EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0381

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2019.
G.S. u V.G. vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2003/86/KE – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Kunċett ta’ ‘raġunijiet ta’ ordni pubbliku’ – Ċaħda ta’ applikazzjoni għal dħul u għal residenza ta’ membru tal-famlija – Irtirar ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja jew rifjut li dan jiġi mġedded.
Kawżi magħquda C-381/18 u C-382/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:608

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2019 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑381/18 u C‑382/18

G.S. (C‑381/18)

V.G. (C‑382/18)

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika ta’ immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Kundizzjonijiet mitluba għall-eżerċizzju tad-dritt għar‑riunifikazzjoni tal-familja – Irtirar ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja jew rifjut ta’ tiġdid tiegħu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku – Kunċett ta’ ‘raġunijiet ta’ ordni pubbliku’”

1.

Għalkemm id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja ( 2 ) tista’ timponi obbligi pożittivi preċiżi fuq l-Istati Membri flimkien ma’ drittijiet individwali korrispettivi ddefiniti b’mod ċar ( 3 ), hija tippermetti wkoll lil dawn l-istess Stati li jirrifjutaw, f’ċerti każijiet, ir‑riunifikazzjoni tal-familja. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar sa fejn il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom għandha tiġi eżerċitata. F’dawn iż‑żewġ kawżi magħquda, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tistabbilixxi jekk, meta jadottaw deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal dħul fit-territorju tal-Unjoni, deċiżjoni li jirtiraw jew li ma jġeddux awtorizzazzjoni ta’ residenza minħabba raġunijiet marbuta ma’ ordni pubbliku, l-awtoritajiet nazzjonali għandhomx jibbażaw ruħhom fuq l‑aġir personali ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin ieħor ta’ Stat terz diġà legalment preżenti fit-territorju tal-Unjoni, u jekk dan l-aġir għandux neċessarjament jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-Direttiva 2003/86

2.

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi li “[d]in id‑Direttiva m’għandhiex tapplika għal membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni”.

3.

L-Artikolu 6(1) u (2) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal dħul u residenza ta’ membri tal-familja għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurta pubblika u saħħa pubblika.

2.   Stati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurta pubblika jew saħħa pubblika.

Meta tittieħed id-deċiżjoni relevanti, l-Istat Membru għandhu jqis, minbarra l-Artikolu 17, is-severita jew tip ta’ offiża kontra l-politika pubblika jew sigurta pubblika magħmula mill-membru tal-familja, jew il-perikoli li huma kkawżati (imnisslin) minn persuna tali.”

4.

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal‑persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l‑eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

B.   Il-qafas ta’ evalwazzjoni tad-dritt Olandiż

5.

Il-qafas ta’ evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali użat mill‑awtoritajiet Olandiżi sabiex jiddeċiedu dwar applikazzjoni għal dħul u għal residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz li jixtieq jingħaqad mal‑membru tal-familja tiegħu diġà preżenti fit-territorju tal-Unjoni jirriżulta mill-Artikolu 3.77 tal-Besluit van 23 november 2000 tot uitvoering van de Vreemdelingenwet 2000 (id-Digriet tat‑23 ta’ Novembru 2000 Sabiex Jimplimenta l-Liġi dwar il-Barranin tal-2000, iktar ’il quddiem il‑“Vb 2000”) ( 4 ) u mill-Artikolu 16(1)(d) tal‑Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi dwar il-Barranin tal-2000, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”) tat-23 ta’ Novembru 2000 ( 5 ), meħuda flimkien. Tali applikazzjoni tista’ tiġi miċħuda minħabba perikolu għall-ordni pubbliku jekk dan iċ-ċittadin minħabba delitt gravissimu jew reat huwa kkundannat għal piena ta’ xogħol jew multa. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑382/18 jirriżulta li r-regola li l‑applikazzjoni ma tistax tiġi miċħuda meta jkunu għaddew ħames snin mid-data tal‑aħħar delitt gravissimu jew reat ma tapplikax għaċ-ċittadin ta’ Stat terz ikkundannat meta jkun fi stat ta’ reċidiva.

6.

Il-qafas ta’ evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali użat mill‑awtoritajiet Olandiżi meta jkunu mitluba jiddeċiedu dwar l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza ta’ membru tal-familja jew in-nuqqas ta’ tiġdid ta’ tali awtorizzazzjoni lil membru tal-familja fis-sens tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta mill-Artikolu 3.86 tal-Vb 2000 u mill-Artikolu 19 tal‑Vw 2000, meħuda flimkien. Bis-saħħa ta’ dan il-qafas ta’ evalwazzjoni, awtorizzazzjoni ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja tista’ tiġi rtirata jew ma tiġġeddidx f’każ ta’ perikolu għall-ordni pubbliku jekk il-piena li għaliha ċ-ċittadin ta’ Stat terz li jixtieq jingħaqad mal‑membru tal‑familja tiegħu preżenti fit-territorju tal-Unjoni huwa kkundannat hija twila biżżejjed meta mqabbla mat-tul tar-residenza regolari tiegħu fil‑Pajjiżi l-Baxxi. Din ir-relazzjoni bejn it-tul tal-piena u t‑tul tar‑residenza tissejjaħ “skala mobbli” ( 6 ).

II. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A.   Il-Kawża C‑381/18

7.

G.S. huwa ċittadin Indjan li għandu awtorizzazzjoni ta’ residenza ordinarja għal perijodu limitat għal raġunijiet ta’ riunifikazzjoni tal‑familja fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-2009. Din l-awtorizzazzjoni ġiet imġedda fid-9 ta’ Marzu 2010 sat-28 ta’ Awwissu 2014. Fl-2012, G.S. ġie kkundannat fl-Isvizzera għal piena ta’ erba’ snin u tliet xhur priġunerija minħabba parteċipazzjoni fi traffikar ta’ drogi inkonnessjoni ma’ fatti li kienu jmorru lura sa mhux iktar tard mix-xahar ta’ Settembru 2010.

8.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2015, is-staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall‑Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is‑“Segretarju tal-Istat”) irtira l-awtorizzazzjoni ta’ residenza ordinarja għal perijodu limitat, ċaħad l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni u ħareġ projbizzjoni ta’ dħul fir‑rigward tiegħu. Fil-21 ta’ Ottubru 2016, is‑Segretarju tal-Istat qies bħala infondat l-ilment imressaq kontra d‑deċiżjoni tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja u kontra r‑rifjut ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-imsemmija awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, huwa kkunsidra l-ilment ta’ GS imressaq kontra l-projbizzjoni tad-dħul fir-rigward tiegħu tiegħu bħala fondat. Is-Segretarju tal-Istat għalhekk iddikjara lil GS bħala persuna mhux mixtieqa.

9.

Fit-3 ta’ Frar 2017, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Amsterdam, il-Pajjiżi l‑Baxxi) iddeċidiet li s-Segretarju tal-Istat ma kienx obbligat, kuntrarjament għal dak li sostna G.S. billi bbaża ruħu b’mod partikolari fuq is-sentenzi Zh. u O. ( 7 ) u T. ( 8 ), li jimmotiva d‑deċiżjoni tiegħu ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ residenza u tar-rifjut li jerġa’ jġeddidha għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku minħabba l-fatt li l-aġir ta’ G.S. kien jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà. Il-qorti tal‑ewwel istanza għalhekk iddeċidiet li s-Segretarju tal-Istat kien issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2003/86 billi rrefera għall-kundanna ta’ G.S. fl-Isvizzera u għall-fatt li r-reat imwettaq kien ikkunsidrat bħala partikolarment serju minħabba l-effett tiegħu fuq is-soċjetà Olandiża. Hija ddeċidiet ukoll li r-rekwiżiti tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva 2003/86 kienu ġew issodisfatti.

10.

Il-kwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-punt dwar jekk l-irtirar jew ir-rifjut ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat terz preżenti fit-territorju tal-Unjoni, meta bbażat fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku, għandux ikun immotivat, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/86, bl-aġir personali tal-membru tal‑familja kkonċernat li għandu jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas‑soċjetà. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi mis-sentenzi Zh. u O. ( 9 ) u T. ( 10 ) li l-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ evalwazzjoni każ b’każ u tillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri meta d‑deċiżjoni li ser tittieħed tikkostitwixxi deroga prevista mid-dritt tal‑Unjoni. Issa, il-każ ta’ rifjut ta’ tiġdid jew ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza miksuba għal riunifikazzjoni tal-familja jista’ jiġi interpretat bħala deċiżjoni li tidderoga mill-prinċipju tar-riunifikazzjoni tal-familja. Peress li l-għan tad‑Direttiva 2003/86 kien li jiffavorixxi r‑riunifikazzjoni tal-familja, ir-raġuni tal-ordni pubbliku biss ma għandhiex tkun biżżejjed sabiex timmotiva deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ tiġdid ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza maħruġa minħabba riunifikazzjoni tal-familja. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li hija titlob li fi kwalunkwe każ ( 11 ) l-awtoritajiet jibbażaw ruħhom fuq l-aġir personali tal-individwu li għandu jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas‑soċjetà.

