Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0105

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Hogan, ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2019.
    Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA) et vs Administración General del Estado.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas – Direttiva 2000/60/KE – Artikolu 9(1) – Irkupru tal-ispejjeż għal servizzi marbuta mal-użu tal-ilma – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 3(1) – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Artikolu 107(1) TFUE – Għajnuna mill-Istat – Ħlas għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettriku – Ħlas dovut biss mill-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw f’baċiri tal-ilma inter-Komunitarji.
    Kawżi magħquda C-105/18 sa C-113/18.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:395

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    HOGAN

    ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2019 ( 1 )

    Kawżi magħquda C-105/18 sa C-113/18

    Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA) (C-105/18)

    Energía de Galicia (Engasa) SA (C-106/18)

    Duerocanto SL (C-107/18)

    Corporación Acciona Hidráulica (Acciona) SLU (C-108/18)

    Associació de Productors i Usuaris d’Energia Elèctrica (C-109/18)

    José Manuel Burgos Pérez

    María del Amor Guinea Bueno (C-110/18)

    Endesa Generación SA (C-111/18)

    Asociación de Empresas de Energías Renovables (APPA) (C-112/18)

    Parc del Segre, S.A.

    Electra Irache, S.L.

    Genhidro Generación Hidroeléctrica, S.L.

    Hicenor, S.L.

    Hidroeléctrica Carrascosa, S.L.

    Hidroeléctrica del Carrión, S.L.

    Hidroeléctrica del Pisuerga, S.L.

    Hidroeléctrica Santa Marta, S.L.

    Hyanor, S.L.

    Promotora del Rec dels Quatre Pobles, S.A. (C-113/18)

    vs

    Administración General del Estado,

    partijiet magħquda:

    Iberdrola Generación SAU,

    Hidroeléctrica del Cantábrico, SA

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Il-Qorti Suprema,Spanja))

    “Deċiżjoni preliminari – Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas – Rkupru tal-ispejjeż għal servizzi b’rabta ma’ użu ta’ ilma – Regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku – Ħlas għall-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku – Taxxa imposta biss fuq produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw f’konfini idrografiċi inter-komunitarji – Għajnuna Statali pprojbita”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 u 191(2) TFUE, tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma ( 2 ), u tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar i]d-Direttiva 2003/54/KE ( 3 ).

    2.

    It-talbiet saru fi proċeduri bejn, minn naħa, minn diversi kumpanniji li jiġġeneraw l-elettriku li għandhom konċessjonijiet għall-isfruttament idroloġiku ta’ baċiri inter-komunitarji, jiġifieri baċiri li jinsabu f’iktar minn Comunidad autónoma waħda (komunità awtonoma) ta’ Spanja, u, min-naħa l-oħra, l-Administración General del Estado (l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat, Spanja), bl-appoġġ tal-Iberdrola Generación SAU u tal-Hidroeléctrica del Cantábrico SA, dwar il-validità ta’ ħlas għall-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku f’baċiri ta’ xmajjar inter-komunitarji.

    3.

    Dawn it-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità tiċċara l-implikazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72 u l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat b’rabta ma’ ħlas minħabba l-użu jew l-isfruttament ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku. Barra minn hekk, waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li qajjem dan ir-rinviju hija jekk id-dispożizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 jistax jingħad li japplikaw għal miżura ta’ tassazzjoni ta’ din in-natura li kienet ġiet adottata mir-Renju ta’ Spanja fl-2012. Madankollu, qabel ma jitqiesu kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet jeħtieġ li l-ewwel jissemmew id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali.

    A.   Il-liġi tal-Unjoni

    1. Id-Direttiva 2000/60

    4.

    L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60, bit-titolu “Irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma” jipprovdi:

    “L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-prinċipju ta’ rkuprar ta’ l-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, inklużi l-ispejjeż ta’ l-ambjent u tar-riżorsi, wara li jiġu kkunsidrati l-analiżi ekonomiċi imwettqa skond l-Anness III, u bi qbil partikolarment mal-prinċipju ta’ [min]/iniġġes iħallas.

    L-Istati Membri jridu jiżguraw sa’ s-sena 2010

    li l-politika ta’ l-apprezzament ta’ l-ilma tipprovdi inċentivi adegwati għall-utenti biex jużaw ir-riżorsi ta’ l-ilma effiċjentament, u b’hekk jikkontribwixxu għall-għanijiet ambjentali ta’ din id-Direttiva,

    kontribuzzjoni adegwata ta’ użu effiċjenti ta’ l-ilma, imqassam għall-anqas ġo l-industrija, djar u agrikoltura, għall-irkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, bażati fuq l-analiżi ekonomiċi imwettqa skond l-Anness III u jiġi kunsidrat il-prinċipju ta’ [min] iniġġes iħallas.

    L-Istati Membri jistgħu meta qed jagħmlu dan, jikkunsidraw l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru kif ukoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjun jew reġjuni affetwati.”.

    2. Id-Direttiva 2009/72

    5.

    L-Artikolu 3(1)tad-Direttiva 2009/72/KEjipprovdi:

    “ L-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-impriżi tal-elettriku jitħaddmu konformement mal-prinċipji ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-elettriku, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom.”

    B.   Il-liġi nazzjonali

    1. Il-Kostituzzjoni Spanjola

    6.

    L-Artikolu 149 tal-Kostituzzjoni Spanjola, marbuta ma’ materji ta’ ġurisdizzjoni esklużiva tal-Istat, jipprovdi:

    “L-Istat għandu komptenza esklużiva fuq il-materji li ġejjin:

    […]

    14. Affarijiet ġenerali finanzjarji u d-Dejn tal-Istat;

    […]

    22. Leġiżlazzjoni, regolamentazzjoni u konċessjoni ta’ riżorsi tal-ilma u żvilupp fejn l-ilma jgħaddi minn iktar minn komunità awtonoma waħda, u awtorizzazzjoni għal impjanti tal-enerġija idroelettrika kull fejn joperaw li jaffettwaw komunitajiet oħra jew fejn il-linji ta’ trasport ta’ enerġija jkunu jestendu għal komunitajiet oħra;

    […].”

    2. Id-Digriet Irjali Nru 125/2007

    7.

    Ir-Real Decreto 125/2007, de 2 de febrero, por el que se fija el ámbito territorial de las demarcaciones hidrográficas ( 4 ) (id-Digriet Irjali Nru 125/2007 tat-2 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi l-qasam territorjali ta’ distretti ta’ baċiri ta’ xmajjar) jiddefinixxi baċir ta’ xmara bħala t-territorju magħmul minn baċir ta’ xmara wieħed jew iktar fil-qrib, kif ukoll l-ilmijiet li jgħaddu minn hemm, ilmijiet ta’ taħt l-art u ilmijiet kostali relatati magħhom. Skont il-post ġeografiku tal-baċir, hemm żewġ tipi ta’ baċiri ta’ xmajjar fi Spanja: baċiri inter-komunitarji għal baċiri ta’ xmajjar li jkunu jinsabu f’iktar minn komunità awtonoma waħda, u baċiri intra-komunitarji fejn it-territorju ma jkunx jestendi lil hinn minn komunità awtonoma.

    3. Il-Liġi Nru 15/2012

    8.

    Il-preambolu tal-Ley 15/2012, de 27 de diciembre, de medidas fiscales para la sostenibilidad energética ( 5 ) (il-Liġi Nru 15/2012 tas-27 ta’ Diċembru 2012 dwar miżuri fiskali għall-iżvilupp tal-enerġija b’mod sostenibbli, “il-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija”),jipprovdi:

    “I.

    L-għan ta’ din il-liġi huwa li s-sistema tat-taxxa tagħna tkun iktar adattata għal użu iktar effiċjenti u favur l-ambjent, u għal żvilupp sostenibbli, valuri li jispiraw din ir-riforma fiskali, u bħala tali skont il-prinċipji bażiċi li jirregolaw il-politika fiskali, tal-enerġija u, ċertament, ambjentali tal-Unjoni Ewropea.

    Fis-soċjetà tal-lum, l-impatt dejjem jikber tal-produzzjoni u tal-konsum tal-enerġija fuq is-sostenibbiltà ambjentali jitlob qafas normattiv u regolatorju li jiggarantixxi lill-aġenti kollha l-funzjonament tajjeb tal-mudell tal-enerġija li jikkontribwixxi wkoll għall-konservazzjoni tal-wirt ambjentali għani tagħna.

    Il-bażi fundamentali ta’ din il-liġi huwa l-Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni, dispożizzjoni li fiha l-protezzjoni tal-ambjent tagħna hija wieħed mill-prinċipji gwida tal-politika soċjali u ekonomika. B’hekk, wieħed mill-pedamenti ta’ din ir-riforma fiskali huwa li jkunu internalizzati spejjeż ambjentali li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-elettriku […] B’dan il-mod, [din] il-liġi għandha sservi ta’ stimulu biex intejbu livelli ta’ effiċjenza fl-enerġija u fl-istess waqt niżguraw li nimmaniġġaw sewwa r-riżorsi naturali u li nkomplu ntejbu l-mudell il-ġdid ta’ żvilupp sostenibbli, kemm minn aspett ekonomiku u soċjali, kif ukoll minn aspett ambjentali.

    […]

    Għal dan l-għan, dan l-Att jirregola tliet taxxi ġodda: it-taxxa fuq il-valur tal-produzzjoni tal-elettriku, it-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ fjuwil nukleari użat u skart radjuattiv li jirriżulta mill-ġenerazzjoni ta’ enerġija nukleari, u t-taxxa fuq il-ħażna ta’ fjuwil nukleari użat u skart radjuattiv f’faċilitajiet ċentralizzati; qed jiddaħħal [il-] ħlas għall-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku; qed ikunu emendati r-rati ta’ tassazzjoni għal gass naturali u faħam, u qed jitneħħew l-eżenzjonijiet għal prodotti tal-enerġija użati fil-produzzjoni tal-elettriku u għall-koġenerazzjoni ta’ elettriku u sħana utli.

    […]

    V.

    Fl-aħħar nett, it-Titolu IV ta’ din il-liġi jimmodifika t-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Ilma approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2001, tal-20 ta’ Lulju 2001.

    B’mod partikolari, dan it-titolu jirregola s-sistema ekonomika-finanzjarja għall-użu tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku. B’hekk jipprovdi li l-amministrazzjonijiet pubbliċi kompetenti, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ rkupru ta’ spejjeż, u meqjusa previżjonijiet ekonomiċi fit-tul, għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi adatti biex l-ispejjeż ta’ servizzi relatati mal-immaniġġar tal-ilma, inklużi spejjeż ambjentali u għal riżorsi, jgħaddu għal għand dawk li jagħmlu l-aħħar użu minnhom.

    […]

    B’mod partikolari, l-Artikolu 112 tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Ilma jistabbilixxi li l-ħlas għal użu japplika biss għall-okkupazzjoni, l-użu u l-isfruttament tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku ddefiniti fil-punti b) u (c) tal-Artikolu 2 tal-istess liġi, jiġifieri l-użu ta’ nixxigħat naturali, kontinwi jew mhux kontinwu u l-qegħan ta’ għadajjar u laguni u dawk ta’ riżervi tal-wiċċ f’kanali tal-ilma pubbliċi. Għalhekk, l-użu ta’ ilmijiet interni msemmija fit-taqsima (a) tal-istess Artikolu 2 tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Ilma ma jagħmilx parti mid-definizzjoni ta’ dan il-ħlas.

    Din ir-realtà, li hija anomalija fir-rigward tar-regoli ġenerali relatati ma’ assi fid-dominju pubbliku, baqgħet hemm għal raġunijiet storiċi, għalkemm illum hija nieqsa minn kull tifsira ekonomika, għall-inqas f’termini ta’ użu purament industrijali u f’sistema ta’ suq bħal dik tal-produzzjoni tal-elettriku.

    Fil-preżent il-kwalità ġenerali tal-ilmijiet interni Spanjoli tagħmel il-protezzjoni tagħhom meħtieġa biex jitħares wieħed mir-riżorsi naturali meħtieġa għas-soċjetà. F’dan ir-rigward, għandha tissaħħaħ il-politika għall-protezzjoni ta’ ilma pubbliku. Għal dan l-għan jeħtieġ li jinkisbu riżorsi li għandhom jiġu pprovduti minn dawk li jiksbu benefiċċju mill-użu privat tagħhom jew li huma jużaw speċifikament għall-produzzjoni tal-elettriku.

