This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CC0043
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 24 January 2019.#Compagnie d'entreprises CFE SA v Région de Bruxelles-Capitale.#Request for a preliminary ruling from the Conseil d'État (Belgium).#Reference for a preliminary ruling — Environment — Directive 2001/42/EC — Assessment of the effects of certain plans and programmes on the environment — Decree — Designation of a special area of conservation pursuant to Directive 92/43/EEC — Setting of conservation objectives and provision of certain preventive measures — Concept of ‘plans and programmes’ — Obligation to carry out an environmental assessment.#Case C-43/18.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2019.
Compagnie d'entreprises CFE SA vs Région de Bruxelles-Capitale.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Digriet – Għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva 92/43/KEE – Stabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ ċerti miżuri ta’ prevenzjoni – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Obbligu ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali.
Kawża C-43/18.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2019.
Compagnie d'entreprises CFE SA vs Région de Bruxelles-Capitale.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Digriet – Għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva 92/43/KEE – Stabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ ċerti miżuri ta’ prevenzjoni – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Obbligu ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali.
Kawża C-43/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:56
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2019 ( 1 )
Kawża C‑43/18
Compagnie d’entreprises CFE SA
vs
Région de Bruxelles-Capitale
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))
Kawża C‑321/18
Terre wallonne ASBL
vs
Région wallonne
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Miżuri ta’ ġestjoni tas-siti protetti – Għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Obbligu ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali – Stabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni għar-Reġjun ta’ Wallonie”
I. Introduzzjoni
1. |
X’inhija r-relazzjoni bejn id-Direttiva EAS (li tfisser Evalwazzjoni Ambjentali Strateġika) ( 2 ) u d-Direttiva “habitat” ( 3 )? Din hija l-mistoqsija mqajma miż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), li ser neżamina flimkien. |
2. |
Din il-mistoqsija tqum fl-isfond tad-diversi evalwazzjonijiet u stimi tal-effetti fuq l-ambjent previsti mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-effetti tal-pjanijiet u l-proġetti li jistgħu jaffettwaw lis-siti Natura 2000, irregolata mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”, kif ukoll l-evalwazzjoni ambjentali tal-pjanijiet u tal-programmi magħmula skont id-Direttiva EAS. Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni l-iktar magħrufa, jiġifieri dik tal-effetti ta’ ċerti proġetti magħmula skont id-Direttiva EEA ( 4 ), ma għandha l-ebda rwol partikolari fil-kawżi li qegħdin nittrattaw. |
3. |
Il-Kawża CFE tirrigwarda l-applikazzjoni tad-Direttiva “habitat” permezz tal-għażla fid-dritt intern ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni li tinvolvi l-adozzjoni ta’ diversi regoli ta’ protezzjoni, filwaqt li l-kawża Terre wallonne tirrigwarda l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti kollha Natura 2000 tar-Reġjun ta’ Wallonie, fejn għal darba oħra għandha tiġi implimentata d-Direttiva “habitat”. Fir-rigward taż-żewġ atti legali, qiegħed jiġi invokat li l-adozzjoni tagħhom kellha tkun ippreċeduta minn evalwazzjoni ambjentali magħmula skont id-Direttiva EAS. |
4. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ċċarat b’mod partikolari jekk miżuri li huma direttament marbuta jew neċessarji għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000, f’dan il-każ l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni u l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, humiex fil-prinċipju esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni ambjentali magħmula skont id-Direttiva EAS. Insostenn ta’ din il-konklużjoni, l-ewwel nett qiegħed jiġi invokat li tali miżuri huma espressament eżentati mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”. Iżda xi ngħidu għall-evalwazzjoni ambjentali magħmula skont id-Direttiva EAS? |
5. |
Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-miżuri li semmejt effettivament jissodisfawx il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta evalwazzjoni ambjentali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ċċarat l-ewwel nett jekk dawn jiddefinixxux il-qafas li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti tista’ tkun sussegwentement awtorizzata. |
6. |
L-importanza prattika tal-proċeduri li għandi quddiemi għandha tiġi enfasizzata. In-netwerk Natura 2000 jinkludi madwar 18 % tal-wiċċ tal-art u 6 % taż-żoni marittimi tal-Unjoni f’diversi eluf ta’ siti. Billi, sal-lum, il-miżuri ta’ ġestjoni jidher li ħafna drabi jittieħdu mingħajr ma ssir evalwazzjoni ambjentali, l-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali tal-miżuri meħuda għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000 tista’ tixħet dubji fuq dan in-netwerk. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva EAS
7. |
L-għanijiet tad-Direttiva EAS jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 1 tagħha: “L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent”. |
8. |
Il-pjanijiet u l-programmi huma ddefiniti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
|
9. |
L-obbligu li titwettaq evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent, prevista fl-Artikolu 3(1) sa (5) tad-Direttiva EAS, huwa b’mod partikolari ta’ interess għall-kawżi prinċipali: “1. L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. 2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,
3. Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. 4. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. 5. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva”. |
2. Id-Direttiva “habitat”
10. |
In-netwerk Ewropew taż-żoni ta’ konservazzjoni, Natura 2000, huwa ddefinit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva “habitat”: “Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom. […]” |
