Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0186

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fit-22 ta’ April 2021.
    José Cánovas Pardo SL vs Club de Variedades Vegetales Protegidas.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti – Regolament (KE) Nru 2100/94 – Artikolu 96 – Kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 – Bidu tad-dekorrenza – Data tal-għoti tal-protezzjoni Komunitarja kif ukoll tal-għarfien bl-att u bl-identità tal-awtur – Data tat-tmiem tal-aġir inkwistjoni – Atti suċċessivi – Atti kontinwi – Limitazzjoni għall-atti mwettqa iktar minn tliet snin qabel.
    Kawża C-186/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:327

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SAUGMANDSGAARD ØE

    ippreżentati fit‑22 ta’ April 2021 ( 1 )

    Kawża C‑186/18

    José Cánovas Pardo SL

    vs

    Club de Variedades Vegetales Protegidas

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti – Regolament (KE) Nru 2100/94 – Artikolu 96 – Preskrizzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 tar-regolament – Terminu ta’ tliet snin – Atti rrepetuti fuq matul iż-żmien – Atti li jdumu fiż-żmien – Punt tat-tluq (dies a quo) – Data tal-għoti tal-protezzjoni Komunitarja – Data tal-konoxxenza tal-att u tal-identità tal-awtur – Data tal-waqfien tal-aġir inkwistjoni – Effetti tal-preskrizzjoni – Limitazzjoni għall-atti mwettqa iktar minn tliet snin qabel”

    I. Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 96 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 ( 2 ).

    2.

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija Club de Variedades Vegetales Protegidas u l-kumpannija José Cánovas Pardo S.L. (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Pardo”) fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni minn din tal-aħħar ta’ siġar tal-mandolin tal-varjetà Nadorcott mingħajr il-kunsens tad-detentur ( 3 ).

    3.

    B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju ġiet adita mill-kumpannija Pardo b’appell ta’ kassazzjoni dwar il-kwistjoni waħdanija tal-preskrizzjoni. Il-kawża prinċipali hija kkaratterizzata, f’dan ir-rigward, mill-fatt li d-detentur ħalla jiskadi t-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94. Fil-fatt, ġie stabbilit li, fil-mument tal-preżentata tal-azzjoni kontra l-kumpannija Pardo, id-detentur kien ilu jaf, għal iktar minn tliet snin, bl-atti li jippreġudikaw id-drittijiet tiegħu u bl-identità tal-awtur ta’ dawn l-atti.

    4.

    Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huma intiżi li jistabbilixxu l-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti mill-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ tliet snin.

    5.

    Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula fis-sens li l-effetti ta’ din il-preskrizzjoni jestendu, f’każ ta’ atti li jkunu mifruxin fuq ċertu żmien, għall-atti biss imwettqa iktar minn tliet snin qabel. Fi kliem ieħor, id-detentur jibqagħlu d-dritt li jippreżenta l-azzjonijiet previsti fl-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament Nru 2100/94 għal dak li jikkonċerna l-atti mwettqa matul l-aħħar tliet snin.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    6.

    L-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94, intitolat “Ksur tal-liġi”, jipprovdi:

    “1.   Kull min:

    a)

    jaff[et]twa xi wieħed mill-atti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) mingħajr ma jkun intitolat biex jagħmel dan, dwar varjetà li għaliha ikun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti; jew

    b)

    iħalli barra l-użu korrett ta’ denominazzjoni ta’ varjetà li għaliha jirreferi l-Artikolu 17(1) jew iħalli barra t-tagħrif relevanti li għalih jirreferi l-Artikolu 17(2); jew

    c)

    kuntrarju għall-Artikolu 18(3) juża d-denominazzjoni ta’ varjetà li għaliha jkun ingħata dritt[]tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti jew deskrizzjoni li tista’ titħallat magħha,

    jista’ jiġi mħarrek mid-detentur biex jordna t-tneħħija ta’ dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn.

    2.   Kull min jaġixxi intenzjonalment jew b’mod traskurat għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa lid-detentur għal kull ħsara li tirriżulta minn dak l-att in kwistjoni. Fil-każi ta’ negliġenza ħafifa, dawk il-pretensjonijiet jistgħu jitnaqqsu skond il-grad ta’ dik in-negliġenza ħafifa, b’dan iżda mhux sal-limitu li jkunu anqas mill-vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur”.

    7.

    L-Artikolu 95 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

    “Id-detentur jista’ jenħtieġ kumpens raġonevoli minn kull persuna li tkun, fiż-żmien ta’ bejn il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u l-għoti tiegħu, effettwat xi att li kienet tkun ipprojbita li tagħmel sussegwentement għalih”.

    8.

    Skont l-Artikolu 96 tal-imsemmi regolament:

    “Pretensjonijiet bis-saħħa ta’ [L-azzjonijiet imsemmija f]l-Artikoli 94 u 95 għandhom ikunu preskritti wara tliet snin miż-żmien li fih jiġi mogħti b’mod finali d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u d-detentur ikun konsapevoli bl-att u bl-identità tal-parti responsabbli jew, fin-nuqqas ta’ dik il-konsapevolezza, wara 30 sena mit-temma [twettiq] ta’ l-att ikkonċernat”.

    III. Dwar il-protezzjoni Komunitarja tal-varjetà tas-siġar tal-mandolin Nadorcott

    9.

    Il-fatti preċedenti tat-tilwima dwar il-protezzjoni Komunitarja tal-varjetà tas-siġar tal-mandolin Nadorcott, kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    10.

    Fit‑22 ta’ Awwissu 1995, il-kumpannija Nador Cott Protection S.A.R.L. ippreżentat applikazzjoni għall-protezzjoni Komunitarja ta’ din il-varjetà quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (iċ-“CPVO”). Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin Uffiċjali taċ-CPVO tat‑22 ta’ Frar 1996.

    11.

    Fl‑4 ta’ Ottubru 2004, iċ-CPVO ta l-protezzjoni Komunitarja. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin Uffiċjali taċ-CPVO tal‑15 ta’ Diċembru 2004.

    12.

    Fl‑14 ta’ April 2005, il-Federación de Cooperativas Agrícolas Valencianas(il-Federazzjoni tal-Kooperattivi Agrikoli ta’ Valencia) adixxiet lill-Bord tal-Appell taċ-CPVO b’rikors, b’effett sospensiv, kontra din id-deċiżjoni tal-għoti tal-protezzjoni. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2005, ippubblikata fil-Bulettin Uffiċjali taċ-CPVO tal‑15 ta’ Frar 2006.

    13.

    Fil‑21 ta’ Marzu 2006, il-Fédération des Coopératives Agricoles de Valence adixxiet lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea b’rikors, din id-darba b’effett sospensiv, kontra din l-aħħar deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors b’sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2008, Federación de Cooperativas Agrarias de la Comunidad Valenciana vs CPVO – Nador Cott Protection (Nadorcott) ( 4 ).

    IV. Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    14.

