazzjoni mal-[FSMA]”.

    7.

    L-Artikolu 458 tal-Kodiċi Kriminali tat-8 ta’ Ġunju 1867, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ meta seħħew il-fatti ( 4 ), kien jipprovdi:

    “It-tobba, kirurġi, uffiċjali tas-saħħa, spiżjara, qwiebel u kull persuna oħra li, minħabba l-istat jew il-professjoni tagħhom, jiġu fdati lilhom sigrieti u li, minbarra f’każ fejn jiġu msejħa jixhdu ġudizzjarjament jew quddiem kummissjoni ta’ investigazzjoni Parlamentari jew f’każ fejn il-liġi tobbligahom jikxfu dawn is-sigrieti, jiżvelawhom, ikunu punibbli bi priġunerija ta’ bejn tmient ijiem u sitt xhur u b’multa ta’ bejn mitt Ewro u ħames mitt Ewro”.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    Il-proċedura prekontenzjuża

    8.

    Fis‑17 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura EU Pilot 7402/15/GROW billi talbet lir-Renju tal-Belġju jipprovdilha informazzjoni dwar il-projbizzjoni, għall-kontabilisti awtorizzati, li jgħaqqdu l-attivitajiet tagħhom ta’ kontabilisti ma’ ċerti attivitajiet oħra, u jispeċifika r-raġunijiet li għalihom attivitajiet tas-settur artiġjanli, agrikolu jew kummerċjali setgħu jiġu kkunsidrati bħala inkompatibbli mal-professjoni ta’ kontabilista.

    9.

    Dan l-Istat Membru wieġeb għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Mejju 2015.

    10.

    Peress li ma kinitx issodisfatta bit-tweġiba, fil‑11 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet lill-imsemmi Stat Membru ittra ta’ intimazzjoni li permezz tagħha hija sostniet li l-Artikolu 21 tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF ma kienx konformi mal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 u mal-Artikolu 49 TFUE.

    11.

    Permezz ta’ ittri tat‑12 ta’ April u tas‑6 ta’ Lulju 2016, ir-Renju tal-Belġju kkontesta l-ksur allegat filwaqt li spjega r-raġunijiet li għalihom huwa kien jikkunsidra li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    12.

    Fit‑18 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, li wieġeb għaliha fit‑12 ta’ Jannar 2017. Peress li ma kinitx issodisfatta b’din it-tweġiba, fit‑13 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fl‑4 ta’ Awwissu 2017, ir-Renju tal-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni bil-Kodiċi Ġdid ta’ Etika IPCF, li huwa kien iqis konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    13.

    Billi ma qablitx mal-opinjoni ta’ dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Ir-rikors tal-Kummissjoni ġie ppreżentat fit‑8 ta’ Ġunju 2018.

    14.

    Ir-Renju tal-Belġju u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fit‑23 ta’ Mejju 2019.

    Analiżi

    L-argumenti tal-partijiet

    Il-Kummissjoni

    15.

    Il-Kummissjoni targumenta li l-għan tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 huwa li jiżgura li l-Istati Membri ma jipprekludux l-eżerċizzju ta’ servizzi multidixxiplinari. Hija tenfasizza li, sal-emenda tiegħu, l-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF kien jipprojbixxi l-eżerċizzju konġunt tal-attivitajiet ta’ kontabilista IPCF flimkien ma’, minn naħa, kull attività artiġjanali, agrikola jew kummerċjali u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ta’ broker jew ta’ aġent tal-assigurazzjoni, aġent tal-proprjetà immobbli jew kull attività bankarja jew ta’ servizzi finanzjarji.

    16.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li jeżistu miżuri inqas restrittivi minn dawk previsti fl-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF, b’tali mod li dan jikser kemm l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll l-Artikolu 49 TFUE.

    17.

