Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0210

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-28 ta’ Marzu 2019.
    WESTbahn Management GmbH vs ÖBB-Infrastruktur AG.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mins-Schienen-Control Kommission.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Żona ferrovjarja unika Ewropea – Direttiva 2012/34/UE – Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘infrastruttura ferrovjarja’ – Anness II – Provvisti minimi – Inklużjoni tal-użu tal-pjattaformi tal-passiġġieri.
    Kawża C-210/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:277

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

    ippreżentati fit‑28 ta’ Marzu 2019 ( 1 )

    Kawża C‑210/18

    WESTbahn Management GmbH

    vs

    ÖBB‑Infrastruktur AG

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mix-Schienen‑Control Kommission (il-Kumitat Regolatorju Ferrovjarju, l-Awstrija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport — Żona ferrovjarja unika Ewropea — Direttiva 2012/34/UE — Stazzjonijiet tal-passiġġieri, il-binjiet tagħhom u faċilitajiet oħrajn — Infrastruttura ferrovjarja — Inklużjoni tal-pjattaformi tal-passiġġieri — Imposta ta’ aċċess — Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza”

    1. 

    Il-pjattaformi jifformaw parti mill-istazzjonijiet ferrovjarji għall-passiġġieri? Ir-risposta fl-affermattiv, apparentement ovvja, ma tibqax hekk meta dispożizzjoni legali tad-dritt tal-Unjoni (id-Direttiva 2012/34/UE) ( 2 ) tintroduċi ċerta konfużjoni permezz tad-definizzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji, minn naħa, u tal-faċilitajiet ta’ servizz, min-naħa l-oħra.

    2. 

    Id-Direttiva 2012/34 tikklassifika l-istazzjonijiet tal-passiġġieri u t-terminali tal-merkanzija bħala faċilitajiet tas-servizz ferrovjarju. Madankollu, fil-“lista ta’ elementi tal-infrastruttura ferrovjarja” tinkludi l-“pjattaformi għall-passiġġieri u għall-merkanzija inkluż fi stazzjonijiet tal-passiġġieri u terminals tal-merkanzija”.

    3. 

    Il-kalkolu tal-imposti li l-impriżi ferrovjarji għandhom iħallsu, sabiex jagħmlu użu mill-pjattaformi għall-passiġġieri, ivarja skont jekk dawn jikkorrispondux għal kategorija waħda jew l-oħra. Din hija l-problema li qiegħed jaffaċċja x-Schienen‑Control Kommission (il-Kumitat Regolatorju Ferrovjarju, l-Awstrija; iktar ’il quddiem il-“Kumitat Regolatorju”), li għandu jsolvi l-kunflitti f’dan ir-rigward permezz ta’ proċedura amministrattiva ( 3 ).

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva 2012/34

    4.

    L-Artikolu 3 (“Definizzjonijiet”) jindika li:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    ‘impriża ferrovjarja’ tfisser impriża pubblika jew privata liċenzjata skont din id-Direttiva, li n-negozju ewlieni tagħha huwa li tipprovdi servizzi għat-trasport ta’ oġġetti u/jew ta’ passiġġieri bil-ferrovija b’kundizzjoni li l-impriża tiżgura trazzjoni; din tinkludi wkoll impriżi li jipprovdu trazzjoni biss;

    (2)

    ‘maniġer tal-infrastruttura’ tfisser kull korp jew ditta responsabbli b’mod partikolari biex tistabbilixxi, timmaniġġja u żżomm l-infrastruttura ferrovjarja, inkluż l-immaniġġjar tat-traffiku u l-kontroll tal-kmand u s-senjalar; il-funzjonijiet tal-maniġer tal-infrastruttura f’netwerk jew f’parti minn netwerk jistgħu jiġu allokati lil korpi jew ditti differenti;

    (3)

    ‘infrastruttura ferrovjarja’ tfisser, l-elementi kollha elenkati fl-Anness I;

    […]

    (11)

    ‘faċilità ta’ servizz’ tfisser l-installazzjoni, inkluż l-art, il-bini u t-tagħmir, li ġiet maħsuba apposta, kompletament jew parzjalment, biex ikunu jistgħu jingħataw servizz wieħed jew aktar minn dawk imsemmija fil-punti 2 sa 4 tal-Anness II;

    (12)

    ‘operatur tal-faċilità ta’ servizz’ tfisser kwalunkwe entità pubblika jew privata responsabbli għall-immaniġġjar ta’ faċilità waħda jew aktar ta’ servizz jew li tagħti servizz wieħed jew aktar lill-impriżi ferrovjarji msemmija fil-punti 2 sa 4 tal-Anness II;

    […]”

    5.

    Konformement mal-Artikolu 13 (“Kundizzjonijiet tal-aċċess għas-servizzi”):

    “1.   Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom ifornu lill-impriżi ferrovjarji kollha fuq bażi nondiskriminatorja, il-pakkett minimu ta’ aċċess stipulat fil-punt 1 tal-Anness II.

    2.   Operaturi ta’ faċilitajiet ta’ servizz għandhom ifornu b’mod nondiskriminatorju lill-impriżi ferrovjarji kollha bl-aċċess, inkluż l-aċċess għall-binarji, lill-faċilitajiet imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II, u lis-servizzi fornuti f’dawn il-faċilitajiet.

    […]

    4.   Talbiet li jsiru minn impriżi ferrovjarji għall-aċċess għal, u l-forniment ta’ servizzi fil-faċilità ta’ servizz imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II għandhom jingħataw risposta f’terminu ta’ żmien raġonevoli stipulat mill-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55. Dawn it-talbiet jistgħu jiġu miċħuda biss jekk jeżistu alternattivi vijabbli li jippermettulhom iħaddmu s-servizz tat-trasport tal-merkanzija jew tal-passiġġieri kkonċernat fuq l-istess rotta jew rotot alternattivi b’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli. […]

    […]”

    6.

    L-Artikolu 31 (“Il-Prinċipji tat-tqegħid tal-imposti”) jipprovdi li:

    “1.   L-imposti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u għall-faċilitajiet tas-servizzi għandhom jitħallsu lill-maniġer tal-infrastruttura u lill-operatur tal-faċilità ta’ servizz rispettivament u jintużaw biex jipprovdu fondi għan-negozju tagħhom.

    […]

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 jew 5 ta’ dan l-Artikolu jew għall-Artikolu 32, l-imposti għall-pakkett minimu tal-aċċess u għal aċċess għal infrastrutturi li jgħaqqdu l-faċilitajiet ta’ servizz għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju.

    […]

    7.   L-imposti imposti għal aċċess għal binarji fil-faċilità ta’ servizz imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II u l-forniment ta’ servizzi f’tali faċilitajiet ma għandhomx ikunu aktar mill-ispiża biex jiġu pprovduti, flimkien ma’ profitt raġonevoli”.

    7.

