Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0093

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fid-19 ta’ Ġunju 2019.
    Ermira Bajratari vs Secretary of State for the Home Department.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Appeal in Northern Ireland.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Direttiva 2004/38/KE – Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz li jkun axxendent dirett ta’ ċittadini tal-Unjoni minuri – Artikolu 7(1)(b) – Kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti – Riżorsi kkostitwiti minn dħul li joriġina minn impjieg eżerċitat mingħajr titolu ta’ residenza u ta’ permess ta’ xogħol.
    Kawża C-93/18.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:512

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fid-19 ta’ Ġunju 2019 ( 1 )

    Kawża C‑93/18

    Ermira Bajratari

    vs

    Secretary of State for the Home Department

    fil-preżenza ta’

    AIRE Centre

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Direttiva 2004/38/KE – Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz axxendent dirett ta’ ċittadini tal-Unjoni minuri – Artikolu 7(1)(b) – Kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti – Riżorsi kkostitwiti minn dħul li joriġina minn xogħol eżerċitat mingħajr permess ta’ residenza u ta’ xogħol”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE ( 2 ).

    2.

    Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, in-natura suffiċjenti tar-riżorsi li għandu jkollu ċittadin tal-Unjoni meta dawn ir-riżorsi, imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ wlied ta’ età żgħira ċittadini tal-Unjoni, ikunu ġejjin minn dħul magħmul mill-impjieg eżerċitat fi Stat Membru mill-missier, ċittadin ta’ Stat terz li, minkejja li fil-passat kellu permess ta’ residenza u ta’ xogħol, huwa ma għadux jibbenefika minn dan il-permess f’dan l-Istat Membru minħabba l-iskadenza tal-karta ta’ residenza tiegħu.

    3.

    Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddeċiedi għall-ewwel darba dwar din il-kwistjoni preċiża, għandu madankollu jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza Zhu u Chen ( 3 ).

    4.

    Konsegwentement, din il-kawża ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, b’mod partikolari, il-portata ta’ din is-sentenza fil-kuntest speċifiku tal-kawża prinċipali.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    5.

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

    1)

    ‘ċittadin tal-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

    2)

    ‘membru tal-familja’ tfisser:

    […]

    b)

    is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

    […]

    d)

    il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

    3)

    ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza”.

    6.

    L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom”.

    7.

    L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu:

    “1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

    […]

    b)

    għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

    […]”

    8.

    L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

    […]”

    B.   Id-dritt tar-Renju Unit

    9.

    L-unika dispożizzjoni ċċitata mill-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq) fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha hija l-Artikolu 1(2) tal-Immigration Act 1971 (il-Liġi dwar l-Immigrazzjoni tal-1971), li tipprovdi li persuna li ma hijiex ċittadina Brittanika għandu jkollha awtorizzazzjoni sabiex tirrisjedi, taħdem u tistabbilixxi ruħha fir-Renju Unit ( 4 ).

    III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    10.

    Ermira Bajratari, ċittadina Albaniża, ilha tirrisjedi fl-Irlanda ta’ Fuq sa mis-sena 2012. Matul il-perijodu ta’ bejn it-13 ta’ Mejju 2009 u t-13 ta’ Mejju 2014, żewġha, Durim Bajratari, li huwa wkoll ċittadin Albaniż li jirrisjedi fl-Irlanda ta’ Fuq, kellu karta ta’ residenza li kienet tawtorizzah jirrisjedi fir-Renju Unit. Din il-karta kienet inħarġitlu abbażi tar-relazzjoni preċedenti tiegħu mas-Sinjura Toal, ċittadina tar-Renju Unit ( 5 ), relazzjoni li spiċċat fil-bidu tas-sena 2011.

    11.

    Minkejja li wara t-tmiem tar-relazzjoni mas-Sinjura Toal, il-konjuġi ta’ E. Bajratari kien telaq mir-Renju Unit matul is-sena 2011 sabiex jiżżewweġ lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġewwa l-Albanija, huwa rritorna l-Irlanda ta’ Fuq matul is-sena 2012. Il-karta ta’ residenza tiegħu ma ġiet irrevokata f’ebda mument.

    12.

    Il-koppja għandha tliet ulied li kollha twieldu l-Irlanda ta’ Fuq u tnejn minnhom kisbu ċertifikat ta’ nazzjonalità Irlandiża.

    13.

    Sa mis-sena 2009, il-konjuġi ta’ E. Bajratari eżerċita attivitajiet professjonali differenti, b’mod partikolari bħala impjegat f’ristorant fl-Irlanda ta’ Fuq, iżda b’effett mit-12 ta’ Mejju 2014, data tal-iskadenza tal-karta ta’ residenza tiegħu, huwa beda jaħdem illegalment.

    14.

    Il-familja qatt ma ċċaqilqet u qatt ma għexet fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni ħlief fir-Renju Unit.

    15.

    Wara t-twelid tal-ewwel wild tagħhom, ċittadin Irlandiż, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat talba quddiem il-Home Office (il-Ministeru tal-Intern, ir-Renju Unit) għall-għoti tad-dritt ta’ residenza dderivat skont id-Direttiva 2004/38, billi invokat l-istatus tagħha ta’ persuna li għandha effettivament il-kustodja tal-wild tagħha, ċittadin tal-Unjoni, u billi argumentat li rifjut ta’ permess ta’ residenza jċaħħad lill-wild tagħha milli jgawdi d-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni.

    16.

    Din it-talba ġiet miċħuda għal żewġ raġunijiet distinti, jiġifieri, minn naħa, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ “membru tal-familja” fis-sens tad-Direttiva 2004/38, u min-naħa l-oħra, li l-wild tagħha ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ awtonomija finanzjarja prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva.

    17.

    Fit-8 ta’ Ġunju 2015, il-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil), ir-Renju Unit) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn E. Bajratari kontra d-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Intern. Fis-6 ta’ Ottubru 2016, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil), ir-Renju Unit) ċaħdet it-tieni rikors tar-rikorrenti. Għalhekk din adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’talba ta’ awtorizzazzjoni għal appell mis-sentenza tal-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil)).

    18.

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement li r-rekwiżit impost mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, li ċittadin tal-Unjoni għandu jkollu riżorsi suffiċjenti, huwa ssodisfatt meta dawn ir-riżorsi jkunu għad-dispożizzjoni tal-imsemmi ċittadin, u ma jkun jeżisti ebda rekwiżit dwar l-oriġini ta’ dawn ir-riżorsi, b’dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jiġu pprovduti, b’mod partikolari, miċ-ċittadin ta’ Stat terz ( 6 ). Din il-qorti tirrileva li madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx b’mod speċifiku dwar jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni dħul minn impjieg li huwa illegali taħt id-dritt nazzjonali.