11.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-iskala mobbli li tiggwida lill-awtoritajiet Olandiżi fit-teħid ta’ deċiżjoni tagħhom tidher li tiżgura bbilanċjar suffiċjenti tal-interessi inkwistjoni fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) b’mod partikolari kif tirriżulta mis-sentenzi Boultif vs L‑Isvizzera u Üner vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi ( 12 ). Fl-opinjoni tagħha, mis‑sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill ( 13 ) jirriżulta li l-Qorti tal‑Ġustizzja tkun issodisfatta minn tali bbilanċjar peress li ddeċidiet li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, fil-kuntest tal‑implimentazzjoni tal-obbligi li l-imsemmija Stati għandhom skont id-Direttiva 2003/86, ma hijiex differenti minn dik li hija rrikonoxxuta lilhom fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 8 tal‑Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il‑“KEDB”).

12.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State (il-Kunsill tal‑Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ġunju 2018, għamel id-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva [2003/86] għandu jiġi interpretat fis‑sens li d-deċiżjoni li tirtira jew li tirrifjuta t-tiġdid ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku għandha tkun immotivata mill-fatt li l-aġir personali tal-membru tal‑familja kkonċernat jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas‑soċjetà?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, liema huma l-kundizzjonijiet ta’ motivazzjoni li japplikaw, skont l‑Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/86, għad-deċiżjoni li tirtira jew li tirrifjuta t-tiġdid ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku?

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja jista’ jiġi rtirat jew l-applikazzjoni għat-tiġdid ta’ dan il-permess tista’ tiġi miċħuda għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jekk il-piena jew il-miżura li għaliha l-membru tal-familja kkonċernat jiġi kkundannat hija twila biżżejjed meta mqabbel mat-tul tar-residenza regolari tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi […], meta jitwettaq ibbilanċjar tal‑interessi, konformement mal-kriterji identifikati mill-Qorti EDB fis‑sentenzi [Boultif u Üner], bejn l-interessi tal-membru tal-familja kkonċernat sabiex jeżerċita fil-Pajjiżi l-Baxxi d-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, minn naħa, u l-interess tal-Istat Olandiż fil-protezzjoni tal‑ordni pubbliku, min-naħa l-oħra?”

B.   Il-Kawża C‑382/18

13.

V. G. huwa ċittadin Armen li rrisjeda fil‑Pajjiżi l-Baxxi mill-1999 sal-2011, parti minnhom b’mod regolari. Fl-2011, huwa ġie rritornat lill-awtoritajiet Armeni minħabba reati fil-qasam tad-drogi. Fit-28 ta’ Lulju 2016, il-konjuġi ta’ V. G., ta’ nazzjonalità Olandiża u residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, ressqet applikazzjoni għal dħul u għal awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja quddiem is-Segretarju tal-Istat għal riunifikazzjoni tal-familja fis-sens tal‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/86.

14.

Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2016, is-Segretarju tal-Istat, wara li implimenta l-qafas ta’ evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali, irrifjuta l-għoti tal-awtorizzazzjoni mitluba għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. Huwa bbaża ruħu b’mod partikolari fuq il-fatt li V. G. kien ġie kkundannat għal multi fl-2000, 2008 u fl-2009 u għal piena ta’ xogħol fl-2010. Il‑politika li l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma tistax tkun iktar miċħuda meta jkunu għaddew ħames snin mid-data tal-aħħar delitt gravissimu jew reat ma tapplikax għal V. G. minħabba l-fatt li l-kundanna tiegħu meta kien fi stat ta’ reċidiva. Wara li bbilanċja l-interessi differenti preżenti filwaqt li qies it-tip ta’ reati mwettqa, in-natura u s-solidità tar-rabtiet tal-familja, it-tul ta’ residenza u l-eżistenza ta’ rabtiet tal-famlja, kulturali jew soċjali mal-pajjiżi tal-oriġini ta’ V. G., is-Segretarju tal-Istat qies li dan tal-aħħar kien jirrappreżenta perikolu għall-ordni pubbliku.

15.

Wara li s-Segretarju tal-Istat ċaħad l-ilment imressaq minn V. G. kontra d-deċiżjoni tiegħu, dan tal-aħħar ippreżenta rikors quddiem ir‑rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, bis-sede f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) li, permezz ta’ sentenza mogħtija fit-23 ta’ Ġunju 2017, iddikjaratu infondat. Il-qorti tal‑ewwel istanza ma laqgħetx l-argument ta’ V. G. li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet titlob, kull darba li deċiżjoni individwali ta’ rifjut ta’ dħul hija mmotivata b’raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku, li jiġi vverifikat li l-aġir personali tal-barrani kkonċernat jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet b’mod partikolari li dan ma huwiex is-sens tas-sentenza Fahimian ( 14 ). Hija rrilevat ukoll li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxi distinzjoni bejn iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal dħul u għal residenza (Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva) u l-irtirar jew ir‑rifjut ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza (Artikolu 6(2) ta’ din id‑direttiva) li, waħdu, jitlob it-teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità jew tan-natura tal‑ksur tal‑ordni pubbliku jew tal-perikoli li l-barrani diġà preżenti fit‑territorju tal-Unjoni jista’ jikkawża.

16.

V. G. appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar staqsiet fl-ewwel lok dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi tagħha, peress li d‑Direttiva 2003/86 ma tapplikax għall-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni, skont kif previst fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, iżda li l-intenzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali li jagħmilha applikabbli għas‑sitwazzjonijiet li fiha l-isponsor huwa ċittadin Olandiż li ma użax il‑libertà ta’ moviment tiegħu hija ċara u inkundizzjonali. Minkejja li tqis li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l‑Artikolu 6 tad‑Direttiva 2003/86 fil-kuntest tal-Kawża C‑382/18 tippermettilha li tiżgura ruħha mill-interpretazzjoni uniformi ta’ din id-dispożizzjoni, sinonima ma’ ugwaljanza fit-trattament tas-sitwazzjonijiet irregolati minn din tal-aħħar, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirriżultaw mis‑sentenza Nolan ( 15 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Unjoni ma għandhiex interess tiżgura tali interpretazzjoni uniformi ta’ att f’sitwazzjonjiet li ġew espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi att mil-leġiżlatur tal-Unjoni stess.

17.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni, il‑qorti tar-rinviju sussegwentement tistaqsi jekk ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, minħabba r-riunifikazzjoni tal-familja rrikonoxxuta mid‑Direttiva 2003/86, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ Stat terz, meta tali rifjut huwa bbażat fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku, għandux ikun immotivat, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/86, bl-aġir personali tal‑membru tal-familja li jixtieq jidħol fit-territorju tal-Unjoni, li għandu jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju taqbel mal-analiżi żviluppata quddiemha mis-Segretarju tal‑Istat li skont din hemm lok li jiġu segwiti s-sentenzi Koushkaki ( 16 ) u Fahimian ( 17 ) sabiex jiġi konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. L-istess evalwazzjonijiet kumplessi bħal dawk inkwistjoni fis-sentenza Koushkaki ( 18 ) għandhom isiru mill-imsemmija awtoritajiet sabiex jiġi deċiż jekk applikazzjoni għal dħul u għal residenza ta’ membru tal-familja tistax tiġi miċħuda għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. Skont il-qorti tar-rinviju, teżisti differenza bejn id‑deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/86, li jikkonċernaw persuni li għadhom mhux preżenti fit-territorju tal-Unjoni, u dawk adottati abbażi tal-Artikolu 6(2) ta’ din l-istess direttiva li, dawn, jikkonċernaw persuni li r-residenza tagħhom fl-Unjoni diġà ġiet awtorizzata. Għal dawn tal-aħħar, peress li dan ifisser li tintemm ħajja tal-familja diġà eżistenti, għandhom isiru evalwazzjonijiet iktar iddettaljati dwar in-natura jew il-gravità tal-ksur imwettaq tal-ordni pubbliku. Issa, is‑sitwazzjoni ta’ V. G. taqa’ taħt l-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2003/86. Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-qafas ta’ evalwazzjoni nazzjonali li jiggwida l-awtoritajiet Olandiżi fit-teħid ta’ deċiżjoni tagħhom, mingħajr ma jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali jimmotivaw id-deċiżjoni ta’ rifjut tagħhom bl-aġir personali tal-applikant li jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, jidher li jiżgura bbilanċjar suffiċjenti tal-interessi preżenti fis-sens tal-ġurisprudenza tal‑Qorti EDB b’mod partikolari dik li tirriżulta mis-sentenzi Boultif u Üner. B’hekk, is-Segretarju tal-Istat ħa debitament inkunsiderazzjoni l‑kundanni ta’ V. G. waqt ir-residenza preċedenti tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi u bbilanċja, minn naħa waħda, l-interess tiegħu u dak tal-membru tal‑familja tiegħu preżenti fit-territorju tal-Unjoni sabiex ikollhom il-ħajja tal-familja fil-Pajjiżi l-Baxxi u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jipproteġu l-ordni pubbliku tagħhom.

