Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0198

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-30 ta’ April 2019.
    CeDe Group AB vs KAN Sp. z o.o.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Högsta domstolen.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikoli 4 u 6 – Proċeduri ta’ insolvenza – Liġi applikabbli – Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas – Nuqqas ta’ ħlas ta’ dejn kuntrattwali qabel falliment – Eċċezzjoni ta’ tpaċija bbażata fuq dejn kuntrattwali li sar qabel il-falliment.
    Kawża C-198/18.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:335

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOBEK

    ippreżentati fit‑30 ta’ April 2019 ( 1 )

    Kawża C‑198/18

    CeDe Group AB

    vs

    KAN Sp. z o.o. (fi stralċ)

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja))

    “Talba għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikolu 4 — Dritt applikabbli — Tpaċija”

    I. Introduzzjoni

    1.

    L-istralċjarju ta’ PPUB Janson sp.j. (iktar ’il quddiem “PPUB”), kumpannija Pollakka suġġetta għal proċeduri ta’ insolvenza fil-Polonja, ippreżenta quddiem il-qrati Svediżi rikors kontra CeDe Group AB (iktar ’il quddiem “CeDe”), kumpannija Svediża, fejn talab ħlas għal oġġetti kkunsinnati skont kuntratt preeżistenti bejn PPUB u CeDe, li huwa rregolat mid-dritt Svediż. Matul dawk il-proċeduri, CeDe talbet tpaċija fir-rigward ta’ dejn ikbar dovut lilha minn PPUB. L-istralċjarju kien preċedentement irrifjuta din it-tpaċija fil-qafas tal-proċeduri ta’ insolvenza Pollakki. Matul il-proċedura quddiem il-qrati Svediżi, l-istralċjarju ta’ PPUB ċeda t-talba kontra CeDe lil kumpannija oħra, KAN sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “KAN”), li sussegwentement saret insolventi. Madankollu, l-istralċjarju ta’ KAN irrifjuta li jieħu f’idejh it-talba inkwistjoni, bir-riżultat li KAN (fi stralċ) issa hija parti fil-kontenzjuż.

    2.

    Il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja) għandha dubji dwar id-dritt applikabbli għal tali talba ta’ tpaċija. Quddiem il-qorti tar-rinviju, KAN sostniet li t-talba għal tpaċija għandha tinstema’ taħt id-dritt Pollakk, filwaqt li CeDe sostniet li din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata taħt id-dritt Svediż.

    3.

    Il-kawża preżenti tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tinterpreta d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-liġi applikabbli li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] ( 2 ) u l-interazzjoni tagħhom mas-sistema ġenerali tal-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali ( 3 ). Liema liġi għandha tapplika għal talba ta’ tpaċija invokata kontra kumpannija insolventi fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija b’azzjoni għal ħlas miġjuba mill-istralċjarju ta’ dik il-kumpannija?

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Ir-Regolament Ruma I

    4.

    Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Tpaċija”: “Meta d-dritt għal tpaċija ma jkunx miftiehem mill-partijiet, it-tpaċija għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għal dak id-dritt li kontrih tiġi eċċepita t-tpaċija.”

    B.   Ir-Regolament fuq l-Insolvenza

    5.

    Il-premessi 23 u 24 tar-Regolament fuq l-Insolvenza huma fformulati kif ġej:

    “(23)

    Dan ir-Regolament għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali. Sa kemm ma jingħadx mod ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti (lex concursus). Din ir-regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet għandha tkun valida kemm għal proċedimenti prinċipali kif ukoll għal proċedimenti lokali; il-lex concursus tiddetermina l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza], kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom. Jirregola il-kondizzjonijiet kollha għal ftuħ, it-twettieq u l-egħluq tal-proċedimenti ta’ falliment.

    (24)

    L-għarfien awtomatiku ta’ proċedimenti ta’ falliment li għalihom normalment japplikaw il-liġijiet ta’ l-Istat li jiftahom jistgħu ifixklu l-liġijiet li bihom jitwettqu t-transazzjonijiet fl-Istati Membri l-oħra. Sabiex jitħarsu l-aspettativi leġittimi u iċ-ċertezza ta’ transazzjonijiet fi Stati Membri apparti minn dak ta’ fejn ikunu nfetħu l-proċedimenti, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal numru ta’ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali.”

    6.

    Il-premessa 26 tar-Regolament fuq l-Insolvenza tgħid li: “Jekk kumpens b’bilanċ ma jkunx permissibli skond il-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ l-proċedimenti, il-kreditur għandu b’dana kollu jkun intitolat għal kumpens b’bilanċ jekk dan ikun possibli skond il-liġi applikabbli għat-talba tal-falliment [insolvenza] tad-debitur. B’dan il-mod, il-kumpens b’bilanċ jakkwista funzjoni ta’ tip ta’ garanzija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet legali li fuqhom ikun jista’ joqgħod il-kreditur ikkonċernat meta titressaq it-talba”.

    7.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza, intitolat “Liġi applikabbli”, jipprovdi:

    “1.   Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] u l-effetti tagħhom għandha tkun dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

    2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’mod partikolari:

    […]

    (d)

    il-kondizzjonijiet li bihom il-kumpens b’bilanċ jista’ jiġi invokat;

    […]”

    8.

    L-Artikolu 6 tar-Regolament fuq l-Insolvenza, intitolat “Kumpens b’bilanċ”, jipprovdi:

    “1.   Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] m’għandhomx jeffetwaw id-dritt tal-kredituri li jinsistu fuq kumpens b’bilanċ tat-talbiet tagħhom kontra t-talbiet tad-debitur, meta kumpens b’bilanċ ikun permissibli bil-liġi applikabbli għat-talbiet tad-debitur fallut.

    2.   Paragrafu 1 m’għandux jipprekludi azzjonijiet ta’ invalidità, nuqqas ta’ rbit u nuqqas ta’ enforzabilità kif imsemmija fl-Artikolu 4(2)(m).”

    III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    9.

    Fid-9 ta’ Ġunju 2010, PPUB, kumpannija stabbilita fil-Polonja, ikkonkludiet ftehim għall-kunsinna ta’ merkanzija ma’ CeDe, kumpannija stabbilita fl-Isvezja. Il-kuntratt kien jipprovdi li l-liġi Svediża għandha tapplika għal kwalunkwe tilwim dwar l-interpretazzjoni tiegħu.

    10.

    Fl-aħħar ta’ Jannar 2011, inbdew proċeduri ta’ insolvenza kontra PPUB fil-Polonja. F’Lulju tal-istess sena, l-istralċjarju maħtur fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri ta’ insolvenza ppreżenta rikors għal ordni ta’ ħlas Ewropea ( 4 ) kontra CeDe mal-Kronofogdemyndigheten Svediża (l-Awtorità tal-Infurzar, l-Isvezja) għar-raġuni li CeDe kellha tagħti 1532489 krone Svediż (SEK), flimkien mal-interessi, għal oġġetti kkunsinnati minn PPUB skont il-ftehim tagħhom.

