EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0212

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fl-20 ta’ Ġunju 2019.
Prato Nevoso Termo Energy Srl vs Provincia di Cuneo u ARPA Piemonte.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2008/98/KE – Skart – Żjut veġetali użati li jkunu għaddew minn trattament kimiku – Artikolu 6(1) u (4) – Tmiem tal-istatus ta’ skart – Direttiva 2009/28/KE – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Artikolu 13 – Proċeduri nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni, ta’ ċertifikazzjoni u ta’ għoti ta’ liċenzji li japplikaw għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku, ta’ tisħin jew ta’ tkessiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Użu ta’ bijolikwidi bħala sors ta’ sostenn għal impjant għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika.
Kawża C-212/18.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section ; Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:520

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl-20 ta’ Ġunju 2019 ( 1 )

Kawża C‑212/18

Prato Nevoso Termo Energy Srl

vs

Provincia di Cuneo,

ARPA Piemonte,

fil-preżenza ta’

Comune di Frabosa Sottana

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2008/98/KE – Skart – Żjut veġetali użati li għaddew minn trattament kimiku – Artikolu 6(1) u (4) – Tmiem l-istatus ta’ skart – Kundizzjonijiet – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri – Direttiva 2009/28/KE – Promozzjoni tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu, f’installazzjoni li tipproduċi enerġija termali u elettrika, mingħajr ma jkun suġġett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-irkupru tal-enerġija mill-iskart, ta’ bijolikwidu prodott minn żjut veġetali użati li għaddew minn trattament kimiku – Ċaħda – Artikolu 13(1) – Proċedura ta’ awtorizzazzjoni – Proporzjonalità”

I. Introduzzjoni

1.

Bit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, it-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte, l-Italja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi ( 2 ) u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE ( 3 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija Prato Nevoso Termo Energy Srl (iktar ’il quddiem “PNTE”) u l-Provincia di Cuneo (il-Provinċja ta’ Cuneo, l-Italja), rigward iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni mressqa minn PNTE, għall-awtorizzazzjoni biex tinbidel il-provvista tal-enerġija ta’ impjant li jipproduċi enerġija termali u elettrika operat minnha, billi jiġi ssostitwit il-metan użat minn kombustibbli miksub mit-trattament kimiku ta’ żjut veġetali użati.

3.

Il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u (4) tad-Direttiva 2008/98 u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-użu ta’ tali kombustibbli f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi jkun suġġett għal-limitazzjonijiet regolatorji applikabbli għall-irkupru tal-enerġija mill-iskart, diment li u sakemm digriet ministerjali, att intern ta’ applikazzjoni ġenerali, ma jipprovdix mod ieħor.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

Il-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skart” bħala “kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”.

5.

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tmiem ta’ l-istatus ta’ skart”, jipprovdi:

“1.   Ċertu skart speċifikat m’għandux jibqa’ kunsidrat skart fis-sens tal-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, u jkun jikkonforma ma’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sustanza jew l-oġġett ikun użat komunement għal skopijiet speċifiċi;

(b)

ikun jeżisti suq jew tkun teżisti domanda għal tali sustanza jew oġġett;

(ċ)

is-sustanza jew l-oġġett jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi msemmija fil-punt (a) u jissodisfa l-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti; u

(d)

l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwasslux għal impatti ġenerali li jagħmel ħsara lill-ambjenta jew lis-saħħa tal-bniedem.

Fejn ikun meħtieġ, il-kriterji għandhom jinkludu valuri ta’ limiti għal sustanzi li jniġġsu u għandhom jieħdu kont ta’ l-effetti avversi kollha possibbli li s-sustanza jew l-oġġett jista’ jkollhom fuq l-ambjent.

2.   Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, relatati ma’ l-adozzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, u li jispeċifikaw it-tip ta’ skart li għalih għandhom japplikaw dawn il-kriterji, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 39(2) Għandhom jiġu kkunsidrati kriterji li jkunu speċifiċi għat-tmiem ta’ l-iskart, fost oħrajn, għall-inqas għall-aggregati, għall-karta, għall-ħġieġ, għall-metall, għat-tyres u għat-tessuti.

[…]

4.   Fejn il-kriterji ma ġewx stabbiliti fil-livell Komunitarju taħt il-proċedura stabbilita fil-paragraf[i] 1 [u 2], l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart ma baqax ikun skart b’kont meħud tal-ġurisprudenza applikabbli […].”

6.

L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2009/28 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “bijolikwidi” bħala “karburant likwidu għal għanijiet ta’ enerġija minbarra għat-trasport, inklużi l-elettriku u t-tisħin u t-tkessiħ, prodott mill-bijomassa”.

7.

L-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċeduri amministrattivi, regolamenti u kodiċijiet”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull regola nazzjonali li tikkonċerna l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni u liċenzjar li huma applikati għal impjanti u trasmissjoni assoċjata u infrastrutturi tan-netwerk tad-distribuzzjoni għall-produzzjoni tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u għall-proċess ta’ trasformazzjoni tal-bijomassa f’bijokarburanti jew prodotti tal-enerġija oħra, jkunu proporzjonati u meħtieġa.

L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jieħdu l-passi adatti biex jiżguraw li:

(a)

soġġett għal differenzi bejn l-Istati Membri fl-istrutturi amministrattivi u organizzattivi tagħhom, ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-korpi amministrattivi nazzjonali, reġjonali u lokali għal proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni u liċenzjar inkluż l-ippjanar ġeografiku huma kkoordinati u definiti b’mod ċar, bi skedi ta’ żmien trasparenti biex jiġu ddeterminati applikazzjonijiet għall-ippjanar u l-bini;

(b)

tagħrif komprensiv dwar l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni u liċenzjar għall-impjanti ta’ enerġija rinnovabbli u dwar l-għajnuna disponibbli għall-applikanti jsiru disponibbli fil-livell xieraq;

(c)

il-proċeduri amministrattivi huma simplifikati u mgħaġġla fil-livell amministrattiv xieraq;

(d)

ir-regoli li jirregolaw l-awtorizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-liċenzjar ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonali, ma jiddiskriminawx bejn l-applikanti u jikkunsidraw bis-sħiħ il-partikolaritajiet ta’ teknoloġiji individwali ta’ enerġija rinnovabbli;

(e)

it-tariffi amministrattivi mħallsa minn konsumaturi, pjanifikaturi, periti, bennejja u installaturi u fornituri ta’ tagħmir u sistemi huma trasparenti u relatati mal-ispiża; u

(f)

jiġu stabbiliti proċeduri ta’ awtorizzazzjoni simplifikati u inqas impenjattivi, anke permezz ta’ notifikazzjoni ssempliċi jekk tiġi permessa mill-qafas regolatorju applikabbli, għal proġetti iżgħar u għal strumenti deċentralizzati għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, fejn xieraq.”

B.   Id-dritt Taljan

8.

L-Artikolu 184b(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 tat-3 ta’ April 2006 dwar ir-Regoli Ambjentali ( 4 ) jittrasponi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 fid-dritt Taljan.

9.

L-Artikolu 268 eee-bis ta’ dan id-digriet jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kombustibbli” bħala “kwalunkwe materjal solidu, likwidu jew gassuż, li għalih l-Anness X fil-Parti V, jipprovdi l-użu għall produzzjoni tal-enerġija mill-kombustjoni, bl-esklużjoni tal-iskart”.

10.

L-Artikolu 293(1) ta’ dak id-digriet jistipula li “[l]-installazzjonijiet irregolati mit-Titolu I u t-Titolu II tal-Parti V, inklużi dawk l-istallazzjonijiet termali ċivili b’kapaċità taħt il-valur limitu, jistgħu jużaw biss il-kombustibbli pprovduti għal dawk il-kategoriji ta’ installazzjonijiet fl-Anness X tal-Parti V, suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fih. Il-materjali u s-sustanzi elenkati fl-Anness X tal-Parti V ta’ dan id-digriet ma jistgħux jintużaw bħala kombustibbli skont it-tifsira ta’ dan it-Titolu jekk jikkostitwixxu skart skont it-tifsira tal-Parti IV ta’ dan id-digriet. Il-kombustjoni ta’ materjali u ta’ sustanzi li ma jikkonformawx mal-Anness X fil-Parti V ta’ dan id-digriet jew li fi kwalunkwe każ jikkostitwixxu skart […], għandha tkun suġġetta għar-regolamenti fis-seħħ dwar l-iskart”.

11.

L-Anness X fil-Parti V tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, jelenka, fit-Taqsima 4 tat-Titolu II tiegħu, il-kombustibbli mill-bijomassa li l-użu tagħhom huwa permess għall-produzzjoni tal-enerġija fit-termini li ġejjin:

“(a)

materjali veġetali li ġejjin minn għelejjel iddedikati;

(b)

materjali veġetali li ġejjin minn trattament mekkaniku biss, ħasil bl-ilma jew tnixxif ta’ għelejjel mhux iddedikati;

(c)

materjali veġetali li ġejjin mill-interventi forestali, mill-manutenzjoni tal-foresti u miż-żbir;

(d)

materjali veġetali li ġejjin minn trattament mekkaniku biss u mit-trattament bl-arja, bil-fwar jew bl-ilma, inkluż ilma ferm imsaħħan, ta’ injam mhux maħdum u qoxra tas-siġar, serratura, ċana, tirqim u zkuk ta’ injam mhux maħdum, gerbub u fdal tas-sufra mhux maħdum, zkuk maqtugħin, mhux kontaminati b’sustanzi li jniġġsu;

(e)

materjali veġetali li ġejjin minn trattament mekkaniku biss, mill-ħasil bl-ilma jew mit-tnixxif ta’ prodotti agrikoli;

(f)

fdalijiet taż-żebbuġ […];

(g)

Likur iswed miksub mill-imtieħen tal-karti […];

(h)

prodotti mhux maħduma jew raffinati magħmula prinċipalment minn gliċeridi ta’ oriġini mill-annimali kklassifikati […] prodotti sekondarji ta’ oriġini mill-annimali jew prodotti derivati li jistgħu jintużaw fil-kuntest tal-proċess ta’ kombustjoni […]”

12.

Skont l-Artikolu 281(5) u (6) ta’ dak id-digriet, l-emendi u l-aġġornamenti tal-Annessi fil-Parti V ta’ dak id-digriet “għandhom jiġu adottati b’digriet tal-Ministru għall-Ambjent, għall-Protezzjoni tat-Territorju u għall-Baħar [iktar ’il quddiem, il-“Ministru għall-Ambjent”], bi qbil mal-Ministru għas-Saħħa, il-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku u, fil-partijiet li jikkonċernawh, mal-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport, wara li l-Konferenza Unifikata […] tkun instemgħet”.

13.

L-Artikolu 2(1)(h) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28 tat-3 ta’ Marzu 2011 ( 5 ) jittrasponi l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2009/28 fid-dritt Taljan.

14.

L-Artikolu 5(1) ta’ dak id-digriet jgħid li “il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku fornuti minn sorsi rinnovabbli, ix-xogħlijiet relatati u l-infrastruttura essenzjali għall-kostruzzjoni u għat-tħaddim tal-installazzjonijiet, kif ukoll il-modifiki sostanzjali li jsiru fl-installazzjonijiet innifishom, huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni unika prevista fl-Artikolu 12 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387 tad-29 ta’ Diċembru 2003[ ( 6 )]”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.

PNTE topera impjant li jipproduċi enerġija termali u elettrika li jaħdem bil-metan. Fit-8 ta’ Novembru 2016, din il-kumpannija talbet lill-provinċja ta’ Cuneo biex toħroġilha awtorizzazzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003, biex tbiddel is-sors tal-provvista tal-enerġija ta’ dak l-impjant. PNTE tixtieq tissostitwixxi l-metan b’żejt veġetali prodott mill-kumpannija ALSO Srl, idderivat mill-ġbir u mit-trattament kimiku taż-żjut tal-qali użati, mir-residwi tar-raffinar ta’ żjut veġetali u mir-residwi tal-ħasil tat-tankijiet fejn kienu maħżuna (iktar ’il quddiem iż-“żejt veġetali”).