    19.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, b’deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2017 li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Frar 2018, il-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dħul minn impjieg li huwa illegali taħt id-dritt nazzjonali jista’ jistabbilixxi, totalment jew parzjalment, id-disponibbiltà ta’ biżżejjed riżorsi fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva [2004/38]?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta pożittiva, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) [ta’ din id-direttiva] jistgħu jiġu sodisfatti, jekk l-impjieg jitqies li huwa prekarju sempliċement minħabba n-natura illegali tiegħu?”

    20.

    Fis-6 ta’ Novembru 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifiki abbażi tal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju wieġbet fit-12 ta’ Diċembru 2018 ( 7 ).

    21.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u minn AIRE Centre ( 8 ), mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

    22.

    Matul is-seduta li nżammet fl-24 ta’ Jannar 2019, ġew sottomessi osservazzjonijiet orali għan-nom tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minn AIRE Centre, mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Gvern Daniż u kif ukoll mill-Kummissjoni.

    IV. Analiżi

    A.   Fuq it-tkomplija tal-kawża prinċipali

    23.

    Kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari teħtieġ li effettivament ikun hemm tilwima pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jintalbu jagħtu deċiżjoni li fiha jieħdu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’deċiżjoni preliminari ( 9 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tivverifika ex officio t-tkomplija ta’ tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 10 ).

    24.

    Il-kawża prinċipali tirrigwarda ċ-ċaħda tat-talba għal dritt ta’ residenza dderivat magħmula minn E. Bajratari skont id-Direttiva 2004/38, peress li l-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq) hija adita b’talba ta’ awtorizzazzjoni għal appell mis-sentenza tal-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil)).

    25.

    Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern tar-Renju Unit jirriżulta li l-Crown Solicitor’s Office (l-Avukat Ġenerali tal-Kuruna, l-Irlanda ta’ Fuq) kien informa lill-qorti tar-rinviju, fit-22 ta’ Frar u fis-6 ta’ Marzu 2018, jiġifieri wara l-preżentazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari, bil-fatt li ċ-ċertifikati ta’ nazzjonalità Irlandiżi ta’ wlied E. Bajratari kienu ġew invalidati għar-raġuni li r-raġel tagħha ma kienx għad għandu dritt ta’ residenza dderivat fir-Renju Unit wara t-tmiem tar-relazzjoni tiegħu ma’ ċittadina tar-Renju Unit matul is-sena 2011.

    26.

    F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit jargumenta li l-ulied ta’ E. Bajratari ma għadhomx igawdu miċ-ċittadinanza tal-Unjoni u mid-drittijiet li jirriżultaw minnha sa fejn in-nazzjonalità Irlandiża tagħhom ġiet irtirata wara li l-awtoritajiet kompetenti kkonstataw li din kienet ingħatatilhom meta missierhom ma kienx għadu fil-pussess ta’ permess ta’ residenza validu. Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma għadx għandha skop u d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju saru ta’ natura ipotetika. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti u għandha għalhekk tirrifjuta li tirrispondi għal dawn id-domandi.

    27.

    Madankollu, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern tar-Renju Unit jirriżulta wkoll, li fit-12 ta’ April 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet awtorizzata tikkontesta, permezz ta’ rikors ġudizzjarju (judicial review), id-deċiżjonijiet li rrendew invalidi ċ-ċertifikati ta’ nazzjonalità Irlandiża tal-ewwel żewġ ulied tagħha.

    28.

    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq) ġiet mistiedna tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja l-effett ta’ eventwali rtirar taċ-ċertifikati ta’ nazzjonalità Irlandiża tal-ewwel żewġ ulied ta’ E. Bajratari fuq il-proċedura prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi ta’ tali rtirar fuq id-domandi preliminari.

    29.

    Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Diċembru 2018, il-qorti tar-rinviju indikat li huwa possibbli li l-kawża li għandha quddiemha ssir mingħajr skop minħabba t-telf tan-nazzjonalità Irlandiża ta’ dawn iż-żewġ ulied, madankollu sal-lum din issoktat u għadha valida ( 11 ).

    30.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kawża prinċipali għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula tibqa’ utli għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

    B.   Fuq id-domandi preliminari

    31.

    Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, li għandhom jiġu analizzati konġuntament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li wild minuri ċittadin tal-Unjoni għandu riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul ir-residenza tiegħu meta dawn ir-riżorsi joriġinaw minn dħul mill-attività eżerċitata b’mod illegali f’dak l-Istat Membru, mingħajr permess ta’ residenza u ta’ xogħol, minn missieru, ċittadin ta’ Stat terz.

    32.

    Qabel ma nirrispondi għal din id-domanda, ser nindirizza fil-qosor, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u taż-żewġ ulied minuri tagħha, li qatt ma ċċaqilqu jew qatt ma għexu fi Stat Membru ieħor minbarra dak li twieldu fih u għandhom ir-residenza tagħhom fih, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38. Fit-tieni lok, ser nindirizza l-kwistjoni segwenti: l-ulied ta’ E. Bajratari jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 meta, bħal f’dan il-każ, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ir-riżorsi huma kkostitwiti mid-dħul ta’ missierhom, ċittadin ta’ Stat terz, minn xogħol eżerċitat mingħajr permess ta’ residenza u ta’ xogħol?

    1. Fuq l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza mogħti liċ-ċittadin tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tiegħu fl-Istat Membru ospitanti abbażi tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38

    33.

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, huma “benefiċjarji” tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva, “[i]ċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u [kif ukoll il-]membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom”.

    34.

    F’dan il-każ, E. Bajratari hija ċittadina Albaniża, omm ta’ żewġ ulied minuri ta’ nazzjonalità Irlandiża li tagħhom għandha l-kustodja effettiva u li għixu sa mit-twelid tagħhom fl-istess Stat Membru, jiġifieri fir-Renju Unit ( 12 ).

    35.