18.

Il-qorti tar-rinviju madankollu għandha dubji dwar il-fondatezza ta’ tali pożizzjoni minħabba sensiela oħra ta’ ġurisprudenza, mibdija bis-sentenzi Zh. u O. ( 19 ), T. ( 20 ) u N. ( 21 ), li minnhom jirriżulta li deċiżjoni ta’ rifjut ibbażata fuq l-invokazzjoni ta’ ordni pubbliku tirrikjedi fi kwalunke każ li tkun immotivata bl-aġir personali tal-membru tal-familja kkonċernat li għandu jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas‑soċjetà. Deċiżjoni li tidderoga mid-dritt fundamentali tar‑riunifikazzjoni tal-familja f’dawn iċ-ċirkustanzi għandha tkun is‑suġġett ta’ motivazzjoni msaħħa ( 22 ).

19.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State (il-Kunsill tal‑Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ġunju 2018, għamel id-domandi preliminari segwenti lill‑Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fid-dawl tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [2003/86] u tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C-583/10, EU:C:2012:638), il-Qorti tal‑Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal domandi preliminari tal-qorti Olandiża dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva f’tilwima li tikkonċerna applikazzjoni tad-dħul u residenza ta’ membru tal-familja ta’ sponsor li għandu n-nazzjonalità Olandiża, meta din id-direttiva ġiet iddikjarata, fid-dritt Olandiż, applikabbli b’mod dirett u inkundizzjonat għal dan it‑tip ta’ membri tal-familja?

2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis‑sens li d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni tad-dħul u residenza ta’ membru tal-familja għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku għandha tkun immotivata mill-fatt li l-aġir personali tal-membru tal-familja kkonċernat jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà?

3)

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, liema huma l-kundizzjonijiet ta’ motivazzjoni li japplikaw, skont l‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/86, għad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni tad-dħul u residenza ta’ membru tal-familja għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku?

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li permezz tagħha applikazzjoni tad-dħul u residenza ta’ membru tal-familja tista’ tiġi miċħuda għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku fuq il-bażi ta’ kundanni mogħtija matul perijodu preċedenti ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, meta jitwettaq ibbilanċjar tal-interessi, konformement mal-kriterji identifikati mill-Qorti EDB fis-sentenzi [Boultif] u [Üner], bejn l-interessi tal‑membru tal-familja u tal-isponsor ikkonċernati sabiex jiġi eżerċitat fil-Pajjiżi l-Baxxi d-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, minn naħa, u l‑interess tal-Istat Olandiż fil-protezzjoni tal-ordni pubbliku, min-naħa l‑oħra?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Lulju 2018, il-Kawżi C‑381/18 u C‑382/18 ġew magħquda għal raġunijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

21.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn G. S., V. G., mill-Gvern Olandiż, Ġermaniż u Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

22.

Is-sottomissjonijiet orali ta’ G. S., V. G., tal-Gvern Olandiż u dak Ġermaniż u tal-Kummissjoni nstemgħu waqt is-seduta li saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Mejju 2019.

IV. Analiżi

A.   Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑382/18

23.

Il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-Direttiva 2003/86 f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-Kawża C‑382/18 – li tirrigwarda sponsor ta’ nazzjonalità Olandiża li ma eżerċitax id-dritt ta’ moviment liberu tiegħu u membru tal-familja tiegħu ċittadin ta’ Stat terz – minkejja li minn qari tal-Artikoli 2(ċ) u 3(3) tal-imsemmija direttiva meħuda flimkien jirriżulta li ma tapplikax għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal‑Unjoni ( 23 ), tista’ faċilment tiġi riżolta b’riferiment għas-sentenza C u A ( 24 ) li kienet ingħatat wara li l‑Qorti tal-Ġustizzja kienet adita mill-istess qorti tar-rinviju kif ukoll f’dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, din tal-aħħar tindika, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, li r-raġunijiet li jirrigwardaw il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja huma identiċi ħafna għal dawk tat-talba tagħha fil-kuntest tal-kawża C u A ( 25 ).

24.

Mill-punti 28 sa 44 tas-sentenza C u A ( 26 ) jirriżulta li, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni espliċitament eskluda li d-Direttiva 2003/86 tapplika għal ċittadin ta’ Stat terz membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma eżerċitax id-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari f’sitwazzjonijiet li fihom, minkejja li l-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id‑dritt, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt ikunu ġew reżi applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment dirett u inkundizzjonali magħmul minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom. F’każ bħal dan, fil-fatt, ikun hemm interess ċert mill-Unjoni sabiex jiġu evitati d-diverġenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur u sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati. Il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li tali interess ma jistax ivarja “skont jekk il‑kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti ġiex iddelimitat permezz ta’ definizzjoni pożittiva jew permezz tal-istabbiliment ta’ ċerti każijiet ta’ esklużjoni, peress li kemm waħda u kemm l-oħra minn dawn iż-żewġ tekniki leġiżlattivi jistgħu jintużaw b’mod interkambjabbli” ( 27 ).

25.

Huwa stabbilit li l-leġiżlatur nazzjonali kellu l-intenzjoni li jissuġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 is‑sitwazzjonijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja li fihom l-isponsor huwa ċittadin Olandiż li ma eżerċitax id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li jixtieq li l-membru tal-familja tiegħu li huwa ċittadin ta’ Stat terz jingħaqad miegħu fit-territorju nazzjonali. Għalhekk u fid-dawl tat‑tagħlim mislut mis-sentenza C u A ( 28 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, sabiex tinterpreta l‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2003/86 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar ir-rifjut ta’ applikazzjoni għal dħul u għal residenza li ma ngħatatx lil ċittadin ta’ Stat terz membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma eżerċitax il-libertà ta’ moviment liberu tiegħu peress li din id-dispożizzjoni ġiet reża applikabbli għal tali sitwazzjonijiet b’mod dirett u inkundizzjonali mid‑dritt nazzjonali.

B.   Fuq id-domandi preliminari l-oħra

26.

Nipproponi li nitratta d-domandi kollha mqajma fil-Kawżi C‑381/18 u C‑382/18 minħabba s-suġġett komuni tagħhom relatat mad-determinazzjoni tal‑marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali meta jinvokaw raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku kemm biex jirrifjutaw id-dħul, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ Stat terz membru tal‑familja ta’ ċittadin ieħor ta’ Stat terz li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 (Kawża C‑382/18) u kemm sabiex jirrifjutaw li jġeddu awtorizzazzjoni ta’ residenza jew jirtiraw tali permess lil tali membru (Kawża C‑381/18).

27.

Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi, mit-tieni domanda fil-Kawża C‑381/18 u mit-tielet domanda fil-Kawża C‑382/18 jirriżulta li dawn ma jirrigwardawx l-obbligu ta’ motivazzjoni bħala tali iżda iktar jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi l-kriterji li għandhom jiggwidaw l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali fil-mument li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ dħul, ta’ nuqqas ta’ tiġdid jew ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku.

28.

Ser nibda l-analiżi permezz ta’ interpretazzjoni letterali, storika u teleoloġika tad-Direttiva 2003/86 qabel ma neżamina r-rekwiżit, f’każ ta’ kundanna kriminali, ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà fil‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Imbagħad ser neżamina l‑limitazzjonijiet potenzjali għall-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li jeżistu lil hinn mir-rekwiżit ta’ tali theddida qabel ma nislet il-konklużjonijiet li għandhom jittieħdu f’dawn iż-żewġ kawżi.

1. Interpretazzjoni letterali, storika u teleoloġika tad‑Direttiva 2003/86

29.

Id-Direttiva 2003/86 tistabbilixxi d-dritt għar-riunifikazzjoni tal‑familja ta’ ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu ilhom fit-territorju tal‑Unjoni legalment għal ċertu żmien. Il-bażi legali tagħha hija l-Artikolu 63(3)(a) KE li jipprevedi l-adozzjoni ta’ “miżuri dwar politika dwar l-immigrazzjoni” b’mod partikolari fil-qasam ta’ “kondizzjonijiet tad-dħul u r-residenza, u standards dwar proċeduri għall-għoti minn Stati Membri ta’ visa għal termini twal u permessi għal residenza, inklużi dawk għall-iskopijiet tar-riunjoni tal-familji”.

30.