16.

ALSO hija awtorizzata tbigħ iż-żejt veġetali bħala prodott li ma għadux skart skont it-tifsira tal-Artikolu 184b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, sakemm ikollu l-proprjetajiet fiżikokimiċi indikati f’dik l-awtorizzazzjoni u jkun immarkat bil-kliem “prodott idderivat mill-irkupru tal-iskart għall-użu fil-produzzjoni tal-bijodiżil” fid-dokumenti kummerċjali.

17.

PNTE ma ngħatatx l-awtorizzazzjoni mitluba peress li ż-żejt veġetali ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji ta’ kombustibbli awtorizzati fl-installazzjonijiet li jipproduċu emissjonijiet atmosferiċi elenkati fit-Taqsima 4 tal-Parti II tal-Anness X fil-Parti V tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006. L-uniċi żjut veġetali inklużi f’dawn il-kategoriji huma, fil-fatt, dawk idderivati minn għelejjel iddedikati jew prodotti esklużivament b’mezzi mekkaniċi. Il-provinċja ta’ Cuneo kkonkludiet għalhekk li, skont l-Artikolu 293(1) ta’ dan id-digriet, iż-żejt veġetali jrid jitqies bħala skart.

18.

PNTE appellat minn dik id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte). Insostenn tar-rikors tagħha, PNTE targumenta li r-rifjut li hija sofriet jikser ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2008/98 u 2009/28.

19.

F’dan il-kuntest, dik il-qorti tinnota li l-amministrazzjoni li rċeviet l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni mingħand PNTE kienet marbuta, skont l-Artikolu 293(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 moqri flimkien mal-Anness X tal-Parti V ta’ dak id-digriet, li tittratta ż-żejt veġetali bħala skart.

20.

Din il-konklużjoni ntlaħqet minkejja l-fatt li, l-ewwel u qabel kollox, iż-żejt veġetali huwa konformi mal-istandard tekniku UNI/TS 11163:2009 għall-“bijokarburanti likwidi, żjut u xaħmijiet tal-annimali u veġetali, is-sustanzi intermedji u d-derivattivi tagħhom – Klassifikazzjoni u speċifikazzjonijiet għall-iskop tal-użu għall-enerġija”, u dan ma ġiex ikkontestat mill-amministrazzjoni ( 7 ).

21.

It-tieni nett, skont dik il-qorti, iż-żejt veġetali għandu s-suq tiegħu stess bħala kombustibbli, kif tixhed ix-xewqa ta’ PNTE li tixtrih għall-operat tal-impjant tal-enerġija inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

22.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sostituzzjoni tal-metan miż-żejt veġetali għal dan il-għan ma tidhirx li hija ġeneralment ta’ ħsara għall-ambjent. PNTE ppreżentat, bħala parti mill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, rapport tekniku li juri li l-impatt ambjentali ta’ din is-sostituzzjoni ġeneralment huwa wieħed pożittiv, u dan ma ġiex ikkontestat mill-amministrazzjoni.

23.

Barra minn hekk, din il-qorti tindika li l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-enerġija mill-bijomassa, prevista mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tad-Digrieti Leġiżlattivi Nri 28/2011 u 387/2003, ma hijiex ikkoordinata mal-proċedura biex jiġi emendat l-Anness X tal-Parti V tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006. Skont l-Artikolu 281(5) u (6) ta’ dak id-digriet, dak l-anness jista’ jiġi rivedut biss permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Ambjent, bi qbil mal-ministeri kompetenti l-oħra.

24.

Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kombustibbli” prevista fl-Artikolu 268 eee-bis tal-imsemmi digriet lanqas ma hija armonizzata mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “bijolikwidi” prevista fl-Artikolu 2(h) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, li jittrasponi l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2009/28.

25.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte), bid-deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2018, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2018, issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva [2008/98] u, fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li hija prevista fl-Artikolu 293 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 u fl-Artikolu 268 eee-bis tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, li timponi li jitqies bħala skart, inkluż fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ impjant imħaddem minn bijomassa, bijolikwidu li jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għal dan il-għan, u li huwa mitlub għal finijiet produttivi bħala kombustibbli, jekk u sa fejn dan il-bijolikwidu ma jidhirx fil-paragrafu 1 tat-Taqsima 4 tal-Parti II tal-Anness X tal-Parti V tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 152/2006], u dan indipendentement mit-twettiq ta’ analiżijiet tal-impatt ambjentali negattiv jew mill-eżistenza ta’ kwalunkwe kontestazzjoni relatata mal-karatteristiċi tekniċi tal-prodott, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni?

2)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva [2009/28], u fi kwalunkwe każ il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trasparenza u ta’ semplifikazzjoni, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li hija prevista fl-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, [inkwantu], meta l-applikant jixtieq ikun awtorizzat li juża bijomassa bħala kombustibbli f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi, hija ma tipprevedi ebda koordinazzjoni mal-proċedura relatata mal-awtorizzazzjoni ta’ dan l-użu bħala kombustibbli prevista mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, Anness X fil-parti V, u li lanqas ma tipprevedi l-possibblità li tiġi evalwata in concreto s-soluzzjoni proposta fil-kuntest ta’ proċedura unika ta’ awtorizzazzjoni u fid-dawl ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi ddefiniti minn qabel?”

26.

PNTE, il-Provinċja ta’ Cuneo, il-Gvern Taljan u l-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. PNTE, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni kienu rappreżentati matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali tat-13 ta’ Frar 2019.

IV. Analiżi

A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari

27.

Bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żejt veġetali huwa prodott minn trattament kimiku permezz tal-esterifikazzjoni, b’mod partikolari, ta’ ċerti żjut tal-ikel użati ( 8 ). Huwa stabbilit li dawn kienu jikkostitwixxu skart skont it-tifsira tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 qabel ma jgħaddu minn dan it-trattament.

28.

ALSO kisbet awtorizzazzjoni li permezz tagħha ż-żejt veġetali miksub minn dak it-trattament jista’ jinbiegħ, bħala prodott li tilef il-kwalità ta’ skart, għal użu relatat mal-produzzjoni tal-bijodiżil (jiġifieri bijokarburant użat fil-magni diżil) ( 9 ). Dejjem skont l-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju, PNTE akkwistat iż-żejt veġetali u tixtieq tużah għal skop ieħor, jiġifieri bħala kombustibbli f’installazzjoni ta’ koġenerazzjoni li taqa’ fil-kategorija tal-installazzjonijiet li jipproduċu emissjonijiet atmosferiċi.

29.

F’konformità mal-Artikolu 268 eee-bis u mal-Artikolu 293(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, moqrija flimkien mal-Anness X tal-Parti V ta’ dak id-digriet (iktar ’il quddiem flimkien il-“leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), il-kombustjoni ta’ żjut veġetali dderivati mit-trattament kimiku tal-iskart fl-installazzjonijiet f’din il-kategorija hija suġġetta għal regoli nazzjonali dwar l-irkupru tal-enerġija mill-iskart. Dan jibqa’ japplika sakemm digriet ministerjali ma jżidx dan it-tip ta’ żjut mal-lista f’dak l-anness. Il-provinċja ta’ Cuneo indikat li l-irkupru tal-enerġija mill-iskart jeħtieġ awtorizzazzjoni speċifika u huwa suġġett għal regoli stretti relatati b’mod partikolari mal-limiti tal-emissjonijiet fl-arja.

30.

L-ommissjoni taż-żjut veġetali użati ttrattati b’mod kimiku mil-lista ta’ kategoriji ta’ kombustibbli li jistgħu jintużaw f’installazzjoni li tipproduċi tali emissjonijiet, barra s-sistema ta’ rkupru tal-enerġija għandha l-konsegwenza li teskludi kwalunkwe evalwazzjoni każ b’każ ta’ tmiem l-istatus ta’ skart ta’ dawk iż-żjut meta jkunu maħsuba għal tali użu. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispeċifikax ir-raġunijiet li jiġġustifikaw dik l-esklużjoni anki jekk tmiem l-istatus ta’ skart ta’ dawk iż-żjut jista’ jiġi identifikat wara eżami individwali meta jintużaw għall-produzzjoni tal-bijodiżil. L-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jidhru li jindikaw li hija tqis li din l-għażla ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni tar-riskji ambjentali u għas-saħħa assoċjati mal-kombustjoni ta’ żjut bħal dawn f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi.

31.

Il-provinċja ta’ Cuneo u l-Gvern Taljan isostnu, għall-kuntrarju, raġunijiet ambjentali u sanitarji insostenn tan-nuqqas ta’ inklużjoni taż-żjut veġetali użati ttrattati b’mod kimiku fil-lista msemmija hawn fuq. Essenzjalment, dawn tal-aħħar jargumentaw li meta żjut bħal dawn jinħarqu f’installazzjoni ta’ dan it-tip, ir-reaġenti kimiċi inklużi fihom jiġu rrilaxxati fl-atmosfera fi proporzjonijiet ħafna ikbar minn meta jkunu kkunsmati bħala komponent tal-bijodiżil f’magna diżil. Id-dokumenti xjentifiċi disponibbli ma jeskludux l-assenza ta’ riskji għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem relatati mal-kombustjoni taż-żjut veġetali esterifikati f’installazzjoni li tiġġenera emissjonijiet atmosferiċi. Dawn ir-riskji jistgħu jkunu potenzjalment ogħla minn dawk relatati mal-użu ta’ żjut bħal dawn għall-produzzjoni tal-bijodiżil. PNTE u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-ġustifikazzjoni.

32.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ser jiffurmaw l-isfond għall-analiżi tiegħi tad-domandi preliminari.

B.   Fuq l-ewwel domanda li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u (4) tad-Direttiva 2008/98

1. Rimarki introduttorji

33.

L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-konformità mal-Artikolu 6(1) u (4) tad-Direttiva 2008/98 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lill-awtoritajiet li jirċievu applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex sustanza miksuba mit-trattament tal-iskart mill-bijomassa, bħal żejt veġetali użat ittrattat b’mod kimiku, tintuża bħala kombustibbli f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi, milli jevalwaw, fid-dawl tal-karatteristiċi tekniċi tagħha u l-impatt ambjentali tagħha, jekk din is-sustanza tilfitx l-istatus tagħha ta’ skart meta ma taqax taħt xi waħda mill-kategoriji elenkati fil-lista ta’ kombustibbli awtorizzati f’installazzjoni ta’ dak it-tip taħt dik il-leġiżlazzjoni.

34.

F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar li l-konstatazzjoni ta’ jekk skart tilifx din il-kwalità tista’ ssir bi tliet modi differenti. L-ewwel nett, din il-konstatazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ tmiem l-istatus ta’ skart, li jkopru kategoriji ta’ skart speċifiċi, iddefiniti fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/98 ( 10 ). It-tieni nett, fl-assenza ta’ tali kriterji, din il-konstatazzjoni tista’ ssir permezz ta’ deċiżjoni “każ b’każ”, jiġifieri deċiżjoni individwali dwar flussi ta’ skart speċifiċi rkuprati f’installazzjoni partikolari, adottata minn Stat Membru skont l-Artikolu 6(4) ta’ dik id-direttiva. It-tielet nett, kif jidher ċar mis-sentenza Tallinna Vesi ( 11 ), dik id-dispożizzjoni tagħti s-setgħa lill-Istati Membri biex, fin-nuqqas ta’ kriterji previsti fil-livell tal-Unjoni, huma stess ifasslu l-kriterji li skonthom l-iskart li jappartjeni għal kategorija partikolari jitlef il-kwalità ta’ skart permezz ta’ att intern ta’ portata ġenerali ( 12 ).

35.