    F’dan ir-rigward, il-fatt li dawn l-ulied qatt ma użaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u dejjem għexu fl-Istat Membru fejn twieldu u għandhom ir-residenza tagħhom jista’ jwassal sabiex jitqies li dawn ma jaqgħux fil-kunċett ta’ “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 ( 13 ). Madankollu, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li twieled fl-Istat Membru ospitanti u li ma użax id-dritt għall-moviment liberu ma tistax, minħabba dan il-fatt biss, tiġi assimilata ma’ sitwazzjoni purament interna li ċċaħħad lill-imsemmi ċittadin mill-benefiċċju fl-Istat Membru ospitanti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu u r-residenza ta’ persuni ( 14 ).

    36.

    L-ewwel żewġ ulied tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, peress li jgħixu fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak tan-nazzjonalità tagħhom, għandhom konsegwentement id-dritt li jinvokaw l-Artikolu 21(1) TFUE.

    37.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 21(1) TFUE u d-Direttiva 2004/38 jagħtu, bħala prinċipju, dritt ta’ residenza fir-Renju Unit lill-ulied ta’ E. Bajratari.

    38.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor minbarra dak li għandhom in-nazzjonalità tiegħu huwa rrikonoxxut bla ħsara għal-limitazzjonijiet u kundizzjonijiet previsti mit-Trattat FUE kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati sabiex jiġi applikat ( 15 ).

    39.

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk l-ulied ta’ E. Bajratari, ċittadini tal-Unjoni, jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, f’liema każ hija għandha tingħata dritt ta’ residenza dderivat ta’ iktar minn tliet xhur.

    2. L-ulied ta’ E. Bajratari, ċittadini tal-Unjoni, jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38?

    40.

    Dritt ta’ residenza dderivat ta’ iktar minn tliet xhur ma jistax jingħata lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħlief jekk l-ewwel żewġ ulied minuri tagħha ċittadini tal-Unjoni, jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri, b’mod partikolari, jekk għandhom, għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom, “biżżejjed riżorsi […] biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva [f’dak l-Istat Membru]” ( 16 ).

    41.

    Fir-rigward tal-kundizzjoni relattiva għall-assigurazzjoni għall-mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, għandu jiġi nnotat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din ma kinitx ikkontestata mill-Ministeru tal-Intern.

    42.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kundizzjoni li tipprovdi li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jkollu riżorsi suffiċjenti, din l-awtorità qieset li din ma kinitx issodisfatta ( 17 ).

    43.

    F’dan ir-rigward, l-analiżi fid-deċiżjoni tar-rinviju tirriżulta mill-fatt li l-qorti tar-rinviju għandha konoxxenza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38. Madankollu, għandha dubji dwar jekk din il-ġurisprudenza tapplikax f’dan il-każ.

    44.

    Għalhekk ser nibda billi nfakkar din il-ġurisprudenza.

    a) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjoni li tipprovdi li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jkollu riżorsi suffiċjenti għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti

    45.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi dwar il-kundizzjoni relattiva għan-natura suffiċjenti tar-riżorsi fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 fil-kuntest ta’ kawżi simili għall-kawża prinċipali.

    46.

    Fis-sentenza Zhu u Chen ( 18 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’seduta plenarja, fir-rigward tal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni li ppreċedew id-Direttiva 2004/38, li “huwa biżżejjed li ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ‘jkollhom’ ir-riżorsi meħtieġa mingħajr ma din id-dispożizzjoni tinkludi l-iċken rekwiżit fir-rigward ta’ l-oriġini ta’ dawn ir-riżorsi”, b’dawn tal-aħħar jistgħu jkunu pprovduti, b’mod partikolari, minn ċittadin ta’ Stat terz, ġenitur taċ-ċittadini minuri kkonċernati ( 19 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, minn naħa, li “[d]in l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-fatt li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu prinċipju fundamentali bħal dak tal-moviment liberu tal-persuni għandhom jingħataw interpretazzjoni wiesgħa”, u, min-naħa l-oħra, li interpretazzjoni kuntrarja “iżżid ma’ din il-kundizzjoni, kif inhi fformulata f’din id-direttiva, rekwiżit dwar l-oriġini tar-riżorsi li jammonta għal interferenza sproporzjonata fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għal moviment liberu u għal residenza ggarantit mill-[Artikolu 21 TFUE], fis-sens li dan ir-rekwiżit mhuwiex meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi ta’ l-Istati Membri” ( 20 ).

    47.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet din l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni relattiva għan-natura suffiċjenti tar-riżorsi, fis-sentenzi Alokpa u Moudoulou ( 21 ) kif ukoll Rendón Marín ( 22 ).

    48.

    Fis-sentenza Rendón Marín ( 23 ), mogħtija mill-Awla Manja, billi għamlet riferiment għall-punti 45 sa 47 tas-sentenza Zhu u Chen ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fl-ewwel lok, li r-rifjut li ġenitur, ċittadin ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz, li għandu effettivament il-kustodja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa minuri, li jitħalla jirrisjedi ma’ dan iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti jċaħħad minn kull effett utli d-dritt ta’ residenza tiegħu, peress li t-tgawdija tad-dritt ta’ residenza minn wild minuri timplika neċessarjament li dan il-wild ikollu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-persuna li tiżgura effettivament il-kustodja tiegħu u, għalhekk, li din il-persuna tkun fil-pożizzjoni li tirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti matul din ir-residenza ( 25 ). Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li għalkemm l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38 jagħtu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti liċ-ċittadin minuri ta’ Stat Membru ieħor li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, dawn l-istess dispożizzjonijiet jippermettu lill-ġenitur li għandu fil-fatt il-kustodja ta’ dan iċ-ċittadin, jirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti ( 26 ).

    49.

    Jekk wieħed japplika din il-ġurisprudenza għall-kawża prinċipali, dan ikun ifisser li, peress li l-ulied ta’ E. Bajratari jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni sabiex igawdu dritt ta’ residenza fir-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38, u peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha effettivament il-kustodja tal-ulied tagħha, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, hija tista’ għalhekk tinvoka dritt ta’ residenza dderivat fir-Renju Unit skont dawn l-istess dispożizzjonijiet.

    50.

    Għalkemm il-fatt li l-ulied ikkonċernati għandhom, permezz ta’ missierhom, ċittadin ta’ Stat terz, riżorsi suffiċjenti, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, ma jikkostitwixxix ostakolu sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni marbuta mar-riżorsi suffiċjenti stabbilita minn din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 46 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandha madankollu tiġi eżaminata l-kwistjoni li hija l-qofol ta’ din il-kawża u li għaliha ser niddedika l-bqija tal-analiżi tiegħi: id-dħul minn attività eżerċitata mingħajr permess ta’ xogħol u ta’ residenza jista’ jiġi kklassifikat bħala “riżorsi suffiċjenti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

    b) Id-dħul minn impjieg eżerċitat mingħajr permess ta’ xogħol u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti jista’ jiġi kklassifikat bħala “riżorsi suffiċjenti” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttva 2004/38?