    L-Anness I (“Lista ta’ elementi tal-infrastruttura ferrovjarja”) jipprovdi li:

    “L-infrastruttura ferrovjarja tikkonsisti fl-affarijiet segwenti, sakemm dawn jiffurmaw parti mil-linja permanenti, li tinkludi l-binarji ż-żgħar tal-ġenb, iżda teskludi l-linji li qegħdin fil-postijiet fejn jissewwew il-magni tal-ferrovija, fl-imħażen jew fl-imħażen lokomottivi, u branki ta’ linji u binarji żgħar privati:

    Żona terrana,

    Il-linja tal-ferrovija u l-istruttura nnifisha, b’mod partikulari, l-imbankamenti, it-taħfir fl-art, il-kanali u fossi tad-drenaġġ, il-kanali ta’ taħt il-ferrovija, il-ħitan li jgħattu dawn l-istrutturi, l-impjant ta’ rampi fil-ġenb għall-protezzjoni, eċċ.; pjattaformi għall-passiġġieri u għall-merkanzija inkluż fi stazzjonijiet tal-passiġġieri u terminals tal-merkanzija; bankini u mogħdijiet tal-mixi; il-ħitan li jservu għall-għeluq, sisien, ċnut; strippi ta’ protezzjoni min-nar; l-apparat li jintuża’ fil-postijiet ta’ sħana; fejn il-linji tal-ferroviji jaqsmu ma’ xulxin, eċċ.; paraventi ta’ protezzjoni mill-borra,

    […]

    Mezzi ta’ aċċess għall-passiġġieri u l-merkanzija, inkluż l-aċċess bit-triq u l-aċċess għal passiġġieri li jaslu jew jitilqu bil-mixi,

    […]

    Il-bini użat mid-dipartiment tal-infrastruttura, inkluż proporzjon tal-istallazzjonijiet għall-ġbir ta’ imposti fuq it-trasport”.

    8.

    L-Anness II (“Servizzi li għandhom jingħataw lill-impriżi ferrovjarji (imsemmija fl-Artikolu 13)”) jistabbilixxi li:

    “1.

    Il-pakkett ta’ aċċess minimu għandu jkun jikkonsisti:

    (a)

    fl-immaniġġjar ta’ talbiet għall-kapaċità tal-infrastruttura;

    (b)

    fid-dritt li tintuża l-kapaċità allokata;

    (c)

    fl-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja, inklużi track points u ġonot;

    […]

    2.

    Għandu jingħata aċċess, inkluż aċċess għat-tracks, għall-faċilitajiet tas-servizzi li ġejjin, meta dawn ikunu jeżistu, u għas-servizzi fornuti f’dawn il-faċilitajiet:

    (a)

    stazzjonijiet tal-passiġġieri, il-binjiet tagħhom u faċilitajiet oħrajn; inkluż informazzjoni dwar l-ivvjaġġar u post adattat għal servizzi relatati mal-biljetti;

    […]”

    B.   Id-dritt nazzjonali. Eisenbahngesetz (il-Liġi Ferrovjarja)

    9.

    Fl-Artikolu 10a isir riferiment dirett għall-Anness I tad-Direttiva 2012/34 sabiex tiġi ddefinita l-infrastruttura ferrovjarja.

    10.

    Fl-Artikolu 58 isir riferiment għall-provvisti minimi, li fosthom hemm l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, f’termini identiċi għal dawk tal-ittra (c) tal-punt 1 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/34.

    11.

    L-Artikolu 58b, iddedikat għall-aċċess għall-faċilitajiet ta’ servizz u l-provvista ta’ servizzi, jippreċiża, bl-istess formulazzjoni tal-punt 2 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/34, li l-operaturi tal-faċilitajiet ta’ servizz għandhom jipprovdu, b’mod nondiskriminatorju, l-aċċess għall-faċilitajiet tagħhom.

    12.

    Fir-rigward tal-ispejjeż tal-operat tas-servizz ferrovjarju u t-tariffa tas-servizzi, l-Artikoli 67 u 69b(1) jirriproduċu l-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 13(3) u (7) tad-Direttiva 2012/34, rispettivament.

    II. Il-fatti tal-kawża u d-domanda preliminari

    13.

    ÖBB‑Infrastruktur AG (iktar ’il quddiem “ÖBB”) hija l-entità fl-Awstrija li timmaniġġja l-infrastrutturi ferrovjarji, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2012/34, u topera l-faċilitajiet ta’ servizz ( 4 ).

    14.

    WESTbahn Management GmbH (iktar ’il quddiem, “Westbahn”) hija waħda mill-impriżi ferrovjarji (iddefiniti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2012/34) iddedikata għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport għall-passiġġieri b’aċċess għall-binarji. Għal dan il-għan, din tirrikorri għall-mogħdijiet ferrovjarji u għall-waqfiet fl-istazzjonijiet ta’ ÖBB, u tħallasha l-imposti korrispondenti.

    15.

    Westbahn ikkunsidrat li l-imposti tal-istazzjon applikati minn ÖBB kienu eċċessivi, għaldaqstant ressqet ilment quddiem il-Kumitat Regolatorju, organu regolatorju kkostitwit skont l-Artikolu 55 tad-Direttiva 2012/34.

    16.

    Id-dibattitu huwa sabiex jiġi ċċarat jekk, għall-kalkolu ta’ dawn l-imposti, il-pjattaformi tal-passiġġieri għandhomx jiġu kkunsidrati bħala: a) inklużi fl-hekk imsejjaħ “pakkett ta’ aċċess minimu” tal-punt 1 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/34; jew b) faċilitajiet ta’ servizz, fis-sens tal-ittra (a) tal-punt 2 tal-Anness II tal-istess direttiva.

    17.

    Id-dubji tal-Kumitat Regolatorju jitqajmu minħabba li d-Direttiva 2012/34 emendat il-“pakkett ta’ aċċess minimu”.

    Sa dakinhar, kien stabbilit li l-użu tal-pjattaformi għall-passiġġieri jiġi inkluż fl-użu tal-istazzjonijiet.

    Madankollu, il-punt 1 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/34, billi jippreċiża l-“pakkett ta’ aċċess minimu” li l-maniġers tal-infrastruttura għandhom jipprovdu lill-impriżi ferrovjarji kollha, introduċa element ġdid fl-ittra (c), jiġifieri, l-“użu ta’ infrastruttura ferrovjarja”.

    Barra minn hekk, l-Anness I tad-Direttiva 2012/34, billi jipprovdi l-“lista ta’ elementi tal-infrastruttura ferrovjarja”, jinkludi “pjattaformi għall-passiġġieri u għall-merkanzija inkluż fi stazzjonijiet tal-passiġġieri u terminals tal-merkanzija”.

    18.

    Is-soluzzjoni għat-tilwima taffettwa l-kalkolu tal-imposti ta’ aċċess li għandhom jitħallsu mill-impriżi ferrovjarji.

    Jekk il-pjattaformi għall-passiġġieri jiġu kklassifikati bħala faċilitajiet ta’ servizz, jiġi applikat il-kriterju tal-ispejjeż korrispondenti għall-provvista ta’ servizzi, skont l-Artikolu 31(7) tad-Direttiva 2012/34 (spiża tal-provvista tas-servizz flimkien ma’ profitt raġonevoli).