    Għalkemm Nador Cott Protection hija d-detentur tad-drittijiet fuq il-varjetà tas-siġar tal-mandolin Nadorcott, il-kumpannija Carpa Dorada. għandha liċenzja esklużiva fuq id-drittijiet li jirrigwardaw din il-varjetà tal-pjanti. Carpa Dorada fdat il-ġestjoni tad-drittijiet tagħha f’idejn Gestión de Licencias Vegetales (iktar ’il quddiem “GESLIVE”) sat‑12 ta’ Diċembru 2008, u mbagħad f’idejn il-kumpannija Club de Variedades Vegetales Protegidas.

    15.

    Sa mis-sena 2006, il-kumpannija Pardo topera pjantaġġun tas-siġar tal-mandolin tal-varjetà Nadorcott fuq biċċa art li tinsab fil-lokalità ta’ Alhama de Murcia (Spanja) (4457 siġra).

    16.

    Fit‑30 ta’ Ottubru 2007, GESLIVE bagħtet lill-kumpannija Pardo intimazzjoni li permezz tagħha ordnatilha tieqaf tikkummerċjalizza din il-varjetà ta’ pjanti peress li ma kinitx talbet il-liċenzja korrispondenti.

    17.

    Fit‑30 ta’ Marzu 2011, il-kumpannija Club de Variedades Vegetales Protegidas bagħtet lill-kumpannija Pardo komunikazzjoni ġdida li biha talbitha, f’każ li huwa minnu li hija kienet qiegħda topera pjantaġġun ta’ 5000 siġra tal-mandolin tal-varjetà Nadorcott, biex tieqaf b’dan l-operat.

    18.

    Matul ix-xahar ta’ Novembru 2011, il-kumpannija Club de Variedades Vegetales Protegidas talbet lill-Juzgado de lo Mercantil (il-Qorti tal-Kummerċ, Spanja) biex tieħu l-miżuri preliminari biex tikkonstata l-ksur.

    19.

    Il-kumpannija Club de Variedades Vegetales Protegidas ippreżentat rikors kontra l-kumpannija Pardo sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tad-drittijiet leġittimi fuq il-varjetà Nadorcott matul il-perijodu ta’ protezzjoni provviżorja (bejn is‑26 ta’ Frar 1996 u l‑15 ta’ Frar 2006) ( 5 ). Hija talbet ukoll li l-kumpannija Pardo tiġi kkundannata tħallas kumpens raġonevoli ta’ EUR 17500 eskluża l-VAT.

    20.

    Barra minn hekk, il-kumpannija Club de Variedades Vegetales Protegidas ippreżentat azzjoni għall-kontrafazzjoni li tikkonċerna l-operat li seħħ wara l‑15 ta’ Frar 2006. B’mod partikolari, hija talbet li jiġi kkonstatat il-ksur tad-drittijiet leġittimi fuq il-varjetà Nadorcott li twettaq sa minn din id-data u sakemm dan jieqaf. Hija talbet ukoll li l-kumpannija Pardo tkun ikkundannata tieqaf minn dan l-operat li jseħħ mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet fuq il-varjetà, u sabiex telimina u, jekk ikun il-każ, teqred kull materjal tal-pjanti ta’ din il-varjetà fil-pussess tagħha, sabiex tħallasha kumpens li jitla’ sa EUR 35000 eskluża l-VAT u sabiex tippubblika, bi spejjeż tagħha, il-kap u d-dispożittiv tas-sentenza.

    21.

    Il-Juzgado de lo Mercantil (il-Qorti tal-Kummerċ) ċaħdet dan ir-rikors minħabba li t-terminu tal-preskrizzjoni ta’ tliet snin stabbilit fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 kien skada. Insostenn tar-raġunament tagħha, din il-qorti kkonstatat li d-detentur kien jaf bl-atti ta’ operat imwettaq mill-kumpannija Pardo mill-inqas mit‑30 ta’ Ottubru 2007, li hija d-data tal-intimazzjoni mibgħuta minn GESLIVE lill-kumpannija Pardo.

    22.

    Il-kumpannija Club de Variedades Vegetales Protegidas interponiet appell minn din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de Murcia (il-Qorti Provinċjali ta’ Murcia, Spanja). Din il-qorti kkonstatat, min-naħa waħda, li l-atti ta’ kontrafazzjoni kienu rrepetuti fiż-żmien u, min-naħa l-oħra, li l-preskrizzjoni kienet ġiet interrotta f’Novembru 2009 bl-adozzjoni ta’ ċerti miżuri preliminari. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti ddeċidiet li huma biss l-atti ta’ operat imwettqa iktar minn tliet snin qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri preliminari li kienu milqutin bil-preskrizzjoni.

    23.

    Fil-mertu, l-Audiencia Provincial de Murcia (il-Qorti Provinċjali ta’ Murcia) irrilevat li l-kumpannija Pardo ma kkontestatx la l-operat u lanqas l-assenza ta’ kunsens tad-detentur tal-varjetà tal-pjanti, iżda kkontestat biss il-kumpens. F’dan ir-rigward, din il-qorti applikat, biex tkopri kemm il-kumpens dovut minħabba l-kontrafazzjoni kif ukoll ir-remunerazzjoni li tirrigwarda l-protezzjoni provviżorja, is-somma ta’ EUR 7 għal kull siġra, għall-ammont totali ta’ EUR 31199. Barra minn hekk, hija kkundannat lill-kumpannija Pardo sabiex tieqaf mill-atti ta’ kontrafazzjoni, sabiex telimina u, jekk ikun il-każ, teqred kull materjal tal-pjanti ta’ din il-varjetà fil-pussess tagħha, inkluż il-materjal tal-ħsad, u sabiex tippubblika, bi spejjeż tagħha, il-kap u d-dispożittiv tas-sentenza.

    24.

    Il-kumpannija Pardo ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) li permezz tiegħu hija kkontestat l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Appell, tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 għal dak li jikkonċerna l-preskrizzjoni.

    25.

    It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tenfasizza li ġiet stabbilita, f’dan ir-rigward, distinzjoni bejn l-atti ta’ kontrafazzjoni momentanji u l-atti ta’ kontrafazzjoni li jdumu fiż-żmien jew “kontinwi”. Din il-qorti ssemmi sentenza reċenti fil-qasam tad-dritt tat-trade marks li fiha ġie deċiż li, meta l-kontrafazzjoni hija r-riżultat ta’ aġir kontinwu, il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi sospiż sakemm iddum il-kontrafazzjoni kontinwa jew ir-repetizzjoni tagħha. Hija tistaqsi jekk din l-interpretazzjoni hijiex trasponibbli għall-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94.

    26.

    Għal dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, min-naħa waħda, għaddew iktar minn tliet snin minn meta d-detentur sar jaf bl-atti mwettqa bi ksur tad-drittijiet tiegħu u bl-identità tal-awtur ta’ dawn l-atti u li, min-naħa l-oħra, l-atti ta’ kontrafazzjoni komplew fil-mument li ġew ippreżentati l-azzjonijiet previsti fl-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament Nru 2100/94. F’dak il-każ, din il-qorti tistaqsi jekk il-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 96 ta’ dan ir-regolament taffettwax:

    l-atti kollha li jippreġudikaw id-drittijiet tad-detentur, b’mod li l-azzjonijiet ippreżentati jkunu inammissibbli fit-totalità tagħhom, jew

    l-atti biss li jitwettqu barra mit-terminu ta’ tliet snin previst fl-imsemmi Artikolu 96, b’mod li l-imsemmija azzjonijiet ikunu ammissibbli għal dak li jikkonċerna l-atti mwettqa matul l-aħħar tliet snin.