Il-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86 tfakkar li “[m]iżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l‑obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali”. B’mod partikolari, din il-premessa tirreferi b’mod speċifiku għall-Artikolu 8 tal-KEDB, li fid-dawl tiegħu din id-direttiva għandha għalhekk tinqara, kif ukoll fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 29 ). Din id-direttiva tfakkar ukoll li r-riunifikazzjoni tal‑familja hija “mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir” u “tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri” ( 30 ). Ir-riunifikazzjoni tal-familja tista’ tiġi rrifjutata “għal raġunijiet dovutement iġġustifikati” ( 31 ) pereżempju meta l-persuna li tixtieq tiġi awtorizzata tidħol fl-Unjoni tikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku ( 32 ). Skont it-termini tal-istess direttiva, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” jista’ jkopri l-kundanna għal reat serju ( 33 ).

31.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l‑għanijiet tal-leġiżlazzjoni li għandhom jintlaħqu ( 34 ).

32.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2003/86, li l-interpretazzjoni tiegħu qiegħda tiġi mitluba llum, jaqa’ taħt il-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva intitolat “Rekwiżiti għall‑eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja”. L-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jirregola l-każijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal dħul u għal residenza ta’ membru tal-familja u jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiċħdu tali applikazjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. It-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jirregola l-każijiet ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ tiġdid ta’ awtorizzazzjoni maħruġa għal finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja billi jipprevedi li l‑Istati Membri jistgħu jirtiraw tali awtorizzazzjoni jew jirrifjutaw it-tiġdid tagħha għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku ( 35 ). Dan il-paragrafu jinkludi spjegazzjoni addizzjonali li timponi lill-Istati Membri, fl-eżerċizzju tas‑setgħa deċiżjonali tagħhom, li “[iqisu] is-severità jew tip ta’ offiża kontra l-politika pubblika” imwettqa mill-membru tal-familja jew il-perikoli li l-persuna li l-awtorizzazzjoni tagħha tkun ġiet irtirata jew it-tiġdid tagħha ġie rrifjutat “li huma kkawżati [tista’ tikkawża]” ( 36 ). La l‑Artikolu 6 u lanqas il-preambolu tad-Direttiva 2003/86 ma jinkludu definizzjoni tar‑raġunijiet ta’ ordni pubbliku.

33.

Mill-kliem tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/86 u mill-istruttura tagħha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħsieb jirregola b’mod distint il-każijiet ta’ rifjut ta’ dħul u ta’ residenza meta mqabbla mal‑każijiet ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza għal raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku. Fil-fatt, mill-kliem ta’ dan l‑artikolu ma jirriżultax li xi wieħed minn dawn il-każijiet huwa suġġett għall-eżistenza ta’ aġir personali tal-individwu kkonċernat li jikkostitwixxi perikolu reali, attwali u suffiċjentament serju li jaffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. L-użu tal-espressjoni “jista’”, mingħajr ma huwa determinanti, jidher iktar li jirreferi għal theddida li hija iktar potenzjali milli waħda li tkun seħħet ( 37 ).

34.

L-interpretazzjoni storika tad-Direttiva 2003/86 tirrileva li, jekk il-proposta ta’ direttiva kienet tipprevedi li kienet espliċitament tirreferi għal tali aġir, din ma kinitx l-għażla finali tal-leġiżlatur tal-Unjoni ( 38 ). La fil-każ tal-ewwel paragrafu u lanqas f’dak kopert mit-tieni paragrafu tal‑Artikolu 6 ta’ din id-direttiva il-leġiżlatur ma kellu l-intenzjoni li jnaqqas ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku li jistgħu jiġu invokati mill‑awtoritajiet nazzjonali għall-każijiet biss fejn l-aġir personali tal‑membru tal-familja kkonċernat jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà.

35.

Ċertament, ir-rapport “Relazzjoni bejn il-protezzjoni tas-sigurtà interna u l-osservanza tal-obbligi u tal-istrumenti internazzjonali fil-qasam tal‑protezzjoni”, ippreżentat mill-Kummissjoni fl-2000, ftit wara li nediet it-tliet proposti ta’ direttivi tagħha dwar l-immigrazzjoni legali, isemmi l-fatt li kull waħda minn dawn il-proposti – fosthom dik dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – tinkludi dispożizzjoni msejħa ta’ “ordni pubbliku” li għandha tintuża esklużivament, skont id‑dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, abbażi tal-aġir personali taċ‑ċittadin tal‑Istat terz ikkonċernat ( 39 ). Madankollu, dan ma għandux jaħbi l-fatt li l-assenza għal riferiment fid-Direttiva 2003/86 għal tali aġir hija r‑riżultat ta’ għażla intenzjonata tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

36.

Min-naħa tagħhom, il-Linji gwida għall-applikazzjoni tad‑Direttiva 2003/86 ippubblikati mill-Kummissjoni wara r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva ( 40 ) jindikaw li “[p]ersuna li tixtieq li tingħata riunifikazzjoni tal-familja ma għandhiex tikkostitwixxi theddida għall-politika pubblika” ( 41 ) filwaqt li jirrikonoxxu li d-definizzjoni tar-raġuni ta’ ordni pubbliku għandha tingħata fil-parti l-kbira tagħha lill-Istati Membri bl-osservanza tal-limiti stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, huma jirrikonoxxu wkoll applikazzjoni mutatis mutandis tal-ġurisprudenza relatata mal-ordni pubblika żviluppata fil-qafas tal‑interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l‑Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 42 ). Issa, huwa essenzjalment minn din il-ġurisprudenza li tnisslu d-dubji tal-qorti tar-rinviju inkwantu l-kunċett ta’ “theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà” ġie qabelxejn żviluppat, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward taċ-ċittadini tal‑Unjoni qabel ma ġie applikat b’xi bidliet żgħar għal sitwazzjonijiet oħra rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda li mhux neċessarjament kienu jikkonċernaw iċ-ċittadini tagħha. Peress li l-analiżi tad‑Direttiva 2003/86 ma żvelat l‑ebda indikazzjoni li timmilita lejn ir‑rekwiżit ta’ tali theddeda, issa ser ngħaddi għall-eżami tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2. Ir-rekwiżit ta’ theddida attwali, reali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà fil-preżenza ta’ suspett ta’ reat jew ta’ kundanna kriminali fil-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja

a) Espożizzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

37.

Kien fis-sentenza tagħha Bouchereau ( 43 ) li l-Qorti tal-Ġustizzja, għall‑ewwel darba, iddeċidiet li l-eżistenza ta’ kundanna kriminali ma tistax tintuża, għall-implimentazzjoni ta’ limitazzjoni għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Istati Membri għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ħlief sa fejn iċ-ċirkustanzi li taw lok għal din il-kundanna kienu juru “l‑eżistenza ta’ aġir personali li jikkostitwixxi theddida attwali għall‑ordni pubbliku” ( 44 ). Hija żiedet li għalkemm, “b’mod ġenerali, il‑konstatazzjoni ta’ theddida ta’ din in-natura timplika, fir-rigward tal‑individwu kkonċernat, tendenza li fil-futur ikompli b’dan l-aġir, huwa possibbli wkoll li fatt biss tal-aġir tal‑passat jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ theddida simili għall-ordni pubbliku” ( 45 ), element li għandu jiġi vverifikat mill-qrati nazzjonali “fid‑dawl tar-rekwiżit ġuridiku partikolari tal-persuni li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju u tan-natura fundamentali tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni” ( 46 ). Qabel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrilevat li d-direttiva li hija ntalbet tinterpreta, li kellha l-għan li tikkoordina s‑sistemi nazzjonali relatati mal-politika tal-barranin, kienet intiża li tipproteġi liċ-ċittadini tal-Istati Membri “kontra eżerċizzju tas-setgħat li jirriżulta mill-eċċezzjoni relatata mal-limitazzjonijiet iġġustifikati minħabba r-raġunijiet ta’ ordni pubbliku […] li jmur lil hinn mill‑bżonnijiet li jikkostitwixxu l-ġustifikazzjoni ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni” ( 47 ).

38.

Ir-rekwiżit sabiex deċiżjoni li tidderoga minn libertà fundamentali tkun ibbażata fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat li jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà għalhekk inizjalment żviluppa fil-kuntest tal-moviment liberu tal‑persuni, imbagħad ġie repetut ( 48 ), qabel ma ġie kkodifikat, kif kulħadd jaf, fid-Direttiva 2004/38 ( 49 ).

39.

Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi estendiet l‑applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit għal oqsma inqas direttament marbuta jew mhux marbuta b’mod assolut mal-moviment liberu taċ-ċittadini tal‑Unjoni.

40.

