EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0031

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2019.
„Elektrorazpredelenie Yug“ EAD vs Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/72/KE – Suq intern tal-elettriku – Il-punti 3 sa 6 tal-Artikolu 2 – Kunċetti ta’ netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku u ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku – Kriterji ta’ distinzjoni – Livell ta’ vultaġġ – Proprjetà tal-installazzjonijiet – Artikolu 17(1)(a) – Operatur ta’ netwerk ta’ trażmissjoni indipendenti – Artikoli 24 u 26 – Operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni – Artikolu 32(1) – Aċċess liberu tat-terzi – Aċċess għall-elettriku ta’ vultaġġ medju – Punti ta’ interkonnessjoni bejn in-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri.
Kawża C-31/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:421

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis‑16 ta’ Mejju 2019 ( 1 )

Kawża C‑31/18

Elektrorazpredelenie Yug EAD

vs

Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR),

intervenjenti:

BMF Port Burgas EAD

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Il-punti 3, 4, 5 u 6 tal-Artikolu 2 – Kunċetti ta’ netwerk ta’ trażmissjoni u ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni – Kriterji ta’ distinzjoni fost in-netwerks – Livell ta’ vultaġġ – Proprjetà tal-installazzjonijiet – Aċċess liberu tat-terzi – Aċċess permezz ta’ apparat ta’ vultaġġ medju – Punti ta’ interkonnessjoni bejn in-netwerks”

1. 

Din il-kawża tirrigwarda talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) dwar l-interpretazzjoni tal-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE ( 2 ).

2. 

Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju qamu fil-kuntest ta’ tilwima bejn id-distributur esklużiv tal-elettriku fix-Xlokk tal-Bulgarija u kumpannija li topera port taħt konċessjoni, li għandha l-intenzjoni li tqabbad in-netwerk tagħha direttament man-netwerk ta’ trażmissjoni u, għalhekk, tħallas it-tariffi għas-servizzi tan-netwerk direttament lill-operatur ta’ tali netwerk.

3. 

Din il-kawża toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi kjarifiki importanti dwar il-portata ta’ ċerti kunċetti fundamentali tad-Direttiva 2009/72.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Definizzjonijiet” jgħid dan li ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(3)

‘trasmissjoni’ tfisser it-trasport tal-elettriku fuq is-sistema ta’ vultaġġ qawwi ħafna u s-sistema interkonnessa ta’ vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti finali jew lid-distributuri, iżda mhux inkluża l-provvista;

(4)

‘operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operazzjoni, li tiżgura l-manutenzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tiżviluppa s-sistema ta’ trasmissjoni f’żona partikolari u, fejn ikun japplika, tal-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema biex tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku;

(5)

‘distribuzzjoni’ tfisser it-trasport tal-elettriku fuq sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti, iżda mhux inkluża l-provvista;

(6)

‘operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli li tħaddem, li tiżgura l-manutenzjoni ta’ u, jekk ikun meħtieġ, li tiżviluppa s-sistema ta’ distribuzzjoni f’żona partikolari u, fejn applikabbli, l-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tlaħħlaq ma’ domandi raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku”.

B.   Id-dritt Bulgaru

5.

L-Artikolu 86(1) taż-Zakon za energetikata (il-Liġi dwar l-Enerġija, iktar ’il quddiem iż-“ZE”) (DV Nru 107, 2003) jiddisponi li “[i]t-trażmissjoni tal-elettriku jitwettaq mill-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku li kiseb liċenzja għat-trażmissjoni tal-elettriku u li ġie ċċertifikat […]”.

6.

Skont l-Artikolu 88(1) taż-ZE “[i]d-distribuzzjoni ta’ elettriku u l-operazzjoni tan-netwerks ta’ distribuzzjoni tiegħu huma rriżervati għall-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni li huma proprjetarji ta’ dawn in-netwerks f’territorju partikolari u kisbu liċenzja biex jiddistribwixxu l-elettriku fiż-żona korrispondenti. […]”.

7.

L-Artikolu 1 tad-dispożizzjonijiet komplementari taż-ZE (DV Nru 54, 2012) fih id-definizzjonijiet li ġejjin:

“20.   ‘netwerk ta’ trażmissjoni ta’ elettriku’: sett ta’ linji tal-elettriku u sistemi elettriċi għat-trażmissjoni, għall-konverżjoni tal-elettriku minn vultaġġ għoli għal medju u d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-fluss tal-enerġija;

[…]

22.   ‘netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku’: sett ta’ linji tal-elettriku u sistemi elettriċi ta’ vultaġġ għoli, medju u baxx, li jservu biex jiddistribwixxu l-elettriku;

[…]

44.   ‘trażmissjoni ta’ elettriku […]’: it-trażmissjoni tal-elettriku […] fuq in-netwerk ta’ trażmissjoni […];

[…]

49.   ‘distribuzzjoni’: it-trażmissjoni tal-elettriku […] fuq in-netwerks ta’ distribuzzjoni”.

II. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8.

Il-kumpannija Elektrorazpredelenie Yug EAD (iktar ’il quddiem “ER Yug”) għandha liċenzja esklużiva maħruġa mir-regolatur Bulgaru tal-enerġija u l-ilma (Komisia za energiyno i vodno regulirane, iktar ’il quddiem il-“KEVR”) li abbażi tagħha twettaq attivitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku, permezz ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni, fit-territorju ddefinit fil-liċenzja, jiġifieri x-Xlokk tal-Bulgarija.

9.

Iż-żona koperta bil-liċenzja ta’ ER Yug tinkludi ż-żona fejn jinsabu l-istabbilimenti tal-kumpannija BMF Port Burgas EAD (iktar ’il quddiem “BMF”), speċifikament it-terminal tal-port ta’ Burgas tal-Punent u Burgas tal-Lvant, li ngħataw b’konċessjoni lil BMF minn impriża pubblika. F’dan il-qasam BMF topera l-port u tipprovdi s-servizzi relatati.

10.

L-istabbilimenti ta’ BMF huma mqabbda man-netwerk tal-elettriku permezz ta’ linja ta’ vultaġġ medju (20 kV) imsejħa “Novo pristanishte” (“Port ġdid”), imqabbda fuq livell ta’ vultaġġ medju mal-apparat ta’ vultaġġ medju (dan ukoll ta’ 20 kV) tas-substazzjon tal-elettriku ta’ konverżjoni “Ribari” (“Sajjeda”) ( 3 ). Il-linja tal-elettriku “Novo pristanishte” hija proprjetà tal-Istat u ngħatat lil BMF bħala parti mill-konċessjoni tat-terminali tal-port imsemmija iktar ’il fuq. Is-substazzjon tal-elettriku “Ribari” hija proprjetà tal-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni fil-Bulgarija, il-kumpannija Elektroenergien sistemen operator (iktar ’il quddiem “ESO”).

11.

L-elettriku jiġi min-netwerk ta’ trażmissjoni ESO b’vultaġġ ta’ 110 kV (vultaġġ għoli) u jiġi kkonvertit fil-proċessuri Nru 1 u Nru 2 f’kurrent ta’ vultaġġ medju (20 kV) qabel ma jiddaħħal fl-apparat ta’ vultaġġ medju (20 kV) tas-substazzjon “Ribari”. L-istrumenti tal-kejl kummerċjali tal-elettriku ġej min-netwerk ta’ trażmissjoni ESO lejn in-netwerk ta’ distribuzzjoni ER Yug huma installati immedjatament wara l-proċessuri Nru 1 u Nru 2, fil-livell tal-konnessjonijiet relattivi għaċ-ċelloli Nru 26 u Nru 39 tal-apparat ta’ vultaġġ medju tas-substazzjon “Ribari”. Il-linja “Novo pristanishte” hija mqabbda mal-apparat ta’ distribuzzjoni magħluq ta’ vultaġġ medju (20 kV) tas-substazzjon “Ribari” fil-livell taċ-ċellola 44. Din il-linja tintuża biex tittrażmetti u tipprovdi l-elettriku esklużivament lil BMF.