    Min-naħa l-oħra, jekk jitqiesu bħala parti mill-infrastruttura ferrovjarja inkluża fil-“pakkett ta’ aċċess minimu”, jiġi applikat il-kriterju tal-ispejjeż tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34 (spiża imputabbli direttament għall-operat tas-servizz ferrovjarju).

    19.

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk fil-pakkett ta’ aċċess minimu humiex inklużi biss il-pjattaformi għall-passiġġieri tal-“istazzjonijiet tal-passiġġieri”, jew anki l-pjattaformi għall-passiġġieri taż-żoni ta’ waqfien sempliċi, li fl-Awstrija jirrappreżentaw il-maġġoranza tal‑1 069 stazzjon eżistenti. Din taħseb li jekk il-pjattaformi għall-passiġġieri tal-istazzjonijiet tal-passiġġieri diġà huma inklużi, a fortiori għandhom ikunu inklużi wkoll il-pjattaformi taż-żoni ta’ waqfien sempliċi, li bl-istess mod jippermettu li l-passiġġieri jitilgħu u jinżlu.

    20.

    Il-Kumitat Regolatorju jenfasizza li, mill-premessi tad-Direttiva 2012/34, la tirriżulta bidla fil-prinċipji tal-ispejjeż u lanqas ma jiġi dedott li l-pjattaformi għall-passiġġieri issa jifformaw parti mill-pakkett ta’ aċċess minimu. Jekk dan ikun il-każ, dan ikun jimplika bidla sostanzjali fil-prinċipji tal-ispejjeż, minħabba li ħafna minnhom jispiċċaw esklużi mill-kalkolu ta’ dawk relatati mal-użu tal-istazzjonijiet. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħu, raġonevolment il-pjattaformi għall-passiġġieri ma għandhomx jiġu inklużi fil-pakkett ta’ aċċess minimu, iżda taħt it-titolu ta’ stazzjonijiet ta’ ferroviji, jiġifieri, fil-kategorija tal-faċilitajiet ta’ servizz.

    21.

    F’din iċ-ċirkustanza, il-Kumitat Regolatorju jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-punt 2(a) tal-Anness II tad-Direttiva [2012/34] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kategorija ‘stazzjonijiet tal-passiġġieri, il-binjiet tagħhom u faċilitajiet oħrajn’ imsemmija fih tinkludi l-element tal-infrastruttura ferrovjarja ‘pjattaformi għall-passiġġieri’ skont it-tieni inċiż tal-Anness I ta’ din id-direttiva?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

    Il-punt 1(c) tal-Anness II tad-Direttiva [2012/34] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kategorija ‘l-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja’ msemmija fih tinkludi l-użu tal-pjattaformi għall-passiġġieri skont it-tieni inċiż tal-Anness I ta’ din id-direttiva?”

    III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    22.

    Id-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Marzu 2018.

    23.

    ÖBB, Westbahn, il-Gvern Pollakk u dak Franċiż, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha kienu preżenti għas-seduta miżmuma fis‑17 ta’ Jannar 2019, ħlief għall-Gvern Pollakk.

    IV. Evalwazzjoni

    A.   Espożizzjoni tat-tilwima

    24.

    Naqbel mal-maġġoranza tal-intervenjenti fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, li għaż-żewġ domandi magħmula mill-Kumitat Regolatorju tista’ tingħata risposta unika.

    25.

    Sabiex jiġu stabbiliti t-termini tad-dibattitu, għandu jitfakkar li fost is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti lill-impriżi ferrovjarji, konformement mal-Anness II tad-Direttiva 2012/34, hemm:

    Dawk inklużi fil-pakkett ta’ aċċess minimu, li jsir riferiment għalihom fil-punt 1.

    Dawk previsti fil-punti 2, 3 u 4 korrispondenti, rispettivament, għall-faċilitajiet ta’ servizz, is-servizzi addizzjonali u s-servizzi anċillari.

    26.

    Fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/34 jiġu ttrattati l-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi ferrovjarji jista’ jkollhom aċċess għad-diversi servizzi.

    Fil-każ tal-pakkett ta’ aċċess minimu, dan għandu jiġi pprovdut mill-maniġers tal-infrastrutturi b’mod nondiskriminatorju (punt 1).

    Fir-rigward tal-faċilitajiet ta’ servizz, huma l-operaturi tagħhom li għandhom jipprovdu lill-impriżi ferrovjarji l-“aċċess, inkluż l-aċċess għall-binarji, lill-faċilitajiet imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II, u lis-servizzi fornuti f’dawn il-faċilitajiet” (punt 2) ( 5 ).

    27.

    Id-Direttiva 2012/34 tipprevedi li l-ħlas tal-imposti għall-użu kemm tal-infrastrutturi ferrovjarji, kif ukoll tal-faċilitajiet ta’ servizz. Dawn l-imposti jitħallsu lill-maniġer tal-infrastruttura u lill-operatur tal-faċilità ta’ servizz, rispettivament, u jintużaw għall-finanzjament tal-attività tagħhom (Artikolu 31(1)) ( 6 ), konformement ma’ dawn il-kriterji:

    Fir-rigward tal-pakkett ta’ aċċess minimu, l-“imposti […] għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju” (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34).

    Fir-rigward tal-faċilitajiet ta’ servizz, l-imposta ma għandiex taqbeż l-ispiża tal-provvista tas-servizz flimkien ma’ profitt raġonevoli (Artikolu 31(7) tal-istess direttiva).

    28.

    Kif diġà ġie nnotat, kieku l-pjattaformi għall-passiġġieri kienu waħda mill-faċilitajiet ta’ servizz, l-imposta li l-impriża ferrovjarja jkollha tħallas lill-operatur ta’ din il-faċilità tista’ tinkludi parti ta’ profitt raġonevoli, favur dan tal-aħħar. Kieku, għall-kuntrarju, il-pjattaformi jifformaw parti mill-pakkett ta’ aċċess minimu, l-ammont tal-imposta jkun limitat għall-ispiża imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju.

    29.

    L-istazzjonijiet tal-passiġġieri, il-binjiet tagħhom u faċilitajiet oħrajn jissemmew fost il-faċilitajiet ta’ servizz tal-punt 2 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/34, b’mod partikolari fl-ittra (a) tiegħu.

    30.

    Għalkemm id-direttiva ma tiddefinixxix dak li għandu jinftiehem bi “pjattaforma għall-passiġġieri”, it-tifsira ġenerali tagħha bħala spazju stabbilit sabiex jippermetti lill-persuni jidħlu fi u joħorġu mill-ferrovija, twassal sabiex dawn jistgħu jkunu kemm fl-istazzjonijiet jew anki barra minnhom (f’żoni ta’ waqfien) ( 7 ).

    31.

