6.11.2017
|
MT
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
|
C 374/49
|
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2017 – Jinan Meide Casting vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-650/17)
(2017/C 374/74)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Jinan Meide Casting Co. Ltd (Jinan, iċ-Ċina) (rappreżentanti: R. Antonini, E. Monard u B. Maniatis, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
|
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1146, tat-28 ta’ Ġunju 2017, li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, manifatturati minn Jinan Meide Castings Co., Ltd; u
|
—
|
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.
|
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
|
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Bażiku (1), minħabba li ttieħdu bħala bażi (i) il-volum ta’ bejgħ baxx barra mill-attività normali tal-kummerċ u (ii) id-data inaffidabbli dwar il-kost sabiex jiġi eskluż arbitrajrament ċertu bejgħ.
Ir-rikorrenti ssostni li d-determinazzjoni tal-valur normali li saret mill-Kummissjoni tikser l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Bażiku għal żewġ raġunijiet.
—
|
L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-determinazzjoni tal-valur normali huwa vvizzjat bl-inklużjoni tal-bejgħ ta’ numri ta’ kontroll tal-prodotti (“PCNs”) li kienu mibjugħa f’volumi żgħar ħafna mill-manifattur tal-pajjiż analogu. Ir-rikorrenti ssostni li hija wriet li l-prezzijiet ta’ bejgħ b’volum tant baxx ma kinux affidabbli u kkawżaw determinazzjoni irraġonevoli tal-valur normali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-bejgħ tal-volum baxx ma jirriflettix aġir normali min-naħa tax-xerrejja u jirriżulta minn sekwenzi normali ta’ stabbiliment ta’ prezzijiet, u konsegwentement ma jaqgħux taħt l-attività kummerċjali normali; għaldaqstant ma jippermettux paragun korrett. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni enfasizzat li wettqet evalwazzjoni tal-attività kummerċjali normali, iżda naqset milli tindirizza dak espost iktar ’il fuq.
|
—
|
It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kisbitx data tal-kost affidabbli mill-PCN mill-manifattur tal-pajjiż analogu. Ir-rikorrenti ssostni li għalhekk, il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija sabiex tikkalkola tali data tal-kost speċifikament għall-PCN, iżda li fir-realtà, din il-metodoloġija kienet sempliċement preżunzjoni li t-tranżazzjonijiet kollha li kellhom prezz inqas minn 91,14 % tal-prezz medju ma kinux profitabbli, minflok ma evalwat il-profitabbiltà permezz ta’ PCN bi PCN. Ir-rikorrenti ssostni li tali assunzjoni ġenerali hija kompletament irraġonevoli, u twassal għal esklużjoni arbitrarja tat-tranżazzjonijiet tal-bejgħ u għal żieda inġustifikata tal-valur normali. Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-affidabbiltà fuq tali metodoloġija u data inaffidabbli sabiex bejgħ bi prezz iktar baxx jiġi eskluż mid-determinazzjoni tal-valur normali għad-detriment tagħha tikser l-Artikolu 2(7)(a).
|
|
2.
|
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament Bażiku, tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim AntiDumping tad-WTO u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li ġew miċħuda l-aġġustamenti tal-livell ta’ kummerċ, il-kundizzjonijiet ta’ kreditu, il-kost tal-imballaġġ u d-differenzi fil-materja prima u fil-produttività kif ukoll peress li ġie impost oneru ta’ prova irraġonevoli fuq ir-rikorrenti.
—
|
Skont ir-rikorrenti, il-bejgħ kollu tagħha sar lil utenti finali filwaqt li l-manifattur tal-pajjiż analogu biegħ kemm lil utenti finali kif ukoll lil kummerċjanti. Ir-rikorrenti ssostni li hija pproduċiet diversi provi li juru li kien hemm differenza konsistenti fl-ipprezzar u li minkejja dan, il-Kummissjoni ċaħdet l-aġġustament rikjest għad-differenzi fil-livell tal-kummerċ.
|
—
|
Ir-rikorrenti tesponi li l-Kummissjoni, barra minn hekk, irrifjutat li tirrevedi l-kalkolu tal-aġġustament tal-kost tal-imballaġġ, minkejja li r-rikorrenti pproduċiet provi li l-valur tal-aġġustament kien żbaljat minħabba l-użu ta’ kriterju ta’ allokazzjoni skorrett. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għalhekk kisret l-obbligi tagħha billi imputat il-kost totali tal-imballaġġ fuq il-fatturat totali pjuttost milli fuq il-fatturat tal-prodotti mmanifatturati mill-manifattur tal-pajjiż analogu.
|
—
|
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni rrifjutat li tagħmel aġġustament għall-kostijiet tal-kreditu għall-parti l-kbira tal-bejgħ tal-manifattur tal-pajjiż analogu. Skont ir-rikorrenti, hija wriet li l-provi kienu jikkontradixxu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li kienet wasslitha sabiex ma tagħmilx tali aġġustament, u minflok siltet il-konklużjonijiet korretti dwar il-bżonn li jsiru aġġustamenti għall-kundizzjonijiet ta’ kreditu, il-Kummissjoni għamlet aġġustament għal konsumatur wieħed speċifiku bi ksur tal-obbligi tagħha.
|
—
|
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li kien hemm differenzi bejn il-materja prima użata u l-produttività tal-manifattur tal-pajjiż analogu u tar-rikorrenti, iżda rrifjutat li tagħmel aġġustamenti għal dawn id-differenzi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fost l-oħrajn, ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dikjrazzjonijiet tal-manifattur tal-pajjiż analogu nnifsu li kienu jattestaw li dawn id-differenzi jeżistu u kellhom impatt fuq il-paragunabbiltà tal-prezzijiet.
|
—
|
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, barra minn hekk, imponiet oneru ta’ prova irraġonevoli fuq Jinan bi ksur tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Bażiku, tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim AntiDumping u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fir-rigward ta’ kull wieħed mill-aġġustamenti mitluba indirizzati iktar ’il fuq.
|
|
3.
|
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 2(7)(a), 2(10), 2(10)(a) u 2(11) tar-Regolament Bażiku minħabba d-determinazzjoni tal-marġni dumping fir-rigward ta’ tipi ta’ prodotti mhux korrispondenti.