B’hekk, fis-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Spanja ( 50 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-istess direttiva bħal dik interpretata fis-sentenza Bouchereau ( 51 ) peress li jkun irrifjuta d-dħul fit-territorju tal-Unjoni lil ċittadin ta’ Stat terz konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni billi bbaża ruħu biss fuq iċ-ċirkustanza li dan iċ-ċittadin kien suġġett ta’ allert fis-sistema ta’ informazzjoni Schengen (SIS). Wara li fakkret li l‑eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku kienet tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni u li kellha tinftiehem b’mod ristrettiv mingħajr ma setgħet tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri ( 52 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-riferiment minn awtorità nazzjonali għall-kunċett ta’ “ordni pubbliku”“tippresupponi, f’kull każ, l‑eżistenza, minbarra l-inkwiet soċjali li kull infrazzjoni tal-liġi tinvolvi, ta’ theddida reali u serja biżżejjed, li taffettwa interess fundamentali tas‑soċjetà” ( 53 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza għamlet ukoll ir‑rabta bejn l-interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ ordni pubbliku u l‑protezzjoni tad-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni għar-rispett tal-ħajja tal-familja tiegħu ( 54 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rifjut ta’ dħul ta’ ċittadin ta’ Stat terz konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jistax jiġi prekluż ħlief jekk l-allert fis-SIS huwa kkorroborat minn informazzjoni li tippermetti li jiġi kkonstatat li l-preżenza ta’ dan iċ-ċittadin ta’ Stat terz tikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà ( 55 ).

41.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 7(4) tad‑Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil‑pajjiż illegalment ( 56 ), li jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jqassru t-terminu ta’ tluq volontarju meta l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi “riskju għall-ordni pubbliku”, dan il-kunċett ta’ ordni pubbliku għandu jkun evalwat każ b’każ, filwaqt li jiġi vverifikat jekk l-aġir personali taċ-ċittadin ta’ Stat terz ikkonċernat jikkostitwixxix perikolu reali u attwali għall-ordni pubbliku ( 57 ). Filwaqt li eskludiet kull prassi bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali jew kwalunkwe preżunzjoni, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li tali ċittadin “huwa ssuspettat li wettaq att punibbli kklassifikat bħala reat fid-dritt nazzjonali jew kien suġġett ta’ sentenza kriminali għal tali att ma jistax, waħdu, jiġġustifika li dan iċ-ċittadin jitqies ta’ riskju għall-ordni pubbliku fis-sens tal‑Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115” ( 58 ). Madankollu, Stat Membru jista’ jikkonstata l-eżistenza ta’ perikolu għall-ordni pubbliku f’każ ta’ kundanna kriminali meta din il-kundanna “meħuda flimkien ma’ ċirkustanzi oħra relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, tiġġustifika tali konstatazzjoni” ( 59 ). Fl-istess spirtu, is-sempliċi suspett li tali ċittadin wettaq delitt gravissimu jew reat jista’, “flimkien ma’ fatturi oħra relatati mal-każ partikolari” ( 60 ) ikun il-bażi ta’ konstatazzjoni ta’ perikolu għall-ordni pubbliku, dejjem fis-sens tad‑dispożizzjoni kkonċernata. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Istati Membri jibqgħu essenzjalment liberi li jiddeterminaw ir-rekwiżiti tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku” konformement mal-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom ( 61 ). F’dan il-kuntest, l-applikazzjoni tas-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza Bouchereau ( 62 ) ma tidhirx iġġustifikata la mid-deroga għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u lanqas mid-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja iżda mill-fatt li din id‑direttiva tistabbilixxi deroga għall-obbligu kkonċepit bil‑għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ Stati terzi waqt it-tkeċċija tagħhom mill-Unjoni ( 63 ).

42.

Fis-sentenza tagħha N. ( 64 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil‑ġurisprudenza stabbilita dwar il-kunċett ta’ ordni pubbliku, li jippreżupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra t-taqlib għall‑ordni soċjali li jikkostitwixxi ksur tal-liġi, theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà ( 65 ) sabiex tapplikah fil-kuntest tal‑interpretazzjoni tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l‑akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ( 66 ). Għalhekk, it-tqegħid jew iż-żamma f’detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali għal raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku huwa ġġustifikat biss “bil-kundizzjoni li l-aġir individwali tiegħu jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà” ( 67 ). Hawnhekk, huwa minħabba n-natura eċċezzjonali tad-detenzjoni, li tintuża biss bħala miżura aħħarija ( 68 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tillimita b’mod strett is-setgħa rrikonoxxuta lill-awtoritajiet nazzjonali ( 69 ).

43.

Mitluba, fis-sentenza T. ( 70 ), sabiex tinterpreta r-raġuni ta’ ordni pubbliku fil-kuntest tad-Direttiva 2004/83/KE ( 71 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li rrilevat li din id-direttiva ma kinitx tiddefinixxi l-ordni pubbliku, fakkret l-interpretazzjoni li hija kienet diġà pprovdiet ta’ dan il-kunċett fil-kuntest tad‑Direttiva 2004/38. Minkejja li dawn iż-żewġ direttivi għandhom għanijiet differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisprudenza żviluppata fir-rigward ta’ din tal-aħħar kienet rilevanti f’dan il-każ peress li “l-portata tal-protezzjoni li soċjetà tkun trid toffri lill-interessi fundamentali tagħha ma tistax tvarja skont l-istatus legali tal-persuna li tattakka dawn l-interessi”. Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad iddeċidiet li awtorità nazzjonali ma setgħetx tibbaża ruħha, sabiex tirrevoka l‑permess ta’ residenza lil refuġjat għal raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku, sempliċement fuq il-fatt li jappoġġja organizzazzjoni terroristika meta, f’każ bħal dan, l-imsemmija awtorità ma twettaqx “evalwazzjoni individwali ta’ fatti speċifiċi” ( 72 ).

b) Konklużjoni għall-analiżi tiegħi

44.

Jekk f’dan l-istadju, għandu jsir tentattiv ta’ sistematizzazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, jista’ jiġi argumentat li l-Qorti tal-Ġustizzja ġġeneralizzat is‑soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza Bouchereau ( 73 ) sabiex tinterpreta b’mod uniformi r-raġunijiet ta’ ordni pubbliku invokati sabiex tiġi implimentata deroga għal libertà fundamentali jew għal dritt fundamentali. Għalhekk, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” fi kwalunke każ jirrikjedi l-eżistenza ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà bbażata fuq l‑aġir personali tal-individwu kkonċernat.

45.

Tali konstatazzjoni madankollu jidhirli li hija ftit mgħaġġla.

46.

Qabelxejn tqum il-kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ rikonċiljazzjoni ta’ tali ġeneralizzazzjoni tar-rekwiżit ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà flimkien ma’ element ieħor li jinsab spiss fil‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, ċertament, ma huwiex possibbli li tingħata definizzjoni unilaterali tar-raġunijiet ta’ ordni pubbliku mill‑Istati Membri, iżda dawn tal-aħħar xorta jibqgħu liberi li jistabbilixxu r-rekwiżiti tal-ordni pubbliku skont il-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom ( 74 ).

47.

Sussegwentement, tali konstatazzjoni tostakola prassi ġurisprudenzjali oħra stabbilita bis-sentenza Fahimian ( 75 ). Din is-sentenza kienet tirrigwarda jekk Stat Membru setax jirrifjuta d-dħul ta’ ċittadina Iranjana li kienet qiegħda titlob viża għal finijiet ta’ studju ( 76 ) fil-Ġermanja minħabba raġunijiet ibbażati fuq is-sigurtà pubblika mingħajr ma neċessarjament jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-aġir personali tal‑persuna kkonċernata u t-theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà li dan l-aġir għandu jikkostitwixxi. Issa, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament eskludiet l-applikazzjoni tas-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza Bouchereau ( 77 ) għal żewġ raġunijiet essenzjali: l-ewwel nett, għaliex waħda mill‑premessi tad-direttiva inkwistjoni kienet tirrikjedi li t-theddida tista’ tkun biss potenzjali ( 78 ); imbagħad, għaliex l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant għal viża kienet timplika min‑naħa tal-awtoritajiet, evalwazzjonijiet kumplessi u li konsegwentement kellu jitħalla marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-awtoritajiet nazzjonali waqt l‑evalwazzjoni tal-fatti rilevanti ( 79 ).

48.

Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Fahimian ( 80 ), l-Avukat Ġenerali Szpunar kien irrileva li l-kuntest f’din il-kawża kien “sempliċement differenti minn dak tas-suq intern” u li “[i]l-kuntest speċifiku tad-dritt dwar l-immigrazzjoni tal-Unjoni Ewropea jimplika li ċittadin ta’ pajjiż terz ma jibbenefikax mill-istess drittijiet bħal ċittadin ta’ Stat Membru, jiġifieri ċittadin tal-Unjoni Ewropea” ( 81 ).

49.