    11.

    Sussegwentement, il-kawża ġiet ittrasferita lill-Malmö tingsrätten (il-Qorti Distrettwali, Malmö, l-Isvezja). CeDe kkontestat it-talba ta’ PPUB billi invokat tpaċija għal ammont li jaqbeż l-ammont mitlub minn PPUB. CeDe ssostni li dan id-dejn jikkorrispondi għall-kumpens għal kunsinni mhux imwettqa u difetti fl-oġġetti kkunsinnati minn PPUB. CeDe ssostni li d-dritt għal tpaċija rriżulta qabel ma nfetħu proċeduri ta’ insolvenza kontra PPUB.

    12.

    Mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju jidher li l-istralċjarju ta’ PPUB irrifjuta li jippermetti t-tpaċija mitluba minn CeDe fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza fil-Polonja.

    13.

    Quddiem il-Malmö tingsrätten (il-Qorti Distrettwali, Malmö), l-istralċjarju ta’ PPUB iddikjara li d-dritt għal tpaċija għandu jinstema’ taħt il-liġi Pollakka fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza. Skont din id-dispożizzjoni, ħlief fejn ipprovdut mod ieħor f’dan ir-regolament, il-liġi applikabbli għal proċeduri ta’ insolvenza u l-effetti tagħhom għandha tkun dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinfetħu tali proċeduri (id-dritt tal-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri jew il-lex concursus). Skont l-istralċjarju, mill-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament fuq l-Insolvenza jirriżulta li l-lex concursus għandha tiddetermina, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi invokata t-tpaċija. Ir-raġuni għal dan hija li l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li proċeduri ta’ insolvenza ma għandhomx jaffettwaw id-dritt għal tpaċija sakemm tali dritt ikun permess taħt il-liġi applikabbli għat-talba tad-debitur, japplika biss jekk it-tpaċija ma tkunx permessa taħt id-dritt tal-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri. Għalhekk, fil-fehma tal-istralċjarju, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba li l-liġi Pollakka effettivament tippermetti tpaċija.

    14.

    Min-naħa l-oħra, CeDe argumentat li t-tpaċija għandha tiġi eżaminata skont id-dritt Svediż. Hija ssottomettiet, l-ewwel nett, li l-azzjoni tal-istralċjarju tirrigwarda talba li tirriżulta mill-ftehim bejn CeDe u PPUB li fih klawżola ta’ għażla ta’ dritt li skontha d-dritt Svediż għandu japplika għal kull tilwim relatat mal-interpretazzjoni tiegħu. Dan ifisser li d-dritt Svediż japplika bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Ruma I. Barra minn hekk, CeDe sostniet li, jekk il-partijiet ma jaqblux dwar id-dritt ta’ tpaċija, din il-kwistjoni tkun irregolata mil-liġi applikabbli għat-talba li kontriha tintalab tpaċija skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Ruma I.

    15.

    It-tieni nett, CeDe sostniet li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza jfisser li l-proċeduri ta’ insolvenza ma jaffettwawx id-dritt ta’ tpaċija, jekk it-tpaċija hija permessa taħt il-liġi applikabbli għat-talba tad-debitur. Billi, fil-fehma ta’ CeDe, id-dritt Svediż japplika għat-talba tal-istralċjarju, il-kwistjoni tat-tpaċija għandha tiġi eżaminata wkoll taħt id-dritt Svediż.

    16.

    Il-Malmö tingsrätten (il-Qorti Distrettwali, Malmö) ikkonstatat li, konformement mar-regola ġenerali fl-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza, id-dritt Pollakk ma setax jitqies li jillimita jew jipprojbixxi t-tpaċija. Għaldaqstant, hija kkonstatat li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament ma kinitx applikabbli u d-dritt Pollakk għandu japplika fil-kawża prinċipali.

    17.

    Dik is-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Hovrätten över Skåne och Blekinge (il-Qorti tal-Appell, Skåne u Blekinge, l-Isvezja) fuq il-bażi li, inter alia, ma kien hemm ebda raġuni sabiex ma tiġix applikata r-regola ġenerali tal-lex concursus fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza. Il-fatt li l-istralċjarju ma aċċettax it-talba ta’ CeDe għal tpaċija ma biddilx din il-konstatazzjoni.

    18.

    Waqt il-proċeduri quddiem il-Hovrätten över Skåne och Blekinge (il-Qorti tal-Appell għal Skåne u Blekinge), l-istralċjarju ta’ PPUB ittrasferixxa t-talba prinċipali lil KAN, kumpannija stabbilita fil-Polonja, li daħlet fil-proċeduri minflok il-likwidatur.

    19.

    CeDe appellat mis-sentenza tal-Hovrätten över Skåne och Blekinge (il-Qorti tal-Appell għal Skåne u Blekinge) quddiem il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema). Hija sostniet li d-dritt Svediż għandu japplika għat-talba ta’ tpaċija. KAN sostniet li s-sentenza tal-Hovrätten över Skåne och Blekinge (il-Qorti tal-Appell għal Skåne u Blekinge) ma għandhiex tinbidel.

    20.

    Waqt il-proċeduri quddiem il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema), KAN saret insolventi. L-istralċjarju f’dawk il-proċeduri ta’ insolvenza ddikjara li l-patrimonju insolventi ma kienx qiegħed jagħmel tiegħu t-talba tad-debitur kontra CeDe. Għalhekk, issa hija KAN fi stralċ, u mhux il-patrimonju insolventi, li hija parti fil-proċeduri.

    21.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha azzjoni quddiem qorti Svediża mill-istralċarju ta’ kumpannija Pollakka suġġetta għal proċeduri ta’ insolvenza fil-Polonja, imressqa kontra kumpannija Svediża, għal ħlas ta’ merkanzija kkonsenjata skont kuntratt li dawn il-kumpanniji kkonkludew qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza?

    (2)

    Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-fatt li l-istralċarju jittraferixxi t-talba għal kreditu kontenzjuża lil kumpannija, li ssir parti fil-proċeduri minflok l-istralċarju, huwa ta’ importanza?

    (3)

    Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, il-fatt li l-kumpannija li b’hekk issir parti fil-proċeduri insegwitu tkun hija stess suġġetta għal proċeduri ta’ insolvenza, huwa ta’ importanza?

    (4)

    Jekk f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda, il-konvenuta ssostni li t-talba għal kreditu kontriha invokata mill-istralċarju għandha tkun ikkumpensata b’talba kuntrarja għal kreditu li ġejja mill-istess kuntratt, din is-sitwazzjoni ta’ kumpens taqa’ taħt l-Artikolu 4(2)(d)?

    (5)

    L-Artikoli 4(2)(d) u 6(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, moqrija flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) huma applikabbli biss jekk il-liġi tal-Istat ta’ ftuħ ma tippermettix il-kumpens, jew l-Artikolu 6(1) jista’ japplika f’ċirkustanzi oħra, per eżempju fejn hemm differenza biss bejn l-ordinamenti legali rilevanti dwar id-dritt għal kumpens fejn ma hemm l-ebda differenza, iżda dak il-kumpens huwa, minkejja dan, irrifjutat fl-Istat tal-ftuħ?”

