EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0298

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2019.
Reiner Grafe u Jürgen Pohle vs Südbrandenburger Nahverkehrs GmbH u OSL Bus GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Arbeitsgericht Cottbus - Kammern Senftenberg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KE – Artikolu 1(1) – Trasferiment ta’ impriża – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Operat ta’ rotot tal-karozzi tal-linja – Trasferiment tal-persunal – Assenza ta’ trasferiment tar-riżorsi operattivi – Motivi.
Kawża C-298/18.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:593

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil‑11 ta’ Lulju 2019 ( 1 )

Kawża C‑298/18

Reiner Grafe,

Jürgen Pohle

vs

Südbrandenburger Nahverkehrs GmbH,

OSL Bus GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht Cottbus - Kammern Senftenberg (il-Qorti Industrijali ta’ Cottbus, l-Awli ta’ Senftenberg, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2001/23/KE — Trasferimenti ta’ impriżi jew negozji — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema — L-operat ta’ servizzi tat-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja — It-trasferiment lil impriża ġdida ta’ attivitajiet operati minn impriża oħra wara proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi”

1. 

Id-Direttiva 2001/23/KE ( 2 ) tikkodifika d-Direttiva 77/187/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji ( 3 ). Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Arbeitsgericht Cottbuss —(il-Qorti Industrijali ta’ Cottbus, il-Ġermanja), hija mressqa fi proċeduri mressqin minn R. Grafe u J. Pohle kontra Südbrandenburger Nahverkehrs GmbH (iktar ’il quddiem “SBN”), l-ex operatur ta’ servizz lokali bil-karozzi tal-linja, u OSL Bus GmbH (iktar ’il quddiem “OSL Bus”), l-operatur il-ġdid ta’ dan is-servizz.

2. 

Il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex gwida dwar jekk kienx hemm trasferiment ta’ impriża fis-sens tad-Direttiva 2001/23 fejn ma kienx hemm trasferiment sinjifikattiv ta’ assi tanġibbli, iżda l-maġġoranza tal-persunal impjegat mill-ex operatur ġew irreklutati mill-operatur il-ġdid. Hija tistaqsi wkoll jekk is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Liikenne ( 4 ), li kkonċernat l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirregola d-drittijiet tal-ħaddiema f’każijiet ta’ trasferiment ta’ impriżi li jirrelataw mal-operat ta’ servizz tat-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja, għandhiex tapplika hawn.

Id-Direttiva 2001/23

3.

Id-dikjarazzjonijiet segwenti saru fil-premessi għad-Direttiva 2001/23: L-ewwel nett, f’każ ta’ tibdil tal-persuna li timpjega huwa neċessarju li tiġi prevista l-protezzjoni tal-ħaddiema, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom jinżammu ( 5 ). Fit-tieni lok, il-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema ( 6 ) tipprevedi li “[l]-kompletazzjoni tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet ta’ l-għixien u tax-xogħol tal-ħaddiema [f’dik li dak iż-żmien kienet il-]Komunità Ewropea. It-titjib għandu jkopri, meta neċessarju, l-iżvilupp ta’ ċerti aspetti tar-regolamenti ta’ l-impjieg bħal proċeduri għall-disimpieg kollettiv u dawk li jirrigwardjaw fallimenti […]” ( 7 ). Fit-tielet lok, id-Direttiva 77/187 ġiet adottata fl‑1977 biex tippromwovi, inter alia, l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-ħaddiema ( 8 ).

4.

L-Artikolu 1(1)(a) jgħid li d-Direttiva 2001/23 tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju, jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali. Skont l-Artikolu 1(1)(b), “[…] ikun hemm trasferiment fis-sens [tad-Direttiva 2001/23] meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le”. L-Artikolu 1(1)(ċ) jipprevedi li d-direttiva tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk jaħdmu għall-qligħ kemm jekk le. Skont l-Artikolu 1(2), id-Direttiva 2001/23 tapplika meta u sakemm l-impriża, in-negozju jew il-parti tal-impriża jew tan-negozju ttrasferiti jinsabu fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattat.

5.

Id-definizzjonijiet segwenti huma stabbiliti fl-Artikolu 2. “[M]in jagħmel it-trasferiment” huwa “kull persuna fiżika jew ġuridika li, għar-raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), ma tibqax il-persuna li timpjega għar-rigward ta’ l-impriża, in-negozju jew il-parti ta’ impriża jew negozju”; “min lilu jsir trasferiment” ifisser “kull persuna fiżika jew ġuridika li, għal raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), isir dak li jimpjega f’dak li jirrigwarda l-impriża, n-negozju jew parti ta’ impriża jew negozju”; u “impjegat” għandu jfisser “kull persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegata taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-impjieg” ( 9 ).

6.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jistabbilixxi li “[i]d-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment”. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) jipprevedi li “[w]ara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor”.

Id-Direttiva 92/50

7.

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku ( 10 ) stabbilixxiet ir-regoli li awtoritajiet kontraenti kellhom japplikaw fl-għoti ta’ tali kuntratti. Madankollu, fil-mument li l-awtorità kontraenti fil-kawża prinċipali organizzat il-kompetizzjoni għall-għoti tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi lokali bil-karozzi tal-linja, din id-direttiva kienet ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE ( 11 ). Għaldaqstant, ser nagħmel riferiment għal din l-aħħar direttiva f’dawn il-konklużjonijiet.

Il-fatti kuntestwali, il-proċedura u d-domandi preliminari.

8.

SBN kellu kuntratt mal-Landkreis Oberspreewald-Lausitz (id-Distrett Amministrattiv ta’ Oberspreewald-Lausitz) li kien jibda fl‑1 ta’ Awwissu 2008 biex jopera s-sistema distrettwali ta’ trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja f’dan ir-reġjun. F’Settembru 2016, id-Distrett Amministrattiv ta’ Oberspreewald-Lausitz (iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”) ħareġ sejħa ġdida għal offerti għall-operat tas-servizzi tiegħu bil-karozzi tal-linja. SBN ma pparteċipax f’din il-kompetizzjoni. Sussegwentement, SBN iddeċieda jwaqqaf l-operat tan-negozju u jagħti notifika ta’ preavviż fil-kuntest ta’ terminazzjoni ta’ impjieg lill-ħaddiema kollha tiegħu.

9.

Fid‑19 ta’ Jannar 2017, SBN qabel fuq pjan soċjali mal-kumitat tax-xogħlijiet tal-kumpannija. Il-pjan soċjali ppreveda li jekk il-ħaddiema ma rċevewx offerta ta’ impjieg mill-ġdid mill-operatur il-ġdid jew jekk sofrew telf finanzjarju wara l-ħatra mill-ġdid tagħhom, huma kellhom jirċievu allowances tat-tluq ta’ ammonti varji.

10.