    L-għan ta’ din l-emenda, għalhekk, huwa li jiġi applikat ħlas ġdid għal beni pubbliċi deskritti fl-Artikolu 2(a) tal-istess liġi, jiġifieri għall-użu jew għall-iżvilupp ta’ ilmijiet interni għal sfruttament idroelettriku.”

    9.

    L-Artikolu 29 tal-Liġi Nru 15/2012 jintroduċi b’mod partikolari l-Artikolu 112bis ġdid fir-Real Decreto Legislativo 1/2001, de 20 de julio 2001, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley de Aguas ( 6 ) (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/2001, tal-20 ta’ Lulju 2001, li japprova t-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-ilma).

    10.

    Il-Liġi Nru 15/2012 għandha wkoll diversi dispożizzjonijiet intitolati “Dispożizzjonijiet addizzjonali” li jipprovdu:

    “L-ewwel dispożizzjoni addizzjonali. Avvenimenti li jagħtu lok għal ħlas ta’ taxxa regolata minn din il-liġi imposta mill-komunitajiet awtonomi.

    1. Sakemm it-taxxi stabbiliti minn din il-liġi jinġabru fuq avvenimenti intaxxati mill-komunitajiet awtonomi u dan jirriżulta fi tnaqqis fid-dħul tagħhom, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6.2 tal-Liġi Organika 8/1980, tat-22 ta’ Settembru 1980, dwar il-finanzjament tal-komunitajiet awtonomi.

    2. Id-dispożizzjonijiet tat-taqsima ta’ qabel għandhom ikun applikabbli biss fir-rigward ta’ dawk it-taxxi speċifiċi għall-komunitajiet awtonomi stabbiliti b’liġi approvata qabel it-28 ta’ Settembru 2012.

    It-tieni dispożizzjoni addizzjonali. Spejjeż ta’ sistema elettrika.

    Kull sena l-liġijiet finanzjarji ġenerali tal-Istat jallokaw għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku kif previst fl-Artikolu 16 ta’ Ley 54/1997, de 27 de noviembre, del Sector Eléctrico [il-Liġi Nru 54/1997 tas-27 ta’ Novembru, dwar is-settur tal-elettriku] ammont ekwivalenti għas-somma ta:

    (a) stima tal-ammonti annwali miġbura mill-Istat fir-rigward ta’ taxxi u ħlasijiet inklużi f’din il-liġi;

    (b) id-dħul stmat iġġenerat bl-irkant ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass serra, b’massimu ta’ EUR 500 miljun.”

    4. Id-Digriet leġiżlattiv Irjali Nru 1/2001

    11.

    L-Artikolu 2 tar-Real Decreto Legislativo 1/2001, de 20 de julio, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley de Aguas (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/2001 tal-20 ta’ Lulju, li japprova t-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Ilma), intitolat “Definizzjoni ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku” jgħid:

    “Ir-riżorsi ta’ ilma pubbliku tal-Istat, bl-eċċezzjonijiet stabbiliti espressament f’din il-liġi, jikkostitwixxu::

    (a)

    Ilmijiet interni, kemm ilma tal-wiċċ kif ukoll ilma ta’ taħt l-art rinnovabbli, irrispettivament miż-żmien ta’ tiġdid.

    (b)

    Kanali naturali, kontinwi jew mhux kontinwi tal-ilma..

    (c)

    Qegħan ta’ għadajjar u laguni u dawk ta’ riżervi tal-wiċċ f’kanali tal-ilma pubbliċi.

    [....]”

    12.

    Skont l-Artikolu 112tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/2001,kif emendat mil-Liġi Fiskali dwar l-Enerġija,bit-titolu “Ħlas għal użu ta’ beni li jinkludu riżorsi ta’ ilma pubbliku”:

    “1.   L-okkupazzjoni, l-użu u l-iżvilupp tal-beni f’riżorsi ta’ ilma pubbliku inklużi fil-paragrafi b) u c) tal-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, li jkunu jeħtieġu konċessjoni jew awtorizzazzjoni amministrattiva, għandhom irendu favur l-Awtorità tal-Baċir kompetenti taxxa msejħa ħlas għal użu ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku, maħsuba għall-protezzjoni u t-titjib tar-riżorsi msemmija iktar ’il fuq. Dawk li jkollhom konċessjonijiet għal ilma għandhom ikunu eżentati mill-ħlas tat-taxxa għall-okkupazzjoni jew għall-użu ta’ art pubblika meħtieġa biex il-konċessjoni topera.

    […]

    4.   Il-bażi taxxabbli tal-ħlas għandha tiġi ddeterminata mill-Awtorità tal-Baċir tax-Xmara skont il-preżunzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    fil-każ ta’ okkupazzjoni ta’ art li tkun tagħmel parti mir-riżorsi ta’ ilma pubbliku, skont il-valur tal-art okkupata, billi jittieħed bħala referenza l-valur tas-suq ta’ art maġenbha;

    (b)

    fil-każ ta’ użu ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku, għall-valur ta’ tali użu jew tal-benefiċċju miksub minnu;

    (c)

    fil-każ ta’ beni li jkunu jinkludu riżorsi ta’ ilma pubbliku, il-valur tal-affarijiet ikkunsmati jew tal-utilità miksuba minn tali użu.

    […]”

    13.

    L-Artikolu 112bis tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2001, bit-titolu “Ħlas għall-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku”, kif introdott permezz tal-Liġi Nru 15/2012, jistipula: Skont l-Artikolu 112 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/2001, intitolat “Ħlas għall-użu ta’ beni pubbliċi fil-qasam tal-ilma”:

    “1.   L-użu u l-isfruttament ta’ beni pubbliċi msemmija fil-paragrafu (a) tal-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika f’busbars ta’ stazzjon tal-enerġija, għandhom ikunu suġġetti għal taxxa, magħrufa bħala ħlas għall-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, maħsuba għall-protezzjoni u t-titjib tar-riżorsi ta’ ilma pubbliku.

    2.   Il-ħlas ikun dovut mal-għoti inizjali u maż-żamma kull sena tal-konċessjoni idroelettrika u jkun pagabbli fl-ammont korrispondenti u fil-perjodi indikati fil-kundizzjonijiet tal-imsemmija konċessjoni jew awtorizzazzjoni.

    3.   Dawk li jkunu obbligati jħallsu t-taxxa għandhom ikunu l-konċessjonarji jew, skont il-każ, dawk surrogati għalihom.

    4.   Il-bażi taxxabbli tal-ħlas għandha tiġi stabbilita mill-Awtorità tal-Baċir u għandha tkun il-valur ekonomiku tal-enerġija idroelettrika prodotta, imkejjel skont l-ispejjeż tal-busbar tal-impjant, f’kull perjodu ta’ taxxa annwali mill-konċessjonarju permezz tal-użu u l-isfruttament ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku.

    5.   Ir-rata ta’ taxxa annwali għandha tkun ta’ 22 per centum tal-valur tal-bażi tat-taxxa u l-obbligu ta’ ħlas tat-total ta’ taxxa għandu jkun l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata ta’ taxxa għall-bażi tat-taxxa.

    […]

    8.   L-immaniġġar u l-ġbir tal-ħlas għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Baċir kompetenti jew tal-Awtorità tat-Taxxi tal-Istat, skont ftehim ma’ din tal-aħħar.

    […].”

    5. Id-Digriet Irjali Nru 198/2015

    14.

    Il-preambolu tar-Real Decreto 198/2015, de 23 de marzo, por el que se desarrolla el artículo 112 del texto refundido de la Ley de Aguas y se regula el canon por utilización de las aguas continentales para la producción de energía eléctrica en las Demarcaciones intercomunitarias ( 7 ) (id-Digriet Irjali Nru 198/2015 tat-23 ta’ Marzu li jimplimenta l-Artikolu 112bis tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-ilma u li jirregola l-ħlas għall-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku f’distretti ta’ baċir ta’ inter-Komunitajiet) jgħid:

    “ […] Dan id-Digriet Irjali qed jinħareġ skont it-tieni u t-tielet dispożizzjoni finali ta-Liġi 15/2012, tas-27 ta’ Diċembru. Minn naħa, it-tieni dispożizzjoni finali tistabbilixxi l-Artikolu 149.1.22.a tal-Kostituzzjoni Spanjola bħala l-bażi legali tas-setgħat eżerċitati, li jattribwixxi lill-Istat setgħat fuq leġiżlazzjoni, regolamentazzjoni u konċessjoni ta’ riżorsi u użu ta’ ilma meta dawn jgħaddu minn iktar minn komunità awtonoma waħda. Min-naħa l-oħra, permezz tat-tielet dispożizzjoni finali l-Gvern, fl-ambitu tas-setgħat tiegħu, ikun jista’ joħroġ dispożizzjonijiet regolatorji meħtieġa għall-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ din il-liġi […].”

    15.

    L-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali Nru 198/2015, intitolat “Ħlas għall-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “L-użu u l-isfruttament ta’ beni ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku msemmija fl-Artikolu 2(a) tat-test rivedut tal-Liġi dwar l-Ilma għall-produzzjoni tal-elettriku, imkejla skont l-ispejjeż tal-busbar tal-impjant, ikunu suġġetti għal taxxa, magħrufa bħala ħlas għall-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku, maħsuba għall-protezzjoni u t-titjib ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku.

    Dan il-ħlas għandu japplika biss f’baċiri inter-komunitarji.”

    16.

    L-Artikolu 12 tad-Digriet Irjali Nru 198/2015, intitolat “Dħul minn ħlasijiet miġbura”, jgħid:

    “1.   L-ammont tad-dħul miġbur jitħallas lill-Awtorità tal-Baċir bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 112bis tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Ilma, approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2001, tal-20 ta’ Lulju 2001. Għal dawn il-finijiet, għandhom jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 59(d), 63.3 u 67 tad-Digriet Irjali 927/1988, tad-29 ta’ Lulju 1988, li japprova r-regolamenti tal-Awtorità dwar Ilma Pubbliku.

    […]

    3.   2 % tad-dħul nett miġbur għandu jitqies bħala dħul tal-organizzazzjoni tal-baċir.

    4.   Mill-ammont tad-dħul nett miġbur, 98% għandu jitħallas lit-Teżor. Il-baġit ġenerali tal-Istat għandu jalloka mill-inqas ammont daqs l-ammont ipprovdut għal azzjonijiet għall-protezzjoni u t-titjib ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14. Għal dan l-għan il-proġetti ta’ investiment li jiggarantixxu l-protezzjoni u t-titjib ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku jkunu ddeterminati kull sena fil-Liġijiet tal-baġit ġenerali tal-Istat.

    […]”.

    17.

    Skont l-Artikolu 13 ta’ dik il-liġi, intitolat “Garanzija ta’ protezzjoni ta’ riżorsi pubbliċi”:

    “Biex tkun żgurata konformità mal-objettivi ambjentali stabbiliti fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u msemmija fl-Artikolu 98 u f’artikoli sussegwenti tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Ilma, u skont il-prinċipju ta’ rkupru ta’ spejjeż stabbilit fl-Artikolu 111bis tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Ilma, il-baġit ġenerali tal-Istat għandu jalloka mill-inqas ammont daqs l-ammont previst fit-taqsima 4 tal-Artikolu 12 qabel, f’konformità ma’ dak iddefinit fl-Artikolu 14, għal azzjonijiet għall-protezzjoni u t-titjib ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku u l-għejun ta’ ilma milquta minn żviluppi idroelettriċi.”

    II. Il-fatti

    18.

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu azzjoni skont id-dritt amministrattiv quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) fejn talbu l-annullament tad-Digriet Irjali Nru 198/2015 li jimplimenta l-Artikolu 112bis tat-test riformulat tal-Att dwar l-Ilma. Fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti jikkontestaw il-validità tal-Artikolu 29 tal-Liġi Nru 15/2012 li jintroduċi l-Artikolu 112bis fid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2001.

    III. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-qorti

    19.

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri leġiżlattivi, l-ewwel nett, mal-prinċipju ta’ “min iniġġes għandu iħallas” stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE, kif espress mid-Direttiva 2000/60; it-tieni nett, mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/72 u, it-tielet nett, mal-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat stabbilita fl-Artikolu 107 TFUE ( 8 )

    20.