    22.

    Il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Spanjol ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub f’din il-kawża.

    IV. Evalwazzjoni

    23.

    Dawn il-konklużjonijiet huma mqassmin kif ġej. Nibda bl-ewwel domanda preliminari u nikkonkludi li l-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza ma japplikax fir-rigward tal-kwistjoni tal-liġi applikabbli għat-talba tal-istralċjarju ta’ PPUB kontra CeDe (iktar ’il quddiem it-“talba prinċipali”) (A). Għalhekk, ma hemmx bżonn li jiġu indirizzati t-tieni u t-tielet domanda. Sussegwentement, ser nispjega għalfejn, wara ċ-ċessjoni tat-talba prinċipali lil KAN, ir-raba’ u l-ħames domanda saru ipotetiċi u, għalhekk, inammissibbli (B). Madankollu, ser nindirizza fil-qosor is-sustanza ta’ dawk il-mistoqsijiet sabiex nassisti lill-Qorti tal-Ġustizzja f’każ li tqis li dawn huma ammissibbli (C).

    A.   L-ewwel domanda: l-applikabbiltà tal-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza għat-talba prinċipali

    24.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza jkoprix l-azzjoni mibdija mill-istralċjarju ta’ PPUB. Jekk dan ikun il-każ, it-tieni u t-tielet domanda jistaqsu dwar l-implikazzjonijiet potenzjali tal-fatt li din it-talba ġiet ċeduta lil entità legali oħra (KAN) u li dik l-entità sussegwentement saret insolventi.

    25.

    Madankollu, il-portata eżatta tal-ewwel domanda ma hijiex ċara għalkollox, kif rifless fl-interpretazzjonijiet differenti ta’ dik il-kwistjoni mill-partijiet interessati li għamlu sottomissjonijiet bil-miktub.

    26.

    Il-Kummissjoni fehmet l-ewwel domanda bħala li tirreferi għall-portata ratione temporis tal-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza. Is-sottomissjonijiet tagħha għalhekk jeżaminaw jekk din id-dispożizzjoni tinkludix talba li tirriżulta minn kuntratt li jkun sar qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza. Il-Kummissjoni tikkonkludi li dan huwa minnu.

    27.

    Il-Gvern Spanjol jeżamina flimkien l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames domanda. Fir-rigward tal-ewwel domanda, dan il-gvern isostni li, sa fejn il-lex concursus tirregola l-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni ta’ tpaċija, il-lex concursus għandha tapplika għall-azzjoni mibdija mill-istralċjarju.

    28.

    Filwaqt li bħala prinċipju naqbel mal-fehmiet tal-Kummissjoni dwar il-portata ratione temporis tal-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza, nifhem li l-ewwel domanda hija usa’.

    29.

    Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regoli dwar il-liġi applikabbli li jinsabu fl-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza jinkludux azzjoni bħal dik mibdija mill-istralċjarju ta’ PPUB quddiem il-qrati Svediżi.

    30.

    X’għandna nifhmu b’“azzjoni” f’dan il-kuntest? L-ewwel nett, id-domanda tista’ tinftiehem li tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza japplikax għat-talba prinċipali (oriġinarjament kuntrattwali) tal-istralċjarju ta’ PPUB, li tifforma l-bażi tal-azzjoni tiegħu. It-tieni nett, id-domanda tista’ tinftiehem bħala li tirreferi għall-possibbiltà li l-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza jista’ japplika għal ċerti aspetti (oħra) tal-proċeduri mibdija bl-azzjoni tal-istralċjarju, bħat-talba ta’ tpaċija.

    31.

    Bl-ewwel interpretazzjoni (u fil-fatt iktar plawżibbli) tal-ewwel domanda, għandu jiġi osservat mill-bidu li t-talba prinċipali li hija s-suġġett tal-azzjoni oriġinali mibdija mill-istralċjarju ta’ PPUB hija talba għal ħlas li tirriżulta mir-relazzjoni kuntrattwali bejn PPUB u CeDe. Bħala tali, ma hemm xejn f’din it-talba, minbarra l-fatt li tressqet mill-istralċjarju ta’ PPUB, li jgħaqqadha ma’ proċeduri ta’ insolvenza u l-effetti tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza.

    32.

    Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi speċifikament dwar ir-rilevanza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament fuq l-Insolvenza, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni għal proċeduri ta’ insolvenza. Skont din il-linja ġurisprudenzjali, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza jikkonferixxi ġurisdizzjoni biss fir-rigward ta’ dawk l-azzjonijiet li jirriżultaw direttament minn proċeduri ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħhom. Il-kriterju deċiżiv għal dak il-għan “ma huwiex il-kuntest proċedurali li fih taqa’ din l-azzjoni, iżda l-bażi legali ta’ din tal-aħħar. Skont dan l-approċċ, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dritt jew l-obbligu li fuqu tkun ibbażata l-azzjoni joriġinax mir-regoli komuni tad-dritt ċivili u kummerċjali jew minn regoli derogatorji, speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza” ( 5 ).

    33.

    Huwa minnu li, minn qari flimkien tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza, jirriżulta li dan ir-regolament jipprova jallinja l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali mal-liġi applikabbli għall-proċeduri ta’ insolvenza ( 6 ). Anki jekk dik il-proposta ġenerali ma tistax tiġi ddubitata, għandu jiġi rrikonoxxut li l-korrispondenza tal-ius mal-forum ma tistax tiġi żgurata fil-każijiet kollha, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli tar-Regolament fuq l-Insolvenza huma rilevanti għal proċeduri barra minn dawk li jikkwalifikaw bħala proċeduri ta’ insolvenza. Tabilħaqq, filwaqt li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza huwa limitat għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni sabiex jinfetħu proċeduri ta’ insolvenza, l-Artikolu 4(1) huwa usa’, inkwantu jindika l-liġi applikabbli għal proċeduri ta’ insolvenza u l-effetti tagħhom.

    34.

    Għaldaqstant, għandu jiġi rrikonoxxut b’mod ċar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament fuq l-Insolvenza ma hijiex awtomatikament trasponibbli, fl-aspetti kollha tagħha, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha portata usa’.

    35.

    Wara li ġie ċċarat dan il-punt, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza japplikax għat-talba prinċipali fil-kawża preżenti għandha tingħata risposta billi wieħed iżomm f’moħħu l-kontenut speċifiku ta’ din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza jinkludi r-regola ġenerali dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-“proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] u l-effetti tagħhom”. Dik il-liġi, skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament għandha tkun, sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor fl-istess regolament, il-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinfetħu tali proċeduri (il-lex concursus). Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament fih “elenku mhux eżawrjenti tal-punti differenti tal-proċeduri li huma rregolati mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri” ( 7 ), li jinkludi, inter alia, “il-kondizzjonijiet li bihom il-kumpens b’bilanċ jista’ jiġi invokat” (Artikolu 4(2)(d)) u “l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] fuq kuntratti kurrenti li minnhom id-debitur jagħmel parti” (Artikolu 4(2)(e)).