F’dan il-każ, ma ġewx stabbiliti kriterji dwar t-tmiem l-istatus tal-iskart għaż-żjut veġetali użati, la fil-livell tal-Unjoni u lanqas fil-livell nazzjonali. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprekludi wkoll kull evalwazzjoni każ b’każ ta’ tmiem l-istatus ta’ skart ta’ dawn iż-żjut meta jkunu trattati b’kimika u intenzjonati biex iservu bħala kombustibbli f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi ( 13 ). Fil-fatt, it-tmiem l-istatus ta’ skart tagħhom jippresupponi l-adozzjoni ta’ digriet ministerjali li jqegħedhom fil-lista tal-kombustibbli awtorizzati għal dak l-użu minbarra l-iskema applikabbli għall-inċinerazzjoni tal-iskart, filwaqt li jispeċifika, jekk ikun il-każ, il-kriterji li għandhom ikunu ssodisfatti għal dan il-għan.

36.

F’dan il-kuntest, l-ewwel domanda preliminari titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk, u jekk ikun il-każ sa liema punt, Stat Membru huwa meħtieġ, fin-nuqqas ta’ kriterji ta’ tmiem l-istatus ta’ skart iddefiniti fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali għal ċertu tip ta’ skart, li jippermetti evalwazzjoni każ b’każ ta’ tmiem l-istatus ta’ skart ta’ flussi partikolari ta’ skart ta’ dan it-tip. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 jimponi iktar minn sempliċi possibbiltà għall-Istati Membri li jeżaminaw jekk ċertu skart ikunx tilef dik il-kwalità u biex, fejn xieraq, jikkonstataw tmiem l-istatus ta’ skart tiegħu (Taqsima 2), il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom għal dan il-għan għandu jiġi ċċarat (Taqsima 3) sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tevalwa l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dik id-dispożizzjoni (Taqsima 4).

2. Fuq l-obbligu tal-Istati Membri li ma jittrattawx bħala skart sustanza li ma baqgħetx skart

37.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 tista’ tissuġġerixxi, bl-użu tal-kelma “jistgħu”, li r-rikonoxximent ta’ tmiem l-istatus ta’ skart li ma jagħmilx parti minn kategorija koperta minn kriterji ddefiniti fil-livell tal-Unjoni huwa għażla disponibbli għal kull Stat Membru. Madankollu, din l-interpretazzjoni ma tikkorrispondix għall-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kif indikat reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tallinna Vesi ( 14 ), l-Istati Membri huma meħtieġa, fl-assenza ta’ tali kriterji, jikkonstataw tmiem l-istatus ta’ skart ta’ skart “li jkun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru li tippermetti li dan isir utilizzabbli mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara għall-ambjent” mill-istatus ta’ skart.

38.

Dan l-approċċ huwa konformi mal-ġurisprudenza preċedenti għall-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “tmiem ta’ l-istatus ta’ skart”, meta ġiet adottata d-Direttiva 2008/98. Din il-ġurisprudenza, li għandha s-sors tagħha fis-sentenza ARCO Chemie Nederland et ( 15 ), diġà ddikjarat test, ibbażat fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “skart” ( 16 ) — li jippresupponi azzjoni, intenzjoni jew obbligu ta’ rimi tas-sustanza inkwistjoni — intiż li jiddistingwi skart minn sustanza li tkun tilfet dik il-kwalità b’riżultat ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru ( 17 ).

39.

F’dik is-sentenza u sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta skart ikun għadda minn irkupru sħiħ li jikkonferixxi lis-sustanza li tirriżulta minnu l-istess proprjetajiet u karatteristiċi bħal materja prima, b’tali mod li tkun tista’ tintuża fl-istess kundizzjonijiet ta’ prekawzjoni għall-ambjent, dik is-sustanza ma tibqax titqies bħala skart. Madankollu dan ma japplikax ħlief jekk id-detentur tiegħu ma jarmihx min-naħa tiegħu jew ma jkollux l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmih ( 18 ). F’bosta sentenzi sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dawn il-prinċipji sabiex tiddetermina f’liema mument l-irkupru ta’ skart – bħar-riċiklaġġ tiegħu ( 19 ) jew l-ipproċessar mill-ġdid tiegħu biex jintuża bħala kombustibbli ( 20 ) – jitqies komplut.

40.

L-approċċ li jipprovdi li r-rikonoxximent ta’ tmiem l-istatus ta’ skart ta’ skart li għadda minn operazzjoni ta’ rkupru sħiħ jikkostitwixxi sempliċi possibbiltà għad-dispożizzoni tal-Istati Membri huwa mifhum ukoll fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2008/98. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1 u mill-premessi 6 sa 9 tagħha, l-għan tal-ħarsien ambjentali mfittex minn din id-direttiva huwa doppju, jiġifieri, minn naħa waħda, il-prevenzjoni u t-tnaqqis ta’ effetti ta’ ħsara kkawżati mill-iskart u, min-naħa l-oħra, it-titjib fl-effiċjenza tal-ġestjoni tar-riżorsi. F’dak ir-rigward, huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-kunċett ta’ “skart” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ ( 21 ), bl-iskop li l-ambjent taħt l-ewwel wieħed minn dawk l-aspetti. Madankollu, il-portata ta’ dan il-kunċett ma għandhiex tkun wiesgħa tant li tiskoraġġixxi l-irkupru tal-iskart u b’hekk tfixkel il-kisba tal-għan ambjentali taħt it-tieni aspett tiegħu. Madankollu, l-inċertezza dwar l-istatus tal-iskart li jkun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru tista’ tħeġġeġ lid-detenturi tal-iskart jarmuh, mingħajr ma jqisu l-ġerarkija tal-iskart ( 22 ), minflok ma jirkuprawh ( 23 ).

41.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98, kif emendata bid-Direttiva 2018/851, issa jispeċifika l-obbligu fuq l-Istati Membri li “jieħdu miżuri xierqa” biex jiżguraw li l-iskart li jkun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru jitqies li ma għadux skart jekk jikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fih ( 24 ).

42.

Din l-emenda leġiżlattiva, fil-fehma tiegħi, ma hijiex qtugħ mis-sistema preċedenti, iżda pjuttost tisħiħ tal-obbligu li diġà kellhom l-Istati Membri li jirrikonoxxu tmiem l-istatus ta’ skart tas-sustanzi li jkunu ġew kompletament irkuprati ( 25 ). Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 17 tad-Direttiva 2018/851, l-għan ta’ dan it-tisħiħ huwa li tiżdied iċ-ċertezza legali fl-interess tal-operaturi fis-swieq tal-materja prima sekondarja, biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.

43.

Madankollu, il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jevalwaw, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98, jekk ċertu tip ta’ skart jew fluss speċifiku ta’ skart jistax, wara operazzjonijiet ta’ rkupru, jintuża mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ħsara lill-ambjent, teħtieġ li tiġi ċċarata.

3. Fuq il-firxa tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri biex jiddeterminaw jekk skart ikunx għadu skart

44.

Il-kliem tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 jindika, kif kienet indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri ( 26 ), li, meta l-ebda kriterju ma jkun ġie ddefinit fuq il-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk ċertu skart tilifx il-kwalità ta’ skart ( 27 ) fid-dawl biss tal-“ġurisprudenza”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iddeċidiet fis-sentenza Tallinna Vesi ( 28 ), li kemm il-kriterji ta’ tmiem l-istatus ta’ skart kif ukoll id-deċiżjonijiet każ b’każ tal-Istati Membri jridu jiżguraw l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98. Nosserva, f’dan ir-rigward li, għalkemm il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jirreferi biss għall-“ġurisprudenza”, il-kundizzjonijiet previsti fl-paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu huma stess huma ispirati mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 29 ), kif argumentat il-Kummissjoni waqt is-seduta.

45.

Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi wkoll għal dak li issa huwa espressament previst fl-Artikolu 6(4) ta’ dik id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2018/851 ( 30 ).

46.

B’dan speċifikat, nipproponi li l-Istati Membri jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ kemm fir-rigward tal-eżami sostantiv tal-konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 kif ukoll fl-għażla tal-metodu u tal-proċedura segwita.

47.

Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-regoli dwar il-proċeduri, l-awtoritajiet kompetenti u l-oneru tal-provi tal-elementi stabbiliti fid-Direttiva 2008/98, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward f’dik id-direttiva, l-istabbiliment ta’ dawn ir-regoli jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, sakemm l-għan u l-effikaċja ta’ dik id-direttiva ma jkunux imminati. B’mod partikolari, Stat Membru jista’ jpoġġi l-oneru tal-prova ta’ dawn l-elementi fuq dak li jiddependi fuqhom, sakemm ma jagħmilx dan eċċessivament diffiċli ( 31 ). Dawn il-prinċipji jirregolaw, fost l-oħrajn, l-għażla tal-metodu proċedurali tal-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ tmiem l-istatus ta’ skart previsti fl-Artikolu 6(1) ta’ l-istess direttiva.

48.

It-tieni nett, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 ma jispeċifikax in-natura tal-miżuri li Stat Membru għandu jagħti prijorità sabiex jiddetermina l-mument meta skart ma jibqax skart fl-assenza ta’ kriterji ddefiniti fil-livell tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għażla ta’ dawn il-miżuri ‑ kriterji ta’ portata ġenerali li jirrigwardaw it-tip ta’ skart inkwistjoni jew deċiżjonijiet individwali għall-flussi ta’ skart ta’ dan it-tip ‑ taqa’ wkoll taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri ( 32 ).

49.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni sostantiva tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98, fis-sentenza tagħha ta’ Tallinna Vesi ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-inqas f’ċerti ċirkustanzi ( 34 ), Stat Membru jista’, għal tip partikolari ta’ skart, jiddeċiedi li ma jipprovdix kriterji jew possibbiltà ta’ deċiżjoni individwali li tikkonstata tmiem l-istatus ta’ skart. Deċiżjoni bħal din tippreżumi li l-Istat Membru inkwistjoni jkun ivvaluta, wara li jkun ikkunsidra “l-elementi rilevanti kollha u l-istat attwali tal-għarfien xjentifiku u tekniku”, li dan it-tip ta’ skart ma jistax jitqies li għadda minn operazzjoni ta’ rkupru li tippermettilu jintuża mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem, u, b’hekk, li l-kundizzjonijiet stabbiliti hawn fuq ma humiex osservati ( 35 ).

50.

Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, ir-rikonoxximent fir-rigward tal-Istati Membri ta’ flessibbiltà kunsiderevoli, għalkemm mhux assolut, jidhirli li huwa essenzjali.

51.

Infakkar, f’dan ir-rigward, li, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 ma jistgħux, minnhom innifishom, jippermettu li jiġi stabbilit direttament li ċertu skart tilef din il-kwalità ta’ skart, fin-nuqqas ta’ kriterji ġenerali konkreti jew ta’ deċiżjoni każ b’każ ( 36 ). Billi kien ifformulat f’termini iktar ġenerali, it-test stabbilit mill-“ġurisprudenza” imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dak l-artikolu, li fuqu huma bbażati dawn il-kundizzjonijiet, huwa saħansitra inqas probabbli li jawtorizza direttament il-konstatazzjoni li skart ma baqax skart.

52.

Barra minn hekk, il-kriterji ta’ tmiem l-istatus ta’ skart tal-iskart żviluppati fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, kif ukoll id-deċiżjonijiet individwali meħuda mill-Istati Membri ġeneralment ikunu akkumpanjati, biex tiġi żgurata l-osservanza tal-kundizzjonijiet, minn qafas preċiż ħafna, b’mod partikolari fir-rigward tal-modalitajiet tal-proċess ta’ rkupru tal-iskart,.

53.

Għalhekk, ir-regoli li jistabbilixxu l-kriterji ta’ tmiem l-istatus ta’ skart fil-livell tal-Unjoni jistabbilixxu kriterji ddettaljati dwar l-iskart li jidħol fil-proċess ta’ rkupru, dwar il-materjali prodotti bħala riżultat ta’ dan il-proċess, dwar il-proċessi ta’ trattament u dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati mill-persuni responsabbli għal dawk il-proċessi. Skema simili tikkaratterizza, b’mod partikolari, l-istrumenti, adottati fi Franza ( 37 ) u fir-Renju Unit ( 38 ) li jistabbilixxu kriterji ta’ tmiem l-istatus ta’ skart għaż-żjut veġetali użati. L-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 2008/98, kif emendata bid-Direttiva 2018/851, issa jipprovdi li l-kriterji ta’ tmiem l-istatus ta’ skart li għandhom jiġu adottati fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri għandhom ikunu bbażati fuq struttura simili ( 39 ).