Il-kuntratt għall-provvista tas-servizz lokali bil-karozzi tal-linja mill‑1 ta’ Awwissu 2017 ingħata lil Kraftverkehrsgesellschaft Dreiländereck mbH (iktar ’il quddiem il-“KVG”) sussidjarja miżmuma fit-totalità minn Rhenus Veniro GmbH & Co. KG. Dan tal-aħħar stabbilixxa sussidjarja miżmuma fit-totalità ġdida, OSL Bus biex tipprovdi s-servizz tat-trasport. OSL Bus irrekluta ħafna mis-sewwieqa tal-karozzi tal-linja u wħud mill-persunal tal-ġestjoni mill-ex operatur, SBN. Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ April 2017, l-operatur il-ġdid informa lil SBN li huwa ma kienx ser jixtri, jikri jew juża b’xi mod ieħor l-assi tanġibbli – karozzi tal-linja, imħażen, garaxxijiet u servizzi ta’ operazzjoni – li dan tal-aħħar kien iżomm.

11.

R. Grafe kien ilu impjegat full-time mis‑16 ta’ Lulju 1978, minn SBN (jew il-predeċessuri legali tiegħu) bħala sewwieq tal-karozzi tal-linja u foreman. Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Jannar 2017, SBN ittermina l-impjieg ta’ R. Grafe b’effett mill‑31 ta’ Awwissu 2017. Mill‑1 ta’ Settembru 2017, huwa kien impjegat bħala sewwieq tal-karozzi tal-linja minn OSL Bus. L-operatur il-ġdid ma ħax inkunsiderazzjoni l-anzjanità preċedenti mwettqa minn R. Grafe mal-SBN. Huwa għaldaqstant ikklassifikat bħala ħaddiem maħtur ġdid fl-entry level tal-ftehim kollettiv dwar ir-remunerazzjoni ma’ OSL Bus. R. Grafe kkontesta t-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu minn SBN u jsostni li fil-klassifika tiegħu, l-operatur il-ġdid għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-anzjanità preċedenti. Kemm R. Grafe u SBN huma tal-fehma li r-relazzjoni ta’ impjieg ġiet ittrasferita lil OSL Bus permezz tat-trasferiment ta’ impriża.

12.

J. Pohle kien ilu impjegat full-time mis‑6 ta’ Novembru 1979 minn SBN bħala sewwieq tal-karozzi tal-linja u foreman. Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Jannar 2017, SBN ittermina l-impjieg ta’ J. Pohle b’effett mill‑31 ta’ Awwissu 2017. L-operatur il-ġdid ma offriex xogħol ġdid lil J. Pohle. J. Pohle kkontesta d-deċiżjoni ta’ SBN. Sussidjarjament, huwa talab allowance tat-tluq ta’ EUR 68 034.56 ibbażata fuq il-pjan soċjali miftiehem bejn SBN u l-kumitat tax-xogħlijiet tiegħu.

13.

Fil-kontrotalba tiegħu, SBN isostni li r-relazzjoni ta’ impjieg ma’ J. Pohle ġiet ittrasferita lill-operatur il-ġdid, għaliex kien hemm trasferiment ta’ impriża għall-għanijiet tad-Direttiva 2001/23. SBN għalhekk ma kellu l-ebda obbligu jagħti allowance tat-tluq lil J. Pohle. OSL Bus isostni li ma kien hemm l-ebda trasferiment ta’ impriża rilevanti. Mill-assi tanġibbli tal-impriża preċedenti ma ġie ttrasferit xejn lilu; u l-fatt li ġew ittrasferiti lilu ħafna mill-ħaddiema ma kienx ta’ importanza deċiżiva għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bil-karozzi tal-linja.

14.

F’Liikenne ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li trasport bil-karozzi tal-linja ma setax jitqies attività essenzjalment ibbażata fuq il-ħaddiema, għaliex tali operazzjoni teħtieġ impjanti u apparat sostanzjali. F’settur bħalma huwa dak tat-trasport pubbliku regolari bil-karozzi tal-linja, fejn l-elementi tanġibbli jikkontribwixxu b’mod importanti għat-twettiq tal-attività, in-nuqqas ta’ trasferiment f’livell sinjifikattiv mingħand il-kuntrattur ta’ qabel lill-kuntrattur il-ġdid ta’ tali assi, li kienu essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-entità, iwassal biex wieħed jikkunsidra li din tal-aħħar ma żammitx l-identità tagħha ( 13 ).

15.

Il-qorti tar-rinviju tapprova l-argument ta’ SBN fil-kawża prinċipali li l-kundizzjonijiet li jirrelataw mal-operat ta’ servizzi bil-karozzi tal-linja inkwistjoni huma differenti minn dawk li fuqhom hija bbażata s-sentenza tal-Qorti tal-ĠustizzjaLiikenne ( 14 ). Dawn il-kundizzjonijiet ġodda jinkludu: (i) rekwiżiti legali, żviluppi tekniċi u protezzjoni ambjentali, bħall-“istandard Euro 6” dwar l-emissjonijiet ( 15 ), (ii) kuntratt għall-operat ta’ servizzi bil-karozzi tal-linja inkwistjoni li dam għal perijodu ta’ 10 snin, u (iii) kriterji għall-offerta li kienu jistipulaw li l-karozzi tal-linja jistgħu ma jkunux eqdem minn 15‑il sena (mid-data tar-reġistrazzjoni inizjali) ( 16 ), il-karozzi tal-linja kollha użati kellhom ikunu ta’ disinn bażiku uniformi, il-karozzi tal-linja kellhom jissodisfaw l-istandard Euro 6 ( 17 ), u mill‑1 ta’ Jannar 201840 % tal-karozzi użati kellhom ikunu bi pjattaforma baxxa (li tiżdied sa 70 % mill‑1 ta’ Jannar 2022) ( 18 ). Għalhekk, l-operatur ġdid jista’ raġonevolment jeskludi li jieħu f’idejh l-istokk ta’ karozzi tal-linja użati mill-operatur ta’ qabel.

16.

Il-qorti tar-rinviju waslet għall-kunsiderazzjonijiet segwenti: L-ewwel nett, karozzi tal-linja li huma tipikament mhux xierqa għal użu ulterjuri jew li jistgħu jintużaw biss sa punt limitat ħafna ma jistgħux jitqiesu bħala essenzjali għall-għanijiet tal-operatur il-ġdid. Minflok, dawn il-karozzi tal-linja għandhom neċessarjament jinbidlu sabiex jiġi pprovdut servizz ta’ karozza tal-linja pubbliku lokali. It-tieni nett, imħażen ta’ karozzi tal-linja ma għadhomx meħtieġa. It-tielet nett, sewwieqa tal-karozzi tal-linja huma essenzjali għall-impriża kkonċernata. L-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti stipulaw li “l-kuntrattur għandu jiggarantixxi li l-persunal tas-sewqan jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ servizz attraenti ta’ trasport pubbliku għall-passiġġiera lokali b’orjentazzjoni estensiva ta’ servizz u ta’ klijenti”. Sewwieqa tal-karozzi tal-linja — b’mod partikolari f’żoni rurali — huma l-iktar riżorsa importanti u, b’mod partikolari, riżorsa skarsa. Fl-aħħar nett, minħabba l-għarfien lokali tagħhom mibni matul is-snin u l-għarfien espert tagħhom fir-rigward tar-rotot, sewwieqa tal-karozzi tal-linja ma humiex riżorsa li tista’ tiġi mibdula faċilment.