    27.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 96 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 jipprekludi interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li, sakemm ikun iddekorra t-terminu ta’ tliet snin minn meta, ladarba tkun ingħatat il-protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti, id-detentur ikun sar jaf bl-att li jikkostitwixxi ksur u bl-identità tal-parti responsabbli, l-azzjonijiet previsti fl-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament ikunu saru preskritti, anki jekk l-atti li jikkostitwixxu ksur ikunu baqgħu fis-seħħ sal-mument tat-tressiq tal-azzjoni?

    2)

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, għandu jitqies li, konformement mal-Artikolu 96 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94, il-preskrizzjoni jkollha effett biss fir-rigward tal-atti speċifiċi li jikkostitwixxu ksur imwettqa barra mit-terminu ta’ tliet snin, iżda mhux fir-rigward ta’ dawk imwettqa matul l-aħħar tliet snin?

    3)

    Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, f’dan il-każ jistgħu jintlaqgħu l-azzjonijiet għal waqfien kif ukoll għal kumpens għad-danni biss fir-rigward ta’ dawn l-aħħar atti mwettqa matul l-aħħar tliet snin?”

    28.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Marzu 2018. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    29.

    Il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Frar 2019 sakemm tingħata deċiżjoni fil-Kawża C‑176/18, Club de Variedades Vegetales Protegidas ( 6 ). Wara n-notifika ta’ din is-sentenza, fl‑10 ta’ Jannar 2020, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tkompli bit-talba li kellha quddiemha.

    V. Analiżi

    30.

    Nirrileva, b’mod preliminari, li l-portata tal-kawża prinċipali hija limitata għall-kwistjoni tal-preskrizzjoni. Fil-fatt, min-naħa waħda, quddiem il-qorti tal-appell, il-kumpannija Pardo ma kkontestat la l-operat, u lanqas l-assenza ta’ kunsens tad-detentur. Min-naħa l-oħra, l-appell ta’ kassazzjoni li hija ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwarda biss il-preskrizzjoni ( 7 ).

    31.

    Għaldaqstant, u b’kuntrast mal-kawża Club de Variedades Vegetales Protegidas ( 8 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ma saritilhiex domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2100/94 għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    32.

    Għal dak li jikkonċerna d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, nenfasizza li dawn jikkonċernaw l-ewwel regola ta’ preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94, jiġifieri dik li skontha l-azzjonijiet tad-detentur jaqgħu preskritti bi tliet snin b’effett mid-data li fiha tkun ingħatat b’mod finali l-protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti u li fiha d-detentur ikun sar jaf bl-att u bl-identità tal-awtur tal-kontrafazzjoni ( 9 ).

    33.

    Infakkar li r-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 ma jaffettwawx l-eżistenza tal-protezzjoni tal-varjetà ta’ pjanti, imma biss il-possibbiltà tad-detentur tagħha li jressaq azzjoni kontra l-awtur tal-atti li jippreġudikaw id-drittijiet esklużivi li huwa jislet minn din il-protezzjoni.

    34.

    Tliet interpretazzjonijiet ġew proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi li sarulha.

    35.

    Skont l-ewwel interpretazzjoni, f’każ bħal dan, il-preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 tolqot l-azzjonijiet tad-detentur, previsti fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament, fit-totalità tagħhom, indipendentement mid-data tat-twettiq tagħhom. Peress li kien jaf, għal iktar minn tliet snin, kemm bl-atti kontenzjużi kif ukoll bl-identità tal-awtur tagħhom, id-detentur jitlef kull possibbiltà li jinvoka d-drittijiet tiegħu fil-konfront tagħhom. Din hija, essenzjalment, il-pożizzjoni adottata mill-qorti tal-ewwel istanza fil-kawża prinċipali ( 10 ) kif ukoll dik li adottat il-kumpannija Pardo.

    36.

    Skont it-tieni interpretazzjoni, l-azzjonijiet ippreżentati mid-detentur huma preskritti parzjalment biss. L-effetti tal-preskrizzjoni jikkonċernaw biss l-atti mwettqa iktar minn tliet snin qabel il-preżentazzjoni tal-azzjonijiet previsti fl-Artikoli 94 u 95 tar- Regolament Nru 2100/94. Din hija, essenzjalment, il-pożizzjoni meħuda mill-Gvern Elleniku. Din l-interpretazzjoni hija konformi wkoll, għall-inqas parzjalment, mas-soluzzjoni adottata mill-qorti tal-appell fil-kawża prinċipali ( 11 ).

    37.

    Fl-aħħar nett, skont it-tielet interpretazzjoni, l-azzjonijiet previsti fl-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament Nru 2100/94 ma huma bl-ebda mod preskritti, fid-dawl tal-fatt li l-atti mwettqa bi ksur tad-drittijiet tad-detentur ikomplu fil-mument tat-tressiq tal-imsemmija azzjonijiet. Id-detentur ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu fil-konfront tal-atti kontenzjużi kollha meta l-awtur ta’ dawn l-atti (il-kumpannija Pardo fil-kawża prinċipali) ma jkunx waqaf iwettaqhom ( 12 ). Din hija, essenzjalment, il-pożizzjoni adottata mill-kumpannija Club de Variedades Vegetales Protegidas.

    38.

    Ser nibda biex niċħad din it-tielet interpretazzjoni (l-assenza ta’ preskrizzjoni) billi neżamina l-kwistjoni tal-punt tat-tluq (dies a quo) previst mill-ewwel regola ta’ preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94.

    39.

    Ser nesponi mbagħad ir-raġunijiet li għalihom jeħtieġ li tiġi adottata t-tieni interpretazzjoni (preskrizzjoni parzjali), u mhux l-ewwel interpretazzjoni (preskrizzjoni totali), fl-eżami tal-kwistjoni tal-effetti ta’ din ir-regola ta’ preskrizzjoni.

    A.   Fuq il-punt tat-tluq (dies a quo) previst fl-ewwel regola ta’ preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 (l-ewwel domanda)

    40.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-terminu ta’ tliet snin, previst fl-ewwel regola ta’ preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94, jistax jibda jiddekorri anki jekk l-atti li jippreġudikaw id-drittijiet tad-detentur ma waqfux.

    41.

    Skont l-ewwel regola ta’ preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94, l-azzjonijiet tad-detentur jaqgħu preskritti ma’ tliet snin b’effett mid-data li fiha tkun ingħatat, b’mod finali, il-protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti u li fiha d-detentur sar jaf bl-att u bl-identità tal-awtur tal-kontrafazzjoni.