    Għal dak li jirrigwarda l-emenda tal-Artikolu 21 tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF, il-Kummissjoni tfakkar li dan seħħ wara d-data stabbilita għat-tweġiba għall-opinjoni motivata u, fi kwalunkwe każ, din ma waqqfitx il-ksur allegat. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi Ġdid ta’ Etika IPCF huwa identiku għall-Artikolu 21(3) tal-verżjoni l-antika. L-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2006/123 jissuġġetta għal evalwazzjoni r-rekwiżiti li jirrestrinġu l-eżerċizzju tal-professjonijiet irregolati, b’tali mod li dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu aċċettati biss jekk ikunu ġġustifikati sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli ta’ etika differenti minħabba l-partikolarità ta’ kull professjoni u tal-bżonn li jiġu żgurati l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dawn il-professjonijiet. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-projbizzjoni totali tal-eżerċizzju konġunt tal-attivitajiet ta’ kontabilista, minn naħa, u tal-attivitajiet ta’ broker, ta’ aġent tal-assigurazzjoni, ta’ aġent tal-proprjetà immobbli jew ta’ kwalunkwe attività bankarja jew ta’ servizzi finanzjarji, min-naħa l-oħra, min-natura tagħha stess tmur lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli ta’ etika tal-professjoni ta’ kontabilista.

    18.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-projbizzjoni totali ma hijiex miżuri neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija sa fejn jeżistu miżuri inqas restrittivi, bħal proċeduri interni, li jistgħu jipprevjenu kunflitti ta interess fil-qasam tat-trasferiment tal-informazzjoni u li jiżguraw applikazzjoni korretta tar-regoli relattivi għas-sigriet professjonali.

    19.

    Il-Kummissjoni targumenta li r-Renju tal-Belġju jibbaża ruħu b’mod żbaljat fuq is-sentenza Wouters et ( 5 ) peress li fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza ma hijiex trasponibbli għall-każ inkwistjoni.

    20.

    Hija tikkunsidra li, fi kwalunkwe każ, projbizzjoni assoluta ma hijiex proporzjonata għall-għan imfittex. Barra minn hekk, ir-raġunijiet invokati minn dan l-Istat Membru, jiġifieri r-rieda li jiġu evitati l-piżijiet amministrattivi li jwassal għalihom l-istabbiliment ta’ miżuri u proċeduri interni sabiex jissalvagwardjaw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilista kif ukoll l-allegata insuffiċjenza tal-kontroll ex post, ma jistgħux jiġu aċċettati.

    21.

    Għal dak li jirrigwardaw l-Artikolu 21(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF, li jistabbilixxi l-inkompatibbiltà tal-professjoni ta’ kontabilista ma’ kull attività artiġjanali, agrikola u kummerċjali oħra, ħlief fil-każ fejn il-kmamar tal-professjonisti japprovaw tali attività, il-Kummissjoni targumenta li din id-dispożizzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123. Il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 21(1) tal-imsemmi kodiċi ma tixxejjinx mill-fatt li, konformement mal-Artikolu 21(2) ta’ dan l-istess kodiċi, il-kmamar tal-professjonisti jistgħu, b’mod diskrezzjonali, jidderogaw minn din il-projbizzjoni.

    22.

    Fir-rigward tal-Artikolu 21 tal-Kodiċi Ġdid ta’ Etika IPCF, introdott fit‑18 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ssostni li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-attivitajiet multidixxiplinari mill-kmamar tal-professjonisti nżammet ukoll f’din il-verżjoni l-ġdida.

    23.

    Għal dak li jirrigwarda n-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni li tinsab fl-Artikolu 21 tal-Kodiċi Ġdid ta’ Etika IPCF, il-Kummissjoni ssostni li minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax b’mod evidenti li l-eżerċizzju konġunt ta’ kull attività artiġjanali, agrikola u kummerċjali jew, skont il-formulazzjoni l-ġdida, “kull attività oħra”, tista’ twassal għal kunflitti ta’ interess u hija dejjem ta’ żvantaġġ għall-klijenti, il-fornituri l-oħra ta’ servizzi u s-soċjetà kollha. Anki fejn dan ikun il-każ, ir-restrizzjonijiet inkwistjoni ma jistgħux jiġu aċċettati għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati fir-rigward tar-restrizzjonijiet għall-attivitajiet multidixxiplinari tal-kontabilisti, minn naħa, u ta’ broker jew aġent tal-assigurazzjoni, aġent tal-proprjetà immobbli u kull attività bankarja u ta’ servizzi finanzjarji, min-naħa l-oħra.