11. |
Ir-regoli konkreti dwar l-għażla tas-siti huma previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva “habitat”: “1. Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. […] […] 2. Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mill-ħames reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ) (iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri […] […] Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21. 3. […] 4. Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti. 5. Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4)”. |
12. |
Il-protezzjoni tas-siti hija rregolata kif ġej fl-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva “habitat”: “1. Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva. 3. Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali”. |
B. Id-dritt Belġjan
1. Id-deċiżjoni dwar l-għażla tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale għas-sit ta’ Forêt de Soignes
13. |
Is-suġġett tal-proċedura li wasslet għall-kawża CFE huwa l-Arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale portant désignation du site Natura 2000 – BE1000001: “La Forêt de Soignes avec lisières et domaines boisés avoisinants et la Vallée de la Woluwe – complexe Forêt de Soignes – Vallée de la Woluwe” du 14 avril 2016 (id-Digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale tal-14 ta’ April 2016 dwar l-għażla tas-sit Natura 2000 – BE1000001: “Il-Foresta Soignes b’limiti u żoni bis-siġar viċini u l-Wied tal-Woluwe – Kumpless tal-Foresta ta’ Soignes – Wied tal-Woluwe”). ( 5 ) |
14. |
Dan id-digriet jiddetermina essenzjalment liema żoni jifformaw parti miż-żona speċjali ta’ konservazzjoni, liema tipi ta’ habitats u liema speċijiet jinsabu fihom, f’liema stat ta’ konservazzjoni kienu meta ġie identifikat is-sit, liema stat ta’ konservazzjoni jrid jintlaħaq u għaliex is-sit huwa protett. |
15. |
L-Artikolu 15 tad-digriet jipprovdi ċerti projbizzjonijiet biex is-sit jiġi protett: “1. Skont l-Artikolu 47(2) tad-[Digriet tal-1 ta’ Marzu 2012 dwar il-konservazzjoni tan-natura], dan l-artikolu jistabbilixxi l-projbizzjonijiet ġenerali għas-sit Natura 2000 magħżul minn dan id-digriet. 2. Bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu eżenzjoni jew deroga, huwa pprojbit, għall-proġetti li ma humiex suġġetti għal permess jew kunsens skont l-Artikolu 47(2) tad-digriet:
2° […]” |
2. L-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni fir-Reġjun ta’ Wallonie
16. |
Il-proċedura fil-kawża prinċipali li wasslet għall-kawża Terre wallonne tirrigwarda d-Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie tal-1 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi l-għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000 ( 6 ). Dan id-digriet jistabbilixxi għanijiet kwantitattivi u kwalitattivi ta’ konservazzjoni għat-tipi ta’ habitat u għall-ispeċijiet fir-reġjun kollu. |
17. |
Id-digriet inkwistjoni huwa bbażat fuq l-Artikolu 25a tal-Liġi tat-12 ta’ Lulju 1973 dwar il-konservazzjoni tan-natura: “Artikolu 25a 1. Il-Gvern għandu jistabbilixxi, fil-livell tar-Reġjun ta’ Wallonie, għanijiet ta’ konservazzjoni għal kull tip ta’ habitat naturali u għal kull tip ta’ speċi li għalihom għandhom jintgħażlu siti. L-għanijiet ta’ konservazzjoni huma ddeterminati fuq il-bażi tal-istat ta’ konservazzjoni, fil-livell tar-Reġjun ta’ Wallonie, tat-tipi ta’ habitats naturali u tal-ispeċijiet li għalihom għandhom jintgħażlu siti u għandhom l-għan li jżommu jew, fejn xieraq, jirripristinaw it-tipi ta’ habitats naturali u l-ispeċijiet li għalihom għandhom jintgħażlu siti fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni. Dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu indikattivi. 2. Fuq il-bażi tal-għanijiet ta’ konservazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, il-Gvern għandu jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni applikabbli għas-siti ta’ Natura 2000. Dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu regolatorji. Għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-data msemmija fil-punti 2 u 3 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(1).” |
18. |
Il-premessi tad-digriet inkwistjoni jiddeskrivu l-għanijiet speċifikament kif ġej: “[…] Billi, skont l-Artikolu 1a, [l-Artikolu] 21a u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25a(1) tal-Liġi, għandhom jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni fil-livell tat-territorju kollu ta’ Wallonie (u mhux biss għan-netwerk Natura 2000), b’mod li jkun hemm ħarsa ġenerali ta’ dak li għandu jiġi ppreżervat jew, fejn jeħtieġ, ta’ dak li għandu jiġi ripristinat fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni tal-habitats u l-ispeċijiet li għalihom ġie stabbilit in-netwerk Natura 2000; dawn l-għanijiet huma indikattivi; Billi l-għanijiet ta’ konservazzjoni fil-livell tas-siti għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti fil-livell tat-territorju ta’ Wallonie; dawn l-għanijiet huma regolatorji; […] […] Billi dawn l-għanijiet japplikaw biss f’sit speċifiku ta’ Natura 2000 meta s-sit ikun magħżul għal dik l-ispeċi jew dak il-habitat.” |
III. Il-fatti u t-talbiet għal deċiżjoni preliminari
A. Il-Kawża C‑43/18, CFE
19. |
Sa mill-1983, il-kumpannija b’responsabbiltà limitata CFE (iktar ’il quddiem “CFE”) hija proprjetarja ta’ art li tkopri l-biċċa l-kbira tal-art watja tal-Foresterie f’Watermael-Boitsfort, komun li jinsab fin-Nofsinhar tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale (il-Belġju). |
20. |
Fis-7 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni Ewropea adottat, skont id-Direttiva “habitat”, l-ewwel lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku, li kienet tinkludi s-sit Natura 2000 BE1000001 “La Forêt de Soignes avec lisières et domaines boisés avoisinants et la Vallée de la Woluwe. Complexe Forêt de Soignes – Vallée de la Woluwe” (Il-Foresta Soignes b’limiti u żoni bis-siġar viċini u l-Wied tal-Woluwe – Kumpless tal-Foresta ta’ Soignes – Wied tal-Woluwe”). ( 7 ) Il-biċċa art proprjetà ta’ CFE tagħmel parti minn dan is-sit. |
21. |
CFE ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li ġie miċħud bħala inammissibbli permezz tad-Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Settembru 2006 ( 8 ). |