12.

Fl-2013, ER Yug u BMF ikkonkludew kuntratt relatat mas-servizzi tan-netwerk li bis-saħħa tiegħu tal-ewwel ipprovdiet lit-tieni b’aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku u t-trażmissjoni ta’ elettriku fuq dak in-netwerk, għall-iskop ta’ provvista ta’ elettriku lill-istabbilimenti ta’ BMF li jinsabu fiż-żona tal-port ta’ Burgas.

13.

Madankollu, peress li qieset li kienet imqabbda direttament man-netwerk ta’ trażmissjoni, BMF irtirat unilateralment mill-kuntratt ma’ ER Yug fl‑2016 u kkonkludiet kuntratti ma’ ESO rigward l-aċċess għan-netwerk ta’ trażmissjoni, il-provvista ta’ servizzi tan-netwerk u tat-trażmissjoni ta’ elettriku għall-iskop tal-provvista tal-elettriku lill-istabbilimenti ta’ BMF imsemmija iktar ’il fuq.

14.

Minkejja dan, ER Yug, meta kkunsidrat li l-istabbilimenti ta’ BMF baqgħu mqabbdin man-netwerk ta’ distribuzzjoni, kompliet tibgħat il-fattura lil BMF għat-tariffi għall-aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni u għat-trażmissjoni ta’ elettriku fuq dan in-netwerk.

15.

BMF imbagħad adixxiet lill-KEVR, li bid-deċiżjoni Nru Zh‑37 tat‑28 ta’ Frar 2017 ikkonkluda li, ladarba kien għadda t-terminu ta’ preavviż għax-xoljiment tal-kuntratt, ER Yug ma kienx għad għandha dritt li tibgħat fattura lil BMF bit-tariffi għall-aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku u għat-trażmissjoni fuq din in-netwerk. Il-KEVR, bil-maġġoranza tal-membri tiegħu, ikkunsidra li l-istabbilimenti ta’ BMF kienu direttament imqabbdin man-netwerk ta’ trażmissjoni ta’ elettriku ta’ ESO u li għalhekk BMF seta’ jkollha aċċess direttament għal dan in-netwerk. Għalhekk, KEVR ordna lil ER Yug twaqqaf il-fatturazzjoni lil BMF tat-tariffi għall-aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni u għat-trażmissjoni ta’ elettriku fuq dan in-netwerk u biex tipproċedi b’reviżjoni tat-tariffi ffatturati wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preavviż għax-xoljiment tal-kuntratt konkluż ma’ BMF.

16.

ER Yug ikkontestat id-deċiżjoni tal-KEVR quddiem il-qorti tar-rinviju.

17.

Fil-kuntest tal-proċeduri pendenti quddiem dik il-qorti, ER Yug issostni li, sakemm BMF hija mqabbda man-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku, hija ma tistax tirrinunzja għall-kuntratt ta’ aċċess u ta’ trażmissjoni ta’ elettriku permezz ta’ dan in-netwerk. Fis-sistema tad-Direttiva 2009/72, l-element determinanti biex tiġi stabbilita d-distinzjoni bejn netwerk ta’ trażmissjoni u netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku huwa l-livell ta’ vultaġġ: vultaġġ għoli ħafna u għoli għan-netwerk ta’ trażmissjoni, vultaġġ għoli, medju u baxx għan-netwerk ta’ distribuzzjoni. Id-definizzjoni ta’ trażmissjoni ta’ elettriku li tirriżulta mill-punti 20 sa 44 tal-Artikolu 1 taz-ZE hija inkompatibbli mad-definizzjoni li tinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, li, bis-saħħa tal-effett dirett tagħha u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi applikata direttament. Dan ifisser li l-provvista ta’ servizzi tan-netwerk fil-livell ta’ vultaġġ medju tikkostitwixxi attività ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku. L-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni ESO ma jkollux id-dritt li jqabbad il-klijenti tiegħu man-netwerk ta’ trażmissjoni ta’ vultaġġ medju, u lanqas li jipprovdi servizzi ta’ netwerk ta’ vultaġġ medju peress li dawn l-attivitajiet jaqgħu taħt is-servizzi ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku li għalihom ER Yug għandha liċenzja esklużiva fit-territorju fejn jinsabu l-istabbilimenti ta’ BMF.

18.

Minflok, BMF issostni li l-istabbilimenti tagħha huma mqabbda direttament man-netwerk ta’ trażmissjoni ta’ elettriku permezz tas-substazzjon “Ribari”. Għalhekk, sal-punt li la dan is-substazzjon u lanqas il-linja “Novo pristanishte” mqabbda miegħu ma huma proprjetà ta’ ER Yug, ma jikkostitwixxux elementi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku. BMF għalhekk temmen li l-liċenzja ta’ ER Yug ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġu pprovduti s-servizzi ta’ aċċess u ta’ trażmissjoni permezz tan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku, u lanqas li s-servizzi jkunu ffatturati.

19.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li f’din il-kawża huwa neċessarju li jiġi stabbilit ma’ liema netwerk tal-elettriku jew ta’ distribuzzjoni jew ta’ trażmissjoni huma mqabbda l-istabbilimenti ta’ BMF u, għaldaqstant, lil liema operatur dik il-kumpannija għandha tħallas it-tariffi għas-servizzi tan-netwerk. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tikkunsidra li huwa deċiżiv li jiġi identifikat il-kriterju distintiv bejn l-attivitajiet ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku kif ukoll bejn il-kunċetti ta’ “netwerk ta’ trażmissjoni” u “netwerk ta’ distribuzzjoni”. Jekk, fil-fatt, wieħed jassumi li l-livell tal-vultaġġ huwa l-uniku kriterju distintiv bejn dawn l-attivitajiet, allura, peress li l-linja “Novo pristanishte” hija mqabbda fis-substazzjon “Ribari” mal-vultaġġ medju, BMF għandha tħallas it-tariffi għas-servizzi tan-netwerk lil ER Yug, li jkollha d-dritt esklużiv li tipprovdi servizzi ta’ netwerk lill-klijenti kollha mqabbdin fil-livell ta’ vultaġġ medju fit-territorju kopert bil-liċenzja tagħha, indipendentement minn jekk hijiex proprjetarja jew le tal-istallazzjonijiet relattivi.

20.

Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-leġiżlatur nazzjonali għamel distinzjoni bejn in-netwerk ta’ trażmissjoni u n-netwerk ta’ distribuzzjoni fuq il-bażi tal-kriterju li l-proprjetà tal-istabbilimenti tal-elettriku tkun tal-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni jew tan-netwerk ta’ distribuzzjoni. Fir-rigward tal-livell ta’ vultaġġ, il-pożizzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali ma hijiex, madankollu, daqstant ċara. Iżda, mid-definizzjonijiet imsemmija fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, l-uniku kriterju rilevanti huwa dak tal-livell ta’ vultaġġ tal-elettriku trażmess, ħaġa li ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298).