—
|
Ir-rikorrenti ssostni li billi ddeterminat il-valur normali ta’ tipi ta’ prodotti mhux korrispondenti fuq il-bażi tal-valur normali medju aġġustat bil-valur tad-differenzi tal-prodotti li ġie ddeterminat abbażi tad-differenza bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni applikati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni adottat metodoloġija irraġonevoli sabiex tiddetermina l-valur normali, bi ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Bażiku. Skont ir-rikorrenti, dan huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-valur tas-suq tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiku huwa rifless fil-prezzijiet tal-esportazzjoni, filwaqt li fir-realtà il-prezzijiet tal-esportazzjoni tat-tipi ta’ prodotti korrispondenti użati bħala referenza jirriflettu, abbażi tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, minn tal-inqas parzjalment, id-dumping. Skont ir-rikorrenti, il-metodoloġija tinkorpora l-preżunzjoni li l-esportazzjonijiet tat-tipi ta’ prodotti mhux korrispondenti inkwistjoni għandhom prezz li huwa suġġett għad-dumping bl-istess marġni li ġie kkonstatat fir-rigward tat-tipi ta’ prodotti korrispondenti. Ir-rikorrenti tqis li din il-preżunzjoni hija irraġonevoli u ma tistax tiġi vverifikata.
|
—
|
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li billi adottat metodoloġija li tirriżulta fi preżunzjoni ta’ dumping għal tipi ta’ prodotti mhux korrispondenti fuq l-istess livell bħal dawk ta’ tipi ta’ prodotti korrispondenti, il-marġni dumping miksub ma jirriflettix l-iskala sħiħa ta’ dumping applikat, kuntrarjament għall-Artikolu 2(11) tar-Regolament Bażiku.
|
|
4.
|
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 3(1), 3(2) u 3(3) tar-Regolament Bażiku peress li ttieħdet bħala bażi data ta’ importazzjoni impreċiża, jew fuq ksur tal-Artikoli 3, 9(4) u 9(5) tar-Regolament Bażiku minħabba l-impożizzjoni ta’ dazji fir-rigward tar-rikorrenti mingħajr ebda konstatazzjoni ta’ ħsara jew rabta kawżali.
—
|
Sakemm il-Qorti Ġenerali ma tqisx li r-regolament ikkontestat jinkorpora l-konstatazzjoni ta’ ħsara u ta’ rabta kawżali inklużi fir-regolament annullat (2), permezz ta’ riferiment, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-annullament tar-regolament annullat fl-intier tiegħu fir-rigward tar-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet mir-rikorrenti mingħajr kunsiderazzjoni għar-rekwiżiti stabbiliti fir-rigward ta’ elementi oħra għajr id-dumping. Skont ir-rikorrenti, dan iwassal, fost l-oħrajn, għal ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Bażiku, peress li ġie impost dazju antidumping definittiv mingħajr konstatazzjoni ta’ ħsara jew rabta kawżali. Ir-rikorrenti ssostni li fin-nuqqas ta’ konstatazzjonijiet ta’ ħsara f’regolament fis-seħħ fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 3 tar-Regolament Bażiku li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ħsara. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li ma hemmx motivazzjoni.
|
—
|
Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 3(1), 3(2) u 3(3) tar-Regolament Bażiku sa fejn ibbażat ruħha fuq data tal-importazzjoni skorretta. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, għall-konstatazzjoni ta’ ħsara, tqieset bħala affidabbli d-data tal-importazzjoni li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, kienet ċertament tinkludi importazzjonijiet ta’ prodotti li ma jistgħux jitqiesu bħala l-prodott ikkonċernat. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, madankollu, naqset milli tieħu l-passi neċessarji sabiex tivverifika l-eżattezza tad-data tal-importazzjoni u tikkorreġiha billi teskludi importazzjonijiet ta’ prodotti li ma jistgħux jitqiesu li huma l-prodott ikkonċernat. Ir-rikorrenti tikkonkludi li, bħala konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 3(1), 3(2) u 3(3) tar-Regolament Bażiku.
|
|
5.
|
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE u tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Bażiku tal-2009 peress li kellu jkun il-Kunsill li jeżegwixxi s-sentenza u mhux il-Kummissjoni.
Skont ir-rikorrenti, il-proċedura prevista fir-Regolament Bażiku tal-2009, li kif irrikonoxxut mill-Kummissjoni stess, kien il-liġi applikabbli għall-investigazzjoni l-ġdida, teżiġi impożizzjoni mill-Kunsill li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-kumitat konsultattiv. Ir-rikorrenti ssostni li din il-proċedura ma kinitx segwita u li għalhekk, ir-regolament ikkontestat kien adottat bi ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Bażiku tal-2009 u tal-Artikolu 266 TFUE li jeżiġi li l-istituzzjoni, li l-att tagħha jkun ġie annullat, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha.
|
(1) Referenzi għar-Regolament Bażiku jitqiesu li jirreferu, prinċipalment, għar-Regolament Bażiku tal-2009 (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, ĠU 2009 L 343, p. 51) u sussidjarjament, għad-dispożizzjoni korrispondenti tar-Regolament Bażiku tal-2016 (Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU 2016, L 176, p. 21).
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013, tat-13 ta’ Mejju 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-Indoneżja (ĠU 2013, L 129, p. 1)