    51.

    Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, huwa neċessarju li jiġi eżaminat, qabelxejn, l-impjieg eżerċitat minn D. Bajratari qabel u wara l-iskadenza tal-karta ta’ residenza tiegħu, fit-12 ta’ Mejju 2014 ( 27 ).

    52.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirriżulta li matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 2009 u x-xahar ta’ Frar 2018, il-konjuġi ta’ E. Bajratari ħadem bħala kok f’ristorant f’Belfast (l-Irlanda ta’ Fuq). Barra minn hekk, E. Bajratari tippreċiża li minn dak iż-żmien il-konjuġi tagħha ħadem bħala impjegat f’impjant ta’ ħasil tal-karozzi.

    53.

    F’dan ir-rigward, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, ir-rappreżentant tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonferma li wara l-iskadenza tal-karta ta’ residenza tiegħu matul is-sena 2014, il-konjuġi ta’ E. Bajratari tilef il-permess ta’ xogħol u ta’ residenza tiegħu iżda madankollu baqa’ jaħdem fir-ristorant li kien ilu impjegat fih mis-sena 2009. Għalhekk huwa biss minħabba l-iskadenza tal-karta ta’ residenza tiegħu li l-impjieg tal-konjuġi ta’ E. Bajratari sar illegali. Minkejja l-iskadenza ta’ din il-karta, huwa baqa’ persuna responsabbli għall-ħlas ta’ taxxa u kontribuzzjonijiet lis-sistema ta’ sigurtà soċjali, u kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, kienu jinżammu, perjodikament, ammonti mill-paga tiegħu mill-persuna li timpjegah ( 28 ).

    54.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor minbarra dak li għandhom in-nazzjonalità tiegħu huwa rrikonoxxut bla ħsara għal-limitazzjonijiet u kundizzjonijiet previsti mit-Trattat FUE kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati sabiex jagħtuh effett ( 29 ), u li l-applikazzjoni ta’ dawn il-limitazzjonijiet u kundizzjonijiet għandha ssir b’osservanza tal-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni u skont il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 30 ).

    55.

    Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rifjut tad-dritt ta’ residenza possibbli ta’ E. Bajratari, ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni li d-dħul tal-konjuġi tagħha mingħajr permess ta’ xogħol u ta’ residenza ma jikkostitwixxix riżorsi suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, huwiex miżura konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    56.

    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-eżami tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li għandu jiġi ddeterminat jekk il-miżuri nazzjonali meħuda sabiex jissuġġettaw id-dritt ta’ residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-ulied tagħha għall-interessi leġittimi tar-Renju Unit humiex xierqa u neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

    57.

    F’dan ir-rigward, infakkar li kif jirriżulta mill-premessi 1 sa 4 tagħha, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2004/38 huwa li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ ċaqliq u residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE u li din id-direttiva għandha b’mod partikolari l-għan li ssaħħaħ dan id-dritt ( 31 ). Fil-kuntest ta’ dan l-għan prinċipali, il-kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, kif jirriżulta mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva, għandha l-għan speċifiku li “dawn il-persuni ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti” ( 32 ).

    58.

    Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li huwa suffiċjenti li ċ-ċittadini tal-Istati Membri “jkollhom” ir-riżorsi neċessarji, mingħajr ma l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 jinkludi “l-iċken rekwiżit fir-rigward ta’ l-oriġini ta’ dawn ir-riżorsi” ( 33 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni kuntrarja żżid ma’ din il-kundizzjoni, kif ifformulata f’din id-direttiva, rekwiżit dwar l-oriġini tar-riżorsi li jammonta għal interferenza sproporzjonata fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għal moviment liberu u għal residenza ggarantit mill-Artikolu 21 TFUE, fis-sens li dan ma huwiex meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri ( 34 ).

    59.

    Għalhekk, huwa evidenti li l-fatt li missier l-ulied ta’ E. Bajratari, ċittadini tal-Unjoni minuri, beda jaħdem fl-2009, waqt li l-karta ta’ residenza tiegħu kienet valida, u kompla jeżerċita l-istess impjieg fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti wara d-data tal-iskadenza ta’ din il-karta ta’ residenza, mingħajr permess ta’ xogħol u ta’ residenza, ma huwiex raġuni li tippermetti li mal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 jiżdied rekwiżit dwar l-oriġini tar-“riżorsi suffiċjenti” li ma huwiex previst f’din id-dispożizzjoni.

    60.

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-2 ta’ Lulju 2009 dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38 ( 35 ), jirriżulta li sabiex jitqiesu “suffiċjenti”, ir-riżorsi ma għandhomx neċessarjament ikunu regolari u jistgħu jieħdu l-forma ta’ kapital akkumulat ( 36 ). Fil-fatt, huwa biss id-dħul ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali li jista’ jitqies rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata hijiex ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ( 37 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “s-sempliċi fatt li ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika minn benefiċċju ta’ għajnuna soċjali ma huwiex biżżejjed sabiex juri li dan iċ-ċittadin jirrappreżenta piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti” ( 38 ).

    61.

    Għaldaqstant, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li “[m]iżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun konsegwenza awtomatika meta ċittadin ta’ l-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti”. Barra minn hekk, mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ miżuri ta’ tkeċċija sakemm ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti ( 39 ).

    62.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li mill-premessa 16 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li, sabiex jiddetermina jekk il-benefiċjarju ta’ benefiċċju ta’ għajnuna soċjali jikkostitwixxix piż irraġonevoli fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti, dan tal-aħħar, qabel ma jadotta miżura ta’ tkeċċija, għandu jeżamina jekk il-persuna kkonċernata hijiex qiegħda taffaċċja diffikultajiet ta’ natura temporanja kif ukoll għandu jieħu inkunsiderazzjoni kemm it-tul tar-residenza u s-sitwazzjoni personali tiegħu kif ukoll l-ammont ta’ għajnuna li ngħatatlu ( 40 ).

    63.