21.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-uniku kriterju sabiex issir distinzjoni bejn in-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku u n-netwerk tat-trażmissjoni tal-elettriku, jiġifieri bejn l-attivitajiet ta’ ‘distribuzzjoni’ u ta’ ‘trażmissjoni’ tal-elettriku, huwa l-livell tal-vultaġġ u fis-sens li l-Istati Membri, minkejja l-libertà tagħhom li jaġixxu sabiex jallokaw lill-utenti tan-netwerks lil tip jew ieħor ta’ netwerk (trażmissjoni jew distribuzzjoni), ma jistgħux jintroduċu bħala kriterju addizzjonali, sabiex issir distinzjoni bejn attivitajiet ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, min huwa l-proprjetarju tal-assi li jintużaw sabiex jitwettqu dawn l-attivitajiet?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-utenti tal-elettriku, konnessi man-netwerk tal-elettriku b’vultaġġ medju għandhom jiġu ttrattati f’kull każ bħala klijenti tal-operatur tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku, li jkollu liċenzja għat-territorju inkwistjoni, irrispettivament minn min ikun il-proprjetarju tal-faċilitajiet li magħhom ikunu direttament konnessi l-installazzjonijiet tal-elettriku ta’ dawn il-klijenti u irrispettivament mir-relazzjonijiet kuntrattwali li l-klijenti jkollhom direttament mal-operatur tan-netwerk tat-trażmissjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: is-sens u l-għanijiet tad-Direttiva 2009/72 jippermettu l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 44 tal-Artikolu 1, ikkunsidrat flimkien mal-punt 20 tal-istess artikolu, [tad-dispożizzjonijiet komplementari taż-ZE], li minnhom jirriżulta li l-espressjoni ‘trażmissjoni tal-elettriku’ tfisser it-trasport tal-elettriku fuq in-netwerk tat-trażmissjoni, filwaqt li n-‘netwerk tat-trażmissjoni tal-elettriku’ huwa kkostitwit mill-interkonnetturi u mill-installazzjonijiet tal-elettriku li jintużaw għat-trażmissjoni, għat-trasformazzjoni tal-elettriku minn vultaġġ għoli għal vultaġġ medju u għar-ridistribuzzjoni tal-flussi tal-elettriku? F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija permissibbli l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 88(1) taż-[ZE], li jipprovdi: ‘[i]d-distribuzzjoni tal-elettriku u l-operazzjoni tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-elettriku għandhom jitwettqu mill-operaturi tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-elettriku – li jkunu l-proprjetarji ta’ tali netwerks f’territorju partikolari u li jkunu lliċenzjati sabiex jiddistribwixxu l-elettriku fit-territorju inkwistjoni’?”

III. Analiżi ġuridika

22.

Id-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jqajmu problemi importanti dwar l-interpretazzjoni ta’ diversi kunċetti fundamentali tad-Direttiva 2009/72, b’mod partikolari l-kunċetti ta’ “netwerk ta’ trażmissjoni” u “netwerk ta’ distribuzzjoni”.

23.

Qabel nindirizza dawn id-domandi, nikkunsidra li huwa utli, bħala punt preliminari, li nfakkar l-għanijiet li trid tilħaq din id-direttiva, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

A.   L-iskop tad-Direttiva 2009/72 fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

24.

Adottata bħala parti mit-“tielet pakkett tal-enerġija”, id-Direttiva 2009/72 tistabbilixxi, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, standards komuni għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, sabiex jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-elettriku fl-Unjoni ( 4 ).

25.

Jirriżulta mill-premessi 3 u 8 tad-Direttiva 2009/72 li din għandha l-għan li toħloq suq kompletament miftuħ, li jippermetti lil kull konsumatur l-għażla ħielsa tal-fornituri u lil kull fornitur il-provvista libera lill-klijenti tiegħu ( 5 ) u fejn tiġi żgurata l-kompetizzjoni u l-provvista tal-elettriku bl-iktar prezz kompetittiv possibbli.

26.

Għal dan il-għan, id-Direttiva 2009/72 timmira wkoll biex tiffaċilita l-aċċess transkonfinali ta’ fornituri ġodda tal-elettriku, li anki jikkontribwixxi, kif speċifikat fil-premessa 5 tad-direttiva stess, biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvisti tal-elettriku li għandu importanza kruċjali għall-iżvilupp tas-soċjetà Ewropea. Għal dan l-iskop, id-Direttiva 2009/72 għandha l-għan li tiżviluppa iktar l-interkonnessjonijiet transkonfinali.

27.

F’dan il-kuntest, il-garanzija ta’ aċċess għan-netwerk mingħajr diskriminazzjoni, trasparenti u bi prezzijiet raġonevoli hija element neċessarju għall-funzjonament xieraq tal-kompetizzjoni u għandha importanza fundamentali għat-tlestija tas-suq intern tal-elettriku ( 6 ).

28.

Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, id-Direttiva 2009/72 tipprovdi għal dispożizzjonijiet li jiggarantixxu separazzjoni legali u funzjonali effettiva tan-netwerks minn attivitajiet ta’ produzzjoni u provvista, sabiex tiġi evitata, kif jirriżulta mill-premessa 9 ta’ din id-direttiva, diskriminazzjoni mhux biss fil-ġestjoni tan-netwerk, imma wkoll fl-inċentivi li għandhom l-impriżi integrati vertikalment sabiex jinvestu b’mod adegwat fin-netwerks tagħhom.

29.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 fih sensiela ta’ definizzjonijiet tal-kunċetti fundamentali użati fid-direttiva stess.

30.

Id-Direttiva 2009/72 ma tiddefinixxix il-kunċetti ta’ “netwerk ta’ trażmissjoni” u “netwerk ta’ distribuzzjoni” bħala tali, imma tiddefinixxi, fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tagħha, il-kunċetti ta’ “trażmissjoni” u ta’ “distribuzzjoni” tal-elettriku. It-trażmissjoni ta’ elettriku hija ddefinita bħala t-“trasport tal-elettriku fuq is-sistema ta’ vultaġġ qawwi ħafna u s-sistema interkonnessa ta’ vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti finali jew lid-distributuri, iżda mhux inkluża l-provvista”. Id-distribuzzjoni ta’ elettriku, min-naħa l-oħra, hija ddefinita bħala t-“trasport tal-elettriku fuq netwerks ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti, iżda mhux inkluża l-provvista”. Skont il-punt 19 tal-Artikolu 2 tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ provvista għandu jinftiehem bħala l-bejgħ ta’ elettriku lill-klijenti ( 7 ).

31.

Mid-definizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-kunċetti ta’ “trażmissjoni” u “distribuzzjoni” il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet id-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “netwerk ta’ trażmissjoni” u “netwerk ta’ distribuzzjoni”. Għalhekk, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet in-netwerk ta’ trażmissjoni bħala netwerk interkonnessa intiża sabiex wieħed iwassal għall-elettriku ta’ vultaġġ qawwi ħafna u ta’ vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitqassam lil klijenti finali jew lil distributuri, u min-naħa l-oħra li netwerk ta’ distribuzzjoni hija netwerk intiża li wieħed iwassal kurrent elettriku ta’ vultaġġ għoli, medju u baxx bil-ħsieb li dan jitqassam lil klijenti bl-ingrossa jew lil klijenti finali ( 8 ).

32.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fir-rigward tan-natura tan-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni u l-ammont ta’ elettriku trażmess minn dawn in-netwerks, il-vultaġġ ta’ dak l-elettriku biss jikkostitwixxi l-kriterju distintiv bejn it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni u l-kriterju rilevanti biex jiġi stabbilit jekk netwerk jikkostitwixxix netwerk ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva ( 9 ).

33.

Skont l-istess definizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, minflok, eskludiet ir-rilevanza ta’ kriterji oħra sabiex tiddetermina jekk netwerk jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72 jew le, bħad-data li fiha ġie stabbilit in-netwerk jew il-fatt li huwa maħsub għal skopijiet ta’ awtokonsum u operat minn entità privata, li magħha hemm konnessi numru limitat ta’ unitajiet ta’ produzzjoni u konsum jew id-dimensjoni tan-netwerk ( 10 ).

34.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li netwerks iwettqu l-funzjoni li jwasslu l-elettriku, minn naħa, b’vultaġġ għoli u għoli ħafna għall-iskop ta’ kunsinna lill-klijenti finali jew lid-distributuri jew, min-naħa l-oħra, b’vultaġġ għoli, medju u baxx għall-bejgħ lill-klijenti aħħarin, għandhom jitqiesu bħala “netwerks ta’ trażmissjoni” jew “netwerks ta’ distribuzzjoni” rispettivament li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72 ( 11 ).