    24.

    Il-Kummissjoni tiddikjara li r-Renju tal-Belġju ma ġabx prova li miżuri inqas restrittivi mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 21 ma jistgħux ikunu effikaċi wkoll sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti.

    25.

    Minkejja li l-Kummissjoni tammetti li l-kontabilisti fil-Belġju jintervjenu b’mod ikbar għal dak li jirrigwarda kategorija ta’ impriżi, madankollu hija ssostni li l-missjoni tagħhom ma nbidlitx, b’tali mod li l-kontabilisti la kisbu l-funzjonijiet ta’ awdituri u lanqas id-dritt li jirrappreżentaw il-klijenti quddiem l-awtoritajiet fiskali.

    Ir-Renju tal-Belġju

    26.

    Minn naħa, ir-Renju tal-Belġju jargumenta li l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 ma jipprekludix li taħt ċerti kundizzjonijiet l-Istati Membri jipprojbixxu l-eżerċizzju konġunt ta’ ċerti professjonijiet irregolati. Dan l-Istat Membru jfakkar, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 25 jaqa’ taħt il-Kapitolu V ta’ din id-direttiva, li jirrigwardaw il-“Kwalità tas-servizzi” u jipprevedi, prinċipalment, il-protezzjoni tal-konsumaturi. Għalhekk, ir-restrizzjonijiet għall-attivitajiet multidixxiplinari għandhom ikunu limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex jiżguraw l-imparzjalità, l-indipendenza u l-integrità tal-professjonijiet irregolati.

    27.

    Skont dan l-Istat Membru, il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi Ġdid ta’ Etika IPCF (li jikkorrispondi għall-ex Artikolu 21(3) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF) huma neċessarji sabiex jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilisti IPCF kif ukoll sabiex jiżguraw l-osservanza ta’ sigriet professjonali strett. Din l-indipendenza hija riflessa f’obbligu li wieħed jaġixxi esklużivament għan-nom tal-klijent u kumulu tad-diversi attivitajiet jista’ jwassal sabiex kontabilista jqis kunsiderazzjonijiet oħra minbarra dawk li huma esklużivament marbuta mal-interess tal-klijent tiegħu. Dan huwa partikolarment importanti fid-dawl tal-fatt li l-aġenti tal-proprjetà immobbli, il-brokers tal-assigurazzjoni u s-sensara finanzjarja huma rremunerati abbażi ta’ kummissjoni, li l-ammont tagħha jista’ jkun ogħla mill-onorarji riċevuti għall-attività ta’ kontabilista, b’tali mod li jista’ jitnissel kunflitt ta’ interess.

    28.

    Barra minn hekk, l-eżerċizzju konġunt tal-attività tal-kontabilista IPCF li hija suġġetta għall-obbligu tal-osservanza tas-sigriet professjonali, li l-ksur tiegħu jwassal għal sanzjonijiet kriminali, u professjonijiet oħra li ma humiex suġġetti għal tali obbligu jhedded il-kapaċità ta’ kontabilista li jiżgura l-ħarsien tal-imsemmi obbligu.

    29.

    Ir-Renju tal-Belġju jirrifjuta l-argument tal-Kummissjoni li l-fatt li l-obbligu tal-osservanza tas-sigriet professjonali huwa limitat ifisser li l-projbizzjoni inkwistjoni ma hijiex neċessarja. Mis-sentenza Wouters et ( 6 ) jirriżulta li huwa suffiċjenti li teżisti “ċerta inkompatibbilità” bejn l-obbligi tal-professjonijiet ta’ avukat, minn naħa, u ta’ kontabilisti, min-naħa l-oħra, sabiex il-projbizzjoni ta’ kollaborazzjoni bejn dawn iż-żewġ professjonijiet tkun iġġustifikata.

    30.