    36.

    Il-fatt li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament fuq l-Insolvenza jagħmel riferiment għall-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni ta’ tpaċija u għall-effetti tal-insolvenza fuq kuntratti kurrenti ma jistax ifisser, fl-opinjoni tiegħi, li kwalunkwe talba li għandha x’taqsam ma’ kuntratt fejn parti f’dak il-kuntratt hija suġġetta għal proċeduri ta’ insolvenza (u/jew meta tpaċija tiġi invokata kontra dak l-attur) taqa’ awtomatikament fil-kunċett ta’ “proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] u l-effetti tagħhom” għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ liema dispożizzjoni tirregola l-liġi applikabbli. Is-sempliċi fatt li huwa l-istralċjarju li ppreżenta rikors bħal dan ma jbiddilx din il-konklużjoni ( 8 ).

    37.

    Każ bħal dak preżenti juri sew għalfejn kwalunkwe konklużjoni oħra twassal għal riżultati imprevedibbli jew saħansitra strambi. Il-liġi li tirregola t-talba kuntrattwali mhux biss tkun differenti minn dik li qablu dwarha l-partijiet, iżda wkoll tinbidel repetutament, minħabba ċessjonijiet sussegwenti u/jew iċ-ċessjonarji li jispiċċaw huma stess suġġetti għal proċeduri ta’ insolvenza. Dawn il-bidliet kollha fil-liġi applikabbli jkunu bbażati fuq avvenimenti li mhux biss jiġu wara d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt u l-għażla tal-liġi applikabbli, iżda wkoll fil-biċċa l-kbira tagħhom ma jkunux konnessi mal-kuntratt. Barra minn hekk, dan kollu jista’ jseħħ waqt li l-proċeduri jkunu pendenti quddiem l-istess qorti.

    38.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal talba prinċipali li hija s-suġġett ta’ azzjoni ppreżentata quddiem il-qrati ta’ Stat Membru mill-istralċjarju ta’ kumpannija suġġetta għal proċeduri ta’ insolvenza fi Stat Membru ieħor, fejn dik l-azzjoni tfittex il-ħlas minn kumpannija oħra dovut minn obbligi kuntrattwali li jkunu saru qabel l-insolvenza.

    39.

    Fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma hemmx lok li jiġu indirizzati t-tieni u t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, sa fejn il-kwistjonijiet imqajma ġeneralment b’dawk id-domandi jsiru rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-raba’ u l-ħames domanda, ser neżamina l-impatt taċ-ċessjoni tat-talba prinċipali ta’ PPUB lil KAN u l-insolvenza sussegwenti ta’ din l-aħħar kumpannija fit-Taqsima B ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    40.

    Fl-aħħar nett, kif ġie rrilevat fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija possibbli wkoll interpretazzjoni oħra tal-ewwel domanda. Skont din l-interpretazzjoni, l-ewwel domanda tirreferi għall-possibbiltà li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza japplika għal ċerti aspetti tal-proċeduri mibdija bl-azzjoni tal-istralċjarju, bħat-talba għat-tpaċija. Għalhekk, skont din l-interpretazzjoni l-ewwel domanda ma tirrigwardax (biss, jew saħansitra xejn) bidla fil-liġi applikabbli għat-talba kuntrattwali prinċipali, iżda potenzjalment (ukoll) bidla applikabbli għal elementi oħra tal-azzjoni.

    41.

    Li kieku tali interpretazzjoni tal-ewwel domanda kienet korretta, allura b’mod ċar l-ewwel domanda tkun effettivament tikkoinċidi mal-kontenut tar-raba’ domanda, li ser nittratta fit-Taqsima C.1 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Hawnhekk, huwa biżżejjed li jingħad li, b’mod ġenerali, il-fatt li l-proċeduri prinċipali ma humiex proċeduri ta’ insolvenza ma jipprekludix li l-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza jista’ jkun rilevanti għal ċerti aspetti ta’ dawn il-proċeduri.

    42.

    Din id-dispożizzjoni tiddetermina l-liġi applikabbli għal proċeduri ta’ insolvenza u għall-effetti tagħhom. Il-fatt li nfetħu proċeduri ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza jfisser li l-istatus ta’ waħda mill-partijiet inbidel. Dan ovvjament jista’ jkollu riperkussjonijiet (u, f’dan is-sens, jipproduċi effetti) fi proċeduri oħra. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament fuq l-Insolvenza meta jirreferi għall-effetti li l-proċeduri ta’ insolvenza jista’ jkollhom fuq proċeduri oħra, bħalma jkollhom “fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali, bl-eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti” ( 9 ). Il-ġurisprudenza toffri iktar eżempji f’dan ir-rigward. Pereżempju, fil-kawża Senior Home, il-kwistjoni tal-liġi applikabbli (b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament fuq l-Insolvenza dwar il-liġi applikabbli għal drittijiet in rem) qamet lil hinn mill-proċeduri ta’ insolvenza (u l-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċeduri) ( 10 ).

    B.   Ir-raba’ u l-ħames domanda: ammissibbiltà

    43.

    Ir-raba’ domanda tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tpaċija invokata minn CeDe kontra t-talba għall-ħlas imressqa mill-istralċjarju ta’ PPUB u li tirriżulta mill-istess ftehim hijiex koperta mill-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament fuq l-Insolvenza.

    44.

    Għaldaqstant, din id-domanda tippreżupponi li t-tpaċija hija invokata kontra talba mressqa mill-istralċjarju ta’ kumpannija suġġetta għal proċeduri ta’ insolvenza. Madankollu, kif tispjega l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari, it-talba prinċipali, oriġinarjament introdotta mill-istralċjarju ta’ PPUB, sadanittant ġiet ċeduta. Għalhekk, it-talba ta’ tpaċija issa qiegħda tiġi affermata fil-qafas tal-proċeduri bejn CeDe u KAN.

    45.

    Il-kwistjoni taċ-ċessjoni, imqajma mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda fir-rigward tal-kawża prinċipali ( 11 ), hija rilevanti għall-evalwazzjoni tar-raba’ u l-ħames domanda, li jikkonċernaw l-applikabbiltà tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament tal-Insolvenza għat-talba ta’ tpaċija.

    46.

    Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, iċ-ċessjoni tat-talba prinċipali tqajjem dubji dwar il-ħtieġa li tingħata risposta għar-raba’ u l-ħames domanda. Fil-fatt, kif imfakkar fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament fuq l-Insolvenza dwar il-liġi applikabbli u, b’mod partikolari, l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, japplikaw għal kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri ta’ insolvenza nnifishom u għall-effetti tagħhom, kif iċċarat ulterjorment mit-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

    47.