    B’mod intuwittiv, il-kunċett ta’ stazzjon ta’ ferrovija huwa indissoċjabbli mill-pjattaformi. Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun fl-affermattiv. Madankollu, iċ-ċarezza apparenti f’din ir-risposta titnaqqas, kif indikajt fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta jinqara l-punt 1 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/34, li jinkludi l-“użu tal-infrastruttura ferrovjarja” fil-pakkett minimu ta’ aċċess.

    B.   Il-pjattaformi għall-passiġġieri bħala (parti minn) infrastruttura ferrovjarja

    1. L-interpretazzjoni tal-Annessi I u II tad-Direttiva 2012/34

    32.

    Id-Direttiva 2012/34, minkejja li tinkludi l-kunċett ta’ “infrastruttura ferrovjarja” fid-“definizzjonijiet” tal-Artikolu 3 tagħha, tippreferi tispeċifika l-elementi tagħha u tidħol fid-dettall permezz ta’ riferiment għall-Anness I. Fost dawn l-elementi, isir riferiment b’mod espress għall-“pjattaformi għall-passiġġieri”.

    33.

    Għalhekk, ma hemmx dubju li, skont id-Direttiva 2012/34, l-imsemmija pjattaformi huma parti mill-infrastruttura ferrovjarja u, bl-istess mod, jaqgħu fil-pakkett ta’ aċċess minimu. Din hija deċiżjoni espliċita tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li b’dan il-mod emendat is-sistema legali preċedenti.

    34.

    Fil-fatt, id-Direttiva 2001/14/KE ( 8 ), li ppreċediet id-Direttiva 2012/34, ma kinitx tinkludi l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja fil-pakkett ta’ aċċess minimu, b’tali mod li d-distinzjoni bejn dan u l-faċilitajiet ta’ servizz, iddefiniti fl-Anness II, ma kienet tiddependi minn ebda lista ta’ elementi tal-infrastruttura ferrovjarja.

    35.

    F’dan ir-rigward, ÖBB kif ukoll il-Gvern Franċiż u dak Pollakk isostnu li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jemenda s-sistema preċedenti huwa kien jagħmel dan b’mod espress u jiġġustifikah fil-premessi tad-direttiva l-ġdida. L-inklużjoni tal-pjattaformi għall-passiġġieri fil-kunċett tal-infrastruttura ferrovjarja timplika innovazzjoni importanti b’rabta mal-leġiżlazzjoni preċedenti.

    36.

    Madankollu, ma nqisx li dan l-argument huwa konklużiv. Jekk wieħed jagħmel riferiment għat-test tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/440/KEE ( 9 ), jista’ jiġi vverifikat kif ġie ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’rabta mat-“tmexxija ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija”. Biex jiddefinixxiha t-tielet inċiż tal-Artikolu 3 jagħmel riferiment għall-parti A tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2598/70 ( 10 ). Dan l-anness, li l-formulazzjoni tiegħu hija kważi identika għal dik tal-Anness I tad-Direttiva 2012/34, isemmi l-pjattaformi għall-passiġġieri u l-merkanziji fil-lista.

    37.

    It-tqabbil taż-żewġ testi juri li waħda mill-frażijiet miżjuda taffettwa, ġustament, il-pjattaformi għall-passiġġieri u l-merkanzija, li fir-rigward tagħhom l-Anness I tad-Direttiva 2012/34 żied il-frażi “inkluż fi stazzjonijiet tal-passiġġieri u terminals tal-merkanzija”.

    38.

    Ma huwiex konċepibbli li din iż-żieda ma hijiex intenzjonata ( 11 ), speċjalment minħabba li l-ittra (a) tal-punt 2 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/34 tinkludi l-istazzjonijiet tal-passiġġieri fost il-faċilitajiet ta’ servizz, u l-pjattaformi huma r-raġuni għaliex dawn huma stazzjon, f’dak li jirrigwarda l-aċċess tal-passiġġieri għall-ferrovija. Minn din il-perspettiva, jista’ jiġi dedott biss li l-leġiżlatur ried li l-pjattaformi għall-passiġġieri, anki dawk li jinsabu f’dawn l-istazzjonijiet, jifformaw parti mill-infrastruttura ferrovjarja ( 12 ).

    39.

    Sussegwentement, l-istess leġiżlatur ikkonferma l-kriterju tiegħu, minħabba li l-emendi introdotti mid-Direttiva (UE) 2016/2370 ( 13 ) ma affettwawx il-formulazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva 2012/34.

    40.

    Il-Kummissjoni tispjega b’mod konvinċenti għaliex saret din l-għażla. Id-distinzjoni bejn il-pakkett ta’ aċċess minimu (li jiggarantixxi l-provvisti li mingħajrhom is-servizz ta’ trasport ma jkunx jista’ jitwettaq) u l-aċċess għall-faċilitajiet ta’ servizz għandha konsegwenza mhux biss ekonomika, minħabba l-kriterji differenti tal-iffissar tal-imposta korrispondenti, iżda timplika wkoll sistema differenti fir-rigward tal-possibbiltà ta’ aċċess. Fil-każ tal-provvisti minimi, dan l-aċċess huwa obbligatorju, filwaqt li jista’ jiġi miċħud fir-rigward tal-faċilitajiet ta’ servizz ladarba jkunu jeżistu alternattivi vijabbli.

    41.

    Fil-fatt, id-Direttiva 2012/34 tiggarantixxi l-aċċess kemm għall-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll għall-faċilitajiet ta’ servizz. Madankollu, l-intensità tad-dritt ta’ aċċess ma hijiex l-istess. Għalhekk, fir-rigward tal-infrastruttura ferrovjarja, ir-regoli huma verament stretti u ma huwiex possibbli li jiġi rrifjutat l-aċċess għall-impriżi ferrovjarji. F’dan is-sens, il-premessa 65 tad-Direttiva 2012/34 tesprimi l-interess li jiġu ddefiniti “dawk il-komponenti tas-servizz tal-infrastruttura li huma essenzjali sabiex jippermettu li operatur jipprovdi servizz u li għandhom jingħataw għal piżijiet [imposti] minimi għall-aċċess” ( 14 ).

    42.

    Il-proċedura li tfassal id-Direttiva 2012/34 għad-distribuzzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura fost l-impriżi ferrovjarji turi li l-għan huwa li dawn tal-aħħar jaċċedu għall-kapaċità mogħtija.

    43.

    Kif indikajt fil-konklużjonijiet tal-kawża SJ ( 15 ), l-infrastrutturi ferrovjarji għandhom kapaċità limitata ( 16 ) u dan jiġi enfasizzat mill-premessa 58 tad-Direttiva 2012/34, meta jiġi indikat li “[l-]iskemi tal-piżijiet u tal-allokazzjoni tal-kapaċità għandhom iqisu l-effetti ta’ saturazzjoni dejjem tiżdied tal-kapaċità tal-infrastruttura, u fl-aħħar, tal-iskarsezza tal-kapaċità”.

    44.

    Il-proċess stabbilit fid-Direttiva 2012/34 għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ infrastruttura għandu l-għan li jiżgura li l-impriżi ferrovjarji jkollhom effettivament il-kapaċità mogħtija u jgawdu mid-dritt li jużawha, kif jistabbilixxi l-Artikolu 13(1), b’rabta mal-ittra (b) tal-punt 1 tal-Anness II.