    Fir-rigward tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni inkwistjoni, dan l-Istat Membru jsostni li l-Artikolu 25(1)(a) tad-Direttiva 2006/123 ma jipprevedi ebda projbizzjoni li min-natura tagħha stess għandha tiġi kkunsidrata bħala mhux iġġustifikata. Barra minn hekk, ir-restrizzjoni prevista fl-Artikolu 21 tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF hija proporzjonata peress li ma tistabbilixxix projbizzjoni ta’ portata ġenerali u assoluta għall-attivitajiet multidixxiplinari kollha, iżda tirrigwarda biss attivitajiet strettament identifikati. Miżuri alternattivi ma jistgħux ikunu daqstant effettivi sabiex jippreżervaw l-indipendenza tal-professjoni ta’ kontabilista IPCF u l-obbligu tal-osservanza tas-sigriet professjonali impost fuqha.

    31.

    Għal dak li jirrigwarda l-inkompatibbiltà tal-professjoni tal-kontabilista ma’ kull attività artiġjanali, agrikola u kummerċjali, ir-Renju tal-Belġju jargumenta li l-Artikolu 21 tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF kien jipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga minn din il-projbizzjoni permezz ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-kmamar tal-professjonisti, sa fejn jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li l-attività parallela tal-kontabilista tkun ta’ natura aċċessorja, u min-naħa l-oħra, li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilista ma jkunux kompromessi. Fil-prattika, l-awtorizzazzjoni dejjem ingħatat.

    32.

    Dan l-Istat Membru jsostni li l-Artikolu 21 tal-Kodiċi Ġdid ta’ Etika IPCF jipprevedi li l-eżerċizzju konġunt tal-professjoni ta’ kontabilista ma’ attivitajiet oħra, iddefiniti b’mod wiesa’, dejjem jiġi awtorizzat fuq sempliċi talba bil-miktub indirizzata lill-kmamar tal-professjonisti, sa fejn dan ma jimminax l-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilista. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tintroduċi s-sistema li fiha l-awtorizzazzjoni tingħata dejjem u tista’ tiġi rrifjutata b’mod eċċezzjonali, jekk il-kundizzjoni tal-indipendenza, li għadha l-unika kundizzjoni li trid tiġi ssodisfatta, ma kinitx osservata.

    33.

    Ir-Renju tal-Belġju jikkunsidra li, peress li l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 jippermetti wkoll il-projbizzjoni tal-attivitajiet multidixxiplinari jekk din tkun proporzjonata u ġġustifikata fid-dawl tal-għan tal-preżervazzjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li l-għan uniku tagħha huwa li tivverifika li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-kontabilisti jiġu ppreżervati, ma tiksirx ir-rekwiżit ta’ dan l-artikolu.

    34.

    Dan l-Istat Membru jikkontesta, barra minn hekk, iċ-ċaħda mill-Kummissjoni tal-argument tiegħu li miżuri alternattivi mhux ser ikunu effettivi daqs projbizzjoni. Fil-fatt, dan l-argument jirriżulta mill-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Wouters et ( 7 ) u li fihom l-Avukat Ġenerali Léger eżamina jekk l-għan ta’ protezzjoni tal-indipendenza tal-avukati jistax, fil-prattika, jintlaħaq b’mod simili permezz ta’ miżuri inqas vinkolanti minn projbizzjoni totali u kkonkluda li miżuri alternattivi jqajmu problemi prattiċi.

    35.

    Skont ir-Renju tal-Belġju, il-Kummissjoni tipproponi miżuri alternattivi teoretiċi mingħajr madankollu ma turi li dawn jistgħu jilħqu l-għan imfittex. Filwaqt li wera li l-miżuri ssuġġeriti mill-Kummissjoni ma humiex effettivi f’suq bħas-suq Belġjan tal-kontabilisti IPCF, ftit li xejn ikkonċentrat u kkaratterizzat mill-preżenza ta’ impriżi żgħar ħafna, dan l-Istat Membru jikkunsidra mill-banda l-oħra li ġab prova kemm tad-diffikultajiet prattiċi tal-implimentazzjoni ta’ miżuri alternattivi kif ukoll tal-ineffettività tagħhom.

    36.