22. |
CFE tiddikjara li, bejn l-1937 u l-1987, parti sinjifikattiva mill-art tagħha ntużat bħala miżbla illegali mill-komun ta’ Watermael-Boitsfort, u li hija saret taf b’din iċ-ċirkustanza biss fid-9 ta’ Ottubru 2007. F’din id-data, fil-fatt, l-IBGE (l-Istitut ta’ Brussell għall-Immaniġġjar tal-Ambjent, il-Belġju) bagħtilha twissija fejn stidinha tippreżenta pjan ta’ tindif tas-sit. |
23. |
Fid-9 ta’ Lulju 2015, il-Gvern tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale approva fl-ewwel qari l-abbozz preliminari ta’ digriet dwar l-għażla tas-sit Natura 2000 hawn fuq imsemmi. Bejn l-24 ta’ Settembru u s-7 ta’ Novembru 2015 saret inkjesta pubblika dwar dan l-abbozz preliminari ta’ digriet. Din l-inkjesta qajmet 202 ilmenti, fosthom wieħed mingħand CFE. Madankollu, il-Gvern xorta waħda adotta d-digriet tal-għażla tas-sit Natura 2000 inkwistjoni fl-14 ta’ April 2016. |
24. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2016, CFE issa qiegħda titlob l-annullament tad-digriet tal-14 ta’ April 2016, fejn hija toġġezzjona b’mod partikolari għall-fatt li ma saret l-ebda evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva EAS. |
25. |
F’din il-kawża, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) adixxa għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja bid-domandi preliminari li ġejjin:
|
26. |
CFE, ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u dak tar-Repubblika tal-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
B. Il-Kawża C‑321/18, Terre wallonne
27. |
Fit-8 ta’ Novembru 2012, bdiet il-proċedura għall-adozzjoni ta’ digriet li jistabbilixxi l-għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000 għar-Reġjun ta’ Wallonie. Mill-10 ta’ Diċembru 2012 sat-8 ta’ Frar 2013, saret inkjesta pubblika fil-218-il komun ikkonċernati min-netwerk Natura 2000. Fl-1 ta’ Diċembru 2016, il-Gvern ta’ Wallonie adotta d-digriet inkwistjoni. |
28. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2017, l-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru Terre wallonne qiegħda titlob l-annullament tad-digriet tal-1 ta’ Diċembru 2016. |
29. |
F’din il-kawża, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) issa qiegħed jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:
|
30. |
Terre wallonne, il-Gvern tar-Renju tal-Belġju, dak tar-Repubblika Ċeka u dak tal-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
C. Is-seduta komuni għas-sottomissjonijiet orali
31. |
Fit-13 ta’ Diċembru 2018 il-Qorti tal-Ġustizzja żammet seduta komuni li fiha pparteċipaw CFE, ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni. |
IV. Analiżi ġuridika
32. |
Iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari jfittxu li jiċċaraw jekk miżuri li huma direttament relatati ma’ jew neċessarji għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000 fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” jirrikjedux, bħala pjanijiet jew programmi, evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva EAS. |
33. |
B’mod konkret, il-kawża CFE tikkonċerna att ġuridiku li jistabbilixxi status speċifiku ta’ protezzjoni tad-dritt intern għal sit diġà protett provviżorjament, u l-kawża Terre wallonne tirrigwarda miżura li tiġbor fil-qosor l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti Natura 2000 kollha fir-Reġjun ta’ Wallonie. |
34. |
Il-Conseil d’État ġustament jikkunsidra li dawn il-miżuri huma direttament marbuta mal-ġestjoni u neċessarji għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000. L-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni tistabbilixxi l-istatus ta’ protezzjoni fid-dritt intern tas-sit ikkonċernat u tiddefinixxi l-qafas għall-ġestjoni tiegħu. Is-sommarju tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti kollha Natura 2000 tar-Reġjun ta’ Wallonie jqiegħed lil kull qafas speċifiku għas-sit f’kuntest usa’. |
35. |
Ma hemmx dubju li dawn il-miżuri jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva EAS. Dawn ġew adottati minn awtoritajiet fil-livell reġjonali u huma meħtieġa minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi, jiġifieri mid-Direttiva “habitat” u mid-dispożizzjonijiet adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni tagħha. |
36. |
Id-domandi tal-Conseil d’État jirrigwardaw żewġ settijiet oħrajn ta’ kwistjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, jekk il-miżuri ta’ protezzjoni u ta’ ġestjoni tas-siti Natura 2000 humiex esklużi fi kwalunkwe każ mill-evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent prevista skont id-Direttiva EAS u, jekk dan ma huwiex il-każ, jekk dawn il-miżuri jissodisfawx il-kundizzjonijiet l-oħrajn għal tali evalwazzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari jekk jiddefinixxux il-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-implimentazzjoni tal-proġetti. |
A. L-evalwazzjoni strateġika tal-effetti tal-miżuri ta’ ġestjoni tas-siti Natura 2000 fuq l-ambjent
37. |
Ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, il-Gvern Belġjan u dak Irlandiż kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li, minħabba l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EAS u l-eċċezzjoni li tapplika għall-miżuri ta’ ġestjoni prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”, l-evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent meħtieġa għas-siti Natura 2000 hija ristretta għall-evalwazzjoni tal-pjanijiet u tal-proġetti li huma wkoll suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit skont id-Direttiva “habitat”. Skont din l-analiżi, il-miżuri ta’ ġestjoni tas-siti Natura 2000 qatt ma jkunu jeħtieġu evalwazzjoni ambjentali. |
38. |
Skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EAS, evalwazzjoni ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi li, fid-dawl tal-effetti li aktarx ikollhom fuq is-siti, jeħtieġu evalwazzjoni skont l-Artikoli 6 jew 7 tad-Direttiva “habitat”. Din l-evalwazzjoni trid turi l-effetti kollha tal-miżura kkonċernata fuq l-ambjent; madankollu, id-Direttiva EAS ma torbotx konsegwenzi legali ma’ dawk l-effetti. |
39. |