17.

Is-servizz pubbliku bil-karozzi tal-linja f’Oberspreewald-Lausitz kien operat minn SBN sal‑31 ta’ Lulju 2017. Huwa kien immexxi mill-operatur il-ġdid mill‑1 ta’ Awwissu 2017. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li sabiex ikun jista’ jsir trasferiment bla xkiel tas-sistema ta’ trasport pubbliku lokali, kien irrilevanti liema karozzi tal-linja ġew użati, iżda kien rilevanti liema sewwieqa tal-karozzi tal-linja kienu impjegati.

18.

F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:

“1)

It-trasferiment ta’ negozju li jinvolvi l-operat ta’ rotot tal-karozzi tal-linja minn impriża ta’ karozzi tal-linja lil oħra fuq il-bażi ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt taħt id-[Direttiva 2014/24] jikkostitwixxi trasferiment ta’ negozju fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-[Direttiva 2001/23], u dan anki meta ebda riżorsi sinjifikattivi tan-negozju, u b’mod partikolari ebda karozza tal-linja, ma jkunu ġew ittrasferiti bejn iż-żewġ impriżi msemmija?

2)

Il-fatt li, f’sitwazzjoni fejn il-kuntratt għal provvista ta’ servizzi jingħata għal perijodu ddeterminat, il-karozzi tal-linja ma jkunx għad għandhom, skont deċiżjoni kummerċjali raġonevoli, importanza kunsiderevoli għall-valur tan-negozju minħabba l-età tagħhom u minħabba rekwiżiti tekniċi iktar onerużi (valuri ta’ emissjonijiet, karozzi bi pjattaforma baxxa), jiġġustifika li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel eċċezzjoni mis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Jannar 2001, Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59) fis-sens li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-parti essenzjali tal-persunal ġiet ittrasferita jista’ jwassal għall-applikabbiltà tad-[Direttiva 2001/23]?”

19.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn SBN, OSL Bus u l-Kummissjoni Ewropea. La R. Grafe u lanqas J. Pohle ma ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, u lanqas ma attendew is-seduta tal‑21 ta’ Marzu 2019 li fiha SBN, OSL Bus u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali.

Evalwazzjoni

Kummenti preliminari

20.

Huwa veru li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix deskrizzjoni tad-dritt nazzjonali; u lanqas ma tindika jekk il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li tirrigwarda s-servizzi bil-karozzi tal-linja operati f’isem l-awtorità kontraenti ssodisfatx il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt tal-Unjoni. Madankollu jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha informazzjoni suffiċjenti biex tieħu deċiżjoni, u li tali nuqqasijiet ma jistax ikollhom l-effett li jippruvaw lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-kompetenza biex tirrispondi d-domandi preliminari ( 19 ).

21.

Żewġ punti jirriżultaw mir-riferiment tal-qorti tar-rinviju għad-Direttiva 92/50. L-ewwel nett, huwa ċar mill-informazzjoni pprovduta li din id-direttiva ma kinitx għadha fis-seħħ meta l-awtorità kontraenti ħarġet is-sejħa għal offerti ( 20 ). It-tieni nett, huwa paċifiku li l-punti ta’ dritt tal-Unjoni inkwistjoni jikkonċernaw biss l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/23 dwar it-trasferiment tal-impriżi. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlitha ċara li l-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/23 jistgħu f’xi każijiet ikunu applikabbli fil-kuntest ta’ tranżazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar kuntratti pubbliċi ma jistax jiġi kkunsidrat li jqiegħed f’dubju l-għanijiet tagħha ( 21 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni neċessarja biex teżamina jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi ġewx osservati u ma huwiex neċessarju iktar ħsieb dwar dan il-punt sabiex tirrispondi d-domandi tal-qorti tar-rinviju.

22.

Huwa paċifiku li t-trasferiment tal-operat ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja f’isem l-awtorità kontraenti jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 ( 22 ). Għall-għanijiet ta’ din id-direttiva SBN huwa min jagħmel it-trasferiment, OSL Bus huwa ċ-ċessjonarju u R. Grafe u J. Pohle huma ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a), (b) u (d) rispettivament, ta’ din id-direttiva.

Id-domandi preliminari

23.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq taċċerta ruħha jekk it-trasferiment tal-operat ta’ servizz bil-karozzi tal-linja rurali minn operatur għal ieħor, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jikkostitwixxix trasferiment ta’ impriża għall-għanijiet tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, anki fejn l-ebda assi tanġibbli (bħall-karozzi tal-linja nnifishom) ma ġew ittrasferiti lill-operatur il-ġdid. It-tieni domanda tistaqsi essenzjalment jekk f’każijiet ta’ trasferiment ta’ impriżi fejn l-assi tanġibbli ma humiex iktar importanti huwiex possibbli li tiddevja mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Liikenne ( 23 ). Għat-tweġiba tal-ewwel domanda ser ikun neċessarju li tiġi eżaminata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża. Jiena għalhekk ser nittratta ż-żewġ domandi flimkien.

24.

Il-kwistjoni prattika ineżami hija jekk id-drittijiet u l-obbligi li jirrigwardaw il-kuntratti ta’ impjieg ta’ R. Grafe u J. Pohle ġewx ittrasferiti lil OSL Bus mill-ex operatur ( 24 ).

25.

Fuq dan il-punt hemm xi punti paċifiċi bejn SBN, OSL Bus u l-Kummissjoni. L-ewwel nett, huma lkoll isostnu li sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx trasferiment ta’ impriża għall-għanijiet tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza ta’ fatt li tikkaratterizza l-operat tan-negozju inkwistjoni. Dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mill-evalwazzjoni ġenerali tal-każ inkwistjoni u ma jistgħux għalhekk jiġu kkunsidrati b’mod iżolat. It-tieni nett, huma jirrikonoxxu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li f’ċerti setturi fejn iż-żamma tal-persunal ta’ impriża hija ta’ importanza assoluta, impriża tista’ tikkonserva l-identità tagħha wara trasferiment jekk l-operatur il-ġdid isegwi mhux biss l-istess attività, iżda jżomm ukoll essenzjalment l-istess grupp ta’ persunal.

26.

SBN jissottometti li kien hemm trasferiment ta’ impriża. Il-karozzi tal-linja nnifishom (li faċilment jiġu mibdulin) huma ta’ importanza inqas mill-persunal. Huwa biss billi ġiet ittrasferita lilu l-parti l-kbira tal-persunal eżistenti ta’ SBN li l-operatur il-ġdid ikun jista’ jkompli jmexxi servizz bil-karozzi tal-linja li jiffunzjona bla xkiel fil-Landkreis Oberspreewald-Lausitz (id-Distrett Amministrattiv ta’ Oberspreewald-Lausitz).

27.