35.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiċċara li, għalkemm id-Direttiva 2009/72 tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tagħha, u għalhekk għall-modi li bihom jistgħu jiksbu l-għanijiet stabbiliti minnha, madankollu, l-Istati Membri huma, fi kwalunkwe każ, obbligati li jiżguraw konformità mal-prinċipji u l-istruttura ta’ din id-direttiva fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Fi kliem ieħor, meta tiġi applikata d-Direttiva 2009/72, l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu mir-regolamenti ipprovduti minnha elementi jew aspetti li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tagħha, relatati mal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-settur tal-elettriku ( 12 ).

36.

Il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet dan il-prinċipju speċifikament fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni skont id-Direttiva 2009/72, u hija enfasizzat li l-Istati Membri ma jistgħux jattribwixxu netwerks li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72, lil kategorija ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni differenti minn dawk espressament ipprovduti f’din id-direttiva, sabiex jagħtuhom eżenzjonijiet mhux previsti minnha ( 13 ). Dan ir-raġunament huwa applikabbli mutatis mutandi għan-netwerks ta’ trażmissjoni ( 14 ).

37.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fir-rigward tan-netwerks tal-elettriku li jikkwalifikaw bħala netwerks ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/72, minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni li tħalli lill-Istati Membri, “żoni griżi” ma jistgħux jeżistu, jiġifieri netwerks li jistgħu jiġu deskritti bħala netwerks ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni skont id-Direttiva 2009/72, imma li, skont l-għażla tal-Istati Membri, ma humiex suġġetti għar-regolamentazzjoni prevista minnha.

38.

Fir-rigward speċifikament tal-aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament enfasizzat li l-aċċess liberu ta’ terzi għal netwerks bħal dawn, iggarantit mill-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 ( 15 ), jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ din id-direttiva ( 16 ), kif ukoll waħda mill-miżuri essenzjali li l-Istati Membri huma meħtieġa jimplimentaw biex jikkompletaw is-suq intern tal-elettriku ( 17 ).

39.

Fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju ta’ aċċess liberu għal netwerks ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni, il-marġni ta’ diskrezzjoni mħolli lill-Istati Membri mill-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72, skont l-Artikolu 288 TFUE, għal adozzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess ta’ terzi għal netwerks ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni, assolutament ma jawtorizzahomx jaħarbu minn dan il-prinċipju, ħlief għall-każijiet li fihom din id-direttiva tipprovdi għal eċċezzjonijiet jew derogi ( 18 ).

40.

L-aċċess ta’ terzi għal netwerks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni għandu, fi kwalunkwe każ, ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u trasparenti, kif ukoll fuq tariffi ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, u ma għandux ikun diskrezzjonali ( 19 ).

41.

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, minn naħa, ir-rabta mill-qrib bejn id-dritt ta’ aċċess u l-libertà ta’ għażla tal-konsumatur tal-fornituri u, min-naħa l-oħra, il-libertà korrispondenti ta’ kull fornitur li jipprovdi elettriku lill-klijenti tiegħu, libertajiet ta’ suq miftuħ kompletament. Fil-fatt, biex jiżguraw li l-klijenti eliġibbli jistgħu jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom, huma għandhom ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni li jġorru l-elettriku sal-klijent ( 20 ).

42.

Madankollu, l-għażla libera tal-fornitur ma hijiex direttament relatata mat-tip ta’ netwerk li magħha l-klijent huwa mqabbad. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddikjarat li din il-libertà tal-għażla hija ugwalment iggarantita kemm jekk il-fornitur iqabbad lill-konsumaturi ma’ netwerk ta’ trażmissjoni jew iqabbadhom ma’ netwerk ta’ distribuzzjoni ( 21 ).

43.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Istati Membri għandhom, madankollu, marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jidderiġu lill-utenti tan-netwerk lejn tali jew tali tip ieħor ta’ netwerk, madankollu sakemm huma jagħmlu dan għal raġunijiet li ma jkunux diskriminatorji u abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi ( 22 ). F’dan ir-rigward, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-importanza li l-klijenti l-kbar ma jitħallewx jaqbdu direttament man-netwerks ta’ trażmissjoni, bl-effett li jippermettu biss lil klijenti żgħar iġorru l-piż tal-ispejjeż tan-netwerks ta’ distribuzzjoni u, għalhekk, li jiżdiedu l-prezzijiet tal-elettriku, li jistgħu jiġġustifikaw l-obbligu ta’ konnessjoni bħala prijorità ma’ netwerk ta’ distribuzzjoni ( 23 ).

44.

Finalment, ta’ min jinnota wkoll li fis-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961) il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li netwerk ta’ distribuzzjoni magħluqa skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2009/72 ma hijiex, u ma tistax tkun, eżentata mill-obbligu ta’ aċċess liberu ta’ terzi previst fl-Artikolu 32(1) tal-istess direttiva ( 24 ).

45.

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li se ngħaddi biex nanalizza t-tliet domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

B.   Fuq id-domandi preliminari

1. Fuq l-ewwel domanda

46.

L-ewwel domanda preliminari hija maqsuma f’żewġ partijiet.

47.

Fl-ewwel parti, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-uniku kriterju distintiv bejn in-netwerk ta’ trażmissjoni u n-netwerk ta’ distribuzzjoni u, b’mod korrispondenti, bejn attivitajiet ta’ distribuzzjoni u attivitajiet ta’ trażmissjoni ta’ elettriku huwiex il-livell ta’ vultaġġ.

48.

Fit-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Istati Membri jistgħux jintroduċu jew le bħala kriterju ulterjuri għad-distinzjoni bejn l-attività (u netwerk) ta’ trażmissjoni u l-attività (u netwerk) ta’ distribuzzjoni l-proprjetà tal-beni użati għall-iskop tal-eżerċizzju tagħhom.

a) Fuq il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprovdu kriterji addizzjonali fir-rigward tal-vultaġġ biex jiddistingwu bejn in-netwerk ta’ trażmissjoni u n-netwerk ta’ distribuzzjoni

49.

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 30 sa 32 iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tas-sistema legali li għaliha n-netwerks tal-elettriku huma suġġetti mid-Direttiva 2009/72, din tipprovdi distinzjoni fundamentali bejn netwerk ta’ trażmissjoni u netwerk ta’ distribuzzjoni.

50.

Kif imsemmi f’dawn il-punti, id-Direttiva 2009/72 ma tiddefinixxix hija stess il-kunċetti ta’ netwerk ta’ trażmissjoni u ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet id-definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti mid-definizzjonijiet tal-attivitajiet ta’ “trażmissjoni” u ta’ “distribuzzjoni” li jinsabu fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, liema dispożizzjonijiet il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tagħhom.

51.

Mid-definizzjonijiet imsemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kunċetti ta’ netwerk ta’ trażmissjoni u netwerk ta’ distribuzzjoni għandhom it-tnejn natura oġġettiva, fis-sens li jirreferu għan-netwerk bħala tali u mhux għall-entità li toperahom, u t-tnejn huma bbażati fuq kriterju doppju: wieħed strettament oġġettiv, jiġifieri l-livell ta’ vultaġġ – vultaġġ għoli ħafna u għoli, għan-netwerk ta’ trażmissjoni, u vultaġġ għoli, medju u baxx, għan-netwerk ta’ distribuzzjoni – u l-ieħor funzjonali, li huwa konness mal-funzjoni mwettqa minn kull wieħed miż-żewġ tipi ta’ netwerks fl-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-sistema elettrika, jiġifieri t-twassil tal-elettriku, rispettivament, għall-kunsinna lill-klijenti finali jew lid-distributuri, għan-netwerk ta’ trażmissjoni, u għall-bejgħ lill-klijenti bejjiegħa bl-ingrossa jew klijenti finali għan-netwerk ta’ distribuzzjoni.

52.

Fir-rigward tal-ewwel kriterju, jiġifieri l-livell ta’ vultaġġ, kif imsemmi fil-punt 32 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonfermat għal darba oħra li, fir-rigward tan-natura tan-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni skont id-Direttiva 2009/72 u l-kwantità ta’ elettriku trażmess min-netwerks msemmija, il-vultaġġ ta’ dan l-elettriku biss jikkostitwixxi l-kriterju distintiv bejn it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni u, għalhekk, il-kriterju rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk netwerk jikkostitwixxix netwerk ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni skont dik id-direttiva.