54.

L-iżvilupp ta’ dawk il-kriterji huwa, fil-prattika, eżerċizzju tekniku li ta’ spiss jeħtieġ konsultazzjonijiet mal-industrija u mal-partijiet interessati l-oħra kif ukoll studji biex jiġi evalwat l-impatt tal-ħruġ tas-sustanzi kkonċernati mill-iskemi tal-iskart fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem. Fin-nuqqas ta’ kriterji definiti għal tip speċifiku ta’ skart, l-evalwazzjoni każ b’każ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ tmiem l-istatus ta’ skart għal flussi speċifiċi ta’ skart ta’ dan it-tip teħtieġ ukoll kontroll strett tal-karatteristiċi ta’ tali flussi sabiex jiġi żgurat li dawk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti ( 40 ).

55.

Fil-qosor, l-adozzjoni ta’ kriterji, kif ukoll ta’ deċiżjonijiet individwali, dwar tmiem l-istatus ta’ skart tinvolvi evalwazzjonijiet tekniċi u xjentifiċi kumplessi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ( 41 ). Tali evalwazzjonijiet jistgħu jkunu wkoll il-bażi tal-għażla ta’ Stat Membru li ma jipprovdix kriterji u lanqas il-possibbiltà ta’ evalwazzjoni każ b’każ tat-tmiem tal-istatus ta’ skart ta’ skart speċifiku. La l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-qrati nazzjonali ma jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jissostitwixxuhom bil-ġudizzju tagħhom stess.

56.

Fid-dawl ta’ dan, jien inqis li, minn naħa, fin-nuqqas ta’ kriterji armonizzati, Stat Membru ma għandux ikun, fil-prinċipju, obbligat li jiftaħ proċedura għall-adozzjoni ta’ kriterji jew li jipprovdi evalwazzjoni individwali ta’ tmiem l-istatus ta’ skart meta l-leġiżlatur nazzjonali jqis li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 ma jistgħux ikunu ssodisfatti fir-rigward ta’ ċertu tip ta’ skart ( 42 ). Fil-fehma tiegħi, dan japplika iktar u iktar meta l-assenza ta’ kriterji u r-rifjut ta’ kwalunkwe eżami każ b’każ jikkonċernaw l-iskart ta’ dak it-tip biss meta jkun għadda minn trattament speċifiku u jkun intenzjonat għal użu partikolari, mingħajr ma jippreġudika l-possibbiltà li ma jibqax skart wara trattament separat u/jew għal użi oħrajn.

57.

Fil-fehma tiegħi, id-deċiżjoni li ma jiġux stabbiliti kriterji jew il-possibbiltà ta’ evalwazzjoni każ b’każ ta’ tmiem l-istatus ta’ skart għandha, madankollu, tiġi ssanzjonata meta l-premessa li fuqha hija bbażata, relatata man-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98, tirriżulta minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Dan l-istħarriġ ġudizzjarju limitat jidhirli li huwa meħtieġ sabiex jirrikonċilja l-flessibbiltà neċessarja tal-Istati Membri mal-għan ta’ promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari li għandha dik id-direttiva ( 43 ). Barra minn hekk, din il-flessibbiltà għandha tiġi rregolata fid-dawl tar-riskju, li inevitabbilment jiġi magħha, ta’ diverġenzi bejn il-prattiki nazzjonali dwar l-evalwazzjoni tal-mument li fih skart ma jibqax skart, li jistgħu jfixklu l-kummerċ bejn l-Istati Membri ( 44 ).

58.

Iktar minn hekk, min-naħa l-oħra, Stat Membru jista’ jqis, suġġett ukoll għall-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni ( 45 ), li għal ċertu tip ta’ skart, għalkemm ma jistax jiġi eskluż mill-bidu l-issodisfar tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 b’mod raġonevoli, l-osservanza tagħhom tista’ tiġi ggarantita biss permezz tad-definizzjoni tal-kriterji f’att intern ta’ portata ġenerali li għandu jiġi adottat wara proċedura li tinvolvi l-konsultazzjonijiet u l-istudji xierqa.

59.

Madankollu, f’dan il-każ tal-aħħar, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jadottaw attitudni passiva li tostakola l-adozzjoni ta’ tali kriterji jew, għall-inqas, il-bidu ta’ proċedura li tippermetti l-eżami tal-provi prodotti mid-detenturi tal-iskart ikkonċernati. Il-kisba tal-għan li jiġi promoss l-irkupru tal-iskart teħtieġ li l-iżvilupp ta’ kriterji dwar tmiem l-istatus ta’ skart ikun jista’ jiġi eżaminat fi proċedura li r-regoli ddettaljati tagħha, previsti mil-liġi nazzjonali, josservaw il-prinċipju tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju jimplika, fl-opinjoni tiegħi, li d-detenturi tal-iskart ikkonċernati jkunu jistgħu jitolbu l-ftuħ tal-proċedura għall-adozzjoni ta’ tali kriterji u jkollhom aċċess għal rimedji ġudizzjarji f’każ ta’ rifjut ta’ applikazzjoni bħal din jew nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-prinċipju tal-effettività jeħtieġ ukoll li din il-proċedura tkun irregolata b’limiti ta’ żmien raġonevoli ( 46 ).

4. Fuq l-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan il-każ

60.

Hija l-qorti tar-rinviju, l-unika qorti kompetenti biex tevalwa l-fatti rilevanti, li għandha tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħmilx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) u (4) tad-Direttiva 2008/98.

61.

Il-konstatazzjoni ta’ tali żball timplika li dik il-qorti tistabbilixxi li l-leġiżlatur nazzjonali wettaq żball manifest jew billi qies li mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu ma setgħetx tiġi ssodisfatta għal żjut veġetali użati trattati kimikament u li jintużaw bħala kombustibbli f’installazzjoni li tiġġenera emissjonijiet atmosferiċi, jew billi kkunsidra li l-verifika tal-osservanza ta’ dawk il-kundizzjonijiet setgħet tiġi żgurata biss bl-adozzjoni minn qabel, permezz ta’ regolamenti, ta’ kriterji dwar tmiem l-istatus tal-iskart għal dak it-tip ta’ żjut.

62.

Il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-portata ta’ dawk il-kundizzjonijiet, stabbiliti hawn taħt ( 47 ), ser ikunu jistgħu jinformaw lil dik il-qorti fil-kuntest ta’ dik l-evalwazzjoni. Qabel ma niżviluppahom, nemmen li jeħtieġ li nagħmel żewġ kjarifiki ġenerali.

63.

L-ewwel nett, il-fatt li l-awtorità nazzjonali kompetenti ssib li, sakemm jiġu ssodisfatti ċerti kriterji, skart partikolari jitlef il-kwalità ta’ skart għal ċertu użu ma jfissirx li dak l-iskart ma jibqax skart meta jintuża għal skopijiet oħra. Tabilħaqq, l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 tiddependi mill-użi speċifiċi previsti u għalhekk għandha tiġi vverifikata b’mod separat għal kull wieħed minn dawk l-użi ( 48 ).

64.

Fid-dawl ta’ dan, il-fatt li b’applikazzjoni tal-paragrafu 4 ta’ dak l-artikolu, l-awtorità kompetenti kkonstatat fl-awtorizzazzjoni mogħtija lil ALSO li ż-żejt veġetali ma jibqax jitqies bħala skart meta dan jintuża biex jipproduċi l-bijodiżil, bl-ebda mod ma jindika li l-leġiżlatur Taljan eċċeda l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu billi eskluda l-evalwazzjoni individwali ta’ tmiem l-istatus ta’ skart ta’ dak l-istess żejt għal użu f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi.

65.

It-tieni, il-kriterji ta’ tmiem l-istatus ta’ skart taż-żjut veġetali użati żviluppati fi Franza u fir-Renju Unit ( 49 ) iwasslu biss għall-konstatazzjoni, sakemm ma iniex żbaljat, ta’ tmiem l-istatus ta’ skart taż-żjut ta’ dak it-tip meta jiġu ttrattati kimikament, għal użu bħala bijokarburant biss kif ukoll, fir-Renju Unit, bħala kombustibbli għat-tisħin tad-djar ( 50 ). Għalkemm l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ tmiem l-istatus ta’ skart għandha tiġi evalwata minn kull Stat Membru fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, il-kriterji u d-deċiżjonijiet adottati fi Stati Membri oħrajn jistgħu madankollu jipprovdu ċerti indikazzjonijiet utli.

a) Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2008/98

66.

Il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 jissuġġettaw tmiem l-istatus ta’ skart għall-użu normali tal-iskart inkwistjoni għal skopijiet speċifiċi u għall-eżistenza ta’ suq jew ta’ domanda għalih. Dawn il-kundizzjonijiet jidhru li jirriflettu l-ġurisprudenza li skontha l-kwalità ta’ skart ta’ sustanza partikolari tiddependi mill-grad ta’ probabbiltà tal-użu mill-ġdid tagħha, li jkun ikbar meta jkun akkumpanjat minn vantaġġ ekonomiku ( 51 ).

67.

F’dan ir-rigward, id-dokument tal-Kummissjoni intitolat “Guidance on the Interpretation of Key Provisions of Directive 2008/98/EC on Waste” ( 52 ), jiddikjara ġustament, fil-fehma tiegħi, li l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, li hemm konnessjoni bejniethom, tista’ tiġi vverifikata abbażi ta’ indikazzjonijiet bħall-eżistenza ta’ kundizzjonijiet tas-suq ferm stabbiliti dwar il-provvista u d-domanda, prezz tas-suq li jista’ jiġi vverifikat għas-sustanza inkwistjoni, jew saħansitra l-eżistenza ta’ speċifikazzjonijiet jew standards kummerċjali.

68.

Għall-kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxu PNTE, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, il-fatt li PNTE akkwistat iż-żejt veġetali biex tużah bħala kombustibbli f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi mhux neċessarjament jiġġustifika, fih innifsu, il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet ikkunsidrati hawnhekk huma ssodisfatti. Konklużjoni bħal din timplika li jiġi stabbilit jew li l-applikazzjoni ta’ utent wieħed hija biżżejjed, fid-dawl tal-portata tagħha, biex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawk il-kundizzjonijiet, jew li hemm suq jew domanda usa’ għal dak l-użu għal żjut veġetali użati u ttrattati kimikament.

b) Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/98

69.

Il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/98 tirrifletti l-ġurisprudenza li skontha l-iskart ma jibqax skart meta, wara operazzjoni ta’ rkupru, ikun jista’ jintuża taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk għal materja prima. L-osservanza ta’ din il-kundizzjoni timplika, fil-fatt, li l-iskart, ladarba jiġi rkuprat, ikun konformi mal-istandards applikabbli għall-materja prima verġni użata għall-istess skopijiet tiegħu ( 53 ).

70.

F’dan ir-rigward, il-fatt li ż-żejt veġetali jikkonforma mal-istandard tekniku UNI għall-bijokarburanti likwidi, għalkemm huwa indikazzjoni tal-osservanza ta’ dik il-kundizzjoni, ma jistax, waħdu, jimponi dik il-konstatazzjoni.

71.