    42.

    Għaldaqstant, il-punt tat-tluq jew dies a quo huwa d-data li fiha jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: min-naħa, il-protezzjoni Komunitarja tal-varjetà ta’ pjanti ngħatat; min-naħa l-oħra, id-detentur sar jaf bl-att u bl-identità tal-awtur tiegħu.

    43.

    Fi kliem iktar konkret, u kif jenfasizza l-Gvern Elleniku, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin jibda jiddekorri fid-data tal-avveniment li sseħħ l-aħħar bejn, min-naħa waħda, l-għoti tal-protezzjoni Komunitarja u, min-naħa l-oħra, l-għarfien, min-naħa tad-detentur, tal-att u tal-identità tal-awtur.

    44.

    Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kienu ssodisfatti, l-iktar tard, fid-data tat‑30 ta’ Ottubru 2007. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell taċ-CPVO ċaħad ir-rikors sospensiv kontra l-għoti tal-protezzjoni Komunitarja permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2005, ippubblikata fil‑15 ta’ Frar 2006 ( 13 ). Barra minn hekk, huwa fid-data tat‑30 ta’ Ottubru 2007 li GESLIVE bagħtet lill-kumpannija Pardo l-ewwel intimazzjoni biex tordnalha tieqaf tikkummerċjalizza din il-varjetà ( 14 ).

    45.

    Wara li dan ġie ppreċiżat, isir evidenti, f’għajnejja, li t-tielet interpretazzjoni proposta lill-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma jkunu waqfu l-atti kontenzjużi, twassal biex terġa’ tinkiteb l-ewwel regola ta’ preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94.

    46.

    Fil-fatt, din l-ewwel regola ma tagħmel ebda riferiment għad-data tal-waqfien tal-atti kontenzjużi. Din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti, minnha nfisha, sabiex tiċħad din l-interpretazzjoni, li twassal, fil-prattika, sabiex iżżid it-tielet kundizzjoni għall-fini li tiġi identifikata id-dies a quo: ikun jeħtieġ li l-protezzjoni tkun ingħatat, li d-detentur kien jaf bl-atti u bl-identità tal-awtur u li l-imsemmija atti kienu waqfu.

    47.

    Inżid ngħid li din l-interpretazzjoni tkun tmur kontra l-għan taċ-ċertezza legali mfittxija minn kull regola ta’ preskrizzjoni, kif ġustament isostni l-Gvern Elleniku. Fil-fatt, it-termini ta’ preskrizzjoni għandhom l-għan li jiżguraw iċ-ċertezza legali, kif tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat b’mod partikolari li, biex jissodisfa din il-funzjoni, dan it-terminu għandu jiġi ffissat minn qabel u kull applikazzjoni b’analoġija ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għandha tkun suffiċjentement prevedibbili għal dawk suġġetti għaliha ( 16 ).

    48.

    Issa, it-tielet interpretazzjoni proposta tmur kontra r-rekwiżit taċ-ċertezza legali inkwantu d-detentur ikun liberu li jressaq, f’kull mument, sakemm l-atti kontenzjużi ma jkunux waqfu, l-azzjonijiet previsti fl-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament Nru 2100/94 kontra dawn l-atti kollha, u dan indipendentement mid-data tat-twettiq tagħhom.

    49.

    Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, din l-interpretazzjoni tkun tippermetti għaldaqstant lid-detentur li jħalli lill-kumpannija Pardo tikkummerċjalizza l-mandolin tal-varjetà Nadorcott għal diversi għexieren ta’ snin, qabel ma jfittixha ġudizzjarjament għall-atti kollha mwettqa bi ksur tad-drittijiet tiegħu.

    50.

    Evidentement, tali interpretazzjoni tkun inkompatibbli mal-għan taċ-ċertezza legali mfittxija mir-regoli ta’ preskrizzjoni. Nenfasizza, f’dan ir-rigward, li min iwettaq il-kontrafazzjoni jista’ jkun li jkun wettaq l-atti li bihom huwa akkużat f’bona fide, jiġifieri mingħajr ma jkun jaf li dawn jippreġudikaw id-drittijiet tad-detentur.

    51.

    Jeħtieġ li nenfasizza wkoll il-konsegwenza paradossali tat-tielet interpretazzjoni proposta lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn aspett iktar sistematiku. Fil-fatt, it-tieni regola ta’ preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94, li tipprovdi terminu ta’ tletin sena, ma jidhirlix li hija applikabbli f’każ bħalma huwa dan tal-kawża prinċipali, peress li din ir-regola tippreżumi l-assenza ta’ għarfien, min-naħa tad-detentur, tal-atti kontenzjużi u tal-awtur tagħhom. Għaldaqstant, kieku kellha tiġi adottata t-tielet interpretazzjoni proposta lill-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha l-preskrizzjoni ta’ tliet snin tibda tiddekorri biss meta jkunu waqfu l-atti kontenzjużi, l-atti li jdumu fiż-żmien u li jkun jaf bihom id-detentur ma jistgħu qatt ikunu preskritti, la skont l-ewwel regola (dik li tippreżumi l-waqfien tal-atti), u lanqas skont it-tieni waħda (dik li tippreżumi l-assenza tal-għarfien).

    52.

    Fid-dawl tas-suespost, ftit li xejn għandi dubju dwar il-ħtieġa li din it-tielet interpretazzjoni għandha tiġi miċħuda. Il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 ma jistax ikun suġġett għall-waqfien tal-atti inkwistjoni: l-uniċi kriterji applikabbli huma d-data li fiha tkun ingħatat il-protezzjoni Komunitarja u d-data li fiha d-detentur sar jaf bl-att u bl-identità tal-awtur.

    53.

    Għall-kompletezza, nixtieq nerġa’ nippreċiża li l-kriterju tal-“għarfien” min-naħa tad-detentur għandu, fil-fehma tiegħi, jinftiehem bħala li jirrigwarda kull sitwazzjoni fejn id-detentur kien jaf jew kellu jkun jaf bl-att u bl-identità tal-awtur. Fil-fatt, kieku jiġi applikat biss il-kriterju tal-għarfien effettiv, id-detentur ikollu l-possibbiltà li jipposponi b’mod indefinittiv il-punt tat-tluq tal-preskrizzjoni billi jirrifjuta li jsir jaf bl-att u/jew bl-identità tal-awtur. Tali interpretazzjoni ma hijiex aċċettabbli fid-dawl tal-għan ta’ kull regola ta’ preskrizzjoni, jiġifieri ċ-ċertezza legali tad-debitur ( 17 ). Fil-fehma tiegħi, ikun aħjar li l-formulazzjoni tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 tiġi emendata biex tirrifletti b’mod iktar preċiż il-veru sinjifikat ta’ dan il-kriterju.

    54.

    Fid-dawl tas-suespost, jeħtieġ li tingħata risposta kif ġej għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. L-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ tliet snin jibda jiddekorri mad-data tal-avveniment li jseħħ l-aħħar, jiġifieri jew mad-data li fiha tkun ingħatat il-protezzjoni Komunitarja, jew mad-data li fiha d-detentur ikun sar jaf bl-att u bl-identità tal-awtur, u dan indipendentement mid-data li fiha l-atti jkunu eventwalment waqfu.