53.

Fir-rigward, minflok, tat-tieni kriterju, dak funzjonali, ta’ min jinnota li ż-żewġ tipi ta’ netwerks jwettqu funzjonijiet differenti fl-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-settur tal-elettriku.

54.

Fil-fatt, in-netwerks ta’ trażmissjoni huma użati biex jittrażmettu l-elettriku fuq distanzi twal, minn impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku għall-postijiet ta’ użu. Dawn huma netwerks ta’ dimensjonijiet neċessarjament kbar, ġeneralment interkonnessi bejn Stati Membri differenti, li fuqhom l-elettriku jiġi trażmess b’vultaġġ għoli jew għoli ħafna sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun it-telf matul it-trażmissjoni.

55.

Iżda n-netwerks ta’ distribuzzjoni għandhom funzjoni differenti. Huma jservu biex iġibu l-elettriku lill-konsumaturi inġenerali għall-konsum tagħhom stess. Ġeneralment huma kkaratterizzati minn daqs iżgħar, tipikament żviluppat fil-livell lokali u b’mod mifrux biex jilħqu l-utenti jew l-utenti finali. Huma wkoll ikkaratterizzati minn livell ta’ vultaġġ iktar baxx minn dak tan-netwerk ta’ trażmissjoni, neċessarju kemm għal raġunijiet ta’ sigurtà, jiġifieri t-tnaqqis tar-riskju ta’ elettrokuzzjoni fil-viċinanza ta’ żoni abitati, kif ukoll biex ikunu jistgħu jitqabbdu man-netwerk l-utenti domestiċi finali u industrijali li ġeneralment għandhom konnessjonijiet rispettivament ta’ vultaġġ medju u baxx.

56.

In-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni huma interkonnessi ma’ xulxin fil-livell ta’ substazzjonijiet elettriċi li fihom l-elettriku li ġej min-netwerk ta trażmissjoni f’vultaġġ għoli ħafna jew għoli jiġi kkonvertit f’vultaġġ medju sabiex ikun jista’ jiġi ddistribwit permezz tan-netwerk ta’ distribuzzjoni. Dawn is-substazzjonijiet elettriċi huma l-punti ta’ interkonnessjoni bejn in-netwerks u ġeneralment fihom komponenti ta’ vultaġġ għoli, imsejħa s-sistema primarja, u komponenti ta’ vultaġġ medju u baxx, imsejħa s-sistema sekondarja.

57.

Huwa f’dan il-kuntest li huwa neċessarju li tingħata risposta għad-domanda li biha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2009/72 tippermettix jew le lill-Istati Membri li jintroduċu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ta’ traspożizzjoni, kriterji addizzjonali biex jiddistingwu bejn netwerk ta’ trażmissjoni u netwerk ta’ distribuzzjoni.

58.

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li l-kunċetti ta’ netwerk ta’ trażmissjoni u netwerk ta’ distribuzzjoni dedotti mill-Qorti tal-Ġustizzja mid-definizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 2009/72 ma jinvolvu l-ebda riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri u għandhom jinftiehmu bħala kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li, bħala tali, għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar u sabiex jiġi ggarantit li jitlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva nnifisha msemmijin fil-punti 24 sa 28 iktar ’il fuq.

59.

Fit-tieni lok, ninnota li huwa partikolarment importanti li ssir distinzjoni preċiża bejn l-attività (u n-netwerk) ta’ trażmissjoni u attività (u netwerk) ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku peress li d-Direttiva 2009/72 tipprovdi għal netwerks legali differenti għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni kif ukoll responsabbiltajiet differenti għall-operaturi tan-netwerks rispettivi. Dan ifisser ukoll li din id-distinzjoni għandha portata uniformi fl-Istati Membri kollha.

60.

Għalkemm, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, id-Direttiva 2009/72 ma tintroduċix armonizzazzjoni kompleta u eżawrjenti tal-aspetti kollha li tirregola ( 25 ) u, għalhekk, tħalli lill-Istati Membri marġini ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-iktar metodi xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet li hija tistabbilixxi, nemmen, madankollu, li hija tistabbilixxi ċerti kunċetti fundamentali li l-portata tagħhom għandha neċessarjament tkun uniformi sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet.

61.

Fost dawn il-kunċetti ċertament hemm dawk ta’ “trażmissjoni” u “distribuzzjoni” ta’ elettriku fis-sens tal-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq li minnha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet il-kunċetti ta’ netwerk ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni. Fil-fatt, dawn il-kunċetti għandhom rwol fundamentali fl-istruttura tad-direttiva nnifisha.

62.

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li d-Direttiva 2009/72 tipprovdi għal sistema koerenti li tikkonsisti f’kunċetti marbuta ma’ xulxin sabiex jinkisbu l-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni beħsiebu jsegwi bl-adozzjoni tagħha. F’dan il-kuntest, nikkunsidra li jekk l-Istati Membri jitħallew jagħmlu bidliet għal kunċetti bażiċi, bħal dawk ta’ “trażmissjoni” u “distribuzzjoni” li fuqhom hija bbażata n-netwerk tad-direttiva nnifisha, jiġri bħala konsegwenza li jkun hemm nuqqas ta’ omoġeneità fl-applikazzjoni ta’ dawn il-kunċetti bil-frammentazzjoni regolatorja konsegwenti li tipperikola l-kisba ta’ dawn l-għanijiet u b’mod partikolari, tal-għan fundamentali li jinħoloq suq intern tal-elettriku.

63.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena nikkunsidra li l-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-vultaġġ huwa l-kriterju distintiv bejn it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ elettriku u l-kriterju rilevanti, flimkien mal-funzjoni mwettqa min-netwerk inkwistjoni, biex jiġi stabbilit jekk netwerk jikkostitwixxix netwerk ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva.

64.

Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu kriterji addizzjonali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex jiddistingwu netwerk ta’ trażmissjoni minn netwerk ta’ distribuzzjoni. Minkejja dan, id-Direttiva 2009/72 tħalli ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri biex jiġu implimentati dawn il-kunċetti, sakemm l-għanijiet imfittxija mid-direttiva ma jiġux ippreġudikati, billi jiġu ddeterminati, pereżempju, il-limiti li jikkorrispondu għal-livelli differenti ta’ vultaġġ (għoli ħafna, għoli, medju u baxx).

65.

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mid-definizzjonijiet ta’ “operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni” u ta’ “operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni” msemmija fil-punti 4 u 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, li kemm l-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni kif ukoll l-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni jistgħu jkunu responsabbli għall-interkonnessjonijiet relattivi bejn in-netwerks. Minn din id-definizzjoni jirriżulta li d-Direttiva 2009/72 tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jiddeterminaw jekk il-punti ta’ interkonnessjoni bejn netwerks ta’ trażmissjoni u netwerks ta’ distribuzzjoni, bħalma huma s-substazzjonijiet tal-elettriku ta’ konverżjoni msemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq, humiex parti min-netwerk ta’ trażmissjoni jew dik ta’ distribuzzjoni.

2. Il-ħtieġa li l-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni jkun proprjetarju tal-beni użati biex iwettaq l-attività ta’ distribuzzjoni

66.

Jirriżulta mir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari, li jien ipproponejt fil-punti preċedenti, li peress li l-Istati Membri ma jistgħu jintroduċu l-ebda kriterju addizzjonali fir-rigward tal-vultaġġ u l-funzjoni biex jiddistingwu bejn netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, huwa neċessarju li tingħata risposta għat-tieni parti tal-istess domanda fis-sens li Stat Membru ma jistax jintroduċi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, bħala kriterju addizzjonali għad-distinzjoni bejn tali netwerks, il-proprjetà mill-operatur tal-beni użati għall-eżerċizzju tal-attività rispettiva.