    Fir-rigward tal-konformità ta’ taxxa bħal din mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minkejja l-fatt li l-premessa tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija jiġġustifika din it-taxxa għal raġunijiet ambjentali, jiġifieri l-protezzjoni u t-titjib ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku, l-istruttura nnifisha ta’ din it-taxxa tidher li tindika li fil-fatt issegwi għan purament ekonomiku li huwa li jkun kopert l-iżbilanċ finanzjarju tal-grilja tal-elettriku. Barra minn hekk, jidher li, skont il-qorti tar-rinviju, dan l-għan huwa segwit b’mod inkoerenti u inkonsistenti. L-ewwel nett, din it-taxxa hija bbażata fuq il-valur tal-enerġija prodotta, li huwa kkalkulat abbażi tad-dħul iġġenerat mill-enerġija mdaħħla fil-grilja tal-elettriku u mhux abbażi tal-kwantità ta’ ilma użat. It-tieni nett, ir-rata ta’ din it-taxxa hija ta’ 22 %, filwaqt li r-rata għall-okkupazzjoni, l-użu u l-isfruttament ta’ kanali naturali tal-ilma hija biss ta’ 5 %. It-tielet nett, 98 % tal-ammonti miġbura jmorru għall-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol u, għalhekk, jikkostitwixxu dħul addizzjonali għas-sistema tal-elettriku. Jekk it-test tad-Digriet Irjali jispeċifika li l-baġit ġenerali tal-Istat jalloka ammont mill-inqas ugwali għall-98 % tad-dħul miksub minn dak il-ħlas għal miżuri li jipproteġu u jtejbu r-riżorsi ta’ ilma pubbliku, il-qorti tar-rinviju tgħid li tali allokazzjoni ma kinitx tħarset fil-baġit ġenerali tal-Istat għall-2016, li alloka d-dħul kollu ġġenerat minn din it-taxxa għall-iżbilanċ fis-sistema tal-elettriku. Għalhekk, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60, it-taxxa ma tqisx il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma.

    21.

    Fir-rigward tal-kompatibbiltà tat-taxxa mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/72, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li t-taxxa għall-użu ta’ ilmijiet interni tapplika biss għall-produtturi ta’ enerġija idroelettrika, esklużi l-produtturi ta’ enerġija bl-użu ta’ teknoloġija differenti. Barra minn hekk, it-taxxa hija imposta biss fuq produtturi li jkollhom konċessjonijiet amministrattivi f’baċiri ta’ xmajjar inter-komunitarji u mhux intra-komunitarji.

    22.

    Fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat il-qorti tar-rinviju tisħaq li, minħabba n-natura assimetrika ta’ dik it-taxxa, id-differenzi fit-trattament li hija timponi jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur dawk li ma jkunux suġġetti għal din it-taxxa.

    23.

    F’dan il-kuntest it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċieda fil-Kawżi C-105/18 sa C-108/18 u C-110/18 sa C-113/18, li jissospendi l-proċeduri u li jirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

    “(1)

    Il-prinċipju ambjentali ta’ min iniġġeż iħallas, stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE, u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [2000/60], li jistabbilixxi l-prinċipju tal-irkupru tal-ispiża tas-servizzi relatati mal-ilma kif ukoll il-kumpens ekonomiku xieraq għall-użu tal-ilma, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-introduzzjoni ta’ tariffa għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-enerġija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tinkoraġġixxix l-użu effiċjenti tal-ilma, u lanqas tistabbilixxi mekkaniżmi għall-konservazzjoni u għall-protezzjoni taż-żoni għall-pubbliku, li r-rata tagħha ma hija bl-ebda mod marbuta mal-kapaċità li tikkawża ħsara liż-żoni ta’ ilma għall-pubbliku, peress li tiffoka biss u esklużivament fuq il-kapaċità tal-produtturi li jiġġeneraw dħul?

    (2)

    Taxxa bħat-tariffa [fuq l-idroelettriku] inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna esklużivament il-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw f’ilmijiet inter-komunitarji iżda mhux il-produtturi li għandhom konċessjonijiet f’ilmijiet intra-komunitarji u l-produtturi li jużaw teknoloġija idroelettrika iżda mhux dawk li jipproduċu enerġija b’teknoloġiji oħra, hija konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn l-operaturi stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2009/72]?

    (3)

    L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impożizzjoni ta’ tariffa [fuq l-idroelettriku], bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għad-detriment tal-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw f’ilmijiet inter-komunitarji, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita, peress li tintroduċi sistema ta’ tassazzjoni asimmetrika fl-istess qasam tat-teknoloġija skont il-post li fih jinsab l-impjant u ma hijiex imposta fuq il-produtturi ta’ enerġija minn sorsi oħra?

    24.

    Fil-Kawża C-109/18, l-ewwel żewġ domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari huma, fis-sustanza, identiċi għall-ewwel żewġ domandi fil-kawżi msemmijin fil-paragrafu preċedenti. Madankollu, it-tielet domanda hija fformulata kif ġej::

    “3)

    L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ tariffa […] fuq produzzjoni [idroelettrika] li topera f’ilmijiet inter-komunitarji u anki fuq il-bqija tal-użu [konsumattiv] ta’ ilmijiet, bl-użu biss tal-produzzjoni elettrika jkun intaxxat, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita?”

    25.

    Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati mill-Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA), mill-Corporación Acciona Hidráulica (Acciona) SLU, mill-Associació de Productors i Usuaris d’Energia Elèctrica, mill-Endesa Generación SA, mill-Asociación de Empresas de Energías Renovables (APPA), mill-Iberdrola Generación SAU, mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni Ewropea Barra minn hekk, ħlief għall-Gvern Ġermaniż, huma kollha ttrattaw oralment fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2018.

    IV. Analiżi

    A.   Fuq l-ewwel domanda: il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”

    26.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk il-prinċipju ambjentali ta’ “min iniġġes iħallas”, previst fl-Artikolu 191(2) TFUE, u fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60, li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ rkupru ta’ spejjeż ta’ servizzi tal-ilma u biex ikun hemm bilanċ ekonomiku xieraq għall-użu tal-ilma, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq l-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-enerġija, bħat-taxxa inkwistjoni fil-proċeduri.

    27.

    Qabel ma jiġi evalwat jekk waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tipprekludix taxxa bħal din, jeħtieġ jiġi ddeterminat jekk tistax tiġi invokata waħda minnhom quddiem qorti nazzjonali.

    28.

    Rigward l-Artikolu 191(2) TFUE, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minħabba li din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, hija diretta lejn azzjoni fil-livell tal-Unjoni, individwi ma jistgħux jinvokawha biex jeskludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ( 9 ).

    29.

    Huwa minnu li tali individwi setgħu jinvokaw dispożizzjoni li tagħti effett lil dan il-prinċipju f’qasam partikolari, sakemm din id-dispożizzjoni mbagħad tkun tista’ titqies bħala direttament effettiva ( 10 ). Madankollu, għalkemm l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60 jagħti forma konkreta tal-prinċipju ta’ “min iniġġeż iħallas” fil-qasam tal-immaniġġar tal-ilma, din id-dispożizzjoni ma tistax tkun invokata direttament quddiem qorti nazzjonali minħabba li, għal raġunijiet li dalwaqt insemmi, ma nqisx li din id-dispożizzjoni hija direttament effettiva. Tabilħaqq, jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60 fil-fatt jirrikjedi, fiċ-ċirkustanzi kollha, li l-Istati Membri jqisu l-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma, inklużi spejjeż ambjentali u ta’ riżorsi, f’konformità, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas ( 11 ), dan l-obbligu ma jkollux l-effett li jagħtihom protezzjoni jew dritt speċifiċi.

    30.

    Prova ta’ dan huwa l-istess kliem tal-Artikolu 9(1) innifsu li m’għandux il-kwalitajiet ta’ ċarezza, preċiżjoni u inkundizzjonalità meħtieġa biex kull duttrina ta’ effett dirett tkun rilevanti. L-ewwel parti tal-Artikolu 9(1) għalhekk tgħid biss li l-Istati Membri “jridu jikkunsidraw” il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma, mingħajr ma tispeċifika b’mod preċiż kif dan għandu jsir.

    31.

    Huwa minnu li t-tieni parti timponi obbligi speċifiċi fuq l-Istati Membri biex jilħqu ċerti miri sal-2010. Għal darb’oħra, madankollu, il-kliem użat anki f’dan il-kuntest (“[…] L-Istati Membri jridu jiżgurawraw sa’ s-sena 2010 li l-politika ta’ l-apprezzament ta’ l-ilma tipprovdi inċentivi adegwati għall-utenti biex jużaw ir-riżorsi ta’ l-ilma effiċjentament […]”) ma għandux il-preċiżjoni meħtieġa għall-finijiet tad-duttrina tal-effett dirett ( 12 ). Kif, wieħed jista’ jistaqsi, tista’ qorti nazzjonali tevalwa b’referenza għal prinċipji legali konvenzjonali f’kawża mressqa minn rikorrent individwali fir-rigward ta’ taxxa partikolari jekk Stat Membru jkunx għamel inċentivi “adegwati” għal dawk li jużaw ir-riżorsi tal-ilma biex huma jużawhom “effiċjentament”?

    32.

    Il-konformità mal-obbligu previst fl-Artikolu 9(1) jista’ biss jiġi evalwat billi jitqiesu r-regoli kollha li jirregolaw l-iffissar tal-prezzijiet tal-ilma. Tabilħaqq, l-Artikolu 9(1) ma jgħidx li kull ħlas jew taxxa fuq l-ilma għandhom jitħallsu proporzjonatament skont l-użu tal-ilma, iżda pjuttost li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li b’mod ġenerali l-politika dwar l-iffissar tal-prezzijiet tal-ilma għandha tipprovdi inċentivi adegwati. Biex ikun evalwat jekk Stat Membru kienx konformi ma’ dan l-artikolu għandhom jitqiesu t-taxxi jew il-ħlasijiet kollha li jkunu ħallsu jew għamlu dawk li jużaw l-ilma, u mhux biss dik inkwistjoni f’sitwazzjoni partikolari.

    33.

    Għaldaqstant, nipproponi li nirrispondi għall-ewwel domanda billi ngħid li la l-Artikolu 191(2) TFUE u lanqas l-Artikolu 9(1) ma għandhom effett dirett u, għalhekk, la l-wieħed u l-anqas l-ieħor ma jista’ jkun invokat quddiem qorti nazzjonali minn individwu biex jikkontesta taxxa partikolari fuq l-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-enerġija.

    B.   Fuq it-tieni domanda: il-kwistjoni ta’ nondiskriminazzjoni

    34.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tolqot lil impriżi li jkollhom konċessjoni għall-użu ta’ baċir inter-komunitarju għall-produzzjoni tal-elettriku, iżda mhux lil operaturi li jkollhom konċessjonijiet fuq baċiri intra-komunitarji, lanqas lil produtturi tal-elettriku li jużaw teknoloġiji oħra, tkunx kompatibbli mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn operaturi previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72.

    35.

    Kif diġà spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-Kawżi magħquda C-80/18 sa C-83/18 UNESA et vs Administración General del Estado, li kienu wkoll ippreżentati dalgħodu, jiena konvint li l-iskop tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72 huwa limitat għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, minkejja l-ġeneralità tal-kliem tad-dispożizzjoni. Dan joħroġ mill-fatt li, l-ewwel nett, il-kunċett ta’ “ġenerazzjoni” għandu jinftiehem, kif wieħed jista’ jikkonkludi mill-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2009/72, bħala li jirreferi biss għall-bini ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku u, it-tieni nett, id-Direttiva kienet adottata abbażi biss tal-Artikolu 95 KE (illum l-Artikolu 114 TFUE) fejn it-tieni paragrafu tiegħu jipprovdi li dan l-artikolu ma jistax jintuża għall-adozzjoni ta’ miżuri fiskali tal-Unjoni.

    36.

    Il-kwistjoni ta’ armonizzazzjoni fiskali hija, barra minn hekk, ta’ ċertu importanza kunsiderevoli. Tabilħaqq, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni (fis-sens u t-tifsira speċjali ta’ dak it-terminu fid-dritt tal-Unjoni) japplika biss skont l-iskop tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 13 ). Għaldaqstant, jekk id-direttiva għandha tinftiehem bħala li tagħmel dan il-prinċipju applikabbli għal taxxi imposti fuq is-suq tal-elettriku, allura hija għandha titqies bħala miżura ta’ armonizzazzjoni.