    B.   Fuq il-portata tal-effetti tal-ewwel regola ta’ preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 (it-tieni u t-tielet domanda)

    55.

    Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta t-terminu ta’ tliet snin ikun skada fir-rigward ta’ atti rrepetuti matul iż-żmien, l-effetti tal-preskrizzjoni jestendu għall-atti kollha indipendentement mid-data tat-twettiq tagħhom, jew biss għall-atti mwettqa iktar minn tliet snin qabel il-preżentata tal-azzjonijiet previsti fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament.

    56.

    Nibda biex infakkar l-ovvju: ir-regoli ta’ preskrizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 jistgħu jkollhom effett biss fir-rigward tal-atti mwettqa fil-passat. Għaldaqstant, azzjoni mressqa skont l-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament, biex titlob li jieqfu, fil-futur, l-atti li jippreġudikaw id-drittijiet tad-detentur ma tistax tkun milquta mill-preskrizzjoni.

    57.

    B’hekk, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju teżiġi li tiġi stabbilita l-portata tal-effetti ta’ din il-preskrizzjoni fir-rigward tal-passat, b’mod iktar partikolari fil-kuntest tal-azzjonijiet intiżi għall-ħlas ta’ kumpens raġonevoli (Artikolu 94(1) u Artikolu 95 tar-Regolament Nru 2100/94) jew għall-kumpens għad-dannu kkawżat bl-atti mwettqa intenzjonalment jew b’negliġenza (Artikolu 94(2) ta’ dan ir-regolament).

    58.

    Fil-prattika, id-domanda li tqum hija s-segwenti: meta jkun ħalla jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, id-detentur jitlef kompletament id-dritt li jitlob il-ħlas ta’ kumpens raġonevoli u/jew il-kumpens għad-dannu tiegħu għall-atti mwettqa fil-passat (li tikkorrispondi għall-ewwel interpretazzjoni proposta lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 18 )) jew huwa jibqagħlu dan id-dritt għall-atti l-iktar reċenti, jiġifieri dawk imwettqa matul l-aħħar tliet snin (li tikkorrispondi għat-tieni interpretazzjoni ( 19 ))?

    59.

    Għandi nikkonstata li l-formulazzjoni tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 ma ssolvix espressament din il-kwistjoni, b’kuntrast mal-kwistjoni tad-dies a quo eżaminata iktar qabel.

    60.

    Madankollu, diversi elementi jimmilitaw favur it-tieni interpretazzjoni proposta lill-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha d-detentur jibqagħlu d-dritt li jitlob kumpens għall-atti mwettqa matul l-aħħar tliet snin.

    61.

    Fl-ewwel lok, l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 jikkontempla l-preskrizzjoni ta’ “att”, u mhux ta’ aġir li jkun indikat bħala “numru ta’ atti”. Dan l-użu tas-singular huwa iktar u iktar sinjifikattiv peress li l-azzjonijiet previsti fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament ikunu spiss intiżi għal numru ta’ atti distinti li kull wieħed minnhom jippreġudika d-drittijiet tad-detentur ( 20 ).

    62.

    Dan l-użu tas-singular jissuġġerixxi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati separatament l-atti li jippreġudikaw id-drittijiet tal-proprjetarju. Għaldaqstant, għall-finijiet li jiġu stabbiliti l-effetti tal-preskrizzjoni, jeħtieġ li jiġi eżaminat, separatament għal kull att, jekk skadiex it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin.

    63.

    Fil-prattika, il-qorti nazzjonali jkollha tivverifika, għal kull att ta’ kontrafazzjoni, jekk iddekorrewx iktar minn tliet snin mill-avveniment li seħħ l-aħħar bejn, min-naħa waħda, id-data li fiha ngħatat il-protezzjoni Komunitarja u, min-naħa l-oħra, id-data li fiha d-detentur sar jaf bl-att jew bl-identità tal-awtur, peress li huwa evidenti li dan l-għarfien ma setax seħħ qabel it-twettiq tal-att inkwistjoni.

    64.

    Dan ifisser li l-atti mwettqa matul il-perijodu ta’ protezzjoni provviżorja, imsemmija fl-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 2100/94, ikunu preskritti qabel dawk li jitwettqu wara l-għoti tal-protezzjoni Komunitarja, li huma s-suġġett tal-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament.

    65.

    Din is-soluzzjoni jidher li ġiet adottata mill-kummentarji fil-qasam tal-protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti ( 21 ).

    66.

    Fit-tieni lok, nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq l-implikazzjonijiet prattiċi tal-interpretazzjoni kuntrarja, li skontha l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 tinvolvi preskrizzjoni li testendi għall-atti kollha li jippreġudikaw id-drittijiet tad-detentur, indipendentement mid-data tat-twettiq tagħhom.

    67.

    Fil-prattika, din l-interpretazzjoni tirriskja li twassal għal soluzzjoni paradossali li skontha kull att ta’ kontrafazzjoni futur ikun milqut bil-preskrizzjoni, jekk ikun jirriżulta minn aġir li d-detentur kien jaf bih għal iktar minn tliet snin, kif ġustament sostniet il-kumpannija Club de Variedades Vegetales Protegidas.

    68.

    Għaldaqstant, skont l-imsemmija interpretazzjoni, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-fatt li d-detentur ħalla jiddekorri terminu ta’ tliet snin wara l-ewwel intimazzjoni, fit‑30 ta’ Ottubru 2007, huwa suffiċjenti biex itellfu kull possibbiltà li jinvoka d-drittijiet tiegħu fil-konfront tal-aġir kontenzjuż, u dan inkluż fil-futur jekk dan l-aġir ikompli.

    69.

    Jidhirli li tali interpretazzjoni hija diffiċli li tkun irrikonċiljata ma’ dak li jirrappreżenta kemm is-suġġett u kif ukoll l-għan imfittex mir-Regolament Nru 2100/94, jiġifieri l-protezzjoni Komunitarja tal-varjetajiet ta’ pjanti.

    70.

    Barra minn hekk, nenfasizza li dan ir-riskju xejn ma huwa teoretiku, inkwantu numru kbir ta’ atti li jippreġudikaw id-drittijiet tad-detentur, fil-qasam tal-protezzjoni ta’ varjetajiet ta’ pjanti, jirriżultaw minn aġir fit-tul ( 22 ).

    71.

    Fit-tielet lok, nirrileva li l-interpretazzjoni li jiena nipproponi hija komunement aċċettata fil-qasam tal-preskrizzjoni tal-kontrafazzjonijiet fid-dritt tal-privattivi, li għandu ċerta xebh ma’ dak tal-protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti ( 23 ).

    72.