Fil-fatt, hemm żewġ possibbiltajiet. Jew nistgħu nippreżentaw ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku bħala ċrieki konċentriċi li fihom iċ-ċittadin tal-Unjoni huwa l-epiċentru. Iktar ma jitbiegħed minn dan iċ-ċentru u mill-istatus fundamentali rrikonoxxut liċ-ċittadin tal‑Unjoni, iktar huwa wiesa’ l-marġni ta’ diskrezzjoni li jitħalla lill-Istati Membri dwar ir-raġuni ta’ ordni pubbliku.

50.

Inkella jista’ jiġi kkunsidrat li l-marġni tal-Istati Membri huwa limitat peress li għandu jiġi eżerċitat fil-qafas ta’ restrizzjoni għal dritt fundamentali, bħal, f’dan il-każ, id-dritt għal ħajja tal-familja protett bl-Artikolu 7 tal-Karta u bl-Artikolu 8 tal-KEDB. F’dan il-każ, dak li d-dritt tal-Unjoni jipproteġi għalhekk b’mod partikolari ma huwiex tant l-istatus fundamentali taċ-ċittadin tal-Unjoni iżda d-detenturi tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, li ma humiex limitati biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

51.

Issa, bħall-Avukat Ġenerali Szpunar, nikkunsidra li għandha tiġi kkunsidrata d-differenza fil-kuntest li jikkaratterizza lil dawn il-kawżi meta mqabbla ma’ dik li tat lok għas-sentenza Bouchereau ( 82 ). Din id‑differenza, li tirriżulta b’mod partikolari mill-bażi legali tad‑Direttiva 2003/86 imfakkra iktar ’il fuq ( 83 ), li magħha jiżdied in‑nuqqas ta’ riferiment espress ( 84 ), fit-test tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, għal tali rekwiżit li jirriżulta, kif rajna, minn volontà manifesta tal-leġiżlatur Unjoni, tipprekludi, fl-opinjoni tiegħi, traspożizzjoni tas-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza Bouchereau ( 85 ) fil-kawżi li huma llum mressqa għall-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja.

52.

Minkejja dan, mingħajr ma tintalab motivazzjoni bbażata fuq l‑aġir personali taċ-ċittadin ta’ Stat terz li għandu jikkostitwixxi theddida attwali, reali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, nibqa’ konvint li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali jista’ xorta jingħata b’mod ieħor sabiex titneħħa kull arbitrarjetà u tiġi żgurata t-tgawdija tad-drittijiet fundamentali li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandhom.

3. Il-qafas tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri

53.

Fl-opinjoni tiegħi, dan il-qafas jirriżulta b’mod suffiċjenti mill‑elementi li ġejjin.

54.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-Direttiva 2003/86, il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-riunifikazzjoni tal-familja tkopri kemm il-formazzjoni ta’ familja kif ukoll il-preżervazzjoni tal-għaqda tal‑familja. ( 86 ). Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija r‑regola ġenerali, b’tali mod li l-użu tal-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri sabiex, jekk ikun il-każ, jidderogaw minnha, ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan stess tad‑Direttiva 2003/86, li huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal‑familja, u l-effettività tagħha ( 87 ).

55.

Fit-tieni lok, kif irrilevajt iktar ’il fuq, id-Direttiva 2003/86 taqa’ taħt l-awspiċi tal-Artikolu 8 tal-KEDB li jikkorrispondi mal-Artikolu 7 tal-Karta ( 88 ). Sabiex jirrispettaw l-Artikolu 8 tal-KEDB, il-Qorti EDB iddeċidiet li d-deċiżjonijiet tal-Istati kontraenti għandhom “jirriżultaw neċessarji f’soċjetà demokratika, jiġifieri ġġustifikati minn bżonn soċjali imperattiv u b’mod partikolari proporzjonat għall-għan leġittimu li għandu jintlaħaq” ( 89 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti EDB tiżgura ruħha għalhekk li d-deċiżjonijiet ikkonċernati josservaw “ekwilibriju ġust bejn l-interessi inkwistjoni, jiġifieri, minn naħa waħda, id-dritt tal-persuna kkonċernata għar-rispett tal-ħajja tal‑familja tagħha, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-ordni pubbliku u l-prevenzjoni ta’ reati kriminali” ( 90 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għal dan, hija ddefinixxiet “prinċipji ta’ gwida sabiex jiġi eżaminat jekk il-miżura kinitx neċessarja f’soċjetà demokratika” ( 91 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, il-Qorti EDB tikkunsidra s‑sitwazzjoni partikolari tal-individwu prevista mid-deċiżjoni kkontestata u b’mod partikolari “in-natura u l-gravità tal-ksur imwettaq […], it-tul tar-residenza tiegħu fil-pajjiż li minnu se jitkeċċa, il-perijodu li għadda minn meta twettaq ir-reat kif ukoll l-aġir tal-persuna kkonċernata matul dan il-perijodu, in-nazzjonalità tad-diversi persuni kkonċernati, is‑sitwazzjoni tal-familja […] pereżempju t-tul [taż-]żwieġ, u elementi oħra li juru natura effettiva tal-ħajja tal-familja ta’ koppja, jekk il‑konjuġi kienx jaf bir-reat fil-bidu tar-relazzjoni tal-familja, it-twelid ta’ ulied leġittimi u, jekk ikun il-każ, l-età tagħhom” ( 92 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ma’ dan jiżdied l-eżami tal-“gravità tad-diffikultajiet li l-konjuġi jirriskja li jiltaqa’ magħhom fil-pajjiż tal-oriġini tar-raġel jew tal-mara tiegħu” ( 93 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

56.

Fit-tielet lok, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tad‑Direttiva 2003/86 jitlob lill-Istati Membri li jqisu, fil-mument li jiġi rtirat permess ta’ residenza jew jiġi rrifjutat it-tiġdid għal raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku, “is-severita jew tip ta’ offiża kontra l-politika pubblika […] magħmula mill-membru tal-familja, jew il-perikoli li huma kkawżati (imnisslin) minn persuna tali”. Il-partijiet f’din il‑proċedura għandhom opinjonijiet diverġenti dwar jekk dan is‑subparagrafu japplikax biss fil-każ ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal‑Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, jew anki fil-każ ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal‑Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għad‑dħul. Fid-dawl tal-istruttura tal-Artikolu 6(2) tal-istess direttiva, jista’ jiġi konkluż li l-osservanza tat-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni hija mitluba biss fil-każ ta’ deċiżjoni li tirrigwarda membru tal-familja diġà preżenti fit‑territorju tal-Unjoni. Madankollu, peress li d-Direttiva 2003/86 għandha tiġi implimentata skont l-Artikolu 8 tal-QEDB kif interpretat mill-Qorti EDB ( 94 ), u din tal-aħħar tippreskrivi speċifikament li tali elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u ma jiġux ristretti biss għall-każijiet ta’ rtirar ta’ permess ta’ residenza jew ta’ rifjut tat-tiġdid tiegħu ( 95 ), jidhru rilevanti wkoll fil-mument li tittieħed deċiżjoni dwar talba għal permess ta’ residenza sabiex persuna tkun tista’ tidħol fit‑territorju tal-Unjoni għal finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

57.

Fir-raba’ lok, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li, fil-każ ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza, ta’ rtirar jew ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-permess tar-residenza – kemm fil-każijiet kollha msemmija fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva – kif ukoll f’każ ta’ tkeċċija tal-isponsor jew ta’ membri tal-familja tiegħu, “[l]-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l‑eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini”.

58.

Fil-ħames lok, finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/86 u, b’mod partikolari, fil‑mument li teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni li din tal-aħħar tagħtihom, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 96 ).

4. Applikazzjoni għall-każijiet inkwistjoni

59.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2003/86 jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali jevalwaw kull sitwazzjoni individwali skont iċ-ċirkustanzi li jikkaratterizawha. Minħabba l-effett ta’ deċiżjoni adottata fuq din il-bażi fuq id-dritt għar‑riunifikazzjoni tal-familja, u sabiex jiġi ppriżervat l-effett utili ta’ din id‑direttiva, kull prassi deċiżjonali li fir-realtà twassal għal ċaħdiet sistematiċi bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali – għalhekk mingħajr rabta mas-sitwazzjoni individwali li għandha tiġi eżaminata – jew fuq preżunzjonijiet hija kuntrarja għal din id-dispożizzjoni.

60.

Jonqos għalhekk li jiġi vverfikat jekk, fid-dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet, il-prassi tal-awtoritajiet Olandiżi, li huma marbuta, fit-teħid tad-deċiżjoni tagħhom, mill-qafas ta’ evalwazzjoni ddefinit bid-dritt nazzjonali, tistax tkun konformi ma’ dawn il‑preskrizzjonijiet. Jekk dan id-dover jaqa’, fl-ewwel lok, fuq il-qorti tar-rinviju, minn issa jistgħu jingħataw l-elementi ta’ analiżi li ġejjin.