Madankollu, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”, il-pjanijiet u l-proġetti li ma humiex direttament marbuta ma’ jew neċessarji għall-ġestjoni tas-sit huma esklużi mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit previst. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw pjanijiet u proġetti oħrajn biss meta l-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit tistabbilixxi li dawn ma humiex ser jaffettwaw l-integrità tas-sit ikkonċernat. |
40. |
Peress li l-miżuri kontenzjużi huma direttament marbuta mal-ġestjoni tas-siti Natura 2000, dawn ma humiex suġġetti għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” u, għalhekk, lanqas ma jeħtieġu evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EAS. |
41. |
Iżda dan ma jsolvix il-kwistjoni dwar jekk evalwazzjoni ambjentali hijiex eskluża fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2)(a) jew tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS. |
42. |
Skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS, evalwazzjoni ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar tal-iskart, l-amministrazzjoni tal-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, l-ippjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu tal-art u li jistabbilixxu l-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva EEA. |
43. |
Wieħed faċilment jifhem id-dubji espressi minn diversi partijiet dwar jekk l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni jew l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti Natura 2000 ta’ reġjun jaqgħux taħt dawn l-oqsma. |
44. |
Madankollu, din il-kwistjoni ma hemmx għalfejn tiġi investigata iktar fil-fond, peress li, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jiddefinixxu l-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-implimentazzjoni ta’ proġetti (oħrajn), humiex ser ikollhom effetti ambjentali sinjifikattivi ( 9 ). Jekk dan ikun il-każ, trid issir ukoll evalwazzjoni ambjentali. |
45. |
Il-partijiet imsemmija qabel ġustament jenfasizzaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma għamilx referenza għall-miżuri ta’ ġestjoni tas-sit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva EAS. Madankollu, min-naħa l-oħra, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tiddikjara espressament li l-miżuri msemmija huma esklużi mill-evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent. |
46. |
Jekk, madankollu, l-eċċezzjoni għall-ġestjoni tas-sit kellha ma tapplikax ukoll għad-Direttiva EAS, jista’ jkun hemm kontradizzjoni bejn iż-żewġ direttivi mal-ewwel daqqa t’għajn. Għalfejn il-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda espressament il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sit mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat”, iżda fl-istess waqt issoġġetta lil dawn il-miżuri għall-obbligu ta’ evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva EAS? |
47. |
Fir-realtà din il-kontradizzjoni ma teżistix, peress li ż-żewġ stimi għandhom funzjonijiet differenti. |
48. |
L-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” hija intiża biex jiġi ddeterminat jekk pjan jew proġett jistax ikun awtorizzat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) jew l-Artikolu 6(4). Fil-fatt, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu biss jawtorizzaw pjan jew proġett skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) meta l-evalwazzjoni tal-impatt tkun tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet li kienu previsti fis-sit protett ikkonċernat ( 10 ). U l-eċċezzjoni għal dawn il-kundizzjonijiet stretti li tinsab fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitat” tapplika biss wara li l-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett ikunu ġew analizzati konformement mal-Artikolu 6(3) tagħha ( 11 ). |
49. |
B’mod partikolari, ir-rekwiżiti ta’ ftehim skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” jeskludu l-applikazzjoni tagħha għal miżuri ta’ ġestjoni tas-sit. Fil-fatt, f’dan it-tip ta’ ġestjoni spiss ikun impossibbli li l-miżuri varji kkonċernati jiġu strutturati b’tali mod li jitneħħa kwalunkwe dubju xjentifiku raġonevoli rigward ħsara għall-għanijiet ta’ konservazzjoni. Speċifikament għall-għażla ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “habitat” saħansitra jeżiġi espressament li l-awtoritajiet kompetenti, meta jagħżlu ż-żona, jistabbilixxu prijoritajiet, jiġifieri jagħtu prijorità lil ċerti għanijiet minflok lil oħrajn ( 12 ). |
50. |
Pereżempju, il-protezzjoni tal-habitats naturali f’art miftuħa, b’mod partikolari mergħat, ġeneralment teħtieġ li jitneħħew arbuxelli jew siġar li jistgħu min-naħa tagħhom jipprovdu habitat għal speċijiet protetti jew isiru tipi oħrajn ta’ habitats protetti. |
51. |
Barra minn hekk, spiss ikun jeħtieġ li jittieħdu ċerti miżuri sabiex jiġu protetti t-tipi ta’ habitat u l-ispeċijiet, anki jekk ma jkunux jistgħu jiġu eliminati d-dubji xjentifiċi raġonevoli kollha dwar il-ħsara assoċjata magħhom għall-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Għalhekk, ħafna tipi ta’ habitats huma meqjusa li jiddependu minn ċerti forom ta’ kultivazzjoni ( 13 ), mingħajr, madankollu, ma jista’ jiġi eskluż li tali kultivazzjoni ser taffettwahom. |
52. |
Għall-kuntrarju tad-Direttiva “habitat”, id-Direttiva EAS ma tinkludix rekwiżiti sostantivi għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett ( 14 ). Hija intiża qabel kollox li tiggarantixxi li meta jiġu adottati pjanijiet u programmi, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. |
53. |
Tali kunsiderazzjoni għandha fi kwalunkwe każ tinkludi l-konformità mar-rekwiżiti vinkolanti tal-leġiżlazzjoni ambjentali, li madankollu jistgħu jkunu evidenti biss f’dispożizzjonijiet li ma humiex dawk tad-Direttiva EAS, pereżempju tad-Direttiva “habitat” jew tad-Direttiva “qafas dwar l-ilma” ( 15 ). |
54. |
Il-Gvern Irlandiż u l-Kummissjoni b’mod partikolari jsostnu wkoll il-fatt, madankollu, li l-miżuri ta’ ġestjoni tas-siti Natura 2000, fin-natura tagħhom, ma jkollhomx effetti ambjentali ħżiena, filwaqt li d-Direttiva EAS hija intiża sabiex tidentifika u tikkunsidra tali effetti. |
55. |
Fil-fatt, skont ir-raba’ premessa tad-Direttiva EAS, l-evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent hija għodda sabiex tiġi integrata l-protezzjoni ambjentali f’attivitajiet oħrajn. L-għan ewlieni tagħha, iżda, ma huwiex l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni ambjentali. |
56. |