    45.

    Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti b’rabta mal-faċilitajiet ta’ servizz huma iktar flessibbli. L-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2012/34 jipprevedi li t-talbiet għal aċċess tal-impriżi ferrovjarji jistgħu “jiġu miċħuda biss jekk jeżistu alternattivi vijabbli li jippermettulhom iħaddmu s-servizz tat-trasport tal-merkanzija jew tal-passiġġieri kkonċernat fuq l-istess rotta jew rotot alternattivi b’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli”.

    46.

    Għaldaqstant, il-leġiżlatur xtaq li d-disponibbiltà tal-pjattaformi dejjem tkun żgurata, bħala parti mill-pakkett ta’ aċċess minimu, billi inkludihom fost l-elementi essenzjali li jsir riferiment għalihom fl-Anness I tad-Direttiva 2012/34.

    47.

    Huwa loġiku li dan huwa minnu, minħabba li wieħed ma jistax jimmaġina użu operazzjonali tal-ferrovija jekk ma jkunx żgurat li d-dħul fiha u l-ħruġ minnha jsir permezz tal-pjattaformi. B’dan il-mod, jiġi żgurat li l-pjattaformi, kemm jekk ikunu fi stazzjon, jew f’żoni ta’ waqfien sempliċi, ser ikunu jistgħu jintużaw mill-impriżi ferrovjarji għall-provvista tas-servizzi tagħhom.

    48.

    Barra minn hekk, jista’ jiġi kkonstatat kif, fil-fatt, fil-maġġoranza tal-Istati Membri, il-pjattaformi għall-passiġġieri huma allokati fl-infrastruttura ferrovjarja ( 17 ). Għalhekk, ma jidhirx li n-nuqqas ta’ spjegazzjoni fil-premessi tad-Direttiva 2012/34 kien element ta’ distorsjoni għall-fehim korrett tal-artikoli tagħha.

    49.

    Definittivament, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni mhux biss tidher ċara fid-Direttiva 2012/34, iżda, minn perspettiva materjali, hija ġġustifikata mill-ħtieġa li l-aċċess għall-impriżi ferrovjarji għall-pjattaformi jkun żgurat fi kwalunkwe każ.

    2. L-argumenti kontra din l-interpretazzjoni

    50.

    ÖBB, il-Gvern Franċiż u dak Pollakk ippreżentaw diversi raġunijiet favur it-teorija li tmur kontra dik li għadni kif spjegajt (appoġġjata mill-Kummissjoni u Westbahn), raġunijiet li fir-rigward ta’ wħud minnhom diġà tajt l-opinjoni tiegħi (bħal, pereżempju, dik marbuta mal-assenza ta’ premessa speċifika fid-Direttiva 2012/34 li tiġġustifika l-bidla tas-sistema legali).

    51.

    Fil-qosor, f’dawn ir-raġunijiet isir riferiment kemm għas-separazzjoni fiżika bejn l-infrastruttura ferrovjarja u l-faċilitajiet ta’ servizz (bħala kriterju ta’ delimitazzjoni tal-eżerċizzju tal-kompetenzi bejn il-maniġer ta’ dawn l-infrastrutturi u l-operaturi tal-faċilitajiet ta’ servizz), kif ukoll għar-riperkussjonijiet finanzjarji.

    52.

    Diġà indikajt li l-allegazzjonijiet ta’ ÖBB, tal-Gvern Franċiż u ta’ dak Pollakk jappoġġjaw interpretazzjoni tad-Direttiva 2012/34 ( 18 ) li nemmen li hija contra legem. B’mod speċjali ispirata mid-diffikultajiet (innegabbli) prattiċi li timplika l-klassifikazzjoni tal-pjattaformi bħala parti mill-infrastruttura ferrovjarja, il-pożizzjoni tagħhom pjuttost tirrifletti kritika tad-deċiżjoni leġiżlattiva ppreżentata fid-Direttiva 2012/34.

    a) Id-delimitazzjoni fiżika tal-ispazji

    53.

    Il-pjattaformi (infrastrutturi li l-użu tagħhom jiġi ttrattat fil-punt 1 tal-Anness II b’rabta mal-Anness I tad-Direttiva 2012/34) u l-istazzjonijiet tal-passiġġieri (faċilitajiet ta’ servizz skont il-punt 2 tal-imsemmi Anness II) loġikament għandu jkollhom konnessjoni fiżika. Se jkun hemm post (jew aħjar, linja) fejn l-operat tal-faċilitajiet ta’ servizz tintemm u fejn jibda l-użu tal-infrastruttura. Skont dan il-fattur tvarja d-distribuzzjoni materjali tal-kompetenza fuq id-diversi spazji, li d-Direttiva 2012/34 talloka b’mod separat lill-maniġers tal-infrastruttura u lill-operaturi tal-faċilitajiet ta’ servizz.

    54.

    Għandu jiġi rrikonoxxut li l-inkonvenjenzi prattiċi ppreżentati minn ÖBB. mill-Gvern Franċiż u minn dak Pollakk, fir-rigward tad-delimitazzjoni ta’ dawn l-ispazji, huma sinjifikattivi. Li tiġi identifikata bi preċiżjoni l-fruntiera bejn dawn tal-aħħar jista’ jkun diffiċli, speċjalment, f’ċerti każijiet iktar kumplessi ( 19 ). Madankollu, dawn id-diffikultajiet ma għandhomx jippreġudikaw ir-regola stabbilita mil-leġiżlatur, jiġifieri, li l-pjattaforma, bħala tali, tappartjeni għall-infrastruttura ferrovjarja.

    55.

    Għalkemm l-implikazzjonijiet dwar l-imposta huma s-suġġett tal-punt li ġej, issa għandu jiġi enfasizzat li fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34 jsir riferiment għall-“imposti għall-pakkett minimu tal-aċċess u għal aċċess għal infrastrutturi li jgħaqqdu l-faċilitajiet ta’ servizz”. Għalhekk, isir riferiment għal infrastrutturi ta’ tranżizzjoni għall-faċilitajiet ta’ servizz, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-maniġer ta’ dawn l-infrastrutturi.

    56.

    ÖBB issostni li ma jeżistix taħlit bejn il-komponenti tal-infrastruttura ferrovjarja u l-faċilitajiet ta’ servizz. Fil-fehma tagħha, jekk il-pjattaformi jaqgħu taħt il-pakkett ta’ aċċess minimu, id-diviżjoni tal-funzjonijiet bejn il-maniġer ta’ dawk tal-ewwel (l-infrastrutturi) u l-operatur ta’ dawk ta’ wara (il-faċilitajiet ta’ servizz) tiġi mxekkla. Barra minn hekk, dan tal-aħħar għandu jipprovdi aċċess għal tali faċilitajiet, “inkluż l-aċċess għall-binarji”. Fl-opinjoni tagħha, id-dispożizzjoni direttament applikabbli għall-pjattaformi hija l-punt 2 tal-Anness II, li taħtha jaqgħu l-faċilitajiet ta’ servizz, inklużi l-istazzjonijiet ( 20 ).