    37.

    Hawnhekk għandu jiġi osservat li, minħabba li l-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 114 TFUE tadotta tali miżura ta’ tassazzjoni, jekk l-Artikolu 3(1) kellu japplika għal miżura ta’ tassazzjoni nazzjonali huwa, dan l-artikolu, mid-definizzjoni tiegħu stess, kien ikun illegali. Għaldaqstant huwa meħtieġ li d-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni iktar restrittiva milli forsi l-ġeneralità tal-kliem tagħha tista’ xort’oħra tissuġġerixxi. Id-Direttiva għandha. għalhekk, titqies li ma għandhiex l-effett li tagħmel il-prinċipju tal-Unjoni ta’ nondiskriminazzjoni applikabbli għall-miżuri ta’ tassazzjoni nazzjonali. Kull konklużjoni oħra kienet tkun titlob, fil-fehma tiegħi, li d-Direttiva missha kellha l-Artikolu 115 TFUE bħala l-bażi legali tagħha u, għalhekk, kien ikollha tiġi adottata mill-Kunsill hu u jaġixxi b’mod unanimu.

    38.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, inħossni obbligat nikkonkludi li dik il-miżura ta’ tassazzjoni nazzjonali ma tagħmilx parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72.

    1. Sussidjarjament, il-kwistjoni ta’ diskriminazzjoni

    39.

    Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-interpretazzjoni u tikkonkludi li l-Artikolu 3(1) huwa fil-fatt applikabbli għal taxxi, xorta waħda nipproponi li neżamina sussidjarjament jekk dik id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata bħala li tipprekludi taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet, għaldaqstant, tkomplu għaddejja abbażi tal-preżunzjoni — kuntrarju għal kif nifhimha jiena — li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 fil-fatt japplika għal miżuri ta’ tassazzjoni ta’ din ix-xorta.

    40.

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-kuntest tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni la biex tapplika t-Trattati jew att tal-Unjoni għal każ speċifiku, u lanqas biex tiddeċiedi dwar il-validità jew l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali, kif ikun possibbli għaliha tagħmel dan skont l-Artikolu 258 TFUE. Fl-aħħar mill-aħħar huwa għall-qorti nazzjonali, li hija biss għandha l-ġurisdizzjoni tiddetermina l-fatti tal-kawża quddiemha u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, biex tiddeċiedi fuq il-validità tal-miżura nazzjonali. Madankollu, fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja, li tintalab tipprovdi risposti utli għall-qorti nazzjonali, tista’ tagħti gwida bbażata fuq id-dokumenti fil-proċess u fuq osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati lilha, biex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tagħti sentenza ( 14 ).

    41.

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet b’rabta ma’ direttiva preċedenti dwar regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku ( 15 ), id-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni f’dik id-direttiva, “huma espressjonijiet partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza” ( 16 ). Għalhekk, bħala prinċipju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza għandha titqies bħala rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1).

    42.

    Kif jitlob il-prinċipju ta’ trattament ugwali, sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu trattati b’mod differenti, u sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu trattati bl-istess mod sakemm tali trattament ikun iġġustifikat b’mod oġġettiv ( 17 ).

    a) Sitwazzjonijiet li għandhom jitqiesu bħala komparabbli

    43.

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi li jiddistingwu sitwazzjonijiet differenti u l-kwistjoni jekk dawk is-sitwazzjonijiet ikunux komparabbli, għandhom jiġu ddeterminati u evalwati skont id-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tas-suġġett tal-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-allegata diskriminazzjoni u tal-għan segwit ( 18 ).

    44.

    Madankollu, f’sitwazzjoni fejn il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali ma jkollux x’jaqsam, iżda tkun dispożizzjoni li tagħti tifsira lil dan il-prinċipju, allura l-kwistjoni tkun jekk il-komparabbiltà ta’ żewġ sitwazzjonijiet ma għandhiex tkun evalwata fid-dawl tal-għan segwit minn dik id-dispożizzjoni iżda pjuttost b’referenza għall-għanijiet u l-effetti sostantivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

    45.

    Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq kif il-prinċipju ta’ trattament ugwali ssir referenza għalih fid-dispożizzjoni li tagħti tifsira lil dan il-prinċipju. Jekk din tal-aħħar tipprovdi espressament li żewġ kategoriji ta’ persuni għandhom ikunu ttrattati b’mod identiku, qrati nazzjonali għandhom iqisu li s-sitwazzjonijiet tagħhom ikunu komparabbli ( 19 ). Madankollu, jekk il-liġi tal-Unjoni tkun tgħid biss li l-Istati Membri m’għandhomx jiddiskriminaw fost ċerta kategorija ta’ persuni, dawk l-Istati Membri jkunu obbligati ma jittrattawx il-persuni kollha bħala li jkunu fl-istess kategorija, iżda minflok jiżguraw li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza normattiva tagħhom, huma ma joħolqu ebda distinzjoni arbitrarja u, barra minn hekk, li jibqa’ bla mittiefes il-qofol tal-ugwaljanza ta’ trattament ( 20 ).

    46.

    F’dan il-każ, minħabba li l-Artikolu 3(1) ma jipprovdix li l-produtturi kollha tal-elettriku għandhom jiġu ttrattati b’mod identiku, iżda pjuttost li “L-Istati Membri […] ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi [tal-elettriku] fejn jikkonċerna d-drittijiet jew obbligi tagħhom”, il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha verament tiġi ddeterminata fid-dawl tas-suġġett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-għan segwit.

    47.

    Il-preambolu tal-Liġi Nru 15/2012 isemmi li t-taxxa fuq l-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku, issegwi żewġ għanijiet, jiġifieri:

    li jkun estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ħlas eżistenti stabbilit bl-Artikolu 112 tal-Liġi dwar l-Ilma u pagabbli għall-użu u għall-isfruttament ta’ ċerti partijiet tad-dominju idrawliku pubbliku u għall-użu ta’ ilmijiet interni li ma kinux qabel suġġetti għal din it-taxxa;

    li tissaħħaħ il-protezzjoni ta’ ilmijiet pubbliċi billi jinkisbu riżorsi mingħand dawk li jiksbu benefiċċju mill-użu privat jew mill-użu speċjali tagħhom, u li “dawk li b’modi differenti jagħmlu użu minnhom l-aħħar” iħallsu “għall-ispejjeż għal servizzi relati mal-immaniġġar tal-ilma, inklużi spejjeż ambjentali u ta’ riżorsi”.

    48.

    Fir-rigward ta’ dan l-ewwel għan, minħabba li kemm il-bażi taxxabbli kif ukoll ir-rata tat-taxxa stabbiliti bl-Artikolu 112 tal-Liġi dawr l-Ilma huma differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 112bis ta’ din tal-aħħar, tabilħaqq b’mod ovvju l-ewwel għan imsemmi fil-preambolu ta’ dik il-liġi ma jistax jitqies bħala wieħed li verament huwa segwit minn dak l-artikolu. Għaldaqstant, ma għandux jitqies dan l-għan biex tiġi ddeterminata l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni.

    49.

    Fir-rigward tat-tieni għan, fid-dawl ta’ dan l-għan tal-aħħar, dawk kollha li jużaw ilma pubbliku għandhom jitqiesu bħala li jkunu fl-istess sitwazzjoni. Tabilħaqq, għalkemm il-preambolu tal-Liġi Nru 15/2012 jgħid li l-iskop tal-applikazzjoni tat-taxxa huwa limitat għall-produzzjoni tal-elettriku, l-għan partikolari li din it-taxxa qed issegwi, jiġifieri, li tissaħħaħ il-protezzjoni ta’ ilmijiet pubbliċi billi l-ispiża tas-servizzi relatata mal-immaniġġar tal-ilma tgħaddi għal għand min juża s-servizzi l-aħħar, fil-fatt tirigwarda lil dawk kollha li jużaw ilmijiet interni.

    50.

    Il-qorti tar-rinviju tqajjem dubji serji dwar jekk dan l-għan leġiżlattiv iddikjarat huwiex tabilħaqq wieħed ġenwin. Hija tissuġġerixxi li l-għan tat-taxxa fuq l-użu ta’ ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-elettriku tista’ tkun esklużivament biex jiżdied il-volum ta’ dħul fis-sistema finanzjarja tas-settur tal-elettriku biex ipaċi l-iżbilanċ fit-tariffi li jirriżulta mid-differenza bejn id-dħul riċevut mill-kumpanniji tal-elettriku Spanjoli mingħand il-konsumaturi u l-ispejjeż tal-provvista tal-elettriku rikonoxxuti mir-regoli nazzjonali, li l-irkupru tagħhom huwa ggarantit mill-Istat Spanjol. Hija ta’ din il-fehma għar-raġunijiet li ġejjin:

    ir-rata tat-taxxa hija ta’ 22 % tal-valur iġġenerat, filwaqt li r-rata għall-okkupazzjoni, l-użu u l-isfruttament ta’ kanali oħra naturali tal-ilma hija biss ta’ 5 %;

    it-taxxa inkwistjoni għandha bħala l-bażi tagħha, il-valur tal-elettriku prodott u mhux il-kwantità ta’ ilma użat;

    għalkemm id-Digriet Irjali jispeċifika li l-baġit ġenerali tal-Istat jalloka ammont mill-inqas daqs it-98 % tad-dħul miksub minn dik it-taxxa għal miżuri għall-protezzjoni u t-titjib ta’ riżorsi ta’ ilma pubbliku, tali allokazzjoni ma tħarsitx fil-baġit tal-2016, fejn id-dħul kollu ġġenerat minn din it-taxxa kien allokat biex ipaċi l-iżbilanċ tas-sistema tal-elettriku.

    51.

    Ir-rikorrenti esprimew ukoll tħassib dwar in-natura ġenwina ta’ dak l-għan, minħabba li l-applikazzjoni ta’ din it-taxxa għandha l-effett li l-idroelettriku qed ikun intaxxat doppjament daqs sorsi oħra ta’ elettriku, inklużi dawk is-sorsi li jitqiesu li jniġġsu iktar.

    52.

    Ftit jidher li hemm dubju iżda li l-għan primarju ta’ dik it-taxxa huwa li jżid il-volum ta’ dħul pubbliku ġġenerat mis-settur tal-elettriku. Wieħed jista’, madankollu, jaċċetta li l-produzzjoni tal-idroelettriku tippreżenta kwistjonijiet partikolari rigward l-użu ta’ riżorsi nazzjonali li jistgħu jiġġustifikaw trattament kemxejn differenti ta’ dak is-settur għal finijiet ta’ tassazzjoni.

    53.

    Wara kollox, l-għan iktar speċifiku tat-taxxa fuq ilmijiet interni ma huwiex li jkun protett l-ambjent b’mod ġenerali, iżda pjuttost li tissaħħaħ il-protezzjoni ta’ ilmijiet pubbliċi u biex l-ispiża ta’ servizzi relatati mal-immaniġġar tal-ilma tgħaddi għal għand dawk li b’mod differenti jużaw is-servizzi l-aħħar ( 21 ). Għalhekk, il-fatt li r-rata ta’ din it-taxxa hija ogħla minn dik applikabbli għall-użu ta’ kanali oħra naturali tal-ilma mhux bilfors jikkontradixxi l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri, li l-ispiża tas-servizzi tal-ilma tgħaddi għal għand konsumaturi, minħabba li mhux dawk kollha li jużaw l-ilma jħallu l-istess impatt fuq dawn tal-aħħar ( 22 ).

    54.

    Fir-rigward tat-tieni ċirkustanza msemmija mill-qorti tar-rinviju, għalkemm l-għażla ta’ din il-bażi partikolari tat-taxxa tista’ tidher mhux tas-soltu, għandu jitfakkar li l-produzzjoni tal-elettriku permezz ta’ teknoloġiji idroelettriċi timplika ċerta relazzjoni bejn l-ilma użat u l-kwantità ta’ elettriku prodotta. Tabilħaqq, din il-kwantità hija ddeterminata mill-volum ta’ kemm ikun għaddej ilma u l-għoli mit-turbini fl-impjant tal-enerġija għall-wiċċ tal-ilma maħluq mid-diga ( 23 ). Għalhekk, il-fatt li taxxa hija bbażata fuq l-ammont ta’ elettriku prodott ‐ u mhux l-ilma kkunsmat ‐ ma tidhirx, bħala tali, li tmur kontra l-għan li l-ispejjeż tas-servizzi għall-immaniġġar tal-ilma jgħaddu għal għand dawk li jużaw is-servizzi l-aħħar.