OSL Bus isostni li, bil-maqlub, id-Direttiva 2001/23 ma tapplikax fejn ma kien hemm l-ebda trasferiment notevoli tar-riżorsi tal-operat (f’dan il-każ, il-karozzi tal-linja), mill-ex operatur lill-operatur il-ġdid. It-trasport bil-karozzi tal-linja huwa preċiżament wieħed mis-setturi li ma jistrieħx essenzjalment fuq persunal ikkwalifikat. F’dan is-settur, il-valur miżjud jinħoloq b’mod partikolari permezz tal-assi tanġibbli – il-karozzi tal-linja. Is-servizz ma jistax jiġi operat mingħajr dawn l-assi. Għalhekk, jekk il-karozzi tal-linja jiġux ittrasferiti bejn l-ex operatur u l-operatur il-ġdid huwa determinanti.

28.

Il-Kummissjoni wkoll tissottometti li mis-sentenza tal-Qorti f’Liikenne ( 25 ), isegwi li t-trasport bil-karozzi tal-linja ma huwiex settur fejn l-operat tas-servizz jistrieħ fuq il-persunal. Huwa għall-qorti nazzjonali biex tiddetermina jekk hemmx fatturi suffiċjenti biex jindikaw li seħħ trasferiment. Fil-fehma tagħha, l-importanza tal-fatt li l-ebda assi tanġibbli ma ġew ittrasferiti ma tistax tiġi kkuntrastata mill-fatt li l-ex operatur wettaq l-attività inkwistjoni b’assi tanġibbli li kienu tilfu l-parti l-kbira mill-valur materjali tagħhom minħabba l-età tagħhom u li kienu skadew minħabba titjib teknoloġiku f’dan is-settur.

29.

Jidhirli li sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva 2001/23 tiġi applikata b’mod uniformi, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ikkunsidrat id-domanda dwar l-istabbiliment ta’ jekk hemmx trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva billi eżaminat jekk l-entità inkwistjoni żżomx l-identità tagħha ( 26 ). Dan l-approċċ jipprevedi applikazzjoni uniformi minkejja d-differenzi bejn il-verżjonijiet tal-lingwi varji ta’ din id-direttiva u d-diverġenzi bejn id-drittijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ x’jikkostitwixxi trasferiment legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni suffiċjentement flessibbli fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2001/23 ( 27 ).

30.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk entità żżomx l-identità tagħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew negozju inkwistjoni, it-trasferiment jew nuqqas ta’ trasferiment ta’ assi tanġibbli, bħal bini jew beni mobbli, il-valur tal-assi intanġibbli meta seħħ it-trasferiment, it-trasferiment jew in-nuqqas tal-maġġoranza tal-ħaddiema lill-persuna li timpjega l-ġdida, it-trasferiment jew in-nuqqas ta’ trasferiment tal-klijenti, kif ukoll il-livell ta’ xebh bejn l-attivitajiet imwettqa qabel u dawk imwettqa wara t-trasferiment, u t-tul, jekk ikun il-każ, tas-sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Dawn l-elementi għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mill-evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari u ma jistgħux għalhekk jiġu eżaminati b’mod iżolat. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali, fl-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi fattwali li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, għandha tieħu inkunsiderazzjoni, inter alia, it-tip ta’ impriża jew negozju kkonċernat ( 28 ). Minn dan isegwi li fid-determinazzjoni ta’ jekk kienx hemm trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23 il-grad ta’ importanza li għandha tingħata lill-kriterji differenti jinbidel neċessarjament skont l-attività mwettqa, jew il-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operat użati fl-impriża rilevanti, negozju jew parti min-negozju ( 29 ).

31.

Id-diffikultà hawnhekk tinsab fl-istabbiliment ta’ kif dan it-test għandu jiġi applikat, b’mod partikolari, fl-evalwazzjoni tal-piż li għandu jingħata lid-diversi fatturi f’din l-evalwazzjoni. Jidhirli li din ma hijiex sempliċement kwistjoni ta’ jekk il-persunal jew l-assi tanġibbli (il-karozzi tal-linja) ġewx ittrasferiti lill-operatur il-ġdid. Minflok, il-punt ta’ tluq ta’ kwalunkwe evalwazzjoni għandu jkun l-għan tad-Direttiva 2001/23, li huwa li tipprovdi protezzjoni lil ħaddiema f’każ ta’ tibdil tal-persuna li timpjega, b’mod partikolari biex iżżomm id-drittijiet tagħhom ( 30 ). Għalhekk, fil-fehma tiegħi kwalunkwe determinazzjoni teħtieġ grad ikbar ta’ distinzjonijiet fini minn dak issuġġerit mill-partijiet f’dawn il-proċeduri.

32.

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 l-obbligi ta’ min jagħmel it-trasferiment li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg (jew relazzjoni ta’ impjieg) li jkunu fis-seħħ fil-jum tat-trasferiment huma awtomatikament ittrasferiti liċ-ċessjonarju fid-data tat-trasferiment.

33.

L-istorja leġiżlattiva tikkonferma li meta impriża tiġi ttrasferita, il-protezzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg bejn min jagħmel it-trasferiment u l-ħaddiema li jiġu ttrasferiti lill-operatur il-ġdid hija fil-qalba tad-Direttiva 2001/23 ( 31 ). Għalhekk, id-determinazzjoni ta’ jekk tinżammx l-identità tal-entità inkwistjoni u l-evalwazzjoni tal-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-każ għandhom isiru skont dan l-għan ċentrali.

34.

Isegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tali evalwazzjoni hija neċessarjament flessibbli. Għalhekk, il-piż li għandu jingħata lill-elementi ta’ din l-evalwazzjoni jvarja skont il-każ inkwistjoni. Min-naħa waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fejn attività hija bbażata essenzjalment fuq il-ħaddiema, l-identità tal-entità ekonomika ma tistax tinżamm jekk l-operatur il-ġdid ma jirreklutax il-maġġoranza tal-ħaddiema tal-ex operatur ( 32 ). Min-naħa l-oħra, fejn attività partikolari tkun ibbażata essenzjalment fuq tagħmir, il-fatt li l-ex ħaddiema ma tteħdux mill-operatur il-ġdid sabiex iwettqu dik l-attività ma jipprekludix l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża għall-għanijiet tad-Direttiva 2001/23 ( 33 ).

35.

Hawnhekk, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-ħaddiema (is-sewwieqa tal-karozzi tal-linja u l-persunal tal-ġestjoni) kienu importanti biex jiżguraw li l-provvista ta’ servizz bil-karozzi tal-linja lokali fil-Landkreis Oberspreewald-Lausitz (id-Distrett Amministrattiv ta’ Oberspreewald-Lausitz) bejn l-ex operatur u l-operatur il-ġdid, kienet ittrasferita bla xkiel ( 34 ). Madankollu, ma hemm l-ebda konstatazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju fis-sens li l-karozzi tal-linja u assi tanġibbli oħrajn kienu essenzjali għall-impriża, b’mod partikolari fil-mument meta l-awtorità kompetenti nediet is-sejħa għal offerti.

36.