    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dawn it-tliet kriterji elenkati fil-premessa 16 tad-Direttiva 2004/38, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jevalwaw, b’mod partikolari, iż-żmien tal-għoti tal-benefiċċju, il-grad ta’ integrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, kunsiderazzjonijiet partikolari bħall-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika, u jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni (jew il-membri tal-familja tiegħu) għadux jiddependi b’mod qawwi fuq l-għajnuna soċjali kif ukoll it-tul tal-kontribuzzjoni ta’ dan iċ-ċittadin (jew tal-membri tal-familja tiegħu) għall-finanzjament tal-għajnuna soċjali fl-Istat Membru ospitanti ( 41 ).

    64.

    F’dan il-każ, mhux biss xejn ma jindika li l-ulied ta’ E. Bajratari rrikorrew għall-għajnuna soċjali fl-Istat Membru ospitanti ( 42 ), iżda talli waqt is-seduta ġie kkonfermat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-konjuġi ta’ E. Bajratari, missier l-ulied tagħha, baqa’ jikkontribwixxi, wara l-iskadenza tal-karta ta’ residenza tiegħu, għall-finanzjament tal-għajnuna soċjali fl-Istat Membru ospitanti permezz ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet miżmuma perjodikament mill-paga tiegħu.

    65.

    F’dan il-kuntest, ninnota, qabelxejn, kif jirriżulta mill-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-allegata illegalità tal-impjieg tal-konjuġi ta’ E. Bajratari tirriżulta prinċipalment mis-sempliċi fatt li l-karta ta’ residenza tiegħu skadiet. Barra minn hekk, l-impjieg li huwa eżerċita qabel l-iskadenza tal-karta ta’ residenza tiegħu u li baqa’ jeżerċita wara l-iskadenza tagħha, ma kienx, fih innifsu, illegali, u fil-fehma tiegħi, dan iktar u iktar peress li d-dħul magħmul minn dan l-impjieg kien suġġett għall-kontribuzzjonijiet fiskali u għas-sistema ta’ sigurtà soċjali imposti mid-dritt nazzjonali. Għalhekk, jiena tal-opinjoni li sitwazzjoni li fiha ħaddiem iħallas taxxi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ma tistax titqies li tmur kontra l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri.

    66.

    Barra minn hekk, il-fatt li riżorsi jkollhom natura suffiċjenti u l-fatt li riżorsi minn attività kriminali għandhom natura illegali, huma mingħajr dubju, żewġ affarijiet kompletament differenti. Għalhekk, l-effett ta’ din id-differenza għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 tista’ tkun biss indiretta: pereżempju, jekk ir-riżorsi li għandhom l-ulied il-minuri ċittadini tal-Unjoni, permezz tal-intervent ta’ ċittadin ieħor tal-Unjoni jew ta’ ċittadin ta’ Stat terz, jiġu minn attività kriminali, bħat-traffikar ta’ drogi, u jekk din il-persuna tiġi kkundannata għal piena ta’ priġunerija, allura dawn l-ulied, bħala prinċipju, ma jibqgħalhomx, fil-prattika, riżorsi sabiex jipprovdu għall-bżonnijiet tagħhom.

    67.

    Għandu jiġi osservat, sussegwentement li, minkejja t-telf tal-permess ta’ xogħol u ta’ residenza tiegħu wara l-iskadenza tal-karta ta’ residenza tiegħu fit-12 ta’ Mejju 2014, mhux biss il-preżenza tal-konjuġi ta’ E. Bajratari kienet ġiet ittollerata mill-Istat Membru ospitanti matul ħames snin, li nfakkar li matulhom huwa baqa’ jħallas il-kontribuzzjonijiet fiskali u soċjali, iżda, kif kien ikkonfermat ukoll waqt is-seduta, iż-żewġ ulied tiegħu nħarġilhom matul dan il-perijodu, fis-26 ta’ Lulju 2016, ċertifikat ta’ nazzjonalità Irlandiża.

    68.

    Barra minn hekk, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu, inkluż l-ulied ċittadini tal-Unjoni, li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor jiddgħajjef kunsiderevolment jekk dan id-dritt ikun jista’ jintemm f’kull mument abbażi ta’ reati, mhux stabbiliti b’mod ċar, imwettqa mill-persuni li għandhom il-kustodja tagħhom jew li huma responsabbli minnhom, kemm fl-Istat Membru ospitanti jew xi mkien ieħor. Fil-fatt, b’kunsiderazzjoni għall-firxa wiesgħa ta’ atti li jistgħu jiġi kklassifikati bħala illegali, mhux biss fi Stat Membru wieħed iżda wkoll minn Stat Membru għall-ieħor, tali approċċ iwassal għal riskju reali ta’ inċertezza legali u multiplikazzjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jiġi kkontestat minħabba l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom inkisbu r-riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu ( 43 ).

    69.

    Finalment, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li r-rifjut tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jirrikonoxxu d-dħul minn impjieg eżerċitat fl-Istat Membru ospitanti mingħajr permess ta’ xogħol u ta’ residenza minħabba l-iskadenza tal-karta ta’ residenza għandu jitqies bħala miżura sproporzjonata li tippreġudika b’mod inġustifikat il-moviment liberu u r-residenza libera tal-ulied minuri ċittadini tal-Unjoni, peress li ma huwiex neċessarju għat-twettiq tal-għan imfittex, jiġifieri l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri.

    70.

    Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, huwa suffiċjenti li d-dħul joriġina minn impjieg eżerċitat mingħajr permess ta’ xogħol u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti sabiex jitqies li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu “riżorsi suffiċjenti” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.

    71.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-ulied ta’ E. Bajratari mhux biss jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38 iżda wkoll jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38. Għalhekk, E. Bajratari tista’ tibbenefika mid-dritt ta’ residenza dderivat minn dak tal-ulied tagħha.

    3. Analiżi tal-argument dwar l-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku mressaq mir-Renju Unit

    72.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li peress li l-konjuġi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari fit-territorju, ix-xogħol tiegħu huwa illegali fih innifsu. F’dan ir-rigward, dan il-Gvern jippreċiża li, fl-ordinament legali intern tiegħu, ħaddiem mingħajr awtorizzazzjoni jitqies li jmur kontra l-ordni pubbliku u jwassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet ċivili u kriminali mhux biss għall-persuna li timpjega, iżda wkoll, wara t-12 ta’ Lulju 2016, għall-ħaddiem ( 44 ).

    73.