    55.

    Fir-rigward tat-tielet ċirkustanza msemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri, dak li ntqal li 98 % tad-dħul miksub mit-taxxa fuq ilmijiet interni ma kienx allokat għall-protezzjoni u t-titjib ta’ riżorsi pubbliċi tal-ilma fil-baġit tal-2016 ( 24 ), huwa minnu li l-għanijiet segwiti mit-taxxa biex tissaħħaħ il-protezzjoni ta’ ilmijiet pubbliċi u biex l-ispejjeż ta’ servizzi relatati mal-immaniġġar jgħaddu għal għand dawk li b’mod differenti jużaw is-servizzi l-aħħar jissuġġerixxu li għall-inqas parti mis-somom miġbura, li jaqblu mal-ispejjeż ta’ użu ta’ ilma, tkun allokata bix jinżammu u jitjiebu installazzjonijiet ( 25 ).

    56.

    Madankollu, in-nuqqas ta’ allokazzjoni tad-dħul iġġenerat mit-taxxa fuq l-użu ta’ ilmijiet interni b’dak il-mod fl-2016 ma huwiex fih innifsu biżżejjed biex jintwera li t-taxxa ma ssegwix tali għan. Tabilħaqq, anki jekk kellhom jiġu stabbiliti tali ċirkustanzi, sakemm dan tal-aħħar jibqa’ limitat għal sena speċifika, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk l-għan iddikjarat ma huwiex wieħed ġenwin jew jekk il-problema hijiex limitata għall-baġit tal-2016.

    57.

    Sa fejn għandu x’jaqsam l-argument tar-rikorrenti li hemm taxxi finali fuq l-idroelettriku li huma kunsiderevolment ogħla minn dawk fuq l-elettriku prodott b’metodi oħra, inklużi dawk ġeneralment meqjusa li jniġġsu iktar l-ambjent, huwa minnu li tali ċirkustanza, jekk hija preċiża, tixħet dubju fuq il-politika Spanjola għall-protezzjoni tal-ambjent. Madankollu, għandu jitfakkar, għal darb’oħra, li l-għan segwit mit-taxxa inkwistjoni ma huwiex li jitħares l-ambjent b’mod ġenerali iżda li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ilmijiet pubbliċi u li l-ispiża tas-servizzi relatati mal-immaniġġar tal-ilma tgħaddi għal għand dawk li b’mod differenti jużaw is-servizzi l-aħħar. Ma huwiex kuntrarju għal dan l-għan li r-rata ta’ taxxa tkun ogħla għall-idroelettriku milli għal elettriku prodott b’metodi oħra.

    58.

    Isegwi li ma huwiex ovvju mill-argumenti magħmula mill-qorti tar-rinviju u mir-rikorrenti li t-tieni għan imsemmi fil-preambolu tal-liġi ma huwiex ġenwin. Madankollu, huwa għall-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk l-għan tal-liġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex relatat b’mod ġenwin mal-għan li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ilmijiet pubbliċi u biex l-ispiża tas-servizzi relatati mal-immaniġġar tal-ilma tgħaddi għal għand dawk li b’mod differenti jużaw is-servizzi l-aħħar.

    b) L-eżistenza ta’ differenza ta’ trattament

    59.

    Jekk wieħed joqgħod mal-għan stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, allura dawk kollha li jużaw ilma intern għandhom jitqiesu bħala li jinsabu fl-istess sitwazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk hemmx differenza ta’ trattament. Bl-introduzzjoni ta’ taxxa li tkopri biss dawk li jużaw ilmijiet għall-produzzjoni tal-elettriku, din il-leġiżlazzjoni, għaldaqstant, toħloq differenza ta’ trattament bejn dawn tal-aħħar u oħrajn li jużaw l-ilmijiet interni.

    60.

    Jekk id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kellhom jiġu kkonfermati, il-leġiżlazzjoni tkun qed tintroduċi wkoll differenza ta’ trattament, iżda dan tal-aħħar ma jkunx bejn dawk li jużaw l-ilma biex jipproduċu l-elettriku u dawk li jużawh għal għanijiet oħra, iżda pjuttost bejn produtturi ta’ idroelettriku u produtturi oħra tal-elettriku. Tabilħaqq, jekk l-għan tat-taxxa fuq l-użu ta’ ilma intern huwa li jiżdied il-volum ta’ dħul fis-sistema finanzjarja tas-settur tal-elettriku, il-produtturi kollha tal-enerġija jkollhom, imbagħad, jitqiesu li jkunu f’sitwazzjoni komparabbli, minħabba li l-iżbilanċ ikun dovut għad-differenza bejn id-dħul li kumpanniji tal-elettriku Spanjoli jirċievu mingħand konsumaturi u l-ispejjeż tal-provvista tal-elettriku rikonoxxuti b’regolamenti nazzjonali.

    c) Ġustifikazzjoni

    61.

    Fejn ikun hemm differenza ta’ trattament bejn żewġ sitwazzjonijiet li xort’oħra kienu jkunu komparabbli, ma jinkisirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali sakemm dik id-differenza tkun debitament iġġustifikata ( 26 ). Dan ikun il-każ, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata minn raġuni oġġettiva, fejn id-differenza fit-trattament tkun proporzjonata għal din ir-raġuni u jekk din ir-raġuni titqies mil-leġiżlatur nazzjonali b’mod konsistenti ( 27 ).

    62.

    F’dan il-każ, il-qorti nazzjonali u l-partijiet jirreferu għal possibbiltà ta’ tliet ġustifikazzjonijiet, jiġifieri:

    il-protezzjoni ta’ riżorsi naturali;

    il-ħtieġa li jkun żgurat livell ekwivalenti ta’ tassazzjoni bejn produtturi ma’ kategoriji oħra ta’ produtturi tal-elettriku li jkunu suġġetti għal taxxi oħra;u

    it-tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Istat u l-komunitajiet awtonomi fi Spanja.

    63.

    Fir-rigward tal-protezzjoni tar-riżorsa naturali, minħabba li l-impatt tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija idroelettrika fuq l-ilmijiet interni jinvolvi l-użu ta’ riżorsi ambjentali pubbliċi li Spanja tixtieq tikkonserva, tali għan jista’ jiġġustifika differenza fit-trattament bejn il-produtturi ta’ enerġija idroelettrika u oħrajn li jużaw ilmijiet pubbliċi ( 28 ), sakemm tali differenza tkun relatata b’mod effettiv ma’ u proporzjonata għall-impatt speċifiku li dik it-teknika jkollha fuq l-ambjent, u li din ir-raġuni titqies b’mod konsistenti. Anki jekk dawn huma materji essenzjalment għall-qorti tar-rinviju li tivverifika u tevalwa, jiena, madankollu, ma narax kif tali għan jista’ jiġġustifika li produtturi ta’ enerġija idroelettrika jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti skont jekk il-konċessjoni li jkollhom tkunx tikkonċerna jew le baċir intra-komunitarju jew inter-komunitarju tad-diversi komunitajiet awtonomi reġjonali fi Spanja. Isegwi, għalhekk, li din l-ispjegazzjoni partikolari ma tistax tiġġustifika d-differenza fit-trattament deskritta qabel.

    64.

    L-istess raġunament japplika għall-ħtieġa li jkun żgurat livell ta’ tassazzjoni wiesgħa b’mod komparabbli bejn produtturi tal-elettriku. Tabilħaqq, għalkemm dak l-għan jista’ jitqies leġittimu, ikun biss jista’ jitqies konsistenti u proporzjonat jekk jitqies, direttament jew indirettament l-ammont ta’ taxxa li jkun diġà tħallas minn kull produttur tal-elettriku, biex tiġi ddeterminata t-taxxa dovuta skont l-Artikolu 112bis, li ma jidhirx li huwa l-każ. Tabilħaqq, ma jidhirx li l-kalkolu tat-taxxa dovuta skont l-Artikolu 112bis huwa, b’xi mod jew ieħor, relatati mal-ammont ta’ taxxi diġà mħallas mill-produtturi tal-elettriku, għalkemm, għal darb’oħra, din hija materja għall-qorti tar-rinviju li tevalwa u tivverifika.

    65.

    Fis-seduta l-Gvern Spanjol issottometta li din id-differenza hija spjegata mid-differenza ta’ kif jgħaddu bejniethom kanali tal-ilma, skont jekk jgħaddux jew le minn iktar minn komunità awtonoma waħda. Ma nistax ma naħsibx, iżda, li spjegazzjoni bħal din ma hijiex konvinċenti ħafna. Minbarra li l-mod kif jgħaddi kanal tal-ilma jiddependi minn fatturi oħra apparti t-tul tiegħu, ebda dispożizzjoni fil-preambolu tad-Digriet Irjali Nru 198/2015, li ħoloq din id-distinzjoni, ma jirreferi għal tali ġustifikazzjoni.

    66.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Istat u l-komunitajiet awtonomi fi Spanja, jekk tali għan għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi raġuni oġġettiva, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar jekk il-Kostituzzjoni Spanjola fil-fatt tirriżervax jew le l-kompetenza li tkun adottata taxxa jew ikun deċiż ammont ta’ ħlas li jkollu jsir għall-użu ta’ baċiri intra-komunitarji lil kull komunità awtonoma ( 29 ). Ir-rikorrenti jsostnu li l-Istat għandu ġurisdizzjoni ġenerali f’materji ta’ taxxa skont l-Artikolu 149(2)(14) tal-Kostituzzjoni, filwaqt li l-Gvern Spanjol jallega li jista’ jiġi dedott minn qari a contrario tal-Artikolu 149(1)(22) tal-Kostituzzjoni li l-Istat ma għandux ġurisdizzjoni biex jistabbilixxi taxxa jew ħlas ( 30 ) għall-użu privat ta’ ilmijiet interni li jgħaddu għal ġewwa t-territorju ta’ komunità awtonoma waħda.

    67.

    F’dan ir-rigward, ninnota li, l-ewwel nett, ma jistax jiġi dedott, b’mod loġiku, min-natura esklużiva tal-kompetenza li għandu l-Istat li jorganizza u jagħti biss konċessjonijiet relatati ma’ baċiri inter-komunitarji, li dak l-Istat ma għandux kompetenza jintaxxa elettriku prodott minn baċiri intra-komunitarji, minħabba li tali kompetenza tista’ tkun eżerċitata b’mod konġunt. It-tieni nett, jidher mill-qari ta’ “l-ewwel dispożizzjoni addizzjonali” li hemm fl-Att Nru 15/2012 li inizjalment il-leġiżlatura nazzjonali qieset li hija kellha ġurisdizzjoni tinvadi s-setgħat fiskali tal-komunitajiet awtonomi.

    68.

    Madankollu għandu jitfakkar li meta l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħti deċiżjoni preliminari, xogħlha jkun li tagħti gwida lill-qorti nazzjonali dwar l-iskop tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni biex dik il-qorti tkun tista’ tapplika r-regoli b’mod korrett għall-fatti fil-kawża quddiemha, u ma huwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika hija stess dawk ir-regoli, a fortiori minħabba li ma jkollhiex neċessarjament l-informazzjoni essenzjali kollha biex tagħmel hekk ( 31 ). Għalhekk, ikun għall-qorti tar-rinviju jekk tiddikjarax jew le li l-Kostituzzjoni Spanjola għandha tkun interpretata bħala li tfisser li l-Istat ma kienx intitolat japplika t-taxxa inkwistjoni għal baċiri intra-komunitarju.

    69.