    Għaldaqstant, il-kummentarji Ġermaniżi ( 24 ), Franċiżi ( 25 ) u Belġjani ( 26 ), b’mod partikolari, jenfasizzaw li r-reat tal-kontrafazzjoni fil-qasam tal-privattivi għandu jiġi eżaminat bħala “kontinwazzjoni ta’ reati” u mhux bħala “reat kontinwat” ( 27 ). Din is-soluzzjoni tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik li jien ipproponejt qabel, li tikkonsisti li jiġu kkunsidrati separatament l-atti li jippreġudikaw id-drittijiet tad-detentur, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94.

    73.

    Fir-raba’ lok, u għall-kompletezza, nippreċiża li kemm ir-Regolament (UE) 2017/1001 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea ( 28 ) kif ukoll id-Direttiva (UE) 2015/2436 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks ( 29 ) jinkludu regola ta’ “dekadenza minħabba t-tolleranza” li tikkorrispondi, essenzjalment, għall-ewwel interpretazzjoni proposta lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 30 ) – u li jien għadni kif ċħadt.

    74.

    L-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 2017/1001 u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2015/2436 jipprovdu, fil-fatt, li d-detentur li jkun ittollera għal perijodu ta’ ħames snin konsekuttivi, l-użu ta’ trademark sussegwenti, waqt li jkun jaf b’dan l-użu, hu ma jkunx jista’ iktar jitlob dikjarazzjoni li t-trade mark hija invalida, sakemm ir-reġistrazzjoni ma tkunx saret b’mala fide ( 31 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 16(1) tal-imsemmi Regolament u l-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva jżidu li d-detentur ma jkunx jista’ iktar, f’tali ipoteżi, jipprojbixxi l-użu ta’ din it-trade mark fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontrafazzjoni.

    75.

    Għaldaqstant, id-dritt tat-trade marks jinkludi regola li tipprovdi li d-detentur jitlef kull possibbiltà li jipproċedi, u dan inkluż fil-futur, meta huwa jħalli jiddekorri terminu ta’ ħames snin minn meta huwa jkun sar jaf bl-użu ta’ trade mark sussegwenti, u dan kemm fil-kuntest ta’ azzjoni għall-invalidità jew kif ukoll f’dak ta’ azzjoni għall-kontrafazzjoni.

    76.

    L-eżistenza ta’ din ir-regola ma tikkontestax madankollu ir-raġunament li jien esponejt qabel, u dan għaż-żewġ raġunijiet li ġejjin.

    77.

    Min-naħa waħda, l-eżistenza ta’ din ir-regola hija spjegata miż-żewġ karatteristiċi tad-dritt tat-trade marks, li ma jsibux parhom fid-dritt tal-privattivi u lanqas fid-dritt tal-varjetajiet ta’ pjanti. Fil-fatt, b’kuntrast ma’ dawn l-aħħar żewġ sistemi ta’ proprjetà intellettwali, li l-perijodu tagħhom huwa limitat fiż-żmien ( 32 ), il-protezzjoni tat-trade marks għandha żmien potenzjalment limitat, bid-detentur ikollu jġedded ir-reġistrazzjoni tiegħu kull għaxar snin ( 33 ). Minn dan l-aspett, ir-regola tad-dedakenza minħabba t-tolleranza tiġi analizzata bħala li tnaqqas iż-żmien potenzjalment illimitat tal-protezzjoni tat-trade marks.

    78.

    Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ din ir-regola hija ġġustifikata wkoll fid-dawl tal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li huwa li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trade mark, billi tippermettilu li jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra ( 34 ). Id-dekadenza minħabba t-tolleranza tippreżumi, b’xi mod, li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark ma tistax iktar tkun ssodisfatta meta d-detentur ittollera, għal ħames snin, l-użu ta’ trade mark sussegwenti li għandha r-riskju ta’ konfużjoni.

    79.

    Min-naħa l-oħra, nenfasizza li r-regola ta’ dedakenza minħabba t-tolleranza hija s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet espressi u ddettaljati, kemm fir-Regolament 2017/1001 kif ukoll fid-Direttiva 2015/2436. Fid-dawl tal-konsegwenzi drastiċi tagħha fuq id-drittijiet tad-detentur, jiena tal-fehma li l-eżistenza ta’ tali regola ma tistax tkun preżunta fil-kuntest ta’ sistema ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ekwivalenti fir-Regolament Nru 2100/94, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti ma hijiex suġġetta għad-dekadenza minħabba t-tolleranza.

    80.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta kif ġej għat-tieni u t-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju. L-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta t-terminu ta’ tliet snin ikun skada fir-rigward ta’ atti rrepetuti matul iż-żmien, huma biss l-atti mwettqa iktar minn tliet snin qabel it-tressiq tal-azzjonijiet previsti fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament li jkunu preskritti.

    81.

    Għaldaqstant, id-detentur jibqagħlu d-dritt li jressaq l-imsemmija azzjonijiet għal dak li jikkonċerna l-atti mwettqa matul l-aħħar tliet snin.

    VI. Konklużjoni

    82.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supermo (il-Qorti Suprema, Spanja) bil-mod kif ġej:

    1)

    L-Artikolu 96 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 2100/94 tas‑27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ tliet snin jibda jiddekorri mad-data tal-avveniment li jseħħ l-aħħar, jiġifieri jew id-data li fiha tkun ingħatat il-protezzjoni, jew id-data li fiha d-detentur ikun sar jaf bl-att u bl-identità tal-awtur, u dan indipendentement mid-data li fiha l-atti jkunu eventwalment waqfu.

    2)

    L-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta t-terminu ta’ tliet snin ikun skada fir-rigward ta’ atti rrepetuti matul iż-żmien, huma biss l-atti mwettqa iktar minn tliet snin qabel it-tressiq tal-azzjonijiet previsti fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament li jkunu preskritti.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill tas‑27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 16, p. 390)

    ( 3 ) Għal raġunijiet ta’ sempliċità, jiena nuża l-kelma “detentur” fil-kuntest ta’ din l-introduzzjoni. Il-fatti tal-kawża prinċipali huma iktar kumplessi: fil-fatt, id-detentur ta liċenzja esklużiva lill-kumpannija Carpa Dorada S.A., li fdat il-ġestjoni tad-drittijiet tagħha lill-kumpannija Club de Variedades Vegetales Protegidas. Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 4 ) T‑95/06, EU:T:2008:25.

    ( 5 ) Fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni oħra fid-deċiżjoni tar-rinviju, nippreżumi li dan ir-rikors ġie ppreżentat wara t-talba għal miżuri preliminari ppreżentata matul ix-xahar ta’ Novembru 2011.

    ( 6 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, (C‑176/18, EU:C:2019:1131).

    ( 7 ) Ara l-punti 23 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 8 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019 (C‑176/18, EU:C:2019:1131).

    ( 9 ) Skont it-tieni regola ta’ preskrizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, dawn l-azzjonijiet isiru preskritti ma’ tletin sena b’effett mit-twettiq tal-att inkwistjoni meta d-detentur ma jkunx sar jaf bl-att u bl-identità tal-awtur tal-kontrafazzjoni.