Għalhekk, jidhirli li SBN u OSL Bus ma jistgħux ikollhom raġun fis-sens li ż-żewġ konvenuti fil-kawża prinċipali jissuġġerixxu t-tnejn li huma li awtomatikament isegwi li hemm (jew, bil-maqlub, ma hemmx), trasferiment ta’ impriża skont jekk jeżistix wieħed mill-fatturi identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-evalwazzjoni li għandha ssir hija iktar kumplessa minn dan.

37.

Fi Schmidt ( 35 ), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament indirizzat id-domanda dwar jekk l-assenza ta’ kwalunkwe trasferiment ta’ assi tanġibbli pprekludietx l-eżistenza ta’ trasferiment kopert mid-Direttiva 77/187 ( 36 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet din id-domanda b’mod qawwi fin-negattiv. Hija nnotat li ġurisprudenza preċedenti elenkat it-trasferiment ta’ tali assi fost id-“diversi fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn qorti nazzjonali sabiex jippermettulha evalwazzjoni ta’ tranżazzjoni kumplessa fit-totalità tagħha, biex tiddeċiedi jekk impriża ġietx fil-fatt ittrasferita” ( 37 ). Madankollu, is-sempliċi fatt li trasferiment ta’ assi tanġibbli kien fattur elenkat ma intitolax lil persuna tikkonkludi li, fl-assenza ta’ tali trasferiment ta’ assi, l-ebda trasferiment ta’ impriża ma seħħ. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li preċedentement iddeċidiet (fi Spijkers) ( 38 ) li dan il-fattur ma kienx deċiżiv waħdu. Hija għaldaqstant ikkonkludiet li l-għan tad-direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema, “ma jistax jiddependi esklużivament fuq il-kunsiderazzjoni ta’ [dan il-]fattur” ( 39 ).

38.

Il-qorti tar-rinviju ddikjarat fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li t-trasferiment lil OSL Bus tal-flotta ta’ karozzi tal-linja użata minn SBN ġie eskluż fil-prattika, minħabba li l-kundizzjonijiet li kienu japplikaw għall-operat ta’ rotot ta’ karozzi tal-linja għall-awtorità kontraenti nbidlu. Bdew japplikaw rekwiżiti ta’ emissjonijiet iktar restrittivi. Karozzi tal-linja fis-servizz ma tħallewx ikunu iktar qodma minn 15‑il sena (bħala medja l-karozzi tal-linja ta’ SBN kellhom 13‑il sena fil-mument li ġie ttrasferit is-servizz tal-karozzi tal-linja lill-operatur il-ġdid). Proporzjon kbir tal-karozzi użati kellu jkun sostenibbli għall-aċċess għal persuni b’diżabbiltà. Kien hemm moviment ġenerali lejn l-użu ta’ karozzi tal-linja elettriċi minflok il-karozzi tal-linja tad-diesel jew tal-petrol, u l-qorti tar-rinviju ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntratt tal-operatur il-ġdid kien għal perijodu ta’ 10 snin. Fir-rigward tal-persunal, il-qorti tar-rinviju aċċettat d-dikjarazzjoni ta’ SBN li s-“sewwieqa tal-karozzi tal-linja huma essenzjali għall-entità ekonomika”. L-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerta stipulaw li “l-kuntrattur għandu jiggarantixxi li l-persunal tas-sewqan jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ servizz attraenti ta’ trasport pubbliku tal-passiġġiera lokali b’orjentazzjoni estensiva ta’ servizz u ta’ klijenti”. Il-qorti tar-rinviju esprimiet ukoll il-fehma li f’żoni rurali, bħad-Distrett Amministrattiv ta’ Oberspreewald-Lausitz, sewwieqa tal-karozzi tal-linja esperjenzati huma “riżorsa rari u prezzjuża” ( 40 ).

39.

Jekk in-negozju inkwistjoni żammx l-identità tiegħu hija finalment kwistjoni ta’ fatt; u għaldaqstant kwistjoni għall-qorti tar-rinviju. Hija ġurisprudenza stabbilita li ż-żamma tal-identità hija indikata, inter alia, minn jekk il-persuna li timpjega l-ġdida fil-fatt tkomplix jew terġax tibda l-istess attivitajiet jew attivitajiet simili ( 41 ).

40.

Hawnhekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li OSL Bus, l-operatur il-ġdid, ipprovda servizzi bil-karozzi tal-linja essenzjalment simili għal dawk immexxijin mill-ex operatur SBN. Ma kien hemm l-ebda ksur fis-servizz minn ġurnata għal oħra ( 42 ). Is-servizz ġie pprovdut lill-istess klijent, l-awtorità kontraenti, probabbilment biex jopera ħafna mill-istess rotot għal ħafna mill-istess passiġġiera.

41.

F’dan l-isfond, il-fatt li ma kien hemm l-ebda trasferiment ta’ assi tanġibbli huwa ta’ sinjifikat superjuri?

42.

OSL Bus jagħmel enfasi partikolari fuq dak li huwa jiddeskrivi bħala “l-valur miżjud tal-assi tanġibbli tal-ex operatur”. Huwa jissottometti li l-fatturi stabbiliti mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha huma immaterjali. Il-każ għandu jiġi evalwat fl-astratt u jekk l-assi tanġibbli ġewx ittrasferiti lill-operatur il-ġdid huwa determinanti.

43.

Ma nistax naqbel.

44.

It-trasferiment ta’ impriża ma seħħx fl-astratt. Għall-kuntrarju: l-elementi indikati mill-qorti tar-rinviju huma konsistenti mal-fatturi identifikati bħala rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza estensiva tagħha. Huwa preċiżament minħabba li t-trasferiment ta’ impriża għandu effetti reali u prattiċi mhux biss għall-entitajiet involuti iżda wkoll għall-ħaddiema tagħhom li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda jaġixxi f’dan il-qasam. Ikun għaldaqstant pervers li tali każijiet jiġu eżaminati minn perspettiva purament astratta. It-test li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika huwa essenzjalment test prattiku tas-sitwazzjoni reali: hemm “trasferiment ta’ entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23?”. Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi ridotta għad-determinazzjoni ta’ jekk l-assi tanġibbli humiex ittrasferiti mill-ex operatur lill-operatur il-ġdid.

45.

Isegwi neċessarjament minn Liikenne ( 43 ) li minħabba li l-istokk eżistenti ta’ karozzi tal-linja (antiki) ma ġiex ittrasferit lill-operatur il-ġdid mill-ex operatur, ma kienx hemm trasferiment ta’ impriża hawnhekk?

46.

Liikenne ( 44 ) kkonċernat kuntratt ta’ tliet snin għal servizzi ta’ karozzi tal-linja li jkopri seba’ linji ta’ karozzi tal-linja reġjonali. L-ex operatur (Hakunilan Liikenne: iktar ’il quddiem “HL”) kien jopera r-rotot b’26 karozza tal-linja. Huwa u jistenna l-kunsinna ta’ 22 karozza tal-linja ġodda li kien ordna, l-operatur il-ġdid (Liikenne) kera żewġ karozzi tal-linja mingħand HL għal perijodu ta’ xahrejn jew tliet xhur u xtara xi uniformijiet mingħandha ( 45 ). L-ebda karozza jew assi sinjifikattivi oħra ma ġew ittrasferiti lilu fuq bażi permanenti.