    Għaldaqstant, iċ-ċessjoni ta’ talba preċedentement magħmula minn kumpannija insolventi bħal PPUB (jew mill-istralċjarju tagħha) lil parti terza (inizjalment solventi) tfisser li l-proċeduri ta’ insolvenza ma jibqgħu jipproduċu ebda effett f’dan ir-rigward. Għalhekk, irrispettivament mill-kuntest potenzjali ta’ interpretazzjoni ta’ dik il-forma ta’ kliem, ma narax, konformement mal-azzjoni proposta mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tieni domanda dwar iċ-ċessjoni tat-talba, kif id-dispożizzjonijiet tar-Regolament fuq l-Insolvenza dwar il-liġi applikabbli, inklużi l-Artikolu 4(2)(d) u l-Artikolu 6(1), jistgħu jkunu ta’ xi tip ta’ rilevanza għas-soluzzjoni tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li, permezz taċ-ċessjoni, it-talba ma għadhiex konnessa ma’ proċeduri ta’ insolvenza.

    48.

    L-insolvenza sussegwenti tal-kreditur il-ġdid (KAN) ma taffettwax dan ir-riżultat fil-kawża preżenti. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, l-istralċjarju fil-proċeduri ta’ insolvenza li jaffettwaw lil KAN ma ħax f’idejh it-talba ta’ KAN kontra CeDe, bil-konsegwenza li KAN qiegħda taġixxi fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju f’isimha stess. Dan ifisser li din it-talba ma ġietx imdaħħla f’massa oħra ta’ insolvenza u li ma tistax taffettwa l-patrimonju insolventi ta’ KAN kif amministrat mill-istralċjarju tagħha. Għaldaqstant it-talba ta’ tpaċija inkwistjoni ma tidhirx li għadha qiegħda tiġi affettwata minn xi proċeduri pendenti ta’ insolvenza, u għalhekk, taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament fuq l-Insolvenza.

    49.

    Fid-dawl ta’ dan, u irrispettivament minn jekk it-talba ta’ tpaċija ta’ CeDe kinitx inizjalment taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament fuq l-Insolvenza ( 12 ), għandu jiġi konkluż li, minħabba ċ-ċessjoni tat-talba prinċipali ta’ PPUB lil KAN, it-talba ta’ tpaċija ta’ CeDe ma għadhiex affettwata minn proċeduri ta’ insolvenza. Għalhekk, ma narax kif kwalunkwe risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-raba’ domanda tista’ tgħin lill-qorti nazzjonali sabiex tieħu deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Ir-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, sa fejn tirreferi għall-applikabbiltà tal-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament fuq l-Insolvenza għal talba ta’ tpaċija mressqa kontra azzjoni mibdija mill-istralċjarju ta’ PPUB, għandha tiġi kkunsidrata ipotetika u, għalhekk, inammissibbli ( 13 ).

    50.

    L-istess destin għandu jolqot il-ħames domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tirrigwarda r-relazzjoni bejn l-Artikolu 4(2)(d) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza u dwar is-sitwazzjonijiet speċifiċi li għalihom jista’ japplika dak l-Artikolu 6(1).

    51.

    Għaldaqstant, ir-raba’ u l-ħames domanda, fil-kuntest speċifiku ta’ din il-kawża, huma ipotetiċi u, għalhekk, inammissibbli.

    C.   Sussidjarjament: ir-raba’ u l-ħames domanda (il-mertu)

    52.

    Sabiex nassisti bis-sħiħ lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk din ikollha tasal għal konklużjoni differenti fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-raba’ u l-ħames domanda, ser nikkonkludi fil-qosor billi nindirizza l-kwistjonijiet sostantivi mqajma minn dawn id-domandi fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, għandi nirrimarka li d-digriet tar-rinviju joffri qafas fattwali u legali pjuttost inkomplet. Dan jagħmel l-analiżi alternattiva tiegħi neċessarjament qasira u astratta minħabba li n-natura eżatta tal-problema quddiem il-qorti nazzjonali tibqa’ kemxejn imċajpra għalija.

    1. Ir-raba’ domanda: l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2)(d)

    53.

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tpaċija invokata minn CeDe kontra t-talba tal-istralċjarju ta’ PPUB hijiex koperta mill-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament fuq l-Insolvenza.

    54.

    Għandu jiġi nnotat mill-bidu li, għalkemm l-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza (kif iċċarat b’risposta għall-ewwel domanda) ma jirregolax il-liġi applikabbli għat-talba prinċipali, dan ma jipprekludix, kif diġà indikat fil-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li din id-dispożizzjoni tista’ tabilħaqq tkun rilevanti fir-rigward ta’ elementi oħra ta’ dawk il-proċeduri, inkluża l-possibbiltà ta’ u l-kundizzjonijiet għal talba ta’ tpaċija. Fil-fatt, proċeduri ta’ insolvenza jista’ jkollhom effett fuq il-possibbiltà li tiġi invokata tpaċija bħal din kontra l-parti insolventi.

    55.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tar-regola ġenerali fl-Artikolu 17 tar-Regolament Ruma I ( 14 ), li jgħid, “[m]eta d-dritt għal tpaċija ma jkunx miftiehem mill-partijiet, it-tpaċija għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għal dak id-dritt li kontrih tiġi eċċepita t-tpaċija.”

    56.

    Bħala riżultat, anki jekk it-talba prinċipali hija rregolata mil-liġi ta’ Stat Membru, jibqa’ possibbli, bl-applikazzjoni tar-regola speċjali li tinsab fl-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza, li tpaċija tista’ tiġi rregolata bil-liġi ta’ Stat Membru ieħor.

    57.

    Għaldaqstant, anki jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tissuġġerixxi li r-raba’ domanda ssir biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda (jiġifieri, li kieku kellu japplika l-Artikolu 4 għat-talba prinċipali), ma nikkondividix il-fehma li d-destin ta’ tpaċija huwa ssiġillat b’dak tat-talba prinċipali.

    58.

    Ladarba ġie ċċarat dan, il-portata eżatta tar-raba’ domanda għadha, madankollu, trid tiġi kkonstatata. Fil-fatt, talba bħal dik invokata minn CeDe kontra t-talba prinċipali tirrikjedi lill-qorti nazzjonali tiddetermina (i) il-merti sostantivi tat-talba fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt u (ii) il-kundizzjonijiet għat-tpaċija. Dan it-tieni saff jista’ jkopri kwistjonijiet differenti, skont jekk is-sistema nazzjonali tiddifferenzjax bejn kundizzjonijiet għall-eżistenza tad-dritt għal tpaċija u l-invokabbiltà tagħhom taħt ir-regoli ta’ insolvenza. Filwaqt li huwa ċar li l-Artikolu 4(2)(d) ma jikkonċernax il-kwistjonijiet dwar il-merti sostantivi li jistgħu jinqalgħu taħt (i) ( 15 ), li għandhom jiġu stabbiliti bil-liġi applikabbli għall-kuntratt kif miftiehem mill-partijiet, ma jidhirx b’mod ċar liema aspetti ta’ (ii) huma koperti mill-Artikolu 4(2)(d) ta’ dan ir-regolament.