Xorta waħda jibqa’ l-fatt li, kif diġà ġie indikat waqt is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Terre wallonne tal-2010 ( 16 ) li anki miżura ta’ protezzjoni ambjentali tista’ teħtieġ evalwazzjoni ambjentali. Dak il-każ kien jirrigwarda l-programm ta’ azzjoni tar-Reġjun ta’ Wallonie għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-nitrati ( 17 ). |
57. |
Fir-rigward tal-miżuri ta’ ġestjoni tas-siti Natura 2000, il-possibbiltà ta’ għanijiet kunfliġġenti tagħhom hija suffiċjenti sabiex turi li tali miżuri ma humiex neċessarjament jipproteġu jew itejbu l-ambjent, iżda jistgħu wkoll jagħmlulu ħsara. |
58. |
Ma’ dan hemm ukoll ir-riskju li xi miżuri ta’ ġestjoni tas-sit jiġu ppjanati ħażin jew b’mod inadegwat, u għalhekk jew ikunu ta’ ħsara huma stess għas-sit jew jonqsu milli jeskludu r-riskji ta’ ħsara. Barra minn hekk, spiss l-effettività tal-miżuri ta’ ġestjoni tas‑sit ma tkunx stabbilita lil hinn minn kull dubju. |
59. |
Kienu tali dubji rigward il-kwalità tad-digriet maħruġ mir-Reġjun ta’ Wallonie li preżumibbilment wasslu biex l-assoċjazzjoni ambjentali Terre wallonne tieħu azzjoni kontra dan id-digriet f’din il-proċedura. |
60. |
Għaldaqstant, l-għan astratt tal-miżuri ta’ ġestjoni tas-sit, li jikkonsisti fl-implimentazzjoni tal-protezzjoni tas-sit skont id-Direttiva “habitat”, ma jwassalx neċessarjament għall-konklużjoni li dawn il-miżuri ma jistax ikollhom effetti ħżiena fuq l-ambjent. |
61. |
F’dan il-kuntest, il-kontradizzjoni tinsab pjuttost fid-Direttiva “habitat” innifisha. Din tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-pjanijiet u proġetti relatati mas-siti Natura 2000 għal evalwazzjoni stretta bbażata fuq l-aħjar għarfien xjentifiku ( 18 ). Min-naħa l-oħra, il-ġestjoni tas-sit ma tirrikjedix, tal-inqas skont il-kliem tad-Direttiva “habitat”, xi bażi xjentifika. |
62. |
Iżda lanqas ma jista’ jiġi dedott li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi l-ġestjoni tas-sit minn kwalunkwe evalwazzjoni ambjentali. Din il-kontradizzjoni turi pjuttost li meta ġiet adottata d-Direttiva “habitat”, il-leġiżlatur ma rax il-ħtieġa li jirregola din il-kwistjoni b’mod eżawrjenti u ddettaljat. Jidher li huwa ppreżuma li l-Istati Membri kienu ser jassumu r-responsabbiltà għall-miżuri neċessarji. |
63. |
Tali miżuri huma neċessarji, peress li l-ġestjoni tas-sit jista’ wkoll ikollha effett sinjifikattiv fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti; barra minn hekk din il-ġestjoni għandu jkollha bażi xjentifika tal-inqas bħad-deċiżjonijiet għal pjanijiet u proġetti oħrajn ( 19 ). Il-fatt li, meta ġew adottati l-miżuri kontenzjużi, l-awtoritajiet kompetenti involvew lill-pubbliku, jikkonferma, barra minn hekk, din l-evalwazzjoni. |
64. |
Issa, il-fatt li l-leġiżlatur, fil-kuntest tad-Direttiva “habitat”, ma qiesx neċessarju li jadotta dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni ambjentali u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-ġestjoni tas-siti Natura 2000 ma jfissirx li ried jeskludi din il-ġestjoni meta sussegwentement adotta regoli ġenerali dwar l-evalwazzjoni ambjentali. |
65. |
Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni ambjentali mwettqa skont id-Direttiva EAS, evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit skont id-Direttiva EEA jew, għall-każijiet l-oħrajn, parteċipazzjoni tal-pubbliku b’evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 20 ) jistgħu utilment jissupplimentaw ir-regoli tad-Direttiva “habitat” għall-ġestjoni tas-sit b’rabta mal-evalwazzjoni tal-effetti potenzjali fuq l-ambjent u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku. |
66. |
Fl-aħħar nett, din l-analiżi għandha tiċħad ukoll l-argument li l-applikazzjoni tad-Direttiva EAS twassal għal dewmien inaċċettabbli tal-implimentazzjoni tad-Direttiva “habitat”. Dan għaliex jeżistu riskji kunsiderevoli jekk wieħed jissagrifika l-miżuri ta’ garanzija tal-kwalità għall-effiċjenza. X’jiswa Natura 2000 jekk is-siti jiġu identifikati malajr b’mod formali, iżda mbagħad il-protezzjoni effettiva tal-ispeċijiet u tat-tipi ta’ habitats ma tkunx adegwata minħabba li d-diversi miżuri jkunu ttieħdu mingħajr bażi suffiċjenti u parteċipazzjoni tal-pubbliku? |
67. |
Għaldaqstant, l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EAS u l-eċċezzjoni għall-miżuri ta’ ġestjoni tas-sit prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitat” ma jipprekludux l-obbligu li ssir evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent. |
B. Fuq il-kunċetti ta’ pjan u programm fil-kuntest tal-Artikolu 3(2)(a) u (4) tad-Direttiva EAS
68. |
Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, huwa ċar li l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni u l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti Natura 2000 ta’ reġjun ma għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali, fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EAS. Kif intwera fil-punti 42 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, madankollu, jista’ jirriżulta obbligu ta’ evalwazzjoni ambjentali b’mod partikolari mill-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS. |
69. |
Dan l-obbligu, bħall-obbligu ta’ evalwazzjoni previst fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS, jiddependi minn jekk il-pjan jew il-programm inkwistjoni jiddefinixxix il-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-implimentazzjoni tal-proġetti. |
70. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” jirrigwarda kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-kunsens u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ( 21 ). F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet” għandu jinftiehem b’mod kwalitattiv u mhux kwantitattiv. Fil-fatt, għandhom jiġu evitati strateġiji possibbli ta’ evażjoni tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva EAS li jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom minn frammentazzjoni ta’ miżuri, li għalhekk inaqqsu l-effett utli ta’ din id-direttiva ( 22 ). |
1. Dwar l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni
71. |