47.

Il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi għamlet numru ta’ punti ġenerali li jsegwu ġurisprudenza stabbilita sew. Dawn jinkludu riferiment għall-għanijiet tad-Direttiva 2001/23; x’jikkostitwixxi impriża għall-għanijiet ta’ din id-direttiva; espożizzjoni tat-test u l-kriterji għall-evalwazzjoni dwar jekk kienx hemm “trasferiment” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tagħha, u tfakkir li huwa għall-qorti nazzjonali biex tevalwa l-fatti f’kawża partikolari ( 46 ).

48.

Hija s-silta segwenti tas-sentenza li potenzjalment tikkawża diffikultajiet:

“39.

Madankollu, it-trasport bil-karozzi tal-linja ma jistax jitqies bħala attività bbażata essenzjalment fuq il-ħaddiema, għaliex teħtieġ impjanti u apparat sostanzjali (ara s-sentenza li waslet għall-istess konklużjonijiet fir-rigward ta’ xogħol ta’ tħaffir fil-minjieri, Allen[ ( 47 )], punt 30). Il-fatt li l-assi tanġibbli użati għall-operat tar-rotot ta’ karozzi tal-linja ma ġewx ittrasferiti mill-ex kuntrattur lill-kuntrattur il-ġdid għaldaqstant jikkostitwixxi ċirkustanza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

40

Fis-seduta, ir-rappreżentant tal-konvenuti fil-kawża prinċipali enfasizza l-valur ekonomiku tal-kuntratt bejn l-awtorità kontraenti YTV u Liikenne, u ssottometta li dan kien ass sinjifikattiv intanġibbli. Dan il-valur ma jistax jiġi miċħud, iżda fil-kuntest ta’ għoti li għandu jiġi mġedded, il-valur ta’ tali assi intanġibbli fil-prinċipju jisparixxi mat-tmiem tal-kuntratt l-antik, għaliex l-għoti neċessarjament jerġa’ jinfetaħ.

41

Jekk proċedura ta’ għoti bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li jiġu ttrasferiti lill-kuntrattur il-ġdid il-kuntratti eżistenti mal-klijenti, jew jekk il-maġġoranza tal-klijenti jistgħu jitqiesu ristretti, mela għandu madankollu jiġi kkunsidrat li hemm trasferiment ta’ klijenti.

42

Madankollu, f’settur bħalma huwa dak tat-trasport pubbliku regolari bil-karozzi tal-linja, fejn l-assi tanġibbli jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għat-twettiq tal-attività, l-assenza ta’ trasferiment f’livell sinjifikattiv mingħand l-ex kuntrattur lill-kuntrattur il-ġdid ta’ tali assi, li huma essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-entità, iwassal biex wieħed jikkunsidra li l-entità ma żammitx l-identità tagħha.

43

Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 77/187 ma tapplikax fl-assenza ta’ trasferiment ta’ assi tanġibbli sinjifikattivi mill-ex kuntrattur lill-kuntrattur il-ġdid.”

49.

Ir-risposta mogħtija lill-qorti nazzjonali għaldaqstant kienet li, “[…] f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 77/187 ma tapplikax fejn ma hemmx trasferiment ta’ assi tanġibbli sinjifikattivi bejn dawn iż-żewġ impriżi” ( 48 ).

50.

Fid-dawl tas-siltiet li għadni kemm iċċitajt minn Liikenne, bir-rispett infaħħar lill-Arbeitsgericht Cottbus (il-Qorti Industrijali ta’ Cottbus,) għal-lealtà u s-sens komun tagħha fit-twettiq ta’ dan ir-rinviju.

51.

Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Liikenne tfisser li l-qorti nazzjonali hawnhekk hija prekluża milli tasal għal konklużjoni differenti fir-rigward ta’ sett ieħor ta’ ċirkustanzi fattwali fejn il-bidla ta’ operatur għal servizz lokali bil-karozzi tal-linja wkoll ma kinitx tinvolvi t-trasferiment tal-istokk eżistenti ta’ karozzi tal-linja mill-ex operatur lill-operatur il-ġdid?

52.

Jiena ma naħsibx.

53.

Fil-fehma tiegħi, il-fatti ta’ din il-kawża huma b’mod ċar differenti ħafna, f’aspetti kruċjali, minn dawk li rriżultaw fid-deċiżjoni ta’ Liikenne.

54.

Huwa naturalment impossibbli li servizz bil-karozzi tal-linja jitmexxa mingħajr karozzi tal-linja kif ukoll mingħajr is-sewwieqa li jsuquhom. Madankollu, xejn mill-fatti ta’ Liikenne, kif irreġistrati fil-konklużjonijiet tal-Avukat Generali Léger ( 49 ) u fis-sentenza ( 50 ) ma jissuġġerixxi li d-deċiżjoni f’dak il-każ tal-operatur il-ġdid li ma jiġix ittrasferit lilu l-istokk ta’ karozzi tal-linja tal-ex operatur kienet iddettata minn raġunijiet legali, tekniċi jew ambjentali. Liikenne jidher li kellu kważi biżżejjed karozzi tal-linja biex jaqdi s-seba’ linji supplimentari li t-tmexxija tagħhom kienet qiegħda tiġi ttrasferita lilu (huwa kera żewġ karozzi tal-linja mingħand HL għal perijodu qasir); u huwa kellu 22 karozza tal-linja ġdida lesti ordnati. Għaliex (kummerċjalment) kellu jiġi ttrasferit lilu wkoll l-istokk eżistenti ta’ HL ta’ 26 karozza tal-linja?

55.

Hawnhekk, il-kuntratt maħruġ fis-sejħa għal offerti kien għal perijodu itwal minn tliet darbiet iktar (10 snin, minflok 3 snin). Il-kuntratt kien għat-tmexxija ta’ servizz ta’ karozzi tal-linja ta’ distrett sħiħ, fejn l-interkambjabbiltà faċli ta’ karozzi tal-linja bejn rotot varji probabbilment kienet sinjifikattiva. Jekk l-istokk eżistenti setax jintuża b’mod sensibbli waqt iż-żmien kollu ta’ dan il-kuntratt tista’, b’mod plawżibbli, tiġi kkunsidrata li kienet kunsiderazzjoni rilevanti. Għoxrin sena wara l-fatti ta’ Liikenne ( 51 ), l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti kienu għamluha ċara daqs il-kristall lil offerenti potenzjali li l-apparat kapitali (il-karozzi tal-linja) li kellu jintuża waqt il-perijodu l-ġdid tal-offerta ta’ 10 snin kellu jissodisfa standards tekniċi u ambjentali speċifiċi ġodda (ogħla).

56.