    ( 10 ) Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 11 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-qorti tal-appell ikkunsidrat li kienu preskritti biss l-atti mwettqa tliet snin qabel l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni pprovokata mill-adozzjoni ta’ miżuri preliminari. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma saritilhiex mistoqsija f’dan ir-rigward, u ma rċeviet ebda informazzjoni oħra fuq dan is-suġġett, hija tinsab fl-impossibbiltà li tippronunzja ruħha dwar l-eżistenza tal-eventwali interruzzjoni tal-preskrizzjoni.

    ( 12 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 13 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 14 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 15 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Unanimes et (C‑671/11 sa C‑676/11, EU:C:2013:388, punt 31); tas‑7 ta’ Lulju 2016, Lebek (C‑70/15, EU:C:2016:524, punt 55), u tat‑30 ta’ April 2020, Nelson Antunes da Cunha (C‑627/18, EU:C:2020:321, punt 44).

    ( 16 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading (C‑201/10 u C‑202/10, EU:C:2011:282, punt 32); tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 71) u tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 112).

    ( 17 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nelson Antunes da Cunha (C‑627/18, EU:C:2019:1084, punt 46): “[G]ħandu jitfakkar li r-regoli ta’ preskrizzjoni għandhom rwol fundamentali fid-dritt patrimonjali. Fil-fatt, il‑preskrizzjoni tfisser li l-kreditur ma jkunx jista’ jirkupra l‑kreditu tiegħu. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, billi jimponu limitazzjoni rationae temporis, ir-regoli ta’ preskrizzjoni jiżguraw iċ‑ċertezza legali tad-debitur”.

    ( 18 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 19 ) Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 20 ) Bħala eżempju, persuna li twettaq kontrafazzjoni li tkun tixtieq tbigħ siġar tal-mandolin tal-varjetà Nadorcott mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tista’, sussegwentement, tagħmel l-atti li ġejjin: il-konservazzjoni tas-siġar tal-mandolin għall-għan ta’ propagazzjoni tagħhom; il-propagazzjoni bħala tali; toffri għall-bejgħ; esportazzjoni għall-fini ta’ bejgħ; bejgħ bħala tali; ħażna tas-siġar tal-mandolin għal xi wieħed mill-għanijiet imsemmija qabel. Kull wieħed minn dawn l-atti jippreġudikaw id-drittijiet tad-detentur, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94.

    ( 21 ) Leßmann, H., u Würtenberger, G., Deutsches und europäisches Sortenschutzrecht, Nomos, Baden-Baden,, 2009, it-tieni edizzjoni, § 7, Rn. 102, p. 309: “Bei wiederholten Verletzungshandlungen erfüllt jede einzelne Handlung den Tatbestand der Verletzung. Jede Einzelhandlung setzt damit gesondert die Verjährung des Unterlassungsanspruchs sowie des aus ihr fließenden Schadenersatzanspruchs in Lauf, sofern die weiteren Voraussetzungen — Kenntnis des Verletzten von der Verletzungshandlung und der Person des Verletzers — gegeben sind”. (“F’każ ta’ atti ta’ ksur ripetuti, kull att individwali jikkostitwixxi ksur. Għaldaqstant, kull att individwali jiskatta separatament il-preskrizzjoni tal-azzjoni għall-waqfien u tal-azzjoni għall-kumpens li tirriżulta minnha, sakemm ir-rekwiżiti – l-għarfien mid-detentur tal-att ta’ kontrafazzjon u tal-persuna li twettaq il-kontrafazzjoni – ikunu ssodisfatti”.

    ( 22 ) Leßmann, H., u Würtenberger, G., Deutsches und Europäisches Sortenschutzrecht, Nomos, Baden-Baden,, 2009, it-tieni edizzjoni, § 7, Rn. 103, p. 309: “Gerade im pflanzlichen Bereich erstrecken sich Verletzungshandlungen über lange Zeiträume. Pflanzen werden in der Regel nicht in Einzelexemplaren vermehrt, sondern in größerem Umfang. Dies gilt auch für Obstbäume, andernfalls wäre eine gewerbliche Nutzung ohne Lizenz vermehrter Pflanzen nicht rentabel. Insbesondere das Anbieten und der Verkauf von sortenschutzverletzendem Material kann sich deshalb gerade im Gehölzbereich über große Zeiträume erstrecken. Auch wenn durch eine einzige Handlung große Mengen sortenschutzrechtsverletzender Pflanzen vermehrt worden waren und somit im strafrechtlichen Sinn eine einzige Handlung darstellen, ist die kontinuierliche Abgabe solchen Materials über längere Zeiträume jedes Mal eine Verletzungshandlung. Mit jeder Einzelhandlung wird damit der Lauf der Verjährung ausgelöst”. (“Fis-settur tal-pjanti b’mod partikolari, l-atti ta’ kontrafazzjoni jinfirxu fuq perijodi twal. Bħala regola ġenerali, il-pjanti ma jiġux riprodotti f’xempju wieħed, imma fuq skala kbira. Dan japplika wkoll għas-siġar tal-frott, altrimenti il-kummerċjalizzazzjoni ta’ pjanti mmultiplikati mingħajr liċenzja ma tkunx vijabbli. B’mod partikolari, l-offerta u l-bejgħ ta’ materjal li jikser il-protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti jistgħu għaldaqstant jinfirxu fuq perijodi twal, speċjalment f’żona forestali. Anki jekk kwantitajiet kbar ta’ pjanti li jippreġudikaw id-drittijiet ta’ varjetà ta’ pjanti ikunu ġew immultiplikati b’att wieħed biss u jikkostitwixxu għaldaqstant att wieħed fir-rigward tad-dritt kriminali, il-provvista kontinwa ta’ dan il-materjal fuq perijodi twal tikkostitwixxi kull darba att ta’ kontrafazzjoni. Kull att individwali jiskatta għaldaqstant il-preskrizzjoni”.

    ( 23 ) Ara, b’mod partikolari, Bouche, N. “La prescription en droit des obtentions végétales et autres satellites du brevet”, Propriétés Intellectuelles, Nru 68, Lulju 2018, p. 34 sa 39: “Les variétés végétales sont à la fois exclues de la brevetabilité et l’objet central du droit des obtentions végétales, si bien que ce qui est protégeable par un brevet ne peut être l’objet d’un droit d’obtention végétale et réciproquement. Malgré cette césure radicale, il existe tout de même des liens, un cousinage, entre droit des brevets et droit des obtentions végétales. Si l’on a préféré répondre aux spécificités des obtentions végétales par un régime spécifique, les deux matières ont en commun de porter sur des innovations techniques (le droit des brevets se posant finalement comme le droit généraliste et le droit des obtentions végétales comme le droit spécial des améliorations variétales)”. (“Il-varjetajiet ta’ pjanti huma esklużi kemm mill-possibbiltà ta’ brevettar u kif ukoll mis-suġġett ċentrali tad-dritt tal-varjetajiet ta’ pjanti, b’mod li dak li jista’ jkun protett minn privattiva ma jkunx jista’ jkun is-suġġett ta’ dritt ta’ varjetà ta’ pjanti u reċiprokament. Minkejja din il-firda radikali, xorta waħda jeżistu rabtiet, relazzjonijiet, bejn id-dritt tal-privattivi u d-dritt tal-varjetajiet ta’ pjanti. Għalkemm kien hemm il-preferenza li nirrispondu għall-partikolaritajiet tal-varjetajiet ta’ pjanti b’sistema speċifika, iż-żewġ materji għandhom komuni bejniethom li jirrigwardaw innovazzjonijiet tekniċi (id-dritt tal-privattivi jippreżenta ruħu finalment bħala d-dritt ġenerali u d-dritt tal-varjetajiet ta’ pjanti bħala d-dritt speċjali tat-titjib tal-varjetajiet”).