L-osservanza tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/98 fl-opinjoni tiegħi tiddependi ferm fuq jekk żejt veġetali esterifikat li ma huwiex miksub mill-iskart jaqax fil-kategoriji ta’ kombustibbli elenkati fl-Anness X tal-Parti V tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006. Tweġiba pożittiva għal din il-mistoqsija kieku ssostni l-konklużjoni li ż-żejt veġetali jissodisfa l-istandards għall-prodotti fis-sens tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/98. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi li ż-żjut veġetali kollha ttrattati kimikament, kemm jekk idderivati mir-raffinar ta’ żjut verġni (minn għelejjel iddedikati jew le) jew mit-trattament ta’ żjut użati, ikunu pprojbiti għal tali użu, din iċ-ċirkustanza tista’ tindika li l-kundizzjoni pprovduta fih ma hijiex issodisfatta ( 54 ).

72.

F’dan il-każ, il-pretensjonijiet ta’ PNTE jkunu ekwivalenti għal kontestazzjoni tal-istandard applikabbli għall-prodotti ta’ din il-projbizzjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 ma huwiex bażi ġuridika biex jiġu kkontestati l-għażliet regolatorji, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni ambjentali u l-protezzjoni tas-saħħa, sottostanti għar-regolamentazzjoni tal-prodotti.

73.

Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali standard mad-dritt tal-Unjoni, għalhekk, tqum fid-dawl mhux tad-Direttiva 2008/98 iżda tal-libertà ta’ moviment tal-merkanzija sanċit fl-Artikolu 34 TFUE. Hija tista’, fil-fatt, kif tallega PNTE, tfixkel il-libertà ta’ moviment taż-żjut veġetali ttrattati kimikament billi tissuġġetta l-użu tagħhom fl-installazzjonijiet imsemmija hawn fuq għar-restrizzjonijiet stretti tal-liġi dwar l-iskart. Tfixkil bħal dan ikun aċċettat biss jekk ikun iġġustifikat, b’kont meħud tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-Istati Membri sabiex jevalwaw, b’mod partikolari, ir-riskji assoċjati mal-użu u l-ġestjoni tal-iskart ( 55 ).

74.

Fil-fehma tiegħi, id-deċiżjoni tar-rinviju, ma fihiex biżżejjed informazzjoni biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tieħu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni partikolarment kumplessa. B’mod partikolari, il-Gvern Taljan ma ċċarax jekk l-ommissjoni taż-żjut veġetali ttrattati kimikament mil-lista fl-Anness X tal-Parti V tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 hijiex immotivata biss mir-riskji assoċjati mal-emissjonijiet ta’ kombustjoni jew għandhiex ukoll għanijiet oħra, bħal dak li tosserva l-ġerarkija tal-iskart (billi tinkoraġġixxi, fejn xieraq, ir-riċiklaġġ tiegħu minflok it-trattament mill-ġdid tiegħu biex jiġi rkuprat għall-enerġija ( 56 )) jew li tippromwovi l-użu ta’ żjut veġetali użati bħala bijokarburanti minflok kombustibbli ( 57 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma hija informata biżżejjed biex tiddetermina jekk ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex proporzjonati fir-rigward tal-iskop uniku jew multiplu mfittex.

c) Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2008/98

75.

L-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2008/98, sa fejn jipprovdi li l-iskart jista’ ma jibqax ikkunsidrat skart sakemm l-użu tiegħu ma jwassalx għal impatti ġenerali li jagħmel ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem, jirrifletti wkoll il-ġurisprudenza ta’ qabel l-adozzjoni tiegħu ( 58 ).

76.

Fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li l-Provinċja ta’ Cuneo ma kkontestatx l-evalwazzjoni li għamlet PNTE li l-impatt ambjentali tas-sostituzzjoni tal-metan biż-żejt veġetali bħala sors ta’ enerġija tal-impjant ta’ koġenerazzjoni inkwistjoni fil-kawża ġenerali, ġeneralment huwa pożittiv, ma jistax waħdu jkun evidenza tal-osservanza ta’ din il-kundizzjoni.

77.

Huwa minnu li, kif irrimarkat PNTE, l-irkupru tal-enerġija taż-żjut veġetali użati jista’ jkollu benefiċċji ekoloġiċi billi jippermetti li jintrema skart u fl-istess ħin jintuża minflok kombustibbli fossili jew bijolikwidu minn għelejjel iddedikati, li l-impatt ambjentali tagħhom huwa kontroversjali minħabba t-tibdil indirett fl-użu tal-art li jistgħu jikkawżaw ( 59 ).

78.

Madankollu, niddubita kemm huwa biżżejjed li neċessarjament jitqabbel l-effett tal-bijokarburanti mill-iskart ma’ dak tal-użu tal-kombustibbli ssostitwit għal dak li jikkonċerna l-emissjonijiet li normalment huma assoċjati mal-kombustjoni ta’ dan tal-aħħar. Din il-kwistjoni tikkonċerna l-identifikazzjoni tal-komparatur rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2008/98.

79.

Skont id-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni, il-konformità ma’ din il-kundizzjoni timplika li jkun stabbilit li l-użu tas-sustanza barra mill-iskema applikabbli għall-iskart ma għandhiex impatt negattiv fuq l-ambjent u fuq is-saħħa ikbar minn dak tal-użu tagħha taħt din l-iskema ( 60 ). Għalhekk hija kwistjoni ta’ paragun tar-riskju għall-ambjent u s-saħħa meta s-sustanza inkwistjoni titqies bħala skart jew meta titqies bħala prodott li ma għadux ikklassifikat bħala skart.

80.

F’dan il-każ, jirriżulta mid-dokumenti annessi għall-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ PNTE u tal-provinċja ta’ Cuneo li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ammettew li l-impatt ambjentali tat-tibdil tal-kombustibbli kien pożittiv peress li dan it-tibdil jirriżulta fi tnaqqis tal-emissjonijiet assoċjati mal-kombustjoni tal-metan ( 61 ). Madankollu, skont dawk id-dokumenti u suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, dan l-impatt ma jirrigwardax l-effetti ambjentali possibbli li jirriżultaw mill-kombustjoni taż-żejt veġetali f’dak li jirrigwarda l-emissjonijiet possibbli minn sustanzi niġġiesa oħrajn li jistgħu jkunu assoċjati mal-inċinerazzjoni tal-iskart. Bl-istess mod, il-fatt li ż-żejt veġetali jikkonforma mal-istandard tekniku UNI applikabbli għall-bijokarburanti likwidi mhux neċessarjament jiggarantixxi li ż-żejt veġetali ma jippreżenta l-ebda riskju ambjentali jew għas-saħħa li huwa speċifikament relatat mal-fatt li dan jirriżulta mit-trattament tal-iskart ( 62 ).

81.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Provinċja ta’ Cuneo u l-Gvern Taljan jinvokaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Skont dawn, ma jistax jiġi eskluż, b’livell raġonevoli ta’ ċertezza xjentifika, impatt ġeneralment negattiv fuq l-ambjent jew fuq saħħet il-bniedem mill-użu taż-żejt veġetali bħala kombustibbli f’installazzjoni ta’ koġenerazzjoni, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

82.

Min-naħa l-oħra, PNTE u l-Kummissjoni jargumentaw li l-awtoritajiet Taljani la wrew li l-kombustjoni taż-żejt veġetali esterifikat tagħmel iktar ħsara lill-ambjent minn dik ta’ żejt veġetali pproċessat b’mod mekkaniku, u lanqas li l-użu ta’ żejt veġetali esterifikat bħala kombustibbli f’impjant ta’ koġenerazzjoni huwa iktar ta’ ħsara mill-użu tiegħu bħala bijokarburant. Skont dawn tal-aħħar, din l-assenza ta’ evidenza, essenzjalment, timplika li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2008/98 għandha titqies li ġiet issodisfatta.

83.

F’dan il-kuntest, nixtieq infakkar li l-Istati Membri, fil-fehma tiegħi, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex jevalwaw jekk ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet għal tmiem l-istatus ta’ skart. B’mod partikolari, dik il-evalwazzjoni tiddependi fuq l-għażliet li jsiru minn kull Stat Membru, fl-assenza ta’ kriterji ddefiniti fil-livell tal-Unjoni, fuq il-livell ta’ protezzjoni ambjentali li jkun jixtieq jikseb ( 63 ) u fuq l-arbitraġġ bejn iż-żewġ għanijiet imfittxija minn dak l-artikolu ( 64 ).

84.

Barra minn hekk, evalwazzjoni bħal din ta’ spiss isseħħ f’kuntest ikkaratterizzat minn livell ta’ inċertezza xjentifika dwar ir-riskji ambjentali assoċjati ma’ tmiem l-istatus ta’ skart ta’ ċerti sustanzi. Madankollu, fil-fehma tiegħi, Stat Membru huwa awtorizzat, preċiżament minħabba l-prinċipju ta’ prekawzjoni ( 65 ), li jiddefinixxi l-livell ta’ ċertezza meħtieġ li ma hemm l-ebda riskju ta’ effett negattiv sinjifikattiv fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem u l-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli sabiex jawtorizza tmiem l-istatus ta’ skart. Id-deċiżjoni tiegħu, madankollu, għandha tkun ibbażata fuq eżami tal-evidenza teknika u xjentifika rilevanti, filwaqt li jkun mifhum li l-Istati Membri jistgħu jimponu l-oneru tal-prova tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ tmiem l-istatus ta’ skart fuq id-detenturi tal-iskart li jinvokawh ( 66 ).

5. Konklużjoni intermedja

85.

Il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq iwassluni biex nikkonkludi li l-Artikolu 6(1) u (4) tad-Direttiva 2008/98 ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jekk il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlatur nazzjonali seta’ jikkunsidra, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li ż-żjut veġetali użati ttrattati b’mod kimiku ma jistgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu meta jintużaw bħala kombustibbli f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi.

86.

L-istess japplika jekk dik il-qorti kellha tiddeċiedi li l-leġiżlatur nazzjonali seta’, mingħajr ma dik il-konklużjoni tkun ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, jikkunsidra li l-verifika tal-osservanza ta’ dawk il-kundizzjonijiet, fid-dawl tan-natura kumplessa u teknika tagħha, kienet tippresupponi l-adozzjoni ta’ kriterji dwar tmiem l-istatus ta’ skart għal dan it-tip ta’ żjut f’att intern ta’ portata ġenerali, sakemm il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ tali att tiżgura l-effettività tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98.

C.   Fuq it-tieni domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28

87.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28 jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn il-lista ta’ kategoriji ta’ kombustibbli mill-bijomassa li jistgħu jintużaw f’installazzjonijiet li jipproduċu emissjonijiet atmosferiċi mingħajr ma jkollhom jikkonformaw mar-regoli dwar l-irkupru tal-enerġija mill-iskart tista’ tiġi emendata biss permezz ta’ digriet ministerjali li l-proċedura tal-adozzjoni tiegħu ma hijiex ikkoordinata mal-proċedura amministrattiva għall-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ sustanza miksuba mill-bijomassa bħala kombustibbli ( 67 ). Din il-qorti tindika li l-proċedura għall-adozzjoni ta’ digriet ministerjali bħal dan ma hijiex, barra minn hekk, akkumpanjata minn skedi ta’ żmien ċerti u trasparenti.

88.

B’hekk il-problema mqajma tirrigwarda r-rabta bejn, minn naħa, il-proċeduri nazzjonali ta’ rikonoxximent ta’ tmiem l-istatus ta’ skart taħt l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98, u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina jekk, u jekk iva, sa liema punt il-fatt li s-sustanza li d-detentur jixtieq li jiġi rikonoxxut tmiem l-istatus tagħha bħala skart tikkostitwixxi bijolikwidu skont it-tifsira tal-Artikolu 2(h) ta’ dik id-direttiva taffettwax ir-rekwiżiti tal-Istati Membri fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98.

89.

Imqiegħda fil-kuntest tal-analiżi proposta bi tweġiba għall-ewwel domanda preliminari, din il-problema tinvolvi, minn naħa, li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28 jikkontestax il-konklużjoni li l-Istati Membri jistgħu, suġġett għall-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, jeskludu kull possibbiltà ta’ tmiem l-istatus ta’ skart, għal skart ta’ ċertu tip, fejn xieraq, fejn kien suġġett għal trattament speċifiku u/jew huwa maħsub għal skop speċifiku.

90.