67.

Madankollu, jiena nikkunsidra li t-tieni parti tal-ewwel domanda magħmula jistħoqqilha analiżi iktar iddettaljata.

68.

Fl-istruttura tad-Direttiva 2009/72, ir-rekwiżit li l-operatur ta’ netwerk ikun il-proprjetarju tal-beni użati għall-eżerċizzju tal-attivitajiet rispettivi, jiġifieri fundamentalment ikun is-sid tan-netwerk, ma huwiex ikkunsidrat bħala kriterju biex issir distinzjoni bejn attivitajiet ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni u, għalhekk, bejn iż-żewġ tipi ta’ netwerk. Dan ir-rekwiżit huwa, pjuttost, rekwiżit suġġettiv rigward is-sistema legali ta’ entitajiet li jistgħu jiġu kkunsidrati jew innominati bħala operaturi taż-żewġ tipi ta’ netwerks. Fil-fatt, dan jikkonċerna l-pożizzjoni legali tal-operatur tan-netwerk fir-rigward tal-beni użati għall-attività, u speċifikament fir-rigward tan-netwerk.

69.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2009/72 stess tipprovdi, fl-Artikolu 17(1)(a) bħala rekwiżit neċessarju għall-operatur indipendenti tan-netwerk ta’ trażmissjoni, li jkollu l-proprjetà tan-netwerk ta’ trażmissjoni u tal-beni l-oħra meħtieġa għall-attività ta’ trażmissjoni.

70.

Din id-dispożizzjoni hija parti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72 li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-eżistenza ta’ separazzjoni effettiva bejn l-attivitajiet ta’ provvista u produzzjoni mill-operazzjonijiet tan-netwerk ( 26 ).

71.

Id-Direttiva 2009/72 ma tistabbilixxix rekwiżit bħal dan għall-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni ( 27 ).

72.

Din sempliċement tipprovdi, fl-Artikolu 26(1) tagħha, li, jekk l-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni huwa parti minn impriża integrata vertikalment, ma hemm l-ebda “obbligu ta’ separazzjoni tal-proprjetà tal-assi tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni mill-impriża integrata vertikalment”, imma, skont it-termini tal-paragrafu 2(c) tal-istess artikolu, hemm bżonn biss li l-“operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni [jkollu] drittijiet deċiżjonali effettivi, li jkunu indipendenti mill-impriża tal-elettriku integrata, fir-rigward tal-assi meħtieġa biex iħaddem, iżomm jew jiżviluppa n-network”.

73.

F’dan il-kuntest, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali Bulgara, u b’mod partikolari l-Artikolu 88(1) taż-ZE, jipprovdi għar-rekwiżit li l-proprjetà tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tkun tal-operatur ta’ netwerk bħal dan, il-kwistjoni li tqum hija biex jiġi vverifikat jekk l-impożizzjoni ta’ tali rekwiżit hijiex konformi jew le mad-Direttiva 2009/72.

74.

F’dan ir-rigward, nikkunsidra li, bħala prinċipju, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li l-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni għandu jkun il-proprjetarju ta’ dik is-sistema ma hijiex fiha nfisha kuntrarja għall-iskop tad-Direttiva 2009/72. Tidher, b’mod astratt, li hija konformi mal-għanijiet segwiti minnha, peress li hija parti mil-loġika tat-tisħiħ tas-separazzjoni bejn il-livelli differenti ta’ attività fis-settur tal-elettriku. F’din il-perspettiva, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ dan it-tip testendi għall-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni rekwiżit diġà previst mid-direttiva nnifisha għall-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni.

75.

Jien għalhekk nikkunsidra li, bħala prinċipju, l-introduzzjoni f’regolament nazzjonali tar-rekwiżit li l-beni li bihom hija eżerċitata l-attività ta’ distribuzzjoni jkunu proprjetà tal-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni li d-Direttiva 2009/72 tħalli f’idejn l-Istati Membri għall-implimentazzjoni tagħha.

76.

Madankollu, huwa neċessarju li d-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ dan ir-rekwiżit suġġettiv min-naħa tal-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni ma tipperikolax, fil-prattika, it-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/72, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifikha każ b’każ.

77.

Jidhirli, f’dan ir-rigward, li huma rilevanti ċerti osservazzjonijiet.

78.

L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-punti 35 sa 37 iktar ’il fuq, in-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni għandhom ikunu suġġetti fl-intier tagħhom għas-sistema legali tad-direttiva. Għalhekk, ma jistax ikun hemm “żoni griżi”, jiġifieri partijiet min-netwerk tal-elettriku li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala netwerk ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni skont id-Direttiva 2009/72, imma li ma humiex suġġetti għas-sistema legali prevista mid-direttiva nnifisha. Id-Direttiva 2009/72 ma tipprovdix għal “tertium genus” fir-rigward tad-distinzjoni bejn in-netwerk ta’ trażmissjoni u n-netwerk ta’ distribuzzjoni u tippresupponi li n-netwerk tal-elettriku kollu huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet tagħha.

79.

Minn dan jirriżulta li, fil-każ li netwerk tal-elettriku jikkwalifika bħala netwerk ta’ distribuzzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji tal-vultaġġ u tal-funzjoni, imsemmija fil-punt 31 u 51 et seq iktar ’il fuq, għandu jkun suġġett għas-sistema legali prevista mid-Direttiva 2009/72 dwar id-distribuzzjoni, indipendentement mill-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ proprjetà addizzjonali, eventwalment previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

80.

Fil-fatt, jekk jiġi permess li partijiet tan-netwerk jitneħħew mir-regolamentazzjoni tad-Direttiva 2009/72, skont rekwiżiti addizzjonali eventwali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, dan jimmina s-sistema tad-Direttiva 2009/72 u jippreġudika l-għanijiet li hija ssegwi bħal, il-ħolqien tas-suq uniku tal-elettriku, l-aċċess liberu ta’ terzi u s-sigurtà tal-provvista.

81.

Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72 interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha huma, de jure, esklużi mill-kunċett ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni l-oġġetti u n-netwerks kollha li ma humiex proprjetà tad-distributur, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom bħala netwerk ta’ distribuzzjoni skont il-kriterji tad-Direttiva 2009/72. Minn dan isegwi li netwerk li sservi biex tibgħat elettriku ta’ vultaġġ għoli, medju u baxx għall-bejgħ lil klijenti bl-ingrossa jew lil konsumaturi finali tikkostitwixxi netwerk ta’ distribuzzjoni skont id-Direttiva 2009/72 u, għalhekk, hija suġġetta għad-dixxiplina prevista minnha, indipendentement minn jekk hijiex proprjetà tal-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni jew le.

82.

Fit-tieni lok, il-fatt li l-liġi tistabbilixxi r-rekwiżit li l-proprjetà tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tkun tal-operatur ta’ netwerk bħal din ma għandux jippreġudika l-għan essenzjali tad-Direttiva 2009/72 li jinħoloq suq kompletament miftuħ li fih tkun żgurata l-kompetizzjoni. B’mod iktar speċifiku, il-ħolqien ta’ rekwiżit bħal dan jista’ joħloq xorta ta’ ostaklu regolatorju għad-dħul fis-settur tad-distribuzzjoni ta’ elettriku, li jipperikola li jattribwixxi lill-proprjetarju tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tip ta’ monopolju dejjiemi de jure f’territorju partikolari.

83.

Fil-fatt, jekk il-proprjetà tan-netwerk ta’ distribuzzjoni hija rekwiżit neċessarju previst mil-liġi sabiex titwettaq attività ta’ distribuzzjoni f’żona partikolari, allura huwa biss il-proprjetarju ta’ tali netwerk li jista’ jiġi indikat bħala l-operatur tan-netwerk u jista’ ma jkunx hemm sejħiet għal offerti għall-għoti ta’ din l-operazzjoni, li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kompetizzjoni, tinvolvi riskji ta’ tnaqqis ta’ inċentivi biex tiżdied l-effiċjenza tan-netwerk innifsu għal-proprjetarju tan-netwerk.