    57.

    It-teorija ta’ ÖBB tibqa’ marbuta mal-kunċett tal-infrastrutturi, li jikkunsidra biss il-binarji u l-elementi inseparabbli mill-kostruzzjoni tagħhom. Dan il-kunċett, li kien plawsibbli sal-bidla regolatorja indikata fl-Anness I tad-Direttiva 2012/34, ma għadux, minħabba li l-kunċett ta’ infrastruttura ferrovjarja ġie estiż fis-sens imsemmi iktar ’il fuq.

    58.

    Fil-fatt, ÖBB għandha tammetti li anki l-binarji huma parti minn stazzjon tal-passiġġieri, fis-sens ġenerali ta’ dan it-terminu, mingħajr ma, għal din ir-raġuni, jiġu kkunsidrati bħala faċilitajiet ta’ servizz. Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2012/34, irriżulta applikabbli raġunament analogu fir-rigward tal-pjattaformi.

    59.

    Jekk tiġi kkonsultata l-lista ta’ faċilitajiet ta’ servizz li tinsab fil-punt 2 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/34, jista’ jiġi kkonfermat li l-maġġoranza jinsabu fi spazji separati mir-rotta ta’ tranżitu ferrovjarju ( 21 ). Għall-kuntrarju, il-preżenza ta’ binarji prinċipali u ta’ servizz fl-istazzjonijiet hija inerenti, b’tali mod li, f’dawn il-postijiet, l-infrastruttura ferrovjarja tiġi assoċjata mal-faċilità ta’ servizz u ma huwiex meħtieġ li jingħata aċċess indipendenti, minħabba li dan huwa kkostitwit proprju mill-binarji tal-infrastruttura ferrovjarja.

    60.

    Għalhekk, xejn ma jipprekludi li l-kompetenza tal-maniġer tal-infrastruttura tiġi estiża lil hinn mill-binarji li jgħaddu mill-istazzjon, tant li tippermetti wkoll l-inklużjoni ta’ pjattaformi tal-passiġġieri. Dawn tal-aħħar iwettqu l-funzjoni ta’ “infrastrutturi li jgħaqqdu l-faċilitajiet ta’ servizz” li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34.

    61.

    Is-soluzzjonijiet iddettaljati sabiex jiġi ċċarat kif il-pjattaforma hija marbuta mad-diversi elementi tal-faċilità ta’ servizz jiddependu miċ-ċirkustanzi individwali offruti mill-konfigurazzjoni ta’ kull stazzjon. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tistabbilixxi b’mod iktar preċiż ċerti spazji minn oħrajn, il-maniġer tal-infrastruttura u l-operatur tal-istazzjon għandhom jaqblu jew jirrikorru għar-regolatur ferrovjarju sabiex isolvu d-differenzi ta’ bejniethom.

    b) Ir-riperkussjonijiet finanzjarji

    62.

    Dawk li joġġezzjonaw li l-pjattaformi għall-passiġġieri jiġu kklassifikati bħala parti mill-infrastrutturi ferrovjarji koperti mill-pakkett ta’ aċċess minimu, jenfasizzaw ir-riperkussjonijiet finanzjarji ta’ din il-miżura, minħabba li l-imposta għall-użu tagħhom ma tistax taqbeż l-ispiża direttament imġarrba (prinċipju tal-ispiża marġinali) ( 22 ).

    63.

    Fil-verità, dan l-argument bl-ebda mod ma jaffettwa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 ikkonċernati mid-domanda preliminari. Jekk, kif jirrikonoxxi l-Kumitat Regolatorju, “konformement mad-definizzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, il-pjattaformi għall-passiġġieri huma parti mill-infrastruttura ferrovjarja” ( 23 ), din il-premessa għandha tiġi applikata sabiex minnha jinsiltu l-konsegwenzi rilevanti fir-rigward tal-imposta li biha jiġi kkumpensat l-użu ta’ din l-infrastruttura.

    64.

    Għaldaqstant, l-elementi konnessi fl-Anness I għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata din l-imposta, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 et seq. tad-Direttiva 2012/34 u, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/909 ( 24 ). Dan ir-regolament jittratta l-ispejjeż direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, sabiex jiġu stabbiliti l-imposti għal aċċess minimu u għal aċċess għal infrastrutturi li jgħaqqdu ma faċilitajiet ta’ servizz imsemmija fl-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2012/34/UE.

    65.

    L-inklużjoni tal-pjattaformi fl-infrastruttura ferrovjarja timplika li dawn ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-imposta għall-użu tal-faċilitajiet ta’ servizz. L-użu tagħhom għalhekk ma jistax jiġi ntaxxat jekk jitqies il-fattur tal-profitt raġonevoli. Eventwalment, dan jista’ jwassal għal tnaqqis fid-dħul tal-operaturi ta’ dawn il-faċilitajiet li, sa issa, kienu jieħdu r-responsabbiltà għall-pjattaformi, minħabba li, b’mod żbaljat, kienu jikkunsidrawhom bħala parti minn dawn il-faċilitajiet.

    66.

    Nenfasizza li din il-konsegwenza bl-ebda mod ma tfixkel l-interpretazzjoni tal-Annessi I u II tad-Direttiva 2012/34. Barra minn hekk, l-impossibbiltà li tintalab l-imposta ta’ faċilità ta’ servizz għall-pjattaformi tal-istazzjon ser tittaffa bit-trasferiment tar-responsabbiltà fuq dawn il-pjattaformi (il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tagħhom), li ma tibqax tal-operatur tal-istazzjon.

    67.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Pollakk isostni li l-esklużjoni tal-pjattaformi għall-passiġġieri mill-faċilitajiet ta’ servizz tikser l-għanijiet tad-Direttiva 2012/34, li fosthom hemm li t-trasport ferrovjarju jkun effikaċi u kompetittiv ma’ mezzi oħrajn ta’ trasport (premessa 5). Iżid jgħid li dan l-għan jikkumplimenta l-possibbiltà li l-operaturi tal-faċilitajiet ta’ servizz iħallsu l-imposti tagħhom b’parti raġonevoli ta’ profitt. Għalhekk, il-profitt miksub jista’ jintuża għat-titjib tal-faċilitajiet, preċiżament għall-pjattaformi għall-passiġġieri, li huwa l-post fejn il-passiġġier għandu jiġi pprovdut l-ogħla livell ta’ kumdità u sigurtà li, fl-aħħar mill-aħħar, jirriżulta fi provvista ta’ servizzi aħjar.

    68.

    Dan l-argument, u oħrajn simili, jistgħu jenfasizzaw effett mhux mixtieq tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, iżda dan ma huwiex suffiċjenti sabiex din tiġi interpretata kontra l-kontenut letterali tagħha jew, wisq inqas, sabiex tiġi miċħuda l-validità tagħha (li, barra minn hekk, ma ġiet argumentata minn ħadd). Barra minn hekk, jibda bi premessa diskutibbli, jiġifieri, li l-kwalità inerenti għal investiment ikbar tista’ tiġi assoċjata biss ma’ imposta ogħla.