Min-naħa l-oħra, huwa importanti li jiġi ċċarat jekk, meta Stat Membru jqis li, għalkemm din il-possibbiltà ma tistax tiġi raġonevolment eskluża mill-ewwel, l-osservanza tal-kundizzjonijiet għal tmiem l-istatus tal-iskart tista’ tiġi vverifikata biss jekk ikun hemm kriterji stabbiliti għal dak it-tip ta’ skart, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28 jimponix obbligi fuqu minbarra dak li jistabbilixxi proċedura li tikkonforma mal-prinċipju tal-effettività li tippermetti t-tfassil ta’ tali kriterji.

91.

Dawn id-domandi jeħtieġu tweġiba negattiva mingħandi.

92.

Dan huwa l-każ fejn, minn naħa waħda, id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li skonthom ċerti kategoriji ta’ skart miksub mill-bijomassa ma jibqgħux skart meta jkunu għaddew minn trattament speċifiku sabiex jintużaw bħala kombustibbli għandhom, fl-opinjoni tiegħi, jinftiehmu bħala l-kundizzjonijiet sostantivi li jirregolaw l-użu ta’ ċerti tipi ta’ enerġija rinnovabbli. Tali dispożizzjonijiet ma jipprekludux l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-iskart inkwistjoni bħala sors ta’ enerġija rinnovabbli. Dawn sempliċement jissuġġettaw użu bħal dan għal restrizzjonijiet regolatorji applikabbli għall-irkupru tal-enerġija mill-iskart. Madankollu, għar-raġunijiet stabbiliti hawn taħt, jien nikkunsidra li l-kundizzjonijiet sostantivi għall-użu tal-enerġija rinnovabbli ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28.

93.

Min-naħa l-oħra, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-kompatibbiltà ma’ dik id-dispożizzjoni tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-użu ta’ installazzjoni mħaddma mill-bijomassa biss sakemm ma tkunx ikkoordinata mal-proċedura għat-tfassil ta’ att intern ta’ portata ġenerali li jippermetti tmiem l-istatus ta’ skart tal-bijolikwidu li jkun jixtieq jawtorizza. Dik il-qorti tistaqsi wkoll dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ din il-proċedura tal-aħħar. Fl-opinjoni tiegħi, anki għar-raġunijiet stabbiliti hawn taħt, il-proċeduri regolatorji għall-adozzjoni ta’ kriterji dwar tmiem l-istatus tal-iskart lanqas ma huma rregolati mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28.

94.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa ċar mill-kliem tal-ewwel paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni li r-regoli nazzjonali dwar “il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni u liċenzjar” applikabbli għal installazzjonijiet li jipproduċu, jittrasportaw jew iqassmu l-enerġija minn sorsi rinnovabbli, kif ukoll għat-trasformazzjoni tal-bijomassa fi prodotti tal-enerġija, għandhom ikunu “proporzjonati u meħtieġa” ( 68 ). It-tieni subparagrafu tagħha jobbliga lill-Istati Membri biex jadottaw sensiela ta’ miżuri intiżi, b’mod mhux eżawrjenti, biex iwettqu dan ir-rekwiżit. Dawk l-obbligi speċifiċi, mifhuma fid-dawl tal-ewwel paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni, ma jistgħux jiġu interpretati bħala li għandhom kamp ta’ applikazzjoni usa’ mir-rekwiżit ġenerali ta’ proporzjonalità u neċessità li dawn jikkonkretizzaw ( 69 ).

95.

Imbagħad, il-qari li skontu dan ir-rekwiżit ġenerali japplika esklużivament għad-dispożizzjonijiet ta’ natura proċedurali jirriżulta wkoll mill-ġenesi tal-adozzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28. Tabilħaqq, ix-xogħol preparatorju juri li din id-dispożizzjoni kienet maħsuba biex jitnaqqsu l-ostakli amministrattivi relatati mad-dewmien, mal-ispejjeż amministrattivi u l-inċertezzi dwar il-proċeduri tal-għoti ta’ liċenzji għal proġetti ta’ sfruttament ta’ enerġiji rinnovabbli ( 70 ).

96.

Fl-aħħar nett, l-għanijiet u l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2009/28 jappoġġjaw din l-interpretazzjoni.

97.

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva sempliċement tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Għal dan il-għan, hija tistabbilixxi miri nazzjonali vinkolanti għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-elettriku u fil-konsum tal-enerġija fit-trasport. Il-kisba ta’ dawn l-objettivi nnifisha hija stess hija ntiża biex jintlaħaq l-għan ġenerali li tiżgura li s-sehem tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fl-Unjoni jkun mill-inqas 20 % sal‑2020 ( 71 ).

98.

F’dan ir-rigward, ix-xogħol preparatorju juri li l-leġiżlatur kien beħsiebu jippreserva l-libertà tal-Istati Membri li jiżviluppaw is-settur tal-enerġija rinnovabbli l-iktar adattat għas-sitwazzjoni tagħhom u b’hekk jagħmlu t-taħlita tal-enerġija tagħhom skont il-prijoritajiet tagħhom ( 72 ), sakemm dawn jilħqu l-miri nazzjonali vinkolanti assenjati lilhom.

99.

Din id-deskrizzjoni tal-għanijiet u tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2009/28 hija l-bażi tal-approċċ meħud fis-sentenza Elecdey Carcelen et ( 73 ). Fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 13(1)(e) ta’ dik id-direttiva huwa maħsub unikament biex jipprovdi qafas għall-ispejjeż relatati mal-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni u liċenzjar u mhux maħsub biex jillimita l-possibbiltà għall-Istati Membri li jimponu imposti bħal tariffa imposta fuq ġeneraturi tar-riħ. Hija indikat li għalkemm dawn tal-aħħar huma marbuta b’obbligu ta’ riżultat skont l-Artikolu 3(1) u (2) ta’ dik id-direttiva, jiġifieri li jilħqu l-għanijiet nazzjonali vinkolanti tagħhom, huma għandhom marġni diskrezzjonali fir-rigward tal-miżuri li jieħdu biex dan jinkiseb. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ma kienx eskluż li tali imposta tista’ trendi inqas attraenti, saħansitra tikkomprometti l-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ. Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk wieħed jassumi li l-imposta inkwistjoni setgħet twassal biex l-Istat Membru kkonċernat ma jilħaqx l-għan nazzjonali vinkolanti tiegħu, dan kien jirriżulta, l-iktar l-iktar, fi ksur ta’ dak l-obbligu ta’ riżultat. Il-miżura li timponi l-imposta ma tistax, madankollu, titqies fiha nnifisha li qiegħda tikser l-istess direttiva. Madankollu, din il-miżura kellha tirrispetta l-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE ( 74 ).

100.

Il-loġika wara din is-sentenza jidhirli li tikkonferma li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28 ma jistax jiġi interpretat bħala li jillimita l-possibbiltà tal-Istati Membri li jirregolaw l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ miżuri regolatorji ta’ natura mhux proċedurali.

101.

Fil-fehma tiegħi, dik is-sentenza tqajjem dubju dwar l-approċċ meħud fis-sentenza Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura ( 75 ), li l-Kummissjoni invokat b’appoġġ għall-interpretazzjoni li tmur kontra dik li jien nirrakkomanda. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet, fil-kuntest ta’ tilwima li għaliha d-Direttiva 2009/28 kienet għadha ma tapplikax ratione temporis, li l-Artikolu 13 ta’ dik id-direttiva kien jirrappreżenta espressjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità fid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk hija eżaminat il-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tipprojbixxi l-installazzjoni fis-siti ta’ Natura 2000 ta’ ġeneraturi tar-riħ mhux maħsuba għall-konsum proprju ma’ dan il-prinċipju. Filwaqt li dik is-sentenza kienet tissuġġerixxi li l-prinċipju ta’ proporzjonalità stipulat f’dik id-dispożizzjoni jkopri r-regoli kollha, kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, li jirregolaw il-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, jidhirli li dan l-approċċ ġie eskluż fis-sentenza Elecdey Carcelen et ( 76 ).

102.

Minn dan nikkonkludi li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-użu ta’ żjut veġetali użati ttrattati b’mod kimiku bħala kombustibbli f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi għall-konformità mal-istandards għall-inċinerazzjoni tal-iskart, diment li u sakemm digriet ministerjali ma jipprovdix mod ieħor. Anki jekk tali regolament jipperikola l-kisba tal-mira nazzjonali vinkolanti assenjata lill-Italja (li bl-ebda mod ma huwa ssuġġerit mid-deċiżjoni tar-rinviju), dan jirriżulta biss fi ksur tal-obbligu tar-riżultat li għalih trid tasal.

103.

Dik il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument, imressaq minn PNTE, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinjora l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28 sa fejn il-lista ta’ kombustibbli awtorizzati li tinsab fiha ma hijiex ikkoordinata mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “bijolikwidi” prevista mid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li jittrasponi l-Artikolu 2(h) ta’ dik id-direttiva.

104.

Lanqas ma hija kkontestata mill-argument, invokat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li l-Artikolu 17(8) tad-Direttiva 2009/28 jipprekludi lil Stat Membru milli jissuġġetta l-kombustjoni ta’ bijolikwidu, bħaż-żejt veġetali, għal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart li tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu.

105.

F’dan ir-rigward, nosserva li l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2009/28 sempliċement jiddefinixxi l-kunċett ta’ “bijolikwidi”, li jintuża f’dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dik id-direttiva. B’mod partikolari, l-Artikolu 17(1) ta’ dik id-direttiva jipprevedi “kriterji ta’ sostenibbiltà” applikabbli għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi.

106.

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-armonizzazzjoni maħluqa mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28, kif jidher ċar mill-kliem tal-paragrafu 8 tiegħu u kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat ( 77 ), sempliċement tispeċifika l-kriterji ta’ sostenibbiltà li l-bijokarburanti u l-bijolikwidi jridu jissodisfaw “[g]ħall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1” ta’ dak l-artikolu. Dawk il-finijiet jinkludu, minn naħa waħda, l-ikkunsidrar tal-enerġija prodotta minnhom sabiex jiġi vverifikat sa liema punt Stat Membru jissodisfa l-għanijiet nazzjonali vinkolanti tiegħu kif ukoll l-obbligi tiegħu fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li tiġi aċċettata għajnuna finanzjarja nazzjonali għall-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi.

107.

Minn dan jirriżulta, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 ma jobbligax lill-Istati Membri jawtorizzaw mingħajr kundizzjonijiet l-importazzjonijiet ta’ bijokarburanti sostenibbli minn Stati Membri oħrajn ( 78 ). Bl-istess loġika, din id-dispożizzjoni lanqas ma teħtieġ, fil-fehma tiegħi, li Stat Membru jippermetti l-użu ta’ bijokarburanti u bijolikwidi sostenibbli, kemm jekk ikunu prodotti fit-territorju tiegħu kif ukoll fi Stat Membru ieħor, mingħajr restrizzjoni.