    Huwa minnu li, kif jargumentaw il-Gvern Daniż, Olandiż u Awstrijak, mil-Linji Gwida tal-Kummissjoni jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jivverifikaw l-eżistenza, il-legalità, l-ammont u d-disponibbiltà tar-riżorsi. Madankollu, il-Kummissjoni indikat, fi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, li l-istħarriġ tal-eżistenza ta’ riżorsi suffiċjenti jew tal-legalità tagħhom mill-Istati Membri jirrigwarda biss il-punt dwar jekk tinvolvix kriminalità jew abbuż ta’ dritt ( 45 ), u għalhekk jekk il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 japplikax għas-sitwazzjoni partikolari ta’ ċittadin tal-Unjoni jew tal-membri tal-familja tiegħu. Għalhekk, Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri kollha neċessarji, skont id-dritt kriminali tiegħu, sabiex jipproċessa reati mwettqa meta n-natura illegali tad-dħul tirriżulta mill-eżerċizzju ta’ attività kriminali bħal pereżempju, it-traffikar ta’ drogi. F’dan il-każ, mill-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jinvokaw eċċezzjoni marbuta, b’mod partikolari, maż-żamma tal-ordni pubbliku u mal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika.

    74.

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, bħala ġustifikazzjoni ta’ deroga għad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familja tagħhom, il-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “sigurtà pubblika” għandhom jinftiehmu b’mod restrittiv u li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri mingħajr ma tkun suġġetta għal kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 46 ).

    75.

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fi kwalunkwe każ, dan jippreżupponi l-eżistenza, minbarra tat-tifxkil ta’ ordni pubbliku li jinvolvi kull ksur tal-liġi, ta’ theddida ġenwina, attwali u serja, li għandha impatt fuq interess fundamentali tas-soċjetà ( 47 ).

    76.

    Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dan il-kunċett ikopri s-sigurtà interna ta’ Stat Membru u s-sigurtà esterna tiegħu u li, għalhekk, il-preġudizzju għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravvivenza tal-popolazzjoni, bl-istess mod bħar-riskju ta’ disturb serju tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew inkella l-preġudizzju għall-interessi militari, jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mat-traffikar ta’ drogi fi grupp organizzat jew kontra t-terroriżmu hija kompriża fil-kunċett ta’ “sigurtà pubblika” ( 48 ).

    77.

    Infakkar li mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li, sabiex ikunu ġġustifikati, il-miżuri ta’ restrizzjoni tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu, speċjalment dawk ta’ ordni pubbliku, għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u jkunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat ( 49 ).

    78.

    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 64 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa evidenti li r-rifjut ta’ dritt ta’ residenza lil E. Bajratari bbażat fuq l-argument dwar l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku mressaq mir-Renju Unit ma jissodisfa ebda waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

    79.

    Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li argumenti oħra, li ser nesponi fil-qosor iktar ’il quddiem, jistgħu jsostnu l-konklużjoni tiegħi li l-ulied ta’ E. Bajratari mhux biss jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38 iżda wkoll jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 u li, għalhekk, E. Bajratari tista’ tibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat minn dak tal-ulied tagħha.

    4. Fuq l-effett utli tad-Direttiva 2004/38 u tad-Direttiva 21 TFUE

    80.

    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li risposta kuntrarja għal dik li ser nipproponi ċċaħħad minn kull effett utli d-dritt ta’ residenza mogħti mid-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 21 TFUE. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-kuntest tad-Direttiva 2004/38 u tal-għanijiet imfittxijin minnha, id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv, u ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, jiġu mċaħħda mill-effett utli tagħhom ( 50 ).

    81.

    Huwa għal din ir-raġuni li fis-sentenza Zhu u Chen ( 51 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li ma huwiex possibbli li l-ulied minuri ċittadini tal-Unjoni jipprovdu huma stess għall-bżonnijiet tagħhom, billi ddeċidiet li r-rifjut li ġenitur, ċittadin ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz, li għandu effettivament il-kustodja ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri, jiġi mċaħħad milli jgħix ma’ dan iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti, iċaħħad id-dritt ta’ residenza minn kull effett utli, peress li t-tgawdija tad-dritt ta’ residenza minn wild minuri timplika neċessarjament li dan il-wild għandu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-persuna li tiżgura effettivament il-kustodja tiegħu, u għalhekk, li din il-persuna tkun fil-pożizzjoni li tirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti matul din ir-residenza ( 52 ).

    82.

    Għandu jiġi rrilevat li dan il-prinċipju, stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel darba fis-sentenza Zhu u Chen ( 53 ) fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u tal-Artikolu 21 TFUE, kien imbagħad ikkonfermat fis-sentenza Ruiz Zambrano ( 54 ) fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE. Għalhekk, fil-punt 44 ta’ din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[f]il-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li tali rifjut ta’ residenza jkollu l-konswegwenza li l-imsemmija wlied, li huma ċittadini tal-Unjoni, jiġu obbligati li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni sabiex jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom. Bl-istess mod, jekk permess ta’ xogħol ma jingħatax lil tali persuna, din tirriskja li ma jkollhiex riżorsi neċessarji sabiex tlaħħaq mal-ħtiġijiet tagħha u dawk tal-familja tagħha, li jkollu wkoll il-konsegwenza li wliedha, li huma ċittadini tal-Unjoni, jiġu obbligati li jitliqu mit-territorju tagħha. F’tali ċirkustanzi, l-imsemmija ċittadini tal-Unjoni huma, fil-fatt, f’pożizzjoni li jkun impossibli għalihom li jeżerċitaw l-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni” ( 55 ).

    83.

    Mill-qari tagħhom, jirriżulta b’mod ċar, li f’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-raġunament tagħha fuq l-istess prinċipju: wild ma jistax juri li għandu riżorsi, u għalhekk, dawn ir-riżorsi għandhom joriġinaw mill-persuna li għandha l-kustodja effettiva tiegħu. Jekk jiġi aċċettat li wild jista’ juri li għandu riżorsi suffiċjenti li joriġinaw mill-persuna li effettivament għandha l-kustodja tiegħu, ikun assurd li din il-persuna tiġi rrifjutata d-dritt ta’ residenza, u għalhekk, il-possibbiltà li taħdem. F’każ ta’ tali rifjut, inkunu fis-sitwazzjoni ta’ serp li jigdem denbu, jiġifieri fil-preżenza ta’ argument ċirkulari li jneħħi essenzjalment l-effett utli tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38. Tali rifjut ikollu l-konsegwenza li ebda wild minuri ċittadin tal-Unjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva. Għandu jiġi nnotat li dawn l-ulied, li kieku kienu adulti, kien mhux biss ikollhom l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri ( 56 ), iżda wkoll dak ta’ ħaddiema.