L-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni bħal fil-każ tal-kawża CFE tista’ tistabbilixxi qafas fit-tifsira tal-Artikolu 3(2)(a) jew (4) tad-Direttiva EAS b’żewġ modi. L-ewwel nett, id-determinazzjoni ta’ żona ta’ konservazzjoni b’għanijiet speċifiċi ta’ konservazzjoni tista’ diġà tistabbilixxi qafas li fih tista’ tiġi awtorizzata l-implimentazzjoni ta’ proġetti; it-tieni, l-għażla ta’ tali żona tista’ tkun akkumpanjata minn regoli speċifiċi ta’ protezzjoni li jinkludu tali qafas. |
a) Id-determinazzjoni ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni b’għanijiet speċifiċi ta’ konservazzjoni
i) L-għażla bħala tali
72. |
Ma hemmx dubju li d-determinazzjoni ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni b’għanijiet speċifiċi ta’ konservazzjoni tiddefinixxi qafas strett għall-awtorizzazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ proġetti fiż-żona ta’ konservazzjoni u madwarha. Fil-fatt, tali proġetti, irrispettivament minn jekk dawn humiex suġġetti għad-Direttiva EEA ( 23 ), jistgħu jkunu awtorizzati biss skont il-modalitajiet tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”. L-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal dan is-sit huma l-kriterju tal-evalwazzjoni meħtieġa. |
73. |
Ċertament, il-proġetti li jaqgħu f’dan il-qafas huma diġà koperti mill-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EAS. Madankollu dan ma jeskludix it-tqegħid tal-istabbiliment tal-qafas innifsu fl-istess kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) u (4) tagħha. |
74. |
Għaldaqstant, ġabra kwalitattivament sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-kunsens u l-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar tirriżulta mid-determinazzjoni ta’ żona speċjali ta’ protezzjoni flimkien mal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”. |
75. |
Madankollu, dan il-qafas ma jinħoloqx neċessarjament biss meta tintgħażel iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni. Ċertament, l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”, moqri waħdu, ma japplikax għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni; iżda l-Artikolu 4(5) jipprovdi li hekk kif sit jitniżżel fil-lista tal-Komunità msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2), dan ikun suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2), (3) u (4). Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva “habitat”, il-Kummissjoni tniżżel f’din il-lista s-siti li hija tagħżel minn fost is-siti proposti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 4(1). Ċertament, l-Istati Membri huma obbligati li jagħżlu bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni s-siti li jidhru fil-lista, iżda, skont l-Artikolu 4(4) huma għandhom sitt snin żmien sabiex jagħmlu dan. Għalhekk il-protezzjoni ggarantita mill-Artikolu 6(3) u (4) tkopri s-siti Natura 2000 qabel ma dawn jiksbu l‑istatus ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni. |
76. |
Meta s-sit jitniżżel fil-lista tal-Komunità, l-għanijiet speċifiċi ta’ konservazzjoni jkunu għadhom ma ġewx iddefiniti espressament, iżda dawn ikunu evidenti mill-habitats u mill-ispeċijiet kollha li għalihom is-sit kien protett, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Istat Membru meta ġie propost is-sit ( 24 ). Il-qafas għall-awtorizzazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ proġetti stabbilit meta tiġi ddeterminata ż-żona speċjali ta’ konservazzjoni jinħoloq għalhekk, ġeneralment, ferm qabel ma tiġi magħżula ż-żona speċjali ta’ konservazzjoni. Għaldaqstant, meta l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni sempliċement tikkonferma dan il-qafas, din ma tkunx tinvolvi l-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali. |
ii) Il-modifika tal-għanijiet ta’ konservazzjoni meta ssir l-għażla
77. |
Ma jistax jiġi eskluż, madankollu, li l-għażla ta’ sit, sakemm timmodifika pjan jew programm, tirrikjedi evalwazzjoni ambjentali. |
78. |
Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS, il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” jinkludi wkoll il‑modifika tagħhom. Kif juri l-Artikolu 3(3), il-mistoqsija deċiżiva għall-obbligu ta’ evalwazzjoni hija, inter alia, dik dwar jekk il-modifiki jistax ikollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent. |
79. |
L-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni tista’ b’mod partikolari taffettwa l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Għalhekk, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “habitat” jeżiġi li meta ssir l-għażla, jiġu stabbiliti l-prijoritajiet. Barra minn hekk, wieħed jista’ jimmaġina li, meta ssir l-għażla, il-lista tat-tipi ta’ habitat u tal-ispeċijiet protetti jew il-medda ġeografika tas-sit jiġu mmodifikati. |
80. |
Il-kriterju ta’ tqabbil sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx modifiki huwa l-habitats u l-ispeċijiet li għalihom is-sit ġie protett meta tniżżel fil-lista tal-Komunità, kif ukoll iż-żoni oriġinarjament inklużi fis-sit f’każ li l-habitats, l-ispeċijiet u ż-żoni ma jkunux diġà ġew immodifikati sadanittant skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “habitat” ( 25 ). |
81. |
Modifika tal-għanijiet ta’ konservazzjoni timmodifika l-qafas li jiddefinixxi ż-żona ta’ konservazzjoni għall-proġetti. Meta ċerti tipi ta’ habitat, ċerti speċijiet jew ċerti meded ikunu inklużi fil-protezzjoni jew esklużi minnha, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li jista’ jkollhom effetti fuq is-sit jiġu mmodifikati inevitabbilment. |
82. |
Fil-kawża CFE, ikun xieraq b’mod partikolari li jiġi eżaminat jekk l-inklużjoni ta’ tipi ta’ habitat u ta’ speċijiet ta’ interess reġjonali, fil-protezzjoni tas-sit, permezz tal-Artikoli 8 u 9 u l-Anness IV tad-Digriet, immodifikatx suffiċjentement il-qafas għall-kunsens tal-iżvilupp ta’ proġetti. Il-protezzjoni tagħhom ma tirriżultax mid-Direttiva “habitat”, iżda tirriżulta esklużivament mil-leġiżlazzjoni tar-Reġjun Bruxelles-Capitale. Barra minn hekk, il-preżenzi inkwistjoni ma humiex rilevanti għall-inklużjoni tas-sit fuq il-lista tal-Komunità. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, qabel ma ntgħażlet iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni, il-proposta tas-sit korrispondenti kienet għadha ma tinkludix il-protezzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ habitat u ta’ dawn l-ispeċijiet. |
iii) It-tnaqqis teleoloġiku tal-evalwazzjoni ambjentali fir-rigward tal-qafas stabbilit mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”?