    Fir-rigward tal-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi Ġdid ta’ Etika IPCF, l-imsemmi Stat Membru jargumenta li l-formulazzjoni l-ġdida ma għandhiex il-konsegwenza li taggrava n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Kemm l-Artikolu 21 kif ukoll il-preambolu tal-Kodiċi Ġdid ta’ Etika IPCF jindikaw b’mod ċar li r-regola ġenerali hija l-awtorizzazzjoni, ħlief fil-każ fejn jistgħu jiġu mminati l-indipendenza u l-imparzjalità, li għandu jiġi pprovat mill-kmamar tal-professjonisti. Dan l-istess Stat Membru jenfasizza li l-kriterji ta’ ċaħda huma nondiskriminatorji, huma magħrufa minn qabel u limitati għal dawk previsti mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123.

    Evalwazzjoni

    37.

    Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Wouters et ( 8 ) għall-każ inkwistjoni. Konsegwentement ser niffoka fuq il-kwistjoni tal-projbizzjoni ta’ eżerċizzju konġunt.

    B’mod ġenerali – Fuq l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123

    38.

    Jidhirli li huwa neċessarju li jsiru xi rimarki ġenerali qosra dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123.

    39.

    L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 jistipula eżami fi tliet stadji. L-ewwel nett, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ( 9 ) ma jkunux suġġetti għal rekwiżiti li jobbligawhom jeżerċitaw attività speċifika esklużivament jew li jillimitaw l-eżerċizzju konġunt jew fi sħab ta’ attivitajiet differenti ( 10 ). It-tieni nett, il-professjonijiet irregolati ( 11 ) jistgħu madankollu jkunu suġġetti għal tali rekwiżiti, sa fejn dan ikun iġġustifikat sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ regoli ta’ etika differenti minħabba l-partikolarità ta’ kull professjoni u neċessarju sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dawn il-professjonijiet ( 12 ). It-tielet nett, meta tali attivitajiet multidixxiplinari jiġu awtorizzati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jipprevjenu kunflitti ta’ interess u l-inkompatibbiltajiet bejn ċerti attivitajiet, sabiex jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità meħtieġa minn ċerti attivitajiet u sabiex jiżguraw li r-regoli ta’ etika tad-diversi attivitajiet ikunu kompatibbli bejniethom, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigriet professjonali.

    40.

    L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 huwa intiż sabiex jelimina l-ostakoli għall-attivitajiet multidixxiplinari tal-fornituri ta’ servizzi. Il-leġiżlatur iqis li huwa neċessarju u fl-interess tar-riċevituri, b’mod partikolari tal-konsumaturi, li jiġi żgurat li jkun possibbli li l-fornituri joffru servizzi multidixxiplinari ( 13 ). Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li, konformement mal-iskop ġenerali ta’ din id-direttiva li telimina l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 14 ), l-obbligu tal-Istati Membri huwa indipendenti mill-eżistenza ta’ ostakolu konkret għal libertà fundamentali ( 15 ).

    41.

    Ir-relazzjoni bejn ir-regola u l-eċċezzjoni, li hija l-bażi tad-Direttiva 2006/123 kollha, kif ukoll, b’mod iktar fundamentali, tas-suq intern kollha, tapplika hawnhekk ukoll: il-libertà fundamentali, li hija l-espressjoni tal-interess tal-Unjoni, tikkostitwixxi r-regola, filwaqt li l-possibbiltà li Stat Membru jimponi limiti għal din ir-regola tikkostitwixxi l-eċċezzjoni. Minn dan isegwi li din l-eċċezzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta, għall-kuntrarju tar-regola li għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa. Barra minn hekk, l-eċċezzjoni għandha tkun konformi mal-prinċipji l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, fosthom b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    42.

    Għalhekk, fil-kuntest tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123, għandu jiġi applikat, għal dak li jirrigwarda d-deroga mir-regola, l-istess argument dwar l-oneru tal-prova, fis-sens li dan huwa impost fuq l-Istat Membru. Dan jirriżulta wkoll mit-termini “sa fejn” tal-Artikolu 25(1)(a) tad-Direttiva 2006/123. F’dan ir-rigward, għandha tiġi miċħuda l-premessa tal-argument tar-Renju tal-Belġju, imressqa b’mod partikolari fid-difiża tiegħu, li tipprovdi li l-għan tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 huwa li jipprovdi qafas għal-libertà tal-Istati Membri li jipprevedu projbizzjoni tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet multidixxiplinari. Fil-fatt, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa għall-kuntrarju li tiżgura li l-fornituri ta’ servizz ma jkunux suġġetti għal rekwiżiti li jirrestrinġu, fost oħrajn, l-eżerċizzju konġunt jew fi sħab ta’ attivitajiet differenti.