61.

F’dak li jirrigwarda l-każ ta’ G.S., l-awtorizzazzjoni ta’ residenza tiegħu bħala membru tal-familja diġà preżenti fit-territorju tal-Unjoni setgħet tiġi rtirata mill-awtoritajiet Olandiżi għal raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku peress li kien jirrappreżenta perikolu għall-ordni pubbliku. Sabiex jagħmlu dan, dawn l-awtoritajiet irrikorrew għal skala mobbli li tippermetti li jiġi stabbilit jekk, ladarba tingħata deċiżjoni kriminali definittiva, jistax jiġi kkunsidrat l-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Din l-iskala tipparaguna s-severità tal-piena mat-tul tar-residenza. Fi kliem ieħor, iktar maċ‑ċittadin ta’ Stat terz ikun irrisjeda fit-tul u b’mod regolari fil‑Pajjiżi l-Baxxi, iktar ikun protett kontra deċiżjoni ta’ rtirar. Skont il‑Gvern Olandiż, huma biss il-każijiet li fihom wieħed mil-limiti indikati huwa milħuq li jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni globali sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx lok li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni ta’ residenza, b’tali mod li ma jidhirx li kien hemm awtomatiċità bejn l-għoti tal-piena li t-tul tagħha jirriżulta sinjifikattiv meta mqabbel mat-tul tar-residenza fil‑Pajjiżi l‑Baxxi u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Jeżistu tliet skali mobbli differenti, jiġifieri wieħed għal reati minuri (inqas minn sitt snin ta’ priġunerija), wieħed għal reati serji (iktar minn sitt snin ta’ priġunerija) u wieħed, fl-aħħar nett, għall-każijiet ta’ reċidiva. F’każ ta’ residenza ta’ tul ta’ iktar minn għaxar snin, l-awtorizzazzjoni ta’ residenza tiġi rtirata biss f’każ ta’ reat serji ħafna. Fil-każ ta’ G.S., l-irtirar seta’ jiġi kkunsidrat biss f’każ ta’ kundanna definittiva għal piena ta’ mill-inqas tliet snin ta’ priġunerija f’każ ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ tul ugwali għal jew iktar minn tlett snin. Il-Gvern Olandiż jinsisti fuq il-fatt li, anki f’ċirkustanzi simili, l-irtirar ma huwiex awtomatiku u li l-iskali mobbli jservu biss sabiex jiġu stabbiliti l-każijiet li fihom irtirar huwa possibbli, mingħajr għaldaqstant li dawn jeżentaw lill‑awtoritajiet nazzjonali mill-obbligu tagħhom li jibbilanċjaw, sussegwentement, l-interessi inkwistjoni, filwaqt li jevalwaw b’mod partikolari l-kriterji użati mill-Qorti EDB fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-KEDB, qabel ma jiddeċiedu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha minn dan in-nuqqas ta’ awtomatiċità u li deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza hija effettivament immotivata abbażi ta’ fatti u ta’ ċirkustanzi speċifiċi fil‑każ inkwistjoni. Bla ħsara għal din il-verifika, l-Artikolu 6(2) tad‑Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 17 ta’ din l-istess direttiva, għalhekk ma jidhirx li jmur kontra l-qafas ta’ evalwazzjoni ddefinit mid-dritt Olandiż sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jiġu ggwidati fit‑teħid ta’ deċiżjoni tagħhom.

62.

F’dak li jirrigwarda lil V.G., mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rifjut li jinħariġlu permess ta’ residenza kien fondat fuq il‑fatt li kien jirrappreżenta perikolu għall-ordni pubbliku Olandiż. L‑awtoritajiet Olandiżi bbażaw ruħhom fuq il-kundanni ta’ V.G. għal piena ta’ xogħol fl-2010 u għal multi fl-2000, fl-2008 u fl-2009. Jekk l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma tistax iktar, bħala regola, tiġi miċħuda meta jkunu għaddew ħames snin mid-data tal-aħħar delitt gravissimu jew reat imwettaq, il-qorti tar-rinviju tindika li tali regola ma kinitx tapplika għal V.G. peress li huwa kien ġie kkundannat fi stat ta’ reċediva. Issa, jekk il-konstatazzjoni biss ta’ kundanna fi stat ta’ reċediva kellha tkun biżżejjed sabiex awtomatikament tiġi miċħuda applikazzjoni għal dħul ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin ieħor ta’ Stat terz ( 97 ) diġà preżenti fit‑territorju tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li tali regola tmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/86 moqri flimkien mal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva ( 98 ). Jekk, kif isostni l-Gvern Olandiż, iċ-ċaħda ta’ tali applikazzjoni għal dawn il-motivi finalment ma kellhiex tidher awtomatika – fatt li għandu jiġi żgurat mill-qorti tar-rinviju – peress li l-awtoritajiet Olandiżi huma obbligati wkoll jibbilanċjaw l‑interessi inkwistjoni, jiġifieri l-protezzjoni tal-ordni pubbliku mad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja tiegħu, billi jsegwu b’mod partikolari l‑kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u mfakkra hawn fuq u billi jipproċedu għal evalwazzjoni ta’ kull każ skont fatti u ċirkustanzi speċifiċi magħrufa mill-awtoritajiet ( 99 ), allura tali prassi deċiżjonarja tirriżulta wkoll konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

V. Konklużjoni

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod segwenti:

1)

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont l‑Artikolu 267 TFUE, sabiex tinterpreta l-Artikolu 6 tad‑Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar ir-rifjut ta’ applikazzjoni għal dħul u għal residenza li ma ngħatatx lil ċittadin ta’ Stat terz membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma eżerċitax il-libertà ta’ moviment liberu tiegħu peress li din id-dispożizzjoni ġiet reża applikabbli għal tali sitwazzjonijiet b’mod dirett u inkundizzjonali mid dritt nazzjonali.

2)

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal‑Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, ma jipprekludix prassi nazzjonali li permezz tagħha ċittadin ta’ Stat terz, li għandu awtorizzazzjoni ta’ residenza għal finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin ieħor ta’ Stat terz preżenti fit-territorju tal-Unjoni, li kien is-suġġett ta’ kundanna għal piena ta’ priġunerija, jingħata deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ residenza tiegħu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku meta l-evalwazzjoni każ b’każ mill‑awtoritajiet nazzjonali hija bbażata mhux biss fuq il-gravità tar-reat imwettaq u tal-piena mogħtija fir-rigward tiegħu, li għandha tiġi pparagunata mat-tul tar-residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iżda wkoll fuq ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni. Għal dan il-għan, l-imsemmija awtoritajiet għandhom debitament jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, tan-natura u tas-solidità tar-rabtiet tal-familja kif ukoll tal-eżistenza ta’ rabtiet tal-familja, kulturali u soċjali fil-pajjiż ta’ oriġini taċ-ċittadin ta’ Stat terzi li fil-konfront tiegħu jikkunsidraw li jirtiraw jew li ma jġeddux l-awtorizzazzjoni ta’ residenza tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-prassi tal‑awtoritajiet nazzjonali hija konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti.

3)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal‑Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, ma jipprekludix prassi nazzjonali li permezz tagħha ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin ieħor ta’ Stat terz preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru, u li jixtieq jingħaqad magħhom bis-saħħa tar-riunifikazzjoni tal-familja, li kien is-suġġett ta’ diversi kundanni kriminali fi stat ta’ reċediva, jingħata deċiżjoni ta’ rifjut ta’ ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza meta l-evalwazzjoni każ b’każ tal‑awtoritajiet nazzjonali hija bbażata mhux biss fuq il-passat kriminali tal-applikant, iżda wkoll fuq ibbilanċjar ta’ interessi inkwistjoni. Għal dan il-għan, l-imsemmija awtoritajiet għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għad‑dispożizzjoni tagħhom u, b’mod partikolari, in-natura u s-solidità tar-rabtiet tal-familja kif ukoll tal-eżistenza ta’ rabtiet tal-familija, kulturali u soċjali fil-pajjiż ta’ oriġini. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-prassi tal-awtoritajiet nazzjonali hija konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.

( 3 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A (C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 46 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 4 ) Stb. 2000, 497.

( 5 ) Stb. 2000, 495.

( 6 ) Għal iktar dettalji dwar din l-iskala mobbli, ara l-punt 61 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

( 7 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015 (C‑554/13, EU:C:2015:377).

( 8 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015 (C‑373/13, EU:C:2015:413).

( 9 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015 (C‑554/13, EU:C:2015:377).

( 10 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015 (C‑373/13, EU:C:2015:413).

( 11 ) Il-qorti tar-rinviju hawnhekk tinvoka b’mod partikolari s-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 79) u tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 65).