83. |
Wieħed jista’ ċertament jistaqsi, speċjalment għall-qafas stabbilit mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”, jekk l-għanijiet tad-Direttiva EAS jeżiġux effettivament evalwazzjoni ambjentali. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, lanqas din il-kunsiderazzjoni ma tipprekludi tali evalwazzjoni. |
84. |
Minbarra l-għan, imsemmi qabel, tal-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fid-deċiżjoni, għandu jissemma l-għan strutturali tad-Direttiva EAS, li jirriżulta mill-fatt li hija tikkompleta d-Direttiva EEA, li ppreċedietha b’iktar minn għaxar snin u li għandha bħala għan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti ekoloġiċi meta tingħata l-awtorizzazzjoni tal-proġetti. Fil-fatt, l-applikazzjoni tad-Direttiva EEA wriet li fil-mument tal-evalwazzjoni ta’ proġetti, effetti ambjentali sinjifikattivi jkunu diġà ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ pjanifikazzjoni preċedenti ( 26 ). Huwa għalhekk li, għalkemm huwa possibbli li dawn jiġu studjati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ma jkunx iktar possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tingħata l-awtorizzazzjoni tal-proġett. Huwa għalhekk iktar għaqli li tali effetti ekoloġiċi jiġu eżaminati fl-istadju tal-miżuri preparatorji u li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest ( 27 ). |
85. |
Minn dan l-għan jista’ ċertament jiġi dedott li l-evalwazzjoni ambjentali ma tkunx meħtieġa meta l-effetti kollha fuq l-ambjent jistgħu jiġu evalwati u meħuda kompletament inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni tal-proġett. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat” jeżiġi, fil-prinċipju, kunsiderazzjoni sħiħa tal-effetti tal-pjanijiet u l-proġetti fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti inkwistjoni. |
86. |
Issa, ir-riskju ta’ effetti avversi fuq l-ambjent meta jiġu ddeterminati s-siti Natura 2000 u mill-modifika tal-firxa ta’ protezzjoni jinsab preċiżament fid-definizzjoni ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni insuffiċjenti. Iktar tard, fil-livell tal-kunsens għall-iżvilupp tal-pjanijiet u tal-proġetti, dan ir-riskju ma jkunx jista’ jiġi indirizzat b’mod adegwat. |
iv) Konklużjoni intermedja
87. |
Għalhekk, l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni tirrikjedi evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a) u (3) u skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS jekk tkun tinkludi modifiki tal-firxa ta’ protezzjoni tas-sit protett inkwistjoni, b’mod partikolari modifiki tal-għanijiet ta’ konservazzjoni jew taż-żoni protetti li jaffettwaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat” jew dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-dritt intern ta’ portata ikbar, meta l-imsemmija modifiki jista’ jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent. |
b) Fuq l-istabbiliment ta’ regoli ta’ protezzjoni speċifiċi meta jintgħażel sit
88. |
Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”, meta jintgħażel sit, jistgħu jiġu ddefiniti regoli ta’ protezzjoni speċjali, sabiex, pereżempju, jiġu indirizzati riskji partikolari li għalihom huwa suġġett is-sit. |
89. |
Għalhekk, l-Artikolu 15 tad-digriet suġġett tal-proċedura fil-Kawża C‑43/18 jinkludi diversi projbizzjonijiet bħal, pereżempju, fl-ewwel punt tat-tieni paragrafu tiegħu, il-projbizzjoni ta’ qtugħ, qlugħ, ħsara jew qerda ta’ speċijiet ta’ pjanti indiġeni, inklużi l-brijofiti, il-fungi u l-likeni kif ukoll ta’ qerda, ħsara jew tibdil tal-kopertura tal-pjanti. |
90. |
Fil-prinċipju, tali projbizzjonijiet jistgħu jinkludu, minbarra r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat”, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-kunsens u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, u għalhekk qafas fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) jew (4) tad-Direttiva EAS. |
91. |
Madankollu, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 15 tad-digriet inkwistjoni, il-projbizzjonijiet stipulati fih ma jidhrux li għandhom dan l-effett peress li jidher li dawn japplikaw biss għal attivitajiet li ma jeħtiġux awtorizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-qafas meħtieġ għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) jew (4) tad-Direttiva EAS għandu japplika għall-awtorizzazzjoni tal-proġetti. |
92. |
Issa, jidher li ma hemmx projbizzjonijiet oħrajn li għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-awtorizzazzjonijiet. |
93. |
Għaldaqstant l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni tirrikjedi evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a) jew l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS meta din tistabbilixxi regoli ta’ protezzjoni speċjali li għandhom jiġu applikati b’mod parallel mal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitat” u li jiddefinixxu qafas għall-awtorizzazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti u li jista’ jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi. |
2. Fuq l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni reġjonali
94. |
Id-Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie tal-1 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000, jiġifieri l-att ġuridiku li huwa s-suġġett tal-kawża Terre wallonne, jirrigwarda wkoll l-implimentazzjoni tad-Direttiva “habitat”, iżda l-funzjoni u l-operat tiegħu huma pjuttost differenti mill-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni. Huwa ma jiddefinixxix l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal siti partikolari, iżda b’xi mod, jiġborhom fil-qosor għar-Reġjun ta’ Wallonie kollu. Għalhekk, huwa jippreżenta ż-żoni ta’ tipi ta’ habitat iddeterminati diġà eżistenti fir-reġjun kollu kif ukoll fid-diversi siti Natura 2000 u jispeċifika jekk, fis-siti Natura 2000, il-meded ta’ dawn it-tipi ta’ habitat għandhomx jibqgħu tal-istess daqs jew jitkabbru. Madankollu, id-digriet ma jinkludix rekwiżiti dwar il-mod kif dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom jintlaħqu u f’liema siti fir-reġjun. |
95. |
Għalhekk, ma hemmx dubju li d-digriet jiddefinixxi, f’sens mhux tekniku, il-qafas tal-pjanijiet u l-proġetti kollha li jistgħu jaffettwaw lil kwalunkwe sit tan-netwerk Natura 2000. |
96. |
Madankollu, id-Direttiva “habitat” ma tipprovdix għanijiet ta’ konservazzjoni reġjonali, iżda tipprovdi biss għanijiet ta’ konservazzjoni għad-diversi siti. |
97. |
Konsegwentement, l-għanijiet ta’ konservazzjoni reġjonali previsti fl-Artikolu 25a(1) tal-Liġi tat-12 ta’ Lulju 1973 dwar il-Konservazzjoni tan-Natura għandhom biss valur indikattiv. Huma biss l-għanijiet ta’ konservazzjoni ddefiniti għad-diversi siti li għandhom valur regolatorju, skont l-Artikolu 25a(2) ta’ din il-liġi. |
98. |
Il-premessa 8 tad-digriet tispjega l-funzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni reġjonali fis-sens li jridu jipprovdu ħarsa ġenerali ta’ dak li għandu jiġi ppreżervat jew, fejn xieraq, dak li għandu jiġi rripristinat fir-Reġjun ta’ Wallonie biex il-habitats u l-ispeċijiet li għalihom huwa implimentat in-netwerk Natura 2000 jiġu kkonservati jew irripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
99. |