    Jekk id-dubji li l-qorti tar-rinviju esprimiet dwar is-sinċerità tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kellhom ikunu kkonfermati, imbagħad, filwaqt li huwa fatt li l-produzzjoni idroelettrika tippreżenta kwistjonijiet differenti milli fil-każ ta’ forom oħra ta’ produzzjoni tal-elettriku minħabba l-użu ta’ riżorsi naturali li b’hekk ikollhom jintużaw, dan, madankollu, ma jostorx il-fatt li trattament inugwali li tmissu b’idejk għal finijiet ta’ taxxa ta’ tipi differenti ta’ produtturi tal-elettriku jista’ jinċidi fuq il-prinċipji ta’ ugwaljanza u nondiskriminazzjoni b’mod fundamentali. Għaldaqstant ma jkun hemm l-ebda dubju li t-trattament fiskali differenti ta’ din ix-xorta ta’ tipi differenti ta’ produtturi tal-elettriku għandu jkun iġġustifikat oġġettivament. Dan jista’ jkun dovut għad-differenza kbira li tolqtok fit-trattament fiskali ta’ produtturi tal-idroelettriku meta mqabbel ma’ dak ta’ produtturi oħra tal-elettriku ( 32 ).

    70.

    Għalhekk, biex niġbor fil-qosor dwar din il-kwistjoni, minħabba li jiena tal-fehma li l-Artikolu 3(1) ma japplikax għal miżuri fiskali nazzjonali, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tirrispondi għat-tieni domanda billi tgħid li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn operaturi previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 ma japplikax għal taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tolqot lil impriżi li jkollhom konċessjoni għall-użu ta’ baċir inter-komunitarju għall-produzzjoni tal-elettriku, iżda mhux lil operaturi li jkollhom konċessjoni f’baċiri intra-komunitarji biex jipproduċu l-elettriku, u lanqas lil produtturi tal-elettriku li jużaw teknoloġiji oħra.

    71.

    F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqsamx il-fehma tiegħi dwar l-iskop tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, allura nirrispondi d-domanda b’mod alternattiv billi ngħid li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huma l-miżuri ta’ tassazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni, madankollu, li t-trattament fiskali differenti tal-produtturi differenti tal-elettriku jkun jista’ jkollu ġustifikazzjoni oġġettiva bil-mod li għadni kif iddeskrivejt. Madankollu, huwa għall-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk l-għan invokat mil-liġi fil-kawża prinċipali huwiex ġenwinament ibbażat fuq tħassib ġustifikat li jirriżulta mill-użu ta’ riżorsi pubbliċi u, b’mod speċifiku, jekk it-trattament fiskali differenti b’mod straordinarju ta’ tipi differenti ta’ produtturi tal-elettriku jistax ikun iġġustifikat oġġettivament.

    C.   Fuq it-tielet domanda: Għajnuna mill-Istat

    72.

    Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat jew le bħala li jfisser li n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ taxxa fuq l-użu ta’ ilmijiet interni lil impriżi li jkollhom konċessjoni f’baċiri intra-komunitarji biex jipproduċu enerġija elettrika jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita.

    73.

    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwalifika ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, titlob li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jitħarsu kumulattivament:

    għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

    l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    l-intervent joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    ikun jagħti vantaġġ selettiv lil min jirċievi l-għajnuna ( 33 ).

    1. L-ewwel tliet kundizzjonijiet:Intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni

    74.

    Minħabba n-natura tal-miżuri fiskali Spanjoli, huwa ċar li dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala li kienu tħarsu. Wasalt għal din il-konklużjoni għar-raġunijiet li ġejjin.

    75.

    L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li miżura li biha awtorità pubblika tagħti lil ċerti impriżi trattament fiskali speċifiku li, minkejja li ma jkunx jinvolvi t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqegħidhom f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn oħrajn li jħallsu t-taxxi, tikkostitwixxi intervent mill-Istat konċedenti ( 34 ).

    76.

    It-tieni nett, miżura x’aktarx tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri malli dak il-kummerċ, anki jekk ipotetiku, ikun jeżisti fl-attività ekonomika konċernata. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li meta l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-qagħda ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jkunu jikkompetu fil-kummerċ intra-komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li jkunu milquta minn dik l-għajnuna. Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li l-impriżi benefiċjarji jkollhom x’jaqsmu huma nnifishom fil-kummerċ intra-komunitarju. Kull darba li Stat Membru jagħti għajnuna lil impriżi, b’riżultat l-attività interna tista’ tibqa’ kif tkun jew tiżdied u, għalhekk, l-opportunitajiet għal impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq f’dak l-Istat Membru b’hekk jonqsu ( 35 ). Fil-prattika, għalhekk, dan ifisser li, ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi speċjali, ikun biss meta swieq nazzjonali ma jkunux miftuħa għall-kompetizzjoni u dawk li jkunu ngħataw l-għajnuna jaġixxu esklużivament f’dan il-qafas li miżura tkun tista’ titqies li ma tkunx tolqot il-kummerċ intra-komunitarju ( 36 ).

    77.

    It-tielet nett, isegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, bħala prinċipju, miżuri intiżi biex jeħilsu impriża minn spejjeż li hija normalment ikollha ġġorr fit-tmexxija jew f’attivitajiet normali tagħha ta’ kuljum, joħolqu distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ( 37 ). Din il-kundizzjoni ma tirrikjedix li jiġi stabbilit li tali għajnuna jkollha effett reali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li fil-fatt ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni, iżda biss li jkun eżaminat jekk dik l-għajnuna tkunx tista’ tolqot dak il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, miżuri nazzjonali intiżi biex jeħilsu lil impriża mill-ispejjeż li normalment kien ikollha ġġorr fit-tmexxija jew f’attivitajiet tagħha ta’ kuljum jipprovdu sostenn finanzjarju artifiċjali lil dik l-impriża li, bħala prinċipju, joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-setturi li fihom jingħata ( 38 ).

    78.

    F’dan il-każ il-miżura inkwistjoni, li tikkonsisti f’li ma jkunx intaxxat elettriku prodott mod ieħor milli bl-użu ta’ ilma minn baċir inter-komunitarju, tikkostitwixxi trattament fiskali speċifiku li jqiegħed lill-produttur tal-elettriku prodott b’dan il-mod f’qagħda finanzjarja iktar favorevoli. Dan imbagħad x’aktarx jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri minħabba li s-suq tal-elettriku huwa miftuħ għall-kompetizzjoni u, barra minn hekk, jeħles lil dawn il-produtturi minn ħlas ta’ taxxa li xort’oħra kien ikollhom jagħmlu. Għaldaqstant, l-ewwel tliet kundizzjonijiet għandhom jitqiesu li kienu tħarsu.

    2. Fuq ir-raba’ kundizzjoni: l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv

    79.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja,vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE ( 39 ). Għalhekk, biex tiġi kklassifikata taxxa bħala li tkun tagħti vantaġġ selettiv, għandu jsir test fi tliet stadji. Dan it-test kien reġa’ ġie affermat dan l-aħħar mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża A-Brauerei, bil-mod kif ġej ( 40 ):

    L-ewwel nett, għandha tiġi identifikata s-sistema komuni jew “normali” tas-sistema fiskali applikabbli fl-Istat Membru konċernat;

    It-tieni nett, ikun meħtieġ jiġi stabbilit li l-miżura fiskali inkwistjoni tkun tidderoga jew titlaq minn dik is-sistema komuni, sa fejn hija tintroduċi differenzi bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan segwit minn dik is-sistema fiskali komuni, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli ( 41 );

    It-tielet nett, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza tkunx iġġustifikata.

    a) Id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza

    80.

    Dwar id-delimitazzjoni materjali tal-kuntest ta’ referenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 37 tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, fil-kawża A-Brauerei, (C-374/17, EU:C:2018:1024), li dan għandu jiġi ddeterminat fid-dawl mhux tal-għan segwit mill-miżura inkwistjoni, iżda pjuttost tas-suġġett kopert mit-taxxa li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi deroga minnha ( 42 ). Barra minn hekk, għandhom jitqiesu r-regoli kollha dwar dak is-suġġett, u mhux biss it-taxxa li l-miżura inkwistjoni tidderoga minnha ( 43 ).

    81.

    F’dan il-każ, għalkemm it-taxxa fuq l-użu ta’ ilma intern għandha l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni ta’ ilma pubbliku u li timponi l-ispiża għall-immaniġġar tas-servizzi tal-ilma fuq il-konsumaturi li jużaw is-serviizi l-aħħar, din ma tirriżultax mill-fatt li s-suġġett ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat ikunu, madankollu, ir-regoli kollha ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku ( 44 ). Hija, tabilħaqq, il-kwantità tal-elettriku prodott li tikkostitwixxi l-bażi tat-taxxa tagħha u huwa fis-suq tal-produzzjoni tal-elettriku li jinħass l-impatt tagħha fuq il-kompetizzjoni ( 45 ). Għaldaqstant, il-kuntest ta’ referenza huwa kkostitwit, minn aspett materjali, mid-dispożizzjonijiet fiskali nazzjonali kollha relatati mal-produzzjoni tal-elettriku.

    82.

    Dwar id-delimitazzjoni territorjali tal-kuntest ta’ referenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-Kawża ANGED li “għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura [dak il-qafas] ma għandux jiġi ddeterminat neċessarjament fil-limiti tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iżda jista’ jkun dak tat-territorju li fih awtorità reġjonali jew lokali teżerċita l-kompetenza mogħtija lilha mill-kostituzzjoni jew mil-liġi. Dan ikun il-każ meta din l-entità jkollha status legali u fattwali li jagħmilha suffiċjentement awtonoma fil-konfront tal-gvern ċentrali ta’ Stat Membru sabiex, permezz tal-miżuri adottati minnha, tkun din l-entità, u mhux il-gvern ċentrali, li jkollha rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi.” ( 46 )

    83.

    Min-naħa tiegħi, madankollu, inqis li dak it-tqassim nazzjonali tal-kompetenzi huwa rilevanti biss biex jiġi ddeterminat il-kuntest ta’ referenza fis-sitwazzjoni fejn il-miżura li tkun tista’ tikkostitwixxi għajnuna pubblika tkun ġiet adottata minn awtorità reġjonali jew lokali u mhux, bħal f’dan il-każ, fejn dik il-miżura kienet fil-fatt adottata mill-Istat, iżda fejn dan tal-aħħar ikun, biex ngħidu hekk, qed jistaħba wara r-regoli tiegħu dwar it-tqassim tal-kompetenzi biex jiġġustifika għaliex ikun illimita l-iskop territorjali ta’ dik il-miżura. F’sitwazzjoni bħal din, it-tqassim tal-kompetenzi għandu jiġi eżaminat bħala ġustifikazzjoni, iżda mhux bħala element għad-definizzjoni ta’ delimitazzjoni territorjali tal-kuntest ta’ referenza.

    84.

    Hawnhekk, minħabba li l-miżura li, skont il-qorti nazzjonali, tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, hija li l-Istat Spanjol ma jintaxxax idroelettriku prodott mod ieħor milli bl-użu ta’ ilma ta’ baċir inter-komunitarju, id-delimitazzjoni territorjali tal-kuntest ta’ referenza huwa kkostitwit mit-territorju kollu tar-Renju ta’ Spanja.

    85.

    Għalhekk isegwi li l-kuntest ta’ referenza huwa magħmul, minn aspett materjali, mir-regoli kollha relatati ma’ tassazzjoni tal-elettriku u li, minn aspett territorjali, dan il-kuntest jirrigwarda t-territorju Spanjol kollu.

    b) Eżami tal-eżistenza ta’ deroga selettiva fid-dawl tal-għan tal-kuntest ta’ referenza

    86.

    L-element li jmiss tat-test huwa eżami dwar jekk, fid-dawl tal-għan segwit mill-kuntest ta’ referenza, għandhiex issir taxxa li tkun tali li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti” minflok impriżi oħra attivi fl-istess suq ( 47 ). Dan it-test mhux dejjem huwa l-eħfef biex ikun applikat minħabba li l-maġġoranza kbira ħafna tat-taxxi ma għandhomx għanijiet oħra ħlief li jimlew mill-ġdid il-baġit tal-Istat.

    87.

    Huwa ċar minn rivista tal-ġurisprudenza reċenti li, huwa biss, madankollu, meta l-kuntest ta’ referenza jkun qed isegwi għan speċifiku li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża lil dan tal-aħħar biex tiddetermina l-eżistenza ta’ eżenzjoni selettiva jew trattament fiskali differenzjali ieħor simili jew deroga mil-liġi ġenerali tat-taxxa ( 48 ). Fejn miżuri ta’ tassazzjoni ma jsegwu ebda għan għajr li jiffinanzjaw il-baġit tal-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm xi drabi tuża l-kelma “għan”, tiddetermina dak il-qafas b’referiment għas-suġġett tiegħu ( 49 ).