    B’mod partikolari – Fuq il-projbizzjoni ta’ eżerċizzju konġunt

    43.

    Kif jirriżulta mill-preżentazzjoni tal-kuntest ġuridiku, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jiġifieri l-Kodiċi ta’ Etika IPCF, approvat bid-Digriet Irjali tat‑22 ta’ Ottubru 2013, tħassar u ġie ssostitwiet bil-Kodiċi ta’ Etika IPCH, approvat bid-Digriet Irjali tat‑18 ta’ Lulju 2017.

    44.

    L-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi Ġdid ta’ Etika IPCF huwa essenzjalment identiku għall-Artikolu 21(3) tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF l-antik ( 16 ).

    45.

    Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu projbizzjoni assoluta tal-eżerċizzju konġunt tal-attivitajiet ta’ kontabilista u tal-attivitajiet ta’ broker jew ta’ aġent tal-assigurazzjoni, ta’ aġent tal-proprjetà immobbli u ta’ kwalunkwe attività bankarja jew ta’ servizzi finanzjarji. Din hija restrizzjoni imposta fuq l-attivitajiet multidixxiplinari li tillimita l-firxa ta’ servizzi disponibbli u li tostakola l-istabbiliment ta’ mudelli kummerċjali ġodda.

    46.

    Tali projbizzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123.

    47.

    Peress li l-kontabilisti IPCF jeżerċitaw professjoni rregolata, ir-Renju tal-Belġju jista’ jinvoka l-Artikolu 25(1)(a) tad-Direttiva 2006/123. Tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni inkwistjoni hijiex, l-ewwel nett, iġġustifikata sabiex tiżgura l-osservanza tar-regoli ta’ etika differenti minħabba l-parikolarità ta’ kull professjoni, u t-tieni nett, neċessarja sabiex tiżgura l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dawn il-professjonijiet. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv.

    48.

    Jien inqis li r-Renju tal-Belġju ma ġabx prova tan-natura neċessarja tal-miżura kontenzjuża.

    49.

    Dan l-Istat Membru invoka s-sentenza Wouters et ( 17 ) sabiex juri n-neċessità tal-projbizzjoni inkwistjoni.

    50.

    Madankollu jiena m’iniex konvint mill-argument tar-Renju tal-Belġju, peress li s-sitwazzjoni tal-kontabilisti fil-Belġju hija f’dan il-każ sostanzjalment differenti minn dik tal-avukati fil-Pajjiżi l-Baxxi inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza.

    51.

    Fost il-kwistjonijiet numerużi indirizzati fis-sentenza Wouters et ( 18 ), sentenza li mingħajr dubju ispirat lil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-formulazzjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123, kien hemm dik tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ( 19 ) ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi kollaborazzjonijiet multidixxiplinari bejn avukati u kontabilisti.

    52.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox ikkonstatat li, skont l-approċċi fis-seħħ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 20 ), l-avukat għandu jkun f’sitwazzjoni ta’ indipendenza vis-à-vis l-awtoritajiet pubbliċi, operaturi oħra u terzi persuni u ma għandu qatt ikun influwenzat minnhom. L-avukat għandu jagħti, f’dan ir-rigward, il-garanzija li kull azzjoni meħuda minnu f’każ partikolari tittieħed fl-interess esklużiv tal-klijent ( 21 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-professjoni ta’ kontabilista ma hijiex, mill-banda l-oħra, suġġetta b’mod ġenerali, u b’mod iktar partikolari fil-każ nazzjonali inkwistjoni, għal rekwiżiti ta’ etika paragunabbli.

    53.