B’hekk, l-għanijiet ta’ konservazzjoni reġjonali tad-digriet għandhom qabel kollox funzjoni ta’ informazzjoni u ta’ koordinazzjoni għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000 fir-reġjun. Madankollu, dawn ma jinkludux ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. |
100. |
Barra minn hekk, digriet li permezz tiegħu korp ta’ Stat Membru, skont id-Direttiva “habitat”, jistabbilixxi fil-qasam sħiħ tal-kompetenza tiegħu, iżda mhux għas-siti Natura 2000 individwali, l-għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000, u li għalhekk ma jipprovdix rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti, ma jikkostitwixxix pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva EAS. |
C. Kumment finali
101. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li jirriżulta minn dan l-eżami li d-determinazzjoni ta’ sit Natura 2000 jew il-fatt li jsiru ċerti modifiki fl-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu jew fil-firxa tiegħu jirrikjedu evalwazzjoni ambjentali meta dawn jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. |
102. |
Hemm ċertament raġuni sabiex wieħed jassumi li l-inklużjoni ta’ għadd ta’ siti fil-lista tal-Komunità, jekk mhux ukoll ċerti modifiki li jsiru fil-frattemp fil-firxa tal-protezzjoni li din tipprovdi, għadhom ma jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva EAS ratione temporis. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li, issa, jidher li hemm għadd ta’ siti determinati u modifiki li, fil-prinċipju, jirrikjedu evalwazzjoni ambjentali iżda qatt ma ġew suġġetti għaliha. Għalhekk, meta tali siti determinati u modifiki ta’ siti ma jkunux għadhom saru finali, jiġifieri, inkontestabbli, ikun hemm ir-riskju li dawn jiġu kkontestati quddiem qorti. |
103. |
Madankollu, kwalunkwe kontestazzjoni minħabba nuqqas ta’ evalwazzjoni ambjentali ma tistax tirriżulta f’restrizzjoni tal-firxa ta’ protezzjoni għas-siti Natura 2000. Għall-kuntrarju jidher li huwa imperattiv, f’każijiet bħal dawn, li jinżamm l-effett tan-notifika indirizzata lill-Kummissjoni sakemm id-difett jiġi rrettifikat ( 28 ). Huwa fil-każ ta’ modifiki li joħolqu restrizzjoni tal-protezzjoni tas-sit li l-annullament jew is-sospensjoni huma possibbli sakemm id-difett jiġi rrettifikat. |
104. |
Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat fi kwalunkwe każ jekk ir-rekwiżiti tad-Direttiva EAS ġewx issodisfatti xorta waħda ( 29 ). Għalhekk, fil-kawżi li qegħdin nittrattaw, kien hemm, tal-inqas, parteċipazzjoni tal-pubbliku. Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax ċar mill-proċess jekk ġewx ippreżentati wkoll rapport ambjentali jew dokumenti ekwivalenti. |
V. Konklużjoni
105. |
Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej il-Kawża C‑43/18: L-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni tirrikjedi evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a) u (3) jew (4) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent
|
106. |
Fil-Kawża C‑321/18, Terre wallonne, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej: Digriet li permezz tiegħu korp ta’ Stat Membru, skont id-Direttiva 92/43, jistabbilixxi fil-qasam sħiħ tal-kompetenza tiegħu, iżda mhux għas-siti Natura 2000 individwali, l-għanijiet ta’ konservazzjoni għan-netwerk Natura 2000, u li għalhekk ma jipprovdix rekwiżiti għall-kunsens ta’ proġetti, ma jikkostitwixxix pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva 2001/42. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/KE tat-13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).
( 4 ) Direttiva 2011/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1).
( 5 ) Moniteur belge Nru 136 tat-13 ta’ Mejju 2016, p. 31558.
( 6 ) Moniteur belge Nru 340 tat-22 ta’ Diċembru 2016, p. 88148.
( 7 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE (ĠU 2005, L 269M, p. 150).
( 8 ) Digriet tad-19 ta’ Settembru 2006, CFE vs Il-Kummissjoni (T‑100/05, mhux ippubblikat, EU:T:2006:260).
( 9 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et (C‑295/10, EU:C:2011:608, punti 45 sa 47) u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus (C‑444/15, EU:C:2016:978, punti 52 sa 54).
( 10 ) Sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 44), tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 50), u tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 114).
( 11 ) Sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 189).
( 12 ) Sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 53). Ara wkoll, il-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2009:398, punti 43, 44 u 71).
( 13 ) Ara Halada, L., Evans, D., Romão, C., Petersen, J. E., “Which habitats of European importance depend on agricultural practices?”, Biodiversity and Conservation 20 (2011), 2365 sa 2378.
( 14 ) Ara, dwar id-Direttiva EEA, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 231) u tal-14 ta’ Marzu 2013, Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 46).
( 15 ) Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5 p. 275).
( 16 ) Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355).
( 17 ) Direttiva 91/676/KEE tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68).
( 18 ) Sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 51), tas-26 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑142/16, EU:C:2017:301, punt 57) u tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 113).
( 19 ) Ara l-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2009:398, punti 70 u 71).
( 20 ) Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17), adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17). Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punti 57 u 59) u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punti 38 u 39).
( 21 ) Sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 49), tas-7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 53), u tas-7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et (C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 54).
( 22 ) Sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 55), u tas-7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et (C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 55).
( 23 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et (C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punti 65 u 66).
( 24 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, Holohan et (C 461/17, EU:C:2018:883, punt 37) u l-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:60, punt 97).
( 25 ) Ara, fir-rigward tat-tnaqqis tal-medda ta’ sit, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Vereniging Hoekschewaards Landschap (C‑281/16, EU:C:2017:774, punti 16 sa 20 u 30).
( 26 ) Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (COM(96) 511 finali, p. 6).
( 27 ) Ara l-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawżi magħquda Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:120, punti 31 u 32).
( 28 ) Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 42 et seq.) u tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punti 29 et seq.).
( 29 ) Sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑431/92, EU:C:1995:260, punti 43 sa 45).