    88.

    Għaldaqstant, jiena tal-fehma li t-tieni stadju tat-test jikkonsisti biss f’li wieħed jiddeduċi l-eżistenza ta’ eżenzjoni selettiva jew ta’ deroga għall-fatt li l-miżura fiskali inkwistjoni tkopri biss parti mill-prodotti jew mis-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema fiskali ta’ referenza.

    89.

    Fil-kawża prinċipali, jidher b’mod ċar li, fid-dawl tat-taxxi applikabbli għall-produzzjoni tal-elettriku, il-leġiżlazzjoni nazzjonali toħloq distinzjoni bejn elettriku prodott b’enerġija idroelettrika bl-użu ta’ baċir inter-komunitarju u elettriku prodott b’mezzi oħra jew bl-użu ta’ baċir intra-komunitarju.

    90.

    Inċidentalment, madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tat ebda informazzjoni dwar it-taxxi li jirregolaw il-produzzjoni ta’ elettriku skont dawk il-mezzi l-oħra jew bl-użu ta’ baċir intra-komunitarju, b’mod partikolari, dawk applikati fi Spanja mill-komunitajiet awtonomi reġjonali, fejn, kif spjegajt qabel, biex ikun evalwat jekk eżenzjoni fiskali partikolari tkunx selettiva, tkun meħtieġa perspettiva olistika tar-regoli applikabbli tat-tassazzjoni b’mod ġenerali. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Portugall vs Il-Kummissjoni ( 50 ), li “ir-rata ta’ tassazzjoni ‘normali’ hija r-rata fis-seħħ fiż-żona ġeografika li tikkostitwixxi l-kuntest ta’ referenza.” Fil-kawża A-Brauerei l-Qorti tal-Ġustizzja bl-istess mod qalet li “[…] għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala ‘selettiva’, [jeħtieġ li l-Kummissjoni] turi […] li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga mill-imsemmija sistema komuni […]” ( 51 ).

    91.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi u fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni kritika li tippermetti li tkun adottata evalwazzjoni olistika, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement mhijiex f’pożizzjoni li tevalwa hija stess jekk produttur li juża tekniki oħra jew ilma minn baċir intra-komunitarju jkollux vantaġġ fuq dak li juża ilma minn baċir inter-komunitarju. Għalkemm jidher impliċitu fid-digriet tar-rinviju li produtturi reġjonali f’baċir intra-komunitarju ma għandhomx fil-fatt vantaġġ fiskali sinjifikattiv fuq produtturi f’baċir inter-komunitarju, din fl-aħħar mill-aħħar hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali li tevalwa u tivverifika.

    92.

    Barra minn hekk, m’iniex għalkollox konvint li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jista’ japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Tabilħaqq, f’dik is-sitwazzjoni l-produtturi kollha tal-elettriku jkollhom l-allegat vantaġġ ħlief dawk suġġetti għal taxxi, li jfisser li l-allegat vantaġġ huwa magħmul mill-kuntest ta’ referenza nnifsu. Fi kliem ieħor, dak li huwa selettiv f’ċirkustanza bħal din ma huwiex il-vantaġġ, iżda pjuttost l-iżvantaġġ ( 52 ).

    93.

    Jekk, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat seta’ japplika għal tali sitwazzjoni, għandha tqis li, kif jidher mill-ewwel dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Nru 15/2012, it-taxxa fuq l-użu ta’ ilmijiet interni kienet, għall-ewwel, maħsuba li tkun tapplika għall-baċiri kollha, kemm inter-komunitarji kif ukoll intra-komunitarji. Jidher li kien biss bl-adozzjoni tal-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 198/2015 li l-applikazzjoni ta’ dik it-taxxa kien limitat għal baċiri inter-komunitarji.

    94.

    Jekk dan huwa korrett, l-Artikolu 1 jista’ jitqies bħala miżura li tagħti deroga mill-kuntest ta’ referenza kkostitwit bil-Liġi Nru 15/2012 li tintroduċi, fl-Artikolu 112bis tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2001, taxxa fuq l-użu ta’ ilmijiet interni u li deroga bħal din għandha titqies bħala selettiva skont is-sentenza fil-kawża A-Brauerei dwar dan minħabba li l-applikazzjoni tagħha tkun suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni. Għaldaqstant jeħtieġ li jkunu eżaminati l-ġustifikazzjonijiet potenzjali li jistgħu jkunu adottati fir-rigward ta’ din il-miżura ta’ tassazzjoni.

    95.

    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma jkoprix miżuri li jiddistingwu bejn impriżi li, fir-rigward tal-għan segwit mis-sistema legali inkwistjoni, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u, għaldaqstant, ikunu a priori selettivi, fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ juri li dik id-differenza tkun ġustifikata minħabba li toħroġ min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema li l-miżuri jkunu jagħmlu parti minnha ( 53 ).

    96.

    Dwar dan, u wkoll skont il-ġurisprudenza, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet attribwiti għal skema fiskali partikolari ta’ taxxa u li jkunu esterni għaliha u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi interni tas-sistema fiskali nnifisha meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. Essenzjalment, għalhekk, l-għan biss intern tas-sistema fiskali nnifisha jista’ jiġġustifika miżura fiskali selettiva ( 54 ).

    97.

    F’dan il-każ, il-partijiet, madankollu, ma ġabux provi biex jistabbilixxu li n-natura jew l-istruttura ġenerali tar-regoli dwar it-tassazzjoni tal-elettriku bħala tali jeħtieġu li baċiri intra u inter-komunitarji jkunu ttrattati b’mod differenti

    3. Possibbiltà ta’ ġustifikazzjonijiet għall-adozzjoni ta’ għajnuna mill-Istat

    98.

    Għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza msemmija qabel tirrigwarda l-ġustifikazzjoni għan-natura selettiva ta’ miżura fiskali. In-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni f’dan ir-rigward tkun, għalhekk, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-Istati Membri, ladarba jkun ġie stabbilit li jkunu tħarsu l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 107(2) u (3) TFUE biex miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, li jiġġustifikaw l-adozzjoni tagħha. Tabilħaqq huwa ċar mill-kliem stess tal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 107 TFUE li ċerta għajnuna adottata mill-Istati Membri tkun tista’, b’ċerti kundizzjonijiet, tiġi ġġustifikata.

    99.

    Fost il-ġustifikazzjonijiet diġà aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja hemm il-protezzjoni tal-ambjent ( 55 ). Huwa minnu li tali għan ma jistax jiġġustifika d-differenza fit-trattament ta’ produtturi ta’ enerġija idroelettrika skont jekk dawn ikollhomx konċessjoni f’baċiri intra-komunitarji jew inter-komunitarji.

    100.

    Madankollu, differenza bħal din tista’, iżda, tkun ġustifikata bit-tqassim tal-kompetenzi prevalenti fi Spanja bejn l-Istat u l-komunitajiet awtonomi ta’ dak l-Istat Membru ( 56 ). Tabilħaqq, dak it-tqassim ta’ kompetenzi jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 4(2) TUE, li skontu l-Unjoni għandha tħares l-identitajiet nazzjonali inerenti fl-istrutturi fundamentali tagħhom, politiċi u kostituzzjonali, inkluż gvern awtonomu lokali u reġjonali ( 57 )

    101.

    Huwa minnu, ċertament, li l-istruttura kostituzzjonali interna ta’ Stat Membru ma tistax ġeneralment tintalab għal għajnuna biex ikun iġġustifikat dak li xort’oħra jkun ifisser ksur tad-dritt tal-Unjoni. Iżda, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Il-Portugall vs Il-Kummissjoni ( 58 )“ma jistax jiġi konkluż” mill-fatt li ċerti vantaġġi fiskali jkunu limitati għal parti mit-territorju ta’ Stat Membru li tali miżura “hija selettiva, fis-sens ta’ l-Artikolu [107(1) TFEU] għar-raġuni waħdanija li hija tapplika biss f’żona ġeografika limitata ta’ Stat Membru.”

    102.

    Filwaqt li dan ir-raġunament jista’ jinftiehem li tassazzjoni reġjonali u għajnuna mill-Istat jirrappreżentaw każ speċjali — kważi sui generis fil-corpus kollu tad-dritt tal-Unjoni — tajjeb li jkun osservat li kieku l-liġi kienet mod ieħor kien ikun ifisser li l-Istati Membri ma kinux ikunu jistgħu jagħtu iktar kompetenza fiskali esklużiva lil entitajiet reġjonali u lil gvernijiet lokali. Ikun ifisser ukoll li kull miżura fiskali li tkun tkopri biss parti mit-territorju, minħabba l-istruttura interna ta’ Stat Membru, tkun ipso facto tikkostitwixxi forma ta’ għajnuna mill-Istat favur persuni u entitajiet residenti f’dak ir-reġjun meta mqabbla ma’ persuni u entitajiet residenti xi mkien ieħor fl-Istat Membru inkwistjoni.

    103.

    Għaldaqstant, jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-kostituzzjoni nazzjonali ma tagħtix is-setgħa lill-Istat jadotta miżuri ta’ tassazzjoni jew li jitlob li jsir ħlas ta’ taxxa biex produtturi joperaw f’baċir intra-komunitarju (kompetenza la esklużiva, la sussidjarja u lanqas komplementarja), din iċ-ċirkustanza tista’ tiġġustifika l-fatt li produtturi tal-elettriku li jkollhom konċessjoni f’baċir intra-komunitarja ma jkunux suġġetti għall-imsemmija taxxa u, għalhekk, li l-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali Nru 198/2005 ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

    104.

    Għall-kuntrarju, u jekk ma jkunx stabbilit li jkun hemm ġustifikazzjoni oħra skont l-Artikolu 107(2) u (3) TFUE, l-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali Nru 198/2015 għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat minħabba li dan tal-aħħar jeżenta lil produtturi tal-elettriku li jkollhom konċessjoni f’baċir intra-komunitarja milli jħallsu taxxi għall-użu ta’ ilmijiet interni.

    105.

    Għaldaqstant, nipproponi li tingħata riposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-fatt li ma hijiex applikabbli t-taxxa għall-użu ta’ ilmijiet interni għal impriżi li jkollhom konċessjoni f’baċiri intra-komunitarji biex jipproduċu eneġija elettrika jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita sakemm ma jkunx jidher li l-Istat Membru konċernat la kellu kompetenza f’materji ta’ taxxa u lanqas kompetenza biex jiddeċiedi dwar il-livell ta’ drittijiet pagabbli bħala ħlas għall-għoti ta’ konċessjoni f’tali baċiri intra-komunitarji.

    Konklużjoni

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) kif ġej:

    1)

    La l-Artikolu 191(2) TFUE u lanqas l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma ma għandhom effett dirett u, għalhekk, ma jistgħux jiġu invokati quddiem qorti nazzjonali minn individwu biex jikkontesta taxxa partikolari fuq l-użu ta’ ilmijiet interni biex jipproduċi enerġija.

    2)

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar i]d-Direttiva 2003/54/KE għandu jiġi interpretat bħala li ma huwiex applikabbli għal taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tolqot impriżi li jkollhom konċessjoni għall-użu ta’ baċir inter-komunitarju biex jipproduċu l-elettriku, iżda ma tolqotx operaturi li jkollhom konċessjoni f’baċiri intra-komunitarji biex jipproduċu l-elettriku, u lanqas ma tolqot produtturi tal-elettriku li jużaw teknoloġiji oħra.

    Sussidjarjament, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġislazzjoni nazzjonali, bħall-miżuri ta’ tassazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm dik il-leġiżlazzjoni tkun relatata mat-tisħiħ tal-protezzjoni ta’ ilmijiet pubbliċi billi tikseb benefiċċji mingħand dawk li jiksbu benefiċċju mill-użu privat jew mill-użu speċjali tagħhom, u biex l-ispejjeż ta’ servizzi relatati mal-immaniġġar tal-ilma, inklużi spejjeż ambjentali u ta’ riżorsi, jgħaddu għal għand dawk li, b’mod differenti, jagħmlu użu mis-servizzi l-aħħar, jekk il-kostituzzjoni nazzjonali għandha tkun interpretata bħala li tfisser li dan l-Istat Membru ma kienx intitolat jestendi l-iskop tal-applikazzjoni ta’ din il-miżura lil baċir intra-komunitarju. Ikun għall-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk l-għan tal-liġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunx ġenwinament relatat ma’ dawk l-għanijiet.