Id-deċiżjoni tar-rinviju għalhekk tinkludi materjal abbundanti biex jiġi konkluż (suġġett, naturalment, għal kwalunkwe verifika ulterjuri neċessarja mill-qorti nazzjonali bħala l-unika mħallef tal-fatt) li – indipendentement b’mod totali mid-daqs tal-flotta ta’ karozzi tal-linja diġà miżmuma mill-operatur il-ġdid – ma kien jagħmel l-ebda sens għal dan l-operatur li tiġi ttrasferita lilu l-flotta eżistenti tal-ex operatur minħabba li ma kienx ikun jista’ juża dawn il-karozzi tal-linja biex jissodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali l-ġodda tiegħu. Il-karozzi inkwistjoni kienu lejn l-aħħar tal-użu permess tagħhom; u ma kinux issodisfaw ir-rekwiżiti legali tekniċi u ambjentali stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti. Kieku l-flotta ta’ karozzi tal-linja eżistenti ġiet ittrasferita, ma kinitx (biex nuża l-kliem tal-punt 42 ta’ Liikenne ( 52 )), tkun “essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-entità”. Kienet tkun iddestinata biex tiġi skrappjata.

57.

Fiċ-ċirkustanzi fejn restrizzjonijiet legali tekniċi u ambjentali jfissru li ma huwiex kummerċjalment vijabbli għall-operatur il-ġdid li jiġu ttrasferiti lilu l-assi tanġibbli tal-ex operatur, jidhirli li t-triq ix-xierqa hija li l-qorti nazzjonali teskludi dak li seħħ lill-assi tanġibbli u tikkonċentra fuq l-elementi l-oħrajn tat-tranżazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk kienx hemm trasferiment ta’ impriża li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja qalet f’Liikenne ( 53 ), u b’riferiment għall-“assi tanġibbli” f’parenteżi kwadri, “sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għat-trasferiment ta’ entità ekonomika humiex issodisfatti, huwa wkoll neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari t-tip ta’ impriża jew negozju involuti, [it-trasferiment jew nuqqas ta’ trasferiment ta’ assi tanġibbli, bħal bini jew beni mobbli], il-valur tal-assi intanġibbli meta seħħ it-trasferiment, it-trasferiment jew le tal-essenzjal tal-ħaddiema lill-persuna li timpjega l-ġdida, it-trasferiment jew in-nuqqas ta’ trasferiment tal-klijenti, kif ukoll il-livell ta’ xebh bejn l-attivitajiet imwettqa qabel u dawk imwettqa wara t-trasferiment, u t-tul, jekk ikun il-każ, tas-sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Madankollu, dawn huma biss fatturi uniċi fl-evalwazzjoni ġenerali li għandha ssir, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat (ara, b’mod partikolari, Spijkers[ ( 54 )], punt 13, u Süzen ( 55 ), punt 14)”.

58.

Ser inżid li analiżi li hija ffukata esklużivament fuq il-fatt li tali assi tanġibbli ma ġewx ittrasferiti tista’ timmina l-għan essenzjali tad-Direttiva 2001/23. Ikun ħafif wisq għall-operatur il-ġdid li jistruttura t-tranżazzjoni b’tali mod li taqa’ lil hinn mid-direttiva billi ma jiġux ittrasferiti lilu l-assi tanġibbli (fil-fatt, jidher li probabbli huwa jagħmel preċiżament dan). Bħala riżultat, madankollu, l-operatur il-ġdid sussegwentement ikun jista’ jevita l-obbligi li min-naħa l-oħra kieku jkollu lejn il-ħaddiema tal-ex operatur. Dan b’mod ċar ma jistax ikun sewwa.

59.

L-approċċ li nipproponi ma jikkontradixxix id-deċiżjoni f’Liikenne ( 56 ). Kull trasferiment ta’ impriżi jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tapplika l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatti speċifiċi tal-kawża quddiemha. Kif urejt, il-fatti u ċ-ċirkustanzi ta’ Liikenne ( 57 ) kienu kritikament differenti minn dawk ta’ din il-kawża. Ir-raġunament f’Liikenne ( 58 ) jista’ jibqa’ intatt u madankollu konklużjoni differenti ssegwi hawn fuq il-bażi ta’ dawn il-fatti differenti ħafna.

60.

Għalhekk nikkunsidra li fid-determinazzjoni ta’ jekk entità ekonomika żammitx l-identità tagħha, u għalhekk jekk hemmx trasferiment ta’ impriża għall-għanijiet tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, il-qorti nazzjonali għandha: (i) tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva biex tipproteġi l-ħaddiema u żżomm id-drittijiet tagħhom f’każ ta’ bidla tal-persuna li timpjega; u (ii) tevalwa l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jirrelataw mat-tranżazzjoni inkwistjoni inklużi restrizzjonijiet legali tekniċi u ambjentali li jirrelataw mal-operat tal-attività tan-negozju inkwistjoni. Il-fatt li assi tanġibbli sinjifikattivi ma ġewx ittrasferiti huwa rilevanti iżda ma huwiex neċessarjament determinanti.

Konklużjoni

61.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi magħmulin mill-Arbeitsgericht Cottbuss (il-Qorti Industrijali ta’ Cottbus) kif ġej:

Fid-determinazzjoni ta’ jekk entità ekonomika żammitx l-identità tagħha, u għalhekk jekk hemmx trasferiment ta’ impriża għall-finijiet tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, il-qorti nazzjonali għandha:

tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva biex tipproteġi l-ħaddiema u żżomm id-drittijiet tagħhom f’każ ta’ bidla tal-persuna li timpjega;

tevalwa l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jirrelataw mat-tranżazzjoni inkwistjoni inklużi kwalunkwe restrizzjonijiet legali tekniċi u ambjentali li jirrelataw mal-operat tal-attività tan-negozju inkwistjoni.

Fejn it-trasferiment ta’ assi tanġibbli sinjifikattivi huwa fil-prattika prekluż mill-eżistenza ta’ tali restrizzjonijiet legali tekniċi u ambjentali, il-qorti nazzjonali ma għandhiex tikkunsidra dan l-aspett tat-tranżazzjoni bħala neċessarjament determinanti fid-deċiżjoni ta’ jekk kienx hemm trasferiment ta’ impriża għall-għanijiet tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98). Minkejja li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għad-Direttiva 77/187 fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, hija d-Direttiva 2001/23 li kienet fis-seħħ fil-mument rilevanti: ara l-punti 8 sa 17 iktar ’l isfel.

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑14 ta’ Frar 1977 (ĠU 1977, L 61, p. 26).

( 4 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001 (C‑172/99, EU:C:2001:59).

( 5 ) Premessa 3.

( 6 ) Il-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema ġiet adottata fid‑9 ta’ Diċembru 1989, ara b’mod partikolari l-punti 7, 17 u 18 tagħha.

( 7 ) Premessa 5.

( 8 ) Premessa 6.

( 9 ) L-Artikolu 2(1)(a), (b) u (d) rispettivament.

( 10 ) Direttiva tat‑18 ta’ Ġunju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322). Din id-direttiva ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132);

( 11 ) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

( 12 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001 (C‑172/99, EU:C:2001:59).

( 13 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001, Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59, punti 39 u 42).

( 14 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001 (C‑172/99, EU:C:2001:59).