    84.

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li d-dritt għal moviment liberu huwa, inkwantu prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, ir-regola ġenerali, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati b’mod strett, kif ukoll b’osservanza tal-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni u mill-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 57 ).

    85.

    F’dan il-każ, l-ulied ta’ E. Bajratari għandhom nazzjonalità Irlandiża, minkejja li dejjem għexu fir-Renju Unit, filwaqt li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ruiz Zambrano ( 58 ), l-ulied kellhom in-nazzjonalità tal-Istat Membru fejn dejjem għexu. Li kieku l-ulied ta’ E. Bajratari kellhom in-nazzjonalità Brittanika, ma kien ikun hemm l-ebda dubju li l-ġurisprudenza tas-sentenza Ruiz Zambrano tapplika fil-każ tagħhom.

    86.

    Għalhekk tqum il-kwistjoni segwenti: ma jkunx kompletament illoġiku li wild ċittadin tal-Unjoni jista’ jkollu iktar drittijiet abbażi tal-Artikolu 20 TFUE milli, bħal fil-każ ta’ din il-kawża, meta japplikaw l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38 fir-rigward tiegħu?

    87.

    Fil-fehma tiegħi, iva.

    88.

    Konsegwentement, minkejja li l-ulied ta’ E. Bajratari għandhom nazzjonalità li ma hijiex tal-Istat Membru tar-residenza tagħhom, li fih madankollu twieldu u għexu sa minn dejjem, inqis li l-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Zhu u Chen ( 59 ) u Ruiz Zambrano ( 60 ) għandu japplika f’dan il-każ.

    89.

    F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa rilevanti, minn naħa, li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) ta’ din l-istess karta.

    V. Konklużjoni

    90.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit):

    L-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li wild minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni għandu riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul ir-residenza tiegħu meta, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, dawn ir-riżorsi jiġu pprovduti minn dħul li joriġina minn attività eżerċitata b’mod illegali f’dak l-Istat Membru, mingħajr permess ta’ residenza jew ta’ xogħol, mill-missier, ċittadin ta’ Stat terz.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), kif emendata mir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 (ĠU 2011, L 141, p. 1).

    ( 3 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004 (C‑200/02, EU:C:2004:639).

    ( 4 ) Mill-osservazzjonijiet tar-Renju Unit jirriżulta li, fiż-żmien rilevanti għal din il-kawża, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 kien ġie traspost fid-dritt nazzjonali permezz tal-Artikolu 4 tal-Immigration (European Economic Area) Regulations 2006 (ir-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni tal-2006 (Żona Ekonomika Ewropea)). Dan l-Istat Membru jippreċiża li fl-1 ta’ Frar 2017, dan ir-regolament ġie ssostitwit bl-Immigration (European Economic Area) Regulations 2016 (ir-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni tal-2016 (Żona Ekonomika Ewropea)) iżda ebda emenda magħmula minn dan tal-aħħar ma hija rilevanti għal din il-kawża.

    ( 5 ) Mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tar-Renju Unit jirriżulta li s-Sinjura Toal hija ċittadina Irlandiża. Peress li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għan-nazzjonalità Brittanika tas-Sinjura Toal, hemm probabbiltà kbira li din għandha nazzjonalità doppja Brittanika u Irlandiża.

    ( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punti 2830), kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 27).

    ( 7 ) Nerġa’ nindirizza dan l-aspett iktar ’il quddiem, fil-punti 28 sa 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 8 ) L-intervenjenti fil-kawża prinċipali, AIRE Centre (Advice on Individual Rights in Europe), huwa organu ta’ benefiċenza li jipprovdi informazzjoni u pariri dwar id-dritt tal-Unjoni u dwar id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dwar il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u li l-qorti tar-rinviju aċċettat l-intervent tiegħu f’din il-kawża fit-22 ta’ Settembru 2017.

    ( 9 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, UGT-Rioja et (C‑428/06 sa C‑434/06, EU:C:2008:488, punt 39), kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 24).

    ( 10 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 24).

    ( 11 ) Fid-dawl tat-tweġiba tal-qorti tar-rinviju f’dan id-digriet, u għall-kuntrarju ta’ dak issuġġerit mill-Gvern tar-Renju Unit, hemm lok li jitqies, fil-kuntest tal-analiżi tiegħi, li l-ewwel żewġ ulied ta’ E. Bajratari, sal-lum, huma ċittadini tal-Unjoni.

    ( 12 ) Għandu jitfakkar, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li t-talba għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza ppreżentata minn E. Bajratari hija bbażata biss fuq l-istatus tagħha ta’ persuna li għandha effettivament il-kustodja taż-żewġ ulied tagħha, ta’ nazzjonalità Irlandiża.

    ( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 57); tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 42), kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 40).

    ( 14 ) Sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punti 1327); tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 19); kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 42). Fil-kuntest tal-Artikolu 20 TFUE, ara s-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124, punti 4344), u tat-13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 29).

    ( 15 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 26), kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 45).

    ( 16 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ewwel wild twieled fl-Irlanda ta’ Fuq fl-1 ta’ Mejju 2013 u nħariġlu ċertifikat ta’ nazzjonalità Irlandiża fil-15 ta’ Lulju 2013. Il-qorti tar-rinviju tindika biss li wieħed miż-żewġ ulied l-oħra nħariġlu ċertifikat ta’ nazzjonalità Irlandiża. F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet ta’ E. Bajratari jirriżulta li dan it-tieni wild twieled fl-Irlanda ta’ Fuq fix-xahar ta’ Novembru 2014. Fid-dawl tad-dati tat-twelid ta’ dawn l-ulied, bħala prinċipju, jiena ma nistax neskludi li huma kisbu dritt ta’ residenza permanenti f’dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38. F’dan il-każ, id-dritt ta’ residenza tagħhom ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/38, u b’mod partikolari, dawk stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tagħha, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    ( 17 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 18 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004 (C‑200/02, EU:C:2004:639).

    ( 19 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punti 2830). Iktar reċentement, fir-rigward ta’ riżorsi pprovduti miċ-ċittadin ta’ Stat terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punti 7477). Għal dak li jirrigwarda r-riżorsi pprovduti miċ-ċittadin ta’ Stat terz, sieħeb residenti fl-Istat Membru ospitanti, ara s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑408/03, EU:C:2006:192, punti 40, 4651).