    3)

    L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-fatt li ma hijiex applikabbli t-taxxa għall-użu ta’ ilmijiet interni għal impriżi li jkollhom konċessjoni f’baċiri intra-komunitarji biex jipproduċi enerġija elettrika jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita sakemm ma jkunx jidher li l-Istat Membru kkonċernat la għandu kompetenza f’materji ta’ taxxa u lanqas kompetenza li jiddeċiedi dwar il-livell tad-drittijiet pagabbli bħala korrispettiv għall-għoti ta’ konċessjoni fuq tali baċiri intra-komunitarji.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275.

    ( 3 ) ĠU 2009 L 211, p. 55.

    ( 4 ) BOE Nru 30 tat-3 ta’ Frar 2007, p. 5118

    ( 5 ) BOE Nru 312 tat-28 ta’ Diċembru 2012, p. 88081.

    ( 6 ) BOE Nru 176 tal-24 ta’ Lulju 2001, p. 14276.

    ( 7 ) BOE Nru 72 tal-25 ta’ Marzu 2015, p. 25674.

    ( 8 ) Il-qorti tar-rinviju tirrileva li kieku l-Artikolu 29 tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija jitqies li mhux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, dan kien iwassal għall-annullament tad-Digriet Irjali Nru 198/2015, li jimplimenta t-taxxa kontestata.

    ( 9 ) Sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punti 38 u 39) u tal-4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et (C‑534/13, EU:C:2015:140, punt 40)

    ( 10 ) Sentenza tal-4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et (C‑534/13, EU:C:2015:140, punt 42).

    ( 11 ) Ara dwar dan is-sentenza tas-7 Diċembru 2016, Vodoopskrba i odvodnja (C‑686/15, EU:C:2016:927, punti 20 u 21).

    ( 12 ) Ara b’analoġija s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Klohn (C‑167/17, EU:C:2018:833, punt 29).

    ( 13 ) Ara dwar dan is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 56).

    ( 14 ) Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2018, Montag (C-480/17, EU:C:2018:987, punt 34).

    ( 15 ) Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2. p. 211).

    ( 16 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 79).

    ( 17 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO (C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 41).

    ( 18 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 42). Ara wkoll is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C‑432/14, EU:C:2015:643, punt 32), u tas-26 ta’ Ġunju 2018, MB (bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar) (C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 42).

    ( 19 ) Ara dwar dan is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos (C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 50).

    ( 20 ) Ara dwar dan is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Finanzamt Linz (C-66/14, EU:C:2015:661, punti 26 u 31).

    ( 21 ) Fir-rigward taċ-ċirkustanza li t-taxxa tapplika biss għal produtturi ta’ idroelettriku idrawliku, huwa ċar mill-kliem tal-preambolu tal-Liġi Nru 15/2012 li l-għan segwit minn dik it-taxxa ma huwiex, fih innifsu, li l-ispiża tas-servizzi relatata mal-mmaniġġar tal-ilma tiġi ttrasferita għal għand dawk li b’mod differenti jużaw is-servizzi l-aħħar. Għalhekk, ikun biżżejjed li din it-taxxa tikkontribwixxi għal dak it-trasferiment.

    ( 22 ) F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza wkoll li, għall-kuntrarju ta’ produtturi oħra tal-elettriku li jixtru l-materjali mhux maħduma tagħhom (żejt, faħam, gass, uranju) mis-settur privat, produtturi idroelettriċi jistrieħu fuq riżorsi pubbliċi biex jipproduċu l-elettriku tagħhom. L-ammont imħallas għall-użu ta’ dawk il-beni pubbliċi, għandhom għaldaqstant jitqiesu, parzjalment, bħala taxxa u parzjalment bħala ħlas tal-konċessjoni għall-użu ta’ dawk ir-riżorsi pubbliċi, peress li, skont l-Artikolu 107 TFEU, l-Istati Membri ma jistgħux joħolqu distorzjoni fil-kompetizzjoni billi jirrendu disponibbli riżorsi tal-Istat lil xi produttiri mingħajr ħlas.

    ( 23 ) Sors: http://www.waterencyclopedia.com/Ge-Hy/Hydroelectric-Power.html#ixzz5g4zOuRDg

    ( 24 ) Dan ma jikkontradixxix it-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Nru 15/2012. Tabilħaqq, din tal-aħħar ma tipprevedix li l-ammont miġbur permezz tat-taxxa għandu jintuża biex ipaċi l-iżbilanċ tal-grilja tal-elettriku, iżda li ammont ekwivalenti għal dawk is-somom jintuża fil-baġit għal dak l-għan..

    ( 25 ) Filwaqt li xi spejjeż tal-użu tal-ilmijiet, b’mod partikolari dawk marbuta mal-iffurmat tal-baċir diġà tħallsu mill-Istati Membri kkonċernati, oħrajn (pereżempju dawk marbuta mal-manutenzjoni tal-istallazzjoni jew mad-deterjorament ta’ xatt il-baħar) jiġu okkażjonati matul l-użu tal-baċir.

    ( 26 ) Ara dwar dan is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 47).

    ( 27 ) Ara dwar dan is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C-356/12, EU:C:2014:350, punt 43).

    ( 28 ) Barra minn hekk, tali għan jista’ jitqies biss bħala li jkun segwit mil-leġiżlatura nazzjonali b’mod koerenti u sistematiku jekk kull kategorija ta’ dawk li jużaw ilma pubbliku kienet tkun intaxxat skont ir-regoli li jqisu l-użu rispettiv li huma jagħmlu tal-ilma.

    ( 29 ) Tabilħaqq, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali Nru 198/2015 tapplika għall-komunitajiet kollha irrispettivament mill-istatus tagħhom.

    ( 30 ) Minħabba li l-kompetenza li tiġi adottata taxxa u dik li tistabbilixxi ħlas ma kinux neċessarjament mogħtija lill-istess awtorità, it-tnejn jeħtiġilhom ikunu eżaminati.

    ( 31 ) Ara, pereżempju s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Omni Metal Service (C‑259/05, EU:C:2007:363, punt 15).

    ( 32 ) Jekk tali trattament fiskali differenti jistax oġġettivament ikun iġġustifikat, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu l-marġni ta’ diskrezzjoni neċessarjament permessa lill-Istati Membri f’każijiet ta’ din ix-xorta u l-kunsiderazzjonijiet partikolari b’rabta mal-konsum tar-riżorsi naturali, fl-aħħar mill-aħħar hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali li tevalwa.

    ( 33 ) Ara dwar dan is-sentenzi tal-21 ta’ Diċċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53) u tad-19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei (C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 19).

    ( 34 ) Ara dwar dan is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia (C-522/13, EU:C:2014:2262, punt 48) Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni, billi jiddeċiedi li jeskludi ċerti persuni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ taxxa li huma kien imisshom ħallsu fid-dawl tal-għan segwit, Stat jista’ jitqies li jkun irrinunzja għal riżorsa fiskali.

    ( 35 ) Ara dwar dan is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punti 66 sa 68).

    ( 36 ) Ara dwar dan is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il-Kummissjoni (C-211/15 P, EU:C:2016:798, punti 64 sa 66)

    ( 37 ) Ara dwar dan is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:5911, punt 34).

    ( 38 ) Ara dwar dan is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 30), u tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑288/96, EU:C:2000:537, punti 77 u 78). Għaldaqstant, il-fatt li 7.2 % biss mill-baċiri użati għall-produzzjoni tal-elettriku jistgħu jiġu kklassifikati bħala baċiri intrakomunitarji ma jeskludix li n-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-elettriku prodott mod ieħor u mhux bl-użu ta’ baċir interkomunitarju jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew li jfixkel il-kompetizzjoni.

    ( 39 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 73 u 74).

    ( 40 ) Ara dwar dan is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei (C-374/17, EU:C:2018:1024, punti 36 sa 38).

    ( 41 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, ANGED (C‑234/16 u C‑235/16, EU:C:2018:281, punt 32).

    ( 42 ) Iż-żamma, bħala kriterju, tal-għan segwit mill-miżura inkwistjoni tikkontradixxi l-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-kawżi u l-għanijiet ta’ intervent pubbliku huma, bħala prinċipju, irrilevanti biex jiġi ddeterminat jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna.. Ara dwar dan is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni (173/73, EU:C:1974:71, punt 13). Barra minn hekk, tali pożizzjoni tnaqqas il-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat għal waħda ta’ kontroll tal-konsistenza tal-eżenzjonijiet mogħtija, bħalma huwa l-każ skont il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, filwaqt li skont l-Artikolu 107 TFUE l-għan ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat huwa li jkun evitat li għajnuna mill-Istat toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, ladarba tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, l-għanijiet segwiti minn miżura tista’ tkun rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk dik l-għajnuna mill-Istat tistax tkun iġġustifikata.

    ( 43 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Gibraltar u r-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 93).

    ( 44 ) Ara l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Kunsill Spanjol Nru 928/2014 approvati fid-9 ta’ Ottubru 2014 dwar id-Digriet Irjali Nru 198/2015 li jenfasizzaw li dan id-Digriet “ikollu effetti fuq is-suq tal-elettriku”.

    ( 45 ) Tista’ tqum il-kwistjoni, madankollu, dwar jekk il-kuntest ta’ referenza huwiex ikkostitwit biss mit-taxxi li jirregolaw il-produzzjoni ta’ idroelettriku jew mit-taxxi kollha fuq il-produzzjoni tal-elettriku. Madankollu, billi l-ġenerazzjoni tal-enerġija idroelettrika mhijiex suq separat, inqis li l-kuntest ta’ referenza neċessarjament huwa magħmul mit-taxxi kollha relatati mal-ġenerazzjoni tal-elettriku.

    ( 46 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2018, ANGED (C‑236/16 u C‑237/16, EU:C:2018:291, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata)

    ( 47 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 57).

    ( 48 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, ANGED (C‑236/16 u C‑237/16, EU:C:2018:291, punt 40).

    ( 49 ) Ara, pereżempju, sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei (C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 39). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-għan tal-qafas ta’ riferiment kien “sabiex tiġi intaxxata kull bidla tas-sid tad-drittijiet (Rechtsträgerwechsel) marbuta ma’ proprjetà jew, fi kliem ieħor, biex jiġi intaxxat kull trasferiment tad-dritt tal-proprjetà fi proprjetà immobbli minn persuna fiżika jew ġuridika waħda favur persuna fiżika jew ġuridika oħra fis-sens tad-dritt ċivili filwaqt li dak l-element kien fil-fatt jikkostitwixxi l-mezz li bih kellu jintlaħaq l-għan segwit minn dawk ir-regoli, jiġfieri li jiżdiedu r-riżorsi tal-Istat Ġermaniż.

    ( 50 ) Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006 (C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 56).

    ( 51 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei (C-374/17, EU:C:2018:1024, punt 36).

    ( 52 ) Tabilħaqq, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv għandha tiġi evalwata b’rabta mal-kuntest ta’ referenza. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C-88/03, EU:C:2006:511, punt 56) li “[i]r-rata ta’ tassazzjoni normali hija r-rata fis-seħħ fiż-żona ġeografika li tikkostitwixxi l-kuntest ta’ referenza.” Fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, fil-Kawża A-Brauerei (C-374/17, EU:C:2018:1024, punt 36), il-Qorti tal-Ġustizzja tgħid li “[…] għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala ‘selettiva’, [jeħtieġ li l-Kummissjoni] turi […] li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga mill-imsemmija sistema komuni […]”

    ( 53 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, A-Brauerei (C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 54 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, ANGED (C‑236/16 u C-237/16, EU:C:2018:291, punt 31).

    ( 55 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, ANGED (C‑236/16 u C-237/16, EU:C:2018:291, punti 49 u 50).

    ( 56 ) Ara dwar dan is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 60) u tal-11 ta’ Settembru 2008, UGT-Rioja et (C‑428/06 sa C‑434/06, EU:C:2008:488, punt 141).

    ( 57 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C-51/15, EU:C:2016:985, punt 40).

    ( 58 ) Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 60)

    Top