V. Konklużjoni

108.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, nipproponi li d-domandi preliminari imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte, l-Italja), jitwieġbu kif ġej:

1)

L-Artikolu 6(1) u (4) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teħtieġ li sustanza li ġejja mit-trattament kimiku taż-żjut veġetali użati, li ma hijiex inkluża fil-lista ta’ kategoriji ta’ sustanzi miksuba mill-bijomassa awtorizzati għal dak il-għan, titqies bħala skart meta tintuża bħala kombustibbli f’installazzjoni li tipproduċi enerġija termali u elettrika, fejn dik il-lista tista tiġi emendata biss permezz tal-adozzjoni ta’ att intern ta’ portata ġenerali. Madankollu, dan japplika biss jekk il-leġiżlatur nazzjonali jkun iddeċieda, mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni:

li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) ta’ dik id-direttiva ma jistgħux jiġu ssodisfatti fir-rigward ta’ żjut veġetali użati meta dawn jgħaddu minn dan it-trattament għall-iskop ta’ dak l-użu, aspett li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju, jew

li l-issodisfar ta’ dawk il-kundizzjonijiet jista’ jkun ivverifikat biss bl-adozzjoni minn qabel ta’ kriterji ta’ tmiem l-istatus ta’ skart għas-sustanzi ta’ dak it-tip f’att intern ta’ portata ġenerali u li l-proċedura għall-adozzjoni ta’ tali att previst fid-dritt nazzjonali li tiżgura l-effettività tal-Artikolu 6(1) ta’ dik id-direttiva, b’mod partikolari billi tkun akkumpanjata minn termini raġonevoli, billi tkun tista’ tinfetaħ fuq talba tad-detenturi tal-iskart ikkonċernat u billi tipprovdi għal rimedji ġudizzjarji kontra r-rifjut tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jaċċedu għal talba bħal din, aspett li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

2)

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-użu tal-enerġija mill-iskart l-użu, bħala kombustibbli f’installazzjoni li tipproduċi l-enerġija termali u elettrika, ta’ bijolikwidu dderivat minn skart li ma jaqa’ f’ebda waħda mill-kategoriji elenkati fil-lista ta’ kombustibbli awtorizzati għal dan il-għan skont dik il-leġiżlazzjoni, fejn dik il-lista tista tiġi emendata biss permezz ta’ att intern ta’ portata ġenerali li l-proċedura ta’ adozzjoni tiegħu ma hijiex ikkoordinata mal-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-installazzjoni inkwistjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2008, L 312, p. 3).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 16).

( 4 ) Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 96 tal-14 ta’ April 2006 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006”).

( 5 ) Suppliment Ordinarju Nru 81 għall-GURI Nru 71 tat-28 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011”).

( 6 ) Digriet Leġiżlattiv li jittrasponi d-Direttiva 2001/77/KE fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern ta’ l-elettriku (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003”) (Suppliment Ordinarju Nru 17 għall-GURI Nru 25 tal-31 ta’ Jannar 2004).

( 7 ) Ninnota li l-Ente Nazionale di Normazione (UNI) (l-Istitut Nazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, l-Italja) huwa korp privat mingħajr skop ta’ qligħ li jiżviluppa, jippubblika u jippromwovi standards tekniċi volontarji fl-oqsma tal-industrija, tal-kummerċ u tas-servizzi. L-UNI jirrappreżenta lill-Italja fil-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u fl-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) (ara http://www.uni.com/u https://www.iso.org/member/1823.html).

( 8 ) PNTE ssostni li ż-żejt veġetali huwa prodott minn materja prima li ma tkunx għada iktar skart, magħrufa bħala żejt aċiduż ċar (iktar ’il quddiem iż-“ŻAĊ”), li din stess hija prodotta mill-iskart minn ALSO. Din il-verżjoni tal-fatti tvarja b’mod sinjifikattiv minn dik li toħroġ kemm mid-deċiżjoni ta’ rinviju kif ukoll mill-awtorizzazzjoni mogħtija lil ALSO. Din l-awtorizzazzjoni tindika, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li waħedha għandha l-kompetenza biex tevalwa l-fatti rilevanti, li ALSO tipproduċi ŻAĊ f’installazzjoni minnhom minn skart varjat li ma huwiex żejt tal-ikel użat. Iż-ŻAĊ jintuża f’installazzjoni oħra, biex jiġi prodott żejt veġetali esterifikat. Fit-tielet installazzjoni, ALSO tipproduċi żejt veġetali differenti minn żjut tal-qali użati. Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju u dejjem taħt il-kontroll tagħha, iż-żejt veġetali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx li huwa l-istess bħal dak prodott miż-ŻAĊ. Fi kwalunkwe każ, kif ser nispjega fil-paragrafi 63 u 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li skart ma jibqax skart għal ċertu skop (bħall-produzzjoni ta’ bijokarburant) ma jfissirx li jkun tilef dak l-istatus għal użi oħra (pereżempju, bħala kombustibbli f’installazzjoni ta’ koġenerazzjoni).

( 9 ) PNTE tallega li, din ir-restrizzjoni fuq l-użu tal-prodott tikkonċerna biss liż-ŻAĊ. Min-naħa l-oħra, l-awtorizzazzjoni maħruġa lil ALSO tipprovdi li ż-żejt veġetali jista’ jinbiegħ mingħajr restrizzjonijiet fis-settur tal-enerġija. Din il-verżjoni tal-fatti ma tikkorrispondix ma’ dik ippreżentata fid-deċiżjoni tar-rinviju. F’dan ir-rigward ninnota li, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, din l-awtorizzazzjoni ma tidhirx li tillimita għaż-ŻAĊ l-obbligu li jiġi indikat fuq id-dokumenti kummerċjali li l-prodotti li joħorġu mill-installazzjonijiet ta’ ALSO huma intenzjonati biex jintużaw bħala bijodiżil.

( 10 ) Għalissa, ġew adottati abbażi ta’ dik id-dispożizzjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 333/2011 tal-31 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta ċerti tipi ta’ metall skreppjat ma jibqgħux jitqiesu bħala skart skont id-Direttiva [2008/98/KE] (ĠU 2011, L 94, p. 2), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1179/2012 tal-10 ta’ Diċembru 2012 li jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta l-ħġieġ mormi ma jibqax jitqies bħala skart skont id-[Direttiva 2008/98] (ĠU 2012, L 337, p. 31), u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 715/2013 tal-25 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta r-ruttam tar-ram ma jibqax jitqies bħala skart skont id-[Direttiva 2008/98] (ĠU 2013, L 201, p. 14).

( 11 ) Sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019 (C‑60/18, EU:C:2019:264, punti 2425).

( 12 ) Din il-possibbiltà issa hija prevista b’mod espliċitu fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/98, kif irriveduta mid-Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda [id-Direttiva 2008/98] (ĠU 2018, L 150, p. 109), li daħlet fis-seħħ wara l-fatti tal-kawża prinċipali.

( 13 ) Il-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi l-ebda indikazzjoni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-prattika, ikollha l-istess effett fir-rigward ta’ kombustibbli oħrajn “kandidati” għal tmiem l-istatus ta’ skart. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kategoriji ta’ kombustibbli elenkati fl-Anness X tal-Parti V tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 huma definiti f’termini partikolarment wesgħin. Għalkemm PNTE tqis li ż-żieda taż-żjut veġetali esterifikati ma’ dik il-lista permezz ta’ digriet ministerjali missha ilha li saret, xejn ma jindika li din il-kritika tapplika għal kombustibbli oħrajn idderivati mill-iskart.

( 14 ) Sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019 (C‑60/18, EU:C:2019:264, punt 27).

( 15 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000 (C‑418/97 u C‑419/97, EU:C:2000:318, punti 94 u 96).

( 16 ) Ara l-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, li essenzjalment jirriproduċi d-definizzjoni ta’ “skart” stabbilita fl-istrumenti ta’ qabel dik id-direttiva.

( 17 ) Skont il-punt 15 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, il-kunċett ta’ “irkupru” jinkludi “kwalunkwe operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li inkella kienu jintużaw biex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew skart li qed jiġi ppreparat b’mod li jissodisfa dik il-funzjoni”. L-Anness II għal dik id-direttiva jipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru, fosthom l-użu bħala kombustibbli. Il-kunċett ta’ “riċiklaġġ” huwa min-naħa tiegħu, iddefinit fil-punt 17 tal-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva bħala “kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru li biha l-materjali ta’ l-iskart jiġu pproċessati mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi għall-użu oriġinali jew għal skopijiet oħra”, filwaqt li jiġi nnotat li dan il-kunċett “ma jinkludix irkupru ta’ enerġija u l-ipproċessar mill-ġdid f’materjali li għandhom jintużaw bħala karburanti jew għal operazzjonijiet ta’ radam mill-ġdid”.

( 18 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansaterveystyön kuntayhtymän hallitus (C‑9/00, EU:C:2002:232, punt 46) u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑283/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:763, punt 61). Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “skart” tista’ tiġi spjegata, fil-fehma tiegħi, mill-fatt li l-azzjoni ta’ rimi ta’ sustanza tista’ tikkonsisti f’li din tiġi sottomessa għal operazzjoni ta’ rkupru (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie vs Région wallonne (C‑129/96, EU:C:1997:628, punti 2627)). Meta titlesta din l-operazzjoni u s-sustanza li tirriżulta minnha tista’ tintuża mingħajr riskju għall-ambjent jew għas-saħħa, fil-prinċipju d-detentur ma jerġax jarmiha. Għalkemm il-fatt li skart ġie rkuprat għalkollox jikkostitwixxu indikazzjoni b’saħħitha u spiss konklużiva ta’ tmiem tal-istatus ta’ skart tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu indikat li ma jistax jiġi eskluż – għalkemm din il-possibbiltà hija pjuttost teoretika (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Mayer Parry Recycling (C‑444/00, EU:C:2002:420, punt 104)) –, li d-detentur tiegħu jarmih, jipprova jarmih jew ikun meħtieġ li jarmih minkejja dan l-irkupru.

( 19 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling (C‑444/00, EU:C:2003:356, punti 6768 kif ukoll punt 75) u tal-11 ta’ Novembru 2004Niselli (C‑457/02, EU:C:2004:707, punt 52).

( 20 ) Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2008, Lahti Energia (C‑317/07, EU:C:2008:684, punti 3536) u tal-25 ta’ Frar 2010, Lahti Energia (C‑209/09, EU:C:2010:98, punti 18 sa 21), moqrija flimkien. Ara wkoll, a contrario, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑283/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:763, punt 62).

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansaterveystyön kuntayhtymän hallitus (C‑9/00, EU:C:2002:232, punt 23); tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 44) u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland (C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 53).

( 22 ) Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, Commission Staff Working Document – Annex the Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council on Waste and Communication from the Commission Taking Sustainable Use of Resources Forward: A Thematic Strategy on the Prevention and Recycling of Waste – Impact Assessment on the Thematic Strategy on the Prevention and Recycling of Waste and the Immediate Implementing Measures, 21 ta’ Diċembru 2005 (SEC(2005) 1681, p. 9 u 17).

( 24 ) Skont il-premessa 17 tad-Direttiva 2018/851, tali miżuri jistgħu jinkludu “l-adozzjoni ta’ leġislazzjoni li tittrasponi dawn il-kondizzjonijiet bl-appoġġ ta’ proċeduri għall-implimentazzjoni tagħhom, bħall-istabbiliment ta’ kriterji ta’ tmiem tal-istatus tal-iskart materjali u speċifiċi għall-applikazzjoni, dokumenti ta’ gwida, deċiżjonijiet każ b’każ u proċeduri oħrajn għall-applikazzjoni ad hoc tal-kundizzjonijiet armonizzati stabbiliti fil-livell tal-Unjoni”.

( 25 ) Dejjem jekk id-detentur ma jarmihomx min-naħa tiegħu jew ċirkustanzi oħra ma jurux l-intenzjoni, jew saħansitra obbligu, li jarmihom.

( 26 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013 (C‑358/11, EU:C:2013:142, punti 5657).

( 27 ) Il-ġurisprudenza inkwistjoni tinkludi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenzi msemmija fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019 (C‑60/18, EU:C:2019:264, punt 23).

( 29 ) Ara l-punt 66, 69 u 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Dik id-dispożizzjoni tiddikjara li, fl-assenza ta’ kriterji ta’ tmiem l-istatus ta’ skart stabbiliti fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istat Membru inkwistjoni, id-deċiżjonijiet meħuda fuq bażi ta’ każ b’każ minn dak l-Istat Membru għandhom ikunu bbażati fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98.

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et (C‑418/97 u C‑419/97, EU:C:2000:318, punti 41 u70); tal-11 ta’ Novembru 2004, Niselli (C‑457/02, EU:C:2004:707, punt 34), kif ukoll, b’analoġija, tat-3 ta’ Ottubru 2013, Brady (C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 62). Ara wkoll il-premessa 17 tad-Direttiva 2018/851.

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi (C‑60/18, EU:C:2019:264, punt 25).