    ( 24 ) Ara b’mod partikolari, Benkard, G. Kommentar zum Patentgesetz, C. H. Beck, (id-disa’ edizzjoni), § 141, Rn. 6, p. 1906: “Bei vergangenheitsbezogenen Ansprüchen setzen dagegen die einzelnen Schädigungen jeweils eigene Verjährungsfristen in Lauf, so dass jede schadenstiftende Handlung bzw. jeder schadenstiftende Teilakt verjährungsrechtlich separat zu betrachten ist”. (“Għal talbiet marbutin mal-passat, min-naħa l-oħra, id-danni differenti jiskattaw kull wieħed minnhom it-terminu ta’ preskrizzjoni tagħhom, b’mod li kull att jew parti mill-att li jikkawża dannu għandu jiġi analizzat separatament għall-finijiet tal-preskrizzjoni”).

    ( 25 ) Passa, J. Droit de la propriété industrielle, II, Brevets d’invention, protections voisines, LGDJ, 2013, Vol 2, Nru 631, p. 684: “La jurisprudence analysant le délit de contrefaçon comme successif, autrement dit comme se renouvelant à chaque instant tant que le comportement en cause se poursuit, le délai de prescription court distributivement pour chaque acte à compter de la date de sa commission et non pour le tout, à compter de la date à laquelle les actes en cause ont commencé ou cessé. En d’autres termes, chaque acte constitue, en ce qui le concerne, “le” punt de départ d’un délai. (…) Si un acte litigieux s’est prolongé dans le temps, par exemple par l’emploi d’une machine, le demandeur ne peut réclamer réparation que pour le préjudice consécutif aux actes d’usage accomplis dans le délai de trois ans”. (“Peress li l-ġurisprudenza tanalizza r-reat ta’ kontrafazzjoni bħala kontinwat, fi kliem ieħor bħala li jiġġedded il-ħin kollu sakemm ikompli l-aġir inkwistjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni jiddekorri b’mod differenti għal kull att b’effett mid-data tat-twettiq tiegħu u mhux għalihom kollha, b’effett mid-data li fiha l-atti inkwistjoni jkunu bdew jew waqfu. Fi kliem ieħor, kull att jikkostitwixxi, għal dak li jikkonċernah, “il-punt tat-tluq ta’ terminu. (...) Jekk att kontenzjuż ikun dam fiż-żmien, pereżempju minħabba l-użu ta’ magna, ir-rikorrent jista’ jitlob kumpens biss għad-dannu li jirriżulta mill-atti ta’ użu mwettqa fit-terminu ta’ tliet snin”).

    ( 26 ) Remiche, B., u Cassiers, V., Droit des brevets d’invention et du savoir‑faire: créer, protéger et partager les inventions au xxie siècle, Larcier, Bruxelles, 2010, p. 574: “Toutefois, les différents actes de contrefaçon constituent des quasi-délits distincts qui se prescrivent séparément même lorsqu’ils sont imputables à une seule et même personne. Ainsi la contrefaçon consistant en une fabrication du produit breveté sera prescrite séparément de la contrefaçon consistant en l’offre en vente dudit produit”. (“Madankollu, l-atti differenti ta’ kontrafazzjoni jikkostitwixxu kważi-delitti distinti li jaqgħu preskritti separatament anki meta jkunu imputabbli għall-istess persuna waħda. Għaldaqstant, il-kontrafazzjoni li tikkonsisti fil-produzzjoni tal-prodott protett bi privattiva tkun preskritta separatament mill-kontrafazzjoni li tikkonsisti fl-offerta għall-bejgħ tal-imsemmi prodott”).

    ( 27 ) Casalonga, A. Traité technique et pratique des brevets d’invention LGDJ, Paris, 1949, Vol 2, Nru 1080, p. 159: “[En cas de fabrication d’objets contrefaisants], il y a une succession de délits et non pas un délit successif; en conséquence, la prescription commence à courir à dater de chaque fait de contrefaçon et non pas à partir du dernier fait”. (“[F’każ ta’ produzzjoni ta’ oġġetti kontrafatti], ikun hemm kontinwazzjoni ta’ reati u mhux reat kontinwat; konsegwentement, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri b’effett mid-data ta’ kull fatt ta’ kontrafazzjoni u mhux b’effett mill-aħħar fatt”).

    ( 28 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 (ĠU 2017, L 154, p. 1).

    ( 29 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 336, p. 1).

    ( 30 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 31 ) Jirriżulta mill-ġurisprudenza li erba’ kundizzjonijiet għandhom ikunu ssodisfatti biex jibda jiddekorri t-terminu ta’ dekadenza minħabba t-tolleranza f’każ ta’ użu ta’ trade mark sussegwenti identika għat-trade mark preċedenti jew simili sal-punt li twassal għal konfużjoni. Fl-ewwel lok, it-trade mark sussegwenti għandha tkun irreġistrata, fit-tieni lok, il-preżentazzjoni tagħha għandha ssir f’bona fide mid-detentur tagħha, fit-tielet lok, hija għandha tkun użata fit-territorju fejn it-trade mark tkun protetta u, fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, id-detentur tat-trade mark preċedenti għandu jkun jaf bl-użu ta’ din it-trade mark wara r-reġistrazzjoni tagħha. Ara, għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 2015/2436, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605, punti 54 sa 58). Għal dak li jikkonċerna r-Regolament 2017/1001, ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2012, I Marchi Italiani u Basile vs UASI – Osra (B. Antonio Basile 1952) (T‑133/09, EU:T:2012:327, punt 31) u tas‑27 ta’ Jannar 2021, Turk Hava Yollari vs EUIPO – Sky (skylife) (T‑382/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:45, punt 49).

    ( 32 ) Ara, għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2100/94, li skontu l-perijodu ta’ din il-protezzjoni huwa, fil-prinċipju, ta’ 30 sena għas-siġar u dwieli, u ta’ 25 sena għall-varjetajiet l-oħra.

    ( 33 ) Ara l-Artikoli 52 u 53 tar-Regolament 2017/1001 kif ukoll l-Artikoli 48 u 49 tad-Direttiva 2015/2436.

    ( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 1978, Hoffmann-La Roche (102/77, EU:C:1978:108, punt 7) u tal‑31 ta’ Jannar 2019, Pandalis vs EUIPO (C‑194/17 P, EU:C:2019:80, punt 84). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:46, punt 63).

    Top