84.

Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ konkretament fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni.

85.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż, fil-fehma tiegħi, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72 ma jipprekludux, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżit suġġettiv addizzjonali fuq l-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni li jkun il-proprjetarju ta’ netwerk bħal dan, sakemm l-applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit addizzjonali previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippreġudikax li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-direttiva nnifisha, ħaġa li effettivament hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi, każ b’każ.

C.   Fuq it-tielet domanda preliminari

86.

Permezz tat-tielet domanda preliminari, li fl-opinjoni tiegħi għandha tiġi analizzata qabel it-tieni waħda ( 28 ), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk humiex kompatibbli mad-Direttiva 2009/72 dispożizzjonijiet nazzjonali bħal, minn naħa, dawk imsemmija fil-punti 20 u 44 tal-Artikolu 1 tad-dispożizzjonijiet komplementari taż-ZE, li jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “netwerk ta’ trażmissjoni ta’ elettriku” u “trażmissjoni ta’ elettriku” u, min-naħa l-oħra, dik imsemmija fl-Artikolu 88(1), taż-ZE li jirriżerva għall-proprjetarju tan-netwerk ta’ distribuzzjoni l-attività ta’ distribuzzjoni u l-operazzjoni tan-netwerk stess.

87.

Ir-risposta għat-tielet domanda preliminari tirriżulta direttament mir-risposti li pproponejt għall-ewwel domanda.

88.

Fir-rigward tal-kompatibbiltà mad-Direttiva 2009/72 tad-dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk imsemmija fil-punti 20 u 44 tal-Artikolu 1 tad-dispożizzjonijiet kumplimentari taż-ZE, jirriżulta mill-punt 65 iktar ’il fuq li l-punti 4 u 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 iħallu f’idejn l-Istati Membri biex jikkunsidraw jekk il-punti ta’ interkonnessjoni bejn netwerks ta’ trażmissjoni u netwerks ta’ distribuzzjoni – bħalma huma s-substazzjonijiet tal-elettriku msemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq li jikkonvertu l-elettriku mill-vultaġġ għoli ħafna jew għoli f’vultaġġ medju – huma parti min-netwerk ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni. Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 2009/72 ma tipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu li n-netwerk ta’ trażmissjoni ta’ elettriku tinkludi sett ta’ linji tal-elettriku u impjanti tal-elettriku intiżi għat-trażmissjoni tal-elettriku u għall-konverżjoni tal-elettriku minn vultaġġ għoli għal wieħed medju ( 29 ).

89.

Fir-rigward tal-kompatibbiltà mad-Direttiva 2009/72 ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali bħal dik imsemmija fl-Artikolu 88(1) taż-ZE, dan jista’ jiġi dedott faċilment mill-punt 85 preċedenti.

D.   Fuq it-tieni domanda preliminari

90.

Bit-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li konsumatur tal-elettriku, imqabbad man-netwerk tal-elettriku f’livell ta’ vultaġġ medju, għandux dejjem jiġi kkunsidrat bħala klijent tal-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni li jkollu liċenzja għaż-żona korrispondenti, indipendentement mill-proprjetarju tat-tagħmir li miegħu dak il-klijent huwa direttament imqabbad, u dan anki jekk il-klijent ikun ikkonkluda akkordji direttament mal-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni.

91.

Din id-domanda preliminari tqum f’sitwazzjoni fattwali fejn linja tal-elettriku ta’ vultaġġ medju li tgħaqqad lill-klijent man-netwerk tal-elettriku (il-linja “Novo pristanishte” li tirrigwarda l-konċessjoni tal-BMF) tkun imqabbda mal-apparat ta’ vultaġġ medju ta’ substazzjon tal-elettriku ta’ konverżjoni li jkun il-proprjetà tal-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni (is-substazzjon “Ribari” proprjetà ta’ ESO).

92.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal din, il-fatt li l-konnessjoni sseħħ fil-livell ta’ vultaġġ medju ma jimplikax neċessarjament minnu nnifsu li l-klijent inkwistjoni huwa mqabbad man-netwerk ta’ distribuzzjoni.

93.

Fil-fatt, mill-punt 56 iktar ’il fuq jirriżulta li huwa possibbli li l-konnessjoni tal-klijent isseħħ fil-livell ta’ apparat ta’ vultaġġ medju li huwa parti minn substazzjon tal-elettriku. Fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, li kif iddikjarat fil-punti 65 u 88 iktar ’il fuq għandu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, dan is-substazzjon tal-elettriku jista’ jifforma parti min-netwerk ta’ trażmissjoni.

94.

F’tali każ il-klijent, minkejja li jkun imqabbad man-netwerk tal-elettriku f’livell ta’ vultaġġ medju, ikun konness direttament man-netwerk ta’ trażmissjoni li għalih ikollu, skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/72, id-dritt għal aċċess liberu, f’konformità mal-kriterji indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mfakkra fil-punti 38 sa 43 iktar ’il fuq. F’dan il-każ, is-servizzi tan-netwerk jiġu pprovduti lil dan il-klijent mill-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni.

95.

Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk hawnhekk dan huwiex il-każ. B’mod iktar speċifiku, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-apparat ta’ vultaġġ medju mqabbad mal-linja “Novo pristanishte” jikkostitwixxix element ta’ vultaġġ medju intern tas-substazzjon “Ribari” (li huwa parti mis-sistema sekondarja ta’ din is-substazzjoni), li jidher li hu l-każ abbażi tad-deskrizzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju nnifisha fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, jew jekk dak l-apparat jikkostitwixxi, minflok, element estern għas-sistema ta’ konverżjoni tas-substazzjon “Ribari”, li strutturalment hija parti min-netwerk ta’ distribuzzjoni.

96.

Fl-ewwel każ, il-klijent ikun imqabbad, għalkemm fil-livell tal-vultaġġ medju, direttament man-netwerk ta’ trażmissjoni u s-servizzi tan-netwerk jiġu pprovduti mill-operatur ta’ tali netwerk u għalhekk ikun klijent ta’ dan l-operatur. Fit-tieni każ, viċe versa, l-utent ikun imqabbad man-netwerk ta’ distribuzzjoni f’liema każ is-servizzi tan-netwerk jiġu pprovduti mill-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni li tiegħu għandu jkun ikkunsidrat bħala klijent, indipendentement mill-proprjetarju tal-apparat li miegħu huwa mqabbad il-klijent.

97.

Fl-aħħar nett, jiena nikkunsidra li huwa opportun nosserva wkoll, fir-rigward tal-linja tal-elettriku ta’ vultaġġ medju “Novo pristanishte”, li t-talba għal deċiżjoni preliminari turi li hija użata esklużivament biex tipprovdi elettriku lil BMF. Kieku dan ma kienx il-każ ( 30 ), ikun hemm il-problema ta’ klassifikazzjoni eventwali tal-istess bħala netwerk ta’ distribuzzjoni magħluqa skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2009/72, jekk jeżistu r-rekwiżiti għal tali klassifikazzjoni, jew eventwalment sempliċement bħala netwerk ta’ distribuzzjoni. Fi kwalunkwe każ, mill-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 35 sa 37 u 78 sa 81 iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-każ li din il-linja ta’ vultaġġ medju ntużat għall-provvista ta’ klijenti differenti minn BMF, u li tiġi kklassifikata bħala netwerk ta’ distribuzzjoni, fl-ebda każ ma tista’ titneħħa mir-regolamentazzjoni prevista mid-Direttiva 2009/72.