( 12 ) Rispettivament Qorti EDB, 2 ta’ Awwissu 2001 (CE:ECHR:2001:0802JUD005427300) u Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2006 (CE:ECHR:2006:1018JUD004641099), iktar ’il quddiem, rispettivament, is‑“sentenza Boultif” u s-“sentenza Üner”.

( 13 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006 (C‑540/03, EU:C:2006:429).

( 14 ) Sentenza tal-4 ta’ April 2017 (C‑544/15, EU:C:2017:255).

( 15 ) Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012 (C‑583/10, EU:C:2012:638).

( 16 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013 (C‑84/12, EU:C:2013:862).

( 17 ) Sentenza tal-4 ta’ April 2017 (C‑544/15, EU:C:2017:255).

( 18 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013 (C‑84/12, EU:C:2013:862).

( 19 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015 (C‑554/13, EU:C:2015:377).

( 20 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015 (C‑373/13, EU:C:2015:413).

( 21 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016 (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84).

( 22 ) Il-qorti tinvoka wkoll is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117).

( 23 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 27).

( 24 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018 (C‑257/17, EU:C:2018:876).

( 25 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018 (C‑257/17, EU:C:2018:876).

( 26 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018 (C‑257/17, EU:C:2018:876).

( 27 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A (C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 39).

( 28 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A (C‑257/17, EU:C:2018:876).

( 29 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 44).

( 30 ) Premessa 4 tad-Direttiva 2003/86.

( 31 ) Premessa 14 tad-Direttiva 2003/86.

( 32 ) Ara l-premessa 14 tad-Direttiva 2003/86.

( 33 ) Ara l-premessa 14 tad-Direttiva 2003/86.

( 34 ) Fost ġurisprudenza abbundanti, ara s-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 58), u tal-4 ta’ April 2017, Fahimian (C‑544/15, EU:C:2017:255, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/86.

( 36 ) Korsiv miżjud minni.

( 37 ) Ir-raġuni li għaliha dan ma jistax ikun determinanti hija li l-verżjonijiet lingwistiċi ma jidhirx li kollha jinkludu din l-isfumatura sa fejn – mingħajr ma nkun eżawrjenti – it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/86 jirreferi għal “peligro que impliqua dicha persona” (verżjoni Spanjola), għall-“pericoli rappresentati da questa persona” (verżjoni Taljana), għall-“het risico dat van die persoon uitgaat” (verżjoni Olandiża) jew inkella għall-“dangers that are emanating from such person” (verżjoni Ingliża).

( 38 ) Ara, bħala paragun, l-Artikolu 6(3) tal-proposta emendata tad-Direttiva tal-Kunsill dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (COM(2002) 225 final (ĠU 2002, C 203 E, p. 136)) u l-Artikolu 8(2) tal-proposta emendata tad-Direttiva tal-Kunsill dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (COM(2000) 624 final (ĠU 2001, C 62 E, p. 99)).

( 39 ) Ara l-punt 4.4 tar-“ Relazzjoni bejn il-protezzjoni tas-sigurtà interna u l-osservanza tal-obbligi u tal-istrumenti internazzjonali fil-qasam tal‑protezzjoni” dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni (COM(2001) 743 finali tal-5 ta’ Diċembru 2001).

( 40 ) Rispettivament Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja (COM(2014) 210 finali tat‑3 ta’ April 2014) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86”) u Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad‑Direttiva 2003/86 (COM(2008) 610 finali tat-8 ta’ Ottubru 2008).

( 41 ) Punt 4.1 tal-Linji Gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86.

( 42 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

( 43 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977 (30/77, EU:C:1977:172).

( 44 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 28). Tali rekwiżit kien diġà ġie stabbilit fis-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (36/75, EU:C:1975:137) fir-rigward ta’ deċiżjoni li tirrestrinġi l-libertà ta’ moviment fi Franza ta’ ċittadin Taljan minħabba l-attivitajiet politiċi u sindikali tiegħu (ara, b’mod partikolari, il-punt 28 ta’ din is-sentenza).

( 45 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 29).

( 46 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 30).

( 47 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 15).

( 48 ) Fost ġurisprudenza abbundanti, ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C-493/01, EU:C:2004:262, punt 66).

( 49 ) Ara b’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38.

( 50 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006 (C‑503/03, EU:C:2006:74).

( 51 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977 (30/77, EU:C:1977:172).

( 52 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑503/03, EU:C:2006:74, punt 45).

( 53 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑503/03, EU:C:2006:74, punt 46). Korsiv miżjud minni.

( 54 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑503/03, EU:C:2006:74, punt 47).

( 55 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑503/03, EU:C:2006:74, punt 53; ara wkoll il-punt 55).

( 56 ) ĠU 2008, L 348, p. 98.

( 57 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 50).

( 58 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 50). Korsiv miżjud minni.

( 59 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 51). Korsiv miżjud minni.

( 60 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C-554/13, EU:C:2015:377, punt 52).

( 61 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C-554/13, EU:C:2015:377, punt 52).

( 62 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977 (30/77, EU:C:1977:172).

( 63 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 48).

( 64 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016 (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84). F’din il-kawża, ir‑rikorrent fil-kawża prinċipali, bejn l-1999 u l-2015, kien ġie kkundannat għal 21 darba għal diversi reati.

( 65 ) Ara l-punt 65 tas-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84).

( 66 ) ĠU 2013, L 180, p. 96. B’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84) kienet tirrigwarda l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33.

( 67 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 67).

( 68 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 63).

( 69 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 64).

( 70 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015 (C‑373/13, EU:C:2015:413).

( 71 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 7. p. 96).

( 72 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 89).

( 73 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977 (30/77, EU:C:1977:172).

( 74 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 48).

( 75 ) Sentenza tal-4 ta’ April 2017 (C‑544/15, EU:C:2017:255).

( 76 ) It-talba għal visa kienet ibbażata fuq id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ cittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU 2006, L 153M, p. 330).

( 77 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977 (30/77, EU:C:1977:172).

( 78 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ April 2017, Fahimian (C‑544/15, EU:C:2017:255, punt 40).

( 79 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ April 2017, Fahimian (C‑544/15, EU:C:2017:255, punti 4142).

( 80 ) Sentenza tal-4 ta’ April 2017 (C‑544/15, EU:C:2017:255).

( 81 ) Punt 59 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Fahimian (C‑544/15, EU:C:2016:908). Ara, fuq l-istess linji, il-punt 119 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawżi magħquda K. U H. (C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2017:973).

( 82 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977 (30/77, EU:C:1977:172).

( 83 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 84 ) Differenti b’mod notevoli mid-Direttiva 2004/38.

( 85 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977 (30/77, EU:C:1977:172).

( 86 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 62).

( 87 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 43). Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A (C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 50).

( 88 ) Ara l-ispjegazzjonijiet għall-Artikolu 7 tal-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 2).

( 89 ) Sentenza Boultif vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2001:0802JUD005427300, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 90 ) Sentenza Boultif vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2001:0802JUD005427300, punt 47).

( 91 ) Sentenza Boultif vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2001:0802JUD005427300, punt 48).

( 92 ) Sentenza Qorti EDB, 2 ta’ Awwissu 2001, Boultif vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2001:0802JUD005427300, punt 48). Ara wkoll Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2006, Üner vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2005:0705JUD004641099, punt 57). Il-kriterji użati mill-Qorti EDB reċentement reġgħu ġew repetuti: ara Qorti EDB, 9 ta’ April 2019, I.M. vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2019:0409JUD002388716, punti 69 u 70).

( 93 ) Qorti EDB, 2 ta’ Awwissu 2001, Boultif vs L-Isvizzera (ECLI:CE:ECHR:2001:0802JUD005427300, punt 48). Ara wkoll Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2006, Üner vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (ECLI:CE:ECHR:2005:0705JUD004641099, punt 57).

( 94 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 44).

( 95 ) Għal applikazzjoni tal-kriterji użati fis-sentenzi Boultif u Üner għal deċiżjoni li tiċħad talba għal permess ta’ residenza, ara l-Qorti EDB, 1 ta’ Marzu 2018, Ejimson vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2018:0301JUD005868112, punti 56 u 57).

( 96 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A (C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 51).

( 97 ) Jew ta’ ċittadin nazzjonali, bħal fil-każ inkwistjoni.

( 98 ) Jekk din kellha tkun il-prassi tal-awtoritajiet nazzjonali, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tgħid li l-perijodu li għadda mit-twettiq tar-reat u l-aġir tal-persuna kkonċernata matul dan il-perijodu għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kkunsidrati ma tkunx kompletament osservata.

( 99 ) Fil-każ ta’ applikazzjoni għal dħul għall-ewwel darba, l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jipproċedu għall-evalwazzjoni tal-każ partikolari tista’, fil-fatt, tkun iktar limitata.

Top