    69.

    Ċertament, xejn ma juri li l-kriterju adottat mid-Direttiva 2012/34 inevitabbilment iwassal għall-koeżistenza ta’ infrastrutturi ferrovjarji ta’ kwalità baxxa, flimkien ma’ faċilitajiet ta’ servizz impekkabbli, minħabba d-differenzi bejn ċerti imposti u oħrajn. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2012/34, fl-Artikoli 8 u 32 tagħha, tipprevedi mekkaniżmi li jippermettu li l-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ appoġġ ekonomiku favur il-maniġer tal-infrastruttura.

    C.   Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza

    70.

    ÖBB issostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li d-Direttiva 2012/34 tinkludi l-pjattaformi għall-passiġġieri fl-infrastruttura ferrovjarja, is-sentenza tipproduċi effetti biss minn meta din tiġi ppubblikata.

    71.

    Sabiex tiġġustifika t-talba tagħha, din tinvoka r-riperkussjonijiet ekonomiċi u l-bona fide tagħha, minħabba li ma kkunsidratx li d-Direttiva 2012/34 ma kienet tinvolvi l-ebda emenda sostanzjali tas-sistema tad-Direttiva 2001/14. L-aġir ta’ Stati Membri oħrajn u tal-Kummissjoni, li ma rrifjutatx ir-regoli tal-Awstrija, isaħħaħ it-talba ta’ ÖBB.

    72.

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni li din tal-aħħar tagħti lil dispożizzjoni legali tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola interpretata b’dan il-mod tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti, anki fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi mibdija u stabbiliti qabel is-sentenza li tiddeċiedi dwar talba għal interpretazzjoni, ladarba jiġu ssodisfatti wkoll ir-rekwiżiti kollha li jippermettu li tinfetaħ kawża dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti ( 25 ).

    73.

    Bħala eċċezzjoni għal din ir-regola, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għall-ordinament tal-Unjoni, tista’ tillimita l-possibbiltà li l-persuni kkonċernati jinvokaw dispożizzjoni, li tkun diġà ġiet interpretata minnha, sabiex jikkontestaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex ikun hemm qbil dwar din il-limitazzjoni, huwa meħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-gruppi ta’ persuni kkonċernati u r-riskju ta’ problemi serji.

    74.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja użat din l-eċċezzjoni meta kien hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji minħabba, b’mod partikolari, in-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ, u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu mħeġġa jadottaw aġir li ma huwiex konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, minħabba inċertezza oġġettiva u importanti fir-rigward tal-portata tad-dritt tal-Unjoni, li għaliha kienu kkontribwixxew l-aġir rispettivi adottat minn Stati Membri oħrajn jew mill-Kummissjoni ( 26 ).

    75.

    Fl-opinjoni tiegħi, f’din il-kawża, ma tiġi ssodisfatta l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:

    Anki jekk id-deċiżjoni tal-leġiżlatur li jinkludi l-pjattaformi fil-kuntest tal-infrastrutturi ferrovjarji ma ġietx akkumpanjata bi spjegazzjoni fil-premessi tad-Direttiva 2012/34, il-kontenut tar-regola huwa ċar u ma wassalx għal inċertezza fil-maġġoranza tal-Istati Membri ( 27 ).

    L-ÖBB ma kkwantifikatx, lanqas permezz ta’ approssimazzjoni, l-impatt ekonomiku li għandu jiġi prodott mill-integrazzjoni tal-pjattaformi tal-istazzjonijiet bħala parti mill-infrastruttura ferrovjarja. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ( 28 ), din tirreferi għall-“kumpens għad-dannu finanzjarju” eventwali, li għandu jiġi sostnut mill-Istati Membri. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn (lanqas l-Awstrija, li ma intervjenietx fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari) ma ngħaqdu mat-talbiet ta’ ÖBB dwar l-effetti ratione temporis tas-sentenza.

    V. Konklużjoni

    76.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lix-Schienen‑Control Kommission (il-Kumitat Regolatorju Ferrovjarju, l-Awstrija) kif ġej:

    “L-Anness I u l-ittra (c) tal-punt 1 u l-ittra (a) tal-punt 2 tal-Annessi II tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-pjattaformi għall-passiġġieri li jinsabu fl-istazzjonijiet jifformaw parti mill-infrastruttura ferrovjarja li l-użu tagħha jaqa’ taħt il-‘pakkett ta’ aċċess minimu’ disponibbli għall-impriżi ferrovjarji kollha”.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifika fil-ĠU 2015, L 196, p. 67 u fil-ĠU 2015, L 67, p. 32).

    ( 3 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li dan il-Kumitat Regolatorju jista’ jkun fost il-korpi awtorizzati sabiex jagħmlu domandi preliminari (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Westbahn Management, C‑136/11, EU:C:2012:740, punti 26 sa 31). Għandi ċerti riżervi dwar din il-klassifikazzjoni li, għal raġunijiet analogi, tista’ tiġi applikata prattikament għall-organi regolatorji settorjali kollha.

    ( 4 ) Il-maniġer tal-infrastruttura u l-operatur tal-faċilitajiet ta’ servizz jiġu ddefiniti fl-Artikolu 3(2) u (12) tad-Direttiva 2012/34. Għalkemm, bħala prinċipju, il-funzjonijiet jitwettqu b’mod separat, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(3) ta’ din l-istess direttiva jippermetti li l-maniġer tal-infrastruttura fl-istess ħin ikun ukoll l-operatur tal-faċilità ta’ servizz. Dan jiġri fl-Awstrija, fejn ÖBB twettaq iż-żewġ funzjonijiet.

    ( 5 ) Ninnota li hemm diverġenzi lingwistiċi bejn il-verżjonijiet differenti tad-direttiva, li jaffettwaw ċerti dispożizzjonijiet ewlenin f’dan ir-rigward (Artikolu 13(2); Artikolu 31(7); u punt 2 tal-Anness II tad-Direttiva 2012/34). F’ċerti lingwi (il-Franċiż, it-Taljan jew il-Ġermaniż) isir riferiment għal “aċċess għal-linji tal-ferrovija”, iżda f’oħrajn (l-Ingliż, l-Ispanjol jew il-Portugiż) isir riferiment għall-“aċċess għall-binarji”. Forsi għalhekk, ÖBB, fuq il-bażi tal-verżjoni Ġermaniża, segwiet approċċ tal-“aċċess għal-linji tal-ferrovija” mill-perspettiva tal-utenti, billi poġġiet lil dawn tal-aħħar bħala s-suġġett tal-“aċċess” u mhux lill-impriżi ferrovjarji li huma, fil-verità, id-destinatarji tas-servizzi. Fi kwalunkwe każ, ma naħsibx li d-disparità lingwistika hija sostanzjali. L-għan li għandu jintlaħaq huwa li l-impriżi ferrovjarji jistgħu jiġu konnessi mal-(bqija tal-)faċilitajiet ta’ servizz permezz tal-binarji, kif ukoll li wieħed ikun jista’ jaċċedi għall-binarji mill-faċilitajiet ta’ servizz. Għaldaqstant, iktar ’il quddiem, meta nuża t-terminu “aċċess” b’rabta mal-impriżi ferrovjarji, nużah fis-sens ta’ “komunikazzjoni ta’ dħul u ta’ ħruġ bejn il-faċilitajiet ta’ servizz u l-binarji”.