    59.

    Fil-fatt, il-kliem tal-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament fuq l-Insolvenza assolutament ma huwiex ċar f’dan ir-rigward. Xi verżjonijiet lingwistiċi jidhru li jimplikaw li dak li huwa rregolat minn din id-dispożizzjoni huwa l-kundizzjonijiet li taħthom it-tpaċija tista’ tiġi “invokata” (bis-suġġeriment, għalhekk, tal-possibbiltà li jiġu invokati fil-proċeduri ta’ insolvenza) ( 16 ), filwaqt li verżjonijiet lingwistiċi oħra jirreferu biss għall-kundizzjonijiet għal tpaċija ( 17 ), li jistgħu jinftiehmu li jinkludu l-kundizzjonijiet sostantivi għat-tpaċija wkoll.

    60.

    Din l-inċertezza xprunat diskussjoni akkademika dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament fuq l-Insolvenza. Jidher li hemm tliet approċċi għal din il-kwistjoni. Skont l-ewwel interpretazzjoni, l-eżistenza tad-dritt ta’ tpaċija hija kwistjoni preliminari, irregolata mil-liġi applikabbli għat-talba prinċipali, u l-Artikolu 4(2)(d) imbagħad japplika biss għall-possibbiltà proċedurali ta’ invokazzjoni ta’ tpaċija fil-proċeduri ta’ insolvenza. Skont it-tieni interpretazzjoni, l-Artikolu 4(2)(d) ikopri l-liġi applikabbli għad-dritt ta’ tpaċija nnifisha. It-tielet interpretazzjoni tgħid li l-portata speċifika tal-Artikolu 4(2)(d) tiddependi fuq il-lex concursus. Din tippermetti lill-Artikolu 4(2)(d) jibqa’ newtrali u ma tagħti preferenza lil ebda sistema nazzjonali fuq oħrajn ( 18 ).

    61.

    Din il-kwistjoni għandha tiġi evalwata billi titqies in-natura partikolari tat-tpaċija. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tpaċija “ittemm fl-istess ħin żewġ obbligi li jeżistu reċiprokament bejn żewġ persuni” ( 19 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa fl-istess ħin, u għaż-żewġ partijiet involuti, mezz ta’ ħlas (eżekuzzjoni ta’ obbligu) u ta’ infurzar: bl-invokazzjoni ta’ tpaċija parti ġġiegħel lid-debitur tagħha jħallas ( 20 ). Dan ifisser li, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza, it-tpaċija taffettwa direttament il-par conditio creditorum, billi l-kredituri li jkollhom talbiet ta’ tpaċija jistgħu jiksbu sodisfazzjon sħiħ tat-talbiet tagħhom barra mill-proċeduri ta’ insolvenza. Meta jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-fatt, l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tal-Istati Membri differenti ħadu pożizzjonijiet differenti, u xi kultant pjuttost diverġenti, lejn il-kwistjoni tat-tpaċija fl-insolvenza, jew billi adottaw pożizzjoni protettiva tal-kreditur individwali (li tqis it-tpaċija bħala mezz ta’ garanzija) jew tal-kredituri kollha tad-debitur insolventi (billi t-tpaċija tiġi limitata b’riferiment għall-prinċipju pari passu) ( 21 ).

    62.

    Fid-dawl kemm tal-oqfsa legali diverġenti għat-tpaċija fil-kuntest tal-insolvenza fl-Istati Membri differenti, kif ukoll tar-raġunamenti differenti li fuqhom huma bbażati dawk is-sistemi, insib it-tielet approċċ deskritt hawn fuq iktar raġonevoli f’termini prattiċi. Il-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tal-Artikolu 4 fir-rigward tat-tpaċija jirriżulta minn qari flimkien tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza. Filwaqt li l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi bħala r-regola ġenerali li l-liġi applikabbli għall-proċeduri ta’ insolvenza u l-effetti tagħhom għandha tiġi stabbilita mil-lex concursus, l-Artikolu 4(2) fih lista mhux eżawrjenti ta’ dawk l-effetti, li jinkludu, inter alia, “(d) il-kondizzjonijiet li bihom il-kumpens b’bilanċ jista’ jiġi invokat”. Dan jissuġġerixxi li kull meta l-lex concursus tistabbilixxi li l-insolvenza tipproduċi xi effetti fuq it-tpaċija, dawk l-effetti huma rregolati minnha. Bħala riżultat, f’sistemi nazzjonali fejn it-tpaċija topera bħala effett tal-insolvenza nnifisha, din tkun taqa’, bħala tali, taħt l-Artikolu 4 tar-regolament.

    63.

    Madankollu, nixtieq xorta waħda niddisswadi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tieħu pożizzjoni fuq din il-kwistjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża. Il-kwistjonijiet imqajma bir-raba’ u l-ħames domanda huma ferm iktar profondi. Dawn jistħoqqilhom diskussjoni legali informata sewwa u kompleta, u mhux stqarrija każwali f’kawża fejn il-fatti li fuqhom huma bbażati d-domandi magħmula kif ukoll ir-rilevanza ta’ dawk id-domandi xejn ma jkunu ċari.

    2. Il-ħames domanda: l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)

    64.

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika tat-tifsira tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza. Il-qorti nazzjonali għandha dubji dwar il-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza: Japplika biss jekk it-tpaċija ma tkunx possibbli taħt il-lex concursus? Japplika wkoll fejn ikun hemm ċerti differenzi bejn il-possibbiltajiet ta’ tpaċija offruti mil-lex concursus u l-liġi applikabbli għat-talba prinċipali? Huwa applikabbli anki jekk ma hemmx differenzi fil-liġi, imma tpaċija ġiet miċħuda fl-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċeduri?

    65.

    L-Artikolu 6 tar-Regolament fuq l-Insolvenza huwa espressjoni tal-mudell “universalità limitata” tar-Regolament fuq l-Insolvenza, li skontu, “minn naħa, il-liġi applikabbli għall-proċedura prinċipali ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ din il-proċedura, filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-imsemmi regolament jipprevedi numru ta’ eċċezzjonijiet għal din ir-regola” ( 22 ). Kif enfasizzat mill-premessa 24 tar-Regolament fuq l-Insolvenza, l-introduzzjoni ta’ numru ta’ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali hija intiża li tipproteġi l-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza tat-tranżazzjonijiet fi Stati Membri li ma jkunux dawk li fihom jinfetħu l-proċeduri.

    66.