( 15 ) Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li r-rekwiżiti tal-offerta fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi stipulaw li l-karozzi tal-linja għandhom jissodisfaw l-istandards Ewropej attwali. Karozzi tal-linja diġà użati għall-provvista ta’ trasport pubbliku lokali għal numru ta’ snin probabbilment ma jkunux jistgħu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti. Għal raġunijiet ta’ protezzjoni ambjentali, kien probabbli li jiġu użati karozzi tal-linja elettriċi minflok il-karozzi li jużaw id-diesel jew il-petrol. Ħafna karozzi tad-diesel kienu probabbilment ser jiġu suġġetti għal projbizzjoni (b’mod partikolari fiċ-ċentri tal-bliet) minħabba tniġġis ta’ ossidi tan-nitroġenu. Fil-prattika għalhekk l-offerent rebbieħ ma kienx ser jiġi ttrasferit lilu l-istokk eżistenti ta’ karozzi tal-linja.

( 16 ) Il-karozzi tal-linja ta’ SBN kienu bħala medja 13‑il sena qodma.

( 17 ) Il-karozzi tal-linja ta’ SBN issodisfaw l-istandard Euro 3 jew l-istandard Euro 4, iżda mhux l-istandard Euro 6.

( 18 ) L-ebda mill-karozzi tal-linja ta’ SBN ma ssodisfaw id-dispożizzjonijiet ta’ aċċessibbiltà.

( 19 ) Ara pereżempju, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2005, Burtscher (C‑213/04, EU:C:2005:731, punt 33).

( 20 ) Ara l-punti 7, 9 u 10 iktar ’il fuq.

( 21 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001, Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59, punt 22; ara wkoll il-punt 25). Dik is-sentenza stabbilixxiet ukoll, wara l-opinjonijiet konsultattivi tal-Qorti tal-EFTA (Kawża E-2/95 Eidesund vs Stavanger Catering A/S, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 1 ta’ Lulju 1995 31 ta’ Diċembru 1996, p. 1, punt 50, u l-Kawża E‑3/96 Ask et vs ABB Offshore Technology AS u Aker Offshore Partner AS, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 1997, p. 1, punt 33), li ċ-ċirkustanzi fejn jingħata kuntratt taħt proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jeskludux applikazzjoni tar-regoli li jipproteġu lill-impjegati f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża: ara l-punt 21 tas-sentenza

( 22 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Somoza Hermo u Ilunión Seguridad (C‑60/17, EU:C:2018:559, punti 26 sa 28).

( 23 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001, Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59).

( 24 ) Ara l-punti 11 u 12 iktar ’il fuq.

( 25 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001 (C‑172/99, EU:C:2001:59).

( 26 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001, Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59, punt 27); ara iktar reċenti s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Somoza Hermo u Ilunión Seguridad (C‑60/17, EU:C:2018:559, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2011, CLECE (C‑463/09, EU:C:2011:24, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Somoza Hermo u Ilunión Seguridad (C‑60/17, EU:C:2018:559, punti 30 u 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Somoza Hermo u Ilunión Seguridad (C‑60/17, EU:C:2018:559, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Il-premessi 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2001/23.

( 31 ) Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva, COM(74) 351, finali/2 tal‑21 ta’ Ġunju 1974, paġni 2 sa 3 u 5. Fis‑sebgħinijiet it-trasferiment ta’ impriżi, tkeċċijiet kollettivi u l-insolvenza tal-persuna li timpjega kienu l-ewwel tliet kwistjonijiet ta’ politika soċjali rregolati mill-Unjoni lil hinn mill-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi – ara r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal‑21 ta’ Jannar 1974 dwar programm ta’ azzjoni soċjali (ĠU 1974, C 13, p. 1).

( 32 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Securitas (C‑200/16, EU:C:2017:780, punt 29).

( 33 ) Sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Securitas (C‑200/16, EU:C:2017:780, punt 30).

( 34 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet informata fis-seduta li 85 % tal-persunal tal-ex operatur ġew impjegati mill-operatur il-ġdid.

( 35 ) Sentenza tal‑14 ta’ April 1994 (C‑392/92, EU:C:1994:134).

( 36 ) Ara l-punt 1 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq.

( 37 ) Sentenza tal-14 ta’ April 1994, Schmidt, C‑392/92, EU:C:1994:134, punt 16

( 38 ) Sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1986 (24/85, EU:C:1986:127, punt 12).

( 39 ) Sentenza tal‑14 ta’ April 1994, Schmidt (C‑392/92, EU:C:1994:134, punt 16). It-traduzzjoni bl-Ingliż tas-sentenza hija sfortunata (b’mod partikolari fl-użu tal-kelma “subject-matter” għal “objet”). Jiena għamilt parafrażi sabiex inwassal dak li fhimt li huwa s-sens tal-lingwa oriġinali li fiha s-sentenza kienet imfassla (il-Franċiż). Dan it-test jaqra, “…La circonstance que la jurisprudence de la Cour cite le transfert de tels éléments au nombre des différents critères à prendre en compte par le juge national pour, dans le cadre de l’évaluation d’ensemble d’une opération complexe, apprécier la réalité d’un transfert d’entreprise ne permet pas de conclure que l’absence de ces éléments exclue l’existence d’un transfert. En effet, le maintien des droits des travailleurs qui, selon son intitulé même, est l’objet de la directive, ne saurait dépendre de la seule prise en considération d’un facteur dont la Cour a, d’ailleurs, déjà relevé qu’il n’était pas, à lui seul, déterminant (voir arrêt du 18 mars 1986, Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, point 12).”

( 40 ) Ara l-punti 15 u 16 iktar ’il fuq.

( 41 ) Sentenza tal‑14 ta’ April 1994, Schmidt (C‑392/92, EU:C:1994:134, punt 17).

( 42 ) SBN waqaf jipprovdi s-servizz bil-karozzi tal-linja għall-awtorità kontraenti fil‑31 ta’ Lulju 2017. OSL Bus beda jmexxi s-servizz bil-karozzi tal-linja fl‑1 ta’ Awwissu 2017.

( 43 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001 (C‑172/99, EU:C:2001:59).

( 44 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001 (C‑172/99, EU:C:2001:59).

( 45 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’Liikenne (C‑172/99, EU:C:2000:563, punt 10). Dawn il-fatti huma rrepetuti fil-punti 9 u 10 tas-sentenza.

( 46 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001, Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59, ara b’mod partikolari punti 19, 26, 27, 31, 33 u 35).

( 47 ) Sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1999, Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594).

( 48 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001, Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59, punt 44 u t-tieni inċiż tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza, enfasi miżjuda minni.

( 49 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’Liikenne (C‑172/99, EU:C:2000:563, punti 8 sa 14).

( 50 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001, Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59, punti 8 sa 14).

( 51 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001, Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59).

( 52 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001, Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59)

( 53 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001 (C‑172/99, EU:C:2001:59, punt 33).

( 54 ) Sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1986, Spijkers (24/85, EU:C:1986:127).

( 55 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1997, Süzen (C‑13/95, EU:C:1997:141).

( 56 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001 (C‑172/99, EU:C:2001:59).

( 57 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001 (C‑172/99, EU:C:2001:59).

( 58 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2001 (C‑172/99, EU:C:2001:59).

Top