    Billi għamlet riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’dik il-kawża ( 22 ), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat sussegwentement li tista’ teżisti ċerta inkompatibbiltà bejn l-attività tal-għoti ta’ “parir”, mill-avukat, u dik ta’ “kontroll” imwettqa mill-kontabilista. Fil-fatt, f’dak il-każ, il-kontabilista kien qiegħed jeżerċita missjoni ta’ ċertifikazzjoni ta’ kontijiet, li jimplika li huwa kien qiegħed iwettaq eżami u verifika oġġettiva tal-kontabbiltà tal-klijenti tiegħu, b’mod li jista’ jikkomunika lit-terzi interessati l-opinjoni personali tiegħu dwar l-affidabbiltà ta’ dawn il-kontijiet. Għalhekk huwa ma kienx suġġett għal sigriet professjonali paragunabbli ma’ dak li huwa suġġett għalih avukat ( 23 ).

    54.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-effetti restrittivi f’dak il-każ ma kinux imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat l-eżerċizzju kif suppost tal-professjoni ta’ avukat ( 24 ).

    55.

    Jiena ma narax kif is-sentenza Wouters et ( 25 ) tista’ tkun utli għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, u dan għar-raġunijiet segwenti.

    56.

    F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar l-obbligi professjonali tal-kontabilisti fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet multidixxiplinari flimkien ma’ professjonijiet oħra bħal dawk inkwistjoni.

    57.

    Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-professjoni ta’ kontabilista fil-kuntest ta’ distinzjoni bejn il-professjoni ta’ avukat u dik ta’ kontabilista, bil-għan li tevalwa l-konsegwenzi fuq l-istruttura tas-suq fil-qasam tal-pariri legali u l-ġustifikazzjoni tal-projbizzjoni li avukat jipprattika b’mod konġunt ma’ kontabilista.

    58.

    ’Il bogħod mill-formulazzjoni ta’ osservazzjonijiet ġenerali dwar il-kunċetti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fil-kuntest tal-professjonijiet irregolati, l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża kien iffokat fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-avukati u tal-kontabilisti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    59.

    Fi kliem ieħor, anki jekk kellu jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni ta’ avukat u dik ta’ kontabilista, bħal fil-kawża Wouters et ( 26 ), kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123, madankollu dan ma jfissirx li s-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni għandhom iwasslu għall-istess riżultat li waslet għalih il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza. F’dan ir-rigward, ninnota li l-imsemmija sentenza tissemma biss bħala eżempju fil-Manwal tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ( 27 ).

    60.

    L-argument tar-Renju tal-Belġju jwassal sabiex tiġi assimilata s-sitwazzjoni tal-kontabilisti għal dik tal-avukati għal dak li jirrigwarda l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom. Madankollu, il-professjoni ta’ kontabilista hija sostanzjalment differenti minn dik ta’ avukat u għalhekk dan l-argument ma jistax jirnexxi.

    61.

    Fil-fatt, l-indipendenza ta’ avukat hija primordjali fil-kuntest tal-attività ta’ assistenza u ta’ rappreżentanza ġudizzjarja tiegħu. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Wouters et ( 28 ), “l-avukat jiggarantixxi fi stat tad-dritt l-effettività tal-prinċipju tal-aċċess għall-partijiet fil-kawża għad-dritt u għall-istanzi ġudizzjarji”. Ir-rekwiżiti ta’ indipendenza, ta’ osservanza tas-sigriet professjonali u tan-neċessità li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess huma intiżi preċiżament sabiex jiffaċilitaw din il-funzjoni.

    62.

    Mill-banda l-oħra, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, kontabilista IPCF ma jeżerċitax funzjonijiet ta’ rappreżentazzjoni tal-klijenti tiegħu quddiem l-awtorità pubblika. Il-missjoni ta’ kontabilista tirrigwarda l-koerenza u l-veradiċità tal-kontijiet. F’dan il-kuntest, huwa jista’ jipproponi lill-entità konsultattiva tweġibiet tekniċi għar-restrizzjonijiet ekonomiċi kif ukoll jimla’ dikjarazzjonijiet fiskali soċjali u dokumenti tekniċi.

    63.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Wouters et ( 29 ) ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika projbizzjoni assoluta li kontabilista jeżerċita attività multidixxiplinari, u dan sabiex tiġi żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu.

    64.