    ( 20 ) Sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punti 3133); tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑408/03, EU:C:2006:192, punti 4041); kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 75).

    ( 21 ) Sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013 (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 27).

    ( 22 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016 (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 48).

    ( 23 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016 (C‑165/14, EU:C:2016:675).

    ( 24 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004 (C‑200/02, EU:C:2004:639).

    ( 25 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 5152). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 28).

    ( 26 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 52). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 29).

    ( 27 ) Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tar-Renju Unit jirriżulta li l-konjuġi ta’ E. Bajratari daħal fl-Irlanda ta’ Fuq fix-xahar ta’ Settembru 2002 u li sa mis-sena 2005 huwa kellu relazzjoni stabbli ma’ ċittadina Irlandiża, li spiċċat fis-sena 2011. Fid-dawl tal-fatt li huwa għex fl-Irlanda ta’ Fuq ma’ ċittadina tal-Unjoni bejn l-2005 u l-2011, il-Kummissjoni osservat waqt is-seduta, li fl-2011 huwa seta’ jitlob ir-residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38. Il-fatt li huwa kien akkwista l-karta ta’ residenza tiegħu fl-2008 ma għandu l-ebda effett peress li l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat Membru ma għandux jitqies bħala att li jikkostitwixxi drittijiet, iżda bħala att maħsub sabiex jikkonstata, min-naħa ta’ Stat Membru, is-sitwazzjoni individwali ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor (jew tal-membri tal-familja tiegħu) fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 48), u tal-14 ta’ Settembru 2017, Petrea (C‑184/16, EU:C:2017:684, punt 32).

    ( 28 ) Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, ir-rappreżentant tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjara li s-salarju annwali tal-konjuġi ta’ E. Bajratari kien ta’ 17000 lira sterlina (GBP) (EUR 19315) fl-2014 u ta’ GBP 20000 (EUR 22718) fis-snin preċedenti.

    ( 29 ) Sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 26), u tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 45).

    ( 30 ) Sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 91); tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 32); kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 45).

    ( 31 ) Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 82); tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 18); kif ukoll tal-11 ta’ April 2019, Tarola (C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 23).

    ( 32 ) Sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 40); tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 60); kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 54).

    ( 33 ) Sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punti 2830); tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Bejġju (C‑408/03, EU:C:2006:192, punti 40, 4651); kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punti 7477).

    ( 34 ) Sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punti 3133); tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑408/03, EU:C:2006:192, punti 4041); kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2015, Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 75).

    ( 35 ) KUMM (2009) 313 finali (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-Kummissjoni”).

    ( 36 ) Linji Gwida tal-Kummissjoni, p. 8.

    ( 37 ) Linji Gwida tal-Kummissjoni, p. 9.

    ( 38 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 75).

    ( 39 ) Ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni, p. 9.

    ( 40 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 69).

    ( 41 ) Ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni, pp. 8 u 9. Barra minn hekk, infakkar li mill-premessa 16 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li “[f]l-ebda każ m’għandha tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol kif imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika u ta’ sigurtà pubblika”.

    ( 42 ) Barra minn hekk, infakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kundizzjoni relattiva għall-assigurazzjoni għall-mard tal-ulied stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 ma kinitx ikkontestata mill-Ministeru tal-Intern. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 43 ) Pereżempju, is-sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata setgħet naqset milli tosserva t-terminu għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul tagħha jew sempliċement injorat il-ħlas tal-aħħar kont tad-dawl tagħha.

    ( 44 ) Il-Gvern Awstrijak jirreferi wkoll għas-sigurtà pubblika.

    ( 45 ) Il-Gvern tar-Renju Unit u dak Ċek jikklassifikaw bħala abbużiva s-sitwazzjoni li fiha ġenitur jikseb, permezz tal-impjieg illegali tiegħu, dritt ta’ xogħol minħabba l-istabbiliment ta’ dritt ta’ residenza. Skont dawn il-Gvernijiet, dan iwassal sabiex jiġi kkonstatat aġir illegali għall-istabbiliment ta’ dritt, li huwa ekwivalenti għal abbuż ta’ dritt ipprojbit mill-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li fid-deċiżjoni tar-rinviju xejn ma jindika li jeżisti abbuż ta’ dritt. Fi kwalunkwe każ, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “l-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, grupp ta’ ċirkustanzi oġġettivi minn fejn jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan intiż minn din il-leġiżlazzjoni ma huwiex milħuq u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fil-volontà li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jintlaħaq”: sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2012, L-Ungerija vs Is-Slovakkja (C‑364/10, EU:C:2012:630, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 58); kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 54).

    ( 46 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punt 18); tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punti 6465); tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑50/06, EU:C:2007:325, punt 42); kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 37). Billi kkwota parzjalment il-punt 23 tas-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, I (C‑348/09, EU:C:2012:300), ir-Renju Unit argumenta li l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu, b’konformità mal-bżonnijiet nazzjonali tagħhom li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika. Madankollu, il-punt 23 ta’ din is-sentenza jaqra kif ġej: “Jekk, essenzjalment, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jistabbilixxu, b’mod konformi mal-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn żmien għal ieħor, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, b’mod partikolari, bħala ġustifikazzjoni għal deroga għall-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-persuni, dawn ir-rekwiżiti għandhom jinftiehmu b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni”. Infakkar li din is-sentenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” li jinsab fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 fil-kuntest tal-kundanna kriminali ta’ ċittadin tal-Unjoni għal piena ta’ priġunerija ta’ seba’ snin u sitt xhur għal abbuż sesswali, aggressjoni sesswali u stupru fuq minuri. Enfasi miżjuda minni. Ara, reċentement, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 47 ) Sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (36/75, EU:C:1975:137, punt 28); tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa (C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 23); kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 38).

    ( 48 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 49 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 59).

    ( 50 ) Sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C‑291/05, EU:C:2007:771, punt 43); tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 84); tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 39); kif ukoll tal-11 ta’ April 2019, Tarola (C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 38).

    ( 51 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004 (C‑200/02, EU:C:2004:639).

    ( 52 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 5152). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 28).

    ( 53 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004 (C‑200/02, EU:C:2004:639).

    ( 54 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, EU:C:2011:124, punti 4344).

    ( 55 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 44). Korsiv miżjud minni.

    ( 56 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31). Ara, reċentement, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 31).

    ( 57 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 70).

    ( 58 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, EU:C:2011:124).

    ( 59 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004 (C‑200/02, EU:C:2004:639).

    ( 60 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, EU:C:2011:124).

    Top