98.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula fis-sens li tirriżulta minn interpretazzjoni tal-punti 3, 4, 5 u 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 li konsumatur tal-elettriku, imqabbad man-netwerk tal-elettriku f’livell ta’ vultaġġ medju, mhux neċessarjament dejjem għandu jitqies bħala klijent tal-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni li jkollu liċenzja għaż-żona korrispondenti, imma hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, wara li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tad-dritt u l-fatti rilevanti, jekk dan il-klijent ikunx imqabbad ma’ substazzjon tal-elettriku li huwa parti min-netwerk ta’ trażmissjoni jew jekk ikunx imqabbad man-netwerk ta’ distribuzzjoni, u dan indipendentement mill-proprjetarju tal-apparat li miegħu l-klijent huwa mqabbad. Fl-ewwel każ, dan il-konsumatur għandu jiġi kkunsidrat bħala klijent tal-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni, filwaqt li fit-tieni każ huwa għandu jkun ikkunsidrat bħala klijent tal-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni.

IV. Konklużjoni

99.

Għar-raġunijiet kollha esposti iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Administrativen Sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) bil-mod li ġej:

1)

Il-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-vultaġġ tal-elettriku jikkostitwixxi l-kriterju distintiv bejn it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ elettriku u l-kriterju rilevanti, flimkien mal-funzjoni mwettqa min-netwerk ikkonċernat, biex jiġi stabbilit jekk netwerk jikkostitwixxix netwerk ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni fit-tifsira ta’ din id-direttiva. Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu kriterji addizzjonali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex jiddistingwu netwerk ta’ trażmissjoni minn netwerk ta’ distribuzzjoni. Minkejja dan, id-Direttiva 2009/72 tħalli ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri biex jiġu implimentati dawn il-kunċetti, sakemm l-għanijiet imfittxija mid-direttiva ma jiġux ippreġudikati, billi jiġu ddeterminati, pereżempju, il-limiti li jikkorrispondu għal-livelli differenti ta’ vultaġġ (għoli ħafna, għoli, medju u baxx). Skont il-punti 4 u 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, l-Istati Membri huma wkoll ħielsa li jiddeterminaw jekk il-punti ta’ interkonnessjoni bejn netwerks ta’ trażmissjoni u netwerks ta’ distribuzzjoni, bħalma huma s-substazzjonijiet tal-elettriku ta’ konverżjoni, humiex parti min-netwerk ta’ trażmissjoni jew min-netwerk ta’ distribuzzjoni.

2)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72 ma jipprekludux, bħala prinċipju, dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għal rekwiżit suġġettiv addizzjonali fuq l-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni li jkun proprjetarju ta’ dan in-netwerk, sakemm l-applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit addizzjonali previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-fatt ma tippreġudikax il-kisba tal-għanijiet imfittxija mid-direttiva nnifisha, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi każ b’każ.

3)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72 ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu li n-netwerk ta’ trażmissjoni ta’ elettriku tinkludi sett ta’ linji tal-elettriku u impjanti tal-elettriku intiżi għat-trażmissjonia tal-elettriku u għall-konverżjoni tal-elettriku minn vultaġġ għoli għal wieħed medju.

4)

Il-punti 3, 4, 5 u 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li konsumatur tal-elettriku, imqabbad man-netwerk tal-elettriku f’livell ta’ vultaġġ medju, mhux neċessarjament dejjem għandu jitqies klijent tal-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni li jkollu liċenzja għaż-żona korrispondenti, imma hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, wara li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tad-dritt u l-fatti rilevanti, jekk dan il-klijent ikunx imqabbad ma’ substazzjon tal-elettriku li huwa parti min-netwerk ta’ trażmissjoni jew jekk ikunx imqabbad man-netwerk ta’ distribuzzjoni, u dan indipendentement mill-proprjetarju tal-apparat li miegħu l-klijent huwa mqabbad. Fl-ewwel każ, dan il-konsumatur għandu jiġi kkunsidrat bħala klijent tal-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni, filwaqt li fit-tieni każ huwa għandu jkun ikkunsidrat bħala klijent tal-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) ĠU 2009, L 211, p. 55.

( 3 ) Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-istabbilimenti ta’ BMF fil-port ta’ Burgas huma wkoll imqabbdin man-netwerk tal-elettriku permezz ta’ żewġ linji oħra: il-linja “Komi” u l-linja tal-elettriku “Parova tsentrala” (“impjanti bil-fwar”). Madankollu, dawn iż-żewġ linji tal-elettriku ma humiex rilevanti fit-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

( 4 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 27). Fit‑30 ta’ Novembru 2016 il-Kummissjoni ppubblikat proposta ta’ riformulazzjoni tad-Direttiva (ara COM(2016) 864 final (rettifika tal-verżjoni Taljana tal‑20 ta’ April 2017 COM(2016) 864 final/2).

( 5 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 55).

( 6 ) F’dan ir-rigward, ara, b’riferiment għad-Direttiva 2003/54/KE preċedenti, is-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298, punti 40 sa 44) u tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et (C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 31).

( 7 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 28) u, b’analoġija, tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 45).

( 8 ) Ara fir-rigward tad-Direttiva 2003/54, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 46). Ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 29).

( 9 ) Ibid, rispettivament, il-punt 48 u l-punt 30.

( 10 ) Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punti 3135).

( 11 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 37).

( 12 ) Dan il-prinċipju huwa dedott b’mod ċar mis-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298, punti 44, 4955), kif ukoll tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punti 4851) dwar l-aċċess tat-terzi u l-kategorizzazzjoni tan-netwerks tal-elettriku previsti mid-Direttiva. F’dan ir-rigward, ara wkoll b’mod partikolari n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25.

( 13 ) Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 48).

( 14 ) Ara f’dan ir-rigward, b’riferiment għad-Direttiva 2003/54, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 49 in fine).

( 15 ) L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Aċċess minn parti terza”, jipprovdi fil-paragrafu 1 li “L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess għal terzi parti għas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni bbażat fuq tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti eliġibbli kollha u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema.”

( 16 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et (C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 46).

( 17 ) Ara, fl-aħħar nett, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 56).

( 19 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et (C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 46)

( 20 ) Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 43), u tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 55).

( 21 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et (C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 43) u l-punt 41 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott dwar l-istess kawża (EU:C:2008:344).

( 22 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et (C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 47).

( 23 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Sabatauskas et (C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 48).

( 24 ) Punt 59.

( 25 ) Għal evalwazzjoni dwar jekk l-armonizzazzjoni introdotta mid-Direttiva 2009/72 hijiex eżawrjenti jew le, ara, b’analoġija, il-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-punti 28 et seq tal-konklużjonijiet fil-kawża FENS (C‑305/17, EU:C:2018:536). F’dan ir-rigward ara wkoll il-punti 23 et seq tas-sentenza relattiva tas‑6 ta’ Diċembru 2018, FENS (C‑305/17, EU:C:2018:986) kif ukoll il-punt 50 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Renerga (C‑238/17, EU:C:2018:571).

( 26 ) F’dan ir-rigward ara l-premessa 11 tad-Direttiva 2009/72.

( 27 ) Din l-għażla mil-leġiżlatur hija dovuta għall-fatt li, kif jidher mill-premessa 26 tad-Direttiva 2009/72, fuq il-livell tan-netwerk ta’ distribuzzjoni r-riskju ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tal-aċċess tat-terzi u l-investimenti huwa inqas kbir fir-rigward tan-netwerk ta’ trażmissjoni.

( 28 ) Il-qorti tar-rinviju titlob li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari u tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari. Madankollu, minħabba r-risposti li nipproponi għall-ewwel domanda, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, fl-opinjoni tiegħi, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi kollha magħmula minn din il-qorti.

( 29 ) Fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex neċessarju li tittieħed pożizzjoni fuq l-element, previst fil-punt 20 tal-Artikolu 1 tad-dispożizzjonijiet komplementari taż-ZE dwar id-distribuzzjoni mill-ġdid tal-fluss ta’ elettriku, li jidher li jmur lil hinn mill-kwistjonijiet li jqumu quddiem il-qorti tar-rinviju.

( 30 ) Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn BMF quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex ċar jekk utent ieħor (Pristanishte Burgas EAD) jirċevix l-elettriku permezz tal-istess linja.

Top