    ( 6 ) Minħabba l-funzjoni doppja tagħha, ÖBB tħallas iż-żewġ imposti.

    ( 7 ) Id-digriet tar-rinviju jagħmel distinzjoni bejn “il-pjattaformi għall-passiġġieri li jinsabu fl-istazzjonijiet tal-passiġġieri” u “il-pjattaformi għall-passiġġieri taż-żoni ta’ waqfien sempliċi” (punt 23). Jekk wieħed jgħaqqad il-kunċett ta’ stazzjon ta’ ferrovija ma’ dak ta’ żona ta’ waqfien, il-pjattaforma tkun komuni bejniethom. Barra li jikkonsisti f’diversi pjattaformi, stazzjon normalment ikun fih ukoll passaġġi fuq il-ġnub u faċilitajiet anċillari oħrajn maħsuba għall-immanuvrar u l-manutenzjoni tal-ferroviji, iżda anki spazji għall-assistenza tal-passiġġieri, kif ukoll żoni għall-ġestjoni tal-merkanzija. Għall-kuntrarju, żona ta’ waqfien hija essenzjalment pjattaforma, bi ftit jew wisq konnessjoni, sabiex tiffaċilita l-istennija għall-aċċess għall-ferrovija. Għaldaqstant, naħseb li, b’riferiment għall-ittra (a) tal-punt 2 tal-Anness II, fir-rigward tal-istazzjonijiet, għandha tingħata attenzjoni lill-pjattaformi li jinsabu fihom, mingħajr preġudizzju għaż-żoni ta’ waqfien, li xorta jista’ jsir riferiment għalihom.

    ( 8 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).

    ( 9 ) Direttiva tal-Kunsill tad‑29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341).

    ( 10 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Diċembru 1970 li jispeċifika l-entrati li għandhom jiġu inklużi taħt id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet murija fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/70 tal‑4 ta’ Ġunju 1970 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 54). Dan huwa dispożizzjoni komplementari għar-Regolament (KEE) Nru 1108/70 tal‑4 ta’ Ġunju 1970, li jintroduċi sistema ta’ kontabilità dwar l-infiq fuq l-infrastruttura fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 42).

    ( 11 ) Ċertament, kien ikun mixtieq li l-awtur tad-Direttiva 2012/34 jirrifletti l-intenzjonijiet tiegħu fl-espożizzjoni tal-motivi tad-dispożizzjoni, iżda l-assenza ta’ kwalunkwe premessa f’dan ir-rigward ma tippermettix li wieħed jitbiegħed mill-unika spjegazzjoni koerenti mat-termini ta’ din id-dispożizzjoni, mal-kuntest tagħha u mal-għan tagħha.

    ( 12 ) F’dan ir-rigward, ma naħsibx li hemm disparità bejn il-pjattaformi ta’ stazzjon u dawk taż-żoni ta’ waqfien: id-dispożizzjoni tinkludi l-pjattaformi kollha, kif turi ż-żieda tal-frażi “inkluż fi stazzjonijiet”.

    ( 13 ) Direttiva (UE) 2016/2370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016 li temenda d-Direttiva 2012/34/UE fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja (ĠU 2016, L 352, p. 1).

    ( 14 ) Enfasi miżjuda.

    ( 15 ) C‑388/17, EU:C:2018:738, punti 52 et seq.

    ( 16 ) Il-premessa 71 tad-Direttiva 2012/34 tikklassifika l-infrastruttura ferrovjarja bħala monopolju naturali.

    ( 17 ) Dan huwa kkonfermat mill-Independent Regulators’ Group - Rail (Grupp ta’ Awtoritajiet Regolatorji Ferrovjarji, li l-kooperazzjoni tagħhom tiġi promossa fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2012/34), billi tiġi studjata l-applikazzjoni tal-imposti għall-użu tal-faċilitajiet ta’ servizz f’diversi pajjiżi fl-Ewropa. Ara “An overview of charging practices for access to service facilities and rail-related services in the IRG‑Rail member states” (IRG‑Rail (17) 6), rapport tas‑27 ta’ Novembru 2017, p. 14. Ikopri l-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, is-Slovenja, Spanja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Rumanija u l-Isvezja. Fis-seduta saret diskussjoni dwar il-kontenut ta’ dan ir-rapport.

    ( 18 ) Fis-seduta, il-Gvern Franċiż talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel “interpretazzjoni differenti minn dik tat-test” ta’ din id-direttiva.

    ( 19 ) ÖBB semmiet, pereżempju u inter alia, il-mini ta’ taħt l-art li, f’xi stazzjonijiet tal-passiġġieri, jiffaċilitaw l-aċċess għall-pjattaformi.

    ( 20 ) Din l-ispjegazzjoni ma tiħux suffiċjentement inkunsiderazzjoni li l-Anness I isemmi l-pjattaformi tal-passiġġieri, inklużi dawk tal-istazzjonijiet, fil-lista ta’ elementi tal-infrastruttura ferrovjarja.

    ( 21 ) Kif ukoll it-terminali ta’ merkanzija, it-toroq fuq il-ġnub, il-faċilitajiet ta’ manutenzjoni, il-faċilitajiet tekniċi jew il-faċilitajiet ta’ provvista ta’ kombustibbli.

    ( 22 ) Id-dokument “Updated review of charging practices for the minimum access package in Europe”, miktub minn IRG‑Rail (IRG‑Rail (18) 10), fil-paġna 10 tiegħu, jindika kif, fil-maġġoranza tal-pajjiżi, il-kalkolu tal-imposti ta’ aċċess minimu jsir fuq il-bażi tal-ispejjeż marġinali li l-użu tagħhom joħloq għall-maniġer tal-infrastruttura.

    ( 23 ) Punt 6, in fine, tal-punt IV (spjegazzjonijiet dwar id-domandi preliminari) tad-digriet tar-rinviju.

    ( 24 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/909 tat‑12 ta’ Ġunju 2015 dwar il-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju (ĠU 2015, L 148, p. 17).

    ( 25 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora (C‑82/12, EU:C:2014:108), punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 26 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora (C‑82/12, EU:C:2014:108), punti 4243; tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Kalinchev (C‑2/09, EU:C:2010:312), punti 5051; u tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286), punti 5960.

    ( 27 ) B’riferiment għad-dokument imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.

    ( 28 ) Punt 54. Fis-seduta, ÖBB ma għamlitx riferiment għal-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenzi.

    Top