    Ir-raġunament speċifiku li jispira l-eċċezzjoni ta’ tpaċija huwa kkjarifikat ulterjorment mill-premessa 26 tar-Regolament fuq l-Insolvenza, li tgħid li l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament huwa mfassal sabiex jindirizza sitwazzjonijiet fejn tpaċija ma hijiex permessa taħt il-lex concursus. F’tali ċirkustanzi, il-kreditur għandu madankollu “jkun intitolat għal kumpens b’bilanċ [tpaċija] jekk dan ikun possibli skond il-liġi applikabbli għat-talba tal-falliment tad-debitur”. Dik il-premessa tispjega ulterjorment ir-raġuni għal din l-eċċezzjoni: it-tpaċija takkwista “tip ta’ garanzija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet legali li fuqhom ikun jista’ joqgħod il-kreditur ikkonċernat meta titressaq it-talba.”

    67.

    Għaldaqstant, minn qari letterali u sistematiku jidher li l-Artikolu 6 tar-Regolament fuq l-Insolvenza (bħal dispożizzjonijiet speċifiċi oħra, bħall-Artikolu 5), jiffunzjona bħala eċċezzjoni fir-rigward tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza “jikkorreġi” r-regola ġenerali fl-Artikolu 4 (li jistabbilixxi r-regola ġenerali tal-lex concursus) sabiex tinżamm iċ-ċertezza legali ta’ dawk il-kredituri li kienu jgawdu minn dritt ta’ tpaċija taħt il-liġi applikabbli għat-talba tad-debitur insolventi ( 23 ).

    68.

    F’dak il-kuntest, id-domanda mill-qorti tar-rinviju tirriżolvi ruħha għall-kwistjoni dwar jekk in-“nuqqas ta’ permissibbiltà” ta’ tpaċija fil-lex concursus taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament fuq l-Insolvenza għandux jiġi indirizzat f’termini konkreti jew astratti sabiex tiġi applikata l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

    69.

    Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi tliet interpretazzjonijiet possibbli: l-Artikolu 6 jista’ jinftiehem bħala li japplika (a) fejn it-talbiet ta’ tpaċija ma humiex permessi mil-lex concursus; jew, (b) fejn dawn huma permessi taħt kundizzjonijiet differenti; jew ukoll, (c) fejn, wara li jiġu applikati l-kundizzjonijiet għat-tpaċija – li jistgħu jkunu identiċi – tpaċija ma tkunx permessa f’każ speċifiku.

    70.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li, minħabba l-funzjoni tiegħu bħala “garanzija”, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza japplika irrispettivament minn jekk il-lex concursus tippermettix tpaċija b’mod ġenerali jew f’każ speċifiku. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol jidher li jargumenta li, jekk il-lex concursus tippermetti tpaċija (b’xi mod), allura għandha tkun il-liġi applikabbli, mingħajr ebda possibbiltà ta’ invokazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza.

    71.

    Jiena naqbel mal-Kummissjoni.

    72.

    L-ewwel nett, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza jistabbilixxi li l-“ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment m’għandhomx jeffetwaw id-dritt tal-kredituri li jinsistu fuq kumpens b’bilanċ [tpaċija] tat-talbiet tagħhom […] meta kumpens b’bilanċ ikun permissibli bil-liġi applikabbli għat-talbiet tad-debitur fallut” ( 24 ). Ir-riferiment għall-fatt li d-“dritt […] li jinsistu fuq kumpens b’bilanċ [tpaċija]” ma jiġix affettwat jissuġġerixxi li tali dritt għal talba ta’ tpaċija tat-talbiet jeżisti diġà f’każ speċifiku.

    73.

    It-tieni nett, l-għan tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza li tiġi ssalvagwardjata ċ-ċertezza legali fi tranżazzjonijiet kummerċjali stabbiliti mill-premessa 26 jista’ jintlaħaq biss jekk it-test tan-“nuqqas ta’ permissibbiltà” jiġi indirizzat b’mod konkret. Fil-fatt, sabiex jaqdi l-funzjoni tiegħu bħala “garanzija”, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza għandu japplika fejn il-liġi applikabbli għat-talba tad-debitur insolventi kienet tippermetti tpaċija bħal din fil-każ speċifiku.

    74.

    Fil-qosor, billi jiġi adottat approċċ iffokat fuq eżiti konkreti prodotti mil-liġijiet applikabbli rispettivi f’kunflitt f’każ speċifiku, it-test li għandu jiġi applikat irid jiffoka fuq is-soluzzjoni speċifika li tista’ tintlaħaq mil-liġi applikabbli għat-talba prinċipali (inkluża l-liġi dwar l-insolvenza).

    75.

    Dan ifisser li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza għandu japplika mhux biss fejn il-lex concursus teskludi għalkollox il-possibbiltà li tiġi applikata tpaċija, iżda wkoll f’każijiet fejn il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ aċċess għal tpaċija jkunu differenti, sabiex, skont il-lex concursus, tpaċija ma tkunx possibbli f’każ speċifiku, filwaqt li kienet tkun possibbli taħt il-liġi applikabbli għat-talba prinċipali. Fi kliem ieħor, sabiex ma jkunx japplika l-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza, għandu jkun hemm “ekwivalenza materjali” bejn iż-żewġ settijiet ta’ regoli, sabiex il-lex concursus tibqa’ applikabbli. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-lex concursus tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà ta’ tpaċija ma jipprekludix l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza.

    76.

    Fl-aħħar nett, l-aħħar subdomanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar is-sitwazzjoni fejn ir-regoli tal-lex concursus u l-lex causae jkunu ekwivalenti iżda l-applikazzjoni tagħhom fil-każ speċifiku twassal għal konklużjonijiet differenti.

    77.

    Id-deskrizzjoni tal-fatti pprovduta mill-qorti tar-rinviju sfortunatament għal darba oħra hija limitata ħafna f’dan ir-rigward. L-unika informazzjoni pprovduta tgħid li l-istralċjarju ċaħad it-talba ta’ tpaċija fil-qafas tal-proċeduri ta’ insolvenza, mingħajr ma indikat raġunijiet sottostanti. Fin-nuqqas ta’ sensiela speċifika ta’ fatti li fuqhom hija bbażata din id-domanda, kif ukoll ta’ kwalunkwe indikazzjoni dwar il-kontenut tal-lex concursus jew tal-liġi li tirregola t-talba prinċipali, fil-fehma tiegħi l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi meħtieġa sabiex tagħti risposta għal din id-domanda.

    78.

    Fi kwalunkwe każ, bħala kunsiderazzjoni finali u konklużiva, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament fuq l-Insolvenza, il-proċeduri prinċipali ta’ insolvenza fi Stat Membru speċifiku għandhom ikunu rrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra kollha u li l-Artikolu 25 tar-Regolament jestendi dik ir-regola ta’ rikonoxximent għas-sentenzi kollha relatati mal-iżvolġiment u l-għeluq tal-proċeduri ( 25 ).

    V. Konklużjoni

    79.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja):

    L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal talba li hija s-suġġett ta’ azzjoni ppreżentata quddiem il-qrati ta’ Stat Membru mill-istralċjarju ta’ kumpannija suġġetta għal proċeduri ta’ insolvenza fi Stat Membru ieħor, fejn dik l-azzjoni tkun intiża għall-ħlas minn kumpannija oħra fuq il-bażi ta’ obbligi kuntrattwali li jkunu saru qabel dik l-insolvenza.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament fuq l-Insolvenza”).