( 33 ) Sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019 (C‑60/18, EU:C:2019:264, punti 2628).

( 34 ) Ninnota li, fis-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi (C‑60/18, EU:C:2019:264, punt 30), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 ma kienx jippermetti li detentur tal-iskart jeżiġi l-konstatazzjoni ta’ tmiem l-istatus ta’ skart mill-awtorità jew mill-qorti nazzjonali kompetenti “f’ċirkustanzi bħal dawk [inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza]”. Il-Qorti tidher ukoll li indikat li tista’ tkun sitwazzjoni differenti f’ċirkustanzi oħra, jew għall-inqas li ħalliet il-kwistjoni miftuħa.

( 35 ) Dik il-konklużjoni tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mill-punt 27 tas-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi (C‑60/18, EU:C:2019:264).

( 36 ) Ara, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2013, Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri (C‑358/11, EU:C:2013:142, punt 55) u tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi (C‑60/18, EU:C:2019:264, punt 29).

( 37 ) Digriet tal-24 ta’ Awwissu 2016 li jistabbilixxi l-kriterji ta’ tmiem l-istatus ta’ skart għall-iskart xaħmi u għaż-żjut tal-ikel użati għall-użu bħala kombustibbli f’installazzjoni tal-kombustjoni kklassifikata taħt l-intestatura 2910-B taħt in-nomenklatura tal-installazzjonijiet ikklassifikati għall-protezzjoni ambjentali u ta’ qawwa li taqbeż iż-0.1 [MW (mégawatt (MW)] u għall-esteri metiliċi tal-aċidi grassi mmanifatturati minn tali skart biex jiġu inkorporati fi prodott taż-żejt (JORF Nru 0234 tas-7 ta’ Ottubru 2016, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-24 ta’ Awwissu 2016”).

( 38 ) Guidance, Biodiesel: Quality Protocol, verżjoni aġġornata fit-12 ta’ Ġunju 2015, https://www.gov.uk/government/publications/biodiesel-quality-protocol/biodiesel-quality-protocol.

( 39 ) Jingħad ukoll li meta l-Kummissjoni tiżviluppa kriterji, hija għandha tibbaża fuq l-iktar kriterji stretti u ekoloġiċi stabbiliti mill-Istati Membri.

( 40 ) F’dan il-każ, l-awtorizzazzjoni mogħtija lil ALSO tipprovdi l-karatteristiċi tekniċi, fiżikokimiċi u tal-prestazzjoni enerġetika li għandu jkollhom is-sustanzi li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ din tal-aħħar sabiex jitilfu l-istatus ta’ skart, filwaqt li tispeċifika li dawn il-karatteristiċi huma strettament relatati mal-użu li għalih huma maħsuba s-sustanzi skont din l-awtorizzazzjoni.

( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi (C‑60/18, EU:C:2019:264, punt 27).

( 42 ) Fil-każ ta’ skart ittrattat biex jintuża bħala kombustibbli, l-irkupru tiegħu jitqies li jkun tlesta mhux bħala riżultat tat-trattament, iżda wara li jkun ġie inċinerat skont ir-regolamenti applikabbli għall-irkupru tal-enerġija tal-iskart.

( 43 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi (C‑60/18, EU:C:2019:264, punt 27).

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Mayer Parry Recycling (C‑444/00, EU:C:2003:356, punti 7879).

( 45 ) Bl-istess mod, l-Avukat Ġenerali Kokott fl-opinjoni tagħha f’Tallinna Vesi (C‑60/18, EU:C:2018:969) qieset li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex jirregolaw l-operazzjonijiet ta’ rkupru u jiddefinixxu l-livell ta’ protezzjoni applikabbli skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 (punt 43). Hija kkunsidrat, essenzjalment, li Stat Membru, billi jeskludi kull possibbiltà ta’ evalwazzjoni każ b’każ ta’ tmiem l-istatus ta’ skart partikolari fl-assenza ta’ kriterji stipulati f’att intern ta’ portata ġenerali, jaqbeż dak il-marġni ta’ diskrezzjoni biss kieku l-iskart inkwistjoni kien jista’ jkun utilizzabbli “lil hinn minn kull dubju raġonevoli”, permezz ta’ operazzjoni ta’ rkupru, mingħajr ma titqiegħed fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem jew issir ħsara lill-ambjent (punt 52).

( 46 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jistgħu l-iktar jitolbu lill-Ministeru għall-Ambjent biex jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu biex jibda l-proċedura ta’ emenda tal-lista msemmija fl-Anness X tal-Parti V tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006. Il-Gvern Taljan isostni li dawn l-operaturi għandhom rimedji ġudizzjarji kontra tweġiba negattiva għal din it-talba jew kontra n-nuqqas ta’ azzjoni minn dak il-ministeru. PNTE tikkontesta din l-affermazzjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, il-proċedura ta’ emenda inkwistjoni, barra minn hekk, la tinkludi skadenzi ċerti u lanqas skedi ta’ żmien trasparenti.

( 47 ) Ara l-punti 66 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) L-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2008/98 jispeċifika li s-sustanza inkwistjoni għandha tintuża komunement “għal skopijiet speċifiċi”. L-osservanza tal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a) sa (d) ta’ dik id-dispożizzjoni hija intrinsikament marbuta ma’ kull użu partikolari ta’ dik is-sustanza.

( 49 ) Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Il-leġiżlazzjoni Franċiża tjipprovdi li żjut veġetali pproċessati b’mod mekkaniku jistgħu, min-naħa l-oħra, ma jibqgħux skart sabiex jintużaw bħala kombustibbli f’ċerti installazzjonijiet ta’ kombustjoni. Ara l-Artikolu 3(b) tad-diigriet tal-24 ta’ Awwissu 2016, moqri flimkien mal-punti 2.1 u 2.2 tat-Taqsima 2 tal-Anness I ta’ dak id-digriet.

( 51 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansaterveystyön kuntayhtymän hallitus (C‑9/00, EU:C:2002:232, punti 36 u 37).

( 52 ) Ġunju 2012, p. 23 (iktar ’il quddiem id-“Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni”). Dan id-dokument, għalkemm ma huwiex vinkolanti, jipprovdi indikazzjonijiet li jistgħu jiggwidaw lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/98.

( 53 ) Ara, wkoll, f’dan is-sens, id-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni, p. 23.

( 54 ) Skont l-informazzjoni fil-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-Digriet Ministerjali Nru 264 tat-13 ta’ Ottubru 2016 li jistabbilixxi kriterji indikattivi li jiffaċilitaw il-prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni tar-residwi tal-produzzjoni bħala prodotti sekondarji u mhux bħala skart (GURI Nru 38 tal-15 ta’ Frar 2017) jispeċifika, fit-Taqsima 2 tiegħu, li l-prodotti sekondarji tat-trattament jew tar-raffinar taż-żejt veġetali jaqgħu taħt l-Anness X tal-Parti V tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 biss jekk jiġu ttrattati fiżikament. Din ir-regola tidher, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li tapplika għal żjut verġni. Min-naħa l-oħra, il-fajl ma jindikax jekk żejt veġetali minn għelejjel iddedikati jistax jintuża f’installazzjoni li tiġġenera emissjonijiet atmosferiċi meta dan ikun ġie ttrattat kimikament.

( 55 ) Ara l-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) Ara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/98.

( 57 ) Nenfasizza li, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/28, kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija prodott minn sorsi rinnovabbli fis-settur tat-trasport ikun mill-inqas 10 % tal-konsum finali ta’ enerġija tiegħu f’dak is-settur. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, IBV & Cie (C‑195/12, EU:C:2013:598, punti 81 u 82), li minnha jirriżulta li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tas-sorsi tal-bijomassa li jixtiequ jippromwovu bħala kombustibbli permezz ta’ miżuri ta’ għajnuna.

( 58 ) Ara l-punti 38 u 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-premessi (4) u (5) tad-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2015, L 239, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 234, P. 26) u l-premessa 81 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82).

( 60 ) Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni, p. 24.

( 61 ) Jiġifieri l-emissjonijiet tal-ossidu tal-kubrit (SOx), ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx), tal-monossidu tal-karbonju (CO), tal-ammonja (NH3) u tat-trab.

( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑283/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:763, punt 62).

( 63 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2004, EU-Wood-trading (C‑277/02, EU:C:2004:810, punt 46).

( 64 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 65 ) Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços (C‑77/09, EU:C:2010:803, punti 60 u 82); tal-11 ta’ Lulju 2013, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑601/11 P, EU:C:2013:465, punt 143), u tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et (C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 49).

( 66 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 67 ) Din il-proċedura hija, f’dan il-każ, prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, li jirreferi għall-Artikolu 12 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387/2003. Il-proċedura biex tiġi emendata l-lista fl-Anness X tal-Parti V tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 hija, min-naħa tagħha, stabbilita fl-Artikolu 281(5) u (6) ta’ dan id-digriet.

( 68 ) L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2018/2001 essenzjalment jirriproduċi dan il-kliem. Din id-Direttiva ma tapplikax ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali.

( 69 ) Għall-kuntrarju ta’ dak li argumentat il-Kummissjoni, dan il-qari ma huwiex ikkontestat mir-riferiment fit-titolu tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/28 għal “regolamenti u kodiċijiet”. Fil-fatt, mill-paragrafi 4 sa 6 ta’ dak l-artikolu jirriżulta li dak ir-riferiment jirrigwarda d-dispożizzjonijiet regolatorji u l-kodiċijiet tal-kostruzzjoni, li fihom l-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri xierqa biex jiżdied is-sehem ta’ enerġija rinnovabbli fil-bini u biex jitħeġġeġ l-użu ta’ dan it-tip ta’ enerġija. Hija ma timplikax li l-paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu jimponi kundizzjoni ġenerali ta’ proporzjonalità fuq ir-regoli nazzjonali kollha li jirregolaw il-produzzjoni u l-użu ta’ enerġija rinnovabbli.

( 70 ) Ara, b’mod partikolari, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, The Support of Electricity from Renewable Energy Sources – Accompanying Document to the Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council on the Promotion of the Use of Energy from Renewable Sources, 23 ta’ Jannar 2008 (SEC(2008) 57 final, p. 7). Ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni,Measures for the EU’s Objectives on Climate Change and Renewable Energy for 2020 (SEC(2008) 85 final, p. 12).

( 71 ) L-Artikoli 3(1) u l-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2009/28. Skont l-Artikolu 3(2) ta’ dik id-direttiva, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi miżuri effettivi biex jiżgura li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tiegħu tal-enerġija jammonta għal mill-inqas it-trajettorja indikattiva stabbilita fil-Parti B tal-Anness I. L-Artikolu 4(1) ta’ dik id-direttiva jirrikjedi l-adozzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali li jiddeskrivu dawk il-miżuri.

( 72 ) Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta’ l-użu ta’ l-enerġija minn sorsi rinnovabbli tat-23 ta’ Jannar 2008 (COM(2008) 19 finali, p. 12).

( 73 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017 (C‑215/16, C‑216/16, C‑220/16 u C‑221/16, EU:C:2017:705, punti 32 sa 35, kif ukoll il-punti 39 u 40).

( 74 ) Fit-trattament tal-ewwel domanda preliminari, diġà esprimejt il-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biżżejjed informazzjoni biex tiddetermina jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-użu ta’ żjut veġetali esterifikati bħala kombustibbli f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi għall-osservanza tar-regoli tal-inċinerazzjoni tal-iskart tikkostitwixxix ostaklu mhux iġġustifikat għall-moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikolu 34 TFUE (ara l-punti 73 u 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 75 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (C‑2/10, EU:C:2011:502, punt 73).

( 76 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017 (C‑215/16, C‑216/16, C‑220/16 u C‑221/16, EU:C:2017:705).

( 77 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490, punti 283233) u tal-4 ta’ Ottubru 2018, L.E.G.O. (C‑242/17, EU:C:2018:804, punt 28). Ara wkoll il-premessa 94 tad-Direttiva 2009/28.

( 78 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 35).

Top