    Konsegwentement, inqis li l-Artikolu 21 tal-Kodiċi ta’ Etika IPCF ma huwiex neċessarju sabiex jiżgura l-indipendenza u l-imparzjalità tal-professjoni ta’ kontabilista.

    Konklużjoni

    65.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tittrasponiex ir-raġunament li hija segwiet fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98) sabiex tiddetermina jekk ir-Renju tal-Belġju, billi pprojbixxa l-eżerċizzju konġunt ta’ attivitajiet ta’ kontabilista, minn naħa, u ta’ attivitajiet ta’ broker, ta’ aġent tal-assigurazzjoni, ta’ aġent tal-proprjetà immobbli jew ta’ kwalunkwe attività bankarja jew ta’ servizzi finanzjarji, min-naħa l-oħra, naqasx jew le milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

    ( 3 ) Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002 (C-309/99, EU:C:2002:98).

    ( 4 ) L-emenda tal-imsemmi artikolu, li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Awwissu 2017, żiedet is-sanzjonijiet b’tali mod li l-ksur tal-obbligu li jiġi mħares is-sigriet professjonali llum huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sena u tliet snin u b’multa ta’ bejn mitt Ewro u elf Ewro jew b’waħda minn dawn il-pieni biss.

    ( 5 ) Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002 (C-309/99, EU:C:2002:98).

    ( 6 ) Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002 (C-309/99, EU:C:2002:98, punt 104).

    ( 7 ) C-309/99, EU:C:2001:390.

    ( 8 ) Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002 (C-309/99, EU:C:2002:98).

    ( 9 ) It-terminu “fornitur” huwa ddefinit fil-punt (2) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 bħala “kwalunkwe persuna naturali li hija ċittadin ta’ Stat Membru, jew kwalunkwe persuna ġuridika kif imsemmija [fl-Artikolu 54 TFUE] u stabbilita fi Stat Membru, li toffri jew li tipprovdi servizz”.

    ( 10 ) Ara l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123.

    ( 11 ) Għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ “professjoni regolata”, l-Artikolu 4(11) tad-Direttiva 2006/123 jirreferi għall-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, Rettifiki ĠU 2007, L 271, p. 18, ĠU 2008, L 93, p. 28 u ĠU 2014, L 305, p. 115), li jipprovdi li professjoni rregolata hija “attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi; b’mod partikolari, l-użu ta’ titolu professjonali limitat minn dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi lil titolari ta’ kwalifiki professjonali għandu jikkostitwixxi mod ta’ eżerċizzju”.

    ( 12 ) Ara l-Artikolu 25(1)(a) tad-Direttiva 2006/123.

    ( 13 ) Ara l-premessa 101 tad-Direttiva 2006/123.

    ( 14 ) Ara l-Artikolu 1(1) u l-premessa 5 tad-Direttiva 2006/123.

    ( 15 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Schlachter, M./Ohler, Chr., Europäische Dienstleistungsrichtlinie, Handkommentar, Nomos, Baden-Baden, 2008, punt (1) tal-Artikolu 25.

    ( 16 ) Għalhekk l-analiżi tiegħi tapplika għaż-żewġ verżjonijiet tal-Kodiċi ta’ Etika.

    ( 17 ) Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002 (C-309/99, EU:C:2002:98).

    ( 18 ) Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002 (C-309/99, EU:C:2002:98).

    ( 19 ) Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja analizzat il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-angolu tad-dritt tal-kompetizzjoni (Artikolu 101 TFUE) huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

    ( 20 ) F’dan il-każ dik Olandiża.

    ( 21 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C-309/99, EU:C:2002:98, punt 102).

    ( 22 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Wouters et (C-309/99, EU:C:2001:390, punti 185186).

    ( 23 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C-309/99, EU:C:2002:98, punt 104).

    ( 24 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C-309/99, EU:C:2002:98, punt 109).

    ( 25 ) Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002 (C-309/99, EU:C:2002:98).

    ( 26 ) Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002 (C-309/99, EU:C:2002:98).

    ( 27 ) Ara l-punt 8.4.1 ta’ dan il-manwal.

    ( 28 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Wouters et (C-309/99, EU:C:2001:390, punt 175).

    ( 29 ) Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002 (C-309/99, EU:C:2002:98).

    Top