    ( 3 ) Kif iddeterminat mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (ĠU 2008, L 177, p. 6) (iktar ’il quddiem “ir-Regolament Ruma I”).

    ( 4 ) Konformement mar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1).

    ( 5 ) Ara, l-iktar riċenti, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2019, NK (C‑535/17, EU:C:2019:96, punti 2628 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 6 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża NK (stralċjarju fil-fallimenti ta’ PI) (C‑535/17, EU:C:2018:850, punt 90). Dan iwassal għal korrispondenza bejn ġurisdizzjoni u liġi applikabbli f’ħafna każijiet. B’mod partikolari, meta dispożizzjoni tiġi kklassifikata bħala li hija koperta mil-liġi fuq l-insolvenza għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament fuq l-Insolvenza, din il-konstatazzjoni tista’ wkoll tkun rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk kwistjoni taqax taħt il-liġi applikabbli għal proċeduri ta’ insolvenza u l-effetti tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Kornhaas (C‑594/14, EU:C:2015:806, punt 17).

    ( 7 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, MG Probud Gdynia (C‑444/07, EU:C:2010:24, punt 25).

    ( 8 ) Bl-istess mod, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni kif irregolata mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza, il-Qorti tal Ġustizzja ddikjarat li l-“fatt li, wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, tiġi eżerċitata mil-likwidatur [stralċjarju] innominat fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri u li dan tal-aħħar jaġixxi fl-interess tal-kredituri ma jbiddilx b’mod sostanzjali n-natura tagħha, li hija indipendenti minn proċedura ta’ insolvenza u li tibqa’ suġġetta, fil-mertu, għal regoli ta’ dritt komuni”. Ara s-sentenza tas-6 ta’ Frar 2019, NK (C‑535/17, EU:C:2019:96, punt 29). Bl-istess mod, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Graphische Maschinen (C‑292/08, EU:C:2009:544, punt 33). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża NK (stralċjarju fil-fallimenti ta’ PI) (C‑535/17, EU:C:2018:850, punt 60). Ara, madankollu, fuq il-limiti għat-traspożizzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament fuq l-Insolvenza għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, il-punti 32 sa 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 9 ) Artikolu 4(2)(f) tar-Regolament fuq l-Insolvenza.

    ( 10 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Senior Home (C‑195/15, EU:C:2016:804).

    ( 11 ) Peress li r-Regolament fuq l-Insolvenza ma jirregolax il-liġi applikabbli għat-talba prinċipali, din id-domanda ma għandhiex għalfejn tiġi indirizzata. Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 12 ) Naħseb li dan kien ikun tassew il-każ, kif nispjega fir-risposta tiegħi għar-raba’ domanda, elaborata bħala argument sussidjarju, fit-Taqsima C.1 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 13 ) Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, “il-ġustifikazzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ kawża li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni”. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Romeo (C‑313/12, EU:C:2013:718, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 14 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑16 ta’ April 2015, Lutz (C‑557/13, EU:C:2015:227, punt 46), u tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Vinyls Italia (C‑54/16, EU:C:2017:433, punt 29).

    ( 15 ) Fuq il-bażi li kienet fil-fatt CeDe li ressqet kontrotalba kontra PPUB. B’mod ġenerali, l-istruttura eżatta tat-tilwima tiddependi fuq il-liġi nazzjonali u l-mod kif it-talba għal tpaċija tressqet fuq livell nazzjonali fil-każ individwali (kemm jekk bħala talba prinċipali parallela, kontrotalba, jew difiża). Madankollu, għall-finijiet ta’ din il-kawża, jidher ċar li ż-żewġ talbiet (sostantivi) dwar in-(nuqqas) ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, imressqa minn PPUB u CeDe rispettivament, fi kwalunkwe forma, ikunu rregolati mill-istess liġi (Svediża) bħala l-liġi tal-kuntratt oriġinali.

    ( 16 ) Pereżempju, EN: “the conditions under which set-offs may be invoked”; ES: “las condiciones de oponibilidad de una compensación”; DE: “die Voraussetzungen für die Wirksamkeit einer Aufrechnung”; FR: “les conditions d’opposabilité d’une compensation”; IT: “le condizioni di opponibilità della compensazione”; NL: “onder welke voorwaarden een verrekening kan worden tegengeworpen”; PT: “As condições de oponibilidade de uma compensação”.

    ( 17 ) Pereżempju, CS: “podmínky, za kterých může dojít k započtení pohledávek”; EL: “οι προϋποθέσεις συμψηφισμού”; FI: “kuittauksen edellytykset”; SV: “förutsättningarna för kvittning”.

    ( 18 ) Għal sunt ta’ din id-diskussjoni ara, pereżempju, Pannen u Riedermann, “Article 4. Law applicable”, f’Pannen, K., (editur), European Insolvency Regulation, De Gruyter Recht, Berlin, 2007, p. 225; Garcimartín Alférez, F. J., “El Reglamento de Insolvencia: una aproximación general” fi Cuadernos de derecho judicial, nru 4, 2001, pp. 229-352, f’pp. 286 et seq; u, insostenn tat-tielet interpretazzjoni, Virgós, M. u Garcimartín Alférez, F., The European Insolvency Regulation: Law and Practice, Kluwer Law International, Den Haag, 2004, pp. 112 et seq.

    ( 19 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs CCRE (C‑87/01 P, EU:C:2003:400, punt 59).

    ( 20 ) Pichonnaz, P. u Gullifer, L., Set-off in Arbitration and Commercial Transactions, Oxford University Press, Oxford, 2014, p. 72, punt 4.10.

    ( 21 ) Ara, b’mod ġenerali, dwar l-approċċi sistematiċi differenti għat-tpaċija fl-insolvenza, Zimmermann, R., Comparative Foundations of a European Law of Set-Off and Prescription, Cambridge University Press, Cambridge, 2002; u Johnston, W., Werlen, T. u Link, F., Set-Off Law and Practice: An International Handbook, it-tielet edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2018.

    ( 22 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Senior Home (C‑195/15, EU:C:2016:804, punt 17), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’dik il-kawża (C‑195/15, EU:C:2016:369, punti 21 sa 23).

    ( 23 ) Ara, ukoll, Virgós, M. u Schmit, E., Report on the Convention on Insolvency Proceedings of 3 May 1996 (Rapport fuq il-Konvenzjoni dwar il-Proċeduri ta’ Insolvenza tat-3 ta’ Mejju 1996) (Dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Nru 6500/96, DRS 8 (CFC)), punt 109: “B’dan il-mod, it-tpaċija ssir, fis-sustanza, tip ta’ garanzija rregolata minn liġi li fuqha l-kreditur ikkonċernat jista’ joqgħod fil-mument li jikkuntratta jew ibati t-talba” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 24 ) Enfasi miżjuda.

    ( 25 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak (C‑116/11, EU:C:2012:739, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top